Brussell, 9.12.2020

COM(2020) 795 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE EUROPEAN COUNCIL, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS

Aġenda kontra t-Terroriżmu għall-UE: Antiċipazzjoni, Prevenzjoni, Protezzjoni, Rispons


I.    Introduzzjoni

L-Unjoni Ewropea hija spazju uniku ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, fejn kull persuna jeħtiġilha tkun tista’ jkollha fiduċja li l-libertà u s-sigurtà tagħha jiġu ggarantiti u mħarsa sew. Id-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali b’mod partikolari d-dritt għall-privatezza, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tar-reliġjon u r-rispett għad-diversità huma l-pedament tal-Unjoni tagħna.

Il-mewġa ta' attakki reċenti fuq it-territorju Ewropew servew bħala tfakkira qawwija li t-terroriżmu għadu periklu reali u preżenti. Hekk kif tevolvi din it-theddida, hekk ukoll trid tevolvi l-kooperazzjoni tagħna biex tiġi miġġielda. In-natura transnazzjonali tan-networks terroristiċi teħtieġ approċċ kollettiv b’saħħtu fil-livell tal-UE, wieħed li jissalvagwardja u jsostni s-soċjetà pluralistika tagħna, il-valuri komuni tagħna u l-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna. Iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jħossuhom sikuri fid-djar u fit-toroq tagħhom stess, kif ukoll fuq l-internet. L-UE għandha rwol ewlieni x’taqdi biex tgħin twassal din is-sigurtà.

Dan huwa aktar u aktar akut minħabba li l-UE għadha fuq allert ta’ terroriżmu għoli. It-theddida ġiħadista minn, jew ispirata minn Daesh, l-Al-Qaeda u l-affiljati tagħhom tippersisti 1 . It-theddid minn estremisti vjolenti tal-lemin u tax-xellug qed jiżdied. In-natura tal-attakki qed tinbidel ukoll. Il-maġġoranza l-kbira tal-attakki reċenti twettqu minn individwi li jaġixxu waħedhom – ħafna drabi bi tħejjija limitata u b’armi li huma faċilment disponibbli – li jimmiraw fuq spazji ffullati ħafna jew simboliċi ħafna. Filwaqt li l-attakki ta’ attur wieħed x’aktarx jibqgħu prevalenti, ma jistgħux jiġu esklużi attakki aktar sofistikati. Jeħtieġ ukoll li l-UE tkun imħejjija għat-theddid minn teknoloġiji ġodda u emerġenti, bħall-użu malizzjuż ta’ droni, intelliġenza artifiċjali u materjal kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari. Il-firxa ta’ ideoloġiji radikali u ta’ materjal ta’ gwida għat-terroriżmu taċċellera permezz tal-użu tal-propaganda online, bl-użu tal-midja soċjali li spiss issir parti integrali mill-attakk innifsu.

Matul dawn l-aħħar għoxrin sena, il-kooperazzjoni Ewropea fil-ġlieda kontra t-terroriżmu avvanzat b’mod kostanti u tejbet il-kapaċità tal-Istati Membri li jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini tagħhom. Għandna networks estensivi ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni, appoġġati minn bażijiet ta’ data tal-UE li huma dejjem aktar interoperabbli kif ukoll kooperazzjoni msaħħa tal-pulizija u dik ġudizzjarja. Dan jgħinna nifhmu s-sitwazzjoni bejn il-fruntieri. Aħna armajna lilna nfusna wkoll b’għodod b’saħħithom biex inċaħħdu lit-terroristi l-mezzi biex jaġixxu, bħal fl-oqsma tal-armi tan-nar, il-prekursuri tal-isplussivi, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalizzazzjoni tal-ivvjaġġar għal skopijiet terroristiċi. Is-sitwazzjoni attwali ta’ dawn l-isforzi hija stabbilita fir-rapport ta’ progress tal-Unjoni tas-Sigurtà 2 . Madankollu, jeħtieġ li nirduppjaw il-ħidma kollettiva tagħna, b’mod partikolari biex niġġieldu l-ideoloġiji estremisti u nipproteġu aħjar l-ispazji pubbliċi li huma fil-mira tat-terroristi. Jeħtiġilna wkoll negħlbu d-dikotomija falza bejn l-ispazju online u offline, biex l-ambjenti ta’ sigurtà rispettivi jinġiebu f’konformità, u biex l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji jiġu mgħammra bil-mezzi biex jinfurzaw il-liġi fit-tnejn li huma.

Din l-Aġenda l-ġdida Kontra t-Terroriżmu, imħabbra fl-Istrateġija tal-UE tas-Sigurtà tal-Unjoni 3 , tiġbor flimkien il-linji eżistenti u ġodda ta’ ħidma f’approċċ konġunt għall-ġlieda kontra t-terroriżmu. Dan l-approċċ se jitressaq b’koordinazzjoni mal-Istati Membri, filwaqt li ssir ħidma mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill 4 , u wkoll billi tiġi involuta s-soċjetà kollha kemm hi: iċ-ċittadini, il-komunitajiet, il-gruppi ta’ fidi, is-soċjetà ċivili, ir-riċerkaturi, in-negozji u s-sħab privati. L-Aġenda tibni fuq dak li nkiseb matul l-aħħar snin u tistabbilixxi sensiela ta’ azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-livell nazzjonali, tal-UE u internazzjonali f’erba’ oqsma:

L-ewwel, jeħtieġ li nkunu kapaċi nantiċipaw aħjar it-theddid eżistenti u emerġenti fl-Ewropa. Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-kultura ta’ kooperazzjoni li hija multidixxiplinari u ta’ bosta livelli jibqgħu fundamentali għal valutazzjoni solida tat-theddid li tista’ tifforma l-bażi ta’ politika kontra t-terroriżmu li tkun valida għall-futur.

It-tieni, jeħtieġ li naħdmu biex nipprevjenu li jseħħu l-attakki, billi nindirizzaw u niġġieldu aħjar ir-radikalizzazzjoni u l-ideoloġiji estremisti qabel ma jiġu stabbiliti, billi niċċaraw li r-rispett għall-istil tal-ħajja Ewropew, il-valuri demokratiċi tiegħu u kulma jirrappreżenta mhuwiex fakultattiv. Din l-Aġenda tistabbilixxi modi ta’ appoġġ għall-atturi lokali u l-bini ta’ komunitajiet aktar reżiljenti bħala kwistjoni ta’ prijorità, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, filwaqt li jitqies li xi attakki twettqu wkoll minn Ewropej, imrobbija fis-soċjetajiet tagħna, li ġew radikalizzati mingħajr qatt ma żaru żona ta’ konflitt.

It-tielet, biex nipproteġu b’mod effettiv lill-Ewropej, jeħtieġ li nkomplu nnaqqsu l-vulnerabbiltajiet, kemm jekk fl-ispazji pubbliċi kif ukoll għall-infrastrutturi kritiċi li huma essenzjali għall-funzjonament tas-soċjetajiet u l-ekonomija tagħna. Huwa essenzjali li tiġi mmodernizzata l-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE permezz ta’ sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fuq skala kbira ġodda u aġġornati, b’appoġġ imsaħħaħ mill-Frontex u l-eu-LISA, u li jiġu żgurati kontrolli sistematiċi fil-fruntieri esterni tal-UE. Dan huwa meħtieġ biex jitneħħa dak li kieku kien ikun nuqqas ta’ sigurtà fir-rigward tar-ritorn ta’ ġellieda terroristi barranin.

Ir-raba’, biex nirrispondu għall-attakki meta jseħħu, jeħtieġ li nagħmlu l-aħjar użu mill-appoġġ operazzjonali li jistgħu joffru l-Aġenziji tal-UE, bħall-Europol u l-Eurojust, minbarra li niżguraw li jkollna l-qafas legali t-tajjeb biex l-awturi jitressqu quddiem il-ġustizzja u biex niggarantixxu li l-vittmi jingħataw l-appoġġ u l-protezzjoni li jeħtieġu.

5 6 Abbażi ta’ dan l-approċċ hemm il-ħtieġa li tibqa’ ssir enfasi bla heda fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar. Biex jitgawdew il-benefiċċji tal-armonizzazzjoni u l-kooperazzjoni madwar l-UE kollha, huwa ta’ importanza fundamentali li ma jkunx hemm nuqqasijiet jew dewmien fil-mod kif jiġu applikati strumenti ewlenin, bħad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, id-Direttiva dwar l-Armi tan-nar u l-qafas legali dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. 

Fl-aħħar nett, l-involviment internazzjonali fl-erba’ pilastri kollha ta’ din l-Aġenda, li jiffaċilita l-kooperazzjoni u jippromwovi l-bini tal-kapaċitajiet, huwa essenzjali biex tittejjeb is-sigurtà fl-UE.

II. STRATEĠIJA TA’ ERBA’ PILASTRI GĦALL-ĠLIEDA KONTRA T-TERRORIŻMU: ANTIĊIPAZZJONI,  
 PREVENZJONI, PROTEZZJONI U RISPONS

1. ANTIĊIPAZZJONI

L-antiċipazzjoni tal- blind spots tibqa’ mezz ewlieni għat-tisħiħ tar-rispons tal-Ewropa kontra t-terroriżmu u biex tibqa’ tipprevedihom.

Intelligence strateġika u valutazzjoni tat-theddid

L-intelligence strateġika hija ta’ importanza ewlenija biex jitfasslu u jiġu żviluppati politika u leġiżlazzjoni tal-UE kontra t-terroriżmu li dejjem qed isiru aktar ibbażati fuq it-theddid, u biex dawn it-theddidiet jiġu antiċipati aħjar. Il-politika kontra t-terroriżmu li tkun valida għall-futur jenħtieġ li tkun ibbażata fuq valutazzjonijiet sodi tat-theddid b’mod partikolari mis-Servizz tal-Intelligence u s-Sigurtà Nazzjonali. F’dan il-kuntest, ir-rwol taċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE (INTCEN tal-UE) u l-għarfien espert tiegħu dwar it-theddid, ix-xejriet u l-modus operandi ewlenin relatati mas-sigurtà interna tal-UE huwa essenzjali biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tas-sitwazzjoni tagħna u biex tiġi appoġġata l-kapaċità tagħna ta’ valutazzjoni tar-riskju. L-INTCEN tal-UE jiddependi b’mod kritiku fuq kontribut ta’ kwalità għolja mill-Istati Membri, li jenħtieġ li jagħmlu ħilithom biex itejbuh. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-INTCEN tal-UE jkun jista’ jiddependi fuq kontribut preċiż u aġġornat u riżorsi suffiċjenti. Il-Kummissjoni u s-SEAE se jaħdmu biex jintegraw aħjar l-intelligence strateġika fil-politiki dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Aktar djalogu, li jibni fuq l-istrutturi eżistenti u li jibni fuq il-ħidma tal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu biex itejjeb il-kooperazzjoni huwa ta’ importanza ewlenija.

Valutazzjonijiet tar-riskju u tħejjija

Valutazzjonijiet tar-riskju mmirati jippermettu lill-partijiet ikkonċernati ta’ setturi differenti biex jenfasizzaw in-nuqqasijiet eżistenti u għalhekk jantiċipaw aħjar l-attakki possibbli. Il-Kummissjoni se tipproponi modi ġodda biex tħeġġeġ il-valutazzjoni tar-riskju u l-attivitajiet ta’ rieżami bejn il-pari ta’ miżuri mmirati lejn antiċipazzjoni aħjar tat-theddida terroristika. Bħala parti mill-proposta li ġejja dwar ir-reżiljenza ta’ entitajiet kritiċi, il-Kummissjoni se tipproponi li jiġu stabbiliti missjonijiet konsultattivi biex jappoġġaw lill-Istati Membri ospitanti u lill-operaturi ta’ infrastrutturi kritiċi ta’ sinifikat Ewropew partikolari fit-tisħiħ tar-reżiljenza tagħhom għat-tfixkil, inkluż l-antiċipazzjoni ta’ azzjonijiet terroristiċi possibbli. Dan se jibni fuq l-esperjenza ta’ grupp ta’ konsulenti dwar is-sigurtà protettiva, li bħalissa qed jiġu mħarrġa, u li jistgħu jiġu skjerati fuq talba: il-missjonijiet ta’ Konsulenza tal-UE dwar is-Sigurtà Protettiva.  

Il-valutazzjonijiet tar-riskju tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE se jiġu żviluppati aktar sabiex jittejbu kemm il-ħin tar-rispons wara l-inċidenti kif ukoll il-livell ta’ skambju ta’ informazzjoni, inkluża l-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi li jaħsbuha l-istess, b’mod partikolari l-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada. Il-Kummissjoni se tniedi wkoll parti ġdida tal-valutazzjoni tar-riskju biex tiżgura s-sigurtà tat-trasport fil-qasam marittimu. Fl-aħħar nett, it-taħriġ u l-eżerċizzji konġunti se jkollhom rwol importanti fl-isforzi biex tissaħħaħ it-tħejjija u r-reżiljenza tal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, kif ukoll is-sħab internazzjonali 7 .

It-tisħiħ tal-kapaċità ta’ detezzjoni bikrija

Ir-rwol kruċjali li t-teknoloġija moderna jista’ jkollha biex jitwettaq it-terroriżmu kien muri mill-attakk terroristiku tal-lemin estrem fuq sinagoga f’Halle, il-Ġermanja, fl-2019, fejn l-attakkant bena bosta pistoli bl-użu tal-istampar 3D. Jeħtieġ li nantiċipaw aħjar kif it-teknoloġiji jħallu impatt fuq it-theddida terroristika sabiex l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkunu mgħammra bl-għodod it-tajbin.

8 9 10 Ir-riċerka dwar is-sigurtà tal-UE se tiffoka fuq l-indirizzar ta’ modi operandi differenti, billi tibni fuq inizjattivi maħsuba biex itejbu l-kapaċità tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fir-rigward ta’ soluzzjonijiet analitiċi u t-trattament ta’ ammonti kbar ta’ kontenut online. Ir-riċerka dwar is-sigurtà ffinanzjata mill-UE se ssaħħaħ ukoll il-kapaċità ta’ detezzjoni bikrija ta’ theddid terroristiku potenzjali, b’mod partikolari billi tesplora l-użu ta’ Intelliġenza Artifiċjali biex tippermetti pproċessar aktar effiċjenti u preċiż ta’ ammonti kbar ta’ data, biż-żieda ta’ proġetti bħal RED-Alert u PREVISION. Din tista’ tgħin ukoll biex jinstabu modi ġodda biex tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni.

Fl-aħħar nett, taħt il-Programm ta’ Riċerka futur ta’ Orizzont Ewropa, ir-riċerka se tiġi integrata aktar fiċ-ċiklu tal-politika tas-sigurtà biex jiġi żgurat riżultat saħansitra aktar orjentat lejn l-impatt, b’reazzjoni għall-ħtiġijiet identifikati tal-infurzar tal-liġi. Bil-mandat imsaħħaħ propost tagħha, l-Europol tista’ tgħin lill-Kummissjoni biex tidentifika temi ewlenin ta’ riċerka, tfassal u timplimenta l-programmi qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni li huma rilevanti għall-infurzar tal-liġi.

Biex nibqgħu fuq quddiem: ir-rwol tat-teknoloġiji l-ġodda

It-teknoloġiji ta’ skoperta tat-theddid jistgħu jiskopru oġġetti u sustanzi ta’ tħassib, pereżempju bombi jew materjali għall-manifattura tal-bombi. Il-Kummissjoni qed taħdem flimkien mas-settur privat biex ittejjeb il-prestazzjoni ta’ teknoloġiji ta’ skoperta bħal dawn barra l-avjazzjoni 11 bil-għan li tappoġġa l-iżvilupp possibbli ta’ rekwiżiti volontarji tal-UE għal teknoloġiji ta’ skoperta biex jiġi żgurat li dawn jiskopru it-theddid li hemm bżonn li jkun identifikat filwaqt li jippreservaw il-mobilità tan-nies. Barra minn hekk, fl-2019, il-Pjattaforma tas-Sigurtà Ferrovjarja tal-UE adottat dokument ta’ prattiki tajbin dwar it-teknoloġiji tas-sigurtà adattati għall-ferroviji, fejn ipproponiet soluzzjonijiet bħal kontrolli aleatorji jew immirati li jiddependu fuq tagħmir ta’ detezzjoni mobbli. 
 
It-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi jekk jintużaw b’mod definit sew, immirat u proporzjonat. F’każ ta’ allert ta’ theddid terroristiku għoli 12 , ir-rwol possibbli tat-teknoloġiji ta’ identifikazzjoni tal-wiċċ li kapaċi jidentifikaw it-terroristi meta jiċċaqalqu billi jqabblu l-immaġni tal-wiċċ tagħhom ma’ bażi ta’ data ta’ referenza għandu potenzjal tas-sigurtà. Barra minn hekk, l-identifikazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ oġġetti (pereż. bagalji abbandunati) jew imġiba suspettuża tista’ tkun utli ħafna biex jiġu skoperti t-theddidiet. L-Intelliġenza Artifiċjali għandha rwol ewlieni fit-twassil ta’ għodod li jippermettu identifikazzjoni preċiża u mmirata ta’ theddid potenzjali. Fir-riflessjonijiet li l-Kummissjoni qed twettaq dwar l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali, 13 għalhekk se jiġu kkunsidrati konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà, soġġett għall-konformità mad-drittijiet fundamentali. Il-Kummissjoni hija lesta li tiffinanzja proġetti għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda taħt l-Aġenda Urbana tal-UE, u tappoġġa l-iskambju tal-aħjar prattiki f’dan il-qasam f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.  
L-iżviluppi fl-Intelliġenza Artifiċjali (IA) huma mistennija li jkollhom impatt profond fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li jirrispondu għat-theddid terroristiku. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi diġà qed jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi bbażati fuq it-teknoloġija tal-IA, pereżempju biex jidentifikaw kontenut terroristiku online u jwaqqfu t-tixrid tiegħu, biex jipprevjenu l-ħolqien ta’ kontijiet ġodda tat-terroristi fuq il-midja soċjali, u jiskopru simboli. Aspett ewlieni wieħed biex jiġu żviluppati applikazzjonijiet affidabbli tal-IA huwa li jiġi żgurat li d-data li tintuża biex jiġu mħarrġa l-algoritmi tkun rilevanti, verifikabbli, ta’ kwalità tajba u disponibbli f’varjetà kbira biex jiġi minimizzat il-preġudizzju pereżempju lejn il-ġeneru jew ir-razza. L-applikazzjonijiet tal-IA jenħtieġ li jiġu żviluppati u użati ma’ salvagwardji xierqa għad-dritt u għal-libertajiet, f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti u għandhom jiġu dokumentati b’mod adegwat biex tiġi aċċertata l-legalità tal-użu tagħhom. Il-Kummissjoni se teżamina kif l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji jistgħu jieħdu l-benefiċċji tal-IA f’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni.

14 Li nibqgħu fuq quddiem ifisser ukoll li jiġu indirizzati t-theddidiet emerġenti li jistgħu jiġu kkawżati minn teknoloġiji ġodda. Id-droni (sistema tal-ajru mingħajr bdot abbord) jistgħu jintużaw ħażin biex jiġu mmirati l-ispazji pubbliċi, l-individwi u l-infrastruttura kritika. Filwaqt li l-UE għamlitha aktar diffiċli li jintużaw ċerti tipi ta’ droni għal skopijiet malizzjużi, ir-ritmu mgħaġġel tal-innovazzjoni u l-aċċess faċli għad-droni jfissru li t-theddida x’aktarx li tikber. Biex tiffaċċja din l-isfida, il-Kummissjoni se teżamina l-possibbiltà li fl-2021 tirrilaxxa manwal tal-UE għas-sigurtà tal-bliet minn droni mhux kooperattivi.

Il-protezzjoni minn droni malizzjużi teħtieġ ukoll aċċess għal teknoloġiji affidabbli ta’ kontromiżuri. Il-“Programm Ewropew għall-ittestjar tas-sistemi kontra l-UAS” se joħloq metodoloġija komuni biex jiġu evalwati sistemi differenti li jistgħu jintużaw mill-pulizija u minn atturi oħra tas-sigurtà biex jiġu skoperti, traċċati u identifikati droni potenzjalment malizzjużi. Ir-riżultati ta’ dawn it-testijiet se jiġu kondiviżi madwar l-UE kollha.

L-integrazzjoni tal-previżjoni fiċ-ċiklu tal-politika

15 Il-protezzjoni taċ-ċittadini tibda b’fehim aħjar tat-theddid futur. Għal dan il-għan, il-previżjoni għandha tiġi integrata strutturalment fl-iżvilupp tal-politika kontra t-terroriżmu. Il-Kummissjoni se taħdem biex jinħoloq djalogu bejn esperti anzjani fil-ġlieda kontra t-terroriżmu mill-infurzar tal-liġi, l-intelliġenza u l-akkademja fuq bażi regolari biex jiġu identifikati riskji ġodda u jiġu enfasizzati oqsma fejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jsaħħu l-azzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni se tuża l-istrutturi eżistenti għal dan il-għan bl-involviment mill-qrib tal-Europol, l-Eurojust, u s-SEAE inkluż INTCEN tal-UE. Ir-riżultat ta’ dan id-djalogu jista’ mbagħad jikkontribwixxi għad-diskussjonijiet ta’ politika, inklużi d-diskussjonijiet tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni dwar is-sigurtà interna.

AZZJONIJIET EWLENINIl-Kummissjoni se:Tiżviluppa valutazzjoni tar-riskju u attivitajiet ta’ rieżami bejn il-pari, inkluż l-użu fuq talba tal-Konsulenti tal-UE dwar is-Sigurtà Protettiva.Tiffinanzja riċerka dwar is-sigurtà tal-UE biex issaħħaħ il-kapaċità ta’ detezzjoni bikrija skont l-Aġenda Urbana tal-UE.Tesplora kif teknoloġiji ġodda jistgħu jikkontribwixxu għas-sigurtà. Tintegra aħjar l-intelligence strateġika u l-valutazzjonijiet tat-theddid biex tiġi appoġġata politika li tħares ’il quddiem.L-Istati Membri huma mħeġġa biex:Ikomplu jipprovdu lill-INTCEN tal-UE bir-riżorsi meħtieġa u b’kontribut ta’ kwalità għolja.AZZJONIJIET EWLENINIl-Kummissjoni se:Tiżviluppa valutazzjoni tar-riskju u attivitajiet ta’ rieżami bejn il-pari, inkluż l-użu fuq talba tal-Konsulenti tal-UE dwar is-Sigurtà Protettiva.Tiffinanzja riċerka dwar is-sigurtà tal-UE biex issaħħaħ il-kapaċità ta’ detezzjoni bikrija skont l-Aġenda Urbana tal-UE.Tesplora kif teknoloġiji ġodda jistgħu jikkontribwixxu għas-sigurtà. Tintegra aħjar l-intelligence strateġika u l-valutazzjonijiet tat-theddid biex tiġi appoġġata politika li tħares ’il quddiem.L-Istati Membri huma mħeġġa biex:Ikomplu jipprovdu lill-INTCEN tal-UE bir-riżorsi meħtieġa u b’kontribut ta’ kwalità għolja. 

2. PREVENZJONI

L-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq sett b’saħħtu ta’ valuri. Is-sistemi tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tal-benesseri tagħna huma inklużivi min-natura tagħhom iżda huma parti integrali mill-aċċettazzjoni tal-valuri li jirfduhom. L-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna – emblematiku ta’ soċjetajiet inklużivi u tolleranti – mhuwiex fakultattiv u jeħtiġilna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nipprevjenu lil dawk li jippruvaw jimminawh – minn ġewwa jew minn barra.

Il-ġlieda kontra l-ideoloġiji estremisti online

It-terroristi u l-estremisti vjolenti qed jużaw dejjem aktar l-internet biex ixerrdu l-ideoloġiji estremisti tagħhom, anki permezz ta’ streaming dirett u l-glorifikazzjoni tal-attakki terroristiċi. Ir-rispons irid jiġi mill-atturi kollha – l-awtoritajiet nazzjonali, l-industrija u s-soċjetà ċivili – u fil-livelli kollha (nazzjonali, Ewropew u internazzjonali). L-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-Regolament propost dwar l-indirizzar tat-tixrid ta’ kontenut terroristiku online jippermettu lill-Istati Membri jiżguraw it-tneħħija rapida ta’ kontenut bħal dan u jeħtieġu li l-kumpaniji jkunu aktar reattivi fil-prevenzjoni tal-abbuż tal-pjattaformi tagħhom għat-tixrid ta’ kontenut terroristiku. L-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill hija għalhekk kwistjoni ta’ urġenza. Ladarba jiġi adottat, il-Kummissjoni se tappoġġa lill-fornituri ta’ servizz online u lill-awtoritajiet nazzjonali fl-applikazzjoni effettiva tar-Regolament.

B’mod aktar ġenerali, il-Kummissjoni se tipproponi Att dwar is-Servizzi Diġitali li se jaġġorna r-regoli orizzontali biex jiżgura li s-servizzi diġitali jaġixxu b’mod responsabbli u li l-utenti jkollhom mezzi effettivi biex jinnotifikaw kontenut illegali. Filwaqt li tirrikonoxxi r-rwol soċjetali dejjem akbar ta’ pjattaformi online kbar ħafna, il-proposta se tinkludi obbligi biex jiġu vvalutati r-riskji li s-sistemi tagħhom joħolqu mhux biss fir-rigward tal-kontenut u l-prodotti illegali, iżda wkoll riskji sistemiċi għall-protezzjoni tal-interessi pubbliċi, bħas-saħħa pubblika u s-sigurtà pubblika, u d-drittijiet fundamentali, anke kontra tekniki manipulattivi.

Il-Forum tal-UE dwar l-Internet se jiżviluppa gwida dwar il-moderazzjoni għall-kontenut disponibbli pubblikament għal materjal estremista online u jkompli jxerred l-għarfien f’dak il-qasam. Il-Forum tal-UE dwar l-Internet żviluppa l-Protokoll tal-UE dwar ir-Rispons għall-Kriżijiet, mekkaniżmu volontarju biex jgħin fil-koordinazzjoni ta’ rispons rapidu, kollettiv u transfruntier għat-tixrid virali ta’ kontenut estremista terroristiku u vjolenti online 16 . Huwa essenzjali li s-sħab industrijali joperazzjonalizzaw bis-sħiħ dan il-protokoll. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Europol, se tappoġġa l-iżvilupp ta’ gwida ulterjuri għall-implimentazzjoni tal-Protokoll tal-UE dwar il-Kriżijiet biex tindirizza t-tixrid virali ta’ kontenut estremista terroristiku u vjolenti online. Ir-riżorsi u l-kapaċità tal-Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet tal-Europol jenħtieġ li jissaħħu biex timmonitorja u tirreferi t-tipi kollha ta’ kontenut terroristiku għal pjattaformi online b’disponibbiltà 24 siegħa kuljum.

Il-kontenut terroristiku joriġina u jinfirex minn madwar id-dinja kollha. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni se żżid l-involviment tagħha ma’ sħab internazzjonali, b’mod partikolari mal-Forum Globali tal-Internet għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu (Global Internet Forum to Counter Terrorism, GIFCT) għal rispons operazzjonali globali, kif ukoll mal-gvernijiet sħab, f’konformità mas-Sejħa għal Azzjoni ta’ Christchurch 17 biex isir sforz lejn standards minimi globalment, inkluż dwar it-trasparenza. 

 
Biex twieġeb għall-proliferazzjoni ta’ diskors ta’ mibegħda razzista u ksenofobiku fuq l-internet, il-Kummissjoni ħeġġet l-iffirmar tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali online fl-2016 18 . Fl-2021, il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattiva biex testendi l-lista ta’ reati fil-livell tal-UE skont l-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE għal reati ta’ mibegħda u diskors ta’ mibegħda, kemm jekk ikunu bbażati fuq ir-razza, l-etniċità, ir-reliġjon, is-sess jew is-sesswalità. L-Istati Membri jenħtieġ li jżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva l-ġdida dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva dwar id-diskors ta’ mibegħda fuq pjattaformi online ta’ video-sharing.

Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni strateġika tagħhom għal reazzjonijiet ta’ wara l-attakk permezz ta’ skambju ta’ għarfien espert fil-livell lokali u nazzjonali. Dan huwa meħtieġ mhux biss wara attakk terroristiku, iżda jenħtieġ li jkun sforz preventiv governattiv kontinwu. Il-Kummissjoni għalhekk se tappoġġa lill-Istati Membri biex jindirizzaw dawn l-isfidi u jżidu t-tixrid ta’ kontronarrativi u narrattivi alternattivi żviluppati mis-soċjetà ċivili u jappoġġaw sforzi simili fil-livell nazzjonali. Il-Programm ta’ Responsabbilizzazzjoni tas-Soċjetà Ċivili tal-Kummissjoni se jiġi evalwat fl-2022 biex jipprovdi t-tagħlimiet meħuda.

Fl-istess ħin, kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jiżguraw kontinwament li l-proġetti li huma inkompatibbli mal-valuri Ewropej jew li jsegwu aġenda illegali, ma jirċevux appoġġ mill-fondi tal-gvern u dawk Ewropej.

L-appoġġ lill-atturi lokali għal komunitajiet aktar reżiljenti

 
Jeħtieġ li l-bliet tagħna jkollhom aċċess aħjar għal finanzjament, gwida u taħriġ biex jindirizzaw l-isfidi attwali u biex iżidu r-reżiljenza tagħhom. Il-Kummissjoni qed tappoġġa lill-koordinaturi lokali tal-prevenzjoni permezz tan-Network ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni. Barra minn hekk, taħt l-inizjattiva “Bliet tal-UE kontra r-Radikalizzazzjoni”, il-Kummissjoni qed trawwem djalogi strateġiċi fost il-bliet. Sabiex tiżdied ir-reżiljenza, huwa importanti wkoll li jkun hemm involviment mal-komunitajiet u li jingħataw is-setgħa permezz ta’ approċċ minn isfel għal fuq, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. In-Network ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni se jidentifika l-aħjar prattiki u jrawwem approċċi ta’sorveljanza tal-komunità 19 u impenn biex tinbena l-fiduċja mal-komunitajiet u bejniethom.

Il-promozzjoni tal-inklużjoni u l-provvediment ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ f’riskju permezz tal-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport jistgħu jikkontribwixxu aktar għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, u l-koeżjoni fl-UE. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri u għall-isforzi tal-partijiet ikkonċernati l-oħra fil-qasam tal-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali permezz tal-miżuri inklużi fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni 20 .

Minħabba r-rwol importanti tal-edukazzjoni mhux formali fir-radikalizzazzjoni u r-rabtiet possibbli ma’ ideoloġiji estremisti, il-Kummissjoni se tiffaċilita l-kollaborazzjoni fost l-iskejjel, il-komunitajiet (inklużi l-gruppi ta’ fidi), il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, l-assistenti soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll lill-Istati Membri fil-kondiviżjoni tal-esperjenzi u l-prattiki tajbin fir-rigward tal-iskambji fost il-mexxejja reliġjużi u komunitarji dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, inklużi dawk attivi fl-iskejjel u fil-ħabsijiet.

L-esklużjoni soċjali reali jew perċepita, id-diskriminazzjoni u l-marġinalizzazzjoni jistgħu jsaħħu l-vulnerabbiltà għal diskorsi radikali u jheddu aktar il-koeżjoni soċjali. Il-Kummissjoni għalhekk se tkompli wkoll bl-azzjoni tagħha stabbilita fil-pjan ta’ azzjoni tagħha kontra r-razziżmu. 21  

Ħabsijiet, riabilitazzjoni u riintegrazzjoni

Il-proċessi tar-radikalizzazzjoni jeħtieġ li jiġu identifikati malajr kemm jista’ jkun sabiex l-attivitajiet ta’ diżimpenn ikunu jistgħu jiġu implimentati fil-ħin. Aħna se nsaħħu l-azzjoni tal-UE fuq tliet oqsma ewlenin: il-ħabsijiet, ir-riabilitazzjoni u r-riintegrazzjoni. L-ewwel, billi jiġu identifikati l-aħjar approċċi fir-rigward tal-ġestjoni u l-valutazzjoni tar-riskju ta’ priġunieri radikalizzati u ta’ trasgressuri terroristiċi 22 , kif ukoll billi jiġi appoġġat it-taħriġ ta’ professjonisti involuti f’dan il-qasam 23 . It-tieni, billi tibni fuq l-għarfien tal-Manwal ta’ Riabilitazzjoni tan-Network ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni, 24 il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri biex jipprovdu gwida aktar imfassla dwar ir-riabilitazzjoni u r-riintegrazzjoni ta’ priġunieri radikali, anki wara r-rilaxx. It-tielet, billi tiżviluppa metodoloġija bi standards u indikaturi komuni għall-evalwazzjoni tal-effikaċja tal-programmi tar-riintegrazzjoni 25 . Kwalunkwe sforz fir-rigward tar-riabilitazzjoni u r-riintegrazzjoni tat-tfal jeħtieġ li jqis il-ħtiġijiet u d-drittijiet speċifiċi tagħhom 26 .

Il-ġellieda terroristi barranin u l-membri tal-familja tagħhom, inklużi dawk li bħalissa jinsabu f’ċentri ta’ detenzjoni u f’kampijiet fil-Grigal tas-Sirja, iqajmu sfidi speċifiċi u kumplessi, li jeħtieġu koordinazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha.  Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri biex jikkondividu l-aħjar prattiki u se żżid ukoll l-appoġġ għat-taħriġ tal-prattikanti, u għall-kondiviżjoni tal-għarfien u l-informazzjoni f’dan il-qasam, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet u d-drittijiet speċifiċi tat-tfal ta’ ġellieda terroristiċi barranin. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw il-prosekuzzjoni ta’ ġellieda terroristi barranin billi tappoġġa l-ħidma għal dan il-għan fil-livell lokali, nazzjonali u internazzjonali.

Il-konsolidazzjoni tal-għarfien u l-appoġġ

27 28 29 Għal azzjoni aktar koordinata u komunikazzjoni strutturata fil-livell nazzjonali, fl-ewwel fażi l-Kummissjoni se tappoġġa l-ħolqien u l-iżvilupp ulterjuri ta’ networks nazzjonali ta’ atturi rilevanti, inklużi prattikanti u ċentri nazzjonali ta’ għarfien espert. Fit-tieni fażi, il-Kummissjoni se tipproponi l-istabbiliment ta’ Ċentru ta’ Għarfien tal-UE dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni għal dawk li jfasslu l-politika, il-prattikanti u r-riċerkaturi. Iċ-Ċentru ta’ Għarfien tal-UE jxerred l-għarfien u l-għarfien espert u jippromwovi wkoll l-użu sħiħ tal-possibbiltajiet ta’ finanzjament taħt id-diversi programmi tal-UE, jevalwa l-interventi, jiċċertifika l-aħjar prattiki u joffri appoġġ immirat lill-partijiet ikkonċernati fil-livell nazzjonali u lokali. Jista’ wkoll possibbilment jintegra ċentru futur tal-UE għall-vittmi tat-terroriżmu biex joffri għarfien espert u appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi. Oqsma rilevanti oħra jinkludu r-riċerka, il-provvediment ta’ informazzjoni dwar ideoloġiji radikali, organizzazzjonijiet u networks u t-tixrid ta’ kontronarrativi u narrattivi alternattivi, kif ukoll il-kooperazzjoni mal-mexxejja komunitarji u reliġjużi.

Fl-aħħar nett, filwaqt li tibni fuq ir-riċerka, il-Kummissjoni se tiżviluppa gwida għall-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħra dwar atturi individwali inklużi valutazzjonijiet tar-riskju u reazzjonijiet possibbli għal dan il-fenomenu.

AZZJONIJIET EWLENIN

Il-Kummissjoni se:

·Tipproponi Att dwar is-Servizzi Diġitali.

·F’kooperazzjoni mal-Europol, tipprovdi gwida għall-implimentazzjoni tal-Protokoll tal-UE dwar il-Kriżijiet

·Tappoġġa lill-Istati Membri biex jiżviluppaw komunikazzjoni strateġika u jżidu t-tixrid ta’ kontronarrativi u narrattivi alternattivi.

·Tipprovdi gwida dwar il-ġestjoni u l-valutazzjonijiet tar-riskju fil-ħabs u dwar ir-riabilitazzjoni u r-riintegrazzjoni bikrija.

·Trawwem l-aħjar prattiki ta’ kondiviżjoni bejn l-Istati Membri biex jiġġestixxu r-ritorn ta’ ġellieda terroristi barranin u l-membri tal-familja tagħhom.

·Tipproponi l-istabbiliment ta’ Ċentru ta’ Għarfien tal-UE dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tappoġġa networks nazzjonali ta’ partijiet ikkonċernati u ċentri nazzjonali.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mħeġġa biex:

·Jadottaw, bħala kwistjoni ta’ urġenza, ir-Regolament li jindirizza t-tixrid ta’ kontenut terroristiku online.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se:

·Jiżguraw li l-proġetti li huma inkompatibbli mal-valuri Ewropej jew li jsegwu aġenda illegali ma jirċevux appoġġ mill-fondi pubbliċi. Tibni r-reżiljenza tal-komunità permezz tal-miżuri inklużi fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni.

3. PROTEZZJONI

It-tisħiħ tar-rispons kontra t-terroriżmu jrid jinkludi t-tnaqqis tal-vulnerabbiltajiet li jistgħu jiġu sfruttati jew ikunu fil-mira tat-terroristi. Billi nipproteġu aħjar il-fruntieri tagħna u nċaħħdu lit-terroristi mill-mezzi użati biex iwettqu atti terroristiċi, nistgħu nipproteġu kontra attakki potenzjali.

Il-protezzjoni tan-nies fl-ispazji pubbliċi

30 L-attakki terroristiċi kienu mmirati ħafna lejn nies fl-ispazji pubbliċi, li huma speċjalment vulnerabbli minħabba n-natura miftuħa u aċċessibbli tagħhom. Jeħtieġ li nissalvagwardjaw in-natura miftuħa ta’ dawn l-ispazji filwaqt li fl-istess ħin nagħmluhom aktar sikuri permezz ta’ miżuri ta’ protezzjoni fiżika aktar b’saħħithom li ma joħolqux fortizzi u li jippermettu li n-nies jippassiġġaw b’mod liberu u sikur. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni se żżid l-isforzi fil-livell tal-UE biex tippromwovi soluzzjonijiet ta’ sigurtà sa mit-tfassil, li jibnu s-sigurtà fl-ispazji pubbliċi (bini u infrastrutturi) mill-bidu tal-proċessi tat-tfassil u tal-ippjanar urban. Il-Kummissjoni se toħroġ ktieb arkitettoniku virtwali dwar id-disinn urban, li jista’ jservi ta’ ispirazzjoni għall-awtoritajiet biex jinkorporaw aspetti tas-sigurtà fid-disinn ta’ spazji pubbliċi futuri u r-rinnovazzjoni ta’ spazji pubbliċi eżistenti.

Il-Forum tal-UE dwar il-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi laqqa’ flimkien grupp wiesa’ ta’ persuni b’responsabbiltà fuq is-sigurtà tal-ispazji pubbliċi. Dawn jinkludu l-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE, u l-operaturi privati, pereż. dawk responsabbli għal ċentri kummerċjali, servizzi tat-trasport, jew postijiet għall-ospitalità. Hemm ħafna x’wieħed jitgħallem minn esperjenzi differenti fil-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi 31 . Il-Kummissjoni hija impenjata li ssaħħaħ dan il-forum, li jenħtieġ li jiġbor, jikkonsolida u jxerred l-għarfien, kif ukoll tappoġġa l-Impenn tal-UE dwar is-Sigurtà Urbana u r-Reżiljenza, u li tuża finanzjament immirat biex tgħin fit-titjib tal-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi 32 . Il-Kummissjoni se tesplora wkoll il-possibbiltà li jiġu stabbiliti obbligi minimi għal dawk li huma responsabbli biex jiggarantixxu s-sigurtà tal-ispazji pubbliċi biex jiċċaraw x’jista’ jkun mistenni mill-operaturi tal-ispazji pubbliċi.

Il-postijiet ta’ qima għandhom valur simboliku partikolarment għoli u ta’ spiss kienu mmirati mit-terroristi. Jeħtiġilna nipproteġu aħjar il-knejjes, il-moskej u s-sinagogi kif ukoll siti reliġjużi oħra madwar l-UE. Jenħtieġ ukoll li nrawmu l-kooperazzjoni bejn il-komunitajiet ta’ fidi differenti u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti hekk kif dawn jiskambjaw l-esperjenzi. Mill-2021, il-Kummissjoni għandha l-għan li tappoġġa proġetti li jsaħħu l-protezzjoni fiżika tal-postijiet ta’ qima f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

Il-bliet bħala s-sinsla tas-sigurtà urbana

L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni kemm fil-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi kif ukoll fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni. B’kooperazzjoni mal-Aġenda Urbana għas-Sħubija tal-UE għas-Sigurtà fl-Ispazji Pubbliċi u billi tibni fuq l-inizjattiva ta’ suċċess Bliet tal-UE Kontra r-Radikalizzazzjoni, il-Kummissjoni se tipproponi Impenn tal-UE dwar is-Sigurtà Urbana u r-Reżiljenza, filwaqt li tistabbilixxi prinċipji u objettivi bażiċi għall-awtoritajiet lokali f’dawn l-oqsma, u se tistieden lill-bliet ikkonċernati biex jiffirmaw aġenda pożittiva biex jipprevjenu u jiġġieldu r-radikalizzazzjoni u jnaqqsu l-vulnerabbiltajiet fl-ispazji pubbliċi. Il-bliet li jieħdu sehem fl-Impenn se jsiru parti minn inizjattiva mifruxa mal-UE kollha tal-Bliet kontra r-Radikalizzazzjoni u t-Terroriżmu, li permezz tagħha l-Kummissjoni se tiffaċilita l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba u tappoġġa proġetti mmexxija mill-bliet u sforzi ta’ konsulenza bejn il-pari. Il-Kummissjoni se timmobilizza l-istrumenti ta’ finanzjament kollha disponibbli biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Impenn.

Minbarra l-Fond għas-Sigurtà Interna, il-fondi tal-politika tal-Koeżjoni tal-UE jistgħu jintużaw biex tiżdied is-sigurtà pubblika fil-bliet permezz ta’ investimenti mmirati biex itejbu l-koeżjoni soċjali, l-integrazzjoni u r-reżiljenza tagħhom biex jipprevjenu r-radikalizzazzjoni u jtejbu l-infrastruttura pubblika. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex iżżid is-sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli u tistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-fondi tal-politika ta’ Koeżjoni tal-UE biex jinkludu investimenti bħal dawn fil-programmi tagħhom ta’ wara l-2020. L-investimenti li jiġu minn strateġiji integrati ta’ żvilupp urban sostenibbli se jammontaw, kif propost mill-Kummissjoni, għal aktar minn 6 % tal-allokazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.    

Nagħmlu l-infrastruttura kritika aktar reżiljenti    

L-infrastruttura kritika, inklużi ċ-ċentri tat-trasport, l-impjanti tal-enerġija, l-infrastrutturi tal-kura tas-saħħa u l-faċilitajiet għat-trattament tal-ilma, jirriskjaw li jkunu miri terroristiċi potenzjali. L-operaturi tal-infrastruttura kritika huma responsabbli għall-forniment ta’ servizzi li huma essenzjali biex jintlaħqu l-ħtiġijiet vitali tas-soċjetà. Fl-istess ħin, dawn l-operaturi jkomplu jsiru dejjem aktar dipendenti fuq xulxin u jiffaċċjaw ambjent ta’ riskju dejjem aktar kumpless. Riskji bħal dawn jinkludu attakki terroristiċi, diżastri naturali, inċidenti, u theddid malizzjuż. Sabiex jiġi żgurat il-forniment affidabbli ta’ servizzi essenzjali madwar l-UE u l-funzjonament affidabbli tas-suq intern, huwa vitali li jiġi żgurat li l-operaturi kritiċi tas-servizzi essenzjali jkunu reżiljenti, jiġifieri mħejjija biżżejjed biex jipprevjenu, jimmitigaw, u jirkupraw mit-tfixkil. Il-Kummissjoni se tadotta sett ta’ miżuri mmirati lejn it-titjib tar-reżiljenza tal-operaturi fir-rigward tar-riskji kemm fiżiċi kif ukoll diġitali.

Is-sigurtà tal-fruntiera    

33 Fit-13 ta’ Novembru 2015, ġellieda terroristi barranin li kienu rritornaw b’mod klandestin mis-Sirja kienu involuti fl-attakk fatali f’Pariġi. Dan enfasizza l-konsegwenzi devastanti tan-nuqqasijiet fis-sigurtà tal-fruntiera. Huwa stmat li 50 000 persuna vvjaġġaw lejn is-Sirja u l-Iraq biex jingħaqdu ma’ gruppi ġiħadisti, inklużi 5 000 individwu mill-UE, li madwar terz minnhom għadhom jinsabu fiż-żona. Biex tiġi garantita s-sigurtà taċ-ċittadini tagħna, huwa ta’ importanza kruċjali li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkunu jistgħu jiskopru kemm ċittadini tal-UE kif ukoll dawk mhux tal-UE suspettati bit-terroriżmu fil-fruntieri esterni. L-Europol, il-Frontex u l-eu-Lisa se jkomplu jappoġġaw lill-Istati Membri dwar is-sigurtà tal-fruntiera.

Huwa meħtieġ li jissaħħaħ il-funzjonament taż-żona Schengen mingħajr fruntieri interni. Fit-30 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni organizzat Forum ta’ Schengen biex tniedi dibattitu politiku inklużiv lejn il-bini ta’ Schengen aktar b’saħħtu bbażat fuq fiduċja reċiproka. Dan se jikkontribwixxi għall-Istrateġija ta’ Schengen li l-Kummissjoni qed tippjana li tippreżenta fl-2021, u fejn se tipproponi modi biex tirrieżamina l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, biex ittejjeb il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u ssaħħaħ il-governanza ta’ Schengen, biex ittejjeb il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-iskambju ta’ informazzjoni u ssaħħaħ il-fruntieri esterni.

Fl-istess ħin, l-Istati Membri jenħtieġ li jlestu b’mod urġenti l-modernizzazzjoni tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni fil-pjanijiet direzzjonali maqbula, bl-ambizzjoni li tiġi żviluppata l-aktar sistema moderna għall-ġestjoni tal-fruntieri 34 . Minkejja l-progress li sar, hemm bżonn ta’ aktar ħidma. Filwaqt li l-Istati Membri jistgħu japplikaw derogi taħt ċerti kundizzjonijiet, huwa importanti li dawn jissodisfaw malajr l-objettiv ta’ kontrolli sistematiċi tal-vjaġġaturi kollha skont bażijiet ta’ data rilevanti fil-fruntieri esterni. F’nofs l-2021, il-Kummissjoni se tħejji gwida, b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, biex tiżgura li kwalunkwe deroga tintuża b’mod limitat u tissodisfa l-ogħla standards ta’ sigurtà. 

35 36 37 L-effikaċja tal-kontrolli sistematiċi tiddependi fuq il-kwalità u l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE. Is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE ġodda u aġġornati fuq skala kbira se jtejbu s-sigurtà u jagħmlu l-kontrolli tal-fruntieri esterni aktar effettivi u effiċjenti. L-interoperabbiltà se tagħmel l-informazzjoni meħtieġa disponibbli minnufih għal dawk l-uffiċjali tal-pulizija u l-gwardji tal-fruntiera bi ħtieġa ta’ tgħarif. Is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (Entry/ Exit System, EES), li hija sistema awtomatizzata għar-reġistrazzjoni ta’ vjaġġaturi minn pajjiżi terzi, hija ta’ importanza kruċjali. Din se tgħin biex jiġu identifikati ċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri u biex tiġi skoperta l-frodi tal-identità.

38 39 Is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (European Travel Information and Authorisation System, ETIAS), sistema ta’ awtorizzazzjoni ta’ qabel l-ivvjaġġar għall-vjaġġaturi eżenti mill-viża, hija daqstant importanti. Lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS dedikata se tippermetti użu aħjar tal-informazzjoni dwar persuni suspettati f'attivitajiet terroristiċi jew marbuta magħhom, u tippermetti lill-Istati Membri jikkunsidraw din l-informazzjoni meta joħorġu l-awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar. Barra minn hekk, il-kontrolli skont is-sistema ċentralizzata futura għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri li jkollhom informazzjoni ta’ kundanna dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuna apolidi (ECRIS-TCN) se jippermettu verifika dwar jekk ċertu ċittadin ta’ pajjiż terz jew b’ċittadinanza doppja tal-UE/pajjiż terz kienx diġà ġie kkundannat għal reat serju fl-UE u f’liema Stat Membru. L-interoperabbiltà bejn l-EES, l-ETIAS u l-ECRIS-TCN se twassal għal informazzjoni aktar sistematika għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, il-gwardji tal-fruntiera u l-uffiċjali tal-migrazzjoni, u se tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-frodi tal-identità. L-Istati Membri jenħtieġ li għalhekk jimplimentaw malajr u bis-sħiħ dawn is-sistemi u jippermettu l-interoperabbiltà tagħhom.

It-tliet Regolamenti l-ġodda dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) li daħlu fis-seħħ f’Diċembru 2018 40 , introduċew għadd ta’ miżuri biex itejbu l-iskambju ta’ informazzjoni inkluż dwar persuni suspettati b’terroriżmu. Huwa kruċjali li l-Istati Membri jimplimentaw il-funzjonalitajiet il-ġodda kollha tas-SIS mill-aktar fis possibbli. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li b’mod urġenti jintroduċu l-funzjonalità ta’ tiftix tal-marki tas-swaba’ fis-Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba’ (Automated Fingerprint Identification System, AFIS) tas-SIS għall-uffiċjali tagħhom, b’mod partikolari fil-fruntieri esterni.

 Huwa essenzjali wkoll li informazzjoni tapajjiżi terzi dwar ġellieda terroristi barranin, ipprovduta minn pajjiżi terzi fdati, tiddaħħal fis-SIS. Flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tippreżenta mandat imsaħħaħ tal-Europol u emenda għar-Regolament dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) li tippermetti lill-Europol toħloq allerti dedikati fis-SIS, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri. Huwa urġenti li tiġi stabbilita l-proċedura volontarja għall-ipproċessar ta’ data pendenti u futura pprovduta minn pajjiżi terzi diskussa fost l-Istati Membri. B’mod parallel, l-Istati Membri jenħtieġ li jiġu mħeġġa jagħmlu l-avviżi tal-Interpol relatati ma’ persuni suspettati b’terroriżmu disponibbli fil-kontrolli fuq il-fruntiera tal-ewwel linja.

Barra minn hekk, skont ir-regoli l-ġodda, minbarra l-ħruġ ta’ projbizzjonijiet ta’ dħul, sa ħames snin, bħala parti minn deċiżjoni ta’ ritorn 41 , l-Istati Membri jenħtieġ li jdaħħlu allerti fis-SIS dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal deċiżjoni ta’ ritorn (mill-2022), u dwar rifjuti ta’ dħul u ta’ soġġorn. Dan jagħmel id-deċiżjonijiet ta’ ritorn u l-projbizzjonijiet ta’ dħul u ta’ soġġorn viżibbli għall-awtoritajiet kollha li jkollhom aċċess għas-SIS. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li allerti bħal dawn jinkludu wkoll informazzjoni dwar il-fatt li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ta’ theddida serja għas-sigurtà, u jekk il-persuna kinitx involuta f’attivitajiet relatati mat-terroriżmu.

L-ipproċessar tal-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri (Advance Passenger Information, API) u tad-data dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (Passenger Name Record, PNR) għandu rwol importanti fl-identifikazzjoni, fil-prevenzjoni, fl-iskoperta, u fit-tfixkil tat-terroriżmu u ta’ reati serji oħra. Bil-ħsieb li jiġi ssimplifikat l-użu tad-data tal-API, inkluż biex jiġi miġġieled it-terroriżmu, il-Kummissjoni se tagħmel proposta biex tirrevedi d-Direttiva tal-API fl-2021 u tikkunsidra l-provvediment tal-użu ta’ din id-data biex tiġi miġġielda l-kriminalità serja, ittejjeb l-effettività fl-użu tad-data tal-API u l-koerenza ma’ strumenti oħra bħas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar u s-sistema tal-PNR.    

L-użu u l-analiżi tad-data tal-PNR huma għodda essenzjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, kemm fl-UE kif ukoll globalment. L-analiżi tad-data tal-PNR miżmuma tippermetti l-identifikazzjoni ta’ theddid li qabel ma kienx magħruf u tipprovdi lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi bi ħjiel ta’ intelligence kriminali, li jippermettulhom jiskopru mudelli ta’ vjaġġar suspettużi u jidentifikaw assoċjati ta’ terroristi u kriminali. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri li ma jagħmlux dan diġà biex jiġbru wkoll Data tal-PNR għal titjiriet intra-UE. Il-Kummissjoni se tkompli timpenja ruħha fil-proċess li jiffaċilita t-trasferimenti tad-data tal-PNR f’kompatibilità sħiħa mar-rekwiżiti legali tal-UE kif ikkjarifikati mill-Qorti fil-qafas tal-istandards il-ġodda tal-PNR adottati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (International Civil Aviation Organisation, ICAO). L-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas tal-PNR attwali u l-kooperazzjoni bilaterali eżistenti ma’ pajjiżi terzi, bħall-Istati Uniti u l-Awstralja, jibqgħu ewlenin. Fl-istess ħin, mill-2010 ħarġu xejriet globali u realtajiet ġodda 42 , meta l-Kummissjoni aġġornat l-aħħar il-politika esterna tagħha dwar il-PNR, li se tkun riflessa fir-rieżami tas-sena d-dieħla tal-istrateġija esterna tal-UE lejn it-trasferimenti tal-PNR.    

Fid-dawl tat-theddida terroristika għall-avjazzjoni, l-isforzi jeħtieġ li jkomplu jżidu s-sigurtà tal-avjazzjoni. Il-Kummissjoni se tesplora l-għażliet biex toħloq u timplimenta qafas legali Ewropew għall-iskjerament ta’ uffiċjali tas-sigurtà biex ikunu preżenti fuq titjiriet (marixalli tal-ajru).

Iċ-ċaħda tat-terroristi mill-mezzi ta’ attakk 

43 44 Sabiex tagħlaq lakuna eżistenti, il-Kummissjoni se tadotta regolament ta’ implimentazzjoni skont id-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar, li jistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri dwar ir-rifjut li jingħataw awtorizzazzjonijiet għall-akkwist ta’ arma tan-nar. Dan se jiżgura li persuna li tkun ġiet imċaħħda arma tan-nar minħabba raġunijiet ta’ sigurtà fi Stat Membru wieħed, ma tkunx tista’ tippreżenta talba simili fi Stat Membru ieħor. Din il-ħidma hija kkomplementata mill-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar it-traffikar tal-armi tan-nar. Il-Punti Fokali Nazzjonali dwar l-Armi tan-Nar huma essenzjali għall-iżvilupp ta’ għarfien ġenwin tat-theddida relatata mal-armi tan-nar billi tiġi żgurata kooperazzjoni bejn id-dipartimenti u l-iskambji transfruntiera ta’ informazzjoni u intelligence. Fi ħdan il-prijorità “armi tan-nar” tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (European Multidisciplinary Platform Against Criminal Threats, EMPACT), fl-2021 il-Kummissjoni se tippubblika tabella ta’ valutazzjoni li turi kemm huma avvanzati l-Istati Membri fl-istabbiliment ta’ punti fokali bħal dawn.

It-theddida minn splussivi magħmula d-dar tibqa’ għolja, kif muri minn attakki multipli madwar l-UE 45 . L-UE żviluppat l-aktar leġiżlazzjoni avvanzata fid-dinja biex tirrestrinġi l-aċċess għal prekursuri tal-isplussivi 46  u tiskopri tranżazzjonijiet suspettużi li jistgħu jwasslu biex it-terroristi jibnu splussivi magħmula d-dar. Għalhekk huwa kruċjali li l-Istati Membri jimplimentaw u jinfurzaw bis-sħiħ ir-regoli l-ġodda, li se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2021. Dan jinkludi l-iżgurar li n-nies ma jkunux jistgħu jgħaddu minn kontrolli billi jixtru l-prekursuri tal-isplussivi online.

Ir-riskju minn materjali kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (chemical, biological, radiological and nuclear, CBRN) jibqa’ ta’ tħassib 47 . Fl-2017, terroristi kkomplottaw biex jiddetonaw bomba fuq ajruplan Awstraljan u biex jibnu arma kimika, billi jsegwu struzzjonijiet minn Daesh 48 . Fl-2018, terrorist ipprova joħloq it-tossina tar-riċinu velenuża ħafna fil-Ġermanja 49 . Il-ħsara potenzjali ta’ attakk CBRN hija estremament għolja. Il-Kummissjoni tagħti prijorità b’mod partikolari lit-theddida mill-aġenti kimiċi. Billi tieħu ispirazzjoni mill-approċċ użat biex tirregola l-aċċess għall-prekursuri tal-isplussivi, il-Kummissjoni qed tistudja l-fattibbiltà li tirrestrinġi l-aċċess għal ċerti sustanzi kimiċi perikolużi, li għandu jiġi ffinalizzat fl-2021. Fl-2020, il-Kummissjoni għamlet disponibbli diversi strumenti 50 għall-Istati Membri li jistgħu jintużaw biex itejbu l-bijosigurtà, u se tesplora kif ittejjeb il-kooperazzjoni kontra theddid bijoloġiku fil-livell tal-UE. Mill-bidu tal-2021, il-Kummissjoni se tkun qed tappoġġa wkoll azzjoni konġunta ma’ 18-il pajjiż biex issaħħaħ it-tħejjija għas-saħħa u r-rispons għal attakki terroristiċi bijoloġiċi u kimiċi, u biex issaħħaħ il-kooperazzjoni transsettorjali (is-saħħa, is-sigurtà u l-protezzjoni ċivili).

AZZJONIJIET EWLENIN:

Il-Kummissjoni se:

L-Istati Membri huma mħeġġa biex:

·Tipproponi Strateġija ta’ Schengen fl-2021.

·Tipproponi Impenn tal-UE dwar is-Sigurtà Urbana u r-Reżiljenza, biex tipprevjeni u tiġġieled ir-radikalizzazzjoni u tnaqqas il-vulnerabbiltajiet fl-ispazji pubbliċi.

·Tgħin biex itejjeb il-protezzjoni fiżika tal-postijiet ta’ qima, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

·Tipproponi miżuri biex tittejjeb ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika.

·Tipproponi li tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri.

·Tistabbilixxi sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar ir-rifjut li jingħataw awtorizzazzjonijiet għall-armi tan-nar.

·Tagħmel segwitu mal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti u tieħu passi ulterjuri fi proċedimenti ta’ ksur, kif xieraq.

·Jindirizzaw malajr il-lakuni u n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti.

·Jiżguraw kontrolli sistematiċi tal-vjaġġaturi kollha fil-fruntieri esterni permezz ta’ bażijiet ta’ data rilevanti.

·Joħorġu allerti fis-SIS dwar ġellieda terroristi barranin suspettati.

·B’mod urġenti, iniedu l-funzjonalità ta’ tiftix bil-marki tas-swaba’ fis-Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba’ tas-SIS.

·Jimplimentaw malajr l-EES, l-ETIAS u l-ECRIS-TCN u jippermettu l-interoperabbiltà tagħhom.

·Isaħħu s-sigurtà kimika u bijoloġika.

Il-miżuri restrittivi eżistenti kontra t-terroriżmu (“sanzjonijiet”) jikkonsistu fi projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar fuq persuni fiżiċi u ffriżar tal-assi, u projbizzjoni milli fondi u riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli għal persuni fiżiċi u entitajiet. L-UE timplimenta s-sanzjonijiet kontra t-terroriżmu adottati fil-livell tan-NU, u adottat s-sanzjonijiet tagħha stess biex tappoġġa l-ġlieda kontra t-terroriżmu 51 . Bħala tali s-sanzjonijiet kontra t-terroriżmu huma strument qawwi ta’ prekawzjoni biex jiġu miċħuda r-riżorsi u l-mobilità għat-terroristi. Ir-reġimi eżistenti tas-sanzjonijiet disponibbli għall-UE jenħtieġ li għalhekk jintużaw sal-limitu massimu tagħhom, anki permezz ta’ infurzar b’saħħtu. 

4. RISPONS

Wara li jkun seħħ attakk terroristiku, hija meħtieġa azzjoni urġenti biex jitnaqqas l-impatt tiegħu u biex ikun possibbli li ssir investigazzjoni u prosekuzzjoni malajr tal-awturi. L-ebda Stat Membru ma jista’ jagħmel dan waħdu. Il-kooperazzjoni hija meħtieġa kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell internazzjonali.

Appoġġ operazzjonali: it-tisħiħ tal-Europol 

L-Europol u ċ-Ċentru tiegħu Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (European Counter-Terrorism Centre, ECTC) huma essenzjali għall-azzjoni tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-appoġġ operazzjonali tiegħu żdied b’ħames darbiet matul dawn l-aħħar snin (minn 127 każ operazzjonali appoġġat fl-2016 għal 632 każ fl-2019). L-ECTC issa huwa parti minn kull investigazzjoni ewlenija kontra t-terroriżmu fl-UE. Bħala parti mill-inizjattiva leġiżlattiva biex jissaħħaħ il-mandat tal-Europol, jeħtieġ li nippermettu li l-Europol ikun jista’ jikkoopera b’mod effettiv mal-partijiet privati. It-terroristi jabbużaw minn servizzi transfruntiera ta’ kumpaniji biex jirreklutaw segwaċi, jippjanaw u jwettqu attakki, u biex ixerrdu propaganda biex jinċitaw aktar attakki. Ħafna kumpaniji jridu jikkondividu d-data, iżda jistgħu ma jkunux jafu ma’ min peress li jista’ ma jkunx ċar liema Stati Membri għandhom il-ġurisdizzjoni biex iħarrku r-reat speċifiku. L-Europol jinsab fl-aħjar pożizzjoni biex inaqqas din id-diskrepanza u jkun l-ewwel kuntatt li jidentifika u jibgħat l-evidenza rilevanti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati.

52 L-Europol irid ukoll ikun jista’ jappoġġa l-investigazzjonijiet nazzjonali kontra t-terroriżmu bl-analiżi ta’ settijiet ta’ data kbar u kumplessi (“big data”). Dan se jibni fuq il-ħidma b’suċċess tal-Europol bit-Task Force Fraternité biex tappoġġa lill-awtoritajiet Franċiżi u Belġjani fl-investigazzjoni tal-attakki ta’ Pariġi f’Novembru 2015 u l-attakki ta’ Brussell f’Marzu 2016. It-tisħiħ tar-rwol tal-Europol fir-riċerka u l-innovazzjoni se jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali fl-użu ta’ teknoloġiji moderni biex jiġġieldu kontra t-theddida tat-terroriżmu. It-terroristi jaħbu l-identità tagħhom, jaħbu l-kontenut tal-komunikazzjoni tagħhom, u jittrasferixxu b’mod sigriet oġġetti u riżorsi illeċiti billi jisfruttaw teknoloġiji ġodda. Għalhekk, jeħtieġ li nżidu l-appoġġ operazzjonali tal-Europol dwar id-deċifrar b’rispett sħiħ tal-liġi tal-UE.

Il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi    

Biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera, il-Kummissjoni se tipproponi “kodiċi ta’ kooperazzjoni tal-pulizija” tal-UE fl-aħħar tal-2021. Din se tissimplifika l-istrumenti differenti tal-UE tal-kooperazzjoni operazzjonali tal-infurzar tal-liġi f’reġim legali tal-UE kkonsolidat koerenti u modern, u b’hekk tiffaċilita wkoll il-kooperazzjoni transfruntiera fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Din il-proposta se tqis ukoll il-linji gwida eżistenti tal-Kunsill u l-ftehimiet bilaterali jew multilaterali l-aktar avvanzati fis-seħħ bejn l-Istati Membri 53 .

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-attivitajiet ta’ diversi networks tal-infurzar tal-liġi. Dawn l-attivitajiet jinkludu, pereżempju, taħriġ u eżerċizzji konġunti, l-iżvilupp ta’ mezzi u kapaċitajiet għal komunikazzjoni u operazzjonijiet transfruntiera, u t-titjib tal-ġbir flimkien ta’ riżorsi li jistgħu jiġu mobilizzati matul inċidenti. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa u tiżgura s-sostenibbiltà tan-network ATLAS ta’ unitajiet ta’ intervent speċjali tal-Istati Membri tal-UE, li għandu l-għan li jtejjeb ir-rispons tal-pulizija f’operazzjonijiet transfruntiera kontra t-terroriżmu.

Fi ħdan il-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera tal-Interreg, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) appoġġa l-kooperazzjoni bejn il-pulizija u servizzi oħra tas-sigurtà fir-reġjuni tal-fruntieri interni. Taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, il-FEŻR jista’ jikkontribwixxi wkoll għall-azzjonijiet fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri u l-migrazzjoni, bħall-integrazzjoni ekonomika u soċjali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi inklużi l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali.

 
Il-Kummissjoni se tħeġġeġ ukoll il-kooperazzjoni transsettorjali ma’ atturi kruċjali oħra tal-ewwel rispons, bħal dawk skjerati taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, li jista’ jkollhom rwol kruċjali fir-rispons għal inċidenti kbar bil-kapaċità li jegħlbu l-kapaċitajiet nazzjonali, bħal attakki terroristiċi jew inċidenti kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi jew nukleari.

It-tisħiħ tal-iskambju ta’ informazzjoni

Sabiex jiġu evitati, investigati u mressqa reati terroristiċi u reati kriminali oħra, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtieġu aċċess għall-informazzjoni rilevanti fil-ħin opportun. Id-Deċiżjonijiet ta’ Prüm 54 eżistenti kienu strumentali biex jippermettu lill-Istati Membri jiskambjaw il-marki tas-swaba’, id-DNA u ċerta data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi. Madankollu, fid-dawl tal-iżviluppi tekniċi, forensiċi, operazzjonali u tal-protezzjoni tad-data, id-Deċiżjonijiet ta’ Prüm jenħtieġ li jiġu aġġornati u jistgħu jiġu estiżi aktar biex jappoġġaw aħjar lill-Istati Membri fl-investigazzjonijiet kriminali u terroristiċi tagħhom. Fl-2021, il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tad-Deċiżjonijiet ta’ Prüm biex tivvaluta kif dawn jistgħu jiġu adattati biex ikunu xierqa għall-ħtiġijiet operazzjonali attwali u futuri tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u biex dawn id-deċiżjonijiet jiġu allinjati mal-qafas legali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data.

L-Aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (bħall-Europol, l-Eurojust u l-Frontex) se jkollhom bżonn isaħħu l-koordinazzjoni tagħhom sabiex jiġġieldu t-terroriżmu. Flimkien mal-Istati Membri, u minħabba r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, jenħtieġ li jiġu identifikati fatturi ta’ konnessjoni u għandhom jiġu implimentati soluzzjonijiet bil-ħsieb ta’ approċċ effiċjenti fil-livell tal-UE. Il-Kummissjoni se tagħmel proposti speċifiċi għal dan il-għan, b’mod partikolari biex tistabbilixxi mekkaniżmu effiċjenti ta’ skambju ta’ informazzjoni f’każijiet ta’ kontra t-terroriżmu, li jenħtieġ li jinkludi pjattaforma ta’ kollaborazzjoni diġitali għal Timijiet Konġunti ta’ Investigazzjoni, u żżid l-implimentazzjoni ta’ sistema “hit/no-hit” bejn l-Europol u l-Eurojust biex jiġu skoperti rabtiet bejn id-data tagħhom. Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll bħala parti mill-mandat imsaħħaħ tal-Europol li tiġi stabbilita sistema “hit/no-hit” bejn l-Europol u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (European Public Prosecutor’s Office, EPPO). Barra minn hekk, jibqa’ l-objettiv li l-mandat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jiġi estiż għal reati terroristiċi transfruntiera.

55 Is-serje reċenti ta’ attakki enfasizzat l-importanza ta’ analiżi affidabbli tat-theddida kkawżata minn persuni meqjusa bħala terroristi jew estremisti vjolenti. Il-Kummissjoni tappoġġa l-ħidma stabbilita dan l-aħħar mill-Kunsill. Hemm bżonn ta’ diskussjonijiet strateġiċi aktar regolari dwar dan is-suġġett pertinenti, fehim reċiproku aħjar u sensibilizzazzjoni tal-kunċetti nazzjonali, kif ukoll faċilitazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni meta tiddaħħal informazzjoni rilevanti fis-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE. L-iskambju strateġiku regolari jenħtieġ li jinkludi skambji dwar għodod prattiċi, bħal valutazzjonijiet tar-riskju, u l-evalwazzjoni tagħhom.

Filwaqt li ż-żieda fl-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri tal-UE hija neċessità assoluta, mhux dejjem tkun biżżejjed biex tindirizza b’mod effettiv it-theddid globali. Din hija r-raġuni għaliex, il-kooperazzjoni internazzjonali hija komponent ewlieni għal rispons effettiv għat-theddid. Il-ftehimiet bilaterali ma’ sħab ewlenin għandhom rwol importanti fl-iskambju tal-informazzjoni, l-iżgurar ta’ evidenza u ħjiel investigattivi minn ġurisdizzjonijiet barra l-UE. F’dan ir-rigward, l-Interpol, l-organizzazzjoni internazzjonali ta’ pulizija kriminali, taqdi rwol importanti. Minkejja l-kooperazzjoni li ilha teżisti bejn l-UE u l-Interpol, hemm oqsma fejn il-kooperazzjoni jenħtieġ li tiġi stabbilita jew tissaħħaħ. L-Interpol hija sieħeb ewlieni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, pereżempju minħabba l-għarfien espert tagħha dwar ġellieda terroristiċi barranin. Dan jinkludi, pereżempju, il-ħidma tagħha dwar il-ġbir ta’ informazzjoni dwar il-kamp tal-battalja u l-prevenzjoni ta’ qsim tal-fruntieri mhux detett. Bosta korpi tal-UE qed iħabbtu wiċċhom mal-ħtieġa operazzjonali li jkollhom aċċess għall-bażijiet ta’ data tal-Interpol biex iwettqu l-kompiti tagħhom. Sabiex tippermetti aċċess bħal dan f’konformità mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-UE, il-Kummissjoni qed tħejji l-istrumenti xierqa biex tinnegozja ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-Interpol.

L-appoġġ ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjoni

56  L-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja għandhom rwol essenzjali fl-iskoperta tal-finanzjament tat-terroriżmu peress li jirċievu rapporti ta’ tranżazzjonijiet suspettużi minn firxa wiesgħa ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u mhux finanzjarji, li huma janalizzaw ma’ informazzjoni rilevanti oħra qabel ma jxerrdu r-riżultati tal-analiżi tagħhom lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew lill-prosekuturi. Il-Kummissjoni se tikkunsidra kif ittejjeb il-kapaċità analitika tagħhom permezz tal-istabbiliment ta’ Mekkaniżmu ta’ Koordinazzjoni u Appoġġ tal-UE għall-Unitajiet tal-intelligence finanzjarja.

L-investigazzjonijiet finanzjarji li jsegwu t-traċċa tal-flus u li jidentifikaw assoċjati li qabel ma kinux magħrufa huma kruċjali. Huma meħtieġa strutturi ġodda biex jappoġġaw l-investigaturi finanzjarji, biex jiffaċilitaw ix-xogħol transfruntier tagħhom u jsaħħu l-effettività tal-investigazzjonijiet finanzjarji f’każijiet ta’ terroriżmu. Il-Kummissjoni tipproponi li jiġi stabbilit network ta’ investigaturi finanzjarji kontra t-terroriżmu. Network bħal dan jappoġġa l-iskambju ta’ tekniki ta’ investigazzjoni u esperjenzi dwar l-investigazzjonijiet finanzjarji, billi jqis il-ħidma mwettqa mill-Unitajiet nazzjonali tal-Intelligence Finanzjarja. Dan jenħtieġ li jinvolvi lill-Europol u liċ-Ċentru Ewropew tagħha għall-Kriminalità Finanzjarja u Ekonomika, jikkoopera man-Network tal-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi, u jikkontribwixxi biex itejjeb l-analiżi tal-investigaturi, il-fehim tax-xejriet u r-riskji emerġenti, u jsaħħaħ il-kapaċità tagħhom. 
 
Biex jiġu investigati l-finanzjament tat-terroriżmu u networks terroristiċi usa’, l-investigaturi jeħtieġu aċċess għal informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji. Il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u tal-infurzar tal-liġi jkollhom aċċess transfruntier rapidu għal informazzjoni nazzjonali dwar il-kontijiet bankarji fi Stati Membri oħra 57 . Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tal-kontijiet tal-bank ċentrali, li l-Kummissjoni tqis bħala fattibbli 58 . Dan jirrispondi wkoll għas-sejħa tal-Kunsill lill-Kummissjoni biex tikkunsidra t-tisħiħ tal-qafas legali għall-interkonnessjoni tal-mekkaniżmi ċentralizzati nazzjonali 59 . Fl-2021, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tipproponi leġiżlazzjoni biex tinkiseb din l-interkonnessjoni u jinħolqu reġistri interkonnessi tal-kontijiet bankarji. Il-Kummissjoni se tikkunsidra li tippermetti l-aċċess għal reġistru bħal dan mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u mill-uffiċċji tal-irkupru tal-assi, soġġett għal valutazzjoni tal-impatt inkluż dwar id-drittijiet fundamentali u b’rispett sħiħ tal-prinċipji tal-proporzjonalità 60 . Dan se jtejjeb il-kooperazzjoni transfruntiera. Fl-2021, il-Kummissjoni se tivvaluta mill-ġdid ukoll it-theddid u l-vulnerabbiltajiet relatati mal-finanzjament barrani tat-terroriżmu u l-ġbir u t-trasferimenti ta’ fondi permezz ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ 61 , filwaqt li tqis l-iżviluppi reċenti f’dan il-qasam. 

Il-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu 62 (TFTP) iġġenera intelliġenza sinifikanti li għenet fl-investigazzjoni u fl-iskoperta ta’ plottijiet terroristiċi u fit-traċċar ta’ dawk warajhom 63 . Il-Ftehim tat-TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-iskambju ta’ informazzjoni finanzjarja jagħti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Uniti u tal-UE għodda b’saħħitha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u għandu salvagwardji li jiżguraw il-protezzjoni tal-privatezza taċ-ċittadini tal-UE. Ir-rieżami konġunt li jmiss tal-ftehim se jsir fl-2021. 
 
Illum, parti sostanzjali tal-investigazzjonijiet kontra l-forom kollha ta’ kriminalità u terroriżmu jinvolvu informazzjoni kriptata. Il-kriptaġġ huwa essenzjali għad-dinja diġitali, għas-sigurtà tas-sistemi u tat-tranżazzjonijiet diġitali. Din hija għodda importanti għall-protezzjoni taċ-ċibersigurtà u d-drittijiet fundamentali, inkluż il-libertà tal-espressjoni, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data. Fl-istess ħin, din tista’ tintuża wkoll bħala mezz sigur għall-awturi fejn jistgħu jaħbu l-azzjonijiet tagħhom mill-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tidentifika soluzzjonijiet legali, operazzjonali u tekniċi possibbli għal aċċess legali u tippromwovi approċċ li kemm iżomm l-effettività tal-kriptaġġ fil-protezzjoni tal-privatezza u fis-sigurtà tal-komunikazzjonijiet, kif ukoll jipprovdi rispons effettiv għall-kriminalità u t-terroriżmu.

64 65 Kif rikonoxxut mill-Ministri tal-UE fid-Dikjarazzjoni konġunta tagħhom tat-13 ta’ Novembru 2020, id-disponibbiltà tal-evidenza diġitali u l-aċċess għaliha huma essenzjali. Huwa meħtieġ qafas ċar u robust għal aċċess transfruntier f’waqtu għal evidenza elettronika u għal ħjiel investigattivi peress li l-evidenza diġitali hija meħtieġa f’madwar 85 % tal-investigazzjonijiet kriminali kollha. Il-Kummissjoni tistieden lill-koleġiżlaturi biex jiżguraw aċċess rapidu u affidabbli għall-evidenza elettronika għall-awtoritajiet, billi jadottaw b’mod urġenti l-proposti dwar l-evidenza elettronika. Barra minn hekk, huwa importanti li l-Istati Membri kollha jistabbilixxu konnessjoni mas-Sistema ta’ Skambju Diġitali tal-Evidenza (eEDES) mingħajr dewmien żejjed. Il-Kummissjoni biħsiebha tistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni futur tal-eEDES fi proposta leġiżlattiva dwar id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja.

L-UE teħtieġ ukoll regoli b’saħħithom għall-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali tagħna fl-investigazzjonijiet diġitali. Il-Konvenzjoni ta’ Budapest dwar iċ-Ċiberkriminalità hija l-qafas internazzjonali għal kooperazzjoni bħal din. Il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex jiġu ffinalizzati n-negozjati fil-bidu tal-2021 dwar qafas aġġornat (it-tieni protokoll addizzjonali), li jindirizza l-isfidi tal-kriminalità ffaċilitata miċ-ċibernetika tal-lum, inkluż it-terroriżmu, permezz ta’ għodod ta’ kooperazzjoni ġodda u msaħħa bis-salvagwardji meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Il-Kummissjoni se tavvanza n-negozjati dwar ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-aċċess transfruntier għal evidenza elettronika malajr kemm jista’ jkun, filwaqt li tiżgura li l-eżitu tan-negozjati jkun kompatibbli mar-regoli interni tal-Unjoni dwar l-evidenza elettronika.

66 Barra minn hekk, l-evidenza mill-kamp tal-battalja, jiġifieri informazzjoni skoperta u miġbura mill-forzi militari waqt operazzjonijiet fil-kamp tal-battalja jew minn partijiet privati f’żona ta’ konflitt, hija ta’ importanza kbira għall-prosekuzzjoni. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri biex jużaw informazzjoni mill-kamp tal-battalja biex jidentifikaw, jiskopru u jipproċedu kontra ġellieda terroristi barranin li jirritornaw permezz tal-istabbiliment tal-aħjar prattiki, l-iskambju ta’ informazzjoni kif ukoll il-finanzjament possibbli tal-proġetti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna se jkomplu jappoġġaw u jsaħħu l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ewlenin bħall-Istati Uniti, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni u l-iżgurar tal-integrazzjoni ta’ informazzjoni mill-kamp tal-battalja fl-arkitettura u fin-networks Ewropej tas-sigurtà.

67 68 69 Sabiex jiġi żgurat l-aċċess għall-evidenza diġitali u l-ħjiel investigattivi, l-Istati Membri jiddependu fuq oqfsa taż-żamma ta’ data biex jissalvagwardjaw is-sigurtà nazzjonali u pubblika u fit-twettiq ta’ investigazzjonijiet kriminali. Id-deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar iż-żamma ta’ data, filwaqt li jikkonfermaw li l-liġi tal-UE tipprekludi ż-żamma ta’ data ġenerali u indiskriminata, identifikaw ċerti sitwazzjonijiet fejn iż-żamma hija permissibbli, abbażi ta’ obbligi ċari u proporzjonati stabbiliti fil-liġi u soġġetta għal salvagwardji sostantivi u proċedurali stretti. Fid-dikjarazzjoni konġunta reċenti tagħhom, il-Ministri għall-Affarijiet Interni tal-UE enfasizzaw l-importanza li titfassal triq ’il quddiem dwar iż-żamma ta’ data għal skopijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-għażliet disponibbli biex tiżgura li t-terroristi u kriminali oħra jkunu jistgħu jiġu identifikati u traċċati, filwaqt li tirrispetta l-liġi tal-UE kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri għall-investigazzjoni u l-ġbir tal-evidenza huwa aspett importanti tar-rispons tal-ġustizzja kriminali għat-terroriżmu. Il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll il-ħtieġa għal regoli dwar l-użu transfruntier tal-evidenza fi proċedimenti kriminali. Barra minn hekk, hemm il-ħtieġa li jiġu identifikati rabtiet potenzjali bejn il-proċedimenti ġudizzjarji (investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet) f’każijiet ta’ terroriżmu fl-Istati Membri. Għal dan il-għan, l-Eurojust stabbiliet ir-Reġistru Kontra t-Terroriżmu fl-2019. Ir-Reġistru jenħtieġ li jsir għodda proattiva biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni fil-proċedimenti ġudizzjarji transfruntiera kontra t-terroriżmu u l-Eurojust għandu jkollha riżorsi adegwati. Għal dan il-għan, fl-2021, il-Kummissjoni se tadotta proposta leġiżlattiva biex ittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni u l-koordinazzjoni fi proċedimenti ġudizzjarji f’każijiet ta’ terroriżmu transfruntiera, sabiex dan l-iskambju jkun sigur u effiċjenti u sabiex l-Eurojust tkun tista’ tirreaġixxi għalih fil-ħin.

Appoġġ imsaħħaħ għall-vittmi tat-terroriżmu 
L-iżgurar li l-vittmi tat-terroriżmu jirċievu l-appoġġ, il-protezzjoni u r-rikonoxximent meħtieġ huwa parti kruċjali mir-rispons għat-terroriżmu. L-UE adottat sett robust ta’ regoli dwar l-appoġġ u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi, inklużi l-vittmi tat-terroriżmu 70 . Barra minn hekk, id-Direttiva dwar il-Kumpens tal-2004 71 tirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ skemi nazzjonali ta’ kumpens, inkluż għall-vittmi tat-terroriżmu.    

F’Jannar 2020, il-Kummissjoni stabbilixxiet Ċentru ta’ għarfien espert tal-UE għall-vittmi tat-terroriżmu bħala proġett pilota ta’ sentejn 72 . Iċ-Ċentru jgħin lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet nazzjonali ta’ appoġġ għall-vittmi bl-applikazzjoni tar-regoli tal-UE, billi jipprovdi linji gwida, attivitajiet ta’ taħriġ u jaġixxi bħala ċentru ta’ għarfien espert. Il-ħtieġa għall-kontinwazzjoni tiegħu se tiġi vvalutata sal-aħħar tal-2021. Se tiġi esplorata wkoll integrazzjoni possibbli f’Ċentru ta’ Għarfien futur tal-UE dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni. F’Ġunju 2020, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Strateġija tal-UE tagħha dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025) 73 . L-Istrateġija tagħti attenzjoni speċjali lill-vittmi l-aktar vulnerabbli, inklużi l-vittmi tat-terroriżmu. Sabiex jittejbu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni għall-vittmi tat-terroriżmu, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu punti uniċi ta’ kuntatt nazzjonali għall-vittmi tat-terroriżmu 74 . Skont l-Istrateġija, il-Kummissjoni se tivvaluta r-regoli eżistenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi u, jekk meħtieġ, tipproponi bidliet leġiżlattivi sal-2022. Il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll kif l-aċċess tal-vittmi għall-kumpens jista’ jittejjeb, inkluż fir-rigward tal-vittmi tat-terroriżmu f’sitwazzjonijiet transfruntiera, li huma residenti ta’ Stat Membru ieħor milli dak fejn seħħ l-attakk terroristiku. Il-Kummissjoni tfakkar lill-vittmi kull sena matul il-Jum Ewropew b’Tifkira tal-vittmi tat-terroriżmu, biex turi l-unità u r-reżiljenza kontra t-terroriżmu fi ħdan is-soċjetà tagħna.

AZZJONIJIET EWLENIN

Il-Kummissjoni se:

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mħeġġa biex:

·Tipproponi li jiġu riveduti d-Deċiżjonijiet ta’ Prüm.

·Toħloq network ta’ investigaturi finanzjarji kontra t-terroriżmu biex itejbu l-investigazzjonijiet finanzjarji transfruntiera.

·Tappoġġa lill-Istati Membri biex jużaw informazzjoni mill-kamp tal-battalja biex jidentifikaw, jiskopru u jressqu Ġellieda Terroristi Barranin li jirritornaw.

·Tipproponi mandat biex tinnegozja ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-Interpol.

·Tappoġġa vittmi tat-terroriżmu, anki permezz taċ-Ċentru ta’ Għarfien Espert għall-vittmi tat-terroriżmu.

·Jadottaw b’mod urġenti l-proposti dwar l-evidenza elettronika biex jiżguraw aċċess rapidu u affidabbli għall-evidenza elettronika għall-awtoritajiet.

·Jeżaminaw il-proposta ta' eżami mill-ġdid mal-mandat tal-Europol.

5. IT-TISĦIĦ TAL-KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI FL-ERBA’ PILASTRI KOLLHA 

Is-sħubijiet kontra t-terroriżmu, inkluża l-kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi fil-viċinat tal-UE, huma essenzjali biex tittejjeb is-sigurtà fl-UE. Il-Kunsill talab aktar tisħiħ tal-involviment estern tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu b’enfasi fuq il-Balkani tal-Punent, l-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani, ir-reġjun tas-Saħel, il-Qarn tal-Afrika, f’pajjiżi Afrikani oħra fejn qed jiżdiedu attivitajiet terroristiċi, u f’reġjuni ewlenin fl-Asja. Impenn bħal dan jista’ jgħin lill-Istati Membri fil-ħidma tagħhom biex jagħlqu l-attività terroristika, kif ukoll biex jaħdmu fuq livell globali biex jiġġieldu l-organizzazzjonijiet terroristiċi. F’dan ir-rigward, l-appoġġ min-network ta’ esperti tas-CT/Sigurtà fid-Delegazzjonijiet tal-UE fl-iffaċilitar tal-kooperazzjoni u l-promozzjoni tal-bini tal-kapaċitajiet jibqa’ essenzjali.

Il-kooperazzjoni mas-sħab tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, anki permezz ta’ aġenziji rilevanti tal-UE, tibqa’ fundamentali. L-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt dwar il-Ġlieda kontra t-terroriżmu għall-Balkani tal-Punent 75 , inkluża l-integrazzjoni ulterjuri tar-reġjun fl-attivitajiet tan-Network ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni hija essenzjali. Il-Kummissjoni se tkompli tagħti prijorità lill-kooperazzjoni fil-qasam tal-pulizija u dak ġudizzjarju. Il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u l-protezzjoni taċ-ċittadini u tal-infrastruttura hija wkoll kruċjali 76 . Il-kooperazzjoni mas-sħab tal-Balkani tal-Punent fil-qasam tal-armi tan-nar se tiżdied fis-snin li ġejjin bl-involviment akbar tagħhom fil-prijorità tal-Armi tan-nar tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (European Multidisciplinary Platform Against Criminal Threats, EMPACT). Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tappoġġa finanzjarjament lis-sħab tal-Balkani tal-Punent, lill-Ukrajna u lill-Moldova bl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar it-traffikar tal-armi tan-nar.

Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ prijorità fil-Viċinat tan-Nofsinhar jenħtieġ li tissaħħaħ aktar biex jissaħħu l-miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, inklużi l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll il-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt. Il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran huma wkoll prijorità għall-UE għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni tal-pulizija, meta titqies il-prossimità ġeografika tagħhom u t-theddid komuni għas-sigurtà. Il-Kummissjoni għandha mandat biex tinnegozja ftehimiet internazzjonali mal-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, it-Tuneżija, il-Marokk u l-Libanu biex jiskambjaw data personali mal-Europol fil-qafas tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata serja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bħalissa qed tfittex awtorizzazzjoni mill-Kunsill biex tiftaħ negozjati ma’ għaxar 77 pajjiżi terzi dwar il-kooperazzjoni bejn l-Eurojust u dawn il-pajjiżi terzi sabiex twieġeb b’mod effettiv għat-terroriżmu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se żżid il-kooperazzjoni f’pajjiżi ewlenin fl-Afrika Sub-Saħarjana u fl-Asja f’oqsma ewlenin tal-istrateġija kollha.

B’mod partikolari, l-UE jenħtieġ li żżid l-involviment tagħha mal-korpi rilevanti tan-NU bħall-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (UNOCT) kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet oħra bħall-OSKE jew il-Kunsill tal-Ewropa dwar kwistjonijiet relatati mat-terroriżmu.

Il-Kummissjoni u s-SEAE se jsaħħu wkoll l-involviment tagħhom ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NATO, l-Interpol, it-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (Financial Action Task Force, FATF), kif ukoll il-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu, u ma’ sħab strateġiċi ewlenin bħall-Istati Uniti, il-Kanada u New Zealand kif ukoll il-Koalizzjoni Globali kontra Da’esh, biex jaqsmu esperjenzi, irawmu kooperazzjoni aktar mill-qrib, inkluż bi skambji dwar ir-rwol tal-internet u l-midja soċjali, u jsaħħu l-kapaċitajiet tar-riċerka relatati mal-prevenzjoni. Globalment, l-UE se tkompli tagħti s-setgħa lis-soċjetà ċivili, lill-atturi fil-livell taċ-ċittadini u tal-komunità fl-iżvilupp tar-reazzjonijiet biex jiġu indirizzati individwi vulnerabbli u jiġu appoġġati soċjetajiet reżiljenti.

L-approċċ tal-UE għas-sigurtà esterna fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u l-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) se jibqa’ komponent essenzjali tal-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti sabiex tissaħħaħ l-istabbiltà u jiġu protetti l-interessi tas-sigurtà Ewropea. Ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President, appoġġat mis-SEAE se jkompli jkollu rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni strateġika u operazzjonali ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, billi jagħmel użu sħiħ mill-għodod esterni tiegħu, bħad-Djalogi ta’ Livell Għoli Kontra t-Terroriżmu, in-network ta’ esperti fil-Ġlieda kontra t-Terroriżmu/fis-Sigurtà fid-Delegazzjonijiet tal-UE u, fejn rilevanti, missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK.

AZZJONIJIET EWLENIN:

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/Viċi President, skont il-każ, se:

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mħeġġa biex:

·Jżidu l-kooperazzjoni mas-sħab tal-Balkani tal-Punent fil-qasam tal-armi tan-nar

·Jinnegozjaw ftehimiet internazzjonali mal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar biex jiskambjaw data personali mal-Europol.

·Jsaħħu l-involviment ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

·Jsaħħu l-kooperazzjoni strateġika u operazzjonali ma’ reġjuni oħra bħar-reġjun tas-Saħel, il-Qarn tal-Afrika, ma’ pajjiżi Afrikani oħra u reġjuni ewlenin fl-Asja.

·Jawtorizzaw il-ftuħ ta’ negozjati mal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar biex jippermettu l-kooperazzjoni mal-Eurojust.

KONKLUŻJONIJIET 

It-theddida mit-terroriżmu hija reali, perikoluża, u, sfortunatament, persistenti. Din titlob impenn imġedded u sostnut biex naħdmu flimkien biex niġġieldu kontra t-theddida. Din titlob unità quddiem it-terroriżmu, li jfittex li jkisser. Din l-Aġenda Kontra t-Terroriżmu għall-UE tistabbilixxi t-triq ’il quddiem.

Biex tara li timplimenta u tikkoordina dan ix-xogħol, il-Kummissjoni se taħtar Kordinatur kontra t-Terroriżmu, li l-kompitu tiegħu jkun li jikkoordina l-fergħat differenti tal-politika tal-UE u l-finanzjament fil-qasam ta’ kontra t-terroriżmu fil-Kummissjoni, inkluż il-koperazzjoni u l-koordinazzjoni mal-Istati Membri, f’kollaborazzjoni mal-Kordinatur tal-UE kontra t-Terroriżmu tal-Kunsill, kif ukoll l-Aġenziji tal-UE rilevanti, u l-Parlament Ewropew.

Il-pedamenti inklużivi u bbażati fuq id-drittijiet tal-Unjoni tagħna huma l-aktar protezzjoni b’saħħitha tagħna kontra t-theddida tat-terroriżmu. Soċjetà inklużiva u akkoljenti li tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet ta’ kulħadd hija soċjetà fejn it-terroristi se jsibuha aktar diffiċli li jirradikalizzaw u jirreklutaw. Flimkien jeħtiġilna nħarsu, insaħħu u niddefendu l-valuri demokratiċi u fundamentali tagħna kontra dawk li jfittxu li jdgħajfuhom. Għal dan il-għan, jeħtieġ li ninvestu fil-koeżjoni soċjali, fl-edukazzjoni u fis-soċjetajiet inklużivi fejn kulħadd iħoss li l-identità tiegħu jew tagħha hija rrispettata u li huma jappartjenu bis-sħiħ għall-komunità kollha kemm hi.

Din l-Aġenda Kontra t-Terroriżmu għall-UE tibni fuq politiki u strumenti eżistenti u se ssaħħaħ il-qafas tal-UE biex tkompli ttejjeb l-antiċipazzjoni tat-theddid u r-riskji, tipprevjeni r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti, tipproteġi lin-nies u lill-infrastrutturi, inkluż permezz tas-sigurtà tal-fruntiera esterni, u tirrispondi b’mod effettiv wara l-attakki.

Filwaqt li din l-Aġenda tħabbar sensiela ta’ miżuri ġodda, l-implimentazzjoni u l-infurzar jibqgħu kruċjali u jrid ikun hemm sforz komuni biex dan jiġi żgurat, mill-adozzjoni u l-applikazzjoni rapidi tal-qafas legali sal-punt li jitħaffef l-impatt tal-miżuri fil-prattika. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u żżomm lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-partijiet ikkonċernati infurmati u involuti fl-azzjonijiet rilevanti kollha għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Kontra t-Terroriżmu għall-UE.

(1)

     Ara EEAS(2020) 1114.

(2)

     COM(2020) 797.

(3)

     Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, 24.7.2020, COM(2020) 605 final.

(4)

     Cf. l-aktar reċenti l-vidjokonferenza tal-ministri tal-Affarijiet Interni tat-13 ta’ Novembru 2020 li adottat dikjarazzjoni konġunta: https://www.consilium.europa.eu/mt/meetings/jha/2020/11/13/

(5)

     Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, ĠU L 88/6, 31.3.2017.

(6)

     Id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali, ĠU L 284, 12.11.2018. Id-Danimarka u l-Irlanda mhumiex marbutin bid-Direttiva. Id-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE, ĠU L 156/43, 19.6.2018.

(7)

     Fil-qafas tal-proġett pilota għal Eżerċizzji Paralleli u Kkoordinati (PACE) maqbul man-NATO, diġà ġew organizzati żewġ settijiet ta’ eżerċizzji fl-2017 u fl-2018. L-isforzi bħalissa huma ffukati fuq l-implimentazzjoni tat-tagħlimiet identifikati matul dawk l-eżerċizzji. L-UE u n-NATO qablu li jestendu l-kunċett PACE għall-perjodu 2022-2023. Bħala objettiv fit-tul, l-UE tappoġġa approċċ aktar ambizzjuż dwar l-eżerċizzji PACE, inkluża l-parteċipazzjoni attiva tal-Istati Membri tal-UE u l-alleati tan-NATO fil-fażi tat-twettiq tagħhom.

(8)

     B’segwitu ta’ inizjattivi ta’ suċċess bħall-proġetti DANTE u TENSOR. Il-proġett DANTE wassal soluzzjonijiet effettivi, effiċjenti u awtomatizzati għall-estrazzjoni ta’ data u l-analitika u sistema integrata biex jiġu skoperti, jinstabu, jinġabru u jiġu analizzati ammonti kbar ta’ kontenunt relatat mat-terroristi eteroġenu u kumpless multimedjali u b’ħafna lingwi, mis-surface Web, mid-deep web u mid-darknets. (https://cordis.europa.eu/project/id/700367). TENSOR kellu approċċ komplementari għal DANTE u żviluppa pjattaforma li tipprovdi lill-awtoritajiet tal-pulizija bl-għodod meħtieġa biex itejbu l-kapaċità tagħhom biex jittrattaw ammonti kbar ta’ kontenut online fid-detezzjoni bikrija ta’ attivitajiet organizzati online dwar it-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ. (https://cordis.europa.eu/project/id/700024)

(9)

     RED-Alert juża tekniki tal-analitika avvanzati, bħall-analiżi tan-network soċjali tal-lingwi naturali, l-intelliġenza artifiċjali u l-ipproċessar ta’ avvenimenti kumplessi, biex jindirizza l-ħtiġijiet tal-infurzar tal-liġi f’termini ta’ prevenzjoni u azzjoni rigward l-attività terroristika online fuq il-midja soċjali. ( https://cordis.europa.eu/project/id/740688 )

(10)

     PREVISION huwa proġett li għadu għaddej li l-objettivi tiegħu huma li jipprovdi lill-infurzar tal-liġi bil-kapaċitajiet tal-analiżi u l-isfruttar b’mod konġunt ta’ bosta flussi ta’ data massivi, l-integrazzjoni tagħhom semantikament fi graffs ta’ għarfien dinamiku kif ukoll tbassir ta’ mġiba anormali jew devjanti u riskji ta’ radikalizzazzjoni. ( https://cordis.europa.eu/project/id/833115 )

(11)

     Fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili, qafas legali jistabbilixxi standards ta’ prestazzjoni għat-tagħmir ta’ detezzjoni. Dan il-qafas japplika biss għas-sigurtà tal-avjazzjoni u mhux, pereżempju, għat-tagħmir ta’ detezzjoni użat biex jipproteġi spazji pubbliċi oħra.

(12)

     Il-livell ta’ allert ta’ terroriżmu kif definit mill-awtoritajiet nazzjonali, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom.

(13)

     White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali: Approċċ Ewropew għall-eċċellenza u għall-fiduċja (COM(2020) 65 final, 19.2.2020).

(14)

     Permezz tar-regolamenti Ewropej ġodda dwar id-droni u l-prospett ta’ qafas Ewropew għall-ġestjoni tat-traffiku mingħajr bdot abbord (l-U-Space). Il-leġiżlazzjoni reċenti tal-UE f’dan il-qasam se tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-operazzjonijiet tad-droni billi teħtieġ li l-biċċa l-kbira tad-droni jiġu mgħammra b’funzjonijiet ta’ identifikazzjoni mill-bogħod u ġeokonsapevolezza. Minn Jannar 2021, l-operaturi tad-droni se jkunu meħtieġa wkoll jirreġistraw mal-awtoritajiet nazzjonali. Dan huwa kkomplementat minn proposta mill-Kummissjoni dwar qafas regolatorju għall-U-space, is-sistema Ewropea għall-ġestjoni tat-traffiku mingħajr bdot abbord, biex jiżgura l-operazzjonijiet sikuri u siguri tad-droni.

(15)

   Cf. il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Azzjoni Esterna tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu tad-19 ta’ Ġunju 2017.

(16)

      https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/what-we-do/policies/european-agenda-security/20191007_agenda-security-factsheet-eu-crisis-protocol_en.pdf

(17)

      https://www.christchurchcall.com/call.html

(18)

          Ir-riżultati huma ġeneralment pożittivi billi l-kumpaniji tal-IT jivvalutaw 90 % tal-kontenut immarkat fi żmien 24 siegħa u jneħħu 71 % tal-kontenut meqjus bħala diskors ta’ mibegħda illegali. https://ec.europa.eu/info/policies/justice-and-fundamental-rights/combatting-discrimination/racism-and-xenophobia/eu-code-conduct-countering-illegal-hate-speech-online_en .

(19)

     F’dan il-kuntest, is-sorveljanza tal-komunità hija sforz kollaborattiv bejn l-infurzar tal-liġi u l-komunitajiet biex jiġu prevenuti u miġġielda l-isfidi relatati mar-radikalizzazzjoni vjolenti.

(20)

     COM(2020) 758 final.

(21)

   Unjoni ta’ ugwaljanza: Pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025 (COM(2020) 565 final, 18.9.2020).

(22)

     Il-Kummissjoni se taħdem ukoll fuq il-kwistjoni tal-arrest preventiv, filwaqt li żżomm f’moħħha li perjodi twal ta’ arrest preventiv jistgħu jsaħħu r-riskju tar-radikalizzazzjoni.

(23)

     Dan jinkludi l-persunal tal-ħabsijiet u tal-probation, kif ukoll professjonisti oħra li jaħdmu fil-ħabsijiet u wara r-rilaxx (pereż. kappillani, psikologi, assistenti soċjali, NGOs, eċċ.).

(24)

     https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/what-we-do/networks/radicalisation_awareness_network/ran-papers/docs/ran_rehab_manual_en.pdf

(25)

     Ir-reazzjonijiet fuq mudelli ta’ kollaborazzjoni u protokolli għad-diżimpenn u għar-riintegrazzjoni, kif ukoll it-tħejjija tal-partijiet ikkonċernati se jiġu pprovduti minn proġetti taħt sejħa dedikata mill-Fond għas-Sigurtà Interna ta’ EUR 4 miljun . Il-proġetti se jindirizzaw id-diżimpenn u r-riintegrazzjoni ta’ trasgressuri estremisti u individwi radikalizzati relatati mal-estremiżmu vjolenti tal-lemin u dak Iżlamista, inkluż ir-ritorn ta’ ġellieda terroristi barranin u l-familji tagħhom.

(26)

     Id-Direttiva (UE) 2016/800 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali, ĠU L 132/1 tal-21.5.2016. Ara l-Premessa 9: “It-tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali għandhom jingħataw attenzjoni partikolari sabiex jiġi ppreservat il-potenzjal tagħhom għall-iżvilupp u għall-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-soċjetà.

(27)

     Possibbilment kofinanzjat permezz tal-programmi nazzjonali tal-Fond għas-Sigurtà Interna.

(28)

   B’mod partikolari l-finanzjament taħt il-Fond għas-Sigurtà Interna, il-Programm dwar iċ-Ċittadinanza, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, il-Programm dwar il-Ġustizzja, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus u Erasmus+.

(29)

     Ċentru futur bħal dan jista’ jibni fuq il-ħidma tal-proġett pilota ta’ sentejn taċ-Ċentru ta’ Għarfien Espert tal-UE għall-vittmi tat-terroriżmu u jiżgura kooperazzjoni mill-qrib man-networks eżistenti fil-qasam tad-drittijiet tal-vittmi bħan-Network Ewropew dwar id-Drittijiet tal-Vittmi u l-Punti uniċi ta’ kuntatt għall-vittmi tat-terroriżmu.

(30)

     Il-Kummissjoni ħarġet materjal ta’ gwida dwar kif jiġu protetti fiżikament l-ispazji pubbliċi, pereż. https://ec.europa.eu/jrc/en/publication/guideline-building-perimeter-protection

(31)

     Ara wkoll id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – Prattiki tajbin biex jappoġġaw il-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi, 20.3.2019, SWD (2019) 140 final.

(32)

     Taħt il-Fond għas-Sigurtà Interna – il-Pulizija, il-Kummissjoni ħarġet sejħiet għal proġetti li jtejbu l-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi fl-2017, fl-2019, u fl-2020 b’valur ta’ aktar minn EUR 40 miljun għal inizjattivi mmexxija mill-partijiet ikkonċernati. Il-Fond appoġġa wkoll it-taħriġ u l-eżerċizzji ta’ diversi networks tal-infurzar tal-liġi li jipproteġu l-ispazji pubbliċi kontra t-terroriżmu, bħan-network ATLAS tal-unità ta’ interventi speċjali, u t-tnedija tal-attivitajiet ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà Protettiva.

(33)

     L-atturi tal-attakki ta’ Pariġi f’Novembru kienu membri tal-IS fis-Sirja jew fl-Iraq. [...] Fis-snin preċedenti kien ġie rrappurtat li l-maġġoranza tal-FTFs jużaw id-dokumenti ġenwini tagħhom stess biex jivvjaġġaw. Madankollu, l-użu ta’ dokumentazzjoni falza jidher biċ-ċar li jseħħ, kif ġara fil-każ ta’ għadd ta’ individwi involuti fl-attakki ta’ Pariġi ta’ Novembru (Europol, Rapport tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu, 2016).

(34)

     L-implimentazzjoni tal-arkitettura l-ġdida tal-IT u l-interoperabbiltà, l-implimentazzjoni tal-EBCG 2.0, l-adozzjoni rapida tal-Proposta tal-iskrinjar.

(35)

      https://www.eulisa.europa.eu/Activities/Interoperability . F’konformità mal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà:  https://ec.europa.eu/isa2/eif_en ; Ara COM(2017)134 final.

(36)

     Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ, is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, Eurodac, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (il-parti tagħha relatata ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi).

(37)

     Kif stabbilit mir-Regolament (UE) 2017/2226, 9.12.2017, ĠU L 327.

(38)

     Kif stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/1240, 19.9.2018, ĠU L 236/1.

(39)

     Kif stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/816, 22.5.2019, ĠU L 135/1.

(40)

     Ir-Regolament (UE) 2018/1860, ir-Regolament (UE) 2018/1861 u r-Regolament (UE) 2018/1862.

(41)

     Id-Direttiva 2008/115/KE. It-tul ta’ projbizzjoni ta’ dħul jista’ jeċċedi l-ħames snin jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali. Barra minn hekk, l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jadottaw miżuri biex jipprojbixxu d-dħul u s-soġġorn kontra ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed jgħixu f’pajjiż terz.

(42)

     Bħall-eżistenza tad-Direttiva dwar il-PNR u l-istrumenti tal-protezzjoni tad-data tal-UE.

(43)

     COM(2020) 608.

(44)

     “transfruntier” tfisser “bejn kwalunkwe fruntiera”, filwaqt li tfisser ukoll speċifikament “kwistjonijiet li jolqtu speċifikament ir-reġjuni fuq iż-żewġ naħat ta’ fruntiera interna jew esterna kondiviża”.

(45)

      Xi eżempji ta’ attakki devastanti bħal dawn jinkludu l-attakki f’Oslo (2011), f’Pariġi (2015), fi Brussell (2016), u f’Manchester (2017). L-attakk bi splussiv magħmul id-dar f’Lyon (2019) darab 13-il persuna.

(46)

     Sustanzi kimiċi li jistgħu jintużaw ħażin għall-manifattura ta’ splussivi magħmula d-dar. Dawn huma regolati fir-Regolament (UE) 2019/1148 tal-2019 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi, li se japplika mill-1 ta’ Frar 2021.

(47)

     L-Europol irrapportat li fl-2019, l-intenzjoni li jitwettqu attakki terroristiċi bl-użu ta’ materjali CBRN kompliet tidher fuq fora terroristiċi online u fuq il-midja soċjali. Intużaw fora online magħluqa biex jiġu diskussi modi operandi possibbli u jiġi skambjat l-għarfien permezz ta’ fuljetti ta’ struzzjonijiet, manwali, posters u infografika li fihom riċetti biex jiġu prodotti u mxerrda diversi aġenti (Europol, Rapport tas-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu tal-Unjoni Ewropea, 2020).

(48)

      https://www.bbc.com/news/world-australia-49764450  

(49)

      https://www.dw.com/en/cologne-ricin-plot-bigger-than-initially-suspected/a-44319328  

(50)

     Bħas-Sett ta’ Għodod għar-Riżorsi tal-Bijosigurtà, li l-Kummissjoni ffinanzjat il-ħolqien tiegħu. Dan sar disponibbli għall-Istati Membri fid-19 ta’ Ottubru 2020 matul laqgħa tal-Grupp Konsultattiv dwar is-CBRN.

(51)

     Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (KE) 2580/2001; Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1693 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) 881/2002 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1686.

(52)

     It-Task Force Fraternité analizzat 19-il terabyte ta’ informazzjoni biex tinvestiga aktar il-konnessjonijiet internazzjonali tat-terroristi billi analizzat ir-rekords tal-komunikazzjoni, dawk finanzjarji, tal-internet u dawk forensiċi. L-ipproċessar tal-Europol ta’ data kbira u kumplessa rriżulta f’799 ħjiel ta’ intelligence.

(53)

     Il-proposta se tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt u konsultazzjoni tal-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen u l-korpi rilevanti tal-UE.

(54)

     Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

(55)

     Fil-parti rispettiva tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sigurtà Interna kif adottati mill-Kunsill ĠAI fl-4 ta’ Diċembru u l-Konklużjonijiet dettaljati maqbula mill-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Terroriżmu u endorsjati mill-COSI fid-19 ta’ Novembru.

(56)

     Kif issuġġerit fil-Pjan ta’ Azzjoni Kontra l-Ħasil tal-Flus tas-7 ta’ Mejju 2020, C(2020) 2800 final.

(57)

     Il-Pjan ta’ Azzjoni Kontra l-Ħasil tal-Flus tas-7 ta’ Mejju 2020, C(2020) 2800 final.

(58)

     COM(2019) 273 final.

(59)

     Ġunju 2020 Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-investigazzjonijiet finanzjarji, dokument tal-Kunsill 8927/20.

(60)

     Ara wkoll COM(2020)605 final.

(61)

   Saru valutazzjonijiet preċedenti fil-Valutazzjoni tar-Riskju Sopranazzjonali tal-Kummissjoni tal-2019, COM(2019) 370 u fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu permezz ta’ koordinazzjoni mtejba fil-livell nazzjonali u trasparenza akbar tas-settur mingħajr skop ta’ qligħ, COM(2005) 620.

(62)

     ĠU L 195, 27.7.2010, p. 5.

(63)

     COM(2013) 843 final.

(64)

     https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2020/11/13/joint-statement-by-the-eu-home-affairs-ministers-on-the-recent-terrorist-attacks-in-europe/

(65)

     Cf. Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2021.

(66)

     Il-Memorandum tal-Eurojust tal-2020 dwar l-Evidenza fil-Kamp tal-Battalja: https://www.eurojust.europa.eu/battlefield-evidence-increasingly-used-prosecute-foreign-terrorist-fighters-eu.

(67)

     Is-Sentenzi f’C-623/17, Privacy International u l-Kawżi Magħquda C-511/18, C-512/18 u C-520/18 Quadrature du Net a.o. tas-6 ta’ Ottubru 2020.

(68)

     Ibid. Dawn jinkludu possibbiltajiet għaż-żamma ġenerali ta’ data dwar it-traffiku u ta’ lokalizzazzjoni biex jitħarsu minn theddid serju għas-sigurtà nazzjonali li huwa ġenwin u preżenti u prevedibbli, iż-żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ lokalizzazzjoni, abbażi ta’ persuni u kriterji ġeografiċi, għall-fini tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju għas-sikurezza pubblika, iż-żamma ġenerali ta’ indirizzi tal-IP assenjati lis-sors ta’ komunikazzjoni għal perjodu ta’ żmien limitat u għall-finijiet tal-ġlieda kontra reati serji, u ż-żamma ġenerali tal-hekk imsejħa data tal-identità ċivili għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali.

(69)

     Dikjarazzjoni konġunta mill-ministri għall-affarijiet interni tal-UE dwar l-attakki terroristiċi reċenti fl-Ewropa, https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2020/11/13/joint-statement-by-the-eu-home-affairs-ministers-on-the-recent-terrorist-attacks-in-europe/

(70)

     Dawn jinkludu d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi 2012/29/UE bi drittijiet għall-vittmi kollha tar-reati kollha, u d-Direttiva (UE) 2017/541 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu li tirrispondi b’mod aktar dirett għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi tat-terroriżmu.

(71)

     Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad-29 ta’ April 2004 li għandha x’taqsam ma’ kumpens għal vittmi ta’ delitti.

(72)

      https://ec.europa.eu/info/policies/justice-and-fundamental-rights/criminal-justice/eu-centre-expertise-victims-terrorism_en .  

(73)

     COM(2020) 258 final.

(74)

     F’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Vittmi tat-Terroriżmu, l-4 ta’ Ġunju 2018 (9719/18).

(75)

     Il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu għall-Balkani tal-Punent, 05.10.2018, https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/news/docs/20181005_joint-action-plan-counter-terrorism-western-balkans.pdf

(76)

      Komunikazzjoni dwar perspettiva kredibbli tat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent. COM (2018)65. p. 10;  https://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2020/10/23/joint-press-statement-eu-western-balkans-ministerial-forum-on-justice-and-home-affairs/ u wkoll https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/news/docs/20181005_joint-action-plan-counter-terrorism-western-balkans.pdf

(77)

     L-Alġerija, l-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Tuneżija u t-Turkija.