IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.12.2020
COM(2020) 789 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur
{SWD(2020) 331 final}
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur
Il-viżjoni tagħna
1.Il-mobbiltà u t-trasport huma importanti għalina lkoll. Mill-ivvjaġġar ta’ kuljum lejn ix-xogħol u lura, iż-żjarat lill-familja u lill-ħbieb, it-turiżmu, il-funzjonament xieraq tal-ktajjen tal-provvista globali għall-prodotti fil-ħwienet tagħna u għall-produzzjoni industrijali tagħna, il-mobbiltà hija faċilitatur tal-ħajja ekonomika u soċjali tagħna. Il-moviment liberu tal-persuni u tal-merkanzija bejn il-fruntieri interni tagħha huwa libertà fundamentali tal-Unjoni Ewropea (UE) u tas-suq uniku tagħha. L-ivvjaġġar fl-UE wassal għal koeżjoni akbar u għal identità Ewropea msaħħa. Bħala t-tieni l-akbar qasam ta’ nfiq għall-unitajiet domestiċi Ewropej, is-settur tat-trasport jikkontribwixxi 5 % għall-PDG Ewropew u jimpjega madwar 10 miljun ħaddiem direttament.
2.Filwaqt li l-mobbiltà ġġib magħha ħafna benefiċċji għall-utenti tagħha, għandha l-kostijiet tagħha għas-soċjetà tagħna. Dawn jinkludu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, it-tniġġis tal-arja, it-tniġġis akustiku u t-tniġġis tal-ilma, iżda wkoll inċidenti u ħabtiet fit-toroq, konġestjoni u telf tal-bijodiversità – li kollha jaffettwaw is-saħħa u l-benesseri tagħna. L-isforzi tal-passat u l-miżuri ta’ politika għadhom ma indirizzawx biżżejjed dawn il-kostijiet. L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tas-settur tat-trasport żdiedu maż-żmien u issa jirrappreżentaw daqs kwart tat-total tal-UE.
3.B’mod sinifikanti, l-aktar sfida serja li qed jiffaċċja s-settur tat-trasport hija li jnaqqas l-emissjonijiet tiegħu b’mod sinifikanti u li jsir aktar sostenibbli. Fl-istess ħin, din it-trasformazzjoni toffri opportunitajiet kbar għal kwalità tal-ħajja aħjar, u għall-industrija Ewropea tul il-ktajjen tal-valur biex timmodernizza, toħloq impjiegi ta’ kwalità għolja, tiżviluppa prodotti u servizzi ġodda, issaħħaħ il-kompetittività u tikseb tmexxija dinjija hekk kif swieq oħrajn qegħdin jimxu b’pass mgħaġġel lejn mobbiltà mingħajr emissjonijiet. Minħabba l-proporzjon għoli tagħha ta’ emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra, il-mira tal-UE ta’ tnaqqis ta’ mill-inqas -55 % ta’ gassijiet serra sal-2030 u tan-newtralità klimatika sal-2050 se tintlaħaq biss bl-introduzzjoni ta’ politiki aktar ambizzjużi biex id-dipendenza tat-trasport fuq il-fjuwils fossili titnaqqas mingħajr dewmien, u f’sinerġija ma’ sforzi ta’ tniġġis żero. Is-suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew jiddependi fuq il-kapaċità tagħna li s-sistema tat-trasport nagħmluha sostenibbli kollha kemm hi.
4.Il-pandemija tal-COVID-19 uriet b'mod ċar li s-salvagwardja ta' suq uniku li jiffunzjona tajjeb hija ta' importanza vitali għall-UE. Il-kriżi wriet ir-rwol essenzjali tat-trasport u l-kostijiet soċjali, ekonomiċi, tas-saħħa u ekonomiċi meta l-moviment liberu tal-persuni, tal-merkanzija u tas-servizzi jkun ristrett b’mod sever jew saħansitra jitnaqqas għalkollox. Il-preservazzjoni tal-ktajjen tal-provvista u approċċ Ewropew koordinat għall-konnettività u l-attività tat-trasport huma essenzjali biex tingħeleb kull kriżi u biex jissaħħu l-awtonomija strateġika u r-reżiljenza tal-UE.
5.Għalhekk, li jiġi żgurat li s-sistema tat-trasport tagħna tkun verament reżiljenti kontra kriżijiet futuri jrid ikun ukoll objettiv ewlieni tal-politika tat-trasport tal-UE għall-ġejjieni. It-tlestija taż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport kif prevista fil-White Paper tal-2011 tibqa’ l-pedament tal-politika Ewropea tat-trasport. It-trawwim tal-koeżjoni, it-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali kif ukoll it-titjib tal-konnettività u l-aċċess għas-suq intern għar-reġjuni kollha, jibqgħu ta’ importanza strateġika għall-UE. Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt sinifikanti fuq il-mobbiltà. Fil-kuntest tal-irkupru minn din il-kriżi serja, l-appoġġ pubbliku jenħtieġ li jgħin il-mobbiltà “tinbena mill-ġdid aħjar” u tagħmel qabża kbira ’l quddiem lejn futur sostenibbli u aktar intelliġenti.
6.L-ekoloġizzazzjoni tal-mobbiltà trid tkun il-liċenzja l-ġdida biex is-settur tat-trasport jikber. Il-mobbiltà fl-Ewropa jenħtieġ li tkun ibbażata fuq sistema tat-trasport multimodali effiċjenti u interkonnessa, kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija, imsaħħa permezz ta’ network ferrovjarju affordabbli ta’ veloċità għolja, permezz ta’ infrastruttura abbundanti tal-iċċarġjar u tal-forniment tal-fjuwil għal vetturi b’emissjonijiet żero u l-provvista ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, permezz ta’ mobbiltà aktar nadifa u aktar attiva fi bliet aktar ekoloġiċi li jikkontribwixxu għas-saħħa tajba u l-benesseri taċ-ċittadini tagħhom.
7.Id-diġitalizzazzjoni se ssir xprunatur indispensabbli għall-modernizzazzjoni tas-sistema kollha, u se tgħinha topera bl-aħjar mod fl-assjem tagħha, u b'mod aktar effiċjenti. L-Ewropa jeħtieġ ukoll li tuża d-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni biex tkompli żżid il-livelli ta’ sikurezza, sigurtà, affidabbiltà, u kumdità, biex b’hekk iżżomm it-tmexxija tal-UE fil-manifattura u fis-servizzi tat-tagħmir tat-trasport u ttejjeb il-kompetittività dinjija tagħna permezz ta’ ktajjen loġistiċi effiċjenti u reżiljenti.
8.Jenħtieġ li din l-evoluzzjoni ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura: huwa kruċjali li l-mobbiltà tkun disponibbli u affordabbli għal kulħadd, li r-reġjuni rurali u remoti jkunu konnessi aħjar, li l-mobbiltà tkun aċċessibbli għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa u għal persuni b’diżabbiltà, u li s-settur joffri kundizzjonijiet soċjali tajbin u opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid, u li wkoll jipprovdi impjiegi attraenti. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa l-boxxla Ewropea li biha jiġi żgurat li t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jkunu soċjalment ekwi u ġusti.
9.B’mod ġenerali, irridu nċaqilqu l-paradigma eżistenti tal-bidla inkrementali lejn trasformazzjoni fundamentali. Għalhekk, din l-istrateġija tistabbilixxi pjan direzzjonali biex it-trasport Ewropew jitqiegħed fit-triq it-tajba b’mod deċiż għal futur sostenibbli u intelliġenti. Biex il-viżjoni tagħna ssir realtà, tidentifika 10 oqsma ewlenin bi pjan ta’ azzjoni li se jiggwida l-ħidma tagħna fis-snin li ġejjin. Ix-xenarji li jsejsu l-istrateġija, li huma komuni għal dawk li jappoġġaw il-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030, juru li, bil-livell xieraq ta’ ambizzjoni, il-kombinament ta’ miżuri ta’ politika stabbiliti f’din l-istrateġija jista’ jwassal għal tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet tas-settur tat-trasport sal-2050. B’kont meħud ukoll tal-analiżi ppreżentata fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ta' akkumpanjament, hemm stabbiliti diversi stadji importanti biex juru t-triq tas-sistema Ewropea tat-trasport lejn l-ilħuq tal-objettivi tagħna ta’ mobbiltà sostenibbli, intelliġenti u reżiljenti, u b’hekk jindikaw l-ambizzjoni meħtieġa għall-politiki futuri tagħna, bħal:
Sal-2030:
·mill-inqas 30 miljun vettura b’emissjonijiet żero se jkunu qed jintużaw fit-toroq Ewropej.
·100 belt Ewropea se tkun newtrali għall-klima.
·it-traffiku ferrovjarju ta’ veloċità għolja se jirdoppja.
·l-ivvjaġġar kollettiv skedat ta’ inqas minn 500 km jenħtieġ li jkun newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju fi ħdan l-UE.
·il-mobbiltà awtomatizzata se tiġi implimentata fuq skala kbira.
·bastimenti b’emissjonijiet żero se jkunu lesti għas-suq.
Sal-2035:
·inġenji tal-ajru kbar b’emissjonijiet żero se jkunu lesti għas-suq.
Sal-2050:
·kważi l-karozzi, il-vannijiet, il-karozzi tal-linja kollha, kif ukoll il-vetturi tqal ġodda kollha se jkunu b’emissjonijiet żero.
·it-traffiku ferrovjarju tal-merkanzija se jirdoppja.
·it-traffiku ferrovjarju ta’ veloċità għolja se jittriplika.
·in-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) multimodali mgħammar għal trasport sostenibbli u intelliġenti b’konnettività ta’ veloċità għolja se jkun operazzjonali għan-network komprensiv.
Il-mobbiltà sostenibbli – bidla irriversibbli lejn mobbiltà b’emissjonijiet żero
10.Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jitlob tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport, sabiex l-UE ssir ekonomija newtrali għall-klima sal-2050, filwaqt li taħdem ukoll lejn ambizzjoni ta’ tniġġis żero. Biex niksbu din il-bidla sistemika, jeħtieġ li (1) nagħmlu l-modi kollha tat-trasport aktar sostenibbli, (2) nagħmlu alternattivi sostenibbli disponibbli b’mod wiesa’ f’sistema ta’ trasport multimodali u (3) nistabbilixxu l-inċentivi t-tajba biex tiġi xprunata t-tranżizzjoni. Dawn huma t-tliet pilastri tal-azzjonijiet futuri tagħna.
11.Dan jimplika li jridu jiġu attivati l-lievi politiċi kollha: (1) miżuri biex titnaqqas b’mod sinifikanti d-dipendenza attwali fuq il-fjuwils fossili (billi l-flotot eżistenti jiġu sostitwiti b’vetturi b’emissjonijiet baxxi jew żero u tingħata spinta lill-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju); (2) azzjoni deċiżiva biex tiġi trasferita aktar attività lejn modi ta’ trasport aktar sostenibbli (b’mod partikolari ż-żieda fl-għadd ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw bil-ferrovija u li jivvjaġġaw lejn ix-xogħol u lura bit-trasport pubbliku u b’modi attivi, kif ukoll it-trasferiment tat-trasport ta’ ammont sostanzjali ta’ merkanzija lejn il-ferroviji, il-passaġġi fuq l-ilma interni, u t-trasport marittimu fuq distanzi qosra); u (3) l-internalizzazzjoni tal-kostijiet esterni (bl-implimentazzjoni tal-prinċipji ta’ “min iniġġes iħallas” u “l-utent iħallas”, b’mod partikolari permezz tal-ipprezzar tal-karbonju u l-mekkaniżmi tat-tariffi għall-infrastruttura).
1.1Jeħtieġ li nagħmlu l-modi kollha tat-trasport aktar sostenibbli
12.Il-modi kollha tat-trasport huma indispensabbli għas-sistema tat-trasport tagħna u din hija r-raġuni għaliex iridu jsiru aktar sostenibbli. Bħala l-ewwel pilastru tal-approċċ tagħna, irridu nagħtu spinta lill-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet baxxi jew żero kif ukoll lill-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għat-trasport bit-triq, fuq l-ilma, bl-ajru u bil-ferrovija, mingħajr aktar dewmien. Irridu nappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) dwar prodotti u servizzi kompetittivi, sostenibbli u ċirkolari, niżguraw li l-vetturi u l-fjuwils it-tajba jiġu fornuti mill-industrija, nistabbilixxu l-infrastruttura meħtieġa, u ninċentivaw id-domanda mill-utenti finali. Dan huwa essenzjali biex nilħqu l-miri klimatiċi tagħna għall-2030 u l-2050 kif ukoll l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero u biex il-kumpaniji Ewropej ikunu jistgħu jibqgħu mexxejja industrijali dinjin. Iż-żamma tan-newtralità teknoloġika fil-modi kollha hija kruċjali, iżda dan ma għandux iwassal għal nuqqas ta’ azzjoni dwar l-eliminazzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq il-fjuwils fossili.
Inizjattiva Ewlenija 1 – Tħeġġiġ tal-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet żero, ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u tal-infrastruttura relatata
13.Għalkemm qed jikber b’rata mgħaġġla, il-proporzjon ta’ vetturi b’emissjonijiet baxxi jew żero fil-flotta tal-vetturi huwa baxx wisq illum il-ġurnata. L-istandards dwar is-CO2, l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu fl-arja, u r-regoli tal-akkwist pubbliku, bħal dawk fid-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa, se jkomplu jkunu l-ixprunaturi ewlenin tal-politika fit-tranżizzjoni tagħna lejn mobbiltà b’emissjonijiet żero fit-trasport bit-triq, u permezz taż-żieda fil-provvista ta’ vetturi b’emissjonijiet żero se jagħmlu l-mobbiltà sostenibbli aktar affordabbli għal kulħadd. Għalhekk, sabiex jintlaħqu l-miri mressqa fil-pjan dwar il-mira klimatika għall-2030 u sabiex jiġi żgurat perkors ċar mill-2025 ’il quddiem lejn mobbiltà b’emissjonijiet żero, il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tal-istandards tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet sa Ġunju 2021. F’din id-direzzjoni, il-Kummissjoni se twettaq ukoll rieżami tal-istandards tas-CO2 għall-vetturi tqal.
14.Matul l-aħħar ħames (5) snin saru sforzi sinifikanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu fl-arja minn vetturi bil-mutur. Il-karozzi mibjugħin illum il-ġurnata jarmu ħafna inqas sustanzi li jniġġsu minn dawk tal-2015. Iżda hemm aktar x’jista’ jsir: il-proposta li jmiss għal standards aktar stretti dwar l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja għall-vetturi b’magna bil-kombustjoni (Euro 7) se tiżgura li vetturi b’emissjonijiet baxxi li jibqgħu validi fil-futur biss jidħlu fis-suq.
15.Is-sħubijiet previsti għal Orizzont Ewropa, bħal “Batteriji”, “2Zero” u “Idroġenu Nadif”, jistgħu jikkontribwixxu għall-provvista ta’ teknoloġiji innovattivi tal-vetturi. Fl-istess ħin, hija meħtieġa politika komprensiva biex tistimula d-domanda għal vetturi b’emissjonijiet żero, mingħajr ostakli fis-suq uniku tagħna, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni. L-istandards ambjentali msemmija hawn fuq jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn miżuri li jżidu d-domanda għal dawn il-vetturi, bħall-ipprezzar tal-karbonju, it-tassazzjoni, nollijiet tat-toroq, u r-rieżami tar-regoli dwar il-piżijiet u d-dimensjonijiet tal-vetturi tqal. Il-Kummissjoni se tipproponi azzjonijiet biex tingħata spinta lill-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet żero fil-flotot korporattivi u urbani. Barra minn hekk, ir-regolament il-ġdid dwar il-batteriji se jiżgura li l-batteriji mqiegħda fis-suq tal-UE jkunu sostenibbli u sikuri matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom. Ir-rekwiżiti dwar is-sostenibbiltà u ċ-ċikli ta’ tmiem il-ħajja, inkluż l-impronta tal-karbonju u akkwisti etiċi u sostenibbli ta’ materja prima, huma essenzjali biex titnaqqas l-impronta ambjentali tal-vetturi elettriċi.
16.Il-qafas leġiżlattiv tagħna dwar l-affidabbiltà stradali jenħtieġ li jiġi aġġustat biex jiżgura l-konformità tal-vetturi mal-istandards tal-emissjonijiet u tas-sikurezza tul ħajjithom. Vettura waħda difettuża tista’ tniġġes l-arja tagħna aktar minn diversi eluf ta’ vetturi nodfa.
17.L-evoluzzjoni tal-magni tal-vetturi tat-triq lejn emissjonijiet żero ma ssolvix, bħala tali, kwistjonijiet imqajma mill-użu tat-tajers, li għadhom jikkawżaw l-istorbju u l-mikroplastiċi. Dawn tal-aħħar iniġġsu l-ilmijiet u l-ibħra tagħna, u fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jidħlu fil-katina alimentari. It-tajers bi prestazzjoni għolja jenħtieġ li jiġu promossi aktar peress li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet (inkluż l-istorbju tad-dawrien) filwaqt li tinżamm is-sikurezza tal-vetturi. Ir-rieżami li ġej tad-Direttiva dwar il-vetturi li ma għadhomx jintużaw se jkollu wkoll l-għan li jnaqqas l-impronta ambjentali ġenerali tal-produzzjoni u taż-żarmar tal-karozzi.
18.Il-fornituri u l-operaturi tal-fjuwil issa jenħtieġ li jkollhom sinjal ċar li l-fjuwils tat-trasport iridu jsiru newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u li fjuwils sostenibbli rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jridu jintużaw fuq skala kbira mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni se tikkunsidra miżuri addizzjonali biex tappoġġa dawn il-fjuwils, possibbilment permezz ta’ ishma jew kwoti minimi permezz tar-reviżjoni tad-Direttiva riformulata dwar l-Enerġija Rinnovabbli.
19.Għat-trasport bit-triq, diġà qegħdin jiġu skjerati soluzzjonijiet b’emissjonijiet żero. Il-manifatturi issa qegħdin jinvestu b’mod qawwi f’vetturi b’batteriji-elettriċi. L-ammont ta’ klijenti fis-suq għal dawn il-vetturi diġà qed jikber, b’mod partikolari għal karozzi, vannijiet u xarabankijiet fil-bliet, filwaqt li qegħdin jiżdiedu wkoll għat-trakkijiet u l-kowċis. Il-manifatturi qegħdin jinvestu wkoll f’vetturi b’ċelloli tal-fjuwil tal-idroġenu, b’mod partikolari għall-użu fi flotot kummerċjali, xarabankijiet u trasport tqil. Dawn l-opzjonijiet promettenti huma appoġġati fil-kuntest tal-istrateġiji tal-UE għall-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija u għall-idroġenu kif ukoll fil-kuntest tal-pjan ta’ azzjoni strateġiku dwar il-batteriji. L-effiċjenza enerġetika għandha tkun kriterju għall-prijoritizzazzjoni tal-għażla futura ta’ teknoloġiji xierqa li jħarsu lejn iċ-ċiklu tal-ħajja kollu. Is-soluzzjonijiet teknoloġiċi tranżizzjonali jenħtieġ li jirrispettaw bis-sħiħ l-istandards tas-CO2 u tat-tniġġis. It-trasport bil-ferrovija ukoll jeħtieġ li jiġi elettrifikat aktar; kull fejn dan ma jkunx vijabbli, l-użu tal-idroġenu jenħtieġ li jiżdied.
20.It-trasport bl-ajru u fuq l-ilma għandu sfidi akbar ta’ dekarbonizzazzjoni fid-deċennji li ġejjin, minħabba n-nuqqas attwali ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero lesti għas-suq, ċikli twal ta’ żvilupp u tal-ħajja ta’ inġenji tal-ajru u bastimenti, l-investimenti sinifikanti meħtieġa f’tagħmir u infrastruttura għar-riforniment tal-fjuwil, u kompetizzjoni internazzjonali f’dawn is-setturi. Mill-1990, l-emissjonijiet internazzjonali tal-UE min-navigazzjoni u l-avjazzjoni żdiedu b’aktar minn 50 %. Hija meħtieġa azzjoni b’mod urġenti f’dawn is-setturi, inkluż waqt li jirkupraw mill-kriżi attwali. Dawn il-modi jeħtieġ li jkollhom aċċess prijoritarju għal fjuwils likwidi u gassużi addizzjonali rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, peress li hemm nuqqas ta’ sistemi tal-motopropulsjoni alternattivi xierqa fuq medda qasira ta’ żmien. L-inizjattivi ReFuelEU Aviation u FuelEU Maritime se jagħtu spinta lill-produzzjoni u lill-użu ta’ fjuwils marittimi u tal-avjazzjoni sostenibbli u se jindirizzaw din il-kwistjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tistabbilixxi Alleanza tal-Katina tal-Valur tal-Fjuwils Rinnovabbli u b’Livell Baxx ta’ Emissjonijiet tal-Karbonju, li fi ħdanha, l-awtoritajiet pubbliċi, l-industrija u s-soċjetà ċivili se jikkooperaw biex jagħtu spinta lill-provvista u lill-iskjerament tal-fjuwils l-aktar promettenti, u b’hekk jikkumplimentaw l-azzjoni skont l-Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif u jibnu fuq is-suċċess tal-Alleanza Ewropea tal-Batteriji.
21.Sabiex titjieb l-effiċjenza enerġetika u jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-inġenji tal-ajru u l-bastimenti, iridu jiġu promossi standards ambizzjużi għad-disinn u t-tħaddim tagħhom. L-UE trid tkompli taħdem mill-qrib mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha, bħall-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), fuq miżuri konkreti mmirati biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet globali li jkunu bbażati fuq ix-xjenza u li jkunu konsistenti mal-Ftehim ta’ Pariġi. Huma meħtieġa wkoll sforzi sinifikanti biex jiġu żviluppati teknoloġiji fixkiela biex il-bastimenti u l-inġenji tal-ajru b’emissjonijiet żero jinġiebu fis-suq. L-Unjoni jenħtieġ li toħloq l-ambjent abilitanti biex dan jinkiseb, inkluż permezz ta’ politiki adegwati tal-ipprezzar tal-karbonju u r-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) b’mod partikolari permezz tas-sħubijiet li jistgħu jiġu stabbiliti fil-kuntest ta' Orizzont Ewropa (bħal “Trasport fuq l-Ilma b’Emissjonijiet Żero”, “Avjazzjoni Nadifa” u “Idroġenu Nadif”). Barra minn hekk, ġestjoni aktar effiċjenti tat-traffiku, bħal permezz tal-Ajru Uniku Ewropew, tista’ twassal għal kisbiet ambjentali sostanzjali. Dawn l-attivitajiet huma elementi essenzjali fil-“ġabra ta’ miżuri” meħtieġa għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport marittimu u bl-ajru, fejn l-azzjonijiet globali jibqgħu kritiċi.
22.Iż-żieda fl-iskjerament u fl-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jridu jimxu id f’id mal-ħolqien ta’ network komprensiv tal-infrastruttura tal-iċċarġjar u tal-forniment tal-fjuwil biex ikun jista’ jsir użu mifrux ta’ vetturi b’emissjonijiet baxxi jew żero fil-modi kollha tat-trasport. “Iċċarġjar u Riforniment” hija inizjattiva ewlenija Ewropea fil-kuntest tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza: sal-2025, l-għan huwa li jinbnew nofs l-1 000 stazzjon tal-idroġenu u miljun mit-tliet (3) miljun punt tal-iċċarġjar pubbliku meħtieġa sal-2030. L-għan aħħari huwa li jiġi żgurat network dens u mifrux ħafna biex jiġi żgurat aċċess faċli għall-klijenti kollha, inkluż l-operaturi ta’ vetturi tqal. Il-Kummissjoni se tippubblika pjan strateġiku ta’ implimentazzjoni biex tiddeskrivi sett ta’ azzjonijiet supplimentari biex tappoġġa l-iskjerament rapidu ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, inkluż f’żoni fejn għadhom jeżistu lakuni persistenti. Dawn jinkludu rakkomandazzjonijiet dwar il-proċessi tal-ippjanar u tal-permessi kif ukoll dwar il-finanzjament, żviluppati f’kollaborazzjoni mal-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli tal-Kummissjoni li jlaqqa’ flimkien rappreżentanti pubbliċi u privati ewlenin tal-katina tal-valur kollha.
23.L-Ewropa teħtieġ ukoll li ttemm il-frammentazzjoni persistenti u n-nuqqas mifrux ta’ servizzi interoperabbli ta’ ċċarġjar/riforniment ta’ fjuwil madwar l-Ewropa għall-modi kollha. Fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi (AFID), il-Kummissjoni se tikkunsidra għażliet għal miri aktar vinkolanti dwar l-implimentazzjoni tal-infrastruttura, u miżuri ulterjuri biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà sħiħa tal-infrastruttura u s-servizzi tal-użu tal-infrastruttura għall-vetturi kollha li jaħdmu bi fjuwils alternattivi. Informazzjoni adegwata għall-konsumaturi biex jintemm in-nuqqas attwali ta’ trasparenza dwar l-ipprezzar, u l-iffaċilitar ta’ pagamenti transfruntiera bla xkiel huma fost il-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu indirizzati. Barra minn hekk, l-użu maġġuri mistenni ta’ vetturi elettriċi bil-batterija u ta’ forom oħra ta’ elettromobbiltà jeħtieġ l-integrazzjoni mingħajr xkiel fis-sistema tal-elettriku. L-iskjerament ta’ infrastruttura ta’ punti tal-iċċarġjar intelliġenti se jgħin biex jipprovdi kapaċità ta’ ħżin u flessibbiltà lis-sistema tal-elettriku. Flimkien mar-reviżjoni tal-AFID, hemm ukoll reviżjoni tar-Regolament dwar in-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u strumenti oħrajn ta’ politika bħad-Direttiva riformulata dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-mekkaniżmu ta’ kontabilità tagħha għall-elettriku, kif ukoll id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija bil-għan li jiżdiedu l-għanijiet għall-punti tal-iċċarġjar fil-bini tagħna. Il-Kummissjoni se tiżgura l-allinjament mal-investimenti meħtieġa fil-grilja fil-kuntest tal-inizjattivi tagħha skont l-istrateġiji tal-UE għall-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija u tal-idroġenu.
Inizjattiva ewlenija 2 – Il-ħolqien ta’ ajruporti u ta’ portijiet b’emissjonijiet żero
24.Il-portijiet u l-ajruporti huma kruċjali għall-konnettività internazzjonali tagħna, għall-ekonomija Ewropea, u għar-reġjuni tagħhom. Fit-tranżizzjoni tagħhom lejn nodi b’emissjonijiet żero, l-aħjar prattiki segwiti mill-aktar ajruporti u portijiet sostenibbli jridu jsiru n-normalità l-ġdida u jippermettu forom aktar sostenibbli ta’ konnettività. Il-portijiet u l-ajruporti jenħtieġ li jsiru ċentri ta’ mobbiltà u ta’ trasport multimodali, li jgħaqqdu l-modi rilevanti kollha. Dan itejjeb il-kwalità tal-arja lokalment u b’hekk jikkontribwixxi għal saħħa mtejba tar-residenti fil-viċin. Il-portijiet interni u marittimi għandhom potenzjal kbir li jsiru ċentri ġodda ta’ enerġija nadifa għal sistemi tal-elettriku integrati, idroġenu u fjuwils oħra b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u pjattaformi ta’ ttestjar għall-użu mill-ġdid tal-iskart u l-ekonomija ċirkolari.
25.Il-Kummissjoni se tipproponi miżuri biex l-ajruporti u l-portijiet tagħna jsiru nodfa, billi tinċentiva l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u talimenta l-bastimenti u l-inġenji tal-ajru stazzjonati b’enerġija rinnovabbli minflok b’enerġija fossili, billi tinċentiva l-iżvilupp u l-użu ta’ inġenji tal-ajru u bastimenti ġodda, aktar nodfa u inqas storbjużi, tirrevedi t-tariffi tal-ajruport, tekoloġizza l-movimenti fuq l-art fl-ajruporti kif ukoll is-servizzi u l-operazzjonijiet portwarji, tottimizza l-waqfiet fil-portijiet, u permezz ta’ użu usa’ tal-ġestjoni intelliġenti tat-traffiku. Il-Kummissjoni se tagħti segwitu wkoll lill-miżuri ssuġġeriti fir-rapport tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) fir-rigward tal-analiżi aġġornata tal-impatti klimatiċi mhux mis-CO2 tal-avjazzjoni.
26.L-investiment pubbliku u privat fil-produzzjoni lokali tal-enerġija rinnovabbli, f’aċċess multimodali aktar sostenibbli u fit-tiġdid tal-flotta fl-avjazzjoni u fit-trasport fuq l-ilma jeħtieġ li jiżdied. Uħud minn dawn l-investimenti jibbenefikaw mill-istabbiliment ta’ kriterji rilevanti ta’ tassonomija sostenibbli li jkopri l-ispeċifiċitajiet ta’ kull modalità, inkluż matul it-tranżizzjoni lejn emissjonijiet żero. Il-politika dwar is-self riveduta li għandha tiġi deċiża mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tista’ tkun mistennija li tkun ta’ għajnuna b’mod ugwali.
27.F’sinerġija mal-iskjerament ta’ fjuwil marin alternattiv, jenħtieġ li jsiru sforzi skont l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero biex l-impronta ambjentali usa’ mis-settur titnaqqas drastikament. It-twettiq tal-istabbiliment ta’ “Żoni ta’ Kontroll għall-Emissjonijiet” b’firxa wiesgħa fl-ilmijiet kollha tal-UE li fl-aħħar mill-aħħar jimmira għal tniġġis żero fl-arja u fl-ilma mit-trasport marittimu għall-benefiċċju tal-baċiri tal-baħar, iż-żoni kostali u l-portijiet, jenħtieġ li jkun prijorità. B’mod partikolari, il-Kummissjoni mexxiet l-isforzi biex tkopri l-Baħar Mediterran u għandha l-għan li tibda ħidma simili għall-Baħar l-Iswed. Barra minn hekk, se jsir rieżami tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti, sabiex jiġu ddeterminati miżuri possibbli biex tissaħħaħ dik il-leġiżlazzjoni, jiġifieri biex jiġu promossi aktar prattiki ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti sikuri u sostenibbli.
Stadji importanti għat-tnaqqis tad-dipendenza attwali fuq il-fjuwils fossili:
1)Sal-2030, se jkun hemm mill-inqas 30 miljun karozza u 80 000 trakk operattivi b’emissjonijiet żero.
2)Sal-2050, kważi l-karozzi, il-vannijiet, il-karozzi tal-linja kif ukoll il-vetturi tqal ġodda kollha se jkunu b’emissjonijiet żero.
3)Il-bastimenti li jbaħħru fl-oċeani b’emissjonijiet żero u l-inġenji tal-ajru kbar b’emissjonijiet żero se jkunu lesti għas-suq sal-2030 u l-2035, rispettivament.
1.2Għandna nagħmlu alternattivi sostenibbli disponibbli b’mod wiesa’ biex nippermettu għażliet modali aħjar
28.Bħala t-tieni pilastru tal-approċċ tagħna, l-alternattivi sostenibbli jridu jkunu disponibbli b’mod wiesa’ issa stess f’sistema ta’ mobbiltà multimodali kompletament integrata u li topera bl-aħjar mod fl-assjem tagħha. L-UE ma tistax tiddependi esklużivament fuq soluzzjonijiet teknoloġiċi: hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata biex is-sistema tal-mobbiltà tagħna tiġi adattata biex tindirizza t-tibdil fil-klima u biex jitnaqqas it-tniġġis. Il-multimodalità tieħu vantaġġ mill-punti sodi tal-modi differenti, bħall-konvenjenza, il-veloċità, il-kost, l-affidabbiltà u l-prevedibbiltà, li flimkien jistgħu joffru soluzzjonijiet tat-trasport aktar effiċjenti għall-persuni u l-merkanzija. Il-pandemija tal-COVID-19 uriet kif il-multimodalità miżjuda hija kruċjali wkoll biex tittejjeb ir-reżiljenza tas-sistema tat-trasport tagħna u kemm il-pubbliku huwa lest li jħaddan modi alternattivi ta’ vjaġġar sostenibbli.
29.In-nies huma lesti li jaqilbu għal modi tat-trasport aktar sostenibbli, b’mod partikolari fil-mobbiltà tagħhom ta’ kuljum, bil-kundizzjonijiet ewlenin għall-bidla li jkunu l-kost, id-disponibbiltà u l-veloċità. L-UE trid tgħin biex jinħolqu kundizzjonijiet xierqa għal użu akbar ta’ alternattivi sostenibbli li huma sikuri, kompetittivi u affordabbli. Meta jkun hemm alternattivi xierqa bi prezzijiet kompetittivi, u frekwenzi u livelli ta’ kumdità tajbin, in-nies jagħżlu l-aktar mod sostenibbli.
30.Fl-istess ħin, ix-xejriet tal-mobbiltà u l-imġiba tal-konsumaturi qed jinbidlu. Dawn il-bidliet qed jiġu rinforzati mill-pandemija tal-COVID-19 u fil-biċċa l-kbira qed jiġu ffaċilitati minn soluzzjonijiet diġitali. It-telexogħol, il-konferenzi bil-vidjo, il-kummerċ elettroniku, l-użu ta’ servizzi ta’ mobbiltà kondiviżi u kollaborattivi, kollha jikkontribwixxu għat-trasformazzjoni kontinwa tal-mobbiltà.
Inizjattiva ewlenija 3 – Li l-mobbiltà interurbana u urbana ssir aktar sostenibbli u sana
31.Hija meħtieġa azzjoni deċiżiva biex is-settur tat-trasport jinbidel f’sistema ta’ servizzi ta’ mobbiltà sostenibbli u intelliġenti verament multimodali. Sabiex dan jinkiseb, l-Ewropa jenħtieġ li tibni network tat-trasport ta’ kwalità għolja b’servizzi ferrovjarji ta’ veloċità għolja għal distanzi qosra u b’servizzi tal-avjazzjoni nodfa li jtejbu l-kopertura tar-rotot ta’ distanzi twal. Il-Kummissjoni se taħdem biex toħloq kundizzjonijiet abilitanti għall-operaturi tat-trasport biex sal-2030 il-vjaġġaturi jiġu offruti għażliet li huma newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju għal vjaġġar kollettiv skedat ta' inqas minn 500 km fi ħdan l-UE. Fl-2021–2022, il-Kummissjoni se ssegwi din l-ambizzjoni, filwaqt li se tirrevedi l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. Soġġetti għall-konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni, il-linji tal-ajru jenħtieġ li jbigħu għadd dejjem akbar ta’ biljetti multimodali. L-investiment jenħtieġ li jkun immirat lejn it-titjib tal-infrastruttura meħtieġa tat-TEN-T sabiex tkun tista’ ssir il-bidla lejn konnessjonijiet aktar sostenibbli. Se tittieħed azzjoni biex tinbena sistema ġenerali tat-trasport fejn l-investimenti tal-UE, l-għajnuna mill-Istat, ir-regoli għall-allokazzjoni tal-kapaċità u l-obbligi ta’ servizz pubbliku (OSP) huma mmirati lejn l-issodisfar tal-ħtiġijiet tal-mobbiltà u l-inċentivar ta’ għażliet multimodali differenti.
32.Is-Sena Ewropea tal-Ferroviji tal-2021 hija opportunità eċċellenti għall-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-settur ferrovjarju biex jagħtu spinta lill-konnessjonijiet pan-Ewropej. Bl-implimentazzjoni tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju u permezz tal-ftuħ tas-swieq ferrovjarji għall-kompetizzjoni, l-operaturi ferrovjarji se jirreaġixxu aktar għall-ħtiġijiet tal-klijenti, u se jtejbu l-kwalità tas-servizzi tagħhom u l-kosteffettività tagħhom. L-approvazzjoni armonizzata tal-vetturi madwar l-UE se tnaqqas ukoll il-kostijiet għall-ferroviji transfruntiera. It-tlestija tat-TEN-T, inklużi l-linji ta’ veloċità għolja, se tipprovdi konnessjonijiet aħjar tul il-kurituri ewlenin. It-titjib tas-sensibilizzazzjoni tal-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom u l-iżgurar tad-dispożizzjoni mhux diskriminatorja ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar, inklużi offerti ta’ biljetti globali, se jkomplu jagħtu spinta lill-attraenza ferrovjarja għall-konsumaturi.
33.Fl-2021, il-Kummissjoni se tipproponi pjan ta’ azzjoni biex tagħti spinta lis-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri transfruntiera u fuq distanzi twal. Dan il-pjan se jibni fuq l-isforzi tal-Istati Membri biex jagħmlu konnessjonijiet ewlenin bejn il-bliet aktar rapidi permezz ta’ kapaċità ġestita aħjar, skedar koordinat, ġbir għar-rolling stock u titjib fl-infrastruttura mmirat biex tingħata spinta lis-servizzi ferrovjarji ġodda, inkluż bil-lejl. Il-pjattaformi jew strutturi organizzazzjonali oħrajn għal dan il-għan jenħtieġ li jkunu miftuħin għall-Istati Membri kollha. Is-servizzi pilota fuq xi rotot li jinvolvu l-partijiet ikkonċernati interessati kollha jenħtieġ li jiġu appoġġati, u l-kombinament ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku u servizzi ta’ aċċess miftuħ jistgħu jittestjaw mudelli differenti għal konnessjonijiet u servizzi ġodda, bil-għan li tingħata spinta lil 15-il proġett pilota sal-2030.
34.Iż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea jeħtieġ li tissaħħaħ u l-Kummissjoni se tikkunsidra miżuri biex tespandi s-suq ferrovjarju, filwaqt li tindirizza l-ħtiġijiet tal-impriżi ferrovjarji għall-aċċess għal kapaċità ta’ kwalità għolja li timmassimizza l-użu tal-infrastruttura ferrovjarja. Il-biljetti transfruntiera jenħtieġ li jsiru aktar faċli biex jintużaw u jinxtraw. Mill-2021, il-Kummissjoni se tipproponi miżuri regolatorji li jippermettu biljetti innovattivi u flessibbli li jikkombinaw diversi modi ta’ trasport u li jagħtu lill-passiġġieri għażliet veri għall-ivvjaġġar minn bieb sa bieb.
35.Kif stabbilit fil-pjan dwar il-mira klimatika għall-2030, iż-żieda tas-sehem modali tat-trasport kollettiv, il-mixi u ċ-ċikliżmu, kif ukoll il-mobbiltà awtomatizzata, konnessa u multimodali se jnaqqsu b’mod sinifikanti t-tniġġis u l-konġestjoni mit-trasport, speċjalment fil-bliet, u se jtejbu s-saħħa u l-benesseri tan-nies. Il-bliet jinsabu fuq quddiem nett tat-tranżizzjoni lejn sostenibbiltà akbar, u għalhekk jenħtieġ li jibqgħu f'dik il-pożizzjoni. Il-Kummissjoni se tkompli timpenja ruħha mal-bliet u l-Istati Membri biex tiżgura li l-bliet il-kbar u ta’ daqs medju kollha li huma nodi urbani fin-network TEN-T jimplimentaw il-pjanijiet ta’ mobbiltà urbana sostenibbli tagħhom sal-2030. Il-pjanijiet jenħtieġ li jinkludu għanijiet ġodda, pereżempju li jkun hemm emissjonijiet żero u fatalitajiet żero fit-toroq. Il-modi attivi tat-trasport, bħaċ-ċikliżmu, irreġistraw żieda u l-bliet ħabbru aktar minn 2 300 km ta’ infrastruttura addizzjonali għar-roti. Dan jenħtieġ li jiġi rduppjat fid-deċennju li jmiss, għal 5 000 km f’korsiji sikuri għaċ-ċiklisti. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra wkoll l-iżvilupp ta’ missjoni fil-qasam tal-Bliet Intelliġenti u Newtrali għall-klima bħala prijorità strateġika għal azzjoni konġunta biex tinkiseb id-dekarbonizzazzjoni f’għadd kbir ta’ bliet Ewropej sal-2030.
36.Il-multimodalità li topera bl-aħjar mod fl-assjem tagħha permezz ta’ soluzzjonijiet diġitali hija vitali f’żoni urbani u suburbani. Iż-żieda fil-pressjoni fuq is-sistemi tat-trasport tal-passiġġieri tat spinta lid-domanda għal soluzzjonijiet ġodda u innovattivi, u diversi servizzi tat-trasport ġew integrati f’servizz aċċessibbli fuq talba, skont il-kunċett tal-Mobbiltà bħala Servizz (MaaS). Fl-istess ħin, ħafna bliet qed jaraw bidla lejn servizzi ta’ mobbiltà kondiviżi u kollaborattivi (karozzi kondiviżi, roti, ride-hailing, u forom oħra ta’ mikromobbiltà) iffaċilitati mill-ħolqien ta’ pjattaformi intermedjarji, li jippermettu t-tnaqqis tal-għadd ta’ vetturi fit-traffiku ta’ kuljum.
37.L-UE u l-Istati Membri jridu jilħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħna għal arja aktar nadifa, inqas storbju u konġestjoni, u l-eliminazzjoni tal-fatalitajiet fit-toroq tal-bliet tagħna. Billi tirrevedi l-Pakkett dwar il-Mobbiltà Urbana biex tippromwovi u tappoġġa dawn il-modi ta’ trasport sostenibbli u sani, il-Kummissjoni se tikkontribwixxi għat-titjib tal-qafas Ewropew attwali għall-mobbiltà urbana. Hija meħtieġa gwida aktar ċara dwar il-ġestjoni tal-mobbiltà fil-livell lokali u reġjonali, inkluż dwar ippjanar urban aħjar, u dwar il-konnettività ma’ żoni rurali u suburbani, sabiex il-ħaddiema jingħataw għażliet ta’ mobbiltà sostenibbli. Il-politiki u l-appoġġ finanzjarju Ewropej jenħtieġ li jirriflettu wkoll l-importanza tal-mobbiltà urbana għall-funzjonament ġenerali tat-TEN-T, b’dispożizzjonijiet għal soluzzjonijiet tal-ewwel/l-aħħar mil li jinkludu ċentri tal-mobbiltà multimodali, faċilitajiet tal-park-and-ride, u infrastruttura sikura għall-mixi u ċ-ċikliżmu.
38.Il-Kummissjoni se tfittex modi kif tiżgura li t-trasport tal-passiġġieri fuq talba (taksis u vetturi tal-kiri privati) jsir aktar sostenibbli u jipprovdi servizzi effiċjenti liċ-ċittadini filwaqt li jżomm suq uniku li jiffunzjona bla xkiel u jindirizza t-tħassib soċjali u dwar is-sikurezza. Il-Kummissjoni se tgħin ukoll lill-bliet jimmodernizzaw is-sett ta’ għodod ta’ politika tagħhom, inkluż f’oqsma bħall-mikromobbiltà, l-appoġġ għall-akkwist ta’ vetturi b’emissjonijiet żero, inkluż il-karozzi tal-linja u l-laneċ, u l-infrastruttura assoċjata. Informazzjoni aħjar dwar żoni b’emissjonijiet baxxi jew żero u tikketti komuni kif ukoll soluzzjonijiet diġitali għall-vetturi tista’ tgħin biex jinżamm suq uniku li jiffunzjona tajjeb u tiffaċilita l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali.
Inizjattiva ewlenija 4 – L-ekoloġizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija
39.Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jimmira li parti sostanzjali mill-75 % ta’ merkanzija interna li tinġarr bit-triq illum tingħadda għat-trasport bil-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni. It-trasport marittimu fuq distanzi qosra u l-vetturi effiċjenti b’emissjonijiet żero jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-ekoloġizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa. Għalhekk trid tittieħed azzjoni urġenti minħabba l-progress limitat li sar s’issa: pereżempju, is-sehem modali tal-ferroviji fit-trasport tal-merkanzija interna niżel minn 18,3 % fl-2011 għal 17,9 % fl-2018.
40.Biex jappoġġa l-ekoloġizzazzjoni tal-operazzjonijiet tal-merkanzija fl-Ewropa, il-qafas eżistenti għat-trasport intermodali jeħtieġ tiġdid sostanzjali u jrid jinbidel f’għodda effettiva. Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati alternattivi għar-reviżjoni tal-qafas regolatorju bħad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat kif ukoll l-introduzzjoni ta’ inċentivi ekonomiċi kemm għall-operazzjonijiet kif ukoll għall-infrastruttura. Il-mekkaniżmi ta’ inċentiv jenħtieġ li jkunu bbażati fuq monitoraġġ imparzjali tal-prestazzjoni, skont qafas Ewropew biex jitkejlu l-emissjonijiet tat-trasport u tal-loġistika.
41.Il-loġistika multimodali għandha tkun parti minn din it-trasformazzjoni, fiż-żoni urbani u lil hinn minnhom. It-tkabbir tal-kummerċ elettroniku biddel b’mod sinifikanti x-xejriet tal-konsum, iżda l-kostijiet esterni ta’ miljuni ta’ konsenji, inkluż it-tnaqqis ta’ vjaġġi vojta u bla bżonn, iridu jitqiesu. Għaldaqstant, l-ippjanar tal-mobbiltà urbana sostenibbli jenħtieġ li jinkludi wkoll id-dimensjoni tal-merkanzija permezz ta’ pjanijiet ta’ loġistika urbana sostenibbli ddedikati. Dawn il-pjanijiet se jaċċelleraw l-iskjerament ta’ soluzzjonijiet b’emissjonijiet żero diġà disponibbli, inkluż roti tal-merkanzija, konsenji awtomatizzati u droni (inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord) u użu aħjar tal-passaġġi fuq l-ilma interni fil-bliet.
42. L-iskarsezza tal-infrastruttura tat-trasbord, u b’mod partikolari tat-terminals multimodali interni, hija evidenti f’ċerti partijiet tal-Ewropa, u jenħtieġ li tingħata l-ogħla prijorità. Il-konnessjonijiet neqsin fl-infrastruttura multimodali jenħtieġ li jingħalqu. Barra minn hekk, is-sistema tat-trasport jenħtieġ li taħdem b’mod aktar effiċjenti b’mod ġenerali b’teknoloġiji tat-trasbord mtejba. L-UE teħtieġ l-iskambju multimodali tad-data, flimkien ma’ sistemi intelliġenti tal-ġestjoni tat-traffiku fil-modi kollha. Fl-aħħar mill-aħħar il-modi kollha tat-trasport għall-merkanzija jridu jingħaqdu flimkien permezz ta’ terminals multimodali u l-Kummissjoni se tieħu inizjattivi sabiex il-finanzjament tal-UE u politiki oħrajn, inkluż l-appoġġ għar-R&I, ikunu mmirati aħjar lejn l-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet, filwaqt li jiġu rispettati b’mod sħiħ l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni. Ir-rieżami tar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat għall-ferroviji, li diġà jipprevedu qafas flessibbli għall-finanzjament pubbliku tal-multimodalità, se jappoġġa dak l-objettiv b'mod ulterjuri.
43.F’dawn l-aħħar snin, kumpaniji innovattivi wrew li t-trasport ferrovjarju tal-merkanzija jista’ jopera b’mod affidabbli u jkun attraenti għall-klijenti. Madankollu, ħafna regoli domestiċi u ostakli tekniċi għadhom ifixklu l-prestazzjoni. It-trasport ferrovjarju tal-merkanzija jeħtieġ spinta serja permezz ta’ żieda fil-kapaċità, koordinazzjoni u kooperazzjoni transfruntiera msaħħa bejn il-maniġers tal-infrastruttura ferrovjarja, ġestjoni ġenerali aħjar tan-network ferrovjarju, u l-iskjerament ta’ teknoloġiji ġodda bħall-akkoppjament u l-awtomatizzazzjoni diġitali. Il-Kummissjoni se tipproponi r-reviżjoni tar-regolamenti li jirregolaw il-Kurituri Ferrovjarji tal-Merkanzija u l-kurituri tan-network ewlenin tat-TEN-T. L-integrazzjoni ta’ dawn il-kurituri fil-“kurituri Ewropej tat-trasport”, b’enfasi fuq “gwadanni rapidi” bħat-tul tal-ferrovija, il-gauge ferrovjarju tat-tagħbija u regoli operazzjonali mtejba, flimkien mat-tlestija tal-konnessjonijiet neqsin ewlenin u l-adattament tan-network ewlieni sabiex ikun kompletament kapaċi jġorr il-merkanzija, se jsaħħu d-dimensjoni infrastrutturali tal-azzjonijiet tagħna għall-promozzjoni tat-trasport intermodali. Il-Kummissjoni se tipproponi titjib tar-regoli dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità ferrovjarja f’konformità mal-proġett li għaddej bħalissa dwar it-tfassil mill-ġdid tal-iskeda, biex jiġu pprovduti mogħdijiet ferrovjarji addizzjonali u flessibbli. L-implimentazzjoni tar-regoli Ewropej dwar l-istorbju ferrovjarju se tgħin biex jittaffa t-tħassib relatat.
44.Bl-istess mod, filwaqt li programmi ta’ azzjoni suċċessivi għenu t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni biex fil-biċċa l-kbira jżomm is-sehem modali tiegħu, huma meħtieġa azzjonijiet biex jiġi ppreservat dan it-twettiq u jinħataf il-potenzjal mhux sfruttat b’mod sostenibbli, kemm tul il-kurituri tat-TEN-T kif ukoll f’dawk il-bliet interni fejn il-passaġġi fuq l-ilma interni jistgħu jekoloġizzaw l-aħħar mil tal-loġistika tal-belt. Il-Kummissjoni se tippreżenta l-programm NAIADES III biex tisfrutta dan il-potenzjal billi tindirizza l-isfidi ewlenin bħall-ħtieġa li jiġġeddu l-flotot ta’ barkuni u li jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament, filwaqt li tiżgura konformità sħiħa mal-politiki ambjentali, b’mod partikolari mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar il-Ħabitats.
45.Barra minn hekk, l-appoġġ tat-TEN-T għall-Awtostradi tal-Baħar wassal biex aktar merkanzija tiġi ttrasportata b’mod aktar sostenibbli, permezz tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra. L-UE issa trid ukoll tmexxi bl-eżempju u tagħmel iż-żoni marittimi Ewropej sostenibbli, intelliġenti u reżiljenti.
Stadji importanti dwar iċ-ċaqliq ta’ aktar attività lejn modi ta’ trasport aktar sostenibbli:
4)L-ivvjaġġar kollettiv skedat ta’ inqas minn 500 km jenħtieġ li jkun newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2030 fi ħdan l-UE.
5)It-traffiku permezz tal-ferroviji ta’ veloċità għolja se jirdoppja sal-2030 u se jittriplika sal-2050.
6)Sal-2030, se jkun hemm mill-inqas 100 belt newtrali għall-klima fl-Ewropa.
7)It-traffiku ferrovjarju tal-merkanzija se jiżdied b’50 % sal-2030 u se jirdoppja sal-2050.
8)It-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni u t-trasport marittimu fuq distanzi qosra se jiżdied b’25 % sal-2030 u b’50 % sal-2050
.
1.3Jeħtieġ li ndaħħlu fis-seħħ l-inċentivi x-xierqa biex nixprunaw it-tranżizzjoni lejn mobbiltà b’emissjonijiet żero
46.Bħala t-tielet pilastru għall-approċċ tagħna, iridu jissaħħu l-inċentivi għall-utenti tat-trasport biex jagħmlu għażliet aktar sostenibbli. Dawn l-inċentivi huma prinċipalment ekonomiċi, jiġifieri l-ipprezzar tal-karbonju, it-tassazzjoni u t-tat-tariffi għall-infrastruttura, iżda jenħtieġ li jiġu kkomplementati b’informazzjoni mtejba għall-utenti.
Inizjattiva ewlenija 5 – Ipprezzar tal-karbonju u għoti ta’ inċentivi aħjar lill-utenti
47.Minkejja impenji politiċi li ilhom li ġew stabbiliti għal ipprezzar ġust u effiċjenti fit-trasport, il-progress kien wieħed limitat. Il-prinċipji ta’ “min iniġġes iħallas” u “l-utent iħallas” għandhom jiġu implimentati mingħajr dewmien fil-modi kollha tat-trasport. Il-kostijiet esterni relatati mal-ambjent waħedhom jammontaw għal EUR 388 biljun kull sena. Permezz tal-internalizzazzjoni ta’ dawn il-kostijiet esterni, dawk li jużaw it-trasport se jġarrbu l-kostijiet kollha huma minflok ma jħallu lil ħaddieħor fis-soċjetà tagħna jħallashom hu u dan se jwassal biex jibda proċess sabiex ikun hemm modi ta’ trasport aktar sostenibbli b'kostijiet esterni aktar baxxi. Għalhekk, il-Kummissjoni se ssegwi sett komprensiv ta’ miżuri biex twassal għal ipprezzar ġust u effiċjenti fil-modi kollha tat-trasport. L-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, it-tariffi għall-infrastruttura, u t-taxxi fuq l-enerġija u l-vetturi jridu jingħaqdu flimkien f’politika reċiprokament kompatibbli, komplementari u koerenti.
48.B’mod partikolari, l-EU ETS hija l-aktar strument importanti tal-ipprezzar tal-karbonju sabiex jiġi internalizzat il-kost tal-emissjonijiet tas-CO2. Il-Kummissjoni se tipproponi li testendi l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet (EU ETS) għas-settur tat-trasport marittimu. Għall-avjazzjoni, se ssir proposta biex tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-EU ETS, b’mod partikolari biex jitnaqqsu l-kwoti tal-ETS allokati bla ħlas lil-linji tal-ajru. Kif diġà tħabbar fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-espansjoni ulterjuri tas-sistema tista’ tinkludi emissjonijiet mit-trasport bit-triq u x-xogħol fuq il-valutazzjoni tal-impatt ma jaqta’ xejn. Id-dħul mill-EU ETS jista’ jiġi investit fir-R&I tal-UE biex ikomplu jitnaqqsu l-emissjonijiet. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll li timplimenta l-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) permezz ta’ reviżjoni tad-Direttiva dwar l-EU ETS fl-2021. Fl-IMO, l-UE se tinsisti biex tavvanza d-diskussjonijiet dwar strumenti bbażati fuq is-suq bħala miżura ta’ terminu medju biex tiġi implimentata l-istrateġija għat-tnaqqis tal-gassijiet serra.
49.Is-sussidji għall-fjuwils fossili jenħtieġ li jintemmu. Meta tkun qed tirrevedi d-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, il-Kummissjoni se timmira li tallinja t-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija u l-elettriku mal-politiki tal-UE dwar l-enerġija u l-klima. Bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt li ma taqta’ xejn, qed tħares mill-qrib lejn l-eżenzjonijiet mit-taxxa attwali, inkluż għall-fjuwil tal-avjazzjoni u għall-fjuwil marittimu, u se tagħmel proposti dwar kif l-aħjar tingħalaq kwalunkwe lakuna fl-2021. It-tassazzjoni tal-kontenut tal-enerġija għal diversi fjuwils jenħtieġ li tkun allinjata aħjar, u l-użu ta’ fjuwils sostenibbli għat-trasport jenħtieġ li jiġi inċentivat aħjar.
50.Huwa meħtieġ progress sostanzjali dwar l-iċċarġjar effettiv għall-użu tal-infrastruttura, b’mod partikolari fit-trasport bit-triq. Dan huwa essenzjali għall-internalizzazzjoni tal-kost tal-ħsara lill-infrastruttura, iżda huwa wkoll imperattiv li jiġi indirizzat il-kost tat-tniġġis u tal-konġestjoni għas-soċjetà. Il-Kummissjoni tħeġġeġ bil-qawwa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jaġixxu fuq il-proposta tal-Kummissjoni li d-Direttiva dwar l-Eurovignette tiġi emendata, b’mod li jappoġġa b’mod adegwat l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. It-tariffi tat-triq intelliġenti u bbażati fuq id-distanza, b’rati varjati skont it-tip ta’ vettura u l-ħin tal-użu, huma għodda effettiva biex jinċentivaw għażliet sostenibbli u ekonomikament effiċjenti, jimmaniġġjaw it-traffiku u jnaqqsu l-konġestjoni.
51.Attwalment, la l-individwi li qed jippjanaw vjaġġ, u lanqas il-konsenjaturi/l-operaturi loġistiċi li jorganizzaw konsenja, ma jagħtu biżżejjed kunsiderazzjoni lill-impronta ambjentali. Dan huwa parzjalment minħabba li ma jingħatawx l-informazzjoni t-tajba, inkluż dwar l-alternattivi disponibbli. L-għażla l-aktar sostenibbli jenħtieġ li tkun indikata b’mod ċar. B’informazzjoni adegwata dwar l-impronta ambjentali u opportunità aktar sistematika għall-konsumaturi biex jikkumpensaw għall-ivjaġġar tagħhom b'mod volontarju, il-konsumaturi u n-negozji se jingħataw is-setgħa li jagħmlu għażliet ta’ konsenja u trasport aktar sostenibbli.
52.Huwa għalhekk li l-Kummissjoni qed tippjana li tistabbilixxi qafas Ewropew għall-kejl armonizzat tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tat-trasport u l-loġistika , ibbażat fuq standards globali, li mbagħad ikun jista’ jintuża biex jipprovdi lin-negozji u lill-utenti aħħarin bi stima tal-impronta tal-karbonju tal-għażliet tagħhom, u jżid id-domanda mill-utenti finali u mill-konsumaturi biex jagħżlu soluzzjonijiet ta’ trasport u mobbiltà aktar sostenibbli, filwaqt li jiġi evitat il-greenwashing. L-informazzjoni dwar l-impronta tal-karbonju ta’ vjaġġ speċifiku tista’ ssir dritt ġdid tal-passiġġieri u f’dan il-każ jenħtieġ li tapplika għall-modi kollha tat-trasport.
53.Parti sostanzjali tal-kapaċità tagħna li nnaqqsu l-impatt ambjentali tiddependi fuq l-għażliet tagħna. Il-Patt Klimatiku Ewropew se juri u se jappoġġa l-ħafna għażliet li ċ-ċittadini għandhom biex jivvjaġġaw b’mod effiċjenti u b’modi aktar sani u li jniġġsu inqas. Se jkollu rwol importanti fis-sensibilizzazzjoni dwar il-mobbiltà b’emissjonijiet żero, kif ukoll it-trawwim tal-involviment lejha u jagħmel pressjoni għal azzjoni fl-ekoloġizzazzjoni tal-istrateġiji ta’ mobbiltà tal-kumpaniji u tal-bliet.
Stadji importanti dwar l-internalizzazzjoni tal-kostijiet esterni tat-trasport, inkluż permezz tal-EU ETS:
9)Sal-2030, it-trasport intermodali bil-ferrovija u dak ibbażat fuq l-ilma se jkunu jistgħu jikkompetu fuq bażi ugwali mat-trasport bit-triq biss fl-UE.
10)Il-kostijiet esterni kollha tat-trasport fi ħdan l-UE se jkunu koperti mill-utenti tat-trasport sa mhux aktar tard mill-2050.
Il-mobbiltà intelliġenti – niksbu konnettività sikura, effiċjenti u li topera bl-aħjar mod fl-assjem tagħha
54.In-nies jenħtieġ li jgawdu minn esperjenza multimodali li topera bl-aħjar mod fl-assjem tagħha matul il-vjaġġ tagħhom, permezz ta’ sett ta’ għażliet ta’ mobbiltà sostenibbli, xprunati dejjem aktar mid-diġitalizzazzjoni u mill-awtomatizzazzjoni. Peress li l-innovazzjoni se ssawwar il-mobbiltà tal-passiġġieri u l-merkanzija tal-futur, jenħtieġ li jkun hemm qafas u faċilitaturi adatti biex jiffaċilitaw din it-tranżizzjoni li tista’ tagħmel is-sistema tat-trasport ħafna aktar effiċjenti u sostenibbli.
55.L-aċċettazzjoni pubblika u soċjali hija essenzjali għal tranżizzjoni ta’ suċċess, li hija r-raġuni għaliex il-valuri Ewropej, l-istandards ta’ etika, l-ugwaljanza, il-protezzjoni tad-data u r-regoli tal-privatezza, fost l-oħrajn, se jiġu rispettati bis-sħiħ u se jkunu fil-qalba ta’ dawn l-isforzi, filwaqt li ċ-ċibersigurtà se tingħata prijorità għolja.
Inizjattiva ewlenija 6 – Li l-mobbiltà multimodali konnessa u awtomatizzata ssir realtà
56.Jeħtieġ li l-UE tieħu vantaġġ sħiħ minn soluzzjonijiet diġitali intelliġenti u sistemi ta’ trasport intelliġenti (ITS). Is-sistemi konnessi u awtomatizzati għandhom potenzjal enormi biex itejbu b’mod fundamentali l-funzjonament tas-sistema kollha tat-trasport u jikkontribwixxu għall-għanijiet tagħna ta’ sostenibbiltà u sikurezza. L-azzjonijiet se jiffukaw fuq l-appoġġ għall-integrazzjoni tal-modi tat-trasport f’sistema multimodali li tiffunzjona.
57.L-Ewropa trid taħtaf l-opportunitajiet ippreżentati mill-mobbiltà konnessa, kooperattiva u awtomatizzata (CCAM). Is-CCAM tista’ tipprovdi mobbiltà għal kulħadd, tagħti lura ħin prezzjuż u ttejjeb is-sikurezza fit-toroq. Il-Kummissjoni se tixpruna r-riċerka u l-innovazzjoni, possibbilment bi sħubija Ewropea ġdida dwar is-CCAM prevista fil-kuntest ta' Orizzont Ewropa u permezz ta’ sħubijiet oħra li jiffukaw fuq it-teknoloġiji diġitali. Sħubijiet bħal dawn huma importanti għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ta’ aġenda Ewropea kondiviża, koerenti u fit-tul għar-riċerka u l-innovazzjoni, billi jlaqqgħu flimkien atturi mill-katina tal-valur kollha kemm hi. L-UE trid tiżgura li l-isforzi jkunu kkoordinati sew, u li r-riżultati jaslu fis-suq. Pereżempju, jeħtieġ li jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni u ta’ koordinazzjoni tar-regoli tat-traffiku rilevanti u r-responsabbiltà għall-vetturi awtomatizzati. Il-viżjoni hija li l-Ewropa ssir mexxej dinji fl-iżvilupp u fl-użu tas-servizzi u tas-sistemi tas-CCAM u b’hekk tipprovdi kontribut sinifikanti għat-tmexxija Ewropea fit-trasport bit-triq sikur u sostenibbli.
58.Il-Kummissjoni se tesplora għażliet biex tkompli tappoġġa operazzjonijiet tat-trasport bit-triq sikuri, intelliġenti u sostenibbli fl-ambitu ta' aġenzija eżistenti jew korp ieħor. Dan il-korp jista’ jappoġġa l-iskjerament u l-ġestjoni tal-ITS u l-mobbiltà konnessa u awtomatizzata sostenibbli madwar l-Ewropa. Jista’ jiffaċilita t-tħejjija ta’ regoli tekniċi rilevanti, inkluż fir-rigward tal-użu transfruntiera ta’ vetturi awtomatizzati u dwar l-iskjerament ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar u r-riforniment, prevista fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni. Regoli bħal dawn, min-naħa tagħhom, joħolqu sinerġiji madwar l-Istati Membri. Dan jista’ pereżempju jħejji abbozzi ta’ metodi ta’ spezzjoni tal-affidabbiltà stradali u jwettaq kompiti speċifiċi oħra tas-sikurezza fit-toroq, kif ukoll jiġbor data rilevanti. Jista’ jwettaq ukoll kompiti speċifiċi fil-qasam tat-trasport bit-triq f'sitwazzjonijiet ta' tfixkil kbir bħall-pandemija tal-COVID-19, fejn kienu meħtieġa miżuri ta’ emerġenza u soluzzjonijiet bħal Korsiji Ħodor.
59.L-ippjanar u x-xiri ta’ biljetti għal vjaġġi multimodali huma kkumplikati, peress li hemm nuqqas ta’ qafas li jwassal għal informazzjoni integrata u multimodali, kif ukoll għal servizzi ta’ bejgħ ta’ biljetti u ta’ pagament madwar l-UE. Biex dan jiġi indirizzat se jkollhom jingħelbu d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà insuffiċjenti tad-data, il-kooperazzjoni subottimali bejn il-fornituri u l-bejjiegħa, in-nuqqas ta’ biljetti diġitali f’xi każijiet, l-interoperabbiltà inadegwata tas-sistema ta’ pagament, u l-eżistenza ta’ ftehimiet differenti ta’ liċenzjar u ta’ distribuzzjoni. Jeħtieġ li l-UE tittrasforma l-qafas legali tagħha biex tappoġġa servizzi ta’ informazzjoni, ibbukkjar u ħruġ ta’ biljetti għall-ivvjaġġar multimodali, filwaqt li fl-istess ħin tħares lejn id-drittijiet u l-obbligi tal-intermedjarji online u tal-fornituri ta’ servizzi diġitali multimodali li jbigħu servizzi ta’ biljetti u/jew ta’ mobbiltà. Il-Kummissjoni se teżamina jekk il-kondiviżjoni tad-data, inkluż dwar in-nollijiet, fis-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq u bil-ferrovija, u l-arranġamenti tal-bejgħ humiex adattati għall-iskop. Sadanittant, servizzi ta’ pagament u biljetti intelliġenti u interoperabbli jeħtieġu żvilupp ulterjuri; il-fatt li dawn isiru rekwiżit standard fi kwalunkwe kuntratt rilevanti ta’ akkwist pubbliku jippromwovi użu akbar.
60.Il-viżjoni ta’ esperjenza tal-ivvjaġġar b'sistema li topera bl-aħjar mod fl-assjem tagħha u tad-diġitilizzazzjoni ta’ skambju ta’ informazzjoni hija partikolarment rilevanti għat-trasport bit-triq. Il-mobbiltà futura jenħtieġ li toffri għażliet mingħajr karti fil-modi kollha, kemm għall-professjonisti kif ukoll għas-sewwieqa individwali. Iċ-ċertifikati diġitali għas-sewwieqa u għall-vetturi u informazzjoni dwar it-trasport tal-merkanzija, inkluż fil-forma ta’ noti ta’ konsenja elettroniċi, l-użu faċli u affordabbli tal-kiri transfruntiera tal-karozzi, il-pagamenti mingħajr kuntatt għall-parkeġġ u l-pedaġġi, u informazzjoni aħjar dwar iż-żoni li fihom il-bliet jew l-awtoritajiet lokali jillimitaw l-użu tal-karozzi biex jindirizzaw il-konġestjoni jew itejbu l-kwalità tal-arja kollha jikkontribwixxu għal esperjenza ta’ sewqan mingħajr xkiel. Id-disponibbiltà ta’ ċertifikati elettroniċi u ta’ informazzjoni dwar it-trasport tal-merkanzija tiffaċilita wkoll l-infurzar diġitali, filwaqt li t-traċċar u r-rintraċċar ta’ oġġetti f’ħin reali jkun pass sinifikanti lejn it-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali, l-ekonomija f’ħin reali u tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika.
61.Sabiex tinħoloq sistema tat-trasport verament intelliġenti, l-allokazzjoni effiċjenti tal-kapaċità u l-ġestjoni tat-traffiku jridu jiġu indirizzati wkoll biex tiġi evitata kriżi fil-kapaċità u jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2. It-tnedija tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) u tal-Ajru Uniku Ewropew tibqa’ prijorità għall-Kummissjoni u għal Next Generation EU: l-investimenti fl-użu tiegħu jgħoddu bis-sħiħ għall-miri ta’ nfiq diġitali u sostanzjalment lejn il-miri tal-infiq fuq il-klima. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu żviluppati s-sistemi tal-awtomazzjoni tal-ferroviji u tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, pereżempju permezz ta’ impriżi konġunti (JUs). Il-Kummissjoni qed tikkunsidra tali impriżi konġunti għal Orizzont Ewropa (pereżempju Shift2Rail (S2R) u l-Impriżi Konġunti SESAR) u għal sħubijiet futuri oħrajn fil-kuntest ta' dak il-programm. L-iżvilupp ulterjuri tas-Sistema għall-Monitoraġġ u l-Informazzjoni dwar it-Traffiku tal-Bastimenti (VTMIS) se jiffaċilita l-implimentazzjoni sikura ta’ operazzjonijiet marittimi awtomatizzati u awtonomi.
62.Biex l-awtomatizzazzjoni ferrovjarja u l-ġestjoni tat-traffiku jsiru realtà fuq linji ewlenin transfruntiera, il-Kummissjoni se tipproponi li taġġorna l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ interoperabbiltà (TSIs) biex jinkludu teknoloġiji ġodda bħad-data tal-5G u satellitari, u tipprovdi arkitettura tas-sistema komuni u li tista’ tiġi aġġornata faċilment. Dan huwa meħtieġ sabiex l-ERTMS tkun fil-qalba ta’ sistema ferrovjarja diġitali.
63.Fir-rigward tal-avjazzjoni, it-titjib fl-effiċjenza tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) għandu potenzjal kbir għall-modernizzazzjoni u għas-sostenibbiltà, u jgħin biex jitnaqqsu l-ħruq eċċessiv tal-fjuwil u l-emissjonijiet tas-CO2 ikkawżati mill-ineffiċjenzi tat-titjiriet u mill-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru. It-tlestija u l-implimentazzjoni effettiva tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) se jiffaċilitaw ukoll l-esperjenza tal-ivvjaġġar: qafas regolatorju modernizzat u infrastruttura diġitali tal-ATM se jgħinu biex jitnaqqsu l-konġestjonijiet, li jippermetti li t-titjiriet jitilqu u jaslu b’mod aktar puntwali. Għalhekk jenħtieġ li l-proċess leġiżlattiv dwar l-SES jitlesta mingħajr dewmien.
Inizjattiva ewlenija 7 – Innovazzjoni, data u IA għall-mobbiltà intelliġenti
64.It-tiswir proattiv tal-mobbiltà futura tagħna billi niżviluppaw u nivvalidaw teknoloġiji u servizzi ġodda huwa essenzjali biex nibqgħu minn ta’ quddiem. Għalhekk, l-UE se tistabbilixxi kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji u servizzi ġodda, u tal-għodod leġiżlattivi kollha meħtieġa għall-validazzjoni tagħhom. Fil-futur qrib nistgħu nistennew li jibdew jitfaċċaw u li jintużaw b'mod usa’ d-droni (inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord) għal applikazzjonijiet kummerċjali, kif ukoll vetturi awtonomi, hyperloop, inġenji tal-ajru li jaħdmu bl-idroġenu, vetturi tal-ajru personali elettriċi, trasport elettriku fuq l-ilma u loġistika urbana nadifa. Ambjent favorevoli għal tali teknoloġiji tal-mobbiltà revoluzzjonarji huwa essenzjali sabiex l-UE tkun tista’ ssir destinazzjoni ewlenija ta' skjerament għall-innovaturi. In-negozji l-ġodda u l-iżviluppaturi tat-teknoloġija jeħtieġu qafas regolatorju aġli għall-proġetti pilota relatati mal-prodotti tagħhom u għall-iskjerament ta' dawk il-prodotti. Il-Kummissjoni se taħdem biex tiffaċilita l-ittestjar u l-provi, u biex l-ambjent regolatorju jkun tajjeb għall-innovazzjoni, sabiex jiġi appoġġat l-iskjerament ta’ soluzzjonijiet fis-suq.
65.Il-Kummissjoni se tixpruna r-riċerka u l-iskjerament ta’ teknoloġiji innovattivi u sostenibbli fit-trasport. L-investiment f’soluzzjonijiet fixkiela se jwitti t-triq għal skoperti importanti u gwadanji ambjentali fis-snin u fid-deċennji li ġejjin. Il-programmi ta’ riċerka tal-UE tal-lum se jkunu kruċjali għall-iskjerament fil-futur, permezz ta’ strumenti bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew InvestEU.
66.Il-Kummissjoni tappoġġa bis-sħiħ l-użu ta’ droni u inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, u se tkompli tiżviluppa r-regoli rilevanti, inkluż dwar il-U-Space, biex tagħmlu adattat għat-tisħiħ tal-mobbiltà sikura u sostenibbli. Il-Kummissjoni se tadotta wkoll “Strateġija dwar id-Droni 2.0” li tistabbilixxi modi possibbli biex tiggwida l-iżvilupp ulterjuri ta’ din it-teknoloġija u tal-ambjent regolatorju u kummerċjali tagħha.
67.Barra minn hekk, sabiex it-trasformazzjoni diġitali tas-settur tat-trasport issir realtà, jeħtieġ li l-UE tiżgura li l-faċilitaturi diġitali ewlenin ikunu fis-seħħ, inkluż il-komponenti elettroniċi għall-mobbiltà, l-infrastruttura tan-network, ir-riżorsi cloud-to-edge, it-teknoloġiji tad-data u l-governanza kif ukoll l-Intelliġenza Artifiċjali. L-UE jenħtieġ li tkompli ssaħħaħ il-kapaċitajiet industrijali tagħha relatati mal-katina tal-provvista diġitali. Dan jinkludi d-disinn u l-produzzjoni ta’ komponenti, pjattaformi ta’ software u t-teknoloġija tal-Internet tal-Oġġetti għal aktar elettrifikazzjoni u awtomatizzazzjoni fit-trasport u l-mobbiltà.
68.L-UE teħtieġ ukoll li tiżgura l-ogħla livell u prestazzjoni tal-infrastruttura diġitali, b’mod partikolari permezz tal-5G, li toffri firxa wiesgħa ta’ servizzi u tgħin biex jintlaħqu livelli ogħla ta’ awtomatizzazzjoni f’applikazzjonijiet differenti tal-mobbiltà. Barra minn hekk, huma meħtieġa aktar sforzi biex jintlaħaq l-objettiv ta’ kopertura mingħajr interruzzjoni fil-kurituri ewlenin tat-trasport madwar l-Ewropa b’infrastruttura ta’ konnettività 5G, kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-5G għall-2016. Huwa essenzjali li jkun hemm suq uniku diġitali li jiffunzjona tajjeb.
69.L-Intelliġenza Artifiċjali (IA) qed issir essenzjali għall-awtomatizzazzjoni tat-trasport fil-modi kollha li għandhom teknoloġiji u komponenti diġitali fil-qalba tagħhom. Il-Kummissjoni tipprevedi ekosistema tal-IA kemm ta’ eċċellenza kif ukoll ta’ fiduċja, li se tissawwar bil-finanzjament tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-iskjerament permezz tal-programmi Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tappoġġa l-ittestjar u l-esperimentazzjoni tal-faċilitajiet dwar l-IA għall-mobbiltà intelliġenti skont il-Programm Ewropa Diġitali.
70.It-trasformazzjoni diġitali tas-settur tat-trasport u tal-mobbiltà teħtieġ aktar sforzi relatati mad-disponibbiltà, l-aċċess u l-iskambju tad-data. Bħalissa, dawn ta’ spiss huma mxekkla minħabba kundizzjonijiet regolatorji mhux ċari, nuqqas ta’ suq tal-UE għall-forniment tad-data, in-nuqqas ta’ obbligu li d-data tinġabar u tiġi kondiviża, għodod u sistemi inkompatibbli għall-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data, standards differenti, jew tħassib dwar is-sovranità tad-data. Id-disponibbiltà tad-data u tal-istatistika hija essenzjali wkoll, b’mod partikolari d-data f’ħin reali, peress li tippermetti servizzi aħjar għaċ-ċittadini jew it-trasparenza tal-ktajjen tal-provvista fit-trasport tal-merkanzija.
71.Huwa għalhekk li l-Kummissjoni se tipproponi aktar azzjonijiet biex jinbena Spazju Komuni Ewropew tad-Data dwar il-Mobbiltà. Dan se jqis il-governanza orizzontali stabbilita fl-istrateġija dwar id-data u fl-Att dwar id-Data u l-prinċipju tan-newtralità teknoloġika. L-għan huwa li tinġabar id-data u li din tiġi konnessa u ssir disponibbli biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE, mis-sostenibbiltà sal-multimodalità. Dan l-Ispazju tad-Data dwar il-Mobbiltà jenħtieġ li jiffunzjona f’sinerġija ma’ sistemi ewlenin oħra, fosthom l-enerġija, in-navigazzjoni bis-satellita u t-telekomunikazzjoni, filwaqt li jkun ċibersikur u kompatibbli mal-istandards tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni. Fl-istess ħin, iridu jiġu ppreservati kundizzjonijiet ekwi għad-data fil-katina tal-valur sabiex l-innovazzjoni tkun tista’ tirnexxi u sabiex ikunu jistgħu jinħolqu mudelli ta’ negozju ġodda. Il-Kummissjoni se tikkunsidra għażliet regolatorji differenti biex tagħti lill-operaturi spazju sikur u affidabbli għall-kondiviżjoni tad-data tagħhom fi ħdan u bejn is-setturi, mingħajr ma tkun imfixkla l-kompetizzjoni u filwaqt li jiġu rispettati l-privatezza u l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni.
72.Peress li l-aċċess għad-data dwar il-vetturi se jkun strumentali għall-kondiviżjoni tad-data dwar it-trasport u għall-mobbiltà intelliġenti, fl-2021 il-Kummissjoni se tipproponi inizjattiva ġdida dwar l-aċċess għad-data dwar il-karozzi, li permezz tagħha se tipproponi qafas ibbilanċjat li jiggarantixxi aċċess ġust u effettiv għad-data dwar il-vetturi mill-fornituri tas-servizzi tal-mobbiltà.
L-istadji importanti lejn il-mobbiltà intelliġenti:
11)Sal-2030, it-trasport multimodali tal-passiġġieri li jopera bl-aħjar mod fl-assjem tiegħu se jiġi ffaċilitat permezz ta’ biljetti elettroniċi integrati, filwaqt li t-trasport tal-merkanzija se jkun mingħajr karti.
12)Sal-2030, il-mobbiltà awtomatizzata se tiġi implimentata fuq skala kbira.
Mobbiltà reżiljenti – Żona Unika Ewropea tat-Trasport aktar reżiljenti: għal konnettività inklużiva
73.It-trasport kien wieħed mis-setturi l-aktar milqutin mill-pandemija tal-COVID-19, u ġarrab ħsara li rriżultat minn xokkijiet negattivi kbar fid-domanda wara l-miżuri meħtieġa ta’ trażżin u ta’ mitigazzjoni. Dan wassal għal interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista, għal tnaqqis qawwi fl-ivvjaġġar u fit-turiżmu barrani u domestiku, u għal tnaqqis fil-konnettività madwar l-UE kollha kemm hi. Irriżulta wkoll f’diffikultajiet operazzjonali u finanzjarji kbar għal ħafna negozji attivi fis-settur tat-trasport, ħafna minnhom intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Din l-istrateġija trid tgħin lis-settur u lill-ekosistemi rilevanti bħall-ivvjaġġar u t-turiżmu jirpiljaw aħjar minn din il-kriżi, u jsiru aktar ekoloġiċi, aktar intelliġenti u aktar reżiljenti.
Inizjattiva ewlenija 8 – Tisħiħ tas-suq uniku
74.L-UE issa għandha opportunità biex tibni sistema ta’ mobbiltà li tkun sostenibbli, intelliġenti u reżiljenti: sistema għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-valutazzjoni preċedenti tal-Kummissjoni wriet il-ħtieġa għal investimenti fuq skala u b’ritmu mgħaġġel, inkluż investimenti pubbliċi u privati sostanzjali fil-livell nazzjonali: l-investimenti addizzjonali għall-2021–2030 fil-vetturi (inkluż il-vetturi ferrovjarji, il-bastimenti u l-inġenji tal-ajru) u l-iskjerament tal-infrastruttura tal-fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju huma stmati għal EUR 130 biljun fis-sena, meta mqabbla mal-għaxar snin preċedenti. Id-“distakk fl-investiment fit-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali” għall-infrastruttura jżid EUR 100 biljun addizzjonali fis-sena. Biex jitlesta n-network ewlieni tat-TEN-T u jinbena bħala sistema verament multimodali, hemm bżonn ta’ EUR 300 biljun matul l-10 snin li ġejjin. Dawn l-investimenti huma essenzjali biex jissaħħaħ is-suq uniku.
75.L-investiment irid jiġi kkoordinat u jingħata prijorità fi ħdan il-programmi ta’ finanzjament tal-UE, inkluż l-istrument ta’ rkupru ta’ NextGenerationEU, skont il-prinċipji li ġejjin. L-ewwel nett, l-appoġġ mhux ripagabbli, b’mod partikolari mill-Faċilità l-ġdida għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond ta’ Innovazzjoni, jenħtieġ li jingħata prijorità għal proġetti bl-ogħla valur miżjud soċjali, ambjentali, ekonomiku u tal-UE u l-aktar impatt dirett fuq l-impjiegi, it-tkabbir u r-reżiljenza. Is-CEF huwa l-aħjar strument għall-finanzjament tal-iżvilupp tal-infrastruttura b’valur miżjud massimu tal-UE, filwaqt li jintegra l-objettivi ekoloġiċi u diġitali. It-tieni nett, il-falliment tas-suq u l-livell ta’ investiment subottimali fl-oqsma ta’ prijorità tal-politika jenħtieġ li jiġu indirizzati permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament, b’mod partikolari permezz tat-Twieqi ta’ Infrastruttura u Riċerka Sostenibbli, Innovazzjoni u Diġitalizzazzjoni tal-Programm InvestEU, ikkomplementati, fejn meħtieġ, b’aktar użu ta’ strumenti ta’ taħlit. It-tielet nett, il-politika tas-self għat-trasport tal-BEI jenħtieġ li tgħin ukoll biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija, billi toffri qafas komprensiv li jattira l-investiment privat biex itejjeb ir-reżiljenza u jaċċellera l-iskjerament ta’ teknoloġiji sostenibbli u intelliġenti fil-modi kollha.
76.L-investiment fl-irkupru tas-settur tat-trasport jenħtieġ li jkun akkumpanjat minn investimenti minn negozji f’mobbiltà aktar sostenibbli u diġitali. Il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar ibbażati fuq ir-Regolament dwar it-Tassonomija jenħtieġ li jiġu definiti għall-modi kollha tat-trasport filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ investiment. Investiment finanzjarju fit-trasport sostenibbli jista’ jibbaża wkoll fuq l-Istandard Ewropew dwar il-Bonds Ekoloġiċi ankrati fit-tassonomija tal-UE. Ir-rieżami li jmiss tar-regoli rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trasport irid jintuża wkoll biex jixpruna t-tranżizzjoni tas-settur lejn is-sostenibbiltà, u b’hekk il-modi kollha jingħataw opportunità dejjem akbar biex jikkompetu fuq termini ugwali għal sussidju.
77.Biex tinbena sensiela kredibbli ta’ proġetti vijabbli u jitħaffef l-investiment, huwa meħtieġ appoġġ konsultattiv għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-promoturi tal-proġetti. Dan jista’ jiġi pprovdut permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku u ċ-Ċentru ta’ Konsulenza ta’ InvestEU, kif ukoll permezz ta’ assistenza teknika disponibbli fi ħdan programmi ffinanzjati bħala parti mill-politika ta’ koeżjoni.
78.L-SMEs jeħtieġu aċċess aktar faċli għall-finanzjament, b’mod partikolari għat-tiġdid tal-flotta u investimenti innovattivi u ekoloġiċi oħrajn. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ komunikazzjoni u gwida aktar ċari, appoġġ amministrattiv dedikat, u skemi simplifikati ta’ appoġġ finanzjarju. L-appoġġ għall-ħolqien ta’ ppuljar, fondi u mekkaniżmi oħra ta’ intermedjazzjoni se jiżgura massa kritika għall-aċċess għall-finanzi. L-Istati Membri jenħtieġ li jaħtru punt uniku ta’ servizz għan-negozji biex jitolbu tali appoġġ.
79.L-investiment fl-infrastruttura tat-trasport madwar l-UE huwa essenzjali biex jiġu żgurati l-konnettività, il-funzjonament sostenibbli tal-ekonomija u l-koeżjoni fost l-Istati Membri. Din hija r-raġuni għaliex issa hemm bżonn ta’ rieżami tal-qafas Ewropew tal-governanza ekonomika: l-UE trid tippromwovi l-investiment fit-trasport ibbażat fuq klassi ta’ assi tal-infrastruttura tal-UE. Tali klassi tista’ tinkludi proġetti ta’ infrastruttura li l-implimentazzjoni tagħhom hija bbażata fuq ippjanar strateġiku Ewropew, bħall-proġetti TEN-T. Il-Kummissjoni se tiżgura bl-istess mod li l-Linji Gwida l-ġodda tat-TEN-T ikunu konsistenti mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” u mal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-infrastruttura trid tiġi adattata wkoll għat-tibdil fil-klima u ssir reżiljenti għad-diżastri, u l-Kummissjoni se tindirizza din il-kwistjoni kemm fir-rieżami tat-TEN-T kif ukoll fl-istrateġija tal-adattament għat-tibdil fil-klima, inkluż permezz ta’ gwida ddedikata dwar il-verifika tar-reżistenza klimatika.
80.Iridu jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex it-TEN-T jitlesta fil-ħin. Il-Kummissjoni se tipproponi li ssaħħaħ ir-rwol tal-Koordinaturi Ewropej biex imexxu l-progress fil-kurituri tat-trasport madwar il-kontinent biex dawn jitlestew sal-2030. L-UE trid tagħti prijorità lill-għeluq tad-distakki bejn il-Lvant u l-Punent u bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar għal infrastruttura moderna. Is-suċċessi tal-pont ta’ Øresund bejn id-Danimarka u l-Iżvezja u n-network ferrovjarju ta’ veloċità għolja bejn Pariġi-Londra-Brussell-Amsterdam u Cologne juru l-ħtieġa li jitlestew proġetti bħal Rail Baltica, Lyon-Torino, Y-Basque, Fehmarn, Brenner, Dresden-Praga, Vjenna-Bratislava-Budapest, Seine-Scheldt u ħafna oħrajn, mingħajr dewmien. Se jkunu meħtieġa aktar proġetti transfruntiera biex l-Istati Membri kollha jiġu integrati fis-sistema ferrovjarja Ewropea tal-futur, u b’hekk jiġu stabbiliti interkonnessjonijiet bla xkiel għall-ivvjaġġar ferrovjarju transfruntiera madwar l-Ewropa. Dan se jinkiseb filwaqt li tinżamm l-aċċessibbiltà għar-reġjuni rurali u remoti.
81.Fl-istess ħin, l-investiment irid jiffinanzja l-modernizzazzjoni tal-flotot fil-modi kollha. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li jiġu implimentati għażliet teknoloġiċi b’emissjonijiet baxxi jew żero, inkluż permezz ta’ modifika retroattiva u skemi xierqa ta’ tiġdid fil-modi kollha tat-trasport. Użu akbar tal-akkwist pubbliku konġunt u transfruntiera fl-UE, ibbażat fuq il-prinċipju tal-Aktar Offerta Ekonomikament Vantaġġuża, jista’ jikkontribwixxi biex dan isir b’mod kosteffiċjenti. L-appoġġ għal tali tiġdid tal-flotta, filwaqt li jingħata f’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-UE dwar is-sussidji, u b’regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, se jgħin biex tiġi ppreservata ekosistema tal-manifattura b’saħħitha f’żoni fejn l-Ewropa għandha vantaġġ teknoloġiku strateġiku bħall-industriji tal-manifattura tal-inġenji tal-ajru, tal-ferroviji u tal-bastimenti. Dan iżid il-prospetti ta’ kapaċitajiet adegwati ta’ produzzjoni u ta’ ktajjen ta’ valur tal-provvista li qed jinbnew fl-industrija tal-manifattura Ewropea f’konformità mal-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa, u li tiġi ppreservata t-tmexxija teknoloġika tal-bażi tal-manifattura tal-UE.
82.Filwaqt li tibni fuq is-suċċess tal-Alleanza Ewropea tal-Batteriji, il-Kummissjoni tappoġġa ktajjen ta’ valur strateġiċi (inkluż dwar il-batteriji, dwar il-materja prima, dwar l-idroġenu u dwar il-fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju) bi strumenti regolatorji u finanzjarji. Dan huwa essenzjali biex tiġi żgurata provvista sigura ta’ materjali u teknoloġiji indispensabbli għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti, filwaqt li tiġi evitata d-dipendenza tal-Ewropa fuq fornituri esterni f’setturi strateġiċi biex tinkiseb awtonomija strateġika akbar. L-Ewropa jeħtieġ li tikkapitalizza fuq l-assi spazjali tagħha li jipprovdu servizzi satellitari, data, u komunikazzjonijiet fil-modi kollha tat-trasport, li huma partikolarment kritiċi għas-CCAM.
83.Iż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport hija aktar integrata minn qatt qabel, iżda għadha ’l bogħod milli titlesta. Għad hemm ostakli għall-moviment liberu tal-merkanzija u s-servizzi, kif ukoll ostakli għall-kompetizzjoni ġusta, filwaqt li r-regoli rilevanti mhumiex implimentati jew infurzati kif suppost f’waqthom.
84.Il-pandemija tal-COVID-19 kixfet il-vulnerabbiltajiet tas-suq uniku. Is-servizzi tal-merkanzija fuq l-art, fuq l-ilma u bl-ajru mingħajr interruzzjoni huma ta’ importanza kruċjali għat-trasport ta’ oġġetti u tal-elementi tal-produzzjoni għall-industriji tal-manifattura, għall-funzjonament tas-suq uniku tal-UE, u għar-rispons effettiv tal-UE għall-kriżijiet attwali u futuri. L-isforzi biex jiġu żgurati l-multimodalità u l-interoperabbiltà bejn il-modi differenti jenħtieġ li jiġu intensifikati, u t-tlestija taż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport trid tiġi aċċellerata.
85.L-integrità tas-suq uniku u kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi jridu jinżammu, inkluż billi jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni fost l-operaturi diġà stabbiliti u l-parteċipanti ġodda fis-suq, pereżempju meta tingħata għajnuna mill-Istat, u li ma jiġi introdott l-ebda ostaklu ġdid għall-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni se ssegwi b’mod rigoruż l-infurzar tar-regoli tal-UE, u se twettaq rieżami ta’ jew tipproponi, kif meħtieġ, leġiżlazzjoni biex jitneħħew l-ostakli għall-moviment liberu tal-oġġetti u s-servizzi li jaffettwaw it-trasport. Filwaqt li tagħmel dan, il-Kummissjoni se tfittex li ttejjeb l-effiċjenza tas-sistema tat-trasport u tal-operazzjonijiet tat-trasport, pereżempju billi timmira li tnaqqas il-vjaġġi vojta, u b’hekk tevita l-emissjonijiet dannużi u t-tniġġis.
86.Sabiex jintlaħqu l-għanijiet kollha f’din l-istrateġija, huwa meħtieġ appoġġ għall-isforzi ta’ modernizzazzjoni f’kull mod biex iċ-ċittadini tal-UE jiġu pprovduti b’konnettività intelliġenti bi prezzijiet raġonevoli u trasparenti. Fl-avjazzjoni, il-Kummissjoni se tipproponi li tirrevedi r-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru. Filwaqt li jinżammu l-ogħla livelli ta’ sikurezza tal-ajru, l-objettivi se jkunu li jiġu protetti l-interessi tal-konsumatur, u li tissawwar industrija Ewropea tas-servizzi tal-ajru reżiljenti u kompetittiva filwaqt li jinżammu l-impjiegi ta’ kwalità għolja. Din l-inizjattiva se tiġi kkomplementata mill-modernizzazzjoni tar-regoli tal-UE li jirregolaw l-imposti tal-ajruporti, l-islots u s-sistemi kompjuterizzati ta’ prenotazzjoni. Fis-settur ferrovjarju, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk ir-regoli attwali dwar l-imposti għall-aċċess għall-binarji joffrux l-inċentivi t-tajba biex tingħata spinta lis-swieq kompetittivi u lill-attraenza tal-ferroviji.
87.Biex jiġi evitat tfixkil fil-futur, b’reazzjoni għas-sejħa mill-Kunsill, il-Kummissjoni se tħejji pjan(ijiet) ta’ kontinġenza għall-kriżijiet, u tlaqqa’ flimkien l-awtoritajiet tal-UE u tal-Istati Membri mar-rappreżentanti tas-settur. L-objettiv tagħha jkun li tiġi żgurata l-kontinwità tan-negozju, u li jiġu kkoordinati miżuri ta’ rispons fis-settur tat-trasport abbażi ta’ linji gwida u leġiżlazzjoni żviluppati matul il-pandemija tal-COVID-19, bħal pereżempju għall-Korsiji Ħodor. Bil-ħsieb li jiġu żgurati aktar operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija u servizzi tat-trasport tal-passiġġieri mingħajr interruzzjoni f’xenarji ta’ kriżi, il-Kummissjoni se tivvaluta l-possibbiltajiet li tipprevedi miżuri operattivi u ta’ sikurezza tas-saħħa ġodda, u li tistabbilixxi livell minimu armonizzat ta’ servizzi essenzjali tat-trasport. L-UE jista’ jkollha bżonn tadatta l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar it-trasport biex tippermetti rispons rapidu għall-kriżijiet.
Inizjattiva ewlenija 9 – Li l-mobbiltà ssir ekwa u ġusta għal kulħadd
88.Ix-xokk ekonomiku enfasizza l-ħtieġa għal mobbiltà affordabbli, aċċessibbli u ekwa għall-passiġġieri u għall-utenti l-oħra tas-servizzi tat-trasport. Fil-fatt, filwaqt li s-suq uniku fit-trasport żied il-konnettività, il-mobbiltà għadha għalja għall-persuni b’introjtu disponibbli baxx, u mhijiex aċċessibbli biżżejjed għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa, u għal dawk b’livell baxx ta’ litteriżmu fl-IT. F’żoni rurali, periferiċi u remoti, inkluż ir-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer, konnessjonijiet imtejba tat-trasport pubbliku se jkunu essenzjali biex jiġi ggarantit aċċess bla xkiel għall-mobbiltà għal kulħadd.
89.Il-bidla lejn mobbiltà sostenibbli, intelliġenti u reżiljenti trid tkun ġusta jew inkella hemm ir-riskju li din ma sseħħx. Għalhekk, il-Kummissjoni se tiżgura li l-possibbiltajiet skont il-mekkaniżmu ta’ tranżizzjoni ġusta jiġu esplorati bis-sħiħ biex din il-mobbiltà l-ġdida ssir affordabbli u aċċessibbli fir-reġjuni kollha u għall-passiġġieri kollha inklużi dawk b’diżabbiltà u b’mobbiltà mnaqqsa. Il-Kummissjoni se tkompli tgħin ukoll billi tipprovdi appoġġ mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-FEŻR fi Stati Membri u reġjuni inqas żviluppati.
90.Barra minn hekk, l-OSP jenħtieġ li jkunu saħansitra aktar immirati u effiċjenti u, fejn possibbli, li jgħinu fil-bidla għal sistema multimodali. Sabiex jiġi garantit l-aħjar użu tal-flus u l-appoġġ pubbliċi, l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jeħtieġ li jkunu jistgħu jużaw l-OSP biex itejbu l-konnettività u jirriflettu objettivi ta’ politika speċifiċi. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà għall-OSP, bħal kriterju li bih l-OSP ma jistgħux jiġu imposti għal titjiriet qosra fejn teżisti konnessjoni alternattiva, xierqa, u aktar sostenibbli u kompetittiva. Il-Kummissjoni se tikkunsidra alternattivi biex toħloq sistema ta’ OSP multimodali, b’mod partikolari bil-għan li tippermetti li l-modi kollha tat-trasport jikkompetu fuq l-istess livell biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet rilevanti tat-trasport.
91.Mobbiltà ġusta tfisser ukoll protezzjoni għall-passiġġieri u għad-drittijiet tagħhom. L-għadd enormi ta' kanċellazzjonijiet f'daqqa matul il-pandemija tal-COVID-19 wera l-importanza ta’ regoli għall-UE kollha u l-importanza tal-implimentazzjoni u l-infurzar uniformi tagħhom. L-UE trid tgħin lill-passiġġieri meta l-operaturi tat-trasport ifallu jew meta jkunu jinsabu fi kriżi kbira ta’ likwidità bħal fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19. Il-passiġġieri li jitħallew l-art iridu jiġu ripatrijati u l-biljetti tagħhom iridu jiġu rimborżati f’każ ta’ kanċellazzjonijiet mit-trasportaturi. Il-Kummissjoni tqis l-għażliet u l-benefiċċji ta’ mezzi possibbli li jipproteġu lill-passiġġieri minn avvenimenti bħal dawn u, jekk ikun xieraq, se tagħmel proposti leġiżlattivi.
92.Id-drittijiet tal-passiġġieri tal-UE jenħtieġ li jiġu implimentati aħjar u li jkunu aktar ċari kemm għat-trasportaturi kif ukoll għall-passiġġieri, u li joffru assistenza adegwata, rimborż u, possibbilment, kumpens meta jkun hemm interruzzjonijiet, kif ukoll sanzjonijiet xierqa jekk ir-regoli ma jiġux applikati kif suppost. Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-għażliet u l-benefiċċji biex tkompli b’qafas multimodali għad-drittijiet tal-passiġġieri li hu ssimplifikat, u aktar konsistenti u armonizzat.
93.L-assi l-aktar prezzjużi tas-settur huma n-nies tiegħu u t-tranżizzjoni sostenibbli u intelliġenti mhux se tkun possibbli mingħajr l-appoġġ u l-kontribut tal-ħaddiema tat-trasport. Madankollu, ċerti partijiet tas-settur tat-trasport spiss ibatu minn kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli ħafna. Kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, inkluż sigħat twal ta’ xogħol, perjodi mqatta’ ’l bogħod mid-dar u xogħol b’paga baxxa, huma aggravati minn nuqqas ta’ rispett għall-istandards tax-xogħol applikabbli u għall-infurzar xieraq tagħhom. Il-provvediment ta’ standards soċjali ogħla jikkontribwixxi direttament biex ireġġa’ lura n-nuqqas ġenerali attwali ta’ attraenza lejn is-settur. Il-forza tax-xogħol qed tixjiħ malajr u skarsezzi sinifikanti tal-forza tax-xogħol huma diġà viżibbli ħafna f’ċerti okkupazzjonijiet. Il-kwistjonijiet iffaċċjati mill-ħaddiema tat-trasport ġew aggravati mill-pandemija tal-COVID-19. Hemm riskju li din is-sitwazzjoni tkompli tiddeterjora jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni.
94.Huwa għalhekk li l-Kummissjoni se tikkunsidra miżuri li jkopru l-modi differenti kollha tat-trasport biex issaħħaħ il-qafas leġiżlattiv dwar il-kundizzjonijiet għall-ħaddiema, u tiżgura l-implimentazzjoni korretta tagħhom filwaqt li tipprovdi aktar ċarezza dwar id-drittijiet soċjali applikabbli b’mod konformi mad-diversi strumenti disponibbli għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kummissjoni se tfittex li tippromwovi standards soċjali għoljin u se taħdem mal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni rilevanti. Fid-dominju internazzjonali, il-Kummissjoni se tinsisti għal progress fil-kuntest tal-IMO, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u ta’ istituzzjonijiet internazzjonali oħra biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti abbord u bidliet f’waqthom tal-ekwipaġġ, b’mod partikolari matul pandemija dinjija.
95.Il-bidliet fis-settur, b’mod partikolari dawk relatati mal-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, qed joħolqu ħafna sfidi ġodda. L-impjiegi fis-settur tat-trasport, speċjalment impjiegi b’ħiliet baxxi u medji, jistgħu jkunu f’riskju minħabba l-awtomatizzazzjoni u ċ-ċaqliq lejn sostenibbiltà akbar. Fl-istess ħin, it-trasformazzjoni diġitali li għaddejja bħalissa tippreżenta opportunitajiet ġodda, bħal ambjent tax-xogħol imtejjeb u impjiegi ta’ kwalità li jistgħu jsiru aktar attraenti għan-nisa u għaż-żgħażagħ. Għalhekk, huwa meħtieġ perkors kredibbli għat-tranżizzjoni ġusta għall-ħaddiema tat-trasport. Il-Kummissjoni se toħroġ rakkomandazzjonijiet għat-tranżizzjoni lejn l-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni u dwar il-mezzi biex jittaffa l-impatt tagħhom fuq il-forza tax-xogħol tat-trasport.
96.Fl-aħħar nett, sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas dejjem jikber ta’ ħaddiema tas-sengħa, il-Kummissjoni qed tappella lill-partijiet ikkonċernati u lis-sħab soċjali tat-trasport biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, l-ekwità soċjali u r-reżiljenza u b’mod partikolari biex jingħaqdu mal-Patt għall-Ħiliet. Il-partijiet ikkonċernati tat-trasport jenħtieġ li joħolqu wkoll aktar apprendistati, biex isiru membri tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, u biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet Vokazzjonali.
97.Il-Kummissjoni se tapplika kif xieraq l-integrazzjoni tal-ugwaljanza fl-inizjattivi ta’ politika tagħha relatati mat-trasport u se tkompli tappoġġa l-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati u l-iskambju ta’ prattiki tajba dwar “Aktar Nisa fit-Trasport – Pjattaforma għall-Bidla”, biex jiżdied l-għadd ta’ nisa fil-professjonijiet tat-trasport. Se tqajjem ukoll sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ ugwaljanza billi tistabbilixxi u tappoġġa network ta’ Ambaxxaturi għad-Diversità. Kwalunkwe proposta futura għat-trasport se tkun konformi mal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u mal-Istrateġija tal-Kummissjoni dwar id-Diżabbiltà.
Inizjattiva ewlenija 10 – Titjib tas-sikurezza u tas-sigurtà tat-trasport
98.Is-sikurezza u s-sigurtà tas-sistema tat-trasport huma ta’ importanza liema bħalha u jenħtieġ li qatt ma jiġu kompromessi, filwaqt li l-UE jenħtieġ li tibqa’ mexxej dinji f’dan il-qasam. Sforzi kontinwi mal-awtoritajiet internazzjonali, nazzjonali u lokali, mal-partijiet ikkonċernati u maċ-ċittadini huma kruċjali jekk irridu nilħqu l-għan tagħna ta’ fatalitajiet żero mill-mobbiltà.
99.L-Ewropa tibqa’ l-aktar reġjun tat-trasport sikur fid-dinja. Filwaqt li l-ivvjaġġar bl-ajru, bil-baħar u bil-ferrovija huwa sikur ħafna, m’hemmx lok għal kompjaċenza, b’mod partikolari b'rabta mas-sikurezza fit-toroq. Madwar 22 700 persuna tilfu ħajjithom fit-toroq tal-UE fl-2019, u għal kull persuna li mietet, madwar ħamsa oħra sofrew korrimenti serji b’konsegwenzi li biddlulhom ħajjithom. Il-Kummissjoni għalhekk tibqa’ impenjata bis-sħiħ li timplimenta l-istrateġija tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq tal-2018.
100.Fatturi bħall-veloċità, il-konsum tal-alkoħol u tad-droga, u d-distrazzjonijiet waqt is-sewqan huma korrelatati b’mod qawwi kemm mal-kawżalità kif ukoll mas-severità tal-ħabtiet fit-toroq. Il-Kummissjoni se tikkunsidra liema azzjoni hija meħtieġa biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet, pereżempju permezz ta’ użu ulterjuri tar-rakkomandazzjonijiet tal-UE. Il-protezzjoni tal-utenti vulnerabbli tat-toroq, kif ukoll il-ġbir u l-analiżi aħjar tad-data se jkunu prijorità, u l-Kummissjoni se tivvaluta wkoll il-valur miżjud ta’ investigazzjoni profonda tal-ħabtiet f’dan il-livell. It-titjib tal-infrastruttura eżistenti b’riskju għoli jenħtieġ li jibqa’ prijorità għall-investimenti fl-infrastruttura, b’attenzjoni partikolari għas-segmenti tan-network li qed jeqdiemu u dawk sottożviluppati. Miżuri biex jingħata aktar spazju lil diversi forom ta’ mobbiltà attiva se jgħinu biex jiġu evitati l-imwiet u l-korrimenti serji għall-utenti vulnerabbli tat-triq.
101.Fis-settur marittimu, il-Kummissjoni qed tippjana li tagħti bidu għal rieżami fuq skala kbira tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera, il-kontroll mill-istat tal-port u l-investigazzjoni tal-inċidenti, flimkien mat-tisħiħ kontinwu tar-regoli tal-UE dwar l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti. L-objettiv ġenerali huwa li jkun hemm trasport marittimu sikur, bla periklu u effiċjenti b’inqas kostijiet għan-negozji u għall-amministrazzjonijiet. Is-sikurezza marittima u t-trasport marittimu intelliġenti u sostenibbli fl-ilmijiet tal-UE se jkomplu jiddependu fuq il-kontribut tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima li l-mandat tagħha jenħtieġ li jiġi modernizzat u possibbilment estiż għal oqsma addizzjonali.
102.Flimkien ma’ sforzi oħra biex is-settur tat-trasport u infrastruttura oħra jsiru aktar reżiljenti, l-UE trid tkompli taġġorna u ttejjeb il-qafas ta’ sigurtà eżistenti, inkluż l-indirizzar tat-theddid ċibernetiku, taħt il-qafas globali tar-regoli eżistenti li jirregolaw din il-kwistjoni. Filwaqt li tibni fuq il-qafas ta’ ċertifikazzjoni għall-UE kollha għall-prodotti, il-proċessi u s-servizzi tal-ICT, u l-għażla ta’ “Operaturi ta’ Servizzi Essenzjali” (OES) għall-infrastrutturi tal-mobbiltà, se tiġi esplorata l-possibbiltà li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ twissija rapida fil-livell tal-UE għas-sigurtà. Barra minn hekk, se jittejbu r-regolamenti relatati, bħal pereżempju dawk dwar il-qafas taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għall-vetturi awtomatizzati.
Stadji importanti lejn mobbiltà reżiljenti:
13)Network Trans-Ewropew tat-Trasport multimodali mgħammar għal trasport sostenibbli u intelliġenti b’konnettività ta’ veloċità għolja se jkun operazzjonali sal-2030 għan-network ewlieni u sal-2050 għan-network komprensiv.
14)Sal-2050, l-għadd ta’ mwiet għall-modi kollha tat-trasport fl-UE se jkun qrib iż-żero.
L-UE bħala ċ-ċentru dinji ta’ konnettività
103.Fid-dawl tal-iżviluppi ġeopolitiċi li qed jinbidlu malajr, l-UE jeħtieġ li taġixxi biex tissalvagwardja u tkompli tavvanza l-interessi tal-UE. L-iżgurar ta’ kompetizzjoni internazzjonali mhux imxekkla, ta’ reċiproċità u ta’ kundizzjonijiet ekwi huma essenzjali għall-modi kollha tat-trasport b’dimensjoni internazzjonali. Sabiex tindirizza, b’mod effettiv, l-effetti tad-distorsjoni tas-sussidji barranin fis-suq intern, inkluż fl-akkwist pubbliku, il-Kummissjoni se tipproponi strument iddedikat.
104.Azzjoni ulterjuri tista’ tinkludi l-użu, mill-Istati Membri, ta’ mekkaniżmi disponibbli għall-iskrinjar ta’ investimenti diretti barranin f’kumpaniji tat-trasport u assi Ewropej għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ta’ ordni pubblika. Tista’ tinkludi wkoll bidliet, min-naħa tal-Unjoni, fir-rigward tad-difiża tal-kummerċ, fid-dawl tal-kriterji fis-seħħ għall-avjazzjoni. Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi wkoll l-użu tal-istandards tekniċi, soċjali, ambjentali u tal-kompetizzjoni Ewropej fil-fora internazzjonali, u fir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi individwali li mhumiex tal-UE fil-modi kollha tat-trasport. It-tagħmir u s-soluzzjonijiet tat-trasport huma l-mutur tal-esportazzjonijiet Ewropej u t-trasformazzjoni sostenibbli u intelliġenti tas-settur hija opportunità għall-industrija tal-manifattura tagħna biex tkun minn ta’ quddiem globalment.
105.Biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, huwa meħtieġ tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tat-trasport sal-2050 anki lil hinn mill-UE. Għalhekk huwa kruċjali li l-Patt Ekoloġiku Ewropew u din l-istrateġija jkunu riflessi tajjeb fl-azzjonijiet esterni tagħna, li l-azzjoni globali lejn mobbiltà sostenibbli u intelliġenti tiġi promossa b’mod wiesa’ biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, u li l-koerenza tal-politika tiġi żgurata meta l-politiki interni tal-UE jiġu projettati barra mill-UE. Għaldaqstant, se jiġu żviluppati diversi linji ta’ azzjoni biex il-prattiki tajbin, is-soluzzjonijiet ta’ kwalità u l-istandards dwar il-mobbiltà sostenibbli u intelliġenti jiġu tradotti fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, inkluż mal-isħab Afrikani tagħna, filwaqt li jitqiesu l-isfidi u r-restrizzjonijiet speċifiċi tal-pajjiżi emerġenti u ta' dawk li qed jiżviluppaw.
106.L-UE se tkompli tapprofondixxi r-relazzjonijiet tat-trasport, inkluż ma’ sħab strateġiċi ewlenin u organizzazzjonijiet internazzjonali, u se tkompli tiżviluppa rabtiet ma’ sħab internazzjonali ġodda, bħal ekonomiji emerġenti u dawk b’rata għolja ta’ tkabbir. Dan huwa ta’ importanza kbira ħafna għas-setturi li jeħtieġu kundizzjonijiet ekwi globali bħall-avjazzjoni u l-qasam marittimu. Il-Kummissjoni se tfittex l-awtorizzazzjonijiet mill-Kunsill biex tiftaħ negozjati għal ftehimiet ġodda dwar it-trasport bl-ajru ma’ pajjiżi terzi, u se tesplora għażliet għal azzjoni xierqa fir-rigward tar-relazzjonijiet tat-trasport marittimu ma’ pajjiżi u reġjuni terzi. L-UE jenħtieġ li tagħmel ħilitha wkoll, fi ħdan l-IMO, l-ICAO u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, sabiex tilħaq standards għoljin, inkluż fil-qasam tas-sigurtà, tas-sikurezza, u tal-protezzjoni ambjentali, b’mod partikolari fit-tibdil fil-klima.
107.It-trasport huwa komponent ewlieni tal-politiki u l-istrumenti li jappoġġaw il-proċess tat-tkabbir lejn il-Balkani tal-Punent u l-politika tal-viċinat tal-UE, inkluż is-Sħubija tal-Lvant u l-Viċinat tan-Nofsinhar. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ir-rabta bejn il-politiki tat-trasport u tal-viċinat f’oqsma ewlenin, u se tiżviluppa approċċ komprensiv għall-konnettività mal-pajjiżi ġirien, inkluż billi taħdem mill-qrib mal-Komunità tat-Trasport, testendi t-TEN-T, tipprovdi appoġġ tekniku u kooperazzjoni, u tikkonkludi ftehimiet settorjali ġodda.
108.Sabiex jinkisbu l-ambizzjonijiet u l-prijoritajiet internazzjonali tal-UE fil-qasam tat-trasport, huwa importanti li l-politiki tat-trasport jiġu integrati fid-dimensjoni esterna tal-UE u li tittieħed azzjoni fix-xena internazzjonali, b’vuċi b’saħħitha, unifikata u koerenti. F’dak ir-rigward għandu jiġi mfakkar li dan jirrikjedi li l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni u l-Istati Membri japplikaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, b’mod partikolari dawk dwar in-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet ġodda dwar it-trasport u dawk dwar ir-rappreżentanza f’fora internazzjonali, bħall-ICAO u l-IMO, peress li t-Trattat ta’ Lisbona kien imfassal preċiżament biex jagħmel l-Unjoni aktar effettiva fir-relazzjonijiet esterni tagħha.
Konklużjonijiet
109.L-irkupru mill-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 jenħtieġ li jintuża biex jaċċellera d-dekarbonizzazzjoni u l-modernizzazzjoni tas-sistema kollha tat-trasport u tal-mobbiltà, filwaqt li jillimita l-impatt negattiv tagħha fuq l-ambjent u jtejjeb is-sikurezza u s-saħħa taċ-ċittadini tagħna. It-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali jenħtieġ li jagħtu sura ġdida lis-settur, li jfasslu mill-ġdid il-konnettività u li jagħtu ħajja ġdida lill-ekonomija. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li din it-trasformazzjoni – li jeħtieġ li tkun soċjalment ekwa u ġusta – mhux se tintlaħaq faċilment, u li se tirrikjedi d-dedikazzjoni sħiħa u l-appoġġ mill-atturi kollha tat-trasport, kif ukoll żieda sostanzjali fl-investiment li jiġġenera t-tkabbir mis-setturi pubbliċi u privati.
110.Is-sistema Ewropea tat-trasport sostenibbli li l-UE qed tagħmel ħilitha biex tikseb trid tkun intelliġenti, flessibbli u adattabbli għal xejriet u ħtiġijiet tat-trasport li dejjem jinbidlu, ibbażata fuq progress teknoloġiku tal-ogħla livell biex tiġi pprovduta konnettività li topera bl-aħjar mod fl-assjem tagħha, u li tkun sikura u sigura għaċ-ċittadini Ewropej kollha. It-trasport jenħtieġ li juri l-inġenjożità u l-bżulija Ewropea – fuq quddiem nett tar-riċerka, tal-innovazzjoni u tal-intraprenditorija, bl-ixprunar tat-tranżizzjonijiet tewmin.
111.Il-Kummissjoni qed tressaq sett komprensiv ta’ miżuri elenkati fil-pjan ta’ azzjoni ta’ din l-istrateġija biex l-UE titpoġġa fuq il-perkors lejn il-ħolqien ta’ sistema ta’ mobbiltà sostenibbli, intelliġenti u reżiljenti tal-futur u biex isiru l-bidliet fundamentali meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dawn l-isforzi jistgħu jkunu ta’ suċċess biss jekk ikun hemm impenn biżżejjed minn dawk kollha kkonċernati, b’mod partikolari mill-istituzzjonijiet Ewropej, mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet tagħhom fil-livelli kollha tal-gvern, mill-partijiet ikkonċernati, min-negozji kif ukoll miċ-ċittadini.