Brussell, 2.12.2020

COM(2020) 775 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Valutazzjoni tal-kooperazzjoni tal-operatur tar-Reġistru .eu mal-EUIPO u aġenziji oħrajn tal-Unjoni bil-ħsieb li jikkombattu r-reġistrazzjonjiet tal-isem tad-dominju abbużivi u spekulattivi, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2019/517


Werrej

1.    Introduzzjoni    

2.    Objettivi u metodoloġija    

2.1 Objettivi    

2.2 Metodoloġija    

3.    Kooperazzjoni bejn l-EURid u l-EUIPO fil-ġlieda kontra r-reġistrazzjonijiet abbużivi u spekulattivi tal-ismijiet ta’ dominju    

3.1 Kooperazzjoni bikrija    

3.2 Kooperazzjoni reċenti    

3.3 Attivitajiet ippjanati 2020-22    

3.4 Valutazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-EURid u l-EUIPO, u rakkomandazzjonijiet għal titjib    

4.    Kooperazzjoni ma’ korpi oħrajn tal-Unjoni u organizzazzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali    

4.1 Kooperazzjoni mal-Europol    

4.2 Kollaborazzjoni ma’ korpi oħra    

5.    L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju    

5.1 Proċedura ta’ reġistrazzjoni    

5.2 Soluzzjoni alternattiva għat-tilwim    

6.    Konklużjonijiet    



1.Introduzzjoni

Il-Kummissjoni hija responsabbli mid-dominju tal-ogħla livell .eu, li bħalissa qed jintuża minn 3.6 miljun utent finali fl-UE 1 . Id-dominju .eu kien ġie stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 733/2002 u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004. L-atti ġew revokati dan l-aħħar mir-Regolament (UE) 2019/517 2 , “ir-Regolament .eu”, li daħal fis-seħħ fit-18 ta’ April 2019 u se japplika mit-13 ta’ Ottubru 2022.

Isem id-dominju .eu huwa operat mir-Reġistru .eu. Bħalissa din hija EURid, organizzazzjoni privata, indipendenti u mingħajr skop ta’ qligħ, abbażi ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizz konkluż mal-Kummissjoni, li jibqa’ għaddej sat-12 ta’ Ottubru 2022. Il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament .eu se tagħżel u tidħol f’kuntratt mal-entità li se taġixxi bħala r-Reġistru .eu mit-13 ta’ Ottubru 2022.

Ir-Regolament .eu jirrikjedi li r-Reġistru jadotta politiki u jimplimenta miżuri biex tiġi evitata reġistrazzjoni spekulattiva u abbużiva ta’ ismijiet ta’ dominju. 3 “Reġistrazzjoni spekulattiva u abużiva” hija definita bħala r-reġistrazzjoni ta’ isem ta’ dominju li jkun identiku jew simili b’tali mod li jista’ jiġi konfuż ma’ isem li fir-rigward tiegħu jkun rikonoxxut jew stabbilit dritt mil-liġi tal-Unjoni jew minn dik nazzjonali, li: (a) ikun ġie rreġistrat mid-detentur tiegħu mingħajr drittijiet jew interess leġittimu assoċjat miegħu; jew (b) ikun ġie rreġistrat jew ikun qed jintuża b’mala fede 4 .

Id-drittijiet protetti fil-livell tal-UE jinkludu, fost l-oħrajn, trademarks nazzjonali u tal-Komunità rreġistrati, indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet tal-oriġini, kif ukoll id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR) protetti fil-livell nazzjonali li ġejjin:

·trademarks mhux irreġistrati

·ismijiet kummerċjali

·identifikaturi tan-negozji

·ismijiet tal-kumpaniji

·kunjomijiet

·titoli distintivi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi protetti. 5  

Reġistrazzjonijiet .eu spekulattivi u abbużivi jridu jiġu revokati, bl-użu tal-proċess .eu tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) jew ta’ proċedura ġudizzjarja mibdija mid-detenturi tad-drittijiet.

Ir-Regolament .eu jirrikjedi li l-Kummissjoni tippromwovi l-kooperazzjoni bejn ir-Reġistru .eu, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u korpi oħra tal-Unjoni, bil-ħsieb li tiġġieled ir-reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi ta’ ismijiet ta’ dominju, inkluż is-cybersquatting, u tipprovdi proċeduri amministrattivi ssimplifikati, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). 6  

Ir-Regolament .eu jirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni, sat-30 ta’ Ġunju 2020, tevalwa din il-kooperazzjoni u tivvaluta jekk u kif ir-Reġistru għandu jistabbilixxi proċeduri amministrattivi aktar sempliċi għall-SMEs. 7 Sussegwentement, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tagħha. 8 Il-Kummissjoni ħejjiet dan ir-rapport biex tissodisfa dan l-obbligu legali.

2.Objettivi u metodoloġija

2.1 Objettivi

Is-Sistema tal-Ismijiet tad-Dominji (DNS) tappoġġja internet aċċessibbli, funzjonali u affidabbli, iżda mhijiex immuni għall-abbuż. L-isem tad-dominju .eu mhuwiex eċċezzjoni, għalhekk ir-Regolamenti .eu jirrikjedu li jiġu implimentati politiki u miżuri biex jiġu evitati reġistrazzjonijiet abbużivi u spekulattivi ta’ ismijiet ta’ dominju.

Dan ir-rapport:

·jevalwa l-kooperazzjoni bejn ir-Reġistru .eu (EURid) u l-EUIPO u korpi oħrajn tal-Unjoni jew organizzazzjonijiet internazzjonali biex jiġu indirizzati reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi;

·jivvaluta jekk u kif din il-kooperazzjoni tista’ tittejjeb biex jinżamm ambjent .eu online sigur, trasparenti u affidabbli;

·iqis il-prattika attwali tal-industrija f’dan il-qasam;

·jidentifika aspetti possibbli tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni .eu, jew proċeduri oħrajn ta’ ġestjoni tal-isem tad-dominju (bħal soluzzjoni alternattiva għat-tilwim) li jistgħu jiġu ssimplifikati b’mod utli biex jiġu ffaċilitati r-reġistrazzjonijiet tal-ismijiet ta’ dominju u tiżdied il-protezzjoni għad-detenturi tad-drittijiet, għall-benefiċċju tal-SMEs.

2.2 Metodoloġija

Dan ir-rapport huwa bbażat kemm fuq il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll fuq is-sejbiet ta’ studju estern li sar bejn Diċembru 2019 u April 2020 li jevalwa l-prattiki għall-ġlieda kontra r-reġistrazzjonijiet tal-ismijiet ta’ dominju spekulattivi u abbużivi 9 .

L-awturi tal-istudju wettqu reviżjoni estensiva tar-rapporti rilevanti tal-industrija u ġabru u analizzaw data u informazzjoni minn diversi partijiet ikkonċernati involuti fil-ġlieda kontra r-reġistrazzjoni spekulattiva/abbużiva. B’mod partikolari, huma wettqu analiżi tas-suq u tqabbil bejn il-prattiki tar-Reġistru .eu u reġistri oħra tal-ismijiet ta’ dominju, bl-użu kemm ta’ metodi kwalitattivi kif ukoll ta’ metodi kwantitattivi. Dan inkluda l-valutazzjoni tal-proċeduri amministrattivi li jippermettu lill-SMEs jiġġieldu b’mod effettiv ir-reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi fl-isem tad-dominju .eu.

Dan ir-rapport iqis ukoll ir-rappurtar formali mir-Reġistru .eu lill-Kummissjoni 10 u l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni matul l-iskambji regolari mar-Reġistru bħala parti mid-dmirijiet superviżorji tagħha.

3.Kooperazzjoni bejn l-EURid u l-EUIPO fil-ġlieda kontra r-reġistrazzjonijiet abbużivi u spekulattivi tal-ismijiet ta’ dominju

3.1 Kooperazzjoni bikrija

Il-kooperazzjoni bejn l-EURid u l-EUIPO ġiet formalizzata għall-ewwel darba fit-23 ta’ Ġunju 2016 f’ittra ta’ kollaborazzjoni. 11 L-objettiv tagħha kien il-ġlieda kontra l-attivitajiet frodulenti, wara evidenza li l-partijiet terzi sistematikament ibbrawżjaw il-bażi tad-data tal-EUIPO biex ifittxu applikazzjonijiet ġodda tat-Trademark tal-UE (EUTM) u għamlu reġistrazzjonijiet spekulattivi jew abbużivi tal-isem tad-dominju .eu għal dawn it-termini, prattika magħrufa bħala cybersquatting. Iż-żewġ partijiet qablu li jimplimentaw bidliet fis-sistema bil-għan li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tad-detenturi tal-EUTM u jitnaqqas is-cybersquatting.

Matul l-istadji bikrija ta’ kooperazzjoni bejn l-EURid u l-EUIPO, l-enfasi kienet fuq il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni f’oqsma ta’ interess reċiproku. L-EURid bagħtet b’mod partikolari fatturi suspettużi lill-EUIPO u ż-żewġ organizzazzjonijiet żiedu links fuq il-portali u l-għodod rispettivi tagħhom, inkluż link għal għodda għat-tiftix tat-trademarks fuq is-sit web tal-EURid; link għas-sit web tal-EUIPO fuq il-paġna web .eu WHOIS; u link għall-għodda tat-tiftix għad-disponibbiltà ta' .eu fl-għodda ta’ preżentazzjoni elettronika tal-EUTM.

3.2 Kooperazzjoni reċenti

Fl-20 ta’ Mejju 2019, il-EURid u l-EUIPO estendew il-kooperazzjoni tagħhom billi ffirmaw l-ewwel ftehim ta’ kollaborazzjoni. 12 Żewġ funzjonalitajiet saru disponibbli għad-detenturi tal-EUTM:

·verifika tad-disponibbiltà għall-isem tad-dominju korrispondenti meta jippreżentaw mal-EUTM;

·notifika (twissija) meta jiġi irreġistrat isem tad-dominju li jikkorrispondi għal EUTM.

Kontroll tad-disponibbiltà

Flimkien mal-għodda ta’ preżentazzjoni elettronika tal-EUTM, din il-funzjoni tinforma direttament lill-utenti – hekk kif ilestu l-preżentazzjoni tat-trademark tagħhom – jekk it-trademark tagħhom hijiex disponibbli bħala isem tad-dominju .eu. B’dan il-mod, huma jistgħu, immedjatament, jagħżlu li jirreġistraw l-isem tad-dominju qabel ma tiġi ppubblikata l-applikazzjoni EUTM tagħhom.

Twissijiet

Id-detenturi tal-EUTM għandhom ukoll l-għażla li jirċievu twissija meta jiġi rreġistrat isem tad-dominju .eu identiku għat-trademark tagħhom – iżda biss jekk jagħżlu dan espressament. Is-sistema hija bbażata fuq lista aġġornata tal-applikazzjonijiet EUTM lill-EURid permezz tas-servizz ta’ tniżżil tal-EUIPO li ta’ kuljum tintbagħat mill-EUIPO 13 . Kull reġistrazzjoni ġdida tal-isem tad-dominju .eu tiġi vverifikata ma’ din il-lista mill-EURid, u jekk ikun hemm konkordanza, l-EUIPO jiġi nnotifikat u l-utenti jirċievu twissija fiż-Żona tal-Utent tal-EUIPO tagħhom.

3.3 Attivitajiet ippjanati 2020-22

Skont il-programm ta’ ħidma konġunt tagħhom għall-2020-22 14 , l-EUIPO u l-EURid se jesploraw il-possibbiltà li jimplimentaw proċess reċiproku meta jiġi rreġistrat isem tad-dominju .eu, li jippermetti lid-detenturi tal-isem tad-dominju jaraw jekk trademark b’isem simili tkunx disponibbli fl-EUIPO.

Barra minn hekk, iż-żewġ organizzazzjonijiet se jaħdmu fuq studju konġunt dwar l-imġiba fl-applikazzjoni, biex jaraw jekk it-trademarks jew l-ismijiet ta’ dominju humiex irreġistrati l-ewwel. L-istudju se jgħinhom jindirizzaw l-ismijiet ta’ dominju frodulenti u r-reġistrazzjonijiet li saru f'mala fede.

Se jibda wkoll xogħol fuq studju ta’ fattibbiltà biex tinħoloq għodda li tinforma lill-utenti dwar id-disponibbiltà tat-termini li qed ifittxu kemm bħala trademark kif ukoll bħala isem tad-dominju. L-EUIPO u l-EURid se jesploraw ukoll il-possibbiltà li jestendu l-verifika attwali tad-disponibbiltà bbażata fuq “tiftix identiku” 15 għal “tiftix simili”, biex jinstabu l-konkordanzi possibbli fil-bażi ta’ data tal-EURid wara li tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni EUTM online.

Il-programm ta’ ħidma jinkludi wkoll link għall-programm tal-SMEs tal-EUIPO, li se jinkludi inizjattivi bħal:

·chatbot li tipprovdi informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ negozju utli għall-SMEs, l-ewwel nett dwar kwistjonijiet ta’ proprjetà intellettwali;

·gwidi ta’ skoperta li jipprovdu appoġġ u gwida lill-SMEs li jixtiequ jirreġistraw EUTM, u li jindikaw l-importanza tal-ismijiet ta’ dominju;

·webinars immirati lejn l-SMEs u organizzazzjonijiet multiplikaturi.

3.4 Valutazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-EURid u l-EUIPO, u rakkomandazzjonijiet għal titjib

L-EURid u l-EUIPO kisbu kooperazzjoni produttiva fil-ġlieda kontra r-reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi ta’ ismijiet ta’ dominji, inkluż is-cybersquatting, u l-azzjoni futura ppjanata miż-żewġ organizzazzjonijiet hija mistennija li tgħin biex tkompli tnaqqas ir-reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi u ttejjeb l-appoġġ għall-SMEs.

Fl-istadju li jmiss tal-kooperazzjoni tagħhom, iż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom ifittxu li jissimplifikaw il-proċedura għall-isem tad-dominju .eu u r-reġistrazzjoni tal-EUTM u li jrawmu sensibilizzazzjoni tar-rabta bejn l-ismijiet ta’ dominju u t-trademarks. Kwalunkwe għodda jew miżura li jipproponu għandha tkun sempliċi, faċli għall-utent, aċċessibbli u effettiva għall-SMEs.

B’mod speċifiku, huma jistgħu jagħmlu t-titjib li ġej:

·Aktar attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ bini ta’ għarfien, biex id-detenturi tad-drittijiet u d-detenturi ta’ isem tad-dominju .eu jsiru konxji tal-miżuri u l-għodod eżistenti u jżidu l-użu tagħhom. Eżempji jinkludu korsijiet ta’ taħriġ u webinars, speċjalment immirati lejn l-SMEs. Se jkun importanti li jinġabar il-feedback mill-SMEs, li jiġu mifhuma l-ħtiġijiet tagħhom u li jittejbu l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni.

·Jipprovdu aktar informazzjoni lill-utenti meta jippreżentaw applikazzjoni EUTM. Pereżempju, flimkien mal-irċevuta finali u r-rekord uffiċjali tal-applikazzjoni, l-EUIPO jista’ jipprovdi lill-applikanti b’dokumenti li jkun fihom aktar informazzjoni dwar l-ismijiet tad-dominju .eu u modi kif jitħares l-IPR.

·Itejbu l-għodod eżistenti:

oL-użu sħiħ tal-verifika tad-disponibbiltà u l-funzjonalitajiet ta’ twissija se jirrikjedi aktar titjib tekniku. Dawn il-funzjonijiet joffru mod sempliċi u effettiv għad-detenturi tad-drittijiet, inkluż l-SMEs, biex iżommu l-ismijiet ta’ dominju jaqblu mat-trademarks tagħhom jew jaġixxu fir-rigward ta’ reġistrazzjonijiet abbużivi/spekulattivi.

oJiġġeneralizzaw l-użu tas-sistema ta’ twissija. L-istatistika pprovduta mill-EURid u mill-EUIPO turi li hemm lakuna importanti bejn in-numru ta’ konkordanzi li nstabu bejn l-EUTM u r-reġistrazzjonijiet ta’ isem tad-dominju .eu u n-numru ta’ twissijiet mibgħuta lid-detenturi tal-EUTM. Hemm bżonn li jiżdied il-livell ta’ sensibilizzazzjoni ta’ din il-funzjonalità u jiżdied l-użu tagħha.

oJinvestigaw il-possibbiltajiet biex jiġu estiżi l-għodod eżistenti dwar il-verifika tad-disponibbiltà u l-funzjonalitajiet ta’ twissija biex ikopru l-indikazzjonijiet ġeografiċi.

·Jiżviluppaw għodod ġodda biex jiffaċilitaw ir-reġistrazzjoni simultanja tal-EUTM u tal-ismijiet tad-dominju .eu:

oJiżviluppaw għodda ta’ tiftix konġunta li tippermetti lill-utenti jivverifikaw jekk it-termini humiex disponibbli kemm bħala EUTM kif ukoll bħala isem tad-dominju .eu.

oJivvalutaw il-possibbiltà li l-EUIPO jsir reġistratur akkreditat ta’ .eu u jintegra r-reġistrazzjoni ta’ isem tad-dominju .eu mal-applikazzjonijiet EUTM. Dan joffri lid-detenturi tad-drittijiet il-possibbiltà ta’ punt uniku ta’ reġistrazzjoni.

Il-Kummissjoni se ssegwi dawn ir-rakkomandazzjonijiet mal-EURid u l-EUIPO u se ssegwi mill-qrib kif il-kooperazzjoni tagħhom tiżviluppa u kemm il-miżuri li jieħdu huma effettivi għall-ġlieda kontra r-reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi. B’hekk, se tagħti attenzjoni partikolari lill-miżuri adottati għall-SMEs.

4.Kooperazzjoni ma’ korpi oħrajn tal-Unjoni u organizzazzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali 

4.1 Kooperazzjoni mal-Europol

L-EURid u l-Europol għandhom stabbilit memorandum ta’ qbil 16 , iffirmat fl-2016. Skont dan il-ftehim, huma qed jiskambjaw informazzjoni dwar ismijiet tad-dominju .eu suspettużi, inkluż oqsma identifikati mis-Sistema tal-Prevenzjoni ta’ Abbużi u ta’ Twissija Bikrija (APEWS) 17 tal-EURid.

Il-kooperazzjoni bejn l-EURid u l-Europol tista’ tissaħħaħ ulterjorment, l-ewwel nett permezz tal-formalizzazzjoni ta’ dawn l-arranġamenti. Dan jinkludi:

·il-formalizzazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-impenji ta’ kull parti;

·l-identifikazzjoni ta’ punti ta’ kuntatt u kanali ta’ komunikazzjoni fuq iż-żewġ naħat;

·id-deskrizzjoni tal-azzjonijiet li kull parti għandha tieħu meta jiġi identifikat isem suspettuż tad-dominju;

·id-determinazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ segwitu u ta’ rappurtar.

Iż-żewġ organizzazzjonijiet jistgħu jwettqu wkoll attivitajiet konġunti ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ bini tal-għarfien biex jinfurmaw lill-pubbliku ġenerali u jħarrġu lill-esperti taċ-ċibersigurtà u lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi dwar it-theddid taċ-ċiberkriminalità relatat ma’ reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi tal-ismijiet ta’ dominju, u l-kontromiżuri disponibbli. B’mod speċifiku, dawn jistgħu jiżviluppaw studji tal-każ relatati mal-proprjetà intellettwali biex jedukaw lid-detenturi tad-drittijiet u lir-rappreżentanti tagħhom, b’enfasi fuq l-SMEs.

4.2 Kollaborazzjoni ma’ korpi oħra

L-EURid tikkollabora ma’ awtoritajiet u organizzazzjonijiet internazzjonali u Ewropej biex tipprevjeni attivitajiet illegali online. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn:

·id-Dwana Belġjana (kontra siti web foloz);

·il-Prosekuturi u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi Belġjani (kontra ċ-ċiberkriminalità);

·l-Assoċjazzjoni għal Spiżerija Online Sikura;

·il-Koalizzjoni Internazzjonali kontra l-Falsifikazzjoni 18 ;

·il-Fondazzjoni tal-Kummerċ elettroniku (kontra l-ħwienet elettroniċi foloz);

·il-Grupp ta’ Ħidma Kontra l-Phishing;

·l-iskwadra Belġjana ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters.

It-trademarks nazzjonali rreġistrati huma protetti taħt il-qafas regolatorju .eu bl-istess mod bħall-EUTMs. Madankollu, ma teżisti l-ebda kollaborazzjoni strutturata tar-Reġistru .eu mal-uffiċċji tat-trademarks tal-Istati Membri. Dan il-grad ta’ kollaborazzjoni jista’ jiġi stabbilit, possibbilment permezz tan-Network tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPN) stabbilit mill-EUIPO 19 . Il-kollaborazzjoni tal-EURid mal-EUIPO tista’ tiġi estiża wkoll għall-uffiċċji tat-trademarks tal-Istati Membri, billi toffri wkoll il-funzjonalitajiet tal-kontroll tad-disponibbiltà u/jew ta’ twissija lill-utenti tagħhom.

Bħalissa, id-detenturi tal-IPR minbarra t-trademarks (eż. indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet tal-oriġini, ismijiet kummerċjali, identifikaturi tan-negozji u ismijiet tal-kumpaniji) għandhom aċċess biss għal miżuri kurattivi f’każ ta’ reġistrazzjoni .eu abbużiva. Sabiex tittejjeb din is-sitwazzjoni, ir-Reġistru .eu jista’ jistabbilixxi aktar kollaborazzjoni ma’ korpi u aġenziji rilevanti. Dan jista jinkludi t-twettiq ta’ verifiki fil-bażijiet tad-data tagħhom tal-IPR 20 . Fejn ir-Reġistru jsib ismijiet li huma identiċi jew simili għal ismijiet tad-dominju .eu, dan jista’ mbagħad jew jinnotifika lid-detenturi tad-drittijiet (sabiex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni) jew jieħu azzjoni direttament huwa nnifsu (ex officio). Fil-prattika, dan ikun ifisser li l-funzjonalità ta’ twissija tiġi estiża wkoll għal dawk l-IPRs. Fir-rigward tal-ismijiet kummerċjali, tal-identifikaturi tan-negozji u tal-ismijiet tal-kumpaniji, jista’ jitnieda studju biex tiġi vvalutata l-utilità li tiġi stabbilita kollaborazzjoni man-network tal-UE tar-reġistri kummerċjali.

L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet inkarigati minn IPRs oħrajn lil hinn mill-EUTM tista’ tkun ta’ benefiċċju partikolari għall-SMEs.

5.L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju

L-aspetti kollha analizzati f’dan ir-rapport li jipprevedu perspettiva speċifika li tiffoka fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

Barra minn hekk, din it-taqsima tiffoka fuq aspetti relatati mal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni .eu għall-SMEs u r-rimedji għad-dispożizzjoni tagħhom – speċjalment is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim – biex jiġu indirizzati reġistrazzjonijiet abbużivi/spekulattivi ta’ ismijiet ta’ dominju.

5.1 Proċedura ta’ reġistrazzjoni

B’mod ġenerali, il-proċedura ta’ reġistrazzjoni .eu hija pjuttost sempliċi u faċli. Madankollu, meta wieħed iqis l-importanza tal-miżuri preventivi biex jiġu indirizzati reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi, dan jista’ jitjieb għall-SMEs, b’mod partikolari billi:

·Jiġu implimentati servizzi li jippermettu lid-detenturi tal-IPR jimblukkaw b’mod preventiv ir-reġistrazzjonijiet ta’ ismijiet ta’ dominju li jiksru l-liġi, kif diġà jagħmlu parteċipanti oħrajn tal-industrija 21 . Servizzi bħal dawn jgħinu lid-detenturi tad-drittijiet biex jipproteġu d-drittijiet preċedenti tagħhom u jipproteġu d-ditti tagħhom mit-typosquatting 22 ;

·L-estensjoni tal-użu ta’ algoritmi ta’ tbassir biex jiġu evitati reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi flimkien ma’ reġistrazzjonijiet malizzjużi 23 , kif inhu l-każ bħalissa;

·Iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet dwar għodod ta’ tiftix eżistenti ta’ similarità, bħal pereżempju t-tiftix ta’ .be WHOIS, sabiex ikunu jistgħu jfittxu ismijiet simili ta’ dominju li potenzjalment jistgħu jiksru d-drittijiet tagħhom;

·Li l-informazzjoni tkun faċilment aċċessibbli għall-utenti dwar kif jirrappurtaw tipi differenti ta’ użu ħażin 24 .

5.2 Soluzzjoni alternattiva għat-tilwim

Peress li l-internet għandu firxa globali u s-soluzzjoni ta’ tilwim transfruntier permezz ta’ proċedimenti fil-qorti jiswa ħafna flus u jieħu ħafna żmien, mekkaniżmi (alternattivi) ekstraġudizzjarji għas-soluzzjoni tat-tilwim biex isolvu tilwim bħal dan huma rikonoxxuti fuq livell internazzjonali bħala miżuri kurattivi effettivi kontra reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi.

Soluzzjoni alternattiva għat-tilwim dwar .eu 25 hija regolata b'regoli speċifiċi 26 u ġiet ipprovduta minn fornitur indipendenti, il-Qorti Ċeka tal-Arbitraġġ (CAC), mill-2006. Is-servizz huwa pprovdut ukoll mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), mill-2017. Il-proċedura tar-riżoluzzjoni .eu ddum madwar 3 xhur.

B’mod ġenerali, is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim għal .eu taħdem kif maħsuba 27 – iżda jistgħu jiġu implimentati xi bidliet biex din issir aktar sempliċi, aktar aċċessibbli u affordabbli għall-SMEs. Pereżempju:

·Id-disponibbiltà ta’ portal online għall-ġestjoni tat-tilwim li jippermetti lill-partijiet jittrattaw it-tilwim kollu dwar .eu online (bħalissa mhux il-fornituri kollha tas-soluzzjoni .eu jagħmluh disponibbli);

·It-tqassir tal-proċedura (fejn possibbli), f’konformità mal-Proċedura Uniformi għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar l-Isem tad-Dominju (UDRP);

·Iż-żamma tat-tariffi għall-preżentata għall-bidu ta’ riżoluzzjoni dwar .eu affordabbli għall-SMEs;

·L-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ “min jitlef iħallas” biex jiġu skoraġġuti reġistrazzjonijiet spekulattivi/abbużivi u biex il-parti prevalenti tkun tista' tirkupra l-ispiża sabiex tinbeda l-proċedura .eu;

·Il-provvediment għal proċeduri mħaffa bħas-sospensjoni ta’ ismijiet tad-dominju mir-Reġistru f’kawżi jew fi proċeduri ċari ta’ typosquatting għas-sistema Uniformi ta’ Sospensjoni Rapida (URS) 28 ;

·Li l-proċeduri preliminari jsiru disponibbli, qabel ma t-tilwima dwar l-isem tad-dominju tinbeda uffiċjalment. 29  

6.Konklużjonijiet

B’mod ġenerali, il-kooperazzjoni bejn ir-Reġistru .eu u l-EUIPO dwar il-ġlieda kontra reġistrazzjonijiet abbużivi u spekulattivi ta’ ismijiet ta’ dominju hija sodisfaċenti. Dan ir-rapport jissuġġerixxi aktar titjib dwar:

·Il-kooperazzjoni bejn l-EURid u l-EUIPO, b’mod partikolari billi jittejbu l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ bini tal-għarfien u billi jittejbu l-għodod eżistenti u jiġu żviluppati għodod ġodda biex tiġi ffaċilitata r-reġistrazzjoni simultanja tal-EUTM u tal-ismijiet tad-dominju .eu;

·Il-kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħrajn: il-kollaborazzjoni eżistenti bħal dik mal-Europol tista’ tissaħħaħ; jistgħu jiġu introdotti kollaborazzjonijiet ġodda, pereżempju mal-uffiċċji nazzjonali tat-trademarks;

·Il-miżuri stabbiliti għall-SMEs, b’mod partikolari billi jittejbu aktar ir-reġistrazzjoni u l-proċeduri għal soluzzjoni alternattiva għat-tilwim.

Ir-rakkomandazzjonijiet kollha għal titjib ippreżentati f’dan ir-rapport jistgħu jinkisbu permezz ta’ taħlita ta’:

·implimentazzjoni ta’ miżuri eżistenti;

·implimentazzjoni ta’ miżuri ġodda ta’ kooperazzjoni bejn l-EURid u l-EUIPO u korpi, awtoritajiet u organizzazzjonijiet oħra tal-Unjoni fil-livell nazzjonali jew internazzjonali;

·u l-aġġornament tal-proċeduri EURid.

Ma jirrikjedux aktar miżuri leġiżlattivi, iżda implimentazzjoni u segwitu konkreti. Uħud minn dawn il-miżuri jistgħu jiġu introdotti fil-kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizz bejn ir-Reġistru .eu u l-Kummissjoni (li għandu jiġi applikat ladarba r-Regolament (UE) 2019/517 ikun qed jiġi applikat).

Il-Kummissjoni se ssegwi r-Reġistru .eu u l-EUIPO dwar it-titjib propost, b’attenzjoni partikolari għall-miżuri ta’ simplifikazzjoni għall-SMEs, u se tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress miksub bħala parti mir-rappurtar regolari dwar il-funzjonament tal-isem tad-dominju .eu.

(1)

   Rapport trimestrali tal-EURid (Q2 2020): https://eurid.eu/media/filer_public/43/77/43778dd5-5afa-42ce-8213-0c8d661ec26f/quarterly_q22020.pdf

(2)

  Ir-Regolament (UE) 2019/517 dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-isem tad-dominju tal-ogħla livell .eu u  
li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 (ĠU L 91, 
29.3.2019, p. 25).

(3)

      Ara l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 874/2004 u l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/517.

(4)

     Ara l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 874/2004 u l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/517.

(5)

   Ara l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 874/2004.

(6)

   Ara l-Premessa 7 tar-Regolament (UE) Nru 2019/517.

(7)

   Ara l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (EU) 2019/517.

(8)

   Ara l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (EU) 2019/517.

(9)

   L-istudju jista’ jinstab hawnhekk: https://dx.publications.europa.eu/10.2759/428574

(10)

   L-aħħar rapport pubbliku mill-EURid huwa disponibbli hawnhekk: https://eurid.eu/en/news/2019-annual-report/ . Il-Kummissjoni ħarġet ukoll rapport lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni, il-funzjonament u l-effettività tad-dominju tal-ogħla livell .eu minn April 2017 sa April 2019, aċċessibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2020%3A0063%3AFIN  

(11)

    https://eurid.eu/en/news/eurid-and-the-euipo-sign-letter-of-collaboration/  

(12)

      https://euipo.europa.eu/ohimportal/en/news/-/action/view/5140548

(13)

      Is-servizz ta’ tniżżil tal-EUIPO jikkonsisti f’bażi ta’ data li tista’ titniżżel mis-server tal-EUIPO u tiġi integrata fis-sistemi interni tal-utent. Din tinkludi data dwar l-EUTMs kollha, Sistema ta’ Katalogar u Distribuzzjoni tar-Riżorsi (RCDs) u Reġistrazzjonijiet Internazzjonali (IRs) imdaħħla fil-bażi tad-data interna tal-EUIPO.

(14)

      https://euipo.europa.eu/ohimportal/en/web/guest/news/-/action/view/5772664

(15)

Ir-riżultati li jingħataw lill-utenti huma dawk ibbażati fuq konkordanza kważi eżatta fil-bażi ta’ data tal-EURid, b’varjazzjonijiet żgħar biss (bħal sing u numri).

(16)

      https://www.europol.europa.eu/newsroom/news/europol-enhances-cybercrime-and-internet-security-cooperation-signing-mou-eurid  

(17)

      Is-Sistema tal-Prevenzjoni ta’ Abbużi u ta’ Twissija Bikrija (APEWS) hija għodda għat-tagħlim awtomatiku żviluppata mill-EURid f’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Leuven, li tivverifika d-dominji .eu kollha li għadhom kif ġew irreġistrati biex tiġi identifikata u evitata d-delega ta’ dominji malizzjużi (jiġifieri phishing, spamming, distribuzzjoni ta’ malware, kmand u kontroll tal-botnet).

(18)

      https://eurid.eu/en/news/eurid-and-iacc-team-up-to-fight-cybercrime/

(19)

    https://euipo.europa.eu/ohimportal/en/european-cooperation

(20)

     Bħar-reġistru tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-UE tal-Kummissjoni - eAmbrosia  https://ec.europa.eu/info/food-farming-fisheries/food-safety-and-quality/certification/quality-labels/geographical-indications-register/

(21)

     Bħalissa fis-suq tal-gTLD hemm diversi servizzi ta’ mblukkar tad-dominju bħal- Lista ta’ Marki Protetti tad-Dominju (DPML) ta’ Donut, it- TMCH TREx ta’ Trademark Clearinghouse, l- Uni EPS ta’ Uniregistry, l- AdultBlock ta’ ICM Registry, .club Trademark Sentry ta’ .club Registry.

(22)

It-typosquatting hija forma ta’ cybersquatting li tiddependi fuq żbalji bħal typos li jsiru mill-utenti tal-internet meta jidħlu f’indirizz ta’ sit web fi browser tal-web. L-isem tad-dominju soġġett għal typosquatting jikkonsisti minn ortografija ħażina komuni, evidenti jew intenzjonata ta’ trademark (eż., ittri maġenb xulxin bit-tastiera, sostituzzjoni ta’ karattri li jidhru simili, inverżjoni ta’ ittri u numri, iż-żieda jew tixrid ’l hawn u ’l hemm ta’ termini jew numri oħra).

(23)

     Jiġifieri l-phishing, l-ispamming, id-distribuzzjoni tal-malware, il-kmand u l-kontroll tal-Botnet.

(24)

      Bħal fl-ismijiet tad-dominju .be u .dk.

(25)

     Ara l-Artikolu 22(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004.

(26)

      https://eurid.eu/d/7770495/EN_ADR_English_rules.pdf

(27)

Għal aktar informazzjoni dwar l-ADR .eu, jekk jogħġbok ikkonsulta t-taqsima 10.2 tal-istudju estern: https://dx.publications.europa.eu/10.2759/428574  

(28)

     L- URS hija mekkaniżmu għall-protezzjoni tad-drittijiet imnedija mill-ICANN fl-2013 bl-introduzzjoni ta’ dawn il-gTLDs il-ġodda. L-URS hija proċedura ta’ malajr u bi spiża baxxa għad-detenturi tad-drittijiet li jesperjenzaw każijiet ċari ta’ ksur tad-trademark ikkawżati minn reġistrazzjonijiet ta’ ismijiet tad-dominju. Dan iwassal għat-tneħħija temporanja (sospensjoni) tal-isem tad-dominju sakemm jiskadi. Fi tmiem il-perjodu ta’ reġistrazzjoni, l-isem tad-dominju jiġi kkanċellat mill-operatur tar-reġistru.

(29)

     Pereżempju, il-preżentazzjoni ta’ oppożizzjoni għal reġistrazzjoni ta’ isem tad-dominju mar-Reġistru .eu (wara d-delega), biex jiġi mblukkat l-isem tad-dominju (bħal fl-isem tad-dominju .it).