IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.11.2020
COM(2020) 738 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1608/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-istatistika dwar ix-xjenza u t-teknoloġija
1.
INTRODUZZJONI
L-istatistika uffiċjali dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni fl-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq id-Deċiżjoni Nru 1608/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2003 li tirrigwarda l-produzzjoni u l-iżvilupp tal-istatistika Komunitarja dwar ix-xjenza u t-teknoloġija.
L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 1608/2003 (“id-Deċiżjoni”) jeżiġi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew kull 3 snin li jevalwa l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni. Dan hu l-ħames rapport ta’ implimentazzjoni li l-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 5. Ir-rapport jevalwa l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet statistiċi individwali elenkati fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni. Dawn l-azzjonijiet għandhom l-għan li jistabbilixxu sistema tal-informazzjoni statistika dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni li tappoġġa u timmonitorja l-politiki tal-UE. Ir-rapport primarjament ikopri l-iżviluppi mir-rapport preċedenti tal-2018.
Il-Kummissjoni timplimenta d-Deċiżjoni permezz ta’ miżuri regolatorji u ġbir tad-data volontarju fl-Istati Membri tal-UE u permezz tal-produzzjoni statistika tal-Eurostat stess.
Fl-2012, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 995/2012. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni u jiffoka b’mod partikolari fuq statistika dwar:
·ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż);
·l-allokazzjonijiet tal-baġit tal-gvern għar-riċerka u l-iżvilupp (GBARD);
·l-innovazzjoni; u
·aspetti rilevanti oħra, jiġifieri r-riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija; il-privattivi; l-industriji b’teknoloġija avvanzata; u s-servizzi bbażati fuq l-għarfien.
Billi jispeċifika l-unitajiet statistiċi meħtieġa u l-istandards tar-rapportar uniformi, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jagħmel l-istatistika tar-R&Ż u tal-innovazzjoni aktar armonizzata fl-UE, u jsaħħaħ ir-rabta ta’ din l-istatistika mal-istatistika Ewropea tan-negozju. L-istatistika miġbura saret data ta’ referenza kkwotata ħafna fil-monitoraġġ tal-politika tal-UE.
Id-Deċiżjoni u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tejbu l-istatistika tar-R&Ż u tal-innovazzjoni, u jgħinu fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-UE li ġejjin:
·F’Ġunju tal-2010, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija Ewropa 2020 għal impjiegi u tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Waħda mill-ħames miri ewlenin tal-UE ta’ din l-istrateġija hi li jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-innovazzjoni u r-R&Ż, biex sal-2020 jiżdiedu l-livelli tal-investiment ikkombinat fir-R&Ż mill-pubbliku u mill-privat għal 3% tal-PDG.
·Fil-Komunikazzjoni tas-6 ta’ Ottubru 2010 dwar l-inizjattiva ewlenija tal-innovazzjoni tal-unjoni, il-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien ta’ indikaturi addizzjonali biex titkejjel l-intensità tar-R&Ż u dwar kumpaniji innovattivi li qed jikbru malajr. Ipproponiet ukoll il-ħolqien ta’ tabella ta’ valutazzjoni annwali tal-unjoni tal-innovazzjoni għall-monitoraġġ tal-progress ġenerali fil-prestazzjoni tal-innovazzjoni. Fl-2017 u l-2019 ittejbet it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea, bl-użu ta’ aktar għarfien mill-“Istħarriġ Komunitarju dwar l-Innovazzjoni” (CIS) tal-UE. It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea tal-2020 ġiet ippubblikata fit-23 ta’ Ġunju 2020. Id-data dwar ir-R&Ż u dwar l-innovazzjoni hi l-bażi għar-rappurtar tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli u dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Id-data dwar in-nefqa fuq ir-R&Ż tintuża għal skopijiet ta’ kontabbiltà nazzjonali.
·Id-data dwar ir-R&Ż u dwar l-innovazzjoni hi l-bażi għall-analiżi tal-Kummissjoni tal-prestazzjoni tal-UE fix-xjenza, fir-riċerka u fl-innovazzjoni, ippubblikata fir-rapport tal-Kummissjoni “Science, Research and Innovation Performance of the EU” (SRIP).
Dan ir-rapport jevalwa l-implimentazzjoni tas-sistema tal-informazzjoni statistika dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni (STI). Il-Kapitlu 2 tar-rapport jiffoka fuq l-aktar żviluppi importanti fl-implimentazzjoni tal-miżuri. Il-Kapitlu 3 jkopri l-kwalità tad-data, u l-Kapitlu 4 jħares lejn l-ispejjeż u l-piż statistiku. Il-Kapitlu 5 jħares ’il quddiem lejn l-iżviluppi futuri.
2.
L-AKTAR ŻVILUPPI IMPORTANTI MINN NOVEMBRU 2018
L-aktar żviluppi importanti fl-implimentazzjoni tal-miżuri minn Novembru 2018 permezz tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni huma elenkati hawn taħt:
·Fis-27 ta’ Novembru 2019, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2019/2152 dwar l-istatistika Ewropea dwar in-negozju, li fost l-oħrajn ikopri l-istatistika Ewropea dwar ir-R&Ż u dwar l-innovazzjoni. Dan ir-Regolament se jirrevoka d-Deċiżjoni b’effett mill-2021. Impatt ewlieni tar-Regolament (UE) 2019/2152 hu l-integrazzjoni aħjar ta’ fergħat differenti tal-istatistika tan-negozju u ta’ sistemi differenti tal-produzzjoni tal-istatistika. Dan se jtejjeb il-kwalità tad-data u se jwassal għal produzzjoni aktar effiċjenti tad-data. Is-CIS u l-istħarriġ dwar l-impriżi tar-R&Ż ġew riveduti biex ikun żgurat li d-definizzjonijiet tagħhom ikunu konformi għalkollox mad-definizzjonijiet ġenerali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/2152 u li jintużaw fl-istatistika Ewropea dwar in-negozju (pereżempju fir-Reġistru tan-Negozji għal Finijiet Statistiċi u l-Istħarriġ Strutturali tan-Negozju). Dan iżid il-konsistenza tar-riżultati u jnaqqas il-piż fuq ir-rispondenti billi tintuża mill-ġdid l-informazzjoni diġà disponibbli minn sorsi oħra. Barra minn hekk, l-allinjament ma’ ġabriet tad-data rilevanti oħra u ma’ standards tal-kontijiet nazzjonali jagħmilha aktar faċli biex id-data dwar ir-R&Ż u dwar l-innovazzjoni tintuża fir-rapporti trasversali.
·L-istatistika Ewropea dwar ir-R&Ż u l-GBARD huma konsistenti mal-linji gwida tal-“Manwal ta’ Frascati – Linji Gwida għall-Ġbir u r-Rappurtar dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp Sperimentali” tal-OECD. B’hekk ikun jista’ jsir tqabbil internazzjonali lil hinn mill-UE. Fl-2015, l-OECD ħarġet verżjoni ġdida tal-Manwal ta’ Frascati (FM2015). Sussegwentement il-Eurostat, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, adatta l-ġabriet tad-data tiegħu bl-istatistika dwar ir-R&Ż u l-GBARD biex jiżgura allinjament kontinwu mal-linji gwida tal-FM2015. Il-Eurostat żviluppa linji gwida metodoloġiċi għal kwistjonijiet meta l-FM2015 iħalli għażliet bejn alternattivi differenti jew spazju għal interpretazzjoni. Dawn il-linji gwida metodoloġiċi se jiffaċilitaw aktar il-komparabbiltà tal-istatistika dwar ir-R&Ż u l-GBARD fost l-Istati Membri tal-UE.
·L-istatistika Ewropea dwar l-innovazzjoni hi allinjata mal-“Manwal ta’ Oslo – Linji Gwida għall-Ġbir u l-Interpretazzjoni tad-Data dwar l-Innovazzjoni”. Il-Manwal ta’ Oslo hu kopubblikazzjoni tal-OECD u l-Eurostat. Ir-raba’ edizzjoni tal-Manwal ta’ Oslo ġiet ippubblikata tard fl-2018. Din tiċċara aħjar il-kunċetti użati fl-istatistika dwar l-innovazzjoni u tkopri suġġetti ġodda relatati mal-innovazzjoni tan-negozju. Biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-edizzjoni ġdida tal-Manwal ta’ Oslo, il-Eurostat b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE biddel l-Istħarriġ Komunitarju dwar l-Innovazzjoni (CIS) b’mod estensiv. Is-CIS issa jirrapporta aħjar dwar l-attivitajiet u l-kapaċitajiet tal-innovazzjoni, il-flussi tal-għarfien, l-ixprunaturi u l-instigaturi esterni, u ir-riżultati tal-innovazzjoni, inkluż dwar l-innovazzjonijiet b’benefiċċji ambjentali (l-ekoinnovazzjonijiet). Barra minn hekk, il-Eurostat fassal mill-ġdid is-CIS biex jipprovdi aktar informazzjoni dwar l-intrapriżi kollha, jiġifieri kemm dwar l-intrapriżi innovattivi kif ukoll dwar l-intrapriżi mhux innovattivi. Dan se jgħin lil dawk li jfasslu l-politika biex jifhmu aħjar dak li jiddistingwixxi l-innovaturi b’saħħithom mill-innovaturi dgħajfin jew min-noninnovaturi, u biex ifasslu politiki xierqa. Dawn it-tibdiliet se jżidu l-kwalità u r-rilevanza politika tar-riżultati.
·Il-Eurostat tejjeb teknikament it-trażmissjoni tad-data dwar ir-R&Ż u l-GBARD kif ukoll id-data mis-CIS. Id-data kienet tintbagħat permezz ta’ folji estensivi tal-Excel, iżda issa qed tintbagħat bil-format tal-iskambju tad-data u tal-metadata statistika (SDMX). Dan wassal għal titjib sinifikanti fit-trażmissjoni tad-data, u se jqassar il-ħin meħtieġ mill-Eurostat biex jivvalida d-data. Dan għandu wkoll il-potenzjal li jtejjeb il-puntwalità tal-ħruġ tad-data fil-futur.
·Għall-istatistika Ewropea dwar “riżorsi umani ddedikati għax-xjenza u t-teknoloġija” u l-“istatistika diżaggregata skont is-sessi fix-xjenza u t-teknoloġija”, il-Eurostat irreveda l-proċess tal-produzzjoni statistika biex jiżgura konformità sħiħa mad-data mill-Istħarriġ tal-Forza tax-Xogħol tal-UE.
·Apparti l-oqsma msemmija hawn fuq, id-Deċiżjoni teħtieġ l-iżvilupp ta’ varjabbli statistiċi ġodda fl-“istatistika dwar il-privattivi” u fl-“istatistika dwar it-teknoloġija avvanzata”. L-iżvilupp ta’ metodoloġija u l-produzzjoni tad-data għall-“istatistika dwar it-teknoloġija avvanzata” għadhom għaddejjin. Għall-“privattivi u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRs)”, il-Eurostat ma kompliex l-attivitajiet tiegħu għax l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi issa qed jippubblika d-data relatata hu stess.
3.
IL-KWALITÀ TAD-DATA
L-istatistika trid tkun vijabbli u xierqa għall-iskop tagħha. Il-ġabriet tad-data dwar ir-R&Ż u dwar l-innovazzjoni qed issirilhom analiżi sistematika tal-kwalità, li tinvolvi l-ġbir ta’ rapporti tal-kwalità u monitoraġġ regolari tal-konformità.
Il-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea jistabbilixxi l-istandard għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea. Dan ikopri 16-il prinċipju ewlieni, li wħud minnhom għandhom x’jaqsmu mal-kundizzjonijiet istituzzjonali ġenerali (indipendenza professjonali jew adegwatezza tar-riżorsi) li jeħtieġu l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE li jittrattaw l-istatistika. Dawn il-prinċipji jsaħħu l-kwalità ġenerali tal-istatistika Ewropea. Il-Kodiċi ta’ Prattika jkopri bosta prinċipji ta’ kwalità relatati direttament mal-istħarriġ tal-STI (bħall-preċiżjoni, il-koerenza u l-komparabbiltà) u dawn il-prinċipji huma mmonitorjati b’rappurtar regolari tal-kwalità.
Il-konformità tal-Istati Membri tal-UE mar-rekwiżiti obbligatorji tal-provvista tad-data kienet sodisfaċenti ħafna b’mod ġenerali. Madankollu, xi każijiet iżolati wrew problemi ta’ konformità, prinċipalment relatati ma’ twassil tard tad-data. Il-Eurostat ilu jiġbor annwalment rapporti nazzjonali tal-kwalità dwar l-istatistika dwar ir-R&Ż u l-GBARD sa mill-2007. Dan ilu jiġbor ukoll rapporti nazzjonali tal-kwalità għal kull ċiklu tas-CIS sa mill-2004 (is-CIS jinħareġ kull sentejn) u jipproduċi sinteżi tar-rapporti tal-kwalità tas-CIS. Mill-2013, ir-Regolament (UE) Nru 995/2012 inkluda r-rappurtar tal-kwalità bħala parti mill-provvista obbligatorja tad-data. Konsultazzjoni bejn produtturi u utenti tad-data fl-2017 ikkonfermat li l-aktar data rilevanti għal dawk li jfasslu l-politika nazzjonali u tal-UE hi koperta minn dak ir-Regolament. Fl-2018 u l-2019, il-Eurostat wettaq konsultazzjoni dettaljata dwar il-proċess tal-ġbir tad-data dwar ir-R&Ż u l-GBARD u dwar il-kwalità ta’ din id-data, u ddiskuta modi possibbli kif dan jista’ jitjieb mal-Istati Membri tal-UE waqt il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-“Teknoloġija u l-Innovazzjoni fix-Xjenza” f’Novembru 2019.
Id-data għall-varjabbli jew il-kategoriji fakultattivi mhix qed tingħata dejjem. L-Istati Membri tal-UE jsemmu l-ispiża, il-piż kbir għar-rispondenti u ċerti karatteristiċi tas-sistemi nazzjonali tagħhom tal-produzzjoni tad-data bħala raġunijiet għalfejn ma jkunux qed jagħtuha. Il-Eurostat ikompli jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jipprovdu data dwar il-varjabbli u l-kategoriji fakultattivi, bil-għan li jirċievi data konsistenti mingħand l-Istati Membri tal-UE u maż-żmien. Sa mill-bidu tas-snin 2000, bil-mod iżda b’mod aktar konsistenti, din id-data saret dejjem aktar kompluta. Il-isforz biex titjieb il-kompletezza tal-varjabbli u l-kategoriji fakultattivi hu proċess twil, u għalhekk il-Kummissjoni se tissokta bil-politika tagħha li tipprovdi gwida u appoġġ biex iżżid il-kompletezza.
Għall-istatistika dwar ir-R&Ż, il-Eurostat u l-Istati Membri tal-UE se jkomplu jaħdmu biex jiżguraw li d-data tinġabar għall-organizzazzjonijiet kollha involuti fir-R&Ż, irrispettivament mid-daqs tagħhom jew mis-settur ekonomiku li jinsabu fih. Barra minn hekk, meta l-Istati Membri tal-UE jipprovdu stimi, il-Eurostat jivvaluta l-kwalità tagħhom regolarment.
4.
SPEJJEŻ U PIŻ
Il-Eurostat għamel bosta tentattivi fil-passat biex tinġabar data dwar l-ispiża u l-piż tal-ġbir tad-data tal-STI. Il-Eurostat talab li ċ-ċifri eżatti jiġu inklużi fir-rappurtar tal-kwalità, iżda kien diffiċli li tinkiseb data konsistenti li tippermetti tqabbil jew evalwazzjoni tal-ispejjeż ġenerali. Ħafna mill-Istati Membri tal-UE rrimarkaw li mhux se jkun possibbli li l-ispiża għall-kompilazzjoni tal-istatistika Ewropea dwar ir-R&Ż u dwar l-innovazzjoni tiġi sseparata mill-ispiża għall-kompilazzjoni ta’ statistika Ewropea oħra tan-negozju jew mill-ispiża għal attivitajiet simili li jaqdu primarjament ħtiġijiet nazzjonali tal-informazzjoni. Meta d-data hi disponibbli, il-metodoloġiji tar-rappurtar huma varji fost l-Istati Membri tal-UE u fost l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE. Dawn il-varjazzjonijiet la jippermettu tqabbil sinifikattiv u lanqas il-pubblikazzjoni tal-istimi tal-ispejjeż individwali.
Iżda fl-aħħar snin, f’bosta okkażjonijiet, l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika rrappurtaw nuqqas ta’ riżorsi u b’hekk qajmu tħassib serju dwar l-abbiltà tagħhom li jissodisfaw ir-rekwiżiti Ewropej tad-data eżistenti jew ġodda. Għalhekk l-issettjar tal-prijoritajiet hu kruċjali aktar minn qatt qabel kemm għall-operazzjonijiet statistiċi eżistenti kif ukoll għal dawk ippjanati.
Biex tkun limitata l-ispiża tal-produzzjoni tal-istatistika, ir-rekwiżiti ġenerali fir-Regolament (UE) 2019/2152 dwar l-Istatistika Ewropea tan-negozju qed jinżammu fil-livell attwali. Il-Eurostat ħa azzjonijiet ukoll biex iżid il-kosteffiċjenza u r-rilevanza. Hawn taħt qed jiġu diskussi wħud mill-passi li ttieħdu.
·Bejn l-2016 u l-2020, il-Eurostat integra aħjar il-ġbir tad-data tas-CIS fl-istatistika tan-negozju u għalhekk għamilha possibbli li l-informazzjoni diġà disponibbli terġa’ tintuża minn statistika oħra.
·Il-Eurostat irreveda l-kunċetti użati fl-istħarriġ tan-negozju dwar ir-R&Ż u b’mod partikolari fis-CIS biex jikkorrispondu ma’ konvenzjonijiet tal-kontabbiltà u prattiki komuni fin-negozju. Dan jagħmel ir-rappurtar min-negozji aktar faċli u jżid il-kwalità tad-data.
·Il-Eurostat ippromwova aktar effiċjenza b’diversi modi differenti. Pereżempju stabbilixxa standards tekniċi tat-trażmissjoni. Stabbilixxa wkoll regoli u proċeduri komuni għall-validazzjoni tad-data. B’hekk il-produzzjoni tal-istatistika saret aktar effiċjenti kemm fl-Istati Membri tal-UE u anki fil-Eurostat.
5.
ŻVILUPPI FUTURI
Mira ewlenija għall-iżvilupp futur tal-istatistika tal-UE dwar ix-xjenza u t-teknoloġija se tkun li tissaħħaħ aktar ir-rabta bejn din l-istatistika u statistika kummerċjali oħra. Biex jinkiseb dan, l-istatistika dwar ir-R&Ż, il-GBARD u dwar l-innovazzjoni huma inklużi fir-Regolament (UE) 2019/2152 dwar l-Istatistika Ewropea tan-Negozju. Dan se jżid il-konsistenza u l-komparabbiltà tad-data, u se jgħin biex jonqsu l-ispiża u l-piż fl-istess ħin.
Waqt il-Grupp ta’ Ħidma dwar “Ix-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni” f’Novembru 2019, il-Eurostat u l-Istati Membri tal-UE qablu li s-CIS tal-2020 jipprovdi data dwar l-innovazzjonijiet b’benefiċċji ambjentali u data dwar ir-rilevanza perċepita tat-tibdil fil-klima għan-negozji. Din id-data hi rilevanti ħafna għall-“Patt Ekoloġiku Ewropew”.
L-internazzjonalizzazzjoni kontinwa tar-R&Ż, l-innovazzjoni u attivitajiet tan-negozju oħra joħolqu sfidi addizzjonali għall-kompilazzjoni ta’ statistika dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni (STI), u se jibqgħu joħolqu sfidi fil-futur. Dawn l-isfidi jinkludu kemm il-ġbir ta’ data statistika ġdida dwar l-internazzjonalizzazzjoni kif ukoll il-padrunanza ta’ stħarriġiet kummerċjali f’dinja aktar globalizzata (u għalhekk iktar kumplessa).
Il-Eurostat u l-Istati Membri tal-UE se jaħdmu flimkien mill-qrib biex fil-futur jużaw aħjar id-data tas-CIS. Dan ix-xogħol mhux se jżid il-piż fuq ir-rispondenti tal-istħarriġ. Il-Eurostat u l-Istati Membri tal-UE qed jaħdmu fuq proġetti li jimmiraw li:
·jirrapportaw dwar profili differenti tal-innovazzjoni tal-intrapriżi (eż. “innovatur strateġiku”, “adattatur”, “innovatur dgħajjef jew noninnovatur”). B’hekk se jkun jista’ jintwera liema minn dawn il-profili tal-innovazzjoni huma aktar komuni f’kull pajjiż. Eżempju, jista’ jintwera l-persentaġġ tan-negozji f’pajjiż li huma “innovaturi strateġiċi”, u l-persentaġġ li huma “adattaturi”. Barra minn hekk, se jkunu jistgħu jiġu identifikati l-karatteristiċi tal-profili differenti. L-għan hu li dawk li jfasslu l-politika jingħataw għarfien aktar differenzjat dwar dak li jixpruna jew ixekkel l-innovazzjoni.
·biex ir-riżultati tal-innovazzjoni jitkejlu aħjar permezz ta’ rabtiet bejn id-data tas-CIS u d-data latenti mir-Reġistru tal-Istatistika tal-Negozju u l-Istħarriġ Strutturali tan-Negozju. Din l-attività tista’ ttejjeb l-informazzjoni statistika dwar in-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu.
·appoġġ għall-produzzjoni ta’ data tas-CIS reġjonali.
Il-proġetti se jiġu kkombinati biex is-sinerġiji jiġu sfruttati bis-sħiħ.
Bħalma kien il-każ bid-data dwar ir-R&Ż u l-GBARD, fil-futur l-Istati Membri tal-UE se jittrażmettu d-data tas-CIS permezz tas-SDMX. Dan se jżid l-effiċjenza, il-flessibbiltà u l-puntwalità tat-trażmissjoni tad-data.
Il-Eurostat u l-Istati Membri tal-UE se jtejbu l-provvista tal-metadata u r-rapporti tal-kwalità għall-istatistika dwar ir-R&Ż u l-GBARD.
Il-Eurostat u l-Istati Membri tal-UE se jfittxu aktar miżuri biex iżidu l-puntwalità tal-istimi għall-indikaturi ewlenin mis-CIS.
Dawn l-iżviluppi se jqisu r-rwol dejjem aktar vitali tar-riċerka u l-innovazzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi li ġejjin, kif deskritt fl-eżempji li ġejjin:
·Permezz tal-“Patt Ekoloġiku Ewropew”, il-Kummissjoni von der Leyen stabbiliet l-ambizzjoni li tittrasforma l-ekonomija tal-UE u li tagħtiha direzzjoni ġdida lejn tkabbir sostenibbli. Biex tikseb dan, il-Kummissjoni Ewropea fasslet sett ta’ politiki trasformattivi fil-fond, li jiżguraw li s-sostenibbiltà tkun parti prinċipali tal-politiki kollha tal-UE. Il-Kummissjoni pproponiet diversi strumenti, bħall-programm il-ġdid Orizzont Ewropa, il-proposti msemmija fil-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli, u l-Programm InvestUE. Aspett importanti biex ikun żgurat li s-sostenibbiltà tiġi kkunsidrata dejjem hu li tiġi mmobilizzata r-riċerka u titrawwem l-innovazzjoni. Biex jitfasslu u jitwettqu politiki relatati, hemm bżonn data ta’ kwalità għolja dwar ir-R&Ż u dwar l-innovazzjoni, inkluż data relatata mal-innovazzjoni b’benefiċċji ambjentali.
·Il-Kummissjoni von der Leyen ippreżentat l-ambizzjoni tagħha li ssawwar il-futur diġitali tal-Ewropa. Il-Kummissjoni qed taħdem fuq trasformazzjoni diġitali bbażata fuq tliet pilastri: teknoloġija li taħdem għan-nies; ekonomija diġitali ġusta u kompetittiva; soċjetà miftuħa, demokratika u sostenibbli. Ir-riċerka u l-innovazzjoni fit-teknoloġiji diġitali u l-applikazzjoni tagħhom huma aspett ewlieni tat-trasformazzjoni diġitali, u d-data dwar ir-R&Ż u dwar l-innovazzjoni tan-negozju huma meħtieġa biex jappoġġaw it-tfassil tal-politika relatata.
·F’Marzu u f’April 2019, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim proviżorju dwar Orizzont Ewropa. Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi baġit ta’ madwar EUR 100 biljun biex: issaħħaħ il-bażijiet xjentifiċi u teknoloġiċi tal-UE u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER); tagħti spinta lill-kapaċità tal-innovazzjoni, il-kompetittività u l-impjiegi tal-UE; u twettaq il-prijoritajiet taċ-ċittadini u ssostni l-mudell u l-valuri soċjoekonomiċi tal-UE.
·Il-Proposta tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali rivedut għall-perjodu 2021-2027, adottata fit-28 ta’ Mejju 2020, tenfasizza li r-riċerka u l-innovazzjoni se jibqgħu prijorità għat-tfassil tal-politika tal-UE fis-snin li ġejjin.
6.
KONKLUŻJONI
Dan ir-rapport jevalwa l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet imniżżlin fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 1608/2003, li għandha l-għan toħloq sistema tal-informazzjoni statistika dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni. L-aktar żviluppi importanti mill-2018 kienu: (i) integrazzjoni aħjar tal-istatistika dwar ir-R&Ż u dwar l-innovazzjoni fl-istatistika Ewropea tan-negozju biex titjieb il-kwalità tad-data u tinkiseb data b’aktar effiċjenza;(ii) l-adattament tal-ġbir tad-data dwar ir-R&Ż għall-edizzjoni tal-2015 tal-Manwal ta’ Frascati; (iii) ir-reviżjoni tas-CIS biex jiżdiedu l-kwalità u r-rilevanza politika tar-riżultati tal-istħarriġ u jiġi allinjat mal-aħħar edizzjoni tal-Manwal ta’ Oslo; u (iv) trażmissjoni mtejba teknikament tad-data (il-format SDMX). Il-monitoraġġ kostanti tal-konformità u tal-kwalità tal-istatistika dwar ir-R&Ż u tas-CIS li teżiġi l-leġiżlazzjoni tal-UE juri li l-kwalità tad-data li jippubblika l-Eurostat hi tajba. Iżda l-Eurostat, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE, qed jieħu għadd ta’ miżuri biex iżid il-kosteffiċjenza u jnaqqas il-piż amministrattiv tal-produzzjoni ta’ din l-istatistika u biex iżid il-kompletezza tagħhom.