Brussell, 13.11.2020

COM(2020) 696 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Aġenda tal-Konsumatur ġdida









li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-konsumatur għall-irkupru sostenibbli


Aġenda tal-Konsumatur ġdida

li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-konsumatur għall-irkupru sostenibbli

1.Introduzzjoni

Il-konsumaturi Ewropej bir-raġun jistennew li jibbenefikaw bis-sħiħ mis-suq uniku u li jingħataw is-setgħa li jagħmlu għażliet infurmati u li jkollhom rwol attiv fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali kull meta u kull fejn ikunu fl-UE. Jistennew li jkollhom aċċess liberu għal oġġetti u servizzi madwar l-UE u li jiġu żgurati li d-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi huma protetti, minkejja l-isfidi tradizzjonali u emerġenti.

L-Aġenda tal-Konsumatur ġdida (“l-Aġenda”) tippreżenta viżjoni għall-politika tal-konsumatur tal-UE mill-2020 sal-2025, li tibni fuq l-Aġenda tal-Konsumatur tal-2012 (li tiskadi fl-2020) u l-Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-2018 1 . Għandha wkoll l-għan li tindirizza l-ħtiġijiet immedjati tal-konsumaturi fid-dawl tal-pandemija attwali tal-COVID-19 u li żżid ir-reżiljenza tagħhom. Il-pandemija qajmet sfidi sinifikanti li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum tal-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tad-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-oġġetti u s-servizzi, kif ukoll tal-ivvjaġġar fl-UE, lejha u minnha.

L-Aġenda tkopri ħames oqsma ewlenin ta’ prijorità:

(1)it-tranżizzjoni ekoloġika;

(2)it-trasformazzjoni diġitali;

(3)ir-rimedju u l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur;

(4)il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ ċerti gruppi ta’ konsumaturi; kif ukoll

(5)il-kooperazzjoni internazzjonali.

L-Aġenda, billi tiżgura li dawn il-prijoritajiet jiġu indirizzati kif xieraq, se sservi ta’ gwida għall-implimentazzjoni tal-Programm għas-Suq Uniku taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid (QFP). Billi tippromwovi miżuri għal suq uniku aktar ekoloġiku, aktar diġitali u aktar ġust, l-għan tagħha huwa li tagħti spinta lill-fiduċja fost il-konsumaturi, li l-infiq tagħhom jiġġenera 54 % tal-PDG tal-UE 2 , b’hekk tistimula l-irkupru ekonomiku min-naħa tad-domanda. F’dan l-ambjent, hemm bżonn li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-interessi tal-konsumaturi filwaqt li jiġu appoġġati wkoll in-negozji, speċjalment l-intrapriżi żgħar u medji 3 .

L-Aġenda tieħu approċċ olistiku li jkopri diversi politiki tal-Unjoni li huma ta’ rilevanza partikolari għall-konsumaturi. Din tirrifletti l-ħtieġa li jitqiesu r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-konsumatur fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki u attivitajiet oħra 4 . Tikkomplementa inizjattivi oħra tal-UE, bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew 5 , il-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari 6 u l-Komunikazzjoni “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa” 7 . Tappoġġa wkoll oqfsa internazzjonali rilevanti bħall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Konvenzjoni tal-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

Rispons effettiv għal dawn il-prijoritajiet kollha jeħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u traspożizzjoni, implimentazzjoni u infurzar xierqa tal-qafas sod għall-protezzjoni tal-konsumatur żviluppat tul iż-żmien. Għal dan il-għan, l-Aġenda tipproponi prijoritajiet u punti ta’ azzjoni ewlenin li għandhom jitressqu ’il quddiem flimkien fil-livelli Ewropej u nazzjonali 8 . 

L-Aġenda hija l-prodott ta’ tħejjijiet u diskussjonijiet intensivi ma’ partijiet interessati. Konsultazzjoni pubblika miftuħa wriet appoġġ ġenerali għall-prijoritajiet ewlenin tagħha, inkluż il-ħtieġa ta’ rispons għall-pandemija tal-COVID-19 9 . L-approċċ komprensiv intlaqa’ bħala xprun ewlieni għal irkupru sostenibbli u ekoloġiku u għal soċjetà ġusta orjentata lejn dinja diġitali. L-infurzar u r-rimedju effettivi kif ukoll l-appoġġ għall-konsumaturi bi ħtiġijiet speċifiċi huma meqjusa bħala kwistjonijiet trasversali importanti.

2.Konsumaturi fil-pandemija tal-COVID-19

Eżempju: L-iscams online fuq il-konsumaturi żdiedu b’mod sinifikanti matul il-kriżi. Il-frodaturi approfittaw mill-biżgħat tal-konsumaturi biex ibigħu prodotti bla bżonn, ineffettivi u potenzjalment perikolużi abbażi ta’ stqarrijiet foloz dwar il-benefiċċji għas-saħħa tagħhom, pereżempju, billi jikkummerċjalizzaw oġġetti b’karatteristiċi protettivi mhux ġustifikati, jew jbigħu maskri li ma jkunux konformi mar-rekwiżiti rilevanti. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-konsumatur għamlu kuntatt mal-pjattaformi sabiex jiżguraw li mijiet ta’ miljuni ta’ offerti u reklamar illegali jitneħħew. Id-drittijiet u s-sikurezza tal-konsumatur jridu jkomplu jiġu protetti, speċjalment matul perjodu ta’ inċertezza u diffikultà bla preċedent.

Il-pandemija tal-COVID-19 hija l-ewwel u qabel kollox kriżi tas-saħħa. L-UE u l-Istati Membri tagħha ħadu azzjoni determinata għall-ġlieda kontra l-pandemija b’mod koordinat. Huwa importanti li kulħadd ikollu aċċess ugwali u f’waqtu għal testijiet affordabbli, tagħmir protettiv, trattament u vaċċini futuri kontra l-COVID-19 10 u l-kura tas-saħħa preventiva u kurattiva kollha meħtieġa 11 . Reċentement, il-Kummissjoni stabbiliet aktar miżuri ta’ rispons konkreti 12 biex jgħinu jillimitaw it-tixrid tal-coronavirus, jipproteġu ħajjet in-nies, u jibnu reżiljenza msaħħa fl-Istati Membri kollha. Il-prodotti u s-servizzi li huma essenzjali fil-kriżi jeħtieġ li jipprovdu lill-konsumatur bis-salvagwardji kollha fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, l-etika medika, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data f’konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

Madankollu, it-tfixkil soċjali u ekonomiku profond li segwa wara dan jippreżenta sfida kbira għas-soċjetà. L-UE wieġbet bi sforz bla preċedent biex issaħħaħ l-irkupru u tagħti spinta lir-reżiljenza, iżda l-ekonomija għadha fraġli.

Il-pandemija qed tbiddel ukoll, b’mod viżibbli, ix-xejriet tal-konsum u tal-mobilità tan-nies. Il-miżuri ta’ konfinament enfasizzaw ir-rwol kruċjali tat-teknoloġiji diġitali fil-ħajja tan-nies, li jippermettu x-xiri ta’ oġġetti essenzjali li altrimenti ma jkunux aċċessibbli, u l-aċċess għas-servizzi minkejja r-restrizzjonijiet. Ix-xejriet osservati jinkludu aktar xiri minn postijiet lokali, anqas prenotazzjoni tal-ivvjaġġar minn qabel, iżda wkoll użu aktar frekwenti ta’ servizzi online. Uħud mill-bidliet jistgħu jkunu temporanji u marbuta mas-sitwazzjoni tas-saħħa (eż. it-tnaqqis fl-użu tat-trasport pubbliku) filwaqt li oħrajn, b’mod partikolari dawk marbuta mat-trasformazzjoni diġitali (eż. iż-żieda fix-xiri online ta’ ikel jew l-aċċess għal aktar servizzi ta’ streaming online mid-dar, inkluż għal avvenimenti kulturali u sportivi) jistgħu jsiru aktar strutturali 13 . 

Il-kriżi affettwat ħafna oqsma tal-ħajja tal-konsumaturi u enfasizzat l-importanza kritika ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u kooperazzjoni mill-qrib fost l-awtoritajiet fl-UE. Fl-istess ħin, żvelat ukoll ċerti lakuni fil-qafas tal-protezzjoni tal-konsumatur tal-UE.

Il-konsumaturi tal-UE bir-raġun jistennew li l-impriżi tat-trasport u l-operaturi turistiċi jirrispettaw id-dritt tagħhom għal rimborż sħiħ tal-pagamenti minn qabel. Madankollu, il-konsumaturi qed jiffaċċjaw problemi sinifikanti fl-infurzar ta’ dan id-dritt minħabba l-problemi ta’ likwidità tas-settur u l-kważi waqfien tat-trasport tal-passiġġieri matul il-pandemija. Bħala rispons, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadu azzjoni biex jiżguraw li d-drittijiet tal-konsumaturi jiġu protetti, filwaqt li jippromwovu wkoll soluzzjonijiet prattiki f’konformità sħiħa mar-regoli applikabbli 14 . L-esperjenza mill-pandemija u minn avvenimenti preċedenti, bħall-falliment ta’ Thomas Cook fl-2019, titlob analiżi aktar profonda dwar jekk il-qafas regolatorju attwali għall-pakkett tal-ivvjaġġar, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni mill-insolvenza, huwiex kapaċi bis-sħiħ jiżgura protezzjoni robusta u komprensiva tal-konsumatur f’kull ħin, filwaqt li jitqiesu wkoll l-iżviluppi fil-qasam tad-drittijiet tal-passiġġieri 15 .

Qasam ieħor ta’ tħassib li ħa prominenza matul il-pandemija huwa ż-żieda fl-iscams fuq il-konsumaturi, it-tekniki qarrieqa tal-kummerċjalizzazzjoni u l-frodi fix-xiri online, li għalihom għadd dejjem akbar ta’ konsumaturi kienu u jkomplu jkunu vittmi 16 . Il-ġlieda kontra tali prattiki kummerċjali qarrieqa tirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar. Meta jitqies ir-rwol ċentrali tagħhom fl-iffaċilitar tal-kummerċ online, il-Kummissjoni żiedet ukoll il-kuntatti tagħha mal-pjattaformi online ewlenin li ħadu miżuri effettivi biex jipprevjenu u jirreaġixxu għall-kontenut illegali rilevanti 17 . Sabiex titjieb ir-reżiljenza għal prattiki ta’ ħsara fuq skala kbira u li huma ta’ theddida għall-interess pubbliku, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jżommu l-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati ewlenin bħall-pjattaformi, l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, ir-reklamaturi u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur. Fl-istess ħin, hemm bżonn li tinżamm sorveljanza mill-qrib għall-iscams online u li tiżdied aktar il-kooperazzjoni ma’ networks rilevanti oħra inklużi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, ir-reġistri tad-dominji u n-Network Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Infurzar (ICPEN, International Consumer Protection and Enforcement Network).

Ix-xejriet tal-konsum li qed jinbidlu joħolqu sfidi ġodda. Dawn wasslu għal żieda qawwija fl-iskart mill-imballaġġ li jintuża darba biss u mit-tagħmir għall-protezzjoni personali tal-plastik tal-konsumaturi, li għaliha l-Kummissjoni minnufih tat l-ewwel rispons ta’ politika f’April 2020 18 . Il-pandemija żvelat ukoll ir-riskju li ċerti kategoriji ta’ konsumaturi jaqgħu lura, b’mod partikolari dawk li ma għandhomx il-mezzi u l-ħiliet biex jipparteċipaw b’mod attiv f’suq li qed jinbidel b’ritmu mgħaġġel, speċjalment online. Dan jitlob enfasi akbar fuq inizjattivi li jappoġġaw l-integrazzjoni, l-inklużjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni tal-konsumaturi.

Se jkun importanti li wieħed jifhem kif l-imġiba tal-konsumaturi taġġusta fit-tul wara l-pandemija u li tiġi żviluppata l-prospettiva 19  meħtieġa biex tkun il-bażi tal-azzjoni politika futura u tqis id-data u l-evidenza mir-riċerka dwar l-imġiba tal-konsumaturi meta tiġi vvalutata r-reżiljenza tal-UE għal xokkijiet futuri.

·Azzjoni 1: Sal-2022, il-Kummissjoni tippjana li tanalizza sa liema punt id-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar għadha adegwata fid-dawl tal-kriżijiet reċenti, filwaqt li tibni fuq ir-rapport tal-2021 dwar l-applikazzjoni tagħha.

·Azzjoni 2: Sal-2022, il-Kummissjoni tippjana li timpenja ruħha fi prospettiva biex tesplora l-impatt fit-tul tal-COVID-19 fuq ix-xejriet tal-konsum tan-nies fl-UE bħala bażi għal inizjattivi ta’ politika futuri.

·Azzjoni 3: Il-Kummissjoni tappoġġa u tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn in-network tal-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u networks u partijiet ikkonċernati oħra biex jiġu trattati l-iscams fuq il-konsumaturi, il-prattiki kummerċjali żleali u l-frodi 20 .

3.Oqsma ta’ prijorità ewlenin

3.1. Tranżizzjoni ekoloġika

Eżempju: L-impatti ambjentali negattivi u l-obsolexxenza bikrija huma dejjem aktar ta’ tħassib għall-konsumaturi tal-UE li spiss jilmentaw li l-oġġetti mixtrija ma jservux wisq u jiġu prodotti f’kundizzjonijiet detrimentali għall-ambjent 21 ; 85 % jixtiequ informazzjoni aħjar dwar id-durabbiltà ta’ oġġett meta jkunu qed jiddeċiedu dwar xiri. L-istudji juru li meta l-konsumaturi jirċievu tali informazzjoni, il-bejgħ tal-aktar verżjonijiet durabbli jista’ kważi jittriplika; il-konsumaturi huma saħansitra lesti li jħallsu aktar għal oġġetti b’durabbiltà itwal 22 .

Il-konsumaturi fl-Ewropa kollha juru interess dejjem akbar li jikkontribwixxu personalment għall-kisba tan-newtralità klimatika, il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali u l-bijodiversità u t-tnaqqis tat-tniġġis tal-ilma, l-arja u l-ħamrija 23 . L-isfida hija li jiġi sfruttat dan il-potenzjal permezz ta’ miżuri li jagħtu s-setgħa, jappoġġaw u jippermettu lil kull konsumatur, irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, ikollu rwol attiv fit-tranżizzjoni ekoloġika mingħajr ma jiġi impost stil ta’ ħajja speċifiku u mingħajr diskriminazzjoni soċjali. Jenħtieġ li l-aċċess għal prodotti sostenibbli ma jkunx jiddependi fuq il-livell ta’ dħul jew fejn wieħed jgħix, iżda jenħtieġ li jkun disponibbli għal kulħadd.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jistabbilixxi strateġija komprensiva biex l-UE tinbidel f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti fir-riżorsi, nadifa u ċirkolari li fiha t-tkabbir ekonomiku ma jkunx jiddependi mill-użu tar-riżorsi u fejn jitnaqqsu l-impatti negattivi fuq il-kapital naturali u l-bijodiversità. Dan jeħtieġ bidla profonda u rapida fid-drawwiet u l-imġiba tagħna biex innaqqsu l-impronta ambjentali tagħna fl-oqsma kollha mill-akkomodazzjoni u l-ikel għall-mobilità u r-rikreazzjoni 24 .

Diġà qed jittieħdu għadd ta’ inizjattivi bil-għan li jiġi żgurat li l-prodotti, kemm oġġetti kif ukoll servizzi, mibjugħa lill-konsumaturi tal-UE jkunu adattati għall-objettivi msemmija hawn fuq. Dawn jinkludu:

ül-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt 25 u l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità 26 , li jħabbru azzjonijiet ewlenin 27 u inizjattivi bil-għan li jnaqqsu l-impronta ambjentali u klimatika tas-sistemi tal-ikel tal-UE u jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet tal-ikel infurmati, tajbin għas-saħħa u sostenibbli 28 ;

üIl-Pjan Direzzjonali għall-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Żero Tniġġis tal-2021 29 , li ġie ppubblikat reċentement jidentifika l-prodotti għall-konsumatur bħala qasam importanti għall-azzjoni u jesplora modi kif il-konsumaturi jiġu inċentivati 30 jagħmlu għażliet aktar nodfa;

ül-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà 31 , li ħabbret ukoll azzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi disponibbli għall-konsumaturi, tipproteġihom mill-aktar sustanzi perikolużi, u tippromwovi s-sustanzi kimiċi sikuri u sostenibbli mid-disinn;

üL-Istrateġija ta’ Finanzjament Sostenibbli Mġedda li jmiss filwaqt li tibni fuq il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018 32 , tfittex li toffri lill-konsumaturi opportunitajiet ġodda biex ikollhom impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà billi tipprovdilhom informazzjoni affidabbli, kompluta u ta’ fiduċja dwar il-prodotti finanzjarji li jinvestu fihom; kif ukoll

üIl-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni 33 tippreżenta strateġija sabiex id-djar għall-konsumaturi jkunu adattati għal soċjetà aktar ekoloġika u diġitali, inklużi għodod ta’ informazzjoni msaħħa għall-konsumaturi.

Barra minn hekk, il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid għal Ekonomija Ċirkolari jistabbilixxi għadd ta’ inizjattivi speċifiċi 34 għall-ġlieda kontra l-obsolexxenza bikrija u għall-promozzjoni tad-durabbiltà, ir-riċiklabbiltà, l-possibbiltà ta’ tiswija u l-aċċessibilità 35 tal-prodotti u għall-appoġġ ta’ azzjoni min-negozji. B’mod partikolari, l-Inizjattiva dwar il-Prodotti Sostenibbli 36  għandha l-għan li tagħmel il-prodotti sostenibbli bħala n-norma, billi tistabbilixxi prinċipji tas-sostenibbiltà tal-prodotti u tirrevedi d-Direttiva dwar l-Ekodisinn 37 , filwaqt li testendi l-ambitu tagħha lil hinn mill-prodotti relatati mal-enerġija u twettaq iċ-ċirkolarità. Se jkunu meħtieġa miżuri regolatorji u mhux regolatorji addizzjonali biex jindirizzaw gruppi speċifiċi ta’ oġġetti u servizzi bħall-ICT, l-elettronika jew it-tessuti, u l-imballaġġ. Pereżempju:

üL-Inizjattiva għall-Elettronika Ċirkolari 38   għandha l-għan li tiżgura li l-apparati elettroniċi huma mfassla għad-durabbiltà, il-manutenzjoni, it-tiswija, id-dekostruzzjoni, iż-żarmar, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ u li l-konsumaturi jkollhom “dritt għat-tiswija” tagħhom inkluż l-aġġornamenti tas-softwer.

üL-inizjattiva dwar ċarġer komuni għall-mobiles u l-apparati portabbli oħra 39 għandha l-għan li żżid il-konvenjenza tal-konsumatur u tnaqqas l-użu tal-materjal u l-iskart elettroniku assoċjati mal-produzzjoni u r-rimi ta’ dan l-oġġett partikolari użat kuljum mill-maġġoranza vasta tal-konsumaturi.

üL-Istrateġija tal-UE għat-Tessuti li jmiss tfittex li tagħti s-setgħa lill-konsumaturi biex jagħżlu tessuti sostenibbli u jkollhom aċċess faċli għas-servizzi ta’ użu mill-ġdid u tiswija.

üIr-rieżami tad-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ għandha l-għan li tagħmel l-imballaġġ kollu riutilizzabbli u riċiklabbli b’mod ekonomikament vijabbli u tindirizza l-imballaġġ żejjed.

Dawn l-inizjattivi jippromwovu ż-żamma aħjar tal-valur, jipprijoritizzaw prodotti aktar sikuri u aktar durabbli, u jżommu l-materjali fiċ-ċiklu kummerċjali (rifjut, tnaqqis, tiswija, użu mill-ġdid u riċiklaġġ) għall-itwal żmien possibbli 40 .  

Għall-aħjar użu soċjali ta’ oġġetti u servizzi ġodda kif ukoll ta’ approċċi ġodda lejn il-konsum, il-konsumaturi jeħtieġu informazzjoni aħjar u aktar affidabbli dwar l-aspetti tas-sostenibbiltà tal-oġġetti u s-servizzi, filwaqt li tiġi evitata l-informazzjoni eċċessiva. Dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika 41 , indikaw nuqqas ta’ tali informazzjoni u tħassib dwar l-affidabbiltà tal-asserzjonijiet ambjentali u l-informazzjoni dwar il-prodotti bħala ostakli importanti għal użu akbar ta’ għażliet tal-konsum sostenibbli. L-inizjattiva li jmiss dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika għandha l-għan li tindirizza l-aċċess tal-konsumaturi għall-informazzjoni dwar il-karatteristiċi ambjentali tal-prodotti, inklużi d-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija jew it-titjib fil-kwalità tagħhom, kif ukoll il-kwistjoni tal-affidabbiltà u l-komparabbiltà ta’ tali informazzjoni. Se tistabbilixxi rekwiżiti ġenerali li jikkomplementaw regoli aktar immirati li jinsabu fil-leġiżlazzjoni settorjali, eż. dwar prodotti speċifiċi jew gruppi ta’ prodotti.

L-informazzjoni aħjar dwar id-disponibbiltà ta’ spare parts u s-servizzi ta’ twissija tista’ tappoġġa aktar id-durabbiltà tal-prodott. L-inizjattiva li jmiss dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi fit-tranżizzjoni ekoloġika, l-Inizjattiva ta’ Politika għall-Prodotti Sostenibbli u, fejn rilevanti, inizjattivi speċifiċi għas-settur se jkunu essenzjali biex il-konsumaturi jingħataw id-dritt effettiv għat-tiswija. Barra minn hekk, ir-rieżami futur tad-Direttiva dwar il-Bejgħ ta’ Oġġetti 42 jipprovdi opportunità biex jiġi eżaminat x’jista’ jsir aktar għall-promozzjoni tat-tiswija, u biex jinkoraġġixxi prodotti aktar sostenibbli u ċirkolari. Se jiġu eżaminati diversi għażliet rigward ir-rimedji tal-konsumatur, bħall-għoti ta’ preferenza għat-tiswija fuq is-sostituzzjoni, l-estensjoni tal-perjodu minimu ta’ responsabbiltà għal oġġetti ġodda jew użati, il-bidu mill-ġdid ta’ perjodu ta’ responsabbiltà wara t-tiswija.

Dawn l-isforzi jistgħu jiġu kkomplementati bil-promozzjoni ta’ kunċetti u mġiba ġodda tal-konsum, bħall-ekonomija kollaborattiva, mudelli ta’ negozji ġodda li jippermettu lill-konsumaturi jixtru servizz minflok oġġett, jew appoġġ għal tiswijiet permezz ta’ azzjonijiet tal-komunità u tal-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali (eż. repair cafés) u għal swieq ta’ prodotti użati.

L-għoti ta’ informazzjoni aħjar u aktar affidabbli lill-konsumaturi spiss ifisser titjib fl-għodod eżistenti. It-tikketti aġġornati li jipprovdu informazzjoni dwar il-prodotti u l-apparati koperti mid-direttiva dwar l-ekodisinn u l-qafas tat-tikkettar tal-enerġija jgħinu għas-sensibilizzazzjoni u għall-ġestjoni tal-aspettattivi tal-prestazzjoni tal-enerġija tal-prodotti, u b’hekk jikkontribwixxu għall-objettiv tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE. Barra minn hekk, l-użu u s-sensibilizzazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE 43 jistgħu jitrawmu permezz ta’ azzjonijiet ta’ komunikazzjoni u sħubiji mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-bejjiegħa, bil-għan li jippromwovu l-Ekotikketta tal-UE anki fuq swieq online. Barra minn hekk, l-ekotikketta tal-UE se tiġi estiża għall-prodotti finanzjarji għall-konsumatur f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli 44 tal-2018, u b’hekk tippermetti lill-konsumaturi jserrħu fuq tikketta ta’ fiduċja u affidabbli meta jinvestu fi prodotti finanzjarji ekoloġiċi.

Barra minn hekk, il-konsumaturi jeħtieġ li jkunu protetti aħjar kontra informazzjoni li mhijiex vera jew ippreżentata b’mod konfuż jew qarrieqi biex tingħata l-impressjoni impreċiża li prodott jew intrapriża hija aktar ambjentalment sana, imsejħa “greenwashing”. Azzjonijiet għal dan il-għan qed jiġu żviluppati wkoll fil-qasam tal-finanzi sostenibbli 45 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tipproponi li l-kumpaniji jissostanzjaw l-asserzjonijiet ambjentali bl-użu tal-metodi tal-Impronta Ambjentali tal-Prodotti u tal-Organizzazzjonijiet biex jipprovdu lill-konsumaturi b’informazzjoni ambjentali affidabbli.

Il-Kummissjoni se teżamina modi biex toħloq qafas ta’ tikkettar sostenibbli li jkopri, f’sinerġija ma’ inizjattivi rilevanti oħra, l-aspetti nutrittivi, klimatiċi, ambjentali u soċjali tal-prodotti tal-ikel.

L-għażliet tal-enerġija tal-konsumaturi se jkunu kruċjali biex jintlaħqu l-miri klimatiċi ġodda għall-2030 u n-newtralità klimatika sal-2050. Ir-regoli ġodda li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021 46 se jtejbu l-informazzjoni għall-konsumaturi permezz ta’ kontijiet tal-elettriku u għodod indipendenti għat-tqabbil tal-prezzijiet, kif ukoll il-faċilitazzjoni tal-għażliet tal-prosumaturi u l-komunitajiet tal-enerġija. Il-Kummissjoni se tipproponi dispożizzjonijiet għal portaturi oħra tal-enerġija biex tagħti s-setgħa lill-konsumaturi li jużaw il-gass u t-tisħin distrettwali bi drittijiet simili.

It-trasformazzjoni diġitali toffri opportunitajiet ġodda oħra biex tiġi pprovduta informazzjoni aktar immirata u li tinftiehem. L-iżvilupp ta’ passaporti għall-prodotti diġitali skont l-Inizjattiva dwar il-Prodotti Sostenibbli 47 għandu l-għan li jinforma lill-konsumaturi dwar l-aspetti ambjentali u ċirkolari tal-prodotti. B’mod aktar ġenerali, l-informazzjoni diġitali tista’ tagħti s-setgħa lill-konsumaturi biex jiċċekkjaw l-affidabbiltà tal-informazzjoni, jagħmlu paraguni bejn il-prodotti, iżda tinfurmahom ukoll b’mod aktar olistiku dwar l-impatt ambjentali, pereżempju dwar il-marka tal-karbonju tagħhom. Jenħtieġ li l-azzjoni u r-riżorsi, inkluż mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku għall-bini tal-kapaċitajiet 48 taħt il-QFP li jmiss, jintużaw biex jappoġġaw inizjattivi li jippromwovu u jattivaw kultura u mġiba ta’ konsum nodfa, newtrali għall-klima u sostenibbli. Jenħtieġ li dan isir b’modi aċċessibbli, innovattivi u attraenti, eż. permezz ta’ applikazzjonijiet għall-ismartphones u siti web 49 , u bl-użu tal-għodod eżistenti 50 .

In-negozji, inklużi l-SMEs, jista’ jkollhom rwol importanti fit-tfittxija għal konsum aktar ekoloġiku. L-integrazzjoni tal-objettivi ta’ sostenibbiltà fl-istrateġiji korporattivi u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tista’ tirriżulta fid-disponibbiltà ta’ prodotti aktar sostenibbli. Eżempji ta’ prattiki tajbin ivarjaw mill-monitoraġġ tal-impatti ambjentali u fuq il-kapital naturali, id-dipendenzi u r-riskji tul il-katina kollha tal-valur, l-inklużjoni ta’ informazzjoni ambjentali fid-divulgazzjoni lill-konsumaturi, sal-fatt li jitqiesu l-interessi tal-konsumatur fid-deċiżjonijiet tal-bord korporattiv. Il-Kummissjoni tipprevedi li fl-2021 tressaq inizjattiva leġiżlattiva dwar il-governanza korporattiva sostenibbli biex trawwem imġiba korporattiva sostenibbli u responsabbli fit-tul 51 . Biex tistimula aktar azzjoni korporattiva volontarja, il-Kummissjoni tippjana li taħdem mal-operaturi ekonomiċi biex tħeġġeġ il-wegħdiet volontarji tagħhom biex jinfurmaw lill-konsumaturi dwar l-impronta ambjentali tal-kumpanija, itejbu s-sostenibbiltà tagħhom u jnaqqsu l-impatt fuq l-ambjent. Dawn il-wegħdiet se jiġu żviluppati f’sinerġija mal-Patt Klimatiku Ewropew li jmiss. Huma se jibnu fuq metodoloġiji, għodod u leġiżlazzjoni applikabbli eżistenti 52 . Maż-żmien, dawn il-wegħdiet jistgħu jġibu parteċipanti minn firxa wiesgħa ta’ setturi, ibbażati fuq impenji dejjem aktar diversi.

·Azzjoni 4: Fl-2021, il-Kummissjoni tippjana li tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tagħti s-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika, b’informazzjoni aħjar dwar is-sostenibbiltà tal-prodotti u bi protezzjoni aħjar kontra ċerti prattiki bħall-greenwashing u l-obsolexxenza bikrija kif ukoll proposta leġiżlattiva dwar is-sostanzjar ta’ asserzjonijiet ambjentali bbażati fuq il-metodi tal-Impronta Ambjentali.

·Azzjoni 5: Minn din is-sena, il-Kummissjoni tippjana li taħdem mal-operaturi ekonomiċi biex tħeġġeġ il-wegħdiet volontarji ta’ dawn l-operaturi għal azzjonijiet b’appoġġ għall-konsum sostenibbli lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mil-liġi.

·Azzjoni 6: Mill-2022, il-Kummissjoni se tivvaluta, fil-kuntest tar-rieżami tad-Direttiva dwar il-Bejgħ ta’ Oġġetti, kif tippromwovi aktar it-tiswija u tħeġġeġ prodotti aktar sostenibbli u “ċirkolari”. 

3.2. Trasformazzjoni Diġitali

Eżempju: Bejn l-2014 u l-2019, il-proporzjon tal-utenti tal-Internet fl-UE li xtraw jew ordnaw oġġetti jew servizzi online għall-użu privat żdied minn 63 % għal 71 %; f’ħames Stati Membri 53 , dawk iċ-ċifri qabżu t-80 % 54 . Jenħtieġ li l-konsumaturi jiġu protetti f’livell komparabbli online daqskemm meta jkunu offline. Jenħtieġ li r-regoli jiġu adattati għall-ambjent konness biex jiġi żgurat li, pereżempju, l-apparati tad-djar intelliġenti ma jkunux soġġetti għal riskji ċibernetiċi u l-offerti ta’ kreditu online jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa li tkun tista’ tinqara faċilment u aċċessibbli mill-ismartphone.

It-trasformazzjoni diġitali qed tbiddel b’mod radikali l-ħajja tal-konsumaturi, filwaqt li tipprovdilhom aktar opportunitajiet u għażla usa’ kemm ta’ oġġetti kif ukoll ta’ servizzi. Fl-istess ħin, tista’ tagħmilha aktar diffiċli għalihom biex jagħmlu għażliet infurmati u jissalvagwardjaw l-interessi tagħhom. Il-ġbir u l-ipproċessar tad-data sottostanti flimkien mal-analiżi tal-imġiba tal-konsumaturi u l-preġudizzji konjittivi tagħhom jistgħu jintużaw biex jinfluwenzaw lill-konsumaturi biex jieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jkunu kontra l-aħjar interessi tagħhom. Dan jista’ jillimita l-effettività tar-regoli attwali mfassla biex jipproteġu lill-konsumaturi fl-ambjent diġitali, fost l-oħrajn, kontra prattiki kummerċjali żleali. Id-Direttiva dwar l-Infurzar Aħjar u l-Modernizzar tal-Liġi tal-Konsumatur 55 u d-Direttiva dwar il-Kontenut Diġitali 56 huma passi importanti biex jiġu indirizzati wħud minn dawn l-isfidi. Meta jitqies il-pass mgħaġġel tal-progress teknoloġiku u l-impatt tiegħu fuq l-esperjenza tal-konsumatur, hija meħtieġa azzjoni addizzjonali.

Il-prattiki kummerċjali li jinjoraw id-dritt tal-konsumaturi li jagħmlu għażla infurmata, li jabbużaw mill-preġudizzji tal-imġiba tagħhom, jew li jfixklu l-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet iridu jiġu indirizzati. Dawn il-prattiki jinkludu l-użu ta’ interfaċċi qarrieqa għall-utent (“dark patterns”) 57 , ċerti prattiki ta’ personalizzazzjoni spiss ibbażati fuq tfassil ta’ profili, reklamar moħbi, frodi, informazzjoni falza jew qarrieqa jew reċensjonijiet tal-konsumaturi manipulati. Hija meħtieġa gwida addizzjonali dwar l-applikabbiltà ta’ strumenti tal-liġi tal-konsumatur bħad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali u d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur għal dawn il-prattiki. Fl-aħħar mill-aħħar, jenħtieġ li l-konsumaturi jibbenefikaw minn livell komparabbli ta’ protezzjoni u ġustizzja online daqskemm meta jkunu offline.

Sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jibbenifikaw bis-sħiħ mill-potenzjal sinifikanti tat-trasformazzjoni diġitali, jenħtieġ li l-interessi tal-konsumaturi jitqiesu fit-tfassil jew l-adozzjoni tar-regoli li jirregolaw l-ekonomija diġitali. Hemm żewġ objettivi għal dan: sabiex jinħoloq spazju diġitali aktar sikur għall-konsumaturi fejn id-drittijiet tagħhom huma protetti u sabiex jiġu assigurati kundizzjonijiet ekwi li jippermettu li l-innovazzjoni twettaq servizzi ġodda u aħjar għall-Ewropej kollha.

L-ewwel nett, il-proposta li jmiss tal-Kummissjoni għal Att ġdid dwar is-Servizzi Diġitali (DSA), għandha l-għan li tiddefinixxi responsabbiltajiet ġodda u mtejba u ssaħħaħ ir-responsabbiltà tal-intermedjarji u tal-pjattaformi online. Id-DSA se tiżgura li l-konsumaturi jkunu protetti b’mod effettiv kontra prodotti, kontenut u attivitajiet illegali fuq pjattaformi online daqskemm meta jkunu offline.

It-tieni, biex tindirizza l-problemi li jinħolqu fis-swieq diġitali li huma suxxettibbli għal fallimenti tas-suq, bħas-setgħa ta’ gwardjan ta’ ċerti pjattaformi online, il-Kummissjoni tippjana li tippreżenta wkoll Att dwar is-Swieq Diġitali. Dan jgħaqqad flimkien, ir-regolamentazzjoni ex ante dwar il-pjattaformi diġitali li għandhom il-karatteristiċi ta’ gwardjani ma’ qafas dinamiku ta’ investigazzjoni tas-suq biex jiġu eżaminati s-swieq diġitali suxxettibbli għall-fallimenti tas-suq. Il-konsumaturi se jkunu l-benefiċjarji finali ta’ swieq diġitali aktar ġusti u aktar kontestabbli, inklużi prezzijiet aktar baxxi, servizzi aħjar u ġodda u għażliet akbar.

Filwaqt li l-intelliġenza artifiċjali (IA) tista’ tagħmel ħafna ġid, xi użi tal-IA jistgħu jiksru d-drittijiet tal-konsumatur u jikkawżaw ħsara lill-konsumaturi 58 . Wara l-White Paper tagħha dwar l-IA 59 u r-rapport li jakkumpanjaha dwar ir-responsabbiltà u s-sikurezza ta’ teknoloġiji ġodda 60 , il-Kummissjoni qed taħdem:

üfuq proposta 61 li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-interess tal-konsumatur u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u min-naħa l-oħra tibni l-fiduċja meħtieġa għall-adozzjoni soċjetali tal-IA;

üfir-rigward tar-responsabbiltà ċivili, fuq miżuri li jiżguraw li l-vittmi ta’ ħsara kkawżata mill-applikazzjonijiet tal-IA jkollhom l-istess livell ta’ protezzjoni fil-prattika bħall-vittmi ta’ ħsara kkawżata minn prodotti jew servizzi oħra.

L-avvanz ta’ teknoloġiji ġodda u l-globalizzazzjoni tal-produzzjoni u l-kummerċ bl-imnut, inkluż permezz ta’ mezzi online, iqajmu l-mistoqsija dwar jekk ir-regoli eżistenti dwar is-sikurezza tal-prodotti humiex biżżejjed biex jindirizzaw l-iżviluppi attwali u jipproteġu lill-konsumaturi b’mod adegwat. Attwalment, il-Kummissjoni qed taħdem fuq għadd ta’ inizjattivi dwar is-sikurezza ta’ teknoloġiji ġodda, bħal:

üir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Makkinarju 62 ;

ül-adozzjoni ta’ atti delegati skont id-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju 63 ; kif ukoll

üir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti 64 .

Id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti li tipprovdi l-qafas legali għas-sikurezza tal-prodotti għall-konsumatur li mhumiex tal-ikel, 65 ġejja minn żmien meta l-prodotti li jaħdmu bl-IA u l-apparati konnessi kienu rari, li mhuwiex aktar il-każ. Tali żviluppi jisfidaw id-definizzjoni attwali tal-prodotti u jġibu magħhom riskji ġodda jew jibdlu l-mod kif ir-riskji eżistenti jistgħu jimmaterjalizzaw, li jenħtieġ li jkun rifless u meqjus kif xieraq. It-tkabbir tal-bejgħ online joħloq ukoll sfidi ġodda peress li l-awtoritajiet mhux dejjem ikollhom strumenti effettivi biżżejjed għas-sorveljanza tas-suq online. Barra minn hekk, il-kummerċ elettroniku jippermetti lill-konsumaturi jixtru direttament minn operaturi barra mill-UE u dan jagħmilha aktar diffiċli għall-verifikazzjoni tas-sikurezza tal-prodotti li jidħlu fis-suq uniku. Jenħtieġ li l-proposta li jmiss għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti, prevista għall-2021, tipprovdi rispons sod għal dawn l-isfidi li dejjem qed jiżdiedu.

Barra minn hekk, identità elettronika pubblika aċċettata universalment, ibbażata fuq l-għażla tal-konsumaturi, il-kunsens tagħhom u l-garanzija li l-privatezza tagħhom tiġi rispettata f’konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), tista’ tagħti lill-konsumaturi l-possibbiltà li jimmaniġġjaw l-aċċess u l-użu tad-data tagħhom b’mod kompletament ikkontrollat u sikur. Attwalment, il-Kummissjoni qed tirrevedi tali sistema, filwaqt li tqis l-interess u l-protezzjoni tal-konsumaturi 66 .

Biex tindirizza l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat, li jiddiskrimina bejn il-konsumaturi tal-UE biex is-swieq jiġu ssegmentati tul il-fruntieri nazzjonali, attwalment il-Kummissjoni qed twettaq l-ewwel rieżami tagħha f’terminu qasir tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku 67 .

L-Istrateġija Ewropea għad-Data 68 għandha l-għan li tiffaċilita d-dritt effettiv tal-individwi għall-portabbiltà tad-data skont il-GDPR. Dan id-dritt għandu potenzjal ċar li jpoġġi lill-individwi fiċ-ċentru tal-ekonomija tad-data billi jippermettilhom li jbiddlu l-fornituri tas-servizzi, jikkombinaw is-servizzi, jużaw servizzi innovattivi oħra u jagħżlu s-servizzi li joffru l-aktar protezzjoni tad-data. L-Istrateġija tixpruna wkoll il-ħolqien ta’ suq uniku ġenwin għad-data u l-ħolqien ta’ spazji komuni Ewropej tad-data.

Barra minn hekk, is-settur tas-servizzi finanzjarji bl-imnut ġie trasformat b’mod profond mit-tranżizzjoni diġitali 69 , bl-introduzzjoni ta’ xejriet u soluzzjonijiet ġodda u d-diversifikazzjoni tal-offerta ta’ prodotti u servizzi finanzjarji. Il-fornituri mhux tradizzjonali ta’ tali servizzi, bħal FinTechs u selliefa bejn il-pari, ingħaqdu ma’ fornituri tradizzjonali li huma stess ukoll jużaw dejjem aktar mezzi ta’ bejgħ online. Prodotti ġodda, bħal self bi kostijiet għoljin għal żmien qasir, li ġew konklużi għal perjodu qasir iżda li jistgħu jwasslu għal kostijiet sinifikanti għall-mutwatarju, huma dejjem aktar kummerċjalizzati u mibjugħa b’mod diġitali. Teknoloġiji ġodda, bħal soluzzjonijiet ta’ pagament istantanju, jista’ jkollhom benefiċċji tanġibbli għall-konsumaturi iżda jistgħu jeħtieġu miżuri speċifiċi ta’ protezzjoni tal-konsumatur 70 . Reċentement, il-Kummissjoni ħabbret inizjattivi li se jtejbu l-protezzjoni tal-konsumatur fil-pagamenti. Dawn il-kwistjonijiet se jiġu meqjusa fil-qafas tal-Istrateġija dwar il-Pagamenti bl-Imnut għall-UE adottata reċentement 71 .

L-użu ta’ kategoriji alternattivi ta’ data flimkien ma’ teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet għas-sistema ta’ evalwazzjoni ta’ kreditu jqajjem mistoqsijiet dwar liema data jenħtieġ li tintuża biex tiġi vvalutata l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumaturi u jenfasizza r-riskji ta’ diskriminazzjoni minn deċiżjonijiet ibbażati fuq algoritmi opaki, tip ta’ riskju li x’aktarx jiġi indirizzat ukoll permezz tal-att legali msemmi hawn fuq dwar ir-rekwiżiti għall-Intelliġenza Artifiċjali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-leġiżlazzjoni eżistenti, bħad-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur, u d-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju, id-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Pagamenti u d-Direttiva dwar il-Kummerċjalizzazzjoni mill-bogħod tas-Servizzi Finanzjarji tiġi riveduta sabiex tirrifletti l-użu dejjem akbar ta’ mezzi diġitali u tindirizza l-isfidi msemmija hawn fuq. Jenħtieġ li din tagħti s-setgħa lill-konsumaturi biex jifhmu l-prodotti u biex iqabblu u jaċċettaw offerti online, b’hekk tingħata spinta lill-innovazzjoni u l-fiduċja tal-konsumatur.

Il-pakkett ġdid dwar il-finanzi diġitali tal-Kummissjoni, inklużi strateġiji ta’ finanzi diġitali u pagamenti bl-imnut u proposti leġiżlattivi dwar il-kriptoassi u r-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju, għandu l-għan li jiżgura li l-konsumaturi u n-negozji jgawdu l-benefiċċji tal-innovazzjoni filwaqt li jkunu protetti. Ir-riflessjoni tal-iżviluppi li għaddejjin fit-trasformazzjoni diġitali se tkun ukoll parti mill-istrateġija tal-investiment fil-livell tal-konsumatur, li jenħtieġ li tiffoka fuq l-interessi tal-investituri individwali u li hija prevista għall-ewwel nofs tal-2022.

Barra minn hekk, it-trasformazzjoni diġitali tista’ wkoll iġib magħha sfidi ġodda bħal meta s-soluzzjonijiet diġitali ma jkunx imfassla biex ikunu aċċessibbli wkoll għall-persuni b’diżabilità. Il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà 72 . Sal-2025, l-applikazzjoni tiegħu se tgħin biex jitneħħew l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni għall-persuni b’diżabilità u żżid id-disponibbiltà ta’ prodotti u servizzi aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità.

Fl-aħħar nett, it-trasformazzjoni diġitali tirrikjedi li l-konsumaturi jkollhom litteriżmu diġitali qawwi u kompetenzi diġitali, li jenħtieġ li jiġu promossi permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja kif enfasizzat fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021–2027 73 u l-prijoritajiet strateġiċi tiegħu.

·Azzjoni 7: Sal-2022 u wara li taġġorna d-dokumenti ta’ gwida tad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali u d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, il-Kummissjoni tippjana li tanalizza jekk humiex meħtieġa leġiżlazzjoni addizzjonali jew azzjoni oħra fit-terminu medju sabiex tiġi żgurata ġustizzja ugwali online u offline.

·Azzjoni 8: Fl-2021, kif imħabbar fil-White Paper dwar l-IA, il-Kummissjoni tipprevedi li tagħmel proposta għal att legali orizzontali li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-IA.

·Azzjoni 9: Fl-2021, il-Kummissjoni tippjana li tħejji proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti biex tindirizza sfidi ġodda għas-sikurezza tal-prodotti li nħolqu minn teknoloġiji ġodda u l-bejgħ online. B’mod komplementari, fl-2021 il-Kummissjoni għandha l-għan li tħejji wkoll proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Makkinarju.

·Azzjoni 10: Fl-2021, il-Kummissjoni tippjana li tħejji proposti għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur u d-Direttiva dwar il-Kummerċjalizzazzjoni mill-bogħod tas-Servizzi Finanzjarji biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur.

3.3. Infurzar u rimedju effettiv

Eżempju: Id-Direttiva li jmiss dwar l-Azzjonijiet Rappreżentattivi tippermetti lill-konsumaturi jingħaqdu flimkien. Għal każijiet futuri, entitajiet kwalifikati, maħtura għal dan il-għan, jistgħu jressqu każijiet għall-interessi kollettivi tal-konsumaturi, inkluż f’sitwazzjonijiet transfruntiera, quddiem il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi b’mod aktar faċli. Dan jagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi biex ifittxu rimedju konġunt f’każijiet li huma simili, pereżempju, għall-manipulazzjoni tat-testijiet tal-emissjonijiet tal-gass tal-egżost għal ċerti karozzi diżil.

Hekk kif in-negozji huma intitolati li jbigħu l-prodotti u joffru servizzi lill-konsumaturi kollha fis-suq uniku, jenħtieġ li l-konsumaturi, kull fejn ikunu fl-UE, ikunu jistgħu jinfurzaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv fir-rigward ta’ dawn in-negozji. Fil-prattika, madankollu, l-iskrinjar tas-siti web mill-awtoritajiet tal-infurzar wera li ħafna drabi d-drittijiet tal-konsumatur ma jiġux rispettati. Bejn l-2007 u l-2019, medja ta’ 60 % tas-siti web iċċekkjati nstabu li ma kinux konformi mar-regoli bażiċi tal-konsumatur u b’hekk kienu jeħtieġu korrezzjonijiet 74 .

L-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur huwa l-ewwel u qabel kollox ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali iżda l-UE għandha rwol importanti ta’ koordinazzjoni u appoġġ. Ir-Regolament ġdid dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur 75 (CPC, Consumer Protection Cooperation) li daħal fis-seħħ f’Jannar 2020, jipprovdi bażi aktar b’saħħitha għal azzjoni konġunta tal-UE. Dan issaħħaħ il-kapaċità online tal-awtoritajiet tal-infurzar, il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u s-sistema tal-ġbir ta’ intelligence biex jindirizza l-ksur fuq skala kbira tal-liġi tal-konsumatur tal-UE, jiżgura livell konsistenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur u joffri “punt uniku ta’ servizz” għan-negozji. Il-Kummissjoni mhix se toqgħod lura milli tagħmel użu mis-setgħat tagħha skont ir-Regolament biex tiskatta azzjonijiet ta’ infurzar ikkoordinati dwar kwistjonijiet madwar l-UE kollha, fejn meħtieġ.  F’konformità mal-prijoritajiet strateġiċi ta’ din l-Aġenda, il-ħidma se tiffoka fuq l-indirizzar:

·tal-impatt tal-COVID-19 fuq id-drittijiet tal-konsumatur (jiġifieri l-iscams, il-kwistjonijiet relatati mal-ivvjaġġar u l-isfruttament tal-vulnerabbiltajiet finanzjarji li kienu jeżistu qabel il-pandemiji iżda li saru aktar akuti 76 ), u

·ta’ asserzjonijiet ambjentali qarrieqa u prattiki kummerċjali żleali fir-rigward ta’ tekniki ta’ influwenzar online u personalizzazzjoni.

Ir-Regolament jesiġi li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tal-effettività tar-regoli l-ġodda sa Jannar 2023.

Barra minn hekk, dan l-aħħar l-UE rrieżaminat il-qafas legali għall-protezzjoni tal-konsumatur. Id-Direttiva l-ġdida dwar l-Infurzar Aħjar u l-Modernizzar tal-Liġi tal-Konsumatur 77 u d-Direttiva li jmiss dwar l-Azzjonijiet Rappreżentattivi 78 se jsaħħu sostanzjalment id-drittijiet tal-konsumatur, b’mod partikolari billi jipprovdu aktar ġustizzja diġitali, sanzjonijiet aktar b’saħħithom u mekkaniżmu effettiv għar-rimedju kollettiv.

Sabiex jiġi żgurat infurzar uniformi fl-UE kollha u l-awtoritajiet jiġu assistiti biex ilaħħqu aħjar mad-diffikultajiet li jirriżultaw mit-trasformazzjoni diġitali, il-Programm għas-Suq Uniku taħt il-QFP il-ġdid se jipprijoritizza l-finanzjament tal-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali. Il-Kummissjoni tippjana li tiffinanzja proġett biex jitwaqqaf “Lab elettroniku tal-UE” bħala pjattaforma li tipprovdi sett ta’ għodod komuni li l-awtoritajiet jistgħu jużaw biex iwettqu investigazzjonijiet online u jimmonitorjaw prodotti perikolużi mibjugħa online bl-użu ta’ soluzzjonijiet avvanzati tal-IT, l-IA u tekniki u webcrawlers tal-estrazzjoni tad-data. Barra minn hekk, se tfittex li ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ entitajiet potenzjali kwalifikati futuri skont id-Direttiva li jmiss dwar l-Azzjonijiet Rappreżentattivi u ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumatur bħala korpi maħtura biex jirrappurtaw twissijiet skont ir-Regolament CPC. L-iffaċilitar tar-rimedju individwali jibqa’ prijorità bil-finanzjament kontinwu tal-UE u l-modernizzazzjoni taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi, is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim u l-għodod għas-Soluzzjoni Online għat-Tilwim. Appoġġ tekniku mfassal apposta għall-bini tal-kapaċità amministrattiva fl-awtoritajiet nazzjonali huwa wkoll possibbli permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku 79 .

·Azzjoni 11: Il-Kummissjoni se tassisti lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar f’waqthom u effiċjenti tad-Direttiva dwar l-Infurzar Aħjar u l-Modernizzar tal-Liġi tal-Konsumatur li se tidħol fis-seħħ f’Mejju 2022, u tad-Direttiva futura dwar l-Azzjonijiet Rappreżentattivi, ladarba tiġi adottata formalment u tidħol fis-seħħ.

·Azzjoni 12: Fl-2022 u kull sentejn (2) minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali se tippreżenta prijoritajiet komuni ta’ infurzar tan-network CPC biex tindirizza kwistjonijiet ta’ konformità identifikati f’diversi setturi.

·Azzjoni 13: Sal-2022, il-Kummissjoni se tuża sett ta’ għodod b’għodod elettroniċi innovattivi biex issaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali biex jindirizzaw il-prattiki kummerċjali online illegali u jidentifikaw il-prodotti mhux sikuri, billi ssegwi l-prinċipji tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà 80 .

·Azzjoni 14: Sal-2023, il-Kummissjoni se tevalwa l-applikazzjoni tar-Regolament CPC, b’mod partikolari biex tivvaluta l-effettività tal-infurzar fl-indirizzar ta’ prattiki li jiksru l-liġi tal-konsumatur fl-UE.

3.4. Nindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-konsumatur

Eżempju: Fl-2018, 10 % tal-unitajiet domestiċi tal-UE kellhom arretrati fuq self ipotekarju, kera, kontijiet tal-utilitajiet jew pagamenti ta’ self, u kienu f’riskju ta’ dejn eċċessiv. Il-pandemija attwali qed taggrava s-sitwazzjoni ta’ ħafna konsumaturi bid-dejn. Il-Kummissjoni ħadmet mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati biex tidentifika u tippromwovi l-aħjar prattiki biex tgħin lill-konsumaturi f’diffikultà 81 , inkluż aċċess aħjar għal pariri dwar id-dejn. L-istudji juru li euro wieħed minfuq fuq konsulenza dwar id-dejn jista’ jiffranka aktar minn żewġ euro f’benefiċċji soċjali.

L-istrumenti tal-politika tal-konsumatur jipproteġu lill-konsumaturi kollha fin-negozjati tagħhom mal-kummerċjanti professjonali. Huwa preżunt li l-konsumaturi huma ġeneralment il-parti l-aktar dgħajfa fi tranżazzjoni u li għalhekk is-saħħa, is-sikurezza u l-interessi ekonomiċi tagħhom jeħtieġu protezzjoni. Madankollu, ċerti gruppi ta’ konsumaturi f’ċerti sitwazzjonijiet jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli u jeħtieġu salvagwardji speċifiċi. Il-vulnerabbiltà tal-konsumaturi tista’ tiġi xprunata minn ċirkostanzi soċjali jew minħabba karatteristiċi partikolari ta’ konsumaturi individwali jew gruppi ta’ konsumaturi, bħall-età, il-ġeneru, is-saħħa, il-litteriżmu diġitali, in-numeriżmu jew is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom 82 . Nuqqas ta’ aċċessibbiltà jista’ jpoġġi lill-persuni akbar fl-età jew lill-persuni b’diżabilità f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni jew jillimita l-interazzjonijiet tagħhom. Dawn il-forom ta’ vulnerabbiltà setgħu ġew aggravati mill-pandemija attwali, iżda jeżistu indipendentement minnha.

Il-vulnerabbiltà finanzjarja li dejjem tiżdied ta’ ħafna unitajiet domestiċi tal-UE bħalissa hija ta’ tħassib partikolari. Stħarriġ reċenti f’21 Stat Membru wera li mill-bidu tal-kriżi tal-COVID-19, sitta minn kull għaxar konsumaturi ffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji 83 , li jistgħu jwasslu għal dejn eċċessiv. Il-pariri dwar id-dejn urew mod effettiv kif wieħed jgħin lill-konsumaturi b’dejn eċċessiv biex jerġgħu lura għas-sostenibbiltà finanzjarja, filwaqt li jiġi żgurat li l-kredituri jitħallsu. Il-Kummissjoni qed tiġbor l-aħjar prattiki fl-Istati Membri, teżamina l-potenzjal ta’ replikazzjoni tagħhom, u tidentifika l-ħtiġijiet u l-opportunitajiet ta’ finanzjament taħt il-QFP il-ġdid. F’Ġunju 2020, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll il-Kodiċi Ewropew ta’ Kondotta Tajba għall-Provvista ta’ Mikrokreditu aġġornat 84 . Ir-rieżami tad-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur 85 se tinvolvi valutazzjoni ta’ kif jistgħu jittejbu r-regoli u b’hekk jiżguraw li l-kreditu jingħata biss flimkien ma’ valutazzjoni bir-reqqa tal-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur. Jenħtieġ li l-konsumaturi jirċievu wkoll l-informazzjoni u l-pariri prekuntrattwali kollha meħtieġa u xierqa sabiex jagħmlu għażliet infurmati meta jidħlu fi ftehimiet ta’ kreditu.

Dawn il-miżuri huma fundamentali peress li jqabblu l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-konsumaturi mal-kapaċità tagħhom li jħallsu lura u b’hekk inaqqsu r-riskju ta’ inadempjenza ta’ pagamenti u ta’ dejn eċċessiv. Madankollu, xi drabi ma jkunux jistgħu jħallsu lura d-dejn hekk kif isir dovut. Għaldaqstant, jista’ jkun meħtieġ li jiġu evalwati l-aktar mezzi xierqa għall-indirizzar tad-dejn eċċessiv tal-konsumatur, inkluż il-ħelsien mid-dejn 86 .

L-affordabbiltà hija kruċjali biex jiġi żgurat l-aċċess għal prodotti u servizzi għall-konsumaturi bi dħul baxx, kif enfasizzat min-Network Ewropew tal-Politika Soċjali 87 . Uħud mill-Istati Membri jużaw miżuri ta’ protezzjoni tal-konsumatur flimkien ma’ miżuri ta’ protezzjoni soċjali mmirati għal persuni bi dħul baxx. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Faqar Enerġetiku 88 tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar modi kif jindirizzaw il-faqar enerġetiku sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli tal-enerġija.

Persuni akbar fl-età u persuni b’diżabilità għandhom ħtiġijiet speċifiċi relatati mal-konsum. Huwa importanti li jiġi żgurat li informazzjoni ċara, faċli għall-utent u aċċessibbli tkun disponibbli kemm online kif ukoll offline f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tal-UE għall-prodotti u s-servizzi 89 . Il-konsumaturi akbar fl-età u dawk b’diżabilità jeħtieġu wkoll prodotti aċċessibbli u teknoloġiji ta’ assistenza li huma kompatibbli ma’ teknoloġiji mainstream. Jenħtieġ li approċċ ġust u nondiskriminatorju għat-trasformazzjoni diġitali jissodisfa l-ħtiġijiet tal-konsumaturi akbar f’età, il-konsumaturi b’diżabbiltà u b’mod ġenerali lill-“off-liners” li jistgħu jkunu anqas familjari jew anqas komdi fl-użu ta’ għodod diġitali u aktar suxxettibbli li jkunu vittmi ta’ frodi. L-esperjenza minn xi Stati Membri turi li l-inizjattivi lokali li jipprovdu pariri lill-konsumaturi f’żoni rurali jew f’distretti urbani 90 huma fost l-aktar effettivi. L-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali jinsabu f’pożizzjoni partikolarment tajba biex jindirizzaw dawn il-ħtiġijiet minħabba l-prossimità tagħhom għall-komunitajiet lokali u rurali. Il-promozzjoni ta’ inizjattivi simili tista’ ssir permezz ta’ azzjoni komuni fil-livell tal-UE taħt il-QFP futur.

It-tfal u l-minorenni huma partikolarment esposti għal prattiki kummerċjali qarrieqa jew aggressivi. Huwa importanti li jsir aktar investiment fl-edukazzjoni tul il-ħajja tal-konsumatur u s-sensibilizzazzjoni għan-nies f’kull stadju tal-ħajja mit-tmiem l-iskola ’l quddiem. Jenħtieġ li dan jinkludi wkoll il-promozzjoni tal-litteriżmu finanzjarju bħala ħila essenzjali biex il-konsumaturi jingħataw is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet tajbin dwar il-finanzi personali tagħhom 91 . Koordinazzjoni aħjar tal-azzjonijiet fost l-atturi ewlenin fil-livell nazzjonali u tal-UE li jkopru kwistjonijiet bħall-aċċess għall-materjal edukattiv online u l-bini tal-kapaċità tista’ tgħin biex jinkisbu sinerġiji, innovazzjoni kostanti, adozzjoni u użu ta’ approċċi ġodda online u pedagoġiċi, inkluż permezz tal-ħolqien ta’ pjattaformi online u għodda oħra.

It-tfal huma wkoll partikolarment esposti għal riskji relatati mal-prodotti 92 . Mill-prodotti kollha nnotifikati bħala perikolużi fis-sistema tas-Safety Gate/RAPEX fl-2019, 32 % minnhom kienu ġugarelli jew prodotti għall-kura tat-tfal. Minbarra li tirrevedi d-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti u ssaħħaħ il-qafas ġenerali, il-Kummissjoni se tiżviluppa rekwiżiti aġġornati tas-sikurezza għall-istandards tal-prodotti għat-tfal. Il-Kummissjoni tippjana wkoll li tappoġġa t-teħid ta’ kampjuni u l-ittestjar tal-prodotti tat-tfal 93 permezz ta’ attivitajiet koordinati ta’ sorveljanza tas-suq mill-Istati Membri 94 . Barra minn hekk, se tinkludi l-protezzjoni tas-sikurezza tat-tfal u ta’ gruppi vulnerabbli oħra fl-edizzjoni tal-2021 tal-Premju tal-UE għas-Sikurezza tal-Prodotti biex tippromwovi l-aħjar prattiki kummerċjali f’dan il-qasam.

Id-Direttiva 2004/113/KE 95 tiżgura t-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi u l-provvista tagħhom. Din tiżgura protezzjoni kontra, pereżempju, ir-rifjut ta’ aċċess għal servizzi ta’ kreditu għal nisa tqal abbażi ta’ telf potenzjali mistenni ta’ dħul u l-esklużjoni ta’ ommijiet waħedhom minn ċerti servizzi finanzjarji abbażi tal-perċezzjoni ta’ riskju ogħla ta’ inadempjenza. Barra minn hekk, id-Direttiva 2000/43/KE 96 tistabbilixxi qafas għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet tal-oriġini tar-razza jew l-etniċità, bl-għan li jseħħ fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ trattament ugwali. 

Ir-riskju ta’ diskriminazzjoni huwa xi drabi aggravat minn algoritmi użati minn ċerti fornituri ta’ oġġetti u servizzi, u li jistgħu jiġu formulati b’ċerti preġudizzji li spiss jirriżultaw minn aspettattivi kulturali jew soċjali preeżistenti. Filwaqt li dan jista’ jwassal għal diskriminazzjoni fost il-konsumaturi b’mod ġenerali, dan spiss jaffettwa ċerti gruppi aktar minn oħrajn u b’mod partikolari persuni minn sfond etniku jew razzjali minoritarju 97 . Il-proposta li jmiss għal qafas leġiżlattiv orizzontali dwar l-Intelliġenza Artifiċjali għandha l-għan li tindirizza b’mod speċifiku kif ir-riskji ta’ preġudizzju u ta’ diskriminazzjoni jistgħu jiġu limitati milli jkomplu jinbnew f’sistemi algoritmiċi.

Fl-aħħar nett, l-evidenza mill-ekonomija ta’ mġiba 98 turi li l-imġiba tal-konsumaturi spiss tiġi affettwata minn preġudizzji konjittivi, speċjalment online, li jistgħu jiġu sfruttati min-negozjanti għal skopijiet kummerċjali. Tali forom ġodda ta’ riskji jistgħu jaffettwaw virtwalment lill-konsumaturi kollha. L-obbligi ta’ trasparenza huma ċertament importanti fit-trattament tal-asimetriji fl-informazzjoni (kif imsemmi wkoll hawn fuq fil-kuntest tat-trasformazzjoni diġitali), iżda hija meħtieġa valutazzjoni ulterjuri biex tiġi determinata l-ħtieġa għal miżuri addizzjonali għall-indirizzar ta’ din il-forma dinamika ta’ vulnerabbiltà.

·Azzjoni 15: Mill-2021, il-Kummissjoni tippjana li żżid il-finanzjament għal azzjonijiet li jtejbu d-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizzi ta’ pariri dwar id-dejn fl-Istati Membri.

·Azzjoni 16: Mill-2021, il-Kummissjoni għandha l-għan li tappoġġa inizjattivi li jipprovdu pariri lokali lill-konsumaturi, li għal raġunijiet strutturali jew personali ma jkollhomx aċċess għall-appoġġ u l-informazzjoni pprovduta online jew fl-uffiċċji ċentrali tal-informazzjoni.

·Azzjoni 17: Fl-2021, il-Kummissjoni tipprevedi li tħejji Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rekwiżiti tas-sikurezza li għandhom jiġu ssodisfati mill-istandards dwar il-prodotti tal-kura tat-tfal flimkien mat-tisħiħ tal-qafas dwar is-sikurezza tal-prodotti permezz ta’ proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti.

·Azzjoni 18: Sal-2023, il-Kummissjoni se tiżviluppa approċċ strateġiku biex ittejjeb is-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni tal-konsumatur, filwaqt li tindirizza wkoll il-ħtiġijiet ta’ gruppi differenti, abbażi ta’, fost oħrajn, approċċi ta’ ugwaljanza u nondiskriminazzjoni.

3.5. Protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest globali

Eżempju: Biż-żieda tal-kummerċ elettroniku, il-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali, b’mod partikolari ċ-Ċina, isir dejjem aktar importanti. Il-proporzjon ta’ xiri minn bejjiegħa barra l-UE żdied minn 17 % fl-2014 għal 27 % fl-2019 99 . L-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti maċ-Ċina permezz ta’ pjan ta’ azzjoni b’enfasi partikolari fuq prodotti mibjugħa online tista’ tgħin biex jitnaqqas l-għadd ta’ prodotti mhux sikuri li jinbiegħu direttament lill-konsumaturi tal-UE.

Il-produzzjoni u l-ktajjen tal-valur qed isiru dejjem aktar globali u interkonnessi. Id-distribuzzjoni u l-ktajjen tal-bejgħ bl-imnut huma xprunati mit-tkabbir rapidu tal-kummerċ online u l-ekonomija tal-pjattaformi. B’riżultat ta’ dan, kooperazzjoni internazzjonali b’saħħitha bejn l-awtoritajiet u l-atturi kollha fil-katina tal-provvista hija importanti biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-konsumaturi. Fl-istess ħin, huwa importanti għall-UE li tipproġetta fil-livell internazzjonali l-livell għoli tagħha ta’ protezzjoni tal-konsumatur bħala mudell u valur Ewropew.

L-iżgurar tas-sikurezza tal-importazzjonijiet u l-protezzjoni tal-konsumaturi tal-UE minn prattiki kummerċjali żleali użati minn operaturi mhux tal-UE jeħtieġu azzjoni msaħħa f’pajjiżhom permezz ta’ għodod ta’ sorveljanza tas-suq aktar b’saħħithom u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-awtoritajiet fil-pajjiżi produtturi. Għadd kbir ta’ prodotti perikolużi li jinsabu fl-UE jiġu minn pajjiżi terzi. Fl-2019, pereżempju, 64 % tat-twissijiet fis-Safety Gate/RAPEX kienu jikkonċernaw prodotti magħmula barra miż-ŻEE, ħafna drabi fiċ-Ċina. Mill-2006, il-Kummissjoni impenjat ruħha fil-kooperazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti permezz tas-sistema RAPEX-China u dan għen biex jitnaqqas l-għadd ta’ prodotti mhux sikuri anki jekk iċ-ċifra tibqa’ għolja b’mod ġenerali.

Il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ data dwar prodotti perikolużi ma’ pajjiżi bi swieq simili jistgħu jkunu mod ieħor biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-konsumaturi tal-UE. Waqt li jagħmlu dan, l-Istati Membri jistgħu jimmiraw aħjar l-attivitajiet tagħhom u jindirizzaw riskji ġodda u emerġenti. Biex tgħin f’dan l-isforz, il-Kummissjoni stabbiliet arranġamenti għal skambju regolari ta’ informazzjoni dwar prodotti perikolużi mal-Kanada. Hija tibbaża wkoll fuq il-potenzjal importanti tal-politika tal-kummerċ u qed tiddiskuti l-inklużjoni ta’ skambju simili dwar is-sikurezza u l-konformità ta’ prodotti mhux tal-ikel u s-sorveljanza tas-suq relatata fi ftehimiet kummerċjali li bħalissa qed jitħejjew (eż. mal-Awstralja, New Zealand u ċ-Ċilì).

Huwa daqstant importanti li nfittxu kooperazzjoni mill-qrib ma’ pajjiżi fil-Viċinat Ewropew u l-Balkani tal-Punent. Dawn tal-aħħar huma partikolarment importanti minħabba l-prossimità ġeografika tagħhom u l-proċess ta’ allinjament mal-acquis tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur u s-sikurezza.

L-istandards għoljin tal-protezzjoni tal-konsumatur tal-UE jistgħu jservu bħala eżempju għal pajjiżi oħra bi strutturi anqas avvanzati għall-protezzjoni tal-konsumatur u jenħtieġ li jkunu promossi f’aġenda internazzjonali. Pereżempju, uħud mill-pajjiżi mhux tal-UE esprimew interess qawwi li jadottaw sistema simili għas-Safety Gate/RAPEX tal-UE. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tipprovdi appoġġ regolatorju u hija involuta f’attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità.

Il-kooperazzjoni multilaterali dwar kwistjonijiet tal-konsumatur hija kruċjali għall-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni u sikurezza f’livell internazzjonali u għall-protezzjoni tal-konsumaturi b’mod globali. F’kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tkompli tuża l-influwenza tagħha f’organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), il-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) jew l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

·Azzjoni 19: Fl-2021, il-Kummissjoni għandha l-għan li tiżviluppa pjan ta’ azzjoni maċ-Ċina għall-kooperazzjoni msaħħa dwar is-sikurezza tal-prodotti għall-prodotti mibjugħa online.

·Azzjoni 20: Mill-2021, il-Kummissjoni se tfittex li tiżviluppa appoġġ regolatorju, assistenza teknika u bini tal-kapaċitajiet għall-pajjiżi sħab tal-UE, inkluż l-Afrika 100 .

4.Governanza

L-Aġenda tistabbilixxi l-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni biex trawwem il-prijoritajiet tal-politika tal-konsumatur li jistgħu jiġu segwiti mill-UE u l-Istati Membri tagħha fil-ħames snin li ġejjin u lil hinn minnhom. Is-suċċess tagħhom jiddependi fuq sħubija wiesgħa li tinvolvi l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Din il-viżjoni ġdida ta’ kooperazzjoni bejn il-prijoritajiet tal-politika tal-UE u dik nazzjonali timplika qafas ġdid għal kooperazzjoni msaħħa li kapaċi jwassal għal azzjonijiet konkreti. Jenħtieġ li dan jibni fuq il-prijoritajiet annwali, diskussi f’Summit annwali dwar il-Konsumatur li jlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati kollha 101 madwar il-Jum Dinji tal-Konsumatur 102 . Jenħtieġ li dan is-Summit jirrieżamina l-progress miksub fis-sena preċedenti u jistabbilixxi l-prijoritajiet għas-sena li ġejja.

Il-Kummissjoni tfittex diskussjonijiet regolari mal-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni. Se taħdem ukoll mill-qrib mal-Istati Membri fil-kuntest ta’ networks 103 , gruppi ta’ ħidma u task force ad hoc eżistenti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali biex tiżgura koordinazzjoni mill-qrib tal-azzjonijiet u l-aħjar użu tal-fondi disponibbli rilevanti fil-livelli tal-UE u nazzjonali. L-iskambju tar-riżultati minn proġetti tar-riċerka u xjentifiċi kif ukoll skambju ta’ data bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jikkontribwixxu għal bażi ta’ evidenza solida ta’ data rilevanti.

Jenħtieġ li din il-ħidma tkun akkumpanjata minn kooperazzjoni mill-qrib u effettiva mal-partijiet ikkonċernati ewlenin inklużi l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, l-industrija u l-akkademiċi. L-organizzazzjonijiet tal-konsumatur b’saħħithom fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali huma sħab essenzjali biex ifasslu l-ħidma taħt din l-Aġenda u biex jilħqu lill-konsumaturi u jappoġġawhom. Il-Kummissjoni se twaqqaf Grupp Konsultattiv ġdid dwar il-Politika tal-Konsumatur biex jirrieżamina l-progress u jirrifletti dwar il-prijoritajiet fis-sena li ġejja bħala kontribut għad-diskussjonijiet tas-Summit dwar il-Konsumatur. Jenħtieġ li dan ilaqqa’ l-partijiet ikkonċernati kollha flimkien iżda jenħtieġ ukoll li jippermetti diskussjonijiet immirati, eż. bejn l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-awtoritajiet pubbliċi. Jenħtieġ li jkunu segwiti diversi forom ta’ kooperazzjoni man-negozji, inkluż permezz ta’ attivitajiet ta’ taħriġ, skambju ta’ prattiki tajba, u laqgħat ma’ kumpaniji involuti f’wegħdiet volontarji.

Bl-istess mod, jenħtieġ li t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur attwali dwar is-sitwazzjoni tal-konsumaturi fl-UE tiġi żviluppata aktar biex tirrifletti aħjar ir-realtà tal-protezzjoni tal-konsumatur, is-sikurezza tal-prodotti u l-konsum sostenibbli fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, abbażi ta’ sett rivedut ta’ indikaturi. Jenħtieġ li din tibni fuq sistema msaħħa ta’ ġbir ta’ data li tkopri s-sitwazzjoni madwar is-swieq u l-pajjiżi, il-fehmiet u l-imġiba tal-konsumaturi kif ukoll il-kapaċitajiet u l-azzjonijiet ta’ infurzar tal-Istati Membri. Abbażi tad-data miġbura permezz tat-tabella ta’ valutazzjoni u l-kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati, miżuri u azzjonijiet nazzjonali jistgħu jitfasslu, jiġu allinjati u prijoritizzati għall-impatt massimu għall-benefiċċju tal-konsumaturi fl-UE.

·Azzjoni 21: Il-Kummissjoni tippjana li twaqqaf Grupp Konsultattiv dwar il-Politika tal-Konsumatur, li jlaqqa’ flimkien rappreżentanti mill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, is-soċjetà ċivili u l-industrija b’appoġġ għall-aġenda tal-konsumatur 104 .

·Azzjoni 22: Il-Kummissjoni tippjana li ġġedded it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur fl-2021 biex ittejjeb il-funzjoni tagħha ta’ monitoraġġ u ta’ valutazzjoni komparattiva kif ukoll ir-rilevanza tagħha għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-infurzar fl-UE.

5.Konklużjoni

L-UE għandha qafas sod għall-protezzjoni tal-konsumatur żviluppat tul iż-żmien u reċentement imsaħħaħ permezz ta’ diversi inizjattivi leġiżlattivi li minnhom il-konsumaturi fl-UE se jibbenefikaw fis-snin li ġejjin. Din l-Aġenda tal-Konsumatur ġdida tiddeskrivi kif dawn il-kisbiet jistgħu jiġu kkonsolidati permezz ta’ firxa ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-isfidi, li ħafna minnhom ġew enfasizzati aktar fil-kuntest tal-pandemija attwali u biex isaħħu l-qafas ġenerali tal-impenn bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati. Din se tikkontribwixxi bħala xprun ewlieni għall-irkupru sostenibbli u r-reżiljenza tal-ekonomija u l-konsumaturi tal-UE.

Il-Kummissjoni tistenna bil-ħerqa d-djalogu wiesa’ mal-partijiet interessati kollha dwar il-prijoritajiet u l-azzjonijiet kif ukoll dwar il-metodi ta’ kooperazzjoni għall-promozzjoni tal-protezzjoni tal-konsumatur fis-snin li ġejjin kif stabbilit f’din l-Aġenda.

(1)

  https://ec.europa.eu/info/law/law-topic/consumers/review-eu-consumer-law-new-deal-consumers_mt .

(2)

 Eurostat: https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Household_consumption_by_purpose .

(3)

L-Istrateġija tal-UE għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali, COM(2020)103final.

(4)

L-Artikolu 12 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(5)

  https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/european-green-deal_mt .

(6)

 COM(2020)98final.

(7)

  https://ec.europa.eu/info/publications/communication-shaping-europes-digital-future_mt .

(8)

L-Aġenda telenka l-azzjonijiet b’mod selettiv u mhux eżawrjenti sabiex jiġu enfasizzati l-flussi ta’ ħidma ewlenin u jiġi evitat trikkib ma’ strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni oħra li diġà ntlaħaq qbil dwarhom.

(9)

Ara https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12464-A-New-Consumer-Agenda .

(10)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bank Ewropew tal-Investiment dwar Strateġija tal-UE għall-vaċċini kontra l-COVID-19. COM(2020)245final.

(11)

https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/health/coronavirus-response/public-health_mt.

(12)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżura addizzjonali ta’ rispons għall-COVID-19 tat-28.10.2020, COM(2020)687final u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ottubru 2020 dwar l-istrateġiji tal-ittestjar għall-COVID-19, inkluż l-użu tat-testijiet tal-antiġeni rapidi, C (2020) 7502 final.

(13)

Stħarriġ tal-IPSOS għall-Kummissjoni wera li minbarra żieda notevoli fix-xiri online fl-ewwel nofs tal-2020, ħafna konsumaturi jistennew li jagħmlu anqas żjarat f’avvenimenti sportivi jew kulturali fis-sena li ġejja (40-60 %) u anqas vjaġġi bit-trasport pubbliku (24–43 %).

(14)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/648 tat-13 ta’ Mejju 2020 dwar vouchers offruti lill-passiġġieri u lill-vjaġġaturi bħala alternattiva għar-rimborż ta’ pakketti tal-ivvjaġġar u servizzi tat-trasport ikkanċellati fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 151, 14.5.2020).

(15)

Ir-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri (KE) 261/2004, (KE) 1371/2007, (UE) 1177/2010 u (UE) 181/2011, u d-Direttiva (UE) 2015/2302 dwar pakkett tal-ivvjaġġar.

(16)

  https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/consumers/enforcement-consumer-protection/scams-related-covid-19_mt .

(17)

 B’riżultat ta’ dan, il-pjattaformi rrappurtaw tnaqqis qawwi, mill-anqas 80 %, fil-kummerċjalizzazzjoni qarrieqa tal-maskri tal-wiċċ jew tagħmir protettiv ieħor fis-sajf meta mqabbel mal-medja ta’ Marzu.

(18)

F’dan il-kuntest, ara l-linji gwida pubblikati reċentement mill-Kummissjoni https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/waste_management_guidance_dg-env.pdf .

(19)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-Rapport tal-Prospettiva Strateġika tal-2020, COM(2020)493final, tagħti rwol ewlieni lill-prospettiva fl-iżvilupp tat-tfassil tal-politika tal-UE li jibqa’ validu għall-futur u biex l-inizjattivi fuq terminu qasir jissejsu f’perspettiva aktar fit-tul. Il-prospettiva tista’ tgħin fil-bini ta’ intelligence kollettiva, tfassal it-triq ’il quddiem għaż-żewġ tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u biex tirkupra mill-interruzzjonijiet. Fost attivitajiet ta’ prospettiva oħra, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni jimmonitorja 14-il megatendenza bħala parti  mill-Hub tal-Megatendenzi  tiegħu, uħud minnhom huma rilevanti ħafna għall-politiki tal-konsumatur.

(20)

Filwaqt li jitqiesu l-azzjonijiet rilevanti proposti fil-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Nindirizzaw id-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 - X’inhuma l-fatti, JOIN(2020) 8 final - ara t-Taqsima 8.

(21)

 li jfisser li prodott ma jistax jintuża għall-iskop mistenni u jinkiser aktar kmieni milli mistenni.

(22)

A behavioral study on consumer’s engagement in the circular economy ( https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/consumers/sustainable-consumption_en#behaviouralstudyonconsumersengagementinthecirculareconomy ).

(23)

Ewrobarometru Speċjali 501 (Marzu 2020) Attitudes of European citizens towards the environment https://ec.europa.eu/commfrontoffice/publicopinion/index.cfm/survey/getSurveydetail/instruments/special/surveyky/2257.

(24)

Rapport reċenti tal-JRC dwar l-indikazzjonijiet ibbażati fuq il-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja jidentifika l-konsum tal-ikel, l-akkomodazzjoni u l-mobilità bħala kontributuri rilevanti għall-impatti ambjentali ġenerali tal-konsumaturi tal-UE. Sala S. et al. (2019) Indicators and Assessment of the environmental impact of EU consumption. Consumption and Consumer Footprint for assessing and monitoring EU policies with Life Cycle Assessment, doi:10.2760/403263, JRC114814.

(25)

COM(2020)381final.

(26)

COM(2020)380final.

(27)

Eż. proposta għal qafas leġiżlattiv għal sistemi tal-ikel sostenibbli, proposta għal qafas ta’ tikkettar tal-ikel sostenibbli sabiex il-konsumaturi jingħataw is-setgħa li jagħmlu għażliet sostenibbli dwar l-ikel.

(28)

It-tibdil fl-għażliet tal-konsumaturi għal dieti tajbin għas-saħħa jista’ jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, kif rikonoxxut fil-Komunikazzjoni dwar it-Tisħiħ tal-Ambizzjoni Klimatika tal-Ewropa għall-2030 (COM/2020/562). Sabiex jitjieb l-aċċess tal-konsumaturi għall-informazzjoni u sabiex l-għażla sostenibbli u tajba għas-saħħa ssir l-għażla l-faċli, l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt tistabbilixxi qafas għal azzjoni. Dawn l-azzjonijiet ivarjaw mit-tikkettar obbligatorju dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, it-tikkettar tat-trattament xieraq tal-annimali, l-istabbiliment ta’ profili nutrizzjonali għar-restrizzjoni tal-promozzjoni ta’ ikel b’livell għoli ta’ melħ, zokkor jew xaħam jew l-esplorazzjoni tal-estensjoni tal-indikazzjoni obbligatorja tal-oriġini għal ċertu ikel.

(29)

 https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12588-EU-Action-Plan-Towards-a-Zero-Pollution-Ambition-for-air-water-and-soil.

(30)

Fost oħrajn, jistgħu jiġu meqjusa kampanji ta’ sensibilizzazzjoni biex iħeġġu lill-konsumaturi jagħmlu użu aħjar minn ilma tal-vit nadif u sikur minflok ilma fi fliexken tal-plastik, biex jarmu b’mod sikur il-farmaċewtiċi mhux użati, biex ikollhom rwol fil-prevenzjoni li l-mikroplastik jispiċċa fl-ilma ħelu u tal-baħar, biex jagħżlu modi ta’ trasport aktar nodfa kif ukoll sistemi tat-tisħin u tat-tkessiħ aktar nodfa sabiex jikkontribwixxu għal arja nadifa, kemm ġewwa kif ukoll barra u biex ikunu jistgħu jidentifikaw prodotti li jikkontribwixxu għas-salvagwardja tan-natura permezz tal-użu sostenibbli tas-siti Natura 2000.

(31)

COM(2020)667final.

(32)

COM(2018)097final.

(33)

COM(2020) 662final.

(34)

b’mod partikolari, l-inizjattivi ta’ politika għall-prodotti sostenibbli jew dwar l-issostanzjar ta’ asserzjonijiet ambjentali.

(35)

L-aċċessibilità għandha tinftiehem bħala t-tneħħija u l-prevenzjoni ta’ ostakli li jfixklu l-parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor. Tikkontribwixxi wkoll għad-durabbiltà u l-użu mill-ġdid u hija indikata fil-pjan ta’ azzjoni għal Ekonomija ċirkolari f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi, ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70.

(36)

  https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12567-Sustainable-Products-Initiative .

(37)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A02009L0125-20121204.

(38)

Azzjoni ewlenija mħabbra  fl-Istrateġija Diġitali , Insawru l-Futur Diġitali tal-Ewropa, COM(2020) 67 final, u fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, COM(2020)98final.

(39)

  https://ec.europa.eu/growth/sectors/electrical-engineering/red-directive/common-charger_mt .

(40)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tesplora wkoll għażliet għal skemi ta’ teħid lura u ritorn fl-UE kollha ta’ prodotti elettroniċi żgħar biex ittejjeb il-ġbir u t-trattament tal-iskart elettroniku u biex tipprovdi lill-konsumaturi b’aktar informazzjoni u għażliet biex jirritornaw il-prodotti elettroniċi użati u l-iskart tagħhom maħżuna fid-dar.

(41)

  https://ec.europa.eu/info/files/factual-summary-report-public-consultation-new-consumer-agenda_mt .

(42)

Id-Direttiva 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28).

(43)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=LEGISSUM%3Aco0012.

(44)

COM(2018)097final.

(45)

B’mod partikolari, ir-Regolament dwar id-divulgazzjoni relatata mas-sostenibbiltà (https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32019R2088), it-Tassonomija tal-UE ( https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex:32020R0852 ) u r-reviżjoni li għaddejja tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju.

(46)

Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

(47)

Imħabbar ukoll fl-Istrateġija tad-Data tal-UE COM(2020)66final.

(48)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52020PC0409

(49)

Is-Sejħa tal-Patt Ekoloġiku Ewropew imnedija f’Settembru 2020, tistieden soluzzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi pereżempju permezz ta’ apps għall-mobiles li jkejlu l-marka tal-karbonju abbażi tad-data dwar id-drawwiet tal-konsum tagħhom u b’hekk jipprovdu suġġerimenti personalizzati għat-tnaqqis tal-marka tal-karbonju.

(50)

Pereżempju, l-għodda tal-Footprint tal-Konsumatur żviluppata mill-Kummissjoni.

(51)

Ara l-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2021, COM(2020)690final.

(52)

Pereżempju,  ir-Rakkomandazzjoni 2013/179/UE dwar l-użu ta’ metodi komuni għall-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti u ta’ organizzazzjonijiet, is-suġġerimenti għall-aġġornament tal-metodi tal-EF (https://eplca.jrc.ec.europa.eu/permalink/PEF_method.pdf), ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 dwar l-EMAS jew ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 dwar l-Ekotikketta tal-UE.

(53)

Ir-Renju Unit, id-Danimarka, in-Netherlands, l-Iżvezja u l-Ġermanja.

(54)

Eurostat - Digital economy and society statistics - households and individuals - Ordering or buying goods and services.

(55)

Id-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (ĠU L 328, 18.12.2019, p. 7).

(56)

Id-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ servizzi diġitali (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 1).

(57)

Disinji tal-interfaċċa għall-utent bl-għan li jimmanipulaw lill-konsumaturi.

(58)

L-algoritmi u t-tagħlim awtomatiku relatat, jekk mhux trasparenti u robusti biżżejjed, jistgħu pereżempju jirriskjaw li jirrepetu, jamplifikaw jew jikkontribwixxu għal preġudizzji li l-programmaturi jistgħu ma jkunux konxji tagħhom, jew li jkunu r-riżultat ta’ għażla ta’ data speċifika.

(59)

Il-White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali - Approċċ Ewropew għall-eċċellenza u għall-fiduċja. COM(2020)65final.

(60)

Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali - Rapport dwar l-implikazzjonijiet tas-sigurtà u tar-responsabbiltà tal-Intelliġenza Artifiċjali, tal-Internet tal-Oġġetti u tar-robotika. COM(2020)64final.

(61)

Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu għal Proposta għal att legali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi rekwiżiti għall-Intelliġenza Artifiċjali.

(62)

Id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24).

(63)

Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).

(64)

  Id-Direttiva 2001/95/KE  tal-Parlament u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4).

(65)

Id-Direttiva tapplika fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet aktar speċifiċi bl-istess objettiv fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

(66)

 Attwalment, il-Kummissjoni qed tevalwa r-   dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (ir-Regolament eIDAS).

(67)

Ir-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 60 I, 2.3.2018, p. 1). Il-Kummissjoni dalwaqt se tadotta r-Rapport li jippreżenta l-konklużjonijiet tagħha, inkluża l-ħtieġa li tiġi mmonitorjata bir-reqqa l-implimentazzjoni tar-Regolament mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi u n-negozji jibbenefikaw bis-sħiħ mill-potenzjal kollu tas-Suq Uniku Diġitali.

(68)

Il-Komunikazzjoni “Strateġija Ewropea għad-Data” (COM(2020)66final).

(69)

F’Settembru 2020, biex jiġi żgurat li l-konsumaturi u n-negozji jgawdu mill-benefiċċji tal-innovazzjoni filwaqt li jkunu protetti, il-Kummissjoni adottat pakkett ġdid dwar il-finanzi diġitali https://ec.europa.eu/info/publications/200924-digital-finance-proposals_mt .

(70)

Strateġija dwar il-pagamenti bl-imnut għall-UE, COM(2020)592final.

(71)

COM(2020)592final.

(72)

Id-Direttiva 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU).

(73)

COM(2020)624, il-Komunikazzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027, Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali.

(74)

  https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/consumers/enforcement-consumer-protection/sweeps_mt .

(75)

Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004, ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1–26.

(76)

Ara wkoll il-Komunikazzjoni Konġunta tal-10 ta’ Ġunju 2020, “Nindirizzaw id-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 - X’inhuma l-fatti”, JOIN(2020) 8 final.

(77)

Id-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, ĠU L 328, 18.12.2019, p. 7–28.

(78)

Test tal-ftehim proviżorju mill-koleġiżlaturi skont il-qbil politiku dwar il-proposta fit-22 ta’ Ġunju 2020.

(79)

 TSI – Programmi ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali preċedenti; COM (2020) 409 final.

(80)

  https://ec.europa.eu/isa2/eif_mt .

(81)

F’Mejju u f’Ġunju 2020, il-Kummissjoni organizzat laqgħat ta’ djalogu mal-partijiet ikkonċernati biex tiddiskuti miżuri ta’ ħelsien offruti mill-banek u mis-selliefa mhux bankarji, wara dan  ġie ppubblikat dokument  dwar l-aħjar prattiki f’Lulju 2020.

(82)

  Ir-rapport BIT dwar il-ħsara u l-manipulazzjoni online  jiddeskrivi diversi għażliet interessanti, inklużi proposti dwar l-użu tad-data biex jiġu identifikati konsumaturi vulnerabbli (p.52) u miżuri oħra (eż. l-awtoesklużjoni).

(83)

https://www.europarl.europa.eu/news/en/press-room/20200525IPR79717/eu-citizens-want-more-competences-for-the-eu-to-deal-with-crises-like-covid-19 .

(84)

Il-Kodiċi għandu l-għan li jservi bħala tikketta ta’ kwalità b’sett unifikat tal-aħjar prattiki għall-istituzzjonijiet mikrofinanzjarji Ewropej li jipprovdu self għan-negozji sa EUR 25 000 lill-mikroimprendituri jew persuni li jaħdmu għal rashom. Ara: https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1482&langId=mt .

(85)

Ara l-Azzjoni 10 imsemmija hawn fuq.

(86)

Ara d-Direttiva (UE) 2019/1023 dwar ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn.

(87)

 Baptista, I. and Marlier, E. (2020), Access to essential services for people on low incomes in Europe. An analysis of policies in 35 countries, European Social Policy Network (ESPN), Brussels: European Commission.

(88)

 C(2020)9600 final, 14.10.2020 Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-faqar enerġetiku, 14 ta’ Ottubru 2020.

(89)

Id-Direttiva (UE) 2019/882 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32019L0882  (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

(90)

Ara pereż. “Empowering consumers in the neighbourhood”, proġett konġunt mill-Federazzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Konsumaturi Ġermaniżi (vzbv) u ċ-ċentri tal-konsumatur.    
https://www.vzbv.de/pressemitteilung/verbraucher-staerken-im-quartier .

(91)

Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji - pjan ta’ azzjoni ġdid, COM(2020)590final, Azzjoni 7: Nagħtu s-setgħa liċ-ċittadini permezz tal-litteriżmu finanzjarju.

(92)

Id-data dwar il-korriment turi li t-tfal u l-anzjani huma l-aktar gruppi vulnerabbli ta’ konsumaturi f’dak li għandu x’jaqsam mas-sikurezza tal-prodotti. Flimkien dawn jammontaw għal 54 % tal-korrimenti kollha relatati mal-prodotti, iżda 35 % biss tal-popolazzjoni tal-UE.

(93)

L-iċċekkjar tas-sikurezza ta’ prodotti mibjugħa online u offline eż. bennieni f’pożizzjoni mmejla, bandli tat-trabi u walkers tat-trabi.

(94)

Attivitajiet koordinati dwar is-Sikurezza tal-Prodotti (l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2001/95/KE dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti).

(95)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi, ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.

(96)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22). 

(97)

https://fra.europa.eu/sites/default/files/fra_uploads/fra-2018-focus-big-data_en.pdf

(98)

  http://ec.europa.eu/consumers/consumer_evidence/market_studies/vulnerability/index_en.htm .

(99)

 Eurostat https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/E commerce_statistics_for_individuals#E-shopping_from_other_EU_countries .

(100)

Ara l-istrateġija komprensiva l-ġdida tal-UE mal-Afrika — Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Brussell, JOIN(2020)4final tad-9 ta’ Marzu 2020.

(101)

Is-Summit dwar il-Konsumatur ilaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati mill-Istati Membri tal-UE, inklużi dawk li jfasslu l-politika, l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar, id-dinja akkademika, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u tan-negozju kif ukoll ir-rappreżentanti taż-żgħażagħ.

(102)

Li jiġi ċċelebrat kull sena fil-15 ta’ Marzu.

(103)

Pereżempju n-Network tal-Politika tal-Konsumatur, li jlaqqa’ flimkien l-uffiċjali għolja tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni.

(104)

Bħala grupp ta’ esperti informali f’konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-30.05.2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni, C(2016) 3301 final.