Brussell, 28.10.2020

COM(2020) 685 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

naġġornaw il-Korsiji Ħodor tat-trasport biex l-ekonomija tibqa’ għaddejja matul iż-żieda mill-ġdid fl-għadd ta’ każijiet tal-pandemija tal-COVID-19


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

naġġornaw il-Korsiji Ħodor tat-trasport biex l-ekonomija tibqa’ għaddejja matul iż-żieda mill-ġdid fl-għadd ta’ każijiet tal-pandemija tal-COVID-19

I.Introduzzjoni

1.Fit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 fil-bidu tar-rebbiegħa tal-2020, bil-għan li jħarsu s-saħħa pubblika, l-Istati Membri spiss għalqu l-fruntieri tagħhom b’mod frammentat u mhux koordinat, inkluż għaċ-ċirkolazzjoni tal-prodotti. Inizjalment dan ikkawża tfixkil fis-Suq uniku b’ħinijiet twal ta’ stennija biex il-vetturi tal-merkanzija fil-fruntieri u t-titjiriet tal-merkanzija jieqfu, li wassal għal nuqqasijiet u inċertezza fil-provvista tal-prodotti. Dan irriżulta f’xiri ta’ paniku u skarsezzi anke saħansitra ta’ prodotti mediċi essenzjali.

2.Għalhekk, fit-23 ta’ Marzu, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni dwar il-Korsiji Ħodor 1 bħala segwitu għal-Linji gwida għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-prodotti u tas-servizzi essenzjali 2 . Il-kunċett ċentrali tal-Korsiji Ħodor huwa li jiġi ggarantit il-funzjonament kontinwu tal-ktajjen tal-provvista fis-Suq uniku u jiġu evitati nuqqasijiet possibbli. Hija tistipula li l-vetturi tal-merkanzija ma għandhomx jiffaċċjaw dewmien totali ta’ aktar minn 15-il minuta biex jaqsmu l-fruntieri interni tan-network Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) irrispettivament mill-prodotti li jġorru u tistabbilixxi dispożizzjonijiet ta’ akkumpanjament għall-ħaddiema tat-trasport.

3.L-għeluq tal-fruntieri u l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ miżuri jew ta’ kontrolli oħra fuq il-ħaddiema tat-trasport, b’mod partikolari fil-fruntiera jew warajha, jistgħu jikkawżaw taqlib soċjali u ekonomiku sinifikanti u jirriżultaw fi sfidi sostanzjali għall-merkanzija u għal-loġistika, kif ukoll għall-moviment tal-persuni, b’mod partikolari matul perjodu ta’ kriżi. Barra minn hekk, l-għeluq tal-fruntieri f’dan l-istadju għat-trasport tal-prodotti huwa ineffettiv fil-ġlieda kontra t-tixrid tal-virus. 3  

4.Il-mira tal-ħinijiet massimi ta’ stennija ċentrali tal-Korsiji Ħodor intlaħqet fil-biċċa l-kbira tal-fruntieri tat-triq.

Fid-19 ta’ Marzu 2020, il-ħinijiet tal-qsim tal-fruntieri tat-trakkijiet kienu għoljin ħafna bi kjuwijiet twal fil-fruntieri bejn il-Ġermanja u l-Polonja (bejn 20 u 50 km), bejn il-Ġermanja u Franza (aktar minn 20 km), bejn iċ-Ċekja u l-Ġermanja (13-il km) u s-Slovakkja (16-il km), is-Slovakkja u l-Ungerija (16-il km) u bejn l-Ungerija u r-Rumanija (16-il km). Fruntieri oħra kellhom ħinijiet ta’ stennija ta’ bejn siegħa u tliet sigħat: eż. bejn Franza u l-Italja, Franza u l-Ġermanja; bejn is-Slovenja u l-Kroazja; bejn l-Ungerija u r-Rumanija; bejn il-Ġermanja u l-Belġju; bejn is-Slovakkja u l-Ungerija. Kieku din is-sitwazzjoni ma ġietx indirizzata, setgħet wasslet għall-kollass tas-suq intern għall-prodotti u l-interruzzjoni tal-ktajjen tal-provvista. It-traffiku tal-passiġġieri fil-biċċa l-kbira waqaf fl-eqqel tal-kriżi pandemika. Minħabba l-azzjoni meħuda fil-livell tal-UE, implimentata f’kooperazzjoni sħiħa mal-Istati Membri tal-UE, il-merkanzija kompliet tiċċirkola.

Il-konformità mal-Komunikazzjoni dwar il-Korsiji Ħodor fissret titjib sinifikanti f’termini ta’ ħin ta’ stennija fil-fruntieri u għalhekk fl-attività tat-trasport tal-merkanzija.

5.Issa, hekk kif il-pandemija qed terġa' tirranka, huwa essenzjali li jiġi minimizzat it-tfixkil ta’ miżuri ġodda kontra l-pandemija għall-ekonomija u n-negozju. Kemm l-industrija kif ukoll is-settur tat-trasport intlaqtu ħażin mill-kriżi u ma jistgħux jaffordjaw daqqa oħra. Minħabba l-impatt serju tat-telf relatat mal-COVID u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, issa huwa essenzjali li l-ekonomija tinżamm għaddejja. It-trasport tal-merkanzija huwa sistemikament rilevanti għall-Unjoni biex l-ekonomija tagħha tibqa’ attiva kemm internament kif ukoll fuq livell internazzjonali. Dan se jkun possibbli biss jekk il-prodotti u s-servizzi jkunu jistgħu jiċċaqilqu liberament f’Suq uniku robust u li jiffunzjona u jekk tiġi żgurata konnettività essenzjali għall-ħaddiema tat-trasport kif ukoll għall-passiġġieri, sal-punt li dan ikun kompatibbli mal-kunsiderazzjonijiet tas-saħħa pubblika. In-negozji, il-fabbriki, il-faċilitajiet mediċi u l-kummerċ jeħtieġu garanzija li l-ktajjen tal-provvista se jiffunzjonaw u l-persunal se jkun jista’ jiċċaqlaq, inkluż bejn il-fruntieri.

6.L-objettivi tal-Komunikazzjoni ta’ Marzu 2020 jibqgħu kompletament validi. Madankollu, seba’ xhur minn meta ġew introdotti għall-ewwel darba, issa rridu nsaħħu xi wħud mill-prinċipji tal-Komunikazzjoni dwar il-Korsiji Ħodor abbażi tat-tagħlimiet meħuda u nadattawhom għal żieda mill-ġdid fl-għadd ta’ każijiet tal-pandemija. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi miżuri li se jkomplu jissalvagwardjaw il-fluss tal-prodotti u l-moviment liberu tal-ħaddiema tat-trasport bejn il-fruntieri minħabba l-ħtiġijiet tas-saħħa u ekonomiċi kkombinati li qed niffaċċjaw.

7.Sabiex l-inizjattiva tal-Korsiji Ħodor tal-UE tkompli tappoġġa l-ekonomija b’mod effettiv u tikkontribwixxi għall-irkupru, jeħtieġ li nindirizzaw l-ostakli li jifdal u nżommu Suq uniku li jiffunzjona tajjeb. Dan ifisser il-garanzija tal-fluwidità tal-merkanzija, l-appoġġ għall-ħaddiema essenzjali tat-trasport, it-titjib fil-loġistika multimodali, u l-provvista ta’ konnettività minima għall-passiġġieri f’kull ħin. Il-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u t-trasparenza wrew li huma indispensabbli u se jkomplu jkunu hekk biex is-Suq uniku jibqa’ tajjeb għal kriżijiet futuri.

II.Titjib fil-korsiji ħodor: Garanzija tal-fluwidità tal-merkanzija u tal-loġistika

8.Filwaqt li 90 % tal-178 punt ta’ qsim tan-network TEN-T huma konformi mal-Komunikazzjoni dwar il-Korsiji Ħodor, madwar 5 % tal-qsim tal-fruntieri jibqa’ jesperjenza ħinijiet ta’ stennija ferm itwal minn 15-il minuta, l-aktar fil-fruntieri mhux ta’ Schengen fl-UE. Sabiex jiġu appoġġati l-flussi tal-merkanzija u l-industrija tat-trasport, tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-ktajjen tal-provvista u jiġu evitati skarsezzi ġodda ta’ prodotti, issa wasal iż-żmien li jiġi żgurat li jiġu stabbiliti l-ġestjoni tat-traffiku, is-servizzi ta’ appoġġ u t-tagħmir meħtieġa biex jitnaqqas id-dewmien.

9.Hekk kif l-Istati Membri jieħdu miżuri ġodda u l-lockdowns parzjali jimmultiplikaw, diġà hemm rapporti u eżempji ta’ ħaddiema tat-trasport li huma soġġetti għal kwarantina, żoni ta’ mistrieħ magħluqa u sewwieqa li ma jistgħux iġeddu l-liċenzji. Għalhekk għandna nkomplu nimplimentaw il-Komunikazzjoni dwar il-Korsiji Ħodor biex inżommu t-trasport fluwidu u fejn meħtieġ intejbuhom aktar sabiex, bħala minimu, u irrispettivament mil-limitu ta’ miżuri sanitarji oħra fis-seħħ:

-Il-vetturi/bastimenti u l-persunal tat-trasport tal-merkanzija kollha għandhom jibqgħu jiġu ttrattati mingħajr diskriminazzjoni, irrispettivament mill-oriġini, mid-destinazzjoni, mill-pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-vettura/bastiment, jew in-nazzjonalità tas-sewwieq/tal-ekwipaġġ;

-Il-vetturi li jġorru kwalunkwe tip ta’ prodotti fuq bażi professjonali għandhom ikunu jistgħu jużaw il-punti ta' qsim tal-fruntieri tal-“Korsiji Ħodor”;

-Il-proċeduri addizzjonali tal-qsim tal-fruntieri relatati mal-COVID-19 għandhom jiġu evitati u ssimplifikati għal dak li huwa strettament meħtieġ. Is-sewwieqa tal-vetturi tal-merkanzija ma għandhom jintalbu juru l-ebda dokument għajr id-dokument ta’ identifikazzjoni u l-liċenzja tas-sewqan tagħhom;

-Is-sottomissjoni elettronika/il-wiri elettroniku tad-dokumenti għandha/għandu titqies/jitqies bħala suffiċjenti u mħeġġa/mħeġġeġ (aħna nosservaw li xi Stati Membri tabilħaqq użaw il-kriżi biex jiżviluppaw dan – ara hawn taħt);

-Il-kurituri tat-trasport għandhom jinżammu fl-Istati Membri, tal-anqas tul in-network TEN-T. Il-vetturi, kemm sewwieqa privati kif ukoll fit-trasport kollettiv, li jgħaddu minn pajjiż għandhom ikunu jistgħu jagħmlu dan, irrispettivament minn liema żona jiġu, mingħajr ittestjar, sakemm jibqgħu fil-kuritur(i) tat-trasport;

-Sal-punt u għall-perjodu neċessarju għall-indirizzar ta' backlog, Stati Membri jistgħu jipprovdu derogi fir-rigward ta' restrizzjonijiet fuq is-sewqan li huma fis-seħħ fil-preżent (projbizzjonijiet fi tmiem il-ġimgħa, ljieli, projbizzjonijiet ta' ħsejjes u projbizzjonijiet settorjali) biex jiġi żgurat trasport tal-merkanzija li jkun bla intoppi;

-Il-curfews ma għandhomx jiġu applikati għat-trasport tal-merkanzija jew għall-ħaddiema tat-trasport;

-Id-disponibbiltà ta’ servizzi anċillari, bħall-aċċess għall-istazzjonijiet ta’ riforniment tal-fjuwil, il-livell minimu ta’ servizzi sanitarji (eż. żoni ta’ mistrieħ b’tojlits u doċoċ), tal-catering (eż. ikel take-away, magni awtomatiċi tal-bejgħ tal-ikel) u s-servizzi ta’ akkomodazzjoni għandha tiġi żgurata, u l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jidentifikaw fejn jinsabu fl-app tal-Korsiji Ħodor – ara hawn taħt.

10.Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li r-raġunijiet għall-konġestjonijiet tat-traffiku f’għadd ta’ fruntieri mhumiex relatati mal-COVID biss, u li qabel il-pandemija attwali kienu jeżistu ħinijiet twal ta’ stennija f’dawn l-istess punti ta’ qsim tal-fruntieri – minħabba raġunijiet organizzattivi u infrastrutturali, bħal għadd insuffiċjenti ta’ gwardji tal-fruntiera fil-każ tal- fruntieri ta’ Schengen. Illum, huwa importanti li l-Istati Membri, abbażi tal-kunċett tal-Korsiji Ħodor, jottimizzaw il-qsim tal-fruntieri permezz ta’ sistemi intelliġenti ta’ monitoraġġ tal-fruntieri, jikkunsidraw mill-ġdid jekk humiex verament meħtieġa miżuri ta’ mblukkar u jiżviluppaw sistemi intelliġenti, bħall-pedaġġ tat-triq mingħajr il-ħtieġa li l-vetturi jitwaqqfu. L-Istati Membri huma mfakkra wkoll li l-ECDC ma jirrakkomandax l-użu mhux ġustifikat ta’ diżinfettanti fir-rigward tal-COVID 4 .

11.Il-COVID-19 ta inċentiv importanti biex jintużaw soluzzjonijiet diġitali. Dawn jistgħu jħaffu l-proċeduri u jassistu lis-sewwieqa, lin-negozji u lill-awtoritajiet biex ibassru aħjar it-traffiku u jżommu ruħhom ippreparati. Tali għodod, filwaqt li jibnu fuq dokumenti elettroniċi tal-merkanzija u tat-tagħbija, l-ITS/RIS u l-formalitajiet doganali għandhom ikunu disponibbli b’mod wiesa’, jiġu dejjem aċċettati u jiġu żviluppati b’mod faċli għall-utent, ikunu faċli biex jintużaw u awtomatizzati. Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi l-qafas leġiżlattiv meħtieġ u tappoġġa finanzjarjament it-trasport “mingħajr karti”.

12.L-applikazzjoni tal-Korsiji Ħodor Galileo mnedija f’April mill-Aġenzija GSA rċeviet feedback pożittiv kemm mill-partijiet ikkonċernati tal-industrija kif ukoll mill-Istati Membri. Hija żgurat il-monitoraġġ tal-konformità mal-massimu ta’ 15-il minuta għal kull qsim tal-fruntieri billi pprovdiet servizzi lis-sewwieqa tat-trakkijiet u appoġġ lill-awtoritajiet tal-fruntieri. L-Aġenzija GSA se terġa’ tniedi l-app malajr kemm jista’ jkun. L-Istati Membri huma mistiedna jibagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti, pereżempju dwar il-faċilitajiet ta’ mistrieħ u l-istazzjonijiet ta’ riforniment tal-fjuwil, għall-inklużjoni fl-applikazzjoni tal-Korsiji Ħodor. Għall-app se jitqiesu funzjonalitajiet addizzjonali, pereżempju l-Kummissjoni se tqis it-twessigħ tagħha biex tkopri aktar qsim tal-fruntieri fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Is-sewwieqa u l-ħaddiema transfruntiera huma mħeġġin ukoll li jagħmlu użu minn apps ta’ traċċar tal-kuntatti (contact tracing apps).

13.L-ispezzjonijiet mal-ġenb tat-triq tal-operazzjonijiet tat-trakkijiet huma essenzjali biex tiġi żgurata s-sikurezza fit-toroq. Fl-istess ħin, dawn ipoġġu s-saħħa u s-sikurezza tas-sewwieqa u tal-ispetturi f’riskju. Sabiex itaffu dawn ir-riskji matul l-ispezzjonijiet, l-Istati Membri huma mħeġġa jissostitwixxu, sa fejn ikun possibbli, l-ispezzjonijiet fiżiċi b’dawk mingħajr kuntatt u mingħajr karti billi jaċċettaw dokumenti elettroniċi u japplikaw soluzzjonijiet diġitali li jeliminaw il-ħtieġa li jiddaħħal it-trakk biex titniżżel id-data tat-takografu.

14.It-trasport tal-merkanzija naturalment ma jiqafx fil-fruntieri tal-UE.  Il-linji gwida dwar il-Korsiji Ħodor jikkontribwixxu biex tiġi żgurata l-mobbiltà bla xkiel tal-ħaddiema tal-prodotti 5 u tat-trasport (inkluż il-baħħara) fil-fruntieri esterni tal-UE.  Hemm ħtieġa qawwija għal kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi ġirien kollha, peress li huma sħab ewlenin tal-UE, fl-implimentazzjoni u fil-koordinazzjoni tal-miżuri dwar il-Korsiji Ħodor. L-awtoritajiet nazzjonali tal-membri taż-ŻEE u tal-Iżvizzera kif ukoll tar-Renju Unit, li huma ttrattati bħala membri tal-UE sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, qed jaħdmu f’kuntatt mill-qrib mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tistinka biex tkompli tistabbilixxi korsiji ħodor fi ħdan is-sitt Stati tal-Balkani tal-Punent (WB6). Din l-inizjattiva, maħsuba biex tiżgura flussi ta’ tranżitu bla xkiel fir-reġjun u mal-UE, uriet li hija eżempju ta’ suċċess kbir ta’ kooperazzjoni reġjonali. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem lejn l-ilħuq tal-potenzjal sħiħ ta’ din l-inizjattiva u tirrikonoxxi d-diskussjonijiet utli li saru mas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport f’dan il-qasam. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tindirizza kwistjonijiet ma’ pajjiżi sħab li jaqsmu fruntiera diretta fuq l-art mal-UE (is-Sħubija tal-Lvant u t-Turkija). Dan jinkludi kooperazzjoni dwar ħinijiet ta’ stennija eċċessivi fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri u għandu l-għan li jiżgura l-importazzjoni mingħajr interruzzjoni ta’ prodotti essenzjali (eż. provvisti mediċi). Barra minn hekk, l-esportazzjoni tal-merkanzija għal assistenza umanitarja u fl-iżvilupp lil pajjiżi sieħba, bi tweġiba għall-pandemija tal-COVID-19, se tkun fost il-bosta każijiet li se jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-approċċ ta' Korsiji Ħodor f'tali qsim.

III.Il-ħaddiema tat-trasport huma essenzjali

15.Il-ħaddiema tat-trasport huma indispensabbli biex l-ekonomija tibqa’ għaddejja. Meta l-Ewropa kienet f’lockdown fir-rebbiegħa tal-2020, il-ħaddiema tat-trasport komplew iwettqu dmirijiethom inkluż fejn meħtieġ bejn il-fruntieri biex jiżguraw li l-provvisti jibqgħu għaddejjin u xi drabi jpoġġu s-saħħa u l-benessri tagħhom f’riskju.

16.F’konformità mal-punt 19(b) tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 6 , il-persunal tat-trasport għandu jinħatar u jiġi aċċettat bħala ħaddiema u fornituri tas-servizzi essenzjali mill-awtoritajiet tal-Istati Membri kollha u ma għandux jintalab jgħaddi minn kwarantina waqt li jkun qed jeżerċita l-funzjonijiet essenzjali tiegħu. Madankollu, il-protezzjoni sħiħa tas-saħħa tiegħu għandha tiġi żgurata inkluż permezz tad-disponibbiltà ta’ tagħmir protettiv personali (PPE) adegwat kull fejn ikun meħtieġ.

17.L-Istati Membri ma għandhomx jirrikjedu ttestjar sistematiku tal-ħaddiema tat-trasport f’punti ta’ qsim tal-fruntieri jew wara l-fruntiera. Dan jiġġenera kjuwijiet bla bżonn u jkollu impatt negattiv fuq il-ħinijiet tal-qsim tal-fruntieri. Lanqas mhuwa fattibbli jew prattiku għal dak il-persunal tat-trasport li jkollu jaqsam il-fruntieri ta’ spiss diversi drabi fil-ġimgħa.

18.L-elenkar tal-professjonijiet li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ persunal tat-trasport ma għandux isir b’mod eżawrjenti. Lil hinn mix-xufiera, mill-persunal abbord, mill-bdoti, mill-kaptani tad-dgħajjes u mill-ekwipaġġi, għandu jinkludi l-persunal tal-manutenzjoni, tat-terminals u tal-ġestjoni tat-traffiku, l-impjegati tal-maniġers tal-infrastruttura, kemm għat-trasport tal-prodotti kif ukoll tal-passiġġieri, eċċ. Dawn il-ħaddiema kollha għandhom ikunu jistgħu jiċċaqilqu u jaqsmu l-fruntieri mingħajr l-ebda restrizzjoni, inkluż bi kwalunkwe mezz ta’ trasport li jeħtieġu biex jaqsmu l-fruntiera meta dan ikun meħtieġ biex iwettqu dmirijiethom 7 .

19.Minn Marzu ’l hawn, il-Kummissjoni tissuġġerixxi l-użu ta’ “Ċertifikat għall-ħaddiema tat-trasport internazzjonali” standard. Iċ-ċertifikat jista’ jintuża minn kwalunkwe persuna li tkun qed taħdem abbord mezz ta’ trasport li jkun qed iġorr prodotti jew passiġġieri, b’mod partikolari s-sewwieq; minn kwalunkwe persuna li tkun sejra lejn il-post fejn jinsab il-mezz tat-trasport li tkun se tibda taħdem fuqu; jew minn kwalunkwe persuna oħra li taħdem fis-settur tat-trasport. Għall-finijiet tal-qsim tal-fruntieri interni tal-Unjoni, id-detentur taċ-ċertifikat għandu jitqies bħala ħaddiem tat-trasport internazzjonali. Għall-għanijiet koperti miċ-Ċertifikat għal ħaddiema tat-trasport internazzjonali, l-Istati Membri ma għandhomx jeħtieġu l-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe dokument ieħor (eż. formoli differenti ta’ lokazzjoni eċċ.). Dan japplika b’mod speċjali fir-rigward tal-fruntieri tal-art.

20.Dan iċ-ċertifikat jiġi ppubblikat ukoll fl-Anness 40 tal-Manwal Prattiku tal-UE għall-Għassiesa tal-Fruntieri li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jwettqu l-kontroll fuq il-fruntieri 8 . Il-Kummissjoni se tesplora jekk il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) tistax tagħmel dan ir-rikonoxximent għall-persunal tat-toroq u tal-ferroviji permanenti, kif diġà huwa l-każ għall-ekwipaġġ tal-ajru u dak marittimu.

21.It-tbaħħir jiġbed lill-baħħara tiegħu minn madwar id-dinja, iżda r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar globali bħalissa qed ixekklu l-mobbiltà regolari ta’ dawn il-ħaddiema essenzjali. Bħalissa ħafna baħħara jinsabu maqbuda fuq il-bastimenti tagħhom u jaħdmu lil hinn mil-limitu ta’ 11-il xahar stabbilit mil-liġi internazzjonali, filwaqt li l-kollegi tagħhom fuq l-art ma jistgħux jivvjaġġaw u jaqsmu l-fruntieri biex jaħdmu flokhom. Dan aktar iwassal għal interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista u jipperikola s-sikurezza tat-trasport fuq l-ilma.

22.Għalhekk, l-Istati Membri għandhom ikomplu jiffaċilitaw l-ivvjaġġar tal-baħħara, jiżguraw il-mobbiltà tagħhom u jippermettulhom jaqsmu l-fruntieri u t-tranżitu f’kull ħin. 9 B’mod simili għall-ħaddiema tat-trasport, il-punt 19(h) tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 jikklassifika l-baħħara bħala vjaġġaturi b’funzjoni jew bi ħtieġa essenzjali li ma għandhomx jintalbu jgħaddu minn kwarantina meta jeżerċitaw din il-funzjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw aċċess għas-servizzi tal-viża għall-baħħara u jippermettu bidliet sikuri tal-ekwipaġġ fil-portijiet tagħhom. Is-sidien tal-bastimenti għandhom jipprovdu lill-ekwipaġġ b’aċċess għal PPE adegwat biex jipproteġu s-saħħa tagħhom u ta’ ħaddieħor meta jivvjaġġaw u abbord. Fil-kuntest speċifiku tat-trasport marittimu fit-tul, l-ittestjar qabel l-imbarkazzjoni jipproteġi lill-baħħara u jevita tifqigħat fuq bastimenti waqt it-tbaħħir ’il bogħod minn port fejn il-baħħara jkunu maqtugħin minn aċċess f’waqtu għal kura medika fuq l-art. Is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna se jkomplu jaħdmu mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti biex itejbu l-mobbiltà tal-ekwipaġġ tat-tbaħħir barra mill-Ewropa.

23.B’mod simili, il-boatmasters u l-ekwipaġġ tal-bastimenti interni jeħtieġ li jkunu jistgħu jimbarkaw u jiżbarkaw f’portijiet interni tul il-passaġġi fuq l-ilma tal-UE. Huwa kruċjali li l-ħaddiema tat-trasport intern ikunu jistgħu jivvjaġġaw u jaqsmu l-fruntieri fl-Istati Membri tal-UE għal operazzjonijiet loġistiċi kontinwi fuq il-passaġġi fuq l-ilma tal-UE. It-tfixkil taċ-ċirkolazzjoni libera tal-ekwipaġġ tal-bastimenti interni jista’ jwassal għal riskju li l-operaturi tal-bastimenti jipperikolaw il-konformità mad-Direttiva 2014/112 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni. L-operaturi tal-bastimenti interni għandhom jipprovdu wkoll lill-ekwipaġġ b’aċċess għal PPE adegwat biex tiġi protetta s-saħħa tagħhom u tal-passiġġieri.

IV.Koordinazzjoni u informazzjoni aktar b’saħħithom

24.In-Network tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tat-trasport ġie stabbilit u mmexxi mill-Kummissjoni fil-bidu tal-pandemija tal-COVID-19. Il-ħsieb wara l-ħolqien ta’ dan in-network informali kienet li jitrawmu l-koordinazzjoni u l-iskambji ta’ informazzjoni fost l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, jiġu diskussi l-problemi, tinkiseb data aġġornata dwar is-sitwazzjoni fil-fruntieri u jiġu skambjati l-aħjar prattiki. L-iffaċilitar tal-kondiviżjoni rapida tal-informazzjoni fost l-Istati Membri ħeġġeġ rispons bikri fost l-Istati Membri dwar il-miżuri domestiċi tagħhom li għandhom impatt fuq xulxin, żieda fil-fiduċja u tnaqqis fir-risponsi unilaterali.

25.Għalhekk, meta tiġi skattata emerġenza jew kriżi permezz tar-rispons politiku integrat għall-kriżijiet (IPCR), in-Network tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għandu jiġi attivat mill-Kummissjoni, u dan jirriżulta f’aktar interazzjonijiet u flussi ta’ informazzjoni frekwenti. L-Istati Membri għandhom jaħtru Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali uffiċjali f’pożizzjoni għolja xierqa, biex tiġi żgurata koordinazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti. Il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tat-Trasport għandhom jipprovdu dak kollu li hu meħtieġ fir-rigward ta' punti ta' qsim problematiċi tal-fruntieri, u jiltaqgħu f’każ ta’ bżonn ta’ azzjoni immedjata. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ferm il-parteċipazzjoni attiva u sħiħa tal-Istati Membri kollha.

26.Il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tal-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni dwar deċiżjonijiet ta’ politika domestika relatati mat-trasport, b’mod partikolari dawk li jaffettwaw il-moviment transfruntier ta’ merkanzija jew passiġġieri, il-moviment ta’ ħaddiema tat-trasport u kull meta jkun possibbli, ferm qabel l-introduzzjoni ta’ dawn il-miżuri sabiex jippermettu rispons u jagħtu l-opportunità lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni biex jirreaġixxu. L-Istati Membri għandhom jinvolvu wkoll ministeri u dipartimenti rilevanti oħra kif xieraq u jistgħu jużaw il-forum għall-iskambju ta’ informazzjoni u ideat dwar l-aħjar prattiki.

27.In-network wera li huwa għodda effiċjenti li ppermettiet skambju rapidu ta’ informazzjoni u valutazzjoni wiesgħa dwar l-impatti tal-miżuri ta’ konteniment li jaffettwaw it-trasport. Dan sar inqas użu regolari minnu matul ix-xhur tas-sajf, iżda issa qed nipproponu t-tnedija mill-ġdid tan-network tal-punti ta’ kuntatt biex tiġi indirizzata l-firxa l-ġdida ta’ responsabbiltajiet tal-Korsiji Ħodor stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni, kif fil-fatt huwa mitlub mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill – ara hawn taħt.

28.Sabiex tkun tista’ tingħata ħarsa ġenerali aħjar, l-informazzjoni kollha relatata mal-mobbiltà għall-vjaġġaturi privati u l-fornituri tas-servizzi tat-trasport professjonali, għandha tkun disponibbli f’post online wieħed aġġornat u faċli biex jintuża. Għalhekk, il-Kummissjoni se tittrasferixxi l-kontenut tas-sit web tat-traċċar tar-rispons tal-COVID-19 fuq is-sit web Reopen EU.

V.Korsiji Ħodor Multimodali

29.Il-Komunikazzjoni oriġinali dwar il-Korsiji Ħodor iddikjarat li l-punti ta’ qsim tal-fruntieri b’“korsiji ħodor” ma għandux jaqbeż il-15-il minuta għat-trasport kollu tal-merkanzija. L-ilħuq ta’ dan l-objettiv ta’ 15-il minuta jirrikjedi l-minimizzazzjoni tal-kontrolli, tal-verifiki u tal-iskrinjar kollha/kollu. Dan huwa validu għall-vetturi tal-merkanzija, għall-ferroviji, għall-bastimenti u għall-inġenji tal-ajru kollha. Dan iservi bħala objettiv biex is-settur tat-trasport isir effiċjenti kemm jista’ jkun u jiġu minimizzati l-interruzzjonijiet għaljin.

30.Il-pressjoni għall-bidla kkawżata mill-kriżi attwali għandha tixpruna wkoll bidliet fl-interess tas-Suq uniku, għas-sostenibbiltà u d-diġitalizzazzjoni li jwittu t-triq għall-irkupru. Għalhekk, il-Kummissjoni tappella biex jiġi żgurat il-funzjonament multimodali u intermodali tal-Korsiji Ħodor, filwaqt li jiġi żgurat li l-modi kollha tat-trasport jintużaw sal-potenzjal sħiħ tagħhom.

31.Il-pandemija tal-COVID uriet li t-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija jista’ jkun mezz ta’ trasport affidabbli u reżiljenti, barra mill-kredenzjali ekoloġiċi tiegħu. Il-ferrovija kienet kritika biex il-ktajjen tal-provvista jinżammu intatti matul il-kriżi u t-trasport intermodali jeħtieġ inqas interazzjonijiet umani mit-triq biss għat-tagħbija/għall-ħatt u huma involuti inqas sewwieqa. Il-pandemija ħolqot sitwazzjoni partikolari fejn il-kapaċità ferrovjarja saret abbundanti minħabba tnaqqis qawwi fit-traffiku tal-passiġġieri ferrovjarji. Il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija juri li matul il-fażi inizjali tal-lockdowns f’April – meta tnaqqas it-traffiku tal-passiġġieri – il-puntwalità tas-servizzi tal-merkanzija bil-ferrovija żdiedet b’mod sinifikanti: il-minuti ta’ dewmien irrappurtati naqsu b’terz għal nofs. 10  

32.Dan it-titjib fil-prestazzjoni tal-merkanzija bil-ferrovija jrid jinżamm. Il-maniġers tal-infrastruttura kif ukoll il-kumpaniji ferrovjarji għandhom jiffukaw fuq il-minimizzazzjoni tad-dewmien fil-fruntieri, u jżidu l-flessibbiltà. Għal dan il-għan, il-kumpaniji ferrovjarji jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mill-arranġamenti għall-ġestjoni ta’ kontinġenza internazzjonali, kif stabbilit wara l-għeluq tal-linja Rastatt 11 . Dawn joffru network għall-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell operattiv f’kundizzjonijiet ta’ emerġenza. Il-Kummissjoni se tikkunsidra li tressaq proposta legali li tirrikjedi l-monitoraġġ kontinwu tal-aderenza tal-iskeda u dwar il-prestazzjoni tal-ħin tal-ferroviji tal-merkanzija bil-ferrovija fl-istazzjonijiet tal-fruntieri, inkluż il-ħinijiet ta’ stennija kif indikat fil-mappa tal-punti ta’ qsim tal-fruntieri fl-anness.

33.Sabiex jiġu eliminati l-waqfiet fil-fruntieri minħabba kontrolli tekniċi u b’hekk jitħaffef il-qsim tal-fruntieri u tinkiseb Żona Ferrovjarja Unika Ewropea reali, issa li l-pilastru tekniku tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju jidħol fis-seħħ fl-Istati Membri kollha fl-aħħar ta’ Ottubru, l-Istati Membri għandhom iħaffu t-tneħħija tar-regoli nazzjonali li jirrikjedu l-ispezzjoni tal-ferroviji fil-fruntieri (testijiet tal-brejkijiet eċċ.) lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mir-regoli tal-UE, li huma stess jagħtu assigurazzjonijiet tas-sikurezza kompletament adegwati. Spezzjonijiet addizzjonali bħal dawn bħalissa ta’ spiss jieħdu ħafna aktar mill-mira tal-ħin tal-qsim tal-fruntieri ta’ 15-il minuta. L-affidabbiltà tal-merkanzija bil-ferrovija u l-veloċità tal-qsim tal-fruntieri għandhom jiġu appoġġati mill-maniġers tal-infrastruttura permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa 12 fir-rigward tar-regoli ta’ prijorità għall-allokazzjoni tal-kapaċità ferrovjarja u l-ġestjoni operazzjonali għas-servizzi ferrovjarji transfruntieri.

34.Mingħajr ma tiġi kompromessa s-sikurezza, huwa ssuġġerit li s-sewwieqa jitħallew isuqu l-ferroviji b’livell tal-lingwa A2 (minflok il-B1 normali), filwaqt li jirrikorru għall-flessibbiltà disponibbli skont ir-regoli eżistenti għall-operazzjonijiet ferrovjarji f’sezzjonijiet bejn stazzjonijiet tal-fruntieri qrib il-fruntiera. 13 Dan l-approċċ ikun partikolarment xieraq għal rotot “sempliċi” li jaqsmu l-fruntieri. Inkella, il-qsim tal-fruntieri jista’ jiġi ffaċilitat permezz ta’ aktar flessibbiltà fir-rigward tal-lingwi li s-sewwieqa jistgħu jużaw għall-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ sikurezza kritiċi. Dan ikun possibbli jekk il-komunikazzjoni fl-istandards meħtieġa mil-liġi tal-Unjoni tkun tista’ tiġi żgurata permezz tal-użu ta’ lingwi li bħalissa mhumiex indikati mill-maniġers tal-infrastruttura iżda li jkollhom ħakma tajba tagħhom kemm is-sewwieq kif ukoll iċ-ċentru ta’ kontroll. Fl-aħħar nett, l-iffaċilitar addizzjonali tal-merkanzija bil-ferrovija u t-titjib tal-kapaċità jkunu possibbli jekk l-Istati Membri jistabbilixxu arranġamenti bejn l-impriżi ferrovjarji biex jippermettu lis-sewwieqa bl-għarfien speċifiku meħtieġ dwar it-trazzjoni tal-merkanzija jaħdmu flimkien ma’ sewwieqa li normalment jaħdmu fuq ferroviji tal-passiġġieri li jkollhom l-għarfien meħtieġ tal-lingwa/tar-rotot għar-rotot internazzjonali.

35.It-tbaħħir baqa’ kompletament operazzjonali matul il-pandemija, u wassal ikel, tagħmir mediku, prodotti tal-enerġija u prodotti oħra lejn l-Ewropa. Is-settur iġorr 75 % tal-kummerċ tal-UE mal-bqija tad-dinja u 30 % tal-merkanzija fis-Suq Intern. Il-funzjonament mingħajr interruzzjoni tiegħu huwa għalhekk fundamentalment importanti għall-ekonomija tal-UE u l-provvista tiegħu bi prodotti essenzjali u oħra.

36.Sabiex jiġu żgurati operazzjonijiet ta’ tbaħħir bla xkiel u flussi kummerċjali mhux interrotti, ir-riprogrammar tar-rotot u d-dewmien tat-dħul fil-portijiet għandhom jiġu evitati kull fejn ikun possibbli. L-Istati Membri għandhom jippermettu bidliet fl-ekwipaġġ fil-portijiet tagħhom u l-baħħara jista’ jkollhom jibqgħu f’lukandi jew f’akkomodazzjoni temporanja waqt li jistennew il-konnessjonijiet tal-ivvjaġġar jew is-sign-on tagħhom. Dan jevita interruzzjonijiet fl-operazzjonijiet tal-portijiet minħabba f’bastimenti jistennew is-sostituzzjoni tal-ekwipaġġ tagħhom jew restrizzjonijiet relatati mal-COVID.

37.L-Istati Membri, matul l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali tagħhom dwar il-kontrolli tal-konformità tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni (IWW) mill-korpi tal-infurzar, inkluż id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2016/1629, għandhom iqisu l-ħtieġa li jiġi evitat kwalunkwe dewmien bla bżonn tal-operazzjonijiet tat-trasport.

38.Fir-rigward taċ-ċertifikati tal-membri tal-ekwipaġġ tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, minbarra dawk koperti mid-Direttiva 96/50, l-Istati Membri, matul l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom, għandhom jimmiraw li jiżguraw il-possibbiltà għall-ekwipaġġi tal-IWW li jkomplu l-attività tagħhom fil-kapaċitajiet rispettivi tagħhom sa tmiem il-perjodu ta’ restrizzjonijiet eċċezzjonali relatati mal-pandemija. Għandu jittieħed approċċ simili għall-estensjoni tal-kuntratti tax-xogħol jekk is-sostituzzjoni tal-ekwipaġġ ma tkunx possibbli minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-ekwipaġġ. Xi membri tal-ekwipaġġ jistgħu jsibuha impossibbli li jwettqu eżamijiet mediċi perjodiċi, għalhekk huma rakkomandati soluzzjonijiet prammatiċi li jippermettu d-dħul jew il-kontinwazzjoni tagħhom fis-servizz fuq bażi eċċezzjonali meta tali possibbiltà tkun prevista skont il-liġi nazzjonali.

39.Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jiżguraw operazzjonijiet flessibbli (24hr/7d) tal-infrastruttura transfruntiera kollha tal-IWW biex jippermettu l-operazzjonijiet tal-bastimenti u jevitaw ħin ta’ stennija bla bżonn.

40.Is-servizzi portwarji u terminali, peress li huma gateways essenzjali għall-kummerċ globali u t-trasport multimodali, baqgħu operazzjonali matul il-pandemija, filwaqt li aġġustaw il-modalitajiet ta’ ħidma tagħhom biex inaqqsu l-kuntatt tal-bniedem matul l-operazzjonijiet ta’ kontroll u trasbord (bħal check-in awtomatiku mad-dħul, aċċess regolat għall-bankijiet, trasferiment diġitali tad-dokumentazzjoni tat-trasport) u PPE użat filwaqt li l-kuntatt ma jistax jiġi evitat. L-infezzjonijiet jew il-kwarantina fost parti sinifikanti tal-persunal tat-terminal jistgħu jinterrompu l-katina loġistika, li jwassal għal dewmien fid-distribuzzjoni tal-prodotti u jostakola l-operazzjonijiet upstream. Għalhekk, biex jiġi ssalvagwardjat iċ-ċaqliq bla xkiel tal-merkanzija fuq modi differenti għat-trasport ulterjuri tagħha, l-operaturi tat-terminals u tal-portijiet għandu jkollhom il-mezzi meħtieġa biex jipproteġu lill-ħaddiema tagħhom u l-kontinwità tal-operazzjonijiet tat-terminal. Kull fejn ikun possibbli għandha tiġi appoġġata l-awtomatizzazzjoni tal-operat u l-iskambju ta’ data diġitali minflok dokumenti stampati.

41.Matul ir-rebbiegħa u s-sajf, minħabba l-interruzzjonijiet fil-ktajjen tal-provvista, xi portijiet u terminals interni ffaċċjaw akkumulazzjoni ta’ kontejners vojta, li wasslu għal konġestjoni fit-tarzni u interruzzjoni fl-operazzjonijiet ta’ kuljum. L-operaturi tat-trasport marittimu għandhom jistinkaw biex iżommu fluss kontinwu u stabbli fis-servizzi tagħhom, filwaqt li l-awtoritajiet tal-port għandhom jimmonitorjaw is-sitwazzjoni u, fejn meħtieġ, jassistu lill-operaturi tat-terminals biex isolvu problemi possibbli marbuta ma’ interruzzjonijiet. Sabiex jiġi ffaċilitat il-fluss tal-prodotti fil-portijiet, fejn possibbli u meħtieġ, l-Istati Membri, fil-limiti tad-diskrezzjoni tagħhom skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, għandhom japplikaw flessibbiltà fil-proċeduri doganali u formalitajiet oħra pereżempju f’termini ta’ estensjoni tal-iskadenzi.

42.Fl-istess ħin, l-Istati Membri implimentaw miżuri biex jiffaċilitaw l-operazzjonijiet tal-merkanzija bl-ajru u neħħew kmieni r-restrizzjonijiet kollha tagħhom li jipprojbixxu titjiriet tal-merkanzija kif ukoll restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq titjiriet ta’ manutenzjoni għall-merkanzija bl-ajru fl-interess tal-kontinwità tal-katina tal-provvista. L-Istati Membri għandhom ikomplu jiżguraw operazzjonijiet tal-merkanzija bla xkiel matul iż-żieda mill-ġdid attwali fl-għadd ta’ każijiet tal-pandemija u l-mewġ sussegwenti possibbli, inkluż billi jżommu l-ajruporti miftuħin għall-operazzjonijiet tal-merkanzija jew iżommu biżżejjed kapaċitajiet ta’ mmaniġġjar tal-merkanzija meta l-ajruporti jkunu magħluqa għal raġunijiet ekonomiċi, biex tiġi evitata kwalunkwe interruzzjoni fit-trasport tal-prodotti.

VI.Lejn pjan ta’ kontinġenza għall-kriżijiet u modi aħjar biex jiġu ttrattati l-eċċezzjonijiet

43.Bis-saħħa tal-kooperazzjoni tajba ħafna mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, il-leġiżlazzjoni ta’ emerġenza u l-eżenzjonijiet regolatorji speċifiċi għas-settur ġew adottati fi żmien rekord aktar kmieni din is-sena. Flimkien ma’ għadd ta’ linji gwida speċifiċi għas-settur maħruġa mill-Kummissjoni, dawn kienu strumentali biex jgħinu lill-operaturi tat-trasport jimmaniġġaw it-tfixkil tal-flussi u tal-ktajjen tal-provvista. L-azzjoni rapida fejn u meta meħtieġ hija fattur kritiku. Madankollu, il-liġi tal-UE għadha tista’ tiġi adattata aħjar għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi.

44.Filwaqt li jistgħu jkunu meħtieġa derogi għas-sewqan u l-ħin ta’ mistrieħ tas-sewwieqa f’ċirkostanzi straordinarji, dawn id-derogi jridu jkunu strettament għal żmien qasir (eż. biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ sewwieqa temporanji), u fl-ebda ċirkostanza ma għandhom jipperikolaw is-sikurezza u l-kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti għas-sewwieqa jew it-trasparenza għall-infurzaturi. F’sitwazzjonijiet li jaffettwaw lill-Istati Membri kollha jew ħafna minnhom b’mod simili, ikun preferibbli li prinċipji ġenerali simili (il-ħin tal-bidu, il-ħin tat-tmiem, it-tul ta’ żmien) japplikaw għal derogi fl-Istati Membri kollha kkonċernati. Bħala parti mill-pjan ta’ kontinġenza futur mitlub reċentement mill-Kunsill (ara hawn taħt), il-Kummissjoni se tikkunsidra emendi leġiżlattivi għal sistema aktar simplifikata għal derogi mir-regoli tat-trasport bit-triq dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ. Sabiex tindirizza l-ħtiġijiet urġenti marbuta maż-żieda mill-ġdid fl-għadd ta’ każijiet tal-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni se tipprovdi gwida lill-Istati Membri biex tiżgura livell minimu ta’ koordinazzjoni tad-derogi li jistgħu jiġu adottati fil-livell nazzjonali. Pereżempju, jagħmel sens li jiġu permessi eċċezzjonijiet temporanji simili, bħal dawk permessi fir-rebbiegħa għall-ħinijiet u l-kundizzjonijiet ta’ mistrieħ tas-sewwieqa tat-trakkijiet, bħall-possibbiltà ta’ rqad limitata biż-żmien fil-kabina.

45.Ir-Regolament Omnibus 14 ippreveda derogi limitati biż-żmien mir-regoli eżistenti tal-UE fil-modalitajiet kollha tat-trasport fuq l-art u fis-sigurtà marittima. Huwa stabbilixxa miżuri temporanji applikabbli għall-estensjoni tal-validità ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli u taħriġ perjodiċi. Id-dispożizzjonijiet kollha dwar il-flessibbiltà inklużi f’dan ir-Regolament intużaw minn tal-anqas minn xi Stati Membri, u dan juri li dawn kienu tabilħaqq meħtieġa u utli. Fid-dawl taż-żieda mill-ġdid fl-għadd ta’ każijiet tal-COVID-19, il-Kummissjoni tinsab lesta li tipproponi aġġornament tar-reġim, b’mod li jippermetti lill-Istati Membri kollha jibbenefikaw minn kwalunkwe deroga meħtieġa, inklużi dawk li għandhom l-użu tal-possibbiltajiet li jagħżlu li ma jipparteċipawx fir-Regolament Omnibus attwali.

46.Madankollu, kwalunkwe miżura leġiżlattiva tat-tip hija ta’ natura ad hoc, jiġifieri hija maħsuba għal perjodu speċifiku b’effetti limitati fiż-żmien. Fuq perjodu ta’ żmien medju, il-leġiżlazzjoni kollha dwar it-trasport għandha tiġi eżaminata sabiex jiġi vverifikat jekk hijiex reżistenti għall-kriżijiet. Meta jkun xieraq, għandhom jiġu inklużi dispożizzjonijiet speċifiċi li jippermettu li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

47.Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu (MLC), 2006, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tistipula li s-servizz massimu abbord qabel ma baħħar ikun intitolat għar-ripatrijazzjoni għandu jkun ta’ 11-il xahar. L-estensjonijiet lil hinn minn dan il-perjodu jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv is-saħħa tal-baħħara, iwasslu għal għeja u b’hekk jipperikolaw is-sikurezza marittima.

48.L-Istati tal-Port għandhom rwol fl-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-MLC. Il-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi 15 jħeġġeġ lill-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istati Membri tiegħu biex jiffukaw fuq kwistjonijiet marbuta mal-MLC u l-Ftehimiet dwar l-Impjiegi tal-Baħħara skaduti matul l-ispezzjonijiet kollha. Iċ-ċirkulari tispeċifika li “ċirkostanzi li jagħmlu r-ripatrijazzjoni aktar diffiċli jew ta’ piż ma jikkostitwixxux każ ta’ force majeure”. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex isegwu dan l-approċċ.

49.L-ispezzjonijiet ta’ kontroll mill-Istat tal-port huma essenzjali biex tiġi żgurata s-sikurezza tat-trasport u għandhom isiru f’numri regolari. L-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jiżguraw li l-ispetturi jkollhom aċċess għal provvista suffiċjenti ta’ PPE biex jipproteġu lilhom infushom matul l-ispezzjonijiet. Bħal fi kwalunkwe sitwazzjoni oħra b’viżitaturi abbord, il-baħħara għandhom jilbsu wkoll PPE matul l-ispezzjonijiet, li għandhom jiġu pprovduti mis-sid tal-bastiment fi kwantitajiet suffiċjenti.

50.Għall-baħħara, iċ-ċertifikati, speċjalment dawk mediċi, u l-kontrolli assoċjati huma meħtieġa biex jiġu aċċertati l-benesseri u s-saħħa tal-baħħara kif ukoll il-livell suffiċjenti ta’ taħriġ tagħhom. It-tiġdid regolari u/jew il-validazzjoni mill-ġdid tagħhom, f’konformità mar-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni u internazzjonali applikabbli, jiżguraw is-sikurezza marittima u jnaqqsu l-probabbiltà ta’ aċċidenti.

51.Fl-avjazzjoni, żewġ Regolamenti 16 pprevedew derogi temporanji minn xi regoli eżistenti tal-UE fid-dawl tat-tnaqqis bla preċedent fit-traffiku tal-ajru bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19. L-ewwel nett, il-pandemija wasslet għal diffikultajiet biex jiġu osservati ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru 17 u tad-Direttiva dwar il-Groundhandling 18 . Il-Kummissjoni adottat regoli temporanji li joffru lill-partijiet ikkonċernati affettwati, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, il-ħelsien meħtieġ minn ċerti regoli amministrattivi u biex tiżgura perspettiva finanzjarja aħjar għall-partijiet ikkonċernati fis-settur affettwat. Fid-dawl tal-kriżi mtawla, il-Kummissjoni hija lesta li tuża s-setgħat delegati tagħha fejn meħtieġ biex ittawwal id-derogi rilevanti previsti fir-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru. It-tieni, għas-slots tal-ajruporti, il-prinċipju “tużah jew titilfu” ġie sospiż għas-sajf tal-2020 u l-Kummissjoni minn dak iż-żmien użat is-setgħat delegati tagħha biex testendi l-eżenzjoni għall-perjodu ta’ skedar tax-xitwa 2020/2021. Barra minn hekk, il-Kummissjoni dalwaqt se tipproponi emenda għar-regoli dwar il-ħelsien mis-slots biex tiżgura l-użu effiċjenti tal-kapaċità tal-ajruport u tqabbil aħjar bejn l-eżenzjoni u l-livelli attwali u previsti tat-traffiku tal-ajru. Din se jkollha l-għan ukoll li tevita l-użu ħażin tar-rinunzja billi tagħmilha soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet.

52.Il-konklużjonijiet riċenti tal-Kunsill 19 irrikonoxxew il-ħtieġa li wieħed iħares lejn il-mobbiltà tal-ħaddiema tat-trasport u l-operazzjonijiet tat-trasport minn perspettiva Ewropea u internazzjonali. Il-konklużjonijiet innotaw li fi żminijiet ta’ kriżi, l-għeluq tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea għandu jiġi evitat u l-fluss tal-prodotti, inkluż mill-punti ta’ dħul fl-Unjoni Ewropea, għandu jibqa’ bla xkiel. Il-Kunsill appella lill-Kummissjoni biex tfassal pjan ta’ kontinġenza għal pandemija u kriżijiet kbar oħra għas-settur Ewropew tat-trasport tal-merkanzija, inkluż l-istabbiliment ta’ qafas regolatorju koerenti fir-rigward tal-eżenzjonijiet li għandhom jiġu applikati meta jinqalgħu pandemiji u sitwazzjonijiet ta’ kriżi kbar oħra u miżuri biex tiġi żgurata koordinazzjoni fil-livell tal-UE u linji gwida ċari bbażati fuq il-valutazzjoni tal-miżuri meħuda biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19.

53.Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi r-referenza għall-elementi urġenti ta’ pjan ta’ kontinġenza. Il-Kummissjoni hija impenjata li tivvaluta bir-reqqa u tikkonsulta b’mod wiesa’ fit-tħejjija ta’ pjan ta’ kontinġenza għall-pandemija li jipprevedi miżuri flessibbli, li jistgħu jiġu implimentati malajr, effettivi u effiċjenti. Il-pjan għandu jkopri t-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri. Il-Kummissjoni għandha l-għan li tressaq dan il-pjan, flimkien ma’ proposti leġiżlattivi elenkati f’din il-Komunikazzjoni fl-2021 u tistenna bil-ħerqa kooperazzjoni bla xkiel mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill. 

Pjan ta' azzjoni għal kontinġenza pandemika fit-trasport

·Reviżjoni tar-reġim tar-Regolament Omnibus;

·Skrinjar sistematiku tal-leġiżlazzjoni tal-UE biex jiġu inklużi dispożizzjonijiet ta’ kriżi fejn xieraq;

·Gwida lill-Istati Membri biex jiżguraw livell minimu ta’ koordinazzjoni tad-derogi mir-regoli tat-trasport bit-triq dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ

·Suġġeriment ta’ kriterji għal servizzi essenzjali minimi fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri;

·Monitoraġġ kontinwu tal-aderenza tal-iskeda u l-prestazzjoni fil-ħin tal-ferroviji tal-merkanzija bil-ferrovija fl-istazzjonijiet tal-fruntieri inkluż il-ħinijiet fl-istess post;

·Reviżjoni tar-regoli tal-UE għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità;

·Estensjoni permezz ta’ att delegat ta’ miżuri eċċezzjonali għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, fejn dan ikun iġġustifikat skont il-kriterji applikabbli.

VII.Konnettività essenzjali għall-passiġġieri

54.Filwaqt li l-fokus inizjali tal-Korsiji Ħodor kien li l-flussi tal-merkanzija jinżammu intatti u li tiġi żgurata d-disponibbiltà tas-servizzi essenzjali, huwa daqstant importanti li tiġi żgurata konnettività essenzjali għall-passiġġieri, fi ħdan u bejn l-Istati Membri u lil hinn. Dawk kollha li għandhom bżonn jivvjaġġaw, għal raġunijiet relatati max-xogħol u mal-familja 20 fil-prinċipju għandhom ikunu jistgħu jagħmlu dan. Dan ikun il-każ għal dawk li ma jistgħux jaħdmu mid-dar, li jmorru l-iskola, għall-persunal mediku u tal-kura, għall-fornituri tas-servizzi transfruntieri u għall-ħaddiema staġonali eċċ.

55.L-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali – bħala kwistjoni ta’ prinċipju – ma għandhomx jipprojbixxu l-operat tas-servizzi tat-trasport 21 . Ir-restrizzjonijiet fuq it-trasport individwalizzat (eż. karozzi, muturi jew roti) għandhom jiġu evitati wkoll peress li joħolqu riskju limitat ħafna għat-tixrid tal-virus. Irid jinżamm provvediment adegwat ta’ trasport kollettiv fil-bliet u fir-reġjuni, u r-restrizzjonijiet mhumiex ġustifikati fejn ikun hemm fis-seħħ miżuri sanitarji u tas-saħħa adegwati. Fl-aħħar nett, minħabba li jiġu żgurati miżuri xierqa biex titrażżan il-firxa tal-marda, ir-restrizzjonijiet fuq it-titjiriet lanqas mhuma meħtieġa biex tiġi indirizzata l-pandemija persistenti tal-COVID-19.

56.L-ajruplani, ix-xarabanks u l-coaches, il-karozzi, il-ferroviji u l-vapuri jeħtieġ li jkomplu jiżguraw servizzi essenzjali minimi, jekk meħtieġ megħjuna minn appoġġ finanzjarju pubbliku f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, fl-UE kollha. Huma għandhom rwol ewlieni fiċ-ċirkostanzi attwali, peress li jippermettu l-mobbiltà essenzjali, anke għall-ħaddiema essenzjali, biex jibdew jaqdu dmirijiethom. It-trasport jista’ u għandu jitħaddem b’mod sikur kif stabbilit fil-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-irkupru progressiv tas-servizzi tat-trasport u l-konnettività – COVID-19 22 . Il-kurituri tat-trasport għandhom jibqgħu jiffunzjonaw għat-trasport bl-art. Issa hemm fis-seħħ protokolli ta’ sikurezza tal-COVID għall-ivvjaġġar bl-ajru, marittimu, tan-navigazzjoni interna u bil-ferrovija. Il-formoli diġitali tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri u l-applikazzjonijiet ta’ traċċar aktarx li jkollhom rwol ewlieni wkoll.

(1)

C(2020) 1897 final

https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/legislation/2020-03-23-communication-green-lanes_mt.pdf  

(2)

C(2020) 1753 final

https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/what-we-do/policies/european-agenda-migration/20200316_covid-19-guidelines-for-border-management.pdf

(3)

L-għeluq tal-fruntieri se jdewwem biss l-introduzzjoni tal-virus f’pajjiż jekk ikun kważi lest, u meta jiġi implimentat malajr matul il-fażijiet bikrin qabel id-detezzjoni tal-ewwel każ awtoktonu, li huwa fattibbli biss f’ambjenti iżolati speċifiċi, kuntesti iżolati (eż. għal nazzjonijiet gżejjer) https://www.ecdc.europa.eu/sites/default/files/documents/covid-19-guidelines-non-pharmaceutical-interventions-september-2020.pdf  

(4)

  https://www.ecdc.europa.eu/en/publications-data/covid-19-guidelines-non-pharmaceutical-interventions  

(5)

Inkluż assistenza mir-riżerva rescEU pprovduta taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili lill-Istati Parteċipanti (in-Norveġja, l-Iżlanda, it-Turkija, is-Serbja, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq)

(6)

     Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3.

(7)

Eżempju ta’ tali problemi fir-rebbiegħa kien sewwieq tal-ferrovija li jaqsam il-fruntiera biex jiġbor il-lokomottiva tiegħu bl-użu ta’ taksi, jew sewwieq ta’ trakk li jirritorna lura d-dar ma’ oħrajn li jaqsmu l-istess vann miegħu.

(8)

L-Anness 40 tal-Manwal Prattiku tal-UE għall-Għassiesa tal-Fruntieri

https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/certificate-for-international-transport-worker.zip  

(9)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Linji gwida dwar il-ħarsien tas-saħħa tal-baħħara, tal-passiġġieri u ta’ persuni oħra li jkunu jinsabu abbord il-bastimenti.

C(2020)3100, ĠU C 119, 14.4.2020, p. 1–8

(10)

Ara l-Pjattaforma ta’ Informazzjoni għall-Konsumatur tal-RNE: https://cip.rne.eu/

(11)

Minħabba inċident qrib Rastatt, il-Ġermanja fit-12 ta’ Awwissu 2017, sezzjoni tal-binarji li tintuża ħafna - parti mill-kuritur tal-merkanzija bil-ferrovija Renu-Alpin - ingħalqet għat-traffiku kollu għal kważi xahrejn. Peress li r-rotot alternattivi kienu limitati fil-kapaċità u l-interoperabbiltà, l-inċident wassal għal telf finanzjarju sinifikanti ħafna u kien ta’ detriment għall-merkanzija bil-ferrovija. Il-Kummissjoni bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati ewlenin sabet soluzzjonijiet Ewropej billi stabbilixxiet miżuri biex timmitiga tali inċidenti b’mod aktar effettiv fil-futur. Il-Handbook for International Contingency Management li jirriżulta jiddeskrivi standards li - f’każ ta’ interruzzjoni internazzjonali - jippermettu l-kontinwazzjoni tat-traffiku ferrovjarju fl-ogħla livell possibbli u jiżguraw informazzjoni aħjar dwar l-istatus tal-interruzzjoni, dwar l-azzjonijiet meħuda, dwar alternattivi u dwar l-impatti tal-fluss tat-traffiku.

https://webgate.ec.europa.eu/multisite/primeinfrastructure/sites/primeinfrastructure/files/annex_to_point_9a_contingency_handbook_0.pdf  

(12)

Ara l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2012/34/UE.

(13)

Ara l-punt 8(3) tal-Anness VI tad-Direttiva 2007/59/KE.

(14)

Ir-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġislazzjoni dwar it-trasport

ĠU L 165, 27.5.2020, p. 10–24

(15)

Approvat u ppubblikat mill-PSCircular 97 Rev.4 fil-15 ta’ Settembru 2020

(16)

Ir-Regolament (UE) 2020/459 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/53 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità, ĠU L 99, 31.3.2020, p. 1–4, u r-Regolament (UE) 2020/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità, fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, ĠU L 165, 27.5.2020, p. 1–6.

(17)

 Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni), ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3–20.

(18)

 Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità, ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36–45.

(19)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar konsiderazzjonijiet ta’ politika għal pjan ta’ kontinġenza għal pandemija u kriżijiet maġġuri oħra għas-settur tat-trasport tal-merkanzija Ewropew

https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-12060-2020-INIT/mt/pdf  

(20)

Inklużi dawk f’relazzjonijiet debitament iċċertifikati.

(21)

  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/council-proposal-coordinated-approach-restriction-movement_mt.pdf

(22)

2020/C 169/02


Brussell, 28.10.2020

COM(2020) 685 final

ANNESSI

tal-

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

naġġornaw il-Korsiji Ħodor tat-trasport biex l-ekonomija tibqa’ għaddejja matul iż-żieda mill-ġdid fl-għadd ta’ każijiet tal-pandemija tal-COVID-19


ANNESS 1

Il-punti ta’ qsim tal-fruntieri bil-ferrovija tan-network TEN-T*

*Didaskalija: Tikka ħadra għall-Punti ta’ qsim tal-fruntieri (Kurituri), tikka safra għall-Punti ta’ qsim tal-fruntieri (Ewlieni), tikka blu għall-Punti ta’ qsim tal-fruntieri (Komprensiv), linja ħadra rqiqa għan-Network tal-ferrovija komprensiv, linja ħadra ħoxna għan-Network tal-ferrovija ewlieni (inkluż il-kurituri)


ANNESS 2

Il-punti ta’ qsim tal-fruntieri bit-triq tan-network TEN-T*

*Didaskalija: Aħdar għall-Punt ta’ Qsim tal-Fruntieri (Kurituri); Isfar għall-Punt ta’ Qsim tal-Fruntieri (Ewlieni); Blu għall-Punt ta’ Qsim tal-Fruntieri (Komprensiv); Linja ħamra rqiqa għan-Network Komprensiv; Linja ħamra ħoxna għan-Network Ewlieni (inkluż il-kurituri)