Brussell, 3.11.2020

COM(2020) 683 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar it-tħaddim tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati skont ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri





RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar it-tħaddim tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati skont ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri

1.Kuntest

Ir-Regolament (UE) 2016/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 1 emenda r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri 2 , sabiex jallinjah mad-distinzjoni bejn atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni introdotta skont it-Trattat ta’ Lisbona.

L-Artikoli 3(2), (3) u (4), 4(5), 5(2) u (4), u 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009, kif emendat, jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 10a tiegħu, rigward:

-l-adattament tal-lista ta’ proċeduri doganali jew tat-trattament jew l-użu approvati mid-dwana;

-id-deżinjazzjoni ta’ merkanzija jew movimenti speċifiċi u d-dispożizzjonijiet differenti jew speċifiċi applikabbli għalihom;

-l-esklużjoni ta’ merkanzija jew movimenti mill-istatistika dwar il-kummerċ estern;

-aktar speċifikazzjoni tad-data dwar l-istatistika;

-il-livell ta’ aggregazzjoni għall-pajjiżi sħab, il-merkanzija u l-muniti għall-istatistika dwar il-kummerċ skont il-munita tal-fattura;

-il-ġbir tad-data relatata ma’ merkanzija jew movimenti speċifiċi u minn operaturi ekonomiċi li ngħataw ċerti simplifikazzjonijiet doganali; u

-rekwiżit għal settijiet tad-data limitati għal merkanzija jew movimenti speċifiċi u għal data miġbura minn operaturi ekonomiċi li ngħataw ċerti simplifikazzjonijiet doganali.

2.Bażi ġuridika

Skont l-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009, is-setgħa li tadotta atti delegati tingħata għal perjodu ta’ ħames snin mill-20 ta’ Ottubru 2016. Din għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ ħames snin, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel jintemm il-perjodu ta’ ħames snin. Dan ir-rapport jissodisfa dan l-obbligu.

3.Tħaddim tas-setgħat delegati skont ir-Regolament (KE) Nru 471/2009

Il-Kummissjoni għadha ma ħaddmitx is-setgħa li tadotta atti delegati li ngħatatilha permezz tar-Regolament (KE) Nru 471/2009. Ma kienx hemm bżonn li dan isir peress li l-miżuri kollha meqjusa meħtieġa s’issa kienu koperti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/2119 3 .

4.Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni għadha ma ħaddmitx is-setgħa li tadotta atti delegati li ngħatatilha permezz tar-Regolament (KE) Nru 471/2009.

It-tħassir tar-Regolament b’effett mill-1 ta’ Jannar 2022 4 ifisser li l-Kummissjoni ma għandhiex il-ħsieb li tħaddem is-setgħa fil-ġejjieni u kwalunkwe estensjoni tal-perjodu ta’ delega lil hinn mill-20 ta’ Ottubru 2021 se tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2021.

(1)

   ĠU L 163, 29.5.2014, p. 10.

(2)

   ĠU L 152, 16.6.2009, p. 23.

(3)

   Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/2119 tat-2 ta’ Diċembru 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 113/2010 fir-rigward tal-adattament tal-lista tal-proċeduri doganali u tad-definizzjoni tad-data (ĠU L 329, 3.12.2016, p. 66).

(4)

   Permezz tar-Regolament (UE) 2019/2152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar l-istatistika Ewropea tan-negozju, li jħassar 10 atti legali fil-qasam tal-istatistika tan-negozju (ĠU L 327, 17.12.2019, p. 1).