IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.10.2020
COM(2020) 667 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà
Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità
{SWD(2020) 225 final} - {SWD(2020) 247 final} - {SWD(2020) 248 final} - {SWD(2020) 249 final} - {SWD(2020) 250 final} - {SWD(2020) 251 final}
1.Sustanzi kimiċi sostenibbli għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li huwa l-istrateġija l-ġdida ta’ tkabbir tal-Unjoni Ewropea, fassal it-triq biex l-UE ssir ekonomija sostenibbli, newtrali għall-klima u ċirkolari sal-2050. Stabbilixxa wkoll l-għan li jiġu protetti aħjar is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent bħala parti minn approċċ ambizzjuż biex nindirizzaw it-tniġġis mis-sorsi kollha u nimxu lejn ambjent ħieles mit-tossiċità. Is-sustanzi kimiċi jinsabu kullimkien fil-ħajja tagħna ta’ kuljum u jaqdu rwol fundamentali fil-maġġoranza tal-attivitajiet tagħna, billi jiffurmaw parti minn virtwalment kull apparat li nużaw biex niżguraw il-benesseri tagħna, nipproteġu s-saħħa u s-sigurtà tagħna, u nilqgħu għal sfidi ġodda permezz tal-innovazzjoni. Is-sustanzi kimiċi huma wkoll l-elementi kostitwenti ta’ teknoloġiji, materjali u prodotti b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, bi tniġġis żero u li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi. Iż-żieda fl-investiment u fil-kapaċità innovattiva tal-industrija tas-sustanzi kimiċi biex tipprovdi sustanzi kimiċi sikuri u sostenibbli se tkun vitali biex jiġu offruti soluzzjonijiet ġodda u jingħata appoġġ kemm lit-tranżizzjoni ekoloġika kif ukoll lil dik diġitali tal-ekonomija u tas-soċjetà tagħna.
Fl-istess ħin, is-sustanzi kimiċi b’karatteristiċi perikolużi jistgħu jikkawżaw ħsara lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent. Filwaqt li mhux is-sustanzi kimiċi perikolużi kollha jqajmu l-istess tħassib, ċerti sustanzi kimiċi jikkawżaw il-kanċers, jaffettwaw is-sistemi immunitarji, respiratorji, endokrinali, riproduttivi u kardjovaskulari, inaqqsu r-reżiljenza tal-bniedem u l-kapaċità li jirreaġixxu għall-vaċċini u jżidu l-vulnerabbiltà għall-mard.
L-esponiment għal dawn is-sustanzi kimiċi ta’ ħsara huwa għalhekk ta’ theddida għas-saħħa tal-bniedem. Barra minn hekk, it-tniġġis kimiku huwa wieħed mill-muturi ewlenin li jpoġġu lid-dinja f’riskju, u jħalli impatt fuq il-kriżijiet planetarji bħat-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni tal-ekosistemi u t-telf tal-bijodiversità u jamplifikahom. Sustanzi kimiċi u materjali ġodda jridu jkunu sikuri u sostenibbli b’mod inerenti, mill-produzzjoni sat-tmiem il-ħajja, filwaqt li jridu jiġu varati proċessi u teknoloġiji ta’ produzzjoni ġodda li jippermettu t-tranżizzjoni tal-industrija kimika lejn in-newtralità klimatika.
L-UE diġà għandha wieħed mill-aktar oqfsa regolatorji komprensivi u protettivi għas-sustanzi kimiċi, appoġġat mill-aktar bażi ta’ għarfien avvanzata globalment. Dan il-qafas regolatorju qed isir dejjem aktar il-mudell għall-istandards tas-sikurezza fid-dinja kollha. Bla dubju, l-UE kellha suċċess fil-ħolqien ta’ suq intern li jiffunzjona b’mod effiċjenti għas-sustanzi kimiċi, fit-tnaqqis tar-riskji għall-bnedmin u għall-ambjent ikkawżati minn ċerti sustanzi kimiċi perikolużi, bħall-karċinoġeni u l-metalli tqal, u fil-forniment ta’ qafas leġiżlattiv prevedibbli li fih joperaw il-kumpaniji.
Fatti u ċifri dwar is-sustanzi kimiċi, l-industrija tas-sustanzi kimiċi u l-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi
·Il-bejgħ globali tas-sustanzi kimiċi kien ta’ EUR 3347 biljun fl-2018, fejn l-Ewropa kienet it-tieni l-akbar produttur (b’16,9 % tal-bejgħ) għalkemm dan is-sehem naqas bin-nofs matul l-aħħar 20 sena u l-previżjonijiet jipprevedu tnaqqis ulterjuri sal-2030 biex l-Ewropa timxi mit-tieni għat-tielet post.
·Il-manifattura tas-sustanzi kimiċi hija r-raba’ l-akbar industrija fl-UE li tinkludi 30 000 kumpanija, li 95 % huma SMEs, li jimpjegaw direttament madwar 1,2 miljun persuna u 3,6 miljun persuna indirettament.
·L-UE għandha qafas komprensiv li jinkludi madwar 40 strument leġiżlattiv, inkluż ir-Regolament dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), ir-Regolament dwar il-Klassifikazzjoni, l-Ittikkettar, u l-Imballaġġ tas-Sustanzi Perikolużi (CLP) u fost ħafna oħrajn, il-leġiżlazzjoni li tindirizza s-sikurezza tal-ġugarelli, il-kożmetiċi, il-bijoċidi, il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, l-ikel, il-karċinoġeni fuq il-post tax-xogħol kif ukoll il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ambjentali.
·L-Istudji dwar il-bijomonitoraġġ tal-bniedem fl-UE jindikaw għadd dejjem jikber ta’ sustanzi kimiċi perikolużi differenti fid-demm tal-bniedem u fit-tessut tal-ġisem, inkluż ċerti pestiċidi, bijoċidi, farmaċewtiċi, metalli tqal, plastifikanti u ritardanti tal-fjammi. L-esponiment kombinat ta’ qabel it-twelid għal diversi sustanzi kimiċi wassal għal tnaqqis fit-tkabbir tal-fetu u rati ta’ twelid aktar baxxi.
·84 % tal-Ewropej huma mħassba dwar l-impatt li s-sustanzi kimiċi preżenti fil-prodotti ta’ kuljum għandhom fuq saħħithom, u 90 % huma mħassba dwar l-impatt tagħhom fuq l-ambjent.
|
Madankollu, sabiex jiġu żviluppati u varati s-sustanzi kimiċi sostenibbli li jippermettu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-ambjent u tal-bniedem, b’mod partikolari dik ta’ gruppi vulnerabbli, l-innovazzjoni għat-tranżizzjoni ekoloġika tal-industrija tas-sustanzi kimiċi u l-ktajjen tal-valur tagħha jridu jissaħħu u l-politika eżistenti tal-UE għas-sustanzi kimiċi trid tevolvi u tirrispondi b’mod aktar rapidu u effettiv għall-isfidi kkawżati mis-sustanzi kimiċi perikolużi. Dan jinkludi l-iżgurar li s-sustanzi kimiċi kollha jintużaw b’mod aktar sikur u sostenibbli, il-promozzjoni li s-sustanzi kimiċi li għandhom effett kroniku fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent – is-sustanzi ta’ tħassib – jiġu minimizzati u sostitwiti kemm jista’ jkun, u l-eliminazzjoni gradwali tas-sustanzi l-aktar ta’ ħsara għall-użu mhux essenzjali tas-soċjetà, b’mod partikolari fil-prodotti għall-konsumatur.
Qafas regolatorju aktar koerenti, prevedibbli u b’saħħtu, flimkien ma’ inċentivi mhux regolatorji, se jixpruna l-innovazzjoni meħtieġa, jipprovdi protezzjoni miżjuda, filwaqt li jtejjeb il-kompetittività tal-industrija Ewropea tas-sustanzi kimiċi u l-ktajjen tal-valur tagħha. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-atturi tal-UE u dawk mhux tal-UE, l-UE trid tiżgura l-infurzar sħiħ tar-regoli tagħha dwar is-sustanzi kimiċi kemm internament kif ukoll fil-fruntieri tagħha, u tippromwovihom bħala standard tad-deheb madwar id-dinja, f’konformità mal-impenji internazzjonali tagħna.
Il-pandemija tal-COVID-19 mhux biss żiedet mal-urġenza li tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem u tal-pjaneta, iżda għamlitna wkoll konxji li l-ktajjen tal-manifattura u tal-provvista saru dejjem aktar kumplessi u globalizzati għal xi sustanzi kimiċi kritiċi, bħal dawk għall-produzzjoni tal-farmaċewtiċi. L-UE trid issaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha bi ktajjen tal-valur reżiljenti u tiddiversifika l-forniment sostenibbli għal dawk is-sustanzi kimiċi li għandhom użi essenzjali għal saħħitna u biex tinkiseb ekonomija ċirkolari u newtrali għall-klima.
Din l-istrateġija tenfasizza l-oqsma fejn il-Kummissjoni trid tagħmel progress akbar, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati biex jiġu rfinati dawn l-objettivi bħala parti minn proċessi rigorużi ta’ valutazzjoni tal-impatt li jibni fuq l-evidenza abbundanti diġà miġbura dwar il-prestazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi roundtable ta’ livell għoli mar-rappreżentanti mill-industrija inklużi l-SMEs, ix-xjenza u s-soċjetà ċivili biex twettaq l-objettivi tal-istrateġija fi djalogu mal-partijiet ikkonċernati. Id-diskussjonijiet tar-roundtable huma previsti li jiffokaw b’mod partikolari fuq kif il-leġislazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi tista’ taħdem b’mod aktar effiċjenti u effettiv u kif tingħata spinta lill-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ sustanzi kimiċi innovattivi sikuri u sostenibbli fis-setturi kollha.
2.Lejn ambjent ħieles mit-tossiċità: viżjoni fit-tul ġdida għall-politika tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi
Kważi 20 sena mill-ewwel approċċ strateġiku għall-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi fl-Ewropa, wasal iż-żmien li titfassal viżjoni fit-tul ġdida għall-politika tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi fl-UE. F’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija tistinka għal ambjent mingħajr tossiċità, fejn is-sustanzi kimiċi jiġu prodotti u jintużaw b’mod li jimmassimizza l-kontribut tagħhom għas-soċjetà inkluż il-kisba tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi evitata ħsara lill-pjaneta u lill-ġenerazzjonijiet attwali u futuri. Hija tħares lejn l-industrija tal-UE bħala attur kompetittiv globalment fil-produzzjoni u l-użu ta’ sustanzi kimiċi sikuri u sostenibbli. L-istrateġija tipproponi pjan direzzjonali u skeda taż-żmien ċari għat-trasformazzjoni tal-industrija bil-għan li jiġi attirat l-investiment fi prodotti u metodi ta’ produzzjoni sikuri u sostenibbli.
Figura: Il-ġerarkija ta’ mingħajr tossiċità — ġerarkija ġdida fil-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi
Din l-istrateġija tistabbilixxi triq lejn l-implimentazzjoni ta’ din il-viżjoni permezz ta’ azzjonijiet li jappoġġaw l-innovazzjoni għal sustanzi kimiċi sikuri u sostenibbli, issaħħaħ il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, tissimplifika u ssaħħaħ il-qafas legali dwar is-sustanzi kimiċi, tibni bażi ta’ għarfien komprensiva biex tappoġġa t-tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza u tagħti eżempju ta’ ġestjoni tajba tas-sustanzi kimiċi globalment.
2.1.L-innovazzjoni għal sustanzi kimiċi sikuri u sostenibbli tal-UE
It-tranżizzjoni lejn sustanzi kimiċi li huma sikuri u sostenibbli mid-disinn mhijiex biss urġenza iżda wkoll opportunità ekonomika kbira, kif ukoll komponent ewlieni tal-irkupru tal-UE mill-kriżi tal-COVID-19. Meta wieħed iqis ix-xejriet fil-produzzjoni globali tal-kimika, din hija opportunità għall-industrija tas-sustanzi kimiċi tal-UE biex terġa’ tikseb il-kompetittività tagħha billi tkompli tiżviluppa sustanzi kimiċi sikuri u sostenibbli u biex twassal soluzzjonijiet sostenibbli fis-setturi kollha, b’mod partikolari għall-materjali tal-kostruzzjoni, it-tessuti, il-mobbiltà b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, il-batteriji, it-turbini eoliċi u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar in-Next Generation EU, u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħha, tipprevedi li l-Istati Membri tal-UE jinvestu fi proġetti li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-industriji tal-UE, inkluż fis-settur tas-sustanzi kimiċi, u li jagħtu spinta lill-kompetittività tal-industrija sostenibbli tal-UE. It-tranżizzjoni lejn sustanzi kimiċi sostenibbli se tkun konxja tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi inklużi l-impatti fuq l-impjiegi f’reġjuni, f’setturi u fuq ħaddiema speċifiċi.
2.1.1.Il-promozzjoni ta’ sustanzi kimiċi sikuri u sostenibbli mid-disinn
L-Ewropa għandha kumpaniji li huma minn ta’ quddiem nett, u l-kapaċità xjentifika u teknika li tmexxi t-tranżizzjoni lejn approċċ sikur u sostenibbli mid-disinn għas-sustanzi kimiċi. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-inizjattivi regolatorji u tas-suq diġà ġew stabbiliti, iżda s-sostituzzjoni tal-biċċa l-kbira tas-sustanzi ta’ ħsara għadha ma seħħitx bir-ritmu mistenni u dawk li huma minn ta’ quddiem nett għadhom jiltaqgħu ma’ ostakli ekonomiċi u tekniċi. Din it-tranżizzjoni teħtieġ politika aktar b’saħħitha u appoġġ finanzjarju, kif ukoll pariri u assistenza b’mod partikolari għall-SMEs, u tirrikjedi sforz kollettiv minn kulħadd: l-awtoritajiet, in-negozji, l-investituri u r-riċerkaturi.
L-għodod regolatorji jridu jiġu sfruttati biex jixprunaw u jippremjaw il-produzzjoni u l-użu ta’ sustanzi kimiċi sikuri u sostenibbli. Huwa partikolarment importanti li l-industrija tiġi inċentivizzata biex tipprijoritizza l-innovazzjoni għas-sostituzzjoni, kemm jista’ jkun, tas-sustanzi ta’ tħassib. Il-bidla lejn sustanzi kimiċi sikuri u sostenibbli mid-disinn, inkluż għal sustanzi kimiċi b’bażi bijoloġika sostenibbli, u l-investiment fis-sejbien ta’ alternattivi għal sustanzi ta’ tħassib hija kruċjali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, kif ukoll prekundizzjoni importanti biex tinkiseb ekonomija ċirkolari nadifa.
APPROĊĊ SIKUR U SOSTENIBBLI MID-DISINN
Il-Kummissjoni se:
·tiżviluppa kriterji tal-UE għall-approċċ sikur u sostenibbli mid-disinn għas-sustanzi kimiċi;
·tistabbilixxi netwerk ta’ appoġġ għall-approċċ sikur u sostenibbli mid-disinn fl-UE kollha li jippromwovi l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn is-setturi u l-katina tal-valur u jipprovdi għarfien espert tekniku dwar l-alternattivi;
·tiżgura l-iżvilupp, il-kummerċjalizzazzjoni, il-varar u l-użu tas-sustanzi, l-materjali u l-prodotti sikuri u sostenibbli mid-disinn permezz ta’ appoġġ finanzjarju – b’mod partikolari għall-SMEs – taħt l-Orizzont Ewropa, il-politika ta’ koeżjoni, il-programm LIFE, u strumenti ta’ finanzjament u ta’ investiment rilevanti oħra tal-UE u sħubiji pubbliċi-privati;
·timmappja u tindirizza l-ispariġġi fil-ħiliet u d-diskrepanzi fil-kompetenzi tal-approċċ sikur u sostenibbli mid-disinn, u tiżgura ħiliet adegwati fil-livelli kollha, inkluż fl-edukazzjoni vokazzjonali u terzjarja, fir-riċerka, fl-industrija u fost ir-regolaturi;
·tistabbilixxi, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati, Indikaturi tal-Prestazzjoni Ewlenin li jkejlu t-tranżizzjoni industrijali lejn il-produzzjoni ta’ sustanzi kimiċi sikuri u sostenibbli;
·tiżgura li l-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet industrijali tkun tippromwovi l-użu ta’ sustanzi kimiċi aktar sikuri mill-industrija fl-UE billi tirrikjedi valutazzjonijiet tar-riskju fuq il-post u tirrestrinġi l-użu ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna.
|
2.1.2.Il-kisba ta’ ċikli ta’ prodotti sikuri u ta’ materjali mhux tossiċi
F’ekonomija ċirkolari nadifa huwa essenzjali li tingħata spinta lill-produzzjoni u l-użu ta’ materja prima sekondarja u li jiġi żgurat li kemm il-materja prima primarja kif ukoll dik sekondarja jkunu dejjem sikuri. Il-pjan ta’ azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari li ġie adottat dan l-aħħar wera li dan jirrikjedi taħlita ta’ azzjonijiet upstream, biex jiġi żgurat li l-prodotti jkunu sikuri u sostenibbli mid-disinn, u azzjonijiet downstream, li jżidu s-sikurezza tal-materjali u l-prodotti riċiklati u l-fiduċja fihom. Madankollu, il-ħolqien ta’ suq li jiffunzjona tajjeb għall-materja prima sekondarja, u t-tranżizzjoni lejn materjali u prodotti aktar sikuri qed inaqqas fir-ritmu minħabba għadd ta’ kwistjonijiet, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ informazzjoni adegwata dwar il-kontenut kimiku tal-prodotti. Għalhekk, il-konsumaturi, l-atturi fil-katina tal-valur kif ukoll l-operaturi tal-iskart ma jistgħux jagħmlu għażliet infurmati.
Biex nimxu lejn ċikli ta’ materjali mingħajr tossiċità u riċiklaġġ nadif u niżguraw li r-“Riċiklat fl-UE” jsir punt ta’ riferiment fid-dinja kollha, huwa neċessarju li jiġi żgurat li s-sustanzi ta’ tħassib fil-prodotti u fil-materjali riċiklati jiġu minimizzati. Bħala prinċipju, l-istess valur limitu għal sustanzi perikolużi għandu japplika għal materjal verġni u riċiklat. Madankollu, jista’ jkun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali fejn tista’ tkun meħtieġa deroga għal dan il-prinċipju. Dan ikun bil-kundizzjoni li l-użu tal-materjal riċiklat ikun limitat għal applikazzjonijiet definiti b’mod ċar fejn ma jkun hemm l-ebda impatt negattiv fuq is-saħħa tal-konsumatur u l-ambjent, u fejn l-użu ta’ materjal riċiklat meta mqabbel ma’ materjal verġni jkun iġġustifikat abbażi ta’ analiżi ta’ każ b’każ.
L-azzjonijiet regolatorji jimxu id f’id ma’ żieda fl-investimenti f’teknoloġiji innovattivi biex tiġi indirizzata l-preżenza ta’ sustanzi ta’ legat fil-flussi tal-iskart, li min-naħa tagħhom jistgħu jippermettu r-riċiklaġġ ta’ aktar skart. Dan huwa partikolarment importanti għal ċerti plastiks u tessuti. L-innovazzjonijiet u t-teknoloġiji sostenibbli se jkollhom jiġu żviluppati għal dan il-għan. Teknoloġiji bħar-riċiklaġġ kimiku jistgħu jkollhom rwol ukoll, iżda dan jgħodd biss jekk dawn jiżguraw prestazzjoni ambjentali u klimatika pożittiva b’mod ġenerali, minn perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ.
ĊIKLI TA’ MATERJALI MHUX TOSSIĊI
Il-Kummissjoni se:
·timminimizza l-preżenza ta’ sustanzi ta’ tħassib fil-prodotti billi tintroduċi rekwiżiti, anke bħala parti mill-Inizjattiva ta’ Politika dwar il-Prodotti Sostenibbli, filwaqt li tagħti prijorità lil dawk il-kategoriji ta’ prodotti li jaffettwaw lill-popolazzjonijiet vulnerabbli kif ukoll lil dawk bl-ogħla potenzjal għaċ-ċirkolarità, bħat-tessuti, l-imballaġġ inkluż l-imballaġġ tal-ikel, l-għamara, l-elettronika u l-ICT, il-kostruzzjoni u l-bini;
·tiżgura d-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar il-kontenut kimiku u l-użu sikur, billi tintroduċi rekwiżiti ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-Inizjattiva ta’ Politika dwar il-Prodotti Sostenibbli u tintraċċa l-preżenza ta’ sustanzi ta’ tħassib tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-materjali u l-prodotti;
·tiżgura li l-awtorizzazzjonijiet u d-derogi mir-restrizzjonijiet għal materjali riċiklati fil-qafas ta’ REACH ikunu eċċezzjonali u ġustifikati;
·tappoġġa l-investimenti fl-innovazzjonijiet sostenibbli li jistgħu jiddekontaminaw il-flussi tal-iskart, iżidu r-riċiklaġġ sikur u jnaqqsu l-esportazzjoni tal-iskart, b’mod partikolari l-plastik u t-tessuti;
·tiżviluppa metodoloġiji għall-valutazzjoni tar-riskju kimiku li jqisu ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tas-sustanzi, tal-materjali u tal-prodotti.
|
2.1.3.L-ekoloġizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-produzzjoni tas-sustanzi kimiċi
Il-produzzjoni tas-sustanzi kimiċi hija wieħed mis-setturi li jniġġsu l-aktar, li jużaw ħafna enerġija u riżorsi u hija integrata mill-qrib ma’ setturi u proċessi oħra li jużaw ħafna enerġija. Filwaqt li l-industrija Ewropea tal-kimika diġà investiet f’impjanti tal-manifattura mtejba, it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali għadha tirrikjedi investimenti sinifikanti għas-settur. Proċessi u teknoloġiji industrijali ġodda u aktar nodfa jgħinu mhux biss biex titnaqqas l-impronta ambjentali tal-produzzjoni tas-sustanzi kimiċi iżda wkoll biex jitnaqqsu l-ispejjeż, titjieb it-tħejjija tas-suq u jinħolqu swieq ġodda għall-industrija Ewropea tas-sustanzi kimiċi sostenibbli.
L-effiċjenza enerġetika trid tiġi prijoritizzata skont l-ambizzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u l-karburanti bħall-idroġenu rinnovabbli u l-bijometan prodott b’mod sostenibbli jista’ jkollhom rwol deċiżiv għas-sostenibbiltà tas-sorsi tal-enerġija. It-teknoloġiji diġitali – bħall-internet tal-oġġetti, il-big data, l-intelliġenza artifiċjali, is-sensuri intelliġenti u r-robotika – jista’ jkollhom ukoll rwol importanti fl-ekoloġizzazzjoni tal-proċessi tal-manifattura. Barra minn hekk, l-innovazzjonijiet kimiċi jġibu soluzzjonijiet sostenibbli fis-setturi kollha biex titnaqqas l-impronta ambjentali ġenerali tal-proċessi ta’ produzzjoni.
Lil hinn mir-rwol li għandha t-teknoloġija, l-innovazzjonijiet fil-mudelli tan-negozju jistgħu jkunu mutur importanti għat-tranżizzjoni ekoloġika tal-industrija li tipproduċi u tuża l-kimiċi. L-opportunitajiet għal bidla mill-produzzjoni u l-użu tradizzjonali tas-sustanzi kimiċi għal sustanzi kimiċi bħala servizz għandhom jiġu esplorati u promossi. Innovazzjonijiet bħal dawn jistgħu jottimizzaw l-użu tal-għarfien espert u jiżguraw l-effiċjenza tar-riżorsi matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu, kif ukoll jinkoraġġixxu l-innovazzjoni bbażata fuq il-post u l-involviment tal-SMEs. Dawn l-iżviluppi se jkunu appoġġati mit-tassonomija tal-finanzi sostenibbli tal-UE, biex jgħinu jiggwidaw il-fondi lejn il-manifattura u l-użu ta’ sustanzi kimiċi ambjentalment sostenibbli.
INNOVAZZJONI TAL-PRODUZZJONI INDUSTRIJALI
Permezz tal-istrumenti finanzjarji u l-programmi tar-riċerka u l-innovazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tappoġġa:
·ir-riċerka u l-iżvilupp ta’ materjali avvanzati għal applikazzjonijiet fis-setturi tal-enerġija, tal-kostruzzjoni, tal-mobbiltà, tas-saħħa, tal-agrikoltura u tal-elettronika biex titwettaq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali;
·ir-riċerka, l-iżvilupp u l-varar ta’ proċessi ta’ produzzjoni ta’ sustanzi kimiċi u materjali b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u b’impatt ambjentali baxx;
·ir-riċerka u l-iżvilupp ta’ mudelli ta’ negozju innovattivi bħall-mudell tan-negozju bbażat fuq il-prestazzjoni biex jiġi żgurat użu aktar effiċjenti ta’ sustanzi kimiċi u riżorsi oħra u l-minimizzazzjoni tal-iskart u l-emissjonijiet;
·it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol involuta fil-produzzjoni u fl-użu ta’ sustanzi kimiċi għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali;
·l-aċċess għal finanzjament ta’ riskju, b’mod partikolari għall-SMEs u n-negozji ġodda;
·l-iżvilupp u l-varar ta’ infrastruttura li tippermetti l-bidla għall-użu, it-trasport u l-ħżin tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli/newtrali f’termini ta’ karbonju għall-produzzjoni ta’ sustanzi kimiċi;
·iż-żieda fir-rata tal-varar attwali tat-teknoloġiji disponibbli għal skopijiet ta’ manifattura bħall-internet tal-oġġetti, il-big data, l-intelliġenza artifiċjali, l-awtomatizzazzjoni, is-sensuri intelliġenti u r-robotika.
|
2.1.4.It-tisħiħ tal-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE
Matul l-aħħar deċennji, il-manifattura u l-ktajjen tal-provvista saru dejjem aktar kumplessi u globalizzati għal xi sustanzi kimiċi kritiċi, eż. il-materja prima, is-sustanzi intermedji, l-ingredjenti farmaċewtiċi attivi. Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat li l-għadd limitat ta’ fornituri għal xi sustanzi kimiċi użati f’applikazzjonijiet essenzjali tas-soċjetà jista’ joħloq riskji, pereżempju għad-disponibbiltà tal-mediċini u għall-kapaċità tal-UE li tirrispondi għall-kriżijiet tas-saħħa. Ir-reżiljenza tal-UE għal interruzzjonijiet fil-provvista mhijiex biss essenzjali biex tiggarantixxi d-disponibbiltà tas-sustanzi kimiċi użati fl-applikazzjonijiet tas-saħħa, iżda wkoll biex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali tas-sostenibbiltà kif stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, inkluż it-teknoloġiji għan-newtralità klimatika, bħall-batteriji, it-turbini eoliċi u l-fotovoltajċi, għaċ-ċirkolarità tal-materjal nadif u għall-ambizzjoni ta’ tniġġis żero.
Ekonomija u sistemi tal-kura tas-saħħa aktar reżiljenti jirrikjedu li l-kapaċità tal-produzzjoni kimika eżistenti fl-UE tirnexxi, sorsi ta’ provvista diversifikati biżżejjed u ġestjoni aħjar tar-riskju ta’ tfixkil fil-livelli kollha, riżervi strateġiċi u ħżin, kif ukoll mekkaniżmi li jiżguraw li l-ktajjen tal-provvista jkunu jistgħu jkomplu joperaw mingħajr ma jiġu affettwati f’każ ta’ kriżi.
IT-TISĦIĦ TAL-AWTONOMIJA STRATEĠIKA MIFTUĦA TAL-UE
Il-Kummissjoni se:
·tidentifika dipendenzi strateġiċi u tipproponi miżuri biex jitnaqqsu dawn id-dipendenzi f’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2020 u mal-aġġornament imħabbar tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali;
·tidentifika ktajjen tal-valur strateġiċi b’mod partikolari għal teknoloġiji u applikazzjonijiet rilevanti għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali fejn is-sustanzi kimiċi kritiċi huma elementi kostitwenti importanti;
·tinvolvi ruħha mal-partijiet ikkonċernati biex iżżid il-prospettiva strateġika tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi;
·tippromwovi kollaborazzjoni interreġjonali tul ktajjen tal-valur tas-sustanzi kimiċi sostenibbli, permezz tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, sabiex jiġi aċċellerat l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ investiment konġunt;
·tippromwovi r-reżiljenza tal-provvista tal-UE u s-sostenibbiltà tas-sustanzi kimiċi użati f’applikazzjonijiet essenzjali għas-soċjetà permezz ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament u investiment tal-UE.
|
2.2.Qafas legali tal-UE aktar b’saħħtu biex jindirizza tħassib urġenti dwar l-ambjent u s-saħħa
Għalkemm l-approċċ tal-UE għall-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi kien effettiv fit-tnaqqis tal-esponiment tal-bniedem u tal-ambjent għal ċerti sustanzi problematiċi, it-tħassib attwali u emerġenti dwar is-saħħa u l-ambjent jitlob għat-tisħiħ tal-qafas legali biex jirreaġixxi b’mod rapidu għas-sejbiet xjentifiċi, u b’hekk isir aktar koerenti, sempliċi u prevedibbli għall-atturi kollha. B’mod partikolari, ir-Regolamenti REACH u CLP għandhom jissaħħu bħala l-pedamenti tal-UE għar-regolamentazzjoni tas-sustanzi kimiċi, u jkunu kkumplimentati b’approċċi koerenti għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi fil-leġiżlazzjoni settorjali eżistenti, speċjalment dik li tirregola l-prodotti għall-konsumatur.
2.2.1.Il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-gruppi vulnerabbli u l-ħaddiema mis-sustanzi kimiċi l-aktar ta’ ħsara
Il-konsumaturi huma esposti b’mod mifrux għas-sustanzi kimiċi preżenti fil-prodotti, mill-ġugarelli u l-oġġetti għall-kura tat-tfal sa materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel, il-kożmetiċi, l-għamara u t-tessuti, biex insemmu ftit, u miljuni ta’ ħaddiema fl-UE kollha jiġu f’kuntatt kuljum ma’ aġenti kimiċi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għalihom. Gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni – bħat-tfal, in-nisa tqal u l-anzjani – huma partikolarment sensittivi għal sustanzi kimiċi b’ċerti karatteristiċi perikolużi.
Wieħed mill-akbar benefiċċji għas-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi f’dawn l-aħħar deċennji kien it-tnaqqis fl-esponiment taċ-ċittadini għal sustanzi karċinoġeniċi. Dan kien possibbli b’mod partikolari bis-saħħa ta’ approċċ preventiv fil-leġiżlazzjoni kollha– l- “approċċ ġeneriku għall-ġestjoni tar-riskju” - li jfisser li b’mod ġenerali s-sustanzi karċinoġeniċi ġew ipprojbiti mill-biċċa l-kbira tal-prodotti għall-konsumatur u għall-użi li jesponu l-gruppi vulnerabbli, filwaqt li ġew permessi eżenzjonijiet limitati skont kundizzjonijiet definiti b’mod ċar fil-liġi. Approċċ preventiv bħal dan huwa aktar sempliċi, ġeneralment aktar rapidu u jipprovdi sinjali ċari lill-atturi kollha – l-awtoritajiet tal-infurzar, l-industrija u l-utenti downstream – dwar it-tipi ta’ sustanzi kimiċi fejn l-innovazzjoni għandha tingħata prijorità mill-industrija.
Madankollu, il-maġġoranza l-kbira tas-sustanzi kimiċi fl-UE bħalissa hija rregolata fuq bażi ta’ każ b’każ u għal kull użu speċifiku. L-evidenza abbundanti u t-tħassib taċ-ċittadini jiġġustifikaw li għall-aktar sustanzi kimiċi ta’ ħsara l-approċċ ġeneriku għall-ġestjoni tar-riskju jsir l-għażla awtomatika, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu tagħhom fi prodotti għall-konsumatur. Dan se jsir gradwalment. L-ewwel nett, il-Kummissjoni se testendi l-approċċ ġeneriku għall-ġestjoni tar-riskju biex tiżgura li l-prodotti għall-konsumatur ma jkunx fihom sustanzi kimiċi li jikkawżaw kanċers, mutazzjonijiet tal-ġeni, jaffettwaw is-sistema riproduttiva jew is-sistema endokrinali, jew ikunu persistenti u bijoakkumulattivi. It-tieni nett, il-Kummissjoni se tniedi minnufih valutazzjoni tal-impatt komprensiva biex tiddefinixxi l-modalitajiet u ż-żmien għall-estensjoni tal-istess approċċ ġeneriku, fir-rigward tal-prodotti għall-konsumatur, għal aktar sustanzi kimiċi, inklużi dawk li jaffettwaw is-sistemi immunitarji, newroloġiċi jew respiratorji u s-sustanzi kimiċi tossiċi għal organi speċifiċi.
L-estensjoni tal-approċċ ġeneriku se tiżgura li l-konsumaturi, l-grupp vulnerabbli u l-ambjent naturali jkunu mħarsa b’mod aktar konsistenti, filwaqt li xorta tippermetti l-użu ta’ dawn is-sustanzi kimiċi l-aktar ta’ ħsara fejn ikun ippruvat li huma essenzjali għas-soċjetà. Il-kriterji għall-użi essenzjali ta’ dawn is-sustanzi kimiċi se jkollhom jiġu definiti b’mod xieraq biex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti fil-leġiżlazzjoni kollha tal-UE, u b’mod partikolari se jqisu l-ħtiġijiet għall-kisba tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.
PROTEZZJONI KONTRA L-AKTAR SUSTANZI KIMIĊI TA’ ĦSARA
Il-Kummissjoni se:
·testendi l-approċċ ġeneriku għall-ġestjoni tar-riskju biex tiżgura li l-prodotti għall-konsumatur – inkluż, fost affarijiet oħra, materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel, ġugarelli, oġġetti għall-kura tat-tfal, kożmetiċi, deterġenti, għamara u tessuti – ma jkunx fihom sustanzi kimiċi li jikkawżaw kanċers, mutazzjonijiet tal-ġeni, li jaffettwaw is-sistema riproduttiva jew endokrinali, jew ikunu persistenti u bijoakkumulattivi. Barra minn hekk, se tniedi minnufih valutazzjoni tal-impatt komprensiva biex tiddefinixxi l-modalitajiet u ż-żmien għall-estensjoni tal-istess approċċ ġeneriku, fir-rigward tal-prodotti għall-konsumatur, għal aktar sustanzi kimiċi ta’ ħsara, inklużi dawk li jaffettwaw is-sistemi immunitarji, newroloġiċi jew respiratorji u s-sustanzi kimiċi tossiċi għal organi speċifiċi;
·sadanittant, filwaqt li l-approċċ ġeneriku għall-ġestjoni tar-riskju ma jkunx fis-seħħ, tipprijoritizza s-sustanzi kollha elenkati hawn fuq għal restrizzjonijiet għall-użi kollha u permezz ta’ raggruppament, minflok tirregolahom waħda waħda;
·tiżgura s-sikurezza tat-tfal mis-sustanzi kimiċi perikolużi f’oġġetti tal-kura tat-tfal u fi prodotti oħra għat-tfal (għajr il-ġugarelli) biex jipprovdu l-istess livell ta’ protezzjoni bħal fil-ġugarelli, permezz tar-rekwiżiti legali obbligatorji tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti u r-restrizzjonijiet fir-REACH;
·tiddefinixxi l-kriterji għall-użi essenzjali biex tiżgura li s-sustanzi kimiċi l-aktar ta’ ħsara jkunu permessi biss jekk l-użu tagħhom ikun meħtieġ għas-saħħa u għas-sikurezza jew ikun kritiku għall-funzjonament tas-soċjetà u jekk ma jkunx hemm alternattivi li huma aċċettabbli mil-lat tal-ambjent u tas-saħħa. Dawn il-kriterji se jiggwidaw l-applikazzjoni tal-użi essenzjali fil-leġiżlazzjoni rilevanti kollha tal-UE kemm għall-valutazzjonijiet tar-riskju ġeneriċi u speċifiċi;
·testendi lill-utenti professjonali fil-qafas ta’ REACH il-livell ta’ protezzjoni mogħti lill-konsumaturi;
·issaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema billi tiddefinixxi, fil-proċess tal-Qafas Strateġiku għas-Saħħa u s-Sikurezza fuq il-post tax-xogħol li jmiss, aktar prijoritajiet biex jiġi indirizzat l-esponiment tal-ħaddiema għal sustanzi perikolużi, inkluż billi jiġu identifikati l-aktar sustanzi ta’ ħsara li għalihom il-Kummissjoni se tipproponi li jiġu stabbiliti limiti okkupazzjonali wara l-proċess ta’ konsultazzjoni stabbilit fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol. Se ssaħħaħ ukoll il-protezzjoni tal-ħaddiema, b’mod partikolari billi tipproponi li jitnaqqsu l-valuri limitu okkupazzjonali eżistenti għaċ-ċomb u l-asbestos u li jiġi stabbilit valur limitu vinkolanti għad-diisoċjanati.
|
L-esponiment tal-bnedmin u tal-ambjent għal sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali jirrikjedi attenzjoni speċifika. Dawn is-sustanzi huma dejjem aktar marbuta ma’ mard li jaġixxi permezz tas-sistema ormonali. L-użu tagħhom qed jiżdied, u dan jirrappreżenta riskju serju għas-saħħa tal-bniedem u l-organiżmi selvaġġi kif ukoll joħloq spiża ekonomika għas-soċjetà. Billi l-ormoni jikkontrollaw l-iżvilupp u t-tkabbir tal-moħħ, l-esponiment għal sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali matul l-iżvilupp tal-fetu u l-pubertà jista’ jwassal għal effetti irriversibbli, bi wħud minnhom jiġu identifikati biss ħafna snin wara. Għalkemm uħud mill-atti leġiżlattivi huma kapaċi jidentifikaw is-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, is-sistema regolatorja tal-UE hija ġeneralment frammentata, limitata u jeħtieġ li tiġi kkonsolidata u ssimplifikata biex jiġi żgurat li s-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali jiġu rikonoxxuti fil-ħin u li l-esponiment tal-bnedmin u tal-ambjent jiġi minimizzat. Dan jirrikjedi l-adozzjoni tal-approċċ ġeneriku preventiv għall-ġestjoni tar-riskju fil-leġiżlazzjoni kollha, speċjalment biex jiġi evitat l-użu ta’ sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali fi prodotti għall-konsumatur.
SUSTANZI LI JFIXKLU S-SISTEMA ENDOKRINALI
Il-Kummissjoni se:
·tipproponi li tistabbilixxi identifikazzjoni tal-perikli legalment vinkolanti tas-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, abbażi tad-definizzjoni tad-WHO, filwaqt li tibni fuq kriterji żviluppati għall-pestiċidi u l-bijoċidi u se tapplikaha fil-leġiżlazzjoni kollha;
·tiżgura li s-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali jiġu pprojbiti fil-prodotti għall-konsumatur hekk kif jiġu identifikati, u tippermetti l-użu tagħhom biss fejn ikun ippruvat li dan huwa essenzjali għas-soċjetà;
·issaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema billi tintroduċi s-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali bħala kategorija ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna skont ir-REACH;
·tiżgura li tkun disponibbli għall-awtoritajiet informazzjoni xierqa u suffiċjenti biex tkun tista’ ssir l-identifikazzjoni tas-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali billi jiġu rieżaminati u msaħħa r-rekwiżiti ta’ informazzjoni fil-leġiżlazzjoni kollha;
·taċċellera l-iżvilupp u l-użu ta’ metodi li jiġġeneraw informazzjoni dwar is-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali permezz ta’ skrinjar u ttestjar.
|
2.2.2.Il-protezzjoni tan-nies u tal-ambjent mill-effetti kkombinati tas-sustanzi kimiċi
In-nies u organiżmi ħajjin oħra huma esposti kuljum għal taħlita wiesgħa ta’ sustanzi kimiċi li joriġinaw minn sorsi varji. F’dawn l-aħħar snin sar progress sinifikanti biex jingħalqu xi lakuni fl-għarfien dwar l-impatt tal-effett ikkombinat ta’ dawk is-sustanzi kimiċi. Madankollu, is-sikurezza tas-sustanzi kimiċi fl-UE normalment tiġi vvalutata permezz tal-evalwazzjoni ta’ sustanzi uniċi, jew f’xi każijiet ta’ taħlitiet miżjuda intenzjonalment għal użi partikolari, mingħajr ma jitqies l-esponiment ikkombinat għal diversi sustanzi kimiċi minn sorsi differenti u matul iż-żmien. Għan-nies, l-effetti kkombinati tas-sustanzi kimiċi jistgħu jintensifikaw f’ambjenti magħluqa. Uħud mill-atti leġiżlattivi jirrikjedu li jiġi vvalutat l-esponiment kumulattiv għall-istess sustanza kimika minn sorsi differenti. Ġeneralment hemm nuqqas ta’ rekwiżiti espliċiti biex jitqies l-impatt tat-taħlitiet mhux intenzjonati, li jeżisti bħalissa għall-protezzjoni tal-ħaddiema. Il-leġiżlazzjoni dwar il-pestiċidi u l-bijoċidi tirrikjedi li tqis l-effetti kumulattivi u sinerġistiċi. Għall-pestiċidi, sar progress biex tiġi żviluppata metodoloġija mmirata, u se titħaffef il-ħidma sabiex id-dispożizzjonijiet eżistenti jkunu jistgħu jiġu implimentati bis-sħiħ.
Sabiex jiġi indirizzat l-effett ikkombinat tat-taħlitiet ta’ sustanzi kimiċi, jeħtieġ li konsistentement, ikun hemm rekwiżiti legali fis-seħħ li jiżguraw li r-riskji mill-esponiment simultanju għal diversi sustanzi kimiċi jitqiesu effettivament u sistematikament fl-oqsma tal-politika relatati mas-sustanzi kimiċi kollha. Peress li bħalissa la huwa realistiku u lanqas huwa fattibbli ekonomikament li jiġi vvalutat u rregolat għadd kważi infinit ta’ kombinazzjonijiet possibbli ta’ sustanzi kimiċi, qed jibda jkun hemm kunsens xjentifiku li l-effett tat-taħlitiet tas-sustanzi kimiċi jrid jitqies u jiġi integrat b’mod ġenerali fil-valutazzjonijiet dwar ir-riskji tas-sustanzi kimiċi. Fl-istess ħin, il-metodoloġiji mmirati jistgħu jiġu żviluppati u esplorati iktar għal oqsma ta’ politika speċifiċi.
TAĦLITIET KIMIĊI
Il-Kummissjoni se:
·tivvaluta kif tintroduċi bl-aħjar mod f’REACH fattur(i) ta’ valutazzjoni tat-taħlita għall-valutazzjoni tas-sigurtà kimika tas-sustanzi;
·tintroduċi jew issaħħaħ dispożizzjonijiet li jqisu l-effetti kkombinati f’leġiżlazzjoni rilevanti oħra, bħal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma, l-addittivi tal-ikel, il-ġugarelli, il-materjal li jiġi f’kuntatt mal-ikel, id-deterġenti u l-kożmetiċi;
·ittejjeb il-valutazzjonijiet tat-taħlitiet użati fil-manifattura tat-tabakk u l-prodotti relatati billi fejn possibbli, jintużaw aġenziji eżistenti tal-UE.
|
2.2.3.Lejn tniġġis kimiku żero fl-ambjent
Is-sustanzi kimiċi perikolużi u l-interazzjoni kumplessa tagħhom ma’ fatturi oħra ta’ stress ambjentali jista’ jkollhom impatti ambjentalifit-tul u fuq skala kbira fuq l-ambjent terrestri u tal-baħar. Jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tar-reżiljenza tal-ekosistema, li jwassal għal tnaqqis rapidu fil-popolazzjonijiet tal-annimali u, fl-aħħar mill-aħħar, għall-estinzjonijiet, u li jħalli impatt fuq is-saħħa u l-benessri tal-bniedem, mhux l-inqas permezz tal-preżenza possibbli ta’ kontaminanti fil-katina alimentari. Huwa stmat li jeżistu 2,8 miljun sit potenzjalment ikkontaminat fl-UE, l-iktar minħabba r-rimi u t-trattament tal-iskart, li huma ta’ periklu ambjentali sinifikanti għall-ekosistemi terrestri u akkwatiċi u li jaffettwaw il-produttività tal-ħamrija. Il-qafas regolatorju u ta’ politika attwali ibati biex jieħu kont ta’ dan u jeħtieġ jissaħħaħ.
TNIĠĠIS KIMIKU FL-AMBJENT NATURALI
Il-Kummissjoni se:
·tipproponi klassijiet u kriterji ġodda ta’ periklu fir-Regolament CLP biex tindirizza bis-sħiħ it-tossiċità, il-persistenza, il-mobbiltà u l-bijoakkumulazzjoni ambjentali;
·tintroduċi s-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, persistenti, mobbli u tossiċi u persistenti ħafna u mobbli ħafna bħala kategoriji ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna;
·tiżgura li l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet dwar is-sustanzi tippermetti valutazzjonijiet komprensivi tar-riskju ambjentali billi ssaħħaħ ir-rekwiżiti fil-leġiżlazzjoni kollha;
·tindirizza l-impatt fuq l-ambjent tal-produzzjoni u l-użu tal-farmaċewtiċi fl-istrateġija futura dwar il-farmaċewtiċi għall-Ewropa;
·tappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp għal soluzzjonijiet ta’ dekontaminazzjoni f’ambjenti terrestri u akkwatiċi;
·issaħħaħ ir-regolament tal-kontaminanti kimiċi fl-ikel biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.
|
Is-sustanzi per- u polifluworoalkilati (PFAS) jirrikjedu attenzjoni speċjali, meta wieħed iqis l-għadd kbir ta’ każijiet ta’ kontaminazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma - inkluż l-ilma tax-xorb - fl-UE u globalment, l-għadd ta’ nies milquta bi spettru sħiħ ta’ mard u l-ispejjeż soċjetali u ekonomiċi relatati. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni tipproponi sett komprensiv ta’ azzjonijiet biex tindirizza l-użu tal-PFAS u l-kontaminazzjoni bihom. Għandhom l-għan li jiżguraw, b’mod partikolari, li l-użu tal-PFAS jinqata’ gradwalment fl-UE, sakemm ma jiġix ippruvat li huma essenzjali għas-soċjetà.
PFAS
Il-Kummissjoni se:
·tipprojbixxi l-PFAS kollha bħala grupp fil-foams għat-tifi tan-nar kif ukoll f’użi oħra, filwaqt li tippermetti l-użu tagħhom biss meta jkunu essenzjali għas-soċjetà;
·tindirizza l-PFAS b’approċċ ta’ grupp, skont il-leġiżlazzjoni rilevanti dwar l-ilma, il-prodotti sostenibbli, l-ikel, l-emissjonijiet industrijali, u l-iskart;
·tindirizza t-tħassib dwar il-PFAS fuq skala globali permezz tal-fora internazzjonali rilevanti u fi djalogi ta’ politika bilaterali ma’ pajjiżi terzi;
·tistabbilixxi approċċ fl-UE kollha u tipprovdi appoġġ finanzjarju taħt il-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni biex jiġu identifikati u żviluppati metodoloġiji innovattivi ta’ rimedju għall-kontaminazzjoni tal-PFAS fl-ambjent u fil-prodotti;
·tipprovdi finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni għal innovazzjonijiet sikuri biex jissostitwixxu l-PFAS taħt Orizzont Ewropa.
|
2.3.Is-simplifikazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-qafas ġuridiku
Il-qafas regolatorju tal-UE għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tal-perikli u r-riskji tas-sustanzi kimiċi huwa komprensiv u kumpless. B’mod ġenerali, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi tagħti r-riżultati kif mistennija u hija adattata għall-iskop tagħha. Madankollu, għadd ta’ dgħufijiet sinifikanti jżommu l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi lura milli tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha. Jekk ma jiġix indirizzat malajr, il-qafas se jitħabat biex ilaħħaq fil-ħin u b’mod effiċjenti mal-produzzjoni u l-użu attwali u futuri tas-sustanzi kimiċi. Ambizzjoni ewlenija ta’ din l-istrateġija hija li tiżgura s-simplifikazzjoni ta’ dan il-qafas, kif ukoll il-konsolidazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi.
2.3.1.Sustanza waħda, valutazzjoni waħda
Il-kumplessità tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tirrappreżenta sfida speċifika għall-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati. Tista’ twassal għal inkonsistenzi, proċeduri li jimxu bil-mod, użu ineffiċjenti tar-riżorsi u piżijiet bla bżonn.
Il-Kummissjoni se tirsisti biex tagħmel dawk il-proċessi ta’ valutazzjoni iktar sempliċi u trasparenti, sabiex tnaqqas il-piż fuq il-partijiet ikkonċernati kollha u sabiex tħaffef it-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll biex dan il-proċess ikun iktar konsistenti u prevedibbli. Dan il-proċess se jappoġġa wkoll it-tbegħid gradwali lil hinn mill-valutazzjoni u r-regolamentazzjoni tas-sustanzi kimiċi sustanza b’sustanza u r-regolamentazzjoni tagħhom bħala gruppi.
Qed jibdew jitwettqu valutazzjonijiet tas-sikurezza kimika skont diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni, minn diversi atturi u fi żminijiet differenti, u dawn jitwettqu minn diversi aġenziji tal-UE, kumitati xjentifiċi, gruppi ta’ esperti jew dipartimenti tal-Kummissjoni. Il-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku ġenerali jsibuha diffiċli biex iżommu kont tal-proċessi regolatorji u d-deċiżjonijiet li jirriżultaw minnhom. L-approċċ “Sustanza waħda, valutazzjoni waħda” se jiżgura li l-bidu u l-iffissar tal-prijoritajiet tal-valutazzjonijiet tas-sikurezza jsiru b’mod ikkoordinat, trasparenti u kemm jista’ jkun sinkronizzat filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull settur. Meta tiġi proposta valutazzjoni taħt biċċa leġiżlazzjoni waħda, għandu jittieħed kont sħiħ tal-ippjanar skont biċċiet oħra ta’ leġiżlazzjoni, sabiex tiġi żgurata azzjoni koordinata. Dan jista’ jsir bl-aktar mod effiċjenti billi wieħed jibni fuq is-suċċess tal-“Għodda ta’ Koordinazzjoni tal-Attivitajiet Pubbliċi”, il-mekkaniżmu eżistenti fis-seħħ skont ir-REACH u s-CLP
. Sabiex jiġi evitat ix-xogħol doppju, huwa fundamentali li jkun hemm ftehim bikri dwar id-definizzjoni tal-problema, li jiffavorixxi l-valutazzjoni minn gruppi ta’ sustanzi b’similaritajiet strutturali jew funzjonali. L-użu tar-riżorsi u l-għarfien espert disponibbli għandu jiġi ottimizzat, permezz ta’ allokazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet kif ukoll ta’ kooperazzjoni tajba fost l-atturi kollha.
KOORDINAZZJONI U SIMPLIFIKAZZJONI TAL-AZZJONIJIET FIL-LEĠIŻLAZZJONI KOLLHA TAL-UE DWAR IS-SUSTANZI KIMIĊI
Il-Kummissjoni se:
·tuża “Għodda ta’ Koordinazzjoni tal-Attivitajiet Pubbliċi” unika biex tipprovdi ħarsa ġenerali aġġornata tal-inizjattivi kollha ppjanati u li għaddejjin dwar is-sustanzi kimiċi mill-awtoritajiet fil-leġiżlazzjoni kollha;
·tistabbilixxi grupp ta’ ħidma ta’ esperti tal-Istati Membri, tas-servizzi tal-Kummissjoni u tal-Aġenziji tal-UEbiex jiddiskutu inizjattivi dwar il-valutazzjoni tal-periklu/riskji tas-sustanzi kimiċi fil-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, u li jqisu wkoll l-ispeċifiċitajiet tas-settur ikkonċernat;
·tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni biex taqbel u tissinkronizza, sa fejn ikun possibbli, azzjonijiet fil-leġiżlazzjoni kollha dwar is-sustanzi kimiċi fir-rigward tal-identifikazzjoni/klassifikazzjoni tal-perikli u l-valutazzjoni tar-riskju u tissorvelja l-proċess lejn “Sustanza waħda, valutazzjoni waħda”;
·tirrazzjonalizza l-użu tal-għarfien espert u r-riżorsi billi tipproponi l-għoti mill-ġdid tal-ħidma teknika u xjentifika dwar is-sustanzi kimiċi mwettqa skont il-biċċiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni lill-aġenziji Ewropej , inkluż il-ħidma tax-SCHEER u l-SCCS;
·tagħmel proposta biex issaħħaħ il-governanza tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u żżid is-sostenibbiltà tal-mudell ta’ finanzjament tagħha;
·tirriforma l-proċessi ta’ awtorizzazzjoni u ta’ restrizzjoni tar-REACH abbażi ta’ sejbiet ewlenin mill-implimentazzjoni prattika tagħha.
|
Sabiex tinkiseb il-konsistenza tal-eżiti regolatorji, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi jeħtieġ li tuża terminoloġija koerenti, b’mod partikolari biex tiddefinixxi s-sustanzi kimiċi (eż. in-nanomaterjali). L-evalwazzjonijiet tal-politika juru wkoll li l-partijiet interessati mhux dejjem ikunu konxji ta’ liema informazzjoni tkun disponibbli, u li xi drabi d-drittijiet għall-użu mill-ġdid ikunu restrittivi wisq. Jenfasizzaw ukoll għadd ta’ nuqqasijiet fl-interoperabbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data kimika
. Barra minn hekk, il-valutazzjonijiet tas-sikurezza regolatorja jużaw diversi metodoloġiji, li jistgħu jwasslu għal riżultati inkoerenti, filwaqt li l-istudji akkademiċi mhumiex sfruttati biżżejjed. Regoli ta’ trasparenza differenti huma applikati wkoll għall-bidu u t-twettiq tal-valutazzjonijiet u l-użu tad-data.
L-approċċ lejn “Sustanza waħda, valutazzjoni waħda” għandu l-għan li jiżgura li l-metodoloġiji jsiru aktar koerenti u sa fejn ikun possibbli armonizzati. Il-mira tiegħu hija li jillibera l-aċċess għad-data minn ostakli tekniċi jew amministrattivi, f’konformità mal-prinċipji li d-data għandha tkun tista’ tinstab faċilment, tkun interoperabbli, tkun sigura, tista’ tiġi kondiviża u użata mill-ġdid b’mod awtomatiku. Id-data se tkun disponibbli f’formati u għodod xierqa — jiġifieri IUCLID u IPCHEM — biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà. L-approċċ “Sustanza waħda, valutazzjoni waħda” se jibni wkoll fiduċja akbar fil-bażi xjentifika li ssejjes il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi, filwaqt li jibni fuq il-passi importanti meħuda fir-rigward tat-trasparenza fis-settur tas-sikurezza tal-ikel tal-UE.
METODOLOĠIJI U DATA
Il-Kummissjoni se:
·tiżgura li r-Regolament CLP ikun il-parti ċentrali għall-klassifikazzjoni tal-perikli u jippermetti lill-Kummissjoni tibda klassifikazzjonijiet armonizzati;
·tirrieżamina d-definizzjoni ta’ nanomaterjal u tiżgura l-applikazzjoni koerenti tagħha fil-leġiżlazzjoni kollha bl-użu ta’ mekkaniżmi legalment vinkolanti;
·tiżviluppa pjattaforma komuni ta’ data miftuħa dwar is-sustanzi kimiċi biex tiffaċilita l-kondiviżjoni, l-aċċess u l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi li tiġi mis-sorsi kollha;
·tippromwovi l-użu mill-ġdid u l-armonizzazzjoni tal-valuri ta’ limitu bbażati fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent fost l-assessuri u l-maniġers tar-riskju tal-UE permezz ta’ repożitorju ċentralizzat u mrażżan tal-UE;
·tistabbilixxi għodod u prattiki biex tiżgura li d-data akkademika rilevanti tkun aċċessibbli u aċċessibbli faċilment għall-valutazzjonijiet tas-sikurezza u tkun adatta għall-finijiet regolatorji;
·tippermetti lill-awtoritajiet tal-UE u dawk nazzjonali biex jikkummissjonaw l-ittestjar u l-monitoraġġ ta’ sustanzi bħala parti mill-qafas regolatorju meta aktar informazzjoni tkun meqjusa meħtieġa;
·tneħħi l-ostakli leġiżlattivi għall-użu mill-ġdid tad-data u tissimplifika aħjar il-fluss tad-data kimika bejn l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali;
·testendi l-prinċipju tad-data miftuħa u l-prinċipji ta’ trasparenza rilevanti mis-settur tas-sikurezza tal-ikel tal-UE għal biċċiet oħra ta’ leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi.
|
2.3.2.Approċċ ta’ tolleranza żero għan-nuqqas ta’ konformità
Is-sustanzi kimiċi, il-materjali u l-prodotti kollha prodotti fl-UE jew imqiegħda fis-suq Ewropew iridu jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-UE dwar l-informazzjoni, s-sikurezza u l-ambjent. Minkejja dan, bħalissa kważi 30 % tal-allerti dwar prodotti perikolużi fis-suq jinvolvu riskji minħabba sustanzi kimiċi, bi kważi 90 % ta’ dawk il-prodotti ġejjin minn barra l-UE u oġġetti importati u bejgħ online li jirrappreżentaw sfida partikolari. Bl-istess mod, terz biss mid-dossiers ta’ reġistrazzjoni tas-sustanzi kimiċi rreġistrati mill-industrija skont ir-REACH huma kompletament konformi mar-rekwiżiti dwar l-informazzjoni. Jeħtieġ li minnufih jissaħħu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi b’mod urġenti biex tiġi żgurata l-konformità għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi kimiċi kif ukoll għar-rilaxx u r-rimi tagħhom.
L-implimentazzjoni tar-Regolament il-ġdid dwar is-sorveljanza tas-suq kif ukoll il-miżuri li jmiss jittieħdu biex tissaħħaħ l-Unjoni Doganali tal-UE se jsaħħu l-infurzar kemm fi ħdan is-suq uniku kif ukoll fil-fruntieri esterni tal-UE. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra liema miżuri jistgħu jiġu stabbiliti sabiex jissaħħaħ l-infurzar ta’ REACH fil-fruntieri tal-UE, kif ukoll sabiex tiġi promossa l-kooperazzjoni mal-pjattaformi ta’ swieq online.
Barra minn hekk, l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi mhuwiex effettiv b’mod ugwali fl-UE kollha, minħabba l-kapaċitajiet u r-riżorsi differenti fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri jridu jżidu l-kapaċità ta’ infurzar tagħhom għal livelli fejn jistgħu jkunu effettivi, filwaqt li jippermettu li jinkisbu l-benefiċċji mill-għodod ta’ informazzjoni u twissija rapidi tal-UE, jisfruttaw aħjar l-għodod diġitali għal azzjoni aktar rapida u jottimizzaw ir-riżorsi, inkluż tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq. Il-Forum tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għall-iskambju tal-informazzjoni u l-infurzar wera li huwa effettiv biex javvanza l-armonizzazzjoni tal-infurzar u se jestendi l-kooperazzjoni tiegħu man-networks u l-awtoritajiet tal-infurzar eżistenti biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-azzjonijiet u tiżdied l-effettività.
L-attivitajiet li għaddejjin bħalissa għandhom l-għan li jtejbu l-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti għas-sustanzi kimiċi. Eżempju tajjeb huwa l-Forum dwar il-Konformità u l-Governanza Ambjentali, li jlaqqa’ flimkien l-awtoritajiet tas-sustanzi kimiċi tal-Istati Membri u n-networks tal-infurzar ambjentali. Il-pjan ta’ azzjoni tal-futur għal tniġġis żero se jagħti bidu għal aktar azzjonijiet speċifiċi għall-kontroll tat-tniġġis kimiku.
L-azzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi u lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur se jkunu wkoll kruċjali, peress li l-imġiba tagħhom tmexxi b’saħħa l-bidla industrijali u tiżgura l-konformità mal-leġiżlazzjoni. Dan se jiġi segwit bl-implimentazzjoni tar-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur.
TOLLERANZA ŻERO GĦAN-NUQQAS TA’ KONFORMITÀ
Il-Kummissjoni se:
·ssaħħaħ il-prinċipji ta’ “ebda data, ebda suq” u li “min iniġġes iħallas” skont ir-REACH, b’mod partikolari billi tirrikjedi l-konformità tad-dossiers ta’ reġistrazzjoni kollha u billi tirrevoka n-numri ta’ reġistrazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità;
·tipproponi li l-Kummissjoni tiġi fdata bid-dmir li twettaq awditi fl-Istati Membri, fejn rilevanti, biex tiżgura l-konformità u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, b’mod partikolari r-REACH, u tuża proċeduri ta’ ksur kif meħtieġ;
·timmira lejn oqsma magħrufa għal riskju għoli ta’ nuqqas ta’ konformità, b’mod partikolari l-bejgħ online, l-oġġetti importati, il-klassifikazzjoni u t-tikkettar u r-restrizzjonijiet;
·testendi l-ambitu tal-azzjoni tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi għall-koordinazzjoni u l-investigazzjoni , biex tiġi indirizzata ċ-ċirkolazzjoni ta’ prodotti kimiċi illeċiti fl-UE;
·tappoġġa lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lill-infurzar integrat permezz ta’ kontrolli multileġiżlattivi;
·tiżgura rispons armonizzat fl-UE kollha u skambju kkoordinat ta’ informazzjoni dwar l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, billi ssaħħaħ l-użu ta’ pjattaformi tal-IT tal-Kummissjoni rilevanti;
·tesplora l-użu ta’ għodod diġitali bħala appoġġ għas-sorveljanza tas-suq u għall-awtoritajiet doganali kif ukoll biex titjieb il-konformità tal-prodotti li fihom sustanzi kimiċi u li jinbiegħu online lill-konsumaturi Ewropej;
·tħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jinvestu fit-tisħiħ tal-infrastrutturi tas-sorveljanza tas-suq u d-diġitalizzazzjoni;
·tistabbilixxi — bir-Regolament dwar is-Sorveljanza tas-Suq– kundizzjonijiet uniformi u frekwenza ta’ kontrolli għal ċerti prodotti fejn riskji speċifiċi jew ksur serju tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni jkunu ġew identifikati kontinwament.
|
2.4.Bażi ta’ għarfien komprensiva dwar is-sustanzi kimiċi
Il-ġestjoni tajba tas-sustanzi kimiċi fl-Ewropa tiddependi fuq il-kapaċità tal-UE u l-Istati Membri tagħha li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom abbażi ta’ għarfien robust u rilevanti, u aġġornat. Tul diversi għexieren ta’ snin, l-UE żviluppat għarfien mill-aqwa fid-dinja dwar il-karatteristiċi u r-riskji tas-sustanzi kimiċi wkoll bis-saħħa tal-ħidma mwettqa mill-korpi xjentifiċi tagħha u din il-bażi ta’ għarfien intużat ħafna wkoll f’partijiet oħra tad-dinja. Madankollu, hemm ħafna għarfien li jista’ jinkiseb mill-awtoritajiet dwar il-karatteristiċi intrinsiċi ta’ maġġoranza kbira ta’ sustanzi kimiċi, inklużi polimeri u sustanzi kimiċi li mhumiex manifatturati f’volumi kbar. Bl-istess mod, l-għarfien dwar l-użi u l-esponiment huwa frammentat, b’mod partikolari għax jiddependi fuq l-industrija biex tipprovdi informazzjoni preċiża. L-għadd kbir ta’ sustanzi kimiċi fis-suq jirrappreżenta sfida kbira ta’ għarfien, u ż-żieda futura mistennija fil-produzzjoni u fl-użu ta’ sustanzi kimiċi tirriskja li tkompli twessa’ t-“territorju mhux magħruf tar-riskji kimiċi”.
Figura: It-territorju mhux magħruf tar-riskji kimiċi, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
2.4.1.Disponibbiltà mtejba tad-data kimika
L-UE għad ma għandhiex bażi ta’ informazzjoni komprensiva dwar is-sustanzi kollha mqiegħda fis-suq u dwar l-impronta ambjentali ġenerali tagħhom, inkluż l-impatt tagħhom fuq il-klima, u dan ixekkel il-ġestjoni xierqa tas-sustanzi kimiċi u l-prodotti u ma jippermettix valutazzjoni sħiħa tas-sostenibbiltà. B’mod partikolari, il-polimeri, li huma l-moduli fundamentali tal-plastik, mhumiex soġġetti għar-reġistrazzjoni skont ir-REACH. Barra minn hekk, l-informazzjoni meħtieġa għal sustanzi fit-tunnellaġġ baxx u medju skont ir-REACH ma tippermettix kompletament li jiġu identifikati sustanzi bi karatteristiċi kritiċi ta’ periklu. It-tisħiħ tar-rekwiżiti tal-informazzjoni dwar il-karċinoġeniċità tas-sustanzi u dwar perikli kritiċi oħra fil-livelli kollha tal-produzzjoni għandu rwol fundamentali biex nirnexxu fil-ġlieda kontra l-mard bħall-kanċer. Barra minn hekk, l-effiċjenza u l-effettività tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni tar-REACH jeħtieġ li jittejbu.
REKWIŻITI TAL-INFORMAZZJONI
Il-Kummissjoni se:
·tagħmel proposta biex testendi d-dmir ta’ reġistrazzjoni skont ir-REACH għal ċerti polimeri ta’ tħassib;
·tivvaluta kif l-aħjar tintroduċi r-rekwiżiti tal-informazzjoni skont ir-REACH dwar l-impronta ambjentali ġenerali tas-sustanzi kimiċi, inkluż dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra;
·temenda r-rekwiżiti tal-informazzjoni tar-REACH biex tippermetti identifikazzjoni effettiva tas-sustanzi b’karatteristiċi kritiċi ta’ periklu , inklużi l-effetti fuq is-sistema nervuża u dik immunitarja;
·temenda r-rekwiżiti ta’ informazzjoni tar-REACH biex tippermetti l-identifikazzjoni tas-sustanzi karċinoġeniċi kollha manifatturati jew importati fl-UE, irrispettivament mill-volum.
|
2.4.2.Interfaċċa msaħħa bejn ix-xjenza kimika u l-politika
Saru sforzi sostanzjali biex jitjieb il-fehim xjentifiku tal-impatti tas-sustanzi kimiċi fuq is-saħħa u l-ambjent. Il-monitoraġġ tal-preżenza ta’ sustanzi kimiċi fil-bnedmin u fl-ekosistemi huwa essenzjali biex nifhmu aħjar l-impatt tagħhom, u għandu jiġi promoss aktar, inkluż biex nifhmu r-rabtiet bejn is-sustanzi kimiċi u l-ġeneri. Permezz ta’ sħubija mal-Istati Membri, l-Kummissjoni se tkompli tħeġġeġ ir-riċerka u l-(bijo)monitoraġġ sabiex tifhem u tipprevjeni r-riskji relatati mas-sustanzi kimiċi u biex tmexxi l-innovazzjoni fil-valutazzjonijiet dwar ir-riskji tas-sustanzi kimiċi u x-xjenza regolatorja ’l quddiem permezz tal-programm qafas futur tagħha għar-riċerka u l-innovazjoni.
Minkejja politika tal-UE b’saħħitha għall-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi, adottata 10 snin ilu, li l-għan aħħari tagħha huwa l-mira li tissostitwixxi l-ittestjar fuq l-annimali kompletament, fil-qasam tas-sustanzi kimiċi għad hemm il-ħtieġa li l-annimali jintużaw sistematikament għall-ittestjar . L-ittestjar tas-sikurezza u l-valutazzjoni tar-riskji kimiċi jridu jkunu innovattivi sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq l-ittestjar fuq l-annimali iżda wkoll biex jiżdiedu l-kwalità, l-effiċjenza u l-ħeffa tal-valutazzjonijiet tal-perikli u tar-riskji kimiċi.
L-INTERFAĊĊJA BEJN IX-XJENZA U L-POLITIKA
Il-Kummissjoni se:
·tistabbilixxi u taġġorna aġenda ta’ riċerka u innovazzjoni għas-sustanzi kimiċi, immexxija minn Grupp ta’ Koordinazzjoni fil-livell tal-UE, li jkun jippromwovi wkoll l-adozzjoni regolatorja tas-sejbiet tar-riċerka;
·tħeġġeġ riċerka u innovazzjoni diġitali multidixxiplinarji għal għodod, metodi u mudelli avvanzati, u kapaċitajiet ta’ analiżi tad-data
sabiex nitbiegħdu wkoll mill-ittestjar fuq l-annimali;
·tipprovdi appoġġ finanzjarju għal kapaċitajiet ta’ (bijo)monitoraġġ tal-bniedem u tal-ambjent fl-UE kollha, li jikkumplimentaw l-inizjattivi ta’ monitoraġġ tal-ekosistema;
·tiżviluppa sistema ta’ twissija u azzjoni bikrija tal-UE għas-sustanzi kimiċi biex tiżgura li l-politiki tal-UE jindirizzaw ir-riskji kimiċi emerġenti hekk kif jiġu identifikati permezz tal-monitoraġġ u r-riċerka;
·tiżviluppa qafas ta’ indikaturi biex timmonitorja l-fatturi li jikkawżaw it-tniġġis tas-sustanzi kimiċi u l-impatti tiegħu u biex tkejjel l-effettività tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi.
|
2.5.Nagħtu l-eżempju għal ġestjoni globali tajba tas-sustanzi kimiċi
Il-produzzjoni, l-użu u l-kummerċ tas-sustanzi kimiċi qed jikbru fir-reġjuni kollha tad-dinja. Il-fatturat dinji tas-sustanzi kimiċi kien stmat għal EUR 3 347 biljun fl-2018 u l-produzzjoni mistennija tirdoppja sal-2030. Setturi intensivi fil-kimika bħall-kostruzzjoni, is-settur awtomobilistiku u l-elettronika qed jikbru wkoll, u qed iżidu d-domanda għas-sustanzi kimiċi u joħolqu l-opportunitajiet, iżda wkoll ir-riskji. Għalkemm il-kontribut tiegħu għall-piż globali tal-mard għadu sottovalutat, it-tniġġis kimiku huwa rikonoxxut bħala theddida għad-dritt għal ħajja dinjituża, b’mod partikolari għat-tfal u b’mod partikolari f’pajjiżi bi dħul baxx u medju.
Fl-2015, il-komunità internazzjonali impenjat ruħha mill-ġdid li tilħaq il-mira ta’ ġestjoni globali tajba tas-sustanzi kimiċi sal-2020, li hija wkoll element trasversali essenzjali biex jintlaħqu l-biċċa l-kbira tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli l-oħra. Għalkemm sar ħafna fil-livelli kollha, il-progress għadu kajman u mhux biżżejjed, u dan l-impenn globali ma ntlaħaqx. Hemm bżonn sens reali ta’ urġenza. L-Unjoni Ewropea tista’ u trid taqdi rwol ewlieni biex tappoġġa u tippromwovi standards għoljin fid-dinja.
2.5.1.It-tisħiħ tal-istandards internazzjonali
Diġà hemm fis-seħħ diversità wiesgħa ta’ strumenti u risponsi internazzjonali, reġjonali u nazzjonali assoċjati mal-ġestjoni tajba tas-sustanzi kimiċi u l-iskart. Madankollu, il-governanza globali għadha frammentata ħafna, u l-istandards u l-konformità jvarjaw ħafna bejn il-pajjiżi. Pereżempju, mill-2018, aktar minn 120 pajjiż ma kinux implimentaw is-Sistema Globalment Armonizzata tal-Klassifikazzjoni u l-Ittikkettar ta’ Sustanzi Kimiċi. Din il-frammentazzjoni xekklet l-impatt u l-effettività ġenerali tal-organizzazzjonijiet, il-programmi u l-inizjattivi eżistenti.
Hemm bżonn objettivi u miri strateġiċi globali għal qafas internazzjonali ambizzjuż li jindirizza l-frammentazzjoni attwali u jrawwem politiki u azzjonijiet koerenti mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-gvernijiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluża l-industrija. Approċċ Strateġiku mġedded għall-Ġestjoni Internazzjonali tas-Sustanzi Kimiċi huwa l-ftehim multilaterali essenzjali li se jippermetti li tiġi indirizzata bis-sħiħ il-ġestjoni tajba tas-sustanzi kimiċi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Filwaqt li huwa importanti li jintużaw l-istandards, il-gwidi u l-metodoloġiji internazzjonali relevanti meta jiġu żviluppati r-regoli tal-UE, sakemm ma jkunux ineffettivi jew mhux adegwati, huwa daqstant ieħor fundamentali li tiġi integrata l-ġestjoni soda tas-sustanzi kimiċi u l-iskart fil-programmi ta’ ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti kollha. Se tippermetti lill-UE li tippromwovi politiki u azzjonijiet konsistenti taħt l-Aġenda 2030 tan-NU, f’konformità mal-impenji internazzjonali tal-UE.
TMEXXIJA INTERNAZZJONALI
L-UE se:
·żżid il-promozzjoni internazzjonali tagħha biex tilħaq l-għanijiet u l-miri tal-Aġenda 2030 għall-ġestjoni tajba tas-sustanzi kimiċi, b’mod partikolari billi jkollha rwol ewlieni u billi tippromwovi l-implimentazzjoni ta’ strumenti internazzjonali eżistenti kif ukoll standards tal-UE globalment;
·tirsisti għall-adozzjoni ta’ objettivi u miri strateġiċi globali għall-ġestjoni tajba tas-sustanzi kimiċi u l-iskart lil hinn mill-2020 biex jirriflettu l-approċċi taċ-ċiklu tal-ħajja għas-sustanzi kimiċi, f’konformità mal-miri tal-bijodiversità globali għal wara l-2020;
·flimkien mal-industrija, tippromwovi l-implimentazzjoni tas-Sistema Globalment Armonizzata tal-Klassifikazzjoni u l-Ittikkettar ta’ Sustanzi Kimiċi (GHS tan-NU) bħala l- mezz li bih tidentifika r-riskji kimiċi u tgħarraf lill-operaturi l-ħaddiema u lill-konsumaturi bihom;
·tipproponi li tintroduċi l-kriterji/il-klassijiet ta’ periklu fil-GHS tan-NU, li tadattahom jew li tiċċarahom;
·tippromwovi l-iżvilupp ta’ standards komuni u għodod ta’ valutazzjoni tar-riskji innovattivi internazzjonalment, b’mod partikolari mal-OECD, u tippromwovi l-użu tagħhom taħt oqfsa internazzjonali, fosthom biex jitbiegħdu dejjem aktar mill-ittestjar fuq l-annimali.
|
2.5.2.Il-promozzjoni ta’ standards ta’ sikurezza u sostenibbiltà barra mill-UE
Filwaqt li l-produzzjoni globali tas-sustanzi kimiċi hija stmata li tirdoppja sal-2030, is-sehem globali stmat tal-industrija tas-sustanzi kimiċi tal-UE huwa mistenni li jonqos għal madwar 10,7 %. Ħafna miż-żieda mistennija fil-produzzjoni tas-sustanzi kimiċi se timxi lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ekonomiji fi tranżizzjoni. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi ppożizzjonat lill-UE bħala minn ta’ quddiem fl-istandards tas-saħħa u dawk ambjentali dwar il-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi u din l-istrateġija għandha l-mira li tmexxi t-tmexxija tal-UE fil-produzzjoni u l-użu tas-sustanzi kimiċi sostenibbli. L-UE trid tinqeda bil-piż tagħha fid-dinja biex tippromwovi approċċi sikuri u sostenibbli mid-disinn globalment, biex toħloq kundizzjonijiet ekwi u biex iżżid is-sehem mis-suq għall-kumpaniji li jipproduċu u li jużaw sustanzi kimiċi sikuri u sostenibbli.
Il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni internazzjonali aktar mill-qrib huma wkoll imperattivi. Il-Kummissjoni hija impenjata li tappoġġa l-kapaċità tal-pajjiżi sħab tal-UE biex jilħqu l-obbligi internazzjonali tagħhom skont l-istrumenti internazzjonali relatati mas-sustanzi kimiċi u biex jadottaw u jinfurzaw standards ambjentali, tas-saħħa u soċjali għoljin. L-azzjonijiet esterni tal-UE se jippromwovu u jintegraw il-ġestjoni tajba tas-sustanzi kimiċi tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom kollu u t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari u ħielsa mit-tossiċità, bħala elementi trasversali essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli u tqis il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp.
Fl-aħħar nett, il-kondiviżjoni tal-bażi tal-għarfien tal-UE hija importanti biex jiġu appoġġati l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, iżda wkoll għall-benefiċċju tal-aċċettazzjoni reċiproka tad-data fost l-OECD u pajjiżi rilevanti oħra. Dan huwa essenzjali biex jiġi evitat ix-xogħol doppju, jiġu ffrankati r-riżorsi u jiġu appoġġati l-istandards internazzjonali. Il-bażi ta’ għarfien eżistenti u l-esperjenza tal-aġenziji tal-UE, fi ħdan il-mandat u r-riżorsi tagħhom, għandhom ukoll ikunu ta’ benefiċċju għall-politiki u t-tmexxija internazzjonali tal-UE.
KOOPERAZZJONI MA’ PAJJIŻI TERZI
L-UE se:
·tippromwovi l-ġestjoni tajba tas-sustanzi kimiċi permezz tal-kooperazzjoni u s-sħubijiet internazzjonali, f’fora bilaterali, reġjonali u multilaterali, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni mal-Afrika, kif ukoll kooperazzjoni mal-ġirien u sħab oħra biex tappoġġa l-kapaċità tagħhom li jivvalutaw u jiġġestixxu s-sustanzi kimiċi b’mod sod;
·tmexxi bl-eżempju, u, f’konformità mal-impenji internazzjonali, tiżgura li s-sustanzi kimiċi perikolużi pprojbiti fl-Unjoni Ewropea ma jiġux prodotti għall-esportazzjoni, inkluż billi temenda l-leġiżlazzjoni relevanti jekk u kif ikun meħtieġ;
·tippromwovi d-diliġenza dovuta għall-produzzjoni u l-użu tas-sustanzi kimiċi fl-inizjattiva futura dwar il-governanza korporattiva sostenibbli.
|
3.Konklużjonijiet
Din l-istrateġija hija opportunità biex jiġi rrikonċiljat il-valur soċjetali tas-sustanzi kimiċi mal-limiti tas-saħħa tal-bniedem u tal-pjaneta kif ukoll biex l-industrija tiġi appoġġata fil-produzzjoni ta’ sustanzi kimiċi sikuri u sostenibbli. Hija wkoll opportunità biex nirreaġixxu għall-aspirazzjonijiet leġittimi taċ-ċittadini tal-UE għal livell għoli ta’ protezzjoni minn sustanzi kimiċi perikolużi u biex nippromwovu l-industrija tal-UE bħala mexxejja globali fil-produzzjoni u l-użu ta’ sustanzi kimiċi sikuri u sostenibbli.
Din l-istrateġija tirrappreżenta l-ewwel pass neċessarju lejn l-ambizzjoni tal-Ewropa ta’ tniġġis żero u l-miri relatati definiti fl-istrateġiji tal-bijodiversità u mill-għalqa sal-platt, tpoġġi s-sisien għall-pjan ta’ azzjoni futur għal tniġġis żero u tikkontribwixxi għas-suċċess tal-pjan Ewropew għall-ġlieda kontra l-kanċer. L-istrateġija tikkomplementa wkoll l-istrateġija industrijali Ewropea, il-pjan ta’ rkupru għall-Ewropa, il-pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija ċirkolari, u l-istrateġiji u l-inizjattivi oħra tal-Patt Ekoloġiku Ewropew bħall-istrateġija għall-farmaċewtika, l-istrateġija għall-idroġenu u l-inizjattiva dwar il-batteriji.
L-inizjattivi leġiżlattivi ġodda mħabbra f’din l-istrateġija se jkunu msejsa fuq l-għodod ta’ regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni. Se jsiru proposti legali, inkluża reviżjoni tar-Regolament REACH, bl-iktar mod speċifiku possibbli, u li tkun limitata għall-kisba tal-objettivi ta’ din l-Istrateġija, abbażi ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi u soġġetti għal valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi, inklużi analiżijiet ta’ kif jiġu affettwati l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u ta’ kif l-innovazzjoni titrawwem jew tiġi mfixkla.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex japprovaw din l-istrateġija u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni se tikkomunika maċ-ċittadini u mal-partijiet ikkonċernati b’mod koordinat biex tħeġġiġhom jipparteċipaw b’mod attiv.