Brussell, 14.10.2020

COM(2020) 643 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-titjib tal-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fl-UE u fl-Istati Membri tagħha


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-titjib tal-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fl-UE u fl-Istati Membri tagħha

I.Sejħa għal Azzjoni Konġunta

1L-involviment u l-impenn tal-Istati Membri, tal-pubbliku u tal-partijiet ikkonċernati kollha huwa kruċjali biex il-Patt Ekoloġiku Ewropew jirnexxi. Il-Kummissjoni impenjat ruħha fil-Patt Ekoloġiku Ewropew 1 biex “tikkunsidra tirrevedi r-Regolament ta’ Aarhus biex ittejjeb l-aċċess għall-istħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju fil-livell tal-UE għaċ-ċittadini u għall-NGOs li huma mħassba dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet b’effetti fuq l-ambjent. Il-Kummissjoni se tieħu wkoll azzjoni biex ittejjeb l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja quddiem il-qrati nazzjonali fl-Istati Membri kollha”.

2L-UE jenħtieġ li tinvolvi ruħha mal-membri tal-pubbliku jekk trid li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jirnexxi u jwassal għal bidla dejjiema. Il-pubbliku huwa forza xprunatriċi tat-tranżizzjoni ekoloġika, u jenħtieġ li jibqa’, u jenħtieġ li jkollu l-mezzi biex jinvolvi ruħu b’mod aktar attiv fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ politiki ġodda. Sabiex tissaħħaħ il-fiduċja kemm fl-amministrazzjonijiet nazzjonali kif ukoll f’dawk tal-UE, huwa daqstant importanti li jkun hemm il-“verifiki u l-bilanċi” meħtieġa biex ikun żgurat li l-atti u d-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jiġu vverifikati għall-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali. L-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, kemm permezz tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE) kif ukoll permezz tal-qrati nazzjonali bħala qrati tal-Unjoni, huwa miżura ta’ appoġġ importanti biex tgħin fit-twettiq tat-tranżizzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mod kif jissaħħaħ ir-rwol li s-soċjetà ċivili tista’ taqdi bħala għassiesa fl-ispazju demokratiku.

3Din il-Komunikazzjoni takkumpanja proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (Regolament ta’ Aarhus) bil-għan li jittejjeb ir-rieżami intern tal-atti amministrattivi ((COM) 2020 …) 2 . Meta tiġi adottata mill-koleġiżlaturi, il-proposta se ttejjeb l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (il-Konvenzjoni) 3  “b’mod li jkun kompatibbli mal-prinċipji fundamentali tal-ordni ġuridiku tal-Unjoni u mas-sistema tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju” 4 . Qed jiġi propost li l-organizzazzjonijiet ambjentali mhux governattivi (NGOs) jkollhom possibbiltajiet usa’ biex jisfidaw atti u ommissjonijiet tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE skont il-Konvenzjoni.

4Il-proposta leġiżlattiva għandha l-għan li ssaħħaħ is-sistema ta’ aċċess għall-ġustizzja tal-UE fi kwistjonijiet ambjentali. Meta titqies bħala ħaġa waħda, din is-sistema tagħti lil kull applikant aċċess għal mekkaniżmu ta’ rimedju effettiv f’konformità mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni.

5L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tenfasizza r-rwol vitali li għandhom l-Istati Membri fi ħdan is-sistema ġenerali tal-UE. L-Istati Membri għandhom jipprovdu u jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali regolati minn atti adottati skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, inklużi miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali relatati ma’ atti mhux leġiżlattivi tal-UE. L-aċċess għall-ġustizzja jinkludi l-provvediment ta’ locus standi għall-NGOs u għall-individwi direttament affettwati minn ksur tal-liġi ambjentali 5 anke f’kuntest transfruntier. Sfortunatament, hemm nuqqasijiet fil-prattika. Fl-2019, il-Kummissjoni ppubblikat l-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali 6 , li identifikat serje ta’ nuqqasijiet sistemiċi dwar l-implimentazzjoni fuq il-post tal-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fis-sistemi legali nazzjonali. Din enfasizzat, b’mod partikolari, il-problemi li qed jiffaċċjaw l-NGOs biex jiksbu locus standi biex jippreżentaw oġġezzjonijiet legali dwar kwistjonijiet ambjentali relatati mal-UE u ostakoli proċedurali, bħal spejjeż għoljin b’mod esaġerat.

6Biex ittejjeb is-sistema ta’ aċċess tal-UE għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, f’konformità mal-Konvenzjoni, li minnha l-Istati Membri jiffurmaw parti, il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex iżidu l-implimentazzjoni tal-liġijiet applikabbli tal-UE. Huwa daqstant importanti li r-regoli tal-Istati Membri applikabbli għall-ġudikatura u għall-prattika ġudizzjarja jimplimentaw bis-sħiħ il-ġurisprudenza tal-QĠUE dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jenħtieġ li ma joħolqux ostakolu għal dan, pereżempju billi ma jiġix ipprovdut locus standi lill-NGOs kif meħtieġ skont il-Konvenzjoni. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt fl-Istati Membri kollha, il-liġi nazzjonali trid tissodisfa r-rekwiżiti tal-Konvenzjoni, tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-ġurisprudenza tal-QĠUE. Il-qrati nazzjonali jenħtieġ li japplikaw u jinfurzaw ukoll ir-regoli applikabbli fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fl-ordnijiet ġuridiċi nazzjonali tagħhom li jirriżultaw mid-dritt tal-UE.

II.L-Importanza tal-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali fl-UE 

7L-aċċess għal rimedju effettiv u għal proċess ġust huwa dritt fundamentali tal-ordni ġuridiku tal-UE 7 . Is-sistemi ġudizzjarji effettivi għandhom rwol kruċjali fis-salvagwardja tal-istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) 8 , u fl-iżgurar tal-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-UE u fit-titjib tal-fiduċja pubblika fl-amministrazzjonijiet pubbliċi.

8Dan huwa rifless ukoll mill-Artikolu 19(1) tat-TUE li jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, u fil-ġurisprudenza tal-QĠUE dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. L-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali huwa wkoll rilevanti fil-kuntest tal-Artikoli 41 9 u 47 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u jgħin biex jipprovdi ċertezza tad-dritt.

9L-individwi u l-NGOs għandhom rwol kruċjali fl-identifikazzjoni ta’ ksur potenzjali tad-dritt tal-UE billi jippreżentaw ilmenti lill-amministrazzjonijiet jew billi jieħdu każijiet il-qorti. Meta individwi jew NGOs ifittxu ġustizzja quddiem korp amministrattiv mhux ġudizzjarju, l-istħarriġ jissejjaħ stħarriġ amministrattiv; jekk ifittxu rimedju l-qorti, dan jissejjaħ stħarriġ ġudizzjarju 11 .

10Is-sistema ta’ rimedju amministrattiv u ġudizzjarju tal-UE kollha kemm hi tinkludi mhux biss il-mekkaniżmu intern ta’ stħarriġ skont ir-Regolament ta’ Aarhus u l-aċċess għall-QĠUE, iżda tibbaża wkoll fuq il-qrati nazzjonali. L-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) b’mod partikolari, jippermetti lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun parti fi proċedimenti quddiem il-qrati nazzjonali titlob referenza preliminari għall-QĠUE rigward il-validità ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-UE. L-UE u s-sistemi nazzjonali ta’ rimedju meħudin flimkien huma essenzjali biex jipprovdu aċċess effettiv għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fl-UE.

III.L-UE bħala Parti għall-Konvenzjoni

11L-UE formalment saret Parti għall-Konvenzjoni fl-2005. Is-27 Stat Membru huma wkoll, separatament, Partijiet għall-Konvenzjoni kull wieħed minnhom b’kompetenzi, b’responsabbiltajiet u b’obbligi kondiviżi biex jiżguraw aċċess għall-ġustizzja fi “kwistjonijiet ambjentali” skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni 12 . Għalhekk, l-oneru ta’ konformità mal-Konvenzjoni huwa soġġett għal dan l-element karatteristiku tal-UE, fejn il-kompetenzi huma eżerċitati mill-UE u mill-Istati Membri tagħha. Huwa importanti li wieħed jiftakar fil-paragrafi li ġejjin, il-limiti speċifiċi u n-natura tal-obbligi li joħorġu mir-ratifika tal-Konvenzjoni.

12Skont it-termini tal-Konvenzjoni, l-UE hija organizzazzjoni ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali. Skont l-Artikolu 19(5) tal-Konvenzjoni, l-UE kienet mitluba tiddikjara meta tinnotifika l-istrument ta’ ratifika tagħha “il-firxa tal-kompetenza tagħha fir-rigward tal-materji rregolati minn din il-Konvenzjoni”.

13Bi tweġiba għal dan, l-UE ddikjarat li “l-istituzzjonijiet tal-UE se japplikaw il-Konvenzjoni fil-qafas tar-regoli eżistenti u futuri tagħhom dwar l-aċċess għal dokumenti u regoli rilevanti oħra tad-dritt tal-UE fil-qasam kopert mill-Konvenzjoni.” B’mod l-aktar kruċjali żiedet li l-UE hija responsabbli għat-twettiq ta’ dawk l-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni, li huma koperti mid-dritt tal-UE fis-seħħ” u li “l-eżerċizzju tal-kompetenza Komunitarja huwa, min-natura tiegħu, soġġett għal żvilupp kontinwu”.

14B’riżultat ta’ dan, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE japplikaw il-Konvenzjoni fil-qafas tar-regoli applikabbli tal-UE. Il-karatteristiċi speċifiċi tal-ordni ġuridiku tal-UE jridu jitqiesu fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-QĠUE, li spjegat li l-Konvenzjoni kienet “ imfassla b’mod ċar skont l-ordnijiet ġuridiċi nazzjonali, u mhux skont il-karatteristiċi legali speċifiċi tal-istituzzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali, bħall-Unjoni Ewropea” 13 .

15L-aċċess għal stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju huwa sistema b’diversi livelli fl-UE. Kif fakkret ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, kif inhu bħalissa d-dritt tal-UE, il-proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi dwar l-aċċess għall-ġustizzja fil-liġi ambjentali jaqgħu “primarjament” fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Istati Membri 14 . Soġġett għall-kundizzjonijiet definiti fil-liġi nazzjonali tagħhom, individwi u entitajiet ġuridiċi jistgħu jitolbu lil qorti nazzjonali tirreferi għall-QĠUE biex tirrieżamina l-validità tal-atti tal-UE skont l-Artikolu 267 tat-TFUE.

16Barra minn hekk, l-Artikolu 263(4) tat-TFUE jippermetti li persuni fiżiċi jew ġuridiċi jibdew proċedimenti direttament quddiem il-QĠUE (il-Qorti Ġenerali) kontra (i) att indirizzat lilhom; (ii) att li jkun ta’ tħassib dirett u individwali għalihom jew (iii) att regolatorju li jkun ta’ tħassib dirett għalihom u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

17Bl-adozzjoni tar-Regolament ta’ Aarhus, l-UE kkomplementat is-sistema ta’ stħarriġ eżistenti disponibbli fil-livell tal-UE fir-rigward kemm tal-istħarriġ amministrattiv kif ukoll tal-istħarriġ ġudizzjarju. B’riżultat ta’ dan, l-NGOs li huma attivi fil-protezzjoni tal-ambjent jistgħu jiksbu stħarriġ amministrattiv ta’ atti amministrattivi mhux leġiżlattivi ta’ ambitu individwali adottati mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-UE 15 . Madankollu, l-Unjoni għażlet li ma teżerċitax il-kompetenza tagħha kif indikat fil-mument tar-ratifika u ma adottatx dispożizzjonijiet separati dwar l-istħarriġ amministrattiv għall-individwi, skont ir-Regolament ta’ Aarhus fil-livell tal-Unjoni, applikabbli għall-istituzzjonijiet u għall-korpi tal-UE.

18Wara ilment ippreżentat lill-Kumitat ta’ Konformità tal-Konvenzjoni, il-Kumitat ikkonkluda li l-UE bħalissa ma tissodisfax bis-sħiħ l-obbligi tagħha skont ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali 16 . Il-proposta leġiżlattiva, imsemmija hawn fuq 17 , għandha l-għan li tirrimedja din is-sitwazzjoni billi temenda r-Regolament ta’ Aarhus u testendi l-aċċess mill-NGOs. Din il-Komunikazzjoni tikkomplementa l-azzjoni fil-livell tal-UE billi tenfasizza t-titjib meħtieġ fil-livell nazzjonali.

IV.L-Obbligi tal-Istati Membri skont id-Dritt tal-UE

19Meta l-azzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali ma tkunx biżżejjed jew tkun żbaljata fir-rigward tar-rispett tar-regoli sostantivi li jipproteġu l-ambjent, l-individwi u l-NGOs iridu jkunu jistgħu jiddependu fuq ir-regoli proċedurali li huma applikabbli għalihom. Sabiex tissalvagwardja l-ambjent u biex tagħti s-setgħa lill-membri tal-pubbliku u lill-NGOs, l-UE adottat għadd ta’ direttivi ambjentali settorjali 18 , li jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja fil-qrati nazzjonali. L-implimentazzjoni ta’ dawn id-direttivi tippermetti lill-membri tal-pubbliku, inklużi l-NGOs, jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jmorru l-qorti f’dawn l-oqsma speċifiċi. Huwa stabbilit sew li d-dmir li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fi kwistjonijiet ambjentali jestendi għall-qrati nazzjonali 19 . Dan id-dmir jikkonċerna d-drittijiet li jirriżultaw mil-liġi ambjentali tal-UE u l-possibbiltà li jiġu kkwotati l-obbligi definiti skont il-leġiżlazzjoni tal-UE 20 .

20Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ dawn id-drittijiet, l-obbligi tal-Istati Membri li jiżguraw l-aċċess għall-ġustizzja fil-qrati nazzjonali tagħhom mhumiex limitati għal dawk previsti fl-atti tal-liġi sekondarja tal-Unjoni msemmija hawn fuq 21 .

21L-ewwel nett, skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-TUE, huwa f’idejn l-Istati Membri li jieħdu l-azzjonijiet kollha xierqa, inkluża l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sabiex jiżguraw li l-miżuri meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni jiġu adottati u sabiex id-drittijiet tal-individwi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni jkunu protetti biżżejjed 22 . Barra minn hekk, l-Artikolu 19(1) tat-TUE jitlob lill-Istati Membri “jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”. Għalhekk, l-aċċess għall-ġustizzja fil-qrati nazzjonali huwa indispensabbli għall-funzjonament xieraq tas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-UE.

22F’dan ir-rigward, il-mekkaniżmi nazzjonali ta’ rimedju permezz tal-qrati nazzjonali tal-Istati Membri huma parti integrali mis-sistema ta’ rimedju ġudizzjarju tal-UE. Il-qrati nazzjonali huma wkoll qrati tal-Unjoni, u huma marbuta mal-QĠUE fi ħdan is-sistema ta’ referenzi preliminari stabbilita skont l-Artikolu 267 tat-TFUE. Din il-kooperazzjoni tkopri l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE u l-eżami tal-validità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-UE. L-aċċess għall-qrati jenħtieġ li jkun possibbli kemm għall-individwi kif ukoll għall-NGOs abbażi tar-regoli proċedurali nazzjonali.

23It-tieni nett, il-Konvenzjoni, li hija parti integrali mill-ordni ġuridiku tal-UE u li torbot lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri skont l-Artikolu 216(2) tat-TFUE, hija applikabbli wkoll għad-dritt tal-Unjoni li jirregola l-protezzjoni ambjentali. Fin-nuqqas ta’ regoli tal-UE li jirregolaw l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, “huwa għas-sistema legali domestika ta’ kull Stat Membru li tistabbilixxi r-regoli proċedurali dettaljati li jkunu japplikaw għal azzjonijiet għas-salvagwardja ta’ drittijiet li joriġinaw mid-dritt tal-Unjoni, […] minħabba li l-Istati Membri huma responsabbli milli jiżguraw li dawk id-drittijiet jitħarsu effettivament f’kull każ” 23 . B’mod partikolari, l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, meta jinqraw flimkien, jimponu fuq Stati Membri obbligu li jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-ambjent” 24 .

24Il-QĠUE żiedet tgħid li “sabiex tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mil-liġi ambjentali tal-UE, hija l-qorti nazzjonali li tinterpreta l-liġi nazzjonali tagħha b’mod li, sa fejn ikun possibbli, ikun konsistenti kemm mal-objettivi stipulati fl-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif ukoll mal-objettiv ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni 25 .

25L-effettività tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 tat-TFUE rigward il-validità tal-atti tal-UE hija għalhekk dipendenti fuq li l-Istati Membri jipprovdu locus standi suffiċjenti għall-NGOs u għall-individwi. Huwa dmirhom li jiżguraw li l-aċċess għall-ġustizzja jingħata fil-qrati tagħhom fi kwistjonijiet ta’ liġi ambjentali koperti mir-regoli tal-UE. Dan jinkludi każijiet fejn ikun hemm “kwistjoni speċifika li tkun għadha ma ġietx soġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-UE [iżda li] tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE jekk tkun relatata ma’ qasam kopert minnha b’miżura kbira” 26 .

26Il-ġurisprudenza tal-QĠUE żviluppata matul is-snin iċċarat li l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali koperti mir-regoli tal-UE, inkluż dwar deċiżjonijiet, atti u ommissjonijiet 27 f’firxa ta’ oqsma ta’ politika ambjentali, bħall-ilma 28 , in-natura 29 u l-kwalità tal-arja 30 .

27Sabiex jiġu stabbiliti l-implikazzjonijiet prattiċi tal-ġurisprudenza tal-QĠUE u biex l-awtoritajiet u l-prattikanti tal-Istati Membri jiġu megħjuna jifhmu l-importanza ta’ dawn l-implikazzjonijiet fl-oqsma regolati mil-liġi ambjentali tal-UE, fl-2017 il-Kummissjoni ħarġet Notifika dwar l-aċċess fi kwistjonijiet ambjentali 31 (“in-Notifika”). In-Notifika spjegat l-istandards li jirregolaw l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali f’termini ta’ garanziji proċedurali u l-locus standi għall-NGOs u għall-individwi. Iċċarat ukoll ir-rekwiżit li jiġu evitati proċeduri għaljin jew li jieħdu fit-tul u li l-Istati Membri jridu jagħmlu l-informazzjoni kollha relatata mal-aċċess għall-ġustizzja aċċessibbli għall-pubbliku, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-QĠUE. Jenħtieġ li l-Istati Membri jsegwu l-gwida pprovduta fin-Notifika u l-iżviluppi tal-QĠUE fil-ġurisprudenza tagħha u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentawhom 32 .

V.It-Triq ’Il Quddiem: Oqsma Prijoritarji ta’ Azzjoni

28Il-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew ħabbret li “ il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jiżguraw ukoll li l-politiki u l-leġiżlazzjoni jiġu infurzati u implimentati b’mod effettiv”. Il-Kummissjoni impenjat ruħha bis-sħiħ li taħdem mal-Istati Membri biex ittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fil-livell nazzjonali.

29L-implimentazzjoni effettiva tar-regoli tal-UE adottati fil-prattika mill-Istati Membri hija indispensabbli sabiex jinkisbu l-benefiċċji kollha għall-protezzjoni tal-ambjent. Huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li l-aċċess għall-QĠUE għall-membri tal-pubbliku u għall-NGOs skont l-Artikolu 267 tat-TFUE ma jkunx ristrett bla bżonn. It-tneħħija tal-ostakoli għall-aċċess għall-ġustizzja twassal għal aktar benefiċċji billi żżid iċ-ċertezza tad-dritt, ittejjeb l-amministrazzjoni tal-ġustizzja u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi.

30L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali: tal-Kummissjoni tal-2019 sabet li jenħtieġ li diversi Stati Membri jieħdu aktar miżuri biex jipprovdu locus standi lill-NGOs ambjentali biex jippreżentaw oġġezzjonijiet legali dwar kwistjonijiet ambjentali relatati mal-UE 33 . Hija sabet ukoll li l-atturi ambjentali jenħtieġ li ma jiffaċċjawx ostakoli proċedurali nazzjonali, bħal spejjeż għaljin b’mod esaġerat (mijiet ta’ eluf ta’ euro f’xi każijiet) 34 .

31Fid-dawl tal-obbligi tal-Istati Membri stabbiliti fit-Taqsima IV f’din il-Komunikazzjoni u tas-sejbiet tal-Kummissjoni 35 rigward is-sitwazzjoni fil-prattika f’kull Stat Membru, hija meħtieġa azzjoni prijoritarja fl-erba’ oqsma li ġejjin.

32F’konformità mal-komunikazzjoni strateġika tal-Kummissjoni intitolata Id-Dritt tal-UE: riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar 36 , l-ewwel qasam ta’ prijorità għall-Istati Membri hu li jiżguraw it-traspożizzjoni korretta tal-liġi sekondarja tal-UE. Dan jikkonċerna l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE li tinkludi dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja 37 . L-Istati Membri għandhom obbligu li jittrasponu dawn id-direttivi b’mod korrett u sħiħ bl-objettiv li jiżguraw l-implimentazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 291(1) tat-TFUE.

33It-tieni qasam ta’ prijorità huwa li l-koleġiżlaturi jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi proposti leġiżlattivi tal-UE li saru mill-Kummissjoni għad-dritt ġdid jew revedut tal-UE dwar kwistjonijiet ambjentali 38 . Dan jeħtieġ appoġġ attiv mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill meta l-Kummissjoni tressaq proposti bħal dawn. Id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja se jitfasslu fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-QĠUE kif miġbura fil-qosor fin-Notifika. F’dawn l-aħħar snin, il-Kunsill kien qed isibha bi tqila jadotta dawn id-dispożizzjonijiet 39 , billi jitlaq mill-approċċ preċedenti tiegħu, li fil-passat wassal għall-adozzjoni tad-direttivi msemmija hawn fuq.

34F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dispożizzjonijiet ċari fil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE f’din il-kwistjoni jkunu fl-interess taċ-ċertezza tad-dritt u meħtieġa wkoll biex isostnu l-obbligu li tingħata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet imnaqqxa fid-dritt tal-UE. Għalhekk, tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex iħaddnu dan l-approċċ meta jiddeliberaw dwar il-proposti leġiżlattivi li jridu jitressqu.

35Il-Kummissjoni se tiżgura wkoll li l-liġi sekondarja tagħha tkun adattata għall-iskop tagħha billi twettaq evalwazzjonijiet regolari. Pereżempju, bħala parti mir-rieżami tal-miżuri tal-UE biex jiġi indirizzat it-tniġġis mill-installazzjonijiet industrijali mħabbra fil-Patt Ekoloġiku Ewropew 40 , il-Kummissjoni se tevalwa wkoll, inter alia, id-dispożizzjonijiet li jaffettwaw id-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja.

36It-tielet qasam ta’ prijorità huwa r-rieżami mill-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji nazzjonali tagħhom stess minbarra dawk li jittrasponu d-direttivi msemmija hawn fuq fil-paragrafu 32. Dispożizzjonijiet nazzjonali 41 li jipprevjenu lil NGOs attivi fil-protezzjoni ambjentali jew lil individwi affettwati b’mod dirett minn ksur tal-liġi ambjentali tal-UE li jirriżulta mill-azzjonijiet jew l-ommissjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi. Għalhekk, huwa indispensabbli li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jiġu reveduti bil-għan li jitneħħew l-ostakoli għall-aċċess għall-ġustizzja, bħar-restrizzjonijiet fuq il-locus standi jew l-ispejjeż sproporzjonati, u b’riżultat ta’ dan, jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fl-UE.

37Ir-raba’ qasam ta’ prijorità jikkonċerna l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jiggarantixxu d-dritt tal-individwi u tal-NGOs għal rimedju effettiv skont id-dritt tal-UE. Ir-rwol tal-qrati nazzjonali kollha bħala qrati tal-Unjoni 42 huwa wieħed mill-pedamenti tal-funzjonament xieraq tas-sistema tal-UE ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Meta jkun meħtieġ, il-qrati nazzjonali jridu jwarrbu kull dispożizzjoni li tmur kontra d-dritt tal-UE, anke jekk din tkun ta’ natura leġiżlattiva jew regolatorja 43 . Dan jenħtieġ li jinkludi restrizzjonijiet mhux dovuti dwar il-locus standi 44 biex jiġi żgurat li r-regoli tal-UE jkollhom saħħa u effett sħaħ 45 . Il-ġurisdizzjonijiet supremi tal-Istati Membri għandhom rwol ewlieni f’dan ir-rigward, minħabba l-pożizzjoni tagħhom fil-ġudikaturi nazzjonali u l-influwenza tal-ġurisprudenza tagħhom fuq il-qrati inferjuri. L-effettività ta’ dan ir-rwol hija indispensabbli għall-funzjonament xieraq tas-sistema ġenerali tal-UE ta’ aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali.

38L-ewwel, it-tielet u r-raba’ prijoritajiet stabbiliti fil-paragrafi 32, 36 u 37 se jiggwidaw l-azzjoni tal-Kummissjoni fir-rwol tagħha ta’ gwardjan tat-trattati meta tittratta l-aċċess ristrett bla bżonn għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali koperti mid-dritt tal-UE. Dan jinkludi s-setgħa li tibda proċeduri ta’ ksur.

39L-azzjoni leġiżlattiva tal-UE, kif deskritta fit-tieni qasam ta’ prijorità fil-paragrafi 33, 34 u 35, se jkollha wkoll rwol importanti biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-istabbiliment tal-istandard meħtieġ ta’ aċċess nazzjonali għall-ġustizzja 46 . Fir-rigward tal-qrati nazzjonali, indirizzati fil-paragrafu 37 hawn fuq, il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib ukoll kif il-qrati supremi nazzjonali jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fi kwistjonijiet ambjentali fl-ordnijiet ġuridiċi rispettivi tagħhom, u se tieħu azzjoni kif meħtieġ.

40Fit-twettiq tal-erba’ prijoritajiet kollha msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri u se żżid il-ħidma tagħha biex tinvolvi ruħha b’mod attiv mas-soċjetà ċivili u mal-amministrazzjonijiet pubbliċi biex tikseb implimentazzjoni sħiħa tal-liġi ambjentali applikabbli tal-UE. Qed tippjana li twettaq aktar inizjattivi ta’ bini tal-kapaċità, skemi ta’ taħriġ u edukazzjoni u inizjattivi ta’ skambju ta’ informazzjoni mas-soċjetà ċivili għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u għall-NGOs 47 . L-oqsma ta’ kooperazzjoni mal-ġudikatura 48 jinkludu n-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN) 49 , il-Forum tal-Unjoni Ewropea tal-Imħallfin għall-Ambjent 50 , u l-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin Amministrattivi Ewropej 51 .

41Fl-aħħar iżda mhux l-anqas, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE rigward l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. Sabiex tiffaċilita dan, se tagħmel l-informazzjoni disponibbli online fuq il-portal tal-Ġustizzja elettronika 52  tal-Kummissjoni u se twettaq ħidma regolari ta’ monitoraġġ tal-implimentazzjoni bħala parti mill-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali 53 .

(1)      COM(2019) 640.
(2)      [Referenza għall-proposta leġiżlattiva li temenda r-Regolament ta’ Aarhus – ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13-19.].
(3)    Il-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali.
(4)      Id-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Montenegro, f’Budva, fil-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni tal-2017 (Dikjarazzjoni ta’ Budva).
(5)      Il-Kawża C-197/18, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland, il-paragrafi 31-34.
(6)      L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali 2019: Ewropa li tipproteġi liċ-ċittadini tagħha u ttejjeb il-kwalità ta’ ħajjithom – COM(2019) 149.
(7)

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391-407, l-Artikolu 47.

(8)      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar it-Tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt fi ħdan l-Unjoni: Is-sitwazzjoni bħalissa u l-passi li jmiss li jistgħu jittieħdu (COM/2019/163).
(9)      Id-dritt għal amministrazzjoni tajba.
(10)      Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust.
(11)      Skont it-terminoloġija użata fil-Konvenzjoni, l-Artikolu 9(3).
(12)      “Għal finijiet ta’ kontribuzzjoni għall-protezzjoni tad-dritt ta’ kull persuna ta’ ġenerazzjonijiet preżenti u futuri li tgħix f’ambjent adegwat għas-saħħa u għall-benesseri tagħha, kull parti għandha tiggarantixxi d-drittijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni.”
(13)      Il-Kawża C-612/13 P, ClientEarth, ECLI:EU:C:2015:486, il-paragrafi 40 u 41.
(14)      Il-Kawżi Magħquda C-401/12 P sa C-403/12 P, Il-Kunsill u l-Kummissjoni vs Vereniging Milieudefensie aos, EU:C:2015:4, il-paragrafu 60; Il-Kawżi Magħquda C-404/12 P u C-405/12 P, Il-Kunsill u l-Kummissjoni vs Stichtung Natuur en Milieu aos, EU:C:2015:5, il-paragrafu 52.
(15)      U emendata bir-Regolament (...) biex jiġu koperti atti amministrattivi ta’ ambitu ġenerali.
(16)      Kif deskritt fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, ir-Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fil-qasam tal-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, SWD (2019)378 final.
(17)      Il-paragrafu 3.
(18)      Pereżempju, id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1-21, id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali, ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56-75, jew id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis), ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17-119. Id-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta Lulju 2012 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE, ĠU L 197, 24.7.2012, p. 1-37. Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE, ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26-32.
(19)      Il-Kawża C-404/13, ClientEarth, ECLI:EU:C:2014:2382, il-paragrafu 52.
(20)      Il-Kawża C-237/07, Janecek, 2008 I-06221, il-paragrafu 37.
(21)      Ara n-nota 17 f’qiegħ il-paġna.
(22)      Il-Kawża C-752/18, Deutsche Umwelthilfe, ECLI:EU:C:2019:1114, il-paragrafu 38.
(23)      Il-Kawża C-240/09, Lesoochranárske zoskupenie, ECLI:EU:C:2011:125, il-paragrafi 47-48.
(24)      Il-Kawża C-664/15, Protect, ECLI:EU:C:2017:987, il-paragrafu 45; Il-Kawża C-243/15, Lesoochranárske zoskupenie, ECLI:EU:C:2016:838, il-paragrafi 50 u 73.
(25)      Il-Kawża C-752/18, Deutsche Umwelthilfe, EU:C:2019:1114, il-paragrafu 39.
(26)      Il-Kawża C-240/09, Lesoochranárske zoskupenie, il-paragrafu 40.
(27)      L-Artikoli 6, 7, 8 u 9 tal-Konvenzjoni huma rilevanti għad-deċiżjonijiet, għall-atti u għall-ommissjonijiet ikkonċernati.
(28)      Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1-8.
(29)      Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7-50.
(30)      Eż. L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1-44.
(31)      2017/2616, ĠU C 275, 18.8.2017, p. 1-39.
(32) Ara b’mod partikolari n-Notifika (u l-aġġornamenti) disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni: https://ec.europa.eu/environment/aarhus/legislation.htm.
(33)      L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali 2019, ikkwotata hawn fuq.
(34)      L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali 2019, ikkwotata hawn fuq. Is-sejbiet tal-istudju dwar l-Iżvilupp ta’ qafas ta’ valutazzjoni dwar il-governanza ambjentali fl-Istati Membri tal-UE Nru 07.0203/2017/764990/SER/ENV.E.4, Rapport finali.
(35)      Ara l-paragrafu 30.
(36)      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Id-dritt tal-Unjoni: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar C/2016/8600, ĠU C 18, 19.1.2017, p. 10-20.
(37)      Ara n-nota 16 f’qiegħ il-paġna.
(38)      Abbażi tal-istandards ta’ aċċess għall-ġustizzja stabbiliti fin-Notifika.
(39)      Il-Proposta għal Direttiva dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (riformulazzjoni) COM/2017/0753.
(40)      Dan ir-rieżami jkopri d-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali.
(41)      B’mod partikolari dwar l-ilma, in-natura u l-kwalità tal-arja.
(42)      Il-Kawża T-51/89. Tetra Pak Rausing SA vs il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:1990:41, il-paragrafu 42; L-Opinjoni 1/09 tal-Qorti (Qorti Plenarja) tat-8 ta’ Marzu 2011, skont l-Artikolu 218(11) tat-TFUE, Il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi, ECLI:EU:C:2011:123, il-paragrafu 80.
(43)      Il-Kawżi Magħquda C-128/09 sa C-131/09, C-134/09 u C-135/09 Boxus u Oħrajn u l-Kawża C-182/10. Solvay u oħrajn vs Région wallonne.
(44)      Il-Kawża C-240/09, Lesoochranárske zoskupenie, ECLI:EU:C:2011:125 u C-197/18. Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland.
(45)      Il-Kawża Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, il-paragrafu 22 u l-Kawża C664/15 ECLI:EU:C:2017:987.
(46)      Ara d-dispożizzjonijiet tan-Notifika.
(47)      Il-proġett LIFE “Aċċess għall-Ġustizzja għal Ewropa aktar ekoloġika” imniedi minn ClientEarth.
(48)      Il-programm għall-kooperazzjoni mal-imħallfin imniedi fl-2008 mid-DĠ ENV.
(49)      www.ejtn.eu/en/.
(50)      https://www.eufje.org/index.php?lang=en.
(51)      https://www.aeaj.org/.
(52)      Lejn strateġija Ewropea tal-Ġustizzja elettronika (COM(2008) 329).
(53)      Ara r-referenza taħt il-paragrafu 5 hawn fuq.