IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.9.2020
COM(2020) 619 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
ibbażat fuq l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI
1.DAĦLA
1.1.L-objettivi u l-elementi ewlenin tad-Direttiva (UE) 2017/541
Fil-15 ta’ Marzu 2017, il-Parlament u l-Kunsill adottaw id-Direttiva (UE) 2017/541 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (“id-Direttiva”). Id-Direttiva ġiet adottata biex issaħħaħ id-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI billi testendi r-reati relatati mat-terroriżmu u biex tinkludi miżuri li jirrispondu b’mod aktar preċiż għall-ħtiġijiet tal-vittmi tat-terroriżmu. Il-koleġiżlatur adotta d-Direttiva fil-15 ta’ Marzu 2017. L-Istati Membri marbutin bid-Direttiva jenħtieġu jikkriminalizzaw imġiba bħat-taħriġ u l-ivvjaġġar għat-terroriżmu, kif ukoll il-finanzjament tat-terroriżmu. Dawn id-definizzjonijiet armonizzati ta’ reati terroristiċi jservu bħala punt ta’ riferiment għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali.
Id-Direttiva tikkumplimenta wkoll il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet għall-vittmi tat-terroriżmu. Dawn huma intitolati għal aċċess għal servizzi ta’ appoġġ professjonali u speċjalizzat, immedjatament wara attakk u għal kemm żmien ikun hemm bżonn. L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom fis-seħħ protokolli u mekkaniżmi sabiex jipprovdu reazzjoni effiċjenti f'każ ta' emerġenza, inkluż l-aċċess għal informazzjoni affidabbli, u b’hekk tiġi evitata kwalunkwe tbatija addizzjonali għall-vittmi tat-terroriżmu u għall-familji tagħhom.
L-iskadenza għall-inkorporazzjoni tar-regoli fil-liġi nazzjonali kienet it-8 ta’ Settembru 2018.
1.2.L-għan u l-istruttura tar-rapport, il-ġbir tal-informazzjoni u l-metodoloġija
Skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva, dan ir-rapport jivvaluta kemm l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva. L-ewwel jiddeskrivi l-livell ġenerali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri, u mbagħad jenfasizza ċerti kwistjonijiet ta’ traspożizzjoni.
Id-deskrizzjoni u l-analiżi f’dan ir-rapport huma bbażati primarjament fuq l-informazzjoni li l-Istati Membri pprovdew lill-Kummissjoni permezz tan-notifika ta’ miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva sa April 2020. Notifiki riċevuti wara din id-data ma ġewx ikkunsidrati. Fl-analiżi tagħha tal-informazzjoni li waslet mill-Istati Membri, il-Kummissjoni kienet appoġġjata minn kuntrattur estern. L-Istati Membri ppreżentaw ukoll kummenti dwar is-sejbiet preliminari tal-kuntrattur, li huwa sors addizzjonali ta’ informazzjoni. Ir-rapport iqis ukoll l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri matul il-ħames sessjonijiet ta’ ħidma dwar it-traspożizzjoni organizzati mill-Kummissjoni bejn Ġunju 2017 u Settembru 2018, kif ukoll informazzjoni disponibbli pubblikament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset is-sejbiet tar-rapport dwar ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/919/ĠAI tat-28 ta’ Novembru 2008 li temenda d-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu.
Lil hinn mill-analiżi pprovduta minn dan ir-rapport, jista’ jkun hemm aktar sfidi fit-traspożizzjoni u dispożizzjonijiet oħra mhux irrappurtati lill-Kummissjoni jew żviluppi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ulterjuri. Għalhekk, dan ir-rapport ma jimpedixxix lill-Kummissjoni milli tevalwa ulterjorment xi dispożizzjonijiet sabiex tkompli tappoġġja lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni u fl-implimentazzjoni tad-Direttiva.
2.VALUTAZZJONI TAT-TRASPOŻIZZJONI TAD-DIRETTIVA
2.1.Valutazzjoni ġenerali u l-impatt tad-Direttiva fuq is-sistemi legali nazzjonali
L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva skadiet fit-8 ta’ Settembru 2018. Seba’ Stati Membri - Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, s-Slovakkja u l-Iżvezja – innotifikaw it-traspożizzjoni tad-Direttiva sal-iskadenza, u tnejn (il-Finlandja u n-Netherlands) għamlu dan ftit wara.
Il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur fit-22 ta’ Novembru 2018 kontra sittax-il Stat Membru minħabba li naqsu milli jikkomunikaw l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi bis-sħiħ id-Direttiva.
Sal-aħħar ta’ Lulju 2020, ħmistax minn dawn is-sittax-il Stat Membru ddikjaraw li t-traspożizzjoni kienet tlestiet.
Kważi l-Istati Membri kollha adottaw, almenu parzjalment, leġiżlazzjoni speċifika għat-traspożizzjoni tad-Direttiva. L-eċċezzjonijiet kienu Franza u l-Italja, li qiesu li l-leġiżlazzjoni preeżistenti tagħhom kienet biżżejjed għat-traspożizzjoni tad-Direttiva.
Fejn il-leġiżlazzjoni ġiet adottata għall-iskop tat-traspożizzjoni tad-Direttiva, dan kien kważi dejjem biex jiġu introdotti emendi għal-leġiżlazzjoni preeżistenti, normalment il-Kodiċi Kriminali u, f’livell inqas, il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jew leġiżlazzjoni oħra, aktar speċifika. Ċipru kien l-eċċezzjoni fejn ġiet adottata leġiżlazzjoni ġdida u separata.
B’mod ġenerali, it-traspożizzjoni tad-Direttiva tidher li hija sodisfaċenti. Madankollu, għadd ta’ kwistjonijiet ta’ traspożizzjoni li l-Kummissjoni ltaqgħet magħhom fi Stat Membru wieħed jew f’diversi Stati Membri huma ta’ tħassib partikolari:
·it-traspożizzjoni mhux kompluta jew inkorretta ta’ wieħed jew aktar mir-reati terroristiċi elenkati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva, inkluż li r-reati elenkati ma jiġux ikkwalifikati bħala reati terroristiċi, u dan iħalli impatt fuq it-traspożizzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet oħra;
·in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-element “jikkontribwixxi għall-kummissjoni” fl-Artikoli 6, 7, 8, 9 u 11 tad-Direttiva;
·it-traspożizzjoni mhux kompluta jew inkorretta tal-Artikolu 9 dwar l-ivvjaġġar għall-finijiet tat-terroriżmu u l-Artikolu 11 dwar il-finanzjament tat-terroriżmu, tnejn mid-dispożizzjonijiet il-ġodda introdotti mid-Direttiva, u;
·in-nuqqasijiet fit-traspożizzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi għall-vittmi tat-terroriżmu.
2.2.Valutazzjoni speċifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni fl-Istati Membri
2.2.1.Kamp ta' applikazzjoni (l-Artikolu 1)
Din id-dispożizzjoni tispjega dwar x’inhi d-Direttiva u tinnota li tistabbilixxi regoli minimi. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma permessi li jmorru lil hinn mill-obbligi tad-Direttiva. Din id-dispożizzjoni ma teħtieġx traspożizzjoni.
2.2.2.Definizzjonijiet (Artikolu 2)
L-Artikolu 2 tad-Direttiva jelenka d-definizzjonijiet tat-termini użati fid-Direttiva, jiġifieri: “fondi”, “persuna ġuridika”, “grupp terroristiku” u “grupp strutturat”. F’xi Stati Membri, xi definizzjonijiet mhumiex espliċitament trasposti iżda pjuttost stabbiliti permezz tal-ġurisprudenza. B’mod ġenerali, it-traspożizzjoni ta’ dan l-artikolu hija sodisfaċenti.
Fir-rigward tal-Artikolu 2(1), il-leġiżlazzjoni taċ-Ċekja ma tidhirx li tipprovdi definizzjoni ta’ “fondi”.
Fir-rigward tal-Artikolu 2(3), diversi Stati Membri jidhru li ttrasponew id-definizzjoni ta’ “grupp terroristiku” b’mod aktar limitat, li jista’ jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tar-reat ta’ parteċipazzjoni fi grupp terroristiku (Artikolu 4).
Il-leġiżlazzjoni ta’ Ċipru tidher li żżid limitazzjoni mad-definizzjoni – il-gruppi terroristiċi għandhom ikunu fuq il-listi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew gruppi oħrajn li kienu soġġetti għal sanzjonijiet kontra t-terroriżmu jew miżuri oħra, maħluqa f’konformità mar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew miżuri restrittivi mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u aġġornati mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Fil-Litwanja, il-gruppi terroristiċi li ma għandhomx rwoli definiti formalment għall-membri tagħhom jew għall-kontinwità tas-sħubija tagħhom ma jidhrux li jikkwalifikaw bħala gruppi terroristiċi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha.
2.2.3.Kamp ta’ applikazzjoni (l-Artikolu 3)
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jiżguraw li l-atti intenzjonali elenkati fis-subparagrafi tagħha jiġu kkriminalizzati bħala reati terroristiċi meta jitwettqu b’wieħed mill-għanijiet elenkati fil-paragrafu 2 tagħha.
L-Artikolu 3(1) ma jinvolvix biss rekwiżit li jiġu kkriminalizzati atti speċifiċi, iżda wkoll li tali atti jiġu ttikkettati bħala reati terroristiċi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Madankollu, fil-Ġermanja, jidher li ma hemm l-ebda dispożizzjoni li tikkwalifika kwalunkwe wieħed mir-reati elenkati fl-Artikolu 3(1) bħala “reati terroristiċi” jekk jitwettqu bi kwalunkwe wieħed mill-għanijiet tal-Artikolu 3(2). L-uniċi reati definiti b’mod espliċitu bħala reati terroristiċi huma l-finanzjament tat-terroriżmu u reati relatati ma’ grupp terroristiku. Dan jidher li jipprekludi li persuna li taġixxi waħedha li twettaq reat elenkat b’għan terroristiku, mingħajr ma tipparteċipa fi grupp terroristiku jew tappoġjah, tkun akkużata b’reat terroristiku, ħlief għall-finanzjament tat-terroriżmu, li huwa definit bħala reat terroristiku fil-liġi Ġermaniża. Barra minn hekk, kwalifika komuni ta’ reati terroristiċi hija importanti peress li tippermetti l-użu effettiv tal-istrumenti ta’ kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi, bħad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI.
Meta mqabbla mad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI, li diġà inkludiet l-obbligu li tikkriminalizza lista ta’ atti bħala reati terroristiċi, din id-Direttiva tintroduċi reat terroristiku ġdid relatat ma’ sistema illegali u interferenza tad-data (l-Artikolu 3(1)(i)) kif imsemmi fid-Direttiva 2013/40/UE. Din hija trasposta mill-Istati Membri kollha, iżda fil-Kroazja, il-leġiżlazzjoni tidher li tikkonċerna biss l-infrastruttura kritika.
It-tieni nett, id-Direttiva testendi l-manifattura, il-pussess, l-akkwist, it-trasport, il-provvista jew l-użu ta’ armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi (l-Artikolu 3(1)(f)) biex tkopri wkoll armi radjoloġiċi. Il-leġiżlazzjoni f’ċerti Stati Membri ma tidhirx li tinkludi ċerti tipi ta’ armi, bħall-armi radjoloġiċi (iċ-Ċekja, Franza u Malta) u l-armi nukleari (Franza u Malta). Barra minn hekk, bid-Direttiva 2017/541, il-kriminalità tar-riċerka u l-iżvilupp f’armi bħal dawn issa tkopri l-erba’ tipi ta’ armi (filwaqt li qabel kienet tkopri biss armi bijoloġiċi u kimiċi). Il-leġiżlazzjoni ta Awstrija, tal-Bulgarija, ta’ Franza, ta’ Malta, u tal-Polonja ma tidhirx li tinkludi r-riċerka dwar ċerti armi, u l-leġiżlazzjoni ta’ Franza u Malta ma tidhirx li tinkludi l-iżvilupp ta’ ċerti armi. B’mod aktar ġenerali, il-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni tal-Ġermanja ma tidhirx li fiha referenza espliċita għar-riċerka dwar ċerti armi kif stipulat fl-Artikolu 3(1)(f).
Fir-rigward ta’ dawk il-partijiet tar-reat li diġà ġew introdotti bid-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI, għadhom jeżistu diversi kwistjonijiet.
Fir-rigward tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva, dwar il-ħtif ta’ persuni jew teħid ta’ ostaġġi, il-leġiżlazzjoni tal-Litwanja ma tidhirx li tkopri s-sitwazzjoni li fiha l-ħtif ta’ persuni jew it-teħid ta’ ostaġġi twettqet bil-għan li tintimida serjament popolazzjoni jew li tiddestabbilizza serjament jew teqred l-istrutturi politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta’ pajjiż jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali. Il-leġiżlazzjoni tal-Finlandja ma tidhirx li tkopri b’mod espliċitu l-każijiet kollha ta’ ħtif ta’ persuni, iżda t-traffikar ta’ bnedmin biss.
Fir-rigward tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva, dwar il-ħtif ta’ inġenji tal-ajru, bastimenti jew mezzi oħra ta’ trasport pubbliku jew ta’ merkanzija, ħames Stati Membri (Il-Bulgarija, Ċipru, il-Litwanja, il-Lussemburgu u l-Polonja) ma jidhrux li jkopru s-sekwestru ta’ mezzi oħra ta’ trasport pubbliku jew tal-merkanzija.
Fir-rigward tal-Artikolu 3(1)(g) dwar ir-rilaxx ta’ sustanzi perikolużi, jew l-ikkawżar ta’ nirien, għargħar jew splużjonijiet, il-leġiżlazzjoni tal-Lussemburgu tidher li tkopri l-kunsinna intenzjonata, it-tqegħid jew id-detonazzjoni ta’ splussiv jew tagħmir letali ieħor biss meta r-reat jitwettaq f’post pubbliku, f’faċilità tal-gvern jew f’faċilità pubblika oħra, f’sistema jew f’infrastruttura tat-trasport pubbliku. L-ikkawżar tal-għargħar jidher li huwa kopert biss f’każijiet ta’ għargħar intenzjonat tal-minjieri.
Fir-rigward tal-Artikolu 3(1)(h) tad-Direttiva, dwar l-interferenza jew it-tfixkil tal-provvista tal-ilma, tal-enerġija jew ta’ kwalunkwe riżorsa naturali fundamentali oħra, li l-effett tagħha jkun li tipperikola l-ħajja tal-bniedem, il-leġiżlazzjoni tal-Bulgarija ma tidhirx li tirreferi għad-disturb fil-provvista tal-ilma u l-enerġija. Il-leġiżlazzjoni tal-Lussemburgu tidher li tkopri biss it-tibdil fil-kundizzjonijiet tal-ilma jew tal-ilma ta’ taħt l-art.
Fir-rigward tal-Artikolu 3(1)(i) tad-Direttiva , dwar l-interferenza illegali fis-sistema u l-interferenza illegali fid-data, il-leġiżlazzjoni tal-Kroazja tidher li tkopri biss l-interferenza fit-tħaddim tas-sistema tal-kompjuter tal-infrastruttura kritika. Dan ma jkoprix l-interferenza illegali fis-sistema li ma tkunx saret kontra sistema ta’ informazzjoni dwar l-infrastruttura kritika li tikkawża ħsara serja jew li fiha ġew affettwati għadd sinifikanti ta’ sistemi ta’ informazzjoni permezz tal-użu ta’ għodda mfassla jew adattata primarjament għal dan il-għan (kif imsemmi fid-Direttiva 2013/40/UE).
Fir-rigward tal-Artikolu 3(1)(j) tad-Direttiva, dwar it-theddid li jitwettaq att terroristiku, il-leġiżlazzjoni tal-Greċja teħtieġ li t-theddida ssir pubblikament. Il-leġiżlazzjoni tal-Ġermanja ma tidhirx li tkopri t-theddida tat-twettiq tar-reati tal-Artikolu 3(1)(d) u l-Artikolu 3(1)(f). Il-leġiżlazzjoni tal-Portugall ma tidhirx li tkopri t-theddida li jitwettaq ir-reat tal-Artikolu 3(1)(f) tad-Direttiva. Fil-Lussemburgu, jekk it-theddida ma tkunx akkumpanjata minn ordni jew minn ċerti kundizzjonijiet, din ma tikkostitwixxix reat terroristiku.
Il-Bulgarija ma jidhirx li ttrasponiet l-objettiv tal-Artikolu 3(2)(c) tad-Direttiva, dwar id-destabbilizzazzjoni serja jew il-qerda tal-istrutturi politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta’ pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali.
2.2.4.Reati relatati ma’ grupp terroristiku (l-Artikolu 4)
L-Artikolu 4 tad-Direttiva jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li t-tmexxija ta’ grupp terroristiku u l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku jkunu punibbli bħala reat kriminali. B’mod ġenerali, il-miżuri li l-Istati Membri ħadu biex jikkonformaw ma’ dan l-artikolu huma sodisfaċenti.
Fir-rigward tal-Artikolu 4(a), il-leġiżlazzjoni tal-Ungerija tidher li tirreferi għal persuni li jorganizzaw grupp terroristiku, aktar milli persuni li jmexxu grupp terroristiku. Il-leġiżlazzjoni tal-Iżvezja ma fihiex reat awtonomu fir-rigward tat-tmexxija ta’ grupp terroristiku kif previst fl-Artikolu 4(a), iżda minflok tittrasponih permezz ta’ responsabbiltà kriminali għal reati anċillari. Fir-rigward tal-parteċipazzjoni fi grupp terroristiku (l-Artikolu 4(b)), l-Iżvezja tibbaża wkoll fuq reati anċillari. Peress li r-reati fl-Artikolu 4(a) u (b) ma jeħtiġux rabta ma’ reat terroristiku speċifiku, il-kriminalizzazzjoni permezz ta’ responsabbiltà anċillari tirriskja li l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku tibqa’ mhux ikkastigata. Dan l-aħħar, l-Iżvezja kkriminalizzat il-kollaborazzjoni ma’ grupp terroristiku bħala reat awtonomu. Id-dispożizzjoni tidher li tkopri biss il-provvista ta’ ċerti riżorsi materjali, u ma tidhirx li tkopri l-provvista ta’ informazzjoni.
Fir-rigward tal-premessa 38 li teskludi l-attivitajiet umanitarji minn organizzazzjonijiet umanitarji imparzjali rikonoxxuti mil-liġi internazzjonali, inkluż id-dritt umanitarju internazzjonali, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, erba’ Stati Membri (l-Awstrija, il-Belġju, l-Italja u il-Litwanja) għandhom leġiżlazzjoni li tipprovdi limitazzjonijiet għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu fil-każ ta’ attivitajiet umanitarji jew attivitajiet oħra. Fi Stati Membri oħrajn, il-leġiżlazzjoni ġenerika (bħall-Kodiċi Kriminali) tista’ tiġi interpretata għal dan il-għan, jew l-awtoritajiet nazzjonali indikaw li din qed tiġi segwita fil-prattika.
2.2.5.Provokazzjoni pubblika biex jitwettaq reat terroristiku (Artikolu 5)
L-Artikolu 5 tad-Direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri jikkriminalizzaw id-distribuzzjoni intenzjonata, jew li b’xi mod ieħor jagħmlu disponibbli bi kwalunkwe mezz, ta’ messaġġ lill-pubbliku, bl-intenzjoni li jiġi inċitat it-twettiq ta’ reat terroristiku, fejn imġiba bħal din, jew direttament jew indirettament tippromwovi t-twettiq ta’ reati terroristiċi, u b’hekk tikkawża periklu li jista’ jitwettaq wieħed jew aktar minn dawn ir-reati. B’mod ġenerali, it-traspożizzjoni ta’ dan l-artikolu hija sodisfaċenti.
Il-leġiżlazzjoni fil-Litwanja ma tidhirx li tkopri każijiet fejn persuna tqassam jew inkella tagħmel disponibbli messaġġ lill-pubbliku bl-intenzjoni li tinċita t-twettiq jew il-kontribut ta’ reat terroristiku, mingħajr ma dan fil-fatt iwassal għal persuna oħra li ssegwi dan l-inċitament.
2.2.6.Ir-reklutaġġ għat-terroriżmu (l-Artikolu 6)
L-Artikolu 6 tad-Direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri jikkriminalizzaw is-solleċitazzjoni ta’ persuna oħra biex twettaq jew tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ wieħed mir-reati elenkati fil-punti (a) sa (i) tal-Artikolu 3(1), jew fl-Artikolu 4.
Fi Franza, il-miżura ta’ traspożizzjoni tkopri s-“solleċitazzjoni” bħala l-offerti jew wegħdiet, ta' rigali jew benefiċċji oħra, theddid jew pressjoni fuq persuna biex twettaq reat terroristiku. L-Artikolu 6 jeħtieġ ukoll il-kriminalizzazzjoni ta’ reklutaġġ biex persuna tikkontribwixxi għal reat terroristiku, element li ma jidhirx li huwa kopert b’mod espliċitu mil-leġiżlazzjoni tal-Bulgarija, il-Greċja, il-Portugall u Spanja. Fil-Latvja, f’Malta, fil-Polonja u fis-Slovenja, dan l-element jidher li huwa kopert minn reati anċillari, eż. għajnuna u assistenza. Madankollu, fit-traspożizzjoni ta’ diversi reati oħra tad-Direttiva, il-leġiżlazzjoni ta’ dawn l-Istati Membri tirreferi b’mod espliċitu għall-element ta’ “kontribuzzjoni”.
Barra minn hekk, fil-Portugall, ir-reklutaġġ għal reati relatati ma’ grupp terroristiku (l-Artikolu 4) mhuwiex kopert. Fil-Ġermanja, l-Artikolu 6 ġie traspost minn diversi dispożizzjonijiet, li flimkien ma jidhrux li jkopru r-reati kollha meħtieġa tad-Direttiva.
2.2.7.Għoti ta’ taħriġ għat-terroriżmu (l-Artikolu 7)
L-Artikolu 7 tad-Direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri jikkriminalizzaw l-għoti intenzjonali ta’ struzzjoni dwar l-għemil jew l-użu ta’ splussivi, armi tan-nar jew armi oħra jew sustanzi noċivi jew perikolużi, jew dwar metodi jew tekniki speċifiċi oħra, bil-għan li jitwettaq, jew isir kontribut għat-twettiq ta’ wieħed mir-reati elenkati fil-punti (a) sa (i) tal-Artikolu 3(1), meta jkun magħruf li l-ħiliet ipprovduti huma maħsuba biex jintużaw għal dan il-għan.
Bħall-Artikolu 6 dwar ir-reklutaġġ, l-Artikolu 7 dwar l-għoti ta’ taħriġ ikopri wkoll it-taħriġ biex wieħed jikkontribwixxi għal reat terroristiku, element li ma jidhirx li huwa kopert b’mod espliċitu mil-leġiżlazzjoni tal-Bulgarija, tal-Portugall u ta’ Spanja. Fil-Latvja, f'Malta, fil-Polonja u fis-Slovakkja, dan l-element jidher li huwa kopert b'reati anċillari bħall-għajnuna u l-assistenza, filwaqt li reati oħra tad-Direttiva huma trasposti b’referenza espliċita għall-element ta’ “kontribuzzjoni”.
Fil-Ġermanja, l-Artikolu 7 ma ġiex traspost b'dispożizzjoni speċifika iżda b'diversi dispożizzjonijiet, li flimkien ma jidhrux li jkopru r-reati terroristiċi kollha tad-Direttiva.
2.2.8.Riċeviment ta’ taħriġ għat-terroriżmu (l-Artikolu 8)
L-Artikolu 8 tad-Direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri jikkriminalizzaw ir-riċeviment ta' struzzjoni dwar kif isiru jew jintużaw splussivi, armi tan-nar jew armi oħra jew sustanzi noċivi jew perikolużi, jew dwar metodi jew tekniki speċifiċi oħra, bil-għan li jitwettaq, jew isir kontribut għat-twettiq ta’, wieħed mir-reati elenkati fil-punti (a) sa (i) tal-Artikolu 3(1).
Ir-reat ikopri wkoll ir-riċeviment ta’ taħriġ biex isir kontribut għal reat terroristiku, element li ma jidhirx li huwa kopert b’mod espliċitu mil-leġiżlazzjoni tal-Bulgarija, tal-Portugall u Spanja , kif inhu l-każ għall-Artikoli 6 u 7. Fis-Slovakkja, dan l-element jidher li huwa kopert minn reati anċillari bħall-għajnuna u l-assistenza, filwaqt li reati oħra tad-Direttiva huma trasposti b’referenza espliċita għall-element ta’ “kontribuzzjoni”. Bl-istess mod, il-leġiżlazzjoni tal-Ġermanja tittrasponi din id-dispożizzjoni permezz ta’ diversi dispożizzjonijiet, li flimkien ma jidhrux li jkopru r-reati terroristiċi kollha tad-Direttiva.
F’Ċipru, f’Malta, fis-Slovakkja u fis-Slovenja, il-leġiżlazzjoni ma tidhirx li tinkludi l-istudju awtonomu.
2.2.9.Vjaġġar għall-finijiet ta’ terroriżmu (l-Artikolu 9)
L-Artikolu 9 tad-Direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri jikkriminalizzaw l-ivvjaġġar intenzjonat għall-iskopijiet ta’ twettiq, jew kontribut għat-twettiq ta’, reat terroristiku, għall-iskop tal-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku bl-għarfien tal-fatt li tali parteċipazzjoni se tikkontribwixxi għall-attivitajiet kriminali ta’ tali grupp, jew għall-iskop li jingħata jew jiġi riċevut taħriġ għat-terroriżmu. L-Istati Membri jingħataw żewġ għażliet għat-traspożizzjoni, permezz tal-Artikolu 9(2)(a) jew tal-Artikolu 9(2)(b).
L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri jikkriminalizzaw l-ivvjaġġar lejn pajjiż ieħor għajr l-Istat Membru inkwistjoni. Fil-Ġermanja, jidher li ma hemm l-ebda referenza espliċita għall-iskop ta’ parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku. Fil-Bulgarija, fil-Portugall, fir-Rumanija u fis-Slovenja, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-reat jidher idjaq milli fid-Direttiva minħabba li l-leġiżlazzjoni fiha definizzjoni aktar limitata tal-persuni li jivvjaġġaw jew tat-territorji li jivvjaġġaw lejhom. L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva jirreferi għall-ivvjaġġar lejn dak l-Istat Membru, li jagħti lill-Istati Membri żewġ għażliet għat-traspożizzjoni. Il-Polonja ma tidhirx li ttrasponiet din id-dispożizzjoni.
Skont l-Artikolu 9(2)(a), l-Istati Membri jistgħu jikkriminalizzaw l-ivvjaġġar lejn dak l-Istat Membru għall-finijiet terroristiċi msemmija hawn fuq. Din l-għażla ġiet trasposta minn tmintax-il Stat Membru.
Fil-Bulgarija, jidher li ma hemm l-ebda referenza għall-iskop ta’ parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku. Fil-Portugall, l-ivvjaġġar biex isir kontribut għat-twettiq ta’ reati terroristiċi jidher li mhuwiex kopert, u d-dispożizzjoni nazzjonali ma tkoprix persuni li jivvjaġġaw lejn il-Portugall jekk ikunu ċittadini Portugiżi jew ikollhom ir-residenza tagħhom fil-Portugall. Bl-istess mod, fir-Rumanija, mhuwiex ċar jekk resident ta’ stat li jkun qed jivvjaġġa lura lejn l-istat taċ-ċittadinanza tiegħu sabiex iwettaq (jew jikkontribwixxi għat-twettiq ta’) reat terroristiku jkunx kopert.
Inkella, l-Istati Membri taħt l-Artikolu 9(2)(b) jistgħu jikkriminalizzaw atti preparatorji mwettqa minn persuna li tidħol f’dak l-Istat Membru bl-intenzjoni li twettaq, jew li tikkontribwixxi għat-twettiq ta’, reat terroristiku taħt l-Artikolu 3. Din l-għażla ġiet trasposta minn erbatax-il Stat Membru. Fil-fatt, tmien Stati Membri (il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, is-Slovakkja u l-Iżvezja) ittrasponew iż-żewġ għażliet.
Fil-Ġermanja, it-traspożizzjoni tal-Artikolu 9(2)(b) ġiet żgurata permezz tal-kriminalizzazzjoni ta’ reat ta’ assoċjazzjoni, iżda dan jidher li huwa aktar limitat mill-atti preparatorji tal-Artikolu 9(2)(b). Fir-rigward tal-element ta’ “kontribuzzjoni” għat-twettiq ta’ reati terroristiċi, xi Stati Membri ma jidhrux li ttrasponew dan b’mod espliċitu. Dan jikkonċerna l-Polonja fir-rigward tal-Artikolu 9(1), is-Slovenja fir-rigward tal-Artikolu 9(2)(a), il-Bulgarija u Spanja fir-rigward tal-Artikolu 9(2)(b), u s-Slovakkja fir-rigward tal-paragrafi kollha.
2.2.10.Organizzazzjoni jew faċilitazzjoni xort’oħra tal-ivvjaġġar għall-finijiet tat-terroriżmu (l-Artikolu 10)
L-Artikolu 10 jeħtieġ li l-Istat Membru jikkriminalizza kwalunkwe att intenzjonat ta’ organizzazzjoni jew iffaċilitar li jgħin lil kwalunkwe persuna li tkun qed tivvjaġġa għall-iskop ta’ terroriżmu, kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 9(2), bl-għarfien li l-assistenza li tkun saret b’dan il-mod tkun għal dak il-għan. B’mod ġenerali, il-miżuri li l-Istati Membri ħadu biex jikkonformaw ma’ dan l-artikolu huma sodisfaċenti.
Fil-Bulgarija u fil-Litwanja, il-leġiżlazzjoni tidher li teħtieġ li r-reat tal-ivvjaġġar għal skopijiet terroristiċi fil-fatt ikun kommess biex l-iffaċilitar jew l-organizzazzjoni tal-ivvjaġġar jkunu kkriminalizzati. Fis-Slovakkja, id-dispożizzjoni tat-traspożizzjoni tidher li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-ivvjaġġar.
2.2.11.Finanzjament tat-terroriżmu (Artikolu 11)
L-Artikolu 11 tad-Direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri jikkastigaw il-finanzjament tat-terroriżmu bħala reat kriminali meta dan jitwettaq intenzjonalment. Dan jispeċifika wkoll li fejn il-finanzjament tat-terroriżmu jikkonċerna kwalunkwe wieħed mir-reati stabbiliti fl-Artikoli 3, 4 u 9 tad-Direttiva, mhuwiex neċessarju li l-fondi fil-fatt jintużaw u lanqas li t-trasgressur ikun jaf għal liema reat jew reati speċifiċi għandhom jintużaw il-fondi.
Fil-Bulgarija, fil-Ġermanja, f’Malta, fil-Polonja u fil-Portugall, il-finanzjament tat-terroriżmu ma jidhirx li jkopri l-finanzjament tar-reati kollha fl-Artikoli minn 3 sa 10 kif meħtieġ mid-Direttiva. Fil-Bulgarija, fil-Latvja, fil-Portugall u fi Spanja l-element “jikkontribwixxu għat-twettiq” ma jidhirx li huwa rifless fil-liġi nazzjonali. Fil-Polonja, fis-Slovakkja u fis-Slovenja, l-approċċ għat-traspożizzjoni tal-element “jikkontribwixxu għat-twettiq” mhuwiex konsistenti tul il-leġiżlazzjoni tat-traspożizzjoni kollha. Fil-Lussemburgu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali żżid il-kundizzjoni li l-fondi kienu nġabru illegalment.
2.2.12.Reati oħra relatati ma’ attivitajiet terroristiċi (l-Artikolu 12)
L-Artikolu 12 tad-Direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri jikkriminalizzaw reati relatati ma’ attivitajiet terroristiċi, serq aggravat u estorsjoni bil-għan li jitwettaq wieħed mir-reati elenkati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva, u t-tfassil jew l-użu ta’ dokumenti amministrattivi foloz bil-ħsieb li jitwettaq wieħed mir-reati elenkati fil-punti minn (a) sa (i) tal-Artikolu 3(1), il-punt (b) tal-Artikolu 4, u l-Artikolu 9 tad-Direttiva.
Il-leġiżlazzjoni tal-Kroazja u tal-Greċja ma tidhirx li tikkriminalizza l-atti intenzjonati ta’ serq aggravat, estorsjoni u t-tfassil dokumenti amministrattivi foloz, jew l-użu tagħhom bħala reati relatati ma’ attivitajiet terroristiċi. Fil-Finlandja, jidher li s-serq aggravat biss bil-ħsieb li jitwettaq reat terroristiku, u mhux l-estorsjoni jew it-tfassil jew l-użu ta’ dokumenti amministrattivi foloz, huwa kopert bħala reat relatat ma’ attivitajiet terroristiċi.
2.2.13.Relazzjonijiet ma’ reati terroristiċi (l-Artikolu 13)
L-Artikolu 13 tad-Direttiva jipprovdi li biex reat imsemmi fl-Artikolu 4 jew fit-Titolu III ikun punibbli, ma għandux ikun neċessarju li reat terroristiku jitwettaq effettivament, lanqas m’għandu jkun neċessarju, f’dak li għandu x’jaqsam mar-reati msemmija fl-Artikoli 5 sa 10 u 12 tad-Direttiva, li tiġi stabbilita rabta ma’ reat speċifiku ieħor stabbilit fid-Direttiva.
Fil-Bulgarija, it-traspożizzjoni tar-reat fl-Artikolu 10 tad-Direttiva u l-kontribut għat-twettiq ta’ ċerti reati relatati ma’ attivitajiet terroristiċi ssir permezz tal-kriminalizzazzjoni tal-għajnuna u l-assistenza. Skont il-liġi nazzjonali tagħhom, l-għajnuna u l-assistenza jidhru li jiġu ppenalizzati biss meta r-reat prinċipali jkun realment twettaq. Fil-Greċja, ir-reat tal-Artikolu 10 mhuwiex reat awtonomu, u għalhekk jidher neċessarju li tiġi stabbilita rabta ma’ reat speċifiku ieħor fid-Direttiva (l-Artikolu 9). Fil-Litwanja, it-tħejjija biex jitwettaq reat li mhuwiex ikklassifikat bħala “serju”, bħal dawk li jittrasponu l-Artikoli 5, 9 u 10 tad-Direttiva, ma tidhirx li hija kkriminalizzata. Għalhekk, jekk ir-reat jitwaqqaf fl-istadju tat-tħejjija, l-azzjonijiet preparatorji ma jiġux ikkriminalizzati.
2.2.14.Għajnuna u kompliċità, inċitazzjoni u tentattiv (Artikolu 14)
L-Artikolu 14 tad-Direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-għajnuna u l-assistenza f’reat imsemmi fl-Artikoli minn 3 sa 8, 11 u 12 tad-Direttiva, li jinċitaw reat imsemmi fl-Artikoli minn 3 sa 12 tad-Direttiva, u t-tentattiv li jitwettaq reat imsemmi fl-Artikoli 3, 6, 7, l-Artikolu 9(1), il-punt (a) tal-Artikolu 9(2), u l-Artikoli 11 u 12 tad-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-pussess kif previst fil-punt (f) tal-Artikolu 3(1) u r-reat imsemmi fil-punt (j) tal-Artikolu 3(1), huma punibbli. B’mod ġenerali, it-traspożizzjoni ta’ dan l-artikolu hija sodisfaċenti.
Il-Polonja ittrasponiet l-Artikolu 6 bl-istess miżura bħall-Artikolu 14(1) u 14(2). Għalhekk mhuwiex ċar jekk l-għajnuna u l-assistenza jew l-inċitazzjoni biex isir ir-reat tal-Artikolu 6 humiex ikkriminalizzati.
Fil-Greċja, l-inċitazzjoni għar-reat tal-Artikolu 10 ma tidhirx punibbli, peress li l-Artikolu 10 mhuwiex traspost bħala reat awtonomu.
Fir-rigward tal-Artikolu 14(3), li jirreferi għat-tentattiv, f’Malta, it-tentattiv ta’ ċerti reati koperti mill-Artikolu 3, u t-tentattiv ta’ reati msemmija fl-Artikoli 6, 7, 11 u 12 tad-Direttiva ma jidhirx li huwa kkriminalizzat.
2.2.15.Pieni għal persuni fiżiċi (l-Artikolu 15)
L-Artikolu 15 tad-Direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikoli minn 3 sa 12 u 14 tad-Direttiva huma punibbli b’pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi. B’mod speċifiku, dan jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-reati terroristiċi msemmija fl-Artikolu 3 u l-għajnuna u l-assistenza, l-inċitazzjoni u t-tentattiv ta’ tali reati, ikunu punibbli b’sentenzi ta’ kustodja eħrex minn dawk imposti taħt il-liġi nazzjonali għal tali reati fin-nuqqas tal-intenzjoni speċjali (ħlief fejn is-sentenzi imposti huma diġà s-sentenzi massimi possibbli taħt il-liġi nazzjonali).
Fir-rigward tal-Artikolu 15(2), fil-Bulgarija, il-piena għar-reat fl-Artikolu 3(1)(j) tad-Direttiva (li wieħed jhedded li jwettaq reat terroristiku) tidher li hija iżgħar mill-piena għat-theddid ta' twettiq ta' reat. Fiċ-Ċekja, il-liġi nazzjonali ma tidhirx li tistipula pieni akbar għall-atti ta’ kisba ta’ kontroll fuq mezzi ta’ trasport bl-ajru, bastimenti ċivili u pjattaformi fissi mwettqa bl-intenzjoni terroristika meħtieġa skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva.
L-Artikolu 15(3) tad-Direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom sentenzi ta’ kustodja b’piena massima għar-reati fl-Artikolu 4(a) u (b) tad-Direttiva, kif ukoll għar-reat imsemmi fil-punt (j) tal-Artikolu 3(1) meta jitwettaq minn persuna li tmexxi grupp terroristiku, mill-inqas fil-livell stabbilit fl-Artikolu 15(3).
Fil-Bulgarija, jekk ir-reat terroristiku msemmi fil-punt (j) tal-Artikolu 3(1) jitwettaq minn persuna li tmexxi grupp terroristiku, is-sanzjoni massima tidher aktar baxxa minn dik prevista fl-Artikolu 15(3). Fil-Finlandja, is-sentenza massima għar-reat fl-Artikolu 4(a) tad-Direttiva jekk ma jkunx twettaq flimkien ma’ reat ieħor, tidher aktar baxxa minn dik stipulata fl-Artikolu 15(3). Fl-Ungerija, xi wħud mill-attivitajiet li jikkonċernaw it-tmexxija ta’ grupp terroristiku jidhru li huma punibbli b’sanzjonijiet aktar baxxi minn dawk stipulati fid-Direttiva. Fil-Lussemburgu, skont kemm persuna tkun ħadet sehem fi grupp terroristiku (l-Artikolu 4(b)), is-sanzjoni massima tista’ tkun multa aktar milli sentenza ta’ kustodja. Fl-Iżvezja, xi wħud mill-attivitajiet li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni fi grupp terroristiku jidhru li huma punibbli b’sanzjoni massima li hija aktar baxxa minn dik stipulata fid-Direttiva.
2.2.16.Ċirkostanzi mitiganti (l-Artikolu 16)
L-Artikolu 16 tad-Direttiva jagħti lill-Istati Membri l-għażla li jnaqqsu l-pieni msemmija fl-Artikolu 15 jekk it-trasgressur jirrinunzja l-attività terroristika u jekk it-trasgressur jipprovdi lill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji b’informazzjoni li kieku ma kinux ikunu jistgħu jiksbu, u dan jgħinhom jipprevjenu jew jimmitigaw l-effetti tar-reat; jidentifikaw jew iressqu quddiem il-ġustizzja lit-trasgressuri l-oħrajn; isibu evidenza; jew jipprevjenu reati ulterjuri msemmija fl-Artikoli 3 sa 12 u 14.
Tlieta u għoxrin Stat Membru għamlu użu (jew użu parzjali) minn din l-għażla. Żewġ Stati Membri (l-Estonja u is-Slovenja) ma użawx l-għażla fl-Artikolu 16 tad-Direttiva.
L-għażla fl-Artikolu 16(1)(a) – rinunzja tal-attività terroristika – intużat minn sbatax-il Stat Membru.
L-għażla fl-Artikolu 16(1)(b) – l-għoti ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti li kieku ma kinux jiksbu – intużat minn tnejn u għoxrin Stat Membru, minkejja li għaxra minnhom ma użawx l-għażliet kollha elenkati fis-subparagrafi (i) sa (iv).
2.2.17.Responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi (l-Artikolu 17)
L-Artikolu 17 tad-Direttiva jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għar-reati msemmija fl-Artikoli minn 3 sa 12 u 14 tad-Direttiva mwettqa għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li jaġixxu individwalment jew bħala parti minn korp tal-persuna ġuridika, u li għandhom pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, kif ukoll fejn in-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll ta’ tali persuna jkun għamel it-twettiq ta’ tali reat possibbli. Dan jiddetermina wkoll li fejn persuni ġuridiċi jinżammu responsabbli, dan ma jeskludix il-possibbiltà li jinbdew proċedimenti kriminali kontra persuni fiżiċi li huma involuti bħala awturi, instigaturi jew kompliċi. B’mod ġenerali, il-miżuri li l-Istati Membri ħadu biex jikkonformaw ma’ dan l-artikolu huma sodisfaċenti.
Fil-Bulgarija, jidher li l-persuni ġuridiċi ma jistgħux jinżammu responsabbli għar-reat fl-Artikolu 10 tad-Direttiva, u fil-Polonja, jidher li l-persuni ġuridiċi ma jistgħux jinżammu responsabbli għar-reat fl-Artikolu 9 tad-Direttiva. Fil-Kroazja u fi Franza jidher li ma hemm l-ebda referenza espliċita għan-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll (l-Artikolu 17(2)). Madankollu, fil-Kroazja, il-persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli kull meta persuna li hija responsabbli ta’ persuna ġuridika twettaq reat għall-benefiċċju tal-persuna ġuridika.
2.2.18.Sanzjonijiet għal persuni ġuridiċi (l-Artikolu 18)
L-Artikolu 18 tad-Direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li persuna ġuridika li tinżamm responsabbli skont l-Artikolu 17 tkun soġġetta għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u li jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħrajn. Dan jinkludi wkoll lista ta’ sanzjonijiet oħra fakultattivi.
Wieħed u għoxrin Stat Membru minn ħamsa u għoxrin għamlu użu (jew użu parzjali) mill-għażliet elenkati taħt l-Artikolu 18 tad-Direttiva. Erba’ Stati Membri (l-Estonja, il-Finlandja, in-Netherlands u l-Iżvezja) ma għamlu ebda użu minn dawn l-għażliet.
L-għażla taħt l-Artikolu 18(a) – l-esklużjoni mid-dritt għal benefiċċji pubbliċi jew għajnuna pubblika – intużat minn tlettax-il Stat Membru.
L-għażla taħt l-Artikolu 18(b) – l-iskwalifikar temporanju jew permanenti mill-eżerċizzju ta’ attivitajiet kummerċjali – intużat minn tmintax-il Stat Membru.
L-għażla taħt l-Artikolu 18(c) – it-tqegħid taħt sorveljanza ġudizzjarja – intużat minn ħames Stati Membri (Ċipru, Franza, Malta, ir-Rumanija u Spanja).
L-għażla fl-Artikolu 18(d) – ordni ġudizzjarja ta’ stralċ – intużat minn sbatax-il Stat Membru.
L-għażla taħt l-Artikolu 18(e) – l-għeluq temporanju jew permanenti ta’ stabbilimenti li jkunu ntużaw biex jitwettaq ir-reat – intużat minn disa’ Stati Membri (il-Belġju, Ċipru, Franza, il-Greċja, il-Litwanja, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija u Spanja).
2.2.19.Ġurisdizzjoni u prosekuzzjoni (l-Artikolu 19)
L-Artikolu 19 tad-Direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu ġurisdizzjoni fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli minn 3 sa 12 u 14 f’ċerti każijiet, li tippermettilhom, fl-istess ħin, li jestendu din il-ġurisdizzjoni għal każijiet speċifiċi oħra. L-Artikolu 19 jeħtieġ ukoll li l-Istati Membri jikkooperaw f’każijiet ta’ ġurisdizzjoni konfliġġenti. Dan jeħtieġ ukoll li l-Istati Membri jistabbilixxu ġurisdizzjoni fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli minn 3 sa 12 u 14 f’każijiet fejn Stat Membru jirrifjuta li jċedi jew li jestradixxi persuna, kif ukoll biex ikopri każijiet li fihom kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 4 u 14 ikun twettaq totalment jew parzjalment fit-territorju tiegħu, irrispettivament minn fejn ikun ibbażat il-grupp terroristiku jew fejn iwettaq l-attivitajiet kriminali tiegħu.
Il-każijiet li fihom għandha tiġi stabbilita l-ġuriżdizzjoni huma msemmija fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 19(1).
Fir-rigward tal-punt (c) dwar il-ġurisdizzjoni fejn it-trasgressur ikun wieħed miċ-ċittadini jew residenti tagħha, il-leġiżlazzjoni tal-Ġermanja ma tidhirx li fiha regola ġenerali li tistabbilixxi l-prinċipju tad-domiċilju, u fil-Portugall, jidher li ma hemm l-ebda regola ġenerali li tistabbilixxi l-prinċipju tan-nazzjonalità.
Fir-rigward tal-punt (d) dwar il-ġurisdizzjoni fejn jitwettaq ir-reat għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika stabbilita fit-territorju tiegħu, jidher li dan ma ġiex traspost mill-Ġermanja, Franza, in-Netherlands, il-Polonja u l-Portugall.
Fir-rigward tal-punt (e) dwar il-ġurisdizzjoni, fejn ir-reat jitwettaq kontra l-istituzzjonijiet jew il-persuni tal-Istat Membru inkwistjoni jew kontra istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni bbażati f’dak l-Istat Membru, il-leġiżlazzjoni tal-Belġju, il-Bulgarija, l-Ungerija, ir-Rumanija u Spanja ma tidhirx li tkopri residenti li mhumiex ċittadini. Fil-Ġermanja, la r-residenti u lanqas l-istituzzjonijiet tal-UE ma jidhru koperti espliċitament. Fil-Polonja, il-liġi nazzjonali ma tkoprix espressament l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji tal-Unjoni. Il-liġi tal-Portugall tidher li tkopri biss sitwazzjonijiet fejn “l-istituzzjonijiet jew in-nies” jinsabu fil-Portugall jew għandhom id-domiċilju tagħhom hemmhekk.
Sbatax-il Stat Membru għamlu użu (jew użu parzjali) mill-għażla taħt l-Artikolu 19(1), it-tieni subparagrafu li tippermetti li Stat Membru jestendi l-ġurisdizzjoni tiegħu jekk ir-reat jitwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.
Sitt Stati Membri (il-Belġju, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Litwanja, in-Netherlands u Spanja) għamlu użu mill-għażla skont l-Artikolu 19(2) li tippermetti li Stat Membru jestendi l-ġurisdizzjoni fuq l-għoti ta’ taħriġ għat-terroriżmu kif imsemmi fl-Artikolu 7, fejn it-trasgressur jipprovdi taħriġ liċ-ċittadini jew lir-residenti tiegħu, f’każijiet fejn ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni stabbiliti skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva ma jkunux applikabbli.
L-Artikolu 19(4) tad-Direttiva, li jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli minn 3 sa 12 u 14 f’każijiet fejn jirrifjutaw li jċedu jew li jestradixxu persuna, ma jidhirx li huwa espliċitament traspost mill-Ġermanja, l-Italja u l-Polonja. F'Ċipru, id-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni għall-Artikolu 19(4) u l-Artikolu 19(5) tad-Direttiva jidhru li ma japplikawx għar-reati kollha koperti mid-Direttiva.
2.2.20.Miżuri ta’ investigazzjoni u konfiska (Artikolu 20)
L-Artikolu 20 tad-Direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw għodod investigattivi effettivi, bħal dawk użati f’każijiet ta’ kriminalità organizzata jew każijiet oħra ta’ kriminalità serja, għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni tat-terroriżmu. Dan jeħtieġ ukoll li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jiffriżaw jew jikkonfiskaw, kif xieraq, skont id-Direttiva 2014/42/UE, ir-rikavat derivat mit-twettiq jew il-kontribut għat-terroriżmu u l-mezzi strumentali użati jew maħsuba biex jintużaw fihom. B’mod ġenerali, it-traspożizzjoni ta’ dan l-artikolu hija sodisfaċenti.
Fir-rigward tal-Artikolu 20(1), fil-Ġermanja, għodod investigattivi effettivi bħal dawk użati f’każijiet ta’ kriminalità organizzata jew każijiet oħra ta’ kriminalità serja ma jidhrux disponibbli għall-investigazzjoni tar-reati kollha meħtieġa mid-Direttiva. Pereżempju, dawn mhumiex disponibbli għar-reat terroristiku ta’ attakki fuq l-integrità fiżika ta’ persuna b’għan terroristiku (l-Artikolu 3(1)(b)). Fil-Litwanja, mhux l-għodod investigattivi kollha jidhru li huma disponibbli biex jiġi investigat l-ivvjaġġar għall-finijiet ta’ terroriżmu. Fil-każ tal-Polonja, ma jidhirx li huwa possibbli li tintuża l-interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet biex jiġu investigati jew biex titwettaq il-prosekuzzjoni għar-reati terroristiċi kollha.
Fir-rigward tal-Artikolu 20(2), fiċ-Ċekja, fl-Estonja, fin-Netherlands, fis-Slovakkja u fl-Iżvezja, il-leġiżlazzjoni ma timponix rekwiżit obbligatorju biex jiġu applikati miżuri ta’ ffriżar u konfiska fir-rigward tar-reati koperti minn din id-Direttiva. Normalment, id-dispożizzjonijiet nazzjonali jippermettu l-użu ta’ dawn il-miżuri, kif awtorizzat mid-Direttiva 2014/42/UE, iżda ma jinkludux obbligu fformulat b’mod strett sabiex jiġu applikati fir-rigward ta’ reati tat-terroriżmu.
2.2.21.Miżuri kontra kontenut ta’ provokazzjoni pubblika online (l-Artikolu 21)
L-Artikolu 21 tad-Direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw it-tneħħija immedjata ta’ kontenut online ospitat fit-territorju tagħhom li jikkostitwixxi provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku. Meta t-tneħħija tal-kontenut ma tkunx fattibbli, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jimblukkaw l-aċċess għal tali kontenut. Dawn il-miżuri jridu jkunu trasparenti u jipprovdu salvagwardji adegwati (inkluż rimedju ġudizzjarju) biex jiżguraw li jkunu limitati, proporzjonati u li l-utenti jkunu infurmati bir-raġuni għal dawn il-miżuri. B’mod ġenerali, it-traspożizzjoni ta’ dan l-artikolu mhix uniformi fost l-Istati Membri. F’Settembru 2018, il-Kummissjoni pproponiet regolament dedikat dwar il-prevenzjoni tat-tixrid ta’ kontenut terroristiku online, b’obbligi speċifiċi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting. Din il-proposta bħalissa qiegħda tiġi nnegozjata mill-koleġiżlaturi.
Il-Greċja ma ttrasponietx dan l-artikolu. Il-leġiżlazzjoni tagħha tkopri biss il-konfiska tad-data diġitali fil-kuntest tal-investigazzjonijiet kriminali, iżda mhux it-tneħħija jew l-imblukkar tal-kontenut online. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva, fir-rigward tat-tneħħija tal-kontenut online, ma tidhirx li hija trasposta minn żewġ Stati Membri (il-Bulgarija u l-Polonja) peress li l-liġijiet tagħhom jirreferu biss għall-imblukkar tal-kontenut. L-Kroazja u l-Latvja jipprovdu miżuri li jistgħu jirriżultaw fit-tneħħija tal-kontenut, iżda jidher li ma hemm l-ebda obbligu espliċitu għal dan il-għan. Fiċ-Ċekja, il-liġi tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jitolbu t-tneħħija tal-kontenut online, iżda ma tipprevedix il-proċedura rilevanti.
It-tieni sentenza tal-Artikolu 21(1), li tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiksbu t-tneħħija tal-kontenut ospitat barra mit-territorju tagħhom, hija koperta minn sittax-il Stat Membru. Dan jinkludi ż-żewġ Stati Membri (il-Bulgarija u l-Polonja) li jkopru biss l-imblukkar u b’hekk mhux it-tneħħija tal-kontenut online. Fil-każ tas-Slovenja, il-miżura ta’ traspożizzjoni tkopri l-fornituri tas-servizzi bl-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stati Membri oħra, iżda mhux f’pajjiżi terzi.
L-għażla skont l-Artikolu 21(2) fir-rigward tal-imblukkar tal-aċċess għall-kontenut, meta t-tneħħija mis-sors tiegħu ma tkunx fattibbli, hija trasposta minn tmintax-il Stat Membru.
Fir-rigward tal-Artikolu 21(3), fil-Belġju, fil-Finlandja, fil-Lussemburgu, fil-Polonja u fis-Slovenja , il-leġiżlazzjoni ma tidhirx li teħtieġ li l-utenti jiġu infurmati dwar ir-raġuni għat-tneħħija tal-kontenut.
2.2.22.Emendi għad-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI (l-Artikolu 22)
L-Artikolu 22 tad-Direttiva jemenda l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/671/ĠAI li teħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu aċċessibbli mill-aktar fis possibbli l-informazzjoni rilevanti miġbura mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom fil-qafas ta’ proċedimenti kriminali b’rabta ma’ reati terroristiċi koperti minn din id-Direttiva lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor fejn l-informazzjoni tista’ tintuża fil-prevenzjoni, fl-iskoperta, fl-investigazzjoni jew fil-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jieħdu miżuri f’waqthom malli jirċievu informazzjoni minn Stati Membri oħra.
Il-Belġju, il-Finlandja, il-Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, is-Slovenja, Spanja u Sweden jidher li ma ttrasponewx b’mod espliċitu l-Artikolu 22. Fejn it-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija espliċitament prevista fil-liġi nazzjonali, din mhux dejjem tkopri l-elementi kollha ta’ din id-dispożizzjoni. Pereżempju, il-liġi taċ-Ċekja tidher li tkopri biss it-trażmissjoni spontanja tal-informazzjoni, filwaqt li t-trażmissjoni fuq talba mhijiex koperta. Il-leġiżlazzjoni tal-Latvja, il-Litwanja u l-Portugall ma tidhirx li tkopri l-iskambju spontanju ta’ informazzjoni. Il-leġiżlazzjoni taċ-Ċekja, tal-Estonja, tal-Kroazja u tal-Ungerija ma tidhirx li tipprevedi obbligu ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni, għal possibbiltà bħal din biss. Fl-aħħar nett, il-Litwanja, in-Netherlands u il-Portugall ma jidhrux li għandhom rekwiżit espliċitu fil-leġiżlazzjoni tagħhom li jaġixxu fil-ħin meta jirċievu informazzjoni minn Stat Membru ieħor.
2.2.23.Drittijiet u libertajiet fundamentali (l-Artikolu 23)
L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva jenfasizza li din id-Direttiva m’għandux ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali fundamentali, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tat-TUE.
L-Artikolu 23(2) jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu l-kundizzjonijiet meħtieġa minn, u skont, il-prinċipji fundamentali relatati mal-libertà tal-istampa u midja oħra, li jirregolaw id-drittijiet u r-responsabbiltajiet ta’, u l-garanziji proċedurali għal, l-istampa jew midja oħra fejn tali kondizzjonijiet jirrelataw mad-determinazzjoni jew mal-limitazzjoni tar-responsabbiltà.
L-Italja u l-Iżvezja jagħmlu użu mill-għażla skont l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva. Il-Kodiċi Kriminali tal-Italja jipprovdi difiżi speċifiċi assoċjati mad-dritt għar-rappurtar u d-dritt għall-informazzjoni għall-istampa u midja oħra. Fl-Iżvezja, il-mezzi koperti mir-regoli kostituzzjonali, bħall-midja stampata u t-televiżjoni, huma soġġetti għal regoli proċedurali speċjali li għandhom l-għan li jagħtu protezzjoni speċjali, kif permess skont l-Artikolu 23(2).
2.2.24.Assistenza u appoġġ għall-vittmi tat-terroriżmu (l-Artikolu 24)
L-Artikolu 24 tad-Direttiva fih l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-għoti ta’ assistenza u appoġġ lill-vittmi tat-terroriżmu.
L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva jeħtieġ li l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjoni ta’ reati skont din id-Direttiva ma jkunux jiddependu fuq rapport jew akkuża. It-traspożizzjoni ta’ dan il-paragrafu hija sodisfaċenti.
L-Artikolu 24(2) tad-Direttiva jeħtieġ li s-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi tat-terroriżmu jkunu fis-seħħ f’konformità mad-Direttiva 2012/29/UE u li jkunu disponibbli għall-vittmi immedjatament wara attakk terroristiku u sakemm ikun meħtieġ.
Fil-Litwanja, is-servizzi ġenerali ta’ appoġġ għall-vittmi mhumiex stabbiliti, iżda hemm servizzi li jkopru ċerti aspetti bħall-appoġġ legali. Il-leġiżlazzjoni tal-Lussemburgu, il-Polonja u s-Slovenja ma tidhirx li tindika li s-servizzi ta’ appoġġ jenħtieġ li jkollhom il-kapaċità li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi tat-terroriżmu. Ir-rekwiżit li s-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi għandhom ikunu disponibbli immedjatament wara attakk terroristiku u sakemm ikun meħtieġ ma jidhirx li ġie traspost b’mod espliċitu minn sittax-il Stat Membru, għalkemm f’ħafna minn dawn l-Istati Membri dan jidher li huwa l-każ fil-prattika.
L-Artikolu 24(3) tad-Direttiva jispeċifika li s-servizzi ta’ appoġġ għandu jkollhom il-kapaċità li jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi tat-terroriżmu. Is-servizzi għandhom ikunu kunfidenzjali, mingħajr ħlas, aċċessibbli faċilment u għandhom jinkludu: (a) appoġġ emottiv u psikoloġiku; (b) pariri u informazzjoni; (c) assistenza b’talbiet għal kumpens. Ir-rekwiżit li dawn is-servizzi jenħtieġ li jkunu kunfidenzjali u bla ħlas jidher li ma ġiex traspost b’mod espliċitu mill-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, Malta u l-Polonja.
Fir-rigward tat-tipi ta’ servizzi li l-appoġġ għall-vittmi għandu jinkludi, l-Artikolu 24(3)(a) dwar l-appoġġ emottiv u psikoloġiku jidher li ma ġiex traspost b’mod espliċitu mil-Litwanja u mil-Lussemburgu; L-Artikolu 24(3)(b) dwar l-għoti ta’ pariri u informazzjoni ġie parzjalment traspost mill-Kroazja, miċ-Ċekja, mill-Italja, mil-Litwanja u mis-Slovenja. It-traspożizzjoni ta’ dawn l-Istati Membri ma tidhirx li tkopri b’mod partikolari pariri u informazzjoni dwar kwistjonijiet prattiċi jew finanzjarji. Fir-Rumanija u fis-Slovenja, il-miżuri nazzjonali jidhru li mhumiex speċifiċi biżżejjed biex jiġi konkluż li l-assistenza attwali fir-rigward ta’ talbiet għal kumpens se tiġi pprovduta (l-Artikolu 24(3)(c)). Minkejja n-nuqqas ta’ traspożizzjoni espliċita ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-informazzjoni eżistenti tidher li tindika li t-tipi ta’ servizzi msemmija hawn fuq huma disponibbli fil-prattika f’bosta minn dawn l-Istati Membri.
L-Artikolu 24(4) tad-Direttiva jenfasizza li għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi jew protokolli għall-attivazzjoni tas-servizzi ta’ appoġġ bħala parti mill-infrastrutturi nazzjonali ta’ reazzjoni għal emerġenza. Għandha tiġi żgurata reazzjoni komprensiva għall-ħtiġijiet tal-vittmi u tal-membri tal-familja tagħhom immedjatament wara attakk terroristiku u għat-tul ta’ żmien meħtieġ. Il-miżuri nazzjonali stabbiliti jidhru li jikkorrispondu fil-biċċa l-kbira mal-appoġġ meħtieġ skont din id-Direttiva.
Bl-istess mod, l-Artikolu 24(5) tad-Direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw trattament mediku adegwat speċifikament għall-vittmi tat-terroriżmu immedjatament wara attakk terroristiku u sakemm ikun meħtieġ. Dan l-obbligu jidher li huwa kopert mill-għoti ta’ trattament mediku ġenerali skont is-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa.
L-Artikolu 24(6) tad-Direttiva jeħtieġ li l-vittmi tat-terroriżmu jkollhom aċċess għal għajnuna legali skont id-Direttiva 2012/29/UE fejn ikollhom l-istatus ta’ partijiet fi proċeduri kriminali, u jiżguraw li s-severità u ċ-ċirkostanzi tar-reat ikunu riflessi kif xieraq fil-kondizzjonijiet u fir-regoli proċedurali li skonthom il-vittmi tat-terroriżmu għandhom aċċess għal għajnuna legali skont il-liġi nazzjonali. Din il-parti tal-aħħar tal-Artikolu 24(6) ma tidhirx li hija trasposta mill-Greċja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja, il-Portugall u Spanja.
2.2.25.Protezzjoni tal-vittmi tat-terroriżmu (l-Artikolu 25)
L-Artikolu 25 tad-Direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm miżuri disponibbli għall-protezzjoni tal-vittmi tat-terroriżmu u l-membri tal-familja tagħhom skont id-Direttiva 2012/29/UE. Meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk u sa liema punt jenħtieġ li jibbenefikaw minn dawn il-miżuri, għandha tingħata attenzjoni partikolari għar-riskju ta’ intimidazzjoni u ta’ ritaljazzjoni u għall-ħtieġa li jiġu protetti d-dinjità u l-integrità fiżika tal-vittmi tat-terroriżmu. Ġew identifikati kwistjonijiet fir-rigward ta’ disa’ Stati Membri (il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja). Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dawn jirriżultaw minn kwistjonijiet fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2012/29/UE. Il-protezzjoni ma tkunx mogħtija kompletament lill-membri tal-familja tal-vittmi tat-terroriżmu. Fil-Bulgarija, ir-riskju ta’ intimidazzjoni u ritaljazzjoni u l-ħtieġa li jiġu protetti d-dinjità u l-integrità fiżika tal-vittmi matul l-interrogazzjoni u meta jagħtu x-xhieda ma jidhrux koperti. Fil-Polonja, id-dispożizzjoni ta’ traspożizzjoni ma tidhirx li tirreferi b’mod espliċitu għar-“riskju ta’ intimidazzjoni u ritaljazzjoni u lill-ħtieġa li jiġu protetti d-dinjità u l-integrità fiżika tal-vittmi tat-terroriżmu”, u l-leġiżlazzjoni tas-Slovenja ma tidhirx li tkopri l-protezzjoni tal-integrità fiżika u d-dinjità tal-vittmi tat-terroriżmu. Il-leġiżlazzjoni tas-Slovakkja tipprevedi miżuri biex jiġi evitat il-kuntatt bejn il-vittmi u t-trasgressuri, iżda dawn il-miżuri jidhru li japplikaw biss għall-vittmi qabel is-seduta prinċipali u mhux matul il-proċeduri kriminali.
2.2.26.Drittijiet tal-vittmi tat-terroriżmu residenti fi Stat Membru ieħor (l-Artikolu 26)
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex jiżguraw li l-vittmi tat-terroriżmu, li huma residenti ta’ Stat Membru minbarra dak fejn twettaq ir-reat terroristiku, ikollhom aċċess għal informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom, is-servizzi ta’ appoġġ u l-iskemi ta’ kumpens fl-Istat Membru fejn twettaq ir-reat terroristiku. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri koperti f’dan ir-rapport jiżguraw aċċess għall-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi irrispettivament mill-post ta’ residenza tal-persuna, u l-Istati Membri kollha jidhru li jissodisfaw dan l-obbligu.
Skont l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi kollha tat-terroriżmu jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ appoġġ kif stabbilit fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 24(3) fit-territorju tal-Istat Membru tar-residenza tagħhom, anki jekk ir-reat terroristiku jkun sar fi Stat Membru ieħor. Il-miżura għat-traspożizzjoni tal-Bulgarija tidher li tapplika għar-reati kollha mwettqa fit-territorju tagħha kif ukoll għal dawk imwettqa barra mit-territorju tagħha, madankollu, biss meta l-vittma tkun ċittadin Bulgaru. Il-vittmi residenti fil-Bulgarija li mhumiex ċittadini Bulgari, għalhekk, mhumiex koperti mill-miżura ta’ traspożizzjoni.
3.KONKLUŻJONIJIET
Id-Direttiva tirrappreżenta strument legali komprensiv li jistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjonijiet ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam ta’ reati terroristiċi u reati relatati mat-terroriżmu, kif ukoll miżuri ta’ protezzjoni tal-vittmi tat-terroriżmu, u appoġġ u assistenza lilhom. It-traspożizzjoni tagħha wasslet għal tisħiħ sostantiv tal-approċċ tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri għat-terroriżmu u d-drittijiet mogħtija lill-vittmi tat-terroriżmu. Mill-25 Stat Membru marbuta bid-Direttiva, 23 adottaw leġiżlazzjoni ġdida sabiex jiżguraw it-traspożizzjoni tad-Direttiva.
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-isforzi magħmula mill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex jikkonformaw mad-Direttiva. B’mod ġenerali, it-traspożizzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri tal-UE tista’ titqies bħala sodisfaċenti. Madankollu, hemm għadd ta’ tħassib potenzjali dwar it-traspożizzjoni tar-reati terroristiċi elenkati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali f’diversi Stati Membri, li wkoll għandu impatt fuq it-traspożizzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva. Hemm ukoll tħassib li r-reati tal-Artikolu 3(1) ma jikkwalifikawx bħala reati terroristiċi meta jitwettqu bl-għanijiet tal-Artikolu 3(2). Huwa importanti li dawn ir-reati jitqiesu fihom infushom bħala reati terroristiċi, biex titqies, pereżempju, il-possibbiltà li persuni li jwettqu reati waħedhom jiġu mħarrka b’reati terroristiċi. Barra minn hekk, kwalifika komuni ta’ reati terroristiċi hija importanti biex tippermetti l-użu effettiv tal-istrumenti ta’ kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi, bħad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI. Fl-aħħar nett, huwa importanti għall-vittmi ta’ reati terroristiċi li jiġu rikonoxxuti bħala tali.
Tħassib ieħor huwa t-traspożizzjoni mhux kompluta jew inkorretta tal-Artikolu 9 dwar l-ivvjaġġar għall-finijiet ta’ terroriżmu, li jista’ jkollu impatt fuq il-mod li bih persuna li twettaq dan ir-reat tiġi investigata u mħarrka, li jfisser li ċerti atti jistgħu jibqgħu ma jiġux ikkastigati. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali jkun fiha definizzjoni aktar limitata tal-persuni li jivvjaġġaw jew it-territorji li jivvjaġġaw lejhom. Bl-istess mod u għal raġunijiet simili, it-traspożizzjoni mhux kompluta jew inkorretta tal-Artikolu 11 dwar il-finanzjament tat-terroriżmu hija ta’ tħassib. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali mhux dejjem tkopri l-finanzjament tar-reati kollha fl-Artikoli minn 3 sa 10 kif meħtieġ mid-Direttiva, u b’hekk tnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni għall-prosekuzzjoni ta’ ċerti atti. Fl-aħħar nett, hemm nuqqasijiet fir-rigward tat-traspożizzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi għall-vittmi tat-terroriżmu, li jista’ jkollhom l-effett li vittmi tat-terroriżmu ma jirċevux assistenza jew appoġġ imfassal apposta għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.
Sabiex tiżgura t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati. Dan jinkludi l-monitoraġġ li l-miżuri nazzjonali jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet korrispondenti fid-Direttiva. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni se tagħmel użu mis-setgħat ta’ infurzar tagħha skont it-Trattati permezz ta’ proċeduri ta’ ksur.
F’Settembru 2021, il-Kummissjoni se tevalwa d-Direttiva b’mod usa’, billi tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-valur miżjud tad-Direttiva fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, kif meħtieġ bl-Artikolu 29(2). Din l-evalwazzjoni se tivvaluta wkoll l-impatt tad-Direttiva fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inkluż fuq in-nondiskriminazzjoni, fuq l-istat tad-dritt u fuq il-livell ta’ protezzjoni u assistenza li jingħata lill-vittmi tat-terroriżmu.