Brussell, 17.9.2020

COM(2020) 562 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030







Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna



















{SEC(2020) 301 final} - {SWD(2020) 176 final} - {SWD(2020) 177 final} - {SWD(2020) 178 final}


Il-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030

1.Nindirizzaw il-kriżi klimatika b’aktar determinazzjoni

Il-kriżi klimatika tibqa’ l-isfida ewlenija ta’ żmienna. L-aħħar ħames snin kienu l-aktar snin sħan li qatt ġew irreġistrati. It-temperatura medja dinjija żdiedet b’1,1 °C iżjed mil-livelli preindustrijali sal-2019. L-impatti tat-tisħin globali mhumiex ikkontestati, issa li kulma jmur qed jiżdiedu n-nixfiet, il-maltempati u estremi oħrajn tat-temp. Irridu nieħdu azzjoni urġenti u sostnuta biex nippriżervaw is-saħħa, il-prosperità u l-benesseri tan-nies fl-Ewropa u madwar id-dinja kollha. L-aħħar rapporti tal-IPCC dwar it-tibdil fil-klima u t-tisħin globali ta’ 1,5°C fl-art, fl-oċeani u fil-krijosfera joħorġu fid-dieher l-impatti xejn tajbin tat-tibdil fil-klima jekk kollox jibqa’ għaddej kif inhu. Bir-raġun kollu li ċ-ċittadini tal-UE qed jitħassbu dejjem aktar dwar dan. Disgħa minn kull għaxra jqisu t-tibdil fil-klima bħala tħassib serju. L-UE tmexxi l-ġlieda dinjija kontra t-tibdil fil-klima u l-Kummissjoni hi ddeterminata li l-UE tieħu aktar azzjoni issa.

Il-President tal-Kummissjoni poġġiet il-Patt Ekoloġiku Ewropew 1 bħala l-akbar prijorità politika, ħalli l-UE ssir soċjetà ġusta u prospera b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva. Jeħtieġ nipproteġu, nikkonservaw u nsaħħu l-kapital naturali tal-UE, u nipproteġu s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini mir-riskji u l-impatti relatati mal-klima u mal-ambjent filwaqt li niżguraw trasformazzjoni inklużiva bbażata fuq tranżizzjoni ġusta biex ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Illum, il-Kummissjoni qed tagħti direzzjoni sostenibbli lill-kontinent tagħna biex dan il-Patt isir realtà u tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050.

Id-dinja bħalissa qed iġġarrab kriżi tas-saħħa b’impatt soċjoekonomiku mingħajr preċedent. Din il-kriżi teħtieġ attenzjoni urġenti, iżda l-isforzi tagħna biex nindirizzaw kriżi partikolari m’għandhomx inaqqsu jew idgħajfu sforzi oħrajn. Ma teżistix l-alternattiva li l-Unjoni Ewropea tipposponi l-azzjoni klimatika jew li treġġa’ lura l-miżuri. Jekk titħalla għal riħha, il-kriżi klimatika li qed tiżviluppa se tħalli konsegwenzi eżistenzjali għall-ambjent naturali tagħna, għal saħħitna, u għall-għajxien tagħna lil hinn mill-iskala tal-kriżi tas-saħħa attwali. It-tfixkil ekonomiku u l-konsegwenzi soċjali avversi fit-tul li jġib miegħu n-nuqqas ta’ azzjoni jisboq bil-bosta l-ispejjeż ta’ investiment illum f’azzjoni klimatika ambizzjuża.

Ir-rispons ekonomiku Ewropew mingħajr preċedent għall-COVID-19 joffri opportunità unika biex titħaffef t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima li tinvesti fit-trasformazzjoni meħtieġa u li tiżgura li din isseħħ b’mod ġust u soċjalment ġust. Next Generation EU u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027, bil-piż ikkombinat tagħhom ta’ aktar minn EUR 1,8 triljun, jagħtu spinta ġmielha biex jitwettqu t-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali li l-Ewropa tant taspira għalihom. Biex il-kriżi ekonomika tiġi indirizzata b’mod effettiv u jinkisbu l-gwadanji mit-tħaffif tat-tranżizzjoni lejn ekonomija nadifa u sostenibbli, hemm bżonn li l-ambizzjonijiet jiġu traskritti bis-sħiħ fil-Pjanijiet ta’ Rkupru u ta’ Reżiljenza tal-Istati Membri.

Fl-għaxar snin li ġejjin, l-UE se tkompli tibni fuq rekord sod ta’ azzjoni klimatika u tkabbir ekonomiku paralleli. Fl-2019, l-emissjonijiet tal-UE, inkluż l-assorbimenti, tnaqqsu b’madwar 25 % meta mqabbla mal-1990, filwaqt li fl-istess perjodu l-ekonomija kibret bi 62 %. Dan juri li nistgħu nindirizzaw it-tibdil fil-klima u fl-istess ħin niżguraw tkabbir ekonomiku sostnut u ħolqien tal-impjiegi. Il-Valutazzjoni tal-Impatt mehmuża ma’ din il-Komunikazzjoni turi li tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990, hu fattibbli ekonomikament daqskemm ta’ benefiċċju għall-Ewropa, jekk jitħaddmu politiki xierqa.

Bil-qafas ta’ politika attwali tal-UE waħdu ma nistgħux nilħqu l-miri tagħna għall-2050 u ma nistgħux inwettqu l-impenji tagħna skont il-Ftehim ta’ Pariġi. Il-projezzjonijiet juru li jekk tissokta l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ bħalissa din twassal biex l-UE tikseb tnaqqis ta’ 60 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2050. L-UE jeħtieġ iżżid issa l-ambizzjonijiet tagħha għal dawn l-għaxar snin li ġejjin u tevita li tħalli piżijiet itqal għall-ġenerazzjonijiet futuri. Inqas ma l-UE tieħu azzjoni fl-għaxar snin li ġejjin, aktar u aktar tkun diffiċli t-triq tat-tnaqqis wara l-2030.

Għalhekk il-Kummissjoni qed tipproponi li tbiddel il-perkors attwali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet biex tikseb in-newtralità klimatika sal-2050 u qed tirrifletti dan fil-proposta għal-Liġi Ewropea dwar il-Klima.

Fil-Valutazzjoni tal-Impatt u fi proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni li sar is-sena li għaddiet, il-Kummissjoni għarblet bir-reqqa l-effetti tat-tnaqqis fl-emissjonijiet b’50 % sa 55 % fuq l-ekonomija, fuq is-soċjetà u fuq l-ambjent tagħna sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Il-Valutazzjoni tal-Impatt ikkunsidrat bir-reqqa t-taħlita ta’ strumenti ta’ politika disponibbli u kif kull settur tal-ekonomija jista’ jikkontribwixxi għal dawn il-miri. Perkors bilanċjat, realistiku u prudenti lejn in-newtralità klimatika sal-2050 jeħtieġ mira ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ 55 % sal-2030.

Din il-Komunikazzjoni għalhekk:

1.Tippreżenta mira għall-ekonomija kollha u għall-UE kollha ta’ tnaqqis ta’ mill-inqas 55 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030, meta mqabbla mal-1990, inkluż fl-emissjonijiet u fl-assorbimenti.

2.Tipprevedi sett ta’ azzjonijiet meħtieġa fis-setturi kollha tal-ekonomija, u t-tnedija ta’ reviżjonijiet tal-istrumenti leġiżlattivi ewlenin biex tinkiseb din l-ambizzjoni akbar.

3.Tħejji t-triq għal dibattitu pubbliku fil-ħarifa tal-2020 biex jiżdied il-kontribut tal-UE għall-Ftehim ta’ Pariġi qabel tmiem is-sena, u twitti t-triq biex sa Ġunju 2021 il-Kummissjoni tagħmel proposti leġiżlattivi dettaljati.

L-UE tista’ u jenħtieġ tistabbilixxi mira hija stess ta’ 55 % abbażi tat-tliet kunsiderazzjonijiet ewlenin li ġejjin.

L-ewwel nett, inkiseb tnaqqis kbir fl-emissjonijiet permezz tal-għeluq tal-impjanti tal-faħam u bit-tindif tal-industrija intensiva fl-enerġija, filwaqt li kien aktar diffiċli li jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport u mill-agrikoltura u fil-bini, għax għandhom bosta sfidi partikolari. Madankollu, biex tinkiseb in-newtralità klimatika hemm bżonn tisħiħ sinifikanti fl-azzjoni tal-UE fis-setturi kollha. Iż-żminijiet twal ta’ tħejjija f’setturi kruċjali bħall-użu tal-art u t-trasport jeħtieġu tisħiħ fl-azzjoni saħansitra tul l-għaxar snin li ġejjin, inkella l-bidliet meħtieġa wara l-2030 ikollhom iseħħu b’ritmu mgħaġġel xejn realistiku.

It-tieni nett, ir-riskji ta’ intrappolament tal-karbonju fl-għaxar snin li ġejjin huma għoljin wisq. Dan minħabba l-istruttura leġiżlattiva attwali u minħabba perspettiva naturali għal żmien qasir waqt id-deċiżjonijiet ekonomiċi f’nofs il-kriżi tal-COVID-19. Hemm bżonn urġenti li jingħataw sinjali ta’ investiment aktar ċari u aktar sodi biex l-ippjanar u d-deċiżjonijiet tal-investiment tal-lum ikunu koerenti mat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika.

Fl-aħħar nett, ix-xjenza turina li r-riskji klimatiċi huma mill-aktar negattivi. Rapporti speċjali riċenti tal-IPCC sabu riskji akbar fit-temperaturi aktar baxxi tal-punti kritiċi tas-sistema tad-Dinja milli sabu fil-ħames rapport ta’ valutazzjoni tiegħu, fosthom it-tnaqqis fir-ritmu tal-kurrent tal-Golf jew instabbiltà fis-saffi tas-silġ ta’ Greenland u tal-Antartiku tal-Punent. Il-kriżi klimatika hi marbuta wkoll intrinsikament mat-telf tal-bijodiversità fid-dinja kollha, u s-soluzzjonijiet iridu jindirizzaw iż-żewġ sfidi b’mod konsistenti. L-unika triq ’il quddiem responsabbli għalhekk hi li nieħdu l-azzjoni issa meta għad għandna l-libertà li nagħżlu kif, u mhux li nieħdu azzjoni meta jaf ikun tard wisq.

Għandna r-responsabbiltà li naġixxu b’mod deċiżiv fl-interess tal-ġenerazzjonijiet futuri. Jekk l-UE turi li dan jista’ jsir, ħafna gvernijiet u ċittadini madwar id-dinja se jindunaw li ż-żieda fil-prosperità tista’ timxi id f’id ma’ azzjonijiet li jillimitaw it-tibdil fil-klima madwar id-dinja għal ferm inqas minn 2 °C u ma’ aktar sforzi li jillimitah għal 1,5 °C, biex nissalvagwardjaw il-ġejjieni tal-pjaneta tagħna. Madankollu, anke b’azzjoni f’livell globali, uħud mill-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima se jkomplu. Għalhekk li l-UE qed tkompli wkoll bl-isforzi tagħha dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, fl-Ewropa u madwar id-dinja. Fl-aħħar nett, biex niksbu n-newtralità klimatika fl-Ewropa hemm bżonn investiment fit-teknoloġiji, mudelli tan-negozju, ħiliet, infrastrutturi u bidliet fl-imġiba. It-tranżizzjoni ekoloġika se timmodernizza l-ekonomija tagħna, tagħmilha aktar innovattiva, ċirkolari u reżiljenti u ssostni l-kompetittività u l-prosperità dinjija tagħha fis-snin li ġejjin.

2.Il-Benefiċċji Ekonomiċi u Soċjali miksuba b’żieda fl-ambizzjoni klimatika

Abbażi tal-analiżi li għamlet fil-Valutazzjoni tal-Impatt tagħha, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kisba ta’ tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030 mhux biss tqiegħed lill-UE fit-triq it-tajba biex tikseb in-newtralità klimatika, iżda twassal ukoll biex in-negozji u l-industrija tal-UE jkunu pijunieri fid-dinja. L-analiżi tikkonferma wkoll li huwa possibbli li din iż-żieda fil-mira ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra ssir b’mod responsabbli u soċjalment ġust. Din tista’ tixpruna t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u tħaffef it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, filwaqt li jeħtieġ jiġu indirizzati l-konsegwenzi soċjali negattivi u jiġu implimentati politiki xierqa kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri. Il-kisba ta’ tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030 ittejjeb ukoll il-benesseri taċ-ċittadini tal-UE għax tagħtihom kobenefiċċji sinifikanti mil-lat ta’ saħħa, kwalità aħjar tal-arja u tnaqqis fid-degradazzjoni ambjentali, u tappoġġa bil-qawwi l-irkupru mill-COVID-19 u l-kompetittività u r-reżiljenza fit-tul tal-ekonomija Ewropea.

Il-kisba tal-mira ta’ tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet se tkun sfida sinifikanti ta’ investiment għall-industrija u għas-setturi tas-servizzi, tat-trasport u tal-enerġija tal-UE. Iżda r-redditu fuq l-investiment jekk inwieġbu din l-isfida mhu xejn għajr li n-negozji tal-UE jkunu kapaċi jikkompetu u li ċ-ċittadini tagħna jirnexxu. Il-kriżi tal-COVID-19 laqtet ħażin ħafna lill-ekonomija tal-UE. Ma biddlitx ferm l-investimenti meħtieġa biex tintlaħaq mira akbar ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030, iżda aktarx aggravat il-kundizzjonijiet biex isiru dawn l-investimenti, li jeħtieġ jitwieżnu b’inizjattivi ta’ politika sodi fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali. Il-pjan ta’ rkupru tal-UE, bil-faċilità għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu, hu kritiku biex isiru dawn l-investimenti tant bażiċi għat-tranżizzjoni ekoloġika. Minkejja li hu stmat li l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra fl-2020 se jinżlu għal 30 % sa 35 % inqas mil-livelli tal-1990, hu stmat ukoll li jekk ma titteħidx azzjoni addizzjonali, l-irkupru ekonomiku mill-kriżi tal-COVID-19 ireġġa’ lura l-emissjonijiet għal-livelli preċedenti. L-arloġġ ma treġġax lura fejn jidħol it-tisħin globali. Biex niksbu n-newtralità klimatika sal-2050, fl-għaxar snin li ġejjin se jkollna nibnu turbini tar-riħ ġodda, innaddfu l-industriji tagħna u nġeddu l-bini biex nagħmluh effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi. Għal dan l-iskop, jeħtieġ inpoġġu l-kumpaniji tal-UE fuq quddiem nett biex jiżviluppaw, iħaddmu u jikkummerċjalizzaw soluzzjonijiet b’livell baxx tal-karbonju. Il-mobbiltà xorta għad trid issir ferm aktar nadifa, b’vetturi mingħajr emissjonijiet biex jieħdu post il-vetturi konvenzjonali, bi żvilupp qawwi fit-trasport pubbliku u b’aktar użu ta’ mezzi tat-trasport sostenibbli u soluzzjonijiet multimodali permezz ta’ firxa wiesgħa u integrata sew ta’ alternattivi ta’ mobbiltà nadifa. It-teknoloġiji diġitali se jkollhom parti ewlenija biex jiġi żgurat li l-UE tilħaq in-newtralità klimatika u ssaħħaħ il-kompetittività tagħha madwar id-dinja. It-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi jridu jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku.

Il-baġit pluriennali tal-UE u Next Generation EU se jiddedikaw mill-inqas 30 % tal-fondi tagħhom favur il-klima, u l-ispejjeż kollha se jkunu konsistenti mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju “la tagħmilx ħsara”. Il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza u l-infiq relatat iridu jikkontribwixxu b’mod effettiv għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jew biex jindirizzaw l-isfidi li dawn joħolqu. L-użu mmirat ta’ dawn il-fondi jista’ jixpruna investimenti sinifikanti min-naħa tas-settur privat. Irridu nikkombinaw l-infiq tal-irkupru ma’ azzjoni klimatika ambizzjuża biex nevitaw il-ħela tal-flus u tal-assi, li jwassal għal ħtiġijiet addizzjonali ta’ riżorsi aktar tard. Fi ftit kliem, fi żmien ta’ likwidità dejjem aktar skarsa, jenħtieġ ma ninvestux b’mod awtomatiku fl-ekonomija l-antika mmexxija mill-karbonju, iżda jenħtieġ ninkoraġġixxu l-investiment f’teknoloġiji innovattivi u b’livell baxx tal-karbonju, biex l-Ewropa ssir ekonomija moderna u ekoloġika. Irridu nsalvaw u noħolqu l-impjiegi u l-introjtu mhux biss għal xhur jew snin, iżda anki għal għexieren ta’ snin.

L-irkupru u l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija tagħna jistgħu jibbenefikaw ukoll minn politiki strutturali u riformi ta’ politika li jinċentivaw il-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti, jindirizzaw it-tqabbil tal-ħiliet u jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ meħtieġa.

Karatteristika ewlenija tat-tranżizzjoni ekoloġika hi t-titjib tal-istokk kapitali tal-UE, u dan jeħtieġ investimenti akbar bil-quddiem, filwaqt li l-iffrankar assoċjat fil-fjuwil, maż-żmien se jħallas l-investimenti inizjali. L-investimenti relatati mal-enerġija jeħtieġ jiżdiedu. Kull sena fil-perjodu 2021-2030, l-UE se jkollha bżonn tinvesti EUR 350 biljun aktar milli kienet tinvesti fil-perjodu 2011-2020, jiġifieri madwar EUR 90 biljun aktar fis-sena meta mqabbel mal-investimenti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri attwali tal-klima u l-enerġija għall-2030. Minbarra l-appoġġ pubbliku, l-inizjattiva ta’ finanzi sostenibbli se tiggwida l-investimenti privati lejn l-irkupru ekoloġiku. It-tassonomija tal-UE, l-Istandard tal-UE għall-Bonds Ekoloġiċi u l-parametri referenzjarji tal-klima se jkunu għodod essenzjali biex il-finanzjament jitqarreb iżjed lejn il-ħtiġijiet tal-ekonomija reali.

Meta jitqies is-suq domestiku mdaqqas tagħna, it-tħaffif tat-tranżizzjoni se jgħin fil-modernizzazzjoni tal-ekonomija kollha tal-UE, iżid l-opportunitajiet għat-tmexxija tagħna fit-teknoloġiji nodfa, u se jgħinna niksbu vantaġġ kompetittiv fis-swieq dinjin. L-iżvilupp ta’ ktajjen tal-valur ġodda u l-espansjoni ta’ oħrajn se jtejbu wkoll l-awtonomija strateġika miftuħa tal-ekosistemi industrijali tal-Ewropa. Din se tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija tassew ċirkolari, li flimkien mad-diġitalizzazzjoni, se tkun fil-qalba tal-modernizzazzjoni meħtieġa biex jittejbu l-effiċjenza u r-reżiljenza ġenerali tal-ekonomija Ewropea.

Iċ-ċittadini tagħna jridu jgħixu f’Ewropa moderna, sostenibbli, ġusta u reżiljenti. Dawn huma sħab kruċjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u jistgħu jappoġġjawha permezz ta’ mobilizzazzjoni politika u l-għażliet tal-konsumaturi. Jistgħu jikkontribwixxu ferm għad-dekarbonizzazzjoni billi jieħdu deċiżjonijiet dwar ix-xiri u jagħżlu stili ta’ ħajja aktar sostenibbli, iżda għal dan il-għan jeħtieġu informazzjoni azzjonabbli u affidabbli.

Il-bini u t-trasport, flimkien mal-industrija, huma l-utenti ewlenin tal-enerġija u sors tal-emissjonijiet. Id-dekarbonizzazzjoni tal-provvista u tad-domanda tal-enerġija hi essenzjali biex insiru newtrali għall-klima, u fil-fatt tista’ tinkiseb filwaqt li jissaħħu l-benesseri taċ-ċittadini tagħna mil-lat ta’ trasport u akkomodazzjoni

Iż-żieda fl-ambizzjoni klimatika tagħna għall-2030 fis-settur tal-bini tista’ u jenħtieġ tkun soċjalment ġusta u ekwa. Pereżempju, l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx qed jerfgħu piż akbar minħabba l-ispejjeż tat-tisħin meta mqabbla mal-unitajiet domestiċi aktar sinjuri. Anki l-użu tal-fjuwils li jniġġsu ħafna bħall-faħam hu komuni aktar fost l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u hu għoli b’mod partikolari f’ċerti reġjuni tal-Ewropa. Għalhekk, dawn jistgħu jintlaqtu aktar ħażin mit-tranżizzjoni, b’mod partikolari jekk l-emissjonijiet tal-karbonju jsiru aktar għaljin u ma jkollhomx disponibbli soluzzjonijiet b’livell baxx tal-karbonju. Biex ikunu evitati l-impatti negattivi fuq il-konsumaturi vulnerabbli, hu importanti li l-politiki soċjali u tal-effiċjenza enerġetika jkunu mmirati lejn ir-rinnovazzjoni tad-djar tagħhom u jibqgħu jimmonitorjaw l-impatt tagħhom fuq il-kontijiet tat-tisħin u tal-elettriku tagħhom.

Ir-rinnovazzjoni tal-bini fl-Ewropa mhux biss tnaqqas il-kontijiet tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, iżda ttejjeb ukoll il-kundizzjonijiet tal-għajxien u toħloq impjiegi lokali. Il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni li jmiss se tindirizza l-isfida doppja tal-effiċjenza enerġetika u tal-affordabbiltà fis-settur tal-bini. Se tiffoka fuq il-bini bl-agħar prestazzjoni u tindirizza l-faqar enerġetiku, u anki fuq il-bini pubbliku, b’mod partikolari l-iskejjel, l-isptarijiet u l-faċilitajiet tal-kura. Waqt ir-rinnovazzjoni, jeħtieġ tingħata attenzjoni partikolari lill-finanzjament tal-investimenti bil-quddiem u lill-kapaċità tal-unitajiet domestiċi li jimmaniġġjawhom. B’mod partikolari, se jkun hemm bżonn appoġġ immirat għal investimenti tal-effiċjenza enerġetika fl-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, u għal akkomodazzjoni soċjali. Għaldaqstant irridu nfasslu politiki, nallokaw baġits, u nipproponu modi differenti u innovattivi biex norganizzaw l-ekoloġizzazzjoni tad-djar u l-mobbiltà, filwaqt li ngħinu lill-gruppi soċjali vulnerabbli. Il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni turi li t-tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet miksub b’żieda fl-użu tal-ipprezzar tal-karbonju, flimkien mal-għoti lura tad-dħul lil unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, jistgħu jindirizzaw l-impatti fuq l-introjtu għal dawn l-unitajiet domestiċi u fl-istess ħin xorta jkunu jistimulaw bidla lejn teknoloġiji b’livell baxx tal-karbonju. Trasport privat u pubbliku nadif u effiċjenti se jġib benefiċċji kbar għal ċittadini u komunitajiet individwali. Iż-żieda fl-ishma modali tat-trasport pubbliku u l-mobbiltà attiva, jiġifieri l-mixi u ċ-ċikliżmu, kif ukoll il-mobbiltà awtomatizzata, konnessa u multimodali, flimkien ma’ standards aktar stretti fejn jidħlu s-sustanzi li jniġġsu l-arja u l-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi, se jnaqqsu drastikament it-tniġġis mit-trasport, speċjalment fil-bliet.

Iċ-ċittadini tagħna għandhom ħafna x’jiggwadanjaw b’azzjoni klimatika ambizzjuża u deċiżiva. It-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u s-saħħa, jista’ joħloq l-impjiegi, u jnaqqas il-kontijiet tal-enerġija.

Il-politiki dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija jappoġġaw il-politika dwar l-arja nadifa fejn jidħol it-titjib tas-saħħa taċ-ċittadini tal-UE. Dan hu importanti b’mod partikolari f’għadd ta’ Stati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li għandhom livelli relattivament għoljin ta’ tniġġis. Il-kisba ta’ tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra tista’ tikkontribwixxi għal aktar tnaqqis fit-tniġġis tal-arja, u twassal għal tnaqqis totali ta’ 60 % sal-2030 meta mqabbel mal-2015. Dan inaqqas il-ħsara għas-saħħa b’mill-inqas €110 biljun, meta mqabbla mal-livelli tal-2015. Żieda fl-azzjoni klimatika tnaqqas ukoll l-ispejjeż tal-kontroll tat-tniġġis tal-arja b’mill-inqas €5 biljun fl-2030 u tikkontribwixxi biex jittaffa tħassib ambjentali ieħor bħall-aċidifikazzjoni.

Fir-rigward tal-ikel u tal-agrikoltura, il-Valutazzjoni tal-Impatt turi li sal-2030 it-tnaqqis fl-emissjonijiet li jirriżulta minn tibdil fl-għażliet tal-konsumaturi favur dieti sani, jista’ jħalli l-istess impatt daqs l-alternattivi tekniċi disponibbli fejn jidħol it-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-settur 2 . Bi qbil mal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” 3 , il-konsumaturi jenħtieġ jitħeġġu jagħżlu ikel u dieti sani u sostenibbli. Dan mhux biss jgħin lis-settur agrikolu u tal-ikel biex inaqqas l-emissjonijiet, iżda jtejjeb ukoll is-saħħa tal-konsumaturi u jnaqqas l-ispejjeż relatati mas-saħħa għas-soċjetà u l-ħela tal-ikel.

Iż-żieda fl-ambizzjoni klimatika fl-oqsma msemmija hawn fuq tista’ tħalli impatti pożittivi fuq il-PDG u l-impjiegi totali fl-UE. Il-Valutazzjoni tal-Impatt tindika li b’mod partikolari meta l-ekonomija tkun qed taħdem taħt il-kapaċità, il-PDG se jiżdied minħabba l-investiment li jsir bis-saħħa taż-żieda fl-ambizzjoni klimatika. Bl-istess mod, l-użu tad-dħul mill-karbonju b’mod ġenerali jista’ jwassal għal tnaqqis fit-tassazzjoni fuq ix-xogħol u jġib effetti pożittivi għall-impjiegi. L-investiment f’ekonomija moderna u ċirkolari se jgħin biex jinħolqu impjiegi ekoloġiċi dejjiema u ġodda f’dinja bi klima ristretta.

Mhux l-Istati Membri, is-setturi u l-unitajiet domestiċi kollha jibdew it-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika mill-istess punt, jew għandhom l-istess kapaċità li jwieġbu għall-isfidi tat-tranżizzjoni. Aktarx li mira klimatika aktar ambizzjuża tkun sfida akbar għall-Istati Membri u r-reġjuni li għandhom sehem akbar ta’ fjuwils fossili fit-taħlita enerġetika tagħhom, livelli ogħla ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra, intensità enerġetika u livelli aktar baxxi ta’ PDG għal kull ras. Ċerti setturi u reġjuni intensivi fl-użu tal-karbonju u li sehem sinifikanti tal-ekonomiji tagħhom jiddependi fuq dawn, se jġarrbu trasformazzjonijiet sostanzjali. L-aspetti distribuzzjonali jeħtieġ jiġu indirizzati biex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Se jkunu meħtieġa ħiliet ġodda u mtejba u għaldaqstant hemm bżonn isir aktar investiment fit-tagħlim tul il-ħajja bl-użu tal-istrumenti kollha possibbli filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm forza tax-xogħol diversifikata u inklużiva. Ir-reġjuni fejn l-industriji intensivi fil-karbonju bħalissa għandhom importanza akbar jeħtieġu politiki u investimenti ffukati, bl-appoġġ tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta.

Permezz ta’ dawn it-tranżizzjonijiet, is-sistema tal-enerġija tal-UE se tkun ħafna aktar sigura u reżiljenti. Il-fjuwils fossili, għalkemm ilhom parti mill-istil ta’ ħajjitna għal aktar minn 150 sena, huma esposti għal prezzijiet tal-fjuwils volatili u għal interruzzjoni fil-provvista. Aktar minn nofs il-ħtiġijiet tal-enerġija tal-UE huma koperti mill-importazzjonijiet. L-enerġija rinnovabbli ġġenerata fl-UE tnaqqas dan l-esponiment, u b’hekk iżżid is-sigurtà tal-provvista. Hu projettat li l-importazzjonijiet netti tal-enerġija jonqsu b’aktar minn kwart tul il-perjodu 2015-2030. Biż-żieda fl-ambizzjoni klimatika mill-mira attwali tal-2030 għal mira ta’ 55 %, u bil-kisba tan-newtralità klimatika sal-2050, l-UE tiffranka €100 biljun fil-kont tal-importazzjonijiet tul il-perjodu 2021-2030 u sa €3 triljun sal-2050.

Fi ftit kliem, iż-żieda fl-ambizzjoni klimatika tal-UE għall-2030 toħloq kemm opportunità ekonomika kif ukoll ambjent aktar nadif u aktar f’saħħtu għaċ-ċittadini tagħna tul il-perkors kostanti lejn in-newtralità klimatika sal-2050. Skont it-tweġibiet għall-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika organizzat mill-Kummissjoni għal din l-inizjattiva, dan jaqbel max-xewqat taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati, u jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jipparteċipaw u jibbenefikaw mit-tranżizzjoni ekoloġika. Dan jiżgura impjiegi dejjiema, itejjeb is-sigurtà, ir-reżiljenza u l-indipendenza tal-enerġija tal-UE, jistimula l-innovazzjoni u jifrex pedament sod għall-prosperità ekonomika.

Figura 1: It-triq tal-UE lejn prosperità ekonomika sostnuta u newtralità klimatika, 1990-2050

Filwaqt li kull bidla strutturali se toħloq sfidi, l-analiżi turi li b’mod ġenerali l-ekonomija u ċ-ċittadini se jibbenefikaw minn dawn l-investimenti, speċjalment meta wieħed iqis il-konsegwenzi serji tan-nuqqas ta’ azzjoni. Ngħidu aħna, għal dawk l-unitajiet domestiċi b’introjtu aktar baxx u s-setturi dipendenti mill-fjuwils fossili u intensivi fl-enerġija, li partikolarment se jsibuha diffiċli, il-politiki mmirati jeħtieġ jippromwovu tranżizzjoni għalkollox ġusta. B’dan il-mod, l-Ewropa se tagħti eżempju prattiku lir-reġjuni l-oħra kollha madwar id-dinja dwar kif bil-kisba tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi se jkollna dinja aktar prospera, ġusta, reżiljenti u f’saħħitha. F’dan ir-rigward, l-impatti ekonomiċi se jkunu aktar pożittivi jekk l-għodod regolatorji jippermettu sinjali xierqa tal-prezzijiet u bidla fit-taxxa, u jekk id-dħul mill-ipprezzar tal-karbonju jintuża biex jonqsu t-taxxi distorsivi jew biex isir investiment fl-innovazzjoni u fil-modernizzazzjoni lejn ekonomija ekoloġika.

3.Azzjoni Ambizzjuża fis-setturi kollha tal-ekonomija tal-UE

Il-kisba ta’ tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra se tkun teħtieġ azzjonijiet fis-setturi kollha kif turi l-graff ta’ hawn fuq. Tranżizzjoni newtrali għall-klima tista’ tinkiseb biss bil-kontribut ta’ kulħadd.

L-emissjonijiet tas-CO2 mill-ħruq tal-fjuwils fossili huma l-akbar sors ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-UE. Flimkien mal-emissjonijiet li mhumiex tas-CO2 diffużi fis-sistema tal-enerġija, dawn huma responsabbli għal ftit aktar minn 75 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE. B’hekk jispikka r-rwol ċentrali tas-sistema tal-enerġija fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Jeħtieġ tiġi dekarbonizzata kompletament, filwaqt li tiġi rispettata n-newtralità teknoloġika.

Ħafna mill-emissjonijiet l-oħra huma emissjonijiet tas-CO2 mill-proċessi tal-industrija u emissjonijiet li mhumiex tas-CO2 mill-agrikoltura u mill-iskart. It-tnaqqis kemm jista’ jkun tal-emissjonijiet kollha se jkun kruċjali biex tiġi limitata l-ħtieġa ta’ bilanċ tal-emissjonijiet li jifdal għan-newtralità klimatika. F’dan il-kuntest, is-settur tal-użu tal-art tal-UE għandu importanza partikolari għax bħalissa jipprovdi għall-akbar sors ta’ assorbimenti netti tas-CO2 mill-atmosfera li l-bnedmin jistgħu jħallu impatt fuqhom. Issa jista’ jsir ħafna aktar bl-użu mifrux tat-teknoloġiji diġitali, li jistgħu jgħinu biex l-emissjonijiet globali jitnaqqsu b’mod konsiderevoli 4 .

Abbażi tal-analiżi fil-Valutazzjoni tal-Impatt, il-Kummissjoni waslet għall-fehma li bis-saħħa ta’ dawn il-kontributi li ġejjin minn setturi differenti nistgħu niksbu tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet sal-2030 b’mod responsabbli.

Trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija inkluż il-bini, it-trasport u l-industrija

Biex tintlaħaq il-mira ta’ tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, il-bini u l-ġenerazzjoni tal-enerġija jistgħu jagħmlu l-akbar u l-aktar tnaqqis kosteffiċjenti fl-emissjonijiet, b’madwar 60 % u aktar, meta mqabbla mal-2015. Il-bidla fiż-żewġ setturi se tiġi xprunata b’penetrazzjoni malajr tal-enerġija rinnovabbli, li qed issir l-aktar sors kosteffettiv ta’ enerġija elettrika, bl-applikazzjoni tal-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel”, bl-elettrifikazzjoni u bl-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija.

Hu stmat li sal-2030, is-sehem tal-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli tal-UE mill-anqas jirdoppja mil-livelli attwali ta’ 32 % tal-elettriku rinnovabbli għal madwar 65 % jew aktar. L-espansjoni fil-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli se tiftaħ bosta opportunitajiet biex is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli Ewropej jiġu sfruttati bis-sħiħ, pereżempju l-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta. Is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli se joħolqu livell għoli ta’ deċentralizzazzjoni, li jfisser opportunitajiet għall-konsumaturi biex jinvolvu ruħhom, għall-prosumaturi biex jiġġeneraw, jużaw u jikkondividu l-enerġija huma stess, u għall-komunitajiet lokali u b’mod partikolari għal dawk rurali biex iħeġġu l-investimenti lokali fl-enerġija rinnovabbli. Dan se jistimola wkoll impjiegi ġodda lokalment.

L-użu tal-elettriku rinnovabbli hu opportunità kbira għad-dekarbonizzazzjoni ta’ setturi oħra bħat-tisħin u t-tkessiħ fil-bini u fl-industrija. Il-Valutazzjoni tal-Impatt tenfasizza li s-sorsi rinnovabbli fit-tisħin u fit-tkessiħ se jiksbu penetrazzjoni ta’ madwar 40 % fl-2030. Minbarra l-użu dirett tal-enerġija rinnovabbli u l-elettrifikazzjoni, se jkun meħtieġ ukoll l-idroġenu rinnovabbli biex jieħu post il-fjuwils fossili f’xi proċessi industrijali intensivi fl-użu tal-karbonju, pereżempju bħala materja prima għal ċerti proċessi kimiċi, u biex tinħoloq sħana ta’ temperatura għolja.

Is-settur tal-bini, li bħalissa hu responsabbli għal 40 % tal-enerġija finali u 36 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-UE, għandu potenzjal kosteffettiv kbir li jnaqqas l-emissjonijiet. Illum, madwar 75 % tal-istokk tal-bini hu ineffiċjenti fl-użu tal-enerġija 5 . Ħafna mid-djar għadhom jissaħħnu b’sistemi antiki li jużaw fjuwils fossili niġġiesa bħall-faħam u ż-żejt. Biex jiġi sfruttat bis-sħiħ dan il-potenzjal għal titjib, ir-rata ta’ rinnovazzjoni, li llum hi madwar 1 %, jeħtieġ tirdoppja u aktar tul il-perjodu sal-2030. B’mod partikolari, hemm bżonn żieda qawwija ta’ rinnovazzjonijiet mill-qiegħ li jindirizzaw flimkien il-kopertura tal-bini, id-diġitalizzazzjoni intelliġenti u l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli.

Is-settur tat-trasport kellu l-inqas sehem ta’ enerġija rinnovabbli fl-2015, b’6 % biss 6 . Sal-2030, dan għandu jiżdied għal madwar 24 % b’aktar żvilupp u użu ta’ vetturi elettriċi, bijofjuwils avvanzati, u fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju oħrajn bħala parti minn approċċ ħolistiku u integrat. L-aċċess sigur għall-batteriji se jkun kruċjali għall-introduzzjoni tal-vetturi elettriċi, filwaqt li l-idroġenu nadif se jkun kruċjali għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport heavy-duty u, bid-derivattivi tiegħu, fis-settur tal-avjazzjoni u dak marittimu. Id-dekarbonizzazzjoni tat-taħlita tal-fjuwils tat-trasport sal-2050 se tkun sostnuta wkoll b’aktar użu tat-trasport ferrovjarju u ta’ mezzi oħrajn tat-trasport sostenibbli bħall-passaġġi fuq l-ilma interni u t-trasport bil-baħar fuq distanzi qosra, b’mod partikolari għall-ġarr tal-merkanzija.

Iż-żidiet projettati fl-użu tal-bijoenerġija sal-2030 huma limitati meta mqabbla mal-lum. Biex ikun żgurat li l-bir tal-użu tal-art jista’ jkompli jissaħħaħ u jittejjeb, il-bijomassa għall-użu tal-enerġija fl-UE jenħtieġ tiġi ġġenerata b’mod sostenibbli, u jenħtieġ jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-impatti ambjentali. Biex jiġi limitat l-impatt fuq il-bijodiversità, jenħtieġ jitnaqqas kemm jista’ jkun l-użu ta’ siġar sħaħ u ta’ għelejjel tal-ikel u tal-għalf għall-produzzjoni tal-enerġija – magħmulin fl-UE jew importati. Jenħtieġ tkun evitata kull intensifikazzjoni mhux sostenibbli tal-ħsad tal-foresti għal skopijiet ta’ bijoenerġija. Minflok, il-produzzjoni tal-bijoenerġija jenħtieġ tinkiseb b’użu aħjar tal-iskart u tar-residwi tal-bijomassa u b’kultivazzjoni sostenibbli tal-għelejjel għall-enerġija, flok ma tieħu post il-produzzjoni tal-bijofjuwils tal-ewwel ġenerazzjoni bbażati fuq l-għelejjel tal-ikel, u tkun konformi mal-kriterji tas-sostenibbiltà tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Il-promozzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, l-infurzar qawwi tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-implimentazzjoni aktar malajr tal-kriterji tas-sostenibbiltà tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli jistgħu jaqdu rwol ewlieni f’dan ir-rigward, flimkien mar-rieżami previst u r-reviżjoni potenzjali ta’ din l-aħħar Direttiva.

Il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni tindika li l-konsum finali tal-enerġija u l-konsum tal-enerġija primarja se jkomplu jonqsu fl-2030, jiġifieri se jiġu ffrankati 36-37 % għall-konsum finali tal-enerġija (l-enerġija totali kkunsmata mill-utenti finali) u 39-41 % għall-konsum tal-enerġija primarja (l-enerġija totali użata biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet finali tal-enerġija, eż. il-gass użat għall-produzzjoni tal-elettriku). Dan it-tnaqqis se jkun jeħtieġ politiki li jindirizzaw l-ostakli mhux ekonomiċi u lokali. Ngħidu aħna, l-istandards tal-effiċjenza tal-prodotti tal-UE diġà naqqsu l-ħtiġijiet tal-enerġija għall-prodotti inkwistjoni b’madwar 15 % u naqqsu l-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra tal-UE b’7 % filwaqt li ħolqu mijiet ta’ eluf ta’ impjiegi addizzjonali 7 . Azzjonijiet bħal dawn jeħtieġ jiġu intensifikati.

Il-kisba ta’ tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra twassal għal taħlita ta’ enerġija ġdida u aktar ekoloġika. Sal-2030, il-konsum tal-faħam se jitnaqqas b’aktar minn 70 % meta mqabbel mal-2015, u l-konsum taż-żejt u tal-gass jitnaqqsu b’aktar minn 30 % u 25 %, rispettivament. Minflok, l-enerġija rinnovabbli se żżid is-sehem tagħha. Sal-2030, se tilħaq bejn it-38 % u l-40 % tal-konsum finali gross. B’mod ġenerali, dan iwassal għal perkors bilanċjat lejn in-newtralità klimatika sal-2050.

Xi setturi għandhom potenzjal iżgħar, iżda sinifikanti, ta’ tnaqqis kosteffettiv fl-emissjonijiet sal-2030. Illum, it-trasport bit-triq jirrappreżenta 20 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE u żied l-emissjonijiet tiegħu b’aktar minn kwart mill-1990. Dan jaf jikseb tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ madwar 20 % biss bejn l-2015 u l-2030, u għalhekk tispikka ż-żieda fl-isforzi li jeħtieġ is-settur biex jikseb aktar dekarbonizzazzjoni.

Is-setturi kollha tat-trasport – ferrovjarju, bit-triq, bl-ajru u fuq l-ilma – se jkollhom jikkontribwixxu għall-isforz ta’ tnaqqis ta’ 55 %. L-emissjonijiet tal-gassijiet serra jistgħu jitnaqqsu b’taħlita intelliġenti ta’ titjib fl-effiċjenza tal-vetturi/bastimenti/inġenji tal-ajru, bidliet fit-taħlita tal-fjuwils, aktar użu tal-mezzi tat-trasport sostenibbli u tas-soluzzjonijiet multimodali, diġitalizzazzjoni għal ġestjoni intelliġenti tat-traffiku u tal-mobbiltà, ipprezzar tat-toroq u inċentivi oħra; u fl-istess ħin dawn jindirizzaw b’mod sinifikanti t-tniġġis tal-istorbju u jtejbu l-kwalità tal-arja. Barra minn hekk, b’servizzi ġodda u sostenibbli tal-mobbiltà u b’aktar użu tas-servizzi urbani eżistenti tal-karozzi tal-linja u tal-ferroviji jistgħu jitnaqqsu l-emissjonijiet, il-konġestjonijiet u t-tniġġis, u tiżdied is-sikurezza fit-toroq, speċjalment fiż-żoni urbani. L-Istrateġija li jmiss għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti se tistabbilixxi perkors għas-settur biex ikollu ħakma tat-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali li jibnu sistema tat-trasport reżiljenti u sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Biex tinkiseb in-newtralità klimatika u jkun żgurat li s-setturi b’emissjonijiet li huma aktar diffiċli biex jitnaqqsu jkollhom aċċess għal kwantitajiet biżżejjed ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju, il-karozzi konvenzjonali se jkollhom jiġu sostitwiti gradwalment minn vetturi mingħajr emissjonijiet, u jenħtieġ jiżdied l-użu ta’ servizzi sostenibbli ta’ trasport kollettiv. Il-Valutazzjoni tal-Impatt tipprojetta livelli ta’ tnaqqis fl-2030 li jikkorrispondu għal tnaqqis ta’ madwar 50 % fl-emissjonijiet tas-CO2 għal kull kilometru għall-karozzi tal-passiġġieri, meta mqabbla mal-miri tal-2021. Il-produzzjoni u l-bejgħ tal-vetturi elettriċi diġà qabdu r-ritmu, u l-idroġenu mistenni joffri modi ġodda ta’ propulsjoni, b’mod partikolari għat-trakkijiet heavy-duty, u dan ifisser li hu xenarju realistiku.

Kemm is-settur tal-avjazzjoni kif ukoll dak marittimu se jkollhom bżonn iżidu l-isforzi biex itejbu l-effiċjenza tal-inġenji tal-ajru, tal-bastimenti u tal-operazzjonijiet tagħhom u biex iżidu l-użu tal-fjuwils rinnovabbli, b’livell baxx tal-karbonju. Dan se jiġi vvalutat f’aktar dettall fil-kuntest tal-inizjattivi “ReFuelEU Avjazzjoni” u “FuelEU Marittimu”, li għandhom l-għan li jżidu l-produzzjoni u l-użu ta’ fjuwils alternattivi sostenibbli għal dawn is-setturi. L-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġija meħtieġa jridu jinkisbu saħansitra sal-2030 biex minn hemm ’il quddiem inħejju għal bidla ħafna aktar mgħaġġla.

Bl-istess mod, l-industrija tista’ tara tnaqqis fl-emissjonijiet sa madwar 25 % sal-2030, meta mqabbel mal-2015. L-aqwa prattiki jistgħu jkomplu jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u b’hekk itejbu l-effiċjenza ġenerali, billi jużaw is-sħana mormija u jżidu l-elettrifikazzjoni b’titjib inkrimentali kontinwu. Iżda, biex l-industrija tkun tista’ tiddekarbonizza tassew wara l-2030, it-teknoloġiji u l-kunċetti tan-negozju b’livell baxx ħafna tal-karbonju jew mingħajr karbonju, inkluż l-integrazzjoni tas-sistema, l-aċċess għal riżorsi sostenibbli u ż-żieda fiċ-ċirkolarità, l-elettrifikazzjoni tas-sħana medja u għolja, il-ġbir, l-użu u l-ħżin tal-idroġenu u tal-karbonju, jeħtieġ jiġu żviluppati u ttestjati fuq skala kbira tul dawn l-għaxar snin li ġejjin. Biex jingħata bidu għal dan u jeħfief l-iżvilupp ta’ appoġġ xieraq ibbażat fuq il-provvista u d-domanda għal teknoloġiji b’livell baxx ħafna tal-karbonju jew mingħajr karbonju u biex jinħolqu swieq għal prodotti b’livell baxx ħafna tal-karbonju, jenħtieġ jiġu żviluppati sistemi taċ-ċertifikazzjoni tal-UE bbażati fuq il-prestazzjoni tal-gassijiet serra għall-materjali bażiċi b’livell baxx tal-karbonju u għall-assorbimenti tal-karbonju 8 . Barra minn hekk, bidliet fir-regoli u l-prattiki tal-governanza korporattiva, inkluż dwar il-finanzi sostenibbli, se jwasslu biex is-sidien tal-kumpaniji u l-maniġers jagħtu prijorità lill-objettivi tas-sostenibbiltà fl-azzjonijiet u fl-istrateġiji tagħhom.

Hu kruċjali li ż-żewġ setturi jkollhom l-infrastruttura xierqa biex jiġu massimizzati l-benefiċċji tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u biex jużaw fjuwils u materja prima alternattivi mingħajr emissjonijiet. In-networks tas-sħana, il-pipelines tal-idroġenu, l-iċċarġjar elettriku u l-infrastruttura tar-riforniment tal-idroġenu huma lkoll eżempji ta’ infrastruttura li jeħtieġ tiġi żviluppata u li teħtieġ ippjanar bir-reqqa.

Emissjonijiet li mhumiex tas-CO2 

L-emissjonijiet li mhumiex tas-CO2 tal-metan, tal-ossidu nitruż u tal-hekk imsejħin gassijiet-F jirrappreżentaw kważi 20 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE. Sal-2030, dawn jistgħu jitnaqqsu b’mod effettiv b’sa 35 %, meta mqabbla mal-2015.

Is-settur tal-enerġija juri l-akbar potenzjal ta’ tnaqqis addizzjonali bi prezz baxx lil hinn mill-politiki eżistenti, b’mod partikolari billi jiġu evitati l-emissjonijiet tal-metan diffużi mill-produzzjoni u mit-trasport taż-żejt, tal-gass u tal-faħam. Dawn se jiġu indirizzati fost l-oħrajn fl-Istrateġija li jmiss dwar il-Metan.

Is-settur tal-iskart mistenni jnaqqas bil-qawwa l-emissjonijiet tiegħu diġà permezz tal-politiki eżistenti, b’mod partikolari bl-obbligu li mill-2024 il-bijoskart jinġabar separatament u bil-projbizzjoni tar-rimi tal-bijoskart fil-miżbliet. It-tnaqqis se jkun jiddependi ħafna fuq l-infurzar bis-sħiħ tal-leġiżlazzjoni eżistenti. Barra minn hekk, hemm potenzjal ulterjuri ta’ tnaqqis kosteffettiv fit-trattament tal-ilma mormi, b’mod partikolari b’ġestjoni aħjar tal-ħama tad-dranaġġ. Fl-aħħar nett, it-trasformazzjoni tal-iskart f’riżorsa hi parti essenzjali mill-għeluq taċ-ċirku għal ekonomija ċirkolari, bi tnaqqis fl-emissjonijiet tul il-katina tal-valur industrijali kollha.

Il-maġġoranza ta’ dawn l-emissjonijiet ġejjin mis-settur agrikolu. Tul dawn l-aħħar snin, it-tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet staġna u xi drabi l-emissjonijiet saħansitra żdiedu. Jekk kollox jibqa’ kif inhu, hu projettat li l-aktar l-aktar dawn se jonqsu bil-mod sal-2030. Filwaqt li dawn l-emissjonijiet qatt ma jistgħu jixxejnu għalkollox bl-alternattivi eżistenti tat-teknoloġija u l-ġestjoni, dawn jistgħu jitnaqqsu ġmielhom u fl-istess waqt tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel fl-UE. L-użu effiċjenti tal-fertilizzanti, l-adozzjoni tal-biedja bi preċiżjoni, merħliet aktar f’saħħithom u l-użu tad-diġestjoni anaerobika li tipproduċi l-bijogass u l-valorizzazzjoni tal-iskart organiku huma eżempji tat-teknoloġiji eżistenti. Xi alternattivi li jħaffu t-tkabbir tal-produzzjoni sostenibbli tal-frott tal-baħar bil-qoxra u tal-alga jistgħu jipproduċu proteina b’impronta żgħira ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra. Barra minn hekk, l-agrikoltura tista’ tikkontribwixxi bil-kbir għad-dekarbonizzazzjoni ta’ setturi oħra billi tadatta l-ġestjoni tal-użu tal-art tagħha u tikkultiva għelejjel perenni fir-raba’ b’mod sostenibbli għall-użu tal-bijomassa maħsuda fil-bini, fl-industrija u fl-enerġija.

Is-settur tal-użu tal-art

In-natura hi alleat vitali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità. Din tirregola l-klima, u s-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura se jkunu essenzjali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u jkollna adattament għat-tibdil fil-klima. Ir-restawr u t-tkabbir tal-bir tal-karbonju tal-art tagħna – il-kapaċità li nassorbu s-CO2 mill-ambjent naturali tagħna bħas-siġar – huma kruċjali għall-għanijiet klimatiċi tagħna.

Is-settur tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) tal-UE jarmi gassijiet serra u se jassorbi s-CO2 fil-ħamrija u l-bijomassa tiegħu. B’mod ġenerali, fil-passat kien bir nett sinifikanti. Iżda f’dawn l-aħħar snin il-bir tal-UE ġarrab pressjoni għax żdiedu l-użu ekonomiku u l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima. Għalkemm fl-għoxrin sena mill-1990 sal-2010 espanda minn bir nett ta’ madwar 250 miljun CO2eq għal aktar minn 300 miljun tunnellata CO2eq,, fl-aħħar ħames snin ġarrab telf sinifikanti. B’hekk fl-2018, il-bir tnaqqas għal 263 miljun tunnellata CO2eq . Dan jenfasizza r-riskji għall-kobor tal-bir, li għandu importanza kruċjali biex jinkisbu emissjonijiet żero netti tal-gassijiet serra sal-2050.

Jekk ma jinbidlux il-prattiki tal-użu tal-art u jkompli jiżdied il-ħsad, parzjalment xprunati mill-impatti tal-klassi tal-età tal-foresti ġestiti li qed jimmaturaw, il-bir potenzjalment ikompli jonqos għal 225 miljun tunnellata CO2eq sal-2030. Għall-bir, hemm riskji sinifikanti li jiżdiedu l-impatti negattivi minn perikli naturali bħan-nirien u l-pesti għax il-klima qed tinbidel u qed tiżdied id-domanda ekonomika għall-bijomassa tal-foresti, u dan jaffettwa ħażin ukoll lill-bijodiversità.

Neħtieġu bir dejjem akbar biex l-UE tkun tista’ tikseb in-newtralità klimatika sal-2050. It-treġġigħ lura tax-xejra attwali jeħtieġ azzjoni sinifikanti għaż-żmien qasir li ġej minħabba żminijiet twal ta’ tħejjija, speċjalment fil-forestrija. Dan jinkludi protezzjoni mtejba u infurzata tal-foresti u ġestjoni aktar sostenibbli tal-foresti kif ukoll riforestazzjoni u afforestazzjoni sostenibbli u ġestjoni mtejba tal-ħamrija inkluż bir-restawr tal-artijiet mistagħdra, tat-torbieri u tal-art degradata bi qbil mal-Istrateġija dwar il-Bijodiversità 9 u b’mod li jikkontribwixxi għall-għanijiet tagħha. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tista’ tittaffa b’bidla lejn tkabbir sostenibbli tal-bijomassa tal-injam fl-għelieqi, inkluż bħala materja prima għal bijogass u bijofjuwils avvanzati. Il-Valutazzjoni tal-Impatt tistma li, jekk jiġi implimentat malajr fis-snin li ġejjin, dan jista’ diġà jreġġa’ lura x-xejra attwali ta’ bir dejjem iċken tal-karbonju tal-art tal-UE sal-2030, u b’hekk jerġa’ jiżdied għal livelli ta’ aktar minn 300 miljun tunnellata CO2eq.

4.Aġġornament tal-qafas ta’ politika dwar il-Klima u l-Enerġija għall-2030

L-analiżi fil-Valutazzjoni tal-Impatt qieset il-bidliet wiesgħa li, jekk se jkun hemm, huma meħtieġa fil-qafas ta’ politika attwali biex jiskattaw il-kontributi settorjali identifikati hawn fuq; u dan jista’ jitwettaq biss b’approċċ ta’ gvern sħiħ. L-elementi ewlenin huma miġbura fil-qosor fil-paġni li ġejjin. Fix-xhur li ġejjin se jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt speċifiċi u konsultazzjonijiet pubbliċi biex jiġu ddeterminati b’mod preċiż il-bidliet leġiżlattivi li l-Kummissjoni beħsiebha tipproponi f’Ġunju 2021 ħalli tappoġġa l-qafas imsaħħaħ dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 u l-impatti kumulattivi tagħhom fuq l-ekonomija Ewropea. Dawn iridu jivvalutaw aktar l-impatti tad-distribuzzjoni u tal-kompetittività, speċifiċi għas-setturi, billi jesploraw soluzzjonijiet immirati u fattibbli.

L-UE qed timplimenta l-mira attwali tagħha dwar il-klima għall-2030 ta’ tnaqqis ta’ mill-inqas 40 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra permezz ta’ tliet biċċiet ewlenin ta’ leġiżlazzjoni dwar il-klima:

·id-Direttiva dwar l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet 10 , li tistabbilixxi sistema ta’ limiti massimi u skambju għal installazzjonijiet kbar tal-industrija u tas-settur tal-enerġija u għas-settur tal-avjazzjoni biex l-emissjonijiet jitnaqqsu bi 43 % sal-2030, meta mqabbla mal-2005;

·ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ESR) 11 , b’perkorsi vinkolanti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-livell tal-Istati Membri għall-bqija tal-emissjonijiet, li jfissru tnaqqis ta’ 30 % sal-2030, meta mqabbla mal-2005;

·ir-Regolament dwar l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija (LULUCF) 12 , li jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-bir nett tal-karbonju mill-użu tal-art ma jiddeterjorax meta mqabbel ma’ kif kien jevolvi kieku ssoktaw il-prattiki eżistenti tal-ġestjoni tal-użu tal-art.

Il-leġiżlazzjoni u l-politiki dwar l-enerġija huma wkoll strumenti essenzjali li jikkontribwixxu għall-kisba ta’ din il-mira bil-miri vinkolanti tal-UE għall-2030 ta’ mill-inqas 32 % tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-UE u mill-inqas 32,5 % tal-effiċjenza enerġetika. Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED II) 13 u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika 14 u r-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika 15 jaħfnu dawn il-miri fil-leġiżlazzjoni, bl-appoġġ ta’ leġiżlazzjoni settorjali bħad-Direttiva dwar l-Ekodisinn 16 u d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija 17 . Anki sett komprensiv ta’ politiki b’mod partikolari tat-trasport u politiki settorjali oħrajn jikkontribwixxi għall-kisba tal-mira.

Il-projezzjonijiet attwali jindikaw li, jekk il-politiki attwali jiġu implimentati bis-sħiħ, it-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra 18 sal-2030 ikun madwar 45 %, meta mqabbel mal-livelli tal-1990, jekk jiġu esklużi l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-użu tal-art; u jkun madwar 47 % jekk jiġi inkluż l-użu tal-art. Madankollu, hu ċar li, filwaqt li l-miri attwali tal-enerġija jenħtieġ jippermettulna naqbżu l-mira attwali tagħna ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, dan ma jkunx biżżejjed biex tintlaħaq il-mira ta’ tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Biex jinkiseb dan, jeħtieġ jiġu riveduti l-leġiżlazzjoni dwar il-klima u l-politiki tal-enerġija biex tintlaħaq din iż-żieda fl-ambizzjoni.

Dan hu kkonfermat ukoll mill-valutazzjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) finali tal-Istati Membri skont ir-Regolament dwar il-Governanza 19 . Il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika tistabbilixxi proċess iterattiv għal koperazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, li jiddependi fuq l-abbozzi tal-NECPs u dawk finali. Kif stabbilit fi-Komunikazzjoni dwar valutazzjoni fl-UE kollha tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima 20 , l-Istati Membri kienu ambizzjużi meta żviluppaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-ewwel darba. L-analiżi tal-Kummissjoni tindika li l-pjanijiet nazzjonali finali aggregati jaqbżu l-mira tal-enerġija rinnovabbli fil-livell tal-UE b’1,7 punti perċentwali filwaqt li ma jilħqux il-mira tal-effiċjenza enerġetika b’madwar 3 punti perċentwali. Flimkien, dan jwassal għal tnaqqis ta’ madwar 41 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra (eskluż l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-użu tal-art) sal-2030 għall-UE 21 .

Għaldaqstant, ambizzjoni akbar teħtieġ aġġustamenti fil-qafas ta’ politika attwali, u min-naħa l-oħra din tipprovdi perkors aktar bilanċjat lejn in-newtralità klimatika tul it-tletin sena li ġejjin, tevita l-ħtieġa għal tnaqqis qawwi wara l-2030 u tiftaħ bibien ta’ opportunitajiet aktar kmieni għal tkabbir u investiment sostenibbli.

Rwol dejjem akbar għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet u t-tassazzjoni fuq l-enerġija

L-iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) uriet li hija għodda effettiva fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Bejn l-2005 u l-2018, l-emissjonijiet minn sorsi stazzjonarji naqsu bi 33 %. Biż-żieda fil-prezzijiet tal-karbonju, wara l-introduzzjoni tar-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq u s-suq li antiċipa l-impatt tat-tisħiħ tas-sistema, fl-2019 ġie stmat li dawn l-emissjonijiet komplew jonqsu bi kważi 9 % sena wara sena.

Politiki oħra, b’mod partikolari l-politiki dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, ikkontribwew għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-settur tal-enerġija. Madankollu, jidher b’mod ċar li meta l-prezz tal-karbonju jkun robust biżżejjed, dan isir mutur b’saħħtu għal bidla immedjata (eż. bidla fil-fjuwil użat għall-ġenerazzjoni tal-elettriku), u sinjal qawwi għal investimenti għal emissjonijiet baxxi tal-karbonju, u b’hekk jikkontribwixxi b’mod deċiżiv għall-użu ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika.

Il-Kummissjoni vvalutat bir-reqqa l-possibbiltà li ssaħħaħ u tespandi l-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet bħala għodda biex jinkiseb tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-livell tal-UE.

Il-Kummissjoni tara benefiċċji importanti fl-espansjoni tal-użu tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet fl-UE, biex tikseb żieda fl-ambizzjoni klimatika ta’ tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mod ekonomikament effiċjenti. L-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet jista’ jikseb tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mod kosteffettiv. Il-prezz tal-karbonju li jirriżulta minnu jinternalizza l-esternalitajiet klimatiċi u jagħti inċentivi lill-konsumaturi biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Jiggarantixxi l-integrità ambjentali fil-forma tal-limitu massimu tal-emissjonijiet u jipprovdi sinjal qawwi tal-prezzijiet li jinfluwenza d-deċiżjonijiet operazzjonali u strateġiċi ta’ investiment ta’ kuljum. Fl-istess ħin, l-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet iżid id-dħul li jista’ jiġi investit mill-ġdid fl-ekonomija, li jwassal għal eżiti ekonomiċi ġenerali aħjar.

Kif diġà tħabbar fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, espansjoni ulterjuri tas-sistema tista’ tinkludi l-emissjonijiet mit-trasport bit-triq u mill-bini. Bħalissa, l-ETS tal-UE diġà tkopri madwar 30 % tal-emissjonijiet tal-bini mit-tisħin b’mod dirett jew indirett 22 . Il-kopertura tal-emissjonijiet kollha mill-kombustjoni tal-fjuwils fossili u l-integrazzjoni tagħhom fl-ETS tal-UE twassal benefiċċji importanti f’termini ta’ effettività u fattibbiltà amministrattiva. Għalhekk, il-Kummissjoni beħsiebha ssegwi approċċ integrat bħal dan u se tesplora l-possibbiltà li tinkorporah fil-proposta legali tagħha sa Ġunju tas-sena d-dieħla.

Minbarra l-estensjoni tal-użu tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija tista’ tikkontribwixxi biex jitqiegħed prezz fuq il-karbonju u biex jitnaqqsu l-emissjonijiet. Riformi tat-taxxa mfassla tajjeb jistgħu jippromwovu t-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u r-reżiljenza u jrawmu tranżizzjoni ġusta. Bħalissa, firxa wiesgħa ta’ eżenzjonijiet u tnaqqis fiskali settorjali huma forom ta’ sussidji de facto għall-fjuwils fossili, li mhumiex konformi mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Il-Kummissjoni hija konxja li l-ipprezzar tal-karbonju ma jindirizzax l-ostakli kollha għall-użu ta’ soluzzjonijiet b’emissjonijiet baxxi jew mingħajr emissjonijiet. Huma meħtieġa azzjonijiet ta’ politika kumplimentari biex jiġi żgurat li l-inċentivi jallinjaw u biex jiskattaw aktar investimenti f’teknoloġiji u infrastruttura tal-enerġija nadifa, jew biex jingħelbu d-diffikultajiet ta’ finanzjament għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx. Fit-trasport bit-triq, l-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għandu l-vantaġġ li jaħfen l-emissjonijiet tal-flotta taħt il-limitu massimu, filwaqt li jinċentiva bidla fl-imġiba b’effetti dejjiema fuq is-soluzzjonijiet tal-mobbiltà permezz tas-sinjal tal-prezz. Fl-istess ħin, l-istandards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi huma l-mutur ewlieni biex tiġi żgurata l-provvista ta’ vetturi nodfa moderni u innovattivi, inkluż karozzi elettriċi. Se jkunu meħtieġa standards tal-emissjonijiet tas-CO2 ambizzjużi għall-karozzi u l-vannijiet biex jiġi żgurat perkors mingħajr xkiel lejn mobbiltà b’emissjonijiet żero.

Għalhekk, il-qafas regolatorju u ta’ abilitazzjoni eżistenti se jkompli jiġi żviluppat b’mod parallel. L-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u l-politiki u l-istandards tat-trasport se jiġu riveduti u, fejn meħtieġ, se jiġu introdotti politiki ġodda. L-ambizzjonijiet settorjali se jiġu stabbiliti fid-dawl tal-mira għall-ekonomija kollha ta’ tnaqqis ta’ mill-inqas 55 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Il-Kummissjoni se tirfed dawn l-ambizzjonijiet b’politiki li jrawmu tranżizzjoni ġusta, ir-riċerka u l-iżvilupp, u finanzi sostenibbli, filwaqt li tiżgura użu effettiv tal-baġit tal-Unjoni u tal-fondi ta’ rkupru biex tappoġġa t-tranżizzjoni.

Il-passi li jmiss b’rabta mal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet

L-espansjoni tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tista’ tiġi żviluppata bħala sistema ta’ negozjar upstream li tirregola fil-punt tad-distributuri tal-fjuwil jew tal-imħażen tat-taxxa, u jkollha bżonn tindirizza b’mod xieraq kwalunkwe riskju ta’ għadd doppju, evażjoni jew lakuni fir-rigward tal-entitajiet koperti mis-sistema downstream eżistenti għas-setturi tal-avjazzjoni, tal-enerġija u tal-industrija.

Kif uriet l-ETS tal-UE eżistenti, l-iżvilupp ta’ suq ġdid jeħtieġ li jiġu stabbiliti monitoraġġ, rapportar u verifikazzjoni, u jista’ jibbenefika minn arranġamenti tranżizzjonali jew minn perjodu pilota qabel ma jiġi integrat fis-sistema eżistenti b’mod gradwali.

L-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx qed jerfgħu piż akbar minħabba l-ispejjeż tat-tisħin u tal-fjuwil meta mqabbla mal-unitajiet domestiċi aktar sinjuri. Dan jenfasizza li kwalunkwe espansjoni tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet se jkollha tindirizza l-impatti distributtivi, eż. bl-użu ta’ parti mid-dħul mill-irkant korrispondenti. Dan se jiddependi fuq l-allokazzjoni tad-dħul bejn il-livell tal-UE u dak nazzjonali u fuq l-użu mmirat tajjeb tiegħu (eż. il-Fond għall-Modernizzazzjoni u l-Fond għall-Innovazzjoni) 23 .

Iż-żieda fl-ambizzjoni klimatika tal-UE għall-2030 se tkun teħtieġ ukoll limitu msaħħaħ tal-ETS tal-UE biex jinħoloq is-sinjal meħtieġ fit-tul tal-prezz tal-karbonju, u biex tkompli tiġi xprunata d-dekarbonizzazzjoni.

Dan se jkun jeħtieġ ukoll reviżjoni tal-fattur lineari ta’ tnaqqis li jiddefinixxi t-tnaqqis annwali tal-limitu massimu lil hinn mil-livell attwali tiegħu ta’ 2,2 % biex jiġi garantit li s-setturi koperti mill-ETS tal-UE jwasslu għat-tnaqqis meħtieġ fl-emissjonijiet. Meta jitqies li l-limitu massimu nominali bħalissa huwa ogħla mill-emissjonijiet reali, bidla fil-fattur lineari ta’ tnaqqis tista’ potenzjalment tiġi kkombinata ma’ tnaqqis ta’ darba tal-limitu massimu, li jagħmlu eqreb lejn il-livell tal-emissjonijiet reali. Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta kif se ssaħħaħ il-limitu massimu fil-kuntest ta’ estensjoni tas-sistema u tar-reviżjoni tas-sena d-dieħla tal-funzjonament tar-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq. Bl-istess mod, biex tindirizza r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju b’mod effettiv, il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta l-impatt ikkombinat ta’ sistema estiża u ta’ limitu massimu msaħħaħ fuq l-allokazzjoni bla ħlas disponibbli għall-industrija. Skont stima tal-Valutazzjoni tal-Impatt, diġà jidher li mal-ewwel daqqa t’għajn xorta jkun għad hemm disponibbli ammont sinifikanti ta’ allokazzjoni bla ħlas, anki jekk il-limitu massimu jissaħħaħ kif meħtieġ.

Barra minn hekk, filwaqt li l-UE qed iżżid l-ambizzjoni klimatika tagħha, il-Kummissjoni qed taħdem biex tintroduċi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera f’ċerti setturi biex tindirizza r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Qed tikkunsidra diversi alternattivi minflok il-miżuri attwali li jindirizzaw dak ir-riskju bħala parti minn valutazzjoni tal-impatt li għaddejja bil-ħsieb li tressaq proposta leġiżlattiva fl-ewwel nofs tal-2021.

In-negozjar tal-kwoti tal-emissjonijiet: is-settur marittimu u tal-avjazzjoni

Mill-1990 sal-lum, l-emissjonijiet internazzjonali tal-UE min-navigazzjoni u mill-avjazzjoni kibru b’aktar minn 50 %. L-azzjoni f’dawn is-setturi hija meħtieġa b’mod urġenti, anki meta jirkupraw mill-kriżi attwali. L-UE għandha fis-seħħ qafas leġiżlattiv li jkopri l-emissjonijiet kollha tal-gassijiet serra ħlief mit-trasport marittimu, li fir-rigward tagħhom ir-regolament attwali jiffoka biss fuq il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet. Għall-avjazzjoni, l-applikazzjoni tal-ETS tal-UE bħalissa hija sospiża fir-rigward ta’ titjiriet lejn pajjiżi barra ż-Żona Ekonomika Ewropea, biex ikunu jistgħu jiġu żviluppati strumenti internazzjonali korrispondenti.

Għaż-żewġ setturi, f’konformità mal-impenn internazzjonali tagħha għal azzjoni għall-ekonomija kollha skont il-Ftehim ta’ Pariġi, l-UE jenħtieġ tkompli tirregola mill-inqas l-emissjonijiet tal-avjazzjoni intra-UE fl-ETS tal-UE u tinkludi mill-inqas it-trasport marittimu intra-UE fl-ETS tal-UE 24 . Għall-avjazzjoni, il-Kummissjoni se tipproponi li tnaqqas l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti, bir-riżultat li tiżdied l-effettività tas-sinjal tal-prezz tal-karbonju f’dan is-settur, filwaqt li tqis miżuri oħra ta’ politika bħat-tassazzjoni tal-enerġija u l-inizjattivi ReFuelEU.

Il-kooperazzjoni internazzjonali b’rabta mat-trasport marittimu u l-avjazzjoni hija mixtieqa. L-istrumenti internazzjonali li ġew innegozjati jew li qed jiġu nnegozjati fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), bħall-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), jenħtieġ jippromwovu azzjoni effettiva f’dan il-kuntest. Fid-dawl tal-progress fil-livell dinji, il-Kummissjoni se tagħti kunsiderazzjoni politika ġdida lill-aspetti internazzjonali tal-politiki tal-ETS tal-UE, tat-tassazzjoni u tal-fjuwils għas-settur tal-avjazzjoni u għas-settur marittimu biex tiġi żgurata d-dekarbonizzazzjoni gradwali tal-użu kollu tal-fjuwil mit-trasport relatat mal-UE bl-ambizzjoni li l-emissjonijiet internazzjonali min-navigazzjoni u mill-avjazzjoni jiġu inklużi fl-ETS tal-UE.

Is-settur tal-Agrikoltura, l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija

L-emissjonijiet u l-assorbimenti tas-settur tal-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija se jiġu integrati bis-sħiħ fil-mira ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030 kif irrappurtat skont l-inventarju tal-UNFCCC.

Dan se jkun il-punt tat-tluq tal-perkors bejn l-2030 u l-2050 għall-kisba tan-newtralità klimatika u se jippermetti l-monitoraġġ tal-progress lejn il-kisba b’mod kompletament koerenti ta’ emissjonijiet żero netti tal-gassijiet serra sal-2050. Jeħtieġ jiġu stabbiliti miri korrispondenti fir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi u skont l-ETS tal-UE, biex jiġi żgurat li, b’kollox, tintlaħaq mill-anqas il-mira ta’ tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030.

Bħalissa r-Regolament dwar l-Użu tal-Art, Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija jirrekjedi li l-Istati Membri tal-UE jżommu l-bir tal-karbonju naturali tagħhom skont il-prattiki eżistenti tal-użu tal-art. Ikopri l-attivitajiet kemm tas-settur tal-forestrija kif ukoll tas-settur agrikolu.

Maż-żmien, is-settur jenħtieġ iżid l-isforzi tiegħu. Ix-xejra attwali ta’ bir tal-karbonju tal-art li qed jonqos jeħtieġ titwaqqaf u titreġġa’ lura. L-istrateġija għall-Bijodiversità, l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, l-Istrateġija għall-Foresti li jmiss, il-Pjan tal-UE għar-Restawr tan-Natura u l-Istrateġija għall-Adattament il-ġdida se jdaħħlu fis-seħħ b’mod kollettiv politiki b’saħħithom biex jipproteġu u jsaħħu l-bir naturali u r-reżiljenza tal-foresti tal-UE għat-tibdil fil-klima, jirrestawraw l-artijiet u l-artijiet mistagħdra degradati u l-ekosistemi u jippromwovu l-bijoekonomija, inkluż l-użu ta’ prodotti dejjiema tal-injam maħsud, b’rispett sħiħ tal-prinċipji ekoloġiċi li jrawmu l-bijodiversità.

Is-settur se jkollu jipprovdi ikel, għalf u materjali għal popolazzjoni dinjija li kulma jmur qed tikber f’ekonomija newtrali għall-klima. Diġà jeżistu sinerġiji u kompromessi b’saħħithom mal-aspetti tal-bijodiversità. Jenħtieġ li jiżdied l-użu tal-bijomassa prodotta b’mod sostenibbli u li jitnaqqas kemm jista’ jkun l-użu ta’ siġar sħaħ u ta’ għelejjel tal-ikel u tal-għalf għall-produzzjoni tal-enerġija. L-indirizzar ta’ dan jinkludi r-rieżami u r-reviżjoni, kif xieraq, tal-kriterji tas-sostenibbiltà tal-bijomassa fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, li jintużaw ukoll fl-ETS tal-UE, wara l-valutazzjoni li għaddejja tal-Kummissjoni dwar il-provvista u d-domanda tal-bijomassa globali u tal-UE u s-sostenibbiltà relatata.

L-aspetti relatati mal-bijomassa jeħtieġ jiġu vvalutati b’mod koerenti ma’ inizjattivi oħra dwar il-fjuwil, eż. id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti u l-inizjattivi li ġejjin għall-promozzjoni tal-fjuwils sostenibbli għall-avjazzjoni u t-trasport marittimu. Politika dwar il-fjuwil li tkun koerenti mal-politika ġenerali dwar il-klima u l-enerġija se tkun essenzjali għas-setturi b’emissjonijiet li huma diffiċli jitnaqqsu, kemm jekk tkun tirrigwarda l-produzzjoni ta’ bijogass u bijofjuwils, kif ukoll ta’ idroġenu jew e-fjuwils.

Bħalissa, l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija jassorbu aktar CO2 jekk jaħżnuh f’bijomassa jew f’karbonju tal-ħamrija minn kemm jirrilaxxaw fl-atmosfera. Dan il-bir jeħtieġ jinżamm u saħansitra jittejjeb biex kwalunkwe emissjonijiet li jifdal fl-ekonomija jiġu bbilanċjati mal-assorbimenti tad-diossidu tal-karbonju u biex jinkisbu emissjonijiet żero netti tal-gassijiet serra sal-2050. Flessibbiltà akbar bejn ir-Regolament dwar l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija u r-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi tista’ tkun approċċ biex jissaħħu l-inċentivi għall-assorbiment fis-settur tal-użu tal-art stess. Żieda fl-ambizzjoni fis-settur tal-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija lil hinn mir-rekwiżiti attwali jeħtieġ tiġi vvalutata bir-reqqa minħabba s-sitwazzjonijiet varji li hemm fl-Istati Membri. Dan jibbenefika mill-analiżi dettaljata u mill-ħolqien ta’ politiki li jimplimentaw l-istrateġiji għall-bijodiversità u għall-forestrija, li fil-prinċipju se jixprunaw uħud mill-azzjonijiet addizzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-settur. Il-Kummissjoni se tirrifletti fuq dawn l-alternattivi meta tippreżenta proposta leġiżlattiva biex taġġorna r-Regolament dwar l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija u r-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi s-sena d-dieħla.

Sabiex l-assorbimenti jsiru fil-prattika, jeħtieġ li l-bdiewa jew il-maniġers tal-foresti individwali jingħataw inċentivi b’mod dirett biex jaħżnu aktar karbonju fl-artijiet u fil-foresti tagħhom. Bħalissa dan jiddependi ħafna fuq l-azzjoni tal-Istati Membri iżda s-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola u ċ-ċertifikazzjoni tal-assorbiment tal-karbonju jenħtieġ li jintużaw dejjem aktar fil-perjodu ta’ qabel l-2030.

Pass ieħor biex jissaħħu l-assorbimenti jista’ jkun li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-agrikoltura li mhumiex tas-CO2 jiġu integrati fis-settur tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija u li jinħoloq settur regolat ġdid li jkopri l-agrikoltura, il-forestrija u l-użu tal-art. Settur bħal dan ikollu l-potenzjal li jsir newtrali għall-klima malajr u b’mod kosteffettiv sa madwar l-2035, u li sussegwentement jiġġenera aktar assorbimenti milli emissjonijiet tal-gassijiet serra. Dan jeħtieġ approċċ ta’ politika ġdid li (i) jistabbilixxi miri u parametri referenzjarji nazzjonali u subsettorjali, (ii) joħloq flessibbiltà madwar l-UE biex jiżgura inċentivi kosteffettivi u jimmobilizza r-riżorsi finanzjarji meħtieġa, kif ukoll (iii) jiżviluppa ċ-ċertifikazzjoni tal-assorbimenti tal-karbonju. Inizjattiva tal-UE dwar is-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola skont il-Patt dwar il-Klima se turi u tippromwovi mudelli tan-negozju ġodda bħal dawn.

Il-Kummissjoni tara b’mod ċar li maż-żmien il-ħolqien ta’ settur tal-Agrikoltura, il-Forestrija u l-Użu tal-Art b’qafas ta’ politika speċifiku tiegħu stess li jkopri l-emissjonijiet u l-assorbimenti kollha ta’ dawn is-setturi jġib il-vantaġġi tiegħu, u li dan jista’ jsir l-ewwel settur b’emissjonijiet żero netti tal-gassijiet serra. Sussegwentement, dan is-settur jiġġenera l-assorbimenti tal-karbonju biex jibbilanċja l-emissjonijiet li jifdal f’setturi oħra, bis-saħħa ta’ sistema robusta ta’ ċertifikazzjoni tat-tneħħija tal-karbonju.

Ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi

L-introduzzjoni ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għal parti sinifikanti tas-setturi eżistenti tar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi u l-introduzzjoni eventwali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-agrikoltura li mhumiex tas-CO2 fis-settur tal-użu tal-art ikollhom konsegwenzi għal dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni se tikkunsidra alternattivi differenti fid-dawl tal-espansjoni tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-użu kollu tal-fjuwils fossili.

Jekk, minn naħa, jinżamm il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament bir-riżultat li joħloq sovrapożizzjoni bejn is-setturi koperti mill-ETS tal-UE u r-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, dan jipprovdi inċentiv għall-Istati Membri biex jieħdu azzjoni sussidjarja li ssaħħaħ il-qafas regolatorju għal setturi bħall-bini u t-trasport bit-triq. Jekk, min-naħa l-oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni jitnaqqas, u f’każ ta’ tranżizzjoni sħiħa għal ETS tal-UE li tkopri l-emissjonijiet kollha mill-kombustjoni tal-fjuwils fossili, ir-Regolament ikopri b’mod predominanti l-emissjonijiet mhux tas-CO2. Ir-rwol u l-iskop tiegħu jitnaqqsu aktar jekk l-emissjonijiet agrikoli li mhumiex tas-CO2 jiċċaqilqu lejn settur tal-agrikoltura u tal-użu tal-art. Jekk l-objettivi l-oħra kollha tar-Regolament kienu mmirati biżżejjed minn strumenti leġiżlattivi oħra, fil-futur ir-Regolament jista’ saħansitra jitħassar kollu kemm hu.

Meta titqies il-ħtieġa li jinżammu inċentivi u responsabbiltà qawwija għall-Istati Membri biex tiġi żgurata azzjoni fil-livell nazzjonali, il-Kummissjoni se tuża l-valutazzjoni tal-impatt li jmiss kemm għar-rieżami tal-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet kif ukoll għar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi biex twettaq aktar konsultazzjonijiet mal-pubbliku dwar ir-rwol tar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi u r-Regolament dwar il-Governanza relatat. Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom kapaċitajiet differenti meta niġu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Jekk ir-riżorsi jintużaw sew, il-baġit tal-UE u l-pakkett tal-Ġenerazzjoni li Jmiss tal-UE jistgħu jservu ta’ mutur b’saħħtu għat-trasformazzjoni u għall-ingranaġġ ta’ investiment privat u pubbliku sostenibbli. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta, se jibqa’ essenzjali li jiġi indirizzat it-tħassib dwar id-distribuzzjoni bejn l-Istati Membri.

Politiki dwar l-enerġija rinnovabbli

L-enerġija rinnovabbli għandha rwol fundamentali għat-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u fil-kisba tan-newtralità klimatika sal-2050.

Abbażi tal-valutazzjoni mwettqa, jidher b’mod ċar li jeħtieġ li l-UE timxi mis-sistema tal-enerġija tal-lum lejn sistema tal-enerġija integrata bbażata fil-biċċa l-kbira tagħha fuq sorsi rinnovabbli sal-2030. Ġie vvalutat li l-mira ta’ tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra miksuba permezz tal-kombinament ta’ politiki intensifikati u l-estensjoni tal-ETS tal-UE se jwasslu għal sehem ta’ sorsi rinnovabbli ta’ madwar 38,5 %.

Is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jeħtieġ jintużaw fuq skala akbar biex jikkontribwixxu għal ambizzjoni klimatika ogħla u biex tiġi promossa t-tmexxija industrijali tal-Unjoni fil-qasam tat-teknoloġiji rinnovabbli. Mira ogħla għas-sorsi rinnovabbli se tipprovdi l-prevedibbiltà u ċ-ċertezza tal-investiment meħtieġa għal użu akbar tal-enerġija rinnovabbli fis-setturi kollha.

It-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika teħtieġ sistema tal-enerġija kompetittiva, sigura u sostenibbli, kif ukoll qafas tas-suq intern sod. Il-qafas eżistenti u l-istrateġiji riċenti tal-UE dwar l-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija, dwar l-Idroġenu u dwar il-Batteriji stabbilew kundizzjonijiet abilitanti importanti għall-adozzjoni ta’ vetturi tal-enerġija rinnovabbli. Biex titkompla l-ħidma, il-leġiżlazzjoni rilevanti se tissaħħaħ u tiġi appoġġata mill-inizjattivi li jmiss tal-Kummissjoni dwar Mewġa ta’ Rinnovazzjoni, Strateġija għall-Enerġija mir-Riħ lil Hinn mill-Kosta, fjuwils alternattivi għas-settur tal-avjazzjoni u dak marittimu kif ukoll għal Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti.

L-azzjoni tal-UE se tiffoka fuq l-ippjanar u l-iżvilupp kosteffettiv ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, l-eliminazzjoni tal-ostakli għas-suq u l-għoti ta’ inċentivi suffiċjenti għad-domanda għall-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari għas-setturi tal-użu finali bħat-tisħin u t-tkessiħ jew it-trasport, kemm permezz tal-elettrifikazzjoni kif ukoll permezz tal-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju bħal bijokarburanti avvanzati jew fjuwils alternattivi sostenibbli oħra. Il-Kummissjoni se tikkunsidra skemi ta’ bini tal-kapaċitajiet biex timplimenta komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli mmexxija miċ-ċittadini u li jkunu ffinanzjati mill-UE, kif ukoll mudelli ta’ awtokonsum li jippermettu użu ogħla mill-konsumatur ta’ teknoloġiji deċentralizzati tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll l-iżvilupp aktar mgħaġġel ta’ dawn tal-aħħar. Jista’ jkun hemm bżonn ukoll ta’ esternalizzazzjoni korporattiva ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u li jiġu stabbiliti kriterji u miri minimi obbligatorji għall-akkwist pubbliku ekoloġiku fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli.

B’mod speċifiku fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ li huwa dominat mill-fjuwils fossili, il-Kummissjoni beħsiebha tivvaluta n-natura u l-livell tal-mira indikattiva eżistenti għat-tisħin u t-tkessiħ, inkluż il-mira għat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali, kif ukoll il-miżuri meħtieġa u l-qafas ta’ kalkolu biex soluzzjonijiet rinnovabbli u b’livell baxx ta’ karbonju, inkluż l-elettriku, jiġu integrati aktar fil-bini u fl-industrija.

Għat-trasport, il-Valutazzjoni tal-Impatt turi li l-elettrifikazzjoni għandha rwol ċar bħala mogħdija ewlenija għad-dekarbonizzazzjoni. Madankollu, xi setturi tat-trasport bħas-settur tal-avjazzjoni u dak marittimu jiddependu ħafna fuq fjuwils b’densità għolja ta’ enerġija. Flimkien mal-inizjattivi tal-fjuwils alternattivi sostenibbli għal dawn is-setturi, jiġifieri “ReFuelEU Avjazzjoni” u “FuelEU Marittimu”, il-Kummissjoni se tipproponi metodoloġija aġġornata biex, skont il-prestazzjoni tagħhom tal-gassijiet serra, tippromwovi l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju fis-settur tat-trasport kif stabbilit fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.

Barra minn hekk, l-iżvilupp ulterjuri ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jiġi appoġġat minn terminoloġija komprensiva għall-fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ karbonju kollha, minn sistema Ewropea ta’ ċertifikazzjoni ta’ tali karburanti bbażata b’mod partikolari fuq kriterji ta’ sostenibbiltà u ffrankar ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra tul ċiklu sħiħ tal-ħajja, u mid-dispożizzjonijiet eżistenti, pereżempju dawk tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. L-użu ta’ sorsi rinnovabbli fuq skala kbira jeħtieġ ukoll l-infrastruttura neċessarja. Huwa meħtieġ approċċ olistiku għall-ippjanar tal-infrastruttura fuq skala kbira u lokali, li jipproteġi u jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastrutturi kritiċi u li se jiggwida r-reviżjonijiet li jmiss tar-Regolament dwar in-Network Trans-Ewropew tal-Enerġija (TEN-E) u tar-Regolament dwar in-Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), u tad-Direttiva dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi. Jenħtieġ li s-sistemi moderni tat-tisħin distrettwali b’temperatura baxxa jiġu promossi għax dawn jistgħu jgħaqqdu d-domanda lokali ma’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli u tal-enerġija mormija, kif ukoll mal-grilja usa’ tal-elettriku u tal-gass sabiex jikkontribwixxu għall-ottimizzazzjoni tal-provvista u d-domanda fost il-vetturi tal-enerġija.

Politiki dwar l-Effiċjenza Enerġetika

L-UE għandha qafas komprensiv għal firxa wiesgħa ta’ miżuri dwar l-effiċjenza enerġetika f’setturi differenti 25 . Huwa meħtieġ infurzar strett tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-effiċjenza enerġetika, iżda dan mhuwiex biżżejjed biex tintlaħaq il-mira klimatika aktar ambizzjuża. Il-Valutazzjoni tal-Impatt turi li t-titjib fl-effiċjenza enerġetika jeħtieġ jiżdied b’mod sinifikanti għal madwar 36 % mil-lat tal-konsum finali tal-enerġija 26 .

Il-kisba ta’ mira tal-effiċjenza enerġetika aktar ambizzjuża u l-għeluq tad-distakk fl-ambizzjoni kollettiva tal-kontributi nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika fl-NECPs se jeħtieġu azzjonijiet fuq diversi aspetti, l-aktar permezz tal-inizjattivi ta’ politika leġiżlattivi li diġà tħabbru fil-Patt Ekoloġiku Ewropew għal Ġunju 2021. Għalhekk dawn l-inizjattivi se jidentifikaw l-alternattivi preċiżi ta’ politika disponibbli, kif ukoll il-livell eżatt ta’ miri ġodda.

Madankollu, l-analiżi li takkumpanja din il-Komunikazzjoni diġà tindika li ħafna mill-iffrankar ikun jeħtieġ jiġi mill-bini. Għalhekk, il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni li jmiss se tniedi ġabra ta’ azzjonijiet biex jiżdiedu l-profondità u r-rata tar-rinnovazzjonijiet kemm fil-livell ta’ binjiet individwali kif ukoll fil-livell distrettwali, biex isir qlib minn fjuwils lejn soluzzjonijiet ta’ tisħin rinnovabbli, biex jinxterdu l-aktar prodotti u apparati effiċjenti, biex jintużaw sistemi intelliġenti u infrastruttura relatata mal-bini għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi, u biex jitjieb l-involukru tal-bini (iżolament u twieqi). Se tittieħed azzjoni kemm biex tiġi infurzata aħjar id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija, kif ukoll biex tiġi identifikata kwalunkwe ħtieġa għal reviżjonijiet immirati. Il-possibbiltà li jiġu stabbiliti rekwiżiti obbligatorji għall-bini bl-agħar prestazzjoni u li r-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jiġu ristretti aktar b’mod gradwali se titqies ukoll bħala mezz biex jiġi żgurat pass minimu xieraq għat-titjib tal-istokk tal-bini.

Abbażi tal-qafas eżistenti u l-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul, se jiġu identifikati miżuri oħra biex jitneħħew l-ostakli ewlenin għar-rinnovazzjoni tal-bini u biex jissaħħu l-fatturi ta’ attrazzjoni għal rinnovazzjonijiet aktar rapidi u aktar mill-qiegħ. Il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni se tindirizza l-elementi meħtieġa biex jinkisbu u jiġu sostnuti rati ogħla ta’ rinnovazzjoni, inkluż it-tisħiħ regolatorju. Se tipprevedi strumenti finanzjarji xierqa, pereżempju biex tiġi ffaċilitata t-tneħħija tar-riskji u biex jiġi inċentivat il-kejl tal-iffrankar enerġetiku reali, kif ukoll miżuri oħra ta’ faċilitazzjoni, bħat-trawwim tat-taħriġ fil-ħiliet meħtieġa. Se jiġu stabbiliti stadji importanti għall-2030, l-2040 u l-2050, b’indikaturi tal-progress li jistgħu jitkejlu.

Lil hinn mill-kontribut mis-settur tal-bini, se jkunu meħtieġa sforzi oħra biex tinkiseb mira tal-effiċjenza enerġetika aktar ambizzjuża.

Ir-rekwiżiti tal-effiċjenza enerġetika u l-istandards tal-prodotti eżistenti se jiġu rieżaminati fl-ewwel nofs tal-2021. Barra minn hekk, l-inizjattiva Leġiżlattiva dwar il-Prodotti Sostenibbli li jmiss u li ġiet imħabbra fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari 27 se tikkunsidra l-possibbiltà li twessa’ l-approċċ tal-Ekodisinn għal kategoriji oħra ta’ prodotti.

Il-livell ogħla ta’ ambizzjoni se jirrikjedi wkoll li l-effiċjenza enerġetika tiġi promossa aħjar kull meta tkun kosteffettiva fl-oqsma kollha tas-sistema tal-enerġija kollha kemm hi, kif ukoll fis-setturi rilevanti kollha fejn l-attività taffettwa d-domanda għall-enerġija, bħas-setturi tat-trasport u tal-agrikoltura. F’dan il-kuntest, fl-ewwel trimestru tal-2021 il-Kummissjoni se tippreżenta linji gwida ddedikati. Meta jitqies li s-settur tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) jirrappreżenta bejn 5 % u 9 % tal-konsum globali tal-elettriku u aktar minn 2 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra, l-Istrateġija Diġitali tal-UE 28 ħabbret impenn biex iċ-ċentri tad-data jsiru newtrali għall-klima sal-2030, b’azzjonijiet li se jidħlu fis-seħħ fl-2021 sal-2022.

Standards tas-CO2 tal-vetturi tat-trasport bit-triq

L-istandards tas-CO2 u tal-vetturi wrew li huma għodda ta’ politika effettiva għat-trasport bit-triq. B’mod parallel mal-applikazzjoni tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għat-trasport bit-triq fil-livell tal-fornituri tal-fjuwil u l-ipprezzar tat-toroq f’konformità mar-reviżjoni li għaddejja tad-Direttiva dwar il-Eurovignette, il-provvista ta’ vetturi nodfa moderni u innovattivi, inkluż vetturi li jikkonsmaw ħafna inqas fjuwil u b’sistemi tal-mototrażmissjoni bħal vetturi elettriċi bil-batterija jew biċ-ċellula tal-fjuwil mingħajr emissjonijiet waqt it-tħaddim, jistgħu jiġu żgurati biss permezz ta’ standards stretti ta’ rendiment għall-emissjonijiet tas-CO2. Għalhekk, sa Ġunju 2021, il-Kummissjoni se tirrevedi u ssaħħaħ l-istandards tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet għall-2030.

Din il-ħidma għandha tħares lil hinn mill-2030. Il-valutazzjoni tal-Impatt tindika li biex tintlaħaq il-mira ġenerali tan-newtralità klimatika fl-2050, sa dak iż-żmien il-karozzi kważi kollha fit-toroq iridu jkunu mingħajr emissjonijiet. Din it-tranżizzjoni jeħtieġ tkun akkumpanjata mill-introduzzjoni xierqa tal-infrastruttura għall-iċċarġjar u r-riforniment ta’ dawk il-vetturi. Ir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi hija inizjattiva ewlenija f’dan ir-rigward. L-iżvilupp u l-ittestjar ta’ teknoloġiji awtopropulsivi ġodda għandhom żminijiet twal ta’ tħejjija u l-karozzi ma jkunux lesti għat-triq qabel perjodu ta’ bejn 10 snin u 15-il sena. Fix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll x’ikun meħtieġ fil-prattika biex dan is-settur jikkontribwixxi għall-kisba tan-newtralità klimatika sal-2050, u meta jenħtieġ li jieqfu jidħlu fis-suq il-magni tal-karozzi b’kombustjoni interna.

L-integrazzjoni tal-azzjoni klimatika fil-politiki kollha

Ħafna politiki oħra tal-UE jew iddaħħlu fis-seħħ jew qed jiġu orjentati mill-ġdid biex jikkontribwixxu għall-prinċipju “la tagħmilx ħsara” u għat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika. L-integrazzjoni tal-objettivi tal-politika dwar it-tibdil fil-klima f’politiki oħra tal-UE hija faċilitatur ewlieni u se tippermetti trasformazzjoni inklużiva bbażata fuq tranżizzjoni ġusta.

Il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli għandu l-għan li jagħti spinta lill-investimenti sostenibbli. Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta tiegħu (l-ewwel pilastru tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta) jindirizza b’mod dirett it-tħaffif tat-tranżizzjoni fir-reġjuni intensivi fl-użu tal-faħam, tal-pit, tax-shale bituminuż u tal-karbonju. Il-programm InvestEU jiffoka fuq l-attrazzjoni ta’ investimenti privati, u ġie propost li mill-inqas 30 % tal-pakkett finanzjarju kumplessiv tiegħu jintuża biex jikkontribwixxi direttament għall-kisba tal-objettivi klimatiċi. Il-Fond għall-Modernizzazzjoni se jappoġġa t-tranżizzjoni tas-sistema tal-enerġija fi Stati Membri b’introjtu aktar baxx. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni se jappoġġaw investimenti komplementari fl-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli, l-innovazzjoni u r-riċerka. Il-Fond Soċjali Ewropew Plus se jipprovdi appoġġ komprensiv għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema. Barra minn hekk, f’Mejju 2021, il-Kummissjoni se tipproponi Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li jippromwovi tranżizzjonijiet ġusti, u aċċess għal taħriġ u għal servizzi essenzjali, inkluż l-enerġija, il-mobbiltà u akkomodazzjoni għal kulħadd. Il-viżjoni fit-Tul tal-Kummissjoni dwar iż-żoni rurali li għandha titnieda s-sena d-dieħla se tagħti attenzjoni speċifika lill-promozzjoni tas-sostenibbiltà għaċ-ċittadini li jgħixu f’żoni rurali mbiegħda.

Mill-inqas 35 % tal-fondi tal-programm qafas il-ġdid għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont Ewropa, b’fost l-oħrajn, raggruppament iddedikat għall-Klima, l-Enerġija u l-Mobbiltà, se jappoġġaw il-kisba tal-għanijiet klimatiċi. Il-Fond għall-Innovazzjoni se jappoġġa d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji rivoluzzjonarji fuq skala kummerċjali fis-setturi tal-enerġija u tal-industrija.

L-Istrateġija Mġedda għall-Finanzi Sostenibbli, bl-inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ppjanati tagħha, se tiggwida l-investimenti privati aktar lejn l-irkupru ekoloġiku u lejn attivitajiet ekonomiċi sostenibbli. Fost inizjattivi oħra, it-tassonomija tal-finanzi sostenibbli tal-UE, l-Istandard tal-Bonds Ekoloġiċi tal-UE u l-parametri referenzjarji tal-klima se jkollhom rwol kruċjali fit-trawwim tal-investiment eqreb lejn il-ħtiġijiet tal-ekonomija reali għall-benefiċċju tal-pjaneta u tas-soċjetà.

Biex tinkiseb in-newtralità klimatika, wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti li jmiss se jkun tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet globali tat-trasport sal-2050, meta mqabbla mal-livelli tal-1990, u fl-istess waqt jiġi indirizzat l-irkupru tas-settur.

L-industrija trid tmexxi l-bidla hekk kif l-Ewropa tibda t-tranżizzjoni tagħha lejn in-newtralità klimatika u t-tmexxija diġitali, filwaqt li tingrana l-impatt tas-suq uniku tagħha biex tistabbilixxi standards globali. Kemm l-Istrateġija Industrijali Ewropea 29 kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari jindikaw żieda fl-effiċjenza tar-riżorsi u l-ekonomija ċirkolari bħala perkorsi indispensabbli għal modernizzazzjoni tal-industrija tal-UE li tikkontribwixxi għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

Provvista sigura tal-batteriji f’konformità mal-pjan ta’ azzjoni strateġiku għall-batteriji bħala parti mill-Alleanza Ewropea tal-Batteriji se tkun indispensabbli għad-dekarbonizzazzjoni kemm tas-sistema tal-enerġija tal-UE, billi tippermetti l-integrazzjoni ta’ ammonti dejjem akbar ta’ enerġija rinnovabbli, kif ukoll tas-settur tat-trasport tagħna billi tikkatalizza l-bidla lejn il-vetturi elettriċi.

Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero li jmiss għall-arja, l-ilma u l-ħamrija se jesplora l-possibbiltajiet ta’ kif jista’ jkompli jiġi indirizzat it-tniġġis minn installazzjonijiet industrijali kbar konsistenti bis-sħiħ mal-politiki dwar il-klima, l-enerġija u l-ekonomija ċirkolari. L-Istrateġija Diġitali tal-UE tappoġġa teknoloġiji diġitali li jistgħu jgħinu biex tinkiseb in-newtralità klimatika fis-setturi kollha tal-ekonomija tal-UE, u għandha l-għan li tekoloġizza s-settur tal-ICT stess.

Il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK li jridu jiġu żviluppati mill-Istati Membri huma opportunità ewlenija biex jiġu diretti aktar riżorsi sabiex l-emissjonijiet fis-settur agrikolu jitnaqqsu b’mod dewwiemi, filwaqt li jissaħħu s-sostenibbiltà u r-reżiljenza ekonomika u ambjentali tas-settur.

It-tħejjija ta’ strateġija tal-UE aktar ambizzjuża dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima se tkun essenzjali għas-setturi kollha, peress li t-tibdil fil-klima se jkompli joħloq aktar strapazz fuq in-nisġa ekonomika u soċjali tal-Ewropa, minkejja l-isforzi għall-mitigazzjoni tiegħu.

Min-naħa tagħhom, kemm il-mitigazzjoni kif ukoll l-adattament se jibbenefikaw mill-programmi spazjali tal-UE bħal Copernicus u mill-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ tagħhom li kulma jmur qed jitjiebu.

B’mod ġenerali, ambizzjoni ogħla għall-2030, it-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u l-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19 se jkunu kemm kompiti diffiċli kif ukoll opportunitajiet biex nibnu futur aħjar għal kulħadd. Strument ta’ Appoġġ Tekniku jiżgura li l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw minn għarfien espert imfassal apposta għall-iżvilupp ta’ riformi sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir.

Flimkien mal-politiki u r-regolamentazzjoni tal-gvern, iċ-ċittadini, il-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet għandhom ukoll ir-rwol tagħhom x’jaqdu. Ir-reġjuni, il-bliet u l-bliet żgħar huma ċentri ewlenin ta’ soluzzjonijiet trasformattivi u sostenibbli li jinsabu quddiem nett fit-triq ’il quddiem permezz ta’ movimenti bħall-Patt tas-Sindki. Għalhekk, il-Kummissjoni se tniedi l-Patt Klimatiku Ewropew biex tagħti vuċi u spazju lil kulħadd biex ifassal l-azzjoni klimatika, jikkondividi l-informazzjoni, iniedi attivitajiet fil-livell lokali u jippreżenta soluzzjonijiet li jkunu jistgħu jiġu ripetuti minn oħrajn.

Dimensjoni internazzjonali

Bħala ekonomija avvanzata, b’rekord ikkonfermat fl-implimentazzjoni b’suċċess ta’ politika ambizzjuża dwar il-klima, l-UE għandha l-possibbiltà – kif ukoll l-obbligu morali – li tinfluwenza x-xejriet globali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u żżid l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, kemm fi ħdan kif ukoll lil hinn min-negozjati internazzjonali dwar il-klima. Iż-żieda tal-ambizzjoni tal-UE mil-livell attwali għal 55 % fl-għaxar snin li ġejjin se tirdoppja l-ambizzjoni tal-kontribut tal-UE stabbilit fil-livell nazzjonali u se twitti t-triq għan-negozjati tan-NU li jmiss dwar it-tibdil fil-klima fl-2021, biex b’hekk tissaħħaħ il-pożizzjoni ta’ tmexxija globali tal-UE.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex dan iqisuh bħala l-kontribut il-ġdid tal-UE għall-Ftehim ta’ Pariġi. Dan jenħtieġ jiġi ppreżentat lill-UNFCCCC qabel tmiem is-sena, bħala l-Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali aġġornat tal-UE. Dan jagħti spinta bikrija lit-tħejjijiet tan-NU għal-laqgħa li jmiss tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi lejn tmiem l-2021, kif ukoll lid-Deċennju ta’ Azzjoni tan-NU (Aġenda 2030).

Billi tistabbilixxi mira ogħla għall-2030, u b’hekk iżżid l-ambizzjoni tagħha skont il-Ftehim ta’ Pariġi, l-UE tagħti eżempju pożittiv lill-bqija tad-dinja rigward kif it-tibdil fil-klima jista’ jiġi indirizzat b’mod effettiv, filwaqt li tkompli wkoll bl-isforzi tagħha għall-ksib ta’ ekonomija moderna u kompetittiva u ta’ soċjetà prospera, inklużiva u reżiljenti. Dan jipprovdi wkoll momentum għad-diskussjonijiet multilaterali tas-sena d-dieħla fil-kuntest tal-G7 u l-G20, li se jkunu ppreseduti mir-Renju Unit u mill-Italja, rispettivament. Permezz tal-assistenza esterna tagħha l-UE se tkun tista’ tappoġġa pajjiżi terzi fl-isforzi tagħhom biex iżidu l-ambizzjonijiet klimatiċi tagħhom.

L-UE għandha tkompli tmexxi bl-eżempju, iżda għandha tuża wkoll l-influwenza tagħha biex tippromwovi bidla globali fl-inċentivi ekonomiċi b’appoġġ għat-tranżizzjoni lejn emissjonijiet b’livell baxx tal-karbonju filwaqt li jitqiesu r-realtajiet ġeopolitiċi u ġeoekonomiċi li qed jinbidlu. L-UE se tkompli trawwem il-kooperazzjoni multilaterali bbażata fuq ir-regoli, bl-użu tad-diplomazija tagħha b’rabta mal-ambjent, il-klima u l-enerġija, u l-ispettru sħiħ tal-istrumenti tal-politika esterna tagħha, biex ittejjeb il-livell ta’ ambizzjoni tas-sħab tagħha, u b’mod partikolari tal-akbar emittenti u emittenti futuri, u tħaffef it-tranżizzjoni globali lejn in-newtralità klimatika. Dan ifisser l-użu tas-sħubijiet strateġiċi, tal-finanzjament estern, tal-kummerċ u ta’ pjattaformi oħra ta’ kooperazzjoni tal-UE, inkluż permezz tal-użu ta’ standards ambjentali internazzjonali u l-promozzjoni ta’ teknoloġiji nodfa permezz tal-kummerċ. Is-settur privat jenħtieġ ikollu rwol importanti, u t-tmexxija tal-UE fil-finanzi sostenibbli, b’mod partikolari permezz tat-tassonomija tal-UE bħala għodda li tgħin lill-investituri fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u reżiljenti u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, kif ukoll permezz tal-Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Finanzi Sostenibbli mas-sħab internazzjonali tagħna, se jkollha rwol strumentali. L-UE se tfittex alleanzi ta’ benefiċċju reċiproku u se tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni internazzjonali b’rabta ma’ teknoloġiji sostenibbli ġodda, bħall-idroġenu rinnovabbli, l-enerġija avvanzata mix-xemx u r-riħ, il-batteriji u l-qbid tad-diossidu tal-karbonju, kif ukoll b’rabta ma’ materja prima li hija kritika għal dawn it-teknoloġiji, bħall-materjali tal-art rari. Il-pożizzjoni tal-UE bħala l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja tipprovdi opportunitajiet sinifikanti f’dan ir-rigward.

Fl-istess ħin, biex it-tibdil fil-klima fid-dinja kollha jiġi kkontrollat b’mod effettiv u biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, il-pajjiżi kollha u b’mod partikolari l-membri tal-G20 se jkollhom iressqu azzjonijiet ħafna aktar ambizzjużi biex jipprevjenu l-konsegwenzi katastrofiċi mistennija.

Fin-nuqqas ta’ żidiet komparabbli fl-ambizzjoni mis-sħab tagħna, hekk kif l-UE żżid l-ambizzjoni klimatika tagħha, il-Kummissjoni se tipproponi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera għal setturi magħżula, bl-għan li jitnaqqas ir-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju bħala alternattiva għall-miżuri fis-seħħ bħalissa għall-indirizzar ta’ dak l-istess riskju. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tikkunsidra alternattivi għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu effettiv ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera li huwa konformi mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

5.Konklużjonijiet u l-passi li jmiss

Iż-żieda fl-ambizzjoni tal-UE ta’ tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030 hija fattibbli u ta’ benefiċċju għas-saħħa, il-prosperità u l-benesseri taċ-ċittadini tagħna. Mingħajr ma tissottovaluta l-isfida li jiġu mobilizzati investimenti addizzjonali sinifikanti fl-għaxar snin li ġejjin u permezz tal-promozzjoni ta’ tranżizzjoni ġusta, din toffri l-opportunità għal tkabbir sostenibbli, u, fil-kuntest tal-irkupru mill-COVID-19, toffri wkoll opportunità għal investimenti dejjiema li jistgħu jagħtu spinta lill-ekonomija tal-UE.

Ambizzjoni ogħla għall-2030 se tikkontribwixxi favur perkors ta’ tnaqqis aktar gradwali tal-emissjonijiet u għal tranżizzjoni ekonomika u soċjali aktar ibbilanċjata lejn in-newtralità klimatika fit-30 sena li ġejjin. Għalhekk, se tkun aktar kredibbli, aktar prudenti u aktar ġusta fir-rigward tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali, l-inċertezza ġenerali dwar l-iżviluppi globali u t-tħassib dejjem akbar dwar il-klima tal-popolazzjoni globali, se jżidu l-pressjoni fuq il-gvernijiet kollha biex jieħdu azzjoni malajr. Azzjoni ambizzjuża se tipprovdi lill-UE u lin-negozji u lill-industriji tagħha vantaġġ ta’ min jidħol l-ewwel fix-xena ekonomika internazzjonali, filwaqt li żżid il-kompetittività tagħha fis-swieq globali li qed jikbru għal teknoloġiji sostenibbli u ekoloġiċi.

Huwa daqstant importanti li t-tisħiħ tal-ambizzjoni se jipprovdi benefiċċji importanti ħafna li jmorru id f’id mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, bħal tnaqqis fil-kontijiet tal-importazzjoni tal-fjuwils fossili, sigurtà tal-enerġija ogħla, tnaqqis fit-tniġġis tal-arja, saħħa aħjar, titjib fil-bijodiversità, inqas dipendenza fuq il-materja prima importata, u inqas perikli mill-iskart. Flimkien ma’ politiki intensifikati dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, dan se jnaqqas l-ispejjeż tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji, u sakemm jiġu indirizzati l-impatti soċjali, se jgħin biex jittaffa l-faqar enerġetiku u se jikkontribwixxi għat-tkabbir u l-impjiegi.

Iċ-ċittadini, in-negozji u s-sħab soċjali tal-UE jeħtieġu aktar ċertezza u prevedibbiltà fit-triq lejn in-newtralità klimatika. Għalhekk, illum il-Kummissjoni qed temenda l-proposta tagħha għall-ewwel Liġi Ewropea dwar il-Klima 30 , u qed iżżid mira ta’ tnaqqis ta’ mill-inqas 55 % fl-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra sal-2030 meta mqabbla mal-1990. Dan se jkun il-punt tat-tluq għal perkors bla xkiel biex l-UE ssir newtrali għall-klima sa mhux aktar tard mill-2050. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jilħqu ftehim rigward ir-Regolament dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Klima u jadottawh mill-aktar fis possibbli.

Matul id-disa’ xhur li ġejjin, il-Kummissjoni se twettaq rieżami tal-leġiżlazzjoni ewlenija tagħha dwar il-klima u l-enerġija. Din il-Komunikazzjoni diġà tidentifika l-alternattivi ewlenin biex tiġi emendata. Il-Kummissjoni hija konvinta li sabiex nilħqu l-objettivi tagħna l-istrumenti ta’ politika kollha rilevanti għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tagħna jridu jaħdmu b’mod koerenti. L-użu msaħħaħ u estiż tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet fil-livell tal-UE, il-politiki dwar l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli, l-istrumenti li jappoġġaw il-mobbiltà u t-trasport sostenibbli, l-ekonomija ċirkolari, il-politiki ambjentali, agrikoli, finanzjarji, tar-riċerka u l-innovazzjoni u industrijali kollha se jkollhom rwoli importanti fil-kisba tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew b’mod ġenerali u tal-mira klimatika aktar ambizzjuża għall-2030, u b’mod partikolari tan-newtralità klimatika sal-2050.

Filwaqt li tibbaża fuq dibattitu pubbliku wiesa’ u fuq proċess ta’ konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill, mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll mal-Parlamenti nazzjonali u maċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati kollha, b’mod partikolari permezz tal-Patt Klimatiku Ewropew u l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li jmiss, il-Kummissjoni se tħejji l-proposti leġiżlattivi ewlenin meħtieġa sa Ġunju 2021. Dan il-proċess jenħtieġ iwitti t-triq għall-adozzjoni rapida sussegwenti tagħhom, u jħalli biżżejjed żmien ta’ tħejjija biex l-atturi kollha jiksbu l-mira aktar ambizzjuża għall-klima u l-enerġija għall-2030.

(1)

COM(2019) 640 final.

(2)

Tnaqqis qawwi fil-konsum ta’ prodotti tal-annimali għan-nutrizzjoni jista’ potenzjalment inaqqas l-emissjonijiet b’aktar minn 30 miljun tunnellata sal-2030.

(3)

COM(2020) 381 final.

(4)

https://www.weforum.org/agenda/2019/01/why-digitalization-is-the-key-to-exponential-climate-action/

(5)

Daż-żmien, il-binjiet il-ġodda qed jikkunsmaw biss nofs dak li jikkunsmaw il-binjiet tipiċi tat-tmeninijiet. Madwar 35 % tal-bini tal-UE għandu aktar minn 50 sena.

(6)

Ikkalkulat skont il-metodoloġija stabbilita fid-Direttiva 2018/2001/KE.

(7)

Rapport dwar il-Kontabbiltà tal-Impatt tal-Ekodisinn, għadu mhux ippubblikat.

(8)

Ara wkoll il-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari (COM(2020) 98 final).

(9)

COM(2020) 380 final.

(10)

Id-Direttiva (UE) 2018/410 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE.

(11)

Ir-Regolament (UE) 2018/842.

(12)

Ir-Regolament (UE) 2018/841.

(13)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001.

(14)

Id-Direttiva (UE) 2018/844.

(15)

Ir-Regolament (UE) 2018/1999.

(16)

Id-Direttiva 2009/125/KE.

(17)

Id-Direttiva 2010/31/UE u l-emenda 2018/844/UE.

(18)

Inkluż l-avjazzjoni u n-navigazzjoni intra-UE

(19)

Ir-Regolament (UE) 2018/1999.

(20)

[żid referenza]

(21)

Inkluż l-avjazzjoni intra-UE u extra-UE, iżda mhux in-navigazzjoni marittima.

(22)

Dan huwa relatat mal-kopertura tat-tisħin distrettwali tas-sistema, u minħabba t-tisħin elettriku.

(23)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 17-21 ta’ Lulju 2020, irrikonoxxew il-ħtieġa li ssir ħidma għal riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji u li jiġu introdotti riżorsi proprji ġodda għall-Unjoni. F’dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta dwar sistema riveduta għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, biex possibbilment tiġi estiża għat-trasport marittimu u biex jitnaqqsu l-kwoti allokati mingħajr ħlas lil-linji tal-ajru.

(24)

Bħala medja, inkluż l-emissjonijiet addizzjonali kollha tal-UE għan-navigazzjoni u l-avjazzjoni, jiġifieri l-kamp ta’ applikazzjoni preżunt kif irrappurtat fl-inventarju tal-gassijiet serra tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima bħala entrata ta’ memorandum, il-mira tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tkun teħtieġ tnaqqis addizzjonali sa 3 punti perċentwali sal-2030 meta mqabbel mal-1990 f’setturi oħra biex tintlaħaq il-mira kumplessiva ta’ tnaqqis tal-UE.

(25)

Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika tal-2012 flimkien mad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija, id-Direttiva dwar l-Ekodisinn, ir-Regolament dwar it-Tikkettar tal-Enerġija u r-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tajers.

(26)

Il-Valutazzjoni tal-Impatt tidentifika firxa ta’ 35,5 % - 36,7 % skont it-tfassil ġenerali tal-miżuri ta’ politika li jirfdu l-mira l-ġdida għall-2030. Dan jikkorrispondi għal firxa ta’ 39,2 % - 40,6 % f’termini ta’ konsum ta’ enerġija primarja.

(27)

COM(2020) 98 final.

(28)

COM/2020/67 final.

(29)

COM(2020) 102 final.

(30)

COM(2020) 80 final.