Brussell, 20.5.2020

COM(2020) 502 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tal-Bulgarija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 tal-Bulgarija


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tal-Bulgarija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 tal-Bulgarija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-17 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li tat bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iddikjarat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih identifikat lill-Bulgarija bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih kienet se ssir analiżi fil-fond.

(2)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2020 għall-Bulgarija 3 ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Huwa vvaluta l-progress li għamlet il-Bulgarija biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 4 , is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Bulgarija lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020. Huwa kien jinkludi wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-26 ta’ Frar 2020. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Bulgarija ma għadhiex qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. F’dawn l-aħħar snin, il-vulnerabbiltajiet fis-settur finanzjarju kienu akkumpanjati minn dejn għoli u self improduttiv fis-settur korporattiv. L-iżbilanċi ma għadhomx qed jiġu identifikati minħabba li azzjoni ta’ politika konsistenti u ambjent makroekonomiku favorevoli naqqsu aktar ir-riskju u l-vulnerabilitajiet.

(3)Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Din hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, għas-soċjetajiet u għall-ekonomiji. Qiegħda tqiegħed is-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija, tfixkel il-katini tal-provvista globali, tikkawża volatilità fis-swieq finanzjarji, tiskatta xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u qed ikollha effetti negattivi f’diversi setturi. Qiegħda thedded l-impjiegi tan-nies, l-introjtu tagħhom u n-negozju tal-kumpaniji. Hija tat xokk ekonomiku kbir li diġà qed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni Ewropea. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni 5 li tappella għal rispons ekonomiku kkoordinat għall-kriżi, li jinvolvi lill-atturi kollha fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

(4)Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew introduċew miżuri ta’ emerġenza. Kull miżura ta’ emerġenza jenħtieġ li tkun strettament proporzjonata, neċessarja, limitata fiż-żmien, u konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Jenħtieġ ukoll li tkun suġġetta għal sorveljanza demokratika u stħarriġ ġudizzjarju indipendenti.

(5)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir 6 . Il-klawżola, kif stipulata fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għarrfet lill-Kunsill bil-fehma tagħha li, minħabba t-tnaqqis qawwi mistenni fir-ritmu ekonomiku, li jirriżulta mit-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet attwali jippermettu l-attivazzjoni tal-klawżola. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti tluq temporanju mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fi żmien medju, sakemm dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju. Għall-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll, b’rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan jippermetti li l-Istati Membri jiddevjaw mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw filwaqt li jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iwettqu l-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politika meħtieġa fil-qafas tal-Patt.

(6)Huwa meħtieġ li titkompla l-azzjoni biex tiġi limitata u kkontrollata l-firxa tal-pandemija, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ għan-negozju u għall-unitajiet domestiċi u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati tas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol bil-ħsieb li terġa’ tibda l-attività ekonomika. L-Unjoni jenħtieġ li tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma. B’mod parallel, l-Istati Membri u l-Unjoni jenħtieġ li jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex nerġgħu lura għal funzjonament normali tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna u għal tkabbir sostenibbli, li jintegraw fost l-oħrajn it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u li jieħdu t-tagħlimiet kollha mill-kriżi.

(7)Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat il-flessibbiltà li s-suq uniku joffri sabiex nadattaw għal sitwazzjonijiet straordinarji. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni rapida u bla xkiel għall-fażi ta’ rkupru u għall-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-ħaddiema, miżuri eċċezzjonali li jwaqqfu lis-suq uniku milli jiffunzjona b’mod normali jridu jitneħħew malli ma jibqgħux indispensabbli. Il-kriżi attwali wriet il-ħtieġa għal tħejjija għall-kriżijiet fis-sistema tas-saħħa, li tinkludi b’mod partikolari strateġiji ta’ xiri mtejba, ktajjen tal-provvista diversifikati u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali. Dawn huma elementi ewlenin għall-iżvilupp ta’ pjanijiet usa’ ta’ tħejjija għall-kriżijiet.

(8)Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġiżlattivi rilevanti 7 biex jippermetti lill-Istati Membri jimmobilizzaw ir-riżorsi mhux użati kollha mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Dawn l-emendi se jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri simplifikati. Biex jittaffew il-pressjonijiet tal-flussi tal-flus, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020-2021. Il-Bulgarija hija mħeġġa tagħmel użu sħiħ minn dawn il-possibbiltajiet biex tgħin lill-individwi u lis-setturi l-aktar affettwati mill-isfidi.

(9)L-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija x’aktarx li jkunu distribwiti b’mod mhux uniformi fir-reġjuni Bulgari kollha minħabba xejriet differenti ta’ speċjalizzazzjoni, b’mod partikolari f’reġjuni li jiddependu b’mod sinifikanti fuq negozju wiċċ imb'wiċċ mal-konsumaturi. Dan jinvolvi riskju sostanzjali li jiżdiedu d-differenzi reġjonali fil-Bulgarija, li jaggrava t-tendenza diġà osservata li jitwessgħu d-disparitajiet bejn il-kapitali u l-bqija tal-pajjiż u bejn iż-żoni urbani u dawk rurali. Flimkien mar-riskju ta’ treġġigħ lura temporanju tal-proċess ta’ konverġenza bejn l-Istati Membri, is-sitwazzjoni attwali titlob tweġibiet ta’ politika mmirati.

(10)Fit-30 ta’ April 2020, il-Bulgarija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 tagħha. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(11)Il-Bulgarija bħalissa tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(12)Fil-programm ta’ Konverġenza tiegħu tal-2020, il-Gvern qed jippjana li l-bilanċ nominali jiddeterjora minn surplus ta’ 2,1 % tal-PDG fl-2019 għal defiċit ta’ 3,1 % tal-PDG fl-2020. Wara li naqas għal 20,4 % tal-PDG fl-2019, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 25,8 % fl-2020 skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020. Il-perspettiva makroekonomika u fiskali hija affettwata minn inċertezza kbira minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

(13)B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ koordinat tal-Unjoni, il-Bulgarija adottat miżuri baġitarji biex iżżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija, u tipprovdi għajnuna lil dawk l-individwi u s-setturi li ntlaqtu b’mod partikolari. Skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020, dawn il-miżuri baġitarji ammontaw għal 1,3 % tal-PDG. Il-miżuri jinkludu nfiq ogħla fuq il-kura tas-saħħa u s-servizzi tas-sigurtà u l-iskema ta’ appoġġ għall-impjiegi għal setturi f’diffikultà. Barra minn hekk, il-Bulgarija ħabbret miżuri li, filwaqt li ma għandhomx impatt baġitarju dirett, se jikkontribwixxu biex jappoġġaw il-likwidità għan-negozji, u l-Programmi ta’ Konverġenza tal-2020 jistmawhom li jammontaw għal 0,6 % tal-PDG. Dawn il-miżuri jinkludu garanziji mill-Bank Bulgaru għall-Iżvilupp, bi sjieda tal-Istat, u differimenti tat-taxxa għat-taxxi fuq l-introjtu tal-kumpaniji. B’mod ġenerali, il-miżuri meħuda mill-Bulgarija huma konformi mal-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar rispons ekonomiku koordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawk il-miżuri, segwita mill-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali fuq il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, se tikkontribwixxi għall-preservazzjoni tas-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju.

(14)Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni b’politiki mhux mibdula, l-iżbilanċ tal-amministrazzjoni pubblika tal-Bulgarija huwa mbassar li jkun ta’ 2,8 % tal-PDG fl-2020 u ta’ 1,8 % fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa previst li jibqa’ taħt is-60 % tal-PDG fl-2020 u fl-2021.

(15)Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba l-ksur ippjanat mill-Bulgarija tal-limitu tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG fl-2020. Ir-rapport ikkonkluda, wara valutazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha, li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 huwa ssodisfat.

(16)Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Bulgarija ddikjarat stat ta’ emerġenza mit-13 ta’ Marzu 2020 sat-13 ta’ April 2020; dan ġie estiż sussegwentement għat-13 ta’ Mejju 2020 u mbagħad sal-14 ta’ Ġunju 2020. Fis-6 ta’ April 2020, il-Parlament adotta proposta għal emenda tal-baġit tal-Istat tal-2020, ippreżentata mill-Gvern. Il-baġit il-ġdid jipprevedi defiċit ta’ BGN 3,5 biljun (2,9 % tal-PDG), minħabba ż-żieda fl-infiq għal miżuri relatati mal-kriżi u t-tnaqqis mistenni fid-dħul ta’ 2,4 biljun. Hija prevista żieda ta’ ħames darbiet tal-limitu massimu ta’ dejn ġdid li l-Gvern jista’ joħroġ, minn BGN 2,2 biljun għal BGN 10 biljun. B’mod ġenerali, il-Bulgarija mmobbilizzat pakkett finanzjarju ta’ aktar minn BGN 870 miljun permezz ta' diversi programmi operattivi ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020 biex tappoġġa s-sistema tas-saħħa u tindirizza l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija.

(17)B’reazzjoni għall-kriżi, il-Bulgarija introduċiet miżura ta’ appoġġ għall-impjieg li biha l-Istat jimpenja ruħu li jħallas 60 % tal-introjtu tal-ħaddiema u tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali assoċjata għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur, bil-kundizzjoni li min iħaddem iħallas id-differenza u jimpenja ruħu li jżomm il-ħaddiema. Il-kumpaniji eliġibbli jinkludu dawk affettwati direttament mir-restrizzjonijiet imposti minħabba l-istat ta’ emerġenza. Kumpaniji minn setturi oħra, li jirnexxilhom jagħtu prova ta’ tnaqqis ta’ 20 % fid-dħul f’Marzu 2020 meta mqabbel ma’ Marzu 2019, huma wkoll eliġibbli.

(18)Il-kapital tal-Bank Bulgaru għall-Iżvilupp ġie miżjud biex jappoġġa l-likwidità fl-ekonomija. BGN 500 miljun ġew allokati għal garanziji tal-portafoll lill-banek biex jipprovdu kundizzjonijiet ta’ self tan-negozju aktar flessibbli lin-negozji, filwaqt li BGN 200 miljun ġew allokati għal garanziji għal self mingħajr imgħax sa BGN 4,500 għal persuni li tpoġġew fuq liv mhux imħallas mill-kumpaniji tagħhom jew dawk li jaħdmu għal rashom. Il-Bank Bulgaru għall-Iżvilupp se jimplimenta wkoll skema ta’ garanzija ta’ EUR 100 miljun għal self lil SMEs iffinanzjata mill-Programm ta’ Operazzjoni “Innovazzjoni u Kompetittività” skont il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Il-Maniġer tal-Fondi tal-Istrumenti Finanzjarji fil-Bulgarija eżamina mill-ġdid il-portafoll tiegħu u qed ifassal l-istrumenti tiegħu ta’ appoġġ għall-intrapriżi għar-realtà ekonomika attwali. Il-Bank Nazzjonali Bulgaru introduċa pakkett ta’ miżuri ta’ BGN 9,3 biljun, li għandhom l-għan li jżommu r-reżiljenza tas-sistema bankarja u jtejbu l-flessibbiltà tagħha, biex inaqqsu l-effetti negattivi tar-restrizzjonijiet fuq iċ-ċittadini u n-negozji.

(19)L-ekonomija tal-Bulgarija ntlaqtet sew mill-kriżi, li affettwat kemm is-settur tas-servizzi kif ukoll dak tal-manifattura. L-impatt negattiv kien aggravat bi tnaqqis fid-domanda u fil-provvista, u bi tfixkil fil-katini tal-valur globali. Il-miżuri meħuda mill-Gvern biex jiffaċċja l-emerġenza jistgħu jgħinu biex jittaffew il-konsegwenzi tal-kriżi, iżda l-implimentazzjoni fil-pront u effettiva tagħhom se tkun kruċjali għall-preservazzjoni tal-impjiegi u għat-titjib tal-likwidità tal-kumpaniji, speċjalment l-SMEs, u tal-ħaddiema indipendenti. Fil-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri huwa meħtieġ li titqies ir-reżiljenza tas-settur bankarju. F’konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni, il-Bulgarija neħħiet il-projbizzjonijiet fuq it-tagħmir ta’ protezzjoni personali u stabbilixxiet “korsiji ħodor” għal kontrolli rapidi fil-punti tal-qsim tal-fruntieri.

(20)Il-COVID-19 poġġiet piż addizzjonali fuq is-sistema tas-saħħa Bulgara, li diġà hija kkaratterizzata minn aċċessibbiltà limitata li tirriżulta minn finanzjament pubbliku baxx, kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa limitata, numru żgħir ta’ infermiera, u distribuzzjoni ġeografika żbilanċjata tal-ħaddiema tas-saħħa. Għalhekk hemm lok għat-tisħiħ tar-reżiljenza, l-aċċessibbiltà u l-kapaċità ġenerali tas-sistema tas-saħħa Bulgara. L-għoti ta’ aktar kura (ġenerali u speċjalista) f’ambjenti ambulatorji, ukoll bl-użu ta’ telekonsultazzjonijiet, jillibera l-kapaċità tal-isptarijiet, filwaqt li l-ittestjar u t-trattament jenħtieġ li jkunu disponibbli għal kulħadd, indipendentement mill-istatus tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Jenħtieġ li jiġi żgurat aċċess xieraq għall-ħaddiema tas-saħħa u għas-servizzi tagħhom fit-territorju kollu. L-integrazzjoni tal-kura primarja, fit-tul u fil-komunità hija kruċjali għall-anzjani u l-gruppi l-aktar vulnerabbli.

(21)Skont it-tbassir tal-Kummissjoni, il-qgħad huwa mistenni li jiżdied għal 7,0 % fl-2020 u jonqos għal 5,8 % fl-2021. Sa mill-bidu tal-istat ta’ emerġenza, il-qgħad żdied malajr fl-industrija tal-ospitalità, fi bliet kbar u fost persuni li għandhom sa edukazzjoni sekondarja. Il-Gvern ħa miżuri biex jipproteġi l-impjiegi, b’mod partikolari skemi ta’ xogħol għal żmien qasir, li jenħtieġ li jiġu implimentati malajr u msaħħa aktar. F’kooperazzjoni mas-sħab soċjali, il-kuntest attwali jirrikjedi appoġġ estensiv għal min iħaddem u għall-ħaddiema, fosthom dawk li jaħdmu għal rashom, biex jiġi evitat aktar telf ta’ impjiegi. Il-kapaċità u l-miżuri implimentati mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Impjiegi se jkollhom bżonn jissaħħu biex iwieġbu għall-effetti negattivi fuq is-suq tax-xogħol. Aktar sforzi fl-attivazzjoni, fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid se jkunu strumentali biex il-persuni jerġgħu jibdew jaħdmu, filwaqt li l-forza tax-xogħol titħejja għall-isfidi u l-opportunitajiet li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni. Il-kriżi jista’ jkollha wkoll impatt sinifikanti fuq il-ħaddiema f’impjieg informali, b’aċċess limitat għas-servizzi tas-saħħa u għall-protezzjoni soċjali. Miżuri ta’ politika mmirati jistgħu jwaqqfu lill-ħaddiema mhux protetti u lill-gruppi l-aktar vulnerabbli milli jaqgħu aktar fil-faqar u jtejbulhom l-għajxien tagħhom matul l-irkupru.

(22)Il-kriżi tas-CO19 taffettwa b’mod sproporzjonat lill-gruppi vulnerabbli u taggrava l-isfidi soċjali eżistenti. Is-sehem ta’ nies fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali kien diġà għoli qabel il-kriżi, speċjalment fost it-tfal, l-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà u r-Rom, u t-trasferimenti soċjali rnexxielhom inaqqsu l-faqar sa ċertu punt biss. L-inugwaljanza fl-introjtu kienet waħda mill-ogħla fl-UE u s-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji wrew wieħed mill-aktar impatti dgħajfa fuq it-tnaqqis tagħha. Il-kriżi teħtieġ miżuri biex jinstab rimedju għan-nuqqasijiet li diġà ġew identifikati fis-snin preċedenti, u b’mod partikolari fl-iskema ta’ introjtu minimu, li hija waħda mill-inqas adegwati fl-UE biex toħroġ lir-riċevituri mill-faqar. Kwistjonijiet bħall-iżgurar tal-protezzjoni soċjali għal kulħadd, inklużi ħaddiema mhux standard, persuni li jaħdmu għal rashom u unitajiet domestiċi bi dħul baxx, l-iżgurar ta’ appoġġ għad-dħul, ikel u servizzi soċjali adegwati, kif ukoll il-forniment ta’ akkomodazzjoni ta’ emerġenza u ta’ appoġġ għal persuni bla dar, jibqgħu rilevanti. Ir-riforma tas-servizzi soċjali tgħin biex tiġi stabbilizzata s-sistema, filwaqt li kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn is-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali tippermetti li jintlaħqu aktar dawk li ma jistgħux jieħdu ħsieb tagħhom infushom huma stess u persuni b’diżabbiltà. Ħafna unitajiet domestiċi Rom, li diġà kienu jinsabu f’faqar kbir qabel il-kriżi, jeħtieġu servizzi ta’ medjazzjoni u servizzi u appoġġ essenzjali.

(23)Il-provvista mtejba ta’ servizzi ta’ edukazzjoni u taħriġ u forza tax-xogħol b’ħiliet aħjar isaħħu wkoll b’mod qawwi l-irkupru u jippromwovu tkabbir inklużiv u sostenibbli fi żmien medju. Għad hemm lok għat-titjib tal-kwalità, ir-rilevanza għas-suq tax-xogħol u l-inklużività tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-Bulgarija. Il-Bulgarija hija fost l-Istati Membri li fihom l-isfond soċjoekonomiku għandu l-akbar influwenza fuq l-eżiti tat-tagħlim. L-inklużjoni tar-Rom fl-edukazzjoni għadha sfida, bi tluq bikri mill-iskola jkun partikolarment għoli fost ir-Rom u f’żoni rurali. Il-livell kumplessiv tal-ħiliet diġitali huwa baxx fost il-popolazzjoni (ta’ bejn is-16 u l-74 sena), inkluż ukoll għaż-żgħażagħ (ta’ bejn is-16 u d-19-il sena). It-titjib tal-ħiliet diġitali, pereżempju permezz ta’ lawrji u kurrikuli aktar allinjati diġitalment, jista’ jgħin fl-adattament għall-bidliet fis-suq tax-xogħol prodotti mid-diġitalizzazzjoni u għall-ħtieġa ta’ ħidma diġitali mill-bogħod. Fl-istess ħin, għad hemm 11 % tal-istudenti li ma għandhomx aċċess għall-kompjuters u / jew aċċess għall-internet u 2000 għalliem mingħajr kompjuters. Is-sitwazzjoni attwali tat-tagħlim mill-bogħod qed tirriskja, għalhekk, li tagħmel agħar l-inugwaljanzi li diġà huma kbar fl-edukazzjoni u t-taħriġ: it-titjib tal-għarfien diġitali tal-istudenti kollha u l-aċċess tagħhom għal infrastruttura teknika adegwata jkollu impatt pożittiv fit-tul fuq l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni, b’mod partikolari għal gruppi vulnerabbli, fosthom ir-Rom, u b’hekk jgħin biex jitnaqqsu r-rati għolja ta’ tluq bikri mill-iskola tagħhom.

(24)Il-kriżi enfasizzat l-importanza strateġika ta’ amministrazzjoni pubblika effiċjenti u ta’ gvern diġitali li jiffunzjona tajjeb, inkluż is-saħħa elettronika u l-akkwist elettroniku. Ir-riformi f’dan il-qasam ġew appoġġati mill-UE, iżda l-implimentazzjoni tagħhom miexja bil-mod wisq u dan affettwa b’mod negattiv l-effikaċja tas-settur pubbliku matul il-perjodu ta’ għeluq. Il-Bulgarija, għalhekk, qiegħda lura fil-forniment tas-servizzi elettroniċi, u l-użu tagħhom miċ-ċittadini u min-negozji jenħtieġ li jiġi mħeġġeġ. Hemm bżonn ukoll li jiġu indirizzati b’mod sħiħ il-kwistjonijiet relatati maċ-ċibersigurtà u mas-sigurtà tal-infrastruttura kritika. Għall-quddiem, amministrazzjoni pubblika effettiva se tkun kruċjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla dewmien u effettiva tal-miżuri ta’ rkupru. Il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-livelli kollha tal-Gvern, inkluż dwar il-kuntratti u l-konċessjonijiet pubbliċi, kif ukoll dwar is-sorveljanza tas-suq, jibqgħu partikolarment importanti. Prevedibbiltà u stabbiltà regolatorji aktar b’saħħithom, kontroll effettiv fuq l-implimentazzjoni tal-politika, u tnaqqis tal-piż amministrattiv, itejbu l-ambjent tan-negozju u jippromwovu l-investiment, u dan jaffettwa b’mod pożittiv il-veloċità tal-irkupru.

(25)Biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku, se jkun importanti li proġetti ta’ investiment pubbliku maturi jiġu implimentati minn qabel u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz ta’ riformi rilevanti. Il-kriżi żiedet l-importanza tad-diġitalizzazzjoni u tal-innovazzjoni, fejn il-Bulgarija, u b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) tagħha, għandhom prestazzjoni li hi ferm taħt il-medja tal-UE. Każ wieħed sinifikanti ta’ din il-kwistjoni huwa l-ispettru ppjanat li jiġi allokat fil-meded pijunieri tal-5G, li ma jissodisfax dak li hu meħtieġ biex jippermetti l-forniment bla dewmien u effettiv tas-servizzi tal-5G. Il-kwistjonijiet magħrufa fis-sistema tar-riċerka u l-edukazzjoni għolja, bħall-frammentazzjoni, il-finanzjament baxx u l-għarfien limitat u t-trasferiment tat-teknoloġija, għad iridu jiġu indirizzati. Fl-istess ħin, il-Bulgarija hija l-ekonomija l-aktar intensiva fl-użu tar-riżorsi u tal-enerġija u fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE, bi ħtiġijiet importanti ta’ investiment fl-oqsma tal-enerġija u d-dekarbonizzazzjoni biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika, kif deskritt fil-Pjan Nazzjonali tal-Bulgarija dwar l-Enerġija u l-Klima.

(26)L-isforzi ta’ trasformazzjoni biex tiġi indirizzata l-intensità għolja fl-użu tal-enerġija tal-Bulgarija, id-dipendenza żejda tagħha fuq il-fjuwils fossili, u l-użu ineffiċjenti tagħha tal-enerġija u r-riżorsi huma fi stadju inizjali ħafna. Il-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima jenfasizza l-impenn tal-Bulgarija biex tiddekarbonizza l-ekonomija tagħha sal-2050 fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, iżda jiddikjara wkoll l-intenzjoni li tinżamm id-dipendenza tal-Bulgarija fuq is-sorsi domestiċi tal-linjite għall-2050 u lil hinn. Il-kopertura u l-kwalità tal-infrastruttura tat-trasport fil-Bulgarija għadha taħt il-medja tal-UE u n-Network tat-Trasport Trans-Ewropew għadu ma tlestiex. In-network tal-pjattaformi multimodali, xi sezzjonijiet ferrovjarji u tat-toroq, u s-sistemi Ewropej tal-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju u s-sistemi tat-trasport intelliġenti għadhom sottożviluppati. Huwa meħtieġ li jiġu indirizzati kwistjonijiet ambjentali sinifikanti, billi dawn jaffettwaw it-tkabbir sostenibbli u joħolqu riskji addizzjonali għas-saħħa matul il-kriżi tal-COVID-19. Il-Bulgarija hija fost l-Istati Membri bl-akbar inċidenza ta’ mwiet relatati mat-tniġġis, u l-ġestjoni tal-iskart u l-konformità mal-obbligi tal-ġbir u t-trattament tal-ilma urban mormi għadhom ta’ sfida. L-ipprogrammar tal-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin lill-Bulgarija tindirizza wħud mill-isfidi ppreżentati mit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, b’mod partikolari fit-territorji koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż 8 . Dan jippermetti lill-Bulgarija tagħmel l-aħjar użu minn dan il-fond.

(27)Il-fatt li jkun hemm qafas ta’ insolvenza li jiffunzjona tajjeb se jkun importanti għall-irkupru tal-ekonomija reali wara l-kriżi tal-COVID-19, li tista’ twassal għal żieda sinifikanti fil-fallimenti. Dan il-qafas jiffaċilita wkoll riżoluzzjoni aktar rapida tas-self improduttiv, u b’hekk jillimita l-akkumulazzjoni ulterjuri tiegħu. Fl-istess ħin, l-ineffikaċja tal-qafas tal-insolvenza tirriżulta fi proċedimenti ta’ insolvenza li jdumu u jiswew ħafna flus. F’Ġunju 2019, ġie adottat il-pjan direzzjonali tal-qafas tal-insolvenza, u dan identifika lakuni rilevanti. Il-Bulgarija bdiet l-implimentazzjoni tiegħu u qed tħejji passi ta’ segwitu, inklużi bidliet leġiżlattivi u attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità.

(28)Il-Bulgarija adottat diversi liġijiet fl-2019 bil-għan li tittrasponi r-raba’ u l-ħames Direttivi kontra l-Ħasil tal-Flus li l-implimentazzjoni tagħhom għadha pendenti. Il-Valutazzjoni Nazzjonali tar-Riskju li tlestiet dan l-aħħar turi dgħufijiet li jeħtieġu mitigazzjoni urġenti biex ikun hemm prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. Ir-riskji marbuta maċ-ċittadinanza minn programmi ta’ skemi ta’ investiment u minn assi virtwali għadhom ma ġewx ivvalutati kif suppost. Jeħtieġ li jitfasslu u jiġu implimentati azzjonijiet biex ikun hemm applikazzjoni effettiva tal-qafas ta’ kontra l-ħasil tal-flus minn entitajiet marbutin b’obbligu. L-effettività tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus kienu limitati u l-użu ta’ intelligence finanzjarja ma kienx biżżejjed.

(29)Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet attwali jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 koprew ukoll riformi li huma essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi strutturali fi żmien medju sa twil. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet jibqgħu pertinenti u se jkomplu jiġu mmonitorjati matul iċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan japplika wkoll għal rakkomandazzjonijiet rigward politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar jenħtieġ li jitqiesu għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u strateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi attwali.

(30)Il-banek Bulgari huma kumplessivament profittabbli u kkapitalizzati tajjeb. Minkejja xi tnaqqis f’dawn l-aħħar snin, il-proporzjon ta’ self improduttiv (non-performing loans, NPLs) għadu ta’ 7,2 % fit-tielet kwart tal-2019, li hu fost l-ogħla fl-UE, b’mod partikolari minn korporazzjonijiet mhux finanzjarji u għal banek ta’ sjieda domestika, fejn sforzi ulterjuri biex jiġi promoss suq ta’ NPLs sekondarju li jiffunzjona jibqgħu importanti. Il-proviżjonament tal-NPLs ilu jonqos sa mill-aħħar parti tal-2018, u xi kultant ikun akkumpanjat minn nuqqas ta’ proviżjonament tal-NPLs eżistenti li ilhom ħafna li skadew. Il-valutazzjoni komprensiva mwettqa mill-Bank Ċentrali Ewropew żvelat il-ħtieġa li jiżdied il-kapital f’żewġ banek. Ir-rikapitalizzazzjoni qed tiġi ffinalizzata. Iż-żieda fil-forniment tal-likwidità mill-banek għall-mitigazzjoni tal-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 u t-tnedija mill-ġdid tat-tkabbir ekonomiku jenħtieġ li tkun abbinata mal-applikazzjoni mill-banek ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu u standards ta’ kreditu prudenti, prattiki ta’ valutazzjoni sodi u rappurtar akkurat ta’ kwalunkwe deterjorament fil-kwalità tal-assi.

(31)Il-Kummissjoni timmonitorja l-progress tal-Bulgarija fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u verifika (cooperation and verification mechanism, CVM). L-aħħar rapport tas-CVM ta’ Ottubru 2019 innota li l-progress li sar mill-Bulgarija huwa biżżejjed biex jissodisfa l-impenji tal-Bulgarija li saru fiż-żmien tal-adeżjoni tagħha mal-UE. Il-Bulgarija wettqet riforma estensiva tal-qafas legali tagħha kontra l-korruzzjoni, madankollu, hemm bżonn rekord solidu ta’ kundanni finali f’każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli biex tinbena l-fiduċja pubblika. Barra minn hekk, għad hemm għadd ta’ sfidi, b’mod partikolari l-iżgurar ta’ investigazzjonijiet kriminali effettivi, l-ibbilanċjar mill-ġdid tax-xogħol bejn il-qrati, u s-simplifikazzjoni tal-uffiċċji lokali tas-servizzi tal-prosekuzzjoni. Dawn il-kwistjonijiet huma s-suġġett ta’ monitoraġġ fil-qafas tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u verifika. Skont dan il-mekkaniżmu, il-Kummissjoni tkompli tissorvelja r-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-Bulgarija. Dawn iż-żoni għalhekk mhumiex koperti mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għall-Bulgarija, iżda huma rilevanti għall-iżvilupp ta’ ambjent soċjoekonomiku pożittiv fil-pajjiż.

(32)Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għall-koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li tista’ tikkontribwixxi għal ekonomija sostenibbli. L-Istati Membri evalwaw il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom. Billi tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt, il-Bulgarija se tikkontribwixxi għall-progress lejn l-SDGs u għall-isforz komuni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà kompetittiva fl-Unjoni.

(33)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Bulgarija u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2020. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 u l-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Bulgarija fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Bulgarija iżda qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(34)Fid-dawl ta’ dik il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 u l-opinjoni tiegħu 9 hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Bulgarija tieħu azzjoni fl-2020 u fl-2021 biex:

1.F’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali mmirati biex tikseb pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment. Timmobilizza riżorsi finanzjarji adegwati biex issaħħaħ ir-reżiljenza, l-aċċessibbiltà u l-kapaċità tas-sistema tas-saħħa, u tiżgura distribuzzjoni ġeografika bbilanċjata ta’ ħaddiema tas-saħħa.

2.Tiżgura protezzjoni soċjali adegwata u servizzi essenzjali għal kulħadd u ssaħħaħ il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol. Ittejjeb l-aċċess għax-xogħol mill-bogħod u tippromwovi l-ħiliet diġitali u l-aċċess ugwali għall-edukazzjoni. Tindirizza n-nuqqasijiet fl-adegwatezza tal-iskema tal-introjtu minimu.

3.Tissimplifika u taċċellera l-proċeduri biex tipprovdi appoġġ effettiv għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju u għal dawk li jaħdmu għal rashom, filwaqt li tiżgura wkoll li dawn ikomplu jkollhom aċċess għall-finanzjament u għal arranġamenti ta’ ħlas flessibbli. Tavvanza l-proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u l-promozzjoni tal-investiment privat biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku. Tiffoka l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq il-produzzjoni u l-użu ndaf u effiċjenti tal-enerġija u r-riżorsi, l-infrastruttura ambjentali u t-trasport sostenibbli, u b’hekk tikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni progressiva tal-ekonomija, inkluż fir-reġjuni tal-faħam.

4.Timminimizza l-piż amministrattiv għall-kumpaniji billi ttejjeb l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika u ssaħħaħ il-gvern diġitali. Tiżgura funzjonament effettiv tal-qafas tal-insolvenza. Iżżid l-isforzi biex tiżgura valutazzjoni tar-riskju adegwata, mitigazzjoni, superviżjoni effettiva u infurzar tal-qafas ta’ kontra l-ħasil tal-flus.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3)    SWD(2020) 501 final.
(4)    ĠU C 301, 5.9.2019, p. 117–122.
(5)    COM(2020) 112 final.
(6)    COM(2020) 123 final.
(7)    Ir-Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa COVID‐19 (Inizjattiva ta’ Investiment b’Reazzjoni għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5) u r-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa ta’ COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).
(8)    SWD(2020) 501 final.
(9)    Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.