Brussell, 30.7.2020

COM(2020) 343 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar ir-rieżami tar-Regolament (UE) 2019/125 tas-16 ta’ Jannar 2019 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra


1.INTRODUZZJONI

Il-kummerċ ta’ oġġetti li jistgħu jintużaw għal (a) piena kapitali u (b) tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn huwa rregolat mir-Regolament (UE) 2019/125 1 (“ir-Regolament”). Dan ir-Regolament, li ġie adottat fl-2005, huwa riflessjoni tal-impenn qawwi tal-UE biex teqred it-tortura u l-piena tal-mewt.

Ir-Regolament tal-UE Kontra t-Tortura għen biex jingħalaq id-distakk kbir fil-kontrolli tal-kummerċ ibbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem. Introduċa restrizzjonijiet vinkolanti u bla preċedent għall-kummerċ fuq firxa ta’ oġġetti li spiss ikunu assenti mil-listi militari, ta’ użu doppju jew minn listi strateġiċi oħrajn ta’ kontroll tal-esportazzjoni. Ir-Regolament kien imfaħħar ħafna mill-komunità internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem: pereżempju, Theo van Boven, li qabel kien Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura, sejjaħ lir-Regolament pass importanti fil-ġlieda kontra t-tortura u mudell li jista’ jiġi segwit minn pajjiżi f’reġjuni oħrajn 2 .

Ir-Regolament ġie emendat darbtejn, fl-2011 u fl-2014, sabiex jiġu aġġornati u estiżi l-Annessi għar-Regolament li jelenka l-oġġetti pprojbiti u rregolati. Fl-2016, ir-Regolament, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet proċedurali tiegħu, ġie emendat b’mod sostanzjali.

F’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 32 tar-Regolament, dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament u l-impatt tiegħu bejn l-2017 u l-2019, b’hekk, minn meta ġie emendat l-aħħar fl-2016. Ir-rapport jindirizza b’mod partikolari l-oqsma li ġejjin: l-emendi għar-Regolament permezz ta’ atti delegati; il-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali; ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni, kif ukoll valutazzjoni tal-attivitajiet tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni Kontra t-Tortura u taċ-ċittadini tal-UE barra minn pajjiżhom.

Dan ir-rapport jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali lejn id-data ewlenija skont ir-Regolament u jivvaluta l-implimentazzjoni tar-Regolament b’rabta mal-prinċipji bażiċi ta’ rilevanza, effettività, effiċjenza, koerenza u valur miżjud tal-UE.

2.IR-REGOLAMENT (UE) 2019/125

2.1 Objettiv u dispożizzjonijiet ewlenin tar-Regolament (UE) 2019/125

L-objettiv tar-Regolament huwa li jimpedixxi l-piena kapitali, minn naħa waħda, u t-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn f’pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra. Huwa jiddistingwi l-oġġetti skont:

-jekk humiex abbużivi b’mod inerenti u jenħtieġ li ma jiġux ikkummerċjalizzati (l-Anness II), jew

-jekk jistax ikollhom użi leġittimi, bħal tagħmir għall-infurzar tal-liġi (l-Anness III), kif ukoll ċerti sustanzi kimiċi farmaċewtiċi (l-Anness IV), f’liema każ, il-kummerċ ta’ dawn l-oġġetti huwa soġġett għal ċerti restrizzjonijiet.

Għal dak l-għan, ir-Regolament jintroduċi restrizzjonijiet fuq il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi. B’mod partikolari, ir-Regolament:

I.jipprojbixxi l-importazzjonijiet fl-UE, l-esportazzjonijiet mill-UE u t-tranżitu minn ġol-UE ta’ oġġetti (elenkati fl-Anness II) li ma għandhom l-ebda użu prattiku ħlief għall-finijiet ta’ piena kapitali jew tortura. L-għoti ta’ kwalunkwe assistenza teknika relatata ma’ tali oġġetti, inkluż, speċifikament, taħriġ fl-użu tagħhom, huwa pprojbit ukoll. Barra minn hekk, ir-reklamar ta’ dawn l-oġġetti fuq l-internet, it-TV, ir-radju jew fil-fieri kummerċjali huwa pprojbit;

II.jissoġġetta l-oġġetti (elenkati fl-Anness III) li jistgħu jintużaw għal tali skopijiet, iżda li jista’ jkollhom ukoll użi leġittimi oħrajn (infurzar tal-liġi) għal awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni minn qabel, mogħtija skont il-każ; tali awtorizzazzjoni hija meħtieġa wkoll għall-forniment ta’ assistenza teknika jew servizzi ta’ senserija relatati ma’ din il-kategorija ta’ oġġetti. L-Anness III ma jinkludix: (a) l-armi tan-nar ikkontrollati mir-Regolament (UE) Nru 258/2012 3 ; (b) l-oġġetti b’użu doppju kkontrollati mir-Regolament (KE) Nru 428/2009 4 ; (ċ) l-oġġetti kkontrollati f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK 5 ;

III.jirregola l-kummerċ tal-oġġetti – sustanzi kimiċi jew sustanzi farmaċewtiċi (l-Anness IV) – li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali (eż. prodotti li jistgħu jintużaw għall-eżekuzzjoni tal-bnedmin permezz ta’ injezzjoni letali). Dawn l-oġġetti żdiedu mal-lista ta’ oġġetti li kienu soġġetti għal kontrolli tal-esportazzjoni fl-2011. Ġiet introdotta awtorizzazzjoni għal liċenzja distinta (“Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-UE”) sabiex tikkontrolla l-esportazzjoni ta’ tali sustanzi kimiċi anestetiċi u sabiex tipprevjeni t-trasferiment tagħhom għall-użu f’eżekuzzjonijiet ta’ injezzjoni letali mingħajr ma tillimita l-kummerċ ta’ tali sustanzi kimiċi għal skopijiet mediċi, veterinarji jew leġittimi oħrajn. Meta l-esportazzjoni ta’ prodotti mediċinali tkun teħtieġ awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni skont ir-Regolament u l-esportazzjoni tkun soġġetta wkoll għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni f’konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali li jikkontrollaw id-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi, bħall-Konvenzjoni tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi, l-Istati Membri jistgħu jużaw proċedura unika biex jissodisfaw l-obbligi imposti fuqhom minn dan ir-Regolament u mill-konvenzjoni rilevanti.

Ir-Regolament jinkludi listi dettaljati ta’ oġġetti msemmija taħt (i) hawn fuq bl-intestaturi li ġejjin:

-oġġetti u l-komponenti tagħhom maħsuba għall-eżekuzzjoni tal-bnedmin;

-oġġetti li mhumiex adatti għall-użu mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex irażżnu lill-bnedmin;

-apparat li jista’ jinġarr, kif ukoll ċerti tipi ta’ frosti, li mhumiex adatti għall-użu mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għall-fini ta’ kontroll tal-irvellijiet jew ta’ awtoprotezzjoni.

Oġġetti fil-kategorija (ii) li bħalissa jaqgħu taħt l-intestaturi li ġejjin:

-oġġetti maħsuba għat-trażżin tal-bnedmin;

-armi u apparat maħsuba għall-fini ta’ kontroll tal-irvellijiet jew ta’ awtoprotezzjoni;

-armi u tagħmir għat-tferrix ta’ sustanzi kimiċi inkapaċitanti jew irritanti għall-fini ta’ kontroll tal-irvellijiet jew ta’ awtoprotezzjoni u ċerti sustanzi relatati.

Oġġetti fil-kategorija (iii) jinkludu, b’mod partikolari, mediċini li huma partikolarment suxxettibbli li jintużaw f’injezzjonijiet letali. Sabiex jitnaqqas il-piż regolatorju li jitqiegħed fuq il-kumpaniji meta jesportaw mediċini li jsalvaw il-ħajja, ir-Regolament jinkludi sistema ta’ awtorizzazzjonijiet globali għall-esportazzjoni 6 li ma tirrikjedix li l-kumpaniji jfittxu awtorizzazzjonijiet individwali għall-esportazzjoni għal kull konsenja ta’ mediċini. Sabiex jingħataw awtorizzazzjoni globali, il-kumpaniji jridu juru li għandhom fis-seħħ kontrolli xierqa biex jipprevjenu l-bejgħ ta’ dawn il-mediċini għall-użu fl-eżekuzzjonijiet.

It-tranżitu (it-trasport fit-territorju doganali tal-UE ta’ oġġetti mhux tal-UE li jgħaddu minnu u li huma destinati għal pajjiżi terzi) tal-oġġetti msemmija fl-Anness II huwa pprojbit. It-tranżitu ta’ oġġetti rregolati elenkati fl-Anness III ġeneralment ma jkunx ipprojbit, iżda jkun ipprojbit jekk l-operatur li jeżegwixxi t-tranżitu tal-oġġetti “jkun jaf li kwalunkwe parti ta’ konsenja ta’ tali oġġetti tkun maħsuba biex tintuża għat-tortura jew għal trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn f’pajjiż terz”.

Ir-Regolament ma jikkontrollax l-importazzjoni fl-UE, jew it-trasferiment bejn l-Istati Membri tal-UE, ta’ tagħmir għall-infurzar tal-liġi u oġġetti relatati li jista’ jkollhom skopijiet leġittimi ta’ infurzar tal-liġi, iżda li jistgħu wkoll jintużaw ħażin għat-tortura u għal trattament ħażin ieħor. Ir-Regolament ma jipprojbixxix lanqas it-trasferiment ġewwa l-UE ta’ oġġetti intrinsikament abbużivi jew mhux xierqa.

Ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha tal-UE; huwa jpoġġi obbligi fuq l-“esportaturi”. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri huma responsabbli għall-monitoraġġ tal-konformità mal-projbizzjonijiet u r-rekwiżiti tal-liċenzjar tar-Regolament.

Ir-Regolament jesiġi li l-Istati Membri tal-UE jippubblikaw rapporti annwali tal-attivitajiet li jagħtu dettalji dwar l-applikazzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet tal-liċenzji rilevanti. Dan jinkludi aktar miżuri maħsuba biex jiffaċilitaw it-trasparenza u jiskoraġġixxu lil Stat Membru wieħed tal-UE milli jevita r-rifjut ta’ liċenzja tal-esportazzjoni ta’ Stat Membru ieħor. Fih ukoll dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw ir-rieżami u l-emendar regolari tal-listi ta’ oġġetti pprojbiti u rregolati, li jippermettu lill-Istati Membri tal-UE jindirizzaw talba debitament issostanzjata lill-Kummissjoni biex tiġi kkunsidrata.

2.2Restrizzjonijiet fuq il-kummerċ: strument ewlieni għall-prevenzjoni tat-tortura u l-piena tal-mewt

L-Artikolu 5 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħrajn kollha jistabbilixxu projbizzjoni komprensiva u mingħajr kundizzjonijiet tat-tortura u ta’ trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn.

7 Fl-2019, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) talbet lill-Istati kollha biex “jieħdu miżuri leġiżlattivi, amministrattivi, ġudizzjarji u oħrajn xierqa u effettivi biex jipprevjenu u jipprojbixxu l-produzzjoni, il-kummerċ, l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-użu ta’ tagħmir li ma għandux użu prattiku ħlief għall-iskop ta’ tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn.

Il-projbizzjoni assoluta tat-tortura minquxa fil-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti hija riflessa fil-livell tal-UE fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) 8 . L-Artikolu 2(2) tal-Karta jiddikjara li ħadd ma għandu jiġi kkundannat għall-piena tal-mewt jew għall-eżekuzzjoni. L-Artikolu 4 tal-Karta jiddikjara li ħadd ma għandu jkun soġġett għal tortura jew għal trattament jew pieni inumani jew degradanti.

Minkejja l-obbligi tal-Istati skont id-dritt internazzjonali, għadhom qegħdin iseħħu atti ta’ tortura u trattament ħażin ieħor. F’dawn l-aħħar snin, kien hemm rikonoxximent dejjem jikber mill-komunità internazzjonali tal-ħtieġa li jiġi rregolat u ristrett il-kummerċ ta’ ċertu tagħmir għall-infurzar tal-liġi sabiex jiġi żgurat li tali oġġetti ma jintużawx għat-tortura jew għal trattament ħażin ieħor.

Fl-2017 tnediet l-Alleanza għall-Kummerċ Ħieles mit-Tortura, li hija ispirata mir-Regolament tal-UE, promossa mill-Unjoni Ewropea u kosponsorjata mill-Arġentina u mill-Mongolja. Hija għandha l-għan li tagħmel il-kummerċ tal-oġġetti maħsuba biex jintużaw, għall-piena kapitali u għat-tortura, jew b’potenzjal għal dan l-użu ferm aktar diffiċli f’livell internazzjonali. Billi jissieħbu fl-Alleanza, il-pajjiżi jimpenjaw ruħhom, fost l-oħrajn, li jieħdu miżuri effettivi permezz ta’ leġiżlazzjoni domestika u infurzar effiċjenti biex jirrestrinġu l-kummerċ ta’ oġġetti użati għat-tortura u għall-piena tal-mewt.

F’Ġunju 2019, l-AĠNU adottat riżoluzzjoni importanti biex twitti t-triq għall-ħidma futura fil-livell tan-NU lejn l-istabbiliment ta’ standards internazzjonali komuni f’dan il-qasam 9 . Ir-riżoluzzjoni, milqugħa b’sodisfazzjon mill-Kunsill tal-UE 10 , tistieden lill-pajjiżi jeżaminaw il-fattibbiltà, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-parametri għal standards internazzjonali komuni possibbli għall-kummerċ tal-oġġetti rilevanti. Is-Segretarju Ġenerali tan-NU huwa mistenni jippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dik ir-riżoluzzjoni lill-74 sessjoni tal-AĠNU. Bħala t-tieni pass, u abbażi ta’ dak ir-rapport, se jitħejja rapport ieħor minn grupp ta’ esperti governattivi (innominati fis-sistema tan-NU, f’konformità mal-kriterji stipulati fir-riżoluzzjoni ta’ Ġunju 2019) li għandu jiġi ppreżentat lill-75 sessjoni tal-AĠNU sal-2021.

Min-naħa tiegħu, il-Kunsill tal-Ewropa (KtE) qed jesplora wkoll il-fattibbiltà ta’ inizjattiva f’dan il-qasam. Fit-28 ta’ Novembru 2019, il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-KtE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem qabel li jappoġġja proposta biex jiġu żviluppati linji gwida għall-KtE kollu li jinkoraġġixxu jew jiffaċilitaw il-kontrolli mill-Istati Membri tal-KtE dwar il-kummerċ ta’ oġġetti użati għat-tortura, għal trattament ħażin u għall-piena tal-mewt. Il-proposta tħeġġeġ ukoll lill-Istati kollha tal-KtE biex jissieħbu fl-Alleanza Globali għall-Kummerċ Ħieles mit-Tortura u jappoġġjaw il-proċess tan-NU biex jiġu żviluppati miżuri internazzjonali f’dan il-qasam. L-Iżvizzera, il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Montenegro għażlu li jsegwu l-mudell tar-Regolament, bir-Renju Unit li ħabbar ukoll li se jżomm id-dispożizzjonijiet tar-Regolament wara t-tluq tiegħu mill-UE.

2.3 Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-rapport (l-Artikolu 32 tar-Regolament)

L-Artikolu 32 tar-Regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta, sal-31 ta’ Lulju 2020, u kull ħames snin wara din id-data, rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatt lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jista’ jinkludi proposti għall-emendar tiegħu. Ir-Regolament jistipula li dan ir-rieżami se jivvaluta l-ħtieġa li jiġu inklużi l-attivitajiet taċ-ċittadini tal-UE barra mill-pajjiż.

L-Istati Membri huma meħtieġa jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni xierqa kollha għat-tħejjija tar-rapport. It-taqsimiet speċjali tar-rapport għandhom jittrattaw il-Grupp ta’ Koordinazzjoni Kontra t-Tortura stabbilit mir-Regolament (l-Artikolu 31) u l-attivitajiet tiegħu u jridu jipprovdu informazzjoni dwar il-miżuri meħuda mill-Istati Membri skont l-Artikolu 33(1) (penali).

Dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tar-Regolament minn meta ġie emendat l-aħħar fl-2016 sa tmiem l-2019, u b’hekk ikopri essenzjalment l-attivitajiet fl-2017, fl-2018 u fl-2019.

Ir-rapport jivvaluta wkoll l-implimentazzjoni tar-Regolament b’rabta mal-prinċipji bażiċi ta’ rilevanza, effettività, effiċjenza, koerenza u valur miżjud tal-UE. Tali valutazzjoni tiffoka fuq jekk ir-Regolament jissodisfax l-objettiv(i) ewlieni/ewlenin tiegħu u jekk tqajmux tħassib u sfidi ġodda mill-2016 ’il hawn. Dan jgħin sabiex jiġi ddeterminat jekk hijiex meħtieġa aktar azzjoni biex jiġu indirizzati kwalunkwe nuqqasijiet identifikati.

3.L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT

3.1Qafas regolatorju

Ir-Regolament inizjalment ġie adottat bħala r-Regolament (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra. Huwa ġie adottat fis-27 ta’ Ġunju 2005 u daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Lulju 2006 11 . L-aħħar emenda sostantiva ġiet adottata fl-2016 12 .

Ir-Regolament ġie kkodifikat bħala r-Regolament (UE) 2019/125 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra 13 .

3.1.1 Emendi għar-Regolament

Ir-Regolament ġie emendat darbtejn permezz ta’ atti delegati, darba matul il-perjodu ta’ rapportar, u darba fl-2020.

IR-REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/181 tat-18 ta’ Ottubru 2017 14 żied ir-Repubblika Dominicana, Sao Tome u Principe u t-Togo mal-lista tal-pajjiżi ta’ destinazzjoni li għalihom tapplika l-awtorizzazzjoni ġenerali għall-esportazzjoni tal-Unjoni (l-Anness V).

-IR-REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/621 tat-18 ta’ Frar 2020 15 emenda l-Anness I (li jaġġorna l-entrati ta’ diversi awtoritajiet kompetenti) u l-Anness V (li jżid il-Gambja u Madagascar mal-lista tal-pajjiżi ta’ destinazzjoni li għalihom tapplika l-awtorizzazzjoni ġenerali għall-esportazzjoni tal-Unjoni).

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex temenda l-lista ta’ oġġetti pprojbiti jew ikkontrollati, anki permezz ta’ “proċedura ta’ urġenza” meta r-raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jirrikjedu dan.

3.1.2 Miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali

Ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri huma responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu. L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiddeċiedu, skont il-każ, jekk jagħtux awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni jew jiċħdux applikazzjoni għall-oġġetti rregolati elenkati fl-Annessi III u IV għar-Regolament.

Sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni, ir-Regolament jesiġi li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jinnotifikaw lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħrajn kollha u lill-Kummissjoni jekk huma jirrifjutaw li joħorġu awtorizzazzjoni jew jannullaw awtorizzazzjoni eżistenti. Konsegwentement, kwalunkwe Stat Membru tal-UE li jikkunsidra li jawtorizza tranżazzjoni “essenzjalment identika” għal waħda miċħuda minn Stat Membru fit-3 snin wara ċ-ċaħda għandu jikkonsulta mal-Istat Membru li jkun iddeċieda dwar iċ-ċaħda. Madankollu, jekk tingħata awtorizzazzjoni, l-Istat Membru tal-awtorizzazzjoni jrid jipprovdi spjegazzjoni dettaljata tar-raġunament tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha. Meta jivvalutaw applikazzjoni, l-awtoritajiet għandhom iqisu l-kunsiderazzjonijiet dwar l-użu aħħari intenzjonat u r-riskju ta’ devjazzjoni għal skopijiet illeġittimi.

L-Istati Membri “ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni meta jkun hemm raġunijiet tajba biex wieħed jemmen li l-oġġetti elenkati fl-Anness III jistgħu jintużaw għat-tortura jew għal trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn, inkluża l-piena korporali ġudizzjarja, minn awtorità tal-infurzar tal-liġi jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jew jintużaw għall-piena kapitali f’pajjiż terz.

Ir-Regolament jelenka s-sorsi ta’ informazzjoni li ġejjin biex jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet:

-is-sentenzi disponibbli tal-qorti internazzjonali;

-is-sejbiet tal-korpi kompetenti tan-NU, tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-UE;

-ir-rapporti tal-Kumitat Ewropew tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Tortura u ta’ Trattament u Pieni Inumani jew Degradanti, u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn.

Informazzjoni oħra li jistgħu jużaw l-awtoritajiet meta jieħdu d-deċiżjonijiet tinkludi:

-is-sentenzi disponibbli tal-qorti nazzjonali;

-ir-rapporti minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; u

-informazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet tal-oġġetti elenkati fl-Annessi II u III applikati mill-pajjiż tad-destinazzjoni.

L-istess kriterji japplikaw meta tittieħed deċiżjoni dwar applikazzjonijiet relatati mal-provvista ta’ servizzi ta’ senserija jew assistenza teknika.

L-Istati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni bi 13-il ċaħda matul il-perjodu ta’ rapportar. Id-dettalji dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni maħruġa u miċħuda matul il-perjodu ta’ rapportar huma deskritti fit-Taqsima 3.5.

L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri huma mitluba wkoll jirreġistraw f’bażi tad-data tal-Kummissjoni d-data kollha dwar iċ-ċaħdiet tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni. Il-bażi tad-data tidentifika l-awtorità kompetenti rilevanti tal-UE, id-destinazzjoni finali, l-oġġett ikkonċernat, id-deskrizzjoni tal-oġġett, u l-isem tad-destinatarju, kif ukoll tal-utent aħħari.

Ir-Regolament jiddefinixxi mekkaniżmu għaż-żieda tal-oġġetti fl-Anness II, fl-Anness III jew fl-Anness IV, li jippermetti lil Stat Membru tal-UE jindirizza talba debitament issostanzjata lill-Kummissjoni biex tiġi kkunsidrata. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda talba bħal din matul il-perjodu ta’ rapportar.

Minbarra l-lista ta’ oġġetti li l-kummerċ tagħhom huwa pprojbit jew irregolat, ir-Regolament jinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri tal-UE jintroduċu b’mod awtonomu aktar miżuri nazzjonali biex jirregolaw il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti addizzjonali.

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu miżuri nazzjonali li jirrestrinġu t-trasportazzjoni, is-servizzi finanzjarji, l-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni, u r-reklamar jew il-promozzjoni ġenerali għall-oġġetti elenkati fl-Anness II. B’mod partikolari, ir-Renju Unit 16 iżomm restrizzjonijiet nazzjonali fuq il-moviment tal-oġġetti bejn pajjiżi terzi barra mill-UE.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu projbizzjoni fuq l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ manetti tas-saqajn, ktajjen għal grupp ta’ priġunieri u apparat tax-xokkijiet elettriċi portabbli. L-Istati Membri jistgħu jimponu wkoll rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ manetti ta’ daqs eċċessiv. Abbażi tal-informazzjoni magħmula disponibbli lill-Kummissjoni, il-Belġju 17 , il-Greċja 18 , il-Lussemburgu 19 , Spanja 20 u r-Renju Unit 21 għandhom tali restrizzjonijiet addizzjonali fis-seħħ. L-Ungerija u l-Italja għandhom ukoll miżuri relatati fis-seħħ. Is-Slovakkja għarrfet lill-Kummissjoni li se tibda proċess leġiżlattiv fl-2020 biex temenda l-att tagħha tal-2007 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti, li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, għat-tortura jew għal trattament krudili, inuman jew degradanti ieħor.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jinformaw lill-Kummissjoni bl-attivitajiet tagħhom skont ir-Regolament. Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, anki permezz tar-rapporti nazzjonali mħejjija skont l-Artikolu 26(3). Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni ħarġet rapport dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-Istati Membri fl-2017 u l-2018 għall-esportazzjonijiet ta’ oġġetti li jistgħu jintużaw għat-tortura jew għall-piena kapitali 22 . Rapport dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni fl-2019 huwa mistenni li jiġi adottat fit-tieni nofs tal-2020.

3.2Attivitajiet tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni Kontra t-Tortura

23 24 Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni Kontra t-Tortura (ATCG) ġie stabbilit wara l-emenda tal-2016 għar-Regolament u jservi biex “jeżamina kwalunkwe kwistjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.” L-ATCG, ippresedut mill-Kummissjoni, iservi bħala pjattaforma għar-rappreżentanti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jiskambjaw informazzjoni dwar il-prattiki amministrattivi. Barra minn hekk, meta tħejji atti delegati, il-Kummissjoni tikkonsulta mal-ATCG f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

L-ATCG kellu erba’ laqgħat matul il-perjodu ta’ rapportar: fit-12 ta’ Lulju 2017, fit-28 ta’ Ġunju 2018, fid-29 ta’ April 2019 u fis-17 ta’ Diċembru 2019.

25 F’konformità mal-Artikolu 31(4) tar-Regolament, il-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet, l-eżamijiet u l-konsultazzjonijiet tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni Kontra t-Tortura. Matul il-perjodu ta’ rapportar kopert minn dan ir-rapport, il-Kummissjoni adottat rapport f’Ottubru 2019 li jkopri s-snin 2017 u 2018. Fit-tieni nofs tal-2020, huwa mistenni li jiġi adottat rapport dwar l-attivitajiet tal-ATCG fl-2019.

L-ATCG kellu skambji tekniċi dwar l-għodod disponibbli fil-bażi tad-data elettronika tal-Kummissjoni, sistema sigura u kriptata maħluqa biex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-kwistjonijiet ta’ kontroll tal-esportazzjoni jiskambjaw informazzjoni mal-Kummissjoni. L-Artikolu 23(5) tar-Regolament jesiġi li l-awtoritajiet kompetenti jużaw dik is-sistema biex jikkomunikaw l-informazzjoni dwar każijiet fejn talba għal awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni ġiet miċħuda (imsejħa “ċaħdiet”).

L-ATCG iddiskuta l-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal ċerti tipi ta’ servizzi ta’ assistenza teknika u ta’ senserija stipulati fl-Artikoli 15 u 19 tar-Regolament. L-ATCG kellu wkoll skambji tekniċi dwar il-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament dwar l-inklużjoni tal-oġġetti elenkati fil-fieri kummerċjali u fir-reklamar, rispettivament. Dawn il-projbizzjonijiet ġew introdotti mill-emenda tal-2016 fir-Regolament. L-iskambji koprew b’mod partikolari l-gwida possibbli għall-awtoritajiet rilevanti, kif ukoll il-modalitajiet tal-infurzar. Ġie nnotat li kien hemm każijiet irrapportati ta’ oġġetti li kienu qed jiġu rreklamati fuq is-siti web ta’ xi fornituri Ewropej.

F’konformità mal-premessa 48, l-ATCG eżamina wkoll l-atti delegati proposti li jemendaw l-Annessi għar-Regolament, li eventwalment ġew adottati fit-18 ta’ Ottubru 2017 u fit-18 ta’ Frar 2020 (ara t-Taqsima 3.1.1 hawn fuq).

Aspett ieħor li deher fil-ħidma tal-ATCG kien jikkonċerna r-rekwiżiti ta’ rapportar tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Minbarra dawn id-diskussjonijiet, qed tinġabar firxa usa’ ta’ data dwar il-kummerċ għar-rapport annwali tal-Kummissjoni għall-2019.

Fl-aħħar nett, l-ATCG kellu skambju ta’ fehmiet dwar l-Alleanza għall-Kummerċ Ħieles mit-Tortura u l-progress lejn l-istandards internazzjonali komuni possibbli f’dan il-qasam. 

3.3Trasparenza u informazzjoni

L-Artikolu 26(3) tar-Regolament jesiġi li l-Istati Membri tal-UE jħejju rapport pubbliku tal-attività annwali, li jipprovdi informazzjoni dwar in-numru ta’ applikazzjonijiet riċevuti, dwar l-oġġetti u l-pajjiżi kkonċernati minn dawn l-applikazzjonijiet, u dwar id-deċiżjonijiet meħuda fuq dawn l-applikazzjonijiet.

Iċ-Ċekja 26 , id-Danimarka 27 , il-Ġermanja 28 , ir-Rumanija 29 u r-Renju Unit 30  informaw lill-Kummissjoni dwar ir-rapporti pubbliċi tal-attivitajiet annwali tagħhom tal-2019 31 . Għandu jiġi nnotat li skont l-Artikolu 26(3) tar-Regolament, ir-rapporti pubbliċi “ma għandhomx jinkludu informazzjoni li l-iżvelar tagħha huwa meqjus minn Stat Membru li jmur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu”.

Għadd limitat ta’ awtoritajiet kompetenti ppubblikaw informazzjoni fuq is-sit web tal-gvern tagħhom dwar ir-regoli u r-regolamenti applikabbli għall-oġġetti fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament sabiex l-operaturi ekonomiċi jiġu informati dwar il-proċeduri tal-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni u dwar rekwiżiti ulterjuri.

3.4Infurzar tal-kontrolli tal-esportazzjoni

L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri huma responsabbli għall-infurzar tal-kontrolli tal-esportazzjoni. F’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament, “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.” B’hekk, l-Istati Membri tal-UE jiżviluppaw il-penali nazzjonali applikabbli għall-ksur tar-Regolament minn persuni u entitajiet bl-istess mod.

Dawn il-penali nazzjonali jinkludu kemm sanzjonijiet amministrattivi kif ukoll kriminali, li tipikament ivarjaw minn multi pekunarji sa priġunerija, inkluża l-konfiska tal-oġġetti.

Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-awtoritajiet kompetenti ma informaw lill-Kummissjoni bl-ebda ksur tar-Regolament. Ir-Regolament ma jobbligax lill-awtoritajiet kompetenti biex jagħmlu dan.

3.5Awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni: Data ewlenija

Il-Kummissjoni tiġbor id-data mill-awtoritajiet kompetenti li tippermettilha li jkollha ħarsa ġenerali lejn l-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni mogħtija (jew miċħuda) b’rabta mal-oġġetti kkontrollati deskritti fl-Annessi III u IV għar-Regolament.

Abbażi tad-data mir-rapport tal-Kummissjoni 32 kemm għall-2017 kif ukoll għall-2018 u abbażi tad-data li qed tinġabar għar-rapport tal-2020 tal-Kummissjoni li jkopri l-2019 33 , l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni mogħtija (jew miċħuda) għall-perjodu 2017-2019 jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej 34 : Fl-2017, ġew irrapportati total ta’ 292 awtorizzazzjoni mogħtija minn 12-il Stat Membru. Fl-2018, 11-il Stat Membru rrapportaw li kienu taw total ta’ 231 awtorizzazzjoni. Fl-2019, ġew irrapportati total ta’ 281 awtorizzazzjoni mogħtija minn 10 Stati Membri 35 . B’hekk, l-għadd totali ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija matul il-perjodu kollu ta’ rapportar ta’ tliet snin jammonta għal 804.

Ħmistax-il Stat Membru informaw lill-Kummissjoni li matul il-perjodu ta’ rapportar ma rċevew l-ebda applikazzjoni għal awtorizzazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2019/125.

Ir-Regolament jimponi rekwiżit tal-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivverifikaw jekk hemmx indikazzjonijiet li, jekk jiġu esportati, l-oġġetti jistgħu jintużaw għat-tortura jew għal trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn (l-Anness III) jew għall-piena kapitali (l-Anness IV). Għal dak l-għan, l-Artikolu 20(8) tar-Regolament jistabbilixxi li jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tirċievi “l-informazzjoni kompluta b’mod partikolari dwar l-utenti aħħari, il-pajjiż tad-destinazzjoni u l-użu aħħari tal-oġġetti”.

Matul il-perjodu ta’ rapportar ta’ tliet snin, kien hemm 13-il applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni rrapportati bħala li ġew miċħuda: 4 fl-2017, 5 fl-2018 u 4 fl-2019.

L-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, li hija bbażata fuq id-data kkomunikata mill-awtoritajiet kompetenti, tippermetti lill-Kummissjoni tiddistingwi bejn l-użu aħħari għall-infurzar tal-liġi, il-kura tas-saħħa xjentifika, l-użu aħħari mid-ditti tas-sigurtà, l-użu aħħari mediku (fl-isptarijiet u l-użu veterinarju) tal-oġġetti elenkati fl-Anness IV, l-użu industrijali u l-esportazzjoni lejn ditti kummerċjali. Matul il-perjodu ta’ tliet snin kopert minn dan ir-rapport, ġew irrapportati 56 awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni li ngħataw għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi, 52 għal skopijiet ta’ xjenza/kura tas-saħħa, filwaqt li l-bqija (74) inħarġu għal skopijiet oħrajn, l-aktar għall-kummerċjanti u għad-ditti tas-sigurtà privati. Jenħtieġ li jiġi nnotat f’dan ir-rigward li mhux l-Istati Membri kollha jipprovdu rendikont sħiħ u/jew informazzjoni dwar l-utenti aħħarin u, bħala tali, id-data dwar l-użu aħħari ma taqbilx mal-għadd totali ta’ liċenzji msemmija hawn fuq.

3.6Iċ-ċittadini tal-UE barra minn pajjiżhom

Filwaqt li mhuwiex strettament parti mill-valutazzjoni ta’ kif jiġi implimentat ir-Regolament, l-Artikolu 32 tar-Regolament jipprevedi li r-rieżami se jivvaluta wkoll jekk huwiex meħtieġ li l-attivitajiet taċ-ċittadini tal-UE barra minn pajjiżhom jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Din it-taqsima tiddeskrivi l-oqsma fejn jistgħu jiġu vvalutati l-attivitajiet tal-kumpaniji stabbiliti fl-UE, taċ-ċittadini tal-UE, jew tar-residenti ta’ Stat Membru tal-UE li qegħdin jaġixxu f’pajjiżi terzi. Din tikkonċerna l-attivitajiet li ġejjin:

-Senserija, jiġifieri l-arranġament għat-trasferiment tat-tagħmir bejn pajjiżi terzi barra l-UE, fejn l-oġġetti ma jidħlux fit-territorju doganali tal-UE u fejn tali attivitajiet jitwettqu minn entitajiet tal-UE barra mill-UE:

Ir-Regolament la jipprojbixxi l-attivitajiet ta’ senserija għall-oġġetti elenkati fl-Anness II u lanqas jikkontrolla l-attivitajiet ta’ senserija għall-oġġetti elenkati fl-Anness III meta jitwettqu minn sensara tal-UE li joperaw barra mill-UE.

-Promozzjoni/kummerċjalizzazzjoni ta’ oġġetti u servizzi rilevanti minn entitajiet tal-UE barra mill-UE, jew il-faċilitazzjoni ta’ tali kummerċjalizzazzjoni, pereżempju, permezz tal-organizzazzjoni tal-armi, is-sigurtà, u wirjiet u fieri relatati f’pajjiżi terzi:

L-Artikolu 8 tar-Regolament jipprojbixxi lil “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, inkluża sħubija, sew jekk residenti jew stabbilita fi Stat Membru jew le, turi jew joffri għall-bejgħ kwalunkwe oġġett minn dawk elenkati fl-Anness II f’wirja jew f’fiera li tittella’ fl-Unjoni” (enfasi miżjuda).

-Forniment ta’ assistenza teknika u taħriġ fl-użu ta’ tagħmir jew tekniki għall-infurzar tal-liġi minn entitajiet tal-UE lil forzi militari, tas-sigurtà jew tal-pulizija, jew lil atturi mhux statali, bħal kumpaniji tas-sigurtà privati, f’pajjiżi terzi:

L-Artikolu 7 tar-Regolament jipprojbixxi lil “fornitur ta’ assistenza teknika jew sensar” milli “jipprovdi jew joffri, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp f’pajjiż terz, taħriġ dwar l-użu tal-oġġetti elenkati fl-Anness II”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15, l-Istati Membri huma meħtieġa jawtorizzaw speċifikament il-forniment ta’ “assistenza teknika relatata” għall-oġġetti elenkati fl-Anness III. Il-forniment ta’ assistenza teknika, inkluż it-taħriġ, huwa pprojbit jew ikkontrollat biss meta dan ikun direttament għal tagħmir kopert mir-Regolament (l-Anness II jew l-Anness III). L-assistenza teknika tista’ tingħata b’mod indipendenti mill-provvista tat-tagħmir fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

Żewġ organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) li jittrattaw id-drittijiet tal-bniedem u li huma involuti fil-valutazzjoni tar-rieżami ġibdu l-attenzjoni għall-każ taċ-ċittadini tal-UE li joperaw barra mill-UE li kienu involuti fil-forniment, pereżempju, ta’ servizzi ta’ taħriġ fl-infurzar tal-liġi u s-sigurtà fl-użu mhux xieraq jew abbużiv ta’ tagħmir għall-infurzar tal-liġi. Huma ġibdu wkoll l-attenzjoni għall-każ ta’ kumpaniji li jorganizzaw fieri jew wirjiet tal-armi f’pajjiżi terzi. B’mod partikolari, huma jqisu li jenħtieġ li r-restrizzjoni ġeografika attwali deskritta fl-Artikolu 8 titneħħa u li jenħtieġ li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp tal-UE jkunu pprojbiti milli jippromwovu l-oġġetti elenkati fl-Anness II f’wirjiet jew f’fieri, irrispettivament mill-pajjiż li fih ikunu qed jittellgħu. Barra minn hekk, huma jqisu li jenħtieġ li jiġu introdotti kontrolli (jew permezz tar-Regolament jew inkella permezz ta’ miżuri xierqa oħrajn) biex jirregolaw il-forniment ta’ tagħlim jew taħriġ mill-istabbilimenti edukattivi rilevanti kollha, sabiex tali forniment ma jippromwovix jew ma jinkludix politiki u prattiki mhux xierqa jew abbużivi, jew tekniki li jistgħu jiffaċilitaw jew jintużaw fit-tortura jew fi trattament ħażin ieħor f’pajjiżi terzi.

L-indirizzar tal-kwistjonijiet enfasizzati joħloq diffikultajiet b’rabta mal-firxa territorjali tal-ġuriżdizzjoni tal-UE. Fid-dritt internazzjonali, fil-prinċipju, il-ġuriżdizzjoni hija territorjali u ma tistax tiġi eżerċitata minn Stat barra t-territorju tiegħu, ħlief bis-saħħa ta’ regola permissiva derivata minn konswetudni internazzjonali jew minn konvenzjoni. Madankollu, hemm eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju, li huma rilevanti hawnhekk. Pereżempju, id-dritt internazzjonali jippermetti li jiġu ppenalizzati l-attivitajiet ekstraterritorjali taċ-ċittadini ta’ Stat f’dak li għandu x’jaqsam ma’ reati kriminali mwettqa barra mit-territorju tiegħu 36 . Fil-każ ta’ reati partikolarment serji li jkunu ġew soġġetti għal ġuriżdizzjoni universali permezz ta’ trattat multilaterali 37  jew skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju, bħal ġenoċidju , reati tal-gwerra , reati kontra l-umanità u t-tortura, Stat jista’ jeżerċita l-ġuriżdizzjoni fir-rigward tar-reati, irrispettivament mill-post fejn isir ir-reat u irrispettivament min-nazzjonalità tal-awtur tar-reat jew tal-vittma. 

Jenħtieġ li d-deċiżjonijiet unilaterali li tiġi eżerċitata l-ġuriżdizzjoni lil hinn mit-territorju tal-UE jiġu kkunsidrati bir-reqqa fid-dawl tad-dritt u l-prattika internazzjonali. Minħabba li jekk Stat jistax jeżerċita b’mod leġittimu l-ġuriżdizzjoni ekstraterritorjali hija kwistjoni tad-dritt internazzjonali, huwa importanti ssir promozzjoni vigoruża u effettiva tal-kummerċ ħieles mit-tortura fil-fora internazzjonali xierqa sabiex ir-rispons globali jiġi estiż għall-objettivi li jimmira li jippromwovi r-Regolament. 

Jistgħu jiġu esplorati wkoll miżuri xierqa oħrajn, pereżempju, miżuri li jippromwovu trasparenza u sensibilizzazzjoni akbar jew miżuri li jippromwovu konformità effettiva mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem 38 . Tabilħaqq, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem jiddikjaraw li jenħtieġ li n-negozji jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem. Jenħtieġ li huma ma jiksrux id-drittijiet tal-bniedem ta’ oħrajn u jenħtieġ li jindirizzaw l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem. L-indirizzar tal-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem jesiġi li jittieħdu miżuri xierqa għall-prevenzjoni, il-mitigazzjoni u, fejn xieraq, ir-rimedju tagħhom.

4.VALUTAZZJONI TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT

4.1Il-kriterji tal-valutazzjoni u s-sorsi tad-data

Filwaqt li tinkorpora l-kriterji ta’ valutazzjoni sostantiva tal-Artikolu 32 tar-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat il-prestazzjoni tar-Regolament f’konformità mal-Linji Gwida tagħha dwar Regolamentazzjoni Aħjar, 39 billi evalwat l-elementi li ġejjin:

-Rilevanza: Il-punt sa fejn l-objettivi ġenerali tar-Regolament, it-tfassil tiegħu u l-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali previsti fir-Regolament jirrispondu għall-prijoritajiet tal-UE fiż-żmien meta ġie adottat ir-Regolament, kif ukoll għall-prijoritajiet attwali tal-UE.

-Effiċjenza: Il-punt sa fejn ir-Regolament qed jagħti riżultati effiċjenti. Dan ikopri l-effiċjenza tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri u s-sorveljanza mill-Kummissjoni Ewropea , filwaqt li jivvaluta jekk hemmx xi lakuni jew duplikazzjonijiet fir-rekwiżiti tal-informazzjoni, li jistgħu jimminaw l-effettività jew l-implimentazzjoni effiċjenti tar-Regolament u jekk ir-rekwiżiti tar-rapportar humiex adegwati u proporzjonati.

-Effettività: Il-punt sa fejn ir-Regolament qed jilħaq l-objettivi tiegħu u l-prijoritajiet tal-UE.

-Koerenza u komplementarjetà: Il-punt sa fejn ir-Regolament jiffaċilita l-koerenza u l-komplementarjetà ma’ inizjattivi rilevanti oħrajn tal-UE u tal-Istati Membri.

-Valur miżjud tal-UE: Il-punt sa fejn ir-Regolament iżid il-valur ma’ miżuri individwali mill-Istati Membri tal-UE.

40 Is-sorsi ewlenin ta’ informazzjoni għall-ġbir tal-evidenza għall-valutazzjoni kienu sottomissjonijiet bil-miktub, li jinkludu studju, stħarriġ, intervisti u workshop ma’ partijiet interessati ewlenin.

Fil-workshop tal-partijiet interessati ħadu sehem aktar minn 30 parteċipant. Dawn kienu ġejjin minn firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet, inklużi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea, organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU u l-Kunsill tal-Ewropa, u NGOs.

Il-valutazzjoni tad-data u tal-informazzjoni miġbura wasslet għas-sejbiet li ġejjin.

4.2Rilevanza

4.2.1 Kunsiderazzjonijiet ta’ politika

Ir-Regolament, kif adottat inizjalment fl-2005, irrisponda għall-ħtieġa ta’ “regoli tal-Unjoni dwar il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi ta’ oġġetti li jistgħu jintużaw għall-finijiet tal-piena kapitali, u ta’ oġġetti li jistgħu jintużaw għall-finijiet tat-tortura u ta’ trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn.” Dawn ir-regoli kellhom l-għan li jimlew lakuna identifikata fil-kontrolli tal-kummerċ ibbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-UE u kienu jikkostitwixxu l-ewwel strument vinkolanti tad-dinja li jindirizza speċifikament il-kwistjoni. Sabiex tinżamm ir-rilevanza tiegħu, ir-Regolament ġie emendat fl-2011, fl-2014 u fl-2016.

Minbarra li jikkostitwixxi l-ewwel qafas operattiv tad-dinja biex jirregola l-kummerċ ta’ oġġetti relatati mat-tortura, ir-rilevanza attwali tiegħu hija kkonfermata mir-rwol li kellu bħala sors ta’ ispirazzjoni għall-ħidma f’dan il-qasam minn pajjiżi u organizzazzjonijiet oħrajn. L-aktar notevoli, huwa serva bħala ispirazzjoni għad-deċiżjoni min-NU li jiġu żviluppati standards internazzjonali komuni dwar il-kummerċ ta’ għodod tat-tortura 41 . Ir-Regolament huwa kkreditat ukoll li jispira l-iżvilupp ta’ miżuri għar-reġjun kollu tal-Kunsill tal-Ewropa (KtE) maħsuba biex jindirizzaw il-kummerċ ta’ tagħmir li jintuża għat-tortura, għat-trattament ħażin u għall-piena tal-mewt.

It-tisħiħ ulterjuri tar-rilevanza perċepita ta’ dan l-istrument huwa l-fatt li xi Stati Membri li mhumiex fl-UE għażlu li jsegwu l-mudell tar-Regolament, pereżempju, l-Iżvizzera, il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Montenegro, bir-Renju Unit iħabbar ukoll li se jkun qed iżomm id-dispożizzjonijiet tar-Regolament wara t-tluq tiegħu mill-UE.

4.2.2 Ir-rilevanza tal-oġġetti u tas-servizzi koperti

Ir-Regolament bħalissa jkopri firxa wiesgħa ta’ oġġetti relatati mal-piena kapitali u t-tortura.

Fir-rigward tal-kopertura tar-Regolament f’termini ta’ oġġetti, attivitajiet u persuni, l-Artikolu 25 tar-Regolament jistipula li kull Stat Membru jista’ jindirizza talba debitament issostanzjata lill-Kummissjoni biex iżżid oġġetti mal-Anness II, l-Anness III jew l-Anness IV. Matul il-perjodu taħt rieżami, ma saret l-ebda talba bħal din.

Żewġ NGOs għad-drittijiet tal-bniedem, li involvew ruħhom fl-eżerċizzju ta’ rieżami, iqisu b’mod partikolari li jenħtieġ li r-Regolament ikun jista’ jirrispondi għall-bidliet fis-suq tas-sigurtà internazzjonali, fejn l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq qegħdin iseħħu ta’ spiss. Fil-fehma tagħhom, jenħtieġ li r-Regolament iqis ukoll il-bidliet fin-natura tal-użu, u l-użu ħażin, tat-tagħmir għall-infurzar tal-liġi. Il-każ partikolari tal-markar mill-ġdid tal-prodotti għaċ-ċirkomvenzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tqajjem ukoll bħala punt ta’ tħassib, li jikkonferma l-ħtieġa għal aġġornament regolari tal-listi ta’ oġġetti koperti. Skont dawn l-NGOs, uħud mill-oġġetti li bħalissa huma elenkati fl-Anness III jistgħu jiġu ttrasferiti għall-Anness II, bħal armi tax-xokkijiet elettriċi b’kuntatt dirett (inklużi lembubi tax-xokkijiet elettriċi, tarki u stun guns), u oġġetti oħrajn jistgħu jiżdiedu wkoll b’mod utli, bħal barnużi u għamad tal-ħabs, siġġijiet tat-trażżin, twavel u sodod biċ-ċineg maħsuba għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi. Skont dawn l-NGOs, għall-Anness III, l-oġġetti kkontrollati li jistgħu jiżdiedu jinkludu “manetti standard”, armi li jinżammu fl-idejn u ċerti armi b’impatt kinetiku varati.

L-aġenti għall-kontroll tal-irvellijiet jippreżentaw kwistjoni speċifika. F’dawn l-aħħar snin, kien hemm żieda fid-disponibbiltà u l-użu tagħhom. Żewġ NGOs għad-drittijiet tal-bniedem, li involvew ruħhom fil-valutazzjoni tar-rieżami, iqisu li dawn mhumiex koperti b’mod adegwat mir-Regolament, minħabba li hemm ċertu grad ta’ inkonsistenza mal-“lista militari komuni” tal-UE 42 . Meta jiġi żviluppat (u rivedut) ir-Regolament, l-oġġetti li diġà huma koperti minn strumenti oħrajn tal-UE kienu speċifikament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Fil-prattika, din l-esklużjoni wasslet għal sitwazzjoni fejn ir-Regolament ikopri l-kontroll ta’ xi aġenti għall-kontroll tal-irvellijiet, bħal sprej tal-bżar u OC (oleoresin capsicum), iżda mhux dawk li huma elenkati fil-lista militari komuni. L-NGOs għad-drittijiet tal-bniedem involuti fl-eżerċizzju ta’ rieżami jindikaw li dawn l-aġenti għall-kontroll tal-irvellijiet li bħalissa mhumiex koperti mir-Regolament spiss jintużaw sabiex jiffaċilitaw jew iwettqu t-tortura u trattament ħażin ieħor jew repressjoni interna.

Fil-każ tal-oġġetti elenkati fl-Anness IV, ir-Regolament jelenka ċerti sustanzi kimiċi/mediċini maħsuba biex isalvaw u jtejbu l-ħajja u s-saħħa tal-pazjenti, iżda li jistgħu jiġu mfittxija għall-użu f’injezzjoni letali. Skont organizzazzjoni waħda involuta fil-prevenzjoni tal-użu ħażin tal-mediċini f’injezzjonijiet letali, ir-Regolament ikopri 2 mill-14-il mediċina li bħalissa huma elenkati fil-protokolli tal-injezzjonijiet letali federali u statali tal-Istati Uniti. Għall-kuntrarju tal-oġġetti elenkati fl-Annessi II u III, dawk it-tipi ta’ sustanzi kimiċi u mediċini jissodisfaw funzjoni essenzjali ta’ salvataġġ tal-ħajja u, għalhekk, il-miżuri li jistgħu jillimitaw il-kummerċ tagħhom jeħtieġ li jiġu vvalutati bir-reqqa biex jiġi evitat li tali kummerċ ta’ provvisti mediċi leġittimi li jsalvaw il-ħajja jiġi affettwat b’mod negattiv. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota r-reġim ta’ awtoregolamentazzjoni adottat minn bosta kumpaniji tal-UE, li volontarjament japplikaw diversi protokolli ta’ distribuzzjoni meqjusa minn diversi gruppi ta’ partijiet interessati bħala li qed jipprevjenu użu mhux xieraq ta’ mediċini esportati mill-UE.

Meta tkun qed tiġi vvalutata r-rilevanza tal-oġġetti u s-servizzi koperti, tista’ tiġi kkunsidrata wkoll l-introduzzjoni ta’ klawżola mmirata għall-użu aħħari jew klawżola onnikomprensiva fir-Regolament. L-NGOs għad-drittijiet tal-bniedem involuti fl-eżerċizzju ta’ rieżami u awtorità ta’ Stat Membru kienu favur l-introduzzjoni ta’ klawżola bħal din. F’termini konkreti, klawżola bħal din tippermetti lill-Istati Membri individwali tal-UE jwaqqfu trasferiment speċifiku ta’ ċertu oġġett li mhuwiex elenkat speċifikament fl-Annessi II jew III tar-Regolament. Għandu jkun instab b’mod ċar li tali oġġett ma għandu l-ebda użu prattiku għajr għall-piena kapitali, għat-tortura jew għal trattament ħażin ieħor. Il-klawżola tista’ tkopri wkoll każijiet fejn ikun hemm evidenza li t-trasferiment potenzjali tal-oġġett mhux elenkat jirriżulta fl-użu tiegħu għal finijiet bħal dawn.

Fir-rigward tas-servizzi inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, jiġifieri s-servizzi ta’ senserija, l-assistenza teknika, it-taħriġ u r-reklamar relatati mal-oġġetti koperti mir-Regolament, il-valutazzjoni ma sabet l-ebda indikazzjoni li se tkun meħtieġa emenda f’dan ir-rigward. Madankollu, ta’ min jinnota li l-provvista ta’ assistenza teknika, inkluż it-taħriġ, hija pprojbita jew ikkontrollata biss meta tkun direttament għal tagħmir kopert mir-Regolament (l-Anness II jew l-Anness III).

4.2.3 Ir-rilevanza taż-żieda tal-kummerċ intra-UE

Matul il-konsultazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament, kien hemm suġġerimenti biex il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament jiġi estiż sabiex ikopri l-kummerċ intra-UE tal-oġġetti elenkati fl-Anness II u fl-Anness III, kif ukoll l-importazzjoni tal-oġġetti elenkati fl-Anness III lejn l-UE. Inizjalment, ir-Regolament kien qed jirrispondi għall-kunsiderazzjoni li kien “xieraq li jiġu stabbiliti regoli Komunitarji dwar il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi ta’ oġġetti li jistgħu jintużaw għall-finijiet tal-piena kapitali u ta’ oġġetti li jistgħu jintużaw għall-finijiet tat-tortura u ta’ trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn.” Din l-enfasi fuq ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi kienet speċifikata b’mod ċar fil-preambolu, li jiddikjara li “l-miżuri ta’ dan ir-Regolament huma maħsuba biex jipprevjenu kemm il-piena kapitali kif ukoll it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn f’pajjiżi terzi. Huma jinkludu restrizzjonijiet fuq il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi ta’ oġġetti li jistgħu jintużaw għall-finijiet tal-piena kapitali jew għall-finijiet tat-tortura u ta’ trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn. Mhuwiex meqjus neċessarju li jiġu stabbiliti kontrolli simili fuq tranżazzjonijiet fil-Komunità minħabba li, fl-Istati Membri, il-piena kapitali ma teżistix u l-Istati Membri jkunu adottaw miżuri xierqa biex jipprojbixxu u jipprevjenu t-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn.”

Żewġ NGOs għad-drittijiet tal-bniedem b’għarfien espert dwar il-kummerċ ta’ oġġetti li jistgħu jintużaw għat-tortura jew għal trattament ħażin sostnew li jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament jiġi estiż sabiex ikopri l-importazzjoni lejn l-UE jew it-trasferiment intra-UE ta’ tagħmir għall-infurzar tal-liġi u oġġetti relatati li jkollhom finijiet leġittimi ta’ infurzar tal-liġi, iżda li jistgħu jintużaw ħażin.

Ir-Regolament jiffoka b’mod ċar fuq ir-restrizzjoni tal-kummerċ ma’ pajjiżi terzi. Għalhekk, ir-regolazzjoni tal-importazzjoni ta’ tagħmir għall-infurzar tal-liġi fl-UE u tat-trasferiment intra-UE tiegħu biex jiġu indirizzati l-allegati każijiet ta’ tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn fl-UE permezz tar-Regolament ma tidhirx li hija koerenti mal-objettivi ddikjarati tar-Regolament. Għodod u mezzi oħrajn relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li huma disponibbli bħalissa għall-Unjoni Ewropea u għall-Istati Membri tagħha jistgħu jitqiesu aktar xierqa f’dan ir-rigward.

4.3Effiċjenza

4.3.1 Awtorizzazzjonijiet u ċaħdiet

Abbażi tad-data ppreżentata f’dan ir-rapport u fir-Rapport preċedenti tal-Kummissjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni fl-2017 u fl-2018 43 (ara t-Taqsima 3.5), ta’ min jinnota li hemm għadd sinifikanti ta’ Stati Membri (15) li ma rrapportaw l-ebda awtorizzazzjoni matul il-perjodu ta’ tliet snin. Barra minn hekk, xi Stati Membri jirrapportaw ferm aktar awtorizzazzjonijiet minn oħrajn.

Id-data ppreżentata turi wkoll għadd limitat ta’ ċaħdiet ta’ awtorizzazzjonijiet għall-oġġetti (13 minn 4 Stati Membri matul il-perjodu ta’ tliet snin), bis-servizzi koperti mir-Regolament ma jkunux is-suġġett ta’ xi awtorizzazzjoni (jew ċaħda). L-implimentazzjoni hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri. Bħalissa hemm biss informazzjoni limitata disponibbli dwar kwistjonijiet bħall-proċeduri nazzjonali ta’ valutazzjoni tar-riskju u l-monitoraġġ tal-użu aħħari tal-oġġetti u s-servizzi esportati.

Mill-informazzjoni ppreżentata hawn fuq, jidher li hemm bżonn ta’ xi forma ta’ gwida tal-Unjoni Ewropea jew fuq l-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (pereżempju, fir-rigward tad-definizzjoni tal-oġġetti koperti, valutazzjonijiet tar-riskju, ċaħdiet, notifiki, eċċ.) u għal aktar informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti dwar kif ir-Regolament qed jiġi applikat fil-prattika.

4.3.2 Rapportar

Kif indikat fit-Taqsima 3.3, l-Artikolu 26(3) tar-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti tar-rapportar tal-awtoritajiet kompetenti. Ħames Stati Membri kkonfermaw li huma jippubblikaw ir-rapporti annwali tal-attivitajiet skont l-Artikolu 26(3) tar-Regolament. Għandu jiġi nnotat li skont l-Artikolu 26(3) tar-Regolament, ir-rapporti pubbliċi “ma għandhomx jinkludu informazzjoni li l-iżvelar tagħha huwa meqjus minn Stat Membru li jmur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu”.

Il-livell ta’ dettall inkluż f’dawk ir-rapporti annwali mhux dejjem jista’ jippermetti li ssir valutazzjoni preċiża tal-implimentazzjoni tar-Regolament fil-livell nazzjonali. Ftit Stati Membri jipprovdu informazzjoni disponibbli għall-pubbliku dwar proċeduri għar-riskju tal-oġġetti jew dwar il-miżuri ta’ segwitu meħuda għall-monitoraġġ tal-użu aħħari u lanqas ma jindikaw il-volum u l-valur tal-oġġetti relatati jew jekk ġewx applikati penali għal ksur tar-Regolament. Bl-istess mod, hemm informazzjoni limitata disponibbli dwar il-mekkaniżmu ta’ notifika u konsultazzjoni tal-Artikolu 23.

L-Artikolu 26(4) jirrikjedi li l-Kummissjoni tippubblika rapport annwali tal-attività. F’Ottubru 2019 ġie ppubblikat rapport wieħed għall-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni tal-Istati Membri fl-2017 u l-2018, filwaqt li fl-2020 ġie adottat rapport ieħor li jkopri l-2019. Il-formola tar-rapportar għall-2019 titlob data dwar firxa usa’ ta’ kwistjonijiet. Informazzjoni rilevanti oħra li tista’ tiġi inkorporata b’mod utli fl-eżerċizzju ġenerali tar-rapportar annwali tinkludi informazzjoni dwar il-ksur identifikat u l-penali applikati. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata trasparenza akbar, jistgħu jiġu inklużi wkoll aspetti oħrajn bħall-valur u l-volum tal-esportazzjonijiet.

4.4Effettività

Ir-Regolament laħaq l-objettiv speċifiku li jikkontrolla b’mod aktar effettiv il-kummerċ tal-UE ma’ pajjiżi terzi f’oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali jew għat-tortura u għal trattament jew pieni krudili, degradanti jew inumani oħrajn. Skont awtorità ta’ Stat Membru, ir-Regolament għamilha aktar faċli li jiġu interċettati l-oġġetti rilevanti, filwaqt li l-kummerċjanti ġew skoraġġuti milli jipprovaw jesportaw oġġetti pprojbiti (kif muri mill-firxa limitata ta’ tali kummerċ b’mod ġenerali).

Madankollu, aktar informazzjoni dwar l-impożizzjoni ta’ penali mill-Istati Membri tal-UE skont l-Artikolu 33 tar-Regolament tkun ta’ interess sabiex jiġi vvalutat aħjar kemm qed jiġi identifikat u ppenalizzat il-ksur tar-Regolament. Filwaqt li l-Kummissjoni għandha stampa kważi sħiħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ fl-Istati Membri tal-UE fir-rigward tal-penali applikabbli għall-ksur, hija ma għandhiex biżżejjed informazzjoni dwar jekk l-awtoritajiet applikawx dawk il-penali f’każijiet partikolari ta’ ksur.

L-għan usa’ li tingħata għajnuna għall-prevenzjoni tal-piena kapitali u t-tortura u ta’ trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn f’pajjiżi terzi huwa aktar diffiċli biex jiġi vvalutat, minħabba li hemm ħafna fatturi oħrajn li jikkontribwixxu għal dan. Ir-restrizzjoni tal-kummerċ ta’ dawn l-oġġetti u s-servizzi hija biss element wieħed fil-ġlieda kontra t-tortura. Barra minn hekk, it-tortura u trattament ħażin ieħor ma jiddependux biss fuq għodod sofistikati; ħafna drabi jintużaw l-aktar strumenti bażiċi u faċilment disponibbli, eż. lembubi, lembubi qosra, manetti standard u forza fiżika eċċessiva.

4.5Koerenza u komplementarjetà

Sabiex tiġi żgurata l-komplementarjetà, ir-Regolament jagħmel referenza speċifika għal strumenti jew oqfsa relatati oħrajn tal-UE u jeskludi espressament l-oġġetti li jkopru mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Ir-Regolament ikopri l-materjali mhux elenkati fi kwalunkwe strument legali ieħor u, f’dak ir-rigward, huwa komplementari għal oqfsa regolatorji Ewropej oħrajn. Ir-Regolament jevita li jimmira lejn oġġetti relatati ma’ Regolamenti oħrajn u li għalihom diġà hemm sistema ta’ awtorizzazzjoni fis-seħħ, jiġifieri:

I.l-armi tan-nar ikkontrollati mir-Regolament (UE) Nru 258/2012;

II.l-oġġetti b’użu doppju kkontrollati mir-Regolament (KE) Nru 428/2009;

III.l-oġġetti kkontrollati f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u mal-lista militari komuni assoċjata 44 .

Filwaqt li dan l-approċċ għall-iżgurar tal-komplementarjetà bejn l-istrumenti ta’ kontroll tal-esportazzjoni fil-biċċa l-kbira rnexxa, dehru xi inkonsistenzi. Kif indikat hawn fuq, dan huwa l-każ għall-aġenti għall-kontroll tal-irvellijiet. Xi wħud, bħall-isprej tal-bżar u l-Oleoresin Capsicum (OC), huma inklużi fir-Regolament, filwaqt li oħrajn elenkati fil-lista militari komuni, bħall-gassijiet tad-dmugħ komuni (gass CS, gass CR u gass CN), mhumiex inklużi, minkejja li dawn spiss jintużaw għall-iffaċilitar jew it-twettiq tat-tortura u ta’ trattament ħażin ieħor. Ikun xieraq li jiġi esplorat kif l-aħjar li jiġi żgurat li ż-żewġ strumenti jkunu aktar konsistenti, li l-proċessi tal-approvazzjoni tal-liċenzji jkunu uniformi u li n-notifiki taċ-ċaħda jiġu ċċirkolati taħt iż-żewġ reġimi ta’ kontroll.

Bl-istess mod, għalkemm l-UE stabbilixxiet embargos fuq l-armi biex tirrispondi b’mod espliċitu għall-każijiet ta’ “repressjoni interna” u għal dak l-iskop żviluppat lista ta’ tagħmir użat għal “repressjoni interna”, dik il-lista ma tinkludix l-oġġetti koperti mir-Regolament. Tista’ tiġi esplorata l-possibbiltà li jiġu inklużi b’mod espliċitu ċerti oġġetti elenkati fl-Anness III ikkontrollati mir-Regolament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-embargos li jirreferu speċifikament għat-tħassib relatat mar-“repressjoni interna”.

Fir-rigward tal-objettiv usa’ tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, ir-Regolament huwa fil-biċċa l-kbira koerenti ma’ strumenti u inizjattivi rilevanti oħrajn tal-UE u huwa komplementari għalihom. Madankollu, hemm lok għal sinerġiji akbar bejn ix-xogħol ta’ monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżi terzi, minn naħa, u l-kontrolli fuq l-użu aħħari tal-oġġetti u s-servizzi esportati skont ir-Regolament, min-naħa l-oħra.

Kien hemm livell għoli ta’ koerenza u komplementarjetà mal-inizjattivi fuq livell globali u reġjonali (l-Alleanza għall-Kummerċ Ħieles mit-Tortura, il-Kunsill tal-Ewropa). Matul l-aħħar tliet snin, l-Unjoni Ewropea (kemm fil-livell tekniku kif ukoll f’dak diplomatiku) kienet fuq quddiem fl-inizjattivi biex iżżid l-għarfien governattiv internazzjonali dwar il-kummerċ ta’ tagħmir li jintuża għat-tortura, għal trattament ħażin u għall-piena tal-mewt. L-UE għenet b’mod attiv biex tiżviluppa miżuri internazzjonali biex tiġġieled dan il-kummerċ, b’mod partikolari permezz tal-appoġġ tagħha għall-istabbiliment tal-Alleanza għall-Kummerċ Ħieles mit-Tortura. Din il-ħidma laħqet il-qofol tagħha fir-Riżoluzzjoni “Lejn kummerċ ħieles mit-tortura: l-eżami tal-fattibbiltà, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-parametri għal standards internazzjonali komuni possibbli”, li ġiet adottata mill-AĠNU fit-28 ta’ Ġunju 2019.

Fuq livell reġjonali, ir-Regolament serva ta’ ispirazzjoni għall-iżvilupp ta’ miżuri potenzjali ta’ kontroll tal-kummerċ fir-reġjun kollu tal-Kunsill tal-Ewropa f’dan il-qasam.

4.6Valur miżjud tal-UE

Il-valur miżjud tal-UE jfittex bidliet minħabba l-intervent tal-UE, minbarra dak li raġonevolment seta’ kien mistenni mill-azzjonijiet nazzjonali mill-Istati Membri.

Il-kummerċ huwa qasam ta’ kompetenza esklussiva tal-UE skont l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-valur miżjud tal-UE tar-Regolament huwa evidenti, minħabba li r-Regolament jaqa’ f’qasam fejn l-UE għandha setgħat esklussivi u li l-objettivi tar-Regolament jistgħu għalhekk jintlaħqu bl-aħjar mod fil-livell tal-Unjoni.

Għalkemm ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jieħdu miżuri addizzjonali, il-miżuri previsti mir-Regolament jistgħu jitqiesu bħala ġeneralment xierqa. Ħames Stati Membri adottaw jew żammew miżuri addizzjonali skont l-Artikoli 10 u 14 tar-Regolament.

4.7Grupp ta’ Koordinazzjoni Kontra t-Tortura (ATCG)

L-ATCG għandu l-bażi ġuridika tiegħu fir-Regolament innifsu. Ippresedut mill-Kummissjoni, il-kompożizzjoni tiegħu hija limitata għal rappreżentant wieħed maħtur minn kull Stat Membru. L-ATCG ikopri sett speċifiku, iżda limitat, ta’ kompiti: huwa jista’ jeżamina kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-Regolament, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-prattiki amministrattivi. L-ATCG jista’ jikkonsulta, fuq bażi ad hoc, ma’ esportaturi, sensara, fornituri ta’ assistenza teknika u partijiet interessati rilevanti oħrajn ikkonċernati mir-Regolament. Skont il-premessa 48 tar-Regolament, l-ATCG għandu rwol speċifiku fit-tħejjija tal-atti delegati, billi l-Istati Membri jiġu kkonsultati formalment permezz tal-ATCG dwar l-abbozzi tal-atti delegati ppreżentati mill-Kummissjoni f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

Fid-dawl tas-sejbiet ta’ dan ir-rapport u f’konformità mal-mandat tiegħu, l-ATCG jista’, pereżempju, jidħol f’diskussjonijiet aktar fil-fond dwar kwistjonijiet bħall-ksur possibbli tar-Regolament, jew każijiet potenzjali ta’ tħassib. L-analiżi tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 23 mill-Istati Membri (notifika tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda, konsultazzjoni ma’ Stati Membri oħrajn u miżuri ta’ forniment ta’ informazzjoni) hija wkoll element importanti li jista’ jidher b’mod regolari fil-ħidma tal-ATCG 45 .

5.KONKLUŻJONIJIET U T-TRIQ ’IL QUDDIEM

Ir-Regolament ġie adottat biex jinħoloq strument tal-Unjoni Ewropea dwar il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi ta’ oġġetti u servizzi relatati li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, għat-tortura u għal trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn. Huwa kien strumentali fil-promozzjoni tar-rispett għall-ħajja tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. 

Ir-Regolament jimla lakuna identifikata fil-kontrolli tal-kummerċ ibbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-UE. Huwa kkontribwixxa b’mod pożittiv sabiex jintlaħaq l-objettiv ewlieni tiegħu li jittieħdu miżuri effettivi u konkreti kontra t-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn. Bħala l-ewwel strument regolatorju legalment vinkolanti tad-dinja f’dan il-qasam, huwa serva wkoll bħala eżempju għall-iżvilupp ta’ miżuri kummerċjali simili minn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Ir-rieżami kkonferma li, b’mod ġenerali, ir-Regolament qed jiġi implimentat b’mod sodisfaċenti u għadu adatt għall-iskop tiegħu. Huwa meqjus li huwa robust biżżejjed u, għalhekk, f’dan l-istadju, aġġornament leġiżlattiv komprensiv mhuwiex meqjus bħala neċessarju. Min-naħa l-oħra, ir-rieżami wera li jistgħu jiġu esplorati aktar miżuri mhux leġiżlattivi li jappoġġjaw implimentazzjoni aktar effettiva ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament.

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-oġġetti koperti mir-Regolament, jenħtieġ li huwa jirrispondi għall-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq li qegħdin jevolvu u jqis il-bidliet fin-natura tal-użu, u l-użu ħażin, tat-tagħmir għall-infurzar tal-liġi. L-inkonsistenzi ma’ strumenti relatati oħrajn tal-UE (il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-UE 2008/944/PESK u l-embargos fuq l-armi speċifikament stabbiliti biex jindirizzaw il-każijiet ta’ “repressjoni interna”) jistgħu jiġu eżaminati aktar ukoll. L-ibbilanċjar tal-kunsiderazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem mal-ħtieġa li jiġi protett il-kummerċ ta’ provvisti mediċi leġittimi li jsalvaw il-ħajja meta tiġi vvalutata l-opportunità (jew le) li jiġi aġġornat il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sustanzi kimiċi koperti jenħtieġ li jkompli jiġi vvalutat bir-reqqa. 

Sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jimplimentaw ir-Regolament b’mod aktar effettiv u konsistenti/uniformi f’oqsma ewlenin jew ta’ sfida, tista’ tkun meħtieġa gwida dwar l-applikazzjoni prattika ta’ ċerti aspetti tar-Regolament, bħad-definizzjoni tal-oġġetti elenkati fl-annessi, il-protokolli tal-fieri kummerċjali u tal-wirjiet, il-valutazzjoni tar-riskju, iċ-ċaħdiet jew in-notifiki. Jenħtieġ li jiġu esplorati aktar il-modi kif jista’ jiġi mmonitorjat aktar mill-qrib il-ksur possibbli tar-Regolament u l-użu aħħari tal-oġġetti esportati. Hemm ukoll lok għal sinerġiji akbar, li jistgħu jiġu esplorati aktar, bejn il-ħidma ta’ monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżi terzi, minn naħa, u l-kontrolli fuq l-użu aħħari tal-oġġetti u s-servizzi esportati skont ir-Regolament, min-naħa l-oħra.

Il-ħtieġa għal trasparenza u responsabbiltà akbar (b’mod partikolari bil-pubblikazzjoni ta’ rapporti annwali tal-attività) hija rikonoxxuta wkoll. Barra minn hekk, ir-rieżami jenfasizza l-ħtieġa għal aktar kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar kif ir-Regolament qed jiġi implimentat, b’mod partikolari fir-rigward tal-valutazzjonijiet tar-riskji u l-politika dwar il-liċenzjar. Informazzjoni rilevanti addizzjonali tista’ tiġi inkorporata b’mod utli fl-eżerċizzju ta’ rapportar annwali, bħal data dwar ksur u penali.

Jenħtieġ li tiġi inkoraġġita interazzjoni aktar sistematika ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet internazzjonali u partijiet interessati oħrajn b’kompetenzi esperti rilevanti, inkluż permezz tal-preżentazzjoni ta’ rapporti, aġġornamenti jew informazzjoni oħra relatata mar-Regolament u l-implimentazzjoni tiegħu. Dan jiffaċilita monitoraġġ u individwazzjoni aktar robusti ta’ każijiet ta’ ksur possibbli, u jgħin biex jinforma dwar il-proċeduri nazzjonali ta’ valutazzjoni tar-riskju.

Sabiex teżamina l-kwistjonijiet enfasizzati u tiġbor aktar evidenza u opinjonijiet esperti, il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi grupp ta’ esperti. Dan il-grupp jista’ jinkludi, fost l-oħrajn, esperti kkwalifikati b’mod adegwat minn organizzazzjonijiet mhux governattivi rilevanti (jiġifieri dawk li jaħdmu fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u l-kontroll tal-armi), organizzazzjonijiet internazzjonali, akkademiċi u l-industrija. Il-grupp għandu jipprovdi appoġġ regolari lill-Kummissjoni fl-esplorazzjoni ta’ modi kif tissaħħaħ il-konformità u kif ir-Regolament u l-implimentazzjoni tiegħu jsiru aktar effettivi. Il-funzjoni tiegħu tkun li jipprovdi għarfien espert wiesa’ li jkun komplementari għar-rwol tal-ATCG, jipprovdi l-kontribut sostantiv biex imexxi d-diskussjoni dwar il-politika u l-implimentazzjoni u jippermetti lill-partijiet interessati kollha involuti biex jidħlu fi djalogu kontinwu.

Barra minn hekk, jistgħu jiġu esplorati miżuri mhux leġiżlattivi biex jiġu evitati ċerti attivitajiet mhux xierqa ta’ ċittadini tal-UE u kumpaniji bbażati fl-UE li joperaw barra mill-pajjiż (bħall-promozzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-oġġetti u s-servizzi u l-forniment ta’ assistenza teknika u taħriġ għal użu mhux xieraq jew abbużiv tat-tagħmir għall-infurzar tal-liġi). Tali miżuri jistgħu jinkludu, pereżempju, miżuri għal aktar trasparenza u sensibilizzazzjoni jew miżuri li jippromwovu konformità effettiva mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem.

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/125 tas-16 ta’ Jannar 2019 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, ĠU L 30, 31.1.2019, p. 1.

(2)

Kif ikkwotat fl-Implimentazzjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill Ewropew tal-Linji Gwida tal-UE dwar it-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn – rendikont u miżuri ta’ implimentazzjoni ġodda, 8407/1/08 REV 1, it-18 ta’ April 2008.

(3)

Ir-REGOLAMENT (UE) Nru 258/2012 tal-14 ta’ Marzu 2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabbrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li tissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-transitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni, ĠU L 94, 30.3.2012, p. 1.

(4)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta’ oġġetti b’użu doppju, ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.

(5)

Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (PESK) (2020/C 85/01), ĠU, C 85-1, 13.3.2020.

(6)

“Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni” hija awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni li tapplika għas-sustanzi kimiċi, li tista’ tintuża għall-eżekuzzjoni permezz ta’ injezzjoni letali (l-Anness IV għar-Regolament). Hija tintuża meta dawk l-oġġetti jew is-sustanzi kimiċi jiġu esportati lejn pajjiżi li abolixxew il-piena kapitali għar-reati kollha u kkonfermaw dik l-abolizzjoni permezz ta’ impenn internazzjonali. Għall-pajjiżi li mhumiex membri tal-Kunsill tal-Ewropa, dik il-lista tinkludi l-pajjiżi li mhux biss abolixxew il-piena kapitali għar-reati kollha, iżda wkoll irratifikaw it-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi mingħajr l-ebda riżerva.

(7)

Ir-Riżoluzzjoni tan-NU adottata mill-Assemblea Ġenerali fit-18 ta’ Diċembru 2019, A/RES/74/143. Tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn.

(8)

ĠU C 202, 7.6.2016, p. 389.

(9)

A/RES/73/304 adottata mill-Assemblea Ġenerali fit-28 ta’ Ġunju 2019.

(10)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Linji Gwida dwar il-Politika tal-UE Lejn Pajjiżi Terzi dwar it-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħrajn adottati mill-Kunsill waqt it-3712-il laqgħa tiegħu li saret fis-16 ta’ Settembru 2019.

(11)

ĠU L 200, 30.7.2005, p. 1-19.

(12)

ir-Regolament (UE) 2016/2134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2016 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, ĠU L 338, 13.12.2016, p. 1-33.

(13)

ĠU L 30, 31.1.2019, p. 1-57.

(14)

ĠU L 40, 13.2.2018, p. 1.

(15)

ĠU 144, 7.5.2020, p. 1-5.

(16)

 Dan ir-rapport ikopri s-snin 2017, 2018 u 2019, jiġifieri qabel it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Jannar 2020.

(17)

Il-Liġi Fjamminga dwar il-Kummerċ tal-Armi tal-15 ta’ Ġunju 2012 tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ kull tagħmir tax-xokk elettriku li jista' jinġarr u li jista' jrendi lill-persuni mingħajr difiża jew li jista’ jikkawża uġigħ, ħlief għal apparat mediku jew veterinarju (japplikaw eċċezzjonijiet biex jippermettu l-użu uffiċjali). Fir-rigward tar-Reġjun ta’ Walloon, skont id-Digriet dwar il-Kummerċ tal-Armi tal-21 ta’ Ġunju 2012, l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu ta’ kwalunkwe tip ta’ tagħmir tax-xokk elettriku li jista' jinġarr, ħlief għal għodod mediċi jew veterinarji, li jistgħu jiddiżattivaw lill-persuni jew jikkawżaw uġigħ fuqhom, huma pprojbiti.

(18)

Il-Greċja żżomm miżuri addizzjonali nazzjonali għal żewġ oġġetti elenkati fl-Anness II għar-Regolament, jiġifieri tagħmir tax-xokk elettriku u l-manetti (ara l-Liġi 2168/1993 kif emendata). 

(19)

L-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ manetti tas-saqajn u ktajjen għal gruppi ta’ priġunieri huma pprojbiti skont l-Artikolu 36(1) tal-Liġi emendata tas-27 ta’ Ġunju 2018 dwar il-kontroll tal-esportazzjoni. L-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ tagħmir tax-xokk elettriku li jista' jinġarr huma pprojbiti, ħlief meta dawn jakkumpanjaw lill-utent għall-fini ta’ protezzjoni personali skont l-Artikolu 36(1) tal-Liġi emendata tas-27 ta’ Ġunju 2018 dwar il-kontroll tal-esportazzjoni. Barra minn hekk, hija meħtieġa awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni tal-manetti, li għandhom dimensjoni ġenerali, inklużi ktajjen, imkejla mit-tarf ta’ barra ta’ manetta waħda sat-tarf ta’ barra tal-manetta l-oħra li taqbeż il-240 mm (l-Artikolu 36(2) tal-Liġi emendata tas-27 ta’ Ġunju 2018 dwar il-kontroll tal-esportazzjoni).

(20)

Skont id-Digriet Irjali 679/2014 tal-1 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi l-kontroll fuq il-kummerċ estern ta’ materjal ta’ difiża, materjal ieħor u oġġetti u teknoloġiji b’użu doppju, Spanja tikkontrolla l-esportazzjoni ta’ manetti standard, u tirrikjedi li l-esportaturi prospettivi jiksbu liċenzja għall-esportazzjoni ta’ dawn l-oġġetti ta’ trażżin.

(21)

L-Artikolu 9 tal-Ordni 2008 tar-Renju Unit dwar il-Kontroll tal-Esportazzjoni jirrikjedi liċenzja għall-esportazzjoni tal-oġġetti elenkati fl-Artikolu 14(1).

(22)

COM (2019) 445 tal-1.10.2019.

(23)  Ir-Regolament (UE) 2016/2134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2016 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, ĠU L 338, tat-13.12.2016, p. 1.
(24)

ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(25)

COM(2019) 449 final tal-7.10.2019.

(26)

Iċ-Ċekja: https://www.mpo.cz/cz/zahranicni-obchod/licencni-sprava/mucici-nastroje/zprava-ministerstva-prumyslu-a-obchodu-o-plneni-narizeni-rady-es-c--1236-2005-za-rok-2018--54368/

(27)

Id-Danimarka: https://eksportkontrol.erhvervsstyrelsen.dk/produkter  

(28)

Il-Ġermanja:

https://www.bafa.de/DE/Aussenwirtschaft/Ausfuhrkontrolle/Antragsarten/Anti_Folter_Verordnung/anti_folter_node.html

(29)

Ir-Rumanija: http://www.imm.gov.ro/adaugare_fisiere_imm/2019/10/Rapoarte-anuale-comert-tortura-2017-2018.pdf

(30)

Skont l-Artikolu 127(6) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7), matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst mill-Artikolu 126 ta’ dak il-Ftehim, kwalunkwe referenza għall-Istati Membri fid-dritt tal-Unjoni rilevanti għandha tinftiehem bħala li tinkludi r-Renju Unit.

(31)

Ir-Renju Unit: https://www.gov.uk/government/collections/strategic-export-controls-licensing-data

(32)

Ir-Rapport dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni fl-2017 u fl-2018 skont ir-Regolament dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, għat-tortura jew għal trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn - COM/2019/445 finali.

(33)

Ara l-Artikolu 26.4 tar-Regolament.

(34)

L-esportazzjonijiet skont l-awtorizzazzjoni ġenerali għall-esportazzjoni tal-Unjoni (l-Anness V għar-Regolament) mhumiex inklużi fl-informazzjoni dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri.

(35)

Fiż-żmien meta ġie ffinalizzat dan ir-rapport, kien hemm tliet Stati Membri tal-UE li ma kinux ipprovdew lill-Kummissjoni bid-data kummerċjali relatata mal-2019.

(36)

Ara l-Art. 5(1)(b) tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħrajn tal-1984 ([li ġiet adottata fl-10 ta’ Diċembru 1984 u daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Ġunju 1987] 1465 UNTS 112; “CAT”) .

(37)

Ara l-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra I–IV (1949 ).

(38)

“Il-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem: l-Implimentazzjoni tal-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti ‘Protezzjoni, Rispett u Rimedju’” ġew żviluppati mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali dwar il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn. Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem approva l-Prinċipji Gwida fir-riżoluzzjoni tiegħu 17/4 tas-16 ta’ Ġunju 2011.

(39)

Ara https://ec.europa.eu/info/law/law-making-process/planning-and-proposing-law/better-regulation-why-and-how/better-regulation-guidelines-and-toolbox_mt.

(40) Ħdax-il Stat Membru pprovdew rispons, filwaqt li 15 minn dawk li wieġbu kkontribwew għall-istħarriġ pubbliku, li minnhom tmienja kienu mill-pubbliku, erbgħa minn NGOs, tnejn mis-settur privat u wieħed mid-dinja akkademika. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll sottomissjonijiet barra mill-istħarriġ pubbliku.
(41)

Ir-Riżoluzzjoni A/73/L.94: “Lejn kummerċ ħieles mit-tortura: eżami tal-fattibbiltà, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-parametri għal standards internazzjonali komuni possibbli,” adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-28 ta’ Ġunju 2019.

(42)

Lista militari komuni tal-Unjoni Ewropea, adottata mill-Kunsill fis-17 ta’ Frar 2020 (tagħmir kopert mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari) (PESK) (2020/C 85/01), ĠU C 85-1, 13.3.2020.

(43)

 COM/2019/445 finali

(44)

Ara l-lista militari komuni tal-Unjoni Ewropea, adottata mill-Kunsill fis-17 ta’ Frar 2020 (it-tagħmir kopert mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (PESK) (2020/C 85/01), ĠU C 85-1, 13.3.2020.

(45)

L-Artikolu 23 jesiġi li l-Istati jwissu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn kollha dwar id-deċiżjonijiet tagħhom li jiċħdu jew jannullaw l-awtorizzazzjonijiet skont ir-Regolament għall-esportazzjoni jew it-tranżitu ta’ oġġetti jew għall-forniment ta’ assistenza teknika jew servizzi ta’ senserija. Huwa jesiġi wkoll li l-Istati jinformaw u jikkonsultaw mal-Istati Membri rilevanti jekk ikunu qed jikkunsidraw li jagħtu tranżazzjoni “essenzjalment identika” għal waħda miċħuda jew annullata minn Stat Membru ieħor. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 23 jirrikjedi li kwalunkwe Stat li jagħti awtorizzazzjoni għal tali tranżazzjonijiet “essenzjalment identiċi” jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha bid-deċiżjoni tiegħu u bir-raġunijiet.