Brussell, 30.7.2020

COM(2020) 342 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta' beni kulturali



Werrej

1.    INTRODUZZJONI    

2.    OBJETTIVI LI GĦANDHOM JINTLAĦQU    

3.    L-ARKITETTURA TAL-PROĠETT U L-APPROĊĊ TAL-IPPJANAR    

4.    Ħarsa ġenerali lejn il-PROGRESS    

5.    RISKJI GĦAD-DEWMIEN    

6.    KONKLUŻJONIJIET    

Anness I: Ippjanar strateġiku pluriennali    

Anness II: Fażijiet ewlenin tal-proġett u skeda ta’ żmien tal-istadji importanti kritiċi    



1.INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (UE) 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-17 ta’ April 2019 1 dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ beni kulturali (“ir-Regolament”) għandu l-għan li jipprevjeni l-kummerċ illeċitu tal-beni kulturali, b’mod partikolari meta jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi, u li jipprojbixxi l-importazzjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni ta’ beni kulturali esportati illegalment minn pajjiżi terzi.

Ir-Regolament jissoġġetta l-importazzjoni ta’ ċerti beni kulturali, meqjusa bħala wirt partikolarment fil-periklu, għal liċenzji tal-importazzjoni u oħrajn, li huma kkunsidrati bħala anqas fil-periklu, għal dikjarazzjonijiet tal-importatur u jiżgura li jgħaddu minn kontrolli uniformi meta jiġu importati fl-Unjoni. Barra minn hekk, kwalunkwe introduzzjoni fiżika, pereżempju, permezz ta’ tranżitu fl-Unjoni, ta’ beni kulturali li jkunu tneħħew mit-territorju tal-pajjiż terz fejn ikunu nħolqu jew ġew skoperti, bi ksur tal-liġijiet u r-regolamenti tiegħu, hija pprojbita (l-hekk imsejħa “regola ta’ projbizzjoni ġenerali”).

Il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament huwa ispirat mill-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-1970 2 u ddefinit fl-Anness tiegħu, billi huma elenkati l-kategoriji ta' beni kulturali li għalihom tapplika r-regola ta’ projbizzjoni ġenerali (il-parti A), u dawk li huma soġġetti għal liċenzji tal-importazzjoni (il-parti B) u għal dikjarazzjonijiet tal-importatur (il-parti C), rispettivament.

Il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni kienet tipprevedi l-possibbiltà - mingħajr ma tippreskrivi perjodu ta’ żmien speċifiku - li tiġi żviluppata sistema elettronika, sabiex tiffaċilita l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri inkarigati mill-implimentazzjoni tar-Regolament. Madankollu, wara t-talba tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill matul in-negozjati ta’ adozzjoni, fir-Regolament ġie introdott obbligu għall-Kummissjoni li tistabbilixxi sistema elettronika ċentralizzata fi żmien speċifiku.

Is-sistema elettronika ċentralizzata għandha ssir operattiva sa mhux aktar tard minn perjodu ta’ sitt snin mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (28.06.2019), jiġifieri mhux aktar tard mit-28 ta’ Ġunju 2025. Barra minn hekk, is-sistema mhux biss se sservi bħala mezz għall-ħażna u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, iżda wkoll għat-twettiq tal-formalitajiet mill-operaturi, jiġifieri s-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-ħruġ ta’ dawk il-liċenzji, u s-sottomissjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-importatur lid-dwana.

Barra minn hekk, l-iżvilupp u l-funzjonament tas-sistema elettronika ċentralizzata għall-importazzjoni ta’ beni kulturali (minn hawn ’il quddiem “is-sistema ICG”) huma marbutin mill-qrib ma’ inizjattiva ewlenija oħra tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dwana: is-Sistema ta’ Tieqa Unika tal-UE għall-iskambju taċ-ċertifikati (EU-CSW CERTEX) 3 .

L-EU-CSW CERTEX għandha l-għan li tgħaqqad flimkien is-sistemi ċentralizzati tal-UE għall-formalitajiet mhux doganali tal-UE, mas-sistemi doganali nazzjonali bil-għan li tippermetti skambju diġitali tad-dokumenti ta’ sostenn, tar-riżultati tal-kontrolli u tal-eżitu tal-proċeduri doganali u mhux doganali. L-operaturi se jibbenefikaw minn dan il-mekkaniżmu billi ma jkollhomx għalfejn iġorru kopji fiżiċi tad-dokumenti, u l-awtoritajiet kompetenti ma jkollhomx għalfejn joqogħdu jivverifikaw l-awtentiċità tad-dikjarazzjonijiet tal-importaturi u tal-liċenzji tal-importazzjoni.

Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, ir-Regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni l-arranġamenti għall-varar, it-tħaddim u l-manutenzjoni tas-sistema ICG elettronika ċentralizzata, kif ukoll ir-regoli dettaljati dwar is-sottomissjoni, l-ipproċessar, il-ħażna u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri permezz tal-istess sistema elettronika.

Minkejja li l-proġett se jimxi ’l quddiem fuq diversi livelli fl-istess ħin, huwa jista’ jinqasam b’mod figurattiv fi tliet fażijiet:

·Fażi 1 – Kunċettwalizzazzjoni: f’din il-fażi l-Kummissjoni trid tistudja kif se taħdem is-sistema ICG, u tistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar is-sottomissjoni, l-ipproċessar u l-ħażna tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Bħala riżultat ta’ din il-fażi, il-Kummissjoni se tipproduċi att ta’ implimentazzjoni u sett parallel ta’ dokumenti tekniċi dettaljati fit-Tabella 1 (ara l-Anness I);

·Fażi 2 – Żvilupp tas-sistema: billi ssegwi d-dispożizzjonijiet tal-att ta’ implimentazzjoni u d-dokumenti tekniċi li jiddeskrivu r-rekwiżiti tas-sistema, il-Kummissjoni għandha tipproduċi speċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati tas-sistema, tiżviluppa s-sistema ICG u r-rabta tagħha mas-Sistema ta’ Tieqa Unika Doganali tal-UE għall-iskambju taċ-ċċertifikati (EU-CSW CERTEX);

·Fażi 3 – Varar u Tħaddim: din l-aħħar fażi tikkonsisti fil-varar u l-ittestjar tas-sistema ICG, inklużi attivitajiet speċifiċi ta’ taħriġ f’kull Stat Membru biex jiġi żgurat li sat-28 ta’ Ġunju 2025, l-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti jkunu kapaċi u mħarrġa sew fl-użu tas-sistema. Ma’ din il-fażi jkun hemm perjodu ta’ segwitu ta’ 6 xhur, li fih is-sistema tiġi rfinuta biex tissodisfa kwalunkwe ħtieġa operattiva li tista’ ssir evidenti biss wara li sistema tal-IT issir obbligatorja, u biex ikun żgurat li l-operazzjonijiet ikunu qegħdin jaħdmu mingħajr problemi.

Ir-Regolament jipprevedi li sat-28 ta’ Ġunju 2020 u kull 12-il xahar sakemm is-sistema elettronika ssir operattiva, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni rilevanti u fl-istabbiliment tas-sistema elettronika.

Dan l-ewwel rapport annwali ta’ progress jiffoka prinċipalment fuq il-Fażi 1, u jiddeskrivi l-iżviluppi matul l-ewwel sena wara li daħal fis-seħħ ir-Regolament. Huwa janalizza l-progress li sar, filwaqt li jiddeskrivi wkoll l-objettivi li għandhom jintlaħqu, l-arkitettura tal-proġett u l-approċċ tal-ippjanar. Fuq din il-bażi, huwa jissottolinja r-riskji għal dewmien potenzjali, kif ukoll il-miżuri ta’ mitigazzjoni previsti.

Il-valutazzjoni ġenerali tal-progress li sar hija miġbura fil-qosor fit-taqsima tal-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport.

2.OBJETTIVI LI GĦANDHOM JINTLAĦQU

Is-sistema elettronika trid issir operattiva sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Ġunju 2025, billi f’dik id-data se jsir obbligatorju għall-operaturi kollha li jiksbu l-liċenzji tal-importazzjoni jew jissottomettu d-dikjarazzjonijiet tal-importatur permezz ta’ dik is-sistema elettronika, sabiex ikunu jistgħu jimpurtaw 4 beni kulturali legalment fl-Unjoni.

Ir-Regolament daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Ġunju 2019 u stabbilixxa l-iskadenza finali tat-28 ta’ Ġunju 2021 għall-adozzjoni permezz tal-proċedura ta’ eżami tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-regoli dettaljati għas-sistema elettronika.

Wara l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni, il-fażi tal-iżvilupp tas-sistema elettronika se tkopri madwar sentejn, li fi tmiemhom, tibda t-tielet fażi, li matulha s-sistema ICG se tiġi interkonnessa mal-EU-CSW CERTEX, biex tippermetti l-iskambju ta’ dokumenti mas-sistemi doganali tal-Istati Membri. Se jiġu organizzati sessjonijiet ta’ taħriġ biex l-amministrazzjonijiet tagħhom jiffamiljarizzaw ruħhom mal-funzjonalitajiet operattivi tas-sistemi.

Flimkien ma’ attivitajiet oħra tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dwana, il-proġett dwar l-importazzjoni ta’ beni kulturali huwa ppjanat ukoll fid-dettall permezz tal-Pjan Strateġiku Pluriennali għad-Dwana elettronika, ir-reviżjoni tal-2019 5 (MASP-C rev. 2019). L-MASP-C huwa strument ta’ ġestjoni u ppjanar, ibbażat fuq leġiżlazzjoni eżistenti jew ftehimiet internazzjonali, li jitfassal mill-Kummissjoni bi sħubija mal-Istati Membri skont l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni dwar id-Dwana elettronika 6 . Silta mill-ippjanar tal-proġett dwar l-importazzjoni ta’ beni kulturali mill-MASP-C rev. 2019 hija pprovduta fl-Anness I ta’ dan ir-rapport.

Parti mill-proġett dwar l-importazzjoni ta’ beni kulturali hija żviluppata wkoll fi ħdan l-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana (MASP-C rev 2019 Fiche 1.13) li tiegħu l-EU-CSW CERTEX hija s-sistema tal-IT ewlenija. Silta mill-ippjanar tal-EU-CSW CERTEX mill-MASP-C Fiche 1.13 hija pprovduta fl-Anness I ta’ dan ir-rapport.

Fil-fatt, l-importazzjoni ta’ beni kulturali tinvolvi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li joħorġu l-liċenzji tal-importazzjoni, u d-dwana, li jeħtieġu dawk il-liċenzji għall-iżdoganar ta’ beni kulturali fil-fruntiera. Il-Kummissjoni wettqet (bdiet fl-ewwel trimestru tal-2017) analiżi preliminari dwar l-interkonnessjoni possibbli bejn is-sistema ICG u d-dwana. Din l-analiżi kkontribwiet għall-ħidma inizjali għall-fażi kunċettwali tas-sistema ICG, u miexja ’l quddiem b’mod parallel mal-istadji importanti spjegati fit-Tabella 1 (ara l-Anness I).

3.L-ARKITETTURA TAL-PROĠETT U L-APPROĊĊ TAL-IPPJANAR

L-Arkitettura tal-Proġett hija bbażata fuq il-metodoloġija prevista fl-MASP-C rev. 2019 u l-Annessi tiegħu, inklużi l-Iskema ta’ Governanza 7 , il-Politika tal-Immudellar tal-Proċess tan-Negozju Doganali tal-UE 8 u l-istrateġija tal-IT 9 . Pjan direzzjonali komprensiv, bil-fażijiet ewlenin tal-proġett u l-istadji importanti kritiċi, huwa spjegat fid-dettall fl-Anness II.

Fażi 1 – Kunċettwalizzazzjoni:

Il-ħidma biex jiġu żviluppati s-sistemi tal-IT tinvolvi diversi fażijiet. Fil-bidu, jitħejja argument għall-vijabbiltà, li jipprovdi l-ġustifikazzjoni tal-proġett u jiddefinixxi r-rekwiżiti baġitarji. Ġeneralment, l-argument għall-vijabbiltà jinkludi l-kuntest kummerċjali, id-deskrizzjoni tal-problema, id-deskrizzjoni u l-ambitu tal-proġett, is-soluzzjonijiet alternattivi possibbli, il-kostijiet u l-iskeda taż-żmien.

Imbagħad jiġi prodott dokument tal-viżjoni, li jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar id-definizzjoni tal-proġett f’termini tal-arkitettura, il-kost, iż-żmien, u r-riskju, kif ukoll informazzjoni dwar l-istadji importanti, ir-riżultati tanġibbli u l-organizzazzjoni tal-proġett. Sussegwentement, sabiex jiġu permessi fehim u analiżi komuni, jintuża l-Immudellar tal-Proċess tan-Negozju (BPM), il-prattika li biha l-proċessi tan-negozju li ġejjin mil-leġiżlazzjoni jiġu rappreżentati grafikament fi flussi ta’ proċessi jew mudelli tal-proċessi, biex jgħinu fl-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet funzjonali għas-sistema.

Fażi 2 - Żvilupp tas-sistema:

Wara dan, jiġu żviluppati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jidentifikaw f’aktar dettall kif se tinbena s-sistema, l-arkitettura li għandha tintuża, il-messaġġi li għandhom jiġu sottomessi mill-operaturi ekonomiċi, l-interfaċċji ma’ sistemi oħra, il-pjanijiet ta' ttestjar, eċċ.

Ladarba t-tfassil tas-sistema jkun lest mill-perspettiva kunċettwali u jiġu prodotti r-riżultati tanġibbli elenkati fit-Tabella 1, l-Istadji Importanti 1 u 3 (ara l-Anness I), jibda xogħol aktar fil-fond u jiġu kkunsidrati aktar aspetti tekniċi fl-ispeċifikazzjonijiet tal-Applikazzjoni u tas-Servizz u fid-dokumenti tal-Ispeċifikazzjoni Teknika tas-Sistema, li huma l-evoluzzjoni naturali tar-riżultati tanġibbli prodotti matul il-fażijiet tal-Analiżi tan-Negozju u tal-Bidu tal-Proġett.

Fażi 3 – Varar u Tħaddim:

Fl-aħħar nett, tibda l-fażi proprja tal-iżvilupp tal-IT (il-Fażi tal-Kostruzzjoni), li tkun segwita minn fażi ta’ Tranżizzjoni fejn il-verżjonijiet bikrija tas-sistema jiġu gradwalment imnedija lill-gruppi differenti ta’ utenti u jsiru t-testijiet. B’mod parallel mat-tnedija u l-ittestjar, isiru l-attivitajiet ta’ taħriġ u komunikazzjoni dwar il-funzjonament tas-sistema.

Fil-każ tas-sistema elettronika għall-Importazzjoni ta’ Beni Kulturali (ICG), mhuwiex previst li s-servizz jiġi integrat mas-sistemi nazzjonali ta’ liċenzjar tal-beni kulturali li diġà jeżistu f’xi Stati Membri, u lanqas implimentazzjoni teknika nazzjonali, minħabba l-fatt li s-sistema ICG se tkun ġestita b’mod ċentrali mill-Kummissjoni. Kemm l-operaturi kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti se jkunu jistgħu jaċċessaw u jużaw is-sistema permezz tal-Interfaċċja Grafika għall-Utent (GUI) ipprovduta mill-Kummissjoni.

Minn perspettiva ta’ politika, din l-għażla hija kkunsidrata bħala s-soluzzjoni l-aktar adatta, minħabba l-kumplessità tal-beni kulturali soġġetti għall-kummerċ. Fil-fatt, is-sistemi doganali waħedhom mhumiex attrezzati biżżejjed biex jippermettu deskrizzjoni sħiħa u dettaljata ta’ kull biċċa wirt kulturali li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, hija unika fiha nnifisha.

Min-naħa l-oħra, is-sistema ICG se tkun interkonnessa mal-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri permezz tal-EU-CSW CERTEX, biex tippermetti lid-dwana kontrolli awtomatizzati fuq id-dokumenti maħruġa għall-importazzjoni ta’ beni kulturali. Din l-attività se tirrikjedi Ttestjar tal-Konformità.

4.Ħarsa ġenerali lejn il-PROGRESS 

Konsultazzjoni u diskussjonijiet

Fl-ewwel fażi, il-Kummissjoni qed tħejji l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għall-istabbiliment tas-sistema elettronika. Biex tikseb perspettiva aħjar minn perspettiva ta’ implimentazzjoni prattika, hija tikkonsulta b’mod regolari dwar l-għażliet ta’ politika mad-delegati tal-Istati Membri fil-Grupp ta’ Esperti dwar kwistjonijiet doganali relatati mal-beni kulturali.

Il-Grupp ta’ Esperti huwa forum għad-diskussjoni ta’ kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-beni kulturali b’rabta mad-dwana u, b’mod partikolari, ir-Regolament dwar l-esportazzjoni ta’ oġġetti kulturali 10 , sett ta’ regoli li jipprovdi wkoll għal sistema ta’ liċenzjar – waqt l-esportazzjoni - li ilha fis-seħħ mill-1993 11 .

Il-Kummissjoni tinforma lill-assoċjazzjonijiet tas-suq tal-arti dwar il-progress tax-xogħol f’kull opportunità, tisma’ t-tħassib tagħhom u kkunsidratu, sabiex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni prattika tar-Regolament tkun adattata sew għar-realtajiet tas-suq.

Hekk kif it-tfassil tal-att ta’ implimentazzjoni jimxi ’l quddiem, il-Kummissjoni se twettaq il-konsultazzjonijiet finali mal-Kumitat tar-Regolament 2019/880, billi dan se jkun il-korp li finalment jivvota dwar l-att ta’ implimentazzjoni.



B’mod parallel, il-Kummissjoni ħolqot “Grupp tal-Proġett Dwana 2020 dwar l-importazzjoni ta’ beni kulturali” (“PGICG”), li jservi bħala pjattaforma ta’ diskussjoni, fejn esperti mill-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali u awtoritajiet (kulturali) kompetenti b’esperjenza fit-twettiq tal-formalitajiet ta’ liċenzjar fi kwistjonijiet patrimonjali, b’mod partikolari b’mod diġitali, jiltaqgħu biex jipprovdu appoġġ fit-tfassil tal-att ta’ implimentazzjoni, fid-definizzjoni tal-parametri u fl-elaborazzjoni tal-kriterji għall-ispeċifikazzjonijiet funzjonali tas-sistema.

Il-Grupp tal-Proġett huwa magħmul minn 18-il delegat minn 11-il Stat Membru (AT, BE, BG, ES, LV, PT, RO, DE, NL, IT, FR) u sal-lum iltaqa’ sitt darbiet.

B’mod speċifiku, il-Grupp tal-Proġett jipprovdi appoġġ u għarfien espert dwar:

(a)It-tħejjija u l-irfinar progressiv tal-att ta’ implimentazzjoni f’dak li jikkonċerna l-ħolqien ta’ sistema elettronika ċentralizzata;

(b)L-iżvilupp ta’ funzjonalitajiet tas-sistema għal sistema ta’ liċenzjar interoperabbli fil-livell tal-UE biex jiġu żgurati kontrolli uniformi għall-importazzjoni ta’ beni kulturali mad-dħul tagħhom fit-territorju doganali tal-Unjoni;

(c)L-arranġamenti tekniċi dwar il-varar u l-manutenzjoni tas-sistema elettronika ċentralizzata u regoli dettaljati dwar is-sottomissjoni, l-ipproċessar, il-ħażna u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali;

(d)Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi involuti fl-ipproċessar tal-proċeduri ta’ liċenzjar għall-importazzjoni ta' beni kulturali;

(e)Il-ħolqien tal-mudell elettroniku standard għal-liċenzja tal-importazzjoni u l-iżvilupp tal-format għad-dikjarazzjoni tal-importatur;

(f)Ir-regoli proċedurali għas-sottomissjoni u l-ipproċessar tal-applikazzjoni għal-liċenzja tal-importazzjoni u r-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-importatur;

(g)Il-konsultazzjoni dwar l-argument għall-vijabbiltà għall-iżvilupp futur tas-sistema.

Sfidi fit-tfassil

Tfaċċaw diversi sfidi fit-tfassil tal-arkitettura tas-sistema elettronika. Waħda minnhom hija l-aħjar mod biex l-applikanti (għal-liċenzji tal-importazzjoni) u d-dikjaranti (għad-dikjarazzjonijiet tal-importatur) jiddeskrivu beni kulturali, minħabba n-natura partikolari u unika tal-prodott, li tiddistingwih mill-komoditajiet regolari li jistgħu jiġu deskritti b’mod eżawrjenti permezz tal-kodiċijiet tariffarji tan-Nomenklatura Komuni. Il-beni kulturali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament mhumiex prodotti magħmulin fi kwantità kbira u l-ħolqien u l-oriġini storika tagħhom imorru lura diversi sekli, jekk mhux millenji.

Din hija r-raġuni għaliex is-sett ta’ data standard li se jkun irid jiġi pprovdut mill-operaturi jeħtieġ li jkun partikolarment adattat sabiex jippermetti, minn naħa, l-identifikazzjoni adegwata tal-oġġetti għall-finijiet tal-liċenzjar elettroniku u d-dikjarazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, li tiġi kkunsidrata r-realtà tas-suq u d-diffikultà f’ċerti każijiet sabiex tinkiseb l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-provenjenza. Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Grupp tal-Proġett, qed tagħmel ħilitha biex tiddefinixxi din id-data bażika.

Sfida oħra li ġiet identifikata hija t-tfassil tal-istadji tal-“ħajja” tal-liċenzja tal-importazzjoni b’tali mod fi ħdan dan il-qafas diġitali, li jiġu antiċipati l-eventwalitajiet u l-ħtiġijiet kollha possibbli tal-applikanti u tal-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li, fl-istess ħin, il-proċeduri u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni relatati ma jsirux ikkumplikati żżejjed u jibqgħu faċli għall-applikant, b’mod partikolari fil-każ ta’ applikanti li jimportaw beni kulturali biss fuq bażi okkażjonali u li ma jkunux professjonisti tas-suq tal-arti.

It-tielet kwistjoni li għandha tiġi kkunsidrata hija l-kompatibbiltà mal-proċeduri u l-prattiki amministrattivi nazzjonali eżistenti, billi l-Istati Membri kollha ilhom mill-1993 jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni ta’ beni kulturali tal-Unjoni, li tipprevedi wkoll skema ta’ liċenzjar. Għalkemm dawk il-liċenzji tal-esportazzjoni xorta jridu jinħarġu b’mod stampat, għadd sinifikanti ta’ Stati Membri żviluppaw mezzi elettroniċi biex jipproċessaw l-applikazzjonijiet. Fil-fatt, l-esperjenza ta’ ċerti Stati Membri bis-sistema tal-liċenzji tal-esportazzjoni u l-kontrolli tal-kummerċ f'beni kulturali b’mod ġenerali kienet partikolarment utli fl-analiżi tar-rekwiżiti għas-sistema elettronika tal-importazzjoni.

Fil-proċess tat-tfassil tal-arkitettura tas-sistema elettronika għall-importazzjoni ta’ beni kulturali, huwa kkunsidrat li fil-futur u, bil-kundizzjoni li jsiru disponibbli r-riżorsi umani u finanzjarji neċessarji, l-istess sistema għandha tkun skalabbli biex tippermetti kemm id-diġitalizzazzjoni kif ukoll il-ħruġ elettroniku tal-liċenzji tal-esportazzjoni.

Kunsiderazzjonijiet u funzjonalitajiet operattivi

Billi l-Grupp tal-Proġett huwa magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet doganali u kulturali b’esperjenza fil-beni kulturali, huma kkontribwew attivament billi analizzaw u ddiskutew il-proposti tal-Kummissjoni, u billi pprovdew statistika/informazzjoni dwar kif huma mfassla l-proċeduri li jinvolvu l-beni kulturali fil-livell nazzjonali.

B’mod partikolari, il-Grupp tal-Proġett ipprovda għarfien utli biex jiġi stmat l-għadd ta’ liċenzji tal-importazzjoni li s-sistema ICG tista’ tispiċċa timmaniġġa kull sena, u l-valur medju stmat għal kull liċenzja; fl-2019, l-għadd ta’ liċenzji stmati jidher li jammonta għal 49,610 għal valur totali medju ta’ EUR 29,4 biljun, limitat għall-11-il Stat Membru li qed jipparteċipaw fil-Grupp tal-Proġett.

Barra minn hekk, il-Grupp tal-Proġett qed jaħdem fuq dokument ewlieni ta’ Mistoqsijiet Frekwenti, biex jinforma l-proċess ta’ komunikazzjoni ta’ wara u biex jantiċipa l-ostakoli u l-lakuni potenzjali fl-iżvilupp tas-sistema ICG.

Fl-aħħar nett, il-Grupp tal-Proġett qiegħed jirrevedi u jipprovdi feedback b’mod kontinwu dwar is-sett ta’ data u l-BPMs prodotti għas-sistema u għal approċċi innovattivi għad-deskrizzjoni ta’ beni kulturali permezz tar-Rikonoxximent tal-Immaġni u l-Intelliġenza Artifiċjali.

5.RISKJI GĦAD-DEWMIEN

Sommarju tal-Proġett

Il-Kummissjoni għandha l-kompitu li tiżviluppa sistema ċentralizzata ta’ liċenzjar elettroniku u tikkollegaha mad-dwana nazzjonali fi żmien 6 snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Huma meħtieġa żewġ pożizzjonijiet ta’ Amministratur (AD) fid-DĠ TAXUD sabiex titwettaq din l-inizjattiva, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva rilevanti.

Titolu u Deskrizzjoni tar-Riskju

It-twettiq tas-sistema ICG jiddependi fuq l-approvazzjoni mill-Istati Membri u mill-Parlament Ewropew, ta’ finanzjament xieraq għall-programm doganali li se jieħu post Dwana 2020 fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss, u fuq l-allokazzjoni ta’ riżorsi fid-DĠ TAXUD b’kont meħud tad-diversi prijoritajiet li għandu quddiemu dak id-Direttorat Ġenerali.

Riskju 1 – Allokazzjoni tal-persunal

Il-proposta inizjali tal-Kummissjoni ma kinitx tipprevedi l-ħolqien ta’ sistema tal-IT. Għalhekk, ma ġewx allokati riżorsi għal dan. Madankollu, matul in-negozjati u fuq talba tal-koleġiżlaturi, fir-Regolament ġie inkluż il-ħolqien tas-sistema ICG, li kien jirrikjedi riżorsi addizzjonali li f’dak il-punt ma kinux previsti. Il-ħtiġijiet għal dan il-proġett ta’ sitt snin f’termini ta’ persunal għall-iżvilupp tal-IT fid-DĠ TAXUD kienu stmati fi żmien it-trilogi politiċi finali f’Diċembru 2018 bħala żewġ pożizzjonijiet ta’ Amministratur full time. Madankollu, abbażi tad-disponibbiltajiet finanzjarji miksuba mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali, seta’ jiġi allokat biss aġent kuntrattwali wieħed, mill-aħħar ta’ Settembru 2019.

Barra minn hekk, il-kumplessità oġġettiva tal-proġett, l-għarfien speċifiku meħtieġ f’termini ta’ politika u l-għodod tekniċi użati biex tiġi żviluppata s-sistema ICG, għamlu t-tħejjija u t-taħriġ ta’ riżorsa biex tkun tista’ taħdem fuq il-fajl, konsiderevolment twal. Madankollu, il-progress fl-ispeċifikazzjonijiet funzjonali tan-negozju u fit-tfassil tas-sistema huwa ttardjat biss bi ftit.

Riskju 2 – Disponibbiltà baġitarja

L-inċertezza baġitarja minħabba n-negozjati dwar il-QFP il-ġdid tagħmel il-progress diffiċli ħafna. Jiddependi mill-eżitu tan-negozjati dwar il-QFP, u fl-agħar xenarju possibbli, il-fażijiet tal-iżvilupp u tat-tnedija jirriskjaw li jieqfu jew li jiġu ttardjati b’mod sinifikanti u l-iskadenzi legali sabiex tiġi stabbilita s-sistema ICG ikunu impossibbli li jintlaħqu.

Minbarra r-riskji identifikati hawn fuq, il-kriżi tas-saħħa pubblika kkawżata mill-COVID-19 qed taffettwa sa ċertu punt il-kapaċità tat-tim li jwettaq ħidmietu u b’mod speċjali l-attivitajiet u l-laqgħat tal-proġett mal-Grupp ta’ Esperti u l-Grupp tal-Proġett mal-Istati Membri. B’mod partikolari, ġiet ikkanċellata laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti, li kellha impatt dirett fuq il-progress tal-ħidma tal-Grupp tal-Proġett, u s-sessjoni li jmiss ta’ dan tal-aħħar tista’ ssir biss b’mod remot u għal terz biss tal-ħin inizjalment skedat. Barra minn hekk, il-kriżi tas-saħħa pubblika sfurzat skedar mill-ġdid tal-prijoritajiet fi ħdan l-Istati Membri, u b’hekk illimitat il-kapaċità tagħhom li jipprovdu input u feedback għall-fajl. Dan l-impatt se jiddependi minn kemm iddum il-kriżi tas-saħħa pubblika.

Azzjonijiet ta’ mitigazzjoni

Ir-riskji ġew dokumentati fi ħdan id-DĠ TAXUD. Ġiet allokata pożizzjoni għal Amministratur (AD) fuq bażi temporanja (sentejn).

6.KONKLUŻJONIJIET

Dan l-ewwel rapport ta’ progress tal-Kummissjoni rigward l-iżvilupp ta’ sistema elettronika ċentralizzata għall-importazzjoni ta’ beni kulturali (ICG) jirreġistra l-azzjonijiet li twettqu sa issa, jiġifieri,

(a)it-tħejjija li għaddejja għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni neċessarji,

(b)il-konsultazzjoni mal-Istati Membri permezz tal-Grupp ta’ Esperti dwar kwistjonijiet doganali relatati mal-beni kulturali u l-Grupp tal-Proġett li ġie stabbilit speċifikament għal dan il-għan għall-importazzjoni ta’ beni kulturali.

Bħala riskji potenzjali għad-dewmien biex titwettaq is-sistema ICG sal-iskadenza stabbilita tat-28 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni sa issa identifikat l-inċertezza madwar il-persunal allokat għall-proġett, billi dan jiddependi mid-disponibbiltajiet baġitarji attwali, il-prijoritajiet ġenerali tal-iżvilupp tal-IT doganali 12 u l-allokazzjoni futura fil-QFP li jmiss.



Anness I: Ippjanar strateġiku pluriennali

L-MASP-C jiżgura ġestjoni effettiva u koerenti tal-proġetti tal-IT billi jistabbilixxi kemm qafas strateġiku kif ukoll stadji importanti. Dan finalment jiġi approvat mill-Istati Membri fil-Grupp tal-Politika Doganali (CPG) abbażi ta’ parir espert mogħti mill-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar id-Dwana Elettronika (ECCG) u konsultazzjonijiet mal-kummerċ fil-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ (TCG).

L-ippjanar għas-sistema elettronika ġie diskuss u approvat mill-Istati Membri u huwa deskritt fid-dettall fil-Fiche 1.18 tal-MASP-C rev. 2019.

It-Tabella 1 ta’ hawn taħt tipprovdi silta mill-ippjanar tal-proġett dwar l-importazzjoni ta’ beni kulturali mill-MASP-C rev. 2019 Fiche 1.18.

Tabella 1 - Silta mill-MASP-C rev. 2019 Fiche 1.18

Stadji importanti

Data stmata tat-tlestija

1

Analiżi tan-Negozju u Mmudellar tan-Negozju

- Dokument tal-Argument għall-Vijabbiltà

Ir-raba’ trimestru tal-2020

- Livell 3 (BPM tar-Rekwiżiti tal-Utenti)

L-ewwel trimestru tal-2022

- Livell 4 (BPM dettaljat tar-Rekwiżiti Funzjonali)

L-ewwel trimestru tal-2022

2

Dispożizzjonijiet Legali

- Id-dispożizzjonijiet attwali adottati*

It-tieni trimestru tal-2019

- Id-dispożizzjonijiet futuri adottati **

It-tieni trimestru tal-2021

3

Fażi tal-Bidu tal-Proġett

- Dokument ta’ Viżjoni

It-tieni trimestru tal-2021

- Deċiżjoni tal-GO

It-tieni trimestru tal-2021

4

Proġett tal-IT

- Speċifikazzjonijiet tal-Applikazzjoni u tas-Servizz

It-tieni trimestru tal-2023

- Speċifikazzjonijiet Tekniċi tas-Sistema

It-tieni trimestru tal-2023

Fażi tal-Kostruzzjoni

- Implimentazzjoni tas-servizzi ċentrali

It-tielet trimestru tal-2024

- Integrazzjoni tas-servizz fis-Sistemi Nazzjonali

Mhux Applikabbli

- Implimentazzjoni nazzjonali

Mhux Applikabbli

Fażi tranżitorja

- Varar u tnedija

Ir-raba’ trimestru tal-2024

- Testijiet tal-konformità

It-tieni trimestru tal-2025

5

Tħaddim

- Il-Kummissjoni, l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u l-Kummerċjanti

It-tieni trimestru tal-2025

- Pajjiżi Mhux tal-UE u kummerċjanti mhux tal-UE (jekk ikun meħtieġ)

Mhux Applikabbli

6

Appoġġ għall-implimentazzjoni (taħriġ u komunikazzjoni)

- Taħriġ u komunikazzjoni żviluppati b’mod ċentrali

Ir-raba’ trimestru tal-2024

- Taħriġ u komunikazzjoni nazzjonali

Ir-raba’ trimestru tal-2024

*Id-dispożizzjonijiet attwali jirreferu għar-Regolament (UE) 2019/880

**Id-dispożizzjonijiet futuri jirreferu għad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) 2019/880

It-Tabella 2 tipprovdi silta mill-proġett EU-CSW CERTEX, b’enfasi fuq il-Komponent 2 tal-proġett EU-CSW CERTEX, li jgħaqqad is-sistema ICG.

Tabella 2 - Silta mill-MASP-C rev. 2019 Fiche 1.13 – Komponent 2 “EU-CSW CERTEX”

Stadji importanti

Data stmata tat-tlestija

1

Analiżi tan-Negozju u Mmudellar tan-Negozju

- Dokument tal-Argument għall-Vijabbiltà

L-ewwel trimestru tal-2017

- Anness tal-Argument għall-Vijabbiltà

It-tieni trimestru tal-2023

- Livell 3 (BPM tar-Rekwiżiti tal-Utenti)

L-ewwel trimestru tal-2024

- Livell 4 (BPM dettaljat tar-Rekwiżiti Funzjonali)

L-ewwel trimestru tal-2024

2

Dispożizzjonijiet Legali

- Id-dispożizzjonijiet attwali adottati*

Fis-seħħ

- Id-dispożizzjonijiet futuri adottati **

2021

3

Fażi tal-Bidu tal-Proġett

- Dokument ta’ Viżjoni

It-tielet trimestru tal-2017

- Anness tad-Dokument ta’ Viżjoni

It-tielet trimestru tal-2023

- Deċiżjoni tal-GO

It-tielet trimestru tal-2023

4

Proġett tal-IT

- Speċifikazzjonijiet tal-Applikazzjoni u tas-Servizz

It-tieni trimestru tal-2024

- Speċifikazzjonijiet Tekniċi tas-Sistema

It-tieni trimestru tal-2024

Fażi tal-Kostruzzjoni

- Implimentazzjoni tas-servizzi ċentrali

It-tielet trimestru tal-2024

- Integrazzjoni tas-servizz fis-Sistemi Nazzjonali

Mir-raba’ trimestru tal-2024 ’il quddiem

- Implimentazzjoni nazzjonali

Mir-raba’ trimestru tal-2024 ’il quddiem

Fażi tranżitorja

- Varar u tnedija

Ir-raba’ trimestru tal-2024

- Testijiet tal-konformità

Mill-ewwel trimestru tal-2025 ’il quddiem

5

Tħaddim

- Il-Kummissjoni, l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u l-Kummerċjanti (NB: Din hija d-data tat-Tħaddim għall-Kummissjoni, l-Istati Membri se jittestjaw għall-konformità mit-tieni trimestru tal-2020)

It-tieni trimestru tal-2025

- Pajjiżi Mhux tal-UE u kummerċjanti mhux tal-UE (jekk ikun meħtieġ)

Mhux Applikabbli

6

Appoġġ għall-implimentazzjoni (taħriġ u komunikazzjoni)

- Taħriġ u komunikazzjoni żviluppati b’mod ċentrali

Mhux Applikabbli

- Taħriġ u komunikazzjoni nazzjonali

Mhux Applikabbli

*Id-dispożizzjonijiet attwali jirreferu għar-Regolament (UE) 2019/880

**Id-dispożizzjonijiet futuri jirreferu għad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) 2019/880

Anness II: Fażijiet ewlenin tal-proġett u skeda ta’ żmien tal-istadji importanti kritiċi

(1)

ĠU L 151, 7.6.2019, p. 1-14

(2)

Il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Prevenzjoni u l-Projbizzjoni tal-Importazzjoni, Esportazzjoni u Trasferiment Illeċitu tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali, iffirmata f’Pariġi fl-1970.

(3)

  https://ec.europa.eu/taxation_customs/general-information-customs/electronic-customs/eu-single-window-environment-for-customs_en  

(4)

It-tqegħid ta’ merkanzija taħt il-proċeduri doganali li ġejjin huwa definit bħala “importazzjoni” fir-Regolament: ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera; il-ħżin f’imħażen doganali jew f’żoni liberi; l-importazzjoni temporanja; l-użu aħħari, inkluż l-ipproċessar attiv.

(5)

Ara https://ec.europa.eu/taxation_customs/general-information-customs/electronic-customs_en .

(6)

Id-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ, ĠU 2008, Nru L23, p. 21.

(7)

  https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/2019_masp_annex3_en.pdf  

(8)

  https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/2019_masp_annex4_en.pdf  

(9)

  https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/2019_masp_annex5_en.pdf  

(10)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar l-esportazzjoni ta’ oġġetti kulturali (ĠU L 39, 10.2.2009, p. 1–7)

(11)

Qabel il-ħolqien tal-Gruppi ta’ Esperti għall-finijiet tat-Trattat ta’ Lisbona, dawn l-istess diskussjonijiet kienu jseħħu fi ħdan il-Kumitat tar-Regolament (KE) Nru 116/2009. Il-membri tal-Grupp ta’ Esperti huma fil-biċċa l-kbira l-istess awtoritajiet li jiltaqgħu fi ħdan il-Kumitat ta’ dak ir-Regolament.

(12)

Bħall-eżerċizzju ta’ diġitalizzazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU).