Brussell, 16.6.2020

COM(2020) 248 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Lejn sajd aktar sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2021

{SWD(2020) 112 final}


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Lejn sajd aktar sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2021

1.Daħla

Din il-Komunikazzjoni tagħti ħarsa ġenerali lejn il-progress li sar fl-ilħuq ta’ sajd sostenibbli mill-flotot tal-UE u tirrevedi l-prestazzjoni soċjoekonomika tal-flotta tal-UE, il-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd, u l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art. Din il-komunikazzjoni jenħtieġ li tinqara flimkien mal-informazzjoni pprovduta fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha.

Barra minn hekk, din il-Komunikazzjoni tinkludi l-orjentazzjonijiet ewlenin li se jsawru l-proposti tal-Kummissjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2021. L-Istati Membri, il-kunsilli konsultattivi, il-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku huma mistiedna jirriflettu dwar l-orjentazzjonijiet ta’ politika stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni u jipprovdu rispons lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Awwissu 2020.

2.Progress fil-kisba tal-Fmsy 1  

Fil-Grigal tal-Atlantiku, il-pressjoni fuq l-istokkijiet tal-ħut mis-sajd naqset b’mod stabbli bejn l-2003 u l-2018. Filwaqt li l-mortalità medjana mis-sajd kienet aktar minn 1.5 darbiet ogħla mill-mortalità mis-sajd b’rendiment massimu sostenibbli (Fmsy) fil-bidu tas-snin 2000, issa stabbilizzat ruħha għal madwar 1.0. Dan ifisser li s-sajd sar dejjem aktar sostenibbli. Dan ifisser ukoll li l-objettiv tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY) intlaħaq b’mod wiesa’, għalkemm għad iridu jiġu indirizzati xi sfidi.

Il-qabdiet totali permissibbli (TACs) huma waħda mill-għodod ewlenin ta’ ġestjoni tal-politika komuni tas-sajd. Fil-Grigal tal-Atlantiku u fiż-żoni li jmissu miegħu, il-Kummissjoni pproponiet TACs għall-2020 f’konformità ma’ jew taħt livell sostenibbli (f’termini ta’ mortalità mis-sajd – Fmsy) għat-78 TAC kollha li għalihom kien hemm disponibbli parir dwar il-Fmsy, ħlief f’6 każijiet li għalihom il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) ma ta l-ebda parir dwar il-qabdiet. F’dawn il-każijiet, ġie deċiż li jiġu stabbiliti TACs ta’ livell baxx għall-qabdiet inċidentali biss, sabiex l-istokkijiet imnaqqsa jkunu jistgħu jerġgħu jinbnew, mingħajr ma jingħalaq b’mod prematur is-sajd kummerċjali importanti jew jiġi evitat li x-xjenzati jiġbru data xjentifika.

Barra minn hekk, il-pjanijiet pluriennali (MAPs) reġjonali għall-Baħar Baltiku 2 , il-Baħar tat-Tramuntana 3 u l-Ilmijiet tal-Punent 4 taw prova tal-valur tagħhom billi pprovdew il-flessibbiltà meħtieġa fl-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd filwaqt li ppermettew li jiġu ffissati l-livelli tas-sajd fil-medda tal-MSY. F’ċerti każijiet ċirkoskritti b’mod strett, huma ppermettew li jiġu stabbiliti TACs fil-medda tal-MSY ta’ fuq, u b’hekk jitnaqqas l-impatt ta’ tnaqqis ta’ stokkijiet b’saħħithom. Dan kien il-każ għall-marlozz tan-Nofsinhar u tat-Tramuntana. Fl-istess ħin, il-MAPs kienu kruċjali biex jiġu stabbiliti TACs fil-medda tal-MSY ta’ isfel għal għadd ta’ stokkijiet li ma kinux f’qagħda tajba.

Il-Kunsill stabbilixxa 62 minn 78 TAC f’konformità mal-Fmsy. Għalhekk, huwa mistenni li fl-2020, aktar minn 99 % tal-ħatt l-art fil-Baħar Baltiku, fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Atlantiku ġestit esklussivament mill-UE se jiġi minn sajd ġestit b’mod sostenibbli.

Fir-rigward ta’ 11-il stokk fil-Grigal tal-Atlantiku, li huma ġestiti ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE, ix-xejra ġenerali pożittiva osservata fl-ilmijiet tal-UE sal-2014 hija kkonfermata, bil-valur medjan tal-indikatur F/Fmsy li jsegwi mill-qrib dak prodott għall-ilmijiet tal-UE. Wara l-2014, madankollu, l-indikatur juri numru dejjem jikber ta’ stokkijiet sfruttati ’l fuq mill-Fmsy 5 .

Lil hinn mill-istabbiliment tat-TAC, fl-2019 il-Kunsill adotta miżuri ta’ rimedju taħt il-MAPs biex ċerti stokkijiet tal-ħut jitħallew jirkupraw: il-merluzz u l-merlangu tal-Baħar Ċeltiku u l-merluzz tal-Baltiku tal-Lvant. Intlaħaq qbil ukoll dwar miżuri ta’ rimedju għall-merluzz tal-Baħar tat-Tramuntana, Skagerrak u Kattegat fil-konsultazzjonijiet bejn l-UE u n-Norveġja. Għal dawn l-istokkijiet, li jinsabu f’sitwazzjoni partikolarment diffiċli, l-attenzjoni tal-ġestjoni issa hija fuq il-bini mill-ġdid tal-bijomassa. Għalhekk, ġew stabbiliti miżuri protettivi straordinarji biex il-qabdiet tagħhom fis-sajd kummerċjali ewlieni jiġu minimizzati (bl-użu ta’ rkaptu aktar selettiv) u jiġi żgurat li s-sajd iddokumentat bis-sħiħ kellu fehim korrett tax-xejriet tas-sajd.

Madankollu, filwaqt li dawn il-miżuri ta’ rimedju se jkunu ta’ għajnuna, sabiex jiġi żgurat irkupru aktar rapidu tal-istokk tal-merluzz tal-Baħar Ċeltiku f’konformità mal-objettivi tal-MAP tal-Ilmijiet tal-Punent, il-Kummissjoni kienet tippreferi li t-TAC għall-merluzz tal-Baħar Ċeltiku jiġi stabbilit f’livell aktar kawt għall-2020.

L-indikatur tal-mortalità mis-sajd (F/Fmsy) għall-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed baqa’ f’livell għoli ħafna għall-perjodu kollu tal-2003-2017. Mill-2011 meta F/Fmsy laħaq il-quċċata fl-ogħla livell storiku tiegħu, il-valur ta’ F/Fmsy baqa’ madwar 2.4. Dan jindika li l-istokkijiet qed jiġu sfruttati bħala medja b’rati ferm ogħla mill-objettiv ta’ sostenibbiltà tal-politika komuni tas-sajd.

2.1.Xejriet tal-bijomassa 6

Fil-Grigal tal-Atlantiku, il-bijomassa kompliet tiżdied mill-2007, u fl-2018 kienet 48 % ogħla milli fl-2003 7 għall-istokkijiet evalwati bis-sħiħ.

Fil-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed, is-sitwazzjoni baqgħet essenzjalment l-istess mill-bidu tas-serje tad-data fl-2003, għalkemm mill-2012 seta’ kien hemm żieda żgħira fil-bijomassa. Madankollu, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) jinnota l-inċertezza kbira dwar dan l-indikatur.

Minkejja titjib sinifikanti fit-tnaqqis tal-pressjoni mis-sajd fil-Grigal tal-Atlantiku u fiż-żieda tal-bijomassa, għad fadal sfidi. Xi stokkijiet qed ikomplu jkunu mistada żżejjed u/jew barra mil-limiti bijoloġiċi sikuri, u huwa ċar li sforz akbar huwa meħtieġ biex dawn l-istokkijiet jinġiebu għal livelli sostenibbli. Għall-Mediterran u l-Baħar l-Iswed, huwa ċar li sforzi qawwija ta’ konservazzjoni wkoll jeħtieġu li jitkomplew, b’mod partikolari bl-implimentazzjoni tal-MAP tal-Punent tal-Mediterran u l-bosta azzjonijiet meħuda biex jitwettqu d-Dikjarazzjonijiet ta’ MedFish4Ever u ta’ Sofia, bħall-pjan pluriennali tal-GFCM għall-Adrijatiku għas-sajd demersali adottat fl-2019.

2.2.L-istat tal-flotta tal-UE 8

L-għadd ta’ bastimenti fil-flotta tal-UE kompla jonqos. F’Diċembru 2019, ir-reġistru tal-flotta tal-UE (inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda) kellu 81 279 bastiment, tnaqqis ta’ 365 bastiment meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Il-kapaċità globali f’tunnellaġġ gross (GT) kienet ta’ 1 521 189, tnaqqis ta’ 11 991 GT meta mqabbla ma’ sena qabel. Il-kapaċità globali f’kW kienet ta’ 6 047 356 (kW), tnaqqis ta’ 428 278 kW meta mqabbla ma’ Diċembru 2018. Filwaqt li l-kapaċità globali tal-flotta tal-UE tibqa’ taħt il-limiti massimi tal-kapaċità tas-sajd, dan jeħtieġ li jitqiegħed f’perspettiva peress li għad hemm għadd sinifikanti ta’ segmenti tal-flotta li x’aktarx ma jkunux f’bilanċ mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli. L-aħħar sejbiet juru li fl-2017, mill-247 segment tal-flotta vvalutati, 182 ma kinux f’bilanċ skont wieħed mill-indikaturi bijoloġiċi ewlenin (l-indikatur tal-ħsad sostenibbli).

Il-prestazzjoni ekonomika tal-flotta tal-UE kompliet tkun tajba ħafna bi profitt nett ta’ madwar EUR 1.4 biljun u marġni ta’ profitt nett medju ta’ 18 % fl-2018. Dan il-livell ta’ profittabbiltà jirrappreżenta titjib kbir, minħabba li l-flotta tal-UE kienet biss marġinalment profittabbli fl-2008. It-titjib kontinwu fil-prestazzjoni kien prinċipalment ir-riżultat ta’ titjib f’xi stokkijiet importanti, il-prezzijiet medji tal-ħut għoljin (aktar valur għal inqas ħut żbarkat) u l-prezzijiet tal-fjuwil baqgħu baxxi.

Għalkemm iċ-ċifri għadhom mhumiex disponibbli għall-2019, huwa mistenni wkoll livell tajjeb ħafna ta’ profittabbiltà ġenerali, bi profitt nett u marġni ta’ profitt nett medju simili għal dawk tal-2018. Madankollu, għad hemm differenzi sinifikanti madwar ir-reġjuni differenti tas-sajd tal-UE, bil-Baltiku, il-Mediterran u l-Baħar l-Iswed ikunu dawk b’livelli aktar baxxi ta’ profittabbiltà. Ġiet osservata xejra ekonomika pożittiva għal għadd ta’ flotot li għandhom fil-mira tagħhom stokkijiet sfruttati b’mod sostenibbli (bħall-petriċi u l-megrim fil-Baħar Irlandiż; il-lingwata fil-Kanal Ingliż tal-Punent u l-megrim fil-Baħar tat-Tramuntana), li kellhom it-tendenza li jtebju l-profittabbiltà u s-salarji tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-flotot li jimmiraw għal stokkijiet sfruttati żżejjed (merluzz tal-Baltiku tal-Lvant, merluzz tal-Baħar Ċeltiku) kellhom it-tendenza li jirreġistraw prestazzjoni ekonomika ifqar.

L-impjiegi totali fil-flotta tal-UE f’ekwivalenti ta’ full-time (FTE) ilhom jonqsu b’medja ta’ 1.2 % fis-sena mill-2008, parzjalment minħabba t-tnaqqis fil-kapaċità tal-flotta. Madankollu, il-paga medja tal-FTE kienet qed tiżdied bi 2.5 % fis-sena. Il-paga medja annwali tal-FTE hija ta’ EUR 25 000. L-impjiegi żdiedu f’għadd ta’ flotot fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Atlantiku, li għall-kuntrarju ta’ reġjuni oħra, issa jidher li qed jiġu kkonsolidati.

Il-projezzjonijiet għall-prestazzjoni ekonomika tal-flotta tal-UE fl-2020 għadhom inċerti ħafna s’issa minħabba l-effetti kkombinati tat-tnaqqis fid-domanda u t-tfixkil tal-katini tal-provvista li jirriżultaw mill-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19. Madankollu, indikazzjonijiet bikrija jissuġġerixxu li s-settur tas-sajd inizjalment intlaqat ħażin ħafna minn tfixkil fis-suq ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, hekk kif id-domanda rat tnaqqis f’daqqa. It-tnaqqis fid-domanda, u t-tnaqqis sussegwenti fil-prezzijiet tal-ewwel bejgħ, wasslu biex ħafna bastimenti jieqfu mill-attività tagħhom. L-għeluq tal-kanali HORECA affettwa segmenti tal-flotot li kellhom fil-mira speċijiet ta’ valur għoli u sajd kostali fuq skala żgħira. Barra minn hekk, il-flotot tas-sajd li jiddependu mis-swieq tal-esportazzjoni kellhom impatt kbir. Minbarra l-problemi tad-domanda, il-miżuri sanitarji fixklu xi sajd.

Minn nofs April, is-sitwazzjoni tidher li qed titjieb kemm għas-settur tal-qbid kif ukoll għas-settur tal-ipproċessar tal-ħut 9 . Il-prezzijiet baxxi ħafna tal-fjuwil fl-2020 jistgħu jgħinu biex inaqqsu l-ispejjeż operattivi għall-flotot tal-UE.

Biex tindirizza din is-sitwazzjoni mingħajr preċedent, il-Kummissjoni pproponiet firxa ta’ miżuri urġenti ta’ għajnuna, li l-leġiżlaturi tal-UE approvaw. Dawn il-miżuri se jgħinu biex jipproteġu eluf ta’ impjiegi fir-reġjuni kostali tal-UE u jżommu s-sigurtà tal-ikel. Dawn jestendu l-ambitu tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) biex jippermettu kumpens għal telf ekonomiku kkawżat mill-kriżi tas-saħħa pubblika, allokazzjoni aktar flessibbli ta’ riżorsi finanzjarji fi ħdan il-programm operattiv ta’ kull Stat Membru u proċedura simplifikata għall-emendar ta’ programmi operattivi biex il-miżuri l-ġodda jiġu introdotti malajr. Qafas temporanju ġdid għall-għajnuna mill-Istat jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu għajnuna fil-forma ta’ għajnuna mill-Istat lill-operaturi ekonomiċi attivi fis-settur tas-sajd u milquta mill-kriżi.

Anke jekk b’mod ġenerali l-kapaċità tal-flotta tal-UE tibqa’ taħt il-limiti legali tal-kapaċità tas-sajd, l-għadd sinifikanti ta’ segmenti tal-flotta li x’aktarx ma jkunux f’bilanċ mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli jibqa’ ta’ tħassib u jenħtieġ li jiġi indirizzat permezz tal-miżuri xierqa fil-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Istati Membri.

2.3.L-obbligu tal-ħatt l-art 10

L-obbligu li jinħattu l-art il-qabdiet kollha daħal fis-seħħ bis-sħiħ fl-2019. Biex tevalwa l-progress dwar l-obbligu tal-ħatt l-art, il-Kummissjoni rċeviet rapporti minn 18-il Stat Membru 11 u ħames kunsilli konsultattivi. Intużaw ukoll sorsi oħra ta’ informazzjoni, pereżempju workshop organizzat mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u l-kontroll u l-infurzar tal-obbligu tal-ħatt l-art fl-14 ta’ Ġunju 2019.

Il-konformità b’mod ġenerali għadha tidher baxxa. L-Istati Membri għandhom jiffukaw aktar fuq il-kontroll u l-infurzar. In-nuqqas ta’ rappurtar preċiż mill-biċċa l-kbira tal-pajjiżi dwar l-ammont ta’ ħut skartat taħt eżenzjonijiet permessi skont l-obbligu tal-ħatt l-art, il-volumi baxxi ħafna ta’ ħut taħt id-daqsijiet minimi li jkunu qed jinħattu l-art u d-diffikultajiet esperjenzati mill-Istati Membri fil-monitoraġġ ta’ qabdiet bħal dawn jibqgħu ta’ tħassib kbir. Barra minn hekk, minħabba dawn in-nuqqasijiet, l-impatt tal-obbligu tal-ħatt l-art fuq l-Istati Membri u l-industrija tas-sajd għadu baxx, minkejja tħassib inizjali qawwi espress mill-partijiet ikkonċernati qabel l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu fl-2019.

B’mod sinifikanti inqas Stati Membri wettqu studji speċifiċi u proġetti pilota biex jittestjaw irkaptu selettiv jew strateġiji ta’ evitar. Fl-2019, l-enfasi ċċaqalqet fuq il-programmi tat-teħid tal-kampjuni jew fuq l-istudji ekonomiċi biex tappoġġja l-eżenzjonijiet de minimis u ta’ sopravivenza għolja. Fl-2019, il-gruppi reġjonali tal-Istati Membri indirizzaw b’suċċess is-sitwazzjonijiet potenzjali ta’ “kwoti limitanti”, bl-użu ta’ soluzzjonijiet żviluppati mal-Kummissjoni u ma’ partijiet ikkonċernati oħra. Pereżempju, ċerti Stati Membri qablu li jagħmlu skambju tal-kwoti biex jistabbilixxu TACs għall-qabdiet inċidentali biss akkumpanjati minn miżuri għat-tnaqqis tal-qabdiet inċidentali. Il-mekkaniżmu ta’ skambju ntuża b’suċċess. Madankollu, l-STECF ivvaluta li wħud mill-miżuri għat-tnaqqis tal-qbid inċidentali ma kinux effettivi biżżejjed. Il-Kummissjoni għalhekk inkludiet xi miżuri ta’ rimedju marbuta intrinsikament 12 fil-proposta tagħha dwar l-opportunitajiet tas-sajd biex tindirizza dan.

Il-kontroll tal-obbligu tal-ħatt l-art jibqa’ sfida li ma ġietx solvuta 13 . Fi Frar 2020, il-Kummissjoni bdiet sensiela ta’ verifiki dwar kif l-Istati Membri magħżula jiżguraw il-kontroll u l-infurzar tal-obbligu ta’ ħatt l-art. Is-sejbiet inizjali tal-verifiki li saru s’issa jindikaw li l-Istati Membri inkwistjoni ma adottawx il-miżuri meħtieġa u li hemm rimi sinifikanti tal-qabdiet mingħajr dokumenti. Dawk is-sejbiet huma appoġġati minn diversi rapporti, inklużi tliet rapporti ta’ evalwazzjoni tal-konformità 14 dwar l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art mill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA). Dawn ir-rapporti jikkonfermaw li n-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu tal-ħatt l-art kien mifrux f’ċerti segmenti tal-flotta fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Ilmijiet tal-Majjistral għal sajd speċifiku matul il-perjodu ta’ evalwazzjoni (mill-2015/2016 sal-2017).

Hemm bżonn ta’ sforzi kontinwi biex tiżdied is-selettività fl-irkaptu u t-tekniki tas-sajd. Għandu jkun hemm aktar enfasi fuq il-kontroll u l-infurzar tal-obbligu tal-ħatt l-art, b’mod partikolari bl-użu ta’ għodod moderni ta’ kontroll xierqa, bħal sistemi ta’ monitoraġġ elettroniċi mill-bogħod, li huma l-aktar mezzi effettivi u kosteffiċjenti biex jiġi kkontrollat l-obbligu tal-ħatt l-art fil-baħar. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-koleġiżlaturi biex jintlaħaq ftehim dwar is-sistema riveduta tal-kontroll tas-sajd 15 , li tista’ tiffaċilita l-użu ta’ dawn l-għodod moderni ta’ kontroll.

3.Proposti għall-opportunitajiet tas-sajd għall-2021

3.1.L-objettivi tal-proposti dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2021

Mill-2020, l-istokkijiet tal-ħut għandhom jiġu ġestiti skont il-mira ta’ rendiment massimu sostenibbli. L-objettiv ewlieni tal-proposti tal-Kummissjoni għall-istokkijiet tal-Atlantiku, tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Baħar Baltiku għalhekk se jkun li jinżamm jew jintlaħaq ir-rendiment massimu sostenibbli (Fmsy) għall-istokkijiet ivvalutati skont il-MSY 16 . Il-Kummissjoni se timplimenta bis-sħiħ il-pjanijiet ta’ ġestjoni. Il-Kummissjoni se tipproponi l-valur tal-punt MSY jew tagħmel użu mill-medda MSY indikata mill-ICES fejn dan ikun legalment possibbli taħt pjan pluriennali. Fejn l-ICES jirrakkomanda li ma jittieħdu l-ebda qabdiet mill-istokkijiet fil-mira, l-attenzjoni se tkun fuq il-bini mill-ġdid tagħhom b’miżuri ta’ rimedju skont il-pjanijiet pluriennali. Il-proposti se jkomplu wkoll iħarsu lejn modi kif jiffaċilitaw l-implimentazzjoni effettiva tal-obbligu tal-ħatt l-art. Il-ħidma mal-partijiet ikkonċernati kollha tkompli sabiex jiġi żgurat li l-istokkijiet koperti minn dawn il-pjanijiet jiksbu evalwazzjoni xjentifika sħiħa tal-MSY kemm jista’ jkun malajr.

Filwaqt li l-istatus fqir ta’ xi stokkijiet huwa wkoll ir-riżultat ta’ fatturi antropoġeniċi oħra (bħat-tibdil fil-klima u t-tniġġis), li jridu jiġu indirizzati, il-pressjoni tas-sajd fuq dawn l-istokkijiet għad trid tkun limitata. Il-Kummissjoni, flimkien max-xjenzati, qed iżżid il-ħidma fuq l-ekosistemi tas-sajd, bl-aspirazzjoni li dawn l-elementi jiġu integrati fil-ġestjoni tas-sajd.

Il-proposta għal regolament dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-Mediterran u l-Baħar l-Iswed se tistabbilixxi, għall-implimentazzjoni tal-MAP tal-Mediterran tal-Punent fl-2021, sforzi ulterjuri biex jinkiseb tnaqqis fid-dawl tal-objettiv tal-MAP li jinkiseb il-Fmsy fiż-żona sa mhux aktar tard mill-2025 abbażi tal-parir xjentifiku disponibbli. Il-proposta se tinkludi wkoll il-miżuri diġà fis-seħħ tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM), inklużi dawk adottati fl-2019, bħall-pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fl-Adrijatiku, kif ukoll il-miżuri ta’ emerġenza tal-Adrijatiku għall-ispeċijiet pelaġiċi żgħar, miżuri għas-sallur u t-TACs għall-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed, kif ukoll il-kwota awtonoma għal-laċċa kaħla f’dak il-baċir 17 .

3.2.Il-passi ewlenin lejn l-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd li jmiss

Il-bażi għall-proposti tal-Kummissjoni għall-opportunitajiet tas-sajd se tkun il-parir xjentifiku tal-ICES dwar il-qbid, maħruġ f’diversi partijiet. L-ICES se jippubblika l-parir tiegħu dwar il-qbid f’Mejju u f’Ġunju u jaġġorna xi partijiet minn dak il-parir wara l-istħarriġ tal-ħarifa fuq il-baħar. L-istokkijiet pelaġiċi l-kbar jirċievu pariri f’Settembru. Il-Kummissjoni beħsiebha tkopri kemm jista’ jkun stokkijiet fil-proposti inizjali tagħha. Il-proposti dwar l-opportunitajiet tas-sajd se jkomplu jinkludu opportunitajiet tas-sajd fi pro memoria għal stokkijiet ġestiti ma’ sħab internazzjonali, eż. in-Norveġja, u fejn il-parir xjentifiku jasal aktar tard matul is-sena.

Il-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fil-ftehim ta’ rtirar bejn l-UE u r-Renju Unit jiskadi fl-aħħar tal-2020, sakemm ma jiġix estiż. L-istokkijiet li għalihom il-Kummissjoni se jkollha bżonn tikkonsulta mar-Renju Unit, inkluż mar-Renju Unit u n-Norveġja, dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2021 se jiġu ppreżentati wkoll bħala pro memoria, skont meta jsiru dawk il-konsultazzjonijiet, u xi jkunu r-riżultati tagħhom.

Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-għoti ta’ pariri xjentifiċi u l-kontinwità fis-sottomissjoni tad-data diġà ġew affettwati, u dan jista’ jirriżulta f’differenzi f' meta jingħataw il-pariri kif ukoll fil-forma tagħhom, meta mqabbel mas-snin ta’ qabel.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati biex jikkunsidraw il-parir xjentifiku hekk kif isir disponibbli għall-pubbliku 18 . Il-partijiet ikkonċernati se jkollhom ukoll l-opportunità li jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar l-opportunitajiet tas-sajd permezz tal-kunsilli konsultattivi rispettivi tagħhom u l-Istati Membri.

Filwaqt li tqis dawn il-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha l-għan li tadotta erba’ proposti: għall-Baħar Baltiku (Awwissu), għall-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed (Settembru), għall-istokkijiet tal-baħar fond fil-Grigal tal-Atlantiku (Ottubru) u għall-Atlantiku u l-Baħar tat-Tramuntana (Ottubru) 19 . Dawn se jiġu diskussi f’laqgħat separati tal-Kunsill – il-Kunsill ta’ Ottubru għall-Baħar Baltiku, il-Kunsill ta’ Novembru għall-istokkijiet tal-baħar fond u l-Mediterran u l-Baħar l-Iswed, il-Kunsill ta’ Diċembru għall-proposta għall-Atlantiku u l-Baħar tat-Tramuntana 20 .

3.3.L-istabbiliment ta’ opportunitajiet tas-sajd għal baċiri tal-baħar differenti

L-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet tal-UE biss fil-Baltiku, fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Ilmijiet tal-Punent se jkunu bbażati fuq il-MAPs rilevanti, li jiddefinixxu l-meded ta’ mortalità tal-Fmsy u għalhekk joffru grad ta’ flessibbiltà f'kundizzjonijiet speċifiċi. L-ICES huwa mitlub jagħti parir li jippermetti li jiġu vvalutati l-ħtieġa u l-possibbiltà li tintuża din il-flessibbiltà. Il-firxa ta’ fuq tal-valuri Fmsy tista’ tintuża biex jiġu proposti TACs biss għal stokkijiet b’saħħithom u biss jekk il-parir xjentifiku jqis li huwa meħtieġ li jinkisbu l-objettivi tal-MAP fil-każ ta’ sajd imħallat, sabiex tiġi evitata ħsara serja lill-istokk ikkawżata minn dinamika intraspeċi u interspeċi fl-istokk, jew sabiex jiġu limitati l-varjazzjonijiet kbar bejn is-snin.

Fil-kuntest tal-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligu tal-ħatt l-art, il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi l-opportunitajiet tas-sajd għall-Baħar Baltiku, l-Ilmijiet tal-Punent u l-Baħar tat-Tramuntana skont il-parir tal-ICES dwar il-qbid, filwaqt li tnaqqas il-kwoti de minimis jew dawk b’rata għolja ta’ sopravivenza fejn xieraq.

Sabiex tkompli tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligu tal-ħatt l-art, huwa importanti li jintużaw l-għodod kollha ta’ mitigazzjoni disponibbli, inkluż kwalunkwe parir tal-ICES dwar l-approċċ tas-sajd imħallat, fejn xieraq. F’dan il-kuntest, il-progress tal-Istati Membri b’miżuri ta’ tnaqqis tal-qbid inċidentali se jiġi evalwat mill-Kummissjoni, filwaqt li l-gruppi reġjonali rilevanti jeħtieġ li jiżviluppaw miżuri ta’ rimedju fuq perjodu medju ta’ żmien għall-istokkijiet vulnerabbli.

Għall-istokkijiet ivvalutati skont il-Fmsy soġġetti għal konsultazzjonijiet ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE, il-Kummissjoni se timmira għal ftehim skont l-istrateġiji ta’ ġestjoni fit-tul jew, fin-nuqqas ta’ strateġiji bħal dawn, il-parir dwar il-Fmsy. Jenħtieġ ukoll li l-UE tkompli tfittex soluzzjonijiet biex tevita s-sajd żejjed tal-istokkijiet pelaġiċi fil-Grigal tal-Atlantiku minħabba n-nuqqas ta’ arranġamenti ta’ kondiviżjoni bejn l-istati kostali.

Għall-istokkijiet ġestiti minn organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs), inkluż fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, il-Kummissjoni se tipproponi opportunitajiet tas-sajd ibbażati fuq id-deċiżjonijiet tal-RFMOs. Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, wieħed jista’ jistenna li fl-2020 l-aġenda ta’ ħafna laqgħat tal-RFMO se tkun limitata għall-aktar deċiżjonijiet essenzjali biss, minħabba d-diffikultajiet fl-organizzazzjoni tal-laqgħat, inklużi l-laqgħat tal-kumitati xjentifiċi li se jaffettwaw il-parir xjentifiku disponibbli għall-maniġers tas-sajd.

Għall-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli li l-UE għandha ma’ pajjiżi terzi, l-istokkijiet huma ġestiti abbażi tal-pariri xjentifiċi speċifiċi għal ftehimiet imħallta. Fil-każ tal-ftehimiet dwar it-tonn, l-opportunitajiet u l-prattiki tas-sajd disponibbli jsegwu r-rakkomandazzjonijiet mill-RFMOs.

Taħt il-MAP tal-Punent tal-Mediterran, għall-2021 il-Kunsill għandu jistabbilixxi miri ulterjuri għat-tnaqqis tal-isforzi bbażati fuq parir xjentifiku, fl-isfond tal-objettiv tal-MAP li tinkiseb il-Fmsy sa mhux aktar tard mill-2025.

L-interruzzjoni attwali fl-attivitajiet tas-sajd minħabba l-pandemija tal-COVID-19 tista’ twassal għal użu inqas tal-kwoti tas-sajd f’ħafna Stati Membri. Bħalissa, għadu mhux magħruf kemm se jdum il-perjodu ta’ lockdown u b’kemm se jintużaw inqas kwoti. Dan jista’ jvarja skont l-istokkijiet fil-mira u l-istaġuni tas-sajd. Il-Kummissjoni se timmonitorja bir-reqqa l-progress fl-attività tas-sajd u kif l-Istati Membri jużaw il-klawżola tal-“flessibbiltà inter-annwali”, li tippermettilhom li jżommu 10 % tal-kwota tal-2020 mhux użata tagħhom u jużawha fl-2021. Kwalunkwe flessibbiltà ulterjuri se tiġi vvalutata fid-dawl tal-qafas legali eżistenti u l-objettivi tal-politika komuni tas-sajd kif ikkonfermati fuq il-bażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli. Fi kwalunkwe każ, tibqa’ r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiżguraw li l-qabdiet kollha jiġu addebitati kontra l-kwoti disponibbli u li d-dokumentazzjoni tal-vjaġġi kollha tas-sajd tkun dettaljata u preċiża.

4.Konklużjoni

L-istokkijiet tal-ħut b’saħħithom ikomplu jgħinu biex tingħata spinta lill-prestazzjoni ekonomika tal-flotta tal-UE, għalkemm il-prestazzjoni ekonomika tal-flotta tal-UE fl-2020 għadha inċerta minħabba l-effetti kkombinati tal-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19.

L-objettiv ewlieni tal-politika komuni tas-sajd huwa li l-istokkijiet jinġiebu għal livelli sostenibbli, billi jiġu ġestiti b’rendiment massimu sostenibbli sal-2020 u lil hinn u jiġi eliminat ir-rimi, u dan jibqa’ prijorità. Il-kisba ta’ dan l-objettiv se tikkontribwixxi wkoll biex jinkiseb status ambjentali tajjeb fl-ibħra Ewropej u biex jiġi mminimizzat l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar. Huwa daqstant importanti għall-irkupru tas-settur tas-sajd. Minkejja titjib sinifikanti fil-Grigal tal-Atlantiku, għad fadal sfidi fil-baċiri kollha tal-baħar. Xi stokkijiet jibqgħu mistada żżejjed u/jew lil hinn mil-limiti bijoloġiċi sikuri, u huwa ċar li jinħtieġ sforz akbar f’dak ir-rigward.

Is-sitwazzjoni fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għadha sors ta’ tħassib, u jinħtieġu aktar sforzi konġunti. Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati kollha biex timplimenta l-MAP tal-Mediterran tal-Punent.

Is-sajd sostenibbli u t-tekniki tas-sajd aktar selettivi huma elementi kostitwenti ta’ sistema tal-ikel sostenibbli li toffri valur lill-produtturi u lill-konsumaturi, u huma rekwiżiti essenzjali li jridu jintlaħqu jekk irridu nipproteġu u nirrestawraw il-bijodiversità fl-ambjent naturali tagħna għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet futuri. L-istrateġija tal-Kummissjoni dwar il-bijodiversità u l-istrateġija “mill-għalqa sal-platt” jenfasizzaw il-ħtieġa għal sajd sostenibbli u jelenkaw azzjonijiet konkreti li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat li l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar jiġu mminimizzati.

Li jintlaħaq l-objettiv tas-sostenibbiltà tal-politika komuni tas-sajd u l-għan tagħha li jitnaqqas ir-rimi ta’ ħela huma parti minn dak l-isforz. Huwa importanti li s-sajd sostenibbli jkun l-aħjar mod kif jiġu protetti l-impjiegi u d-dħul fil-komunitajiet tas-sajd tagħna u kif dawn jiġu megħjuna jsibu mod kif joħorġu mill-kriżi attwali. Il-kisbiet sinifikanti tal-politika komuni tas-sajd matul l-aħħar għaxar snin juru d-direzzjoni li għandha ssegwi fil-futur.

L-Istati Membri, il-kunsilli konsultattivi, il-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku huma mistiedna jikkunsidraw l-orjentazzjonijiet ta’ politika stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni u jipprovdu rispons lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Awwissu 2020.



Skeda tax-xogħol ippjanata 21   22

Meta

Xiex

Mejju/Ġunju/Ottubru

Parir dwar l-istokk mill-ICES

Ġunju-l-aħħar ta’ Awwissu

Konsultazzjoni pubblika dwar il-Komunikazzjoni

L-aħħar ta’ Awwissu

L-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-proposti dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-Baħar Baltiku

Nofs Settembru

L-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-proposta dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed

Ottubru

Laqgħa tal-Kunsill dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-Baħar Baltiku

L-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet tal-baħar fond

L-aħħar ta’ Ottubru

L-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-proposta dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-Atlantiku/il-Baħar tat-Tramuntana

Novembru

Laqgħa tal-Kunsill dwar il-proposta tal-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet tal-baħar fond

Laqgħa tal-Kunsill dwar il-proposta tal-opportunitajiet tas-sajd għall-Mediterran u l-Baħar l-Iswed 23

Diċembru

Laqgħa tal-Kunsill dwar il-proposta tal-opportunitajiet tas-sajd għall-Atlantiku/il-Baħar tat-Tramuntana

   

(1) Għandha tinqara flimkien mat-Taqsima 1 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha.
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007, ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1–15.
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/973 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fil-Baħar tat-Tramuntana u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u (KE) Nru 1342/2008, ĠU L 179, 16.7.2018, p. 1–13.
(4) Ir-Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/1139 u (UE) 2018/973, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007 u (KE) Nru 1300/2008, ĠU L 83, 25.3.2019, p. 1–17.
(5) Għalkemm l-STECF jinnota li l-indikatur għall-istokkijiet taż-żona tal-ICES barra mill-ilmijiet tal-UE huwa bbażat fuq relattivament ftit stokkijiet, fejn l-inċertezza hija għolja.
(6) Għandha tinqara flimkien mat-Taqsima 1 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha.
(7) L-2003 tintuża mill-STECF bħala s-sena ta’ referenza peress li din hija meta tibda s-serje tad-data.
(8) Għandha tinqara flimkien mat-Taqsima 4 u 5 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha.
(9) L-informazzjoni hija disponibbli fuq is-sit web tal-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura (EUMOFA) fuq https://www.eumofa.eu .
(10) Għandha tinqara flimkien mat-Taqsima 6 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha.
(11) Wasal ir-rapport mil-Litwanja iżda minħabba kwistjonijiet ta’ trażmissjoni ma kienx parti mill-valutazzjoni.
(12) Dan jikkonċerna, pereżempju, il-miżuri ta’ rimedju għall-merluzz u l-merlangu fil-Baħar Ċeltiku u għall-merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana u l-Kattegat meta jitqiesu r-restrizzjonijiet fil-modifiki tekniċi (id-daqs tal-malja, l-irkaptu tas-sajd) jew żoni magħluqa li jtejbu s-selettività u jnaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-istokk speċifiku. L-Artikoli 13, 14 u 15 fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/123.
(13) Mhuwiex possibbli bl-użu tal-għodod ta’ kontroll tradizzjonali biex jiġi ddeterminat jekk ikunx sar rimi u jekk ir-rimi ikunx ġie rreġistrat. Il-provi wrew li l-għodod ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod (REM), bħal pereżempju d-data tat-televiżjoni b’ċirkwit magħluq (CCTV) u tas-sensors, huma l-aktar mezzi effettivi u kosteffiċjenti biex jiġi kkontrollat l-obbligu tal-ħatt l-art fil-baħar, iżda għadhom mhumiex qed jintużaw. Il-Kummissjoni appoġġjat l-użu ta’ dawn il-miżuri fil-proposta tagħha għal sistema riveduta ta’ kontroll tas-sajd, li bħalissa qed tiġi diskussa mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew.
(14) Link għas-sommarji eżekuttivi: https://www.efca.europa.eu/en/content/pressroom/evaluation-suggests-non-compliance-landing-obligations-certain-fisheries-north-sea .
(15) Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1005/2008, u r-Regolament (UE) Nru 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontroll tas-sajd; COM/2018/368 final.
(16) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(17) Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-laqgħa annwali tal-GFCM tal-2020 x’aktarx li se tiġi posposta sal-bidu tal-2021, li tista’ tkun teħtieġ li r-regolament jiġi emendat aktar tard fl-2021.
(18) Il-parir tal-ICES huwa disponibbli onlajn fuq http://www.ices.dk/publications/library/Pages/default.aspx .
(19) L-iskedar tal-proposti tal-Kummissjoni jista’ jkun soġġett għal bidliet minħabba l-impatti mhux previsti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-parir xjentifiku.
(20) L-iskedar tal-laqgħat tal-Kunsill jista’ jkun soġġett għal bidliet minħabba l-impatti mhux previsti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-parir xjentifiku.
(21) L-iskedar magħżul għall-proposti tal-Kummissjoni jista’ jkun soġġett għal reviżjonijiet minħabba l-implikazzjonijiet mhux previsti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq id-disponibbiltà tal-parir xjentifiku.
(22) Għall-istokkijiet ġestiti mill-RFMOs fl-ilmijiet tal-UE u f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE, l-opportunitajiet tas-sajd jiġu adottati wara l-laqgħa annwali tal-RFMOs, permezz ta’ reviżjonijiet perjodiċi tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-UE u, għall-bastimenti tas-sajd tal-UE, f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE.
(23) Peress li l-iskedar tal-Laqgħa Annwali tal-GFCM huwa inċert minħabba l-pandemija tal-COVID-19, din id-data tista’ wkoll tkun soġġetta għal bidliet.