IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.6.2020
COM(2020) 237 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
RAPPORT DWAR IL-KONVERĠENZA 2020
(imħejji skont l-Artikolu 140(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)
{SWD(2020) 107 final}
GĦAN TAR-RAPPORT
L-euro huwa maħsub biex ikun il-munita unika tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Issa jintuża kuljum minn madwar 342 miljun ruħ f’19-il Stat Membru fiż-Żona tal-Euro. Il-benefiċċji prattiċi tal-euro jinkludu prezzijiet stabbli, kostijiet aktar baxxi tat-tranżazzjonijiet għaċ-ċittadini u għan-negozji, swieq aktar trasparenti u kompetittivi u żieda fil-kummerċ intra-UE u internazzjonali. L-euro huwa wkoll it-tieni munita l-aktar użata fid-dinja.
L-Artikolu 140(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem it-TFUE) jesiġi li l-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jirrapportaw lill-Kunsill, mill-inqas darba kull sentejn, jew wara talba ta’ Stat Membru b’deroga, dwar il-progress miksub minn tali Stati Membri fit-twettiq tal-obbligi tagħhom dwar it-twettiq ta’ unjoni ekonomika u monetarja. Ir-Rapporti dwar il-Konverġenza l-aktar riċenti tal-Kummissjoni u tal-BĊE ġew adottati f’Mejju 2018.
Ir-Rapport dwar il-Konverġenza tal-2020 jkopri s-seba’ Stati Membri li ġejjin b’deroga: il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Kroazja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, u l-Iżvezja. Valutazzjoni aktar dettaljata tal-qagħda tal-konverġenza f’dawn l-Istati Membri tingħata fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-Rapport.
L-Artikolu 140(1) TFUE jesiġi li r-rapporti jinkludu eżami tal-kompatibilità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali, mal-Artikoli 130 u 131 TFUE u mal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE). Ir-rapporti jridu jeżaminaw ukoll jekk ikunx intlaħaq grad għoli ta’ konverġenza sostenibbli fl-Istat Membru kkonċernat, b’referenza għall-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza (l-istabbiltà tal-prezzijiet, il-finanzi pubbliċi, l-istabbiltà tar-rati tal-kambju, ir-rati tal-imgħax fit-tul), u billi jitqiesu fatturi oħrajn imsemmija fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 140(1) TFUE. L-erba’ kriterji ta' konverġenza huma żviluppati aktar fi Protokoll anness mat-Trattati (il-Protokoll Nru 13 dwar il-kriterji ta’ konverġenza).
Il-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008-2009, flimkien mal-kriżi tad-dejn sovran fiż-Żona tal-Euro, kienu kixfu ċerti distakki fis-sistema ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) u wrew li kien hemm il-bżonn li l-istrumenti tagħha jissaħħu u jintużaw b’mod aktar komprensiv. Bil-għan li jiġi garantit il-funzjonament sostenibbli tal-UEM, beda jitwettaq tisħiħ ġenerali tal-governanza ekonomika fl-Unjoni. Il-valutazzjoni tal-konverġenza għaldaqstant hija allinjata mal-approċċ usa’ tas-Semestru Ewropew li jikkunsidra b’mod integrat l-isfidi tal-politika ekonomika u lavorattiva li qed taffaċċa l-UEM biex tiggarantixxi sostenibbiltà fiskali, kompetittività, stabbiltà tas-suq finanzjarju, tkabbir ekonomiku u rata għolja tal-impjiegi. Ir-riformi ewlenin fil-governanza, it-tisħiħ tal-valutazzjoni tal-proċess ta' konverġenza ta’ kull Stat Membru u s-sostenibbiltà tiegħu, kienu jinkludu, fost oħrajn, it-tisħiħ tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv permezz tar-riforma tal-2011 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u ta’ strumenti ġodda fil-qasam tas-sorveljanza tal-iżbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, dan ir-rapport iqis ir-riżultati tal-Proċedura ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi.
Dawn il-kriżijiet żvelaw ukoll li jeżistu rabtiet problematiċi bejn is-setturi bankarji nazzjonali u s-sovrani tagħhom u ġġeneraw forzi qawwijin ta’ frammentazzjoni fis-swieq finanzjarji. L-Unjoni Bankarja nħolqot biex tkisser dawn ir-rabtiet u treġġa’ lura l-frammentazzjoni, kif ukoll biex tiggarantixxi diversifikazzjoni aħjar tar-riskju madwar l-Istati Membri kif ukoll finanzjament adegwat għall-ekonomija tal-Unjoni. Diversi elementi ewlenin tal-Unjoni Bankarja issa huma stabbiliti, jiġifieri l-Ġabra Unika tar-Regoli, il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (Single Resolution Fund, SRF). L-Istati Membri li jadottaw l-euro se jipparteċipaw ukoll fl-Unjoni Bankarja. Il-proċedura għad-dħul fl-Unjoni Bankarja hija distinta mill-valutazzjoni tal-kriterji ta’ konverġenza mwettqa f’dan ir-rapport.
Kriterji ta’ konverġenza
L-eżami tal-kompatibilità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, inklużi l-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri b’deroga, mal-Artikolu 130 TFUE u mal-obbligu ta’ konformità skont l-Artikolu 131 TFUE jiġbor fih valutazzjoni tal-osservanza tal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju (l-Artikolu 123 TFUE) u l-projbizzjoni tal-aċċess privileġġjat għall-istituzzjonijiet finanzjarji (l-Artikolu 124 TFUE); konsistenza mal-objettivi tas-SEBĊ (l-Artikolu 127(1) TFUE) u mal-kompiti (l-Artikolu 127(2) TFUE) u ma’ aspetti oħra relatati mal-integrazzjoni tal-banek ċentrali nazzjonali fis-SEBĊ.
Il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet huwa definit fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE: “il-ksib ta’ livell għoli ta’ stabbiltà fil-prezzijiet; dan jirriżulta minn rata ta’ inflazzjoni li l-iżjed tkun tixbaħ lil dik tat-tliet Stati Membri li jkunu qed imorru l-aħjar f’dik li hija l-istabbiltà fil-prezzijiet”.
L-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta’ konverġenza jipprevedi wkoll li “il-kriterju dwar l-istabbilità tal-prezzijiet […] ifisser li l-Istat Membru jkollu grad ta' stabbilità tal- prezzijiet li jkun sostenibbli u rata medja ta' inflazzjoni, osservat fuq perjodu ta' sena qabel l-eżami, li ma teċċedix b'aktar minn medja ta’ inflazzjoni, osservata fuq perijodu ta’ sena qabel l-eżami, li ma teċċedix b’aktar minn 1.5 %, dik ta’ l-aħjar tliet Stati Membri, f'dik li hi stabbiltà fil-prezzijiet. L- inflazzjoni għandha tiġi mkejla permezz ta' indiċi ta' prezzijiet tal-konsumatur fuq bażi komparabbli, meta jiġu kkunsidrati d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali”.
Ir-rekwiżit ta’ sostenibbiltà jimplika li l-prestazzjoni tal-inflazzjoni sodisfaċenti trid tkun attribwita għall-andament tal-kostijiet tad-dħul u fatturi oħra li jinfluwenzaw l-iżvilupp tal-prezzijiet b’mod strutturali, pjuttost milli l-influwenza ta’ fatturi temporanji. Għalhekk, l-eżami tal-konverġenza jinkludi valutazzjoni tal-fatturi li għandhom impatt fuq il-prospettiva tal-inflazzjoni u huwa kkomplementat b’referenza għall-aktar tbassir riċenti tas-servizzi tal-Kummissjoni rigward l-inflazzjoni. Relatat ma’ dan, ir-rapport jivvaluta wkoll jekk hux probabbli li l-pajjiż jissodisfa l-valur referenzjarju fix-xhur li ġejjin.
Ġie kkalkolat li l-valur referenzjarju tal-inflazzjoni kien 1,8 % f’Marzu 2020, bil-Portugall, Ċipru, l-Irlanda u l-Italja bħala t-tliet “Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni”.
Il-kriterju ta’ konverġenza li jittratta l-finanzi pubbliċi huwa definit fit-tieni inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE bħala “is-sostenibilità tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Gvern; din tirriżulta minn sitwazzjoni baġitarja li tkun mingħajr defiċit eċċessiv fis-sens tal-Artikolu 126(6)”.
Barra minn hekk, l-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-kriterji tal-konverġenza jiddikjara li dan il-kriterju jfisser li “filwaqt tal-eżami l-Istat Membru ma jkunx suġġett meta jiġi eżaminat għal deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(6) tat-Trattati li jkun hemm defiċit eċċessiv".
It-TFUE jirreferi għall-kriterju tar-rata tal-kambju fit-tielet inċiż tal-Artikolu 140(1) bħala “l-osservanza tal-marġni ta’ fluttwazzjoni normali li dwarhom hemm provdut bil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea, għal mill-inqas sentejn, mingħajr żvalutazzjoni fil-konfront tal-euro”.
L-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta’ konverġenza jipprevedi li: “Il-kriterju dwar il-parteċipazzjoni f’Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea […] jfisser li Stat Membru jkun irrispetta il-marġni normali ta’ fluttwazzjoni li hemm provdut dwarhom bil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarju Ewropea mingħajr tensjonijiet qawwija għal tal-anqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. Partikolarment, l-Istat Membru ma jridx ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-munita tiegħu kontra l-euro għall-istess perjodu”.
Il-perjodu rilevanti ta’ sentejn għall-valutazzjoni tal-istabbiltà tar-rata tal-kambju f’dan ir-rapport huwa bejn l-24 ta’ April 2018 u t-23 ta’ April 2020. Fil-valutazzjoni tagħha tal-kriterju tal-istabbiltà tar-rati tal-kambju, il-Kummissjoni tikkunsidra l-iżviluppi fl-indikaturi awżiljari bħall-iżviluppi f’riżervi barranin, ir-rati tal-imgħax għal żmien qasir, kif ukoll ir-rwol tal-miżuri tal-politika, fosthom interventi fis-swieq tal-kambju, kif ukoll l-assistenza finanzjarja internazzjonali, fejn ikun rilevanti, biex tinżamm l-istabbiltà tar-rata tal-kambju. Bħalissa l-ebda wieħed mill-Istati Membri b’deroga vvalutat f’dan ir-Rapport dwar il-Konverġenza ma hu qed jipparteċipa fl-ERM II. Id-dħul fl-ERM II jiġi deċiż b’talba ta’ Stat Membru bil-qbil reċiproku tal-parteċipanti kollha tal-ERM II. Dan ir-Rapport mhuwiex relatat mal-proċess ta’ dħul fl-ERM II u ma jipprovdix valutazzjoni tal-kapaċità ta’ Stat Membru li jidħol fl-ERM II.
Ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE jesiġi li “d-durabilità tal-konverġenza miksuba mill-Istat Membru b’deroga u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju” tkun “tidher fil-livelli tar-rati ta’ mgħax f'perjodi fit-tul”. L-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta’ konverġenza jistipula wkoll li “il-kriterju dwar il-konverġenza ta’ rati ta’ mgħax […] ifisser li, Stat Membru, osservat fuq perjodu ta’ sena qabel l-eżami, kellu rata ta’ mgħax nominali medja għal terminu twil li ma taqbiżx b’aktar minn żewġ punti perċentwali dik, fl-aħħar mill-aħħar, tat-tliet Stati Membri li jmorru l-aħjar fl-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-rati ta’ mgħax jitqiesu abbażi ta’ titoli tal-gvern għal żmien twil jew obbligazzjonijiet komparabbli, meta jiġu kkunsidrati d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali”.
Ġie kkalkulat li l-valur referenzjarju għar-rata tal-imgħax f’Marzu 2020 kien 2,9 %.
L-Artikolu 140(1) TFUE jesiġi wkoll li r-rapporti jqisu fatturi oħra rilevanti għall-integrazzjoni u l-konverġenza ekonomika. Dawn il-fatturi addizzjonali jinkludu l-integrazzjoni tas-swieq, l-iżvilupp tal-bilanċi tal-pagamenti fil-kont kurrenti u l-iżvilupp tal-kostijiet tal-unità lavorattiva u indiċi oħra ta’ prezzijiet. Dawn tal-aħħar huma koperti fil-valutazzjoni tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Il-fatturi addizzjonali li jridu jitqiesu huma indikaturi importanti li juru li l-integrazzjoni ta’ Stat Membru fiż-Żona tal-Euro tkun se tipproċedi mingħajr diffikultajiet u twessa’ l-opinjonijiet fuq is-sostenibbiltà tal-konverġenza.
Il-pandemija tal-COVID-19 tirrappreżenta xokk qawwi li fundamentalment ifixkel l-ekonomija tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Għaldaqstant, jista’ jkollha impatt sinifikanti fuq l-indikaturi ta’ konverġenza ekonomika, u dan jagħmilha aktar diffiċli biex tiġi vvalutata s-sostenibbiltà tal-konverġenza. Madankollu, l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq id-data storika użata fir-Rapport dwar il-Konverġenza tal-2020 huwa limitat. Dan huwa prinċipalment minħabba r-restrizzjonijiet li timponi d-data limitu (it-23 ta’ April), li flimkien mal-metodi ta’ kalkolu definiti mit-Trattat tal-kriterji dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet u r-rata tal-imgħax fit-tul (jiġifieri jridu jintużaw medji ta’ sena), ifissru li d-data korrispondenti fil-biċċa l-kbira għadha tirrifletti s-sitwazzjoni ta’ qabel il-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, l-aħħar valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi saret ukoll qabel il-pandemija (ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna).
L-implikazzjonijiet tal-pandemija tal-COVID-19 għall-elementi prospettivi ta’ dan ir-Rapport jitqiesu permezz tal-inputs mit-Tbassir tar-rebbiegħa 2020 tas-servizzi tal-Kummissjoni, jiġifieri bl-użu tal-aħħar tbassir disponibbli tal-Kummissjoni. Din il-previżjoni hija l-ewwel valutazzjoni komprensiva mill-Kummissjoni tal-effetti ekonomiċi li x’aktarx ikollha l-kriżi tal-COVID-19 fl-2020 u fl-2021, u bħala tali, qed issir f’kuntest ta’ inċertezza ogħla mis-soltu. Barra minn hekk, fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni pproponiet gwida ta’ politika għal kull Stat Membru fil-forma tar-Rakkomandazzjonijiet tagħha għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (country-specific reccomendations, CSRs) fis-Semestru Ewropew. Dawn jirriflettu fost l-oħrajn li fid-19 ta’ Marzu 2020 il-Kummissjoni stipulat il-fehma tagħha li l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jattivaw il-klawżola liberatorja tal-qafas fiskali tal-UE kienu ssodisfati, u li fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri rreaġixxew b’mod favorevoli għaliha, u dan jiffaċilita r-rispons baġitarju meħtieġ għall-konsegwenzi ekonomiċi tal-kriżi tal-COVID-19. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti devjazzjoni temporanja mill-perkors tal-aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju, sakemm dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali f’terminu medju.
1.Il-BULGARIJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ġuridika u tal-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u b’kunsiderazzjoni ta’ fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Bulgarija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fil-Bulgarija – b'mod partikolari l-Liġi dwar il-Bank Nazzjonali Bulgaru – mhix għalkollox kompatibbli mal-obbligu ta’ konformità skont l-Artikolu 131 TFUE. Jeżistu inkompatibbiltajiet u imperfezzjonijiet fl-oqsma tal-indipendenza tal-bank ċentrali, il-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju u l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fi żmien l-adozzjoni tal-euro fir-rigward tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 127(2) TFUE u l-Artikolu 3 tal-Istatut tas-SEBĊ/BĊE.
Il-Bulgarija ma tissodisfax il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fil-Bulgarija matul it-12-il xahar sa Marzu 2020 kienet ta’ 2,6 %, ’il fuq mill-valur referenzjarju ta’ 1,8 %. Madankollu, huwa previst li tqarreb lejn il-valur referenzjarju fix-xhur li ġejjin.
L-inflazzjoni annwali tal-HICP telgħet minn 1,7 % f’April 2018 għal 3,7 % sa Awwissu u rritornat għal 2,3 % sa tmiem l-2018. Imbagħad għoliet għal 3,1 % sa April 2019, qabel ma tbaxxiet għal 1,6 % sa Settembru. L-inflazzjoni mbagħad reġgħet bdiet togħla, u laħqet it-3,4 % f’Jannar 2020. Iċ-ċaqliq fl-inflazzjoni kien l-aktar xprunat mill-prezzijiet tal-enerġija u ta’ prodotti alimentari mhux ipproċessati. L-inflazzjoni tas-servizzi kienet b’saħħitha, in parti minħabba ż-żieda rapida fil-kost tal-unità lavorattiva. Il-prezzijiet ta’ prodotti alimentari pproċessati ikkontribwew dejjem aktar għall-inflazzjoni nominali, filwaqt li l-prodotti industrijali mhux enerġetiċi kellhom effett ta’ mitigazzjoni. F’Jannar 2020, l-inflazzjoni annwali bdiet tonqos u f’Marzu 2020 kienet 2,4 %.
L-inflazzjoni hija pprojettata li tonqos għal 1,1 % fl-2020 u tibqa’ fl-istess livell fl-2021 skont it-Tbassir tar-rebbiegħa 2020 tas-servizzi tal-Kummissjoni. L-inflazzjoni nominali mistennija tonqos b’mod sinifikanti fl-2020, bħala riżultat tat-tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija u tnaqqis drastiku fl-inflazzjoni tas-servizzi minħabba li naqset id-domanda fis-setturi terzjarji milquta mill-pandemija tal-COVID-19. Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet fil-Bulgarija (madwar 49 % tal-medja taż-żona tal-euro fl-2018) huwa indikazzjoni ta’ potenzjal sinifikanti għal konverġenza fil-livell tal-prezzijiet fit-tul.
Il-Bulgarija tissodisfa l-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi. Il-Bulgarija mhijiex is-suġġett ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Il-bilanċ pożittiv fiskali tal-amministrazzjoni pubblika żdied minn 1,1 % tal-PDG fl-2017 għal 2,0 % tal-PDG fl-2018 u 2,1 % tal-PDG fl-2019. Skont it-Tbassir tar-rebbiegħa 2020 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika huwa pprojettat li jsir negattiv għal -2,8 % tal-PDG fl-2020 minħabba l-impatt negattiv tal-pandemija tal-COVID-19 u jilħaq -1,8 % tal-PDG fl-2021 abbażi ta’ ebda bidla fil-politika. Madankollu, il-Gvern Bulgaru qed jipprojetta defiċit tal-bilanċ tal-gvern ta’ ftit aktar minn 3 %. Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE minħabba ksur ippjanat tal-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa ssodisfat u l-Bulgarija hija l-uniku pajjiż tal-UE fejn fl-2020 dan huwa l-każ. Il-proporzjon tad-dejn pubbliku gross naqas minn madwar 25 % tal-PDG fl-2017 għal 20,4 % tal-PDG fl-2019 iżda huwa pprojettat li jiżdied għal 25,5 % tal-PDG fl-2020 u jibqa’ 25,4 % tal-PDG fl-2021. Il-qafas fiskali Bulgaru ssaħħaħ matul dawn l-aħħar snin u l-Bulgarija hija marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-Patt Fiskali tat-Trattat intergovernattiv dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG).
Il-Bulgarija ma tissodisfax il-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. Il-lev Bulgaru mhux qed jipparteċipa fl-ERM II. F’Lulju 2018, il-Bulgarija ħabbret l-intenzjoni tagħha li ddaħħal fis-seħħ l-elementi neċessarji biex jirnexxielha tidħol fl-ERM II. Sabiex tiggarantixxi tranżizzjoni bla xkiel għall-ERM II, u tipparteċipa fih, il-Bulgarija ħadet l-impenn li qabel ma tingħaqad mal-ERM II timplimenta għadd ta’ miżuri (jiġifieri impenji bil-quddiem) fis-sitt oqsma ta’ politika li ġejjin: is-superviżjoni bankarja, il-qafas makroprudenzjali, is-superviżjoni tas-settur finanzjarju mhux bankarju, il-qafas tal-insolvenza, il-qafas kontra l-ħasil tal-flus u l-governanza tal-intrapriżi tal-istat. Il-Bulgarija bħalissa qed taħdem biex tiffinalizza dawn l-impenji bil-quddiem, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u mal-BĊE li qed jagħmlu monitoraġġ tal-progress tagħhom. Il-Bank Nazzjonali Bulgaru (BNB) qed isegwi l-objettiv primarju tiegħu ta’ stabbiltà tal-prezzijiet permezz ta’ rata tal-kambju ċentrali fil-kuntest tal-Arranġament dwar il-Bord tal-Valuta (Currency Board Arrangement - CBA). Il-Bulgarija introduċiet is-CBA tagħha fl-1997, u rabtet il-lev Bulgaru mal-mark Ġermaniż u aktar tard mal-euro. Matul il-perjodu ta’ valutazzjoni ta’ sentejn, il-lev Bulgaru baqa’ stabbli fil-konfront tal-euro, skont it-tħaddim tas-CBA.
Il-Bulgarija tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati tal-imgħax fit-tul. Ir-rata medja tal-imgħax fit-tul fil-Bulgarija fis-sena sa Marzu 2020 kienet ta’ 0,3 %, sew taħt il-valur referenzjarju ta’ 2,9 %. Ir-rati tal-imgħax fit-tul fil-Bulgarija naqsu minn madwar 1,1 % f’Mejju 2018 għal madwar 0,1 % fi Frar 2020. Il-firxa meta mqabbla mal-bond referenzjarju Ġermaniż kienet fil-biċċa l-kbira ta’ madwar 60 punt bażi, b’firxiet ħafna inqas madwar Ottubru 2018 u oħrajn ogħla madwar Awwissu 2019. Il-firxa kienet ta’ madwar 70 punt bażi f’Marzu 2020.
Ġew eżaminati wkoll fatturi addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol. Il-Bulgarija rreġistrat surpluses esterni mdaqqsa matul dawn l-aħħar snin. L-ekonomija Bulgara hija integrata tajjeb fiż-Żona tal-Euro permezz ta’ rabtiet kummerċjali u ta’ investiment. Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni tal-Bulgarija hija agħar minn dik ta’ ħafna Stati Membri taż-Żona tal-Euro. L-isfidi jirrigwardaw ukoll il-qafas istituzzjonali inklużi l-korruzzjoni u l-effiċjenza governattiva. Madankollu, qed tittieħed azzjoni biex jitjieb l-ambjent tan-negozju, b’mod partikolari rigward il-qafas tal-insolvenza u l-governanza tal-intrapriżi tal-istat. Sar progress ukoll fit-tisħiħ tal-governanza tas-settur finanzjarju u fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet regolatorji pendenti. Is-settur finanzjarju tal-Bulgarija huwa integrat tajjeb fis-settur finanzjarju tal-UE, b’mod partikolari permezz ta’ livell għoli ta’ sjieda barranija tas-sistema bankarja tagħha. Fil-kuntest tal-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku, ġie identifikat li l-Bulgarija teħtieġ Analiżi fil-Fond (In-Depth Review, IDR). Din tal-aħħar ikkonkludiet li l-Bulgarija ma għandhiex żbilanċi makroekonomiċi (u b’hekk tirrevedi l-konklużjoni preċedenti tal-iżbilanċi makroekonomiċi).
2.IĊ-ĊEKJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibilità ġuridika u tal-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u b’kunsiderazzjoni tal-fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li ċ-Ċekja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fiċ-Ċekja – b’mod partikolari l-Att Nru 6/1993 tal-Kunsill Nazzjonali Ċek dwar iċ-Česká národní banka (il-Liġi ČNB) – mhijiex kompatibbli għalkollox mal-obbligu ta’ konformità skont l-Artikolu 131 TFUE. L-inkompatibbiltajiet jikkonċernaw l-indipendenza tal-bank ċentrali u l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fil-mument tal-adozzjoni tal-euro fir-rigward tal-objettivi taċ-ČNB u l-kompiti tas-SEBĊ stabbiliti fl-Artikolu 127(2) TFUE u l-Artikolu 3 tal-Istatut tas-SEBĊ/BĊE. Barra minn hekk, il-Liġi ČNB fiha wkoll xi imperfezzjonijiet rigward il-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju u l-kompiti tas-SEBĊ.
Iċ-Ċekja ma tissodisfax il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fiċ-Ċekja matul it-12-il xahar sa Marzu 2020 kienet 2,9 %, ferm ogħla mill-valur ta’ referenza ta’ 1,8 %. Huwa previst li fix-xhur li ġejjin tibqa’ sew fuq il-valur referenzjarju.
L-inflazzjoni annwali tal-HICP żdiedet minn 1,6 % meta saret l-aħħar valutazzjoni f’Marzu 2018 għal 2,4 % f’Awwissu 2018. Wara li naqset għal 1,6 % f’Diċembru 2018, l-inflazzjoni tal-HICP żdiedet b’mod stabbli matul l-2019. Għaldaqstant ir-rata ta’ inflazzjoni annwali tal-HICP kellha medja ta’ 2,0 % u 2,6 % fl-2018 u l-2019, rispettivament. It-titjib annwali tal-inflazzjoni matul l-2019 kien jirrifletti l-kontribuzzjonijiet akbar mill-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-prodotti alimentari u tal-enerġija kif ukoll miż-żieda fil-prezzijiet tas-settur terzjarju. L-inflazzjoni annwali rpiljat sostanzjalment fi tmiem l-2019 u baqgħet għolja fil-bidu tal-2020 l-aktar minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti alimentari, iż-żieda fil-prezzijiet amministrati, u l-bidliet fit-taxxi indiretti. F’Marzu 2020, l-inflazzjoni annwali tal-HICP kienet madwar 3,6 %.
Minħabba t-tnaqqis fid-domanda relatata mal-pandemija tal-COVID-19, ir-rilassament tas-suq tax-xogħol u t-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt, it-Tbassir tar-rebbiegħa 2020 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprojetta inflazzjoni HICP annwali medja ta’ 2,3 % fl-2020 u ta’ 1,9 % fl-2021. Il-livell tal-prezzijiet fiċ-Ċekja (madwar 69 % tal-medja taż-Żona tal-Euro fl-2018) jissuġġerixxi li hemm potenzjal għal aktar konverġenza fil-livell tal-prezzijiet fit-tul.
Iċ-Ċekja tissodisfa l-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi. Iċ-Ċekja mhijiex is-suġġett ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika fl-2019 kien ta’ 0,3 % tal-PDG. Minħabba l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19, skont it-Tbassir tar-rebbiegħa 2020 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika huwa projettat li jinbidel għal -6,7 % tal-PDG fl-2020 u, abbażi ta’ ebda bidla fil-politika, għal -4 % tal-PDG fl-2021. Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE minħabba l-ksur ippjanat tal-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir mhuwiex issodisfat. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni tqis li f’dan l-istadju ma għandhiex tittieħed deċiżjoni dwar jekk iċ-Ċekja għandhiex titqiegħed f’PDE. Il-proporzjon tad-dejn pubbliku gross naqas għal inqas minn 31 % tal-PDG fl-2019. Huwa mbassar li dan jiżdied għal 39 % tal-PDG fl-2020 u għal 40 % fl-2021. Il-qafas fiskali nazzjonali Ċek huwa żviluppat sew. Fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, il-Parlament dan l-aħħar għadda malajr emenda leġiżlattiva biex fl-2021 iwessa’ l-limitu massimu tad-defiċit strutturali minn 1 % għal 4 % tal-PDG u jbiddel il-perkors tal-aġġustament sal-2027.
Iċ-Ċekja ma tissodisfax il-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. Il-krona Ċeka mhux qed tipparteċipa fl-ERM II. Iċ-Ċekja topera reġim ta’ rata tal-kambju varjabbli, bil-possibilità ta’ interventi fis-suq tal-muniti barranin mill-bank ċentrali. Il-krona kienet tiskambja għal madwar 25,6 CZK/EUR f’Mejju 2018 u apprezzat temporanjament biss wara li l-Bank Nazzjonali Ċek żied ir-rati tal-bank erba’ darbiet fit-tieni nofs tal-2018. Fil-bidu tal-2019 varjat f’faxxa dejqa relattiva ta’ madwar 25,7 CZK/EUR qabel ma ddeprezzat għal 25,9 CZK/EUR f’Settembru 2019 (jiġifieri b’madwar 1 %). Minn hemm ’il quddiem, il-krona apprezzat b’mod stabbli u laħqet il-25,1 CZK/EUR fi Frar. Wara l-miżuri ta’ konfinament minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-krona ddeprezzat b’mod sinifikanti u f’Marzu 2020 kienet aktar minn 26,6 CZK/EUR. Id-differenzjali fir-rati tal-imgħax għal żmien qasir fir-rigward taż-Żona tal-Euro żdiedu minn madwar 120 punt bażi f’Mejju 2018 għal madwar 240 punt bażi sa Marzu 2020. Matul is-sentejn qabel din il-valutazzjoni, il-krona ddgħajfet fil-konfront tal-euro b’4,3 %.
Iċ-Ċekja tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta’ rati tal-imgħax fit-tul. Ir-rata medja tal-imgħax fit-tul fiċ-Ċekja fis-sena sa Marzu 2020 kienet ta’ 1,5 %, inqas mill-valur referenzjarju ta’ 2,9 %. Ir-rata tal-imgħax fit-tul taċ-Ċekja żdiedet ftit minn 1,9 % f’Mejju għal 2,1 % f’Ġunju 2018. Din baqgħet stabbli fi 2,1 % sa Ottubru 2018 u naqset b’mod stabbli għal 1,4 % fl-ewwel nofs tal-2019. Wara li naqset temporanjament għal 1 % f’Awwissu 2019, reġgħet żdiedet u laħqet il-l1,6 % f’Jannar 2020. Dan l-aħħar naqset u f’Marzu 2020 kienet 1,3 %. Il-firxa fil-konfront tal-bonds ta’ valur referenzjarju Ġermaniżi kibret għal madwar 190 punt bażi kmieni fl-2020.
Ġew eżaminati wkoll fatturi addizzjonali, fosthom l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol. Il-bilanċ estern taċ-Ċekja rreġistra surplus ta’ 0,6 % tal-PDG fl-2018 u 0,5 % tal-PDG fl-2019. L-ekonomija Ċeka hija integrata tajjeb ħafna fiż-Żona tal-Euro permezz ta’ rabtiet kummerċjali u ta’ investiment. Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni taċ-Ċekja hija madwar il-medja tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro. Is-settur finanzjarju Ċek huwa integrat tajjeb ħafna fis-settur finanzjarju tal-UE, l-aktar permezz ta’ grad għoli ta’ sjieda barranija ta’ intermedjarji finanzjarji.
3.IL-KROAZJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibilità ġuridika u tal-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u b’kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Kroazja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fil-Kroazja hija kompatibbli għalkollox mal-obbligu ta’ konformità skont l-Artikolu 131 TFUE.
Il-Kroazja tissodisfa l-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fil-Kroazja matul it-12-il xahar sa Marzu 2020 kienet ta’ 0,9 %, taħt il-valur referenzjarju ta’ 1,8 %. Huwa pprojettat li fix-xhur li ġejjin din tibqa’ taħt il-valur referenzjarju.
Wara li f’Lulju 2018 laħqet l-ogħla livell ta’ 2,2 % minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, tas-servizzi u tal-prodotti alimentari mhux ipproċessati, ir-rata ta’ inflazzjoni annwali minn hemm ’il quddiem, naqset għal livell baxx ta’ 0,5 % f’Ġunju 2019. It-tnaqqis tal-VAT fuq prodotti alimentari magħżula mhux ipproċessati naqqas l-inflazzjoni tal-HICP fl-ewwel nofs tal-2019, filwaqt li l-inflazzjoni tal-enerġija bdiet timmodera diġà lejn l-aħħar tal-2018 u baqgħet baxxa matul l-2019. B’effetti ta’ dissipazzjoni tal-bidla fir-rata tal-VAT, ir-rata annwali tal-inflazzjoni żdiedet gradwalment fl-aħħar kwart tal-2019. Wara li laħqet l-ogħla livell ta’ 1,8 % f’Jannar 2020, din naqset b’mod sinifikanti minħabba t-tnaqqis drastiku fil-prezzijiet tal-enerġija fix-xahrejn ta’ wara, u laħqet iż-0,5 % f’Marzu 2020.
Minħabba d-domanda aggregata aktar dgħajfa u t-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt fl-ewwel kwart tal-2020, huwa pprojettat li l-inflazzjoni annwali tal-HICP tonqos għal 0,4 % fl-2020 qabel ma togħla ftit għal 0,9 % fl-2021 skont it-Tbassir tar-rebbiegħa 2020 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Fil-livell ta’ madwar 66 % tal-medja taż-Żona tal-Euro fl-2018, il-livell tal-prezzijiet fil-Kroazja jissuġġerixxi li hemm potenzjal għall-konverġenza tal-livell tal-prezzijiet fit-tul.
Il-Kroazja tissodisfa l-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi. Il-Kroazja mhijiex is-suġġett ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Il-bilanċ tal-gvern kien kemxejn pożittiv b’+ 0,2 % tal-PGD fl-2018. Fl-2019, tjieb xi ftit iktar biex kien ta’ + 0,4 % tal-PGD, minkejja l-materjalizzazzjoni ta’ obbligazzjonijiet kontinġenti sostanzjali assoċjati ma’ tarzni li jinsabu f’diffikultà. It-Tbassir tar-rebbiegħa 2020 tas-servizzi tal-Kummissjoni tipprojetta li l-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika se jaqa’ għal -7,1 % fl-2020 minħabba fi prospetti makroekonomiċi li marru għall-agħar b’mod sinifikanti u pakkett fiskali mdaqqas li għandu l-għan li jappoġġa l-impjiegi u l-kumpaniji li qed jiffaċċjaw dħul li qed jonqos b’mod sinifikanti minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Fl-2021, il-bilanċ tal-gvern għandu jitjieb għal -2,2 % tal-PGD abbażi ta’ ebda bidla fil-politika. Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE minħabba l-ksur ippjanat tal-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir mhuwiex issodisfat. Fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti, il-Kummissjoni tqis li f’dan l-istadju ma għandhiex tittieħed deċiżjoni dwar jekk il-Kroazja għandhiex titqiegħed taħt PDE (Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv). Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa previst li jiżdied għal kważi 89 % tal-PDG fl-2020 qabel ma jerġa’ jaqbad it-triq tan-niżla tiegħu, u jaqa’ taħt 84 % fl-2021. Il-qafas fiskali Kroat għadu relattivament dgħajjef, u jeħtieġ passi leġiżlattivi ulterjuri u sforzi ta’ implimentazzjoni.
Il-Kroazja ma tissodisfax il-kriterju tar-rata tal-kambju. Il-kuna Kroata mhux qed tipparteċipa fl-ERM II. F’Lulju 2019, il-Kroazja ħabbret l-intenzjoni tagħha li tistabbilixxi l-elementi meħtieġa biex jirnexxielha tidħol fl-ERM II. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel lejn l-ERM II u l-parteċipazzjoni fih, il-Kroazja impenjat ruħha li timplimenta għadd ta’ miżuri qabel ma tingħaqad mal-ERM II (jiġifieri impenji minn qabel) fis-sitt oqsma ta’ politika li ġejjin: is-superviżjoni bankarja, il-qafas makroprudenzjali, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, l-istatistika, il-governanza tas-settur pubbliku u l-ambjent tan-negozju. Il-Kroazja bħalissa qed taħdem lejn it-tlestija ta’ dawn l-impenji preċedenti, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-BĊE li jimmonitorjaw il-progress tagħhom. L-HNB (il-Bank Nazzjonali Kroat) jopera reġim ta’ rata tal-kambju varjabbli amministrat b’mod l-aktar strett, li juża r-rata tal-kambju bħala l-ankra nominali ewlenija biex jikseb l-objettiv primarju tiegħu ta’ stabbiltà tal-prezzijiet. Bejn il-bidu tal-2018 u l-bidu tal-2020, il-kuna kienet fil-biċċa l-kbira stabbli kontra l-euro, li tvarja ftit madwar 7,44 HRK/EUR u li turi xejra staġjonali ta’ apprezzament temporanju u limitata fix-xhur tas-sajf permezz ta’ influssi ta’ muniti barranin relatati mas-settur tat-turiżmu. Il-kuna esperjenzat episodju ta’ deprezzament limitat f’Marzu 2020 fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 meta ddgħajfet għal madwar 7,60 HRK/EUR, li kienet madwar 2 % inqas minn sentejn qabel.
Il-Kroazja tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta’ rati tal-imgħax fit-tul. Ir-rata medja tal-imgħax fit-tul tal-Kroazja kienet ta’0,9% f’Marzu 2020, ferm taħt il-valur referenzjarju ta’ 2,9 %. Ir-rata tal-imgħax fit-tul tal-Kroazja naqset gradwalment matul l-2018. Fl-ewwel nofs tal-2019 niżlet b’mod aktar drastiku, meta naqset saħansitra ftit inqas minn 0,50 % f’Settembru 2019 peress li d-dejn sovran Kroat ġie mtalla’ għal grad ta’ investiment bi prospetti pożittivi. Wara li varjat kemm kemm ’il fuq minn 0,50 % fix-xhur ta’ wara, din telgħet f’daqqa għal kważi 1 % f’Marzu 2020 fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19, meta l-firxa fir-rigward tal-bond referenzjarju Ġermaniż fit-tul twessgħet għal 150 punt bażi.
Ġew eżaminati wkoll fatturi addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq. Is-surplus estern tal-Kroazja żdied minn 3,3 % tal-PDG fl-2018 għal 4,5 % tal-PDG fl-2019, billi bbenifika minn titjib fil-bilanċ tat-trasferimenti kurrenti u tal-kapital. L-ekonomija Kroata hija integrata tajjeb fiż-Żona tal-Euro permezz tar-rabtiet mal-kummerċ u mal-investiment. Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni tal-Kroazja hija agħar minn dik ta’ ħafna Stati Membri fiż-Żona tal-Euro. L-isfidi huma relatati wkoll mal-qafas istituzzjonali inkluża l-kwalità regolatorja. Madankollu, kien hemm sforz imġedded biex jittejjeb l-ambjent tan-negozju, b’mod partikolari biex jitnaqqsu l-piż amministrattiv u r-restrizzjonijiet regolatorji. Is-settur finanzjarju huwa integrat tajjeb ħafna mas-sistema finanzjarja tal-UE, l-aktar permezz ta’ livell għoli ta’ sjieda barranija ta’ intermedjarji finanzjarji. Fil-kuntest tal-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku, il-Kroazja kienet identifikata bħala pajjiż li jirrikjedi Analiżi Fil-Fond. Għalkemm din tal-aħħar ikkonkludiet li l-Kroazja kompliet tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi, l-iżbilanċi tal-istokkijiet tnaqqsu matul dawn l-aħħar snin, xprunati minn tkabbir mill-ġdid u politika fiskali prudenti. Il-vulnerabbiltajiet li fadal huma b’mod partikolari marbutin ma’ livelli għoljin ta’ dejn pubbliku, privat u estern, f’kuntest ta’ tkabbir potenzjali baxx.
4.L-UNGERIJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibilità ġuridika u tal-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u b’kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Ungerija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fl-Ungerija - b’mod partikolari l-Liġi dwar il-Magyar Nemzeti Bank (MNB) - mhijiex kompatibbli għalkollox mal-obbligu ta’ konformità skont l-Artikolu 131 TFUE. L-inkompatibbiltajiet notevolment jikkonċernaw l-indipendenza tal-MNB, il-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju u l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fi żmien l-adozzjoni tal-euro fir-rigward tal-kompiti tas-SEBĊ stabbiliti fl-Artikolu 127(2) TFUE u l-Artikolu 3 tal-Istatut tas-SEBĊ/BĊE. Barra minn hekk, il-Liġi dwar l-MNB fiha wkoll imperfezzjonijiet ulterjuri marbuta mal-integrazzjoni tal-MNB fis-SEBĊ.
L-Ungerija ma tissodisfax il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fl-Ungerija matul it-12-il xahar sa Marzu 2020 kienet ta’ 3,7 %, ferm ogħla mill-valur referenzjarju ta’ 1,8 %. Huwa pprojettat li fix-xhur li ġejjin din tibqa’ ferm ogħla mill-valur referenzjarju.
L-inflazzjoni annwali tal-HICP fl-Ungerija kienet miexja ’l fuq f’dawn l-aħħar sentejn, b’żieda fil-prezzijiet fuq bażi wiesgħa, li tirrifletti tkabbir qawwi fid-domanda u żieda fil-kostijiet tal-unità lavorattiva. Il-prezzijiet tal-enerġija u tal-prodotti alimentari mhux ipproċessati żiedu l-volatilità maċ-ċifra nominali. L-inflazzjoni żdiedet għal 3,9 % f’Ottubru 2018, qabel ma mmoderat għal 2,8 % sa tmiem l-2018. Din żdiedet għal 4 % sa Mejju 2019 u naqset għal 2,9 % sa Settembru, qabel ma reġgħet telgħet għal 4,1 % f’Diċembru. L-inflazzjoni annwali tal-HICP għalhekk laħqet medja ta’ 2,9 % fl-2018 u ta’ 3,4 % fl-2019. Kompliet tiżdied sa Jannar 2020, minħabba żieda rapida fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-prodotti alimentari mhux ipproċessati u laħqet it-3,9 % f’Marzu 2020.
Huwa pprojettat li l-inflazzjoni tonqos għal madwar 3,0 % fl-2020 u għal 2,7 % fl-2021 skont it-Tbassir tar-rebbiegħa 2020 tas-servizzi tal-Kummissjoni, minħabba li t-tnaqqis fil-prezz taż-żejt u r-riċessjoni tal-COVID-19 mistennija jnaqqsu l-inflazzjoni sottostanti. Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet fl-Ungerija (madwar 61 % tal-medja taż-Żona tal-Euro fl-2018) jindika li hemm il-potenzjal għal aktar konverġenza fil-livell tal-prezzijiet fit-tul.
L-Ungerija tissodisfa l-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi. L-Ungerija mhijiex is-suġġett ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. L-Ungerija ilha taħt Proċeduri ta’ Devjazzjoni Sinifikanti konsekuttivi minn Ġunju 2018. Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika naqas għal 2,1 % tal-PDG fl-2018, meta mqabbel ma’ 2,5 % fl-2017, u mbagħad kompla għal 2,0 % fl-2019. Skont it-Tbassir tar-rebbiegħa 2020 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit huwa pprojettat li jiżdied għal 5,2 % tal-PDG fl-2020 minħabba fil-kriżi tal-COVID-19, qabel ma jonqos għal 4,0 % tal-PDG fl-2021, abbażi ta’ ebda bidla fil-politika. Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE minħabba l-ksur ippjanat tal-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir mhuwiex issodisfat. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni tqis li f’dan l-istadju m’għandhiex tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-Ungerija għandhiex titqiegħed taħt PDE. Il-proporzjon tad-dejn pubbliku gross niżel għal 66,3 % tal-PDG fl-2019 u huwa pprojettat li jiżdied għal 75,0 % tal-PDG fl-2020 u li jilħaq 73,5 % tal-PDG fl-2021. Il-qafas fiskali Ungeriż huwa żviluppat tajjeb madwar regoli stretti u proċeduri ta’ kontroll tad-dejn mis-saffi kollha tal-amministrazzjoni pubblika; madankollu, ir-rwol tal-Kunsill Fiskali fl-iskrutinju u t-tiswir tal-politiki fiskali huwa dgħajjef.
L-Ungerija ma tissodisfax il-kriterju tar-rata tal-kambju. Il-forint Ungeriż mhuwiex qed jipparteċipa fl-ERM II. L-Ungerija topera reġim ta’ rata tal-kambju varjabbli, bil-possibbiltà ta’ interventi fis-suq tal-muniti barranin mill-bank ċentrali. Il-forint Ungeriż kien innegozjat għal madwar 317 HUF/EUR f’Mejju 2018, qabel ma niżel għal 325 HUF/EUR sa Settembru 2018. Imbagħad tela’, u laħaq it-316 HUF/EUR f’Marzu 2019. Minn hemm’ il quddiem, il-forint iddeprezza kontra l-euro, peress li l-MNB wera l-intenzjoni tiegħu li jżomm kundizzjonijiet monetarji laxki għal perjodu ta’ żmien itwal minn banek ċentrali reġjonali oħra u l-inflazzjoni żdiedet aktar mill-mira tagħha. Il-forint iddgħajjef aktar f’Marzu 2020, fost it-tifqigħa COVID-19. Id-differenzjali fir-rati tal-imgħax għal żmien qasir fir-rigward taż-Żona tal-Euro żdiedu minn madwar 40 punt bażi f’Mejju 2018 għal madwar 100 punt bażi sa Marzu 2020. F’Marzu tal-2020, il-forint kompla jiddgħajjef b’madwar 10 % fil-konfront tal-euro meta mqabbel ma’ dak li kien sentejn qabel.
L-Ungerija tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta’ rati tal-imgħax fit-tul. Ir-rata medja tal-imgħax fit-tul fis-sena sa Marzu 2020 kienet ta’ 2,3 %, taħt il-valur referenzjarju ta’ 2,9 %. Ir-rata tal-imgħax medja fix-xahar, fit-tul, żdiedet minn madwar 2,9 % f’Mejju 2018 għal madwar 3,7 % sa Ottubru 2018, hekk kif ir-rata tal-kambju ogħla tal-forint ġiet stabbilita. Imbagħad bdiet tonqos għal darb’oħra u laħqet il-1,9 % f’Diċembru 2019, li jirrifletti tiftixa internazzjonali riveduta għar-rendiment, hekk kif il-banek ċentrali l-kbar imbarkaw fuq taffija monetarja ulterjuri. Peress li r-rata tal-imgħax fit-tul żdiedet għal 2,4 % f’Marzu 2020, fost il-kriżi tal-COVID-19 li qed tiżvolġi, il-firxa fit-tul meta mqabbla mal-bond referenzjarju Ġermaniż laħqet madwar 300 punt bażi.
Ġew eżaminati wkoll fatturi addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq. Il-bilanċ estern iddeterjora matul dawn l-aħħar sentejn, prinċipalment minħabba tkabbir qawwi fl-importazzjonijiet ta’ prodotti, iżda baqa’ b’surplus żgħir. L-ekonomija Ungeriża hija integrata tajjeb ħafna fiż-Żona tal-Euro permezz tar-rabtiet mal-kummerċ u mal-investiment. Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni tal-Ungerija hija agħar minn dik tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro. Is-settur finanzjarju tal-Ungerija huwa integrat tajjeb fis-sistema finanzjarja tal-UE.
5.IL-POLONJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibilità ġuridika u tal-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u b’kunsiderazzjoni tal-fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Polonja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fil-Polonja - b’mod partikolari l-Att dwar in-Narodowy Bank Polski (NBP) u l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja - mhijiex kompatibbli għalkollox mal-obbligu ta’ konformità skont l-Artikolu 131 TFUE. L-inkompatibbiltajiet jikkonċernaw l-indipendenza tal-bank ċentrali, il-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju u l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fi żmien l-adozzjoni tal-euro. Barra minn hekk, l-Att dwar l-NBP fih ukoll xi imperfezzjonijiet li jikkonċernaw l-indipendenza tal-bank ċentrali u l-integrazzjoni tal-NBP fis-SEBĊ fi żmien l-adozzjoni tal-euro.
Il-Polonja ma tissodisfax il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fil-Polonja matul it-12-il xahar sa Marzu 2020 kienet ta’ 2,8 %, ferm ogħla mill-valur referenzjarju ta’ 1,8 %. Huwa pprojettat li fix-xhur li ġejjin din tibqa’ ferm ogħla mill-valur referenzjarju.
L-inflazzjoni annwali tal-HICP telgħet għal 1,5 % sa Settembru 2018, qabel ma reġgħet niżlet għal 0,6 % sa Jannar 2019. Din żdiedet għal 2,1 % sa April 2019 u telgħet għal 2,4 % sa Novembru, prinċipalment minħabba l-inflazzjoni ta’ servizzi li qed jiżdiedu, parzjalment minħabba ż-żieda fil-kost tal-unità lavorattiva. L-inflazzjoni annwali kompliet tiżdied f’daqqa lejn tmiem l-2019 u kmieni fl-2020, u laħqet it-3,8 % f’Jannar 2020. Din ix-xejra ġeneralment volatili hija spjegata minn varjazzjonijiet qawwija fid-dinamika tal-prezzijiet tal-enerġija u tal-prodotti alimentari mhux ipproċessati. F’Marzu 2020, l-inflazzjoni annwali tal-HICP kienet madwar 3,9 %.
Huwa pprojettat li l-inflazzjoni tiżdied minn 2,1 % fl-2019 għal 2,5 % fl-2020 u għal 2,8 % fl-2021 skont it-Tbassir tar-rebbiegħa 2020 tas-servizzi tal-Kummissjoni, xprunata l-aktar miż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti alimentari fl-2020 u mill-irkupru ekonomiku fl-2021. Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet fil-Polonja (madwar 56 % tal-medja taż-Żona tal-Euro fl-2018) huwa indikazzjoni ta’ potenzjal sinifikanti għall-konverġenza fil-livell tal-prezzijiet fit-tul.
Il-Polonja tissodisfa l-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi. Il-Polonja mhijiex is-suġġett ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika niżel minn 1,5 % tal-PDG fl-2017 għal 0,2 % tal-PDG fl-2018. Il-proporzjon tad-defiċit mal-PDG iddeterjora għal 0,7 % fl-2019 u skont it-Tbassir tar-rebbiegħa 2020 tas-servizzi tal-Kummissjoni huwa pprojettat li jilħaq 9,5 % fl-2020 u 3,8 % fl-2021, abbażi ta’ ebda bidla fil-politika, prinċipalment minħabba l-effett tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-attività u l-miżuri biex tiġi appoġġata l-ekonomija. Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE minħabba l-ksur ippjanat tal-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir mhuwiex issodisfat. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni tqis li f’dan l-istadju m’għandhiex tittieħed deċiżjoni dwar jekk il-Polonja għandhiex titqiegħed taħt PDE. Il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG huwa previst li jiżdied sew minn 46 % fl-2019 għal 58 % fl-2021. Il-qafas fiskali domestiku tal-Polonja huwa kumplessivament b’saħħtu, b’nuqqasijiet prinċipalment fl-oqsma tal-ippjanar u l-proċeduri baġitarji, u l-monitoraġġ indipendenti.
Il-Polonja ma tissodisfax il-kriterju tar-rata tal-kambju. Iż-zloty Pollakk mhux qed jipparteċipa fl-ERM II. Il-Polonja topera reġim ta’ rata tal-kambju varjabbli, bil-possibbiltà ta’ interventi fis-suq tal-muniti barranin mill-bank ċentrali. Iż-zloty qed jiġi l-aktar innegozjat f’medda kemxejn dejqa kontra l-euro għal madwar 4,3 matul l-aħħar sentejn. Kien hemm perjodu qasir ta’ dgħufija relattiva fiż-zloty f’Lulju 2018 u f’Awwissu-Settembru 2019 (b’4,35 PLN/EUR), fost sinjali ta’ tnaqqis ekonomiku. Dan kien segwit minn perjodu b’saħħtu, bir-rata medja tal-kambju tilħaq l-4,25 PLN/EUR f’Jannar 2020, wara t-tnaqqis monetarju f’xi ekonomiji kbar avvanzati. Il-kriżi tal-COVID-19 irriżultat f’deprezzament taż-zloty għal medja ta’ 4,4 PLN/EUR f’Marzu 2020. Id-differenzjali fir-rati tal-imgħax għal żmien qasir fir-rigward taż-Żona tal-Euro żdiedu minn madwar 200 punt bażi għal madwar 210 punti f’Lulju 2019, iżda naqsu għal madwar 190 punt bażi bħala medja f’Marzu 2020. F’Marzu 2020, iż-zloty kien madwar 5 % aktar dgħajjef kontra l-euro milli kien sentejn qabel.
Il-Polonja tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati tal-imgħax fit-tul. Ir-rata medja tal-imgħax fit-tul fis-sena sa Marzu 2020 kienet ta’ 2,2 %, taħt il-valur referenzjarju ta’ 2,9 %. Ir-rata tal-imgħax medja fix-xahar fit-tul kienet ta’ madwar 3,2 % bejn Mejju u Novembru 2018, qabel ma naqset għal 2,7 % sal-bidu tal-2019. Din kompliet tonqos għal madwar 2 % fis-sajf tal-2019 u laħqet madwar 1,8 % f’Marzu 2020. Il-firxa tar-rata tal-imgħax fit-tul meta mqabbla mal-bond referenzjarju Ġermaniż kienet madwar 230 punt bażi f’Marzu 2020.
Ġew eżaminati wkoll fatturi addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq. Il-bilanċ estern tal-Polonja baqa’ b’surplus matul l-aħħar sentejn, appoġġat minn titjib fil-bilanċ tal-kummerċ tas-servizzi. L-ekonomija Pollakka hija integrata tajjeb fiż-Żona tal-Euro permezz tar-rabtiet mal-kummerċ u mal-investiment. Abbażi ta’ indikaturi magħżula marbuta mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni tal-Polonja hija madwar il-medja tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro. Is-settur finanzjarju tal-Polonja huwa integrat tajjeb fis-settur finanzjarju tal-UE.
6.IR-RUMANIJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ġuridika u tal-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u b’kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li r-Rumanija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fir-Rumanija - b’mod partikolari l-Liġi Nru 312 dwar l-Istatut tal-Bank tar-Rumanija (il-Liġi tal-BNR) – mhijiex kompatibbli għalkollox mal-obbligu ta’ konformità skont l-Artikolu 131 TFUE. L-inkompatibbiltajiet jikkonċernaw l-indipendenza tal-bank ċentrali, il-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju u l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fi żmien l-adozzjoni tal-euro. Barra minn hekk, il-Liġi tal-BNR fiha imperfezzjonijiet marbuta mal-indipendenza tal-bank ċentrali u mal-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fil-mument tal-adozzjoni tal-euro fir-rigward tal-objettivi tal-BNR u l-kompiti tas-SEBĊ kif stabbiliti fl-Artikolu 127(2) TFUE u l-Artikolu 3 tas-SEBĊ/BĊE.
Ir-Rumanija ma tissodisfax il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fir-Rumanija matul it-12-il xahar sa Marzu 2020 kienet ta’ 3,7 %, ferm ogħla mill-valur referenzjarju ta’ 1,8 %. Huwa pprojettat li fix-xhur li ġejjin din tibqa’ ferm ogħla mill-valur referenzjarju.
L-inflazzjoni annwali tal-HICP fir-Rumanija aċċellerat għal 4,1 % fl-2018 u baqgħet relattivament għolja fl-2019 b’medja ta’ 3,9 %, appoġġjata minn domanda qawwija min-naħa tal-konsumatur. L-inflazzjoni laħqet l-ogħla punt tagħha ta’ 4,7 % f’Settembru 2018, hekk kif l-effett ta’ tnaqqis fil-VAT tal-imgħoddi spiċċa, il-prezzijiet globali taż-żejt żdiedu u t-tnaqqis fid-dazji tas-sisa ta’ Jannar 2017 ġie mreġġa’ lura. Din iċ-ċifra naqset għal 3,0 % sa tmiem l-2018, inkluż minħabba tnaqqis qawwi fil-prezz internazzjonali taż-żejt mhux maħdum fir-raba’ kwart tal-2018. Wara żieda ta’ 4,4 % f’April 2019, din iddeċellerat għal 3,2 % sa Ottubru 2019, iżda reġgħet żdiedet għal 4 % f’Diċembru 2019. L-inflazzjoni naqset fl-ewwel tliet xhur tal-2020, u laħqet it-2,7 % f’Marzu 2020.
Għaldaqstant, skont it-Tbassir tar-rebbiegħa 2020 tas-servizzi tal-Kummissjoni, huwa pprojettat li r-rata ta’ inflazzjoni medja annwali tonqos għal 2,5 % fl-2020 u għal 3,1 % fl-2021. Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet fir-Rumanija (madwar 50 % tal-medja taż-Żona tal-Euro fl-2018) huwa indikazzjoni ta’ potenzjal sinifikanti għal konverġenza fil-livell tal-prezzijiet fit-tul.
Ir-Rumanija ma tissodisfax il-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi. Bħala konsegwenza tal-ksur tal-limitu tal-iżbilanċ fit-Trattat fl-2019, il-Kunsill fl-4 ta’ April 2020 fetaħ proċedura ta’ defiċit eċċessiv għar-Rumanija, li tindika l-2022 bħala skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. Ir-Rumanija kienet ilha taħt Proċeduri ta’ Devjazzjoni Sinifikanti konsekuttivi minn Ġunju 2017, iżda ma ħaditx azzjoni effettiva. Għalhekk, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika żdied minn 2,9 % fl-2018 għal 4,3 % fl-2019, xprunat minn żidiet fl-infiq kurrenti u rkupru ta’infiq kapitali mil-livelli baxxi rekord tas-snin preċedenti. Skont it-Tbassir tar-rebbiegħa 2020 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika huwa pprojettat li jkompli jiżdied għal madwar 9,2 % tal-PDG fl-2020, u għal madwar11,4 % tal-PDG fl-2021 abbażi ta’ ebda bidla fil-politika. Ix-xejra ta’ espansjoni xprunata l-aktar minn żidiet fil-pensjonijiet leġiżlattivi se tissaħħaħ minħabba fl-impatt tal-kriżi tal-COVID-19. Il-proporzjon tad-dejn pubbliku mal-PDG huwa mistenni li jiżdied minn 35,2 % fl-2019 għal madwar 46,2 % fl-2020 u għal 54,7 % fl-2021. Minkejja li għandu stabbiliment leġiżlattiv xieraq, ir-rekord ta’ implimentazzjoni tal-qafas fiskali Rumen kien ġeneralment dgħajjef u ma tjiebx mill-aħħar rapport ’l hawn. Dan minħabba li l-awtoritajiet komplew il-prattika tagħhom ta’ deroga mir-regoli fiskali nazzjonali, li għamlithom ineffettivi.
Ir-Rumanija ma tissodisfax il-kriterju tar-rata tal-kambju. Il-leu Rumen mhux qed jipparteċipa fl-ERM II. Ir-Rumanija topera reġim ta’ rata tal-kambju varjabbli, bil-possibbiltà ta’ interventi fis-suq tal-muniti barranin mill-bank ċentrali. Il-leu laħaq livell medju ta’ 4,65 RON/EUR fl-2018. Wara li ddgħajjef kontra l-euro b’madwar 1 % bejn Jannar u Mejju 2019, il-leu esperjenza episodju qasir ta’ apprezzament moderat matul is-sajf tal-2019 iżda x-xejra ta’ deprezzament reġgħet bdiet b’mod moderat wara Ottubru 2019. Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-leu ddeprezza b’madwar 1,1 % bejn nofs Frar u l-aħħar ta’ Marzu 2020. Il-firxa tar-rata tal-imgħax ta’ tliet xhur relattiva għall-euro kienet ta’ madwar 325 punt bażi f’Marzu 2020 meta mqabbla mal-punt massimu tagħha ta’ 370 punt bażi f’Lulju 2018. F’Marzu 2020, il-leu kien madwar 3 % aktar dgħajjef meta mqabbel mal-euro milli kien sentejn qabel.
Ir-Rumanija ma tissodisfax il-kriterju dwar il-konverġenza ta’ rati tal-imgħax fit-tul. Ir-rata medja tal-imgħax fit-tul fir-Rumanija matul is-sena sa Marzu 2020 kienet ta’ 4,4 %, ogħla mill-valur referenzjarju ta’ 2,9 %. Ir-rati tal-imgħax fit-tul żdiedu minn madwar 4,5 % f’April 2018 għal 5,1 % f’Lulju 2018. Wara li baqgħu stabbli b’madwar 4,8 % bħala medja bejn Awwissu 2018 u Mejju 2019, ir-rati tal-imgħax fit-tul bdew jonqsu u laħqu l-4,3 % f’Novembru 2019. It-tnaqqis irrifletta l-miżuri tal-illaxkar tal-politika monetarja mill-banek ċentrali ewlenin, li naqqsu r-rendimenti fit-tul. Hekk kif il-kriżi tal-COVID-19 intensifikat, ir-rata tal-imgħax fit-tul żdiedet għal 4,6 % f’Marzu 2020 u l-firxa fit-tul meta mqabbla mal-bond referenzjarju Ġermaniż laħqet il-510 punti bażi f’dak ix-xahar.
Ġew eżaminati wkoll fatturi addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq. Il-bilanċ estern tar-Rumanija sar negattiv fl-2017 għall-ewwel darba f’ħames snin u kompla jiddeterjora għal -3,2 % tal-PDG fl-2018 u għal -3,3 % tal-PDG fl-2019, l-agħar fost il-pajjiżi analizzati f’dan ir-Rapport. Abbażi ta’ indikaturi magħżula marbuta mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni tar-Rumanija hija agħar minn dik tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro. L-imprevedibbiltà regolatorja persistenti kienet waħda mill-fatturi ewlenin li jaffettwaw b’mod negattiv l-ambjent tan-negozju f’dawn l-aħħar snin. Is-settur finanzjarju tar-Rumanija huwa integrat tajjeb fis-settur finanzjarju tal-UE, b’mod partikolari permezz ta’ livell għoli ta’ sjieda barranija tas-sistema bankarja tagħha. Fil-kuntest tal-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku, ir-Rumanija kienet identifikata bħala li teħtieġ Analiżi Fil-Fond (IDR). Din tal-aħħar ikkonkludiet li r-Rumanija kompliet tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-kont kurrenti kompla jikber fl-2019, filwaqt li r-riskji marbuta mal-kompetittività tal-kostijiet kienu qed jinbnew f’kuntest ta’ politika fiskali espansjonarja u ambjent tan-negozju imprevedibbli.
7.L-IŻVEZJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibilità ġuridika u tal-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u b’kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Iżvezja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fl-Iżvezja - partikolarment l-Att dwar is-Sveriges Riksbank, l-Istrument tal-Gvern u l-Liġi dwar il-Politika tar-Rata tal-Kambju - mhijiex kompatibbli għalkollox mal-obbligu ta’ konformità skont l-Artikolu 131 TFUE. Jeżistu l-inkompatibbiltajiet u l-imperfezzjonijiet fl-oqsma tal-indipendenza tal-bank ċentrali, tal-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju u tal-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fi żmien l-adozzjoni tal-euro.
L-Iżvezja tissodisfa l-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fl-Iżvezja matul it-12-il xahar sa Marzu 2020 kienet ta’ 1,6 %, taħt il-valur referenzjarju ta’ 1,8 %. Huwa pprojettat li fix-xhur li ġejjin din tibqa’ taħt il-valur referenzjarju.
Ir-rata ta’ inflazzjoni medja tal-Iżvezja niżlet għal 1,7 % fl-2019, minn 2,0 % fl-2018. Wara perjodu qasir ta’ żmien li matulu kienet ta’ 2,1 % f’April u Mejju 2019, l-inflazzjoni naqset għal 1,3 % f’Settembru u, wara rkupru qasir meta laħqet il-1,8 % f’Novembru immoderat għal darb’oħra minħabba t-tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku u tnaqqis qawwi fil-prezzijiet tal-enerġija. F’Marzu 2020, l-inflazzjoni annwali tal-HICP kienet madwar 0,8 %.
Huwa pprojettat li l-prezzijiet taż-żejt jagħmlu pressjoni negattiva fuq l-HICP fl-2020 u t-tkabbir fil-pagi mistenni jibqa’ moderat, li għandu jikkumpensa aktar għall-impatt tad-deprezzament mistenni tal-krona. Għaldaqstant, it-Tbassir tar-rebbiegħa 2020 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprojetta inflazzjoni medja annwali ta’ 0,4 % fl-2020 u 1,1 % fl-2021. Il-livell tal-prezz fl-Iżvezja huwa relattivament għoli (madwar 116 % tal-medja taż-Żona tal-Euro fl-2018).
L-Iżvezja tissodisfa l-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi. L-Iżvezja mhijiex is-suġġett ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Is-surplus tal-amministrazzjoni pubblika naqas bi ftit minn 0,8 % tal-PDG fl-2018 għal 0,5 % tal-PDG fl-2019, li jirrifletti b’mod partikolari l-prestazzjoni aktar dgħajfa tad-dħul hekk kif it-tkabbir reali tal-PDG naqas. Skont it-Tbassir tar-rebbiegħa 2020 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika huwa mistenni jilħaq -5,6 % tal-PDG fl-2020 u -2,2 % fl-2021 fl-isfond tal-kriżi tal-COVID-19. Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE minħabba l-ksur ippjanat tal-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir mhuwiex issodisfat. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni tqis li f’dan l-istadju m’għandhiex tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-Iżvezja għandhiex titqiegħed taħt PDE. Il-proporzjon tad-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG naqas għal 35,1 % fl-2019 u huwa mistenni li jiżdied għal 42,6 % tal-PDG fl-2020 u li jibqa’ ġeneralment stabbli għal 42,5 % tal-PDG fl-2021. L-Iżvezja għandha qafas fiskali b’saħħtu, li kien suġġett għar-riforma fl-2019, filwaqt li tippreserva l-pilastri ewlenin tal-istruttura preċedenti u ssaħħaħha b’elementi ġodda (bħal pereżempju ankra għad-dejn ta’ 35 % tal-PDG).
L-Iżvezja ma tissodisfax il-kriterju tar-rata tal-kambju. Il-krona Żvediża mhux qed tipparteċipa fl-ERM II. L-Iżvezja topera reġim ta’ rata tal-kambju varjabbli, bil-possibbiltà ta’ interventi fis-suq tal-muniti barranin mill-bank ċentrali. Fl-2018-19, il-krona kompliet id-deprezzament fit-tul tagħha fil-konfront tal-euro. Id-deprezzament seħħ minkejja xi ssikkar monetarju (meta mqabbel maż-Żona tal-Euro) minkejja t-twessigħ tal-firxa STIBOR-EURIBOR fuq tliet xhur matul l-2019, b’din tal-aħħar b’medja ta’ -7 punti bażi fl-2018 u 33 fl-2019. F’Marzu 2020, il-firxa kienet ta’ madwar 65 punti bażi. Id-deprezzament ma kienx uniformi matul il-perjodu kopert mir-rapport, bl-euro jilħaq il-punt massimu ta’ 10,80 SEK/EUR f’Ottubru 2019, qabel ma ddeprezza ftit għall-firxa ta’ 10,5-10,6 bejn Diċembru 2019 u Frar 2020. Il-kriżi tal-COVID-19 irriżultat f’deprezzament temporanju qawwi tal-krona. Matul is-sentejn qabel Marzu 2020, il-krona kellha rata medja ta’ madwar 10,5 SEK/EUR u naqset meta mqabbla mal-euro b’madwar 7 %.
L-Iżvezja tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta’ rati tal-imgħax fit-tul. Ir-rata medja tal-imgħax fit-tul fl-Iżvezja fis-sena sa Marzu 2020 kienet ta’ -0,1 %, sew taħt il-valur referenzjarju ta’ 2,9 %. Ir-rati tal-imgħax Żvediżi fit-tul fuq bażi ta’ kull xahar irreġistraw livell baxx ġdid rekord f’Awwissu 2019, li laħaq -0,36. Wara l-ħruġ mit-territorju negattiv f’Novembru li għadda, ir-rata tal-imgħax reġgħet saret negattiva fi Frar 2020 biex laħqet -0,17 % f’Marzu 2020, fost il-kriżi tal-COVID-19. Il-firxa meta mqabbla mal-bond referenzjarju Ġermaniż baqgħet baxxa, anki jekk żdiedet kemxejn fl-2019, wara li naqset fl-2018. F’Marzu tal-2020, hija kienet ta’ 37 punt bażi.
Ġew eżaminati wkoll fatturi addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq. Il-bilanċ estern tal-Iżvezja baqa’ b’surplus, u kien jammonta għal 1,7 % tal-PDG fl-2018 u 3,9 % fl-2019. L-ekonomija tal-Iżvezja hija integrata tajjeb fiż-Żona tal-Euro permezz tar-rabtiet mal-kummerċ u mal-investiment. Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni tal-Iżvezja hija aħjar minn dik tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro. Is-settur finanzjarju tal-Iżvezja huwa integrat tajjeb fis-settur finanzjarju tal-UE. Fil-kuntest tal-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku, l-Iżvezja kienet identifikata li teħtieġ Analiżi Fil-Fond (IDR) ulterjuri. Din tal-aħħar sabet li l-Iżvezja qed tkompli tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi minħabba li livelli sopravalutati tal-prezzijiet tad-djar flimkien ma’ żieda kontinwa fid-dejn tal-unitajiet domestiċi joħolqu riskji ta’ korrezzjoni diżordnata.