Brussell, 15.6.2020

COM(2020) 236 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-Ostakli għall-Kummerċ u l-Investiment




l-1 ta’ Jannar 2019 - il-31 ta’ Diċembru 2019



INTRODUZZJONI

L-għaxar edizzjoni tar-Rapport dwar l-Ostakli għall-Kummerċ u għall-Investiment tanalizza l-ostakli ġodda li ffaċċjaw in-negozji tal-UE fl-2019 u dawk li tneħħew għall-kumpaniji tagħna fl-istess sena bis-saħħa tas-Sħubija għall-Aċċess għas-Swieq tal-UE, li tlaqqa’ flimkien il-Kummissjoni, l-Istati Membri u n-negozji tal-UE 1 . Din is-Sħubija tidentifika l-ostakli li jiffaċċjaw id-ditti tal-UE f’pajjiżi terzi, tiddefinixxi strateġija komuni biex jitneħħew u timplimenta din l-istrateġija.

Sabiex tirrispondi għaż-żieda fil-protezzjoniżmu, il-Kummissjoni għamlet l-infurzar – flimkien ma’ enfasi aktar ċara fuq l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali – prijorità ewlenija. Fir-rigward tal-element tradizzjonali tal-aċċess għas-suq, saħħaħna l-ħidma tagħna billi tejjibna l-koordinazzjoni fost l-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet interessati u permezz ta’ prijoritizzazzjoni aktar għaqlija tal-ostakli. Fuq kollox il-Kummissjoni tejbet ukoll l-isforzi ta’ komunikazzjoni biex tispjega, speċjalment lill-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), kif jistgħu jużaw is-Sħubija għall-Aċċess għas-Swieq biex ineħħu d-diversi ostakli li jiffaċċjaw. Dan ibbenefika mill-inizjattiva tagħna tal-Jiem għall-Aċċess għas-Swieq, fejn fl-2019 saru sessjonijiet indirizzati lill-kumpaniji fin-Netherlands, fil-Litwanja, fil-Portugall, fi Franza u fil-Latvja.

Kull sena, mill-2016, sar titjib fir-Rapport. L-edizzjoni ta’ din is-sena tibbenefika minn analiżi ferm aktar granulari ta’ liema tip ta’ ostakli jikkawża l-aktar problemi lill-kumpaniji tagħna, u tat enfasi speċifika fuq is-settur li ra l-aħjar riżultati, is-settur agroalimentari.

Bħal fir-Rapport tas-sena li għaddiet, aħna l-ewwel nanalizzaw l-ammont totali ta’ 438 ostaklu attiv 2 għall-kummerċ u għall-investiment, għal kull pajjiż u għal kull tip ta’ ostaklu, kif irrapportat lill-Kummissjoni u rreġistrat fil-Bażi tad-Data dwar l-Aċċess għas-Suq (‘Market Access Database’ - MADB) tal-UE 3 .

Aħna mbagħad nipprovdu analiżi dettaljata tat-43 ostaklu ġodda rrapportati fl-2019, li tiddeskrivi xejriet speċifiċi f’diversi pajjiżi u setturi u tivvaluta l-flussi kummerċjali potenzjalment affettwati.

It-taqsima ta’ wara tidentifika l-għodod użati biex jindirizzaw l-40 ostaklu li ġew riżolti b’suċċess fl-2019, u tipprovdi analiżi għal kull pajjiż, tip ta’ miżura u settur. L-edizzjoni ta’ din is-sena tagħti attenzjoni speċjali lir-reġjun tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani, filwaqt li tispjega kif l-isforzi mmirati għenu biex jitneħħew uħud mill-ostakli għall-kummerċ li huma pjuttost numerużi f’dawn il-pajjiżi.

Din hija segwita minn taqsima li tanalizza f’aktar dettall uħud mill-ostakli riżolti bl-akbar impatt u telabora wkoll fuq il-kisbiet ekonomiċi ġġenerati mis-Sħubija għall-Aċċess għas-Swieq tagħna fl-2019 abbażi tal-immudellar ekonomiku.

Fl-aħħar nett, taqsima speċifika hija ddedikata għar-relazzjoni mal-Istati Uniti, hekk kif qed inkomplu niġġieldu l-ostakli sinifikanti li tfaċċaw f’din il-ġurisdizzjoni.

Matul dan ir-Rapport, aħna mhux biss iffokajna fuq is-sħab bl-ogħla numru ta’ ostakli ġodda u riżolti, iżda poġġejna wkoll enfasi fuq l-ostakli li jaffettwaw lill-biċċa l-kbira tal-flussi kummerċjali mill-esportaturi tal-UE u xħitna dawl fuq is-sinifikat tagħhom.

Kaxxa 1 – Nota metodoloġika dwar l-inventarju tal-ostakli

L-approċċ tagħna li jdur madwar il-partijiet interessati jimplika li r-Rapport tagħna jiffoka esklussivament fuq l-ostakli indikati min-negozji tagħna. Ir-Rapport jiffoka fuq l-ostakli għall-kummerċ li jiffaċċjaw kumpaniji tal-UE f’pajjiżi terzi, ix-xejriet relatati u l-azzjonijiet meħuda biex jitneħħew fil-qafas tas-Sħubija għall-Aċċess għas-Swieq tagħna. Filwaqt li l-bażi tad-data u dan ir-Rapport ma jippreġudikawx il-legalità jew l-illegalità tal-miżuri rreġistrati, dawn l-ostakli kollha ġew identifikati bħala problematiċi għall-kumpaniji tal-UE u ġew ipprijoritizzati għal azzjoni ulterjuri fil-ħidma tagħna fir-rigward tal-aċċess għas-suq, minħabba li jistgħu jkunu diskriminatorji, sproporzjonati jew inkella restrittivi għall-kummerċ.

Il-qarrej se jinnota diversi temi importanti li jkomplu tul ir-Rapport kollu. L-ewwel nett, iż-żieda kontinwa fin-numru ta’ ostakli, il-multiplikazzjoni tat-tipi ta’ ostakli involuti u d-diffikultà dejjem tikber biex jitneħħew ħafna minnhom jindikaw paradigma ġdida fejn il-protezzjoniżmu qed irabbi għeruq fondi fir-relazzjonijiet kummerċjali strutturali tagħna. It-tieni, l-ostakli qed jaffettwaw dejjem aktar is-setturi marbuta mas-sovranità teknoloġika u mal-awtonomija strateġika tal-UE. It-tielet, insibu li qed isir dejjem aktar diffiċli li jiġu indirizzati l-ostakli fis-setturi industrijali u tas-servizzi. Ir-raba’, il-miżuri protezzjonisti qegħdin jinfirxu madwar reġjuni speċifiċi.

Dan jirrikjedi approċċ radikalment ġdid biex jiddefendi l-interessi kummerċjali tal-UE – waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni von der Leyen.



I.ĦARSA ĠENERALI LEJN L-OKTAKLI GĦALL-KUMMERĊ U GĦALL-INVESTIMENT

Fi tmiem l-2019, kien hemm 438 ostaklu attivi għall-kummerċ u għall-investiment fi 58 pajjiż terz 4 elenkati fil-Bażi tad-Data dwar l-Aċċess għas-Suq tal-UE 5 . Din iċ-ċifra rekord, flimkien maż-żieda fit-tul tal-ħajja ta’ għadd ta’ ostakli, jindikaw mhux biss iż-żieda fil-protezzjoniżmu, iżda wkoll il-fatt li l-protezzjoniżmu qed ikollu għeruq strutturali fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħna ma’ ħafna sħab.

A.    VALUTAZZJONI ĠENERALI TAL-OSTAKLI GĦALL-KUMMERĊ U GĦALL-INVESTIMENT GĦAL KULL PAJJIŻ TERZ

Meta mqabbel mal-2018, l-ewwel ħames pajjiżi bl-akbar għadd ta’ ostakli baqgħu l-istess. Iċ-Ċina għadha l-pajjiż bl-ogħla ammont ta’ ostakli rreġistrati, bi 38 ostaklu li jxekklu l-opportunitajiet ta’ esportazzjoni u investiment mill-UE. Ir-Russja ġiet fit-tieni post, b’31 ostaklu fis-seħħ bħalissa, segwita mill-Indoneżja (25) u l-Istati Uniti (24). L-Indja u t-Turkija jaqsmu l-ħames post, bi 23 miżura rrapportati.

Pajjiżi terzi oħrajn b’għaxar ostakli għall-kummerċ jew aktar fis-seħħ jinkludu l-Brażil (19), il-Korea t’Isfel (19), l-Awstralja (14), l-Alġerija (12), it-Tajlandja (12), il-Messiku (11), l-Eġittu (10) u l-Malasja (10). Il-Figura 1 tipprovdi analiżi aktar dettaljata tal-ostakli madwar id-dinja.

L-UE

Għadd ta’ ostakli

Figura 1 6 : Analiżi ġeografika fid-dettall tal-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment fl-MADB

B. VALUTAZZJONI ĠENERALI TAL-OSTAKLI GĦALL-KUMMERĊ U GĦALL-INVESTIMENT GĦAL KULL TIP TA’ MIŻURA

Il-Figura 2 turi li fl-2019, għall-ewwel darba, il-miżuri fil-fruntieri (229 jew 52 %) huma aktar numerużi mill-miżuri ta’ wara l-fruntieri (188 jew 43 %) 7 . Dan huwa sinjal li s-sħab qed jirrikorru għal firxa usa’ ta’ tipi ta’ ostakli biex jintlaħqu l-miri protezzjonisti.

Il-miżuri fil-fruntieri huma restrizzjonijiet li jaffettwaw direttament l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet fil-livell doganali, kemm jekk permezz ta’ miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS) (102 ostakli), żidiet fit-tariffi u restrizzjonijiet kwantitattivi (73), proċeduri amministrattivi u liċenzji għall-importazzjoni (38), taxxi u restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni (16), jew inkella rimedji kummerċjali mhux konformi mal-obbligi internazzjonali (14).

Il-miżuri ta’ wara l-fruntieri jaffettwaw prodotti wara l-importazzjoni permezz ta’ restrizzjonijiet relatati ma’ ostakli tekniċi għall-kummerċ (TBT) mhux ġustifikati li jikkonċernaw il-kummerċ ta’ prodotti (78), id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (34), l-akkwist tal-gvern (25), is-servizzi (22 ostaklu) u l-investimenti (15).

Bis-saħħa tal-kategorizzazzjoni ferm aktar granulari tal-ostakli għall-kummerċ, għall-ewwel darba qed nippreżentaw ħarsa diżaggregata lejn it-tipi ta’ ostakli speċifiċi li jaffettwaw lill-kumpaniji tagħna.



Figura 2: Analiżi fid-dettall tal-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment irreġistrati fl-MADB għal kull tip ta’ miżura, f’perċentwal tal-ammont totali ta’ ostakli
(Il-miżuri fil-fruntieri huma fi sfumaturi ta’ kannella, il-miżuri ta’ wara l-fruntieri fi sfumaturi ta’ blu)

Kaxxa 2 – Il-każ tar-rekwiżiti tal-kontenut lokali

Ir-rekwiżiti tal-kontenut lokali (‘local content requirements’ - LCR) jimpenjaw lill-kumpaniji barranin biex jużaw ċertu ammont ta’ prodotti jew servizzi li jiġu prodotti lokalment. L-LCRs huma inkorporati f’ħafna tipi ta’ ostakli, li jaffettwaw, pereżempju, is-self preferenzjali, l-akkwist pubbliku, jew il-kundizzjonijiet li jaffettwaw l-investiment dirett barrani (IDB). Sabiex jiġu identifikati dawn id-dispożizzjonijiet li joħolqu distorsjoni kbira, l-MADB ittejbet sabiex il-komponent ta’ LCR ta’ kwalunkwe tip ta’ ostaklu jkun jista’ jingħadd faċilment. Bis-saħħa ta’ dan l-approċċ, nistgħu nuru li, sal-aħħar tal-2019, proporzjon sinifikanti ħafna (7 %) tal-ostakli kollha kellhom komponent ta’ LCR. Dan jitlob li l-UE tagħti attenzjoni lil dawn il-prattiki.



II.OSTAKLI ĠODDA GĦALL-KUMMERĊ U GĦALL-INVESTIMENT IRRAPPORTATI FL-2019

Sfortunatament, iż-żieda fil-miżuri ġodda tkompli b’pass mgħaġġel. It-43 ostaklu ġdid li ġew irreġistrati fl-2019 fi 22 pajjiż terz 8 kienu kważi daqs l-ammont irrapportat fl-2018, jiġifieri 45. Din iż-żieda kontinwa u sinifikanti tindika li l-protezzjoniżmu strutturalment sar parti min-nisġa nnifisha tar-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali. Din ir-realtà ġdida jista’ jkollha effett profond fuq il-flussi kummerċjali tagħna.

Il-flussi kummerċjali affettwati mill-ostakli rrapportati fl-2019 jammontaw għall-esportazzjonijiet tal-UE-27 b’valur ta’ madwar EUR 35,1 biljun (ara l-Kaxxa 3).

Kaxxa 3 – Nota metodoloġika dwar il-kwantifikazzjoni tal-kummerċ potenzjalment affettwat

Il-flussi kummerċjali potenzjalment affettwati huma kkwantifikati abbażi taċ-ċifri tal-esportazzjoni tal-UE għall-kodiċijiet tariffarji rilevanti tas-Sistema Armonizzata, li jkopru l-kummerċ li jseħħ minkejja l-ostaklu. Id-data kwantitattiva kollha tirreferi għas-27 Stat Membru attwali tal-UE.

Madankollu, l-impatt x’aktarx li jkun kemmxejn sottovalutat, minħabba li:

- dawn iċ-ċifri ma jinkludux ostakli għas-servizzi, jew ostakli fejn il-kopertura tal-prodott ma tkunx faċilment identifikabbli.

- xi prodotti u servizzi affettwati mill-miżuri jistgħu jkunu elementi li jintużaw minn setturi oħrajn ta’ attività (pereżempju, is-settur tat-teknoloġija avvanzata).

B’mod aktar ġenerali, l-analiżi tal-ostakli mhux tariffarji u tal-impatt tagħhom tibqa’ ta’ sfida. Ir-raġuni ewlenija hija li l-ostakli mhux tariffarji huma kkaratterizzati minn gradi differenti ta’ restrizzjoni. Apparti l-projbizzjonijiet espliċiti, il-biċċa l-kbira tal-miżuri restrittivi għall-kummerċ ma jeliminawx il-kummerċ għal kollox, iżda jnaqqsuh. Barra minn hekk, restrizzjonijiet rigward l-istess prodotti jew servizzi jistgħu jikkoinċidu. B’riżultat ta’ dan, ostakli addizzjonali mhux bilfors ikunu jfissru impatt addizzjonali, u lanqas it-tneħħija ta’ ostaklu wieħed ma timplika titjib awtomatiku fl-aċċess għas-suq.

A.     OSTAKLI ĠODDA RRAPPORTATI FL-2019 GĦAL KULL PAJJIŻ TERZ

It-Tabella 1 u l-Figura 3 jagħtu ħarsa ġenerali lejn l-analiżi ġeografika fid-dettall tal-ostakli ġodda rreġistrati fl-2019. L-ogħla għadd ta’ ostakli ġodda ġew irrapportati fir-relazzjonijiet kummerċjali u tal-investiment tagħna mal-Arabja Sawdija u l-Libanu, li t-tnejn irreġistraw ħames ostakli ġodda. Iċ-Ċina u l-Alġerija jsegwu mill-qrib, b’erba’ u tliet ostakli ġodda rreġistrati, rispettivament. Ġew irrapportati żewġ ostakli f’Singapore, fil-Korea t’Isfel, fil-Malasja, fil-Kazakistan, fl-Eġittu, fil-Marokk, fit-Turkija u fl-Awstralja. L-għaxar ostakli li jifdal ġew irreġistrati għal pajjiżi terzi oħrajn. Meta nħarsu lejn ix-xejriet reġjonali, nosservaw li l-maġġoranza l-kbira tal-ostakli ġodda fl-2019 ġew imposti fir-reġjun tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani 9 (20) u fl-Asja (17).

Meta mqabbel mal-2018, hemm żewġ fatti li jispikkaw: effett ta’ kontaġju li qed jitfaċċa fir-reġjun tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani, u l-preżenza kontinwa taċ-Ċina fil-quċċata tal-lista, li tenfasizza xejra negattiva fit-tul.

Tabella 1: Analiżi ġeografika fid-dettall tal-ostakli rrapportati fl-2019


Figura 3: Analiżi ġeografika fid-dettall tal-ostakli rrapportati fl-2019, skont ir-reġjun

Filwaqt li tenfasizza l-piż ekonomiku tal-ostakli l-ġodda, il-Figura 4 turi l-flussi kummerċjali stmati affettwati fil-konfront tal-għadd ta’ ostakli rreġistrati fl-2019 għal kull pajjiż u reġjun sieħeb. Hija turi li l-Asja – b’mod predominanti ċ-Ċina, kif ukoll il-Korea t’Isfel – u r-reġjun tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani jikklassifikaw l-ogħla fir-rigward kemm tal-għadd ta’ ostakli ġodda kif ukoll tal-kobor tal-flussi kummerċjali affettwati fl-2019. Dawn iż-żewġ reġjuni huma responsabbli għal kważi EUR 30 biljun mill-EUR 35,1 biljun ta’ kummerċ affettwat mill-ostakli l-ġodda (85 % tat-total), u għal 35 ostaklu (aktar minn 80 % tal-ostakli kollha).

L-Awstralja tiġi fit-tielet post, b’ostaklu wieħed b’impatt għoli għall-vetturi bil-mutur.

Figura 4: L-għadd ta’ ostakli ġodda rrapportati u l-kummerċ affettwat, il-pajjiżi u r-reġjuni sħab magħżula

It-Tabella 2 turi l-flussi kummerċjali affettwati għat-22 pajjiż sieħeb kollha li rrikorrew għal ostakli kummerċjali ġodda fl-2019. Madankollu, jista’ jkun li l-valutazzjoni tal-impatt ekonomiku tal-ostakli ġodda għall-aċċess għas-suq mhux dejjem tkun tirrifletti kompletament l-impatt reali tal-ostakli. Dan jista’ jkun il-każ fir-rigward tal-ostakli fis-servizzi jew dawk ta’ natura orizzontali, li diffiċli jiġu kkwantifikati, jew fejn jidħlu restrizzjonijiet sovrapposti li jkopru l-istess prodotti.

Tabella 2: Il-flussi kummerċjali tal-UE-27 affettwati mill-ostakli l-ġodda rrapportati fl-2019 minn pajjiżi sħab (f’EUR biljuni)

Minħabba d-daqs assolut tal-ekonomija tagħha u s-setturi ewlenin milquta (inklużi dawk strateġiċi għall-UE), l-implikazzjonijiet tal-politika kummerċjali taċ-Ċina jidhru immedjatament, tant li potenzjalment ifixklu aktar minn EUR 15,5 biljun ta’ kummerċ tal-UE.

B.    OSTAKLI ĠODDA RRAPPORTATI FL-2019 GĦAL KULL TIP TA’ MIŻURA

Analiżi fid-dettall tat-43 ostaklu ġdid għal kull tip ta’ miżura turi preponderanza ta’ miżuri ġodda fil-fruntieri (65 %) fuq il-miżuri wara l-fruntieri (28 %): għal darb’oħra, il-firxa ta’ miżuri protezzjonisti użati qed issir dejjem aktar wiesgħa.

Karatteristika ewlenija fl-2019 hija li l-miżuri SPS weħidhom jirrappreżentaw terz tal-ostakli l-ġodda kollha. Analiżi aktar dettaljata tiżvela li r-raġunijiet tas-saħħa tal-annimali huma l-aktar frekwenti (5 ostakli) 10 , segwiti mir-raġunijiet tas-saħħa tal-pjanti u mir-raġunijiet tas-saħħa pubblika (2 kull waħda). Xi drabi, ir-restrizzjonijiet SPS jikkombinaw bosta minn dawn il-karatteristiċi (4).

Miżuri fil-fruntieri oħrajn huma primarjament relattivi għal żieda fid-dazji doganali, fit-tariffi u fil-kwoti (7 ostakli) u proċeduri amministrattivi (7). Din is-sena, ġie rrapportat ukoll ostaklu ġdid fil-qasam tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni (1).

Il-miżuri wara l-fruntieri huma prinċipalment Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (9), b’xi każijiet ukoll ta’ kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) (1), rimedji kummerċjali mhux konformi mal-obbligi internazzjonali (1) u aċċess imxekkel għall-akkwist tal-gvern għall-kumpaniji tal-UE (1).

Figura 5: Analiżi fid-dettall tal-ostakli ġodda għall-kummerċ u għall-investiment irrapportati fl-2019 għal kull tip ta’ miżura, f’perċentwal tal-għadd ta’ ostakli ġodda
(Il-miżuri fil-fruntieri huma fi sfumaturi ta’ kannella, il-miżuri ta’ wara l-fruntieri fi sfumaturi ta’ blu)

Din l-analiżi fid-dettall tindika l-użu ta’ miżuri fil-fruntieri inqas raffinati u inqas sofistikati biex ixekklu l-kummerċ. B’mod li jmur kontra x-xejra aktar fit-tul, is-sħab jidhru li huma aktar komdi b’dawn il-miżuri protezzjonisti b’mod ovvju, aktar milli kieku kellhom jistrieħu biss fuq miżuri aktar elużivi wara l-fruntieri, filwaqt li huwa sottolinjat li mġiba bħal din qed ikollha aktar għeruq strutturali fil-politika kummerċjali għal ħafna minnhom.

C.    OSTAKLI ĠODDA RRAPPORTATI FL-2019 GĦAL KULL SETTUR

L-ostakli l-ġodda rrapportati fl-2019 affettwaw il-kummerċ tal-UE fi 17-il settur ta’ attività ekonomika, bi wħud minn dawn is-setturi jkunu milquta minn ostakli multisettorjali.

L-ogħla għadd ta’ ostakli ġodda ġew irreġistrati fl-agrikoltura u s-sajd (16), segwiti minn 9 miżuri orizzontali jew multisettorjali. Is-setturi tal-ICT u tal-karozzi t-tnejn iffaċċjaw il-feġġ ta’ tliet ostakli ġodda fl-2019, filwaqt li l-industriji tal-farmaċewtiċi u tal-injam, tal-karta u tal-polpa kellhom żewġ ostakli ġodda kull wieħed. Fl-aħħar nett, bosta setturi oħrajn kienu affettwati minn ostaklu ġdid wieħed impost għall-kummerċ: il-prodotti minerali, il-ħadid, l-azzar u metalli mhux tal-ħadid, it-tessuti u l-ġilda, iċ-ċeramika u l-ħġieġ, il-kożmetiċi, il-bini tal-bastimenti, l-inbejjed u l-ispirti u industriji oħrajn.

 Figura 6: Analiżi settorjali fid-dettall tal-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment irrapportati fl-2019  (għadd ta’ ostakli)

Minbarra l-għadd ta’ miżuri, l-analiżi tal-kummerċ affettwat tixħet aktar dawl fuq il-piż attwali ta’ kull ostaklu. Kif muri fil-Figura 7, is-setturi industrijali kienu jikkostitwixxu aktar minn 85 % tal-flussi kummerċjali affettwati, filwaqt li l-ostakli fis-setturi tal-ICT (EUR 15-il biljun), tal-karozzi (EUR 5,7 biljun) u tal-elettronika (EUR 2,6 biljun) jikkostitwixxu żewġ terzi mill-esportazzjonijiet kollha tal-UE27 affettwati mill-ostakli ġodda rrapportati. Dawn huma setturi li huma direttament marbuta mas-sovranità teknoloġika u l-awtonomija strateġika tal-UE.

 Figura 7: Il-flussi kummerċjali tal-UE-27 affettwati mill-ostakli rrapportati fl-2019, għal kull settur 11   (f’€ biljuni u perċentwali)

Ix-xejriet protezzjonisti li jaffettwaw is-setturi tat-teknoloġija avvanzata tagħna, li diġà ġew osservati s-sena li għaddiet, qed ikomplu bla ma jbattu xejn fl-2019. Jekk ma jiġux indirizzati b’mod effettiv, dawn l-ostakli jikkostitwixxu theddida oġġettiva mhux biss għall-kompetittività tad-ditti tal-UE, iżda għall-pożizzjoni tal-UE bħala mexxejja dinjija fit-teknoloġika.



III.ANALIŻI KWALITATTIVA TAL-OSTAKLI ĠODDA RRAPPORTATI FL-2019

A.IĊ-ĊINA

Fl-2019, iċ-Ċina kompliet tintroduċi bosta restrizzjonijiet kummerċjali fl-industriji tat-teknoloġija avvanzata, li l-impatt tagħhom huwa mifrux f’ħafna setturi oħrajn – b’hekk, il-EUR 15-il biljun ta’ kummerċ potenzjalment affettwat jissottovaluta d-daqs ta’ dan l-ostaklu. Dawn il-miżuri, bħal dawk preċedenti relatati mal-implimentazzjoni tal-politiki taċ-ċibersigurtà taċ-Ċina, huma allinjati mill-qrib mal-objettivi ta’ politika l-oħrajn taċ-Ċina li tipproteġi s-suq domestiku u tiżviluppa l-kapaċità u t-teknoloġiji skont l-istrateġija “Made in China 2025”. Ma hemmx sinjali immedjati li din ix-xejra se tonqos fil-futur qrib.

L-Abbozz għall-Mekkaniżmu ta’ Rieżami taċ-Ċibersigurtà ġie ppubblikat f’Mejju 2019. Skont dan l-abbozz, il-kuntratti kummerċjali jistgħu jsiru bil-kundizzjoni li l-parti affettwata tgħaddi b’suċċess mir-rieżami. Billi l-abbozz ma jindikax liema tip ta’ informazzjoni u materjal se jkun soġġett għal rieżami u spezzjoni, se jkunu meħtieġa dispożizzjonijiet b’saħħithom biex tiġi żgurata protezzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u jiġi evitat it-trasferiment ta’ informazzjoni sensittiva għan-negozju.

L-Abbozzi ta’ Miżuri dwar il-Valutazzjoni tas-Sigurtà tat-Trasferiment Transfruntieri ta’ Informazzjoni Personali u Miżuri Amministrattivi dwar is-Sigurtà tad-Data ġew ippubblikati f’Ġunju 2019. Il-Miżuri jidhru li jmorru lil hinn mill-bażi ġuridika tagħhom stess fil-Liġi dwar iċ-Ċibersigurtà (CSL) meta jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit tal-lokalizzazzjoni tad-data. Barra minn hekk, mhuwiex ċar kif se jiġu ttrattati t-trasferimenti tad-data fi ħdan l-istess grupp ta’ negozju (multinazzjonali). Id-dispożizzjonijiet ewlenin fl-abbozzi għadhom vagi u mhuwiex ċar kif il-miżuri proposti se japplikaw b’rabta ma’ miżuri/linji gwida/standards oħrajn li japplikaw għad-data.

L-aċċess għas-suq tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni fiċ-Ċina huwa tħassib dejjem jikber u sinifikanti għall-UE, hekk kif qed jiġu varati n-netwerks tal-ħames ġenerazzjoni (5G). Abbażi tal-informazzjoni disponibbli tar-riżultati bikrija tas-sejħiet għall-offerti, l-eżiti jiffavorixxu bil-kbir lill-fornituri tan-netwerks Ċiniżi. Dawn ir-riżultati ma jidhrux li jirriflettu l-pożizzjoni kompetittiva tal-bejjiegħa tal-UE, u jindika l-eżistenza ta’ ostakli ta’ ħsara għall-aċċess għas-suq f’dan is-settur.

Fl-2019, iċ-China Shipbuilding Group inħoloq bl-użu ta’ sussidji mill-Istat u rekwiżiti ta’ kontenut lokali. F’konformità mal-pjan “Made in China 2025”, l-għan taċ-Ċina huwa li ssir dominanti fil-qasam tal-bastimenti u t-tagħmir tal-baħar b’teknoloġija avvanzata.

Fiż-żona SPS, iċ-Ċina għandha restrizzjonijiet fis-seħħ fuq il-prodotti tal-injam tal-fraxxnu (zkuk u injam) mill-Ewropa minħabba r-riskju tal-hekk imsejjaħ ‘ash dieback fungus’ fl-Ewropa. Ir-restrizzjoni tal-importazzjonijiet ma għandha l-ebda motiv fitosanitarju ċar u huma disponibbli miżuri effettivi ta’ mitigazzjoni tar-riskji.

L-UE qed issegwi mill-qrib l-applikazzjoni tas-sistema ta’ kreditu soċjali fl-isfera ekonomika. L-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kreditu soċjali għandha l-għan li jkun hemm sistema unifikata li tassenja punteġġ lil kull individwu u lil kull negozju. Waqt li għadu qed jiġi żviluppat, dan jista’ jsir ostaklu formidabbli u orizzontali għall-aċċess għas-suq għall-kumpaniji tal-UE minħabba li n-negozji jistgħu jiffaċċjaw sfidi biex jikkonformaw ma’ skrutinju regolatorju akbar u ma’ xi rekwiżiti ta’ klassifikazzjoni li jmorru lil hinn mill-iskrutinju regolatorju. Dan aktar u aktar billi dawn ir-rekwiżiti jistgħu jkunu (anki sempliċiment de facto) aktar diffiċli biex jiġu ssodisfati għall-kumpaniji barranin. Is-sistema ta’ kreditu soċjali jista’ jkollha wkoll riperkussjonijiet lil hinn mill-kummerċ.

Kaxxa 4 – Sfond taċ-Ċina: rival sistemiku u kompetitur ekonomiku

Madwar l-UE, il-perċezzjoni taċ-Ċina nbidlet, b’għarfien dejjem jiżdied tal-isfidi kkawżati miċ-Ċina u l-mudell tagħha mmexxi mill-Istat u n-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwi fir-relazzjonijiet ekonomiċi. Dan kien rifless fil-Komunikazzjoni Konġunta (tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli) adottata fit-12 ta’ Marzu 2019, li għall-ewwel darba rreferiet għaċ-Ċina bħala “rival sistemiku u kompetitur ekonomiku”. Il-Komunikazzjoni pproponiet azzjonijiet konkreti maħsuba biex jibbilanċjaw mill-ġdid ir-relazzjoni tagħna maċ-Ċina, permezz ta’ impenn kontinwu iżda wkoll permezz ta’ azzjonijiet domestiċi (inklużi t-tiġdid tal-Istrument tal-Akkwist Internazzjonali, l-identifikazzjoni tal-lakuni fil-qafas regolatorju tagħna u l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-iskrinjar tal-IDB). Il-ħidma biex jiġu implimentati l-10 azzjonijiet identifikati fil-Komunikazzjoni għadha għaddejja fil-Kummissjoni kollha.

Fis-Summit bejn l-UE u ċ-Ċina, li sar fi Brussell fid-9 ta’ April 2019, id-Dikjarazzjoni Konġunta kienet tinkludi impenji importanti fuq ir-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (jiġifieri dwar it-tisħiħ tar-regoli dwar is-sussidji industrijali), kif ukoll fuq il-progress deċiżiv li jrid isir fin-negozjati tal-Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment fl-2019, bil-ħsieb li jiġu konklużi fl-2020, u fuq it-tfittxija ta’ progress aktar mgħaġġel biex iċ-Ċina tissieħeb fil-Ftehim dwar l-Akkwist tal-Gvern (GPA) tad-WTO. Huwa importanti li d-Dikjarazzjoni Konġunta appellat b’mod espliċitu għal riżultati konkreti fit-tneħħija tal-ostakli.

B.IR-REĠJUN TAL-MEDITERRAN U TAL-LVANT NOFSANI

Minħabba l-prossimità ġeografika, ir-rabtiet storiċi u l-ktajjen tal-valur interkonnessi mal-UE, f’ħafna każijiet bl-involviment tal-SMEs, il-kummerċ mingħajr frizzjoni ma’ dan ir-reġjun huwa partikolarment importanti. Sfortunatament, kif kien irrapportat diġà fl-2018, ir-reġjun ra żieda fix-xejriet tal-protezzjoniżmu xprunati minn instabbiltà ekonomika jew problemi strutturali. Reġgħu dehru miżuri ġodda fl-Alġerija, u l-attitudnijiet protezzjonisti nxterdu għal-Libanu u l-Marokk, filwaqt li intensifikaw ukoll fit-Turkija u fl-Arabja Sawdija 12 .

1.L-Alġerija

Mill-2015, l-awtoritajiet Alġerini introduċew għadd sinifikanti ta’ miżuri restrittivi fuq l-importazzjoni b’impatt negattiv ħafna fuq l-esportazzjonijiet tal-UE u bi ksur tal-obbligi tagħhom skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bilaterali. Din ix-xejra kompliet fl-2019, bi tliet ostakli ġodda introdotti.

F’Settembru 2019, minbarra l-miżuri restrittivi preċedenti fuq il-kummerċ, l-awtoritajiet ħarġu struzzjonijiet lill-banek kummerċjali li kienu jgħidu li l-ittri ta’ kreditu għal ċerti importazzjonijiet (telefons ċellulari, kits għal tagħmir domestiku) jistgħu jinħarġu biss b’kundizzjonijiet onerużi. L-istess ċirkolari stabbiliet li dawn ir-regoli se jiġu estiżi għall-importazzjonijiet kollha sal-aħħar tal-2019. Bis-saħħa ta’ azzjoni kkoordinata mill-partijiet interessati kollha tal-UE (ara l-Kaxxa 8), fil-25 ta’ Diċembru 2019 inħarġu ċirkolari ġodda mill-awtoritajiet kompetenti li introduċew xi flessibbiltajiet fl-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

Ġiet applikata soprataxxa doganali speċjali (DAPS) permezz ta’ digriet iffirmat mill-Ministru tal-Kummerċ f’Jannar 2019 għal lista wiesgħa ta’ prodotti (bejn 30 % u 200 % tal-valur tal-merkanzija). Il-lista tista’ tinbidel ta’ spiss skont il-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-industrija domestika.

F’Mejju 2019, il-Ministeru għall-Industrija tal-Alġerija qal lill-produtturi tal-karozzi li kienu qed iwettqu operazzjonijiet ta’ mmuntar fil-pajjiż li kwota bbażata fuq il-valur fuq l-importazzjoni ta’ parts tal-karozzi se tiġi stabbilita mingħajr avviż u b’effett retroattiv. Id-deċiżjoni tista’ tikkawża l-interruzzjoni tal-operazzjonijiet ta’ mmuntar minħabba nuqqas ta’ partijiet.

2.Il-Marokk

L-UE ilha timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni biex tivvaluta l-impatt attwali tal-introduzzjoni tar-rekwiżit tal-marka tal-konformità fuq l-esportazzjonijiet tal-UE. Fuq inizjattiva tagħna, sar djalogu kostruttiv bejn l-UE u l-esperti Marokkini, u wara dan l-awtoritajiet Marokkini impenjaw ruħhom li jikkjarifikaw l-applikazzjoni tar-rekwiżiti għall-operaturi tal-UE, filwaqt li jindirizzaw parti kbira mit-tħassib tagħhom dwar l-aċċess għas-suq. F’dawn il-laqgħat ġew indirizzati wkoll kwistjonijiet oħrajn, bħar-rekwiżiti l-ġodda għall-prodotti farmaċewtiċi u l-esternalizzazzjoni tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità.

3.Il-Libanu

Fi sfond ta’ kriżi soċjoekonomika, finanzjarja u politika, ġew introdotti ostakli ġodda għall-kummerċ, b’mod partikolari d-dazju temporanju ta’ 3 % fuq kważi l-importazzjonijiet kollha u d-dazji addizzjonali (li jvarjaw minn 7 % sa 20 %) fuq l-importazzjonijiet ta’ xi prodotti magħżula, bħall-irħam, l-ikel fil-laned jew l-għamara. Ġie stabbilit ukoll rekwiżit obbligatorju għar-reġistrazzjoni tal-fabbriki għal ċerti prodotti, inklużi t-tessuti, u l-awtoritajiet tal-Libanu ma ħadux azzjoni korrettiva fl-2019 fuq miżura li timponi dazji doganali fuq l-importazzjonijiet mill-UE ta’ prodotti taż-żejt/tal-petroleum.

Miżura orizzontali ġdida dwar il-legalizzazzjoni tal-fatturi żiedet ukoll ostaklu addizzjonali għall-aċċess għas-suq. Dawn il-miżuri kienu soġġetti għal diskussjonijiet intensivi u skambji ta’ ittri mal-awtoritajiet tal-Libanu. Eventwalment, il-Libanu neħħa r-rekwiżit ta’ ċertifikazzjoni doganali doppja għall-importazzjonijiet, introdott fl-2019, li dwaru l-UE esprimiet tħassib ripetutament.

4.It-Turkija

Fl-2019, id-dazji addizzjonali applikati mit-Turkija fixklu serjament il-funzjonament tal-Unjoni Doganali, minħabba li ġiegħlu lill-produtturi tal-UE jippreżentaw ċertifikati tal-oriġini. It-Turkija kompliet testendi dawn id-dazji għal aktar prodotti, li wasslu għal żieda qawwija f’dawn iċ-ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet responsabbli, li tirrappreżenta kost dirett kif ukoll inċertezza sinifikanti għall-operaturi kollha kkonċernati.

F’April 2019, it-Turkija introduċiet mill-ġdid ir-restrizzjoni tal-esportazzjoni fuq ir-ruttam tar-ram. L-applikazzjoni attwali tar-reġim tal-liċenzji għall-esportazzjoni tammonta għal projbizzjoni de facto minħabba li l-kundizzjonijiet meħtieġa huma diffiċli biex jiġu ssodisfati u mhumiex konformi mal-obbligi Torok taħt l-Unjoni Doganali.

Ostaklu ieħor li għadu kif ġie introdott kien jikkonċerna emenda għar-Regolament dwar il-Kożmetiċi li għandu jċaqlaq il-qafas tas-sistema regolatorja tal-kożmetiċi fit-Turkija minn kontroll fis-suq għal sistema ta’ qabel ir-reġistrazzjoni. Kienet saħansitra meħtieġa valutazzjoni tas-sikurezza dettaljata – inkluża d-divulgazzjoni ta’ data sensittiva – sabiex il-prodotti kożmetiċi jiġu kkummerċjalizzati fit-Turkija. Dan imur kontra l-obbligi tat-Turkija skont il-ftehim tal-Unjoni Doganali.

Kaxxa 5 – Sfond tat-Turkija

Fl-2019, it-Turkija baqgħet il-ħames l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE b’mod ġenerali, filwaqt li l-UE għadha bil-bosta l-aktar sieħeb kummerċjali importanti tat-Turkija. B’mod partikolari, id-dħul fis-seħħ fl-1996 tal-ftehim tal-Unjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija wassal għal żieda sostanzjali fil-kummerċ bejn l-UE u t-Turkija matul id-deċennji preċedenti. Dan il-ftehim jiżgura l-moviment liberu tal-prodotti industrijali kollha u ta’ ċerti prodotti agrikoli pproċessati bejn l-UE u t-Turkija. Dan jirrikjedi wkoll l-allinjament tat-Turkija mat-tariffi doganali esterni tal-UE u mar-regoli għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, kif ukoll mal-politika kummerċjali, mal-politika tal-kompetizzjoni, mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u mal-leġiżlazzjoni teknika tal-UE relatata mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Unjoni Doganali. Il-problemi bdew jakkumulaw f’dawn l-aħħar snin. Ovvjament, il-Kummissjoni qed tkompli tinsisti fuq il-konformità tat-Turkija mar-regoli miftiehma tal-Unjoni Doganali u l-implimentazzjoni mhux diskriminatorja tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni lejn l-Istati Membri kollha, inkluża r-Repubblika ta’ Ċipru.

Fl-2019, il-Kummissjoni kompliet tuża l-mezzi kollha disponibbli biex tqajjem dan it-tħassib, inkluż fil-Kumitat Konġunt tal-Unjoni Doganali u f’laqgħat bilaterali oħrajn. Fir-rigward tal-politika Torka kontinwa ta’ lokalizzazzjoni sfurzata fis-settur farmaċewtiku, l-UE nediet każ mad-WTO għall-ewwel darba kontra pajjiż kandidat.

5.L-Arabja Sawdija

Fl-Arabja Sawdija, il-kumpaniji tal-UE jiffaċċjaw bosta ostakli kummerċjali għall-aċċess għas-suq, bħall-proċedura għall-akkwist tal-Marki Sawdijti ta’ Kwalità (b’mod partikolari għall-madum taċ-ċeramika). Il-kundizzjonijiet ġodda tal-importazzjoni SPS għall-esportazzjonijiet tal-frott u l-ħxejjex mill-UE joħolqu wkoll piżijiet u kostijiet amministrattivi mhux meħtieġa. Dawn l-ostakli jitqajmu sistematikament mill-Kummissjoni fid-WTO u f’kuntatti bilaterali mal-Arabja Sawdija, u jibqgħu kwistjonijiet ewlenin fuq l-aġenda tad-djalogu dwar il-kummerċ u l-investiment tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Golf.

Bis-saħħa ta’ interventi rapidi qabel id-dħul fis-seħħ, żewġ abbozzi ta’ regolamenti tekniċi li tfaċċaw bħala ostakli ġodda fl-2019 issolvew fl-istess sena, u dawn kienu jirrigwardjaw, rispettivament, il-limiti massimi taz-zokkor miżjud f’xi prodotti tal-ikel u t-tikkettar simili għad-dwal tat-traffiku. Filwaqt li ġie rreġistrat progress parzjali għal ċerti Stati Membri fl-2019, l-Arabja Sawdija qed tkompli timponi projbizzjonijiet temporanji għall-pajjiż kollu fuq l-importazzjoni ta’ annimali ħajjin f’każijiet ta’ tifqigħat ta’ mard tal-annimali, mingħajr ma ssegwi l-istandards internazzjonali 13 tal-OIE.

C.L-AWSTRALJA

Il-kwalità tal-fjuwil tal-Awstralja hija fost l-agħar fl-OECD u kklassifikat fis-70 post fid-dinja. B’mod partikolari, il-kontenut ta’ kubrit fil-petrol bla ċomb bħalissa huwa 15-il darba aktar mill-istandard tal-UE. Dan il-fjuwil ta’ kwalità ħażina fil-fatt huwa inkompatibbli mal-aħħar magni Euro 6 ta’ effiċjenza għolja, li jfisser li xi manifatturi tal-UE kellhom jaġġustaw il-magni, jew saħansitra jissostitwixxu l-magni ta’ xi mudelli bi standards aktar antiki li jniġġsu aktar.

L-istandards kellhom jiskadu fl-2019, iżda l-gvern Awstraljan ma għandu l-ebda pjan konkret biex jindirizza l-effiċjenza tal-fjuwil. Dan jidher li huwa konness mal-kost assoċjat mal-aġġornament tal-kapaċità tal-irfinar tal-petrol tal-Awstralja skont l-istandard meħtieġ. L-industrija rilevanti ma tidhirx li hija lesta li tagħmel dan l-investiment fin-nuqqas ta’ appoġġ mill-gvern.

D.IL-KOREA T’ISFEL

Mill-bidu tal-2019, il-fornituri tal-UE tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-ilma tas-saborra ltaqgħu ma’ ostaklu ġdid minħabba n-nuqqas ta’ rikonoxximent tat-testijiet imwettqa barra l-Korea bħala parti mill-proċess tal-approvazzjoni tat-tip għall-installazzjoni ta’ tali sistemi fuq bastimenti li jtajru l-bandiera Koreana. Billi l-bastimenti l-ġodda kollha minn Settembru 2018 iridu jkunu mgħammra b’sistema ta’ ġestjoni tal-ilma tas-saborra, u l-bastimenti eżistenti kollha sal-2024 iridu jiġu mmodifikati b’mod retroattiv b’sistema bħal din, is-suq inkwistjoni huwa kbir ħafna. In-nuqqas ta’ simmetrija fil-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni bejn l-UE u l-Korea tqajjem bilateralment mal-Korea.

It-tieni, l-importazzjonijiet tal-ħwejjeġ tat-trabi saru dejjem aktar diffiċli fl-2019. Sett ġdid ta’ linji gwida, “Kriterji aġġornati ta’ konferma tas-sikurezza għall-prodotti tat-tessuti għat-trabi” jistabbilixxi proċeduri eċċezzjonalment stretti, madankollu, dan ma ġiex innotifikat permezz tal-pjattaforma tad-WTO. Dan wassal għal għadd sinifikanti ta’ proċeduri addizzjonali ta’ ċertifikazzjoni mill-ġdid u ttestjar, u għal kostijiet esponenzjali għall-ittestjar mill-ġdid. Is-Servizz Doganali Korean qabel li jsegwi l-kummenti bil-miktub mill-UE, u l-Kummissjoni ser issegwi b’mod attiv ir-riżoluzzjoni ta’ dan l-ostaklu.

 

IV.L-OSTAKLI GĦALL-KUMMERĊ U GĦALL-INVESTIMENT RIŻOLTI FL-2019

A.STRATEĠIJA TAL-UE LI TINDIRIZZA L-OSTAKLI GĦALL-KUMMERĊ U GĦALL-INVESTIMENT

Sabiex jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ, l-Istrateġija tal-UE tal-Aċċess għas-Suq tirrikorri għal varjetà ta’ għodod.

Għodda 1: Azzjoni diplomatika. Hemm fluss ta’ xogħol diplomatiku, fejn il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-Istati Membri tal-UE u l-industrija jikkollaboraw mill-qrib permezz tan-netwerk tad-delegazzjonijiet tal-UE u tal-ambaxxati tal-Istati Membri f’pajjiżi terzi. Dan jinkludi varjetà wiesgħa ta’ attivitajiet, li jvarjaw minn proġetti kummerċjali tekniċi għal démarches formali, bħal missjonijiet ta’ livell għoli tal-Kummissarji u azzjonijiet ministerjali u presidenzjali. Kull meta tissaħħaħ l-effettività tal-ħidma tagħna, azzjoni tiġi kkoordinata ma’ sħab li jaħsbuha l-istess.

Għodda 2: Soluzzjoni tat-tilwim. Il-ħidma regolari fil-kumitat tad-WTO hija kkomplementata mill-attività robusta tal-Kummissjoni fil-kuntest tas-soluzzjoni tat-tilwim. L-UE żgurat ukoll l-implimentazzjoni korretta tad-deċiżjonijiet tad-WTO minn pajjiżi terzi, billi mmonitorjat bir-reqqa li dawn id-deċiżjonijiet jiġu implimentati kif suppost. It-tnedija fl-2019 ta’ proċedimenti mal-Ukrajna skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (projbizzjoni tal-esportazzjoni tal-injam), mal-Unjoni Doganali tan-Nofsinhar tal-Afrika skont il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (pollam), kif ukoll it-tnedija ta’ każijiet ta’ soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO kontra l-Indoneżja (restrizzjonijiet tal-esportazzjoni fuq materja prima) u l-Istati Uniti (miżuri għad-difiża tal-kummerċ fuq iż-żebbuġ misjur) juru li l-Kummissjoni ma toqgħodx lura milli tirrikorri għal soluzzjoni tat-tilwim bilaterali kif previst fil-ftehimiet tagħha dwar il-kummerċ ħieles, u lanqas ma toqgħod lura minn soluzzjoni tat-tilwim multilaterali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet proposta formali biex issaħħaħ ir-Regolament dwar l-Infurzar 14 , li jippermetti lill-UE tieħu ċerti kontromiżuri f’każ li jkun hemm ostakli għall-funzjonament xieraq tas-soluzzjoni tat-tilwim bilaterali jew multilaterali. Fl-aħħar nett, bħala għodda addizzjonali, il-Kummissjoni tista’ wkoll, fuq talba tal-esportaturi, tagħmel użu mill-proċedura prevista mir-Regolament dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ (TBR).

Għodda 3: Ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (FTAs) tal-UE. L-ostakli identifikati permezz tal-ħidma tagħna tal-aċċess għas-suq jiġu indirizzati direttament fin-negozjati kummerċjali, jew – fejn jeżistu FTAs – fil-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni rilevanti, sabiex jiġi żgurat li l-prijoritajiet tal-aċċess għas-suq jiġu indirizzati b’mod effettiv. Il-Kummissjoni saħħet ukoll l-isforzi ta’ implimentazzjoni u ta’ infurzar tagħha sabiex tiżgura li n-negozji, inklużi l-SMEs, ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-impenji eżistenti. L-UE għandha l-għodod u tużahom b’mod effettiv biex telimina l-ostakli għall-kummerċ, ittejjeb il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR), tieħu azzjoni għas-soluzzjoni tat-tilwim u timponi miżuri għad-difiża tal-kummerċ f’każijiet ta’ kummerċ inġust, filwaqt li tejbet il-koordinazzjoni ta’ dawn id-diversi pilastri tal-attivitajiet ta’ infurzar tagħha.

Huwa importanti li s-Sħubija għall-Aċċess għas-Swieq tagħna sservi wkoll bħala sistema ta’ twissija bikrija sabiex l-ostakli jiġu evitati saħansitra qabel ma jkunu jistgħu jseħħu.

B.OSTAKLI RIŻOLTI FL-2019 GĦAL KULL PAJJIŻ TERZ

Bis-saħħa tal-isforzi kkombinati tal-partijiet interessati kollha fis-Sħubija għall-Aċċess għas-Swieq tagħna, b’kollox ġew riżolti totalment jew parzjalment 40 ostaklu fl-2019 fi 22 pajjiż terz differenti u f’disa’ setturi ta’ attività ekonomika, kif ukoll orizzontalment. Meta jitqiesu l-ostakli kwantifikabbli kollha, l-esportazzjonijiet tal-UE kkonċernati mill-ostakli għall-kummerċ li tneħħew fl-2019 laħqu EUR 19,4 biljun għall-UE-27.

Il-Figura 8 turi l-pajjiżi terzi fejn l-ostakli ġew indirizzati b’suċċess. L-Arabja Sawdija tikklassifika fl-ewwel post b’ħames ostakli riżolti fl-2019, segwita mill-Eġittu, Singapore u r-Russja (tlieta kull wieħed). Tneħħew żewġ ostakli fl-Awstralja, fil-Kanada, fiċ-Ċina, fil-Ġappun, fil-Korea t’Isfel, fil-Messiku, fl-Ekwador u fl-Emirati Għarab Magħquda. Fl-2019 tneħħew ukoll għaxar ostakli addizzjonali għall-kummerċ li kienu qed jiffaċċjaw il-kumpaniji tal-UE f’għaxar pajjiżi terzi oħrajn.

Figura 8: Analiżi ġeografika fid-dettall tal-ostakli riżolti fl-2019

Abbażi tal-valur tal-kummerċ affettwat (it-Tabella 3) mill-ostakli mneħħija, l-aktar ostakli sinifikanti tneħħew fiċ-Ċina, li jikkorrespondu għal sehem ta’ 63 % tal-flussi kummerċjali kollha affettwati, segwita mill-Arabja Sawdija u mill-Emirati Għarab Magħquda, li jirrappreżentaw madwar 17 %. Madankollu, ta’ min jinnota li l-flussi kummerċjali f’xi pajjiżi jew reġjuni jistgħu jiġu sottovalutati hawnhekk, billi l-ostakli riżolti b’kopertura orizzontali tal-prodotti huma aktar diffiċli biex jiġu stmati.

Tabella 3: Il-flussi kummerċjali tal-UE-27 affettwati mill-ostakli riżolti fl-2019 minn pajjiżi sħab,  (f’EUR biljuni) 15

Anki f’dawk li bħalissa huma l-aktar ambjenti ta’ sfida għall-kummerċ, bħaċ-Ċina u r-reġjun tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani, l-istrateġija tagħna tista’ tagħti riżultati tanġibbli għall-esportaturi tal-UE, b’mod partikolari l-SMEs attivi fis-settur agroalimentari.

C.OSTAKLI RIŻOLTI FL-2019 GĦAL KULL TIP TA’ MIŻURA

L-isforzi tas-Sħubija għall-Aċċess għas-Swieq tagħna kkontribwew b’mod aktar konsiderevoli għat-tneħħija tal-kwistjonijiet SPS (24) fis-settur tal-agrikoltura u s-sajd. Tneħħew ukoll miżuri oħrajn fil-fruntieri, jiġifieri miżuri tariffarji fuq l-importazzjoni (3), proċeduri amministrattivi doganali (2) u restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni (2).

L-ostakli wara l-fruntieri li ġew indirizzati kienu qed iħallu impatt fuq in-negozji tal-UE fil-forma ta’ Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (6 miżuri), IPR (ostaklu wieħed), u ostaklu wieħed fil-kummerċ fis-servizzi kien riżolt ukoll b’suċċess fl-2019.

Figura 9: Analiżi fid-dettall tal-ostakli riżolti fl-2019 għal kull tip (għadd ta’ miżuri)

Fl-2019, sar progress sinifikanti fit-tneħħija tal-ostakli SPS. Bil-maqlub, it-tipi ta’ miżuri li tipikament japplikaw għas-setturi jew is-servizzi industrijali wrew li huma diffiċli biex jiġu riżolti. Dan jitlob approċċ aktar robust min-naħa tagħna, kif ukoll aktar attenzjoni fis-snin li ġejjin.

D.OSTAKLI RIŻOLTI FL-2019 GĦAL KULL SETTUR

Il-figura 10 tagħti ħarsa ġenerali lejn l-għadd ta’ ostakli riżolti fid-diversi oqsma ta’ attività ekonomika. Is-settur tal-agrikoltura u s-sajd kien dak bl-aktar miżuri riżolti (26). Dawn jinkludu l-kwistjonijiet SPS riżolti kompletament jew parzjalment (24) u żewġ regolamenti tekniċi (b’mod partikolari, wieħed dwar it-tikkettar simili għad-dwal tat-traffiku).

Is-settur tal-inbejjed u l-ispirti kien jirrappreżenta tliet ostakli riżolti, filwaqt li s-settur tal-kożmetiċi kien jirrappreżenta tnejn. L-ostakli individwali ġew riżolti rispettivament fis-setturi tal-ICT, tas-servizzi tal-komunikazzjoni, tat-tessuti u l-ġilda, tal-injam, il-karta u l-polpa, u tal-ħadid u l-azzar.

Fl-aħħar nett, ġew indirizzati wkoll total ta’ tliet ostakli li kienu kompletament orizzontali jew li affettwaw diversi industriji.

 
Figura 10: Analiżi settorjali fid-dettall tal-ostakli riżolti fl-2019 kif irreġistrati fl-MADB (għadd ta’ ostakli)

Abbażi tal-kalkoli tal-flussi kummerċjali affettwati, il-Figura 11 turi l-piż ekonomiku tal-ostakli riżolti fis-setturi differenti, filwaqt li tenfasizza li r-riżoluzzjoni tagħhom fl-2019 tista’ taffettwa b’mod pożittiv l-esportazzjonijiet tal-UE, l-ewwel u qabel kollox fis-settur tal-agrikoltura u s-sajd, li jikkorrespondi għal 72 % tal-flussi kummerċjali kumplessivi potenzjalment affettwati, li jikkorrespondu għal EUR 14,1 biljun. Is-setturi tal-inbejjed u l-ispirti (EUR 2,5 biljun) u tal-kożmetika (EUR 1,5 biljun) ibbenefikaw ukoll b’mod konsiderevoli mit-tneħħija tal-ostakli.

 
Figura 11: Il-flussi kummerċjali tal-UE-27 affettwati mill-ostakli riżolti fl-2019, għal kull settur 16  (f’ € biljuni u perċentwali)

L-effettività kwantifikabbli tal-istrateġija tal-UE biex jitneħħew l-ostakli SPS u biex jingħata aċċess għas-suq għall-esportazzjonijiet tal-UE fl-2019 toriġina minn approċċ b’diversi binarji. Minbarra l-miżuri msemmija taħt it-Taqsima V, il-Kaxxa 6 ta’ hawn taħt turi xi stejjer ta’ suċċess ta’ dan l-approċċ.

Kaxxa 6 – Is-soluzzjoni tal-ostakli SPS – xi stejjer ta’ suċċess

·Il-Ġappun - Is-settur agroalimentari

Projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet taċ-ċanga minħabba l-BSE 17

Il-Ġappun ilu aktar minn 20 sena jimponi projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet taċ-ċanga minn pajjiżi li jinnotifikaw tifqigħa tal-BSE. Miżuri bħal dawn jitqiesu bħala sproporzjonati, u l-Ġappun ma pprovda l-ebda valutazzjoni tar-riskju bbażata fuq ix-xjenza biex jiġġustifika miżuri aktar stretti mill-istandard tal-OIE. F’dawn l-aħħar snin, id-djalogu mal-awtoritajiet Ġappuniżi wassal għat-tneħħija tal-projbizzjoni relatata mal-BSE għal bosta Stati Membri tal-UE. Fl-2019, wara bosta snin ta’ diskussjoni, il-Ġappun neħħa l-projbizzjoni fuq iċ-ċanga mill-Kroazja u aċċetta ċ-ċanga minn annimali ’l fuq minn 30 xahar mill-Irlanda. L-istrutturi bilaterali l-ġodda stabbiliti mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun jiftħu aktar possibbiltajiet għall-Kummissjoni biex titlob riżultati aktar tanġibbli dwar din il-kwistjoni mal-Ġappun u biex jitneħħew l-ostakli li fadal.

Projbizzjoni mal-pajjiż kollu fil-każijiet ta’ tifqigħat tal-HPAI (influwenza tat-tjur)

L-istandards internazzjonali tal-OIE dwar l-infezzjoni bil-viruses tal-influwenza tat-tjur jiddefinixxu l-każijiet ta’ tifqigħat li għalihom ma għandha tittieħed l-ebda miżura ta’ restrizzjoni tal-kummerċ, u dawk fejn ir-restrizzjonijiet tal-kummerċ għandhom ikunu limitati għaż-żoni infettati definiti fil-pajjiż ikkonċernat (aktar milli jiġi inkluż it-territorju kollu). Il-Ġappun jimponi projbizzjonijiet mal-pajjiż kollu wara tifqigħat ta’ influwenzi tat-tjur patoġeniċi, minkejja l-miżuri ta’ reġjonalizzazzjoni effettivi u stretti tal-UE, f’konformità mal-istandard internazzjonali, li għandhom jippermettu li l-kummerċ ikompli fis-sikurezza kollha.

Intlaħaq ċertu progress hekk kif il-bajd għat-tifqis u l-flieles ta’ ġurnata min-Netherlands jistgħu jiġu esportati lejn il-Ġappun minn żoni ħielsa fil-każ ta’ tifqigħat tal-HPAI. Il-Kummissjoni għandha impenn usa’ mal-Ġappun, inkluż fil-kuntest tal-istrutturi bilaterali l-ġodda skont il-Ftehim bejn l-UE u l-Ġappun, sabiex tistabbilixxi r-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta’ reġjonalizzazzjoni relatati mal-istatus tas-saħħa tal-annimali. Huma mistennija riżultati tanġibbli fuq dan il-proġett b’dewmien aċċettabbli.

·Il-Kanada - Is-settur agroalimentari

Il-kundizzjonijiet fitosanitarji għall-importazzjoni tat-tadam frisk

Fl-2016, ir-rekwiżiti fitosanitarji Kanadiżi għall-importazzjoni li daħlu fis-seħħ kienu relatati mat-Tuta absoluta (insett li jattakka l-weraq tat-tadam) għat-tadam frisk, li jirrikjedu li l-partijiet ħodor tat-tadam jitneħħew jekk jiġu importati minn pajjiż affettwat mit-Tuta absoluta. Fl-2019, Spanja kienet l-ewwel pajjiż awtorizzat biex jiċċertifika vjeġġi ta’ frott tat-tadam frisk mingħajr partijiet ħodor. Hemm ukoll interess fl-esportazzjoni ta’ tadam bil-partijiet ħodor, u saret applikazzjoni lill-Kanada b’kundizzjonijiet ta’ kontroll li jiggarantixxu li l-kummerċ jista’ jseħħ fis-sikurezza kollha. Din l-applikazzjoni għadha qed tiġi vvalutata mill-Kanada.

Restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq il-kummerċ minħabba nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ żoni tal-pajjiż ħielsa u liberi mill-pesti fl-Istati Membri tal-UE għall-ħanfus tal-qrun twil taċ-ċitru u għas-susa Ażjatika (CLB u ALB)

Fl-2013, il-Kanada imponiet projbizzjoni mhux ġustifikata fuq l-importazzjoni ta’ pjanti b’dijametru taz-zokk ta’ aktar minn 10 mm mill-UE kollha minħabba riskju kummerċjali kkunsidrat għat-trażmissjoni tal-ALB u tas-CLB. Tabilħaqq, dawn il-pesti huma rregolati sewwa fl-UE, b’miżuri stretti ta’ kontroll, u konsegwentement is-sħab kummerċjali għandhom jirrikonoxxu ż-żoni ħielsa mill-pesti.

B’reazzjoni għal talba tal-Kummissjoni, il-Kanada rrikonoxxiet 21 Stat Membru tal-UE bħala ħielsa mis-CLB u mill-ALB. Il-Kummissjoni qed tkompli tiddiskuti mal-Kanada bl-għan li tirrikonoxxi wkoll iż-żoni ħielsa mill-pesti fl-Istati Membri tal-UE affettwati.

·Il-Messiku - Is-settur agroalimentari

Restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni ta’ frott u ħxejjex friski

L-esportazzjonijiet tal-UE ta’ frott u ħxejjex lejn il-Messiku huma mxekkla minn protokolli tal-importazzjoni li jinkludu miżura ta’ mitigazzjoni sproporzjonata (trattament fil-kesħa) u spezzjonijiet qabel il-vjeġġi fil-pajjiż tal-oriġini mħallsa mill-industrija (qabel l-awtorizzazzjoni). Il-Messiku għadu ma pprovdiex il-bażi tal-valutazzjoni tar-riskju tiegħu biex japplika din il-firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni u kontra l-pesti. Barra minn hekk, il-lista ta’ miżuri maħsuba biex jimmitigaw il-pesti tal-kwarantina għaċ-ċitru, it-tuffieħ, il-lanġas, il-kiwi u l-ħawħ huma numerużi u kkumplikati. Kull prodott huwa soġġett għal studju każ b’każ, sabiex ikun jista’ jidħol fil-Messiku.

Fl-2019, kien osservat progress fuq dan l-ostaklu meta l-Messiku approva l-importazzjonijiet tal-lanġas mill-Belġju. Il-Messiku nnotifika wkoll il-kundizzjonijiet fitosanitarji għall-importazzjonijiet tal-kiwi mill-Italja (talba pendenti mill-2006) u, fit-tieni nofs tal-2019, ippubblika l-kundizzjonijiet tal-importazzjoni fuq is-sit web tiegħu, li jfisser li s-suq għall-kiwi mill-Italja huwa miftuħ.

Proċeduri twal ta’ approvazzjoni għall-importazzjonijiet tal-laħam tal-annimali porċini

Il-Messiku japplika proċeduri twal ta’ approvazzjoni għall-importazzjonijiet tal-laħam tal-annimali porċini. F’dawn l-aħħar snin kien osservat progress u, fl-2019, in-Netherlands kienu permessi jesportaw il-majjal. Il-Messiku impenja ruħu wkoll li jintroduċi gradwalment l-elenkar minn qabel fl-Istati Membri awtorizzati, biex b’hekk jelimina l-ħtieġa għal verifiki futuri tal-istabbiliment.

Ir-rifless oppost tas-suċċess fil-qasam tal-SPS huwa l-fatt li l-ostakli fis-setturi industrijali u tas-servizzi li tneħħew fl-2019 affettwaw ammont ferm aktar baxx ta’ esportazzjonijiet tal-UE. Dan huwa l-każ mhux l-inqas f’setturi bħat-teknoloġija avvanzata li huma essenzjali għas-sovranità teknoloġika u l-awtonomija strateġika tal-UE. Dan jindika li l-protezzjoniżmu f’dawn l-oqsma qed isir aktar mifrux, u jitlob approċċ kwalitattivament differenti mill-UE sabiex nikkonsolidaw il-pożizzjoni tagħna mhux biss bħala l-akbar blokk kummerċjali dinji, iżda wkoll bħala mexxej teknoloġiku dinji.



V.ANALIŻI KWALITATTIVA TAL-OSTAKLI RIŻOLTI FL-2019

Dan il-kapitolu jipprovdi analiżi aktar fil-fond ta’ għadd magħżul ta’ ostakli indirizzati fl-2019, u jiffoka fuq il-pajjiżi bl-aktar flussi kummerċjali sinifikanti potenzjalment affettwati mill-miżuri riżolti. Dawn huma ċ-Ċina, ir-reġjun tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani (it-Tuneżija, l-Eġittu, il-Libanu, it-Turkija, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Arabja Sawdija), ir-Russja, l-Awstralja u l-Korea t’Isfel. Dawn is-sħab jikkorrespondu għal 98 % tal-flussi kummerċjali potenzjalment affettwati mill-miżuri riżolti fl-2019.

A.IĊ-ĊINA

Ir-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni għal prodotti tal-ikel b’riskju baxx

L-abbozz tar-rekwiżit ta’ ċertifikazzjoni għal ikel b’riskju baxx ġie propost fl-2015, u kien se jkun meħtieġ ċertifikat addizzjonali flimkien maċ-ċertifikazzjoni uffiċjali. Iċ-ċertifikazzjoni uffiċjali jew l-attestazzjoni tal-prodotti kollha koperti mill-miżura proposta ma kinux ibbażati fuq valutazzjoni xjentifika tar-riskju ppreżentat minn dawn il-prodotti u, għalhekk, kienu sproporzjonati. F’Marzu 2019, iċ-Ċina ddikjarat li r-rekwiżit ta’ ċertifikazzjoni nnotifikat kien qed jiġi sospiż sakemm tinstab soluzzjoni maqbula b’mod multilaterali fil-Grupp ta’ Ħidma elettroniku “Kumitat Codex dwar is-Sistemi ta’ Spezzjoni u ta’ Ċertifikazzjoni tal-Ikel” (CCFICS).

Madankollu, fl-aħħar ta’ Diċembru 2019, iċ-Ċina fetħet konsultazzjoni nazzjonali dwar abbozz ta’ regolament dwar ir-reġistrazzjoni tal-produtturi barranin ta’ ikel importat. Jekk jiġi implimentat, dan ir-regolament jimponi proċedura ta’ reġistrazzjoni amministrattiva oneruża ħafna fuq il-kumpaniji tal-UE li jesportaw l-oġġetti tal-ikel lejn iċ-Ċina, irrispettivament mir-riskju assoċjat mal-oġġetti tal-ikel. Il-proċedura toħloq konġestjonijiet, li jkollhom l-effett ta' ostaklu ġenwin għall-kummerċ mhux tariffarju.

Projbizzjoni dejjiema u mhux ġustifikata fuq l-importazzjoni ta’ bovini/ovini tal-UE u l-prodotti tagħhom

Fis-sena 2000, iċ-Ċina imponiet projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-bovini/ovini tal-UE u l-prodotti tagħhom minħabba l-enċefalopatija sponġiformi bovina u l-enċefalopatija sponġiformi trażmissibbli (magħrufa aħjar bħala BSE u TSE, rispettivament), u kien biss mis-sena 2014 li r-restrizzjonijiet bdew jitneħħew ftit ftit, Stat Membru wieħed wara l-ieħor. Fl-2019, l-importazzjonijiet taċ-ċanga ġew awtorizzati għal Franza, l-Irlanda u n-Netherlands, għalkemm b’restrizzjonijiet fuq l-età tal-annimali eliġibbli, fuq il-kategoriji tal-prodotti u fuq l-għadd ta’ stabbilimenti awtorizzati jesportaw. Il-Kummissjoni qed tkompli ssegwi liċ-Ċina, bl-għan li jitneħħew ir-restrizzjonijiet li fadal għat-tliet Stati Membri awtorizzati u li tinkiseb awtorizzazzjoni għall-Istati Membri kollha tal-UE interessati li jesportaw prodotti ta’ annimali bovini/ovini lejn iċ-Ċina.

B.IR-REĠJUN TAL-MEDITERRAN U TAL-LVANT NOFSANI

F’dawn l-aħħar snin, l-UE żiedet l-impenn tagħha fir-reġjun tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani biex telimina l-ostakli (ara l-Kaxxa 7). Konsegwentement, f’dawn l-aħħar ftit snin u b’mod partikolari fl-2019, ġew riżolti jew tnaqqsu bosta ostakli.

1.It-Tuneżija

Fl-2018, ġiet infurzata b’sorpriża miżura restrittiva ġdida li timponi awtorizzazzjonijiet tal-importazzjoni fuq lista twila ħafna ta’ prodotti (ħwejjeġ, kożmetiċi, prodotti agroalimentari, prodotti tat-tindif, ġugarelli, tessuti), li kellha impatt ta’ EUR 350 miljun fuq il-flussi kummerċjali tal-UE. Dawn il-miżuri imponew, de facto, liċenzji mhux awtomatiċi tal-importazzjoni, li huma restrizzjonijiet kwantitattivi pprojbiti skont l-FTA bejn l-UE u t-Tuneżija. Il-miżura ma kinitx ġiet innotifikata lid-WTO u dehret ukoll li kienet qed tikser ir-regoli multilaterali. F’Lulju 2019, wara sejħiet estensivi ulterjuri li jħeġġu l-irtirar ta’ dawn il-miżuri, il-gvern Tuneżin ikkomunika d-deċiżjoni tiegħu li jikkanċella dawn il-miżuri ta’ awtorizzazzjoni li jirrestrinġu l-importazzjoni.

2.L-Eġittu

Fl-2019, bħala riżultat ta’ impenn mill-qrib, l-Eġittu neħħa r-rekwiżit għal kontrolli veterinarji tal-annimali ħajjin fl-UE qabel l-esportazzjoni, wiegħed li jallinja r-rekwiżiti relatati mal-BSE għal-laħam mar-rakkomandazzjonijiet tal-OIE, aċċetta l-istandards tal-UE għall-biċċa l-kbira tar-rekwiżiti għall-patata taż-żrigħ, u ffaċilita l-proċedura għall-importazzjoni ta’ formula tat-trabi mill-Istati Membri tal-UE kklassifikati bħala pajjiżi “mhux ta’ referenza”.

3.Il-Libanu

Wara bosta interventi li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni obbligatorja ppjanata tal-fabbriki għal ċerti prodotti previsti fl-2019, il-Libanu informa lill-UE li d-deċiżjoni mhux se tiġi implimentata. Bl-istess mod, il-Libanu neħħa r-rekwiżit ta’ ċertifikazzjoni doganali doppja għall-importazzjonijiet, li ġie introdott fl-2019 u li dwaru l-UE esprimiet tħassib ripetutament.

4.It-Turkija

Skont il-Ftehim tal-Unjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija, l-importazzjonijiet mill-UE b’dokument A.TR għandhom, fil-prinċipju, jiġu esklużi mill-valutazzjoni tar-riskji. Madankollu, minħabba l-informazzjoni limitata disponibbli dwar din il-proċedura, għadd kbir ta’ importazzjonijiet bħal dawn bħalissa jeħtieġu ċertifikati tal-oriġini. Dan jirrappreżenta kemm kost dirett kif ukoll inċertezza sinifikanti għall-operaturi kollha kkonċernati. Madankollu, il-Kummissjoni rnexxielha ssolvi ostaklu partikolari għal kategorija ta’ prodotti elettroniċi manifatturati fl-Istati Membri tal-UE u li kienu inklużi fl-iskema ta’ dazju addizzjonali tat-Turkija.

5.L-Arabja Sawdija

Wara li kkunsidrat il-kummenti bil-miktub tal-UE, l-Arabja Sawdija rtirat l-abbozz ta’ regolament għal limitu massimu ta’ zokkor miżjud f’xi prodotti tal-ikel. Barra minn hekk, l-Arabja Sawdija infurmat li t-tikkettar simili għad-dwal tat-traffiku, previst mill-abbozz ta’ regolament li jipprevedi t-tikkettar nutrittiv tal-biċċa l-kbira tal-prodotti tal-ikel ippakkjati, għandu jkun volontarju u mhux obbligatorju, kif kien maħsub qabel. Ġew irreġistrati wkoll xi kisbiet fuq il-front tal-SPS, bi tliet ostakli indirizzati kompletament jew parzjalment: ir-restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq l-importazzjoni tal-bovini u tan-nagħaġ minħabba l-BSE, kif ukoll il-projbizzjonijiet mal-pajjiż kollu tal-importazzjonijiet ta’ annimali ħajjin minħabba n-notifika mill-OIE ta’ tifqigħat ta’ mard tal-annimali, tneħħew għal xi Stati Membri. Ġew stabbiliti ċertifikati bilaterali għall-esportazzjoni ta’ ħut, krustaċji u molluski lejn l-Arabja Sawdija, li jwasslu għall-ftuħ mill-ġdid b’mod effettiv tas-suq għall-operaturi approvati.

6.L-Emirati Għarab Magħquda (UAE)

Il-Kummissjoni u d-Delegazzjoni tal-UE għamlu sforzi mmirati u solvew uħud mill-aktar ostakli importanti għall-aċċess għas-suq fl-2019 fis-settur tal-karozzi u fis-settur agroalimentari: proċeduri ġodda ta’ approvazzjoni, inklużi verifiki għaljin minn partijiet terzi, ittestjar u tikkettar tal-prodotti, li jaffettwaw il-partijiet individwali kollha tal-karozzi u ċerti prodotti tal-ħalib, kif ukoll il-meraq tal-frott.

Bħala riżultat tas-sensibilizzazzjoni tal-UE, l-Awtorità tal-Emirati għall-Istandardizzazzjoni u l-Metroloġija (ESMA) kkonfermat li minflok jiġu rreġistrati u ttestjati partijiet individwali tal-karozzi, dawn ir-rekwiżiti għaljin jistgħu jsiru fil-livell tal-grupp tal-partijiet tal-karozzi. Dan naqqas b’mod drammatiku l-kostijiet u l-piż amministrattiv.

L-UAE ffaċilitaw l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-ħalib u meraq tal-frott mill-UE. L-ESMA rrikonoxxiet is-sistema tas-sikurezza tal-ikel tal-UE sabiex dawn il-prodotti ma jkollhomx bżonn jiġu vverifikati fl-Ewropa, iżda jiġu approvati biss permezz ta’ kontrolli dokumentarji. Dan naqqas b’mod sinifikanti l-kost tal-approvazzjoni, minħabba li l-kumpaniji ma għandhomx bżonn iħallsu l-kostijiet tal-awditi ta’ ċertifikaturi terzi għall-UE. L-UAE rrikonoxxew ukoll l-approvazzjonijiet tal-UE għall-addittivi tal-ikel u għall-pestiċidi, u b’hekk il-kummerċ mill-UE jista’ jirreferi għal-leġiżlazzjoni tal-UE għal kwalunkwe prodott agroalimentari.

Kaxxa 7: Ir-reġjun tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani: playbook tal-UE għat-tneħħija tal-ostakli

L-UE użat firxa wiesgħa ta’ strumenti:

Impenn diplomatiku kontinwu: démarches formali ta’ livell għoli u skambji ta’ ittri mal-awtoritajiet lokali (l-Alġerija, it-Tuneżija, l-Arabja Sawdija), żjarat ta’ livell għoli;

Użu assertiv ta’ laqgħat bilaterali ewlenin: Laqgħa tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni (it-Tuneżija), djalogu fis-Sottokumitati dwar il-Kummerċ bilaterali (it-Tuneżija, l-Eġittu), serje ta’ laqgħat tekniċi (l-Eġittu, l-Arabja Sawdija), żjarat ta’ studju fl-UE (UAE);

Azzjoni kkoordinata mill-Kummissjoni u mid-Delegazzjonijiet tal-UE mal-Istati Membri, man-negozji tal-UE u, meta jkun xieraq, ma’ sħab li jaħsbuha l-istess u partijiet interessati lokali;

It-tqajjim ta’ kwistjonijiet b’mod konsistenti fid-WTO: Il-Kumitat dwar il-Liċenzjar għall-Importazzjoni (it-Tuneżija), kummenti fil-qafas tal-ostakli tekniċi għall-kummerċ, kooperazzjoni ma’ membri oħrajn tad-WTO (l-Arabja Sawdija).

C.IR-RUSSJA

L-avvenimenti politiċi tal-2014 għandhom piż fuq ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, inkluż il-kummerċ, fejn il-kuntatti huma limitati għal-livell tekniku u għall-iskambji fid-WTO. Il-Kummissjoni tkompli tiddefendi l-interessi tal-UE bil-mezzi kollha disponibbli, inkluż permezz tal-bordijiet għas-soluzzjoni tat-tilwim fi ħdan id-WTO, filwaqt li tkompli tindirizza l-ostakli għall-kummerċ permezz ta’ kuntatti tekniċi bilaterali.

B’dan il-mod, fl-2019 tneħħew tliet ostakli għall-kummerċ:

-Ir-Russja daħħlet fis-seħħ projbizzjoni fuq l-esportazzjoni li taffettwa l-ġlud u l-ġlud mhux maħduma fl-2014. Fl-2019, ġew introdotti kwoti tal-esportazzjoni fuq ċerti kategoriji ta’ zkuk tal-betula. Dawn il-miżuri kkomplikaw l-aċċess tal-industriji tal-UE għall-materja prima ewlenija. Wara li l-Kummissjoni qajmet ripetutament il-kwistjoni fil-Kunsill tad-WTO għall-Kummerċ fil-Merkanzija, fil-Kumitat tad-WTO dwar l-Aċċess għas-Suq u bilateralment, ir-Russja ma ġedditx il-miżuri temporanji, li skadew fl-2019.

-Ir-Russja daħħlet fis-seħħ dazji tas-sisa ogħla għall-inbejjed barranin. Wara li l-Kummissjoni qajmet ripetutament il-kwistjoni fil-Kunsill tad-WTO għall-Kummerċ fil-Merkanzija, fil-Kumitat tad-WTO dwar l-Agrikoltura u bilateralment, ir-Russja adottat miżura li ġabet it-taxxa tas-sisa għall-inbejjed barranin u għal dawk domestiċi indaqs mill-1 ta’ Jannar 2020. Il-Kummissjoni tibqa’ viġilanti fir-rigward ta’ jekk il-mekkaniżmu parallel il-ġdid għar-rifużjoni tad-dazji tas-sisa jiżvantaġġjax l-inbejjed importati indebitament u, għalhekk, jekk iħassarx il-benefiċċji tal-ugwalizzazzjoni tat-taxxi tas-sisa.

Filwaqt li dawn it-tliet ostakli tneħħew fl-2019, ir-relazzjoni kummerċjali ġenerali mar-Russja għadha problematika, inkluż b’sorsi ġodda ta’ tħassib (ara l-Kaxxa 8).

Kaxxa 8 – Sfond tar-Russja – tħassib ġdid fuq miżuri orizzontali

Fl-2019, ir-Russja kompliet tkun ir-raba’ l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE. Il-politika ta’ sostituzzjoni tal-importazzjoni skjerata b’mod progressiv mir-Russja mill-2012 fil-biċċa l-kbira kkoinċidiet mal-adeżjoni tar-Russja mad-WTO. Minflok liberalizzazzjoni sostnuta, ir-Russja daħħlet fis-seħħ b’mod progressiv bosta miżuri li jiffavorixxu prodotti u servizzi domestiċi fuq dawk barranin u li jinċentivaw il-lokalizzazzjoni tal-produzzjoni fir-Russja minn kumpaniji barranin. Il-miżuri relatati ta’ spiss ma jaqblux mal-ispirtu u/jew l-ittra tar-regoli tad-WTO u huma l-oriġini ta’ ħafna ostakli għall-kummerċ. Kemm is-sanzjonijiet tal-UE kif ukoll il-kontrosanzjonijiet tar-Russja għandhom ukoll effetti (limitati) fuq il-kummerċ.

Bħalissa għaddejja riforma ġdida tal-akkwist pubbliku, bl-għan espliċitu li jiżdied is-sehem tal-prodotti u s-servizzi Russi fl-akkwist mhux biss minn korpi governattivi, iżda wkoll minn intrapriżi tal-Istat. Din hija kawża sinifikanti ta’ tħassib għas-setturi ewlenin tal-esportazzjoni tal-UE bħall-prodotti mediċinali, l-apparat mediku, il-makkinarju jew il-vetturi bil-mutur, u konsegwentement il-Kummissjoni qed timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi biex tiżgura li l-miżuri jkunu konformi mal-impenji tar-Russja fi ħdan id-WTO. Il-prospett ta’ inizjattivi leġiżlattivi ġodda fil-qasam tal-identifikazzjoni, it-traċċar u r-rintraċċar uniċi għal ħafna kategoriji ta’ prodotti huma wkoll sors ta’ tħassib kbir u jattiraw attenzjoni mill-qrib tal-Kummissjoni.

D.IL-KOREA T’ISFEL

Fl-2019 tneħħew żewġ ostakli fil-Korea t’Isfel: wieħed kompletament, għall-kożmetiċi, it-tieni parzjalment, għal-laħam tal-bovini.

L-Aġenzija Nazzjonali tal-Korea għat-Tifi tan-Nar riedet tikklassifika l-biċċa l-kbira tal-kożmetiċi bħala prodotti perikolużi, u dan wassal għal rekwiżiti stretti fuq il-ħażna u d-distribuzzjoni li l-industrija qieset mhux realistiċi. Il-kwistjoni tqajmet fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ fil-Merkanzija bejn l-UE u l-Korea u, fi Frar 2019, il-Korea eskludiet il-kożmetiċi mill-kamp ta’ applikazzjoni.

Il-Korea t’Isfel ma timportax ċanga u prodotti oħrajn mill-Istati Membri tal-UE minħabba restrizzjonijiet relatati mal-BSE, iżda reġgħet bdiet l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn bl-istess status tal-OIE bħall-UE. Il-miżuri mhux ġustifikati u diskriminatorji tal-Korea tqajmu mal-Korea f’ħafna laqgħat bilaterali f’livelli differenti, kif ukoll fis-sessjoni ġenerali tal-Kumitat SPS tad-WTO. L-importazzjonijiet mid-Danimarka u min-Netherlands ġew approvati fl-2019, u dawn solvew parzjalment l-ostaklu. Madankollu, l-importazzjonijiet minn Stati Membri oħrajn għadhom imblokkati u l-Kummissjoni hija impenjata li tneħħi malajr dan l-ostaklu diskriminatorju u mhux ġustifikat.

E.L-AWSTRALJA

Żewġ ostakli ġew indirizzati b’suċċess fl-Awstralja fl-2019, b’rabta mal-kożmetiċi u mal-istandards tal-ittestjar tal-azzar.

L-Awstralja pprevediet emendi għal-Liġi dwar is-Sustanzi Kimiċi tal-2017 b’rabta mal-ittestjar għal ingredjenti kimiċi ġodda tal-kożmetiċi. Id-Delegazzjoni tal-UE bagħtet ittra lill-awtoritajiet Awstraljani, li fiha enfasizzat l-importanza li jiġi żgurat l-allinjament bejn l-oqfsa ġuridiċi Awstraljani u dawk tal-UE. L-Att dwar is-Sustanzi Kimiċi Industrijali tal-2019 sar liġi f’Marzu 2019, u huwa allinjat mal-prattika tal-UE.

Standards Australia (il-korp nazzjonali tal-istandards rikonoxxut) ta bidu għal konsultazzjoni dwar erba’ abbozzi ta’ standards għall-ittestjar tal-azzar li jipproponu devjazzjoni possibbli mir-rekwiżiti tal-ittestjar tal-ISO għall-istandard Awstraljan. Il-kwistjoni tqajmet waqt id-Djalogi dwar it-TP bejn l-UE u l-Awstralja. F’Diċembru 2019, ġie abbandunat il-proċess ta’ abbozzar għall-istandard ISO 17607.

F.IMPATT TAL-OSTAKLI RIŻOLTI

Fil-kapitoli preċedenti ta’ dan ir-Rapport, analizzajna l-flussi kummerċjali marbuta mal-ostakli riżolti fl-2019 (ara l-Kaxxa 3).

Barra minn hekk, ir-Rapport jinkludi r-riżultati ta’ analiżi aktar irfinuta bbażata fuq valutazzjoni ekonometrika taż-żieda fl-esportazzjonijiet tal-UE lejn pajjiżi sħab li imponew ostaklu, wara li tneħħa l-ostaklu. Sabiex isir dan, intużat analiżi ta’ rigressjoni biex jiġi kkwantifikat l-impatt 18 .

Ir-riżultat ta’ din l-analiżi ekonometrika jista’ ma jurix l-impatt sħiħ tal-Istrateġija tal-Aċċess għas-Suq, minħabba li l-metodoloġija ma tippermettilniex ninkludu ostakli orizzontali kumplessi li jaffettwaw il-prodotti, u lanqas ostakli lil hinn mill-prodotti (pereżempju, is-servizzi, l-akkwist pubbliku, l-investiment, jew id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali) li jistgħu jaffettwaw direttament jew indirettament varjetà ta’ prodotti permezz ta’ flussi ta’ kummerċ u investiment.

Ir-riżultati juru li, bħala medja, it-tneħħija ta’ dan is-subsett ta’ ostakli 19 ġġenerat benefiċċji tanġibbli għall-esportaturi tal-UE. L-estimi jindikaw żieda medja ta’ madwar 60 % fl-esportazzjonijiet wara t-tneħħija tal-ostakli. Dan jimplika, f’termini ta’ valur, li t-tneħħija tal-ostakli fil-perjodu mill-2014 sal-2018 iġġenerat madwar EUR 8 biljun f’esportazzjonijiet addizzjonali għall-kumpaniji tal-UE fl-2019. Dan huwa fl-istess ordni ta’ kobor tal-benefiċċji tat-tneħħija tal-ostakli kummerċjali fis-snin ta’ qabel u huwa komparabbli maż-żieda mistennija fl-esportazzjonijiet tal-UE li tirriżulta minn uħud mill-ftehimiet kummerċjali tagħna.

VI. ĦARSA LEJN L-ISTATI UNITI TAL-AMERKA

L-UE u l-Istati Uniti huma l-aktar sħab importanti fil-kummerċ u fl-investiment ta’ xulxin, abbażi ta’ impenn storiku għal swieq miftuħa u l-fatt li jirrappreżentaw l-akbar relazzjoni ekonomika bilaterali fid-dinja u l-aktar waħda profonda. It-tariffi tal-UE u tal-Istati Uniti huma baxxi (medja ta’ 3 % jew inqas) u s-swieq tas-servizzi tagħna huma miftuħa b’mod komparabbli. Il-ktajjen tal-provvista tal-kumpaniji tal-UE u tal-Istati Uniti huma verament trans-Atlantiċi. Barra minn hekk, l-isfidi globali jingħelbu sew biss meta l-Istati Uniti u l-UE jaħdmu flimkien. Madankollu, din ir-relazzjoni issa qed tiffaċċja sett ta’ sfidi ġodda.

Fl-2019, it-tensjonijiet kummerċjali żdiedu wara l-impożizzjoni mill-Istati Uniti ta’ tariffi fuq $7,5 biljun ta’ prodotti mill-UE wara li d-WTO ddeċidiet favur l-Istati Uniti fil-każ ta’ Airbus. Il-Kummissjoni esprimiet id-dispjaċir tagħha dwar id-deċiżjoni tal-Istati Uniti li tkompli bl-impożizzjoni tat-tariffi, billi hija kienet ippreżentat proposta biex it-tilwima tiġi riżolta f’konformità mar-rekwiżiti tad-WTO. Il-Kummissjoni fakkret ukoll lill-Istati Uniti li d-deċiżjoni tagħha li timponi t-tariffi effettivament iġġiegħel lill-UE tagħmel użu mid-drittijiet ta’ ritaljazzjoni tagħha meta l-arbitru tad-WTO jagħti d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ fil-każ parallel ta’ Boeing aktar tard fl-2020.

Fir-rigward tad-dazji anti-dumping kontra s-sussidji imposti mill-Istati Uniti fuq iż-żebbuġ misjur minn Spanja, f’Marzu 2019 saru konsultazzjonijiet mad-WTO, iżda dawn ma wasslux biex it-tilwima tiġi riżolta, biex b’hekk f’Mejju 2019 l-UE talbet li jiġi stabbilit bord. Id-dazji ilhom fis-seħħ mill-1 ta’ Awwissu 2018, u qegħdin iċaħħdu lill-kumpaniji Spanjoli mill-aċċess għas-suq tal-Istati Uniti.

Fuq nota pożittiva, xi tensjonijiet maħluqa mill-investigazzjoni tal-Istati Uniti dwar id-dimensjoni tas-sigurtà nazzjonali tal-importazzjonijiet ta’ karozzi u partijiet tal-karozzi ġew imtaffija meta l-iskadenza tat-13 ta’ Novembru 2019 biex l-Istati Uniti jieħdu miżuri ġiet approvata mingħajr deċiżjoni formali mill-President. Il-Kummissjoni se tibqa’ viġilanti fuq dan il-fajl, minħabba li l-UE tirrifjuta l-kunċett li l-kummerċ tal-vetturi tal-passiġġieri mill-UE jista’ jikkostitwixxi theddida għas-sigurtà nazzjonali għall-Istati Uniti.

Min-naħa l-oħra, il-pressjonijiet fuq il-kummerċ trans-Atlantiku komplew minħabba l-impożizzjoni mill-Istati Uniti f’Ġunju 2018 ta’ tariffi fuq l-azzar u l-aluminju tal-UE għal allegati raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali. L-UE adottat tariffi tal-ibbilanċjar mill-ġdid fuq l-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti lejn l-UE, li hija offriet li tirrevoka malli n-naħa tal-Istati Uniti tkun tista’ tneħħi t-tariffi tagħha. F’Jannar 2020, l-Istati Uniti estendew it-tariffi tal-azzar u tal-aluminju għal ċerti prodotti derivati; f’April 2020, l-UE rreaġixxiet billi imponiet miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid fuq tliet prodotti tal-Istati Uniti (ċerti tipi ta’ lajters, ċerti tipi ta’ fittings tal-plastik għall-għamara u l-oqfsa tal-vetturi u l-karti tal-logħob). Il-Kummissjoni tinnota li dazji simili imposti mill-Istati Uniti fuq sħab bħall-Messiku u l-Kanada ġew irtirati matul l-2019 mill-Istati Uniti.

Il-Kummissjoni esprimiet ukoll id-dispjaċir tagħha għall-isfaxxar tal-Korp tal-Appelli tad-WTO fil-11 ta’ Diċembru 2019, essenzjalment minħabba l-oppożizzjoni kontinwa mill-Istati Uniti għall-ħatra mill-ġdid tal-membri tiegħu. Hija nnotat ukoll li dan kien jirrappreżenta daqqa ta’ ħarta kbira għas-sistema tal-kummerċ internazzjonali bbażata fuq ir-regoli u għall-bilanċ fundamentali tal-impenji aċċettati mill-membri tad-WTO fi tmiem is-Sessjoni tal-Urugwaj. L-UE tikkondividi l-fehma tal-Istati Uniti li jeħtieġ li s-sistema tad-WTO tiġi rriformata fil-fond, u b’mod urġenti, u din is-sena pproponiet arranġament ta’ appell interim għal dawk is-sħab li huma lesti jkomplu jsolvu t-tilwim tad-WTO fi proċess vinkolanti u indipendenti bil-possibbiltà ta’ appell.

Il-Kummissjoni ssostni t-tħassib tagħha dwar żewġ dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Att tal-Istati Uniti tal-2017 dwar it-Tnaqqis tat-Taxxa u l-Impjiegi, jiġifieri l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Taxxa Kontra l-Abbużi (‘Base Erosion and Anti-abuse Tax’ - BEAT), li għandha xi elementi diskriminatorji, u t-Tnaqqis għal Introjtu Barrani Intanġibbli Derivat (‘Foreign Derived Intangible Income’ - FDII), li tista’ tikkostitwixxi sussidju pprojbit. Fl-2019, l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti adottat regoli ta’ implimentazzjoni għaż-żewġ atti.

Il-Kummissjoni ħadet nota tal-ftehimiet kummerċjali bilaterali u reġjonali ffirmati mill-Istati Uniti ma’ pajjiżi terzi matul l-2019. Il-Kummissjoni tqis li dawn il-ftehimiet iqajmu bosta tħassib fir-rigward tar-rispett għall-multilateraliżmu u r-regoli tal-kummerċ ħieles dinji. L-ewwel nett, il-Kummissjoni għandha dubji dwar jekk il-ftehim limitat milħuq bejn l-Istati Uniti u l-Ġappun dwar l-agrikoltura u l-kummerċ diġitali f’Settembru 2019 jissodisfax l-istandards tad-WTO għal ftehimiet ta’ kummerċ ħieles. It-tieni, il-Kummissjoni hija mħassba li r-regoli restrittivi tal-oriġini għall-karozzi u l-partijiet tal-karozzi inklużi fil-Ftehim bejn l-Istati Uniti, il-Messiku u l-Kanada jistgħu jwasslu għal devjazzjoni tal-flussi tal-kummerċ u tal-investiment li ser ikollhom impatt negattiv fuq il-ktajjen tal-provvista dinjin u jżidu l-kostijiet għall-produtturi u l-klijenti. It-tielet, il-Kummissjoni hija mħassba dwar il-ftehim kummerċjali tal-“ewwel fażi” konkluż bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina f’Diċembru 2019, b’mod partikolari bl-obbligi kbar tiegħu ta’ xiri li jmorru kontra l-prinċipji tas-suq ħieles u l-obbligi ta’ nondiskriminazzjoni tad-WTO.

Il-Kummissjoni hija mħassba dwar ir-regola finali ppubblikata mid-Dipartiment tal-Kummerċ (DOC) tal-Istati Uniti fit-3 ta’ Frar 2020 li tistipula li d-DOC jista’ jittratta s-sottovalutazzjoni ta’ munita ta’ pajjiż barrani bħala sussidju kumpensabbli għall-finijiet tal-proċedimenti tad-dazju kumpensatorju (‘countervailing duty’ - CVD) tal-Istati Uniti. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni tar-regola biex tiżgura li muniti varjabbli bħall-euro ma jinqabdux indebitament fil-proċedimenti ta’ CVD tal-Istati Uniti. Il-Kummissjoni hija daqstant ieħor inkwetata dwar il-bidu ta’ investigazzjonijiet ta’ anti-dumping u CVD imnedija mid-DOC fid-9 ta’ Jannar 2020 rigward l-importazzjonijiet ta’ blokok tat-tarf tal-fluwidi tal-azzar forġati mill-Ġermanja u l-Italja. L-investigazzjonijiet tad-DOC jinkludu bosta allegati sussidji mill-UE, inkluża, għall-ewwel darba, l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti taħt is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) tal-UE, bħala sussidji kumpensabbli. Il-Kummissjoni ser issegwi dawn il-proċedimenti bl-għan li tiżgura li l-prinċipju tal-ETS ma jiġix ikkontestat.

F’Mejju 2019, l-Istati Uniti attivaw it-Titolu III tal-Att ta’ Helms-Burton 20 u fetħu t-triq għal azzjonijiet taħt it-Titolu IV, bi ksur tal-ftehim tal-1998 bejn l-UE u l-Istati Uniti. L-amministrazzjoni bdiet tapplika azzjonijiet kontra l-uffiċjali eżekuttivi tal-kumpaniji tal-UE. L-UE ttenni l-oppożizzjoni qawwija tagħha għall-applikazzjoni extraterritorjali tal-miżuri tal-Istati Uniti taħt it-Titoli III u IV tal-Att – bħar-rifjut tal-Istati Uniti li jċaħħdu d-dħul lir-rappreżentanti tal-kumpaniji tal-UE – li jmorru kontra d-dritt internazzjonali.

Fl-aħħar, il-Kummissjoni ser issegwi mill-qrib l-iżvilupp tal-investigazzjonijiet imnedija f’Lulju 2019 mill-Istati Uniti dwar it-taxxa fuq is-servizzi diġitali ta’ Franza skont it-Taqsima 301 tal-Att dwar il-Ftehimiet Kummerċjali tal-1974. Minbarra t-tħassib ġenerali tagħha dwar l-użu ta’ approċċi unilaterali li jmorru kontra s-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe miżura kummerċjali għandha tiġi sospiża sabiex il-proċess tal-OECD dwar taxxa globali fuq is-servizzi diġitali jkun jista’ jiġi konkluż b’suċċess.

F’dan l-isfond ta’ sfida, l-UE hija impenjata bis-sħiħ li taħdem fuq aġenda pożittiva mal-Istati Uniti biex tiffaċilita l-kummerċ u l-investiment, telimina l-burokrazija żejda u twassal riforma fil-fond tas-sistema tad-WTO. Il-każ għal kooperazzjoni regolatorja bejn l-UE u l-Istati Uniti llum huwa konvinċenti daqs qatt qabel.



KONKLUŻJONI

Dan ir-Rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn l-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment li jaffettwaw direttament lin-negozji tal-UE, kif irrapportati u indirizzati permezz tas-Sħubija għall-Aċċess għas-Swieq imsaħħa tal-UE bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u n-negozji tal-UE.

Fl-2019, l-għadd globali ta’ ostakli baqa’ jiżdied, sinjal li l-protezzjoniżmu issa rabba l-għeruq fir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ ħafna sħab. B’438 ostaklu attivi rreġistrati fi tmiem l-2019 fil-Bażi tad-Data dwar l-Aċċess għas-Suq tal-UE, dan jikkostitwixxi kuntest kummerċjali kwalitattivament differenti, li jeħtieġ bidla fundamentali fil-mod kif l-UE ssegwi u tiddefendi l-interessi leġittimi tagħha.

Il-flussi kummerċjali tal-UE-27 affettwati mit-43 ostaklu ġdid fl-2019 huma stmati li jilħqu xejn inqas minn EUR 35,1 biljun, u dan ifixkel primarjament is-setturi tal-ICT, tal-karozzi u tal-elettronika. Dawn huma oqsma strateġiċi ħafna relatati mas-sovranità teknoloġika tal-UE.

L-azzjoni tal-UE biex jitneħħew l-ostakli kienet ta’ suċċess, b’40 ostaklu mneħħija fl-2019. Analiżi ekonometrika dettaljata turi li x-xogħol ta’ tneħħija tal-ostakli ġġenera mill-inqas EUR 8 biljun f’esportazzjoni addizzjonali għall-kumpaniji tal-UE, ċifra komparabbli mal-benefiċċji ta’ wħud mill-FTAs tagħna.

Fl-istess ħin, il-biċċa l-kbira tal-kisbiet saru fis-settur agroalimentari, filwaqt li t-tneħħija tal-ostakli industrijali u tas-servizzi ewlenin kienet aktar diffiċli. Dan jitlob ukoll tfassil mill-ġdid tal-approċċ tal-UE biex jiġu żgurati t-tneħħija tal-ostakli, l-infurzar u l-implimentazzjoni.

Minn perspettiva ġeografika, ħarġu wkoll xi punti saljenti. Fl-2019, iċ-Ċina reġgħet ikklassifikat fl-ewwel post bl-ogħla numru totali ta’ ostakli (38). U filwaqt li tneħħew żewġ ostakli agroalimentari, żdiedu erba’ ostakli ġodda b’impatt ekonomiku kbir f’setturi strateġiċi (id-data, iċ-ċibersigurtà, it-telekomunikazzjoni). Ir-reġjun tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani jirrappreżenta kważi nofs l-ostakli ġodda kollha rreġistrati fl-2019, u dan sfortunatament jissostanzja l-biżgħat ta’ protezzjoniżmu dejjem aktar virulenti f’din iż-żona tad-dinja. Is-sitwazzjoni fir-Russja baqgħet waħda li toffri sfidi, filwaqt li ġew riżolti tliet ostakli. L-ostakli ġodda u riżolti fl-Awstralja u fil-Korea t’Isfel ikkontribwew għat-total tal-2019 u rrappreżentaw sehem imdaqqas tal-flussi kummerċjali tal-UE potenzjalment affettwati.

Fl-aħħar nett, wara ż-żieda kbira fl-ostakli għall-aċċess għas-suq fl-2018, is-sitwazzjoni mal-Istati Uniti ma tjibitx fl-2019. Filwaqt li fl-2019 ma kien riżolt l-ebda ostaklu, l-isforzi komprensivi tagħna jkomplu.

Kif muri f’dan ir-Rapport, jidher li hemm bidla fundamentali, bil-protezzjoniżmu jrabbi l-għeruq fir-relazzjonijiet kummerċjali, b'ostakli li qed jaffettwaw lis-setturi fil-qalba tas-sovranità teknoloġika tal-UE, b'żieda fl-isfidi fl-indirizzar tal-ostakli industrijali u tas-servizzi, u bl-ostakli jinfirxu madwar reġjuni speċifiċi f’tip ta’ effett ta’ kontaġju. Dan jitlob approċċ ġdid tal-UE biex niddefendu l-interessi tagħna hekk kif niddefendu d-drittijiet tagħna f’ambjent kummerċjali dejjem aktar polarizzat u inċert.

(1)    Is-Sħubija għall-Aċċess għas-Swieq twaqqfet fl-2007 biex tapprofondixxi l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u n-negozji tal-UE kemm fi Brussell kif ukoll f’pajjiżi terzi. Hija taħdem permezz ta’ laqgħat ta’ kull xahar tal-Kumitat Konsultattiv għall-Aċċess għas-Swieq (MAAC) u tal-Gruppi ta’ Ħidma settorjali dwar l-Aċċess għas-Swieq (MAWGs) fi Brussell, u laqgħat regolari tat-Timijiet għall-Aċċess għas-Swieq (MATs) jew laqgħat tal-konsulenti kummerċjali f’pajjiżi terzi.
(2)    Ostakli “attivi” huma dawk li qegħdin jiġu segwiti b’mod attiv fis-Sħubija għall-Aċċess għas-Swieq (għall-kuntrarju tal-ostakli riżolti li jkunu saru inattivi ladarba jkunu ġew riżolti).
(3)    Il-Bażi tad-Data dwar l-Aċċess għas-Suq, fis-seħħ matul il-perjodu li qed jiġi kkunsidrat (mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2019) u li issa qed tiġi sostitwita mill-portal imtejjeb tal-“Aċċess għas-Swieq”, tipprovdi informazzjoni lill-kumpaniji li jesportaw mill-UE dwar il-kundizzjonijiet tal-importazzjoni fis-swieq ta’ pajjiżi terzi. Din tinkludi informazzjoni mhux biss dwar l-ostakli għall-kummerċ, iżda wkoll dwar it-tariffi u r-regoli tal-oriġini, il-proċeduri u l-formalitajiet għall-importazzjoni f’pajjiżi terzi, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS), l-istatistika, u servizzi speċifiċi ta’ esportazzjoni pprovduti lill-SMEs.
(4)    L-Alġerija, l-Arġentina, l-Armenja, l-Awstralja, il-Bangladesh, il-Belarussja, il-Bolivja, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Brażil, il-Kanada, iċ-Ċilì, iċ-Ċina, il-Kolombja, ir-Repubblika Dominicana, l-Ekwador, l-Eġittu, Hong Kong, l-Iżlanda, l-Indja, l-Indoneżja, l-Iran, l-Iraq, Iżrael, il-Ġappun, il-Ġordan, il-Każakistan, il-Libanu, il-Malasja, il-Messiku, il-Marokk, il-Mozambique, New Zealand, in-Niġerja, in-Norveġja, l-Oman, il-Pakistan, il-Panama, il-Paragwaj, il-Perù, il-Filippini, il-Qatar, il-Federazzjoni Russa, l-Arabja Sawdija, Singapore, l-Afrika t’Isfel, il-Korea t’Isfel, l-Iżvizzera, it-Tajwan, it-Tajlandja, it-Tuneżija, it-Turkija, l-Uganda, l-Ukrajna, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Urugwaj, il-Venezwela u l-Vjetnam.
(5)    Meta l-miżuri tas-sena l-oħra (425 ostaklu attivi) jingħaddu maċ-ċifri tal-2019 (43 ostaklu ġodda u 40 ostaklu riżolti) jkollna total ta’ 428 ostaklu. Id-differenza tinsab fil-fatt li, biex jinżamm rendikont tal-ostakli ġew riżolti biss parzjalment, il-Kummissjoni kkodifikat l-ostakli attivi ta’ segwitu mill-2019, li wasslu għal numru nominalment ogħla ta’ ostakli, filwaqt li ma biddlux ix-xejriet sottostanti.
(6)    Maħluqa bl-użu ta’ mapchart.net ©
(7)    Il-21 ostaklu li jifdal (5 % tal-ammont totali) huma kklassifikati fil-kategorija “miżuri oħrajn”.
(8)    L-Alġerija, l-Awstralja, il-Brażil, iċ-Ċina, il-Kolombja, ir-Repubblika Dominicana, l-Eġittu, Hong Kong, l-Indoneżja, il-Kazakistan, il-Libanu, il-Malasja, il-Messiku, il-Marokk, il-Pakistan, il-Filippini, il-Qatar, l-Arabja Sawdija, Singapore, il-Korea t’Isfel, it-Tajwan u t-Turkija
(9)    Disa’ pajjiżi fir-reġjun kienu involuti f’mill-inqas ostaklu wieħed ġdid jew riżolt fl-2019: L-Alġerija, il-Marokk, it-Tuneżija, l-Eġittu, il-Libanu, it-Turkija, l-Arabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Qatar. Barra minn hekk, mill-31 ta’ Diċembru 2019, il-Ġordan u l-Oman għandhom ostaklu wieħed kull wieħed irreġistrat fl-ammont kumplessiv ta’ ostakli.
(10)    Għall-SPS, tqajmu ostakli ġodda fejn pajjiżi terzi pprojbixxew l-esportazzjonijiet mit-territorju kollu ta’ ċerti Stati Membri tal-UE, minflok illimitaw ir-restrizzjonijiet għaż-żoni li ġew affettwati mill-mard tal-annimali. Il-politika ta’ reġjonalizzazzjoni tal-UE ma ġietx rikonoxxuta. L-UE ħadmet biex tindirizza dawn l-ostakli u qed tkompli taħdem fuq ostakli simili li tqajmu qabel l-2019
(11)     “Oħrajn” tinkludi s-setturi li ġejjin: iċ-ċeramika u l-ħġieġ, is-sustanzi kimiċi, l-industrija tal-kostruzzjoni, l-inbejjed u l-ispirti, it-tessuti u l-ġilda, il-ħadid, l-azzar u l-metalli mhux ħadid, u industriji oħrajn
(12)    Kif se jintwera fit-taqsimiet sussegwenti, uħud minn dawn l-ostakli ġew riżolti b’suċċess matul is-sena li għaddiet.
(13)    L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali, li tuża l-akronimu storiku tagħha OIE (‘Office International des Epizooties’)
(14)    Proposta tal-Kummissjoni COM(2019) 623, 12.12.2019
(15)    “Pajjiżi oħrajn” jinkludu l-Eġittu, l-Ekwador, il-Kazakistan, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Kanada, it-Tajlandja, l-Indoneżja, il-Ġappun, il-Messiku, il-Moldova, l-Afrika t’Isfel u l-Iran.
(16)    “Oħrajn” jinkludu ċ-ċeramika u l-ħġieġ, is-sustanzi kimiċi, l-elettronika, l-ICT, il-ħadid, l-azzar u l-metalli mhux ħadid, l-injam, il-karta u l-polpa u industriji oħrajn.
(17)    BSE: Enċefalopatija sponġiformi bovina
(18)    B’mod aktar speċifiku, aħna adottajna metodoloġija ta’ “differenza fid-differenzi” u analizzajna biss l-impatt fuq il-flussi kummerċjali bejn l-UE u l-pajjiżi li imponew l-ostaklu fuq il-prodotti speċifiċi involuti meta mqabbla ma’ kontrofattwali (l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-bqija tad-dinja, minbarra l-pajjiż li kellu l-ostaklu fis-seħħ).
(19)    L-analiżi tinkludi mitt ostaklu mneħħija mill-2014 sal-2018. Hija ma tkoprix l-ostakli mneħħija fl-2019, minħabba li aħna neħtieġu mill-inqas sena sħiħa ta’ data wara t-tneħħija ta’ ostaklu biex inkunu nistgħu nistabbilixxu x’kien l-impatt fuq il-kummerċ.
(20)    L-Att dwar il-Libertà Kubana u s-Solidarjetà Demokratika (Libertad) tal-1996 (l-Att ta’ Helms-Burton) huwa liġi federali tal-Istati Uniti li ssaħħaħ l-embargo tal-Istati Uniti kontra Kuba billi testendi l-applikazzjoni territorjali tal-embargo inizjali biex japplika għal kumpaniji barranin li jagħmlu kummerċ ma’ Kuba.