IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.5.2020
COM(2020) 191 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar l-implimentazzjoni ta’ ċerti elementi ġodda introdotti bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta' Novembru 2013 li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern ("ir-Regolament tal-IMI")
{SWD(2020) 79 final}
Werrej
1.
INTRODUZZJONI
2.
IL-MODERNIZZAZZJONI TAR-REGOLI BIEX TIĠI FFAĊILITATA L-MOBILITÀ SIKURA FIS-SEKLU 21
3.
IMPLIMENTAZZJONI FL-ISTATI MEMBRI
3.1
Appoġġ għat-traspożizzjoni
3.2
Dewmien fit-traspożizzjoni u azzjoni ta’ infurzar
3.3
L-implimentazzjoni fl-Istati Membri: il-qagħda attwali
Traspożizzjoni ta’ rekwiżiti minimi armonizzati ta’ taħriġ għal professjonijiet “settorjali”
Prinċipji ta’ taħriġ komuni (oqfsa jew testijiet)
Sistema ġenerali ta’ rikonoxximent u provvista ta’ servizzi temporanji
Aċċess parzjali
Verifiki tal-lingwa
Traineeships
Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern
Il-Karta Professjonali Ewropea u l-mekkaniżmu ta’ twissija
Aċċess għal informazzjoni online, proċeduri u t-tnaqqis tal-burokrazija
Obbligu ta’ trasparenza
4.
Riżultati tal-programm ta’ aġġornament speċjali għall-infermiera Rumeni
5.
Żviluppi REĊENTI
6.
KONKLUŻJONIJIET
L-għan tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali kien li jiġu ssimplifikati r-reġimi għar-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki professjonali billi jiġu kkonsolidati d-direttivi speċifiċi adottati mis-snin 60. Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-27 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa li d-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam jiġi mmodernizzat aktar. B’riżultat ta’ dan, din fl-20 ta’ Novembru 2013 adottat id-Direttiva emendatorja 2013/55/UE, li ġabet għadd ta’ bidliet fil-qafas li jirregola r-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali biex tiġi mmodernizzata u ffaċilitata l-mobilità sikura tal-professjonisti madwar l-Ewropa.
Dan ir-rapport huwa bbażat fuq l-Artikolu 60(2) tad-Direttiva riveduta. Huwa jkopri l-aspetti ewlenin kollha tal-modernizzazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar din il-kwistjoni, inklużi l-kwistjonijiet speċifiċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 60(2) (il-Karta Professjonali Ewropea, il-modernizzazzjoni tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-kompetenzi għal professjonijiet “settorjali”, u l-prinċipji ta’ taħriġ komuni). Ir-rapport jippreżenta r-riżultati tal-programm ta’ aġġornament speċjali għall-infermiera Rumeni, li se jkun bażi għar-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-reġim ta’ drittijiet miksuba applikabbli għall-infermiera Rumeni responsabbli mill-kura ġenerali. Fit-Taqsima finali, ir-rapport jippreżenta diversi konklużjonijiet.
Ir-rapport huwa bbażat fuq ħarsa ġenerali tal-miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni li l-Istati Membri bagħtu lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva emendatorja 2013/55/UE, rapporti biannwali tal-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva riveduta, u l-informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha biex tinforza u tissorvelja l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri.
Dan ir-rapport ma jikkostitwixxix evalwazzjoni sħiħa skont it-tifsira tal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar. Huwa akkumpanjat minn dokument ta’ ħidma tal-persunal, li jikkonsisti mill-partijiet li ġejjin:
·il-Parti I (Pjan ta’ implimentazzjoni 2014);
·il-Parti II (Traspożizzjoni tad-Direttiva emendatorja 2013/55/UE fl-Istati Membri);
·il-Parti III (Kwistjonijiet ewlenin li tqajmu fi proċeduri ta’ ksur rigward in-nuqqas ta’ konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-Direttiva riveduta);
·il-Parti IV (Statistika dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern), u
·il-Parti V (Riżultati tal-programm ta’ aġġornament speċjali għall-infermiera Rumeni).
Il-bidliet li ġabet magħha d-Direttiva emendatorja 2013/55/UE ffukaw fuq il-modernizzazzjoni tal-qafas ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali u l-adattament tiegħu għal suq tax-xogħol li qed jevolvi. Din għamlet enfasi qawwija fuq l-użu tat-teknoloġija moderna fil-proċeduri ta’ rikonoxximent biex titnaqqas il-burokrazija u biex jitħaffu l-formalitajiet li jippermettu l-mobilità professjonali madwar l-Ewropa. L-għan kien li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-professjonisti, filwaqt li jiġi garantit livell ogħla ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u għaċ-ċittadini.
Din it-Taqsima tiddeskrivi l-bidliet ewlenin li ġabet magħha d-Direttiva emendatorja 2013/55/UE.
L-aġġornament tar-rekwiżiti ta’ taħriġ armonizzati għall-professjonijiet “settorjali”
Il-kundizzjonijiet minimi armonizzati ta’ taħriġ li ġew iddefiniti fid-Direttiva riveduta għall-professjonijiet “settorjali” (tobba, infermiera, dentisti, kirurgi veterinarji, qwiebel, spiżjara u periti) ġew aġġornati biex jirriflettu l-bidliet fil-professjonijiet u fl-edukazzjoni f’dawn l-oqsma. Il-bidliet ikopru d-dispożizzjonijiet dwar ir-rekwiżiti tad-dħul għat-taħriġ, id-durata minima tat-taħriġ, il-listi ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi minimi, u l-listi ta’ attivitajiet professjonali minimi riżervati għal xi professjonijiet.
Għalkemm għamlet bidliet limitati għad-dispożizzjonijiet dwar l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi, ma saret l-ebda bidla korrispondenti fil-programmi ta’ studju minimi stabbiliti fl-Anness V tad-Direttiva riveduta. Id-Direttiva riveduta tiddelega setgħat lill-Kummissjoni biex tagħmel aktar aġġornamenti għar-rekwiżiti ta’ għarfien u ta’ ħiliet u għal-listi ta’ suġġetti ta’ taħriġ fl-Anness V tad-Direttiva riveduta. Dawn l-aġġornamenti jistgħu jsiru biss, jekk ikun meħtieġ, fi stadju aktar tard, u fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku ġeneralment rikonoxxut.
Permezz ta’ dawn is-setgħat delegati, il-Kummissjoni tista’ wkoll taġġorna l-aspetti li ġejjin tal-Anness V: id-durata minima tat-taħriġ għall-ispeċjalizzazzjonijiet mediċi u dentali, il-kategoriji ta’ speċjalitajiet mediċi u dentali, u l-listi ta’ provi ta’ kwalifiki formali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ.
Fis-7 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel rapport tagħha dwar l-użu tagħha tas-setgħat delegati. Is-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni ġiet sussegwentement estiża b’mod taċitu sa Jannar 2024.
Postijiet ġodda għal rikonoxximent awtomatiku
Id-Direttiva riveduta ġabet magħha l-possibbiltà li jiġu stabbiliti prinċipji ta’ taħriġ komuni (oqfsa jew testijiet) u li tiġi estiża s-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku għal professjonijiet ġodda. Din is-sistema ġdida tippermetti lill-organizzazzjonijiet professjonali u lir-regolaturi tal-Istati Membri jaqblu dwar sett komuni ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi (jew test tal-aptitudni) li hemm bżonn biex tiġi eżerċitata professjoni. Abbażi ta’ dan, dawn jistgħu jissuġġerixxu lill-Kummissjoni qafas ta’ taħriġ jew test komuni. Il-kwalifiki miksuba skont dawn l-oqfsa (jew testijiet) ta’ taħriġ komuni jiġu awtomatikament rikonoxxuti fi Stati Membri oħra. Din il-possibbiltà tapplika għal każijiet fejn il-professjoni (jew l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-professjoni) hija diġà regolata f’mill-inqas terz tal-Istati Membri.
Il-faċilità li jiġu stabbiliti u pprovduti servizzi fi Stat Membru ieħor
Id-Direttiva riveduta indirizzat ukoll problemi speċifiċi fil-valutazzjoni ta’ talbiet għal rikonoxximent skont is-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent, b’mod partikolari fir-rigward tal-modernizzazzjoni tal-livelli ta’ kwalifiki, il-mobilità ta’ professjonisti bejn l-Istati Membri li ma jirregolawx u dawk li jirregolaw, u l-organizzazzjoni ta’ miżuri ta’ kumpens. B’mod partikolari, hija żgurat li l-livelli ta’ kwalifiki jistgħu jintużaw mill-awtoritajiet biss bħala għodda inizjali ta’ valutazzjoni u li sempliċi differenzi fil-livelli ma jistgħux jintużaw bħala raġuni biex jiġu rrifjutati l-applikazzjonijiet għal rikonoxximent. L-Istati Membri ma jistgħux jimponu aktar miżuri ta’ kumpens abbażi ta’ perjodu ta’ żmien iqsar għat-taħriġ (dawn iridu juru differenzi sostanzjali fit-taħriġ). L-awtoritajiet nazzjonali jridu jiġġustifikaw kif xieraq l-użu ta’ miżuri ta’ kumpens u jiżguraw li jiġu organizzati b’mod regolari testijiet tal-aptitudni.
Kemm f’każijiet ta’ stabbiliment skont is-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent kif ukoll f’każijiet ta’ provvista ta’ servizzi temporanji, il-professjonisti li jkunu ġejjin minn pajjiż li ma jirregolax professjoni m’għadx għandhom bżonn jagħtu prova ta’ sentejn ta’ esperjenza professjonali matul l-10 snin ta’ qabel (il-ħtieġa ta’ sena waħda ta’ esperjenza professjonali hija biżżejjed).
Id-Direttiva riveduta ċċarat ukoll li s-sottomissjoni ta’ dikjarazzjoni minn qabel għal provvista ta’ servizzi temporanji jew okkażjonali tagħti dritt lill-fornituri ta’ servizz ikollhom aċċess għall-professjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti u jeżerċitawha. Din irrevediet ukoll il-perjodu ta’ żmien għat-twettiq ta’ verifika ta’ kwalifiki professjonali skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva riveduta qabel l-ewwel provvista ta’ servizzi għal professjonisti li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà pubblika.
Regoli ġodda għal aċċess parzjali, traineeships u verifiki tal-lingwa
Filwaqt li tibni fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-Direttiva riveduta introduċiet il-prinċipju ta’ aċċess parzjali għal professjoni fejn l-attivitajiet koperti minn professjoni regolata huma differenti minn pajjiż għal ieħor. Dan jista’ jkun utli għal professjonisti li jaħdmu f’settur ġenwin tal-ekonomija li ma jeżistix bħala professjoni fiha nnifisha fl-Istat Membru li jixtiequ jiċċaqalqu fih.
Id-Direttiva riveduta issa tobbliga lill-Istati Membri jirrikonoxxu t-traineeships professjonali li jsiru fi Stati Membri oħra, fejn dan il-perjodu ta’ traineeship huwa obbligatorju biex tiġi aċċessata professjoni regolata.
Din tippermetti wkoll lill-Istati Membri ospitanti jwettqu verifiki tal-lingwa sistematiċi biss għal professjonijiet li għandhom implikazzjonijiet fuq is-sikurezza tal-pazjenti. Il-verifiki tal-lingwa għandhom isiru biss wara li l-Istat Membru ospitanti jkun irrikonoxxa l-kwalifika, għandhom ikunu limitati għall-għarfien ta’ lingwa uffiċjali jew amministrattiva waħda tal-Istat Membru ospitanti, u għandhom ikunu proporzjonati mal-attività li se tiġi eżerċitata.
Użu obbligatorju tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern
Id-Direttiva tagħmel użu mis-sistema obbligatorja ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), kemm għall-iskambji amministrattivi kif ukoll għall-iskop ta’ notifika tal-kwalifiki meħtieġa biex jintlaħqu r-rekwiżiti minimi armonizzati ta’ taħriġ, jiġifieri l-kwalifiki elenkati fl-Anness V tad-Direttiva riveduta. Barra minn hekk, l-IMI hija l-pjattaforma biex jiġu operati ż-żewġ għodod ġodda miġjuba bl-aħħar reviżjoni tad-Direttiva, il-Karta Professjonali Ewropea u l-mekkaniżmu ta’ twissija.
Għodod ġodda biex tiġi ffaċilitata l-mobilità sikura tal-professjonisti madwar l-UE
Il-Karta Professjonali Ewropea (KPE) hija għodda innovattiva li għandha l-għan li tissimplifika l-proċeduri ta’ rikonoxximent u li tieħu l-forma ta’ ċertifikat elettroniku. Hija bbażata fuq kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ domiċilju u dak ospitanti u fuq l-użu sistematiku tal-IMI, f’konformità mal-politika tal-Kummissjoni biex tingħata spinta lis-Suq Uniku Diġitali. Il-KPE tista’ ssir disponibbli għal dawk il-professjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet rigward il-mobilità (jew il-potenzjal għall-mobilità), in-numru ta’ Stati Membri li jirregolaw, u l-interess tal-partijiet interessati.
Sabiex jiġi żgurat li ż-żieda fil-mobilità professjonali ma ssirx għad-detriment tas-sikurezza tal-konsumaturi u tal-pazjenti, id-Direttiva riveduta tirrikjedi li jintbagħtu twissijiet pro-attivi lill-Istati Membri kollha dwar il-professjonisti li għandhom aċċess ristrett għall-professjoni tagħhom relatata mas-saħħa jew mat-tfal f’wieħed mill-Istati Membri, jew dwar il-professjonisti li ppruvaw jużaw dokumenti ffalsifikati fl-applikazzjonijiet tagħhom.
Aċċess eħfef għal informazzjoni u proċeduri u t-tnaqqis tal-burokrazija
L-Istati Membri għandhom obbligu ċar li jagħmlu disponibbli l-informazzjoni kollha dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki għall-professjonijiet regolati kollha permezz tal-punti ta’ kuntatt waħdieni (PSCs), li nħolqu skont id-Direttiva 2006/123/KE (id-Direttiva dwar is-Servizzi) u kienu diġà applikabbli meta ġiet riveduta d-Direttiva 2005/36/KE. Il-professjonisti għandhom ikunu jistgħu jlestu l-proċeduri u l-formalitajiet koperti mid-Direttiva riveduta online permezz tal-punti ta’ kuntatt waħdieni jew l-awtoritajiet kompetenti inkarigati mill-professjoni. Iċ-ċentri ta’ assistenza f’kull Stat Membru jridu jipprovdu pariri u assistenza lil każijiet individwali.
Aktar trasparenza dwar ir-rekwiżiti regolatorji
L-Istati Membri kienu meħtieġa jipprovdu informazzjoni dwar il-professjonijiet u l-professjonijiet regolati eżistenti tagħhom li jirrikjedu verifika tal-kwalifiki qabel l-ewwel provvista ta’ servizzi temporanji jew okkażjonali, u li jżommu din l-informazzjoni aġġornata. Barra minn hekk, l-Istati Membri wettqu evalwazzjoni reċiproka tal-ostakli li stabbilew li jillimitaw l-aċċess għall-professjonijiet regolati u l-eżerċitar tagħhom. Id-Direttiva riveduta ġabet ukoll magħha obbligi kontinwi għall-Istati Membri biex jirrapportaw dwar kwalunkwe rekwiżit li tneħħa jew li sar inqas strett, u kwalunkwe rekwiżit ġdid jew emendat, bi spjegazzjonijiet dwar il-proporzjonalità tagħhom.
3.1Appoġġ għat-traspożizzjoni
Filwaqt li tirrikonoxxi li implimentazzjoni xierqa u f’waqtha tad-Direttiva riveduta kienet fattur ewlieni għas-suċċess tal-modernizzazzjoni u l-qafas il-ġdid għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki, il-Kummissjoni għamlet l-aħjar li tista’ biex tappoġġa l-ħidma tal-Istati Membri. Saru laqgħat regolari fil-gruppi ta’ esperti stabbiliti mid-Direttiva u l-Kummissjoni organizzat laqgħat bilaterali mal-Istati Membri. Biex tqajjem kuxjenza u skambju ta’ fehmiet dwar l-aspetti ewlenin tal-ħidma ta’ modernizzazzjoni, il-Kummissjoni organizzat konferenza ta’ livell għoli bil-parteċipazzjoni attiva tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u ta’ għadd ta’ organizzazzjonijiet professjonali u awtoritajiet kompetenti. Fuq livell aktar tekniku, il-Kummissjoni organizzat diversi workshops ta’ traspożizzjoni ma’ esperti mill-Istati Membri biex jiġu diskussi l-emendi ewlenin, u ħadet sehem f’workshops dwar l-implimentazzjoni nazzjonali. Il-Kummissjoni kompliet tipprovdi assistenza lill-Istati Membri fuq talba tagħhom, skont l-azzjonijiet deskritti fil-pjan ta’ implimentazzjoni (ara l-Parti I tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal).
B’mod parallel, il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mal-Istati Membri biex tiżgura implimentazzjoni xierqa tal-obbligi l-ġodda dwar it-trasparenza, l-evalwazzjoni reċiproka u l-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità tal-professjonijiet regolati tagħhom skont l-Artikolu 59 tad-Direttiva riveduta.
Il-Kummissjoni (bl-assistenza ta’ kuntrattur estern) wettqet ukoll verifika (ta’ konformità) tal-kwalità bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali notifikata mill-Istati Membri.
3.2Dewmien fit-traspożizzjoni u azzjoni ta’ infurzar
L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva emendatorja 2013/55/UE kienet it-18 ta’ Jannar 2016. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma lestewx it-traspożizzjoni sal-iskadenza. Rapporti biannwali tal-Istati Membri għall-perjodu 2016-2018 jindikaw li l-Istati Membri b’approċċ mhux ċentralizzat għall-implimentazzjoni (permezz ta’ liġijiet federali, reġjonali jew provinċjali) iffaċċjaw piż amministrattiv akbar minħabba l-ħtieġa li jiġi adattat korp kbir ta’ leġiżlazzjoni u li jkun hemm kooperazzjoni u involviment akbar tal-awtoritajiet responsabbli. L-Istati Membri b’relattivament inqas deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent indikaw il-kumplessità tal-proċessi ta’ rikonoxximent u d-diffikultajiet biex jinstab u jinżamm l-għarfien espert meħtieġ.
Il-Parti II tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal tagħti ħarsa ġenerali aktar dettaljata lejn in-notifiki tal-Istati Membri tal-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali.
Ftit wara li għaddiet l-iskadenza għat-traspożizzjoni segwew il-proċedimenti ta’ ksur. Għadd sinifikanti ta’ Stati Membri kienu tard fit-tlestija tat-traspożizzjoni. Il-Kummissjoni għalqet l-aħħar każijiet ta’ ksur ta’ nuqqas ta’ komunikazzjoni f’Marzu 2018. Sussegwentement, il-Kummissjoni vverifikat il-konformità tar-regolamenti nazzjonali u l-prattiki amministrattivi notifikati mar-rekwiżiti tad-Direttiva riveduta u meta meħtieġ, nediet proċeduri ta’ ksur.
Fid-19 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni bdiet l-ewwel serje ta’ proċeduri ta’ ksur kontra 27 Stat Membru għal nuqqas ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni u l-prattika nazzjonali tagħhom mad-Direttiva riveduta. Dan is-sett ta’ proċeduri ta’ ksur (“l-ewwel grupp”) kopra kwistjonijiet ġodda kruċjali għall-funzjonament tad-Direttiva riveduta, b’mod partikolari l-KPE l-ġdida, il-mekkaniżmu ta’ twissija, l-aċċess parzjali għal attività professjonali, il-proporzjonalità tar-rekwiżiti tal-lingwa u t-twaqqif ta’ ċentri ta’ assistenza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qajmet ukoll kwistjonijiet marbuta mat-trasparenza u mal-proporzjonalità ta’ ostakli regolatorji fis-servizzi professjonali, bħala segwitu għall-Komunikazzjoni tagħha ta’ Jannar 2017 dwar rakkomandazzjonijiet ta’ riforma għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali.
Wara li vvalutat it-tweġibiet tal-Istati Membri għall-ittra ta’ intimazzjoni msemmija hawn fuq, fis-7 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni ħadet passi ulterjuri fil-proċeduri ta’ ksur kontra 26 Stat Membru. Hija bagħtet opinjonijiet motivati lil 24 Stat Membru u ittri addizzjonali ta’ intimazzjoni lil żewġ Stati Membri għal nuqqas ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali tagħhom mar-regoli riveduti tal-UE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali. Dawn il-proċeduri għadhom għaddejjin b’eċċezzjoni ta’ każ wieħed li ngħalaq wara konformità mill-Istat Membru kkonċernat.
Fl-24 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni nediet it-tieni sett ta’ proċeduri ta’ ksur (“it-tieni grupp”) kontra 27 Stat Membru rigward il-konformità tar-regoli u l-prattika nazzjonali tagħhom ma’ dispożizzjonijiet ewlenin oħra tad-Direttiva. Dan kien jinkludi konformità mar-regoli dwar il-libertà ta’ stabbiliment, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, professjonijiet li jibbenefikaw minn rikonoxximent awtomatiku abbażi ta’ rekwiżiti minimi armonizzati ta’ taħriġ, dokumentazzjoni u formalitajiet, rikonoxximent ta’ traineeships professjonali u kooperazzjoni amministrattiva. Fis-27 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni bagħtet opinjonijiet motivati lil 22 Stat Membru u ittri addizzjonali ta’ intimazzjoni lil erba’ Stati Membri. Dawn il-proċeduri għadhom għaddejjin.
Għalkemm din il-ħidma ta’ infurzar iffukat fuq il-bidliet ewlenin li saru bid-Direttiva emendatorja 2013/55/UE, hija indirizzat ukoll l-implimentazzjoni ġenerali tad-Direttiva riveduta fl-oqfsa legali nazzjonali. Din kienet l-ewwel valutazzjoni sistematika u komprensiva tal-qafas legali nazzjonali għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki skont id-Direttiva.
Barra minn hekk, fis-6 ta’ Ġunju 2019, it-28 Stat Membru kollha rċevew ittri speċifiċi ta’ intimazzjoni b’talba biex itejbu l-funzjonament tal-
punti ta’ kuntatt waħdieni
tagħhom stabbiliti skont id-Direttiva dwar is-Servizzi. Dan kopra wkoll informazzjoni u proċeduri relatati mar-rikonoxximent ta’ kwalifiki (l-Artikoli 57 u 57a tad-Direttiva riveduta) bil-ħsieb li jiġu pprovduti punti ta’ kuntatt waħdieni li jistgħu jintużaw faċilment mill-utent għall-fornituri ta’ servizzi u għall-professjonisti. Dawn il-proċeduri ta’ ksur għadhom għaddejjin.
3.3L-implimentazzjoni fl-Istati Membri: il-qagħda attwali
Fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni u l-miżuri meħuda biex jiġu infurzati r-regoli, il-Kummissjoni sabet li l-Istati Membri qed jagħmlu progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva riveduta bi gradi differenti ta’ suċċess. L-isforzi tal-Istati Membri ġew imtejba b’mod effettiv permezz tal-azzjoni ta’ infurzar tal-Kummissjoni, kif jidher fil-Graff 1 ta’ hawn taħt.
Graff 1. Għadd ta’ każijiet fejn l-Istati Membri qed jagħmlu progress meta mqabbel mal-għadd ta’ każijiet fejn id-diskussjonijiet mal-Istati Membri kkonċernati għadhom għaddejjin dwar kwistjoni waħda jew aktar ta’ nuqqas ta’ konformità (Marzu 2020)
It-Taqsima ta’ hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni fl-Istati Membri tad-Direttiva riveduta, inklużi l-bidliet ewlenin li saru biex jiġu mmodernizzati r-regoli. Il-ħarsa ġenerali hija bbażata fuq is-sejbiet ewlenin mill-ħidma deskritta hawn fuq, b’mod partikolari l-valutazzjoni tal-konformità u informazzjoni oħra disponibbli. Il-Parti III tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal jagħti ħarsa ġenerali aktar dettaljata lejn il-kwistjonijiet ewlenin imqajma fil-proċeduri ta’ ksur.
Traspożizzjoni ta’ rekwiżiti minimi armonizzati ta’ taħriġ għal professjonijiet “settorjali”
Ir-rekwiżiti minimi armonizzati ta’ taħriġ (rekwiżiti ta’ dħul, id-durata minima ta’ taħriġ, il-listi ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi minimi, u l-lista ta’ attivitajiet professjonali minimi riżervati) huma l-bażi għar-rikonoxximent awtomatiku ta’ kwalifiki bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-professjonisti jistgħu jibbenefikaw minn rikonoxximent awtomatiku permezz ta’ drittijiet miksuba ġenerali jew speċifiċi.
Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni turi li l-implimentazzjoni fl-Istati Membri ta’ kundizzjonijiet minimi armonizzati ta’ taħriġ aġġornati għal professjonijiet “settorjali” kienet ġeneralment adegwata. Madankollu, il-Kummissjoni kellha tieħu miżuri ta’ ksur biex tindirizza għadd ta’ kwistjonijiet speċifiċi. Fil-maġġoranza tal-każijiet, bi tweġiba għall-ittri ta’ intimazzjoni u għall-opinjonijiet motivati, l-Istati Membri kkomunikaw l-emendi meħtieġa għad-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom, jew indikaw skeda ta’ żmien speċifika għall-adozzjoni ta’ dawn l-emendi. Id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin mal-bqija tal-Istati Membri.
B’mod partikolari, kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fi Stati Membri speċifiċi kienu jikkonċernaw il-kwistjonijiet ewlenin murija fil-Graff 2 ta’ hawn taħt (ara l-Parti III tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal, it-tabella “Professjonijiet settorjali”):
Graff 2. Għadd ta’ Stati Membri kkonċernati mill-kwistjonijiet ewlenin ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tal-professjonijiet settorjali (Marzu 2020)
Aġġornamenti futuri possibbli (permezz ta’ atti delegati) għar-rekwiżiti ta’ għarfien u ta’ ħiliet u listi ta’ suġġetti ta’ taħriġ
Id-Direttiva riveduta ddelegat setgħat lill-Kummissjoni biex tagħmel aktar aġġornamenti għar-rekwiżiti ta’ għarfien u ta’ ħiliet u għal-listi ta’ suġġetti ta’ taħriġ fl-Anness V tad-Direttiva riveduta, jekk ikun meħtieġ, u fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku ġeneralment rikonoxxut.
F’dan il-kuntest, b’mod parallel mar-reviżjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali, fl-2017-2018, il-Kummissjoni kkummissjonat studju biex tiġbor informazzjoni ta’ sfond u valutazzjoni indipendenti qabel ma tieħu deċiżjoni infurmata dwar jekk humiex meħtieġa aktar bidliet għad-Direttiva riveduta għall-infermiera responsabbli mill-kura ġenerali, u jekk iva, sa liema punt.
L-istudju se jimmappja r-rekwiżiti nazzjonali attwali fl-Istati kollha tal-UE, l-Istati tal-EFTA (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera) u r-Renju Unit fir-rigward tat-taħriġ teoretiku u kliniku għall-infermiera responsabbli mill-kura ġenerali u l-għarfien u l-ħiliet li għandhom jiksbu waqt dan it-taħriġ. L-immappjar jiffoka fuq l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe rekwiżit eżistenti fl-Istati Membri li jmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ stabbiliti skont id-Direttiva riveduta u jivvaluta jekk dawn ir-rekwiżiti jirriflettux adattament għal progress xjentifiku u tekniku ġeneralment rikonoxxut. L-istudju se jinkludi wkoll valutazzjoni tar-rekwiżiti u tas-suġġerimenti mmappjati dwar jekk huwiex meħtieġ li jiġu riveduti r-rekwiżiti ta’ għarfien u ta’ ħiliet u l-listi ta’ suġġetti ta’ taħriġ għall-infermiera responsabbli mill-kura ġenerali.
Fit-12 ta’ Novembru 2019, ġie organizzat workshop bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fi Brussell fejn ir-riżultati preliminari tal-istudju kienu ppreżentati u diskussi mal-awtoritajiet nazzjonali, mal-istituzzjonijiet ta’ taħriġ u mar-rappreżentanti tal-professjoni fil-livell nazzjonali u tal-UE/EFTA. Fis-27 ta’ Novembru 2019, ir-riżultati preliminari ġew ikkonsultati wkoll mal-Istati Membri permezz tal-koordinaturi nazzjonali għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali. Fil-21 ta’ Jannar 2020, ir-riżultati preliminari ġew ippreżentati għad-diskussjoni fil-laqgħa tal-grupp ta’ koordinaturi għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali.
Ir-riżultati preliminari tar-riċerka korroborata mal-partijiet interessati jindikaw għadd ta’ suġġerimenti għal aġġornamenti possibbli għar-rekwiżiti ta’ għarfien u ta’ ħiliet u l-lista ta’ suġġetti ta’ taħriġ għall-infermiera responsabbli mill-kura ġenerali. L-istudju se jiġi ffinalizzat u ppubblikat matul l-2020. Il-Kummissjoni sussegwentement se tiddiskuti s-sejbiet finali fil-grupp ta’ koordinaturi għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali biex tivvaluta l-passi li jmiss.
B’mod parallel, il-Kummissjoni nediet sejħa oħra għall-offerti għall-professjonijiet ta’ dentist u spiżjar. Dawn l-istudji se jiffukaw fuq il-ħtieġa li jiġu aġġornati r-rekwiżiti ta’ għarfien u ta’ ħiliet meħtieġa u l-listi ta’ suġġetti ta’ taħriġ għal dawn il-professjonijiet.
Atti delegati oħra għal professjonijiet “settorjali”
Abbażi tal-Artikolu 21a(4) tad-Direttiva riveduta, il-Kummissjoni għandha wkoll is-setgħa li tadotta atti delegati li jemendaw il-listi ta’ provi ta’ kwalifiki formali fl-Anness V tad-Direttiva riveduta, li jservu bħala bażi għal rikonoxximent awtomatiku.
Wara l-aħħar reviżjoni tad-Direttiva, l-użu tal-IMI mill-Istati Membri sar obbligatorju għall-iskop li jiġu nnotifikati titoli ġodda ta’ kwalifiki għal professjonijiet settorjali li jibbenefikaw minn rikonoxximent awtomatiku (u biex jiġu nnotifikati bidliet għal titli u programmi ta’ taħriġ qodma). Għalhekk, notifika f’waqtha ta’ kwalunkwe bidla fit-titli ta’ kwalifika permezz tal-IMI mill-Istati Membri hija prekondizzjoni meħtieġa biex il-Kummissjoni tkun tista’ taġġorna l-Anness V. Wara kummenti mill-Istati Membri fir-rapporti biannwali tagħhom, huwa essenzjali li jkun hemm listi aġġornati tad-diplomi tal-Anness V għall-funzjonament tas-sistemi ta’ rikonoxximent awtomatiku.
Mill-2014 ’l hawn, il-Kummissjoni aġġornat b’mod regolari dawn il-listi fl-Anness V abbażi ta’ notifiki tal-Istati Membri permezz tal-IMI. S’issa, il-Kummissjoni adottat erba’ deċiżjonijiet delegati li jemendaw l-Anness V tad-Direttiva riveduta.
Aktar dettalji dwar l-użu tal-IMI minn Stati Membri individwali għal notifiki tad-diplomi tal-Anness V huma stabbiliti fil-Parti IV (it-Taqsima 2) tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah.
Prinċipji ta’ taħriġ komuni (oqfsa jew testijiet)
Fl-24 ta’ Ġunju 2019, daħal fis-seħħ ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/907 tal-14 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi test ta’ taħriġ komuni għall-istrutturi tal-iski skont l-Artikolu 49b tad-Direttiva riveduta. Dan huwa l-ewwel każ ta’ użu tal-għodda l-ġdida għall-ħruġ ta’ regolamenti delegati.
It-test ta’ taħriġ komuni għall-istrutturi tal-iski ġie żviluppat f’konsultazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-istrutturi tal-iski mill-pajjiżi tal-UE kollha interessati. Huwa qafas volontarju għar-rikonoxximent awtomatiku ta’ kwalifiki li jkollhom l-istrutturi tal-iski skont strument legali formali tal-UE. L-istrutturi tal-iski li jkollhom kwalifika rilevanti jistgħu jagħmlu test biex jiġu vvalutati l-kapaċitajiet tekniċi tagħhom u test biex jiġu vvalutati l-kompetenzi tagħhom relatati mas-sikurezza. It-tlestija b’suċċess ta’ dawn it-testijiet standardizzati tippermetti lill-istrutturi tal-iski jibbenefikaw minn rikonoxximent awtomatiku filwaqt li jiġi ggarantit livell għoli ta’ taħriġ u ħiliet. Madankollu, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/907 la jarmonizza t-taħriġ nazzjonali u lanqas jimponi regolamentazzjoni addizzjonali fuq l-Istati Membri. Għall-istrutturi tal-iski li mhumiex ikkwalifikati skont it-test ta’ taħriġ komuni, jibqa’ applikabbli r-reġim ġenerali għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki skont id-Direttiva riveduta.
Minbarra dan l-ewwel każ ta’ użu, il-Kummissjoni kienet f’kuntatt ma’ rappreżentanti ta’ diversi professjonijiet biex tesplora l-possibbiltà li tintroduċi prinċipji ta’ taħriġ komuni.
Madwar 30 organizzazzjoni professjonali esprimew interess fi prinċipji ta’ taħriġ komuni u l-ebda suġġeriment formali ma ġie mill-Istati Membri. Analiżi ulterjuri tal-espressjonijiet ta’ interess uriet li numru minn dawn il-professjonijiet ma laħaqx il-livell limitu meħtieġ tal-Istati Membri fejn il-professjoni jew l-edukazzjoni u t-taħriġ huma regolati, eż. osteopati, kiroprattiċi u għalliema tal-fitness. Suġġerimenti oħra jistgħu jwasslu għall-estensjoni tar-regolament fil-livell nazzjonali, li jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-aċċess għall-professjoni u l-mobilità. Miżuri bħal dawn fl-aħħar mill-aħħar ma jkunux jissodisfaw l-objettiv ewlieni tal-prinċipji ta’ taħriġ komuni li jippermettu lill-professjonisti jiċċaqalqu fl-Istati Membri b’mod aktar faċli.
L-Istati Membri kkonsultati permezz tal-Grupp ta’ Koordinaturi esprimew opinjonijiet fil-biċċa l-kbira pożittivi dwar l-introduzzjoni ta’ prinċipji ta’ taħriġ komuni għall-inġiniera u għall-istrutturi tal-iski, iżda huma pjuttost kawti biex jagħmlu dan għal professjonijiet oħra.
Il-Kummissjoni qabbdet żewġ studji biex tistudja l-possibbiltà li jiġu żviluppati oqfsa ta’ taħriġ komuni. Wieħed kien jikkonċerna lill-assistenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa (2015-2016) u ieħor lill-inġiniera kkonċernati (2016-2017).
Fir-rigward tal-assistenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa, għalkemm l-istudju identifika grad ta’ konverġenza fost l-Istati Membri dwar sett ewlieni ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi u l-interess li jiġi definit ir-rwol tal-assistenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa madwar l-Ewropa, kien hemm fehmiet diverġenti dwar il-livelli ta’ edukazzjoni meħtieġa, il-livelli ta’ kwalifiki li għandhom jinkisbu, il-livell finali ta’ awtonomija tal-professjonisti u l-konsegwenzi mhux intenzjonati potenzjali li jiġi żviluppat qafas bħal dan fuq il-forzi tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa u s-sistemi edukattivi nazzjonali.
Fir-rigward tal-inġiniera, l-immappjar tal-professjoni identifika firxa wiesgħa ta’ reġimi regolatorji għall-professjoni u għadd kbir ta’ speċjalitajiet tal-inġinerija. Il-proġett finalment iffoka fuq l-inġiniera ċivili. Għalkemm kien hemm kunsens biex tiġi żviluppata l-idea ta’ qafas għall-inġiniera, diversi partijiet interessati (b’mod partikolari l-Istati Membri li ma jirregolawx) u l-fornituri tal-edukazzjoni kienu inċerti rigward il-proċess u l-konsegwenzi potenzjali fuq ir-regolamentazzjoni tal-professjoni f’pajjiżi li ma jirregolawx u dwar is-sistema edukattiva.
Sistema ġenerali ta’ rikonoxximent u provvista ta’ servizzi temporanji
Ir-reviżjoni tas-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent kienet trasposta b’mod sodisfaċenti kwazi fl-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni ta’ diversi każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, per eżempju, fir-rigward tal-bidliet fil-livelli tal-kwalifiki, ir-regoli l-ġodda dwar il-mobilità minn pajjiżi mhux regolati u l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ kumpens. Fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet, l-Istati Membri wrew progress billi wieġbu għall-miżuri ta’ ksur u billi kkomunikaw soluzzjonijiet speċifiċi għall-kwistjonijiet li tqajmu. Fi ftit każijiet, id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin mal-Istati Membri kkonċernati (ara l-Parti III tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal, tabella dwar “Sistema ġenerali ta’ rikonoxximent”).
Graff 3. Għadd ta’ Stati Membri kkonċernati mill-kwistjonijiet prinċipali ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tas-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent (Marzu 2020)
L-iżgurar ta’ implimentazzjoni konsistenti u effiċjenti tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-provvista ta’ servizzi temporanji u okkażjonali fl-Istati Membri kollha għall-benefiċċju taċ-ċittadini u n-negozji huwa komponent ewlieni ta’ suq uniku effiċjenti tas-servizzi għall-professjonijiet regolati. Dan huwa kruċjali biex jiġi żgurat li jiġi applikat l-Artikolu 56 tat-TFUE u biex tiġi protetta l-libertà fundamentali li jiġu pprovduti s-servizzi.
L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet riveduti tat-Titolu II tad-Direttiva riveduta dwar il-provvista ta’ servizzi temporanji u okkażjonali qajmet tħassib għal 21 Stat Membru u d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin għal tmien Stati Membri minnhom. B’mod partikolari, il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità f’dawn l-Istati Membri kienu jikkonċernaw il-kwistjonijiet ewlenin deskritti fil-Graff 4 ta’ hawn taħt (ara l-Parti III tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal, tabella dwar “Provvista ta’ servizzi temporanji”):
Graff 4. Għadd ta’ Stati Membri kkonċernati minn kwistjonijiet ewlenin ta’ nuqqas ta’ konformità (provvista ta’ servizzi temporanji) (Marzu 2020)
Wara l-azzjoni ta’ ksur tal-Kummissjoni, għadhom għaddejjin diskussjonijiet ma’ diversi Stati Membri dwar kwistjonijiet bħal:
-mistoqsijiet mhux ġustifikati dwar is-servizzi li għandhom jiġu pprovduti, jew talbiet ta’ dokumenti li jmorru lil hinn minn dak li huwa permess skont id-Direttiva riveduta;
-validità ta’ dikjarazzjonijiet minn qabel fit-territorju kollu tal-Istat Membru ospitanti;
-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni li jaqbżu dak li huwa permess skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva riveduta;
-jew possibbiltajiet għal fornituri ta’ servizz biex jagħmlu test tal-aptitudni u jipprovdu servizzi fi żmien xahar mindu tkun ittieħdet id-deċiżjoni.
Aċċess parzjali
L-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda dwar l-aċċess parzjali qajmet tħassib għal 12-il Stat Membru. B’mod partikolari, l-azzjoni ta’ infurzar tal-Kummissjoni indirizzat iż-żewġ kwistjonijiet ewlenin diskussi hawn taħt (għal aktar dettalji, ara l-Parti III tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal, tabella dwar “Aċċess parzjali”).
Graff 5. Għadd ta’ Stati Membri kkonċernati minn kwistjonijiet ewlenin ta’ nuqqas ta’ konformità (aċċess parzjali) (Marzu 2020)
L-ewwel kwistjoni tikkonċerna l-esklużjoni ta’ ċerti professjonijiet mill-prinċipju ta’ aċċess parzjali. Filwaqt li d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess parzjali ma japplikawx għal professjonisti li jibbenefikaw minn rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki professjonali tagħhom (bħal tobba, infermiera, professjonisti tal-artiġjanat/tal-kummerċ, jew professjonisti li jibbenefikaw minn prinċipji ta’ taħriġ komuni), id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva riveduta ma għandhomx l-għan li jeskludu l-aċċess parzjali għal partijiet separabbli mill-attivitajiet ta’ professjonijiet “settorjali”. Esklużjoni kategorika bħal din mill-prinċipju tal-aċċess parzjali ma tkunx konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea jew mal-prinċipju tal-proporzjonalità skont il-libertajiet fundamentali. Din il-kwistjoni ġiet diskussa ma’ għaxar Stati Membri. Filwaqt li sar progress f’ħafna Stati Membri, għadhom għaddejjin diskussjonijiet ma’ oħrajn.
It-tieni nett, il-Kummissjoni insistiet li aċċess parzjali għandu jiġi applikat bħala deċiżjoni ex officio u mhux biss fuq talba speċifika u espliċita tal-applikant. Ħafna individwi x’aktarx li ma jkunux kompletament konxji tal-possibbiltà li jinkiseb aċċess parzjali għal professjoni u għalhekk ħafna drabi mhux se jkunu f’pożizzjoni li japplikaw għaliha wara li t-talba tagħhom għal rikonoxximent tinċaħad b’rabta mal-aċċess għall-professjoni sħiħa. Għalhekk, f’każijiet fejn jista’ jkun applikabbli aċċess parzjali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jew jivvalutaw il-possibbiltà għal aċċess parzjali f’dik il-proċedura ta’ rikonoxximent jew tal-inqas jinfurmaw b’mod ċar lill-applikant dwar din il-possibbiltà. Dan sar ma’ żewġ Stati Membri, li għamlu progress fil-proponiment ta’ soluzzjonijiet prattiċi.
Huwa interessanti wkoll li jiġi osservat li fir-rapporti biannwali, xi Stati Membri qajmu l-problema ta’ applikazzjoni ta’ aċċess parzjali fejn ir-regolament jistabbilixxi titoli professjonali protetti biss (meta wieħed iqis li l-aċċess parzjali essenzjalment jikkonċerna aċċess għal attivitajiet professjonali, iżda mhux it-titoli biex jiġu eżerċitati dawk il-professjonijiet).
Verifiki tal-lingwa
L-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda dwar il-verifiki tal-lingwa ġiet indirizzata fl-infurzar għal madwar terz tal-Istati Membri, u kienet tikkonċerna kwistjonijiet speċifiċi ewlenin ta’ nuqqas ta’ konformità murija fil-Graff 6 ta’ hawn taħt (ara l-Parti III tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal, “Verifiki tal-lingwa” tat-tabella).
Graff 6. Għadd ta’ Stati Membri kkonċernati minn kwistjonijiet ewlenin ta’ nuqqas ta’ konformità (verifiki tal-lingwa) (Marzu 2020)
L-azzjoni ta’ infurzar tal-Kummissjoni kellha l-għan li tiżgura pereżempju li jista’ jkun meħtieġ biss l-għarfien ta’ lingwa uffiċjali waħda tal-Istat Membru ospitanti u li l-verifiki sistematiċi tal-lingwa jistgħu jiġu applikati biss għal professjonisti b’implikazzjonijiet għas-sikurezza tal-pazjent. Diversi każijiet ta’ Stati Membri li jimponu testijiet tal-lingwa obbligatorji wrew li huma l-aktar problematiċi biex jiġu riżolti, u d-diskussjonijiet ma’ ħafna mill-Istati Membri kkonċernati għadhom għaddejjin. Abbażi tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni insistiet li fejn il-prova pprovduta mill-applikant (eż. ċertifikati tal-lingwa minn skola barranija) ma kinitx konklużiva biss, l-għarfien tal-lingwa jista’ jiġi ttestjat.
Traineeships
Il-Kummissjoni qajmet kwistjonijiet rigward ir-regoli l-ġodda dwar ir-rikonoxximent ta’ traineeships professjonali li twettqu fi Stati Membri oħra. Kien hemm seba’ każijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali notifikata li ma jikkonformawx mar-regoli, minħabba nuqqas totali ta’ traspożizzjoni, implimentazzjoni mhux korretta tad-dispożizzjonijiet dwar it-traineeships jew nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ linji gwida dwar l-organizzazzjoni u r-rikonoxximent ta’ traineeships professjonali mwettqa barra mill-pajjiż. Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għamlu progress biex jindirizzaw il-kwistjonijiet imqajma, xi ftit jirrikjedu aktar segwitu mal-Istati Membri kkonċernati (ara l-Parti III tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal, tabella dwar it-“Traineeships”).
Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern
L-IMI ilha mill-2008 tikkontribwixxi għat-tħaddim bla xkiel tad-Direttiva 2005/36/KE billi tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkomunikaw direttament, malajr u faċilment permezz ta’ pjattaforma online sikura, u jegħlbu l-ostakli lingwistiċi peress li tinkludi settijiet ta’ mistoqsijiet u tweġibiet standard tradotti minn qabel.
Id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva emendatorja 2013/55/UE għamel l-użu tal-IMI obbligatorju kemm għall-iskambji amministrattivi kif ukoll għan-notifika ta’ titoli ta’ kwalifiki li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi armonizzati ta’ taħriġ, kif elenkat fl-Anness V tad-Direttiva riveduta.
It-Taqsima 1 tal-Parti IV tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal tipprovdi data statistika dwar l-użu tal-pjattaforma tal-IMI skont id-Direttiva. Din turi b’mod ċar li l-użu tal-IMI għall-kooperazzjoni amministrattiva ġenerali qed jiżdied b’mod stabbli matul iż-żmien (Ċart 1 tal-Parti IV tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal), u kważi rdoppja billi l-użu tiegħu sar obbligatorju fl-2016 (Ċart 2 tal-Parti IV tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal). Madankollu, hemm differenzi fl-attivitajiet ta’ Stati Membri individwali bi wħud minnhom ikunu emittenti proattivi ta’ talbiet u oħrajn ikunu l-aktar riċevituri (Ċart 3 tal-Parti IV tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal). Għalkemm ir-rati medji ta’ rispons jibqgħu pjuttost għolja (aktar minn 96 %), għal xi ftit mill-Istati Membri, ir-rati ta’ rispons huma viżibbilment aktar baxxi. L-akbar varjazzjoni fost l-Istati Membri tinsab fil-medja ta’ rispons tagħhom (Ċart 4 tal-Parti IV tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal).
L-użu ineffettiv ta’ talbiet għal informazzjoni tal-IMI minn diversi Stati Membri huwa wieħed mill-aktar sfidi rrappurtati fir-rapporti biannwali tal-Istati Membri. Skont l-awtoritajiet nazzjonali, l-iskambji ta’ informazzjoni jistgħu jkunu aktar effettivi, il-ħinijiet ta’ rispons minn xi pajjiżi huma twal wisq, jew f’xi każijiet ma tasal l-ebda tweġiba sodisfaċenti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ każijiet li jikkonċernaw professjonijiet li mhumiex regolati fl-Istat Membru ta’ domiċilju, każijiet li jikkonċernaw edukazzjoni u taħriġ regolati, jew verifika tal-esperjenza professjonali. Ġie rrappurtat ukoll li ftit Stati Membri ma kinux qed jużaw l-IMI b’mod konsistenti biex ifittxu kjarifika u b’hekk joħolqu aktar piż għall-professjonisti.
Il-moduli tal-IMI għan-notifika ta’ kwalifiki elenkati fl-Anness V tad-Direttiva riveduta ġew introdotti fl-2014, u ssostitwew is-sistema ta’ notifika preċedenti permezz ta’ korrispondenza formali permezz ta’ rappreżentanzi permanenti tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni żviluppat moduli tal-IMI speċifiċi għall-professjoni għal dan il-għan, li ilhom disponibbli mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva riveduta. Aktar minn 70 % tal-bidliet fit-titoli notifikati permezz tal-IMI huma diġà riflessi fl-Anness V tad-Direttiva riveduta, kif aġġornata minn deċiżjonijiet delegati rikorrenti tal-Kummissjoni. F’dan il-kuntest, notifika f’waqtha tal-bidliet fit-titoli tal-kwalifiki mill-Istati Membri permezz tal-IMI hija prekondizzjoni essenzjali biex il-Kummissjoni taġġorna b’mod regolari l-Anness V.
Il-Karta Professjonali Ewropea u l-mekkaniżmu ta’ twissija
L-IMI saret pjattaforma ta’ suċċess għall-funzjonament taż-żewġ strumenti ġodda miġjuba mill-aħħar reviżjoni tad-Direttiva, Karta Professjonali Ewropea (KPE) u l-mekkaniżmu ta’ twissija.
Id-Direttiva riveduta stabbiliet il-bażi ġuridika għall-mekkaniżmu ta’ twissija u għall-KPE għal ċerti professjonijiet. Sussegwentement fl-2015, il-Kummissjoni adottat regolament ta’ implimentazzjoni li jintroduċi l-KPE għal ħames professjonijiet (infermiera responsabbli mill-kura ġenerali, l-ispiżjara, il-fiżjoterapisti, l-aġenti tal-proprjetà immobbli u l-gwidi tal-muntanji) mit-18 ta’ Jannar 2016.
Il-Kummissjoni ssorveljat mill-qrib il-funzjonament ta’ dawn iż-żewġ strumenti ġodda. Sentejn wara t-tnedija tagħhom, il-Kummissjoni evalwat l-esperjenza tal-partijiet interessati fl-użu tal-KPE u tal-mekkaniżmu ta’ twissija. Hija ppubblikat is-sejbiet tagħha, flimkien mad-data statistika ta’ appoġġ, f’dokument ta’ ħidma tal-persunal fid-9 ta’ April 2018 (“id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-2018”). Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-2018 juri li l-Istati Membri u l-partijiet interessati qiesu lill-KPE u l-mekkaniżmu ta’ twissija b’mod pożittiv, għalkemm enfasizza l-importanza ta’ gwida legali u teknika kontinwa u l-irfinar tal-funzjonalitajiet tal-pjattaforma.
Dan ir-rapport mhux se jtenni s-sejbiet tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-2018, li jista’ jiġi kkonsultat fid-dettall. Madankollu, peress li d-data statistika ta’ appoġġ evolviet sa mill-pubblikazzjoni tagħha, it-taqsima 3 tal-Parti IV tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport tagħti ħarsa ġenerali aġġornata lejn id-data, inkluż l-aktar perjodu reċenti 2018-2019.
Il-ħidma ta’ infurzar li għaddejja tal-Kummissjoni tindirizza l-problemi f’żewġ terzi tal-Istati Membri (18) fir-rigward tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-KPE u f’aktar minn nofs l-Istati Membri (15) fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ twissija. Il-Graff 7 turi l-kwistjonijiet ewlenin ta’ nuqqas ta’ konformità.
Graff 7. Għadd ta’ Stati Membri kkonċernati minn kwistjonijiet ewlenin ta’ nuqqas ta’ konformità (KPE) (Marzu 2020)
Il-kwistjonijiet relatati mal-KPE identifikati fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni nnotifikati mill-Istati Membri kienu fil-biċċa l-kbira tekniċi u relatati ma’ regoli proċedurali. Dan kien jinkludi speċifikazzjoni nieqsa jew ħażina tal-iskadenzi fil-leġiżlazzjoni, u rikonoxximent taċitu mhux previst fil-każijiet kollha meħtieġa mid-Direttiva riveduta. Fi ftit każijiet, ir-regoli tal-KPE ma ġewx trasposti għal ċerti professjonijiet jew f’partijiet ta’ territorju ta’ Stat Membru. Wara l-ittri ta’ ksur tal-Kummissjoni, l-Istati Membri wrew progress biex isolvu l-każijiet kollha ta’ nuqqas ta’ konformità (ara l-Parti III tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal, it-tabella dwar il-“KPE”).
Skont ir-rapporti biannwali tal-Istati Membri, ir-repożitorju tad-dokumenti tal-KPE fl-IMI huwa essenzjali għal funzjonament tajjeb tal-proċedura tal-KPE. Ir-repożitorju tad-dokumenti tal-KPE huwa bażi ta’ data fl-IMI fejn kull Stat Membru jinnotifika r-rekwiżiti tad-dokumenti tiegħu u t-tariffi ta’ applikazzjoni għall-proċeduri tal-KPE. Madankollu, skont il-kummenti mill-Istati Membri fir-rapporti biannwali, xi Stati Membri ma jirrappurtawx ir-rekwiżiti kollha tad-dokument tagħhom fir-repożitorju tal-KPE. Oħrajn ma jqisux ir-regoli stabbiliti fir-regolament ta’ implimentazzjoni dwar it-talbiet għal dokumenti li mhumiex permessi. Skont ir-rapporti biannwali, fi ftit każijiet, għad hemm nuqqas ta’ fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti (eż. l-awtoritajiet li jitolbu dokumenti addizzjonali saħansitra mingħajr dubji jew mingħajr ma l-ewwel tiġi kkuntattjata l-awtorità tal-Istat Membru l-ieħor).
Fir-rigward tal-KPE, diversi Stati Membri appellaw ukoll għal definizzjoni aktar ċara ta’ x’jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi temporanji u okkażjonali. Ta’ min jinnota li, għall-provvista ta’ servizzi temporanji, il-KPE sempliċement tissostitwixxi d-dikjarazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva (jiġifieri dikjarazzjoni dwar attivitajiet futuri maħsuba) u għalhekk jenħtieġ li ma tiġix ttrattata b’mod differenti. Għaldaqstant, KPE, għal provvista ta’ servizzi temporanji ma tistax tiġi rrifjutata għal raġunijiet għajr dokumenti ta’ akkumpanjament nieqsa, nuqqas ta’ prova ta’ stabbiliment legali jew raġunijiet sostantivi oħra skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva riveduta. B’mod partikolari, id-durata u n-natura tal-attivitajiet professjonali preċedenti fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ma għandhomx jintużaw bħala l-unika raġuni biex jiġi ġġustifikat ir-rifjut li tinħareġ KPE. L-Istati Membri huma liberi li jieħdu azzjoni superviżorja oħra biex jidentifikaw u jippenalizzaw professjonisti li jiksru kwalunkwe regola nazzjonali applikabbli.
Graff 8. Għadd ta’ Stati Membri kkonċernati minn kwistjonijiet ewlenin ta’ nuqqas ta’ konformità (mekkaniżmu ta’ twissija) (Marzu 2020)
Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ twissija, il-proċeduri ta’ ksur kellhom l-għan li jiżguraw, pereżempju, li l-Istati Membri jilħqu l-iskadenza ta’ tlett ijiem biex jibagħtu t-twissijiet u jissodisfaw l-obbligi tagħhom dwar il-protezzjoni tad-data, it-tħassir tad-data, u l-informazzjoni għall-professjonisti. L-azzjoni ta’ infurzar meħuda kontra għadd sinifikanti ta’ Stati Membri kkonċernat il-mekkaniżmu ta’ twissija. L-Istati Membri ntalbu jipprovdu ġustifikazzjoni dwar għaliex huma bagħtu ftit twissijiet biss jew l-ebda twissija minn meta ġie stabbilit il-mekkaniżmu ta’ twissija. Fi ftit każijiet, il-Kummissjoni sabet li l-mekkaniżmu ta’ twissija ma kienx implimentat affattu għal professjonijiet speċifiċi (eż. edukazzjoni ta’ minorenni, professjonijiet tas-saħħa), għal każijiet speċifiċi (eż. diplomi ffalsifikati), jew biss f’partijiet tat-territorju ta’ Stat Membru (ara l-Parti III tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal, tabella dwar “Mekkaniżmu ta’ twissija”).
L-Istati Membri wrew progress biex jikkonformaw mal-kwistjonijiet kollha relatati mat-twissija (ħlief għal Stat Membru wieħed). Il-Kummissjoni tinsab f’diskussjonijiet mal-Istat Membru kkonċernat. Ta’ min jinnota wkoll li l-għadd ta’ awtoritajiet kompetenti rreġistrati fl-IMI għall-moduli ta’ twissija differenti żdied b’mod sinifikanti fl-2018 u fl-2019 (ara ċ-Ċart 7 fil-Parti IV tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal). Din iż-żieda tista’ tiġi spjegata permezz tal-ħidma ta’ infurzar tal-Kummissjoni, li bdiet f’Lulju 2018.
Fir-rapporti biannwali tagħhom, l-Istati Membri rrappurtaw ċerti sfidi relatati mal-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ twissija. Dawn kienu jinkludu diffikultajiet biex tintlaħaq l-iskadenza biex jibagħtu t-twissijiet, il-fattibbiltà teknika fil-ġestjoni tal-volum għoli ta’ notifiki ta’ twissija (biex jiġu ffiltrati twissijiet sostantivi/rilevanti), u d-differenzi bejn l-Istati Membri dwar meta jeħtieġ li jintbagħtu twissijiet (minħabba mekkaniżmi ta’ penali differenti). Stat Membru wieħed talab lill-Kummissjoni tindirizza l-effetti legali tat-twissijiet fuq il-prattika ta’ attivitajiet professjonali fil-livell tal-UE.
Aċċess għal informazzjoni online, proċeduri u t-tnaqqis tal-burokrazija
L-oqfsa leġiżlattivi fil-livell nazzjonali u dak Ewropew inbidlu b’mod sinifikanti biex jiffaċilitaw u jissimplifikaw is-sottomissjoni, il-ħżin u l-ipproċessar ta’ dokumenti. Kemm id-Direttiva dwar is-Servizzi kif ukoll id-Direttiva riveduta jinkludu artikoli li jirrikjedu lill-Istati Membri jippreżentaw informazzjoni online permezz tal-punti ta’ kuntatt waħdieni u li jirrikjedu lill-Istati Membri joffru proċeduri elettroniċi għall-fornituri tas-servizzi u għall-professjonisti. Il-KPE tippromwovi wkoll l-użu ta’ proċeduri elettroniċi għal applikazzjonijiet ta’ rikonoxximent.
Minkejja l-benefiċċji evidenti tal-ipproċessar elettroniku tal-applikazzjonijiet, l-Istati Membri għadhom iżommu diversi rekwiżiti li mhux biss jimminaw l-iżviluppi attwali lejn qafas diġitali, iżda wkoll jiksru d-dritt tal-Unjoni. Matul il-verifiki ta’ traspożizzjoni, il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ prattiki illegali jew rekwiżiti dwar talbiet għal dokumenti f’għadd ta’ Stati Membri, bħal talbiet għal dokumenti li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva (eż. għal CVs jew ritratti li jissodisfaw standard speċifiku); talbiet għal dokumenti oriġinali; traduzzjonijiet iċċertifikati għal provi tal-kwalifiki tal-Anness V; kopji u/jew traduzzjonijiet iċċertifikati ta’ karti ta’ identifikazzjoni jew passaporti; informazzjoni dwar taħriġ f’forma speċifika; dokumenti li jridu jiġu awtentikati minn korp jew tip ta’ korp speċifiku wieħed fl-Istat Membru ta’ domiċilju jew ospitanti).
Il-Kummissjoni qajmet dawn il-prattiki jew rekwiżiti ovvjament illegali ma’ 15-il Stat Membru kkonċernat. Wara l-azzjoni ta’ ksur tal-Kummissjoni, l-Istati Membri wrew progress fis-sejbien ta’ soluzzjonijiet prattiċi fil-biċċa l-kbira tal-każijiet identifikati (11 minn 15). Madankollu, għadhom għaddejjin diskussjonijiet mal-erba’ Stati Membri l-oħra dwar ir-rekwiżiti tad-dokumenti (ara l-Parti III tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal, tabella dwar “L-aċċess għall-informazzjoni online, il-proċeduri u t-tnaqqis tal-burokrazija”).
L-obbligi għall-Istati Membri dwar l-informazzjoni online u r-rekwiżiti tal-gvern elettroniku għaċ-ċittadini mhumiex ġodda, peress li l-emendi introdotti mid-Direttiva 2013/55/UE sempliċement ikkumplimentaw id-Direttiva dwar is-Servizzi. L-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu punti ta’ kuntatt waħdieni u jiżguraw li dawn jagħtu aċċess għal informazzjoni u proċeduri elettroniċi lill-fornituri tas-servizzi. Fil-prattika dan ifisser li kwalunkwe fornitur ta’ servizz (kemm jekk ikun diġà stabbilit fi Stat Membru kif ukoll jekk le, jixtieq jistabbilixxi s-servizzi tiegħu jew sempliċement jipprovdi servizzi transfruntiera b’mod temporanju u okkażjonali), għandu jkun kapaċi, online u permezz tal-punt ta’ kuntatt waħdieni, li:
-jikseb l-informazzjoni rilevanti kollha dwar ir-regoli applikabbli li jirregolaw l-aċċess għas-servizzi u l-provvista tagħhom;
-ilesti l-proċeduri u l-formalitajiet kollha meħtieġa biex jiġu aċċessati u pprovduti s-servizzi;
-jingħata għajnuna mill-awtoritajiet kompetenti, li tikkonsisti f’informazzjoni dwar kif ir-rekwiżiti speċifiċi huma ġeneralment interpretati u applikati.
Sabiex tivverifika jekk iċ-ċittadini u n-negozji jistgħux verament isibu l-informazzjoni rilevanti u jlestu l-proċeduri amministrattivi online, fl-2018/2019, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni trasversali tal-UE tas-servizzi nazzjonali tal-punti ta’ kuntatt waħdieni, b’enfasi fuq kampjun ta’ servizzi u professjonijiet. Il-valutazzjoni vverifikat id-disponibbiltà online tal-informazzjoni u tal-proċeduri online permezz tal-punti ta’ kuntatt waħdieni fuq ir-reġistrazzjoni ta’ ditta arkitettonika, ditta tal-inġinerija u ditta ta’ konsulenza fiskali u applikazzjonijiet għal permessi speċifiċi għall-kostruzzjoni. Fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ kwalifiki, il-valutazzjoni ffukat fuq it-tobba, il-periti, l-inġiniera ċivili/tal-bini, il-gwidi turistiċi, il-gwidi tal-muntanji u l-għalliema fl-iskejjel sekondarji.
Il-valutazzjoni sabet li kien hemm lok għal titjib fl-Istati Membri kollha bi gradi differenti. Għalhekk, fis-6 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittri ta’ intimazzjoni lill-Istati Membri kollha dwar id-disponibbiltà ta’ informazzjoni u proċeduri online. In-nuqqasijiet ewlenin identifikati kienu relatati ma’ nuqqas ta’ informazzjoni meħtieġa permezz tal-punti ta’ kuntatt waħdieni, problemi bil-kwalità tal-informazzjoni, nuqqas ta’ proċeduri online, u problemi b’mod aktar ġenerali li jiltaqgħu magħhom l-utenti li jkunu jridu jaċċessaw jew ilestu proċedura transfruntiera. Dan jinkludi nuqqas ta’ possibbiltà għall-utenti transfruntiera li jaċċessaw proċedura online jew nuqqas ta’ pagamenti online. Il-Kummissjoni bħalissa qed tivvaluta t-tweġibiet mill-Istati Membri għall-ittri ta’ intimazzjoni u s-segwitu meħtieġ mal-Istati Membri.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, minkejja l-benefiċċji tal-proċeduri elettroniċi u kooperazzjoni amministrattiva żviluppata sew, xi Stati Membri għadhom iżommu rekwiżiti proċedurali li joħolqu diffikultajiet għas-servizzi tal-gvern elettroniku jew li saħansitra jmorru lil hinn mill-prattiki permessi mid-Direttiva riveduta. Il-funzjonament tal-punti ta’ kuntatt waħdieni nazzjonali, f’termini ta’ disponibbiltà ta’ informazzjoni u proċeduri online, jeħtieġ li jittejjeb fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, fi grad differenti.
Obbligu ta’ trasparenza
L-Artikolu 59 tad-Direttiva riveduta ffoka fuq miżuri ta’ trasparenza, li jobbligaw lill-Istati Membri kollha jirrappurtaw informazzjoni dwar il-professjonijiet li jirregolaw, inkluż ir-regolamentazzjoni fil-livell reġjonali.
B’mod partikolari, sat-18 ta’ Jannar 2016 l-Istati Membri kienu meħtieġa jipprovdu l-informazzjoni li ġejja permezz tal-bażi ta’ data tal-professjonijiet regolati (u li jżommu din l-informazzjoni aġġornata):
-lista ta’ professjonijiet regolati eżistenti, li jispeċifikaw l-attivitajiet koperti minn kull professjoni, lista ta’ edukazzjoni u taħriġ regolati, u taħriġ bi struttura speċjali;
-lista ta’ professjonijiet li għalihom verifika tal-kwalifiki titqies meħtieġa qabel l-ewwel provvista ta’ servizzi skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva riveduta, flimkien ma’ ġustifikazzjoni għall-inklużjoni ta’ professjonijiet f’dik il-lista;
-informazzjoni dwar ir-rekwiżiti li jillimitaw l-aċċess għal jew l-eżerċitar ta’ professjonijiet regolati, u r-raġunijiet biex jitqies li dawn ir-rekwiżiti jikkonformaw mal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità.
L-Artikolu 59(3) u (5) tad-Direttiva riveduta kien il-bażi ġuridika għal eżerċizzju ta’ evalwazzjoni reċiproka li sar matul l-2014-2016. Dan ippermetta lill-Istati Membri jqabblu l-approċċi regolatorji tagħhom u impenjahom biex jissimplifikaw, fejn meħtieġ, l-oqfsa legali nazzjonali tagħhom li jirregolaw il-professjonijiet regolati. Abbażi ta’ dan il-proċess, sat-18 ta’ Jannar 2016, l-Istati Membri kienu meħtieġa jippreżentaw pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali (“NAPs”) li jippreżentaw l-eżiti tal-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità u li jidentifikaw il-ħtieġa għal riformi. Il-pjanijiet urew livelli differenti ħafna ta’ ambizzjoni fost l-Istati Membri u l-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità li saru matul l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni reċiproka ħafna drabi kienu batuti ħafna.
Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 59(5) tad-Direttiva riveduta, fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni, l-Istati Membri kienu meħtieġa jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar kwalunkwe rekwiżit introdott wara t-18 ta’ Jannar 2016 u r-raġunijiet biex jitqies li dawk ir-rekwiżiti jikkonformaw mal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità.
Sat-18 ta’ Jannar 2016, u kull sentejn wara dan, l-Istati Membri jridu jirrapportaw ukoll dwar kwalunkwe rekwiżit li jkun tneħħa jew li jkun sar inqas strett.
Għal dan il-għan, il-Kummissjoni aġġornat kontinwament il-bażi ta’ data dwar il-professjonijiet regolati biex iżżomm l-informazzjoni kollha kkomunikata lilha skont l-Artikolu 59 tad-Direttiva. Pereżempju, fl-2018 hija żviluppat formola ġdida ta’ skrinjar b’mistoqsijiet speċifiċi biex tgħin lill-Istati Membri jivvalutaw il-proporzjonalità tar-regolamentazzjoni. Flimkien mal-formola ġdida ta’ skrinjar, il-Kummissjoni ħarġet gwida informali, li ġiet diskussa fil-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti. L-għan ta’ dawn il-miżuri kien li jżidu l-kwalità u l-profondità tal-analiżijiet ipprovduti mill-Istati Membri. Barra minn hekk, il-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità issa huma disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-bażi ta’ data, li bħalissa jinsab fil-proċess ta’ migrazzjoni għall-IMI biex jiġu ssimplifikati aktar l-obbligi ta’ rappurtar. Madankollu, minkejja sforzi kontinwi, f’ħafna każijiet il-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità mill-Istati Membri għadhom ta’ kwalità mhux adegwata.
Il-Kummissjoni vvalutat il-konformità tal-Istati Membri mal-obbligi ta’ trasparenza u ta’ rappurtar skont id-Direttiva riveduta. Hija indirizzat il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fis-27 Stat Membru li naqsu milli jikkonformaw mal-obbligi ta’ trasparenza bi grad raġonevoli ta’ diliġenza (għal aktar dettalji, ara l-Parti III tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal, tabella “Obbligi ta’ trasparenza”) .
Graff 9. Għadd ta’ Stati Membri kkonċernati minn kwistjonijiet ewlenin ta’ nuqqas ta’ konformità (trasparenza) (Marzu 2020)
Ħafna Stati Membri naqsu milli jelenkaw il-professjonijiet regolati kollha tagħhom, l-edukazzjoni u t-taħriġ regolati, u/jew il-professjonijiet kollha soġġetti għal verifika minn qabel tal-kwalifiki skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva riveduta b’ġustifikazzjonijiet adegwati. Barra minn hekk, xi pajjiżi ma rrappurtawx professjonijiet regolati abbażi ta’ liġijiet speċifiċi tal-UE li jħallu diskrezzjoni lill-Istati Membri dwar kif jimplimentawhom. Fir-rigward tal-professjonijiet soġġetti għal verifika minn qabel tal-kwalifiki, għandu jiġi enfasizzat li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni kienet limitata għall-obbligi ta’ trasparenza u hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe valutazzjoni tal-adegwatezza ta’ ġustifikazzjonijiet għal raġunijiet ta’ saħħa u sikurezza pubblika. Xi Stati Membri kienu għadhom ma pprovdewx pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali.
Il-Kummissjoni sabet ukoll li għal xi professjonijiet eżistenti, il-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità kienu kompletament nieqsa fil-bażi ta’ data tal-professjonijiet regolati. Dan kien il-każ għal aktar minn 20 Stat Membru. F’xi Stati Membri, il-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità kienu nieqsa għal aktar minn 80 % tal-professjonijiet li kienu nnotifikaw. Barra minn hekk, għal xi professjonijiet, ħafna Stati Membri ma pprovdewx informazzjoni dwar ir-rekwiżiti ta’ dħul jew ta’ kondotta eżistenti jew li kienu għadhom kif ġew introdotti. Għadd kbir ta’ Stati Membri naqsu wkoll milli jipprovdu rapporti dwar ir-rekwiżiti li kienu neħħew jew għamlu inqas stretti fiż-żmien stipulat.
Il-Kummissjoni rrevediet is-segwitu tal-obbligu tal-Istati Membri li jipprovdu rapporti biannwali skont l-Artikolu 60(1) tad-Direttiva riveduta, inklużi sommarji tal-istatistika u deskrizzjoni tal-problemi ewlenin li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva riveduta. Kważi terz tal-Istati Membri kienu soġġetti għal azzjoni ta’ infurzar u minn dak iż-żmien ’l hawn ipprovdew ir-rapporti nieqsa.
Wara l-azzjoni ta’ ksur tal-Kummissjoni, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri żiedu b’mod konsiderevoli l-isforzi tagħhom biex ilestu l-bażi ta’ data, kif muri fil-graff 8 ta’ hawn fuq. Din hija kisba importanti, minħabba l-importanza tal-bażi ta’ data tal-professjonijiet regolati bħala sors ta’ informazzjoni għaċ-ċittadini tal-UE li jfittxu li jeżerċitaw professjoni barra minn pajjiżhom. Madankollu, huwa meħtieġ sforz kontinwu mill-Istati Membri biex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi ta’ trasparenza u ta’ rappurtar. L-Istati Membri jibqgħu responsabbli biex jiżguraw l-akkuratezza ta’ dik l-informazzjoni. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja mill-qrib il-konformità ma’ dawn l-obbligi.
Ir-Rumanija stabbiliet programm ta’ aġġornament għall-infermiera tal-kura ġenerali li l-kwalifiki tagħhom ma ssodisfawx ir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ skont id-Direttiva 2005/36/KE, skont ir-rakkomandazzjoni introdotta permezz tal-premessa 36 tad-Direttiva emendatorja 2013/55/UE. L-għan kien li l-professjonisti li kisbu l-kwalifiki tagħhom qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-UE jkunu jistgħu jaġġornaw il-kwalifiki tagħhom biex jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti minimi fil-livell tal-UE.
Il-kontenut tal-programm ġie diskuss matul l-2012-2014 mal-Kummissjoni Ewropea u mal-esperti tal-Istati Membri (BE, DE, ES, FR, IE, MT, PL, IT, u UK). L-esperti analizzaw fid-dettall il-korsijiet ta’ taħriġ li r-Rumanija kienet tat fil-passat f’livell postsekondarju u f’livell ta’ edukazzjoni ogħla biex jiġi stabbilit sa fejn huma ssodisfaw ir-rekwiżiti minimi skont id-Direttiva 2005/36/KE (numru ta’ sigħat, snin ta’ studju, taħriġ fis-suġġetti, ħiliet, għarfien u kompetenzi li għandhom jinkisbu). Ġew ippjanati korsijiet ta’ aġġornament biex jimtlew il-lakuni identifikati. Wara valutazzjoni mill-esperti tal-Istati Membri u minn skambji ulterjuri, l-abbozz ta’ programm ġie adattat biex iqis il-kummenti, eż. dwar ir-rekwiżiti ta’ ammissjoni, l-għadd ta’ sigħat ta’ taħriġ u s-superviżjoni matul it-taħriġ kliniku.
Ir-Rumanija nediet il-programm finali għall-infermiera permezz tad-Digriet Konġunt tal-Ministru tal-Edukazzjoni Nazzjonali u tal-Ministeru tas-Saħħa Nru 4317/943/2014, approvat mill-Ordni Rumena tal-Infermiera, il-Qwiebel u l-Assistenti Mediċi u b’Digriet tal-Ministru tal-Edukazzjoni Nazzjonali Nru 5114/2014.
Biex jiġi implimentat il-programm ta’ aġġornament fil-livell postsekondarju, bejn l-2013 u l-2014, il-Ministeru Rumen tal-Edukazzjoni Nazzjonali, il-Ministeru tas-Saħħa, l-Ordni Rumena tal-Infermiera, il-Qwiebel u l-Assistenti Mediċi u l-Kummissjoni Nazzjonali tal-Akkreditazzjoni tal-Isptarijiet organizzaw tmien sessjonijiet ta’ “ħarreġ lil min iħarreġ” b’esperti minn ħames Stati Membri (BE, DK, IE, PL u UK).
Il-programm beda fis-sena akkademika 2014/2015 u skont l-informazzjoni pprovduta mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka tar-Rumanija, aktar minn 3000 gradwat f’livell postsekondarju u 23 gradwat f’livell ta’ edukazzjoni għolja lestewh sal-aħħar tas-sena akkademika 2018/2019.
Ir-Rumanija ppreżentat il-programm lill-Istati Membri fil-Grupp ta’ Koordinaturi għar-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali f’Marzu u Mejju 2018.
L-esperti tal-Istati Membri analizzaw l-informazzjoni u d-dokumenti pprovduti mir-Rumanija u bagħtu l-kummenti tagħhom dwar ir-riżultati tal-programm lill-Kummissjoni. Ir-Rumanija wieġbet għall-mistoqsijiet u għall-kummenti kollha mill-Istati Membri għas-sodisfazzjon tagħhom. L-ebda Stat Membru ma oġġezzjona għall-proposta tar-Rumanija li l-gradwati jibbenefikaw minn rikonoxximent awtomatiku fil-futur.
Bħala konklużjoni, ir-Rumanija implimentat il-programm ta’ aġġornament innegozjat minn qabel mal-Istati Membri biex tippermetti lill-parteċipanti tagħha jtejbu l-kwalifiki tagħhom biex jilħqu r-rekwiżiti minimi stipulati fid-Direttiva 2005/36/KE. Minn dak iż-żmien għadd sostanzjali ta’ studenti lestew b’suċċess il-programm.
Għal aktar dettalji, ara l-Parti V tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.
Minħabba livelli differenti ħafna ta’ ambizzjoni espressi fil-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u fid-dawl tal-kwalità spiss fqira tal-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità mwettqa matul l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni reċiproka, il-Kummissjoni ppubblikat żewġ inizjattivi li għandhom l-għan li jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku fl-oqsma koperti mid-Direttiva riveduta, bħala parti mill-Istrateġija għal Suq Uniku tal-2017. Il-Kummissjoni ppubblikat
Komunikazzjoni
dwar rakkomandazzjonijiet ta’ riforma għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali u proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tintroduċi test ta’ proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet.
Il-
Komunikazzjoni
dwar rakkomandazzjonijiet ta’ riforma għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali tanalizza kif inhuma regolati seba’ servizzi professjonali fl-Istati Membri. Din tinkludi rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Istati Membri fejn ir-regolamentazzjoni tidher partikolarment qawwija fid-dawl tal-miri li hija mfassla biex tikseb (bħall-protezzjoni tas-saħħa jew is-sikurezza tar-riċevituri ta’ servizzi) u meta mqabbla mal-Istati Membri kollha. Il-gwida tiddependi fuq valutazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva tal-livell ta’ restrizzjoni (“indikatur tar-restrittività”). Din hija għodda addizzjonali biex tgħin fl-isforzi ta’ riforma tal-Istati Membri billi tidentifika każijiet ta’ regolamentazzjoni żejda potenzjali.
Id-Direttiva (UE) 2018/958 dwar test tal-proporzjonalità ġiet adottata fit-28 ta’ Ġunju 2018 u għandha tiġi implimentata fl-Istati Membri kollha sat-30 ta’ Lulju 2020. Din tistabbilixxi obbligi ċari u qafas legali għat-twettiq ta’ valutazzjonijiet ta’ proporzjonalità minn qabel fi stadju qabel ma tiddaħħal leġiżlazzjoni ġdida jew jiġu emendati dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi eżistenti li jirrestrinġu l-aċċess għal professjonijiet regolati jew l-eżerċitar tagħhom. Ladarba tiġi implimentata, id-Direttiva għandha ssir strumentali biex jiġi evitat li tidħol fis-seħħ regolamentazzjoni sproporzjonata. Il-Kummissjoni bħalissa qed issegwi l-progress li sar fl-Istati Membri bl-implimentazzjoni permezz tal-Grupp ta’ Koordinaturi u bilateralment mal-Istati Membri.
Fl-2018, il-koleġiżlaturi adottaw ir-Regolament dwar il-Gateway Diġitali Unika (SDG) biex jiġi pprovdut aċċess għal informazzjoni u proċeduri online, servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi lil individwi u kumpaniji. Għandu jiġi nnutat li l-konformità tal-Istati Membri mal-obbligi ta’ informazzjoni tagħhom skont id-Direttiva dwar is-Servizzi u d-Direttiva riveduta dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali se tiffaċilita l-konformità mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni li ddaħħlu mir-Regolament dwar l-SDGs. Id-diskussjonijiet għaddejjin b’mod parallel fil-Grupp ta’ koordinazzjoni tal-SDG biex jiġu kkalibrati l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kwalità tal-informazzjoni u biex jiġi żgurat l-aċċess transfruntier għal proċeduri online.
F’Marzu 2019, il-Kunsill Ewropew stieden lill-UE u lill-Istati Membri biex ineħħu l-ostakli mhux ġustifikati li fadal għas-suq uniku, u saħaq li ma għandu jinħoloq l-ebda ostaklu ġdid. Abbażi ta’ din it-talba inizjali, il-Kunsill Kompetittività ta’ Mejju 2019 talab lill-Kummissjoni biex “tlesti, sa Marzu 2020, il-valutazzjoni tal-ostakli regolatorji u nonregolatorji li fadal fis-Suq Uniku, b’attenzjoni speċjali fuq is-servizzi... filwaqt li tieħu l-perspettiva tan-negozji u l-konsumaturi…”. B’reazzjoni għal dan, il-Kummissjoni adottat rapport li jidentifika l-ostakli li spiss jiġu rrappurtati min-negozji nfushom. Abbażi ta’ din il-perspettiva kummerċjali kif ukoll l-esperjenza tal-konsumaturi kif riflessa fit-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur tal-UE, ippubblikata f’Novembru 2019, f’Marzu 2020 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-ostakli u x-xkiel għas-suq uniku. F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni analizzat it-tħassib imqajjem l-aktar ta’ spiss mill-konsumaturi u min-negozji, sabiex jiġu identifikati l-aktar oqsma rilevanti fejn is-suq uniku jeħtieġ aktar approfondiment u tisħiħ.
Fuq stedina tal-Kunsill Ewropew u li takkumpanja l-Komunikazzjoni dwar l-ostakli u x-xkiel għas-suq uniku, il-Kummissjoni żviluppat ukoll f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri pjan ta’ azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-Suq Uniku. Il-Kummissjoni laqgħet l-appell mill-Kunsill Ewropew u żviluppat firxa ta’ azzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu l-infurzar tar-regoli tas-Suq Uniku u l-konformità magħhom. Azzjonijiet li huma partikolarment rilevanti għar-regolamentazzjoni tal-professjonijiet huma:
-Il-pubblikazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ riforma aġġornati għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2017; u
-Għajnuna u gwida mill-Kummissjoni għall-Istati Membri biex itejbu l-valutazzjonijiet ex-ante tar-regolamentazzjoni restrittiva skont id-Direttiva dwar it-Test tal-Proporzjonalità.
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta f’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tista’ tasal għal xi konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-bidliet li ġabet magħha d-Direttiva riveduta u fir-rigward tal-oqsma li jistħoqqilhom aktar ħidma u titjib. B’mod ġenerali, il-qafas legali skont id-Direttiva riveduta huwa effettiv biex jagħti spinta lill-mobilità tal-professjonisti fl-Istati Membri kollha. Għalkemm l-użu ta’ teknoloġiji moderni fil-proċedura biex jiġu rikonoxxuti l-kwalifiki professjonali jista’ jiġi kkunsidrat bħala suċċess, l-Istati Membri jridu jagħmlu sforzi kontinwi biex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti biex jiġu pprovduti informazzjoni u gvern elettroniku permezz tal-punti ta’ kuntatt waħdieni.
L-Istati Membri għamlu progress fl-indirizzar ta’ diversi kwistjonijiet imqajma fil-proċedimenti ta’ ksur li hemm għaddejjin, għalkemm għad fadal xi oqsma ta’ tħassib. Diversi kwistjonijiet speċifiċi għadhom pendenti u jistgħu jirrikjedu kooperazzjoni sostnuta biex jiġu riżolti fl-Istati Membri kkonċernati.
a)Oqsma ta’ tħassib
Minkejja l-benefiċċji tal-proċeduri elettroniċi u kooperazzjoni amministrattiva żviluppata sew, xi Stati Membri għadhom iżommu rekwiżiti proċedurali li joħolqu piż u spejjeż sinifikanti għall-applikanti. Għad hemm xi diffikultajiet ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-faċilitajiet tal-gvern elettroniku u l-użu ta’ proċeduri li jmorru lil hinn mill-prattiki permessi mid-Direttiva.
Il-funzjonament tal-punti nazzjonali ta’ kuntatt waħdieni, f’termini li jagħmlu disponibbli l-informazzjoni u l-proċeduri online, jeħtieġ li jitjieb fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri.
L-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni reċiproka ta’ bejn l-2014 u l-2016 ma wassalx għal riformi sinifikanti fir-regoli dwar il-professjonijiet regolati. Il-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità mill-Istati Membri ħafna drabi kienet fqira u ggwidata minn interess biex tinżamm ir-regolamentazzjoni eżistenti. L-azzjoni ta’ infurzar reċenti tal-Kummissjoni kkonfermat li ħafna Stati Membri għadhom jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom rigward it-trasparenza tal-informazzjoni dwar il-professjonijiet regolati u l-proporzjonalità tar-regolamentazzjoni bi grad raġonevoli ta’ diliġenza. Dan jikkorrobora l-ħtieġa għal implimentazzjoni f’waqtha tad-Direttiva dwar it-Test tal-Proporzjonalità u applikazzjoni robusta.
b)Kwistjonijiet miftuħa
Diversi każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva riveduta fi Stati Membri speċifiċi għadhom iridu jiġu riżolti fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur li għaddejjin. Il-każijiet huma relatati mal-implimentazzjoni mhux korretta tad-dispożizzjonijiet dwar il-verifiki tal-lingwa, il-provvista ta’ servizzi trasnfruntiera u l-aċċess parzjali.
Huma meħtieġa aktar studji biex jiġu vvalutati l-ħtieġa u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-adattamenti possibbli għall-progress xjentifiku u tekniku tar-rekwiżiti ta’ għarfien u ħiliet, u tal-listi minimi ta’ suġġetti ta’ taħriġ għal professjonijiet “settorjali”, li jistgħu jsiru permezz ta’ atti delegati tal-Kummissjoni.
Jista’ jintlaħaq biss ftehim wieħed dwar prinċipji ta’ taħriġ komuni (test ta’ taħriġ komuni għall-istrutturi tal-iski). Irriżulta li huwa diffiċli li jintlaħaq ftehim dwar standards minimi ta’ taħriġ, anke billi jittieħed approċċ minn isfel għal fuq. Suġġerimenti minn għadd ta’ professjonijiet ma jistgħux jilħqu l-livelli minimi meħtieġa ta’ regolamentazzjoni fl-Istati Membri, u jistgħu jwasslu mhux biss għal armonizzazzjoni iżda wkoll biex tiġi estiża r-regolamentazzjoni fil-livell nazzjonali.
Il-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ twissija jqajjem xi diffikultajiet prattiċi għall-Istati Membri, b’mod partikolari fil-ġestjoni ta’ volumi kbar ta’ notifiki ta’ twissija u fil-filtrazzjoni tat-twissijiet rilevanti.
c)Żviluppi pożittivi
L-implimentazzjoni tad-Direttiva riveduta effettivament tjiebet bl-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni dwar l-infurzar.
Is-sistema IMI tgħin fit-tħaddim tajjeb tad-Direttiva billi tipprovdi pjattaforma online sikura għal skambji amministrattivi, biex jiġu ttrattati l-applikazzjonijiet għall-Karta Professjonali Ewropea, u għall-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ twissija proattiva. Il-kooperazzjoni kontinwa mill-Istati Membri, l-appoġġ legali u tekniku, u aktar irfinar huma essenzjali biex jiġi żgurat li s-sistema tkompli taħdem b’mod effettiv.
Il-proċedura biex jiġi aġġornat l-Anness V tad-Direttiva ħadmet tajjeb. Il-Kummissjoni użat b’mod regolari s-setgħat delegati tagħha biex tagħmel l-aġġornamenti abbażi tan-notifiki magħmula mill-Istati Membri permezz tas-sistema IMI.
Id-Direttiva dwar it-Test tal-Proporzjonalità tikkumplimenta l-obbligi ta’ trasparenza stabbiliti fid-Direttiva u se sservi bħala għodda għall-prevenzjoni ta’ regolamentazzjoni sproporzjonata futura fis-servizzi professjonali.
B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkonforma mar-rekwiżit ta’ rappurtar skont l-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2005/36/KE kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.