IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.5.2020
COM(2020) 168 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL
skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.5.2020
COM(2020) 168 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL
skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE
1. SFOND
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (id-Direttiva tal-VAT), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’unanimità fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru jdaħħal miżuri speċjali ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew għall-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa. Billi din il-proċedura tipprevedi deroga mill-prinċipji ġenerali tal-VAT, b’konformità mas-sentenzi konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), jenħtieġ li tali deroga tkun proporzjonata u limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-10 ta’ Frar 2020, id-Danimarka talbet awtorizzazzjoni biex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 308 tad-Direttiva tal-VAT. Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni, permezz ta' ittra datata l-10 ta’ Marzu 2020, infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tad-Danimarka. Il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra datata l-11 ta’ Marzu 2020, infurmat lid-Danimarka li hija kellha t-tagħrif kollu li kellha bżonn sabiex tivvaluta t-talba.
Bħala regola ġenerali, l-ammont taxxabbli skont l-iskema speċjali għall-aġenti tal-ivvjaġġar u skont l-Artikolu 308 tad-Direttiva tal-VAT, huwa l-marġni tal-aġent tal-ivvjaġġar, jiġifieri, id-differenza bejn l-ammont totali, mingħajr VAT, li għandu jitħallas mill-vjaġġatur u l-kost reali għall-aġent tal-ivvjaġġar tal-provvisti ta' merkanzija jew servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli oħrajn, meta dawk it-tranżazzjonijiet huma għall-benefiċċju dirett tal-vjaġġatur. L-għan tad-deroga mitluba mid-Danimarka huwa li tistabbilixxi regola li tiddetermina l-kost tat-trasport tal-passiġġieri li jrid jitqies fil-kalkolu tal-marġni ta’ profitt tal-aġent tal-ivvjaġġar, f’każ li jkun hemm partijiet fil-katina tat-tranżazzjonijiet li huma marbuta mill-qrib. Dan il-kost ikun il-pagament li rċeviet l-aħħar kumpanija fil-katina li mhijiex marbuta mill-qrib mal-aġent tal-ivvjaġġar.
2. L-ISKEMA GĦALL-AĠENT TAL-IVVJAĠĠAR
Din l-iskema speċjali tal-VAT, stipulata fl-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva tal-VAT, ġiet introdotta minħabba n-natura speċjali tal-industrija. Is-servizzi offruti mill-aġenti tal-ivvjaġġar normalment jikkonsistu f’pakkett ta’ servizzi, b’mod partikolari t-trasport u l-akkomodazzjoni miksuba minn partijiet terzi. Dawn il-pakketti mbagħad jinbiegħu mill-aġenti tal-ivvjaġġar, f’isimhom stess, lill-klijenti tagħhom. Dawk huma ċirkustanzi fejn huwa partikolarment diffiċli li jiġu applikati r-regoli normali fuq il-post tat-tassazzjoni, l-ammont taxxabbli u t-tnaqqis tat-taxxa fuq ix-xiri minħabba l-kumplessità u l-post fejn ikunu qed jiġu pprovduti s-servizzi.
Skont l-Artikolu 307 tad-Direttiva tal-VAT, it-tranżazzjonijiet kollha mwettqa minn aġent tal-ivvjaġġar fir-rigward ta’ vjaġġ jitqiesu bħala servizz uniku. L-ammont taxxabbli huwa l-marġni ta’ profitt magħmul mill-aġent tal-ivvjaġġar fuq il-provvista ta’ pakkett tal-ivvjaġġar u għalhekk l-aġent tal-ivvjaġġar mhuwiex intitolat li jnaqqas il-VAT fuq ix-xiri. Il-post tat-tassazzjoni għall-provvista tal-aġent tal-ivvjaġġar huwa l-post fejn ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss li minnu jipprovdi s-servizz uniku jew, fin-nuqqas ta’ dan, il-post fejn ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment jirrisjedi.
L-iskema speċjali tal-VAT għandha żewġ għanijiet:
(a) li tissimplifika l-applikazzjoni tar-regoli tal-VAT tal-UE għal dawn il-provvisti, b’mod partikolari sabiex aġent tal-ivvjaġġar jevita li jkollu jirreġistra għal skopijiet ta’ VAT f’kull wieħed mill-Istati Membri fejn ikunu qed jitwettqu s-servizzi akkwistati minnu;
(b) li tiżgura li d-dħul mill-VAT imur għand l-Istat Membru fejn isir il-konsum finali ta’ kull komponent individwali tal-provvista unika, li d-dħul mill-VAT fuq is-servizzi li jkunu tgawdew matul il-vjaġġ, bħal lukandi, ristoranti jew trasport, imur għand l-Istat Membru li fih il-vjaġġatur jirċievi s-servizz u li l-VAT fuq il-marġni tal-aġent tal-ivvjaġġar tirritorna fl-Istat Membru fejn l-aġent tal-ivvjaġġar huwa stabbilit.
3. IT-TALBA
Id-Danimarka titlob, skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, jawtorizzaha biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 308 tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont taxxabbli li jrid jiġi applikat skont l-iskema speċjali għall-aġenti tal-ivvjaġġar meta l-partijiet li jintervjenu fit-tranżazzjonijiet miksuba mill-aġent tal-ivvjaġġar ikunu marbuta mill-qrib. F’dawn il-każijiet, il-kost tat-trasport tal-passiġġieri li jrid jitqies fil-kalkolu tal-marġni ta’ profitt tal-aġent tal-ivvjaġġar mhux suppost ikun il-pagament lill-persuna taxxabbli li hija marbuta mill-qrib, iżda jrid ikun il-pagament li rċeviet l-aħħar kumpanija fil-katina tat-tranżazzjonijiet li mhijiex marbuta mill-qrib mal-aġent tal-ivvjaġġar.
Id-Danimarka ssostni li l-introduzzjoni tal-miżura ta’ deroga hija neċessarja biex tiġġieled kontra l-frodi fis-settur tal-aġenti tal-ivjaġġar. Diversi aġenziji tal-ivvjaġġar naqqsu l-pagament tal-VAT tagħhom billi stabbilew sussidjarji li jixtru l-biljetti tal-ajru mingħand il-linji tal-ajru, u wara dawn jinbiegħu lill-aġenzija tal-ivvjaġġar għal prezz artifiċjalment għoli. Dan iwassal għal tnaqqis fil-profitti għall-aġenzija tal-ivvjaġġar u, għalhekk, għal bażi taxxabbli iżgħar. Filwaqt li s-sussidjarja tikseb marġini ta’ profitt ogħla mis-soltu. Madankollu, fid-Danimarka x-xiri u l-bejgħ ta’ biljetti tal-ajru internazzjonali huma tranżazzjonijiet tat-trasport tal-passiġġieri b’rata żero. Għal din ir-raġuni, is-sussidjarja ma jkollhiex VAT x’tiddikjara jew xi tħallas fuq dan ix-xiri u l-bejgħ.
L-Aġenzija tat-Taxxa Daniża tistma li t-telf tal-VAT minħabba din il-prattika żdied minn DKK 3,5 miljun fl-2014 għal DKK 25,0 miljun fl-2017. Wisq probabbli li dan it-telf se jkompli jiżdied matul is-snin li ġejjin. Barra minn hekk, din il-prattika abbużiva tagħti vantaġġ kompetittiv lil dawk l-aġenziji tal-ivvjaġġar li diġà jużawha, u ġġiegħel aġenziji tal-ivvjaġġar oħra jadottaw l-istess prattika abbużiva sabiex jibqgħu kompetittivi.
Billi tistabbilixxi li l-pagament li rċeviet l-aħħar kumpanija fil-katina tat-tranżazzjonijiet li mhuwiex marbut mill-qrib mal-aġent tal-ivvjaġġar, se jkun il-kost użat għall-kalkolu tal-marġini tal-aġent tal-ivvjaġġar, id-Danimarka se trażżan din il-prattika abbużiva li qed isseħħ fis-settur tal-aġenti tal-ivvjaġġar.
4. L-OPINJONI TAL-KUMMISSJONI
Meta l-Kummissjoni tirċievi talbiet skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, dawn jiġu eżaminati bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet bażiċi biex din id-deroga tintlaqa’ jkunu ssodisfati, jiġifieri, jekk il-miżura speċifika proposta tissimplifikax il-proċeduri għall-persuni taxxabbli u/jew l-amministrazzjoni tat-taxxa jew jekk il-proposta tipprevjenix ċerti tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni minn dejjem adottat approċċ ristrett u kawt biex tiżgura li d-derogi ma jdgħajfux it-tħaddim tas-sistema ġenerali tal-VAT, u li dawn id-derogi jkollhom kamp ta’ applikazzjoni limitat u jkunu meħtieġa u proporzjonati.
Għalhekk, kwalunkwe deroga mir-regoli stabbiliti tal-iskema għall-aġenti tal-ivvjaġġar tista’ tkun biss l-aħħar għażla u miżura ta’ emerġenza, u trid toffri garanziji dwar il-ħtieġa u n-natura eċċezzjonali tad-deroga mogħtija.
Minn din it-talba jirriżulta li l-miżura għandha l-għan li tindirizza l-prattika abbużiva ta’ tnaqqis ta’ marġni li sservi bħala bażi taxxabbli għat-tranżazzjonijiet koperti mill-iskema speċjali għall-aġenziji tal-ivvjaġġar. Dan it-tnaqqis huwa kkawżat mill-fatt li l-provvista ta’ biljetti tal-ajru internazzjonali ssir b’rata żero fid-Danimarka u għalhekk l-ebda VAT ma hija ddikjarata jew imħallsa fuq dawk il-provvisti. Fi kliem ieħor, dawn il-provvisti ma jkunux koperti mill-iskema speċjali għall-aġenziji tal-ivvjaġġar fid-Danimarka. Is-servizzi tal-Kummissjoni ma jaqblux mal-valutazzjoni li tali provvisti ma jkunux koperti mill-iskema speċjali għall-aġenti tal-ivvjaġġar u, għalhekk, jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni applikabbli għat-trasport tal-passiġġieri.
Il-QĠUE fil-kawża Madgett and Baldwin 2 , iddikjarat li r-raġunijiet sottostanti tal-iskema speċjali għall-aġenti tal-ivvjaġġar u għall-operaturi turistiċi huma validi b’mod ugwali meta n-negozjant ma jkunx aġent tal-ivvjaġġar jew operatur turistiku skont it-tifsira normali ta’ dawk it-termini, iżda jwettaq tranżazzjonijiet identiċi fil-kuntest ta’ attività oħra, bħal dik ta’ lukandier. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva tal-VAT (issa l-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva tal-VAT) bħala wieħed li japplika biss għan-negozjanti li huma aġenti tal-ivvjaġġar jew operaturi turistiċi skont it-tifsira normali ta’ dawk it-termini, tfisser li servizzi identiċi jibdew jaqgħu taħt dispożizzjonijiet differenti skont il-klassifikazzjoni formali tan-negozjant.
Barra minn hekk, il-QĠUE fil-kawża ta’ Alpenchalets Resorts 3 , iddeċidiet li s-sempliċi provvista minn aġent tal-ivvjaġġar ta’ akkomodazzjoni għall-vaganzi mikrija mingħand persuni taxxabbli oħra, jew tali provvista ta’ villeġġjatura flimkien mal-provvista ta’ servizzi anċillari addizzjonali, irrispettivament mill-importanza ta’ dawk is-servizzi anċillari, kollha jammontaw għal servizz uniku kopert mill-iskema speċjali għall-aġenti tal-ivvjaġġar.
Għandu jiġi nnutat li l-QĠUE fil-kawżi Il-Kummissjoni vs Spanja 4 u Il-Kummissjoni vs il-Ġermanja 5 , iddikjarat li l-iskema speċjali tapplika mhux biss għal servizzi pprovduti direttament lill-vjaġġatur iżda wkoll għal servizzi pprovduti lil kwalunkwe klijent, inklużi t-tranżazzjonijiet bejn negozju u ieħor.
Għalhekk, is-sempliċi provvista ta’ biljetti tal-ajru minn aġent tal-ivvjaġġar jew operatur turistiku hija koperta mill-iskema speċjali għall-aġenti tal-ivvjaġġar. Meta tali tranżazzjoni titwettaq minn persuna taxxabbli minbarra aġent tal-ivvjaġġar jew operatur turistiku, bħal fil-każ ta’ sussidjarja tal-aġent tal-ivvjaġġar, din tkun koperta wkoll mill-iskema speċjali għall-aġenti tal-ivvjaġġar. Il-fatt li l-klijent mhuwiex vjaġġatur ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-iskema speċjali.
Il-QĠUE ddikjarat ukoll fil-kawża Alpenchalets Resorts, li t-tranżazzjonijiet li jsiru minn aġent tal-ivvjaġġar fir-rigward ta’ vjaġġ jitqiesu, għall-finijiet tat-trattament tat-taxxa tagħhom, bħala servizz uniku pprovdut mill-aġent tal-ivvjaġġar lill-vjaġġatur. Dan ifisser li peress li s-servizz għall-provvista ta’ villeġġjatura huwa kopert mill-iskema speċjali għall-aġenziji tal-ivvjaġġar, it-trattament tat-taxxa tiegħu mhuwiex soġġett għar-regoli applikabbli għall-provvista ta’ villeġġjatura, iżda huwa ddeterminat mill-iskema speċjali stabbilita mid-Direttiva tal-VAT dwar is-servizzi uniċi pprovduti mill-aġenzija tal-ivvjaġġar.
Għalhekk, il-provvista ta’ biljetti tal-ajru mill-kumpanija sussidjarja, minħabba li huma diġà koperti mill-iskema tal-aġenti tal-ivvjaġġar, ma jistgħux jitqiesu bħala trasport tal-passiġġieri b’rata żero. Dik il-provvista tiġi ntaxxata skont dik l-iskema, li jimplika l-applikazzjoni tar-rata standard u d-determinazzjoni tal-ammont taxxabbli skont l-Artikolu 308 tad-Direttiva tal-VAT.
Meta qieset dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li deroga li tippermetti li l-ammont taxxabbli skont l-iskema għall-aġent tal-ivvjaġġar, jiġi kkalkulat mill-aġent tal-ivvjaġġar li jrid jibbaża l-kost tiegħu fuq il-pagament li rċeviet l-aħħar kumpanija fil-katina tat-tranżazzjonijiet li mhumiex marbuta mill-qrib mal-aġenzija tal-ivvjaġġar, mhijiex meqjusa bħala soluzzjoni xierqa biex jiġu indirizzati prattiki abbużivi f’dan is-settur.
Minflok, id-Danimarka għandha tiżgura li d-dispożizzjonijiet tal-iskema għall-aġenti tal-ivvjaġġar jiġu applikati wkoll għal tranżazzjonijiet imwettqa minn sussidjarji li jaġixxu bħala intermedjarji.
B’mod aktar ġenerali, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li bħalissa qiegħda tevalwa l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-iskema speċjali għall-aġenti tal-ivvjaġġar fl-Istati Membri 6 . Konsultazzjoni pubblika online se tkun tat opportunità lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, lin-negozji u lill-pubbliku ġenerali biex jikkontribwixxu għal din l-evalwazzjoni.
5. KONKLUŻJONI
Abbażi tal-elementi msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni toġġezzjona għat-talba tad-Danimarka.