Brussell, 3.4.2020

COM(2020) 147 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar in-nefqa tal-FAEG
































Sistema ta' Twissija Bikrija Nru 1-3/2020


Werrej

1.Il-proċedura tal-baġit tal-FAEG tal-2020

2.Id-dħul assenjat għall-FAEG

3.Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG għall-2020

3.1.    Il-miżuri tas-suq    

3.1.1.    Iż-żejt taż-żebbuġa    

3.1.2.    Il-promozzjoni    

3.1.3.    Il-frott u l-ħxejjex    

3.1.4.    Il-prodotti tas-settur vinikolu    

3.2.    Il-pagamenti diretti    

3.2.1.    Il-pagamenti diretti diżakkoppjati    

3.2.2.    Il-pagamenti diretti l-oħrajn    

4.L-implimentazzjoni tad-dħul assenjat għall-FAEG

5.Konklużjonijiet

Anness 1:

Konsum provviżorju tal-approprjazzjonijiet tal-FAEG sal-31/01/2020

1.Il-proċedura tal-baġit tal-FAEG tal-2020

Fis-27 ta’ Novembru 2019, il-Parlament Ewropew adotta l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2020. Għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), il-baġit kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament ta’ EUR 43 410 miljun u EUR 43 380 miljun rispettivament għall-pagamenti diretti u għan-nefqa relatata mas-suq.

Ir-raġuni għall-ammonti differenti għaż-żewġ tipi ta’ approprjazzjonijiet hija l-użu ta’ approprjazzjonijiet differenzjati għal ċerti miżuri implimentati direttament mill-Kummissjoni. Dawn huma prinċipalment relatati ma’ miżuri ta’ promozzjoni għal prodotti agrikoli u ma’ miżuri ta’ strateġija politika u ta’ koordinazzjoni.

2.Id-dħul assenjat għall-FAEG

Abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, id-dħul li joriġina minn korrezzjonijiet finanzjarji skont deċiżjonijiet dwar il-kontabbiltà u l-approvazzjoni tal-konformità, kif ukoll minn irregolaritajiet, jikkostitwixxi dħul assenjat għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG.

Skont dawn id-dispożizzjonijiet, id-dħul assenjat jista’ jkopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ kwalunkwe nefqa tal-FAEG. Kwalunkwe parti minn dan id-dħul li tibqa’ ma tintużax matul is-sena baġitarja tiġi riportata awtomatikament għas-sena baġitarja ta’ wara 1 .

Il-baġit tal-FAEG tal-2020 jinkludi:

·l-aħħar stimi tal-Kummissjoni tal-finanzjament meħtieġ għall-miżuri tas-suq u għall-pagamenti diretti,

·l-istimi tad-dħul assenjat li jrid jinġabar tul is-sena baġitarja,

·u r-riport tal-bilanċ tad-dħul assenjat li jkun fadal mis-sena baġitarja ta’ qabel.

Fil-proposta tagħha għall-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG tal-2020, il-Kummissjoni qieset id-dħul assenjat totali mistenni u, għall-baġit tal-2020, talbet livell ta’ approprjazzjonijiet ikkalkulat billi l-istima tad-dħul assenjat titnaqqas mill-istima tal-ħtiġijiet. L-Awtorità tal-Baġit adottat il-baġit tal-FAEG filwaqt li qieset id-dħul assenjat mistenni.

Meta ġie stabbilit il-baġit tal-2020, l-istimi tal-Kummissjoni għad-dħul assenjat disponibbli kienu jammontaw għal EUR 1 071 miljun, li kienu magħmulin minn dawn li ġejjin:

·id-dħul assenjat li mistenni jiġi ġġenerat matul is-sena baġitarja tal-2020, li huwa stmat li jammonta għal EUR 719 miljun (EUR 592 miljun mill-korrezzjonijiet tal-approvazzjoni tal-konformità, u EUR 127 miljun mill-irregolaritajiet);

·id-dħul assenjat li jrid jiġi riportat mill-2019, li kien stmat għal EUR 352 miljun.

Il-Kummissjoni assenjat dan id-dħul stmat ta’ EUR 1 071 miljun għall-iskemi li ġejjin, kif ġej:

·EUR 150 miljun ġew assenjati għall-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix; u

·EUR 921 miljun ġew assenjati għall-iskema ta’ pagament bażiku.

It-total tal-approprjazzjonijiet ivvutati u tad-dħul assenjat għal dawn l-iskemi jikkorrispondi għal:

·EUR 849 miljun għall-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix, u

·EUR 17 038 miljun għall-iskema ta’ pagament bażiku.

Fl-anness, li jippreżenta l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit għall-2020, iċ-ċifri tal-approprjazzjonijiet baġitarji fil-livell tal-artikoli għall-frott u l-ħxejjex u għall-pagamenti diretti diżakkoppjati, ma jqisux id-dħul assenjat imsemmi hawn fuq. Dawn jippreżentaw approprjazzjonijiet ivvutati għal dawn l-artikoli li jammontaw għal EUR 700.5 miljun u EUR 34 574 miljun rispettivament.

Wara li jiġi inkluż id-dħul assenjat għal dawn l-artikoli, l-ammonti totali previsti fil-baġit tal-2020 huma ta’ EUR 850.5 miljun għas-settur tal-frott u tal-ħaxix u ta’ EUR 35 495 miljun għall-pagamenti diretti diżakkoppjati.

3.Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG għall-2020

L-anness għal dan ir-rapport jippreżenta l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit għall-perjodu bejn is-16 ta’ Ottubru 2019 u l-31 ta’ Jannar 2020. It-tqabbil qed isir bejn il-livell ta’ implimentazzjoni u l-profil tan-nefqa tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija (STB) li ġiet stabbilita f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

3.1.Il-miżuri tas-suq

L-użu tal-approprjazzjonijiet għall-interventi fis-swieq agrikoli kien aktar baxx mill-approprjazzjonijiet b’EUR 164 miljun milli mistenni bl-użu tal-profil tal-konsum. Dan huwa prinċipalment spjegat mill-użu aktar baxx tal-approprjazzjonijiet fl-artikolu baġitarju għall-promozzjoni tal-prodotti agrikoli (ara l-punt 3.1.2).

3.1.1.Iż-żejt taż-żebbuġa

In-nefqa magħmula għall-programmi ta’ titjib tal-kwalità kienet ta’ kważi EUR 4 miljun inqas milli kien mistenni fl-aħħar ta’ Jannar skont il-profil tan-nefqa.

Madankollu, huwa mistenni li l-ammont ibbaġitjat jiġi implimentat sa tmiem is-sena.

3.1.2.Il-promozzjoni

Peress illi ma kienx għadu sar l-impenn tal-approprjazzjonijiet tal-baġit għall-hekk imsejħa programmi “multipli” li inizjalment kienu mistennija f’Jannar, l-eżekuzzjoni baġitarja temporanjament qed turi differenza ta’ EUR -108 miljun meta mqabbla mal-profil tan-nefqa.

3.1.3.Il-frott u l-ħxejjex

L-eżekuzzjoni f’dan is-settur tinsab fit-triq it-tajba, b’nefqa ddikjarata ta’ madwar EUR 7 miljun aktar mill-profil.

3.1.4.Il-prodotti tas-settur vinikolu

Għal dan l-artikolu tal-baġit, in-nefqa ddikjarata s’issa hija ta’ EUR -57 miljun inqas mill-profil tan-nefqa.

Id-diverġenza hija kkunsidrata temporanja u l-ammont ibbaġitjat mistenni jiġi implimentat lejn tmiem is-sena.

3.2.Il-pagamenti diretti 

L-użu tal-approprjazzjonijiet għall-pagamenti diretti huwa konformi mal-profil tal-konsum u jaqbżuh b’madwar EUR 358 miljun.

3.2.1.Il-pagamenti diretti diżakkoppjati

In-nefqa ddikjarata hija ta’ EUR 277 miljun aktar mill-profil (+0.8% punti perċentwali).

In-nefqa għall-Iskema ta’ pagament bażiku u għall-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja kienet kemxejn ogħla milli mistenni skont il-profil tal-konsum, filwaqt li kienu kemxejn inqas milli mistenni għall-Pagament għal prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent.

3.2.2.Il-pagamenti diretti l-oħrajn

In-nefqa ddikjarata hija EUR 81 miljun aktar mill-profil (+1.4 % punti perċentwali): in-nefqa għall-Iskema ta’ appoġġ akkoppjat volontarju u għall-Iskema għall-bdiewa żgħar kienet kemxejn ogħla minn dik ikkalkulata skont il-profil tal-konsum.

4.L-implimentazzjoni tad-dħul assenjat għall-FAEG

It-tabella fl-anness turi li sal-aħħar ta’ Jannar 2020 kien inġabar dħul assenjat li jammonta għal EUR 64.5 miljun. Speċifikament:

·id-dħul mill-korrezzjonijiet ibbażati fuq deċiżjonijiet dwar il-kontabbilità u l-approvazzjoni tal-konformità kien jammonta għal EUR 1.4 miljun, b’ammonti aktar sinifikanti mistennija li jinġabru matul is-sena baġitarja;

·id-dħul mill-irregolaritajiet kien jammonta għal EUR 62.5 miljun, b’xi ammonti addizzjonali mistennija sa tmiem is-sena baġitarja, u

·xi dħul li kien għad fadal jinġabar mill-imposta fuq il-ħalib li kien jammonta għal EUR 0.6 miljun.

Fl-aħħar nett, l-ammont ta’ dħul assenjat eventwalment riportat mill-2019 għall-2020 kien jammonta għal EUR 348 miljun, li huwa kważi EUR 4 miljun inqas milli mistenni meta ġie adottat il-baġit għall-2020.

Għalhekk, l-ammont totali tad-dħul assenjat disponibbli fil-31 ta’ Jannar 2020 għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG kien ta’ EUR 412.7 miljun, b’ammonti addizzjonali mistennija jinġabru matul is-sena baġitarja.

5.Konklużjonijiet

L-implimentazzjoni proviżorja tal-approprjazzjonijiet baġitarji tal-FAEG tal-2020 għall-perjodu sal-31 ta’ Jannar 2020, turi li r-rimborżi ta’ kull xahar lill-Istati Membri huma ogħla mill-profil tal-konsum ikkalkulat b’EUR 183.9 miljun.

Ammont ta’ EUR 412.7 miljun ta’ dħul assenjat huwa diġà disponibbli, u huwa mistenni l-ġbir ta’ ammonti addizzjonali matul is-sena baġitarja.

Fil-preżent, il-Kummissjoni tistenna li l-approprjazzjonijiet ivvotati flimkien mal-ammont tad-dħul assenjat li se jkunu disponibbli sa tmiem is-sena baġitarja se jkunu biżżejjed biex ikopru n-nefqa kollha.

(1)

   L-Artikolu 12(4)(b) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, jiddetermina li l-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għad-dħul assenjat intern jistgħu jiġi riportati biss għas-sena finanzjarja ta’ wara. Għalhekk, fl-interessi ta’ ġestjoni soda tal-baġit, dan id-dħul assenjat ġeneralment jintuża l-ewwel, qabel kull approprjazzjoni vvutata tal-artikolu tal-baġit ikkonċernat.


Brussell, 3.4.2020

COM(2020) 147 final

ANNESS

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar in-nefqa tal-FAEG
















Sistema ta' Twissija Bikrija Nru 1-3/2020


ANNESS