Brussell, 23.3.2020

COM(2020) 104 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT







dwar l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar sħubija strateġika aktar b'saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE














1. Introduzzjoni 

Dan ir-rapport janalizza l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni “Sħubija strateġika aktar b’saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea” (il-Komunikazzjoni) 1 .

Ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE - Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique, Mayotte, il-Gżira ta’ Reunion u Saint-Martin (Franza), l-Azores u Madeira (il-Portugall) u l-Gżejjer Kanarji (Spanja) - jiffaċċjaw restrizzjonijiet permanenti marbuta mal-periferiċità, id-daqs żgħir, il-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima u l-insularità tagħhom 2 , li jrażżnu t-tkabbir u l-iżvilupp tagħhom. Huwa f’dan il-kuntest li t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 349 tat-TFUE), jipprevedi miżuri speċifiċi biex jiġu appoġġati r-reġjuni ultraperiferiċi, inklużi kundizzjonijiet imfassla apposta għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dawn ir-reġjuni u għall-aċċess għall-programmi tal-UE.

Mifruxa madwar l-Oċean Atlantiku, il-baċin tal-Karibew, l-Amerika Latina u l-Oċean Indjan, ir-reġjuni ultraperiferiċi jipprovdu lill-UE b’assi uniċi: bijodiversità rikka, pożizzjoni strateġika għal attivitajiet spazjali u astrofiżiċi, żoni ekonomiċi marittimi estensivi, prossimità għal kontinenti oħrajn.

F’Ottubru 2017, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li ssaħħaħ is-sħubija mar-reġjuni ultraperiferiċi u l-Istati Membri rispettivi u li ssaħħaħ l-impenn tagħha li tappoġġa lil dawn ir-reġjuni fi triqithom lejn it-tkabbir. F’April 2018, il-Kunsill laqa’ l-Komunikazzjoni b’sodisfazzjon u stieden lill-Kummissjoni biex tkompli taħdem fuq miżuri speċifiċi għal dawn ir-reġjuni f’konformità mal-Artikolu 349 tat-TFUE 3 .

Dan ir-rapport jippreżenta l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni, mir-reġjuni ultraperiferiċi u mill-Istati Membri rispettivi fis-setturi stabbiliti fil-Komunikazzjoni 4 ; huwa jenfasizza l-kisbiet 5 ; u jissuġġerixxi li l-isforzi jiġu ffokati fuq l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-bijodiversità, l-introduzzjoni ta’ ekonomija ċirkolari u l-għoti ta’ spinta lill-enerġija rinnovabbli. Dawn huma sfidi ewlenin għal dawn ir-reġjuni kif rikonoxxuti fl-inizjattiva ewlenija “Patt Ekoloġiku Ewropew”, 6 li tenfasizza li l-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lir-reġjuni ultraperiferiċi, filwaqt li tqis il-vulnerabbiltà tagħhom għat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali u l-assi uniċi tagħhom bħall-bijodiversità u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Ir-rapport jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jissaħħu l-isforzi f’setturi ewlenin oħrajn bħall-ekonomija blu u l-konnettività.

Governanza ġdida bbażata fuq sħubija soda

Sa mill-2017, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qieset sistematikament it-tħassib u l-interessi tar-reġjuni ultraperiferiċi fit-tfassil tal-politika.

Fl-2018, il-Kummissjoni inkludiet l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-21 proposta għall-programmi tal-UE 2021-2027 f’firxa wiesgħa ta’ setturi, inklużi l-koeżjoni, l-agrikoltura, is-sajd, ir-riċerka, l-ambjent, it-trasport u l-konnettività diġitali, kif ukoll il-kooperazzjoni internazzjonali. Bħala tali, il-Kummissjoni ħolqot opportunitajiet ġodda u żgurat dispożizzjonijiet apposta għal dawn ir-reġjuni fil-parti l-kbira tal-programmi tal-UE.

Fl-2019, il-Kummissjoni rrakkomandat li Franza, il-Portugall u Spanja jinvestu fondi tal-politika ta’ koeżjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi tagħhom f’setturi ewlenin bħall-ekonomija ċirkolari, il-konnettività, il-ħiliet u t-tluq bikri mill-iskola fil-kuntest tar-rapporti tal-pajjiżi tas-Semestru Ewropew. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-Kunsill jistiednu lil dawn l-Istati Membri biex jużaw il-fondi ta’ koeżjoni, filwaqt li jqisu d-disparitajiet reġjonali u s-sitwazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi. Ir-rapporti tal-pajjiżi rispettivi tal-2020 jenfasizzaw ukoll l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi.

Il-Kummissjoni analizzat l-impatt possibbli tal-ftehimiet kummerċjali li qed jiġu nnegozjati fuq is-setturi ekonomiċi ewlenin tar-reġjuni ultraperiferiċi 7 . B’riżultat ta’ dan, il-ftehim politiku tal-2019 dwar il-parti kummerċjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur fih klawżola ta’ salvagwardja biex tiġi protetta l-produzzjoni lokali tar-reġjuni ultraperiferiċi. L-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi qed jiġu analizzati fir-rieżami li għaddej tal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u tar-reġimi ta’ tassazzjoni speċjali ta’ dawn ir-reġjuni.

Il-Kummissjoni kkonsultat mar-reġjuni ultraperiferiċi dwar il-ħtiġijiet tagħhom u pprovdiet appoġġ imfassal apposta, kif xieraq. Pereżempju, il-Kummissjoni kkonsultat mar-reġjuni ultraperiferiċi dwar il-ħtiġijiet tagħhom ta’ adattament għat-tibdil fil-klima u ħasbet biex dawn ikunu riflessi fis-sejħa għal proposti tal-programm LIFE 8 għall-2019. Hija organizzat ukoll żewġ avvenimenti biex tappoġġa lil dawn ir-reġjuni fit-tfassil ta’ strateġiji dwar it-tkabbir blu 9 . Ir-reġjuni ultraperiferiċi żiedu l-isforzi tagħhom biex jesprimu l-interessi tagħhom billi kkontribwew b’madwar 30 reazzjoni għall-konsultazzjonijiet pubbliċi. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni waslet għand in-nies tar-reġjuni ultraperiferiċi permezz ta’ djalogi maċ-ċittadini: f’Martinique u fil-Gżejjer Kanarji fl-2018, fl-Azores u f’Madeira fl-2019.

Il-fondi tal-UE għall-koeżjoni, l-agrikoltura, is-sajd u l-politika marittima skjeraw mezzi sinifikanti biex jappoġġaw l-investiment lokali li jsaħħaħ is-sħubija mar-reġjuni ultraperiferiċi u l-Istati Membri rispettivi, b’mod partikolari l-kompetittività tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, l-ambjent u l-konnettività 10 . L-appoġġ minn dawk il-fondi jammonta għal aktar minn EUR 13-il biljun għall-perjodu 2014-2020.

Il-Kummissjoni waqqfet żewġ task forces iddedikati għall-għoti ta’ appoġġ lill-Gżira ta’ Reunion dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija u lill-Gżejjer Kanarji dwar l-immaniġġjar tal-iskart, li jlaqqgħu flimkien is-servizzi tal-Kummissjoni mal-partijiet ikkonċernati reġjonali u nazzjonali.

L-Uffiċċju tal-istatistika tal-UE (Eurostat) żviluppa paġna tal-internet dwar id-data tar-reġjuni ultraperiferiċi 11 . Fl-2019, il-Kummissjoni nediet studju biex ittejjeb id-data u l-għarfien għall-ġestjoni sostenibbli tas-sajd u l-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut f’dawn ir-reġjuni. L-uffiċċju tal-istatistika ta’ Franza qed jikkoopera ma’ Saint-Martin u Sint-Maarten biex jiġbor data lokali. L-Uffiċċju tal-istatistika tal-Portugall qed jaħdem ma’ Madeira u l-Azores dwar data tal-agrikoltura, il-baħar u t-trasport; l-Azores qed itejbu d-data dwar l-ekonomija blu u l-Gżejjer Kanarji qed itejbu d-data dwar il-produzzjoni lokali.

Il-Kummissjoni irrikonoxxiet il-preokkupazzjonijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi f’għadd bla preċedent ta’ inizjattivi tal-UE u r-reġjuni rdoppjaw l-isforzi biex jipprovdu kontribut għat-tfassil tal-politika. Hemm spazju biex jiġi esplorat aktar il-potenzjal tat-task forces. Il-ġbir tad-data fil-livell tar-reġjuni ultraperiferiċi huwa meħtieġ biex jappoġġa t-tfassil tal-politika adattat għal dawn ir-reġjuni.



2. Nibnu fuq l-assi tar-reġjuni ultraperiferiċi

Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-assi tar-reġjuni ultraperiferiċi – inklużi l-ekonomija blu, il-bijodiversità, is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli – u tressaq azzjoni biex jiġu żviluppati opportunitajiet f’dawn is-setturi bl-għan li jiġi appoġġat it-tkabbir.

L-ekonomija blu

Il-Kummissjoni saħħet il-qafas ġuridiku u finanzjarju biex issaħħaħ l-ekonomija blu fir-reġjuni ultraperiferiċi, filwaqt li żgurat il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi u l-ekosistemi tal-baħar. Fl-2018, il-Kummissjoni rrevediet il-linji gwida tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippermetti l-appoġġ pubbliku għall-akkwist ta’ bastimenti tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi taħt sett ta’ kundizzjonijiet immirati biex jiggarantixxu sajd sostenibbli.

Il-Kummissjoni pproponiet ukoll miżuri speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi fil-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd 2021-2027, inkluż baġit allokat għal dawn ir-reġjuni kemm għall-investimenti strutturali kif ukoll għall-kumpens ta’ spejjeż addizzjonali. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li kull Stat Membru jiżviluppa pjan ta’ azzjoni li jindirizza l-isfidi relatati mas-sajd u mal-ekonomija blu sostenibbli fir-reġjuni ultraperiferiċi tiegħu.

Fl-2019, il-Kummissjoni ħolqot Kunsill Konsultattiv għar-Reġjuni Ultraperiferiċi biex jikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati minn dawn ir-reġjuni dwar kwistjonijiet relatati mas-sajd u żgurat li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u Mercosur jimpenja lill-partijiet biex jiġġieldu s-sajd illegali. Fir-rigward tal-kapaċità tal-flotta, fl-2019 il-Kummissjoni ppreżentat evalwazzjoni tal-iskema ta’ “Dħul/Ħruġ” skont il-Politika Komuni tas-Sajd. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Patt Ekoloġiku ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni enfasizzat ir-rwol ċentrali tal-ekonomija blu fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima u ħabbret l-intenzjoni tagħha li tipproponi modi kif l-ispazju marittimu jiġi ġestit b’mod aktar sostenibbli.

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-Oċeani filwaqt li enfasizza l-importanza tal-politiki Ewropej għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fl-appoġġ tal-ekonomija blu tar-reġjuni ultraperiferiċi, u l-vulnerabbiltà ta’ dawn ir-reġjuni għat-tibdil fil-klima li qed jaffettwa l-kosti, l-ekosistemi u l-bijodiversità tagħhom 12 .

Ir-reġjuni ultraperiferiċi qed isawru l-istrateġiji tal-ekonomija blu bl-għan li jiksbu użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u jippreservaw il-bijodiversità – il-progress huwa irregolari u jvarja fil-firxa u l-enfasi tiegħu. Xi reġjuni qed itejbu l-ippjanar spazjali marittimu għal użu aħjar tal-oċeani, b’mod partikolari l-Azores, Madeira, il-Gżejjer Kanarji u l-Gżira ta’ Reunion bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd. Ħafna reġjuni żviluppaw miżuri ta’ sostenn bħal strumenti finanzjarji għal operaturi fuq skala żgħira (linja ta’ kreditu ta’ Madeira għal intrapriżi żgħar, self tal-Guyana Franċiża lil operaturi żgħar; l-għajnuna ta’ Mayotte għall-akkwiżizzjoni ta’ bastimenti), u l-iżvilupp tal-ħiliet (Martinique, l-Azores, Madeira).

Ir-reġjuni ultraperiferiċi qed jinvestu aktar f’setturi emerġenti, bħall-monitoraġġ u l-esplorazzjoni ta’ spazji marittimi (l-Osservatorju Atlantiku tal-Azores), jew l-enerġija rinnovabbli tal-baħar (il-pjattaforma PLOCAN tal-Gżejjer Kanarji). Ir-reġjuni ultraperiferiċi kollha rawmu l-iżvilupp sostenibbli tas-sajd permezz tal-proġett ORFISH; u xi wħud qed jippromwovu t-turiżmu blu sostenibbli, pereżempju fil-Baħar tal-Karibew.

Sabiex jagħtu spinta lit-tkabbir blu, ir-reġjuni jeħtieġu strateġiji komprensivi u mfassla apposta għall-ekonomija blu li jinkludu setturi tradizzjonali u innovattivi. F’dan ir-rigward, l-iffokar fuq attivitajiet innovattivi, it-titjib tal-għarfien xjentifiku dwar is-sajd u ż-żoni tal-baħar u l-massimizzazzjoni tal-appoġġ nazzjonali u tal-UE huma importanti.

L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali 

Il-proposta tal-Kummissjoni għar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni 2021-2027 tipprovdi kundizzjonijiet u derogi speċifiċi li jirriflettu l-ħtiġijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi. Il-proposti jipprevedu li l-pjanijiet strateġiċi nazzjonali jqisu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi; u li dawn ir-reġjuni jibbenefikaw mir-rati massimi ta’ kofinanzjament taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali; u minn sett ta’ kundizzjonijiet favorevoli speċifiċi.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li tkompli l-iskema agrikola tal-UE POSEI għar-reġjuni ultraperiferiċi, biex b’hekk iżżomm il-pagamenti diretti lill-bdiewa f’dawn ir-reġjuni. Fl-2017-2019, l-iskema tal-POSEI appoġġat il-produzzjoni agrikola u l-impjiegi fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, iggarantixxiet il-provvista ta’ prodotti agrikoli magħżula lil dawn ir-reġjuni, u taffiet l-ispejjeż addizzjonali tat-trasport ta’ dawn il-prodotti.

Bl-appoġġ tal-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom kofinanzjati mill-UE, ir-reġjuni ultraperiferiċi għenu lill-bdiewa żgħażagħ ikabbru u jikkummerċjalizzaw prodotti bħall-avokado, il-banana, il-kannamieli taz-zokkor, u żviluppaw miżuri agroambjentali u inizjattivi ta’ 13 LEADER. Dawn il-miżuri jagħmlu enfasi qawwija fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-popolazzjoni rurali.

Bosta reġjuni ultraperiferiċi żviluppaw skemi ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli flimkien ma’ miżuri ta’ kummerċjalizzazzjoni. Oħrajn investew f’teknoloġiji agrikoli ġodda, bħal dawk għat-tkabbir ta’ pjanti u ħxejjex mingħajr ħamrija f’Saint-Martin, bl-użu ta’ inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod fl-Azores, u l-ittestjar tal-użu ta’ riżorsi organiċi fil-Guyana Franċiża. Il-gvern Franċiż qed jiżviluppa wkoll għodod għall-ġestjoni tar-riskji, pereżempju għall-produzzjoni tal-banana.

L-agrikoltura għadha settur ewlieni: l-iżgurar tal-kwalità u l-innovazzjoni fil-produzzjoni lokali, introjtu ġust għall-bdiewa u l-ottimizzazzjoni tal-għodod ta’ appoġġ huma l-isfidi ewlenin li jridu jingħelbu.

Il-bijodiversità

Sabiex tappoġġa lir-reġjuni ultraperiferiċi fil-preservazzjoni tal-bijodiversità unika tagħhom, fl-2019 il-Kummissjoni nediet sejħa għal proġetti mfassla għall-ħtiġijiet u l-kapaċità ta’ dawn ir-reġjuni (Life4BEST). Il-Kummissjoni pproponiet li l-programm LIFE 2021-2027 jappoġġa n-natura u l-bijodiversità fir-reġjuni ultraperiferiċi; u jagħti attenzjoni speċjali lil dawn ir-reġjuni fil-kriterji tal-għoti tiegħu. Barra minn hekk, il-proġetti tal-bijodiversità huma eliġibbli għall-finanzjament skont il-proposta tal-Kummissjoni għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2021-2027.

Il-Kummissjoni enfasizzat il-bijodiversità unika tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-Patt Ekoloġiku tagħha, li jippreżenta t-tibdil fil-klima bħala wieħed mill-ixprunaturi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità.

Franza intensifikat l-isforzi tagħha biex tappoġġa l-bijodiversità fir-reġjuni ultraperiferiċi tagħha bi pjan ta’ azzjoni ddedikat (2018). L-aġenzija Franċiża għall-bijodiversità qed tappoġġa aktar minn 80 proġett fir-reġjuni ultraperiferiċi. Il-Portugall iffinanzja proġetti biex jappoġġa r-riżervi tal-bijosfera fl-Azores u f’Madeira. Il-Guyana Franċiża, il-Gżira ta’ Reunion, Guadeloupe u Mayotte qed jistabbilixxu aġenziji reġjonali tal-bijodiversità. Martinique nediet programm biex tippreserva u tagħti valur lill-bijodiversità (2019), filwaqt li l-Gżira ta’ Reunion u l-Azores qed jipproteġu l-ħabitats lokali u l-ispeċijiet endemiċi b’appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 14 u l-programm LIFE.

Barra minn hekk, ir-reġjuni ultraperiferiċi żiedu l-kooperazzjoni tagħhom dwar il-bijodiversità ma’ Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej jew pajjiżi terzi taħt il-programmi Interreg.

Ir-reġjuni ultraperiferiċi jospitaw sehem importanti mill-bijodiversità tal-UE li tikkostitwixxi wieħed mill-assi ewlenin tagħhom. Huma meħtieġa sforzi sostnuti u kkoordinati fil-politiki kollha sabiex tiġi ppreservata l-bijodiversità ta’ dawn ir-reġjuni, filwaqt li jiġi esplorat il-potenzjal tagħha.

L-ekonomija ċirkolari

Il-Kummissjoni kellha fil-mira tagħha b’mod speċifiku r-reġjuni ultraperiferiċi fil-programm ta’ ħidma LIFE 2018-2020. L-immaniġġjar tal-iskart f’dawn ir-reġjuni huwa fost it-temi ta’ dan il-programm ta’ ħidma. Barra minn hekk, fuq talba tal-Gżejjer Kanarji u bl-appoġġ ta’ Spanja, il-Kummissjoni waqqfet task force biex tidentifika l-ostakoli u tfassal soluzzjonijiet biex ittejjeb il-ġbir, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u t-traċċabbiltà tal-iskart fuq dawn il-gżejjer, billi tlaqqa’ flimkien l-amministrazzjonijiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jappoġġa t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari fil-perjodu 2021-2027.

Fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Ottubru 2019 dwar l-ekonomija ċirkolari, il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li titqies is-sitwazzjoni speċifika tar-reġjuni ultraperiferiċi u li tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta u inklużiva. Barra minn hekk, f’Marzu 2020 il-Kummissjoni adottat pjan ta’ azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari li jkopri ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodotti u jiffoka fuq setturi ta’ intensità għolja, li jenfasizza l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi.

Fl-2019, Franza ddikjarat l-intenzjoni li tagħmel progress lejn “skart żero” fit-territorji extra-Ewropej tagħha 15 . Ir-reġjuni Franċiżi qed jiżviluppaw pjanijiet reġjonali għall-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-iskart; l-Azores irrevedew il-pjan strateġiku reġjonali tagħhom għall-iskart.

Il-biċċa l-kbira tar-reġjuni ultraperiferiċi qed isawru pjanijiet ta’ azzjoni tal-ekonomija ċirkolari li jinkludu l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli, kif ukoll l-immaniġġjar tal-iskart. Diversi reġjuni żviluppaw proġetti biex jintroduċu mudelli tal-ekonomija ċirkolari, inaqqsu l-iskart u jeliminaw l-iskart tal-plastik. Fl-2018-2019, il-biċċa l-kbira tar-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi nedew sejħiet għal proġetti biex tiġi żviluppata ekonomija ċirkolari bl-appoġġ tal-aġenzija Franċiża għall-ambjent u l-enerġija. Pereżempju, il-Gżira ta’ Reunion implimentat 22 proġett relatati mal-ekonomija ċirkolari, li jvarjaw mid-disinn u t-tul tal-ħajja tal-prodotti għar-riċiklaġġ; Martinique ħolqot servizzi ta’ tiswija u organizzat kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar it-tnaqqis tal-iskart.

Ir-reġjuni ultraperiferiċi għandhom ħafna x’jiggwadanjaw mill-implimentazzjoni ta’ mudelli tal-ekonomija ċirkolari bħala kundizzjoni essenzjali għat-tkabbir sostenibbli. Huwa importanti li jitħaffu l-isforzi fuq l-immaniġġjar tal-iskart, b’mod partikolari fuq it-titjib taċ-ċirkolarità fl-immaniġġjar u t-trattament tal-iskart bijoloġiku u fit-tnaqqis tal-iskart permezz tal-użu mill-ġdid jew it-tiswija.

It-tibdil fil-klima

Fl-evalwazzjoni tagħha tal-2018 tal-istrateġija ta’ adattament tal-UE, il-Kummissjoni ssottolinjat il-ħtieġa li taqleb mill-ġenerazzjoni tal-għarfien għall-użu tiegħu biex tissawwar l-azzjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi. Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tadotta strateġija ambizzjuża tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima. Il-programm ta’ ħidma LIFE 2018-2020 jistabbilixxi speċifikament proġetti dwar it-tħejjija għal avvenimenti estremi tat-temp fir-reġjuni ultraperiferiċi. F’dan il-kuntest, LIFE qed jappoġġa lil Guadeloupe u lill-Guyana Franċiża fir-restawr tal-ekosistemi tagħhom biex jipproteġu t-territorji tagħhom kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima, bħaż-żieda fil-livell tal-baħar.

Il-Kummissjoni pproponiet ukoll it-tibdil fil-klima bħala waħda mill-prijoritajiet ta’ investiment tagħha fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2021-2027 16 . Il-Kummissjoni użat ukoll EUR 49 miljun mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tappoġġa r-rikostruzzjoni ta’ Saint-Martin u Guadeloupe li ntlaqtu severament mill-uragani Irma u Maria fl-2017. Dan il-fond ġie mmobbilizzat ukoll biex jappoġġa lill-Azores, li ntlaqtu mill-urugan Lorenzo f’Ottubru 2019 17 . 

Fl-2019, Franza ħatret delegat biex iħaffef il-miżuri preventivi u ta’ adattament fir-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi. F’Settembru 2019, l-Azores adottaw programm reġjonali dwar it-Tibdil fil-Klima, filwaqt li l-Gżejjer Kanarji waqqfu Osservatorju dwar it-Tibdil fil-Klima fl-2018.

Ir-reġjuni ultraperiferiċi huma partikolarment vulnerabbli għal avvenimenti klimatiċi severi marbuta mat-tibdil fil-klima. Hemm il-ħtieġa għal azzjoni sostnuta u kkoordinata fil-livelli kollha, fil-politiki kollha, li twassal l-investimenti għat-tisħiħ tal-kapaċità ta’ adattament, il-bini tar-reżiljenza, il-prevenzjoni u t-tħejjija għat-tibdil fil-klima.

L-enerġija 

L-UE adottat leġiżlazzjoni biex tappoġġa l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika. Pereżempju, id-Direttiva tal-2018 dwar l-Enerġija Rinnovabbli 18 – li għandha tiġi trasposta sa nofs l-2021 – tirrikonoxxi r-rwol tal-komunitajiet lokali fit-tranżizzjoni għall-enerġija nadifa, rwol partikolarment importanti f’territorji iżolati bħar-reġjuni ultraperiferiċi.

Fil-kuntest tal-inizjattiva “Enerġija nadifa għall-gżejjer tal-UE”, il-Kummissjoni qed tipprovdi pariri lil Guadeloupe, lill-Azores u lill-Gżejjer Kanarji dwar kif għandhom jiġu żviluppati strateġiji u proġetti dwar l-enerġija nadifa, u ppromwoviet l-għarfien tar-reġjuni ultraperiferiċi dwar l-enerġija rinnovabbli fil-forum annwali tal-inizjattiva fil-Gżejjer Kanarji fl-2018. Barra minn hekk, fl-2019, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ faċilità 19 , appoġġata minn Orizzont 2020, biex timmobbilizza mill-inqas EUR 100 miljun fi proġetti ta’ enerġija sostenibbli fil-gżejjer Ewropej, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi, u impenjat ruħha fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Patt Ekoloġiku li tiżviluppa qafas ta’ politika fit-tul biex titħaffef it-tranżizzjoni tal-gżejjer tal-UE, kif appoġġat mill-Istati Membri.

Mill-2021, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) mistennija tipprovdi opportunitajiet importanti għar-reġjuni ultraperiferiċi: rata preferenzjali għax-xogħlijiet marbuta mal-enerġija (u dawk diġitali u tat-trasport) u l-għoti ta’ attenzjoni speċjali fil-kriterji tal-għoti. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li tiffoka l-investimenti tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fil-perjodu 2021-2027 fuq il-miżuri tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha għal Ewropa aktar ekoloġika.

Fuq talba tal-Gżira ta’ Reunion, fl-2018 il-Kummissjoni waqqfet task force dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija b’rappreżentanti minn servizzi reġjonali u nazzjonali u mis-settur privat, li wasslet għal pjan ta’ azzjoni biex tittejjeb il-koordinazzjoni bejn inizjattivi differenti.

Fl-2019, Franza nediet sejħiet biex tappoġġa żoni li mhumiex konnessi mal-kontinent: aktar minn terz tal-baġit ta’ EUR 530 miljun huwa ddedikat għall-popolazzjonijiet fil-bżonn. Spanja tappoġġa t-taħriġ u t-tixrid tal-għarfien dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika fil-Gżejjer Kanarji.

Ir-reġjuni ultraperiferiċi nedew l-istrateġiji tagħhom stess biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u jżidu l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika. Huma żviluppaw ukoll proġetti b’finanzjament nazzjonali jew tal-UE, bħall-produzzjoni tal-elettriku mix-xemx jew mill-bijomassa (Martinique, Guadeloupe, il-Guyana Franċiża) u l-grilji żgħar intelliġenti (il-Gżira ta’ Reunion). Ħafna reġjuni ultraperiferiċi investew fil-mobbiltà elettrika. Sa mill-2017, il-Gżejjer Kanarji żiedu b’aktar mid-doppju l-ammont ta’ ħin li matulu l-Gżira ta’ El Hierro qed tuża enerġija 100% rinnovabbli.

Minħabba d-dipendenza tar-reġjuni ultraperiferiċi fuq il-fjuwils fossili importati, huma meħtieġa sforzi sostnuti biex tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni tal-enerġija, b’mod partikolari l-investiment fil-grilji intelliġenti u l-ħażna, f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, inkluża l-enerġija tal-baħar, f’soluzzjonijiet ta’ trasport nadif u fl-effiċjenza enerġetika li jikkontribwixxi għall-awtonomija tal-enerġija f’dawn ir-reġjuni remoti kif ukoll għan-newtralità tal-karbonju.

3. Insostnu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi

Il-Komunikazzjoni tressaq azzjoni biex jiġi sfruttat it-tkabbir fir-reġjuni ultraperiferiċi, inklużi l-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni, l-intraprenditorija, l-iżvilupp tal-ħiliet, kif ukoll il-konnessjonijiet diġitali u tat-trasport.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni

Sabiex tingħata spinta lill-potenzjal tar-riċerka tar-reġjuni ultraperiferiċi, il-Kummissjoni nediet sejħa ddedikata għal azzjoni ta’ koordinazzjoni u appoġġ taħt il-programm ta’ riċerka tal-UE Orizzont 2020. Dan irriżulta fil-proġett FORWARD li jlaqqa’ flimkien l-universitajiet, l-industrija, is-soċjetà ċivili u l-gvernijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi kollha biex jimmappjaw il-kapaċitajiet tar-riċerka tagħhom, jidentifikaw oqsma ta’ eċċellenza u jappoġġaw il-parteċipazzjoni tagħhom fi proġetti internazzjonali ta’ riċerka.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li l-programm tal-UE “Orizzont Ewropa” 2021-2027 jestendi l-azzjonijiet tiegħu ta’ “twessigħ tal-parteċipazzjoni u tixrid tal-eċċellenza” għar-reġjuni ultraperiferiċi. Barra minn hekk, fl-2021-2027, dawn ir-reġjuni jistgħu jibbenefikaw mill-istrument il-ġdid għal investimenti interreġjonali innovattivi fi ħdan il-kooperazzjoni territorjali Ewropea biex jipparteċipaw f’katini ta’ valur globali u jżidu r-rabtiet tagħhom ma’ reġjuni Ewropej oħra f’oqsma komuni ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti.

Il-biċċa l-kbira tar-reġjuni ultraperiferiċi qed jevalwaw l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom 20 biex jadattaw l-ekosistemi tal-innovazzjoni tagħhom għall-aktar setturi promettenti. L-Azores, Madeira u l-Gżejjer Kanarji qed isawru l-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni transreġjonali tal-Makaroneżja. Ir-reġjuni ultraperiferiċi żviluppaw inizjattivi biex irawmu l-integrazzjoni tal-atturi lokali fin-netwerks internazzjonali tar-riċerka u biex itejbu l-parteċipazzjoni tagħhom fir-riċerka ffinanzjata mill-UE (eż. il-Pjan tal-Azores għall-Internazzjonalizzazzjoni tax-Xjenza u t-Teknoloġija). Franza kompliet tagħmel ħilitha biex tagħti spinta lill-kapaċità tal-innovazzjoni tar-reġjuni tagħha bil-Pjan ta’ Investiment Kbir Franċiż għall-perjodu 2018-2022.

Is-setturi fil-mira jvarjaw skont ir-reġjuni. Xi reġjuni ffokaw fuq l-ekonomija blu, pereżempju bil-proġett Orizzont 2020 dwar l-impatti tat-tibdil fil-klima mit-trasport marittimu, it-turiżmu, l-enerġija u l-akkwakultura li jinvolvu r-reġjuni tal-Makaroneżja u tal-Karibew. Oħrajn investew fl-ispazju, pereżempju, l-Azores u l-Portugall bil-port spazjali internazzjonali l-ġdid u l-aġenzija spazjali Portugiża fuq il-gżira ta’ Santa Maria. Reġjuni oħrajn investew fit-tranżizzjoni tal-enerġija (l-azzjoni tal-Gżira ta’ Reunion u tal-Gżejjer Kanarji għad-dekarbonizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija), fuq il-kura tas-saħħa (Madeira, Guadeloupe); u fuq l-iżvilupp ta’ riżorsi agrikoli jew prodotti kożmetiċi bbażati fuq sustanzi naturali (il-Guyana Franċiża).

L-iżvilupp tal-potenzjal tar-riċerka u l-innovazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi huwa essenzjali biex tingħata spinta lit-tkabbir f’dawn ir-reġjuni. Iż-żieda tal-parteċipazzjoni tagħhom fin-netwerks internazzjonali tar-riċerka u l-ktajjen tal-valur globali kemm fl-Ewropa kif ukoll ma’ pajjiżi terzi tista’ tgħin lir-reġjuni ultraperiferiċi jsaħħu s-sistemi ta’ innovazzjoni tagħhom u joħolqu l-impjiegi.

L-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ 

Il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u tal-agrikoltura tal-UE qed jipprovdu appoġġ sostanzjali għall-iżvilupp soċjali fir-reġjuni ultraperiferiċi 21 .

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-Fond Soċjali Ewropew Plus 2021-2027 tissalvagwardja l-ogħla rati ta’ kofinanzjament għar-reġjuni ultraperiferiċi, tistabbilixxi allokazzjoni addizzjonali speċifika biex tappoġġa l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni f’dawn ir-reġjuni, u talloka 15 % tal-linja nazzjonali biex tappoġġa liż-żgħażagħ f’dawk ir-reġjuni ultraperiferiċi b’rata sinifikanti ta’ persuni li mhumiex f’impjieg, edukazzjoni jew taħriġ.

Fl-2018, il-Kummissjoni tejbet l-aċċess għall-mikrofinanzjament fir-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi billi żiedet il-garanzija tal-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali għal ADIE, li hija assoċjazzjoni li tappoġġa lill-imprendituri żgħar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kompliet iżżid l-allokazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għal Franza, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi tagħha, kif ukoll ir-riżorsi tal-Fond Soċjali Ewropew għal Spanja, inklużi l-Gżejjer Kanarji.

Fl-istess sena, fi ħdan Erasmus+, il-Kummissjoni żiedet l-għotja ta’ kull xahar għar-residenti tar-reġjuni ultraperiferiċi u l-għotjiet għall-ivvjaġġar għaċ-ċittadini ta’ Mayotte u tal-Gżira ta’ Reunion 22 . Il-Kummissjoni estendiet ukoll il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-Erasmus għaċ-ċittadini tar-reġjuni ultraperiferiċi għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Fil-proposta tagħha għal Erasmus 2021-2027, il-Kummissjoni impenjat ruħha li żżid il-parteċipazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fi skemi ta’ mobbiltà, inkluż ma’ pajjiżi ġirien, u li timmonitorja din il-parteċipazzjoni.

Franza rrevediet il-leġiżlazzjoni tagħha 23 bl-għan li tiżviluppa kuntratti ta’ apprendistat ma’ pajjiżi terzi ġirien. Il-biċċa l-kbira tar-reġjuni ultraperiferiċi – Martinique, il-Gżira ta’ Reunion, l-Azores, Madeira, il-Gżejjer Kanarji – żviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni biex itejbu l-intraprenditorija fi ħdan il-proġett ta’ Interreg GROWRUP immirat lejn il-persuni qiegħda fis-setturi tal-ekonomija blu u ekoloġika. Il-Guyana Franċiża ħolqot lawrja ta’ baċellerat professjonali fl-istudji ajruspazjali; il-Gżira ta’ Reunion qed tinvesti fl-università reġjonali tagħha; l-Azores nedew diversi inizjattivi biex jippromwovu l-impjieg taż-żgħażagħ.

It-titjib tal-ħiliet, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, huwa essenzjali biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u biex tissaħħaħ l-impjegabbiltà taċ-ċittadini. Aktar investiment fil-mobbiltà internazzjonali jtejjeb il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien u jappoġġa l-integrazzjoni reġjonali.

Il-kompetittività, l-intraprenditorija u s-suq uniku 

Il-politika ta’ koeżjoni u l-politika tal-agrikoltura tal-UE jipprovdu appoġġ sostanzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-SMEs fir-reġjuni ultraperiferiċi 24 .

Sabiex jittejjeb l-aċċess ta’ dawn ir-reġjuni għall-finanzjament, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti analizza s-sitwazzjoni ta’ kull reġjun u ppropona modi biex jiġi mmassimizzat l-appoġġ finanzjarju, inkluż mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi 25 . Il-Kummissjoni rawmet diskussjonijiet mal-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali u mal-istituzzjonijiet finanzjarji dwar is-soluzzjonijiet proposti u inkoraġġiet l-implimentazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni għall-programm InvestEU tħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw il-fallimenti tas-suq fir-reġjuni ultraperiferiċi, bl-użu tal-programm biex jattiraw l-investiment privat u jżidu l-ingranaġġ tal-finanzjament.

Fl-2019, il-Kummissjoni nediet sejħa għall-proposti taħt Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ, li tħeġġeġ lill-applikanti jinkludu entitajiet mir-reġjuni ultraperiferiċi. B’riżultat ta’ dan, l-ewwel punt ta’ kuntatt f’Martinique qed jappoġġa lill-imprendituri lokali. Il-proposta tal-Kummissjoni għall-Programm tas-Suq Uniku 2021-2027 tenfasizza wkoll il-ħtieġa li r-reġjuni ultraperiferiċi jiġu integrati aħjar fis-suq intern. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jkompli jipprovdi allokazzjoni speċifika biex tpaċi l-ispejjeż addizzjonali li jiffaċċjaw l-intrapriżi li jinsabu f’dawn ir-reġjuni. L-appoġġ min-Netwerk Enterprise Europe huwa disponibbli fl-Azores, f’Madeira, fil-Gżejjer Kanarji, f’Martinique, fi Guadeloupe u fil-Gżira ta’ Reunion.

Franza appoġġat lill-kumpaniji tar-reġjuni ultraperiferiċi bi skemi fiskali jew kundizzjonijiet ta’ finanzjament speċifiċi. Il-Gżejjer Kanarji u Martinique fasslu strateġiji għall-internazzjonalizzazzjoni. Xi reġjuni intensifikaw ir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ pajjiżi terzi ġirien. Pereżempju, Guadeloupe appoġġat lin-negozji biex jesportaw lejn l-Istati Uniti; il-Gżira ta’ Reunion ħolqot servizz biex tappoġġa lil negozji ġodda fil-Mozambique u strumenti finanzjarji għall-SMEs appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Mayotte u l-Gżira ta’ Reunion qed jistabbilixxu t-Teknopoli.

Huma meħtieġa sforzi akbar fil-livelli kollha biex titjieb l-intraprenditorija u biex tingħata spinta lill-kompetittività f’setturi b’potenzjal għoli, bħall-bijodiversità u l-ekonomija blu.

L-aċċessibbiltà diġitali 

Fl-2017, il-Kummissjoni nediet in-netwerk tal-UE ta’ uffiċċji ta’ kompetenza fil-broadband biex tappoġġa lill-Istati Membri u lir-reġjuni fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji biex il-broadband jinġieb f’żoni li mhumiex servuti minn skjerament kummerċjali. Il-Kummissjoni ħeġġet il-parteċipazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi f’dan in-netwerk u rrakkomandat li l-Istati Membri jappoġġaw l-involviment tagħhom. Il-Kummissjoni approvat ukoll żewġ proġetti ewlenin għal netwerks tal-broadband b’veloċità għolja fil-Gżira ta’ Reunion (2018) u f’Martinique (2019), li għandhom jiġu appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Fil-proposta tagħha għall-programm tal-Ewropa Diġitali 2021-2027, il-Kummissjoni pprevediet entitajiet diġitali speċifiċi fir-reġjuni ultraperiferiċi u identifikat dawn ir-reġjuni fil-kriterji tal-għoti. Barra minn hekk, taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2021-2027, proġetti li jappoġġaw netwerks ċentrali ġodda jew aġġornati, inklużi kejbils taħt il-baħar bejn l-Istati Membri u bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, se jkunu eliġibbli għall-appoġġ. Barra minn hekk, il-lista indikattiva ta’ proġetti ta’ infrastruttura ta’ konnettività diġitali ta’ interess komuni li jakkumpanjaw il-proposta tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 26 kif modifikata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill 27 tinkludi kejbil ġdid taħt il-baħar li jgħaqqad lil Madeira, l-Azores u l-Portugall kontinentali. Il-proġetti tal-konnettività diġitali fir-reġjuni ultraperiferiċi jistgħu jibbenefikaw minn rata ogħla ta’ kofinanzjament.

Franza żiedet il-ħiliet diġitali billi investiet fiċ-ċentri tal-edukazzjoni, filwaqt li Madeira u l-Gżejjer Kanarji żviluppaw korsijiet ġodda. Fl-2019, il-Portugall ħoloq grupp ta’ ħidma biex iħejji s-sostituzzjoni tal-kejbils ta’ taħt il-baħar bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi tiegħu u l-kontinent. Barra minn hekk, Madeira u l-Guyana Franċiża ppjanaw li jikkonnettjaw mal-kejbil ta’ taħt il-baħar li jgħaqqad lill-Portugall mal-Brażil b’appoġġ mill-UE ta’ EUR 26,5 miljun.

Iż-żieda tad-diġitalizzazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi abbażi ta’ konnettività tajba mal-UE u ma’ pajjiżi terzi hija importanti biex tippermetti lil dawn ir-reġjuni jieħdu vantaġġ mis-suq uniku diġitali u jagħmlu n-negozju internazzjonalment. In-netwerk ta’ uffiċċji ta’ kompetenza fil-broadband jista’ jgħin lir-reġjuni ultraperiferiċi jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jimplimentaw proġetti f’dan is-settur permezz ta’ skambju ta’ prattiki tajbin u appoġġ tekniku.

It-trasport 

Il-Kummissjoni pproponiet dispożizzjonijiet speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi fil-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2021-2027: ix-xogħlijiet tat-trasport, bħall-konnessjonijiet mal-ajruporti, mal-portijiet u man-nodi urbani f’dawn ir-reġjuni huma eliġibbli għal finanzjament u jistgħu jibbenefikaw minn rata ogħla ta’ kofinanzjament.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li, bħala eċċezzjoni, ir-reġjuni ultraperiferiċi jistgħu jużaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2021-2027 biex jinvestu fl-infrastruttura tal-ajruporti. Fl-2019, il-Kummissjoni pprovdiet ukoll lir-reġjuni ultraperiferiċi b’analiżi tal-ħtiġijiet ta’ konnettività tagħhom, filwaqt li identifikat l-infrastruttura potenzjali u l-proġetti relatati mas-servizzi. 

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tipproponi rieżami tal-linji gwida tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport fl-2021, u li tanalizza t-tħassib speċifiku tar-reġjuni ultraperiferiċi f’dan il-kuntest. Fl-aħħar nett, il-Bank Ewropew tal-Investiment investa EUR 100 miljun u EUR 60 miljun, rispettivament, fl-ajruporti tal-Gżira ta’ Reunion u ta’ Guadeloupe b’appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi.

Ir-reġjuni ultraperiferiċi komplew itejbu l-infrastruttura interna tat-trasport bit-triq u dak marittimu bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Dan jinkludi t-titjib tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq u l-iżvilupp tat-trasport pubbliku f’Madeira, fil-Guyana Franċiża u f’Mayotte; u t-titjib tal-aċċessibbiltà ta’ diversi gżejjer fl-Azores. Barra minn hekk, il-Guyana Franċiża qed tistabbilixxi rotot ġodda tat-trasport marittimu ma’ pajjiżi terzi u Guadeloupe qed tistabbilixxi konnessjoni ġdida ta’ titjiriet mal-Istati Uniti.

Huma meħtieġa sforzi sostnuti fil-livelli reġjonali, nazzjonali u tal-UE biex tiġi appoġġata l-konnettività fir-reġjuni ultraperiferiċi. F’dan ir-rigward, huwa importanti li titfassal sensiela b’saħħitha ta’ proġetti u li jiġi ottimizzat l-appoġġ disponibbli.

4. Żieda tal-kooperazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi mal-viċinat tagħhom u lil hinn minnu

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea 2021-27 għandha l-għan li tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-ġirien tagħhom b’baġit delimitat u regoli flessibbli dwar il-kooperazzjoni allinjati mal-istrument ta’ finanzjament estern. F’dan il-kuntest, ir-reġjuni ultraperiferiċi skambjaw prattiki tajbin biex jiffaċilitaw proġetti konġunti fl-2019 u stabbilixxew pjattaformi komuni li jinvolvu programmi esterni.

L-UE nediet negozjati mal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku dwar il-ftehim ta’ wara Cotonou, b’mandat ta’ negozjar li jinkludi l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati t-tħassib u s-sitwazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi. Dan il-ftehim huwa importanti fit-tiswir tal-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet globali bħall-governanza tal-oċeani.

Fl-2019, Guadeloupe saret membru tal-Organizzazzjoni tal-Istati tal-Karibew tal-Lvant u Saint-Martin talbet li ssir osservatur. Il-Guyana Franċiża nediet studju dwar l-ostakoli li jiffaċċjaw il-kumpaniji lokali, filwaqt li Martinique u l-Gżira ta’ Reunion appoġġaw l-internazzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi lokali u l-Gżira ta’ Reunion u Mayotte appoġġaw il-mobbiltà tal-istudenti lejn pajjiżi terzi. Ir-reġjuni ultraperiferiċi pparteċipaw fi proġetti ta’ kooperazzjoni reġjonali mal-ġirien tagħhom, pereżempju dwar it-trasport, is-saħħa, it-turiżmu blu, il-ħiliet. Ir-reġjuni tal-Makaroneżja saħħew il-kooperazzjoni ma’ Cabo Verde, mal-Mawritanja u mas-Senegal permezz tal-proġett Hexagone taħt il-programm ta’ kooperazzjoni territorjali tagħhom. Fl-2018 u fl-2019, il-pajjiżi tal-Baħar tal-Karibew, flimkien mar-reġjuni ultraperiferiċi fiż-żona, wettqu eżerċizzju konġunt biex jittestjaw is-Sistema ta’ Twissija Bikrija tat-Tsunami.

Xi reġjuni ultraperiferiċi qed jiffaċċjaw sfidi soċjoekonomiċi importanti minħabba l-migrazzjoni. F’dan il-kuntest, il-programmi nazzjonali appoġġati permezz ta’ diversi Fondi tal-UE jinkludu għadd ta’ azzjonijiet iddedikati. Pereżempju, il-Fond tal-UE għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-Fond għas-Sigurtà Interna appoġġaw il-ġestjoni tat-talbiet għall-asil fil-Guyana Franċiża, l-iżvilupp tas- sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri fl-Azores u f’Madeira, u l-integrazzjoni tal-migranti fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol fil-Gżejjer Kanarji. Franza ħolqot servizzi speċjalizzati dwar il-migrazzjoni f’Mayotte. F’Madeira, il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni appoġġaw proġetti maħsuba biex jipprovdu l-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, is-sigurtà soċjali u l-akkomodazzjoni lil ċittadini mill-Venezwela. Fir-rigward tal-mobbiltà mal-ġirien, l-UE saħħet ir-relazzjonijiet mal-Marokk, kif ikkonfermat mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Marokk ta’ Ġunju 2019.

Il-bini tal-fiduċja fil-pajjiżi ġirien u l-iżvilupp ta’ prattiki komuni għall-qsim tar-riżorsi huma kruċjali biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet ġodda għall-kooperazzjoni. Pjattaformi li jinvolvu kemm il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali kif ukoll il-partijiet ikkonċernati tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp jistgħu jappoġġaw dan l-iskop. Il-ftehimiet ta’ sħubija dwar il-mobbiltà jistgħu jiffaċilitaw l-integrazzjoni reġjonali.

5. Konklużjonijiet

L-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2017 “Sħubija strateġika aktar b’saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE” tinsab fit-triq it-tajba. Fi ftit aktar minn sentejn, il-Komunikazzjoni wasslet għal riżultati pożittivi konkreti għar-reġjuni ultraperiferiċi.

Il-Kummissjoni wettqet l-impenji tagħha billi ħolqot opportunitajiet speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi f’firxa wiesgħa ta’ programmi tal-UE, billi adattat b’mod konsistenti l-leġiżlazzjoni, il-politiki u l-għodod tal-UE għall-ħtiġijiet u l-interessi tagħhom, u billi pprovdiet appoġġ imfassal apposta għal dawn ir-reġjuni. Huwa importanti li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw programmi tal-UE matul il-perjodu 2021-2027, li jipprovdu aċċess imfassal apposta u kundizzjonijiet speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi kif propost mill-Kummissjoni.

Ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-Istati Membri rispettivi taw sehemhom billi adottaw strateġiji reġjonali u nazzjonali u żviluppaw inizjattivi konkreti biex jimplimentaw il-Komunikazzjoni, u billi semmgħu leħinhom fit-tfassil tal-politika.

Meta jitqies il-progress li sar, l-implimentazzjoni sħiħa tal-Komunikazzjoni tirrikjedi li l-isforzi jitħaffu u jiġu ffokati, fil-livelli kollha, fuq setturi ewlenin: l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-bijodiversità, l-introduzzjoni ta’ ekonomija ċirkolari u l-bidla lejn enerġija rinnovabbli. L-investiment f’dawn is-setturi huwa partikolarment importanti biex jiġi żgurat it-tkabbir sostenibbli f’dawn ir-reġjuni vulnerabbli, remoti u iżolati tal-UE. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lir-rwol tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-Patt Ekoloġiku, filwaqt li tqis il-vulnerabbiltajiet u l-assi tagħhom. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jikkostitwixxi sors importanti ta’ finanzjament għall-investiment f’dawn is-setturi.

Barra minn hekk, hemm bżonn li jissoktaw l-isforzi biex tkompli tiġi żviluppata l-ekonomija blu u tittejjeb il-konnettività fir-reġjuni ultraperiferiċi. L-investiment fuq il-ħiliet jibqa’ fattur ewlieni biex jappoġġa l-ħolqien tal-impjiegi u l-intraprenditorija fis-setturi kollha.

Sħubija robusta u kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea, ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-Istati Membri rispettivi jibqgħu kruċjali għall-iżvilupp tal-potenzjal ta’ dawn ir-reġjuni remoti u għall-appoġġ għat-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija ekoloġika li tqiegħed lin-nies l-ewwel. Filwaqt li s-sitwazzjoni ta’ kull reġjun ultraperiferiku tvarja b’mod konsiderevoli, għad hemm ħafna xi jsir biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn dawn ir-reġjuni u l-kontinent Ewropew.

L-ilħuq tar-reġjuni ultraperiferiċi jikkontribwixxi għall-bini ta’ Unjoni Ewropea inklużiva li ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura. Min-naħa l-oħra, ir-reġjuni ultraperiferiċi, bl-assi uniċi tagħhom, jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti lejn Unjoni Ewropea aktar ekoloġika, newtrali għall-klima u sostenibbli.

(1)

COM(2017) 623 final.

(2)

Ir-reġjuni ultraperiferiċi huma l-gżejjer jew l-arċipelagi kollha, ħlief il-Guyana Franċiża li tinsab fl-Amerika Latina

(3)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali ta’ April 2018.

(4)

Ir-rapport ikopri azzjonijiet mill-adozzjoni tal-Komunikazzjoni ‘l hawn.

(5)

L-Annessi jippreżentaw l-azzjonijiet meħuda minn kull reġjun ultraperiferiku u l-Istat Membru rispettiv.

(6)

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew - il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2019) 640 final, 11.12.2019.

(7)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/13 dwar id-direttivi ta’ negozjar ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika mal-pajjiżi u r-reġjuni Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku tiddikjara li dawn il-ftehimiet “jipprevedu miżuri speċifiċi favur prodotti minn dawn ir-reġjuni , immirati lejn l-integrazzjoni tagħhom fil-kummerċ intrareġjonali”.

(8)

L’Instrument Financier pour l’Environnement.

(9)

Il-Forum tar-Reġjuni Ultraperiferiċi għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fl-2018 u l-2019.

(10)

  https://cohesiondata.ec.europa.eu/2014-2020/2014-2020-RUPs-OR-EU-planned-investment/8gwq-ke5u

(11)

Ir-reġjuni u l-bliet spjegati: https://ec.europa.eu/eurostat/cache/RCI/#?vis=outermost.economy&lang=en

(12)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Oċeani u l-Ibħra tat-19 ta’ Novembru 2019.

(13)

Il-Programm LEADER: Liaison entre actions de développement de l’économie rurale (“Ir-rabta bejn l-azzjonijiet tal-iżvilupp u l-ekonomija rurali”).

(14)

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali alloka aktar minn EUR 54 miljun għall-bijodiversità fir-reġjuni ultraperiferiċi fil-perjodu 2014-2020.

(15)

Trajectoire outre-mer 5.0.

(16)

L-appoġġ totali mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali ppjanat għat-tibdil fil-klima fir-reġjuni ultraperiferiċi kollha fil-perjodu 2014-2020 huwa ta’ madwar EUR 1,1 biljun.

(17)

F’Diċembru 2019 tħallas avvanz fuq l-assistenza mistennija mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea.

(18)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(19)

https://www.nesoi.eu/

(20)

L-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti biex jappoġġaw lir-reġjuni u lill-Istati Membri fit-tranżizzjoni ekonomika tagħhom hija prekundizzjoni biex huma jibbenefikaw mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej fil-perjodu 2014-2020.

(21)

 Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali flimkien allokaw aktar minn EUR 3 biljun biex jappoġġaw l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u l-impjiegi fir-reġjuni ultraperiferiċi fil-perjodu 2014-2020.    
https://cohesiondata.ec.europa.eu/2014-2020/2014-2020-RUPs-OR-EU-planned-investment/8gwq-ke5u

(22)

Permezz tal-ħolqien ta’ għotjiet eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għal residenti li jivvjaġġaw minn aktar minn 8 000 km bogħod.

(23)

“Loi relative à la liberté de choisir son avenir professionnel”, 5.9.2018.

(24)

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali qed jikkoffinanzjaw proġetti maħsuba biex jappoġġaw il-kompetittività tal-SMEs fir-reġjuni ultraperiferiċi b’valur ta’ EUR 1,5 biljun fil-perjodu 2014-2020

  https://cohesiondata.ec.europa.eu/2014-2020/2014-2020-RUPs-OR-EU-planned-investment/8gwq-ke5u

(25)

https://ec.europa.eu/regional_policy/sources/policy/themes/outermost-regions/pdf/rup_2019/invest_platform_feasibillity_study_en.pdf

(26)

Il-Parti V tal-Anness tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - COM(2018) 438 final.

(27)

 Trilogu dwar ir-Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fis-7 ta’ Marzu 2019.


Brussell, 23.3.2020

COM(2020) 104 final

ANNESS

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT

dwar l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar sħubija strateġika aktar b'saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE


Werrej

1.    Franza    

2.    Guadeloupe    

3.    Il-Guyana Franċiża    

4.    Martinique    

5.    Il-Gżira ta’ Reunion    

6.    Saint-Martin    

7.    Mayotte    

8.    Il-Portugall    

9.    L-Azores    

10.    Madeira    

11.    Spanja    

12.    Il-Gżejjer Kanarji    



1.Franza

Minħabba l-organizzazzjoni istituzzjonali tagħha, Franza tistabbilixxi oqfsa strateġiċi għall-politiki pubbliċi f’ħafna setturi koperti mill-Komunikazzjoni dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi fil-livelli lokali u nazzjonali.

·Adottat “Blue book” għar-reġjuni ultraperiferiċi ta’ Franza u għall-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej f’Ġunju 2018, wara konsultazzjonijiet fl-2017.

·Nediet it-trajettorja Overseas 5.0 f’April 2019 immirata lejn żero karbonju, żero skart, żero inkwinant agrikolu, żero esklużjoni, żero vulnerabbiltà.

·Qed ittejjeb il-ġbir tad-data fir-reġjuni ultraperiferiċi, b’mod partikolari f’Mayotte, u qed tikkoopera mal-awtoritajiet ta’ Saint Martin biex tissodisfa l-ħtiġijiet speċifiċi tat-territorju.

L-ekonomija blu

·Qed tikkoopera mar-reġjuni u l-partijiet ikkonċernati lokali biex tiffinalizza, sal-2020, dokument strateġiku għal kull baċir tal-baħar bħala parti mill-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali tal-2017 għall-baħar u l-kosta biex tappoġġa t-“tkabbir blu” u tipproteġi l-ambjent tal-baħar.

Il-bijodiversità

·F’Lulju 2018, adottat pjan ta’ azzjoni biex tissaħħaħ il-konservazzjoni tal-bijodiversità.

·Qed torganizza l-Kungress Dinji għall-konservazzjoni f’Marsilja (Ġunju 2020) li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni mar-reġjuni Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku biex tippromwovi objettivi komuni fi ħdan ftehimiet internazzjonali dwar kwistjonijiet bħall-konservazzjoni tas-sikek tal-qroll.

·Qed tippjana li tibgħat rappreżentanti tal-Uffiċċju Franċiż għall-Bijodiversità fir-reġjuni ultraperiferiċi ta’ Franza biex jikkooperaw mal-aġenziji lokali għall-bijodiversità.

·F’April 2019, waqqfet servizz nazzjonali inkarigat mill-proġetti ekonomiċi li jippromwovu l-bijodiversità fil-Guyana Franċiża.

L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali

·Qed timplimenta l-fond mutwu dwar il-ġestjoni tar-riskju fl-agrikoltura għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss 2021-2027 kif ippjanat fil-liġi dwar l-ugwaljanza reali fil-livell extra-Ewropew 1 .

·Qed tiddiskuti l-għodod għall-ġestjoni tar-riskju mal-assiguraturi biex ikopru b’mod speċifiku l-għelejjel tal-banana sal-aħħar tal-perjodu ta’ programmazzjoni attwali.

It-tibdil fil-klima

·Adottat it-tieni Pjan Nazzjonali ta’ Adattament għat-Tibdil fil-Klima (Diċembru 2018) li jidentifika l-isfidi f’territorji extra-Ewropej, b’mod partikolari dwar il-ġbir tad-data, il-bijodiversità u l-preservazzjoni tar-riżorsi naturali, it-turiżmu u l-lievi finanzjarji.

·Ħatret delegat interdipartimentali għal riskji kbar fit-territorji extra-Ewropej f’April 2019.

L-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ

·Mexxiet u ppubblikat studju dwar il-mobbiltà tar-residenti extra-Ewropej żgħażagħ li jidentifika l-atturi ewlenin u l-iskemi ta’ mobbiltà f’Ġunju 2019.

·Introduċiet il-possibbiltà ta’ kuntratti tax-xogħol li jippermettu l-kisba ta’ kwalifiki professjonali ma’ Stati fil-viċinat tar-reġjuni ultraperiferiċi, kif stabbilit fil-liġi dwar il-libertà li persuna tagħżel il-futur professjonali tagħha 2 .

L-enerġija

·Qed taħdem mal-awtoritajiet lokali ta’ Guadeloupe, ta’ Martinique, tal-Guyana Franċiża, ta’ Mayotte u tal-Gżira ta’ Reunion dwar ir-reviżjoni tal-pjanijiet pluriennali tagħhom dwar l-enerġija.

·Iffirmat kuntratt ta’ tranżizzjoni ekoloġika biex tappoġġa t-trasformazzjoni ekoloġika fil-livell lokali fil-Gżira ta’ Reunion (April 2019) u fil-Guyana Franċiża (Lulju 2019).

·Ipprogrammat fl-2019 ammont ta’ EUR 530 miljun matul il-ħames snin li ġejjin għaż-żoni Franċiżi kollha li mhumiex interkonnessi mal-grilja kontinentali tal-elettriku biex tiġi kkontrollata d-domanda għall-enerġija: 35 % tal-għajnuna hija għall-konsumaturi f’sitwazzjonijiet prekarji, inkluż fir-reġjuni ultraperiferiċi.

L-ekonomija ċirkolari

·Ikkonkludiet studju dwar l-ottimizzazzjoni tal-fondi Ewropej għall-proġetti tal-immaniġġjar tal-iskart favur l-ekonomija ċirkolari fir-reġjuni ultraperiferiċi fi Frar 2020. 

Il-kompetittività, l-intraprenditorija u s-suq uniku

·Baxxiet il-limiti għall-proġetti ta’ innovazzjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi biex jinkiseb aċċess għall-appoġġ tal-finanzjament nazzjonali;  estendiet skema ta’ self għar-reġjuni ultraperiferiċi lil kumpaniji li għandhom inqas minn tliet snin, u tejbet il-kundizzjonijiet tal-finanzjament tagħha (Ġunju 2019). 

·Qed tippjana li tniedi sejħa għal espressjoni ta’ interess ta’ EUR 15-il miljun iddedikata għall-innovazzjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi u fil-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej fl-ewwel kwart tal-2020.

L-aċċessibbiltà diġitali

·Iffinanzjat 15-il ċentru tal-edukazzjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi tagħha biex jissaħħu l-ħiliet diġitali.

Il-kooperazzjoni mal-viċinat u lil hinn minnu

·Ippromulgat liġi li ssaħħaħ il-mezzi ta’ azzjoni tas-servizzi tal-Istat fir-rigward tal-kontroll tal-immigrazzjoni u l-ażil (Settembru 2018); f’April 2018, nediet pilota dwar l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil fil-Guyana Franċiża.

·Stabbilixxiet kwartieri ġenerali operattivi f’Mayotte u grupp ta’ investigazzjoni interdipartimentali li jispeċjalizza fl-aspetti finanzjarji tal-immigrazzjoni illegali.



2.Guadeloupe

Guadeloupe qed timxi ’l quddiem fl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi b’enfasi fuq l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika.

L-ekonomija blu

·F’Mejju 2019, inawgurat sit ta’ kostruzzjoni navali fil-Gżira ta’ Marie-Galante biex tipprovdi taħriġ fl-għarfien espert lokali bl-għan li tappoġġa s-sajd sostenibbli.

·Tmexxi l-proġett pilota ORFISH (2017-2019), li appoġġa l-iskambju ta’ għarfien dwar tekniki tas-sajd b’impatt baxx fost is-sajjieda mir-reġjuni ultraperiferiċi kollha u fittex li jtaffi l-pressjoni fuq ir-riżorsi tas-sajd kostali (b’kofinanzjament ta’ 90 % mill-UE).

L-agrikoltura

·Fl-2019 nediet proġett għall-promozzjoni u l-bejgħ ta’ spirti u prodotti agroalimentari fl-Istati Uniti bi sħubija ma’ kumpaniji tas-settur, Business France u l-Ministeru Franċiż għall-Affarijiet Barranin.

Il-bijodiversità

·Qed tistabbilixxi aġenzija reġjonali għall-bijodiversità.

L-ekonomija ċirkolari

·F’Ottubru 2018, nediet “pjan reġjonali ta’ żero skart sal-2035” biex jitnaqqsu l-iskart għal kull abitant u d-dipendenza fuq l-enerġija, u biex jinħolqu tmien punti ta’ ġbir tal-iskart.

·Appoġġat lil kumpaniji lokali bil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fit-trattament tal-iskart metalliku u tal-vetturi bil-ħsara kkawżati mill-uragani Irma u Maria.

L-enerġija

·F’Ġunju 2018, inawgurat stazzjonijiet tal-iċċarġjar tal-karozzi bbażati fuq l-enerġija mix-xemx biex tippromwovi l-użu tal-eċċess tal-enerġija mix-xemx.

·Nediet proġett ta’ installazzjoni fotovoltajka fiċ-ċentru tal-immaniġġjar tal-iskart fil-muniċipalità ta’ Sainte Rose (Marzu 2019) biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u tittejjeb l-effiċjenza enerġetika.

·Fi Frar 2019, ħolqot impjant tal-enerġija ġdid tat-tidwil pubbliku muniċipali, li mistenni jnaqqas il-konsum tal-enerġija b’75 %; tejbet it-tidwil pubbliku f’żewġ muniċipalitajiet bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni

·Installat reġistraturi tal-mewġ maħsuba biex itejbu l-prevenzjoni ta’ riskji naturali kbar assoċjati mal-baħar (Marzu 2019).

·F’Ġunju 2018, installat tagħmir ġdid għad-dijanjożi tal-kanċer u nediet l-ewwel ċentru għall-ġestjoni tad-dijanjożi tal-kanċer fil-Karibew.

It-trasport

·Fetħet konnessjoni tal-linji tal-ajru ġdida bejn Pointe-à-Pitre u New York fi Frar 2020 biex ittejjeb il-konnettività.

Il-kooperazzjoni mal-viċinat u lil hinn minnu

·Issieħbet mal-Organizzazzjoni tal-Istati tal-Karibew tal-Lvant fl-2019.

·Nediet proġett (“Ready Together”) għal koordinazzjoni aktar effiċjenti tal-għajnuna fil-każ ta’ diżastri naturali fil-Karibew.

3.Il-Guyana Franċiża

Il-Guyana Franċiża qed tagħmel progress b’pass kostanti fil-prijoritajiet tal-Komunikazzjoni b’enfasi fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-użu sostenibbli tar-riżorsi. Bħalissa, ħafna inizjattivi jinsabu fil-fażi tal-ippjanar.

L-ekonomija blu

·F’Diċembru 2019, żviluppat strateġija reġjonali tal-ekonomija blu.

·Ħolqot strument finanzjarju fil-forma ta’ skema ta’ self ta’ EUR 4,7 miljun għal operaturi żgħar, inkluż fis-settur tas-sajd.

·Ikkonvertiet proġett ta’ servizz ta’ konsulenza mmexxi mill-aġenzija għall-iżvilupp reġjonali u mill-awtorità lokali għas-sajjieda lokali f’servizz permanenti.

L-agrikoltura

·Iffinalizzat studju u bdiet tħejji proġett pilota sperimentali dwar il-biedja, immirat lejn l-implimentazzjoni ta’ stazzjonijiet tal-ittestjar biex jiġu żviluppati metodi għall-użu aħjar tar-riżorsi organiċi.

Il-bijodiversità

·Qed tistabbilixxi aġenzija reġjonali għall-bijodiversità.

L-ekonomija ċirkolari

·Qed tfassal pjan reġjonali għall-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-iskart bl-appoġġ tal-Aġenzija Franċiża għall-Ambjent u l-Ġestjoni tal-Enerġija (ADEME).

L-enerġija

·Qed tibni installazzjonijiet tal-elettriku ġodda bbażati fuq il-bijomassa biex tkopri domanda għall-enerġija ta’ 40 Megawatt sal-2023 u tlaħħaq mad-domanda dejjem tiżdied u mat-tkabbir demografiku.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni

·F’April 2018, organizzat forum għar-riċerka u l-innovazzjoni li laqqa’ flimkien partijiet ikkonċernati mill-awtoritajiet lokali u mis-setturi tar-riċerka u tan-negozju, biex jikkontribwixxu għar-rieżami li għaddej tal-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħha.

·Iffirmat ftehim ma’ raggruppament ta’ negozji Franċiżi tal-fwejjaħ u l-prodotti kożmetiċi biex tagħti spinta lir-riċerka lokali dwar is-sustanzi naturali tal-Guiana u tiżviluppa prodotti bbażati fuq ir-riżorsi tal-pjanti lokali, inkluża sħubija bejn iċ-ċentri universitarji (Novembru 2018).

L-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ

·Stabbilixxiet ftehim mal-istituzzjonijiet edukattivi tar-reġjun, AFMAé (assoċjazzjoni għat-taħriġ fl-avjazzjoni) u l-kumpanija ajruspazjali Ariane Group, biex jiġi żviluppat kors ta’ lawrja ta’ baċellerat fil-qasam tal-industrija ajruspazjali għall-2020.

·Nediet proġett mal-federazzjoni Franċiża ta’ dawk li jħaddmu, MEDEF, u mal-aġenzija nazzjonali tal-impjiegi, Pôle emploi, biex tqiegħed 300 żagħżugħ u żagħżugħa f’negozji lokali (2019); waqqfet punt ta’ kuntatt sabiex tagħti pariri lin-negozji lokali dwar l-integrazzjoni vokazzjonali.

L-aċċessibbiltà diġitali

·Qed tħejji t-tnedija ta’ kejbil taħt il-baħar li jgħaqqad il-Guyana Franċiża mal-kejbil tal-fibrottika taħt il-baħar ta’ EllaLink, li se jgħaqqad l-Ewropa u l-Amerika Latina fl-2020 u se jsir operazzjonali fl-2021, bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

·Qed tħejji miżuri biex tistabbilixxi r-reġjun bħala żona ta’ attività ekonomika għall-ħażna tad-data fuq servers (“Datacentre”).

·Qed tniedi l-broadband fi 17-il żona iżolata; u akkwistat bandwidth tas-satellita f’April 2019 biex tiffaċilita l-konnettività diġitali tal-iskejjel f’żoni remoti.

·Ħolqot 44 punt ta’ aċċess għan-netwerk f’Saint Laurent du Maroni (siti ta’ interess ekonomiku u żoni remoti), bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

It-trasport

·Qed tiżviluppa proġett fuq skala wiesgħa li joħloq korsiji riżervati għat-trasport pubbliku fil-belt kapitali ta’ Cayenne.

·Qed tistabbilixxi konnessjoni ġdida bil-laneċ bejn Saint Laurent du Maroni u Albina fis-Suriname bl-appoġġ ta’ Interreg.

Il-kooperazzjoni mal-viċinat u lil hinn minnu

·Nediet studju biex jiġu vvalutati l-ħtiġijiet tan-negozji lokali u miżuri biex jittejbu l-iskambji mal-viċinat.



4.Martinique

Martinique qed timplimenta l-Komunikazzjoni u qed tikseb riżultati f’oqsma bħall-ekonomija ċirkolari, l-enerġija, il-kompetittività, kif ukoll l-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

L-ekonomija blu

·Ipprogrammat studju tal-fattibbiltà fil-bidu tal-2020 dwar it-twaqqif ta’ Istitut tal-Akkwakultura.

·Ikkonfermat it-tnedija ta’ programmi ġodda ta’ taħriġ li jiffokaw fuq is-sajd u l-oqsma marbuta mal-ekonomija blu permezz ta’ ċentru tat-taħriġ vokazzjonali ddedikat (POLE MER).

Il-bijodiversità

·F’Ġunju 2019, iffirmat ftehim qafas bejn l-awtorità lokali, il-Park tar-Riżerva Naturali u l-awtoritajiet Franċiżi biex jiġi stabbilit programm ta’ preservazzjoni reġjonali u jittejjeb l-għarfien tar-riżerva naturali.

L-ekonomija ċirkolari

·Nediet konsultazzjoni pubblika u adottat (fl-aħħar tal-2019) pjan għall-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-iskart, biex twitti t-triq għal strateġija tal-ekonomija ċirkolari lokali.

·Bdiet kampanji ta’ informazzjoni kontra l-ħela tal-ikel fl-iskejjel lokali bl-għan li jiżdied l-għarfien tal-istudenti dwar is-sostenibbiltà.

·Fl-2018, nediet kampanja ta’ sensibilizzazzjoni bl-isem ta’ “Kaz Zéro gaspi” fil-qafas tal-ġimgħa ddedikata għall-konsum ekoloġiku.

·Qed twettaq 14-il proġett, inklużi studji dwar l-użu mill-ġdid ta’ utilitajiet mediċi u għamara, it-twaqqif ta’ faċilità mobbli li toffri servizzi ta’ tiswija (“Repair Truck”) u l-estensjoni ta’ faċilità ta’ servizz ta’ tiswija li toffri workshops (“Repair Café”).

L-enerġija

·Nediet proġett biex tappoġġa l-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi biex ittejjeb l-awtosuffiċjenza tal-enerġija fl-2017 u żewġ sejħiet għal proposti għall-kostruzzjoni ta’ bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija fl-2019.

·Qed tniedi netwerk ta’ tidwil pubbliku effiċjenti fl-użu tal-enerġija għall-iffrankar ta’ mill-inqas 30 % tal-elettriku sal-2020.

·Nediet programm ta’ ħames snin ta’ appoġġ għall-iffrankar tal-enerġija b’valur ta’ EUR 100 miljun, filwaqt li ffukat fuq madwar 60 azzjoni għall-iffrankar tal-konsum tal-elettriku (2019-2023).

·Fl-2019, waqqfet pjattaforma ta’ informazzjoni 3 dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija, inkluża informazzjoni dwar il-mobbiltà, l-enerġiji rinnovabbli, l-utilitajiet domestiċi u l-iżolament termali.

·Installat stazzjonijiet għar-riforniment tal-fjuwil b’100 % ta’ enerġija mix-xemx għall-vetturi elettriċi fil-qafas tal-proġett “Green Drive”.

·Tippjana li tuża gradwalment 250 stazzjon tal-iċċarġjar solari fil-qafas ta’ “Madin’ Drive”.

L-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ

·Organizzat kompetizzjoni għall-apprendisti fit-taħriġ vokazzjonali f’Marzu 2019.

·Organizzat fiera lokali tal-impjiegi u l-edukazzjoni ffokata fuq ir-reklutaġġ diġitali f’Ġunju 2019.

Il-kompetittività, l-intraprenditorija u s-Suq uniku

·Fl-2017, adottat l-Iskema Lokali għall-Iżvilupp Ekonomiku, l-Innovazzjoni u l-Internazzjonalizzazzjoni li tipprovdi finanzjament għat-titjib tal-produzzjoni, tal-prestazzjoni u tal-impjegabbiltà; waqqfet sħubija li tipprovdi servizzi ta’ informazzjoni lin-negozji.

·Fl-2018, bdiet forum annwali tan-negozju ta’ 3 ijiem imsejjaħ “OSE!”, biex tipprovdi opportunità ta’ netwerking għal negozji stabbiliti u gwida dwar il-bidu ta’ negozju.

L-aċċessibbiltà diġitali

·Qed tniedi fibrottika li tgħaqqad l-istituzzjonijiet edukattivi bl-appoġġ tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u n-netwerks tal-broadband b’veloċità għolja tal-fibrottika bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

·Uriet “villaġġ diġitali” fil-forum “OSE!” tal-2019 sabiex tippromwovi l-adozzjoni tad-diġitalizzazzjoni – pereżempju l-ipprintjar 3D – fost in-negozji lokali.

Il-kooperazzjoni mal-viċinat u lil hinn minnu

·Organizzat tliet Kunsilli tal-Ministri tal-Organizzazzjoni tal-Istati tal-Karibew tal-Lvant fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-ambjent.

·F’Jannar 2018, nediet il-proġett għat-Tisħiħ tal-Kummerċ għall-Karibew tal-Lvant (TEECA) biex tgħin lil 30 negozju lokali fl-esportazzjoni lejn l-Istati tal-Karibew.

·Ikkollaborat bħala sieħba fil-proġett Odyssea (Frar 2019) fil-qasam tal-ekonomija blu bl-għan li jissaħħu t-turiżmu blu u t-tkabbir fil-Karibew.

5.Il-Gżira ta’ Reunion

Il-Gżira Reunion qed tiffoka fuq ħafna setturi tal-Komunikazzjoni, b’mod partikolari l-ekonomija ċirkolari u blu, l-enerġija, ir-riċerka u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-viċinat.

L-ekonomija blu

·Nediet proġett ta’ ppjanar spazjali marittimu (2018-2020) fil-Lbiċ tal-baċir tal-Oċean Indjan (OCEAN MÉTISS) bi sħubija mal-Istat, mal-Kummissjoni tal-Oċean Indjan u mal-Kummissjoni Ewropea.

·F’Marzu 2019, waqqfet “Istitut Blu” biex tikkoordina u tfassal politiki pubbliċi fl-ekonomija blu.

L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali

·Qed tiżviluppa mudell agrikolu li jippromwovi l-produzzjoni lokali u jiżgura t-tranżizzjoni agroekoloġika (il-proġett AGRIPEI 2030).

Il-bijodiversità

·Ipprovdiet taħriġ u appoġġ għat-twaqqif ta’ proġetti b’finanzjament tal-UE minn LIFE u BEST fl-2018 u l-2019.

·Wettqet proġetti bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali biex tipproteġi speċijiet fil-periklu: l-ispeċijiet ta’ bugħadam u pjanti ta’ Maillard (il-proġett ESPECES).

L-ekonomija ċirkolari

·Fasslet pjan reġjonali għall-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-iskart mal-awtoritajiet lokali u tal-Istat, li jistabbilixxi objettivi reġjonali, pereżempju “żero skart” u li jiżgura l-koordinazzjoni.

·Żviluppat pjan ta’ azzjoni reġjonali dwar l-ekonomija ċirkolari biex tiddefinixxi l-viżjoni strateġika u l-miżuri konkreti biex jintlaħaq l-għan ta’ “żero skart”.

·Implimentat 22 proġett tal-ekonomija ċirkolari (Frar 2018 – Ġunju 2019), li jvarjaw mid-disinn u t-tul tal-ħajja tal-prodotti għar-riċiklaġġ.

·Qed tipparteċipa fil-proġett REPLACE (Awwissu 2019, iffinanzjat minn Interreg Europe), bl-għan li tiddefinixxi u timplimenta politiki għall-ekonomija ċirkolari.

L-enerġija

·Fi Frar 2018, waqqfet task force dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija flimkien mal-Istat u l-Kummissjoni Ewropea.

·Qed timplimenta żewġ proġetti bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali:

oSOLARPLEXUS, għad-disinn ta’ sistema innovattiva li tipprovdi lis-siti remoti b’aċċess għas-servizzi tal-elettriku, tal-ilma u tal-komunikazzjoni;

oMICRO-MAFATE NETWORK, li jesperimenta b’mikrogrilja tal-elettriku fiċ-ċirku ta’ Mafate, bl-għan li tinkiseb l-awtosuffiċjenza.

·Ilha twettaq xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni termali fi 18-il skola sekondarja mill-2018.

·Qed tiżviluppa vetturi sostenibbli bħal scooters elettriċi għall-mobbiltà urbana bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (il-Proġett VELOCE ta’ Marzu 2018).

Ir-riċerka u l-innovazzjoni

·Qed timplimenta l-proġett VALOBIO (appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Mejju 2019) bl-użu ta’ metodu innovattiv sabiex il-koprodotti ta’ ħut skartat li jintremew fil-baħar jiġu ttrasformati f’fertilizzanti organiċi likwidi għall-agrikoltura sostenibbli.

·F’April 2019, nediet il-valutazzjoni tal-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħha biex tanalizza l-potenzjal tar-reġjuni f’diversi oqsma u tidentifika swieq speċjalizzati ta’ interess strateġiku.

L-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ

·F’Novembru 2017, waqqfet il-proġett CAMPUS SUD bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, biex terġa’ tiġbor u testendi l-offerta tal-università reġjonali, kif ukoll toħloq teknopolu (il-proġett “Vallée Blanche”).

Il-kompetittività, l-intraprenditorija u s-suq uniku

·Ħolqot il-Fond “Financière Région Réunion” b’valur ta’ EUR 50 miljun (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Bank Ewropew tal-Investiment, ir-reġjun) maħsub biex jappoġġa lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) permezz ta’ self u strument ta’ ekwità privata. Minn Ġunju 2019, il-Fond iffinanzja 135 SME b’EUR 13-il miljun.

·Tipparteċipa fil-proġett REACT appoġġat minn ORIZZONT 2020 biex tiddekarbonizza s-sistemi tal-enerġija tal-gżira. 

L-aċċessibbiltà diġitali

·Qed tlesti t-tnedija tal-broadband, li permezz tagħha qed tistenna li tilħaq iż-żoni mhux koperti kollha sal-aħħar tal-2022, bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (proġett ewlieni fl-2019).

Il-kooperazzjoni mal-viċinat u lil hinn minnu 

·Qed timplimenta proġett (TIS AEDES OI, taħt Interreg) li jesplora teknika biex tiġi kkontrollata n-nemusa “tigre” tal-Aedes.

·Qed issaħħaħ il-kapaċità tal-istrutturi pubbliċi u privati fil-pajjiżi msieħba billi tibgħat gradwati lokali lejn dawn il-pajjiżi, bl-appoġġ tal-Interreg.

·Ikkonkludiet ftehimiet qafas mal-ġirien taħt il-programm ta’ Interreg imsejjaħ “Indian Ocean” (pereżempju f’April 2019 mas-Seychelles), li jtejbu l-koordinazzjoni f’oqsma ta’ interess komuni.

·F’Lulju 2019, ħolqot servizz ta’ appoġġ għan-negozju fil-Mozambique, li huwa maħsub biex jappoġġa l-internazzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi lokali u l-kooperazzjoni reġjonali.



6.Saint-Martin

Saint-Martin qed timplimenta l-Komunikazzjoni dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi fil-kuntest partikolari tar-rikostruzzjoni tal-gżejjer wara l-uragan Irma. Għalhekk, l-enfasi hija fuq il-bini mill-ġdid ta’ infrastruttura mtejba u l-għoti ta’ reazzjonijiet adegwati għat-tibdil fil-klima.

L-ekonomija blu

·Qed tipprovdi taħriġ professjonali dwar attivitajiet tal-baħar relatati mill-2018.

L-agrikoltura

·Qed tippjana li tniedi soluzzjonijiet innovattivi għall-agrikoltura, bħall-kultivazzjoni mingħajr ħamrija, kif ukoll tinvesti f’kompartimenti magħluqa li jistgħu jitneħħew fl-irziezet tal-bhejjem, li għandhom jiżżarmaw f’każ ta’ maltemp.

L-ekonomija ċirkolari

·Qed tqajjem kuxjenza u timplimenta azzjonijiet ta’ komunikazzjoni dwar ir-riċiklaġġ u s-separazzjoni tal-iskart, kif ukoll tistabbilixxi punt għall-ġbir tal-iskart u twettaq studju konġunt għall-gżira kollha kemm hi (bl-appoġġ tal-programm Interreg Caribbean) bl-għan li jittejjeb l-immaniġġjar tal-iskart.

It-tibdil fil-klima

·Fl-2018 waqqfet sistema ta’ ġestjoni tar-riskju għad-diżastri billi wettqet eżerċizzji ta’ twissija, sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, ivvalutat is-sistemi ta’ twissija u kisbet radar meteoroloġiku biex ittejjeb it-tbassir tat-temp (Interreg Caribbean).

L-enerġija

·Bdiet studji ta’ qabel il-fattibbiltà dwar ir-riżorsi ġeotermali potenzjali fuq il-gżejjer ta’ Saba, Sint Eustatius u Sint Kitts u dwar l-interkonnessjoni tal-elettriku bejn il-gżejjer bl-għan li tippromwovi l-enerġija rinnovabbli (Interreg Caribbean, Lulju 2019).

L-aċċessibbiltà diġitali

·Qed tistabbilixxi netwerks ta’ fibrottika taħt l-art, maħsuba biex itejbu l-konnettività diġitali fid-distretti kollha, bħala parti mir-rikostruzzjoni.

·Qed twettaq studji ta’ qabel il-fattibbiltà għall-interkonnessjoni diġitali bejn il-gżejjer ta’ Leewards (il-gżejjer tat-Tramuntana tal-katina tal-Antilli Minuri ).

Il-kooperazzjoni mal-viċinat tar-reġjuni ultraperiferiċi u lil hinn minnu

·Ingħataw status ta’ osservatur fl-Organizzazzjoni tal-Istati tal-Karibew tal-Lvant.

7.Mayotte

Mayotte qed timplimenta l-Komunikazzjoni tal-2017 b’enfasi sinifikanti fuq l-ekonomija blu.

L-ekonomija blu

·Fl-2018 nediet grupp ta’ ħidma biex iħejji strateġija reġjonali għall-ekonomija blu: il-ġbir ta’ data dwar is-setturi tal-ekonomija blu u l-organizzazzjoni ta’ skambji mal-partijiet ikkonċernati dwar it-tkabbir blu (taħriġ, turiżmu, sajd u akkwakultura).

·Qed tfassal skema għall-Ippjanar tal-Ispazju Reġjonali, b’kapitolu speċifiku dwar l-ippjanar tal-baħar, bħala l-bażi għall-attivitajiet kollha relatati mal-kosta.

·Qed tiżviluppa pjan għall-ġestjoni tal-flotta flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll pjan direttur għall-akkwakultura.

·Qed tinvesti f’faċilitajiet tal-akkwakultura li qabel kienu abbandunati u qed tappoġġa l-kapaċità tal-partijiet ikkonċernati lokali.

Il-bijodiversità

·Qed twaqqaf aġenzija reġjonali għall-bijodiversità bi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali.

L-enerġija

·Qed timplimenta proġett pilota li jinvolvi l-vetturi elettriċi u l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar b’100 % ta’ enerġija mix-xemx għal trasport sostenibbli (2019).

·Qed tistudja l-potenzjal tas-sistemi fotovoltajċi fl-iskejjel u fil-bini pubbliku, billi l-enerġija mix-xemx hija l-aktar enerġija rinnovabbli importanti tar-reġjun.

Il-kompetittività, l-intraprenditorija u s-Suq uniku

·Fl-2017 nediet proġett teknopoli biex tlaqqa’ flimkien il-kumpaniji tal-manifattura u tas-servizzi fis-setturi tat-teknoloġija avvanzata bl-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tan-negozji tagħhom li joperaw fis-suq uniku.

It-trasport

·Qed taħdem fuq proġett ta’ trasport interurban li jistabbilixxi tliet linji tal-karozzi tal-linja maħsuba biex jgħaqqdu n-Nofsinhar, iċ-ċentru u t-Tramuntana ta’ Mayotte mal-kapitali Mamoudzou, kif ukoll tinvolvi l-konnessjonijiet marittimi potenzjali għall-2021 biex tittejjeb il-konnettività.

·Fl-2018, nediet proġett biex ittejjeb is-sikurezza fl-ajruport ta’ Mayotte, bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Il-kooperazzjoni mal-viċinat u lil hinn minnu

·Iffirmat ftehim biex ikun possibbli għall-istudenti universitarji ta’ Mayotte li jeżerċitaw mobbiltà fil-pajjiżi tal-Afrika tal-Lvant, fl-oqsma tat-teknoloġija diġitali, l-animazzjoni u l-kultura (Frar 2019).



8.Il-Portugall

Il-Portugall jaħdem mill-qrib mar-reġjuni awtonomi tal-Azores u ta’ Madeira biex jimplimenta l-Komunikazzjoni tal-2017, b’mod partikolari dwar l-ekonomija ċirkolari, it-tibdil fil-klima u r-riċerka.

·Fl-2018 u l-2019, żviluppa kooperazzjoni bejn l-Istitut Nazzjonali għall-Istatistika u d-Dipartimenti tal-Istatistika Reġjonali tal-Azores u ta’ Madeira biex itejjeb il-ġbir u l-ġestjoni tad-data, b’mod partikolari fl-oqsma tal-agrikoltura, it-trasport bil-baħar u bl-ajru.

L-ekonomija ċirkolari

·Fl-2018 u l-2019, appoġġa proġetti li jippromwovu użu aktar effiċjenti tar-riżorsi f’Madeira u fl-Azores taħt il-Fond Ambjentali nazzjonali.

·Iffaċilita l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini minn Madeira u mill-Azores f’avvenimenti dwar l-ekonomija ċirkolari u t-tibdil fil-klima fil-Portugall kontinentali (rimborż ogħla tal-ispejjeż).

It-tibdil fil-klima

·Fl-2018 u l-2019, ipprovda appoġġ għal proġetti li jippromwovu l-installazzjoni ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar għal vetturi elettriċi fl-Azores, permezz ta’ sejħiet taħt il-Fond Ambjentali.

·Ipprovda lil Madeira u lill-Azores b’finanzjament taħt il-Programm “L-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ekonomija b’Livell Baxx ta’ Emissjonijiet ta’ Karbonju”.

·F’Marzu 2019, organizza sessjonijiet f’Madeira u fl-Azores biex jippreżenta l-Mekkaniżmu Finanzjarju tal-Għotjiet EEA 4 .

Il-bijodiversità

·Fl-2019, nieda sejħa għal proġetti bl-għan li jippromwovi mudelli ta’ żvilupp sostenibbli fir-Riżervi tal-Bijosferi Portugiżi kollha, li ħamsa minnhom jinsabu f’Madeira u fl-Azores.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni

·Beda l-Programm Internazzjonali tal-Illanċjar tas-Satelliti f’Settembru 2018, biex jinħoloq port spazjali internazzjonali fuq il-gżira ta’ Santa Maria, fl-Azores; il-port spazjali mistenni jibda jopera sal-aħħar tal-2021.

·F’Marzu 2019, stabbilixxa l-Aġenzija Spazjali Portugiża, li tinsab fil-gżira ta’ Santa Maria fl-Azores.

L-aċċessibbiltà diġitali

·F’Mejju 2019, ħoloq il-Grupp ta’ Ħidma “Kejbils taħt il-baħar CAM – It-Territorju Kontinentali, l-Azores u Madeira” biex janalizza l-aħjar mod kif jiġu sostitwiti l-kejbils ta’ taħt il-baħar li jiżguraw konnessjonijiet ta’ komunikazzjoni minn Madeira u l-Azores lejn it-territorju kontinentali. Il-grupp ħareġ konklużjonijiet f’Diċembru 2019.

It-trasport

·Ippropona li jinkludi l-ajruporti ta’ Funchal, Porto Santo u Ponta Delgada fin-netwerk ewlieni ta’ TEN-T, b’risposta għall-konsultazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida ta’ TEN-T.

9.L-Azores

L-Azores qed jimplimentaw il-Komunikazzjoni tal-2017 li tiffoka prinċipalment fuq l-ekonomija blu, kif ukoll fuq l-enerġija u r-riċerka.

·Qed jiġbru d-data dwar l-impjiegi u l-attivitajiet fis-settur tas-sajd għall-gżejjer kollha.

L-ekonomija blu

·Fl-2018, ħolqu grupp ta’ ħidma biex jitwaqqaf l-Osservatorju tal-Atlantiku ddedikat għar-riċerka xjentifika marittima, inklużi l-protezzjoni, ir-riċerka, il-monitoraġġ u l-isfruttament soċjoekonomiku tal-ispazji marittimi.

·Qed imexxu l-proġett MarSP (2018-2019), biex jiżviluppaw skemi tal-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu fl-Azores, f’Madeira u fil-Gżejjer Kanarji.

·Ikkonkludew MISTIC SEAS II u qed jikkoordinaw il-proġett MISTIC SEAS III (2019), biex jevalwaw id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina.

·Qed jipparteċipaw fil-proġett AQUA-LIT (2019) biex jipprevjenu l-iskart fil-baħar mill-attivitajiet tal-akkwakultura u biex ineħħu l-iskart mill-faċilitajiet tal-akkwakultura.

·Nedew il-proġett pilota “E-log” (2019) biex jissorveljaw b’mod elettroniku s-sajd fuq skala żgħira u jipprovdu appoġġ lill-atturi lokali.

·Ippromwovew id-Dikjarazzjoni tal-Azores għad-Difiża tas-Sajd għat-Tonn bil-Qasba u bix-Xlief (Ottubru 2018) għas-sensibilizzazzjoni dwar it-tekniki tas-sajd sostenibbli.

·Stabbilixxew l-hekk imsejħa “School of the Sea” (2019), biex irawmu l-kwalifiki u t-taħriġ, u qed jipparteċipaw, fil-qafas ta’ Erasmus, fil-proġett MATES (2018-2021), li għandu l-għan li jrawwem Strateġija ta’ Ħiliet fit-Teknoloġija tal-Baħar.

L-agrikoltura

·Qed jippjanaw li jlestu “Pjan Strateġiku għas-settur tal-ħalib” fl-2020, biex jidentifikaw swieq ġodda u jippromwovu l-innovazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni tal-prodotti tal-ħalib.

·Appoġġaw l-użu ta’ inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod għall-ġestjoni tal-foresti (koffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali).

Il-bijodiversità

·Qed jivvalutaw it-tniġġis ikkawżat mill-plastik fil-baħar fond bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (PLASTDEEP 2019).

·Qed iwettqu tliet proġetti appoġġati mill-programm LIFE tal-UE: LIFE VIDALIA (2018-2023) għall-konservazzjoni tal-ispeċijiet tal-flora f’riskju ta’ estinzjoni; LIFE-IP AZORES NATURA (2019-2027) għall-preservazzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċijiet protetti; u LIFE Beetles (li jibda fl-2020) biex jitnaqqsu r-riskji għall-ispeċijiet fil-periklu.

·Qed jimplimentaw il-proġett MOVE I (2018-2021) u nedew MOVE ON (2019-2022) f’konformità mal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità biex jidentifikaw u jivvalutaw l-istat tal-ekosistemi u s-servizzi tagħhom.

·Appoġġaw il-proġett BIOINVENT biex jistudjaw id-diversità mikrobika tal-ħamrija fl-ekosistemi tal-bwar fl-Azores, kif ukoll il-proġett MARFOR biex jistudjaw id-dinamika tar-reazzjonijiet tal-foresti tal-baħar għall-bidla globali (it-tnejn li huma fil-perjodu 2017-2020).

It-tibdil fil-klima

·F’Settembru 2019, approvaw il-Programm Reġjonali għat-Tibdil fil-Klima, immirat biex jimminimizza l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u jnaqqas l-esponiment għar-riskji tal-klima.

L-ekonomija ċirkolari

·Mistennija jadottaw il-Programm għall-Ġestjoni tat-Turiżmu għall-iżvilupp sostenibbli fis-settur.

L-enerġija

·F’Ottubru 2018, nedew l-“Istrateġija tal-Azores għall-Enerġija 2030” biex jisfruttaw il-potenzjal tar-riżorsi naturali u tat-teknoloġiji emerġenti; u qed jaħdmu fuq il-“Pjan ta’ Azzjoni tal-Azores għall-Effiċjenza Enerġetika”.

·Stabbilixxew il-“Pjan ta’ Azzjoni għall-Mobbiltà Elettrika fl-Azores 2018-2024”, li jinkludi t-tħaddim ta’ punti ta’ ċċarġjar għall-vetturi elettriċi fid-disa’ gżejjer.

·Qed jiżviluppaw aġenda dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija appoġġata mill-inizjattiva Enerġija Nadifa għall-Gżejjer tal-UE; qed janalizzaw l-użu tal-kejbils ta’ taħt il-baħar biex jikkonnettjaw il-grilji tal-enerġija tal-gżejjer tagħhom.

·Qed jipparteċipaw fi proġett ta’ Orizzont 2020 (2019-2021) dwar l-enerġija ġeotermali profonda u fil-proġett ta’ Interreg E-MOBICITY (2019-2023), għall-ottimizzazzjoni tal-politiki pubbliċi rigward il-mobbiltà elettrika fiż-żoni urbani.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni

·F’Settembru 2018, nedew port spazjali internazzjonali fuq il-gżira ta’ Santa Maria, li mistenni jibda jopera sal-aħħar tal-2021.

·Fl-2018, approvaw il-“Pjan għall-Internazzjonalizzazzjoni tax-Xjenza u t-Teknoloġija”, li għandu l-għan li jippromwovi x-xjenza u li jattira proġetti u sħubiji esterni.

·Fl-2018, approvaw l-inizjattiva Transfer+ u qed jipparteċipaw fil-proġett FANBest biex jippromwovu t-trasferiment tat-teknoloġija fl-SMEs lokali, b’mod partikolari fl-ekonomija blu.

L-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ

·Ippromwovew l-impjiegi permezz tal-inizjattivi INOVAR (minn Marzu 2019) għaż-żgħażagħ qiegħda, Berço de Empreco (aġġornata fl-2019) għal sostituti temporanji; u Movemprego (fl-2020) għall-promozzjoni tal-mobbiltà ġeografika tar-riżorsi umani.

L-aċċessibbiltà diġitali

·Fl-2018, nedew il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Kultura Xjentifika u Teknoloġika, li appoġġa l-istabbiliment ta’ laboratorji skolastiċi għall-informatika, ir-robotika u l-ipprogrammar.

It-trasport

·Nedew sejħa internazzjonali għall-offerti biex jinbena bastiment wieħed għall-passiġġieri, għall-vetturi u għall-merkanzija biex ikun hemm konnessjoni bejn il-gżejjer matul is-sena kollha (Jannar 2019).

Il-kooperazzjoni mal-viċinat u lil hinn minnu

·Qed jipparteċipaw fil-proġett ta’ Osservazzjoni tad-Dinja u tal-Baħar biex jiżviluppaw teknoloġija mfassla apposta bbażata fuq is-Servizzi Downstream ta’ Copernicus bl-għan li jittejjeb l-għarfien marittimu.


10.Madeira

Madeira qed tagħmel progress fl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2017, li tiffoka fuq l-ekonomija blu, l-ekonomija ċirkolari, it-tibdil fil-klima, ir-riċerka, l-enerġija, l-impjiegi u l-ħiliet.

L-ekonomija blu

·Fl-2018, nediet il-linja ta’ kreditu INVESTE RAM2020, strument finanzjarju maħsub biex jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi għall-operaturi fuq skala żgħira (EUR 20 miljun).

·Żviluppat il-Pjan Spazjali għall-Ambjent Marittimu, għodda ta’ ġestjoni territorjali għall-promozzjoni ta’ ekonomija blu sostenibbli.

·Fl-2019, ħolqot konsorzju responsabbli għaċ-Ċentru Internazzjonali Integrat għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ għall-Baħar f’Madeira, li mistenni jibda jipprovdi t-taħriġ fl-2020.

L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali

·Introduċiet leġiżlazzjoni li tistabbilixxi kummissjoni teknika għall-evalwazzjoni tal-konformità tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel ta’ Madeira fl-2018 biex tiżgura li l-prodotti li jibbenefikaw minn skema ta’ kwalità tal-UE jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Il-bijodiversità

·Saħħet il-ġestjoni taż-żoni protetti u tas-siti tan-netwerk Natura 2000 (mill-2017) billi rrevediet u aġġornat il-pjanijiet ta’ ġestjoni, l-istrateġiji u ż-żoni kklassifikati.

L-ekonomija ċirkolari

·Żviluppat Aġenda Reġjonali għall-Ekonomija Ċirkolari biex jittaffa l-impatt ambjentali fl-insegwiment tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli (2019).

·Ħejjiet l-“Istrateġija dwar l-Iskart 2020-2030” biex ittejjeb l-immaniġġjar tal-iskart (2019).

It-tibdil fil-klima

·Tat spinta lill-implimentazzjoni tal-Istrateġija Reġjonali għall-Adattament għat-Tibdil fil-Klima permezz ta’ proġetti appoġġati minn Interreg u l-programm LIFE tal-UE u bdiet taġġornaha.

·Qed tiżviluppa softwer u sistemi biex tevalwa, tipprevjeni u ttaffi r-riskji ta’ nirien fil-foresti u ttejjeb il-ġestjoni tan-nirien fil-foresti bl-appoġġ tal-Fond ta’ Koeżjoni.

L-enerġija

·Implimentat il-proġett “Sustainable Porto Santo – Smart Fossil Free Island” (2019), immirat lejn il-promozzjoni tal-użu ta’ vetturi elettriċi u sistemi ta’ ċċarġjar intelliġenti.

·Waslet biex tikkonkludi l-espansjoni tal-proġett idroelettriku Calheta III appoġġat mill-Fond ta’ Koeżjoni.

·Ħadet sehem f’diversi proġetti tal-enerġija tal-UE, inkluż ENERMAC (2017-2019), dwar l-ippjanar tal-istrateġiji għall-implimentazzjoni tal-infrastrutturi tal-enerġija rinnovabbli.

·Qed tippromwovi trasport nadif bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali: ix-xiri ta’ ħames minibuses elettriċi u 25 karozza tal-linja nodfa (2019).

Ir-riċerka u l-innovazzjoni

·Ikkooperat fil-proġett SMART4HEALTH mill-2019 biex tippermetti liċ-ċittadini jiġġestixxu u jżommu rekords tad-data tagħhom dwar is-saħħa madwar l-UE u lil hinn minnha.

·Ivvalutat mill-ġdid l-Istrateġija Reġjonali għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (2019) biex tħejji t-tnedija tal-istrateġija 2.0 għall-perjodu 2021-2027.

L-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ

·Żviluppat miżuri biex jiġu appoġġati dawk qiegħda, inklużi programmi mmirati lejn il-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ, bħal PROJOVEM. Fl-2018, it-68 proġett approvati taħt il-Programm ta’ Stimolu għall-Intraprenditorija fost il-Persuni Qiegħda ħolqu 118-il impjieg ġdid. Dawn il-miżuri koprew 5 512-il persuna matul l-2018.

L-aċċessibbiltà diġitali

·Fl-2018, iffirmat kuntratt għall-provvista ta’ konnessjoni ġdida tat-telekomunikazzjoni fil-kejbil ottiku ta’ taħt il-baħar bejn Madeira u l-kontinent Portugiż.

·Żviluppat korsijiet biex ittejjeb il-ħiliet diġitali fl-iskejjel (2018-2019) permezz tal-“Pjan Strateġiku għall-Innovazzjoni Edukattiva tal-Iskejjel”, inklużi proġetti STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika).

·Introduċiet l-hekk imsejjaħ “Future Classroom Lab”, li pprovda kits tar-robotika lill-iskejjel fis-snin 2018 u 2019.

It-trasport

·Approvat il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Mobbiltà Sostenibbli f’Madeira (Ġunju 2019). Il-pjan mistenni jappoġġa t-tranżizzjoni lejn trasport nadif u sikur.

Il-kooperazzjoni mal-viċinat u lil hinn minnu

·Fl-2018, nediet mill-ġdid is-Summit tal-Arċipelagu tal-Makaroneżja, li jrawwem dibattitu dwar sfidi konġunti relatati mal-ambjent u t-tibdil fil-klima, l-ekonomija tal-baħar, il-promozzjoni tal-kummerċ u tal-investiment, it-taħriġ, kif ukoll il-mobbiltà tal-istudenti u tal-għalliema.

·Qed tipparteċipa fil-proġett INTEGRA, immirat lejn l-integrazzjoni u l-iżvilupp tas-suq tal-viċinat ekonomiku u soċjali tal-Makaroneżja, approvat f’Ġunju 2019 (il-programm MAC ta’ Interreg dwar Madeira, l-Azores u l-Gżejjer Kanarji).



11.Spanja

Spanja timplimenta l-Komunikazzjoni tal-2017 flimkien mar-reġjun ultraperiferiku tal-Gżejjer Kanarji fil-qafas tad-distribuzzjoni kostituzzjonali tal-kompetenzi.

L-ekonomija ċirkolari

·Ħadet sehem fit-tnedija tat-Task force tal-iskart f’Novembru 2018 u fil-laqgħat sussegwenti tiegħu permezz tal-Ministeru tat-Tranżizzjoni Ekoloġika u d-Dipartiment tad-Dwana u s-Sisa; u qed tappoġġa l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tagħha.

·Analizzat il-Pjan Komprensiv tal-Iskart tal-Gżejjer Kanarji (PIRCAN) 2018-2025.

L-enerġija

·Qed tappoġġa, fi ħdan il-Pakkett tal-UE dwar l-Enerġija Nadifa, azzjonijiet għall-introduzzjoni ta’ enerġiji rinnovabbli fil-gżejjer, l-iffrankar tal-enerġija, it-titjib tal-effiċjenza enerġetika u l-promozzjoni ta’ mobbiltà sostenibbli, inklużi l-irkanti tal-enerġija rinnovabbli, l-interkonnessjonijiet bejn il-gżejjer u l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar elettriku għall-vetturi.

·Żviluppat u appoġġat taħriġ u azzjonijiet ta’ tixrid teknoloġiku fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli.



12.Il-Gżejjer Kanarji

Il-Gżejjer Kanarji qed jimplimentaw il-Komunikazzjoni tal-2017 b’enfasi fuq l-enerġija, ir-riċerka u l-ekonomija ċirkolari.

·Qed jiżviluppaw data uffiċjali dwar il-produzzjoni lokali minn Lulju 2018 permezz ta’ ftehim mal-Istitut tal-Istatistika lokali (ISTAC).

L-ekonomija blu

·Waqqfu grupp ta’ ħidma dwar l-ekonomija blu fi Frar 2018; Wettqu analiżi SWOT għas-setturi kollha tal-ekonomija blu biex iwittu t-triq għall-Istrateġija tal-Ekonomija Blu ppjanata għall-ewwel nofs tal-2020.

L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali

·Implimentaw strateġija biex jiddifferenzjaw il-prodotti abbażi tal-kwalità tagħhom biex jiżdied il-konsum, tiġi promossa l-produzzjoni ekoloġika u jiġu ffaċilitati l-kuntatti bejn is-settur agroalimentari u l-amministrazzjoni.

L-ekonomija ċirkolari

·Nedew proġett għal impjant tal-bijogass fl-2017, bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, bl-għan li jivvalorizzaw l-iskart tal-bhejjem.

·F’Novembru 2018, ikkooperaw fil-ħolqien ta’ taskforce dwar l-Iskart, billi ffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha (lokali, reġjonali, nazzjonali u f’dak Ewropew), u fit-tfassil ta’ pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-immaniġġjar tal-iskart.

·Waqqfu grupp ta’ ħidma dwar l-Ekonomija Ċirkolari fi Frar 2018, li jwettaq dijanjożi preliminari tas-sitwazzjoni fuq il-gżejjer.

·F’Awwissu 2018, adottaw linji gwida u rakkomandazzjonijiet għat-tnaqqis u r-riċiklaġġ tal-iskart tal-plastik li jintuża darba biss.

·F’April 2019, approvaw l-Istrateġija tal-Gżejjer Kanarji għall-plastik.

It-tibdil fil-klima

·Nedew l-Osservatorju tal-Gżejjer Kanarji għat-Tibdil fil-Klima, korp għall-konsultazzjoni, il-parteċipazzjoni u l-iżvilupp tal-azzjonijiet (Lulju 2018).

·Qed jaġġornaw l-Istrateġija reġjonali dwar it-Tibdil fil-Klima.

L-enerġija

·Ipparteċipaw fl-Inizjattiva Enerġija Nadifa għall-Gżejjer tal-UE: f’Novembru 2018, organizzaw it-tieni Forum dwar l-Enerġija Nadifa għall-gżejjer tal-UE f’Lanzarote; La Palma qed timplimenta proġett pilota fil-qafas ta’ din l-inizjattiva.

·Fl-2019 installaw żewġ prototipi innovattivi għall-użu tal-enerġija mir-riħ tal-baħar fuq il-pjattaforma PLOCAN.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni

·Qed imexxu l-proġett ta’ riċerka tal-UE bl-isem ta’ FORWARD biex itejbu l-parteċipazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi kollha fin-netwerks u l-programmi ta’ riċerka internazzjonali.

·F’Ottubru 2019, nedew mill-ġdid il-proġett RIS3-Net2 (bħala mexxejja tal-proġetti) fil-qafas tal-programm ta’ Interreg għal Madeira, l-Azores u l-Gżejjer Kanarji (MAC) bl-għan li jiddefinixxu qafas komuni għall-istrateġiji transreġjonali ta’ RIS3.

·Qed jipparteċipaw fil-proġett SOCLIMPACT li għandu bħala mira l-immudellar tal-effetti tat-tibdil fil-klima u l-impatti soċjoekonomiċi tagħhom fuq il-gżejjer Ewropej fil-kuntest tas-setturi tal-ekonomija blu.

·Qed jipparteċipaw fil-proġett REACT appoġġat minn ORIZZONT 2020 biex jiddekarbonizzaw is-sistemi tal-enerġija tal-gżejjer.

L-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ

·Qed imexxu l-proġett GROW RUP, koffinanzjat minn Interreg Europe minn Jannar 2017 bl-għan li jindirizzaw il-qgħad fit-tul fil-qasam tal-ekonomija ekoloġika u dik blu.

Il-kompetittività, l-intraprenditorija u s-suq uniku

·F’Jannar 2018, nedew strateġija operattiva għall-internazzjonalizzazzjoni tal-ekonomija tal-Gżejjer Kanarji, bl-għan li jittejbu l-kompetittività tan-negozji u l-intraprenditorija.

L-aċċessibbiltà diġitali

·Waqqfu żewġ sejħiet għal proposti biex jappoġġaw l-iskjerament ta’ infrastrutturi tal-broadband b’veloċità għolja (fl-2018 u fl-2019).

·Appoġġaw lill-organizzazzjonijiet biex jipprovdu taħriġ dwar il-ħiliet diġitali għal ammont totali ta’ 71 proġett (fil-perjodu 2017-2019).

Il-kooperazzjoni mal-viċinat u lil hinn minnu

·Qed imexxu l-proġett MAC HEXAGONE ta’ Interreg flimkien ma’ Madeira u mal-Azores biex jagħtu spinta lill-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien tal-Mawritanja, is-Senegal u Cabo Verde billi jsaħħu l-koordinazzjoni bejn il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-programmi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fiż-żona (jintemm f’Diċembru 2022).

·Implimentaw il-proġett VALCONMAC ta’ Interreg, li ffoka fuq il-protezzjoni u l-iżvilupp tal-ħabitats tal-foresti fl-arċipelagi tal-Makaroneżja tal-Atlantiku.

(1)

Il-Liġi 2017-256, it-28 ta’ Frar 2017.

(2)

Il-Liġi 2018-771, il-5 ta’ Settembru 2018.

(3)

  www.transitionenergetiquemartinique.mq

(4)

https://eeagrants.org/about-us