Brussell, 5.2.2020

COM(2020) 57 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni - Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent


It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni – Perspettiva tal-UE kredibbli għall-Balkani tal-Punent

I)Daħla

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn żmien is-Summits ta’ Feira u ta’ Tessaloniki fl-2000 u fl-2003 rispettivament, esprimew b’mod konsistenti l-appoġġ bla tlaqliq tagħhom għall-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill, adottati fil-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali f’Ġunju 2019 kienu wkoll affermaw l-impenn tal-Kunsill lejn it-tkabbir, li jibqa’ politika ewlenija tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mal-kunsens imġedded dwar it-tkabbir approvat mill-Kunsill Ewropew fl-14 u l-15 ta’ Diċembru 2006 u l-konklużjonijiet sussegwenti tal-Kunsill.” Fil-Kunsill ta’ Novembru 2019, kien hemm qbil komuni dwar l-utilità li tiġi eżaminata l-effettività tal-proċess tan-negozjati tal-adeżjoni.

Din il-prospettiva soda, bbażata fuq il-mertu, ta’ adeżjoni sħiħa mal-UE għall-Balkani tal-Punent hija fl-interess politiku, ta’ sigurtà u ekonomiku tal-Unjoni stess. Fi żminijiet ta’ sfidi u diviżjonijiet dejjem jiżdiedu madwar id-dinja, hija tibqa’, aktar minn qatt qabel, investiment ġeostrateġiku f’Ewropa stabbli, qawwija u magħquda. Perspettiva kredibbli ta’ adeżjoni hija l-inċentiv ċentrali u l-mutur tat-trasformazzjoni fir-reġjun, u b’hekk jittejbu s-sigurta u l-prosperità tagħna. Hija għodda kruċjali biex jiġu promossi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundmentali, li huma wkoll il-muturi ewlenin tal-integrazzjoni ekonomika u l-ankra essenzjali għat-tkattir tar-rikonċiljazzjoni u l-istabbiltà fir-reġjun. Iż-żamma u t-titjib ta’ din il-politika hija b’hekk indispensabbli għall-kredibbiltà tal-UE, għas-suċċess tal-UE u għall-influwenza tal-UE tar-reġjun u lil hinn - speċjalment fi żminijiet ta’ kompetizzjoni ġeopolitika aktar qawwija.

Madankollu, huwa ċar li l-effettività tal-proċess kumplessiv ta’ adeżjoni u tal-implimentazzjoni tiegħu trid tkompli tittejjeb. Filwaqt li d-direzzjoni strateġika tal-politika għadha valida daqs qatt qabel, hemm bżonn li din issir aktar dinamika fil-konkret.

Minkejja riformi waħda wara l-oħra, bħal ma hu l-approċċ il-ġdid dwar l-istat tad-dritt, l-attenzjoni fuq il-prinċipji fundamentali u t-titjib taħt l-Istrateġija tal-Balkani tal-Punent tal-Kummissjoni tal-2018 1 , hemm bżonn li l-proċess jingħata aktar tagħmir biex jilqa’ għad-dgħjufijiet strutturali fil-pajjiżi, b’mod partikolari fil-qasam tal-prinċipji fundamentali.

Il-bini ta’ aktar fiduċja fost dawk kollha involuti, u t-titjib tal-proċess tal-adeżjoni u biex dan isir aktar effettiv huma kwistjonijiet ta’ importanza mill-akbar. Hemm bżonn li jsir aktar prevedibbli, aktar kredibbli - ibbażat fuq kriterji oġġettivi u kundizzjonalità pożittiva u negattiva aktar rigoruża, kif ukoll riversibbiltà - aktar dinamiku u suġġett għal direzzjoni politika aktar qawwija.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-proposti konkreti tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-proċess kollu tal-adeżjoni. L-għan kumplessiv huwa li jitjiebu l-kredibbiltà u l-fiduċja fiż-żewġ naħat u li jinkisbu riżultati aħjar fil-konkret. Il-bidliet proposti jistgħu jitwettqu fi ħdan l-oqsfa ta’ negozjar eżistenti, li jiżgura kundizzjonijiet ekwi fir-reġjun. Dan ifisser li l-oqsfa tan-negozjar għas-Serbja u l-Montenegro mhux se jiġu emendati iżda l-bidliet proposti jkunu jistgħu jiġu akkomodati fi ħdan l-oqsfa eżistenti bi ftehim ma’ dawn iż-żewġ pajjiżi.

Objettiv ċentrali tal-impenn tal-Unjoni Ewropea mal-Balkani tal-Punent huwa biex dawn jitħejjew biex iwettqu r-rekwiżiti kollha tal-adeżjoni. Dan jinkludi l-għoti lilhom ta’ appoġġ għar-riformi fundamentali fid-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-ekonomija, kif ukoll fl-allinjament tagħhom mal-valuri ċentrali Ewropej. Dan, imbagħad, iwassal biex jisseddqu tkabbir ekonomiku u konverġenża soċjali qawwija u aċċellerati.

Aktar minn hekk, biex il-proċess tal-adeżjoni jsir aktar effettiv, se tkun strumentali l-komunikazzjoni strateġika. Fir-reġjun, it-trawwim ta’ għarfien dwar l-opportunitajiet li jġibu magħhom l-integrazzjoni aktar mill-qrib u r-riformi għandu importanza kritika, daqstant ieħor il-ġlieda konta influwenza minn pajjiżi terzi b’intenzjoni qarrieqa. Dan jirrekjedi wkoll sforzi aktar kredibbli mill-pajjiżi nfushom. L-impenn politiku pubbliku tal-awtoritajiet tagħhom lejn l-għan strateġiku tal-adeżjoni mal-UE se jiġi evalwat b’mod aktar ċar fir-rapporti annwali.

Dan l-approċċ ta’ politika b’hekk se jkun il-pedament ta’ aġenda li tħares ’il quddiem. Din l-aġenda se tagħti sostenn lit-trasformazzjoni tal-Balkani tal-Punent biex isiru ekonomiji tas-suq li jaħdmu tajjeb sabiex ikunu integrati b’mod sħiħ fis-suq uniku tal-UE, għall-ħolqien tal-impjiegi u l-opportunitajiet imprenditorjali, biex titjieb il-klima tan-negozju u tal-investiment, biex jiġi promoss l-istat tad-dritt u biex titwaqqaf l-emoraġija tal-persuni l-aktar kapaċi mir-reġjun. Dawn ir-riformi huma essenzjali biex tingħata spinta lill-ekonomiji tal-Balkani u biex dawn jiġu ankrati fis-swieq tal-UE billi tiġi aċċellerata l-konverġenża neċessarja mal-UE. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tikkunsidra kif iġġib ’il quddiem l-investiment, l-integrazzjoni soċjoekonomika, u l-istat tad-dritt, ittejjeb l-aċċess għas-suq uniku tal-UE, issaħħaħ il-konnettività kif ukoll tħaddan l-opportunitajiet tal-ekonomija ekoloġika. Il-Kummissjoni se tippreżenta Komunikazzjoni f’dan is-sens qabel is-Summit ta’ Zagreb ta’ Mejju 2020.

II)L-għoti ta’ aktar saħħa lill-proċess tal-adeżjoni

a)Aktar kredibbiltà

Sabiex il-proċess tal-adeżjoni jkun jista’ jerġa’ jakkwista l-kredibbiltà fuq iż-żewġ naħat u sabiex jasal għall-potenzjal sħiħ tiegħu, hemm bżonn li jkun jistrieħ fuq impenji qawwija ta’ fiduċja, ta’ serħan il-moħħ reċiproka u impenji ċari miż-żewġ naħat.

Dan ifisser li l-mexxejja tal-Balkani tal-Punent iridu jiksbu riżultati b’mod aktar kredibbli fejn jidħlu l-impenji tagħhom biex jimplimentaw ir-riformi fundamentali meħtieġa, kemm jekk ikun dwar l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-ekonomija jew inkella biex jiżguraw il-funzjonament kif suppost tal-istituzzjonijiet demokratiċi u tal-amministrazzjoni pubblika, u l-allinjament fil-politika barranija. L-Istati Membri u ċ-ċittadini tal-UE għandhom preokkupazzjonijiet leġittimi u għandhom bżonn jingħataw serħan il-moħħ dwar ir-rieda politika bla ambigwità tal-pajjiżi, permezz ta’ riformi strutturali u tanġibbli ppruvati. Il-mexxejja tal-Balkani tal-Punent hemm bżonn li jippreżentaw evidenza ta’ aktar sforzi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali u tar-relazzjonijiet ta’ viċinat tajjeb biex jinkisbu l-istabbiltà u l-prosperità għaċ-ċittadini tagħhom, filwaqt li l-UE tkun tista’ takkwista l-fiduċja li r-reġjun qiegħed jindirizza l-legat tal-passat tiegħu.

Dan ifisser ukoll li l-Unjoni Ewropea għandha tattwa mingħajr ambigwità l-impenn tagħha għal proċess ibbażat fuq il-mertu. Meta l-pajjiżi sħab jissodisfaw il-kriterji oġġettivi u l-kundizzjonijiet stabbiliti bħala oġġettiv, l-Istati Membri għandhom jaslu biex jaqblu li l-proċess jitmexxa ’il quddiem lejn l-istadju li jkun imiss. Il-partijiet kollha jridu jaraw li ma jużawx b’abbuż kwistjonijiet li jkunu pendenti fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE. Fl-istess vena, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet hemm bżonn li jitkellmu b’leħen wieħed fir-reġjun, u jibagħtu sinjali ċari ta’ appoġġ u ta’ inkoraġġiment, u jitkellmu ċar u b’onestà dwar in-nuqqasijiet meta dawn jitfaċċaw.

Jenħtieġ li tissaħħaħ il-kredibbiltà permezz ta’ attenzjoni anki aktar qawwija fuq ir-riformi fundamentali li huma essenzjali għas-suċċess fil-perkors lejn l-UE. Dawn il-prinċipji fundamentali se jsiru anki aktar ċentrali fin-negozjati tal-adeżjoni. In-negozjati dwar il-prinċipji fundamentali se jkunu l-ewwel li jinfetħu, u l-aħħar li jingħalqu, u l-progress dwarhom ikun jistabbilixxi l-pass kumplessiv tan-negozjati. In-negozjati dwar il-prinċipji fundamentali se jkunu ggwidati minn:

·Il-parametru referezjarju tal-ftuħ se ikun jikkonsisti minn pjan direzzjonali dwar il-kapitoli tal-istat tad-dritt ekwivalenti għall-pjani ta’ azzjoni li kien ikun hemm qabel. Jibqgħu jiġu stabbiliti parametri referenzjarji temporanji. Ma jingħalaq b’mod proviżorju l-ebda kapitolu qabel ma’ jkunu ssodisfati dawn il-parametri referenzjarji.

·Pjan direzzjonali dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u r-riforma fl-amministrazzjoni pubblika.

·Rabta aktar qawwija mal-proċess tal-programm ta’ riforma ekonomika biex il-pajjiżi jingħataw għajnuna jissodisfaw il-kriterji ekonomiċi.

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ukoll il-miżuri dwar l-istat tad-dritt u t-tiswir tal-istituzzjonijiet. Se tintalab il-kisba ta’ riżultati f’dawn ir-riformi qabel ma tkun tista’ sseħħ integrazzjoni settorjali aktar profonda, u minn dawn ir-riżultati jkun jiddependi l-progress kollu kemm hu. Barra minn dan, il-ħidma kontra l-korruzzjoni se tiġi integrata permezz ta’ attenzjoni qawwija fil-kapitoli relevanti. Se jibqa’ jingħata appoġġ bla waqfien għall-kooperazzjoni reġjonali. Hemm bżonn li jsiru l-isforzi kollha biex jiġu solvuti t-tilwimiet bilaterali, b’emfażi partikolari fuq id-djalogu bejn Belgrad u Pristina, iffaċilitat mill-UE, li jenħtieġ li jiġi konkluż bi ftehim ta’ normalizzazzjoni komprensiv u vinkolanti.

b)Direzzjoni politika aktar b’saħħitha

L-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea huwa proċess li jirrekjedi u li jappoġġja riformi fundamentali kif ukoll tibdil politiku u ekonomiku fil-pajjiżi li jkollhom l-aspirazzjoni li jaderixxu, kif ukoll jirrekjedi turija li dawn għandhom il-ħila li jieħdu fuqhom ir-responsabbiltajiet kondiviżi bħala Stat Membru tal-UE. Mhux proċess li jimxi ’l quddiem waħdu iżda jrid jirrifletti għażla soċjetali attiva min-naħa tagħhom li jilħqu u jirrispettaw l-ogħla standards u valuri Ewropej. Bl-istess mod, l-impenn tal-Istati Membri li jikkondividu futur komuni mal-Balkani tal-Punent bħala membri sħaħ tal-Unjoni huma impenn sinifikanti politiku u mhux sempliċement tekniku.

Dan ifisser li ż-żewġ naħat jenħtieġ li jagħtu prova ta’ sens ta’ tmexxija akbar u li jattwaw l-impenji rispettivi tagħhom fil-pubbliku, filwaqt li jagħtu attenzjoni aktar diretta fi kwistjonijiet li jnisslu tħassib. Meta jitqiesu l-implikazzjonijiet, wasal iż-żmien li n-natura politika tal-proċess titqiegħed fuq quddiem u li jiġi ggarantit impenn direzzjonali u f’livell għoli mill-Istati Membri.

Dan għandu jinkludi l-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda għal djalogu politiku u ta’ politika f’livell għoli mal-pajjiżi permezz ta’ summits regolari bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent kif ukoll ta’ kuntatti ministerjali intensifikati, speċjalment f’oqsma fejn l-allinjament miexi ’l quddiem b’ritmu tajjeb, u fejn il-kriterji kruċjali qegħdin jiġu ssodsifati. Tali impenn aktar qawwi jista’ jwassal biex il-pajjiżi jipparteċipaw bħala osservaturi f’laqgħat kruċjali tal-Unjoni Ewropea fi kwistjonijiet ta’ importanza sostanzjali għalihom.

Se jkun importanti li jiġi żgurat li l-korpi kollha taħt il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (Stabilisation and Association Agreement, SAA) jiffukaw ħafna aktar fuq il-kwistjonijiet u r-riformi politiċi kruċjali, u jippermettu li jsir djalogu politiku reali. Il-Konferenzi Intergovernamentali (Inter-Governamental Conferences, IGCs) jenħtieġ li jipprovdu għal direzzjonar politiku aktar qawwi tal-proċess tan-negozjati ta’ adeżjoni.

L-Istati Membri se jiġu mistiedna jagħtu kontribut b’mod aktar sistematiku għall-proċess tal-adeżjoni, inkluż permezz tal-monitoraġġ fil-konkret permezz tal-esperti tagħhom, bis-saħħa ta’ kontributi diretti għar-rapporti annwali u permezz ta’ għarfien esperti settorjali. L-Istati Membri se jkollhom ukoll l-opportunità li janalizzaw u jżommu għajnejhom b’mod aktar regolari fuq il-progress b’mod kumplessiv.

Il-Kummissjoni se tkompli żżomm għajnejha fuq il-progress kumplessiv li jkun qiegħed isir fin-negozjati. Fil-pakkett annwali tagħha tat-tkabbir hija se tipproponi l-perkors ’il quddiem għas-sena ta’ wara f’dettal akbar fejn jidħlu riformi, li mbagħad jiġi approvat mill-Istati Membri, li jkun jinkludi proposti dwar miżuri korrettivi.

Jenħtieġ li wara l-pubblikazzjoni tal-pakkett annwali tal-Kummissjoni b’ rapporti dwar kull pajjiż isiru IGCs speċifiċi għal kull pajjiż u jkunu jipprovdu l-fora għad-djalogu politiku dwar ir-riformi, jieħdu f’kunsiderazzjoni l-proċess tal-adeżjoni b’mod kumplessiv u jistabbilixxu l-ippjanar għas-sena li jkun imiss, inkluż il-ftuħ u l-għeluq ta’ kapitoli / ġabriet ta’ kapitoli u l-miżuri korrettivi possibbli. In-naħat kollha se jkollhom jaraw li jkunu rappreżentati fl-IGC fil-livell xieraq li jippermettilhom li jkollhom djalogu politiku produttiv.

Il-Kunsilli ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni se jipprovdu wkoll mument important u kumplimentari għad-djalogu politiku dwar ir-riformi. Barra minn dan, ikunu jistgħu jippermettu, flimkien mal-Kumitati ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, u mas-sottokumitati, li jsir monitoraġġ aktar qawwi tal-progress u jindirizzaw aspetti ta’ integrazzjoni aċċellerata fil-ġabriet rispettivi (ara aktar ’l isfel).

F’mumenti kruċjali matul il-proċess ta’ adeżjoni ta’ kull sieħeb jenħtieġ li jittieħed inventarju politiku, pereżempju, hekk kif jiġu ssodisfati parametri referenzjarji temporanji dwar riformi fundamentali, f’kull mument meta l-Kunsill jiddeċiedi jekk il-kundizzjonijiet biex tinfetaħ ġabra jkunux ġew issodisfati, u hekk kif in-negozjati b’mod kumplessiv ikunu teknikament lesti biex jingħalqu.

c)Proċess aktar dinamiku

Sabiex jiddaħħal dinamiżu akbar fil-proċess tan-negozjati u sabiex jiġi inkoraġġit l-iskambju li jħalli l-frott tal-isforzi lil hinn mill-kapitoli individwali, il-kapitoli tan-negozjati se jiġu organizzati f’ġabriet tematiċi. Dawn il-ġabriet se jsegwu temi wiesa’ bħal ma huma l-governanza tajba, is-suq intern, il-kompetittivià ekonomika u l-konnettività.

Il-ġbir tal-kapitoli se jippermetti li jkun hemm attenzjoni aktar qawwija fuq setturi ċentrali fid-djalogu politiku u jipprovdi inkwadrar aħjar għal impenn politiku ta’ livell ogħla. Bis-saħħa ta’ dan ikunu jistgħu jiġu identifikati r-riformi l-aktar importanti u urġenti. Dan jagħti lill-proċessi ta’ riforma kumplessivament aktar dinamiżmu fil-konkret, billi jinċentiva aħjar ir-riformi settorjali fl-interessi taċ-ċittadini u n-negozji.

In-negozjati dwar kull ġabra se jinfetħu għall-kapitoli kollha li jkunu fil-ġabra – wara li jkunu ġew issodisfati l-parametri referenzjarji tal-bidu – aktar milli fuq il-bażi ta’ kapitolu kapitolu. Bħala riżultat tal-proċess ta’ screening, li jkun sar għal kull ġabra, isir qbil dwar il-prijoritajiet fejn tidħol l-integrazzjoni aċċellerata u fejn jidħlu r-riformi kruċjali bejn l-UE u l-pajjiż kandidat. Meta dawn il-prijoriatjiet ikunu ġew indirizzati b’mod suffiċjenti, il-ġabra (li tkun tkopri l-kapitoli assoċjati kollha) tinfetaħ mingħajr kundizzjonijiet ulterjuri u jiġu stabbiliti l-parametri referenzjarji għall-għeluq għal kull kapitolu. Fil-każijiet fejn ikunu ġew implimentati riformi importanti qabel il-ftuħ, il-perjodu bejn il-ftuħ tal-ġabra u l-għeluq tal-kapitoli indipendenti jenħtieġ li jkun limitat, preferibbilment fi żmien sena, f’dipendenza sħiħa fuq il-progress tar-riformi, bl-attenzjoni tkun fuq il-miżuri li jkun jifdal li jiżguraw allinjament totali.

Il-ġabriet se jiġu allinjati mas-sottokumitati tal-SAA, b’tali mod li l-progress fil-ġabra jkun jista’ jiġi ssorveljat u jkunu jistgħu jittieħdu miżuri speċifiċi ta’ allinjament aċċellerat taħt l-istrutturi tal-SAA. Dan jippermetti li jsiru djalogi mmirati kif ukoll li ssir l-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ allinjament u integrazzjoni aċċellerati fl-oqsma ta’ politika kollha tal-UE, b’benefiċċju ċar għall-Unjoni Ewropea u għall-pajjiżi kandidati.

Sabiex in-negozjati mas-Serbja u mal-Montenegro jingħataw aktar dinamiżmu, il-ħidma fuq il-kapitoli tista’ wkoll tiġi organizzata madwar ġabriet, filwaqt li jiġu rispettati l-oqsfa eżistenti tan-negozjar u bi qbil ma’ dawn il-pajjiżi. Dan ikun jippermetti attenzjoni politika akbar fuq setturi kruċjali u li jissawwar ritmu politiku fil-pajjiżi madwar kwistjonijiet kruċjali għall-allinjament. Se tiġi offruta l-possibbiltà li jkun hemm parteċipazzjoni f’eżerċizzju għall-identifikazzjoni ta’ oqsma ta’ interess għal allinjament settorjali u integrazzjoni aċċellerati, bi pjani direzzjonali komuni li dwarhom ikun irid jintlaħaq qbil, u jsir segwitu dwaru, fl-istrutturi tal-SAA.

 

d)Il-prevedibbiltà, il-kundizzjonalità pożittiva u negattiva

Isiru appelli qawwija mill-Istati Membri, kif ukoll mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, biex ikun hemm proċess li jkun aktar prevedibbli u li jiżgura ċarezza akbar dwar dak li l-Unjoni tistenna mill-pajjiżi involuti fit-tkabbir fl-istadji differenti tal-proċess, u dwar x’inhuma l-konsegwenzi pożittivi u negattivi tal-progress jew tan-nuqqas tiegħu.

Il-Kummissjoni se tuża l-pakkett ta’ tkabbir biex tikkontrolla l-konformità tal-kandidati mal-acquis u biex tipprovdi ggwidar ċar dwar prijoritajiet ta’ riforma u dwar kriterji ta’ allinjament speċifiċi kif ukoll aspettattivi għall-passi li jkun imiss fil-proċess. Direzzjoni aktar b’saħħitha u IGCs iffukati mill-ġdid se jżidu l-prevedibbiltà, bi ppjanar aktar ċar għas-sena ’il quddiem. L-atturi politiċi fil-pajjiżi b’hekk ikollhom indikazzjoni aktar ċara ta’ dak li jkun irid isir biex l-affarijiet jimxu ’l quddiem. Dan se jinkludi indikazzjoni ta’ liema ġabriet / kapitoli jkunu jistgħu jiġu potenzjalment miftuħa jew magħluqa u, fejn ikun relevanti, liema kundizzjonijiet ikunu għad iridu jiġu ssodisfati biex dan jiġri.

L-element ċentrali tal-proċess ta’ adeżjoni bbażat fuq il-mertu huwa l-kundizzjonalità tiegħu Madankollu, sabiex jinkiseb dan, il-kundizzjonijiet iridu jkunu ċar mill-bidu. Huwa importanti li l-pajjiżi kandidati jkunu jafu l-parametri referenzjarji li abbażi tagħhom titkejjel il-prestazzjoni tagħhom u li l-Istati Membri jkunu jkunu jifhmu ċar dak li jkun eżattament mitlub mill-kandidati. Il-Kummissjoni se tiddefenixxi aħjar il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-kandidati biex dawn ikunu jistgħu jagħmlu progress, b’mod partikolari permezz tar-rapport annwali tagħha. Dawn il-kundizzjonijiet iridu jkunu oġġettivi, preċiżi, iddettaljati, stretti u verifikabbli. Il-Kummissjoni se tuża wkoll indikaturi ta’ partijiet terzi fejn dan ikun relevanti biex tipprovdi lill-Istati Membri l-bażi l-aktar wiesgħa possibbli għad-deċiżjonijiet tagħhom.

Bl-għoti ta’ inċentivi ċari u tanġibbli li jkunu jolqtu direttament liċ-ċittadini, l-UE tista’ tinkoraġġixxi rieda politika reali, u tippremja r-riżultati li joħorġu mit-talba għar-riformi u l-proċess ta’ bidla politika, ekonomika u soċjetali. Jekk il-pajjiżi jagħmlu progress suffiċjenti fil-prijoritajiet ta’ riforma li dwarhom ikun intlaħaq qbil fin-negozjati, dan jenħtieġ li jwassal għal:

·Integrazzjoni aktar mill-qrib tal-pajjiż mal-Unjoni Ewropea, ħidma għal integrazzjoni aċċellerata f’politiki individwali tal-UE, fis-suq tal-UE u fil-programmi tal-UE, u biex il-pajjiż jitqarreb ftit ftit lejhom, filwaqt li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi.

·Iż-żieda fil-fondi u l-investimenti – inkluż permezz ta’ appoġġ mill-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni li jkun ibbażat fuq il-prestazzjoni u l-orjentazzjoni lejn ir-riformi kif ukoll kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-istituzzjonijuet finanzjarji internazzjonali biex jinġieb l-appoġġ.

Dawn il-miżuri għandhom għax jgħinu, permezz tal-użu tal-Fondi tal-UE, biex joħolqu preferenza Ewropea qawwija li tkun kumpatibbli mad-WTO, filwaqt li tinħoloq ekonomija lokali b’saħħitha.

Filwaqt li jrid jiġi inċentivat il-progress fejn jidħlu r-riformi, u li jiġi ppremjat b’mod aktar tanġibbli, daqstant ieħor jeżisti l-bżonn ta’ miżuri aktar deċiżivi li b’mod proporzjonali jikkastigaw kull staġnar serju jew imtawwal, jew anki kull pass lura, fl-implimentazzjoni tar-riformi u fl-issoddisfar tar-rekwiżiti tal-proċess tal-adeżjoni.

Tali deċiżjonijiet li jwaqqfu jew anki li jreġġgħu lura l-proċess jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-evalwazzjoni annwali mill-Kummissjoni, fil-pakket dwar it-tkabbir tagħha, tal-bilanċ kumplessiv fin-negozjati tal-adeżjoni u l-punt sa liema r-riformi fundamentali, b’mod partikolari fejn jidħol l-istat tad-dritt, ikunu qegħdin jiġu implimentati, l-Istati Membri se jkomplu jkunu jistgħu jagħtu kontribut għal dan il-proċess billi jindikaw lill-Kummissjoni kull staġnar jew kull pass lura serju fil-proċess ta’ riforma.

F’każijiet serji, il-Kummissjoni tkun tista’ tagħmel proposti f’kull ħin waħedha, jew inkella meta jkun hemm talba mmotivata kif suppost minn xi Stat Membru sabiex tiġi żgurata reazzjoni ta’ malajr għas-sitwazzjoni, permezz ta’, kull fejn ikun relevanti, proċeduri simplifikati, inkluż b’votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata inversa.



L-UE tkun tista’ tindirizza problemi potenzjali f’diversi modi:

·L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li n-negozjati jkunu jistgħu jitwaqqfu b’mod temporanju f’ċerti oqsma, jew fil-każijiet l-aktar serji, sospiżi b’mod kumplessiv. Kapitoli li jkunu ngħalqu jkunu jistgħu jerġgħu jinfetħu, jew impostati mill-ġdid, jekk ikun hemm bżonn rievalwazzjoni ta’ xi kwistjonijiet.

·L-ambitu u l-intensità tal-iffinanzjar mill-UE jkunu jistgħu jiġu aġġustati għal livell aktar baxx, ħlief għall-appoġġ lis-soċjetà ċivili.

·Il-benefiċċji ta’ integrazzjoni aktar mill-qrib, pereż. l-aċċess għal programmi tal-UE, jew konċessjonijiet unilaterali għal aċċess għas-suq jkunu jistgħu jitwaqqfu temporanjament jew inkella mneħħija.

Il-prevedibbiltà u l-kundizzjonalità jittejbu wkoll permezz ta’ trasparenza akbar. Sabiex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà tar-riformi u biex tiġi ffaċilitata s-sorveljanza tal-implimentazzjoni, ir-riformi kruċjali kollha fil-pajjiż jenħtieġ li jsiru b’mod għal kollox trasparenti u inklussiv, bl-involviment ta’ partijiet kruċjali. Min-naħa tagħha, l-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tirsisti biex il-proċess ikun aktar trasparenti, bil-pubblikazzjoni usa’ ta’ dokumenti kruċjali. 

Il-Kummissjoni se tkompli wkoll l-attivitajiet tagħha ta’ komunikazzjoni u informazzjoni, inkluż fi Stati Membri tal-UE, fejn ikun jiddependi l-aktar mill-Istati Membri li jinfurmaw liċ-ċittadini tagħhom u li jipprovdulhom il-fatti dwar l-opportunitajiet u l-isfidi strateġiċi tal-proċess.

Tabella li tippreżenta l-ġabriet proposti tal-kapitoli tinsab mehmuża fl-anness. Il-Kapitolu 34 “L-istituzzjonijiet” u l-kapitolu 35 “Kwistjonijiet oħra” jiġu pproċessati separatament.

Anness tekniku: ġabriet ta’ kapitoli tan-negozjati

1.Prinċipji fundamentali

23 - Il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali

24 - Il-Ġustizja, il-Libertà u s-Sigurtà

Il-kriterji ekonomiċi

Il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi

Ir-riforma fl-amministrazzjoni pubblika

5 - L-akkwist pubbliku

18 - L-istatistika

32 - Il-kontroll finanzjarju

2.Is-Suq Intern

1 - Il-movement liberu tal-merkanzija

2 - Il-liberta’ tal-moviment għall-ħaddiema

3 - Id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi

4 - Il-movement liberu tal-kapital

6 - Id-dritt soċjetarju

7 - Il-liġi dwar il-proprjetà intellettwali

8 - Il-politika dwar il-kompetizzjoni

9 - Is-servizzi finanzjarji

28 - Il-protezzjoni tal-konsumatur u tas-saħħa

3.Il-kompetittività u t-tkabbir inklussiv

10 - Is-soċjetà informatika u l-media

16 - It-tassazzjoni

17 - Il-politika ekonomika u monetarja

19 - Il-politika soċjali u l-impjiegi

20 - Il-politika imprenditorjali u industrijali

25 - Ix-xjenza u r-riċerka

26 - L-edukazzjoni u l-kultura

29 - L-unjoni dognali

4.L-aġenda ekoloġika u l-konnettività sostenibbli

14 - Il-politika dwar it-trasport

15 - L-enerġija

21 - In-netwerks trans-Ewropej

27 - L-ambjent u t-tibdil fil-klima

5.Ir-riżorsi, l-agrikoltura u l-koeżjoni

11 - L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali

12 - Il-politika dwar is-sigurtà tal-ikel, dik veterinarja u dik fitosanitarja

13 - Is-sajd

22 - Il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni ta’ strumenti strutturali

33 - Dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji

6.Ir-relazzjonijiet esterni

30 - Ir-relazzjonijiet esterni

31 - Il-politika barranija, ta’ sigurta u tad-difiża

 

(1)

Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent, COM(2018) 65 final