Brussell, 10.2.2020

COM(2020) 38 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru u tal-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika

{SWD(2020) 12 final}


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru
u tal-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika

L-Unjoni tal-Enerġija tissejjes fuq infrastruttura reżiljenti. Is-sena l-oħra, fl-2018, bdew jitħaddmu proġetti importanti tal-interkonnessjoni u ssaħħet ferm il-kooperazzjoni reġjonali.

F’dak il-kuntest, l-EEPR kellu rwol ewlieni fl-appoġġ finanzjarju li ngħata lill-infrastrutturi ewlenin ta’ interess komuni għall-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku u tal-gass u għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista.

I. IL-PROGRESS LI SAR FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM

L-infrastruttura tal-enerġija u l-innovazzjoni, li huma dak li jixpruna l-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR), għadhom importanti llum daqskemm kienu fl-2009 meta ġie stabbilit l-EEPR.

Dan ir-rapport jistabbilixxi l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-proġetti f’kull parti tal-EEPR u fl-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (EEEF). Dan isegwi r-rapport li ġie adottat fl-2018 1 . Dan ikopri l-implimentazzjoni tal-proġetti bejn il-31 ta’ Awwissu 2016 u l-31 ta’ Diċembru 2018 u l-pagamenti li saru matul dak il-perjodu.

II. L-IMPLIMENTAZZJONI ĠENERALI TAL-PROĠETTI

Sal-aħħar ta’ Diċembru 2018, tlestew 43 (żieda ta’ sitta meta mqabbla mal-2017) minn 59 proġett u l-benefiċjarji tħallsu ammont totali ta’ EUR 2 514 424 758 (wara li tnaqqsu l-ordnijiet ta’ rkupru li kienu jammontaw għal EUR 196 099 270,83) (ara l-Anness).

Il-qagħda tal-infrastrutturi tal-gass u tal-elettriku hija kif ġej: il-maġġoranza tal-proġetti tlestew u għadhom għaddejjin żewġ proġetti.

Il-promoturi tal-integrazzjoni tal-Enerġija mir-Riħ lil Hinn mill-Kosta (OWE, Offshore Wind Energy) fil-grilja għamlu progress sostanzjali, filwaqt li l-promoturi tal-aħħar proġett li kien għad fadal tal-Ġbir u tal-Ħżin tad-Diossidu tal-Karbonju (CCS, Carbon Capture and Storage) iddeċidew li ma jibqgħux jagħtu appoġġ finanzjarju lill-proġett.

Il-Kummissjoni għażlet li żżomm l-appoġġ finanzjarju tagħha għall-investituri sakemm tibqa’ ċara l-possibbiltà ta’ Deċiżjoni Finali dwar l-Investiment (FID, Final Investment Decision) u l-proġett jibqa’ jipprovdi valur sostanzjali għas-soċjetà.

1.    L-infrastruttura tal-gass u tal-elettriku

Is-subprogramm tal-infrastruttura tal-EEPR appoġġa 44 proġett fi tliet oqsma ewlenin ta’ attività (l-Interkonnetturi tal-gass, il-Fluss tal-gass fid-direzzjoni opposta u l-Elettriku).

Ġie allokat ammont totali ta’ EUR 2 267 574 462, li EUR 1 669 370 233 minnhom tħallsu lill-benefiċjarji sal-31 ta’ Diċembru 2018. Il-pagamenti huma soġġetti għall-impenn sod tal-benefiċjarji li jimplimentaw il-proġett permezz ta’ Deċiżjoni Finali dwar l-Investiment.

1.1. Il-progress li sar s’issa

Sal-lum, mill-44 proġett infrastrutturali tlestew 38 (żieda ta’ tlieta meta mqabbla mal-2017), filwaqt li erbgħa minnhom ġew itterminati u żewġ proġetti għadhom għaddejjin.

Fis-settur tal-elettriku tlestew it-12-il proġett kollha (żieda ta’ tnejn meta mqabbla mal-2017).

Fil-qasam tal-interkonnetturi tal-gass, mit-18-il proġett tlestew 13 (żieda ta’ wieħed meta mqabbla mal-2017); tnejn minnhom mexjin skont l-iskedar mill-ġdid, u tlieta ġew itterminati.

Fil-qasam tal-proġetti tal-fluss fid-direzzjoni opposta u tal-interkonnessjonijiet fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant tlestew 13-il proġett, u proġett wieħed fir-Rumanija ġie tterminat mill-Kummissjoni f’Settembru 2014.

Mill-aħħar rapport ta' implimentazzjoni tal-EEPR, il-progress li ġej jista' jiġi enfasizzat b'mod partikolari:

-L-Interkonnettur ta’ bejn il-Greċja u l-Bulgarija (IGB) huwa rotta ewlenija biex il-gass mit-TAP u l-LNG Grieg jinġarr lejn it-Tramuntana u huwa proġett importanti għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass fir-reġjun Ewropew tax-Xlokk. Dan huwa proġett ta' interess komuni (PCI 6.8.1) u proġett ta' prijorità tal-konnettività tal-enerġija fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (CESEC). Il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ politiku u finanzjarju għall-proġett mill-bidu nett. Il-proġett irċieva EUR 45 miljun mill-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru u EUR 39 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Fl-2018, il-proġett għamel aktar progress. Fil-laqgħa ministerjali tas-CESEC f'Sofija f'Ġunju, ġie ffirmat memorandum ta' qbil bejn Bulgarian Energy Holding u l-Bank Ewropew tal-Investiment dwar self għall-proġett. Il-proġett irċieva eżenzjoni mil-liġi tal-UE dwar l-enerġija, inkluża eżenzjoni parzjali mir-regoli ta' aċċess għal partijiet terzi mill-Kummissjoni f'Lulju 2018. Il-Kummissjoni approvat ukoll l-għajnuna mill-Istat għall-appoġġ pubbliku u l-aċċess għall-fondi strutturali Bulgari. L-implimentazzjoni tal-proġett qed tavvanza tajjeb, il-proċeduri kollha ta' akkwist ġew iffinalizzati u l-kostruzzjoni bdiet fl-aħħar ta' Mejju 2019.

-Fir-Repubblika ta' Ċipru, il-Ministeru tal-Enerġija, il-Kummerċ, l-Industrija u t-Turiżmu bħalissa qed iħejji l-implimentazzjoni ta' terminal li jirċievi l-gass naturali, li se tikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tat-taħlita tal-enerġija Ċiprijotta u se jikkontribwixxi biex jintemm l-iżolament tal-enerġija tal-gżira, kif ukoll se jiffaċilita l-kompetizzjoni fil-ġenerazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-gass minn produtturi indipendenti. Il-gass naturali huwa mistenni li jidħol fis-suq ta' Ċipru sal-2021.

Sal-lum, huwa previst li dawn iż-żewġ proġetti li għaddejjin għandhom jitlestew sal-aħħar tal-2021 u sal-aħħar tal-2022, rispettivament.

2. Il-proġetti tal-Enerġija mir-Riħ lil hinn mill-Kosta (OWE)

2.1 Il-progress li sar s’issa

Is-subprogramm tal-Enerġija mir-Riħ lil hinn mill-Kosta kien jikkonsisti f’disa’ proġetti li ngħataw appoġġ ta’ EUR 565 miljun li nqasam bejn żewġ tipi ta’ attivitajiet ewlenin:

- L-ittestjar, il-manifattura u t-tnedija tal-użu fuq skala kbira ta’ turbini innovattivi u ta’ strutturi ta’ pedamenti lil hinn mill-kosta (6 proġetti); u

- L-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq moduli għall-integrazzjoni fil-grilja ta’ ammonti kbar ta’ trażmissjoni elettrika ġġenerata mir-riħ (3 proġetti).

erba' minn disa' proġetti tlestew u tnejn ġew itterminati qabel iż-żmien.  Għall-proġetti tħallsu EUR 341 639 214 (wara li tnaqqsu l-ordnijiet ta’ rkupru). It-tliet proġetti li fadal għadhom għaddejjin.

2.2 Il-progress li sar s’issa skont is-settur

2.2.1 Il-progress li sar b’rabta mat-Turbini Innovattivi u mal-Istrutturi lil hinn mill-Kosta

Għall-Aberdeen Offshore Wind Farm, il-ħdax-il turbina tar-riħ bl-akbar kapaċità fid-dinja bdew l-operazzjonijiet tagħhom fil-park eoliku fuq il-baħar “Aberdeen Bay” ta' Vattenfall fl-1 ta’ Lulju 2018. F'Settembru 2018 sar il-ftuħ uffiċjali tal-European Offshore Wind Deployment Centre (Aberdeen Offshore Wind Farm). L-aħħar rappurtar għall-proġett u l-pagament finali huma mistennija fit-tielet trimestru tal-2019.

2.2.2 Il-progress li sar b’rabta mal-Integrazzjoni tal-Enerġija mir-Riħ fil-Grilja

B’mod ġenerali, iż-żewġ proġetti l-oħra li għad baqa’, imsejħin Kriegers Flak u COBRAcable, avvanzaw kif kien mistenni. Għall-Kriegers Flak, il-bidu tal-aħħar operazzjoni kummerċjali kien ippjanat għall-aħħar ta’ Settembru 2019. Minkejja dewmien u sfidi oħrajn esperjenzati matul il-proġett, il-benefiċjarji taw bidu għall-ippjanar tal-ikkummissjonar fit-tieni nofs ta' Lulju 2019.

Għall-COBRAcable, l-installazzjoni tal-istazzjonijiet ta' konverżjoni fin-Netherlands u fid-Danimarka tlestiet, filwaqt li hemm dewmien għall-installazzjoni ta' segmenti minuri tal-kejbil. It-tlestija tal-installazzjoni tal-kejbils u l-ittestjar tas-sistema kienu mistennija fit-tieni semestru tal-2019; l-operazzjoni kummerċjali għandha tibda preċiżament wara, fl-aħħar tal-2019. Il-proġett COBRAcable jinkludi studju li għandu l-għan li jidentifika u jiddeskrivi l-kwistjonijiet importanti tat-tfassil li għandhom jitqiesu sabiex il-kollegament tal-kurrent dirett b'voltaġġ għoli (HVDC) ta’ Cobracable jkun lest għall-operazzjoni futura bħala parti minn netwerk b’diversi terminali. Għal dan il-kompitu, tressqu dokumenti ġodda.

3. Il-Ġbir u l-Ħżin tad-Diossidu tal-Karbonju

Is-subprogramm tal-EEPR kien jikkonsisti f’sitt proġetti u f’appoġġ ta’ EUR 1 biljun bil-għan li jintwera l-proċess sħiħ tal-qbid, tat-trasport u tal-ħżin tad-diossidu tal-karbonju.

Proġett wieħed (Compostilla fi Spanja) tlesta u pprovda impjanti pilota operattivi għall-qbid, għat-trasport u għall-ħżin. Erba’ proġetti ġew itterminati qabel iż-żmien minħabba li l-promoturi tagħhom iddeċidew li ma jinvestux fihom, filwaqt li proġett wieħed intemm mingħajr ma tlesta. Għal dawn il-proġetti tħallsu EUR 387 211 547 (wara tnaqqis ta' ordnijiet ta' rkupru għal ammont totali ta' EUR 48 660 666 85).

III. IL-FOND EWROPEW GĦALL-EFFIĊJENZA ENERĠETIKA (EEEF)

F’Diċembru tal-2010 ġew allokati EUR 146,3 miljun mill-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR) għal faċilità finanzjarja għal proġetti tal-enerġija sostenibbli 2 . Intużaw EUR 125 miljun bħala l-kontribuzzjoni tal-UE għall-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (EEEF). L-EEEF inħoloq f’Lulju tal-2011 u laħaq volum totali ta’ EUR 265 miljun 3 , appoġġat minn Faċilità ta’ Għotjiet ta’ Assistenza Teknika b’baġit ta’ EUR 20 miljun u EUR 1,3 miljun għall-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni.

L-EEEF jipprovdi finanzjament imfassal apposta (kemm strumenti ta’ dejn kif ukoll strumenti ta’ ekwità) għal proġetti tal-effiċjenza enerġetika, tal-enerġija rinnovabbli u tat-trasport urban nadif. Il-benefiċjarji huma awtoritajiet pubbliċi lokali jew reġjonali jew entitajiet privati li jaġixxu f’isimhom.

1.Il-progress li sar s’issa

Fl-2018, mal-portafoll tal-Fond żdiedu tliet tranżazzjonijiet ġodda:

- Il-proġett CIMAC fil-Portugall jikkonsisti fit-titjib tal-lampi tad-dawl tat-toroq eżistenti minn bozoz tas-sodju taħt pressjoni għolja għal-LED tal-aħħar ġenerazzjoni (investiment tal-EEEF ta' EUR 12.1-il miljun, daqs totali tal-proġett ta' EUR 16,6-il miljun). Il-proġett jirriżulta mill-faċilità tal-Assistenza Teknika tal-EEEF u huwa wieħed mill-akbar titjib tad-dawl tat-toroq fil-Portugall fejn l-EEEF kien strumentali fl-iżvilupp u fil-finanzjament.

- Il-proġett Illuminated Cities fl-Italja għandu fil-mira tiegħu portafoll ta' proġetti għat-tidwil tat-toroq, li jibbenefikaw minnu l-aktar il-muniċipalitajiet ta' daqs żgħir sa medju (investiment tal-EEEF ta' EUR 16-il miljun, daqs totali tal-proġett ta' EUR 20 miljun).

- Smart Hospitals and Universities huwa proġett ieħor fl-Italja, li jippermetti portafoll ta' proġetti b’rabta mal-effiċjenza enerġetika fis-setturi tal-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni (investiment tal-EEEF ta' EUR 7 miljun, daqs totali tal-proġett ta' EUR 22 miljun).

Mill-ħolqien tiegħu sal-31 ta’ Diċembru 2018, l-EEEF iffirma kuntratti b'16-il proġett li jiswew EUR 170 miljun, u għalkemm dan ma jirrappreżentax il-prelevamenti massimi possibbli disponibbli, dan iġġenera madwar EUR 301,5 miljun tal-investiment finali.

Abbażi tal-qafas għall-valutazzjoni tal-proġetti u għar-rappurtar tal-EEEF dwar l-iffrankar tal-enerġija primarja u tal-ekwivalenti għas-CO2, sa tmiem l-2016, l-investimenti tiegħu kienu wasslu biex jiġu ffrankati kważi 388 478 tunnellata ta’ CO2 u 794 124 MWh ta’ Enerġija Primarja 4 .



2.Il-faċilità ta’ Assistenza Teknika tal-EEEF

F’Novembru tal-2016, il-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (EEEF) nieda faċilità ġdida għall-Assistenza Teknika (TA). B’segwitu għall-faċilità ta’ Assistenza Teknika tal-Kummissjoni Ewropea, li kien jamministraha l-EEEF, il-Fond stabbilixxa għodda ġdida biex jiġu appoġġati entitajiet pubbliċi ambizzjużi li jkollhom proġetti bankabbli ta’ investiment fil-qasam tal-enerġija sostenibbli. Tali proġetti għandu jkollhom x’jaqsmu ma’ inizjattivi fis-settur tal-effiċjenza enerġetika, ma’ inizjattivi relatati mal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira u/jew ma’ inizjattivi relatati mat-trasport pubbliku. L-EEEF qed jappoġġa lill-benefiċjarji, li huma reġjuni, kunsilli tal-bliet, universitajiet, sptarijiet pubbliċi u entitajiet pubbliċi oħra li jinsabu fl-Istati Membri tal-UE, billi jalloka servizzi ta’ konsulenza għall-investimenti ppjanati, pereżempju billi jwettaq studji tal-fattibbiltà, awditi tal-enerġija, joffri servizzi legali u jwettaq analiżi tal-vijabbiltà ekonomika. Il-faċilità ta’ Assistenza Teknika tal-EEEF ingħatat fondi mill-faċilità “ELENA” (Assistenza Ewropea għall-Enerġija Lokali) fil-kuntest tal-Programm Orizzont 2020 tal-Unjoni Ewropea. Sa Diċembru 2018, din diġà kienet qed tappoġġa 4 benefiċjarji fl-Italja, fi Spanja u fil-Litwanja.

3.Konklużjonijiet ewlenin u prospetti

L-EEEF stabbilixxa progressivament rekord sod ta' investimenti profittabbli u wara li ilu seba’ snin jiffunzjona diġà appoġġa 18-il proġett distint ħafna (li tnejn minnhom diġà tħallsu lura filwaqt li r-rikavati ġew investit mill-ġdid fil-fond) f'diversi teknoloġiji fi tmien Stati Membri differenti.

IV. Konklużjonijiet ġenerali

L-EEPR ħalla riżultati tajbin. Tlestiet l-infrastruttura tat-12-il proġett tal-elettriku u tal-maġġoranza tal-proġetti tal-gass; filwaqt li bħalissa għaddejjin żewġ proġetti tal-gass li mistennija jitlestew fl-2021 u fl-2022. Il-kontroll strett li l-Kummissjoni Ewropea eżerċitat fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ tal-proġetti għen sabiex tiżdied l-effiċjenza ta’ dan l-istrument.

Il-proġetti tal-Enerġija mir-Riħ lil hinn mill-Kosta kienu aktar kumplessi milli kien mistenni iżda l-promoturi u l-kostrutturi rnexxielhom isibu soluzzjonijiet biex dawn jiġu ffinalizzati, filwaqt li xi kultant wettqu dan billi estendew it-tul tal-kuntratti. Matul l-għaxar snin tal-programm, l-EEPR għen sabiex jinkiseb għarfien teknoloġiku u kkontribwixxa għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ta' interkonnessjoni tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta.

Għalkemm l-appoġġ finanzjarju tal-EEPR ma kienx biżżejjed biex iħeġġeġ lill-kumpaniji jwettqu proġetti ta' wiri tas-CCS fuq skala kummerċjali, il-Kummissjoni għadha tqis is-CCS importanti għad-dekarbonizzazzjoni (teknoloġija affidabbli biss għall-ħżin fit-tul tad-diossidu tal-karbonju), għall-UE b'mod ġenerali, u b'mod partikolari għall-industriji tal-enerġija u b'użu intensiv tal-karbonju.

L-EEEF investa f’diversi proġetti tal-effiċjenza enerġetika u se jkompli jwessa’ l-portafoll tiegħu u jipprovdi soluzzjonijiet finanzjarji u jiġġenera qligħ għall-azzjonisti tiegħu. L-EEEF iservi wkoll ta’ mudell għall-istrumenti finanzjarji innovattivi billi jinvesti fi proġetti kosteffettivi u maturi tal-enerġija sostenibbli li jistgħu jiġbdu lejhom il-kapital privat filwaqt li juru l-vantaġġi kummerċjali ta’ dawn l-investimenti u joħolqu rekord kredibbli għalihom.

(1)

Ir-rapport tal-2017 li ġie adottat fil-05.03.2018 COM(2018) 86 final.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 663/2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija.

(3)

Investimenti addizzjonali barra minn dawk tal-Kummissjoni Ewropea saru minn: il-Bank Ewropew tal-Investiment (EUR 75 miljun), Cassa Depositi e Prestiti SpA (CDP) (EUR 60 miljun) u d-Deutsche Bank (DB) bħala Maniġer tal-Fondi (EUR 5 miljun).

(4)

L-iffrankar kumulattiv tal-enerġija primarja qed jingħata biss għat-teknoloġiji tal-Effiċjenza Enerġetika u tat-Trasport Urban Nadif; dan jinkludi l-kalkoli minn meta jiġi konkluż il-ftehim finanzjarju sad-data ta’ maturità tas-self, ibbażati fuq stimi għall-proġetti li jkunu għadhom fil-fażi ta’ kostruzzjoni u li jkunu ilhom inqas minn sena jitħaddmu u fuq id-data reali għall-proġetti li jkun ilhom iktar minn sena jitħaddmu. L-iffrankar qed jingħata għall-volum totali tal-investiment fil-proġetti (jiġifieri kemm għall-investimenti tal-EEEF u kemm għal dawk minn sorsi oħrajn).


Brussell, 10.2.2020

COM(2020) 38 final

ANNESS

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru
u tal-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika





{SWD(2020) 12 final}


Ammont totali ta’ pagamenti li saru għall-proġetti tal-EEPR (f’Euro) fil-31 ta’ Diċembru 2018

sena

Total

Interkonnetturi

2010

360 855 255

 

2011

224 168 978

2012

129 803 681

2013

126 931 210

2014

105 405 090

2015

368 316 520

2016

171 413 396

2017

54 679 619

 

2018

127 796 483

Total

 

1 669 370 233

Ħżin tad-diossidu tal-karbonju

2010

193 746 615

 

2011

192 003 912

2012

-5 616 119

2013

26 844 339

2014

16 439 027

2015

8 810 052

2016

0

2017

-8 187 324

 

2018

-36 828 954

Total

 

387 211 547

Enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta

2010

146 307 028

 

2011

41 300 325

2012

15 624 304

2013

11 990 156

2014

19 996 656

2015

-26 186 766

2016

14 240 385

2017

87 063 362

 

2018

31 303 765

Total

 

341 639 214

Fond għall-Effiċjenza Enerġetika

2010

0

 

2011

30 000 000

2012

934 251

2013

24 892 027

2014

42 726 026

2015

14 651 461

2016

3 000 000

2017

0

 

2018

0

Total

116 203 765

Total finali

2010

700 908 898

2011

487 473 215

2012

140 746 117

2013

190 657 732

2014

184 566 799

2015

365 591 267

2016

188 653 781

2017

133 555 657

2018

122 271 293

Total

 

2 514 424 758

L-ordnijiet ta’ rkupru tnaqqsu mill-pagamenti