Brussell, 31.1.2020

COM(2020) 34 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Ir-Rapport Annwali tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea 2017 - 2018


WERREJ

1.Introduzzjoni

2.L-applikazzjonijiet

3.Finanzjament

4.Għeluq

5.Konklużjonijiet

1.Introduzzjoni

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolament”) jipprevedi fl-Artikolu 12 tiegħu li għandu jiġi ppreżentat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attività tal-Fond fis-sena ta’ qabel. Eċċezzjonalment, minħabba li l-proċedura ta’ mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà għad-diżastri kollha tal-2017 tlestiet biss fl-2018, dan ir-rapport ikopri l-attivitajiet tal-Fond kemm matul l-2017 kif ukoll matul l-2018. Ir-rapport jiġbor fil-qosor l-applikazzjonijiet li ġew irċevuti u l-każijiet li ngħalqu matul il-perjodu tar-rapportar. Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjonijiet kollha skont il-kriterji stabbiliti fir-Regolament kif emendat fl-2014 1 .

Fl-2017, il-Kummissjoni rċeviet għaxar applikazzjonijiet ġodda għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà, jiġifieri minn Franza, mill-Greċja, mil-Latvja, mil-Litwanja, mill-Polonja, mill-Portugall u minn Spanja. Barra minn hekk, u l-aktar importanti, l-Italja rrevediet u aġġornat l-applikazzjoni tagħha li kienet inizjalment ippreżentat fl-2016 għas-sensiela ta’ terremoti kbar li bdew f’Awwissu 2016 u li komplew sal-bidu tal-2017.

Il-Portugall, il-Greċja, Franza u Spanja talbu pagamenti bil-quddiem għal ħames applikazzjonijiet li tlieta minnhom setgħu jingħataw. Il-Kummissjoni ħallset dawn l-avvanzi li ammontaw għal total ta’ EUR 6,5 miljun fi żmien ftit ġimgħat wara li rċeviet l-applikazzjonijiet.

Tnejn mill-applikazzjonijiet irċevuti, jiġifieri dawk għall-għargħar f’Murcia u għan-nirien f’Doñana fi Spanja, ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet tar-Regolament u għalhekk ma ġewx aċċettati. Id-deċiżjonijiet dwar it-tmien applikazzjonijiet il-ġodda l-oħra mill-2017 ġew adottati fl-2018. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għalqet sitt interventi preċedenti tal-Fond ta’ Solidarjetà.

Fl-2018, il-Kummissjoni rċeviet erba’ applikazzjonijiet għal assistenza mill-Fond ta’ Solidarjetà, jiġifieri mill-Bulgarija, minn Ċipru, mill-Italja u mir-Rumanija, li minnhom il-Kummissjoni ma setgħetx taċċetta l-applikazzjoni minn Ċipru. L-ebda wieħed mit-tliet pajjiżi l-oħra ma talab pagament bil-quddiem. Fl-2018, il-Kummissjoni ħallset l-ammont totali ta’ EUR 2,3 miljun lill-Bulgarija. Id-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet miż-żewġ pajjiżi l-oħra li ġew irċevuti fl-2018 kienu għadhom pendenti fl-aħħar ta’ dik is-sena.

L-Anness I jippreżenta l-livelli minimi ta’ ħsara ta’ “diżastru maġġuri” għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà applikabbli fl-2017 u l-2018. L-Anness II jippreżenta ħarsa ġenerali lejn l-applikazzjonijiet approvati fl-2017/2018, inkluża l-informazzjoni finanzjarja rilevanti.

2.L-applikazzjonijiet

Øfl-2017

Fl-2017, il-Kummissjoni rċeviet għaxar applikazzjonijiet ġodda għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà. Dawn kollha waslu għand il-Kummissjoni sal-iskadenza legali ta’ “mhux iktar tard minn 12-il ġimgħa wara l-ewwel okkorrenza tal-ħsara” (l-Artikolu 4(1) tar-Regolament). Tliet applikazzjonijiet kienu jikkonċernaw diżastri maġġuri, sitta kienu jikkonċernaw diżastru reġjonali, u waħda kienet ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet għal diżastri f’“pajjiż ġar”. Il-Kummissjoni adottat id-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni li taw kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE lil tmienja minn dawn l-applikazzjonijiet matul l-2018.

L-ITALJA – Sensiela ta’ terremoti 2016/2017

Kif ġie stabbilit fir-rapport annwali preċedenti, bejn Awwissu 2016 u Jannar 2017 ir-reġjun ċentrali tal-Apennini tal-Italja ntlaqat mill-aktar serje vjolenti ta’ terremoti fl-istorja tal-Fond ta’ Solidarjetà. Il-ħsara diretta kumulata ammontat għal somma mingħajr preċedent ta’ EUR 21,879 biljun, li kienet aktar minn sitt darbiet il-livell minimu għal diżastru maġġuri u li huwa bil-bosta l-akbar diżastru minn mindu nħoloq il-Fond ta’ Solidarjetà. L-avvanz massimu possibbli ta’ EUR 30 miljun tħallas f’Diċembru 2016 wara li l-Kummissjoni kienet irċeviet l-applikazzjoni inizjali tal-Italja fis-16 ta’ Novembru 2016.

Billi baqgħu jseħħu repliki sismiċi qawwija waħda wara l-oħra sa Jannar 2017, l-Italja kellha taġġorna l-applikazzjoni inizjali tagħha diversi drabi, bl-aħħar reviżjoni tasal fil-25 ta’ Mejju 2017.

Abbażi tal-metodu stabbilit biex jiġu determinati l-ammonti ta’ għajnuna mill-Fond ta’ Solidarjetà (jiġifieri 2,5 % tal-ħsara totali għall-parti tal-ħsara sal-“limitu ta’ diżastru maġġuri” flimkien ma’ 6 % għall-parti tal-ħsara li taqbeż il-livell minimu) l-Italja kellha d-dritt li tirċievi EUR 1 196 797 579, jiġifieri kważi EUR 1,2 biljun. Dan l-ammont, li huwa bil-bosta l-akbar ammont ta’ għajnuna li qatt tħallas taħt il-Fond ta’ Solidarjetà, qabeż b’aktar mid-doppju l-allokazzjoni annwali massima disponibbli għall-Fond.

Fortunatament, l-allokazzjoni kollha tal-2016 ma kinitx intefqet (il-pagamenti matul l-2016 saru mill-ammont riportat mill-2015). Għalhekk, l-allokazzjoni tal-2016 ġiet riportata għall-2017. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li, għall-ewwel darba, tintuża d-dispożizzjoni tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament QFP li tippermetti li, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, tintuża l-allokazzjoni tas-sena ta’ wara (2018) biex tkopri d-differenza li jibqa’.

FRANZA - L-Uragani Irma u Maria f’Saint Martin u fi Guadeloupe

Fil-5 u s-6 ta’ Settembru 2017, uragan ta’ kategorija 5 bl-isem Irma, ta’ vjolenza mingħajr preċedent, ivvjaġġa mal-Karibew, u qatel u darab numru kbir ta’ nies u ħalla warajh qerda sħiħa kullimkien. L-għajn tal-uragan Irma qasmet il-gżira ta’ San Martin/Sint Maarten b’veloċità medja ta’ 290-295 km fis-siegħa u qerdet aktar minn 90 % tal-gżira. Ġimagħtejn biss wara, fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2017, l-uragan Maria, uragan ieħor tal-kategorija 5 li rriżulta mill-istess kundizzjonijiet meteoroloġiċi u klimatiċi bħal Irma, qasam il-Karibew u reġa’ kkawża ħsara sinifikanti f’San Martin/Sint Maarten, fi Guadeloupe u f’partijiet ta’ Martinique.

Franza applikat għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà fis-27 ta’ Novembru 2017, sal-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa.

L-awtoritajiet Franċiżi stmaw il-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru għal EUR 1 956,241 miljun. L-applikazzjoni ġiet ippreżentata abbażi tal-kriterji għal “diżastru naturali reġjonali” kif stabbilit fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament. L-applikazzjoni kienet relatata ma’ reġjun uniku ta’ livell NUTS 2, li jinkludi Saint-Martin u Guadeloupe. Peress li dan ir-reġjun għandu l-istatus ta’ reġjun ultraperiferiku skont it-tifsira tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kien japplika livell minimu ta’ ħsara aktar baxx ta’ 1 % tal-PDG reġjonali. Filwaqt li ma kienx jikkwalifika bħala diżastru maġġuri, il-ħsara diretta rrappurtata kienet tirrappreżenta 21,9 % tal-prodott domestiku gross (PDG) tar-reġjun u qabżet bil-bosta l-livell minimu ta’ 1 % stabbilit fir-Regolament applikabbli għar-reġjuni ultraperiferiċi. Għalhekk, l-applikazzjoni minn Franza kienet eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Solidarjetà.

Fit-12 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni ħallset avvanz lil Franza li ammonta għal EUR 4 890 603, li kien jirrappreżenta 10 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja antiċipata mill-Fond ta’ Solidarjetà li kienet tammonta għal EUR 48 906 025.

IL-GREĊJA

Terremot fil-gżira ta’ Lesbos fl-2017

Fit-12 ta’ Ġunju 2017, terremot tal-qawwa ta’ 6,3 fuq l-iskala Richter laqat il-gżira ta’ Lesbos fl-Eġew tat-Tramuntana. Wara kien hemm numru kbir ta’ repliki sismiċi li kkawżaw ħsara lil djar privati, negozji u lill-infrastruttura lokali.

Il-Greċja applikat għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà fl-1 ta’ Settembru 2017.

L-awtoritajiet Griegi stmaw il-ħsara diretta totali għal EUR 54,365 miljun. L-applikazzjoni ġiet ippreżentata abbażi tal-kriterji għal “diżastru naturali reġjonali” kif stabbilit fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament li jiddefinixxi “diżastru naturali reġjonali” bħala kwalunkwe diżastru naturali f’reġjun fil-livell NUTS 2 ta’ Stat eliġibbli li jirriżulta fi ħsara diretta li taqbeż il-1,5 % tal-PDG ta’ dak ir-reġjun. Il-ħsara kkawżata f’Lesbos kienet tirrappreżenta 2,14 % tal-PDG tar-reġjun ikkonċernat fil-livell NUTS 2 fl-Eġew tat-Tramuntana u b’hekk qabżet il-livell minimu ta’ 1,5 % tal-PDG reġjonali stabbilit fir-Regolament. Għalhekk, l-applikazzjoni mill-Greċja kienet eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Solidarjetà.

Fid-9 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni ħallset avvanz lill-Greċja li kien jammonta għal EUR 135 912, li jirrappreżenta 10 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja antiċipata mill-Fond ta’ Solidarjetà li kienet tammonta għal EUR 1 359 119.

Terremot fil-gżira ta’ Kos fl-2017

Fl-20 ta’ Lulju 2017, terremot b’qawwa ta’ 6,6 fuq l-iskala Richter laqat ir-reġjun fl-Eġew tan-Nofsinhar bejn Bodrum (it-Turkija) u l-gżira ta’ Kos (il-Greċja) segwit minn bosta repliki sismiċi. Id-dannu li rriżulta laqat l-aktar l-infrastruttura u l-assi pubbliċi kif ukoll siti ta’ wirt kulturali importanti.

Il-Greċja applikat għal kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Solidarjetà fil-11 ta’ Ottubru 2017, sal-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa.

L-awtoritajiet Griegi stmaw il-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru għal EUR 101,432 miljun. L-applikazzjoni ġiet ippreżentata abbażi tad-dispożizzjonijiet għal “diżastri reġjonali” stabbiliti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament. Il-ħsara kkawżata mit-terremot f’Kos kienet tirrappreżenta 1,8 % tal-PDG tar-reġjun rilevanti fil-livell ta’ NUTS 2 fl-Eġew tan-Nofsinhar u għalhekk qabżet il-livell minimu ta’ 1,5 % stabbilit fir-Regolament. Għalhekk, l-applikazzjoni mill-Greċja kienet eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Solidarjetà li kienet tammonta għal EUR 2 535 796. Filwaqt li l-Greċja kienet applikat għall-ħlas ta’ avvanz, l-inċertezzi inizjali dwar l-eliġibbiltà tal-applikazzjoni ma ppermettewx li jsir il-ħlas tiegħu.

IL-LATVJA - Għargħar 2017

Matul is-sajf u l-ħarifa tal-2017, il-Latvja ntlaqtet minn perjodu twil ta’ xita qawwija li wassal għas-saturazzjoni tal-ħamrija u għargħar sussegwenti fil-pajjiż kollu, b’mod partikolari fir-reġjun tal-Latgale u fit-territorji tal-madwar. Konsegwentement, l-għelejjel inqerdu u saret ħsara kbira lill-passaġġi tal-ilma, lis-sistema tad-drenaġġ, lill-impjanti tat-trattament tal-ilma konnessi kif ukoll lill-infrastruttura tat-toroq u dik ferrovjarja.

L-awtoritajiet tal-Latvja applikaw għal kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Solidarjetà fl-14 ta’ Novembru 2017, sal-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa minn meta seħħet l-ewwel ħsara fl-24 ta’ Awwissu 2017.

Il-Latvja stmat il-ħsara diretta totali kkawżata mill-għargħar għal EUR 380,524 miljun. Dan l-ammont qabeż il-“limitu għal diżastru maġġuri” għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà applikabbli għal-Latvja fl-2017 ta’ EUR 145,740 miljun (jiġifieri 0,6 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Latvja). Peress li l-ħsara diretta totali stmata kienet taqbeż il-livell minimu, id-diżastru kien jikkwalifika bħala “diżastru naturali maġġuri” kif definit mir-Regolament. Għalhekk, l-applikazzjoni mil-Latvja kienet eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Solidarjetà li kienet tammonta għal EUR 17 730 519. Il-Latvja ma talbitx il-ħlas ta’ avvanz.

IL-LITWANJA - Għargħar fl-2017

Matul tmiem is-sajf u l-ħarifa tal-2017, il-Litwanja ntlaqtet minn xita kontinwa li rriżultat f’ħamrija kompletament saturata li ma kinitx kapaċi tassorbi l-ilma żejjed. Din is-sitwazzjoni rriżultat f’għargħar li kkawża prinċipalment ħsara fl-infrastruttura tan-netwerk u fis-settur agrikolu.

L-awtoritajiet tal-Litwanja applikaw għal kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Solidarjetà fit-22 ta’ Diċembru 2017, sal-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa minn meta ġiet irreġistrata l-ewwel ħsara fl-4 ta’ Ottubru.

Il-Litwanja stmat il-ħsara diretta totali kkawżata mill-għargħar għal EUR 407,366 miljun. Dan l-ammont kien jaqbeż il-“limitu għal diżastru maġġuri” għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà applikabbli għal-Litwanja fl-2017 ta’ EUR 214,944 miljun (jiġifieri 0,6 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Litwanja). Peress li l-ħsara diretta totali stmata qabżet dak il-livell minimu, id-diżastru kien jikkwalifika bħala “diżastru naturali maġġuri” u għalhekk kien jikkwalifika għal kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Solidarjetà li kienet tammonta għal EUR 16 918 941. Il-Latvja ma talbitx il-ħlas ta’ avvanz.

IL-POLONJA - Maltemp fl-2017

Bejn id-9 u t-12 ta’ Awwissu 2017 partijiet mill-Polonja ntlaqtu minn maltempati vjolenti u xita qawwija eċċezzjonali li kkawżaw ħsara kbira lil foresti privati u pubbliċi, lill-infrastruttura pubblika u assi oħrajn.

Il-Polonja applikat għal kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Solidarjetà fil-25 ta’ Ottubru 2017, sal-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa minn meta ġiet irreġistrata l-ewwel ħsara.

L-awtoritajiet Pollakki stmaw il-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru għal EUR 491,170 miljun. L-applikazzjoni kienet ippreżentata abbażi tad-dispożizzjonijiet għal “diżastri reġjonali” stabbiliti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament. Il-ħsara kkawżata mill-maltempata tirrappreżenta 2,04 % tal-medja ponderata tal-PDG 2 reġjonali tat-tliet reġjuni kkonċernati, jiġifieri l-provinċja ta’ Kujawy-Pomerania, il-provinċja tal-Pomerania u l-provinċja ta’ Greater Poland u għalhekk qabżet il-livell minimu ta’ 1,5 % previst fir-Regolament. Għalhekk, l-applikazzjoni mill-Polonja kienet eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Solidarjetà li tammonta għal EUR 12 279 244. Il-Polonja ma talbitx il-ħlas ta’ avvanz.

IL-PORTUGALL - Nirien fil-foresti fl-2017

Bejn Ġunju u Ottubru 2017, il-Portugall sofra minn bosta mewġiet ta’ nirien kbar fil-foresti kkawżati minn temperaturi għoljin, irjieħ qawwija u umdità estremament baxxa. Dawn in-nirien affettwaw l-aktar lir-reġjuni Ċentrali u tat-Tramuntana tal-Portugall u kellhom effett devastanti billi kkawżaw il-qerda ta’ infrastruttura pubblika essenzjali, bini pubbliku, djar privati, negozji u qerdu art agrikola u tal-foresti.

L-ewwel mewġa ta’ nirien fir-reġjun ta’ Centro bdiet fis-17 ta’ Ġunju 2017. Malajr ħafna, fis-17 ta’ Lulju 2017, u sal-iskadenza tal-applikazzjoni ta’ 12-il ġimgħa, il-Portugall ippreżenta applikazzjoni inizjali tal-Fond ta’ Solidarjetà. Madankollu, reġa’ kien hemm nirien serji bejn Lulju u Ottubru. Sabiex jitqiesu dawn l-avvenimenti, il-Portugall ippreżenta aġġornamenti għall-applikazzjoni inizjali tiegħu fit-13 ta’ Ottubru 2017 u mill-ġdid fl-14 ta’ Diċembru 2017 inkluża stima riveduta tal-ammont kumulat ta’ ħsara kkawżata min-nirien bejn Ġunju u Ottubru 2017.

Fl-applikazzjoni finali tagħhom l-awtoritajiet Portugiżi stmaw il-ħsara diretta totali kkawżata min-nirien bejn Ġunju u Ottubru għal EUR 1 457,966 miljun. L-applikazzjoni ġiet ippreżentata bħala “diżastru naturali maġġuri” skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament. L-ammont ta’ ħsara kien jirrappreżenta 0,832 % tal-ING tal-Portugall, u għalhekk qabeż il-livell minimu għal diżastru maġġuri għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà ta’ EUR 1 051,566 miljun fl-2017 (jiġifieri 0,6 % tal-ING tal-Portugall). Għalhekk, id-diżastru kkwalifika bħala “diżastru naturali maġġuri”.

Fid-29 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni ħallset avvanz lill-Portugall li ammonta għal EUR 1 494 331 abbażi tal-ħsara rrappurtata f’applikazzjoni preċedenti. Il-kontribuzzjoni finanzjarja finali mill-Fond ta’ Solidarjetà kienet tammonta għal EUR 50 673 132.

SPANJA

Nirien fil-foresti tal-Galicia fl-2017

Nirien kbar fil-foresti faqqgħu fil-Majjistral ta’ Spanja fir-reġjun tal-Galicia matul il-perjodu bejn l-10 u s-17 ta’ Ottubru 2017. In-nirien kienu kkawżati mill-istess kundizzjonijiet meteoroloġiċi bħal fil-Portugall, jiġifieri temperaturi għoljin, irjieħ u umdità estremament baxxa. In-nirien ikkawżaw qerda konsiderevoli ta’ infrastruttura pubblika essenzjali, djar privati, negozji u art forestali.

Spanja applikat għal kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Solidarjetà fit-22 ta’ Diċembru 2017, sal-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa minn meta ġiet irreġistrata l-ewwel ħsara fl-10 ta’ Ottubru 2017.

L-awtoritajiet Spanjoli stmaw il-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru għal EUR 129,147 miljun. Dan l-ammont kien konsiderevolment inqas mil-livell minimu ta’ diżastru maġġuri applikabbli għal Spanja fl-2017 ta’ EUR 3 378,5 miljun (jiġifieri EUR 3 biljuni bil-prezzijiet tal-2011). Dan kien ukoll taħt il-livell minimu għal diżastru reġjonali, jiġifieri 1,5 % tal-PDG reġjonali, li għall-Galicia huwa ta’ EUR 808 miljuni. Għalhekk id-diżastru la kkwalifika bħala “diżastru naturali maġġuri” u lanqas bħala “diżastru naturali reġjonali” skont it-termini tar-Regolament. Madankollu, Spanja sofriet mill-istess kundizzjonijiet meteoroloġiċi li kkawżaw id-diżastru maġġuri fil-Portugall. Għalhekk, l-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw l-applikazzjoni tagħhom taħt l-hekk imsejħa “dispożizzjoni ta’ pajjiż ġar” stabbilita fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament, fejn pajjiż eliġibbli milqut mill-istess diżastru li jikkwalifika bħala diżastru maġġuri f’pajjiż eliġibbli ġar jista’ jibbenefika wkoll minn għajnuna mill-Fond ta’ Solidarjetà. L-applikazzjoni minn Spanja kienet għalhekk eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Solidarjetà li ammontat għal EUR 3 228 675.

Nirien f’Doňana fl-2017

Sa minn kmieni fl-2017, nixfa gravi kienet qed taffettwa partijiet kbar min-Nofsinhar ta’ Spanja.

Fl-24 ta’ Ġunju 2017 dan wassal għal nirien fir-riżerva naturali ta’ Doñana li baqgħu għaddejjin sat-8 ta’ Lulju 2017. In-nirien qerdu aktar minn 10 000 ettaru ta’ msaġar ekoloġikament sensittivi u siewja fosthom il-qalba tal-Park Nazzjonali Doñana li għandha varjetà kbira ta’ ekosistemi u ta’ kenn għall-annimali selvaġġi inklużi ħafna għasafar tal-passa u speċi fil-periklu. Iż-żona hija sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO. B’konsegwenza ta’ dan, id-diżastru pperikola wkoll il-pilastri ewlenin tal-ekonomija lokali, li huma bbażati fuq l-agrikoltura, il-forestrija u t-turiżmu.

Fil-15 ta’ Settembru 2017, Spanja ppreżentat applikazzjoni għal assistenza mill-Fond ta’ Solidarjetà fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha seħħet l-ewwel ħsara kkawżata min-nirien.

Fl-applikazzjoni tagħha, Spanja rrappurtat li l-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru ammontat għal EUR 117,897 miljun. L-applikazzjoni ġiet ippreżentata abbażi tal-kriterji għal “diżastri reġjonali” kif stabbiliti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament. L-applikazzjoni Spanjola kienet relatata ma’ reġjun uniku ta’ livell NUTS 2, jiġifieri Andalucía. Madankollu, il-ħsara diretta rrappurtata kienet tirrappreżenta inqas minn 0.1% tal-PDG tar-reġjun (EUR 139 099 miljun) u għalhekk baqgħet sostanzjalment taħt il-livell minimu ta’ 1,5 % tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament.

Għalhekk, l-applikazzjoni ppreżentata minn Spanja naqset milli tissodisfa l-aktar kundizzjoni essenzjali għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà u konsegwentement ma kinitx eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Solidarjetà.

Għargħar f’Murcia fl-2017

F’Diċembru 2016, xi partijiet min-Nofsinhar ta’ Spanja ntlaqtu minn preċipitazzjoni qawwija li wasslet għall-għargħar. Id-diżastru kkawża ħsara lill-infrastruttura tan-netwerk u lill-assi pubbliċi, lid-djar privati, lin-negozji, l-agrikoltura u l-forestrija u lill-ambjent.

Fit-3 ta’ Marzu 2017, Spanja ppreżentat applikazzjoni għal assistenza mill-Fond ta’ Solidarjetà lill-Kummissjoni, li kienet madankollu limitata għar-reġjun ta’ Murcia, fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha seħħet l-ewwel ħsara kkawżata mid-diżastru.

Fl-applikazzjoni tagħha, Spanja rrappurtat li l-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru ammontat għal EUR 214,569 miljun. L-applikazzjoni ġiet ippreżentata abbażi tal-kriterji għal “diżastri reġjonali” kif stabbiliti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament. Il-ħsara diretta rrappurtata kienet tirrappreżenta 0,8 % tal-PDG tar-reġjun (EUR 26 808 miljun) u għalhekk baqgħet sostanzjalment taħt il-livell minimu ta’ 1,5 % tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament.

Għalhekk, l-applikazzjoni ppreżentata minn Spanja naqset milli tissodisfa l-aktar kundizzjoni essenzjali għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà u konsegwentement ma kinitx eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Solidarjetà.

Øfl-2018

Matul l-2018, il-Kummissjoni rċeviet erba’ applikazzjonijiet ġodda, tlieta minnhom għal diżastri reġjonali u waħda maġġuri. Il-Kummissjoni adottat deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni li taw kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà għal tnejn minn dawn l-applikazzjonijiet matul l-2018 u rrifjutat waħda. Il-valutazzjoni tar-raba’ applikazzjoni, li ġiet irċevuta fl-aħħar ta’ Diċembru, tlestiet fl-2019.

IL-BULGARIJA

Lejn l-aħħar ta’ Ottubru 2017, il-parti tax-Xlokk tal-Bulgarija esperjenzat xita u maltempati vjolenti mhux tas-soltu li kkawżaw ħsara lil pontijiet, kanali tad-dranaġġ, ħitan u lill-infrastruttura bażika.

Fil-11 ta’ Jannar 2018, il-Bulgarija ppreżentat applikazzjoni għal assistenza mill-Fond ta’ Solidarjetà fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha seħħet l-ewwel ħsara fil-25 ta’ Ottubru 2017. L-awtoritajiet Bulgari stmaw il-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru għal EUR 90,329 miljun. L-applikazzjoni kienet ippreżentata abbażi tad-dispożizzjonijiet għal “diżastri reġjonali” stabbiliti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament. Il-ħsara kkawżata mill-għargħar f’Burgas kienet tirrappreżenta 1,6 % tal-PDG tar-reġjun rilevanti fil-livell ta’ NUTS 2 tal-Yugoiztochen u għalhekk qabżet il-livell minimu ta’ 1,5 % previst fir-Regolament.

Għalhekk, l-applikazzjoni mill-Bulgarija kienet eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Solidarjetà li kienet tammonta għal EUR 2 258 225. Filwaqt li l-Bulgarija kienet applikat għall-ħlas ta’ avvanz, l-inċertezzi inizjali dwar l-eliġibbiltà tal-applikazzjoni ma ppermettewx li jsir il-ħlas tiegħu.

ĊIPRU

Minn Settembru 2016 ’l hawn, Ċipru kien qed isofri minn preċipitazzjoni baxxa ħafna u temperaturi estremament għoljin, li wasslu għal nixfa b’falliment tal-uċuħ tar-raba’, skarsezza tal-ilma fl-agrikoltura u għall-popolazzjoni, u problemi għas-sistemi tal-provvista tal-ilma. Sussegwentement, f’Awwissu 2018, l-awtoritajiet Ċiprijotti ddeċidew li jippreżentaw applikazzjoni għal assistenza finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà.

Fl-applikazzjoni tiegħu, Ċipru talab ħsara diretta totali kkawżata min-nixfa għal EUR 117,601 miljun, li EUR 26,892 miljun minnhom kienu relatati mat-telf fl-agrikoltura. Il-bqija ta’ EUR 90,709 miljun tal-ħsara mitluba kienet relatata mas-settur tal-ilma.

L-ammont ta’ ħsara mitluba qabeż il-livell minimu għal “diżastru maġġuri” għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà applikabbli għal Ċipru fl-2018 (EUR 107,031 miljun (jiġifieri 0,6 % tal-ING)). Madankollu, il-parti tal-“ħsara” li kienet tirrappreżenta l-ispejjeż stmati għall-ġejjieni, jiġifieri, spejjeż ta’ madwar EUR 46 miljun għall-produzzjoni ta’ ilma desalinizzat li huma mistennija li jirriżultaw wara d-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni sal-aħħar tal-2019, ma setgħetx tiġi aċċettata bħala parti mill-ħsara diretta totali skont it-termini tar-Regolament. Għalhekk, l-ammont ta’ ħsara diretta totali aċċettata naqas konsiderevolment taħt il-livell minimu għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà.

Fl-applikazzjoni, Ċipru talab ukoll il-ħlas ta’ avvanz. Madankollu, peress li l-valutazzjoni preliminari uriet li l-ħsara diretta totali eliġibbli ma laħqitx il-livell minimu rilevanti, l-avvanz ma setax jitħallas.

Il-Kummissjoni kkonkludiet li n-nixfa f’Ċipru ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE stabbiliti fir-Regolament u konsegwentement ma kinitx eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ma ġietx aċċettata.

IR-RUMANIJA

Minn nofs Ġunju sal-bidu ta’ Awwissu 2018, ir-reġjun tal-Grigal tar-Rumanija ntlaqat minn xita qawwija ripetuta u għargħar estensiv sussegwenti li kkawża ħsara importanti lill-infrastruttura u lill-unitajiet domestiċi kif ukoll telf fl-agrikoltura.

Fis-7 ta’ Settembru 2018, sal-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa wara li seħħet l-ewwel ħsara, ir-Rumanija applikat għal kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Solidarjetà.

Il-ħsara rrappurtata f’din l-applikazzjoni inizjali kienet konsiderevolment inqas mil-livell minimu meħtieġ ta’ 1,5 % tal-PDG reġjonali (jiġifieri EUR 237,96 miljun għar-reġjun tal-Grigal). Fid-9 ta’ Ottubru 2018, l-awtoritajiet Rumeni ppreżentaw, kif imħabbar preċedentement lill-Kummissjoni, applikazzjoni riveduta b’ħsara diretta totali li issa kienet tammonta għal EUR 327,692 miljun. Dan l-ammont kien jirrappreżenta 2,07 % tal-PDG reġjonali u għalhekk qabeż il-livell minimu. L-analiżi tal-Kummissjoni tal-applikazzjoni riveduta tar-Rumanija xorta kixfet għadd ta’ inkonsistenzi. Għalhekk, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Rumeni għal kjarifika li huma pprovdew fl-14 ta’ Diċembru 2018.

Sa tmiem l-2018, kienet għadha ma tteħditx deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni u se tiġi rrappurtata fir-rapport annwali tal-Fond ta’ Solidarjetà għall-2019. Ir-Rumanija ma talbitx il-ħlas ta’ avvanz.

L-ITALJA

F’Ottubru u fil-bidu ta’ Novembru 2018, il-maġġoranza tar-reġjuni Taljani miż-żoni tal-Alpi fit-tramuntana sa Sqallija ntlaqtu diversi drabi minn xita u rjieħ qawwija li rriżultaw f’għargħar u uqigħ tal-art li għamlu dan l-istaġun l-aktar ħarifa devastanti fl-istorja riċenti b’għadd kbir ta’ nies midruba u ħsara fiżika mifruxa.

L-Italja applikat għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà fl-20 ta’ Diċembru 2018, sal-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa minn meta ġiet irreġistrata l-ewwel ħsara.

Fi tmiem l-2018, kienet għadha ma tteħditx deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni, u se tiġi rrappurtata fir-rapport annwali tal-2019 dwar il-Fond ta’ Solidarjetà. L-Italja ma talbitx il-ħlas ta’ avvanz.

3.Finanzjament

Matul il-perjodu ta’ rapportar il-Parlament Ewropew u l-Kunsill bħala Awtorità tal-Baġit approvaw għaxar kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond ta’ Solidarjetà kif propost mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposti tagħha għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà f’erba’ gruppi:

·L-Abbozz ta’ Baġit Emendatorju 4/2017 kopra esklussivament l-assistenza tal-Fond ta’ Solidarjetà lill-Italja għat-terremoti tal-2016/2017. Dan ġie adottat fit-13 ta’ Settembru 2017 u mmobilizza ammont ta’ EUR 1 196 797 579. Billi fl-2016 kien diġà tħallas avvanz ta’ EUR 30 miljun, il-bilanċ ta’ EUR 1 166 797 579 tħallas fis-6 ta’ Novembru 2017 wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tat l-assistenza lill-Italja.

·L-Abbozz ta’ Baġit Emendatorju 1/2018 ġie adottat fit-30 ta’ Mejju 2018 u kopra l-assistenza lil Franza, lill-Portugall, lil Spanja u lill-Greċja (Lesbos) b’total ta’ EUR 104 166 951.

·L-Abbozz ta’ Baġit Emendatorju 4/2018 ġie adottat fil-31 ta’ Mejju 2018 u kopra l-għajnuna lill-Greċja (Kos), lill-Polonja, lil-Litwanja u lill-Bulgarija b’total ta’ EUR 33 992 206.

·L-assistenza proposta lil-Latvja ma kinitx akkumpanjata minn abbozz ta’ baġit emendatorju peress li l-approprjazzjonijiet meħtieġa kienu koperti mill-ammont li qabel kien immobilizzat bil-baġit tal-2018 għall-pagamenti bil-quddiem. L-Awtorità tal-Baġit approvat il-mobilizzazzjoni ta’ EUR 17 730 519 fl-14 ta’ Novembru 2018.

Id-determinazzjoni tal-ammonti individwali ta’ assistenza proposti mill-Kummissjoni segwew il-metodu stabbilit fl-2002 u applikat fil-każijiet kollha minn dak iż-żmien ’l hawn. Huwa bbażat fuq il-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru b’rabta mal-ġid relattiv tal-Istat affettwat kif rifless mil-livell minimu għal diżastru maġġuri (ara l-Anness 1).

Għalhekk, għal diżastri maġġuri, tiġi applikata sistema progressiva f’żewġ stadji li permezz tagħha l-pajjiż jirċievi rata aktar baxxa ta’ għajnuna ta’ 2,5 % tal-ħsara diretta totali għall-parti tal-ħsara taħt il-livell minimu u sehem ogħla ta’ għajnuna ta’ 6 % għall-parti tal-ħsara li taqbeż il-livell minimu. Iż-żewġ ammonti huma miżjuda flimkien. Id-diżastri reġjonali u d-diżastri ta’ “pajjiż ġar” jirċievu 2,5 % tal-ħsara diretta totali.

Meta l-Parlament u l-Kunsill approvaw il-mobilizzazzjoni u għamlu l-approprjazzjonijiet tal-baġit meħtieġa disponibbli fil-baġit tal-UE, il-Kummissjoni adottat deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni li taw l-assistenza lill-pajjiżi individwali, segwiti mill-ħlas tal-ammont sħiħ. F’dawk il-każijiet fejn ingħata avvanz tħallas biss il-bilanċ tal-kontribuzzjoni sħiħa.

Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni identifikat fl-annessi tagħhom dawk l-awtoritajiet nominati mill-Istati benefiċjarji għall-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà, l-awtorità indipendenti responsabbli għall-verifika u l-kontroll u deskrizzjoni ġenerika tal-użu maħsub tal-flus.



Assistenza mill-Fond ta’ Solidarjetà approvata fl-2017/2018

Stat Benefiċjarju

Diżastru

Kategorija

Pagament bil-quddiem

Ammont tal-għajnuna

(EUR)

L-Italja

It-terremoti tal-Apennini 2016/2017

Maġġuri

Iva (2016)

1 196 797 579

Franza

L-Uragani Irma u Maria f’Saint Martin u Guadeloupe

Reġjonali

iva

48 906 025

Il-Ġreċja

It-terremot ta’ Lesbos 2017

Reġjonali

iva

1 359 119

Il-Ġreċja

It-terremot ta’ Kos 2017

Reġjonali

le

2 535 796

Il-Latvja

Għargħar 2017

Maġġuri

le*

17 730 519

Il-Litwanja

Għargħar 2017

Maġġuri

le*

16 918 941

Il-Polonja

Maltempata 2017

Reġjonali

le*

12 279 244

Il-Portugall

Nirien fil-foresti 2017

Maġġuri

iva

50 673 132

Spanja

Nirien f’Galicia 2017

Pajjiż ġar

le

3 228 675

Il-Bulgarija

Għargħar fil-Burgas 2017

Reġjonali

le

2 258 225

TOTAL

1 352 687 255

* mhux mitluba

4.Għeluq

Il-Kummissjoni għalqet ħames interventi tal-Fond ta’ Solidarjetà fl-2017 u tnejn fl-2018. L-Artikolu 8(2) tar-Regolament jistipula li fi żmien 18-il xahar mid-data tal-iżborż tal-kontribuzzjoni finanzjarja, l-Istat benefiċjarju għandu jippreżenta rapport dwar l-eżekuzzjoni finanzjarja (“rapport ta’ implimentazzjoni”) b’dikjarazzjoni li tiġġustifika n-nefqa (“dikjarazzjoni ta’ validità”).

ØGħeluq tal-2017

Ir-Rumanija, għargħar tal-2008: il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà kienet tammonta għal EUR 11 785 377. Ir-Rumanija ppreżentat ir-rapport ta’ implimentazzjoni u d-dikjarazzjoni ta’ validità f’April 2012. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Rumeni fir-rapport ta’ implimentazzjoni tagħhom, il-kontribuzzjoni totali tal-Fond ta’ Solidarjetà li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom kienet ta’ EUR 13 537 590,96 (inkluż EUR 1 752 213,96 fi qligħ minn interessi u differenzi fir-rata tal-kambju) u ntużat kompletament għall-operazzjonijiet tal-Fond ta’ Solidarjetà.

Ir-Rumanija, għargħar tal-2010: il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà kienet tammonta għal EUR 24 967 741. Ir-rapport ta’ implimentazzjoni u d-dikjarazzjoni ta’ validità ġew sottomessi fi Frar 2013. Ir-Rumanija rrappurtat ammont li ma ntefaqx ta’ EUR 916 334,47 minbarra n-nefqa mhux eliġibbli ta’ EUR 1 229 401,86. L-ammont li kellu jiġi rkuprat ġie rċevut mill-Kummissjoni fis-27 ta’ Lulju 2017.

Ir-Rumanija, nixfa u nirien tal-2012: il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà kienet tammonta għal EUR 2 475 689. F’Marzu 2015, l-awtoritajiet Rumeni formalment talbu estensjoni tal-perjodu ta’ implimentazzjoni, li ngħata. Sena wara, ir-Rumanija ppreżentat ir-rapport ta’ implimentazzjoni (ir-rapport finali flimkien mad-dikjarazzjoni ta’ validità). L-awtoritajiet Rumeni rrappurtaw li l-ammont totali ma setax jintuża bis-sħiħ kif kien ippjanat fil-bidu u li EUR 2 247 413,72 baqgħu ma ntefqux. L-ammont ġie rkuprat u rċevut mill-Kummissjoni fis-27 ta’ Lulju 2017.

Is-Slovenja, għargħar tal-2012: il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà kienet tammonta għal EUR 14 081 355. Ir-rapport ta’ implimentazzjoni u d-dikjarazzjoni ta’ validità ġew ippreżentati f’Lulju 2015 (wara li ngħatat estensjoni ta’ xahrejn). Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mis-Slovenja, in-nefqa eliġibbli ammontat għal EUR 15 416 839 li kienet ogħla mill-kontribuzzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà ta’ EUR 14 081 355. Id-dikjarazzjoni ta’ validità ġiet aċċettata u l-fajl ingħalaq.

Il-Ġermanja, għargħar tal-2013: il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà kienet tammonta għal EUR 360 453 575. Ir-rapport ta’ implimentazzjoni u d-dikjarazzjoni ta’ validità ġew ippreżentati f’Marzu 2016. Il-Ġermanja rrappurtat nefqa eliġibbli li tammonta għal EUR 391 415 389,57 li kienet akbar mill-kontribuzzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà ta’ EUR 360 453 575. Wara l-kjarifika ta’ numru ta’ kwistjonijiet relatati mad-dikjarazzjoni ta’ validità, il-fajl ingħalaq.

ØGħeluq tal-2018

Franza, maltempata Xynthia tal-2010: il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà ammontat għal EUR 35 635 750. Ir-rapport ta’ implimentazzjoni u d-dikjarazzjoni ta’ validità ġew ippreżentati f’Ottubru 2012. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn Franza, in-nefqa eliġibbli ammontat għal EUR 35 619 808,48 li kienet inqas mill-kontribuzzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà. L-ammont li kellu jiġi rkuprat ġie rċevut mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Novembru 2018 u l-fajl ingħalaq.

Il-Polonja, għargħar tal-2010: il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà ammontat għal EUR 105 567 155. Ir-rapport ta’ implimentazzjoni u d-dikjarazzjoni ta’ validità ġew ippreżentati f’Jannar 2013. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Polonja, in-nefqa eliġibbli ammontat għal EUR 110 599 250,11 li kienet akbar mill-kontribuzzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà. Id-differenza ta’ EUR 5 032 095,11 bejn l-infiq imġarrab u l-ammont irċevut kienet ir-riżultat ta’ qligħ mir-rata tal-kambju. Madankollu, ammont żgħir ta’ EUR 253,31 baqa’ ma ntefaqx u kellu jiġi rkuprat. Wara li ġie rċevut il-pagament fis-27 ta’ April 2018, il-fajl ingħalaq.

5.Konklużjonijiet

Is-snin 2017 u 2018 reġgħu wrew in-nuqqas ta’ prevedibbiltà tan-numru, in-natura u s-severità tad-diżastri naturali. Filwaqt li b’mod ġenerali d-diżastri tal-għargħar jirrappreżentaw madwar żewġ terzi tal-applikazzjonijiet kollha tal-Fond ta’ Solidarjetà, il-perjodu ta’ rapportar kien ikkaratterizzat minn maltempati kbar, nirien fil-foresti u terremoti.

Avveniment wieħed b’mod partikolari, id-diżastru tat-terremot fl-Apennini ċentrali, spikka billi qabeż sew kwalunkwe ħaġa esperjenzata qabel taħt il-Fond ta’ Solidarjetà, f’termini ta’ ħsara kif ukoll ta’ assistenza mobilizzata. Filwaqt li fil-biċċa l-kbira tas-snin, l-allokazzjoni baġitarja massima tal-Fond ma tintużax għal kollox, dan il-każ irrikjeda ammont li qabeż żewġ allokazzjonijiet annwali sħaħ. Dan kien immaniġġjat b’suċċess minħabba l-flessibbiltà stabbilita fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jippermetti li l-ammonti li ma jintefqux jiġu riportati b’sena u bil-possibbiltà stabbilita fir-Regolament - u użata għall-ewwel darba - li parti mill-allokazzjoni tas-sena ta’ wara tkun fornita minn qabel. It-tnejn kienu fatturi importanti fl-immaniġġjar b’suċċess tal-Fond ta’ Solidarjetà.

Huwa interessanti li mhux l-Istati Membri kollha talbu l-ħlas ta’ avvanz. Filwaqt li l-Kummissjoni ma tafx ir-raġunijiet f’kull każ, dan jista’ jkollu x’jaqsam mal-ammonti modesti li jkunu mistennija. F’ħafna każijiet, il-kontribuzzjonijiet mill-Fond ta’ Solidarjetà huma taħt l-EUR 10 miljun u għalhekk avvanz ta’ 10 % ikun jammonta għal ftit mijiet ta’ eluf ta’ euro biss. Min-naħa l-oħra, xi applikazzjonijiet, wara valutazzjoni preliminari, ma wrewx il-grad meħtieġ ta’ plawżibbiltà li jippermetti li jiġi approvat il-pagament bil-quddiem mitlub.

Fl-aħħar nett, minkejja l-inklużjoni espliċita tan-nixfiet fl-ambitu tar-Regolament bir-reviżjoni tiegħu fl-2014, l-evalwazzjoni tan-nixfiet għadha diffiċli. Minn naħa waħda, jidher inqas ovvju milli kien mistenni li tiġi determinata b’mod ċar id-data tal-ewwel azzjoni pubblika kontra l-effetti tan-nixfa - li madankollu hija essenzjali biex tkun magħrufa l-iskadenza tal-applikazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-ħsara kkawżata minn nixfa, b’mod partikolari fl-agrikoltura, ta’ spiss tista’ tkun determinata kompletament ħafna xhur wara l-iskadenza tal-applikazzjoni u dan jagħmilha diffiċli għall-applikanti li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa fil-ħin.

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, tal-14.11.2002, p. 3) kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 661/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 (ĠU L 189, tas-27.6.2014, p. 143).
(2)    Il-medja ponderata tal-PDG reġjonali tammonta għal EUR 24,089 miljun skont id-data tal-2014.

Brussell, 31.1.2020

COM(2020) 34 final

ANNESSI

tar-

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Ir-Rapport Annwali tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea 2017 - 2018







Anness I:    Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE - Livelli minimi għal diżastri maġġuri

Għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE japplikaw livelli limitu speċifiċi għall-pajjiżi, fejn il-ħsara diretta totali trid taqbeż iż-0,6 % tal-ING jew EUR 3 biljun fi prezzijiet tal-2011. Japplika l-ammont l-aktar baxx.

Livelli minimi applikabbli fl-2017
ibbażati fuq iċ-ċifri tal-Eurostat tal-2015 għall-ING
                            (f’miljuni ta’ EUR)

 

ING 2015

0,6 % tal-ING

Livell minimu tal-2017 għal diżastru maġġuri

AT

ÖSTERREICH

338 041

2 028,246

2 028,246

BE

BELGIË/BELGIQUE

410 500

2 463,000

2 463,000

BG

BULGARIA

44 377

266,262

266,262

CY

KYPROS

17 575

105,450

105,450

CZ

ČESKO

155 989

935,934

935,934

DE

DEUTSCHLAND

3 098 834

18 593,004

3 378,487*

DK

DANMARK

273 013

1 638,078

1 638,078

EE

EESTI

19 833

118,998

118,998

EL

ELLADA

176 300

1 057,800

1 057,800

ES

ESPAÑA

1 074 859

6 449,154

3 378,487*

FI

SUOMI/FINLAND

210 926

1 265,556

1 265,556

FR

FRANCE

2 216 486

13 298,916

3 378,487*

HR

HRVATSKA

43 909

263,454

263,454

HU

MAGYARORSZÁG

104 531

627,186

627,186

IE

ÉIRE/IRELAND

203 888

1 223,328

1 223,328

IT

ITALIA

1 633 328

9 799,968

3 378,487*

LT

LIETUVA

35 824

214,944

214,944

LU

LUXEMBOURG 

33 335

200,010

200,010

LV

LATVIJA

24 290

145,740

145,740

MT

MALTA

8 674

52,044

52,044

NL

NEDERLAND

674 079

4 044,474

3 378,487*

PL

POLSKA

416 880

2 501,280

2 501,280

PT

PORTUGAL

175 261

1 051,566

1 051,566

RO

ROMÂNIA

157 309

943,854

943,854

SE

SVERIGE

456 961

2 741,766

2 741,766

SK

SLOVENSKO

77 403

464,418

464,418

SI

SLOVENIJA

37 685

226,110

226,110

UK

UNITED KINGDOM

2 526 487

15 158,922

3 378,487*

ME

MONTENEGRO**

3 718

22,308

22,308

TR

TÜRKIYE

636 845

3 821,070

3 378,487*

RS

SRBIJA

31 824

190,944

190,944

* jiġifieri EUR 3 biljun bil-prezzijiet tal-2011.

** L-ebda data tal-Eurostat mhi disponibbli. Sors: L-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Montenegro



Livelli minimi applikabbli fl-2018
ibbażati fuq iċ-ċifri tal-Eurostat tal-2016 għall-ING                            (f’miljuni ta’ EUR)

 

 

ING 2016

0,6 % tal-ING

Livell minimu tal-2018 għal diżastru maġġuri

AT

ÖSTERREICH

353 117

2 118,701

2 118,701

BE

BELGIË/BELGIQUE

425 741

2 554,448

2 554,448

BG

BULGARIA

48 003

288,020

288,020

CY

KYPROS

17 839

107,031

107,031

CZ

ČESKO

165 263

991,577

991,577

DE

DEUTSCHLAND

3 197 192

19 183,152

3 446,057*

DK

DANMARK

284 642

1 707,850

1 707,850

EE

EESTI

20 687

124,122

124,122

EL

ELLADA

175 253

1 051,516

1 051,516

ES

ESPAÑA

1 118 268

6 709,608

3 446,057*

FI

SUOMI/FI

217 794

1 306,764

1 306,764

FR

FRANCE

2 264 322

13 585,932

3 446,057*

HR

HRVATSKA

44 199

265,195

265,195

HU

MAGYARORSZÁG

110 923

665,536

665,536

IE

ÉIRE/IE

227 742

1 366,453

1 366,453

IT

ITALIA

1 684 294

10 105,764

3 446,057*

LT

LIETUVA

37 143

222,860

222,860

LU

LUXEMBOURG 

36 075

216,448

216,448

LV

LATVIJA

24 867

149,199

149,199

MT

MALTA

9 361

56,168

56,168

NL

NEDERLAND

694 231

4 165,386

3 446,057*

PL

POLSKA

410 961

2 465,763

2 465,763

PT

PORTUGAL

181 174

1 087,042

1 087,042

RO

ROMÂNIA

164 396

986,378

986,378

SE

SVERIGE

472 504

2 835,021

2 835,021

SK

SLOVENSKO

80 009

480,051

480,051

SI

SLOVENIJA

39 289

235,732

235,732

UK

UK

2 331 608

13 989,648

3 446,057*

ME

MONTENEGRO**

4 007

24,043

24,043

TR

TÜRKIYE

772 110

4 632,658

3 446,057*

RS

SRBIJA

32 662

195,970

195,970

* jiġifieri EUR 3 biljun bil-prezzijiet tal-2011.

**Sors: AMECO u l-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika għall-Montenegro.

Anness II: Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE – Ħarsa ġenerali lejn l-applikazzjonijiet approvati fl-2017/2018

Sena ta’ okkorrenza

2017

Stat Applikant

L-Italja

Il-Portugall

Il-Greċja

Il-Greċja

Il-Polonja

Isem u Tip
ta’ diżastru

Sensiela ta’ terremoti 2016/2017

Nirien fil-foresti 2017

It-terremot ta’ Lesbos tal-2017

It-terremot ta’

Kos tal-2017

It-tempesta tal-2017

Data tal-ewwel ħsara

24-08-2016

17-06-2017

12-06-2017

21-07-2017

09-08-2017

Skadenza tal-applikazzjoni

16-11-2016

09-09-2017

04-09-2017

13-10-2017

01-11-2017

Data tal-applikazzjoni

16-11-2016

17-07-2017

01-09-2017

11-10-2017

25-10-2017

Tlestija tal-applikazzjoni

25-05-2017

14-12-2017

12-06-2017

09-03-2018

23-03-2018

Livell minimu għal diżastru maġġuri (f’miljuni ta’ EUR)

3 312,242

1 051,566

-

-

-

Ħsara diretta totali aċċettata
mill-Kummissjoni (f’miljuni ta’ EUR)

21 878,767

1 457,966

54,365

101,432

491,170

Kategorija

maġġuri

maġġuri

reġjonali

reġjonali

reġjonali

Spiża tal-operazzjonijiet eliġibbli (f’miljuni ta’ EUR)

2 149,363

211,006

12,723

93,943

324,507

Rata ta’ għajnuna (% tal-ħsara totali)

5,47%

3,48 %

2,50 %

2,50 %

2,50 %

Data tad-deċiżjoni fuq l-avvanzi

29-11-2016

9-11-2017

24-10-2017

Mhux mogħtija

Mhux mitluba

Data tal-Komunikazzjoni

21-06-2017

15-02-2018

15-02-2018

31-05-2018

31-05-2018

Data tad-deċiżjoni dwar l-għoti

24-10-17

20-06-2018

20-06-2018

17-10-2018

17-10-2018

Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà (EUR)

1 196 797 579

50 673 132

1 359 119

2 535 796

12 279 244



Sena ta’ okkorrenza

2017

Stat Applikant

Il-Latvja

Franza

Spanja

Il-Litwanja

Il-Bulgarija

Isem u Tip
ta’ diżastru

Għargħar 2017

Uragani Irma u Maria 2017

Nirien f’Galicia 2017

Għargħar 2017

L-għargħar

ta’ Burgas fl-2017

Data tal-ewwel ħsara

24-08-2017

06-09-2017

10-10-2017

04-10-2017

25-10-2017

Skadenza tal-applikazzjoni

16-11-2017

29-11-2017

02-01-2018

27-12-2017

17-01-2018

Data tal-applikazzjoni
(meta waslet għand il-Kummissjoni)

14-11-2017

27-11-2017

22-12-2017

22-12-2017

11-01-2018

Tlestija tal-applikazzjoni

25-04-2018

27-011-2017

22-12-2017

06-02-2018

11-01-2018

Livell minimu għal diżastru maġġuri (f’miljuni ta’ EUR)

145,740

-

3 378,487

214,944

-

Ħsara diretta totali aċċettata
mill-Kummissjoni (f’miljuni ta’ EUR)

380,524

1 956,241

129,147

407,366

90,329

Kategorija

maġġuri

reġjonali

tal-viċinat

maġġuri

reġjonali

Spiża tal-operazzjonijiet eliġibbli (m€)

36,233

191,436

18,701

240,442

90,099

Rata ta’ għajnuna (% tal-ħsara totali)

4,66 %

2,50 %

2,50 %

4,15 %

2,50 %

Data tad-deċiżjoni fuq l-avvanzi

Mhux mitluba

12-12-2017

Mhux mogħtija

Mhux mitluba

Mhux mogħtija

Data tal-Komunikazzjoni

20-07-2018

15-02-2018

15-02-2018

31-05-2018

31-05-2018

Data tad-deċiżjoni dwar l-għoti

19-12-2018

11-07-2018

11-07-2018

17-10-2018

17-10-2018

Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà (EUR)

17 730 519

48 906 025

3 228 675

16 918 941

2 258 225

Tista’ ssib ħarsa ġenerali lejn il-każijiet kollha tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE mill-2002 ’l hawn hawnhekk:
https://ec.europa.eu/regional_policy/mt/funding/solidarity-fund/