IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 5.2.2020
COM(2020) 16 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport tal-2019 rigward l-istatistika dwar l-użu tal-annimali għal skopijiet xjentifiċi fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fl-2015-2017
{SWD(2020) 10 final}
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport tal-2019 rigward l-istatistika dwar l-użu tal-annimali għal skopijiet xjentifiċi fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fl-2015-2017
I.INTRODUZZJONI
Dan ir-rapport jippreżenta data statistika dwar l-użu tal-annimali għal skopijiet xjentifiċi fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea matul is-snin mill-2015 sal-2017 skont id-Direttiva 2010/63/UE (“id-Direttiva”) dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi. L-obbligu tal-Istati Membri li jiġbru data statistika huwa kopert mill-Artikolu 54(2) tad-Direttiva.
Ir-Regolament (UE) 2019/1010
(“ir-Regolament”) emenda l-Artikolu 54(2) biex jeżiġi lill-Istati Membri jippreżentaw id-data statistika lill-Kummissjoni permezz ta’ trasferiment elettroniku f’format mhux mogħti fil-qosor. Billi r-Regolament ġie adottat f’Ġunju 2019, l-ewwel sett ta’ data annwali f’konformità mal-kliem il-ġdid tal-Artikolu 54(2) se jinġabar fl-2020 u se jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Novembru 2021. Dik id-data tal-Istati Membri mbagħad se tkun disponibbli permezz ta’ bażi ta’ data b’aċċess miftuħ fl-2022, akkumpanjata minn rapport ta’ sinteżi tagħha.
Ir-Regolament neħħa wkoll l-obbligu tal-Kummissjoni li tippreżenta rapport statistiku lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Madankollu, billi t-trasparenza mtejba hija wieħed mill-objettivi ewlenin tad-Direttiva, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq, kif ukoll meħtieġ b’appoġġ għall-objettivi l-oħrajn tad-Direttiva, li d-data sottomessa mill-Istati Membri ssir disponibbli fuq bażi annwali sal-2022.
Dan ir-rapport huwa akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni aktar dettaljat.
II.DATA SOTTOMESSA U VALUTAZZJONI ĠENERALI
2.1.Data sottomessa mill-Istati Membri
It-28 Stat Membru kollha ppreżentaw id-data għas-snin 2015 sal-2017 f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/707/UE tal-14 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi format għas-sottomissjoni tal-informazzjoni skont id-Direttiva.
Id-data u n-narrattivi tal-Istati Membri individwali jistgħu jinstabu fil-Parti B tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.
2.2.Data barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-rapport
Dak li jifdal barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-rappurtar statistiku annwali, anke jekk kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, huwa:
a)Forom fetali tal-mammiferi;
b)Annimali li jinqatlu għall-organi u għat-tessuti biss, u sentinelli, sakemm il-qtil ma jitwettaqx taħt l-awtorizzazzjoni ta’ proġett li juża metodu mhux inkluż fl-Anness IV tad-Direttiva 2010/63/UE;
c)Annimali mnissla u maqtula mingħajr ma jintużaw, għajr annimali ġenetikament modifikati b’fenotip ta’ ħsara intenzjonat u li jidher, u dawk li ġew ġenotipati b’metodu invażiv qabel ma nqatlu.
Barra minn hekk, għas-sena 2017, ir-rapport ta’ ħames snin dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva jipprevedi l-għadd ta’ annimali li ġew imnissla u maqtula mingħajr ma ntużaw fi proċeduri. Dan jippermetti, issa għall-ewwel darba u darba kull ħames snin, li wieħed ifassal pjan sħiħ tal-annimali kollha meħtieġa għall-appoġġ tar-riċerka u l-ittestjar fl-UE.
2.3.Link għar-rapporti statistiċi preċedenti taħt id-Direttiva 86/609/KEE
Jenħtieġ li jiġi nnutat li dan huwa l-ewwel rapport dwar id-data dwar l-użu tal-annimali miġbura skont ir-rekwiżiti ta’ rappurtar mibdula skont id-Direttiva, kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/707/UE. Dawn ir-rekwiżiti huma differenti ħafna u jkopru oqsma ta’ użu tal-annimali li ma kinux inklużi fil-leġiżlazzjoni preċedenti. Għalhekk, b’mod ġenerali, mhuwiex possibbli li t-tagħrif dettaljat ippreżentat f’dan ir-rapport jitqabbel ma’ rapporti preċedenti ppubblikati skont id-Direttiva preċedenti 86/609/KEE.
Fid-dawl ta' dan, l-uniku paragun limitat li jista’ jiġi ppruvat jikkonċerna l-għadd ta’ annimali użati għall-ewwel darba għal skopijiet ta’ riċerka u ttestjar
. Madankollu, anke hawn, il-paragun mhuwiex ovvju, minħabba li (1) l-ispeċijiet invertebrati ma kinux inklużi fir-rapporti tal-passat u issa huma, u (2) l-għadd preċedenti kien jinkludi parzjalment dawk l-annimali li ntużaw għall-ħolqien ta’ linji tal-annimali ġenetikament modifikati (li issa huma separati), u b’hekk il-paragun bejn l-2011 u l-għadd attwali ta’ annimali tħalla biss bħala stima. Id-differenzi ewlenin huma miġbura fil-qosor hawn taħt:
1.Il-kamp ta’ applikazzjoni jinkludi klassijiet ġodda ta’ annimali, jiġifieri l-ispeċijiet kollha ta’ Ċefalopodi. Barra minn hekk, il-ħolqien u ż-żamma (it-tnissil) ta’ annimali ġenetikament modifikati huma koperti;
2.Il-ħin tar-rappurtar - it-tagħrif jiġi ppreżentat meta jitlesta użu ta’ annimal, minflok fil-bidu tal-użu;
3.Kull użu ta’ annimal jiġi rreġistrat, kemm l-għadd ta’ użi kif ukoll id-dettalji tiegħu;
4.Status ġenetiku tal-annimali;
5.Is-severità proprja li esperjenza annimal waqt proċedura hija wieħed mill-aspetti ġodda ewlenin tar-rapport il-ġdid.
Il-kontroll tal-kwalità tad-data żvela nuqqasijiet iżda l-valutazzjoni ġenerali wriet kwalità aċċettabbli. Xi elementi tar-rappurtar il-ġdid urew li kienu estremament eżiġenti u li jeħtieġu sforzi estensivi mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Dawn jikkonċernaw b’mod speċjali r-rappurtar tas-severitajiet esperjenzati mill-annimali u l-konsistenza tar-rappurtar tal-użu tal-annimali għaż-żamma ta’ annimali ġenetikament modifikati fl-Istati Membri u bejniethom, u matul is-snin.
Minbarra l-gwida Qafas ta’ Valutazzjoni tas-Severità mħejjija mill-Kummissjoni flimkien mal-partijiet ikkonċernati, xi Stati Membri kienu partikolarment attivi fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-kwalità tad-data. Barra minn hekk, xi organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati offrew sessjonijiet ta’ ħidma sabiex jindirizzaw kwistjonijiet fir-rappurtar tas-severità. B’dawn l-isforzi u oħrajn, il-kwalità tad-data statistika mistennija tkompli titjieb. Għalhekk, jidher ċar li wħud mill-varjazzjonijiet fin-numri, jew anke x’jistgħu jidhru bħala tendenzi f’dan l-istadju bikri, jistgħu minflok ikunu dovuti għal fehim aħjar tal-obbligi ta’ rappurtar. Fl-aħħar nett, għal dawn l-istess raġunijiet, għadu kmieni wisq biex wieħed jasal għal konklużjonijiet sodi dwar ix-xejriet abbażi tal-ewwel tliet snin biss tad-data.
2.4.Preżentazzjoni tad-data
Biex jiżdiedu l-isforzi għat-titjib tat-trasparenza tal-użu tal-annimali fl-UE, issa t-tagħrif statistiku huwa ħafna aktar dettaljat u elaborat. Dan jippermetti li jkun hemm għarfien aħjar dwar meta u kif l-annimali għadhom jintużaw fix-xjenza fl-UE.
Wieħed jittama li, f’konformità mal-għanijiet tad-Direttiva, dan jiffaċilita aktar l-identifikazzjoni tal-oqsma tal-użu tal-annimali li fuqhom jenħtieġ li jkunu ffukati l-isforzi għall-iżvilupp u l-validazzjoni ta’ approċċi alternattivi.
Ir-rapport janalizza d-data fi tliet oqsma distinti:
1.L-għadd ta’ annimali użati għal skopijiet ta’ riċerka, ittestjar, produzzjoni ta’ rutina u edukazzjoni (inkluż taħriġ) (minn hawn ’il quddiem “riċerka u ttestjar”). Dawn l-annimali jistgħu jkunu kemm annimali konvenzjonali kif ukoll dawk ġenetikament modifikati.
2.Dettalji tal-użi kollha (l-ewwel u kwalunkwe użu mill-ġdid sussegwenti) tal-annimali għar-riċerka u l-ittestjar. Dan iservi biex titfassal stampa ġenerali tal-użi kollha tal-annimali għall-finijiet ta’ riċerka, ittestjar u jqis in-natura tal-proċeduri, il-kuntest leġiżlattiv tagħhom, l-użu mill-ġdid tal-annimali, l-istatus ġenetiku tal-annimali, u s-severitajiet esperjenzati mill-annimal.
3.L-għadd u l-użi tal-annimali għall-ħolqien u ż-żamma ta’ linji ta’ annimali ġenetikament modifikati. It-tielet taqsima tiffoka fuq il-provvista ta’ annimali ġenetikament modifikati meħtieġa biex jappoġġjaw ir-riċerka xjentifika fl-UE. Dawn l-annimali ma ntużawx fi proċeduri xjentifiċi oħra, koperti fit-Taqsimiet 1 u 2 hawn fuq.
L-informazzjoni ġenerali hija ppreżentata għat-tliet snin, mill-2015 sal-2017. Madankollu, analiżi aktar dettaljata tuża d-data l-aktar riċenti u x’aktarx l-aktar preċiża tal-2017.
III.RIŻULTATI
3.1.Għadd globali ta’ annimali użati fl-UE
Kemm l-għadd ta’ annimali użati għar-riċerka u l-ittestjar kif ukoll dawk użati għall-ħolqien u ż-żamma ta’ linji ta’ annimali ġenetikament modifikati jidhru li jindikaw xejra ’l isfel fl-UE.
3.1.1.Għadd ta’ annimali użati għar-riċerka u għall-ittestjar fl-UE
L-għadd ta’ annimali użati għall-ewwel darba (annimali mhux mittiefsa) għar-riċerka u għall-ittestjar fl-UE huwa anqas minn 10 miljun annimal kull sena.
Bejn l-2015 u l-2017, l-għadd totali ta’ annimali naqas bi ftit minn 9,59 miljun (2015) għal 9,39 miljun (2017). Madankollu, kien hemm żieda żgħira għal 9,82 miljun fl-2016, li ma tħallix li tiġi kkonfermata xejra ċara (Tabella 1).
|
|
2015
|
2016
|
2017
|
|
Total
|
9 590 379
|
9 817 946
|
9 388 162
|
Tabella 1: Għadd totali ta’ annimali użati għall-ewwel darba għal skopijiet ta’ riċerka, ittestjar, produzzjoni ta’ rutina u edukazzjoni
3.1.2.Għadd ta’ annimali użati għall-ħolqien u ż-żamma ta’ linji ta’ annimali ġenetikament modifikati fl-UE
L-għadd ta’ annimali użati għall-ewwel darba (annimali mhux mittiefsa) għall-ħolqien u ż-żamma ta’ linji ta’ annimali ġenetikament modifikati (GA) biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tar-riċerka fl-UE huwa ta’ madwar 1,2 miljun.
Bejn l-2015 u l-2017, minkejja l-fatt li l-ħolqien ta’ linji ġodda ta’ annimali ġenetikament modifikati żdied b’7 %, l-għadd totali ta’ annimali użati għall-ħolqien u ż-żamma ta’ annimali ġenetikament modifikati wera tnaqqis ikkombinat ta’ kważi 20 %. Madankollu, xi ftit minn dan it-tnaqqis jista’ jiġi attribwit għal fehim akbar tar-rekwiżiti ta’ rappurtar f’dawn il-kategoriji (Tabella 2).
|
|
2015
|
2016
|
2017
|
|
Ħolqien ta’ GA
|
591 033
|
493 156
|
634 705
|
|
Żamma ta’ GA
|
996 993
|
700 536
|
641 882
|
|
Ħolqien u żamma totali ta’ GA
|
1 588 025
|
1 193 692
|
1 276 587
|
Tabella 2: Għadd totali ta’ annimali użati għall-ħolqien u ż-żamma ta’ linji ta’ annimali ġenetikament modifikati
3.2.Annimali użati għall-ewwel darba fir-riċerka u fl-ittestjar
Fl-2017, l-ispeċijiet ewlenin użati għall-ewwel darba fir-riċerka u fl-ittestjar kienu ġrieden, ħut, firien u għasafar, li flimkien kienu jirrappreżentaw 92 % tal-għadd totali ta’ annimali filwaqt li speċijiet ta’ tħassib pubbliku partikolari (klieb, qtates u primati mhux umani) kienu jirrappreżentaw anqas minn 0,3 % tal-għadd totali ta’ annimali. L-ebda Xadina Kbira ma tintuża għal skopijiet xjentifiċi fl-UE (Fig. 1).
Figura 1: Għadd ta’ annimali użati għall-ewwel darba skont il-klassijiet ewlenin ta’ speċijiet fl-2017
|
|
2015
|
2016
|
2017
|
|
Ġrieden
|
5 711 612
|
5 989 413
|
5 707 471
|
|
Firien
|
1 201 189
|
1 173 135
|
1 146 299
|
|
Fniek tal-Indi
|
149 328
|
150 985
|
144 824
|
|
Ħemsters (Sirjani)
|
20 195
|
18 614
|
12 700
|
|
Ħemsters (Ċiniżi)
|
30
|
519
|
187
|
|
Ġerbill tal-Mongolja
|
6 199
|
5 645
|
5 239
|
|
Rodituri oħra
|
26 088
|
13 712
|
25 172
|
|
Fniek
|
346 052
|
350 405
|
351 961
|
|
Qtates
|
1 975
|
1 951
|
1 879
|
|
Klieb
|
14 501
|
15 691
|
13 688
|
|
Inmsa
|
2 212
|
1 530
|
2 016
|
|
Karnivori oħra
|
3 648
|
1 444
|
2 386
|
|
Żwiemel, ħmir u razez imħallta
|
3 217
|
3 474
|
2 414
|
|
Ħnieżer
|
73 895
|
80 029
|
71 522
|
|
Mogħoż
|
2 233
|
1 365
|
1 563
|
|
Nagħaġ
|
20 106
|
21 240
|
18 812
|
|
Bhejjem tal-Ifrat
|
26 763
|
22 782
|
30 643
|
|
Prosimiiformi
|
169
|
44
|
98
|
|
Marmosetti u tamarini
|
429
|
285
|
465
|
|
Xadina skojjattlu
|
13
|
8
|
8
|
|
Speċijiet oħra ta’ xadini tad-Dinja l-Ġdida (Ceboidea)
|
0
|
0
|
3
|
|
Xadina Cynomolgus
|
6 221
|
6 503
|
7 227
|
|
Xadina Rhesus
|
211
|
318
|
353
|
|
Vervetti (Chlorocebus spp.)
|
56
|
19
|
33
|
|
Babwini
|
37
|
62
|
25
|
|
Speċijiet oħra ta’ Xadini tad-Dinja l-Qadima (Cercopithecoidea)
|
0
|
0
|
23
|
|
Mammiferi oħra
|
9 535
|
3 637
|
26 335
|
|
Tjur domestiċi
|
515 834
|
500 920
|
464 553
|
|
Tjur oħrajn
|
119 377
|
94 804
|
99 410
|
|
Rettili
|
2 414
|
3 240
|
2 937
|
|
Rana
|
4 884
|
4 482
|
3 485
|
|
Xenopus
|
10 837
|
18 511
|
13 539
|
|
Amfibji oħrajn
|
20 190
|
19 558
|
10 683
|
|
Ħut żebra
|
338 815
|
513 011
|
499 763
|
|
Ħut Ieħor
|
936 252
|
791 726
|
719 932
|
|
Ċefalopodi
|
15 862
|
8 884
|
514
|
|
Total
|
9 590 379
|
9 817 946
|
9 388 162
|
Tabella 3: Għadd ta’ annimali użati għall-ewwel darba skont l-ispeċi
Bejn l-2015 u l-2017, b’referenza għal gruppi speċifiċi ta’ speċijiet, l-għadd ta’ amfibji, ċefalopodi, rettili b’kollox naqas bi 42 %, ħemsters b’37%, żwiemel, ħmir u razez imħallta b’25 % u tjur bi 11 %. Barra minn hekk, l-għadd ta’ klieb (-6 %), qtates (-5 %), firien (-5 %) u ħut (-4 %) naqas bi ftit. L-għadd ta’ nagħaġ u mogħoż naqas b’9 % filwaqt li l-għadd ta’ bhejjem tal-ifrat żdied (+14 %).
L-għadd ta’ primati mhux umani żdied bi 15 %. Ix-xadini cynomolgus, li jirrappreżentaw 88 % tal-primati mhux umani fl-2017, kienu l-aktar speċi ta’ primati mhux umani użata u żdiedu b’16 % bejn l-2015 u l-2017. L-għadd ta’ marmosetti, xadini rhesus u xadini oħra tad-dinja l-qadima wkoll żdied bi ftit. Bejn l-2015 u l-2017, l-għadd ta’ speċijiet ta’ primati mhux umani oħrajn naqas. Kien hemm żieda żgħira fl-għadd ta’ fniek (+2 %).
3.2.1.Oriġini tal-annimali (minbarra primati mhux umani)
L-oriġini tal-annimali tiġi mmonitorjata minħabba li l-istandards ta’ akkomodazzjoni u kura tad-Direttiva japplikaw biss fl-UE. Barra minn hekk, iż-żieda fil-ħinijiet tat-trasport jista’ jkollha impatt negattiv fuq it-trattament xieraq. Fl-2017, kważi 90 % tal-annimali użati għal skopijiet xjentifiċi twieldu fl-UE għand nissiela rreġistrati u anqas minn 2 % twieldu barra mill-UE (jew fil-bqija tal-Ewropa jew barra mill-Ewropa). Il-kategorija “annimali li twieldu fl-UE iżda mhux għand nissiel irreġistrat” tinkludi annimali minn, pereżempju, farms, u studji dwar annimali selvaġġi.
Bejn l-2015 u l-2017, l-annimali li twieldu fl-UE iżda mhux għand nissiel irreġistrat naqsu (-23 %) u l-annimali li twieldu barra mill-Ewropa żdiedu (+60 %) minħabba l-importazzjoni tal-friefet il-lejl (mhux imnissla fl-Ewropa).
Figura 2: Post tat-twelid ta’ annimali minbarra primati mhux umani fl-2017
3.2.2.Sors u ġenerazzjoni ta’ primati mhux umani
Id-Direttiva tipprovdi protezzjoni addizzjonali lill-primati mhux umani (NHP) minħabba l-prossimità ġenetika tagħhom għall-bnedmin, il-ħiliet soċjali żviluppati ħafna tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jesperjenzaw uġigħ, tbatija u tensjoni. Sabiex jintemm il-qbid ta’ annimali mill-ambjent naturali, inkluż għal skopijiet ta’ tnissil, id-Direttiva tirrikjedi li nersqu lejn l-użu ta’ NHPs li, fl-aħħar mill-aħħar, ġew imnissla f’kolonji awtosuffiċjenti, minn ġenituri li huma stess ġew imnissla fil-kaptività.
Fl-2017, it-tliet sorsi ewlenin ta’ NHP kienu l-Afrika, l-Asja u n-nissiela rreġistrati fl-UE (Tabella 4).
|
|
Annimali mwielda għand nissiel irreġistrat fl-UE
|
Annimali mwielda fil-bqija tal-Ewropa
|
Annimali mwielda fl-Asja
|
Annimali mwielda fl-Amerika
|
Annimali mwielda fl-Afrika
|
Annimali mwielda x'imkien ieħor
|
|
F1
|
3 % (32)
|
0 % (0)
|
3 % (88)
|
30 % (16)
|
27 % (1 147)
|
47 % (80)
|
|
F2 jew akbar
|
40 % (418)
|
100 % (5)
|
75 % (1 948)
|
70 % (38)
|
44 % (1 915)
|
26 % (44)
|
|
Kolonja awtosuffiċjenti
|
57 % (607)
|
0 % (0)
|
22 % (578)
|
0 % (0)
|
29 % (1 273)
|
27 % (46)
|
|
Total
|
100 %
(1 057)
|
100 %
(5)
|
100 %
(2 614)
|
100 %
(54)
|
100 %
(4 335)
|
100 %
(170)
|
Tabella 4: Ġenerazzjoni ta’ primati mhux umani permezz ta’ sors fl-2017
Fl-2017, ix-xadini cynomolgus kienu jirrappreżentaw 88 % tal-NHPs użati għall-ewwel darba u kienu kważi kompletament ġejjin minn barra l-UE. Għall-kuntrarju, speċijiet oħra ta’ NHPs kienu ġejjin prinċipalment minn nissiela rreġistrati fl-UE.
Fir-rigward tal-ġenerazzjoni, il-maġġoranza tal-NHPs kienu ġejjin jew minn kolonji awtosuffiċjenti (30 %) jew kienu annimali tat-tieni ġenerazzjoni jew ogħla mnissla għal skop partikolari (53 %).
Bejn l-2015 u l-2017, l-NHPs li ġejjin minn kolonji awtosuffiċjenti baqgħu stabbli. Madankollu, f’konformità mal-objettivi tad-Direttiva, dawk li huma annimali tat-tieni ġenerazzjoni jew ogħla mnissla għal skop partikolari żdiedu b’mod sinifikanti (+67 %). L-ebda NHP użat għall-ewwel darba ma nqabad mill-ambjent naturali fl-2017.
3.3.L-użi kollha tal-annimali għar-riċerka u għall-ittestjar
Bejn l-2015 u l-2017, l-għadd totali ta’ użi (l-ewwel użu u kwalunkwe użu mill-ġdid sussegwenti) għar-riċerka u għall-ittestjar naqas bi 2 % minn 9,78 miljun fl-2015 għal 9,58 miljun użu fl-2017. Madanakollu, kien hemm żieda ta’ 10,03 miljuni fl-2016 (Tabella 5).
|
|
2015
|
2016
|
2017
|
|
Total
|
9 782 570
|
10 028 498
|
9 581 741
|
Tabella 5: L-għadd totali ta’ użi ta’ annimali fir-riċerka u fl-ittestjar bejn l-2015 u l-2017
3.3.1.Il-kategoriji ewlenin ta’ skopijiet xjentifiċi
Fl-2017, ġew irrappurtati 9,58 miljun użu ta’ annimali għal skopijiet xjentifiċi. L-iskop prinċipali kien ir-riċerka (69 %) li minnhom 45 % tal-użi kollha saru għar-riċerka bażika u 23 % għal skopijiet ta’ riċerka translazzjonali u applikata. 23 % oħra tal-użi fuq l-annimali kienu għall-użu regolatorju sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti leġiżlattivi, segwiti mill-produzzjoni ta’ rutina (5 %).
Kategoriji oħra huma l-protezzjoni tal-ambjent naturali fl-interess tas-saħħa jew il-benessri tal-bnedmin jew tal-annimali, il-preservazzjoni tal-ispeċijiet, l-edukazzjoni għolja jew it-taħriġ għall-kisba, iż-żamma jew it-titjib jew il-ħiliet vokazzjonali u l-inkjesti forensiċi (Fig. 3).
Figura 3: L-użi kollha tal-annimali għar-riċerka u għall-ittestjar fl-2017
3.3.2.Is-severità tal-użi kollha fir-riċerka u fl-ittestjar
Id-Direttiva tirrikjedi r-rappurtar tas-severità proprja esperjenzata minn annimal meta jintuża fi proċedura.
Fl-2017, 51 % tal-użi ġew ivvalutati bħala “mhux ħorox” (sa u inkluż), 32 % bħala “moderati”, 11 % bħala “severi” u 6 % tal-użi kienu “mingħajr irkupru
”. L-għadd ta’ proċeduri severi żdied b’mod proporzjonali bejn l-2015 u l-2016 l-aktar minħabba żieda fl-użi għad-dijanjożi tal-mard (Tabella 6). Il-proporzjon ta’ użi severi baqa’ l-istess bejn l-2016 u l-2017.
Huwa importanti li wieħed jinnota li r-rappurtar tas-severitajiet proprji huwa probabbilment l-element l-aktar diffiċli biex jinkiseb rappurtar konsistenti fi ħdan u bejn l-Istati Membri kif ukoll maż-żmien. Għalhekk, kwalunkwe konklużjoni soda dwar ir-riżultati ta’ dawn l-ewwel snin ta’ rappurtar jenħtieġ li tiġi skoraġġuta.
|
|
2015
|
2016
|
2017
|
|
Mingħajr irkupru
|
6 % (622 034)
|
6 % (620 848)
|
6 % (621 054)
|
|
Mhux ħorox (sa u inkluż)
|
54 % (5 330 549)
|
52 % (5 239 321)
|
51 % (4 865 721)
|
|
Moderati
|
31 % (3 010 980)
|
31 % (3 101 054)
|
32 % (3 071 828)
|
|
Severi
|
8 % (819 007)
|
11 % (1 067 275)
|
11 % (1 023 138)
|
|
Total
|
100 % (9 782 570)
|
100 % (10 028 498)
|
100 % (9 581 741)
|
Tabella 6: Severità tal-użi
Meta ġew analizzati s-subkategoriji kollha tal-iskopijiet, l-ittestjar tal-qawwa tal-lott irriżulta fl-ogħla numru ta’ użi severi (aktar minn 264 K użu), segwit minn studji dwar is-sistema nervuża (aktar minn 87 K użu) u d-dijanjożi tal-mard (aktar minn 81 K) (Fig. 4).
Figura 4: Użi severi tal-annimali għar-riċerka u għall-ittestjar fl-2017
Meta wieħed iħares lejn il-proporzjon ta’ użi severi f’subkategorija: il-produzzjoni ta’ antikorpi monoklonali permezz tal-metodu axxite kienet l-ogħla (70 % tal-użi għal dan l-iskop kienu severi – Fig. 10), segwita mid-dijanjożi tal-mard (54% - Fig. 6) u l-istudji dwar it-tossiċità akuta fil-qasam tal-ekotossiċità (37 % - Fig. 8).
Meta jkunu qed jiġu analizzati subkategoriji b’aktar minn 30 K użu, l-aktar severitajiet baxxi, (jiġifieri użi severi li jirrappreżentaw anqas minn 1 % tal-użi kollha f’dik is-subkategorija,) huma l-produzzjoni ta’ prodotti bbażati fuq id-demm (Fig. 11), il-preservazzjoni tal-ispeċijiet (Fig. 4), l-edukazzjoni u t-taħriġ (Fig. 4) u l-ittestjar tat-tossiċità għas-sensitizzazzjoni tal-ġilda (Fig. 8).
3.3.3.L-użu tal-annimali għal skopijiet ta’ riċerka
L-użi relatati mar-riċerka jinqasmu bejn ir-riċerka bażika fuq naħa u r-riċerka translazzjonali u applikata fuq in-naħa l-oħra.
Fl-2017, ir-riċerka bażika kienet tammonta għal aktar minn 4,3 miljun użu. L-erba’ oqsma ewlenin tar-riċerka bażika huma s-sistema nervuża, is-sistema immunitarja, l-onkoloġija u l-etoloġija/l-imġiba tal-annimali/il-bijoloġija tal-annimali li b’mod ġenerali jammontaw għal aktar minn nofs l-użi fir-riċerka bażika (Fig. 5).
Figura 5: Użi bażiċi relatati mar-riċerka skont it-tip ta’ riċerka u severità fl-2017
Ir-riċerka translazzjonali u applikata ammontaw għal madwar 2,2 miljun użu ta’ annimali fl-2017. L-erba’ oqsma ewlenin ta’ din ir-riċerka kienu l-kanċer uman, id-disturbi fis-sistema nervuża u mentali umana, id-disturbi infettivi umani u d-disturbi u l-mard tal-annimali (Fig. 6).
Figura 6: Użi translazzjonali u applikati relatati mar-riċerka skont it-tip ta’ riċerka u severità fl-2017
3.3.4.Użi tal-annimali għal skopijiet regolatorji
Fl-2017, l-użi regolatorji kienu jammontaw għal 2,18-il miljun użu. 52 % ta’ dawn l-użi kienu relatati mal-kontroll tal-kwalità (inkluż l-ittestjar tas-sikurezza u l-qawwa tal-lott), 39 % mat-tossiċità u testijiet oħra tas-sikurezza inkluż il-farmakoloġija u l-bqija (9 %) kienu għal ittestjar ieħor tal-effikaċja u tat-tolleranza. L-użi relatati mal-kontroll tal-kwalità kienu jirrappreżentaw 1,1 miljun użu. Maġġoranza kbira ta’ dawn l-użi kienu relatati mal-iskopijiet tal-ittestjar tal-qawwa tal-lott (79 %) (Fig. 7).
Figura 7: Użi relatati mal-Kontroll tal-Kwalità skont it-tip u s-severità fl-2017
L-ittestjar tat-tossiċità u ttestjar ieħor tas-sikurezza inkluż il-farmakoloġija, irrappreżentaw aktar minn 800 K użu tal-annimali, li kien jirrappreżenta 8 % tal-użi kollha tal-annimali (Fig. 8).
Figura 8: Ittestjar tat-tossiċità u ttestjar ieħor tas-sikurezza inkluż il-farmakoloġija skont it-tip ta’ użu u s-severità fl-2017
Il-biċċa l-kbira tal-użi f’dan il-qasam kienu relatati mat-tossiċità riproduttiva, it-tossiċità b’doża ripetuta, il-farmakodinamika, it-tossiċità tal-iżvilupp, l-ekotossiċità u t-tossiċità akuta u subakuta.
3.3.5.Użi regolatorji bil-leġiżlazzjoni
Fl-2017, il-biċċa l-kbira tal-użi biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ leġiżlazzjoni speċifika tas-settur seħħew għal prodotti mediċinali għall-bnedmin (61 %), prodotti mediċinali veterinarji (15 %) u sustanzi kimiċi industrijali (11 %) (Fig. 9).
Bejn l-2015 u l-2017, l-użi biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti leġiżlattivi għall-prodotti mediċi għall-użu mill-bniedem naqsu bi 13 % filwaqt li dawk relatati mal-użi ta’ leġiżlazzjoni dwar l-apparati mediċi ( 23 %) u l-użi ta’ leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi industrijali (+17 %) żdiedu. L-ebda użu ma ġie rrapportat taħt il-leġiżlazzjoni dwar il-kożmetiċi.
Fl-2017, il-maġġoranza tal-użi regolatorji twettqu biex jissodisfaw ir-rekwiżiti regolatorji li joriġinaw mill-UE (95 %). Ir-rekwiżiti mhux tal-UE ammontaw għal 4 % u r-rekwiżiti nazzjonali għal 1 %.
Figura 9: Użi regolatorji skont it-tip ta’ leġiżlazzjoni fl-2017
Bejn l-2015 u l-2017, l-għadd totali ta’ użi għal skopijiet regolatorji naqas b’7 %.
3.3.6.L-użu tal-annimali għall-produzzjoni ta’ rutina
Fl-2017, kien hemm madwar 450 K użu ta’ produzzjoni ta’ rutina li kienu jirrappreżentaw 5 % tal-użi kollha tal-annimali. 55 % minn dawn kienu relatati mal-produzzjoni ta’ prodotti bbażati fuq id-demm u 10 % mal-produzzjoni ta’ antikorpi monoklonali bil-metodu tal-axxite tal-ġrieden (Fig. 10).
Figura 10: Użi ta’ produzzjoni ta’ rutina skont it-tip u s-severità tal-prodott fl-2017
3.3.7.Użu mill-ġdid tal-annimali
Skont il-prinċipju tat-Tliet Rs, l-għadd totali ta’ annimali użati fi proċeduri jista’ jitnaqqas billi titwettaq aktar minn proċedura waħda fuq annimal. Madankollu, l-użu mill-ġdid tal-annimali huwa permess biss f’kundizzjonijiet speċifiċi relatati mal-livell attwali ta’ severità li l-annimal ikun esperjenza fi proċedura preċedenti u s-saħħa u l-benessri tal-annimal, b’kunsiderazzjoni tal-esperjenza tul il-ħajja tal-annimal individwali. L-użu mill-ġdid ma jistax jiġi awtorizzat għal proċedura li tkun ikklassifikata prospettivament bħala severa.
2 % tal-użi kollha ġew irrappurtati bħala użi mill-ġdid (Tabella 7).
|
|
2015
|
2016
|
2017
|
|
Le
|
98 % (9 590 379)
|
98 % (9 817 946)
|
98 % (9 388 162)
|
|
Iva
|
2 % (192 191)
|
2 % (210 552)
|
2 % (193 579)
|
|
Total
|
100 % (9 782 570)
|
100 % (10 028 498)
|
100 % (9 581 741)
|
Tabella 7: L-użi mill-ġdid tal-annimali użati għal skopijiet ta’ riċerka, ittestjar, produzzjoni ta’ rutina u edukazzjoni
F’numri assoluti, l-ispeċijiet ewlenin li ntużaw mill-ġdid għal skopijiet xjentifiċi fl-2017 kienu l-ġrieden, in-nagħaġ, il-firien, il-fniek, iż-żwiemel, il-ħmir u r-razez imħallta.
B’mod proporzjonali, il-mammiferi kbar spiss jerġgħu jintużaw, eż. iż-żwiemel, il-ħmir u r-razez imħallta (82 %), in-nagħaġ (71 %), il-qtates (44 %), il-klieb (36 %) u x-xadini cynomolgus (28 %). Ir-rettili (55 %) u l-xenopus (37 %) fost l-amfibji spiss reġgħu ntużaw ukoll.
F’termini ta’ skopijiet ta’ użu mill-ġdid, fl-2017, il-produzzjoni ta’ rutina kellha l-akbar proporzjon ta’ użi mill-ġdid (12 %) prinċipalment għal prodotti bbażati fuq id-demm. Dan ġie segwit minn edukazzjoni ogħla jew taħriġ ta’ ħiliet vokazzjonali (8 %).
Fl-2017, il-biċċa l-kbira tas-severitajiet effettivament esperjenzati ta’ użu mill-ġdid kienu mhux ħorox (74 %) jew moderati (19 %), b’6% irrappurtati bħala mingħajr irkupru. Anke jekk il-proċedura tkun ikklassifikata b’mod prospettiv f’kategorija ta’ severità aktar baxxa, annimal individwali jista’ jilħaq il-kategorija ta’ severità “severa” minħabba avvenimenti mhux mistennija li jseħħu waqt il-proċedura. 0,2 % biss ġew ivvalutati bħala severi.
3.3.8.Status ġenetiku tal-annimali
Fl-2017, 2,59 miljun użu għall-iskopijiet tar-riċerka saru fuq annimali li kienu ġenetikament modifikati, li 17 % minnhom urew bidla fenotipika ta’ ħsara (Fig. 11).
L-għadd ta’ annimali ġenetikament modifikati fost l-użi kollha tal-annimali għar-riċerka qed jiżdied bi ftit. Bejn l-2015 u l-2017, il-perċentwal ta’ annimali ġenetikament modifikati żdied minn 25 % għal 27 %. Fl-2017, 2,57 miljun mid-9,38 miljun użu tal-annimali kienu jinvolvu annimali ġenetikament modifikati. Il-ħut żebra u l-ġrieden kienu l-ispeċijiet ġenetikament modifikati l-aktar komuni b’64 % u 38 % tagħhom ġenetikament modifikati rispettivament.
Figura 11: L-istatus ġenetiku tal-annimali użati fir-riċerka u fl-ittestjar fl-2017
L-annimali ġenetikament modifikati jintużaw kważi esklussivament għal skopijiet ta’ riċerka. Fl-2017, ir-riċerka bażika kienet tirrappreżenta 75 % tal-użi ta’ annimali ġenetikament modifikati u r-riċerka translazzjonali u applikata 21 %.
3.4.Il-ħolqien u ż-żamma ta’ linji ta’ annimali ġenetikament modifikati għal skopijiet ta’ riċerka
3.4.1.Il-ħolqien ta’ linji ġodda ta’ annimali ġenetikament modifikati
Fl-2017, saru 658 K użu ta’ annimali sabiex jinħolqu linji ta’ annimali ġenetikament modifikati ġodda. L-ispeċijiet ewlenin użati għal dan il-għan kienu l-ġrieden u l-ħut żebra, 75 % u 23 % rispettivament. Speċijiet oħra, għalkemm f’numri żgħar, jinkludu l-firien, speċijiet oħrajn ta’ ħut, tjur domestiku, fniek, xenopus u ħnieżer. Fl-2017, l-użu ta’ primati mhux umani ġenetikament modifikati (marmosetti) ġie rrapportat għall-ewwel darba fl-UE.
Fl-2017, 95 % tal-linji ġenetikament modifikati l-ġodda nħolqu għal skopijiet koperti minn riċerka bażika; 22 % kienu jikkonċernaw riċerka multisistemika (fejn aktar minn sistema waħda tal-ġisem hija l-interess primarju tar-riċerka, bħal f’xi mard infettiv), 15 % sistema nervuża, 13 % onkoloġija u 11 % sistema kardjovaskulari, tad-demm u limfatika. L-aktar subkategorija importanti taħt riċerka translazzjonali u applikata li għaliha nħolqu linji ġodda ta’ annimali ġenetikament modifikati kienet il-kanċer uman (27 %).
|
|
2015
|
2016
|
2017
|
|
Ġrieden
|
477 783
|
359 894
|
490 717
|
|
Ħut żebra
|
124 359
|
122 082
|
150 596
|
|
Firien
|
4 381
|
6 039
|
9 960
|
|
Ħut Ieħor
|
2 556
|
10 737
|
4 569
|
|
Tjur domestiċi
|
279
|
515
|
647
|
|
Fniek
|
272
|
967
|
475
|
|
Xenopus
|
7 259
|
1 100
|
250
|
|
Ħnieżer
|
350
|
284
|
227
|
|
Mammiferi Oħra
|
4
|
0
|
61
|
|
Nagħaġ
|
31
|
191
|
17
|
|
Marmosetti u tamarini
|
0
|
0
|
10
|
|
Fniek tal-Indi
|
0
|
47
|
0
|
|
Rodituri Oħra
|
0
|
6
|
0
|
|
Total
|
617 274
|
501 862
|
657 529
|
Tabella 8: Użu tal-annimali għall-ħolqien ta’ linji ta’ annimali ġenetikament modifikati ġodda skont l-ispeċi
3.4.2.Żamma ta’ kolonji ta’ linji ta’ annimali ġenetikament modifikati stabbiliti
Din il-kategorija tikkonsisti mill-annimali meħtieġa għaż-żamma ta’ kolonji ta’ annimali ġenetikament modifikati ta’ linji stabbiliti b’fenotip ta’ ħsara intenzjonata u li wrew uġigħ, tbatija, tensjoni jew ħsara dejjiema bħala konsegwenza tal-ġenotip ta’ ħsara qabel ma nqatlu. Din il-kategorija tinkludi wkoll annimali ġenetikament modifikati matul iż-żamma ta’ linja stabbilita, irrispettivament minn jekk il-linja hijiex ta’ fenotip mhux ta’ ħsara jew ta’ ħsara, li għalihom ġie kkonfermat il-ġenotip bl-użu ta’ metodu invażiv ta’ kampjunar tat-tessuti.
L-użi tal-annimali għal dan il-għan naqsu b’mod sinifikanti bejn l-2015 u l-2017, minn miljun għal 0,6 miljuni rispettivament. Fl-2017, 642 K użu ġew irrapportati taħt iż-żamma ta’ kolonji. Fost dawn l-annimali, 74 % kienu ġenetikament modifikati mingħajr fenotip ta’ ħsara, 20 % b’fenotip ta’ ħsara u 6 % mingħajr modifikazzjoni ġenetika.
Minħabba l-kumplessità tal-obbligi ġodda ta’ rappurtar f’dan il-qasam, għadhom qed jiġu identifikati żbalji fir-rappurtar. Barra minn hekk, ċerti Stati Membri japplikaw regoli ta’ rappurtar differenti għar-rappurtar nazzjonali tagħhom li setgħu rriżultaw f’rappurtar inkoerenti għall-iskopijiet tal-UE. Il-Kummissjoni qed taħdem flimkien mal-Istati Membri biex ittejjeb is-sitwazzjoni.
IV.Konklużjonijiet
L-UE tejbet it-trasparenza b’mod sinifikanti bid-data statistika dettaljata ġdida. L-għadd ta’ annimali rrappurtati fl-2011 kien kważi 11,5 M. L-għadd ta’ annimali użat fir-riċerka u fl-ittestjar irrappurtat fl-2015, fl-2016 u fl-2017 kien anqas minn 10M, bi tnaqqis ikompli wkoll bejn l-2015 u l-2017. Għalkemm mhuwiex possibbli li wieħed iqabbel id-dettalji ma’ rapporti preċedenti minħabba diversi bidliet fir-regoli tar-rappurtar, ir-riżultati madankollu jissuġġerixxu żvilupp pożittiv ċar. Il-ġrieden, il-ħut, il-firien u t-tjur, flimkien jirrappreżentaw aktar minn 92 % tal-għadd totali ta’ annimali. L-użu tal-aktar speċijiet komuni ta’ primati mhux umani żdied bejn l-2015 u l-2017, filwaqt li l-użu tal-klieb u l-qtates naqas bi ftit.
Ir-rekwiżiti ġodda ta’ rappurtar li jistgħu jikkonfermaw progress tajjeb mar-rekwiżiti tad-Direttiva skont l-Artikolu 10, b'aktar minn 50 % tal-primati mhux umani issa jkunu annimali tat-tieni ġenerazzjoni jew ogħla mnissla għal skop speċifiku. Fl-2017, l-ebda primat mhux uman ma kien ġej mill-ambjent naturali.
L-oqsma prinċipali tal-użu tal-annimali jibqgħu l-istess, bil-maġġoranza tal-użi jkunu fir-riċerka bażika (45 %), segwiti mir-riċerka translazzjonali/applikata (23 %) u l-użu regolatorju (23 %).
Hemm tħassib dwar l-użi ta’ annimali f’oqsma fejn metodi alternattivi jkunu laħqu aċċettazzjoni regolatorja (pereżempju f’oqsma ta’ irritazzjoni/korrużjoni tal-ġilda, ħsara serja lill-għajnejn/irritazzjoni tal-għajnejn u ttestjar ta’ piroġeniċità), li tirrikjedi aktar attenzjoni mill-awtoritajiet li jawtorizzaw proġetti għal dawn l-iskopijiet ta’ użu.
Ir-rekwiżit il-ġdid li tiġi rrappurtata s-severità proprja esperjenzata jippermetti l-iffukar tal-isforzi, mhux biss fuq l-oqsma bl-akbar għadd ta’ użi tal-annimali, iżda wkoll fuq dawk bl-aktar impatt sever fuq l-annimali. Fejn is-sostituzzjoni għadha mhix xjentifikament fattibbli, jenħtieġ li jsiru sforzi biex dawn l-użi jiġu rfinati. B’mod ġenerali, madanakollu, aktar minn 50 % tal-użi kollha fir-riċerka u fl-ittestjar huma ta’ severità mhux ħarxa.
L-użu mill-ġdid tal-annimali kkontribwixxa għal xi tnaqqis fl-għadd totali ta’ annimali użati għal skopijiet xjentifiċi. Bħala medja, 2 % tal-annimali kollha li ntużaw, intużaw mill-ġdid. Madankollu, il-benefiċċji tal-użu mill-ġdid kontra l-ħsara kumulattiva lill-annimal iridu dejjem ikunu ġġudikati fuq bażi ta’ każ b’każ.
Annimali ġenetikament modifikati użati għal skopijiet ta’ riċerka huma fil-biċċa l-kbira ġrieden u ħut żebra. L-użu tagħhom żdied bi ftit hekk kif żdied ukoll il-ħolqien ta’ linji ġodda ta’ annimali ġenetikament modifikati. L-użi rrappurtati taħt iż-żamma ta’ annimali ġenetikament modifikati naqsu.