11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 417/310


RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1939 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-14 ta’ Mejju 2020

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) għas-sena finanzjarja 2018

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2018,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0058/2020),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tiegħu (1), il-baġit finali tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (“l-Istitut”) għas-sena finanzjarja 2018 kien jammonta għal EUR 7 981 001,45, u dan ifisser żieda ta’ 3,34 % meta mqabbla mal-2017; billi l-baġit kollu tal-Istitut ġej mill-baġit tal-Unjoni (2);

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut għas-sena finanzjarja 2018 (“ir-rapport tal-Qorti”), iddikjarat li kisbet aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Istitut huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b’apprezzament li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 99,38 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 0,46 % meta mqabbla mal-2017; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 81,15 %, li tfisser żieda ta’ 0,20 % meta mqabbla mas-sena preċedenti;

Prestazzjoni

2.

Jilqa’ l-fatt li l-Istitut juża ċerti indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni fir-rigward tal-objettivi operattivi u tal-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani biex jivvaluta l-valur miżjud mill-attivitajiet tiegħu u jtejjeb il-ġestjoni tal-baġit tiegħu; jinnota wkoll li fl-2018, l-Istitut lesta 98,80 % tal-attivitajiet tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni;

3.

Jinnota li l-Istitut ippresieda n-netwerk tal-aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni u kkoordina aġġornamenti regolari u qsim ta’ informazzjoni fost l-aġenziji; jinnota li fi tmiem l-2018 l-Istitut, flimkien ma’ aġenziji oħra, qabel li jesplora possibbiltajiet għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-aġenziji fl-implimentazzjoni ta’ proġetti konġunti ta’ bini ta’ kapaċità ma’ pajjiżi terzi; ifaħħar din il-prattika bħala eżempju li aġenziji oħra għandhom isegwu; iħeġġeġ lill-Istitut biex jipprova jikseb kooperazzjoni ulterjuri u usa’ mal-aġenziji tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Istitut jibda diskussjonijiet dwar is-suġġett tal-kondiviżjoni tar-riżorsi rigward kompiti li jikkoinċidu fost aġenziji oħra b’attivitajiet simili;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju tal-fattibbiltà biex tivvaluta l-possibbiltà ta’ fużjoni totali jew almenu tal-ħolqien ta’ sinerġiji kondiviżi mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA); jistieden lill-Kummissjoni tevalwa ż-żewġ xenarji li ġejjin: it-trasferiment tal-Istitut għas-sede tal-FRA fi Vjenna u t-trasferiment tas-sede tal-FRA għas-sede tal-Istitut f’Vilnius; jinnota li pass bħal dan ikun ifisser il-kondiviżjoni tas-servizzi korporattivi u ta’ appoġġ u l-ġestjoni ta’ bini komuni, kif ukoll il-kondiviżjoni tal-infrastrutturi bbażati fuq l-ICT, it-telekomunikazzjonijiet u l-Internet, u b’hekk jiġu ffrankati ammonti kbar ta’ flus li jkunu jistgħu jintużaw għal finanzjament ulterjuri tal-Istituzzjoni u tal-FRA;

5.

Iħeġġeġ lill-Istitut jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti;

6.

Iħeġġeġ lill-Istitut jaħdem favur id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tiegħu;

7.

Ifakkar li l-Istitut ġie stabbilit biex jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Unjoni u jsaħħaħha, inkluż permezz tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki kollha tal-Unjoni u fil-politiki nazzjonali derivanti, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi;

8.

Jilqa’ l-kooperazzjoni li għaddejja bejn l-Istitut u l-Kumitat tal-Parlament għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (il-‘Kumitat FEMM’), u jilqa’ l-kontribut tal-Istitut għall-isforzi kontinwi tal-‘Kumitat FEMM’ inkluż dwar il-kwistjonijiet tad-distakk diġitali bejn l-irġiel u n-nisa, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, id-differenza bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u tan-nisa, l-ibbaġitjar skont is-sessi, il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, is-saħħa tan-nisa inkluż is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, id-drittijiet tan-nisa u l-iżvilupp ta’ għodda parlamentari sensittiva għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi; jinnota l-kontribut siewi li l-Istitut jista’ jagħti lill-kumitati kollha tal-Parlament sabiex jintegraw aħjar b’mod orizzontali l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi u jwettqu aħjar l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki u fl-azzjonijiet matul it-tfassil tal-politiki tal-Unjoni, billi, pereżempju, jipprovdi lill-kumitati l-oħra b’taħriġ u data;

9.

Jinnota l-Istrateġija l-ġdida dwar il-Ġestjoni tal-Għarfien u l-Komunikazzjoni 2019-2021, li għandha l-għan li tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati fl-ugwaljanza bejn is-sessi u tissorvelja l-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-Istitut;

10.

Jappoġġa bil-qawwa l-ħidma tal-Istitut, li, permezz ta’ studji u riċerka, jippermetti lill-Kumitat FEMM jikseb data li hija indispensabbli sabiex iwettaq ħidmietu kif suppost billi jipprovdi data uffiċjali, oġġettiva u ta’ kwalità għolja;

11.

Jilqa’ l-kisbiet tal-Istitut fl-2018 u jitolbu jaġġorna l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2017 fuq bażi annwali mill-2020 ’il quddiem; jappella sabiex jiġu żviluppati għodod aktar metodoloġiċi biex tiġi żgurata aħjar l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki u l-azzjonijiet kollha;

12.

Jinsisti fuq ir-rwol tal-Istitut, bħala ċ-ċentru ta’ għarfien espert tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul;

13.

Iqajjem tħassib dwar talbiet ta’ ex ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u dwar id-deċiżjonijiet tal-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Vilnius u tal-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius; jappella għal proċess ċar ta’ reklutaġġ u jitlob lill-Istitut jadotta miżuri biex isolvi s-sitwazzjoni.

Politika dwar il-persunal

14.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2018, it-tabella tal-persunal kienet ikkompletata b’100 %, bil-ħatra ta’ 27 aġent temporanju minn total ta’ 27 aġent temporanju li ġew awtorizzati fil-qafas tal-baġit tal-Unjoni (meta mqabbla mas-27 post awtorizzati fl-2017); jinnota li, barra minn hekk, 14-il aġent kuntrattwali u erba’ esperti nazzjonali sekondati kienu qed jaħdmu għall-Istitut fl-2018;

15.

Jinnota d-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Vilnius fi Frar 2019 favur ħames ex impjegati tal-Istitut li kienu akkużaw lill-Istitut li sfrutta l-istatus ta’ ‘impjegat temporanju’ għal perjodu ta’ ħames snin sabiex iħallsuhom inqas minn persunal bi status ta’ impjieg fit-tul; jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi ġenerali tal-modi li bihom l-aġenziji jimpjegaw il-persunal tagħhom u tal-Istitut innifsu u tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-eżitu finali tal-analiżi;

16.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, wieħed mill-obbligi prinċipali, li jirriżulta mid-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u l-liġi tax-xogħol tal-Litwanja, huwa li l-ħaddiema interim għandu jkollhom l-istess kundizzjonijiet tax-xogħol bħall-ħaddiema li jiġu impjegati direttament mill-impriża li tħaddimhom; jinnota, madankollu, li l-kuntratti ma kinux jirrikjedu b’mod espliċitu li l-aġenziji tax-xogħol temporanju jirrispettaw dawn il-kundizzjonijiet, u li xejn ma jindika li l-Istitut innifsu għamel xi tqabbil bejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal proprju tiegħu u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema interim, li jikkawża riskji ta’ litigazzjoni u għar-reputazzjoni; jistieden lill-Istitut janalizza l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema interim tiegħu u jiżgura li jkunu jikkonformaw mal-liġijiet tax-xogħol tal-Unjoni u dawk nazzjonali;

17.

Jinnota bi tħassib ir-rappreentazzjoni żbilanċjata tal-irġiel (7 membri) u tan-nisa (23 membri) fil-Bord ta’ Tmexxija;

18.

Jinnota li l-Istitut jippubblika avviżi ta’ postijiet battala fuq is-sit web proprju tiegħu u fuq il-midja soċjali sabiex tiżdied il-pubbliċità, iżda mhux fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal;

Akkwisti

19.

Jinnota bi tħassib li, fi tmiem l-2017, l-Istitut kien konvenut f’erba’ kawżi relatati ma’ tliet proċeduri ta’ akkwist li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti tal-Ġustizzja”) minn offerenti li ma ntgħażlux; jinnota li fl-2018 il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq tnejn mill-erba’ każijiet u ċaħdet l-azzjonijiet tar-rikorrenti filwaqt li sabet li l-Istitut ma kienx responsabbli, u li fl-2019 il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar iż-żewġ każijiet li kien fadal marbuta mal-istess deċiżjoni ta’ għoti u mal-istess kuntratt; jinnota li, skont it-tweġiba tal-Istitut, huwa kompla jtejjeb il-proċeduri ta’ akkwist sabiex jimminimizza r-riskju ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon potenzjali fost l-offerenti li ma jintgħażlux u ta’ każijiet legali futuri;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza

20.

Jinnota l-miżuri eżistenti tal-Istitut u l-isforzi kontinwi biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u l-protezzjoni tal-informaturi; jilqa’ l-pubblikazzjoni tas-CVs tal-maniġment superjuri tal-Istitut fuq is-sit web tiegħu;

Awditu intern

21.

Jinnota li r-rapport tal-awditjar finali, maħruġ fis-17 ta’ Ottubru 2017, tal-awditu tas-Servizz tal-Awditjar Intern dwar il-ġestjoni tal-partijiet ikkonċernati u l-komunikazzjoni esterna ma identifika l-ebda kwistjoni kritika jew importanti ħafna; jinnota, madankollu, li r-rapport tal-awditjar irrakkomanda titjib ulterjuri f’għadd ta’ oqsma inklużi l-ġestjoni tal-għarfien u l-istrateġija ta’ komunikazzjoni, l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar, il-ġestjoni ta’ proġetti ewlenin tal-partijiet ikkonċernati u l-komunikazzjoni esterna; jinnota li l-Istitut żviluppa pjan ta’ azzjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet u s-sottorakkomandazzjonijiet kollha li għandhom jiġu implimentati matul l-2017-2018 u li diversi sottorakkomandazzjonijiet ġew implimentati fl-2017 u l-bqija matul l-2018;

22.

Jinnota l-isforzi tal-Istitut biex jiżgura post tax-xogħol kosteffikaċi u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent; josserva li, filwaqt li l-Istitut ma għandu l-ebda miżura speċifika fis-seħħ biex inaqqas jew jikkumpensa l-emissjonijiet tas-CO2, huwa jipparteċipa f’laqgħat, konsultazzjonijiet u preżentazzjonijiet għal dak il-għan u li għandu wkoll spazji ta’ parkeġġ għar-roti;

23.

Jistieden lill-Istitut jiffoka fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tiegħu mal-pubbliku, u jikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tal-midja;

24.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2020 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)  ĠU C 128, 5.4.2019, p. 16.

(2)  ĠU C 128, 5.4.2019, p. 18.

(3)  Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).

(4)  Testi adottati, P9_TA(2020)0121.