|
11.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 417/294 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1936 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-14 ta’ Mejju 2020
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa’, tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2018
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa’, tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2018, |
|
— |
wara li kkunsidra t-tweġibiet mogħtija mill-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub lil dak li kien il-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, Neven Mimica, għas-smigħ quddiem il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fit-28 ta’ Novembru 2019; |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 99, l-Artikolu 100, it-tielet inċiż, u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0057/2020), |
|
A. |
billi l-objettiv primarju tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp huwa li jitnaqqas il-faqar u, fuq terminu twil, jinqered kif definit fl-Artikoli 208 sa 210 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE); |
|
B. |
billi l-Unjoni jeħtiġilha tagħmel sforzi massimi biex tiżgura li, speċjalment f’każijiet fejn isir investiment f’pajjiżi rregolati minn reġimi mhux demokratiċi, il-fondi u l-azzjonijiet tagħha jkunu dejjem ta’ benefiċċju għan-nies fil-bżonn u mhux għall-istrutturi regolatorji; |
|
C. |
billi l-objettiv ġenerali jibqa’ li jintlaħaq 0,7 % tal-introjtu nazzjonali gross għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) u li jiġi mobilizzat il-finanzjament privat; |
|
D. |
billi l-integrazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli kif ukoll l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima huma objettivi fundamentali li jridu jiġu segwiti fi strumenti ta’ kooperazzjoni; |
|
E. |
billi s-sostenibbiltà hija kruċjali biex jinkisbu l-għanijiet u r-riżultati stabbiliti u speċjalment l-impatti fit-tul tal-għajnuna għall-iżvilupp; |
|
F. |
billi l-prinċipju li “ħadd ma jitħalla barra” huwa essenzjali fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli; |
|
G. |
billi l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, li ġie adottat fl-2017, jipprovdi qafas ta’ politika komuni għall-iżvilupp għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri; |
|
H. |
billi l-allinjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni mal-prijoritajiet ta’ żvilupp tal-pajjiżi sħab stess huwa l-element ewlieni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli; |
|
I. |
billi l-koerenza u l-komplementarjetà tal-politika ta’ diversi politiki esterni għandhom jiġu eżaminati b’mod kostanti, speċjalment meta jkunu qed jiġu implimentati diversi politiki f’pajjiż sieħeb uniku, bil-ħsieb li jiġu promossi s-sinerġiji, jitnaqqsu l-kompromessi bejn dawk il-politiki eżistenti u jiġu evitati kemm jista’ jkun piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa; |
|
J. |
billi l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tajbin ma’ donaturi u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra huma ta’ importanza assoluta biex tiġi evitata d-duplikazzjoni, jiġu żgurati l-kontrolli effiċjenti, il-kondiviżjoni tar-riskju, is-sjieda ta’ riżultati li jirriflettu l-inputs reali u l-effikaċja tal-għajnuna u titrawwem il-kapaċità li tinbena għajnuna għall-iżvilupp fil-pajjiżi benefiċjarji; |
|
K. |
billi l-Kummissjoni hija finalment responsabbli għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ) u għas-sorveljanza tal-proċess ta’ monitoraġġ u rappurtar finanzjarju tal-FEŻ; |
|
L. |
billi t-trasparenza, ir-responsabbiltà u d-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem huma prerekwiżiti għal skrutinju demokratiku u għajnuna effettiva għall-iżvilupp; |
|
M. |
billi l-interventi esterni tal-Unjoni jgħaddu minn organizzazzjonijiet internazzjonali li jew jimplimentaw il-finanzjament tal-Unjoni jew jikkofinanzjaw proġetti flimkien mal-Unjoni, li jinvolvi sfidi f’termini ta’ sorveljanza u governanza; |
|
N. |
billi 79 pajjiż jużaw firxa estensiva ta’ metodi ta’ implimentazzjoni, li jirriflettu n-natura intergovernattiva tal-FEŻ, b’regoli u proċeduri kumplessi fir-rigward tas-sejħiet għal offerti u l-għoti ta’ kuntratti; |
|
O. |
billi l-appoġġ tal-baġit, filwaqt li għandu rwol prinċipali biex iwassal għall-bidla u biex jindirizza l-isfidi tal-iżvilupp ewlenin, jinvolvi riskju fiduċjarju kbir u għandu jingħata biss jekk l-istat benefiċjarju jkun jista’ juri livell suffiċjenti ta’ trasparenza, traċċabbiltà, responsabbiltà, rispett għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet tal-bniedem u effikaċja qabel ma jirċievi l-għajnuna għall-appoġġ baġitarju; |
|
P. |
billi t-trawwim tat-trasparenza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi huma kruċjali għas-suċċess tal-operazzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju tal-Unjoni; |
|
Q. |
billi l-attivitajiet tal-FEŻ jiġu implimentati f’kuntesti diffiċli billi jiffaċċjaw esponiment għal riskju għoli rikorrenti, ta’ natura ġeopolitika jew istituzzjonali; |
|
R. |
billi l-fatturi esterni għall-implimentazzjoni xierqa tal-FEŻ jistgħu jtaffu jew jeqirdu l-isforzi magħmula f’termini ta’ żvilupp; |
|
S. |
billi l-appoġġ għall-governanza mill-Unjoni huwa komponent ewlieni tal-għajnuna għall-iżvilupp biex jiġu ġġenerati riformi effikaċi tal-governanza; |
|
T. |
billi l-kriżijiet migratorji attwali ma jridux inaqqsu mill-importanza tal-mewġiet migratorji marbutin ma’ taqlib demografiku u jirrikjedu reazzjonijiet differenti fuq terminu twil; |
|
U. |
billi s-simplifikazzjoni tal-proċessi ta’ implimentazzjoni hija mutur biex titqawwa l-effikaċja tal-għoti tal-għajnuna; |
|
V. |
billi huwa ta’ importanza fundamentali li tiġi promossa l-viżibbiltà tal-Unjoni, li jiġi żgurat użu strateġiku tal-istrument ta’ għajnuna finanzjarja esterna tal-Unjoni, li jkun hemm komunikazzjoni dwar il-finanzjament tal-Unjoni u li jiddaħħlu l-valuri tal-Unjoni f’kull forma ta’ għajnuna għall-iżvilupp. |
Dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni
Implimentazzjoni finanzjarja u dik tal-proġetti tal-FEŻ (it-8 sal-11-il FEŻ) fl-2018
|
1. |
Josserva li l-ħdax-il FEŻ jirrappreżenta 65 % tal-portafoll tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (id-DĠ DEVCO); jinnota li fl-2018 l-impenji tal-FEŻ kienu laħqu EUR 4 959 miljun, li qabżu l-mira annwali ta’ EUR 4 537 miljun (jew 109,3 % tal-mira inizjali meta mqabbla ma’ 95 % fl-2017) filwaqt li l-pagamenti tal-FEŻ ammontaw għal EUR 4 124 miljun (jiġifieri rata ta’ eżekuzzjoni ta’ 98,2 % tal-mira annwali ta’ EUR 4 200 miljun (meta mqabbla ma’ 98,89 % fl-2017); barra minn hekk jinnota li l-impenji tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) kienu ta’ EUR 880 miljun (li minnhom EUR 800 miljun jikkonċernaw il-Faċilità ta’ Investiment) filwaqt li l-pagamenti tal-BEI kienu jammontaw għal EUR 555 miljun fl-2018 (li minnhom EUR 525 miljun tħallsu permezz tal-Faċilità ta’ Investiment); |
|
2. |
Jilqa’ l-isforzi regolari tad-DĠ DEVCO biex inaqqas il-prefinanzjament l-antik u l-impenji antiki li ma ntefqux, b’objettiv ta’ 25 %; jinnota li d-DĠ DEVCO eċċeda l-mira ta’ 25 % tiegħu billi naqqas il-prefinanzjament antik tal-FEŻ b’40,33 % (43,79 % għal oqsma oħra ta’ għajnuna) u l-impenji antiki li ma ntefqux tal-FEŻ b’37,10 % (39,71 % għal oqsma oħra ta’ għajnuna); |
|
3. |
Jinkoraġġixxi lid-DĠ DEVCO jkompli bl-isforzi tiegħu fir-rigward ta’ kuntratti qodma skaduti tal-FEŻ peress li l-valur fil-mira ta’ inqas minn 15 % ma ntlaħaqx kif kien ġara fl-2017 irrispettivament mill-proċedura ġdida stabbilita minn DĠ DEVCO (bi 17,27 %, titjib żgħir iżda mhux sodisfaċenti meta mqabbel ma’ 18,75 % fl-2017); jinnota li dan l-valur fil-mira tal-indikatur ta’prestazzjoni ewlieni (KPI) ta’ inqas minn 15 % ntlaħaq b’13,88 % għall-bqija tal-operazzjoni tad-DĠ DEVCO; |
|
4. |
Jiddispjaċih, b’mod ġenerali, li l-eżerċizzju ta’ tnaqqis għandu prestazzjoni aktar baxxa b’livelli ta’ tnaqqis li huma aktar baxxi għall-prefinanzjament antik tal-FEŻ u b’impenji li ma ntefqux jew li ma ntlaħqux għal kuntratti qodma skaduti tal-FEŻ meta mqabbla ma’ oqsma oħra ta’ intervent u ta’ responsabbiltà tad-DĠ DEVCO; jirrikonoxxi madankollu li l-kumplessità operattiva tal-FEŻ tista’ tostakola l-kisba ta’ valuri fil-mira tal-KPI b’mod partikolari għall-proċeduri ta’ għeluq, u b’hekk tagħmilha aktar diffiċli li jinħarġu ordnijiet ta’ rkupru; |
|
5. |
Jistieden lid-DĠ DEVCO jagħlaq fuq terminu qasir, bħala kwistjoni ta’ prijorità, il-bqija tal-operazzjonijiet mit-tmien u d-disa’ FEŻ; |
Affidabbiltà tal-kontijiet
|
6. |
Jilqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport annwali tagħha dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-tmien, mid-disa’, mill-għaxar u mill-ħdax-il FEŻ għas-sena finanzjarja 2018, sabet li l-kontijiet annwali finali jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-FEŻ sal-31 ta’ Diċembru 2018, u li r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħhom, il-flussi ta’ flushom u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li kienet għadha kif intemmet huma konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tal-FEŻ u mar-regoli kontabilistiċi bbażati fuq l-istandards kontabilistiċi li ntlaħaq qbil dwarhom fil-livell internazzjonali fir-rigward tas-settur pubbliku; |
Legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet
|
7. |
Jilqa’ l-opinjoni tal-Qorti, skont liema d-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena 2018 hu legali u regolari fl-aspetti materjali kollha; |
|
8. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu li qed jikber dwar l-opinjoni negattiva mogħtija mill-Qorti dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa minħabba li l-infiq li fuqu huma bbażati l-kontijiet huma materjalment milquta minn livell dejjem ogħla ta’ żbalji; |
|
9. |
Jinsab imħasseb ħafna li l-livell stmat ta’ żbalji reġa’ żdied għat-tieni sena għal 5,2 % għan-nefqa aċċettata fil-kontijiet tat-tmien, tad-disa’, tal-għaxar u tal-ħdax-il FEŻ (meta mqabbel ma’ 4,5 % fl-2017, 3,3 % fl-2016, 3,8 % fl-2014 u fl-2015, 3,4 % fl-2013 u 3 % fl-2012); jistenna li l-Kummissjoni tirrifletti fuq ir-raġunijiet u tieħu l-passi meħtieġa biex treġġa’ lura x-xejra fir-rigward taż-żieda fir-rata ta’ żbalji; |
|
10. |
Jinnota, li parti mir-rati ta’ żball stmati mill-Qorti tista’ tkun minħabba ammont kbir ta’ xogħol għal numru insuffiċjenti ta’ persunal, b’mod partikolari fid-Delegazzjonijiet li jkunu qed jiffaċċjaw xi diffikultajiet; |
|
11. |
Jemmen li huwa kruċjali, meta jintlaħaq tali livell ta’ żbalji stmati, li jsir aktar investiment fl-għarfien u t-taħriġ tal-persunal; jistieden lill-Kummissjoni ssib modi biex issolvi l-problema tan-nuqqas ta’ persunal, b’mod partikolari fid-Delegazzjonijiet li jkunu qed jiffaċċjaw xi diffikultajiet; |
|
12. |
Josserva li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ma kellu l-ebda impatt fuq il-ġestjoni finanzjarja tal-FEŻ għall-2018 u li l-kontijiet tal-FEŻ tal-2018 jirriflettu b’mod korrett l-istat tal-proċess tal-ħruġ; |
|
13. |
Jinnota bi tħassib kbir il-fatt li minn 125 tranżazzjoni ta’ pagament riveduti mill-Qorti, 51 (jew 41 %) ġew affettwati minn żbalji, u b’mod partikolari, mid-39 pagament bi żbalji kwantifikabbli, 9 (23 %) kienu tranżazzjonijiet finali awtorizzati wara li twettqu l-verifiki ex ante kollha; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb b’mod sostanzjali l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet u tiżgura li l-verifiki ex ante jiġu segwiti kif suppost; |
|
14. |
Josserva li l-fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-għaxar FEŻ li huma trasferiti għar-riżerva ta’ prestazzjoni tal-ħdax-il FEŻ mhux se joħolqu xi kwistjonijiet tat-teżor fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, u li l-impatt fuq il-kontribuzzjoni ta’ kull Stat Membru se jiġi kkalkulat b’mod proporzjonali għall-kontribuzzjoni inizjali tagħhom għall-FEŻ; |
|
15. |
Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li, minkejja l-pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva suċċessivi implimentati mid-DĠ DEVCO, it-tipoloġija tal-iżbalji identifikati hija, fil-biċċa l-kbira, simili għal snin preċedenti, b’mod partikolari nuqqas ta’ dokumenti essenzjali ta’ appoġġ (36,6 %), nuqqas serju ta’ konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku (27,1 %), nefqa mhux imġarrba (22,7 %), adattament tar-rata tal-iżball residwu (RER) minn studju tal-RER tad-DĠ DEVCO (5,4 %), infiq ineliġibbli (4,3 %) u tipi oħra ta’ żbalji (3,9 %), nuqqas ta’ konformità mill-benefiċjarji mad-dispożizzjonijiet dwar l-akkwist pubbliku u n-nefqa ineliġibbli; |
|
16. |
Josserva li l-iżbalji kienu prinċipalment relatati ma’ tranżazzjonijiet marbuta ma’ stimi ta’ programmi, għotjiet u ftehimiet ta’ kontribuzzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ftehimiet ta’ delegazzjoni ma’ aġenziji ta’ kooperazzjoni nazzjonali tal-Unjoni pjuttost milli strumenti ta’ għajnuna oħrajn; |
|
17. |
Jinsab imħasseb ħafna dwar din is-sitwazzjoni rikorrenti, minkejja l-pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva suċċessivi stabbiliti mid-DĠ DEVCO, speċjalment meta żbalji kwantifikabbli jindikaw nuqqasijiet fil-verifiki minn organizzazzjonijiet internazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tissottovalutax il-gravità ta’ tali żbalji li jistgħu jindikaw irregolaritajiet bħal frodi u biex tindirizza n-nuqqasijiet rikorrenti msemmija hawn fuq b’mod urġenti, biex tirrapporta b’mod ċar dwar id-diffikultajiet speċifiċi ffaċċjati fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni u tikkoopera kif dovut mal-Qorti kif ukoll mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) meta jkun meħtieġ; |
L-effikaċja tas-sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ aċċertament
|
18. |
Jinsab imħasseb ferm dwar il-fatt li l-Kummissjoni kellha biżżejjed informazzjoni biex tipprevjeni, tidentifika u tikkoreġi l-iżbalji kwantifikabbli qabel ma vvalidat u aċċettat in-nefqa, u li l-użu tal-informazzjoni disponibbli kien inaqqas il-livell stmat ta’ rata ta’ żbalji b’1,3 punti perċentwali; jenfasizza wkoll li ċerti tranżazzjonijiet bi żbalji ma ġewx identifikati minn awdituri esterni u li jirrappreżentaw 1,1 punti perċentwali; |
|
19. |
Jeżiġi li d-DĠ DEVCO jkun aktar rigoruż fl-użu tiegħu tal-informazzjoni ta’ ġestjoni disponibbli u fit-tmexxija konsistenti tas-sistema ta’ kontroll ġenerali tiegħu (verifiki ex-ante u awditjar estern jew verifika tal-infiq); jisħaq fuq l-importanza tal-isforzi kontinwi tad-DĠ DEVCO u jistieden li jsiru biex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-kontrolli preventivi tiegħu, b’mod partikolari l-iffokar fuq oqsma ta’ riskju għoli relatati ma’ fondi taħt ġestjoni indiretta permezz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ta’ aġenziji għall-iżvilupp kif ukoll ta’ għotjiet taħt ġestjoni diretta; |
|
20. |
Jinnota s-seba’ studju dwar ir-RER tad-DĠ DEVCO li rriżulta f’RER ta’ 0,85 % taħt il-livell limitu ta’ materjalità ta’ 2 % stabbilit mill-Kummissjoni; jinnota, madankollu„ li l-metodoloġija użata kienet ibbażata għal numru ta’ snin fuq verament ftit verifiki fuq il-post rigward tranżazzjonijiet, verifiki mhux kompluti fuq proċeduri ta’ akkwist pubbliku u jistieden lid-DĠ DEVCO biex jaħdem mill-qrib mal-Qorti ħalli jtejbu l-affidabbiltà tal-valutazzjoni tar-rati ta’ żbalji; |
|
21. |
Josserva, madankollu, li r-riżultati tal-awditjar estern għal operazzjonijiet implimentati fl-oqsma “għotjiet f’ġestjoni diretta” u “ġestjoni indiretta ma’ pajjiżi benefiċjarji” juru li 4,64 % u 3,77 % rispettivament tal-ammont totali awditjat ġew identifikati bħala mhux eliġibbli u li din is-sitwazzjoni ma wasslitx għall-ħruġ ta’ riżervi differenzjati; jitlob lid-DĠ DEVCO jressaq spjegazzjoni dettaljata ulterjuri dwar il-loġika sottostanti li ntużat f’dawn iż-żewġ każijiet; |
|
22. |
Ifakkar li r-riżerva hija fundamentali fil-kostruzzjoni tar-responsabbiltà u għalhekk tikkostitwixxi strument preventiv u ta’ trasparenza fil-bini tal-katina ta’ aċċertament tad-DEVCO li jirrifletti l-isfidi li hemm bħalissa jew dgħufijiet li fadal jew li seħħew, li ġew iffaċċjati fil-Kwartieri Ġenerali jew fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni; |
|
23. |
Jistieden lid-DĠ DEVCO jsaħħaħ b’mod progressiv il-katina ta’ aċċertament tiegħu f’konformità mas-sett il-ġdid ta’ standards ta’ kontroll intern billi jpoġġi aktar enfasi kemm fuq il-kompetenzi individwali u r-responsabbiltà għar-rwol tagħhom fit-twettiq ta’ kontrolli kif ukoll fuq ir-riskju ta’ frodi; |
|
24. |
Jinnota li l-istudju dwar ir-RER sar element kostituttiv tal-valutazzjoni tar-riskju tad-DĠ DEVCO, tal-istrateġija ta’ kontroll u ta’ awditjar, u tal-katina tal-aċċertament, iżda jistieden lid-DĠ DEVCO jiżgura konsistenza aħjar fl-istandards metodoloġiċi użati fil-valutazzjoni tiegħu dwar ir-RER u, fejn meħtieġ, jikkonsulta lill-Qorti dwar kwistjonijiet bħal dawn; |
|
25. |
Jinnota l-approċċi differenti użati mill-Qorti u mid-DĠ DEVCO, bil-Qorti li tiffoka fuq operazzjonijiet li għaddejjin jew rati ta’ żbalji provviżorji fil-livell ta’ pagament u d-DĠ DEVCO li jittratta operazzjonijiet mitmuma; iqis u jissottolinja l-fatt li din id-duwalità tal-metodoloġija tal-istima ma għandhiex twassal għal viżjoni ekwivoka tar-regolarità u l-legalità tal-operazzjonijiet, li tipprevjeni wkoll il-komparabbiltà tar-riżultati fuq diversi snin; |
|
26. |
Jeżiġi li l-partijiet interessati kollha jevitaw li jikkompetu b’ġustifikazzjonijiet dwar metodoloġiji meta jivvalutaw il-livelli ta’ żbalji stmati sabiex jippreżentaw stampa affidabbli u aktar realistika tas-sitwazzjoni u jqawwu l-kunfidenza u l-ġustizzja kemm fil-ħidma ta’ kontroll imwettqa kif ukoll fis-sistemi ta’ kontroll ġenerali; jissottolinja wkoll il-fatt li l-kunċett ta’ ammonti stmati bħala f’riskju fil-mument tal-għeluq li jintużaw fil-forom varji ta’ rappurtar bħar-rapport tal-attività annwali tad-DĠ DEVCO jew ir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni tal-ġestjoni tal-Kummissjoni għandu jerġa’ jiġi kkunsidrat kif xieraq; |
|
27. |
Jistieden lid-DĠ DEVCO jkompli bl-isforzi tiegħu biex itejjeb l-implimentazzjoni effiċjenti tal-qafas ta’ kontroll u tal-KPIs tiegħu, b’mod partikolari l-KPI 21 dwar il-pagamenti mhux dovuti evitati minn kontrolli ex ante u l-KPI 25 dwar ammonti ineliġibbli identifikati minn awditjar estern; jinnota li l-ordnijiet ta’ rkupru nħarġu għal ammont ta’ EUR 18,22 miljun għar-rimborż ta’ pagamenti mhux dovuti; |
|
28. |
Jemmen li l-iffukar fuq oqsma ta’ riskju għoli relatati mal-fondi taħt ġestjoni indiretta permezz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u aġenziji nazzjonali tal-iżvilupp u għotjiet taħt ġestjoni diretta huwa essenzjali u li l-livell ta’ riskji assoċjati ma’ dawn iż-żewġ oqsma ta’ operazzjoni għandu jiġi aġġornat; |
|
29. |
Jinnota li nħarġu żewġ riżervi fl-2018, b’mod partikolari t-tiġdid tar-riżerva dwar il-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (FPA) maħruġa inizjalment fl-2015 u l-fatt li tirrifletti d-dgħufijiet istituzzjonali u maniġerjali li għaddejjin bħalissa, peress li l-FPA mhijiex effettiva biżżejjed biex tipproteġi l-legalità u r-regolarità tan-nefqa tal-FEŻ; |
|
30. |
Jinnota li fl-2018, kienu għaddejjin 19-il investigazzjoni ta’ frodi; |
Kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, aġenziji tal-Unjoni għall-iżvilupp u organizzazzjonijiet mhux governattivi
|
31. |
Jinnota li l-pagamenti mill-FEŻ fl-2018 għal proġetti implimentati permezz ta’ ġestjoni indiretta ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u aġenziji tal-iżvilupp ammontaw rispettivament għal EUR 1,074 miljun u EUR 201 miljun (li minnhom EUR 347 miljun kienu permezz tan-Nazzjonijiet Uniti); jinnota li EUR 2,6 biljun ġew mill-baġit ġenerali; |
|
32. |
Jinnota bi tħassib li għall-operazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, 33 minn 61 tranżazzjoni awditjata (jew 54 %) għandhom żbalji kwantifikabbli, li jirrappreżentaw 62,5 % tal-livell ta’ żbalji stmat għall-2018; |
|
33. |
Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li l-organizzazzjonijiet internazzjonali reġgħu, għal darb’oħra, ma pprovdewx dokumentazzjoni ta’ sostenn fil-ħin, li impedixxa lill-Kummissjoni u lill-Qorti milli jwettqu awditi rigorużi; jistieden lill-Kummissjoni, f’dak ir-rigward, biex issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-informazzjoni tasal fil-ħin mingħand l-organizzazzjonijiet internazzjonali kkonċernati sabiex il-Qorti tkun tista’ tippreżenta data sħiħa u preċiża; |
|
34. |
Jinnota bi tħassib li l-għadd kbir ta’ kuntratti tal-FEŻ ingħataw lil numru ferm limitat ta’ aġenziji nazzjonali tal-iżvilupp, bir-riskju konsegwenti ta’ rinazzjonalizzazzjoni tal-politika tal-Unjoni, li tmur kontra l-interessi ta’ integrazzjoni akbar tal-politika barranija tal-Unjoni; |
|
35. |
Jistieden lill-Kummissjoni, issaħħaħ u tikkonsolida l-monitoraġġ tal-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti u dawk tal-għoti ta’ kuntratti biex jiġi evitat kwalunkwe riskju li numru żgħir ħafna ta’ aġenziji pubbliċi jew semiprivati jimmonopolizzaw ishma sostanzjali tal-proġetti tal-FEŻ implimentati f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u jiksbu influwenza dejjem akbar fuq il-politiki tal-Unjoni dwar l-iżvilupp, il-kooperazzjoni u l-viċinat, li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tal-politika tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ u twessa’ l-kooperazzjoni tagħha ma’ entitajiet pubbliċi u privati oħrajn, bħal diversi NGOs li jaħdmu fil-qasam tal-iżvilupp; |
|
36. |
Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħmel enfasi akbar fuq il-promozzjoni tal-ħidma kooperattiva tal-FEŻ mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-aġenziji tal-Unjoni għall-iżvilupp u l-NGOs; jesprimi tħassib dwar il-viżibbiltà inadegwata u insuffiċjenti tal-ħidma tal-FEŻ għall-pubbliku; |
|
37. |
Ifakkar fil-fatt li l-entitajiet fdati bl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni iridu, bħala prinċipju ġenerali, jirrispettaw il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja soda u t-trasparenza; jenfasizza li kwalunkwe entità jeħtiġilha tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u trid, bħala kundizzjoni biex tirċievi l-fondi, tagħti lill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, lill-Qorti u lill-OLAF id-drittijiet neċessarji u l-aċċess meħtieġ; |
|
38. |
Jistieden lill-Kummissjoni:
|
Appoġġ baġitarju tal-Unjoni
|
39. |
Jinnota li l-kontribuzzjoni tal-FEŻ għall-attivitajiet ta’ appoġġ baġitarju laħqet EUR 881,9 miljun fl-2018 li minnhom EUR 858,6 miljun kienu impenji ġodda (b’kopertura ġeografika ta’ 56 pajjiż sieħeb li jirrappreżentaw 96 kuntratt ta’ appoġġ baġitarju); josserva li għall-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej (PTEE), EUR 92,9 miljun ġew żborżati permezz tal-FEŻ għal 14-il pajjiż, li jirrappreżentaw 18-il kuntratt ta’ appoġġ baġitarju; |
|
40. |
Jinnota b’apprezzament li l-Afrika sub-Saħarjana hija l-akbar riċevitur ta’ appoġġ baġitarju b’sehem ta’ 41 % u li l-kuntratti relatati jikkonċernaw ir-reżiljenza tal-istat u l-kuntratti tal-bini; josserva wkoll li s-sehem ta’ pajjiżi bi dħul baxx żdied għal 38 % meta mqabbel ma’ 31 % fl-2015 u li l-pajjiżi bi dħul medju aktar baxx, b’47 % tal-impenji kurrenti totali, huma l-akbar benefiċjarji tal-appoġġ baġitarju; |
|
41. |
Ifakkar li l-appoġġ baġitarju huwa investiment fil-politiki u s-sistemi pubbliċi tal-pajjiżi sħab tal-Unjoni u li l-prinċipji fundamentali tiegħu huma l-implimentazzjoni tar-riformi u l-kontribuzzjoni għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli; jinnota li l-appoġġ baġitarju tal-Unjoni għandu jkun iggwidat mill-prinċipji tal-effikaċja ta’ Busan maqbula internazzjonalment bħall-appartenenza minn pajjiżi sħab, il-fokus fuq ir-riżultati, l-inklużività u r-responsabbiltà; |
|
42. |
Jinnota li fil-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u l-PTEE l-iżborżi jsiru prinċipalment minn segmenti fissi; iqis, madankollu, li s-segmenti varjabbli jistgħu jipprovdu mobilizzazzjoni aħjar għall-approfondiment tal-politika u tad-djalogu politiku mal-pajjiżi sħab dwar ir-riformi ewlenin li għandhom jitwettqu; jemmen li l-modalitajiet tal-iżborż permezz ta’ segmenti fissi u varjabbli għandhom ikunu riżultati bbażati u dipendenti fuq biżżejjed data kwalitattiva biex jevalwaw il-progress miksub; iqis li l-kriterji ta’ prestazzjoni ta’ żborż huma fattur ċentrali fil-ġestjoni tal-attivitajiet ta’ appoġġ baġitarju; |
|
43. |
Jitlob għal monitoraġġ mill-qrib u djalogu politiku dettaljat ma’ pajjiżi sħab rigward l-objettivi, il-progress favur riżultati maqbula u indikaturi tal-prestazzjoni; ifakkar għal darb’oħra lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi aħjar u tkejjel l-impatt mistenni tal-iżvilupp u, b’mod partikolari, ittejjeb il-mekkaniżmu ta’ kontroll fir-rigward tal-imġiba tal-istat benefiċjarju fl-oqsma tal-korruzzjoni, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija; jibqa’ mħasseb ħafna dwar l-użu li jista’ jsir mill-appoġġ baġitarju tal-Unjoni fil-pajjiżi riċevituri fejn ma hemm l-ebda kontroll demokratiku jew hemm biss kontroll demokratiku limitat; |
|
44. |
Josserva tnaqqis globali żgħir fil-perċezzjoni tar-riskji marbuta mal-appoġġ baġitarju fl-2018; jenfasizza, madankollu, li r-riskji marbuta mal-korruzzjoni, il-finanzi pubbliċi u l-iżvilupp jibqgħu l-aktar riskji sinifikanti filwaqt li kien hemm tendenza dejjem akbar fir-riskju makroekonomiku; |
|
45. |
Jappoġġa l-fokus fuq il-progress miksub fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, it-trasparenza baġitarja u l-korpi ta’ kontroll demokratiku u ta’ sorveljanza, u l-makrokundizzjonalità f’pajjiżi sħab sabiex jiġi ottimizzat l-iżvilupp tal-kapaċità; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja b’mod sistematiku r-riformi mwettqa u r-riżultati miksuba, filwaqt li turi li l-appoġġ baġitarju tal-Unjoni kkontribwixxa b’mod effettiv għall-aġenda għall-iżvilupp tal-pajjiżi benefiċjarji stess u saħħaħ is-sjieda demokratika tagħha; |
|
46. |
Jirrimarka li, biex jiġi vvalutat il-mod kif l-appoġġ baġitarju kkontribwixxa għat-titjib tal-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku u għal riformi relatati, iridu jissaħħu għodod ta’ monitoraġġ xierqa; jinnota b’apprezzament li l-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku fl-2018 kienet tammonta għal 19 % tal-valur tas-segmenti varjabbli (meta mqabbla ma’ 3 % fl-2014); iħeġġeġ lid-DĠ DEVCO jkompli jagħti informazzjoni regolari, fir-rapporti tiegħu dwar l-appoġġ baġitarju, rigward l-użu ta’ kuntratti ta’ appoġġ baġitarju għall-mobilizzazzjoni tad-dħul intern; |
|
47. |
Jistieden lid-DĠ DEVCO, madankollu, jivvaluta b’mod strett fid-djalogu politiku tiegħu r-riskji relatati mal-evitar tat-taxxa korporattiva, mal-evażjoni tat-taxxa u mal-flussi finanzjarji illeċiti li jaffettwaw b’mod partikolari l-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iħeġġeġ lid-DĠ DEVCO jivvaluta l-impatt fiskali u jgħin fid-definizzjoni tal-objettivi ta’ investiment orjentati; |
Riskji u sfidi relatati mal-implimentazzjoni tal-għajnuna tal-FEŻ
|
48. |
Jesprimi tħassib kbir dwar ir-riskju li l-FEŻ jiġi kostrett iwieġeb għall-aġendi li jbiegħduh mill-objettiv primarju tiegħu li huwa t-tnaqqis tal-faqar, li ma jkunux rikonċiljatorji mal-valuri ċentrali tal-FEŻ u b’riskju li jiġi kompromess dak li sar sew preċedentement; jinnota b’mod imħasseb ir-riskju ta’ devjazzjoni u jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont ta’ dan fit-twettiq ta’ proġetti u programmi f’konformità mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni tagħżel programmi ta’ għajnuna futuri skont il-valuri ċentrali tal-FEŻ u tikkunsidra li tirtira s-sussidji għal programmi li jiddevjaw minn dawk il-valuri; |
|
49. |
Jissottolinja l-fatt li l-FEŻ ma għandux imur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u li r-rabta l-ġdida biex jiġu iffaċċjati sfidi ġodda ma għandhiex iddgħajjef il-kisba ta’ għanijiet oħra ta’ żvilupp; |
|
50. |
Jappella lill-Kummissjoni biex tagħmel aktar enfasi u tiffoka fuq it-titjib u ż-żamma ta’ programmi ta’ għajnuna li jiffunzjonaw tajjeb; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura kopertura akbar mill-media u viżibbiltà tal-aħjar prattiki u tal-istejjer ta’ suċċess; |
|
51. |
Jisħaq fuq is-sinifikanza tar-riskji għas-sostenibbiltà, it-trasparenza u l-koordinazzjoni tajba li l-Unjoni għandha l-għan li tindirizza bil-fondi tagħha ta’ għajnuna għall-iżvilupp fid-dawl ta’ żieda sinifikanti ta’ donaturi emerġenti u atturi ġodda bħar-Russja u ċ-Ċina fl-Afrika; jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur allinjament aħjar tal-kooperazzjoni internazzjonali mal-prijoritajiet ta’ żvilupp tal-pajjiżi sħab stess; |
|
52. |
Iqis li r-relazzjoni bejn il-kwistjoni tal-migrazzjoni u l-għajnuna għall-iżvilupp hija waħda mill-aktar rabtiet importanti li għandha tiġi ġestita flimkien mar-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp u dik bejn l-aspett umanitarju u l-iżvilupp; jirrikonoxxi madankollu li l-bini tal-paċi u l-indirizzar tal-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni huma aspetti fundamentali tal-iżvilupp sostenibbli; |
|
53. |
Ifakkar li l-effikaċja tal-għajnuna, is-sjieda min-naħa tal-pajjiżi sħab tar-riżultati fil-qasam tal-iżvilupp u d-dipendenza fuq l-oqfsa ta’ governanza tal-pajjiżi sħab huma prinċipji ta’ gwida li għandhom jiġu regolarment irfinuti; jissottolinja wkoll li l-governanza tajba, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma prekundizzjonijiet inevitabbli li jaqblu mal-effikaċja tal-għajnuna; jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem bħala l-prekondizzjoni aħħarija biex tkun approvata l-għajnuna finanzjarja; |
|
54. |
Jenfasizza li s-sostenibbiltà hija kruċjali biex tiżdied l-effikaċja globali tal-għajnuna għall-iżvilupp billi jiġu mmonitorjati b’mod kostanti l-impatti permezz tal-mezzi kollha għall-forniment tal-għajnuna; ifakkar fil-fatt li l-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli jqiegħdu enfasi kbira fuq id-data u l-indikaturi, meta wieħed iqis li monitoraġġ robust huwa essenzjali għal strateġija effikaċi u operazzjonali; |
|
55. |
Itenni s-sejħa tiegħu li l-Kummissjoni tinkludi, fir-rapport tal-attività annwali li jmiss, valutazzjoni strutturata tal-impatt tal-attivitajiet tal-FEŻ, b’fokus partikolari fuq id-drittijiet tal-bniedem; |
|
56. |
Jitlob lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni fuq bażi ta’ pajjiż b’pajjiż tal-proġetti ffinanzjati mill-FEŻ li għaddejjin bħalissa u li ilhom għaddejjin, sabiex turi l-impatti veri ta’ investiment tal-Unjoni li ilu jsir għexieren ta’ snin fuq il-post u kif dan l-investiment effettivament għen fl-iżvilupp ekonomiku, soċjali u sostenibbli tal-pajjiżi benefiċjarji; konsegwentement jappella lill-Kummissjoni biex tirrifletti fuq ir-riżultat tal-evalwazzjoni u tillimita u/jew ittemm aktar finanzjament ta’ proġetti ineffettivi; |
|
57. |
Jemmen li l-fokus fuq l-SMEs lokali, is-settur privat u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandu jkun assi ċentrali ta’ kooperazzjoni fil-ġestjoni ta’ sensiela ta’ proġetti tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni; jenfasizza li, minħabba d-differenza fil-finanzjament meħtieġa biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli ambizzjużi, djalogu strateġiku mas-settur privat u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jrid jaqdi rwol kruċjali għall-iżvilupp tal-ekonomiji lokali; |
|
58. |
Jemmen li l-inklużjoni finanzjarja u l-mikrofinanzjament huma fatturi ewlenin tal-progress ekonomiku u soċjali, li għandhom impatt ippruvat fuq l-attività ekonomika lokali u l-ħolqien tal-impjiegi; jinnota b’sodisfazzjon li l-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp jappoġġaw l-inklużjoni finanzjarja fl-Afrika permezz ta’ għadd ta’ strumenti (il-Fond ta’ Garanzija tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), il-Faċilità għall-Kondiviżjoni tar-Riskju Nasira, il-Fond Huruma, il-Boost Africa u l-Fond ta’ Garanzija Afrikan), li għandhom l-għan, fost l-oħrajn, li jipprovdu mikrokrediti lil bdiewa li mhumiex moqdijin tajjeb fl-Afrika; jiskoraġġixxi lill-Kummissjoni u lil istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni milli jistabbilixxu strumenti ġodda ta’ għajnuna finanzjarja u, minflok, jinkoraġġihom jiżguraw viżibbiltà akbar tal-istrumenti ta’ għajnuna finanzjarja fl-oqsma ta’ operazzjoni rispettivi tagħhom u fl-Unjoni; |
|
59. |
Jinnota l-awditu tas-Servizz tal-Awditjar Intern dwar “koordinazzjoni KE-SEAE” u jinnota b’apprezzament il-konklużjoni tal-awditu li l-attivitajiet ta’ koordinazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni (DĠ DEVCO, id-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir (DĠ NEAR) u s-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija) u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) huma ġeneralment effikaċi u effiċjenti; madankollu, jisħaq b’mod qawwi fuq il-ħtieġa li tiġi definita stampa mhux frammentata tal-assistenza esterna globali tal-Unjoni għal pajjiż partikolari u l-ħtieġa li, f’koordinazzjoni ma’ DĠ DEVCO u DĠ NEAR, jissaħħu l-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji sabiex tiġi żviluppata viżjoni komuni dwar l-inċertezza u l-mitigazzjoni ta’ strateġiji; |
Effikaċja tal-Fond Fiduċjarju tal-Unjoni Ewropea għall-Afrika
|
60. |
Jinnota li r-riżorsi allokati għall-Fond Fiduċjarju tal-Unjoni Ewropea (EUTF) sal-aħħar tal-2018 laħqu EUR 4,2 biljun, li minnhom EUR 3,7 biljun ġew mill-FEŻ u EUR 489,5 miljun mill-Istati Membri u minn donaturi oħra (l-Iżvizzera u n-Norveġja); jinnota li fl-2018, ġew implimentati 187 proġett; jinnota t-tkabbir tal-Inizjattiva Konġunta UE-IOM għall-Protezzjoni tal-Migrazzjoni u l-Iżvilupp għar-Riintegrazzjoni li, fi tmiem l-2018, ra żieda minn 14 għal 26 pajjiż Afrikan; |
|
61. |
Ifakkar fil-pożizzjoni regolari tal-Parlament li l-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe fond fiduċjarju stabbilit bħala għodda ta’ żvilupp ġdida jrid dejjem ikun konformi mal-objettivi tal-istrateġija globali u tal-politika tal-iżvilupp tal-Unjoni, jiġifieri t-tnaqqis u l-qerda tal-faqar u jrid b’mod partikolari jiżgura li l-interessi tas-sigurtà tal-pajjiżi Ewropej ma jiħdux preċedenza fuq il-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet riċevituri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra li tillimita l-għajnuna finanzjarja għal proġetti tal-EUTF li jiżvijaw minn din il-linja ċentrali; |
|
62. |
Jenfasizza li l-EUTF irid jindirizza l-kawżi fundamentali tad-destabbilizzazzjoni, l-ispostament furzat u l-migrazzjoni irregolari billi jippromwovi r-reżiljenza, l-opportunitajiet ekonomiċi, l-opportunitajiet ugwali, is-sigurtà tal-popolazzjonijiet, u l-iżvilupp uman u soċjali; jinnota li l-kunċett u l-karatteristiċi tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari huma proteani u għandhom jiġu adattati u analizzati bir-reqqa biex ifasslu aħjar ir-razzjonal u l-valur miżjud ta’ interventi ta’ proġetti u biex jippreżentaw aħjar ir-riżultati miksuba; |
|
63. |
Jinnota li l-Qorti kkonkludiet li l-EUTF għall-Afrika huwa għodda flessibbli għall-għoti ta’ assistenza f’oqsma bħall-ikel, l-edukazzjoni, is-saħħa, is-sigurtà u l-iżvilupp sostenibbli, iżda meta jitqiesu l-isfidi bla preċedent li qed jiffaċċja, id-disinn tiegħu kellu jkun aktar iffukat f’termini ta’ objettivi kkunsidrati bħala wiesgħa wisq biex titmexxa l-azzjoni b’mod effiċjenti fir-reġjuni Afrikani u biex jitkejjel l-impatt; |
|
64. |
Jinnota bi tħassib li l-ħafna preokkupazzjonijiet tal-Qorti (1) u tal-awturi tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-ħdax-il FEŻ dwar l-implimentazzjoni tal-EUTF huma fil-biċċa l-kbira mhux indirizzati; itenni t-tħassib tiegħu rigward:
iqis li, minħabba dawn il-konstatazzjonijiet, il-valur miżjud tal-EUTF huwa dubjuż ħafna; |
|
65. |
Ifakkar fil-fatt li l-parti l-kbira tal-fondi tal-EUTF ġejjin mill-FEŻ, li inevitabbilment jimplika li l-għajnuna għall-iżvilupp mhux qed titqiegħed għas-servizz tal-pjanijiet ta’ żvilupp tal-pajjiżi sħab tal-Unjoni, iżda għall-objettivi fuq terminu qasir tal-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni, li jmur kontra t-Trattat ta’ Lisbona u d-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna; jirrimarka li l-EUTF kien aktar strument li kien qed jiffoka fuq proġetti b’soluzzjoni ta’ malajr li kellhom l-għan li jwaqqfu flussi migratorji minflok ma kien qed jindirizza l-muturi tal-migrazzjoni fit-tul b’konformità mal-prinċipji tal-għajnuna għall-iżvilupp; |
|
66. |
Jirrimarka li l-akkomunament ta’ riżorsi mill-FEŻ, il-baġit tal-Unjoni u donaturi oħra f’fondi fiduċjarji ma għandux ikollu bħala konsegwenza li l-flus maħsuba għall-politika dwar l-iżvilupp u l-kooperazzjoni ma jaslux għand il-benefiċjarji normali jew li ma jintużawx għall-objettivi oriġinali tagħhom; f’dak ir-rigward, jiddeplora l-fatt li filwaqt li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-EUTF se ssir l-aktar permezz ta’ riżorsi mill-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA), l-EUTF mhuwiex iffukat esklussivament fuq objettivi orjentati lejn l-iżvilupp; jirrimarka li t-taqsima tematika għall-ġestjoni tal-migrazzjoni ngħatat l-akbar sehem tal-fondi fl-2018, li żdiedu minn 17,3 % fl-2016 għal 30,8 % tal-fondi tal-EUTF fl-2018; |
|
67. |
Jinnota li mhux biss żdiedet il-ġestjoni tal-migrazzjoni bħala sehem fil-proġetti kollha approvati mill-EUTF, imma wkoll li l-fondi taw prijorità dejjem akbar lill-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, minn 23 % tal-fondi totali tal-ġestjoni tal-migrazzjoni fl-2016 għal 52 % fl-2018; jiddeplora l-fatt li filwaqt li l-Unjoni għandha l-għan li tappoġġa “popolazzjonijiet vulnerabbli u marġinalizzati” bħala prijorità tal-EUTF, 55 % tal-finanzjament mit-taqsima tal-ġestjoni tal-migrazzjoni kienu qed jingħataw għal proġetti li kellhom l-għan li jirrestrinġu u jiskoraġġixxu l-migrazzjoni irregolari permezz taż-żamma u l-kontroll tal-migrazzjoni fl-2017; iwissi li l-użu tal-għajnuna għall-iżvilupp bħala mezz li jindirizza l-migrazzjoni u s-sigurtà mhux biss idgħajjef il-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp iżda jista’ joħloq aktar faqar u instabbiltà li jġiegħlu lin-nies jitilqu mill-komunitajiet tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f’dak ir-rigward, tikkunsidra li tillimita u/jew tikkanċella l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għal proġetti tal-EUTF li ma jirrispettawx il-politiki tal-iżvilupp fit-tul tal-Unjoni; |
|
68. |
Ifakkar il-fatt li l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-NGOs u s-settur privat huma sħab għal politika ta’ żvilupp effettiva, u li djalogu kostanti mal-awtoritajiet nazzjonali u l-komunitajiet lokali huwa essenzjali sabiex jiġu stabbiliti strateġiji u prijoritajiet komuni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-FEŻ u l-baġit tal-UE ma jiffinanzjawx proġetti permezz tal-EUTF implimentati mill-forzi governattivi u lokali (milizzja) li huma involuti fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment f’pajjiżi bħal-Libja u s-Sudan; |
|
69. |
Ifakkar li l-finanzjament tal-EUTF li ġej mil-linji baġitarji tal-iżvilupp ma jridux jintużaw għal miżuri ta’ sigurtà li jipperikolaw id-drittijiet tal-migranti; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi garanziji tanġibbli li l-proġetti tal-EUTF relatati mal-migrazzjoni ma jintużawx mill-awtoritajiet ta’ implimentazzjoni biex jiksru d-drittijiet tal-bniedem bażiċi tal-migranti, u li fuq terminu twil il-proġetti tal-EUTF relatati mal-migrazzjoni ma jikkontribwixxux għad-destabbilizzazzjoni ta’ pajjiżi u sottoreġjuni, peress li dan huwa dejjem aktar u aktar enfasizzat mill-NGOs u l-persuni lokali fit-Tramuntana tan-Niġer; jisħaq fuq il-fatt li l-proġetti tal-EUTF iridu jintegraw id-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-programmazzjoni u jikkontribwixxu għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi kkonċernati; |
|
70. |
Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi klawsoli ċari u trasparenti dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet ta’ kontribuzzjoni li tikkonkludi ma’ sħab inkarigati mill-implimentazzjoni (aġenziji tan-NU, aġenziji tal-iżvilupp tal-Istati Membri) sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn l-Unjoni tkun tista’ tiffinanzja indirettament proġetti li jiksru d-drittijiet tal-bniedem; jirrimarka f’dak ir-rigward il-proġett “Rabta mill-ġdid mal-Eritrea u l-Etjopja permezz tar-riabilitazzjoni tat-toroq prinċipali arterjali fl-Eritrea”, iffinanzjat mill-EUTF u ġestit mill-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Proġetti tan-Nazzjonijiet Uniti, li jiffinanzja kumpaniji nazzjonali tal-kostruzzjoni Eritreani li jużaw xogħol furzat permezz ta’ servizz nazzjonali; |
|
71. |
Jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li x-xogħol furzat u l-kundizzjonijiet ta’ skjavitù ma jintużawx fis-siti ta’ ħidma tal-proġetti kofinanzjati mill-Unjoni, f’konformità mal-oqfsa legali internazzjonali u tal-Unjoni; jirrakkomanda li l-Kummissjoni timplimenta sistema ta’ monitoraġġ trasparenti u riġidu għal proġetti kofinanzjati mill-Unjoni, li għandha tinkludi proċedura ta’ lmenti u segwitu anonimi; |
|
72. |
Jinsab imħasseb mill-fatt li l-Qorti sabet eżempji ta’ proġetti li jindirizzaw ħtiġijiet simili għal dawk ta’ strumenti oħra tal-Unjoni b’riskju ta’ duplikazzjoni ta’ forom oħra ta’ appoġġ tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu ħsieb partikolari ħalli tiżgura li l-azzjonijiet tagħha jkunu konsistenti u kkoordinati mal-Programmi ta’ Żvilupp Reġjonali u timmassimizza l-impatt u l-effikaċja tal-għajnuna globali sabiex tiżgura li l-enfasi ewlenija tkun fuq l-iżvilupp u mhux fuq il-kontroll tal-fruntieri u s-sigurtà għad-detriment tal-migranti; |
|
73. |
Jinnota li l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li tkompli ttejjeb is-sistema komuni ta’ monitoraġġ; jilqa’ l-adozzjoni ta’ sett ta’ 41 indikatur komuni tar-riżultati matul it-tieni kwart tal-2018 u t-twaqqif ta’ assistenza teknika; jinnota li t-tliet taqsimiet operattivi tal-EUTF għall-Afrika qed jaħdmu biex jidentifikaw aħjar l-objettivi speċifiċi u l-linji bażi fil-livell tal-proġett; |
|
74. |
Iqis li hemm bżonn ta’ attenzjoni xierqa biex tiġi żgurata komunikazzjoni aħjar bejn il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Istati Membri rigward l-implimentazzjoni tal-EUTF u rappurtar pubbliku, sorveljanza u awditjar suffiċjenti tal-operazzjonijiet u l-prestazzjoni tagħhom; jistieden lill-Qorti tikkunsidra awditu tal-impatt tal-implimentazzjoni tal-EUTF għall-Afrika dwar il-politika tal-Unjoni għall-iżvilupp kemm mil-lat baġitarju kif ukoll mil-lat ta’ riżultati; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tislet konklużjonijiet mill-awditu u tiżgura li l-proġetti tal-EUTF li ġew implimentati b’mod ineffiċjenti jintemmu jew jiġu limitati ħafna fil-finanzjament; |
L-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà (APSA)
|
75. |
Jinnota bi tħassib li l-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà (APSA) ssofri minn dipendenza qawwija fuq sorsi finanzjarji esterni minħabba l-kontribut baxx tal-Istati Membri għall-Fond għall-Paċi u l-finanzjament addizzjonali limitat li tattira l-APSA minn sorsi alternattivi ta’ finanzjament; |
|
76. |
Jirrikonoxxi li, fl-Afrika, is-SEAE u l-Kummissjoni qed jiffaċċjaw sitwazzjonijiet kumplessi ħafna, b’għadd numeruż ta’ sfidi u restrizzjonijiet politiċi u operattivi f’ħafna oqsma, b’mod partikolari l-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati ewlenin, il-finanzjament u n-nuqqasijiet tal-istituzzjonijiet u r-rieda politika biex jintervjenu, jipprevjenu u jiġġestixxu l-kunflitti; |
|
77. |
Jiddispjaċih dwar il-fatt li dan in-nuqqas ta’ sjieda Afrikana u sostenibbiltà finanzjarja b’dipendenza kbira fuq id-donaturi u s-sħab internazzjonali jwassal għal nuqqasijiet operattivi; jistieden lill-Kummissjoni biex trawwem sjieda tal-APSA min-naħa tal-Unjoni Afrikana sabiex tikseb indipendenza finanzjarja akbar u tiffoka mill-ġdid l-appoġġ tal-Unjoni ħalli ma jibqax iffokat fuq l-appoġġ ta’ spejjeż operazzjonali iżda minflok jappoġġa miżuri tal-bini ta’ kapaċità. |
|
78. |
Jiddispjaċih kemm tal-fatt li l-appoġġ tal-Unjoni għall-APSA kellu effett limitat u kien jeħtieġ iffokar mill-ġdid kif ukoll tal-fatt li l-appoġġ tal-Unjoni kien prinċipalment qed jiffoka fuq il-kontribuzzjoni għall-ispejjeż operattivi bażiċi tal-APSA u li l-APSA kienet, għal ħafna snin, dipendenti ferm fuq l-appoġġ tad-donaturi; |
|
79. |
Jinsab serjament imħasseb dwar l-insuffiċjenzi tas-sistemi ta’ monitoraġġ fir-rigward tal-kapaċità tagħha li tipprovdi data adegwata dwar ir-riżultati tal-attivitajiet; jitlob lill-Kummissjoni żżid il-kapaċità tas-sistema ta’ evalwazzjoni tal-attivitajiet u tal-prestazzjoni biex turi b’mod ċar li l-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jkunu marbuta l-aktar ma’ effetti tanġibbli u pożittivi fuq il-paċi u s-sigurtà fuq il-post; jitlob lis-servizzi tal-Kummissjoni jvaraw missjoni ta’ “Monitoraġġ Orjentat lejn ir-Riżultati” u jirrapportaw lill-Parlament malajr kemm jista’ jkun; |
|
80. |
Abbażi tat-tħassib imsemmi hawn fuq, jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra tikkanċella l-finanzjament finanzjarju kollu lill-APSA; |
Pjan ta’ Investiment Estern u l-EFSD
|
81. |
Ifakkar fl-objettiv finanzjarju fil-mira li jimmobilizza EUR 44 biljun f’investiment; jinnota li l-Unjoni allokat EUR 2,2 biljun għal 94 proġett ta’ għotjiet imħallta taħt l-EFSD (Pilastru 1 tal-Pjan ta’ Investiment Estern) u EUR 1,54 biljun għal garanziji tal-EFSD għal 28 programm ta’ investiment; |
|
82. |
Jinkoraġġixxi lid-DĠ DEVCO jkompli jżid is-sensibilizzazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ mobilizzazzjoni offruti mill-Pjan ta’ Investiment Estern billi jattira investiment mis-settur privat fi sħubijiet għall-iżvilupp; ifakkar madankollu li għandha tingħata attenzjoni speċifika mhux biss lill-addizzjonalità tal-Pjan ta’ Investiment Estern, iżda wkoll lill-kriterji applikati fil-ġestjoni tiegħu, sabiex tiġi evitata kwalunkwe devjazzjoni tal-finanzjament għall-iżvilupp lejn investituri privati, jew lejn eżiti ta’ interessi jew ta’ lukru; |
|
83. |
Josserva li permezz ta’ 21 proġett ta’ għotjiet imħallta, l-Unjoni allokat ukoll EUR 547 miljun lill-Afrika sub-Saħarjana li mistennija jiżblukkaw EUR 4 biljun għat-trasport, l-enerġija, is-settur privat u l-agrikoltura; jesprimi l-appoġġ tiegħu għat-trawwim tad-dimensjoni lokali ta’ finanzjament imħallat; |
|
84. |
Jirrimarka li l-kooperazzjoni reġjonali tal-Unjoni kienet il-kontributur finanzjarju ewlieni tal-proġetti ta’ ġestjoni tal-bijodiversità u tar-riżorsi tal-foresti u kellha rwol ewlieni fil-preservazzjoni tas-sittax-il żona protetta fir-Reġjun Ċentrali u tal-Punent tal-Afrika; |
|
85. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka aktar fuq it-tixrid ta’ proġetti implimentati b’suċċess u tqajjem kuxjenza pubblika dwar l-investimenti tal-Unjoni fl-iżvilupp sostenibbli globali; |
Il-faċilità ta’ investiment tal-AKP tal-BEI
|
86. |
Jinkoraġġixxi lill-BEI jagħti appoġġ ulterjuri lill-iżvilupp tas-settur privat lokali bħala mutur ewlieni tas-sostenibbiltà u r-reżiljenza, jagħti appoġġ lill-infrastruttura soċjali u ekonomika bażika ta’ interess immedjat għall-benefiċjarji kif ukoll lit-tiftix għal sħab lokali u reġjonali ġodda fil-qasam speċifiku tal-mikrofinanzjament; jistieden lill-BEI jżid l-addizzjonalità permezz ta’ ġustifikazzjoni aħjar tal-użu tal-fondi; |
|
87. |
Jinkoraġġixxi lill-BEI jżid l-isforzi u jieħu l-miżuri xierqa sabiex jirreklama strumenti tal-BEI aħjar f’pajjiżi fejn l-impatt tal-investimenti tal-BEI jkun ogħla; |
|
88. |
Jilqa’ l-kontribuzzjoni tal-Unjoni permezz tal-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP għal linji ta’ kreditu tal-mikrofinanzjament bl-ammont ta’ EUR 139 miljun li għandhom jirriżultaw f’madwar 26 300 self lil mikrointrapriżi u individwi; |
|
89. |
Jemmen li hu kruċjali għall-BEI li kontinwament jinvesti ħin fil-politika dwar id-diliġenza dovuta flimkien ma’ għodod għall-valutazzjoni tar-riżultati sabiex jikseb għarfien aħjar dwar il-profil tal-intermedjarji finanzjarji u l-benefiċjarji u anke sabiex jevalwa aħjar l-impatt tal-proġetti fuq il-benefiċjarji finali; |
Il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Afrika
|
90. |
Jinnota r-riflessjoni li għaddejja bħalissa dwar l-istrateġija u s-sħubija fit-tul li jmiss tal-Afrika u l-UE, filwaqt li jikkunsidra din l-opportunità biex iressaq ’il quddiem aktar effiċjenza fil-mezzi tal-għoti tal-għajnuna; iqis li hemm bżonn li nimxu lil hinn minn relazzjoni tradizzjonali li tiffoka fuq l-għajnuna lejn waħda aktar strateġika u integrata; |
|
91. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa “approċċ ta’ aktar huwa aktar” mas-sħab tagħna li jippermetti l-possibbiltà li l-għajnuna tagħna taġġusta ruħha għar-rispett, min-naħa tal-pajjiżi terzi, tad-drittijiet demokratiċi, tal-istat tad-dritt, tar-rispett tal-konvenzjonijiet internazzjonali, eċċ.; |
|
92. |
Jenfasizza li l-FEŻ għandu jiġi inkorporat fil-baġit tal-Unjoni, kif ġie ddikjarat preċedentement fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament u fil-proposta għall-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 il-ġdid, sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-baġit; jirrimarka li l-inklużjoni tal-FEŻ issaħħaħ il-kapaċità tal-awtorità ta’ kwittanza biex tiskrutinizza kif jintnefaq il-baġit tal-Unjoni barra mill-Unjoni. |
(1) Rapport Speċjali Nru 32/2018 “Il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-Unjoni Ewropea: Għodda flessibbli, iżda mhuwiex iffukat biżżejjed”.