11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 417/288


RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1933 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-14 ta’ Mejju 2020

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom (ESA) għas-sena finanzjarja 2018

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom għas-sena finanzjarja 2018,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0056/2020),

A.

billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha tad-dħul u l-infiq, il-baġit finali tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom (“l-Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2018 kien ta’ EUR 123 000, ċifra li tirrappreżenta l-istess ammont meta mqabbel mal-2017; billi l-baġit kollu tal-Aġenzija huwa derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2018 (“ir-rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ 97,84 %, rata li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 1,04 % meta mqabbla mal-2017; jinnota bi tħassib, madankollu, li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 72,90 %, liema rata tirrappreżenta tnaqqis ta’ 1,73 % meta mqabbla mal-2017;

Kanċellazzjoni tar-riporti

2.

Iqajjem tħassib li r-rata ta’ kanċellazzjoni tal-approprjazzjonijiet baġitarji riportati mill-2017 għall-2018 hija għolja, fil-livell ta’ 21 %, b’mod li juri li saru impenji mhux iġġustifikati fis-sena preċedenti; jistieden lill-Aġenzija ma tirriportax l-approprjazzjonijiet baġitarji ħlief meta dan ikun iġġustifikat;

Prestazzjoni

3.

Jinnota li fl-2018 l-Aġenzija pproċessat 331 tranżazzjoni, inklużi kuntratti, emendi u notifiki, u kompliet tieħu responsabbiltà għall-politika komuni ta’ provvista nukleari tal-Unjoni f’konformità mal-mandat statutorju tagħha, sabiex tiżgura s-sigurtà tal-provvista ta’ materjali nukleari; jirrikonoxxi l-isforzi kontinwi tal-Aġenzija fid-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ provvista;

4.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija ssegwi d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tagħha;

Politika dwar il-persunal

5.

Jinnota li l-Aġenzija kellha 16-il membru tal-persunal fi tmiem l-2018, kollha kemm huma uffiċjali tal-Kummissjoni, mill-25 li huma awtorizzati mit-tabella tal-persunal, l-istess numru li kien ġie awtorizzat fl-2017;

Kummenti oħra

6.

Jinnota li r-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni, inkluża l-Euratom; jitlob li l-Aġenzija tiżgura li tibqa’ attenta għall-effetti tal-ħruġ tar-Renju Unit u li tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

7.

Jitlob li l-Aġenzija tiffoka fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tagħha fost il-pubbliku, u tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tal-midja;

8.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2020 (1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji

(1)  Testi adottati, P9_TA(2020)0121.