11.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 417/14 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1839 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-14 ta' Mejju 2020
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 għas-sena finanzjarja 2018
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 għas-sena finanzjarja 2018, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0030/2020), |
A. |
billi l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu ("FCH") ġiet stabbilita f'Mejju 2008 bħala sħubija pubblika-privata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008 (1) għal perjodu li jwassal sal-31 ta' Diċembru 2017 biex tiffoka fuq l-iżvilupp ta' applikazzjonjiet tas-suq, u b'hekk tiffaċilita sforzi industrijali addizzjonali lejn mobilizzazzjoni rapida tat-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu; billi r-Regolament (KE) Nru 521/2008 tħassar mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 559/2014 (2); |
B. |
billi f'Mejju 2014 ir-Regolament (UE) Nru 559/2014 stabbilixxa l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 ("FCH2") biex tieħu post l-FCH għall-perjodu li jwassal sal-31 ta' Diċembru 2024; |
C. |
billi l-membri tal-FCH huma l-Unjoni, rappreżentata mill-Kummissjoni, ir-Raggruppament tal-Industrija għall-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu, u r-Raggruppament tar-Riċerka N.ERGHY; |
D. |
billi l-membri tal-FCH2 huma l-Unjoni, rappreżentata mill-Kummissjoni, in-New Energy World Industry Grouping AISBL ("ir-Raggruppament tal-Industrija"), li fl-2016 sar jismu Hydrogen Europe, u n-New European Research Grouping on Fuel Cells and Hydrogen AISBL ("ir-Raggruppament tar-Riċerka"); |
E. |
billi l-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għall-ewwel fażi ta' attivitajiet tal-FCH2 hija ta' EUR 470 000 000 mis-Seba' Programm Kwadru; billi l-kontribuzzjonijiet mill-membri l-oħra jridu jkunu mill-inqas daqs il-kontribuzzjoni mill-Unjoni; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
1. |
Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") dwar il-kontijiet annwali ta’ FCH2 (ir-"rapport tal-Qorti") isib li l-kontijiet annwali tal-2018 jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-FCH2 fil-31 ta' Diċembru 2018, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u t-tibdil fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-regolament finanzjarju tal FCH2 u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; jinnota, barra minn hekk, li r-regoli kontabilistiċi tal-FCH2 huma bbażati fuq standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment; |
2. |
Jinnota li l-baġit finali tal-FCH2 għas-sena finanzjarja 2018 kien jinkludi EUR 85 504 157 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 126 526 307 f'approprjazzjonijiet ta' pagament; |
3. |
Jinnota li l-eżekuzzjoni ġenerali tal-baġit 2018 għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament laħqet it-93 % u t-83 %, rispettivament, |
Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt is-Seba' Programm Kwadru
4. |
Jinnota li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-FCH2 hija ta' EUR 421 300 000 mis-Seba' Programm Kwadru, inklużi EUR 19 100 000 f'kontribuzzjonijiet in natura, u li l-membri mir-Raggruppamenti tal-Industrija u tar-Riċerka jikkontribwixxu b'riżorsi li jammontaw għal EUR 442 500 000, li jinkludu EUR 420 000 000 f'kontribuzzjonijiet in natura fi proġetti tas-Seba' Programm Kwadru li huma ffinanzjati mill-FCH2, u EUR 17 900 000 fi flus kontanti għall-ispejjeż amministrattivi; |
5. |
Fir-rigward tal-baġit għall-2018 tal-FCH2 disponibbli għall-proġetti tas-Seba' Programm Kwadru, ir-rata ta' implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 79,6 % minħabba dewmien fis-sottomissjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' spiża għall-proġetti tas-Seba' Programm Kwadru li għaddejjin bħalissa; |
Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt Orizzont 2020
6. |
Jinnota li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-FCH2 hija ta' EUR 318 800 000 mill-Orizzont 2020, u li l-kontribuzzjoni ta' riżorsi mill-membri mir-Raggruppamenti tal-Industrija u tar-Riċerka tammonta għal EUR 649 400 000, li jinkludu EUR 1 800 000 f'kontribuzzjonijiet in natura fi proġetti ta' Orizzont 2020 li huma ffinanzjati mill-FCH2, EUR 7 700 000 f'kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet addizzjonali u EUR 3 600 000 fi flus kontanti għall-ispejjeż amministrattivi; |
7. |
Josserva li l-livell baxx ta' kontribuzzjonijiet in natura tal-membri tal-industrija għall-attivitajiet operattivi huwa dovut għall-fatt li l-FCH2 tiċċertifikahom flimkien mad-dikjarazzjonijiet ta' spiża finali; għalhekk, iċ-ċertifikazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-kontribuzzjonijiet in natura mwettqa se sseħħ aktar tard fil-programm Orizzont 2020 meta jsir il-pagament finali għall-proġetti u meta jkunu dovuti ċ-ċertifikati tar-rapporti finanzjarji; |
8. |
Josserva li r-rata ta' implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' impenn kienet ta' 95,8 %, filwaqt li r-rata għall-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 84,4 %. jinnota li, għas-Seba' Programm Kwadru, fi tmiem l-2018, saru 29 pagament għal rapporti perjodiċi interim u prinċipalment finali li jammontaw għal total ta' EUR 21 400 000; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-baġit (f'termini ta' approprjazzjonijiet ta' pagament) kienet ta' 79,6 % (meta mqabbla ma' 73,8 % fl-2017); |
9. |
Jinnota li, għal Orizzont 2020, f'termini ta' approprjazzjonijiet ta' pagament, kienu saru 19-il pagament ta' prefinanzjament għall-proġetti relatati mas-sejħiet għal proposti tal-2017 u l-2018, 11 pagamenti lil studji u 2 liċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka; jinnota, barra minn hekk, li r-rata tal-eżekuzzjoni tal-baġit (f'termini ta' pagamenti) kienet ta' 83,4 % (meta mqabbla ma' 93,3 % fl-2017); jinnota li, f'termini ta' approprjazzjonijiet ta' impenn, ir-rata ta' eżekuzzjoni tal-baġit laħqet il-95,8 % (meta mqabbla ma' 98,3 % fl-2017), minħabba l-eżitu tas-sejħa għal proposti, fejn wieħed mis-suġġetti ma kienx kopert, u minħabba d-dewmien fl-ippjanar tal-akkwist; |
10. |
Josserva li l-FCH2 ħejjiet pjan ta' azzjoni li kien approvat mill-bord ta' tmexxija tal-FCH2 f'Marzu 2018, li jinkludi sensiela wiesgħa ta' azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati mill-FCH2, li għalihom diġà nbdew għadd ta' attivitajiet; jinnota li l-biċċa l-kbira ta' dawn l-attivitajiet għandhom jitwettqu fl-2018 u fl-2019, filwaqt li ftit minnhom se jiġu kkunsidrati fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss; |
Prestazzjoni
11. |
Jinnota li l-FCH2 tuża ċerti miżuri bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex tivvaluta l-valur miżjud tal-attivitajiet tagħha, bħall-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika tal-utent finali, il-grilji intelliġenti u l-ħżin; jinnota, barra minn hekk, li l-FCH2 tuża miżuri oħrajn bħal li proġetti ta' dimostrazzjoni jiġu ospitati fl-Istati Membri u li r-reġjuni jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni; jinnota r-reviżjoni tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni approvati mill-FCH2 fl-2018 minħabba l-progress teknoloġiku sostanzjali f'dawn l-aħħar snin u tal-applikazzjonijiet il-ġodda li bdew jitfaċċaw; |
12. |
Josserva l-fatt li l-proporzjon tal-ispejjeż tal-ġestjoni (baġit amministrattiv u operazzjonali) baqa' taħt il-5 %, u b'hekk tixhed struttura organizzattiva simplifikata u effiċjenti tal-FCH2; |
13. |
Jinnota l-valur ta' effett ta' lieva għall-2018 ta' 1,36 meta mqabbel mar-rekwiżit ta' 0,56; barra minn hekk, jinnota li, jekk jitqiesu l-kontribuzzjonijiet in natura fil-proġetti mis-sħab privati kollha, l-effett ta' lieva jilħaq 1,96; |
14. |
Jilqa' l-fatt li s-sejħiet għall-proposti kollha kienu ppubblikati u magħluqa skont il-pjanijiet ta' ħidma rispettivi u mal-programm ta' ħidma annwali għall-2018, inklużi 20 suġġett; |
15. |
Jinnota li fi tmiem l-2018, l-FCH2 kellha 27 membru tal-persunal minn 10 Stati Membri u bi pjaċir jinnota li jeiżsti bilanċ bejn is-sessi fost il-persunal (51 % irġiel u 49 % nisa); jinnota wkoll li fl-2018 is-sehem tan-nisa li jipparteċipaw fil-proġetti Orizzont 2020 kien ta' 31 %, li 26 % tal-koordinaturi tal-programmi kienu nisa, li 22 % tal-membri tal-grupp tar-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-FCH2 kienu nisa u li 33 % tal-membri tal-kumitat xjentifiku kienu nisa; |
16. |
Jinnota li l-komunikazzjoni effettiva hija komponent essenzjali sabiex il-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni jirnexxu; iqis li huwa importanti li tiżdied il-viżibilità tal-kisbiet tal-FCH kif ukoll li tinxtered informazzjoni dwar il-valur miżjud tagħha; jistieden lill-FCH taħdem favur politika ta' komunikazzjoni proattiva, ixxerred ir-riżultati tar-riċerka tagħha fost il-pubbliku, pereżempju permezz tal-midja soċjali jew ta' mezzi oħrajn tal-midja, biex b'hekk issegwi l-objettiv li tissensibilizza lill-pubbliku dwar l-impatt tal-appoġġ tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-adozzjoni mis-suq; |
17. |
Josserva li, mil-lat tat-trasport, l-FCH2 appoġġjat attivitajiet ta' dimostrazzjoni li kienu jikkonċernaw aktar minn 1 900 vettura ħafifa, li aktar minn 630 minnhom kienu diġà qed jitħaddmu fl-2018; jinnota wkoll li fl-2018, l-FCH2 għamlet attivitajiet ta' dimostrazzjoni li kienu jinvolvu 45 xarabank operattivi f'10 bliet tal-Unjoni; jinnota b'sodisfazzjon li l-użu ta' karozzi tal-linja elettriċi li jaħdmu biċ-ċelloli tal-fjuwil jista' jitqies bħala tal-ogħla livell fuq livell dinji, u pprogressa b'mod sinifikanti permezz tal-proġetti tal-FCH2; |
Awditjar Intern
18. |
Jinnota li fl-2018 l-FCH2 iffinalizzat l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni kollha li jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-awditi tas-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) dwar il-ġestjoni tal-prestazzjoni mwettqa mill-IAS fl-2016, inkluża rakkomandazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-programm ta' ħidma pluriennali u tal-objettivi strateġiċi u operattivi; jinnota li f'Jannar 2018, l-FCH2 issottomettiet pjan ta' azzjoni lill-IAS fir-rigward ta' tliet rakkomandazzjonijiet li tqajmu mill-IAS rigward il-koordinazzjoni mas-servizz ta' appoġġ ċentrali (CSC) u l-implimentazzjoni ta' għodod u servizzi CSC; josserva li bħala parti mill-pjan ta' azzjoni, l-FCH2 organizzat l-ewwel sessjoni ta' ħidma tagħha mas-CSC; jilqa' l-fatt li f'Diċembru 2018 l-FCH2 ippreżentat il-pjanijiet ta' azzjoni kollha li jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-awditjar tal-2017 lill-IAS għal rieżami; barra minn hekk, jinnota b'sodisfazzjon li fl-2019 l-IAS bagħat ittra lill-bord ta' tmexxija li tikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet u l-pjanijiet ta' azzjoni kollha kienu ġew implimentati b'suċċess; |
19. |
Jinnota li l-isforzi fejn jidħlu l-awditi ex post tkomplew bit-tnedija ta' 141 awditu għall-għotjiet tas-Seba' Programm Kwadru, li minnhom 132 kienu ġew finalizzati u l-bqija kienu għad iridu jiġu ffinalizzati fl-ewwel kwart tal-2019, li jirrappreżenta kopertura kumulattiva ta' awditu ta' 23 % tal-valur ta' dikjarazzjonijiet validati ta' spiża; jinnota li r-rata tal-iżball residwu kienet inqas minn 2 %; josserva li fl-2018 tnedew 14-il awditu ġdid għal Orizzont 2020; |
20. |
Josserva li kienu twettqu kemm l-evalwazzjoni finali tal-Kummissjoni dwar l-FCH għall-perjodu bejn l-2008 u l-2016 kif ukoll l-evalwazzjoni interim dwar l-FCH2 li topera taħt Orizzont 2020 li tkopri l-perjodu mill-2014 sal-2016, filwaqt li pjan ta' azzjoni ġie approvat mill-bord ta' tmexxija f'Marzu 2018, li minnu diġà nbdew diversi azzjonijiet, bl-istennija tat-tlestija tal-biċċa l-kbira tal-programm bejn l-2018 u l-2019, iżda filwaqt li jitqies li għadd żgħir ta' azzjonijiet huma mistennija li jiġu implimentati fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss; |
Kontrolli interni
21. |
Jilqa' l-fatt li l-FCH2 stabbiliet proċeduri ta' kontroll ex ante bbażati fuq analiżijiet dokumentarji finanzjarji u operazzjonali u awditi ex post għand benefiċjarji ta' għotjiet, għall-pagamenti interim u finali fil-qafas tas-Seba' Programm Kwadru u għal dikjarazzjonijiet ta' spiża tal-proġetti fil-qafas ta' Orizzont 2020, filwaqt li l-Kummissjoni hija responsabbli mill-awditjar ex post; jilqa' l-fatt li r-rata ta' żball residwu għall-awditi ex post fi tmiem l-2018 kienet ta' 1,10 % għas-Seba' Programm Kwadru u 0,46 % għal Orizzont 2020, li l-Qorti tqis li huwa taħt il-limitu tal-materjalità; |
22. |
Jinnota li fl-2017, l-FCH2, flimkien mas-servizz ta' awditjar komuni (CAS) tal-Kummissjoni, nediet l-ewwel awditu ex post ta' kampjun każwali ta' dikjarazzjonijiet ta' spiża interim skont Orizzont 2020; jinnota li l-FCH2 stabbiliet proċeduri ta' kontroll ex ante bbażati fuq analiżijiet dokumentarji finanzjarji u operazzjonali. jinnota li, għall-pagamenti interim u finali fil-qafas tas-Seba' Programm Kwadru, l-FCH2 twettaq awditi ex post għand il-benefiċjarji, filwaqt li għad-dikjarazzjonijiet ta' spiża ta' proġetti fil-qafas ta' Orizzont 2020, il-CAS tal-Kummissjoni huwa responsabbli mill-awditi ex post; madankollu, jinnota bi tħassib li sa tmiem l-2018 kien hemm żewġ awditi miftuħa mnedija fl-2017 u li l-FCH2 ma kinitx iffinalizzat dawn l-awditi minħabba diskussjonijiet li għaddejjin mal-benefiċjarji li wkoll kienu jeħtieġu koordinazzjoni ma' servizzi oħrajn tad-DĠ Riċerka u Innovazzjoni biex jiżguraw riżultati ta' awditjar koerenti fost il-partijiet ikkonċernati differenti. |
23. |
Jitlob lill-Qorti tivvaluta r-robustezza u l-affidabbiltà tal-metodoloġija għall-kalkolu u l-ivvalwar tal-kontribuzzjonijiet in natura u li dik il-valutazzjoni tivvaluta t-tfassil u r-robustezza tal-gwida għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' kontribuzzjoni in natura sabiex tassisti fil-proċess tal-ippjanar, tar-rappurtar u taċ-ċertifikazzjoni għall-kontribuzzjonijiet in natura. |
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008 tat-30 ta' Mejju 2008 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u tal-Idroġenu (ĠU L 153, 12.6.2008, p. 1).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 559/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 108).