8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/195


P9_TA(2020)0166

Linji gwida ġenerali għall-Baġit 2021, Taqsima III

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-Baġit 2021, Taqsima III – Kummissjoni (2019/2213(BUD))

(2021/C 362/44)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) tat-8 ta' Ottubru 2018 dwar it-Tisħin Globali ta' 1,5 o(1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (2),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (3),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (4),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (5),

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 (6) u d-dikjarazzjonijiet konġunti miftiehma bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni li huma annessi miegħu,

wara li kkunsidra r-rapport interim tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 – il-pożizzjoni tal-Parlament bil-ħsieb ta' qbil (7) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji: wasal iż-żmien li nissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Mejju 2020 dwar xibka ta' sikurezza biex jiġu protetti l-benefiċjarji tal-programmi tal-Unjoni: l-istabbiliment ta' pjan ta' kontinġenza għall-QFP (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Mejju 2020 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, ir-riżorsi proprji u l-pjan ta' rkupru (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP15) għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (12),

wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (14),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2020 dwar il-linji gwida baġitarji għall-2021 (06092/2020),

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU,

wara li kkunsidra l-Artikolu 93 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra l-ittri mill-Kumitat għall-Iżvilupp; mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit; mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel; mill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija; mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur; mill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu; mill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali; mill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali; mill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni; mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern; mill-Kumitat għall-Iżvilupp u mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0110/2020),

A.

billi l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja kriżi mhux mistennija u bla preċedent ta' saħħa, ekonomika, soċjali u ambjentali minħabba l-pandemija tal-coronavirus COVID-19;

B.

billi dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ma jistgħux jiġu indirizzati b'baġit imfassal għal “żamma tal-istatus quo”;

C.

billi, skont l-Artikolu 311 tat-TFUE, l-Unjoni għandha tipprovdi lilha nnifisha bil-mezzi meħtieġa sabiex tilħaq l-objettivi ta' politika tagħha u l-baġit għandu jiġi ffinanzjat kompletament mir-riżorsi proprji;

D.

billi skont l-Artikolu 312 tat-TFUE, il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għandu jiġi adottat mill-Kunsill b'mod unanimu wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu;

E.

billi l-QFP kurrenti jintemm fi tmiem l-2020, u billi l-2021 għandha tkun l-ewwel sena ta' implimentazzjoni ta' dak li jmiss f'forma riveduta u mfassla mill-ġdid;

F.

billi l-Parlament ilu lest biex jinnegozja l-QFP sa minn Novembru 2018, iżda s'issa l-Kunsill naqas milli jieħu sehem fi kwalunkwe taħdita sinifikanti mal-Parlament lil hinn mill-kuntatt minimu fil-qafas tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali; billi l-perjodu ta' żmien biex jintlaħaq ftehim fil-Kunsill Ewropew ġie estiż ripetutament;

G.

billi fis-27 ta' Mejju 2020, il-Kummissjoni ppreżentat proposta aġġornata għall-QFP li jmiss;

H.

billi x-xjentisti tal-IPCC, fir-rapport l-aktar reċenti tagħhom, jitolbu azzjoni radikali biex ilaħħqu mat-tranżizzjoni ekoloġika, fid-dawl tat-twissija tagħhom li l-konċentrazzjoni tas-CO2 żdiedet tliet darbiet aktar mgħaġġla fl-2018-2019 milli fis-snin sittin, u dan jissottolinja l-fatt li fadal biss ftit snin biex jiġi evitat it-tibdil fil-klima u l-impatt ambjentali tiegħu milli jispiċċa irriversibbilment bla kontroll;

I.

billi fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-vittmi tal-vjolenza sessista jistgħu jkunu esposti għal min jabbuża għal perjodi twal ta' żmien u jinqatgħu mill-appoġġ soċjali u istituzzjonali, kif turi d-data f'diversi pajjiżi tal-UE, u billi n-nisa huma rrappreżentati b'mod sproporzjonat fi professjonijiet fejn ir-riskju ta' infezzjoni huwa għoli;

Niffaċċjaw il-kriżi COVID-19: baġit għall-protezzjoni u l-innovazzjoni…

1.

Jinsisti li l-baġit tal-UE huwa vitali biex jirrispondi għall-isfidi ffaċċjati mill-Unjoni u li saru aktar viżibbli u akuti mill-kriżi COVID-19, u li jeħtieġ li jirrifletti l-grad ta' ambizzjoni tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet; jisħaq, għalhekk, li l-fokus primarju tal-baġit 2021 għandu jkun li jittaffew l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 u jappoġġja l-irkupru, mibni fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-trasformazzjoni diġitali;

2.

Jenfasizza li l-Unjoni u l-Istati Membri kollha tagħha jridu juru solidarjetà sħiħa ma' dawk l-aktar fil-bżonn, billi bħala komunità jiġbdu ħabel wieħed u jiżguraw li l-ebda pajjiż ma jitħalla lura jiġġieled waħdu din il-pandemija u l-konsegwenzi tagħha, inkluż permezz ta' baġit 2021 proporzjonat ma' din l-isfida storika;

3.

F'dan il-kuntest, jenfasizza li l-baġit 2021 għandu jkun l-ewwel wieħed minn QFP aġġornat, orjentat mill-ġdid u ambizzjuż ħafna għall-2021-2027;

4.

F'konformità mar-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Mejju 2020, itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tipproponi pjan ta' kontinġenza tal-QFP sal-15 ta' Ġunju 2020, abbażi tal-estensjoni awtomatika tal-limiti massimi tal-2020, sabiex jiġu protetti l-benefiċjarji tal-programmi tal-UE u tiġi żgurata l-kontinwità tal-finanzjament; jisħaq li dan il-pjan ta' kontinġenza tal-QFP għandu jippermetti l-estensjoni tal-programmi eżistenti tal-UE u l-iffokar mill-ġdid tagħhom fuq l-indirizzar tal-konsegwenzi tal-kriżi, kif ukoll għall-istabbiliment ta' strumenti u inizjattivi ġodda l-aktar urġenti; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi evitat kwalunkwe riskju ta' diskontinwità jew ta' estensjoni diżordinata tal-QFP attwali u l-programmi fl-2021, u li jiġi garantit li l-Unjoni tkun tista' twettaq l-operazzjonijiet tagħha u tipprovdi rispons ambizzjuż għall-kriżijiet u strateġija ta' rkupru;

5.

Jissottolinja li l-ebda Stat Membru waħdu se jkun jista' jiffinanzja pjan ta' rkupru massiv, sakemm ikun meħtieġ, biex jiffaċċja l-kriżi COVID-19 u li, jekk ikun iffinanzjat biss b'dejn, il-pjanijiet ta' rkupru nazzjonali jkunu limitati ħafna fl-ammont u fid-durata tagħhom; jinsisti li l-pjan ta' rkupru jrid jinkludi komponent ta' investiment massiv iffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni mill-2021, u jitlob, għalhekk, li l-baġit 2021 ikun parti importanti minn dan il-pjan ta' rkupru;

6.

Jemmen li l-pjan ta' rkupru jeħtieġ jinbena fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetajiet tagħna biex tinbena mill-ġdid l-ekonomija tagħna, tiġi żgurata r-reżiljenza u l-inklużjoni, filwaqt li jiġu rispettati l-limiti tal-pjaneta, jiġu protetti l-benessri u s-saħħa tan-nies minn riskji ulterjuri u impatti ambjentali, jinħolqu impjiegi ta' kwalità għolja u tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u l-konverġenza, b'mod partikolari permezz ta' investiment fl-SMEs u s-setturi l-aktar affettwati mill-kriżi, bħat-turiżmu, u fl-iżvilupp ta' infrastruttura u servizzi pubbliċi sostenibbli u tas-setturi strateġiċi, bħas-settur tas-saħħa, li jindirizzaw il-kriżi fuq quddiem nett; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi abbozz ta' baġit 2021 li jkun konformi ma' dawn il-prijoritajiet;

7.

Iqis li l-aspett tad-dħul tal-baġit tal-UE jrid jitqies bħala għodda biex jinkisbu l-politiki tal-UE; jissottolinja li, sabiex tkun koperta n-nefqa supplimentari mġarrba mill-kriżi u biex titnaqqas il-predominanza tal-kontribuzzjonijiet tal-ING fil-baġit tal-UE, riżorsi proprji addizzjonali ġodda li jidħlu direttament fil-baġit tal-UE bħala dħul ġenerali jeħtieġ li jkollhom rwol ewlieni fl-2021; iqis li n-nuqqas ta' riżorsi proprji ġodda ser ikollu konsegwenzi politiċi negattivi fuq il-baġit tal-Unjoni għall-2021 u ser jipperikola l-aġenda politika ġdida tal-Kummissjoni; iqis, f'dan il-kuntest, il-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-riżorsi proprji minn Mejju 2018 bħala punt ta' tluq tajjeb li jeħtieġ li jiġi approfondit b'mod wiesa' fid-dawl tal-isfidi u l-kriżi attwali; ifakkar, kif espress fir-rapport interim tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019, li l-Parlament Ewropew mhuwiex se jagħti l-kunsens tiegħu għall-QFP 2021-2027 mingħajr qbil dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE, inkluża l-introduzzjoni ta' ġabra ta' riżorsi proprji ġodda;

8.

Huwa konvint li l-kriżi attwali m'għandhiex iddgħajjef l-ambizzjoni li nimxu lejn l-objettiv tal-kisba tan-newtralità klimatika sal-2050, li tirrikjedi tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra b'55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 sal-2030; ifakkar li r-Rapport dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet tal-2019 tal-Programm Ambjentali tan-NU (UNEP) jitlob tnaqqis globali ta' gassijiet b'effett serra ta' 7,6 % kull sena biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal temperatura ta' inqas minn 1,5 oC, jiġifieri tnaqqis ta' madwar 6,8 % kull sena fil-livell tal-UE; jenfasizza li dan jirrappreżenta sfida enormi, b'mod partikolari fir-rigward tat-tranżizzjoni sostenibbli, soċjalment ġusta tant meħtieġa, li għandha tqis il-punti ta' tluq differenti tar-reġjuni tal-UE u tal-Istati Membri u tkun akkumpanjata minn ħolqien ta' impjiegi fuq skala massiva; jinsisti li sabiex nirnexxu f'din l-isfida bla preċedent f'għaxar snin biss, hija meħtieġa azzjoni urġenti, sostnuta minn baġit tal-UE b'saħħtu mill-2021;

9.

Jinsab imħasseb dwar aktar konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u politiċi tal-kriżi jekk l-UE ma tgħammarx lilha nnifisha malajr b'għodod ġodda u effiċjenti biex tipproteġi l-koeżjoni soċjali, tippreserva l-impjiegi u tipprevjeni sensji massivi; jilqa', f'dan il-kuntest, il-proposta għal programm ta' Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza (SURE) u l-impenn tal-President tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta leġiżlattiva għal skema Ewropea ta' Riassigurazzjoni tal-Qgħad bil-għan li tiġi implimentata mill-aktar fis possibbli;

… sabiex jiġu pprovduti soluzzjonijiet għall-isfidi soċjali, ambjentali, ekonomiċi u finanzjarji li qed jikbru

10.

Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni għal Patt Ekoloġiku Ewropew u Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli;

11.

Jinnota, madankollu, li sabiex tintlaħaq il-mira tat-tnaqqis b'40 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra (GHG) sal-2030, u ż-żieda li ġejja fir-rigward ta' din l-ambizzjoni, il-Kummissjoni stmat li se jkun meħtieġ li jitnaqqas id-distakk fil-finanzjament b'mill-inqas EUR 260 biljun kull sena kif ukoll spejjeż addizzjonali għall-protezzjoni ambjentali, inklużi l-miżuri ta' adattament soċjali; jemmen li sabiex jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet GHG tal-UE u l-marka tal-karbonju ġenerali, il-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju (CBAM), is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) u l-liġi tal-UE dwar il-klima għandhom jikkontribwixxu bis-sħiħ għal qabża kbira fl-isforzi politiċi u finanzjarji; iqis li tranżizzjoni ġusta, bħala parti inerenti mit-tweġiba għall-kriżi, teħtieġ finanzjament ġust u adegwat;

12.

Itenni li l-mandat tal-Parlament għall-QFP ġie stabbilit fir-rapport interim tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-limiti massimi, l-allokazzjonijiet ta' programmi, ir-riżorsi proprji u d-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà, ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu u l-prinċipji orizzontali, bħal pereżempju l-integrazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u l-klima u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jinnota li r-riżultat tan-negozjati tal-QFP se jiddetermina ħafna l-livell ta' finanzjament tal-programmi tal-UE għall-perjodu li jmiss u jtenni l-pożizzjoni tiegħu li l-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-perjodu 2021-2027 għandhom jiġu stabbiliti għal EUR 1 324,1 biljun fi prezzijiet tal-2018, li se jkun jirrappreżenta 1,3 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tas-27 Stat Membru tal-UE; b'riflessjoni ta' din il-pożizzjoni, huwa determinat li jiddefendi baġit ta' EUR 192,1 biljun tal-2021 fi prezzijiet kurrenti f'approprjazzjonijiet ta' impenn; jissottolinja li approprjazzjonijiet addizzjonali kbar aktar minn din il-pożizzjoni huma meħtieġa biex ikun hemm reazzjoni għall-kriżi li għaddejja bħalissa;

13.

Ifakkar fil-pożizzjoni li l-miri tal-integrazzjoni tal-klima u l-bijodiversità tal-QFP 2021-2027 iridu jmorru lil hinn mil-livelli tal-objettivi tal-perċentwali ta' nfiq stabbiliti fir-rapport interim; għandu l-għan, għalhekk, li jikseb livell ta' nefqa għall-bijodiversità ta' 10 % u livell ta' nefqa għall-integrazzjoni tal-klima ta' 30 % għall-2021; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi kriterji ċari ta' eliġibbiltà għal metodoloġija ġdida strinġenti u komprensiva, fil-forma ta' Regolament Qafas, għad-definizzjoni u l-intraċċar tan-nefqa rilevanti għall-klima u l-bijodiversità f'konformità mal-prinċipju “tagħmilx ħsara”, flimkien mal-miżuri ta' korrezzjoni korrispondenti, fejn rilevanti, u l-mekkaniżmu ta' protezzjoni biex jiġu identifikati l-impatti negattivi potenzjali tal-azzjonijiet tal-UE fuq il-bijodiversità u l-klima f'konformità mal-impenji tiegħu skont il-Ftehim ta' Pariġi u l-appell tiegħu għat-tneħħija gradwali progressiva ta' sussidji fuq il-karburanti fossili diretti u indiretti;

14.

Jappoġġja l-mobilizzazzjonijiet tal-fondi u l-flessibbiltà biex jiġu mmobilizzati fondi għar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) għal miżuri relatati mal-COVID-19 bħalma huma l-iżvilupp ta' vaċċini, trattamenti ġodda, testijiet dijanjostiċi u sistemi mediċi biex tiġi evitata l-firxa tal-coronavirus u jiġu salvati l-ħajjiet;

15.

Jissottolinja ferm li l-għanijiet klimatiċi tal-Unjoni jeħtieġu soluzzjonijiet sostenibbli u fit-tul; jenfasizza r-rwol kruċjali tar-R&Ż biex jinstabu soluzzjonijiet effettivi, realistiċi u implimentabbli għaċ-ċittadini, għan-negozji u għas-soċjetà; jenfasizza li Orizzont Ewropa se jkun il-programm ewlieni għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet ġodda għall-klima; jitlob finanzjament akbar għall-programmi kollha ta' R&Ż sabiex tiġi stabbilita l-Unjoni bħala mexxejja globali għat-teknoloġiji ekoloġiċi u tissaħħaħ il-kompetittività globali tagħha fuq skala akbar, titnaqqas id-dipendenza tagħha fuq teknoloġiji ewlenin barranin, issir mexxejja fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICTs), l-intelliġenza artifiċjali (IA) u ċ-ċibersigurtà, jiġu żviluppati trattamenti ġodda għal mard serju bħall-kanċer, u biex jinbnew kapaċitajiet ta' proċessar tas-supercomputing u tad-data;

16.

Jinnota bi tħassib kbir li ħafna proposti eċċellenti għar-riċerka ma jistgħux jiġu implimentati, mhux minħabba l-kwalità ħażina, iżda minħabba s-sottofinanzjament sinifikanti tal-programmi rilevanti; jisħaq li r-riċerka u l-innovazzjoni huma swieq kompetittivi ħafna, fejn ir-riċerkaturi jiġu attirati lejn reġjuni oħra tad-dinja minħabba n-nuqqas ta' opportunitajiet ta' finanzjament fl-Ewropa; jissottolinja li r-Renju Unit mhux ser jibqa' benefiċjarju ewlieni tal-bosta programmi ta' R&Ż tal-Unjoni iżda minflok ser ikun kompetitur b'saħħtu; jistieden lill-Kunsill iqis il-fatt li kull diskrepanza ta' EUR 10 biljun f'Orizzont Ewropa se tirriżulta f'telf tal-PDG ta' EUR 110 biljun matul l-25 sena li ġejjin; jikkonkludi li l-ambizzjonijiet baġitarji baxxi għar-R&Ż jikkontradixxu kwalunkwe wegħda favorevoli għall-kompetittività jew il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, b'mod partikolari fir-rigward tal-isforzi li għad fadal biex tintlaħaq il-mira tal-Ewropa 2020 ta' 3 % tal-PDG;

17.

Jissottolinja li l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport jista' jilħaq iż-żewġ objettivi li tiġi appoġġjata l-ekonomija tal-UE fil-kuntest attwali u l-isforzi biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, kif ukoll li ssir bidla lejn mobilità sostenibbli, li tiddependi b'mod partikolari fuq it-tlestija tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), Shift2Rail u l-politiki tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE); jistieden lill-Kummissjoni tallinja l-proġetti kollha tal-FNE mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;

18.

Itenni l-fatt li industrija spazjali kompetittiva hija vitali għall-panorama imprenditorjali tal-Ewropa billi toffri impjiegi ta' kwalità għolja, attivitajiet ta' R&Ż sinifikanti u tiżgura l-awtonomija ta' infrastruttura Ewropea tas-satelliti; jenfasizza l-benefiċċji tad-data ġġenerata fl-ispazju bħala għodda essenzjali għall-monitoraġġ tal-art u tal-ambjent;

19.

Jisħaq li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jammontaw għal 99 % tal-kumpaniji kollha fl-Istati Membri u jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-ħolqien tal-impjiegi, għall-istabbiltà ekonomika u, dejjem aktar, għall-isforzi ta' sostenibbiltà, u li dawn il-kumpaniji x'aktarx li jkunu l-aktar affettwati mit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li jirriżulta mit-tifqigħa tal-COVID-19; jisħaq li l-SMEs jiffaċċjaw diffikultajiet biex isibu opportunitajiet ta' finanzjament u jfakkar fir-rwol tal-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) f'dan ir-rigward; ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament li jirdoppja l-pakkett finanzjarju tal-linji tas-suċċessur tiegħu fi ħdan il-programm tas-Suq Uniku għall-QFP li jmiss, li huwa mistenni jippermetti rata ta' suċċess tal-proposti bi kwalità għolja ta' mill-inqas 80 %; jisħaq li l-appoġġ finanzjarju għall-SMEs għandu jkun iddirezzjonat ukoll permezz tal-għodda InvestEU SMEs, biex iħejji lis-suq tal-prodotti u s-servizzi u jippermettilhom jikbru b'mod rapidu fis-swieq globali; itenni l-ħtieġa li jiġu estiżi aktar l-opportunitajiet biex jinħolqu u jiġu intensifikati n-negozji ġodda u biex titqiegħed enfasi speċjali fuq it-trasformazzjoni diġitali tal-SMEs, appoġġjata wkoll mill-Gateway tas-Suq Uniku bħala faċilitatur tan-negozju tal-e-government, f'konformità mal-politiki ambizzjużi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll it-tranżizzjoni ekoloġika tagħhom; jilqa' f'dan il-kuntest, barra minn hekk, id-diversi inizjattivi mill-grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), jiġifieri l-mobilizzazzjoni ta' EUR 40 biljun għall-SMEs milquta, il-EUR 5 biljun disponibbli għall-kumpaniji fis-settur tas-saħħa u l-fond ta' garanzija ta' EUR 25 biljun li għandu jiġi ffinanzjat mill-azzjonisti tiegħu;

20.

Jisħaq li l-kriżi li għaddejja bħalissa se taffettwa ħafna reġjuni u setturi b'mod konsiderevoli; f'dan il-kuntest, huwa konvint li l-politika ta' koeżjoni se jkollha rwol ewlieni u għandha tkun aktar minn qatt qabel essenzjali biex tistimula l-irkupru ekonomiku fit-territorji kollha tal-UE, issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni u se tirrikjedi finanzjament addizzjonali u aktar flessibbiltà biex tirrispondi għall-isfidi ambjentali, soċjali, ekonomiċi u demografiċi kumplessi li ġejjin; jenfasizza li, jekk l-adozzjoni tal-QFP 2021-2027 u l-bażi legali rilevanti jittardjaw, ikun indispensabbli li jkun hemm perjodu tranżitorju bejn iż-żewġ perjodi ta' programmazzjoni;

21.

Jemmen li t-turiżmu, bħala wieħed mis-setturi l-aktar affettwati mill-kriżi, jeħtieġ strateġija komprensiva appoġġjata minn allokazzjoni speċifika permezz ta' programm tal-UE separat fil-QFP li jmiss; jinsisti li attenzjoni u appoġġ partikolari għandhom jiġu mogħtija lin-negozji ż-żgħar u tal-familja, speċjalment fil-każijiet tal-agrituriżmu u l-fornituri tal-ospitalità żgħar li se jħabbtu wiċċhom ma' aktar diffikultajiet biex jikkonformaw ma' standards ġodda tas-sikurezza, kif ukoll reġjuni insulari u reġjuni ultraperiferiċi;

22.

Fid-dawl tal-impatti soċjali negattivi kbar immedjati u fit-tul tas-sitwazzjoni attwali, jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-baġit tal-UE għall-2021 u r-rwol kruċjali ta' azzjonijiet soċjali msaħħa tal-UE, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew+, fl-irkupru ekonomiku, u, b'mod partikolari, biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-anzjani, il-faqar fost it-tfal, ir-riskju ta' faqar u l-esklużjoni soċjali, id-diskriminazzjoni, biex jiġi żgurat djalogu soċjali msaħħaħ, li jindirizza t-tibdil demografiku strutturali fit-tul u jiggarantixxi aċċess għal kulħadd, u speċjalment għall-popolazzjonijiet li qed jixjieħu, għal servizzi vitali u ewlenin bħall-kura tas-saħħa, il-mobilità, in-nutrizzjoni adegwata u l-akkomodazzjoni deċenti;

23.

Jappella biex il-baġit 2021 jagħti attenzjoni partikolari lill-bżonnijiet tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej (PTEE) u lir-relazzjonijiet magħhom, peress li jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli għall-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima; jisħaq, barra minn hekk, li jrid jitjieb l-aċċess għall-finanzjamenti għall-PTEE billi dawn tal-aħħar għandhom għarfien espert u riżorsi amministrattivi limitati minħabba l-istatus speċjali u d-daqs tagħhom;

24.

Jisħaq fuq il-fatt li s-sigurtà interna hija parti integrali tal-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE fil-konfront ta' Unjoni li tipproteġi; jissottolinja li t-theddid għas-sigurtà għall-attentati terroristiċi, il-kriminalità organizzata transfruntiera u t-tipi l-ġodda ta' attività kriminali bħaċ-ċiberkriminalità, joħolqu theddid kontinwu għall-koeżjoni tal-Unjoni Ewropea u jeħtieġu risposta Ewropea li tkun b'saħħitha u koordinata; jemmen li dan jirrikjedi kooperazzjoni transfruntiera intensifikata bejn l-awtoritajiet kompetenti; jisħaq li t-tisħiħ u l-modernizzazzjoni tas-sistemi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni (IT), b'attenzjoni fuq it-titjib tal-interoperabbiltà tas-sistemi, l-aċċess aġevolat u l-leġġibbiltà tad-data, huma obbligatorji biex jiżguraw kooperazzjoni effettiva u rapida bejn l-awtoritajiet tal-pulizija, ġudizzjarji u l-awtoritajiet kompetenti l-oħra; jieħu nota li fl-2021 il-Kummissjoni mistennija tvara l-Istrateġija ta' Sigurtà għall-Unjoni, li fiha se jkun hemm sensiela ta' inizjattivi f'oqsma fundamentali relatati ma' dan it-theddid;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni talloka l-baġit meħtieġ sabiex tiżgura kapaċità akbar tal-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili, ħalli l-UE tkun ippreparata aħjar għat-tipi kollha ta' diżastri naturali, pandemiji u emerġenzi, bħal emerġenzi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari, u kapaċi tirrispondi aħjar għalihom; itenni l-importanza tal-mekkaniżmu tal-Unjoni għall-protezzjoni ċivili sabiex jipproteġi aħjar liċ-ċittadini mid-diżastri;

26.

Jisħaq fuq is-suċċess tal-Programm Erasmus+ fit-titjib tal-mobilità taż-żgħażagħ, it-taħriġ u l-ħiliet; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ffinanzjat b'mod adegwat il-programm, inter alia, biex isir aċċessibbli għall-persuni minn kull sfond u grupp ta' età;

27.

Ifakkar li l-promozzjoni tal-valuri u l-kulturi Ewropej għandha rwol attiv fl-appoġġ tad-demokrazija, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u l-indirizzar tad-diżinformazzjoni u l-aħbarijiet foloz; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jiġi pprovdut finanzjament suffiċjenti għall-programmi Ġustizzja, Drittijiet u Valuri u li jissaħħu r-riżorsi ddedikati għall-appoġġ tal-vittmi ta' vjolenza sessista f'dan il-programm; jenfasizza li s-setturi kulturali u kreattivi, kif ukoll it-turiżmu, diġà huma u se jkunu fost is-setturi ewlenin li huma vittmi tal-kriżi li qed tesperjenza l-UE; jitlob miżuri ta' emerġenza għal dawk is-setturi u tisħiħ tal-programm Ewropa Kreattiva;

28.

Jistenna li sal-2021 ikun hemm mekkaniżmu tal-UE għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; jisħaq li l-QFP għall-2021-2027 għandu jinkludi klawżola ta' kundizzjonalità għall-protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, li tiggarantixxi li sabiex jibbenefikaw mill-finanzjament tal-UE, l-Istati Membri jeħtiġilhom jikkonformaw bis-sħiħ mal-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

29.

Iqis li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà huwa għodda fundamentali biex jiġi promoss l-involviment ċiviku madwar l-Unjoni u biex tissaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni; jinsisti li l-baġit 2021 għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jkun proporzjonat mal-ħafna aspettattivi li qajjem fost il-persuni żgħażagħ madwar l-Ewropa, b'mod partikolari fil-linja tal-volontarjat; jitlob li jiġi allokat finanzjament biżżejjed biex ikopri d-domanda qawwija għall-kollokamenti fil-volontarjat;

30.

Jitlob li jiġi pprovdut finanzjament suffiċjenti bħala prijorità biex tiġi appoġġjata l-attività tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ta' partijiet ikkonċernati oħra attivi fil-promozzjoni tad-drittijiet u t-tisħiħ u l-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni u l-istat tad-dritt, inkluż permezz tal-programm futur dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, fi żminijiet meta qed nosservaw li l-ispazju għas-soċjetà ċivili qiegħed jiċkien f'diversi Stati Membri;

31.

Jisħaq fuq ir-reazzjoni negattiva inkwetanti u dejjem akbar fil-konfront tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa u l-importanza tal-istrumenti tal-UE inkluż l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) biex tiġi miġġielda din is-sitwazzjoni; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma inkludietx programm speċifiku dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proposta tagħha u jitlob allokazzjonijiet baġitarji ambizzjużi u speċifiċi biex jiġu appoġġjati d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-allokazzjonijiet baġitarji li jappoġġjaw ir-rispett universali tas-saħħa sesswali u riproduttiva u drittijiet relatati u l-aċċess għalihom;

32.

Jirrimarka li l-politika agrikola komuni (PAK) u l-politika komuni tas-sajd (PKS) huma fost il-pedamenti tal-integrazzjoni Ewropea, li jimmiraw li jiżguraw provvista tal-ikel sikura, ta' kwalità għolja u sovranità alimentari għall-Ewropej, il-funzjonament sewwa tas-swieq tal-ikel, l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni rurali, it-tiġdid ġenerazzjonali u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-preservazzjoni tal-bijodiversità; ifakkar fir-rwol ewlieni ta' dawn il-politiki biex jikkontribwixxu għal qligħ stabbli u aċċettabbli għall-bdiewa u s-sajjieda u s-sajjieda nisa u sajjieda, speċjalment fil-kuntest diffiċli attwali; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu għan-negozjati dwar il-QFP 2021-2027 biex jiġu ppreservati l-baġits għall-PAK u l-PKS; jitlob li jissaħħu dawn il-politiki u li tingħata attenzjoni partikolari lill-agrikoltura u lis-sajd fuq skala żgħira; jieħu nota li l-PAK, flimkien ma' politiki oħra tal-Unjoni, se jkollha rwol importanti xi twettaq biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis fil-proposta tagħha u fl-att emendatorju sussegwenti għall-abbozz tal-baġit 2021, l-eżitu tal-qbil politiku li għandu jintlaħaq dwar il-miżuri tranżitorji għas-sena 2021 (stabbilit fil-proposta tal-Kummissjoni tal-31 ta' Ottubru 2019 (COM(2019)0581)); jistieden ukoll lill-Istati Membri jiżguraw allokazzjoni f'waqtha ta' riżorsi suffiċjenti għat-titjib kontinwu tal-kwalità tad-data u tal-indikaturi rrappurtati lill-Unjoni sabiex jikkonformaw bis-sħiħ mal-inizjattiva “Baġit tal-UE Ffukat fuq ir-Riżultati” (BFOR); jinsisti fuq il-kwalità għolja tad-data u tal-indikaturi biex il-PAK tiġi vvalutata kif xieraq;

34.

Jieħu nota tal-iżviluppi l-aktar reċenti fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-migrazzjoni fil-fruntiera esterna tal-UE mat-Turkija, li twassal għall-adozzjoni reċenti ta' baġit emendatorju 1/2020 sabiex tiġi indirizzata l-pressjoni migratorja akbar; jissottolinja li jeħtieġ li jiġi żgurat livell adegwat ta' riżorsi fil-baġit 2021 b'antiċipazzjoni ta' kontinwazzjoni possibbli jew saħansitra deterjorament ta' din is-sitwazzjoni; ifakkar fil-ħtieġa ta' solidarjetà u kooperazzjoni fost l-Istati Membri kollha fil-qasam tal-migrazzjoni; jisħaq il-ħtiġijiet addizzjonali li jirriżultaw mit-tifqigħa tal-COVID-19 biex jiġu adottati miżuri speċifiċi għall-migranti bħala persuni partikolarment vulnerabbli, inkluża l-evakwazzjoni preventiva u r-rilokazzjoni; ifakkar fil-ħtieġa regolari li jissaħħaħ il-Fond għall-Asil u l-Migrazzjoni matul l-aħħar perjodu biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jlaħħqu mal-kriżi tar-rifuġjati, u jiġu mmobilizzati l-istrumenti speċjali għal dak il-għan minħabba li l-limitu massimu taħt l-intestatura 3 kien baxx wisq, jew permezz ta' baġits emendatorji; jistenna lill-Istati Membri jifhmu l-interessi tagħhom stess u jagħmlu tajjeb għall-effetti tad-dewmien fl-adozzjoni tar-Regolament Dublin IV bis-saħħa tal-approprjazzjonijiet neċessarji għal dak il-programm li jimplimenta l-prinċipju ta' solidarjetà fosthom f'dan il-qasam; ifakkar fil-ħtieġa ta' finanzjament adegwat biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-migranti u tar-rifuġjati fil-kampijiet tar-rifuġjati tal-UE, għall-infurzar tal-liġi, it-taħriġ għall-persunal tal-fruntieri u l-gwardji tal-kosta, u għal miżuri effettivi għall-integrazzjoni tal-migranti u r-refuġjati;

35.

Jirrimarka li l-migrazzjoni legali ġestita b'mod tajjeb hija importanti biex tiżgura rispons adegwat għas-suq tax-xogħol li qed jevolvi;

36.

Jinnota li t-Turkija qed tkompli tospita l-akbar popolazzjoni ta' rifuġjati fid-dinja u li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar kif l-UE għandha tkompli bl-appoġġ tagħha għat-Turkija wara t-tmiem tal-impenji tagħha li saru taħt il-Faċilità tal-UE għar-Rifuġjati fit-Turkija;

37.

Jisħaq li miżuri immedjati ta' solidarjetà, b'mod partikolari programm ta' rilokazzjoni, għandhom jiġu introdotti sakemm issir riforma sinifikanti tar-regoli tal-UE dwar l-asil; jitlob, barra minn hekk, li l-finanzjament jibqa' previst fil-baġit tal-UE għall-appoġġ tar-rifuġjati fit-Turkija;

38.

Jappella għal baġit ambizzjuż għall-2021 fil-politiki esterni tal-UE li jippermettu lill-Unjoni biex tilqa' għall-isfidi li tiffaċċja; ifakkar li l-paċi u s-solidarjetà jikkostitwixxu valuri fundamentali li jeħtieġ ikunu sostnuti kontinwament mill-baġit tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied il-finanzjament għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar sabiex jiġu appoġġjati r-riformi politiċi u ekonomiċi, kif ukoll għal reġjuni oħra bi bżonn ta' appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp tagħhom;

39.

Jemmen li l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA III) għandu jiffoka l-finanzjament tiegħu fuq l-oqsma tal-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-amministrazzjoni pubblika; jilqa' l-fatt li jista' jingħata bidu biex jinfetħu negozjati ta' adeżjoni mal-Albanija u mal-Maċedonja ta' Fuq, u jitlob li jkun hemm dispożizzjonijiet finanzjarji adegwati sabiex jiġu appoġġjati r-riformi politiċi u l-allinjament mal-acquis;

40.

Jissottolinja li l-allokazzjonijiet finanzjarji fl-ambitu tal-IPA III għandhom jingħataw bil-kundizzjoni li jkun hemm rispett għall-valuri Ewropej bħall-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-proċess demokratiku, ir-rispett għall-valuri fundamentali u r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità; jitlob lill-Kummissjoni tuża l-fondi attwalment allokati fl-ambitu tal-IPA III biex tappoġġja, permezz ta' ġestjoni diretta mill-UE, lis-soċjetà ċivili, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ġurnalisti tat-Turkija, u żżid l-opportunitajiet għal kuntatti interpersonali, djalogu akkademiku, aċċess għall-istudenti Torok għall-universitajiet Ewropej u pjattaformi tal-midja għall-ġurnalisti bl-għan li tipproteġi u tippromwovi l-valuri u l-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

41.

Jisħaq li l-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari dwar l-NDICI ġiet adottata fl-4 ta' Marzu 2019, u li l-mandat tiegħu dwar l-NDICI ġie rrikonfermat fit-8 ta' Ottubru 2019; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu favur kontribuzzjoni ta' 45 % tal-pakkett finanzjarju ġenerali tal-NDICI għal objettivi klimatiċi, il-ġestjoni u l-protezzjoni ambjentali, il-bijodiversità u l-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, u l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni u l-ispostament sfurzat, u jqiegħed enfasi qawwija fuq il-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa, it-tfal, ir-rifuġjati, il-persuni spostati, il-persuni LGBTI, il-persuni b'diżabilità u l-popli indiġeni u l-minoranzi etniċi u reliġjużi;

42.

Ifakkar li s-soluzzjoni ta' natura dejjiema għall-fenomenu attwali tal-migrazzjoni tinsab fl-iżvilupp politiku, ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi li minnhom joriġinaw il-flussi tal-migrazzjoni; jitlob li l-programmi ta' politika esterna rispettivi jingħataw riżorsi finanzjarji suffiċjenti biex jappoġġjaw sħubijiet ġusti u ta' benefiċċju reċiproku bejn l-UE u l-pajjiżi ta' oriġini u l-pajjiżi ta' tranżitu, inklużi dawk fil-kontinent Afrikan; jistieden lill-UE, fl-istess kuntest u quddiem is-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli li qed tħabbat wiċċha magħha l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA), tintensifika l-appoġġ finanzjarju tagħha lill-Aġenzija fl-2021, sabiex tippreserva l-provvista mhux interrotta ta' servizzi vitali lil miljuni ta' rifuġjati Palestinjani;

43.

Jinsab imħasseb dwar il-firxa rapida madwar id-dinja tal-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt tagħha fuq il-pajjiżi milquta; huwa konvint li l-kooperazzjoni internazzjonali hija kruċjali biex tingħeleb din il-kriżi globali; jemmen li l-UE għandha tkun minn ta' quddiem fl-isforzi globali biex trażżan il-pandemija u ttaffi l-impatt tagħha; jemmen li l-Unjoni jeħtiġilha turi solidarjetà mal-pajjiżi terzi affettwati, inkluż billi timmobilizza riżorsi addizzjonali, tgħinhom jibnu mill-ġdid l-ekonomiji tagħhom, jimmitigaw l-impatt soċjoekonomiku tal-kriżi u jsaħħu l-kapaċitajiet tas-sistemi tas-saħħa pubbliċi madwar id-dinja;

44.

Ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem huma parti integrali mill-politika tal-azzjoni esterna tal-UE; itenni l-ħtieġa għal żieda fil-finanzjament iddedikat biex jappoġġja d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, b'enfasi partikolari fuq il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk l-aktar f'riskju; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jitkompla l-Mekkaniżmu għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem (Protectdefenders.eu) u li jiżdied il-finanzjament iddedikat għalih; jemmen li l-UE għandha toqgħod strettament lura milli toffri assistenza permezz tal-appoġġ baġitarju lill-pajjiżi li jonqsu bil-kbir milli jissodisfaw standards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jew li jonqsu milli juru l-impenn tagħhom li jiġġieldu l-korruzzjoni; jenfasizza l-importanza tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali, speċjalment minn gruppi lokali tas-soċjetà ċivili, u jappella għal livell adegwat ta' finanzjament;

45.

Jappella għal aktar finanzjament favur l-azzjonijiet ta' komunikazzjoni strateġiċi biex jiġġieldu l-kampanji ta' diżinformazzjoni, li qed jintużaw dejjem aktar biex jimminaw l-ordni demokratiku fl-Unjoni u fil-pajjiżi fil-viċinat qrib tal-Unjoni; jenfasizza l-importanza tal-proġett ewlieni “East StratCom Task Force – EUvsDisinfo” tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, il-propaganda u l-influwenza barranija;

46.

Jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ finanzjarju adegwat biex tinħoloq Unjoni Ewropea tad-Difiża reali, tiġi promossa l-awtonomija strateġika u jissaħħaħ ir-rwol tal-UE fil-livell globali; jisħaq fuq l-importanza li tinżamm il-pożizzjoni tiegħu rigward l-ammonti għall-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) u għall-mobilità militari; jisħaq li għandu jiġi żgurat l-appoġġ kontinwu għal politika u azzjonijiet relatati mad-difiża fl-ambitu tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), il-Kooperazzjoni Struttura Permanenti (PESCO), l-EDF u inizjattivi oħra, kif ukoll il-koordinazzjoni msaħħa tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprevedi l-finanzjament tan-nefqa amministrattiva u operattiva tal-EDA u l-PESCO mill-baġit tal-Unjoni, biex b'hekk terġa' tiġi stabbilita l-funzjoni baġitarja tal-Parlament kif previst fl-Artikolu 41 tat-TUE;

47.

Itenni li l-arkitettura l-ġdida tal-Istrumenti Finanzjarji Esterni (EFI) għandha ttejjeb l-koerenza, l-obbligu ta' rendikont, l-effiċjenza u s-sorveljanza demokratika; jenfasizza l-ħtieġa ta' rwol akbar għall-Parlament fit-tmexxija strateġika tal-istrumenti l-ġodda; jistenna li jiġi involut minn stadju bikri qabel u waqt il-programmazzjoni tal-istrumenti l-ġodda;

48.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta u tkun lesta għal kull xenarju possibbli biex tiżgura l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni, billi tiddefinixxi impenji ċari, tiddelinja l-mekkaniżmi u tipproteġi l-baġit tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-parteċipazzjoni futura tar-Renju Unit fil-programmi tal-UE għandha tirrispetta bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji;

49.

Jesprimi l-intenzjoni tiegħu li r-Renju Unit jibqa' sieħeb qrib f'kemm jista' jkun programmi tal-UE, partikolarment Erasmus+ u Orizzont Ewropa;

50.

Ifakkar ir-rwol ċentrali li jiżvolġu l-aġenziji tal-UE fl-implimentazzjoni tal-objettivi politiċi tal-UE u jerġa' jafferma l-importanza li dawn il-korpi jkunu mgħammra b'finanzjamenti suffiċjenti u prevedibbli biex jaqdu b'mod effiċjenti dmirijiethom, filwaqt li jiċħad kwalunkwe tnaqqis mhux ġustifikat u arbitrarju lill-baġits tagħhom f'termini reali; jenfasizza r-rwol fundamentali li jiżvolġu l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent biex tiżviluppa sensibilizzazzjoni fir-rigward tat-tibdil fil-klima, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol biex tippromwovi l-mobilità tax-xogħol kif ukoll l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali biex isostnu lill-applikanti għal asil li qegħdin ifittxu protezzjoni fl-Ewropa;

51.

Fl-istess ħin, jisħaq dwar il-bżonn li jiġi miġġieled t-traffikar tal-bnedmin u l-iffaċilitar ta' dħul klandestin ta' bnedmin, u li jiġu appoġġjati l-aġenziji għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-UE, li jipprovdu assistenza lill-Istati Membri fil-fruntieri esterni, bħall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex); jieħu nota tar-rwol li l-Frontex hija mitluba li twettaq fil-kuntest tal-kriżi tal-migrazzjoni attwali li qed isseħħ fil-fruntieri esterni tal-UE mat-Turkija; jitlob li jkun hemm livelli ta' finanzjament xierqa għall-ġestjoni tal-fruntieri fil-baġit 2021;

52.

Jinnota li l-aġenziji li joperaw fil-qasam tas-sigurtà, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni fil-ġustizzja kriminali qed jiġu assenjati għadd dejjem akbar ta' kompiti; jitlob li jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji u l-postijiet ta' xogħol tal-persunal għal dawn l-aġenziji, b'mod partikolari għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), kif ukoll finanzjament u persunal adegwat għal dawk li se jkunu qed jaħdmu fuq il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

53.

Jinsab imħasseb dwar il-livell insuffiċjenti ta' finanzjament u persunal ipprovdut lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) matul il-proċedura baġitarja tal-2020 u, fid-dawl tal-2021, jistieden lill-Kummissjoni żżid il-persunal u r-riżorsi għal dan il-korp istituzzjonali u tipproteġi l-awtonomija baġitarja tiegħu; jissottolinja li l-istabbiliment tal-UPPE ma jeħtieġlux jirriżulta fid-deterjorament tal-kapaċità tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) li jaħdem kif suppost;

54.

Minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 reċenti fl-Ewropa u l-ħtieġa għal rispons rapidu, koordinat u koerenti min-naħa tal-UE, jistieden b'mod urġenti lill-Kummissjoni tipprovdi l-finanzjament adegwat u meħtieġ lill-aġenziji rilevanti tal-UE li għandhom jaħdmu u jappoġġjaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-isforz biex jindirizzaw din il-panedmija, partikolarment iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA); jinsisti li l-Kummissjoni u l-Kunsill iżommu lura milli jnaqqsu r-riżorsi tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) u tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA);

55.

Jissottolinja l-ħtieġa li tissaħħaħ b'mod sostanzjali l-Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), filwaqt li jitqiesu l-kompiti addizzjonali mogħtija lilha permezz ta' leġiżlazzjoni reċenti, inkluż il-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa; ifakkar, barra minn hekk, fil-bżonn ta' riżorsi addizzjonali għall-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (Uffiċċju BEREC) biex twettaq il-kompiti tagħha minquxa fir-Regolament BEREC u l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi;

56.

Ifakkar li l-ebda politika tal-Unjoni, kemm jekk biex tlaħħaq mal-kriżi tal-COVID-19, jew biex timplimenta l-Patt Ekoloġiku Ewropew, ma tista' tiġi implimentata kif suppost mingħajr l-appoġġ ta' servizz pubbliku ddedikat tal-Unjoni u finanzjament suffiċjenti;

57.

Jemmen, fil-kuntest politiku u ekonomiku attwali, li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tkun appoġġjata adegwatament, anke min-naħa baġitarja, u li l-Kummissjoni Ewropea, fost istituzzjonijiet oħrajn involuti f'dan il-proġett, għandha tkun mgħammra bil-mezzi neċessarji biex tagħmilha waħda ta' suċċess;

58.

Jitlob lill-Kummissjoni tagħti l-eżempju f'li tiżgura akkwist ta' kwalità għolja u soċjalment responsabbli, sabiex il-kuntratti jingħataw lill-kumpaniji li jirrispettaw l-istandards ewlenin fil-qasam ambjentali u tax-xogħol, u f'li tinforza kriterji mtejba u aktar stretti biex tipprevjeni l-kunflitti ta' interess;

59.

Jappella għal evalwazzjoni reattiva għal kwistjonijiet ta' ġeneru tal-perjodu baġitarju preċedenti u tal-implimentazzjoni tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru fil-baġit tal-UE għall-2021; jistenna, għalhekk, li l-Kummissjoni tinkludi fl-abbozz tal-baġit tagħha anness li jiġbor flimkien l-informazzjoni speċifika għall-ġeneri dwar l-objettivi, l-inputs, il-kontributi u r-riżultati, u li tippreżenta impenji finanzjarji għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-miżuri relatati tagħhom ta' traċċar;

Livell realistiku u suffiċjenti ta' pagamenti

60.

Huwa determinat li jevita kriżi ġdida ta' pagament, speċjalment fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19; itenni li l-limitu massimu globali ta' pagament irid ukoll iqis il-volum bla preċedent ta' impenji pendenti fi tmiem l-2020 li għandhom jiġu saldati taħt il-QFP li jmiss; jinnota wkoll li l-enfasi tal-approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2021 se tkun fil-biċċa l-kbira fuq it-tlestija tal-programmi 2014-2020; jinsisti, madankollu, li dan m'għandux ifixkel it-tnedija ta' programmi ġodda;

61.

Jinsisti, għalhekk, f'konformità mal-miżuri tal-2020, dwar il-ħtieġa li jinżamm livell għoli ta' likwidità għall-Istati Membri bħala parti mir-rispons għall-pandemija tal-COVID-19;

62.

Jissottolinja li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni fuq l-introjtu se tagħti lura lill-baġits nazzjonali tagħhom ferm aktar minn kwalunkwe tnaqqis fin-nefqa tal-baġit annwali tal-UE;

63.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li ebda finanzjament tal-UE ma jingħata lil kwalunkwe parti soġġetta għal miżuri restrittivi tal-UE (inklużi kuntratturi jew sottokuntratturi, parteċipanti f'sessjonijiet ta' ħidma u/jew korsijiet ta' taħriġ, u destinatarji ta' appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi);

64.

Jinsab konvint li kwalunkwe persuna ġuridika li hija sid benefiċjarju ta' entitajiet ġuridiċi u li tirċievi fondi mill-baġit tal-UE jeħtiġilha tkun ipprojbita milli tirċievi fondi mill-baġit Ewropew eżistenti kif ukoll minn dak futur fl-ambitu tar-regoli ta' dan ir-Regolament dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027, inklużi pagamenti agrikoli diretti u kwalunkwe żborż, nefqa, garanzija jew benefiċċju ieħor imsemmija fih jekk hija tkun f'kunflitt ċar ta' interessi kif definit fl-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) 2018/1046;

65.

Itenni l-opinjoni dejjiema tiegħu li prijoritajiet politiċi ġodda u sfidi futuri għall-UE għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda, u mhux billi jitnaqqsu l-approprjazzjonijiet għall-programmi eżistenti; iqis li dan il-prinċipju għandu jiġi applikat ukoll għall-emendar tal-baġits;

66.

Jinnota li, bħala l-ewwel sena tal-QFP li jmiss potenzjalment maqbul, il-baġit 2021 se jkun l-ewwel wieħed li jirrifletti nomenklatura baġitarja ġdida; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi b'mod xieraq lill-awtorità baġitarja fit-tħejjijiet tagħha; jemmen li n-nomenklatura l-ġdida, filwaqt li hija allinjata aħjar mal-prijoritajiet ta' politika, trid tkun dettaljata biżżejjed biex tippermetti lill-awtorità baġitarja twettaq b'mod effettiv ir-rwol ta' teħid ta' deċiżjoni tagħha u lill-Parlament b'mod partikolari jwettaq is-sorveljanza demokratika tiegħu u r-rwoli ta' skrutinju;

67.

Jinnota li, bħala l-fergħa tal-awtorità baġitarja eletta direttament miċ-ċittadini, il-Parlament se jwettaq ir-rwol politiku tiegħu u se jressaq proposti għall-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji li jesprimu l-viżjoni politika tiegħu għall-ġejjieni; jimpenja ruħu, f'dan il-kuntest, li jipproponi pakkett ta' proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji żviluppati f'kooperazzjoni mill-qrib ma' kull wieħed mill-kumitati tiegħu sabiex jinstab bilanċ ġust bejn ir-rieda politika u l-fattibbiltà teknika, kif ivvalutata mill-Kummissjoni;

o

o o

68.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

(1)  https://www.ipcc.ch/sr15/

(2)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(4)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(5)  ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.

(6)  ĠU L 057, 27.2.2020, p. 1.

(7)  Testi adottati, P8_TA(2018)0449.

(8)  Testi adottati, P9_TA(2019)0032.

(9)  Testi adottati, P9_TA(2020)0054.

(10)  Testi adottati, P9_TA(2020)0065.

(11)  Testi adottati, P9_TA(2020)0124.

(12)  Testi adottati, P9_TA(2020)00015.

(13)  ĠU C 242, 10.7.2018, p. 24.

(14)  Testi adottati, P9_TA(2020)0005.