3.7.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 219/7 |
Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)
AT.40135 — FOREX (Essex Express)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
(2020/C 219/06)
L-abbozz ta’ deċiżjoni, indirizzat lil UBS (2), RBS (3), Barclays (4) u BOTM (5) (flimkien imsejħin “il-Partijiet”), jirrigwarda ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 tat-TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE b’rabta man-negozjar fil-pront b’valuti tal-G10 bejn Diċembru 2009 u Lulju 2012. Fl-abbozz ta’ deċiżjoni qed jiġi kkonstatat li l-Partijiet ftiehmu bejniethom li jaqsmu ċerta informazzjoni kummerċjalment sensittiva li hija attwali jew orjentata lejn il-futur u li jikkoordinaw b’mod okkażjonali l-attivitajiet tagħhom. L-aġir inkwistjoni seħħ f’żewġ chatrooms ta’ Bloomberg imsejħa “Essex Express ‘n Jimmy” u “Grumpy Semi old Men”.
Fis-27 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (6) u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (7) kontra l-Partijiet.
Wara d-diskussjonijiet ta’ riżolviment (8) u s-sottomissjonijiet ta’ riżolviment (9) f’konformità mal-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, fl-24 ta’ Lulju 2018 il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (“DO”) indirizzata lill-Partijiet.
Fir-risposti rispettivi tagħhom għad-DO, il-Partijiet ikkonfermaw skont l-Artikolu 10a(3) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 li d-DO irriflettiet il-kontenut tas-sottomissjonijiet dwar ir-riżolviment tagħhom u li għalhekk baqgħu impenjati li jsegwu l-proċedura ta’ konċiljazzjoni.
F’konformità mal-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, eżaminajt jekk l-abbozz ta’ deċiżjoni jittrattax biss l-oġġezzjonijiet li l-Partijiet ingħataw l-opportunità jesprimu l-fehmiet tagħhom dwarhom. Ikkonkludejt li dan seħħ.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, u b’kunsiderazzjoni li l-Partijiet ma indirizzawli l-ebda talba jew ilment (10), inqis li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-Partijiet fil-proċedimenti ta’ dan il-każ ġie rrispettat.
Brussell, is-7 ta’ Mejju 2019.
Wouter WILS
(1) Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29).
(2) UBS AG.
(3) The Royal Bank of Scotland Group plc u NatWest Markets plc.
(4) Barclays plc, Barclays Services Limited, Barclays Capital Inc. u Barclays Bank plc.
(5) Mitsubishi UFJ Financial Group Inc. u MUFG Bank, Ltd.
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).
(7) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE )ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18).
(8) Il-laqgħat ta’ riżolviment saru bejn Novembru 2016 u Frar 2018.
(9) Il-Partijiet issottomettew it-talbiet formali għal riżolviment bejn […] u […].
(10) Skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, il-partijiet fil-proċedimenti f’każijiet ta’ kartelli li jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet għar-riżolviment skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura għar-riżolviment jistgħu jikkonfermaw mal-uffiċjal tas-seduta li l-eżerċitar effettiv tad-drittijiet proċedurali tagħhom ikun żgurat. Ara wkoll il-paragrafu 18 tal-Avviż tal-Kummissjoni 2008/C 167/01 dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (ĠU C 167, 2.7.2008, p. 1).