30.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/9


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-27 ta' Settembru 2017

li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE

(Il-Każ AT.39824 — Trakkijiet)

(notifikat bid-dokument C(2017) 6467)

(It-test bl-ingliż biss huwa awtentiku)

(2020/C 216/07)

Fis-27 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. B’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, (1) il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluża kull penali imposti, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-Deċiżjoni tirrigwarda ksur uniku u kontinwu skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

(2)

Id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-entitajiet li ġejjin: Scania AB (publ), Scania CV AB (publ) u Scania Deutschland GmbH (flimkien jissejħu “Scania” jew “id-destinatarji”).

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1.   PROĊEDURA

(3)

Wara applikazzjoni għall-immunità mingħand produttur tat-trakkijiet mhux indirizzata permezz tad-Deċiżjoni fl-20 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fil-binjiet ta’ diversi produtturi tat-trakkijiet bejn it-18 u l-21 ta’ Jannar 2011.

(4)

Fl-20 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 kontra Scania u l-produtturi ta’ trakkijiet oħrajn (“il-partijiet”). Il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet u nnotifikatha lill-partijiet.

(5)

Wara l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet, il-partijiet resqu lejn il-Kummissjoni b’mod informali u talbu li l-każ jitkompla fil-qafas tal-proċedura ta’ riżolviment. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi proċedimenti ta’ riżolviment wara li kull wieħed mill-partijiet kien ikkonferma r-rieda tiegħu li jinvolvi ruħu f’diskussjonijiet ta’ riżolviment. Sussegwentement, il-partijiet minbarra Scania (“il-partijiet fil-proċedura ta’ riżolviment”) ressqu t-talba formali tagħhom għal riżolviment lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (2). Fid-19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 7 l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 indirizzata lill-partijiet fil-proċedura ta’ riżolviment, li żammithom responsabbli għall-imġiba rispettiva tagħhom f’dan il-każ.

(6)

Peress illi Scania għażlet li ma tippreżentax proposta għal riżolviment, il-Kummissjoni kompliet l-investigazzjoni dwar l-imġiba ta’ Scania taħt il-proċedura standard.

(7)

Il-Kumitat Konsultattiv fil-Qasam tal-Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fil-25 ta' Settembru 2017 u l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kontra Scania fis-27 ta' Settembru 2017.

2.2.   DESTINATARJI U DURATA

(8)

Id-destinatarji tad-Deċiżjoni pparteċipaw f’kollużjoni u/jew iġorru r-responsabilità għaliha, bi ksur għalhekk tal-Artikolu 101 tat-Trattat, matul il-perjodu indikat hawn taħt.

Entità

Tul ta’ żmien

Scania AB (publ),

Scania CV AB (publ),

Scania Deutschland GmbH. (3)

17 ta’ Jannar 1997 – 18 ta’ Jannar 2011

2.3.   SOMMARJU TAL-KSUR

(9)

Il-prodotti kkonċernati mill-ksur huma trakkijiet li jiżnu bejn 6 tunnellati u 16-il tunnellata (“trakkijiet medji”) u trakkijiet li jiżnu ’l fuq minn 16-il tunnellata (“trakkijiet tqal”), kemm bħala trakkijiet riġidi, kif ukoll trakkijiet tratturi (minn hawn ’l hemm, trakkijiet medji u tqal se jissejħu “trakkijiet” b’mod kollettiv). (4) Dan il-każ ma jirrigwardax servizzi ta’ wara l-bejgħ, servizzi oħrajn u garanziji għat-trakkijiet, il-bejgħ ta’ trakkijiet użati u oġġetti jew servizzi oħrajn.

(10)

Il-ksur kien jikkonsisti f’arranġamenti kollużivi dwar ipprezzar u żidiet fil-prezzijiet grossi fiż-ŻEE għat-trakkijiet; u l-għażla taż-żmien u t-trasferiment ta 'l-ispejjeż għall-introduzzjoni ta’ teknoloġiji tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal meħtieġa għall-istandards EURO 3 sa 6. Il-kwartieri ġenerali tad-destinatarji kienu direttament involuti fid-diskussjoni dwar il-prezzijiet, iż-żidiet fil-prezz u l-introduzzjoni ta’ standards ta’ emissjonijiet ġodda sal-2004. Sa mill-inqas minn Awwissu 2002 ’l hemm, id-diskussjonijiet saru permezz ta’ sussidjarji Ġermaniżi li, min inqas u min iktar, kienu jirrappurtaw lill-Kwartieri Ġenerali tagħhom. Dan l-iskambju kien isir kemm fuq livell multilaterali kif ukoll fuq livell bilaterali.

(11)

Dawn l-arranġamenti kollużivi kienu jinkludu ftehimiet u/jew prattiċi miftiehma dwar l-ipprezzar u żidiet fil-prezzijiet gross sabiex il-prezzijiet gross fiż-ŻEE jiġu allinjati, u dwar l-għażla taż-żmien u t-trasferiment ta 'l-ispejjeż għall-introduzzjoni ta’ teknoloġiji tal-emissjonijiet meħtieġa mill-istandards EURO 3 sa 6.

(12)

Il-ksur kopra ż-ŻEE kollha, u dam għaddej mis-17 ta’ Jannar 1997 sat-18 ta’ Jannar 2011.

2.4.   RIMEDJI

(13)

Id-Deċiżjoni tapplika l-Linji Gwida tal-2006 dwar il-Multi. (5)

2.4.1. Ammont bażiku tal-multa

(14)

Meta stabbiliet il-multi, il-Kummissjoni qieset il-bejgħ ta’ Scania ta’ trakkijiet tqal (kif iddefinit fil-paragrafu (9)) fiż-ŻEE fl-aħħar sena qabel ma spiċċa l-ksur; il-fatt li l-koordinazzjoni tal-prezzijiet hija waħda mill-iktar restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni ta’ ħsara; it-tul ta' żmien tal-ksur; is-sehem mis-suq għoli tal-partijiet fis-suq Ewropew għal trakkijiet tqal u medji; il-fatt li l-ksur kopra ż-ŻEE kollha, u ammont addizzjonali biex inaffar lill-impriżi milli jidħlu fi prattiċi ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet.

2.4.2. Aġġustamenti għall-ammont bażiku

(15)

Il-Kummissjoni ma applikat l-ebda ċirkostanza aggravanti jew mitiganti.

3.   KONKLUŻJONI

(16)

Il-multi li ġejjin ġew imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003:

EUR 880 523 000

in solidum fuq Scania AB (publ) u Scania CV AB (publ) li minnhom

Scania Deutschland GmbH tinżamm responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 440 003 282 .


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 411/2004 (ĠU L 68, 6.3.2004, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta' April 2004 dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18).

(3)  Scania Deutschland GmbH ħadet sehem f’kollużjoni u hija responsabbli għaliha biss mill-20 ta’ Jannar 2004 sat-18 ta’ Jannar 2011.

(4)  It-trakkijiet għall-użu militari huma esklużi.

(5)  Linji gwida dwar il-metodu ta' kif jiġu stabbiliti multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2).