26.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 106/44


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-Tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali

(2021/C 106/09)

Relatur Ġenerali:

Dimitrios KARNAVOS (EL/PPE), Sindku ta’ Kallithea

Dokument ta’ referenza:

Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030, Brussell, 14.10.2020

COM(2020) 652 final, 2020/0300 (COD)

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Emenda 1

Premessa 9

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

It-tmien EAP jenħtieġ li jħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija riġenerattiva li tagħti lura lill-pjaneta aktar milli tieħu. Mudell ta’ tkabbir riġenerattiv jirrikonoxxi li l-benesseri u l-prosperità tas-soċjetajiet tagħna jiddependu fuq klima stabbli, ambjent b’saħħtu u ekosistemi b’saħħithom, li jipprovdu spazju operattiv sikur għall-ekonomiji tagħna. Filwaqt li l-popolazzjoni globali u d-domanda għar-riżorsi naturali qed ikomplu jikbru, l-attività ekonomika għandha tiżviluppa b’mod li ma jagħmilx ħsara iżda, għall-kuntrarju, treġġa’ lura t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, timminimizza t-tniġġis u tirriżulta fiż-żamma u t-tisħiħ tal-kapital naturali, biex b’hekk tiġi żgurata l-abbundanza ta’ riżorsi rinnovabbli u mhux rinnovabbli. Permezz tal-innovazzjoni kontinwa, l-adattament għal sfidi ġodda u l-ħolqien konġunt, l-ekonomija riġenerattiva ssaħħaħ ir-reżiljenza u tipproteġi l-benesseri tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

It-tmien EAP jenħtieġ li jħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija li tagħti lura lill-pjaneta aktar milli tieħu. Mudell ta’ tkabbir sostenibbli jirrikonoxxi li l-benesseri u l-prosperità tas-soċjetajiet tagħna jiddependu fuq klima stabbli, ambjent b’saħħtu u ekosistemi b’saħħithom, li jipprovdu spazju operattiv sikur għall-ekonomiji tagħna. Filwaqt li l-popolazzjoni globali u d-domanda għar-riżorsi naturali qed ikomplu jikbru, l-attività ekonomika għandha tiżviluppa b’mod sostenibbli li ma jagħmilx ħsara iżda, għall-kuntrarju, treġġa’ lura t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, b’miżuri ta’ mitigazzjoni jew ta’ kumpens u benefiċċji kontributorji għall-ambjent u l-komunitajiet lokali, timmonitorja l-impatti fuq l-ambjent b’mod permanenti , timminimizza t-tniġġis u tirriżulta fiż-żamma u t-tisħiħ tal-kapital naturali, biex b’hekk tiġi żgurata l-abbundanza ta’ riżorsi rinnovabbli u mhux rinnovabbli. Permezz tal-innovazzjoni kontinwa, l-adattament għal sfidi ġodda u l-ħolqien konġunt, l-ekonomija sostenibbli ssaħħaħ ir-reżiljenza u tipproteġi l-benesseri tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

Raġuni

(i)

L-attivitajiet ekonomiċi għandhom ikunu sostenibbli u jkomplu jikbru filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni tal-ambjent u t-tkabbir sostenibbli tal-ambjent u l-komunitajiet lokali, b’miżuri speċifiċi u mekkaniżmu jew għodod ta’ monitoraġġ, bħall-Pjani ta’ Ġestjoni Ambjentali u Soċjali, eċċ. ii) Il-kunċett ta’ “ekonomija riġenerattiva” jippermetti r-riskju li jiġi implikat li n-natura u l-ambjent tagħna jistgħu faċilment jiġu riġenerati. Bħala alternattiva, qed jiġi ssuġġerit it-terminu “mudell ta’ tkabbir sostenibbli”.

Emenda 2

Artikolu 2(1)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

It-tmien EAP għandu l-objettiv prijoritarju fit-tul għall-2050 li ċ-ċittadini jgħixu tajjeb, fi ħdan il-limiti planetarji f’ekonomija riġenerattiva fejn ma jinħela xejn, li ma jiġu prodotti l-ebda emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra u li t-tkabbir ekonomiku jiġi diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi u mid-degradazzjoni ambjentali. Ambjent b’saħħtu jirfed il-benesseri taċ-ċittadini, isaħħaħ il-bijodiversità u jipproteġi, jirrestawra u jagħti valur lill-kapital naturali b’modi li jtejbu r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u riskji ambjentali oħra. L-Unjoni tistabbilixxi l-pass biex tiżgura l-prosperità tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri globalment.

It-tmien EAP għandu l-objettiv prijoritarju fit-tul għall-2050 li ċ-ċittadini u l-komunitajiet lokali tagħhom jgħixu tajjeb, fi ħdan il-limiti planetarji f’ekonomija sostenibbli fejn ma jinħela xejn, li ma jiġu prodotti l-ebda emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra u li t-tkabbir ekonomiku jiġi diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi u mid-degradazzjoni ambjentali. Ambjent b’saħħtu jirfed il-benesseri u s-saħħa taċ-ċittadini, jaġġorna s-servizzi tal-ekosistema, isaħħaħ il-bijodiversità u jipproteġi, jirrestawra u jagħti valur lill-kapital naturali b’modi li jtejbu r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u riskji ambjentali oħra. It-tmien EAP għandu l-għan li jżid il-konnessjoni bejn il-politika ambjentali u s-saħħa. Approċċ ta’ għajxien b’saħħtu jeħtieġ li jkun fil-bażi tal-politiki kollha tal-UE li jippromovu s-saħħa tal-bniedem, pjaneta b’saħħitha, ekonomija b’saħħitha u soċjetà b’saħħitha b’opportunitajiet għal kulħadd. L-Unjoni tistabbilixxi l-pass biex tiżgura l-prosperità tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri globalment.

Raġuni

(i)

Il-politiki ambjentali multipli jiġu ttrattati mhux biss miċ-ċittadini individwali iżda wkoll mill-komunitajiet lokali. ii) Fir-rigward tas-sitwazzjoni maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19, l-aspett tas-saħħa għandu jiġi enfasizzat aktar. Ir-rabta bejn is-saħħa u l-ambjent għandha tiġi enfasizzata wkoll, minħabba l-importanza fundamentali tagħha. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaraw fil-komunitajiet tagħhom l-impatti tal-politiki ambjentali fuq is-saħħa u l-benesseri. iii) Il-kunċett tas-servizzi tal-ekosistema huwa marbut ukoll mal-ambjent b’saħħtu.

Emenda 3

Artikolu 2(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

It-tmien EAP għandu s-sitt objettivi tematiċi prijoritarji li ġejjin:

It-tmien EAP għandu s-sitt objettivi tematiċi prijoritarji li ġejjin:

(a)

it-tnaqqis irriversibbli u gradwali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u t-titjib tal-assorbimenti minn bjar naturali u oħrajn fl-Unjoni biex tinkiseb il-mira tal-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050 kif stabbilit fir-Regolament (UE) …/…32;

(a)

it-tnaqqis kontinwu u gradwali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u t-titjib tal-assorbimenti minn bjar naturali u oħrajn jew investimenti ekoloġiċi li jikkontribwixxu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali biex tinkiseb il-mira tal-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050 kif stabbilit fir-Regolament (UE) …/…32;

(b)

progress kontinwu fit-titjib tal-kapaċità ta’ adattament, it-tisħiħ tar-reżiljenza u t-tnaqqis tal-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima;

(b)

ħtieġa kostanti għal progress , speċjalment f’reġjuni vulnerabbli u żoni lokali, fit-titjib tal-kapaċità ta’ adattament, it-tisħiħ tar-reżiljenza u t-tnaqqis tal-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima;

(c)

il-progress lejn mudell ta’ tkabbir riġenerattiv li jagħti lura lill-pjaneta aktar milli jieħu, id-diżakkoppjar tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi u d-degradazzjoni ambjentali, u l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari;

(c)

il-progress lejn mudell ta’ tkabbir sostenibbli li jagħti lura lill-pjaneta aktar milli jieħu, id-diżakkoppjar tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi u d-degradazzjoni ambjentali, u l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari;

(d)

li tiġi segwita ambizzjoni ta’ tniġġis żero għal ambjent mhux tossiku, inkluż għall-arja, l-ilma u l-ħamrija, u li jiġu protetti s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u impatti relatati mal-ambjent;

(d)

li tiġi segwita ambizzjoni ta’ tniġġis żero għal ambjent mhux tossiku, inkluż għall-arja, l-ilma u l-ħamrija, u li jiġu protetti s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u impatti relatati mal-ambjent;

(e)

il-protezzjoni, il-preżervazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u t-titjib tal-kapital naturali, b’mod partikolari l-arja, l-ilma, il-ħamrija, u l-foresti, l-ilma ħelu, l-art mistagħdra u l-ekosistemi marittimi;

(e)

il-protezzjoni, il-preżervazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema ġewwa jew barra ż-żoni protetti, u t-titjib tal-kapital naturali, b’mod partikolari l-arja, l-ilma, il-ħamrija, u l-foresti, l-ilma ħelu, l-art mistagħdra u l-ekosistemi marittimi;

(f)

il-promozzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali u t-tnaqqis tal-pressjonijiet ambjentali u klimatiċi ewlenin relatati mal-produzzjoni u l-konsum, b’mod partikolari fl-oqsma tal-enerġija, l-iżvilupp industrijali, il-bini u l-infrastruttura, il-mobbiltà u s-sistema tal-ikel.

(f)

il-promozzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali u t-tnaqqis tal-pressjonijiet ambjentali u klimatiċi ewlenin relatati mal-produzzjoni u l-konsum, billi jintużaw għodod, pereżempju valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u valutazzjonijiet adegwati u jiġu żviluppati metodi u strumenti għal monitoraġġ trasversali kontinwu tal-impatt u titjib kontinwu tal-prestazzjoni ambjentali, b’mod partikolari fl-oqsma tal-enerġija, l-iżvilupp industrijali, il-bini u l-infrastruttura, il-mobbiltà u s-sistema tal-ikel.

Raġuni

(i)

It-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-arja jista’ jinkiseb mhux biss minn bjar naturali u oħrajn, iżda wkoll b’investimenti ekoloġiċi u sostenibbli. ii) It-tisħiħ tal-kapaċità ta’ adattament u t-tisħiħ tar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima jikkonċernaw żoni aktar vulnerabbli, bħal żoni kostali, eċċ. Għalhekk, jista’ jingħad li prinċipalment din hija kwistjoni reġjonali u lokali. iii) Il-biċċa l-kbira tal-oqsma (eż. l-enerġija, l-industrija, l-infrastruttura, eċċ.) imsemmija fil-punt (f) jitolbu li jiġi segwit il-proċess ta’ liċenzjar ambjentali. Dan il-proċess jista’ sa ċertu punt jiżgura l-bini u l-operat tagħhom b’mod sostenibbli. Għalhekk huwa kruċjali li jkun hemm mekkaniżmu għall-monitoraġġ permanenti u t-titjib kontinwu tal-prestazzjoni ambjentali tagħhom.

Emenda 4

Artikolu 3(1)(b)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

1.   Biex jintlaħqu l-objettivi prijoritarji tat-tmien EAP se jkun meħtieġ:

1.   Biex jintlaħqu l-objettivi prijoritarji tat-tmien EAP se jkun meħtieġ:

(a)

… …

(a)

… …

(b)

it-tisħiħ tal-approċċ integrat għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika, b’mod partikolari billi:

(b)

it-tisħiħ tal-approċċ integrat għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika, b’mod partikolari billi:

 

jiġu integrati l-objettivi prijoritarji stabbiliti fl-Artikolu 2 fl-istrateġiji, l-inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, il-programmi, l-investimenti u l-proġetti kollha rilevanti fil-livelli tal-Unjoni, kif ukoll fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex dawn u l-implimentazzjoni tagħhom ma jagħmlu l-ebda ħsara lil xi wieħed mill-objettivi prijoritarji stabbiliti fl-Artikolu 2;

 

jiġu integrati l-objettivi prijoritarji stabbiliti fl-Artikolu 2 fl-istrateġiji, l-inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, il-programmi, l-investimenti u l-proġetti kollha rilevanti fil-livelli tal-Unjoni, kif ukoll fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex dawn u l-implimentazzjoni tagħhom ma jagħmlu l-ebda ħsara lil xi wieħed mill-objettivi prijoritarji stabbiliti fl-Artikolu 2;

 

 

l-iżvilupp ta’ prattiki u t-twettiq ta’ attivitajiet li jappoġġjaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jilħqu l-objettivi tagħhom;

 

 

it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tar-Reġjuni, fil-qafas tal-Pjattaforma Teknika għall-Kooperazzjoni dwar l-Ambjent u analiżi dwar kif jistgħu jittejbu d-djalogu u l-iskambju tal-informazzjoni;

 

il-massimizzazzjoni tal-benefiċċji mill-implimentazzjoni tad-Direttivi 2014/52/UE u 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

 

il-massimizzazzjoni tal-benefiċċji mill-implimentazzjoni tad-Direttivi 2014/52/UE u 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

 

tingħata attenzjoni partikolari lis-sinerġiji u l-kompromessi potenzjali bejn l-objettivi ekonomiċi, ambjentali u soċjali sabiex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet taċ-ċittadini għan-nutrizzjoni, l-akkomodazzjoni u l-mobbiltà jintlaħqu b’mod sostenibbli li ma jħalli lil ħadd lura;

 

tingħata attenzjoni partikolari lis-sinerġiji u l-kompromessi potenzjali bejn l-objettivi ekonomiċi, ambjentali u soċjali sabiex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet taċ-ċittadini għan-nutrizzjoni, l-akkomodazzjoni u l-mobbiltà jintlaħqu b’mod sostenibbli li ma jħalli lil ħadd lura;

 

 

l-iżgurar li l-ilħuq tal-objettiv prijoritarju fit-tul għall-2050 kif stabbilit fl-Artikolu 2(1) ma jseħħx għad-detriment ta’ taxxi ogħla, prezzijiet ogħla tal-enerġija, u/jew piż regolatorju elevat għall-konsumaturi u n-negozji Ewropej;

 

l-evalwazzjoni regolari tal-politiki eżistenti u t-tħejjija tal-valutazzjonijiet tal-impatt għal inizjattivi ġodda, li huma bbażati fuq konsultazzjonijiet wiesgħa li jsegwu proċeduri li huma responsabbli, inklużivi, infurmati u sempliċi biex jiġu implimentati, u li jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-impatti mbassra fuq l-ambjent u l-klima;

 

l-evalwazzjoni regolari tal-politiki eżistenti u t-tħejjija tal-valutazzjonijiet tal-impatt għal inizjattivi ġodda, li huma bbażati fuq konsultazzjonijiet wiesgħa li jsegwu proċeduri li huma responsabbli, inklużivi, infurmati u sempliċi biex jiġu implimentati, u li jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-impatti mbassra fuq l-ambjent u l-klima;

 

 

il-promozzjoni ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali, li għandhom l-għan li jissensibilizzaw lill-pubbliku, speċjalment fost iż-żgħażagħ, dwar l-importanza u l-benefiċċji ta’ implimentazzjoni tajba tal-politika ambjentali, kif ukoll dwar il-valur miżjud tagħha għaċ-ċittadini, in-negozji u l-pjaneta, sabiex jiżdied is-sens ta’ sjieda u l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti kollha fl-isforzi ta’ implimentazzjoni ;

Raġuni

(i)

Il-Pjattaforma Teknika għall-Kooperazzjoni dwar l-Ambjent inħolqot fl-2012 u sussegwentement ġiet inkluża fis-Seba’ EAP. Kif indikat mill-paġna web tal-Pjattaforma, l-inklużjoni tagħha fis-Seba’ EAP tpoġġiha fuq bażi soda u fit-tul. Meta titqies l-esperjenza pożittiva tal-kooperazzjoni, l-inklużjoni fit-Tmien EAP tkun pass naturali li jiżgura l-appoġġ kontinwu ta’ dan il-forum. ii) Il-komunikazzjoni teħtieġ li tittejjeb aktar u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol importanti f’dan ir-rigward.

Emenda 5

Artikolu 3(1)(d)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

il-mobilizzazzjoni ta’ investimenti sostenibbli minn sorsi pubbliċi u privati, inklużi fondi u strumenti disponibbli taħt il-baġit tal-Unjoni, permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment u fil-livell nazzjonali;

il-mobilizzazzjoni ta’ investimenti sostenibbli minn sorsi pubbliċi u privati, inklużi fondi u strumenti disponibbli taħt il-baġit tal-Unjoni, permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment u fil-livell nazzjonali , l-iżgurar tas-sinerġiji t-tajba filwaqt li jiġi żgurat li jista’ jiġi allokat investiment suffiċjenti fil-livell fejn huwa meħtieġ l-iktar u fejn jista’ jintuża bl-aktar mod effettiv kif ukoll l-iżgurar li l-komunitajiet lokali u reġjonali jkollhom riżorsi adegwati għall-implimentazzjoni fil-prattika ;

Raġuni

F’ħafna każijiet, il-politiki ambjentali jiġu implimentati bl-involviment qawwi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li jkun hemm riżorsi adegwati disponibbli għall-komunitajiet lokali u reġjonali. Anke meta l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom ir-responsabbiltà li jeżegwixxu l-politiki, ħafna drabi l-impatti diretti u indiretti tal-politiki fil-prattika jiġu ġestiti fil-livell lokali u reġjonali.

Emenda 6

Artikolu 3.1(e)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

it-tneħħija gradwali ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, l-aħjar użu ta’ strumenti bbażati fuq is-suq u għodod ta’ bbaġitjar ekoloġiku , inklużi dawk meħtieġa biex tiġi żgurata tranżizzjoni soċjalment ġusta, u l-appoġġ lin-negozji u lil partijiet ikkonċernati oħrajn fl-iżvilupp ta’ prattiki standardizzati ta’ kontabbiltà tal-kapital naturali;

it-tneħħija gradwali ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, l-aħjar użu ta’ strumenti bbażati fuq is-suq u għodod ta’ bbaġitjar ekoloġiku u l-appoġġ lin-negozji u lil partijiet ikkonċernati oħrajn fl-iżvilupp ta’ prattiki standardizzati ta’ kontabbiltà tal-kapital naturali filwaqt li tiġi żgurata tranżizzjoni soċjalment ġusta għar-reġjuni, il-bliet u l-muniċipalitajiet kollha ;

Raġuni

Tranżizzjoni soċjalment ġusta għandha tapplika għall-istrumenti kollha, mhux biss għall-għodod tal-ibbaġitjar ekoloġiku, u għandha tikkonċerna r-reġjuni, il-bliet u l-muniċipalitajiet kollha madwar l-UE.

Emenda 7

Artikolu 3(1)(f)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

l-iżgurar li l-politiki u l-azzjoni ambjentali jkunu bbażati fuq l-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli u t-tisħiħ tal-bażi tal-għarfien ambjentali u l-adozzjoni tagħha, inkluż permezz tar-riċerka, l-innovazzjoni, it-trawwim ta’ ħiliet ekoloġiċi, u l-bini ulterjuri tal-kontabbiltà ambjentali u tal-ekosistemi;

l-iżgurar li l-politiki u l-azzjoni ambjentali fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali jkunu bbażati fuq l-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli u t-tisħiħ tal-bażi tal-għarfien ambjentali u l-adozzjoni tagħha, inkluż permezz tar-riċerka, l-innovazzjoni, it-trawwim ta’ ħiliet ekoloġiċi, u l-bini ulterjuri tal-kontabbiltà ambjentali u tal-ekosistemi; kif ukoll il-promozzjoni tat-titjib kontinwu tal-għarfien xjentifiku abbażi ta’ indikaturi li jistgħu jitqabblu wkoll fil-livell reġjonali sabiex jittieħdu deċiżjonijiet infurmati;

Raġuni

L-emenda proposta tenfasizza r-rwol kritiku tal-livelli kollha u għandha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċità li jiġi vvalutat il-progress lejn l-objettivi ġenerali tat-8 EAP fil-livelli kollha, inklużi l-indikaturi fil-livell reġjonali.

Emenda 8

Artikolu 3(1) — żid punt ġdid (h) wara l-punt (g)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(h)

l-iżgurar tal-parteċipazzjoni sħiħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-kooperazzjoni magħhom — fid-dimensjonijiet kollha tat-tfassil tal-politika ambjentali — permezz ta’ approċċ ta’ governanza kollaborattiva u f’diversi livelli;

Raġuni

L-emenda proposta hija mistennija li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika.

Emenda 9

Artikolu 3.1, żid punt ġdid (j) wara l-punt (i)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(j)

il-promozzjoni tal-benefiċċji tat-8 EAP fil-livell lokali reġjonali bħala parti essenzjali mill-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-politika ambjentali tal-UE, kif stabbilit fir-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR);

Raġuni

Huwa importanti li l-benefiċċji tat-8 EAP jiġu kkomunikati u promossi sabiex tiżdied ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-politiki ambjentali.

Emenda 10

Artikolu 3(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Biex jintlaħqu l-objettivi prijoritarji tat-tmien EAP se jkun hemm bżonn li jiġi mobilizzat appoġġ wiesa’ billi jiġu involuti ċ-ċittadini, is-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati oħra, u titħeġġeġ il-kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji, politiki jew leġiżlazzjoni relatati mat-tmien EAP fost l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, f’żoni urbani u rurali .

Biex jintlaħqu l-objettivi prijoritarji tat-tmien EAP se jkun hemm bżonn li jiġi mobilizzat appoġġ wiesa’ billi jiġu involuti ċ-ċittadini, is-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati oħra, u titħeġġeġ il-kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji, politiki jew leġiżlazzjoni relatati mat-tmien EAP fost l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. L-UE ser tippromovi approċċ olistiku bbażat fuq il-post u orjentat lejn iż-żona, waqt li jitqiesu l-isfidi u l-punti b’saħħithom speċifiċi tat-tipoloġiji kollha tal-komunitajiet bħal żoni urbani u rurali, iżda wkoll żoni kostali, muntanjużi, gżejjer, arċipelaġiċi u ultraperiferiċi. Dan l-approċċ ser jikkunsidra l-interazzjonijiet bejn il-komunitajiet u ż-żoni ta’ madwarhom, b’mod partikolari ż-żoni interni/t-territorju intern taż-żoni urbani.

Raġuni

L-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE għandhom tipoloġiji multipli, kull waħda bl-isfidi u l-punti b’saħħithom tagħha. Il-politiki ambjentali spiss ikollhom komponent territorjali b’saħħtu li jeħtieġ li jiġi adattat għas-sitwazzjoni speċifika fil-post. Is-Seba’ EAP jiffoka prinċipalment fuq id-dimensjoni urbana. Il-proposta għat-Tmien EAP issemmi biss iż-żoni urbani u rurali. Il-kumplessità rikka tal-komunitajiet tal-UE jeħtieġ li tkun ċentrali għal implimentazzjoni effettiva tal-politiki ambjentali tal-UE.

Emenda 11

Artikolu 4

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

1.   Il-Kummissjoni, appoġġata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, għandha tivvaluta u tirrapporta dwar il-progress tal-Unjoni u tal-Istati Membri fir-rigward tal-kisba tal-objettivi prijoritarji stabbiliti fl-Artikolu 2 fuq bażi regolari, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3.

1.   Il-Kummissjoni, appoġġata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, għandha tivvaluta u tirrapporta dwar il-progress tal-Unjoni u tal-Istati Membri fir-rigward tal-kisba tal-objettivi prijoritarji stabbiliti fl-Artikolu 2 fuq bażi regolari, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3.

2.   Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tirrifletti l-aħħar żviluppi fir-rigward tad-disponibbiltà u r-rilevanza tad-data u l-indikaturi, abbażi tad-data disponibbli fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk imħaddma mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u s-Sistema Statistika Ewropea. Din il-valutazzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-oqfsa u l-eżerċizzji eżistenti ta’ monitoraġġ, rapportar u governanza li jkopru l-politika ambjentali u klimatika.

2.   Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tirrifletti l-aħħar żviluppi fir-rigward tad-disponibbiltà u r-rilevanza tad-data u l-indikaturi, abbażi tad-data disponibbli fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk imħaddma mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u s-Sistema Statistika Ewropea. Din il-valutazzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-oqfsa u l-eżerċizzji eżistenti ta’ monitoraġġ, rapportar u governanza li jkopru l-politika ambjentali u klimatika.

3.   L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għandhom jappoġġaw lill-Kummissjoni fit-titjib tad-disponibbiltà u r-rilevanza tad-data u l-għarfien, b’mod partikolari billi jwettqu dan li ġej:

3.   L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għandhom jappoġġaw lill-Kummissjoni fit-titjib tad-disponibbiltà u r-rilevanza tad-data u l-għarfien, b’mod partikolari billi jwettqu dan li ġej:

(a)

il-ġbir, l-ipproċessar u r-rapportar ta’ evidenza u data b’għodod diġitali moderni;

(a)

il-ġbir, l-ipproċessar u r-rapportar ta’ evidenza u data b’għodod diġitali moderni;

(b)

il-ħidma lejn l-għeluq tal-lakuni rilevanti fid-data tal-monitoraġġ;

(b)

il-ħidma lejn l-għeluq tal-lakuni rilevanti fid-data tal-monitoraġġ;

(c)

it-twassil ta’ analiżi rilevanti għall-politika u sistemika, u l-kontribuzzjoni għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-politika fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali;

(c)

it-twassil ta’ analiżi rilevanti għall-politika u sistemika, u l-kontribuzzjoni għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-politika fil-livell tal-Unjoni, dak nazzjonali , dak reġjonali u dak lokali ;

(d)

l-integrazzjoni tad-data dwar l-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi, u l-isfruttar sħiħ ta’ data disponibbli oħra, bħal dik mogħtija minn Copernicus;

(d)

l-integrazzjoni tad-data dwar l-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi, u l-isfruttar sħiħ ta’ data disponibbli oħra, bħal dik mogħtija minn Copernicus;

(e)

it-titjib ulterjuri tal-aċċess għad-data permezz tal-programmi tal-Unjoni;

(e)

it-titjib ulterjuri tal-aċċess għad-data permezz tal-programmi tal-Unjoni;

(f)

l-iżgurar tat-trasparenza u tar-responsabbiltà;

(f)

it-titjib tad-disponibbiltà u l-interoperabbiltà tad-data fil-livelli lokali u reġjonali;

(g)

l-għajnuna lis-soċjetà ċivili, lill-awtoritajiet pubbliċi, liċ-ċittadini, lis-sħab soċjali u lis-settur privat biex jidentifikaw ir-riskji klimatiċi u ambjentali u jieħdu azzjoni biex jipprevjenu, jimmitigaw u jadattaw ruħhom għalihom, u jrawmu l-involviment tagħhom biex jagħlqu d-diskrepanzi fl-għarfien.

(g)

l-iżgurar tat-trasparenza u tar-responsabbiltà;

 

(h)

l-għajnuna lis-soċjetà ċivili, lill-awtoritajiet pubbliċi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali , liċ-ċittadini, lis-sħab soċjali u lis-settur privat biex jidentifikaw ir-riskji klimatiċi u ambjentali u jieħdu azzjoni biex jipprevjenu, jimmitigaw u jadattaw ruħhom għalihom, u jrawmu l-involviment tagħhom biex jagħlqu d-diskrepanzi fl-għarfien.

(i)

it-trawwim ta’ rabtiet ambjentali pożittivi bejn iż-żoni urbani, periurbani u rurali, f’konformità mal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli Nru 11: Bliet u Komunitajiet Sostenibbli

4.   Il-Kummissjoni għandha teżamina regolarment il-ħtiġijiet tad-data u l-għarfien fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, inkluża l-kapaċità tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi li jwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafu 3.

4.   Il-Kummissjoni għandha teżamina regolarment il-ħtiġijiet tad-data u l-għarfien fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali u, fejn ikun meħtieġ, fil-livell reġjonali u lokali , inkluża l-kapaċità tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi li jwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafu 3.

Raġuni

L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-politika ambjentali fil-prattika. Il-ħolqien ta’ qafas ġdid ta’ monitoraġġ għandu jqis dawn il-livelli u jipprovdi wkoll data bil-għan li tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni fil-komunitajiet lokali u reġjonali.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ t-Tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (it-Tmien EAP), li jiddefinixxi approċċ strateġiku għall-politiki ambjentali u klimatiċi sal-2030 u jżomm viżjoni fit-tul għall-2050 biex “Ngħixu tajjeb, fi ħdan il-limiti planetarji”, b’enfasi fuq implimentazzjoni u monitoraġġ aħjar;

2.

jitlob li t-Tmien EAP ikollu rwol komplementari b’saħħtu għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u jappoġġja l-irkupru ekoloġiku tal-UE permezz tal-orjentazzjoni fit-tul u l-objettivi ta’ prijorità ambjentali tiegħu;

3.

iħeġġeġ li ma jiġi stabbilit l-ebda preċedent għall-programmi futuri ta’ Azzjoni Ambjentali minħabba l-fatt li t-8 EAP, għall-kuntrarju ta’ programmi preċedenti bħal dawn, ma jinkludi l-ebda miżura; jissottolinja li l-Patt Ekoloġiku, validu sal-2030, jipprevedi miżuri relatati mal-għanijiet prijoritarji tat-8 EAP sal-2024 biss; f’dan ir-rigward, jitlob kjarifika fit-Tmien EAP ta’ kif, fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tiegħu, għandhom jiġu stabbiliti miżuri ġodda biex jintlaħqu l-għanijiet prijoritarji tiegħu;

4.

jilqa’ l-fatt li t-Tmien EAP identifika implimentazzjoni aktar effettiva u effiċjenti bħala prijorità ewlenija. Għalhekk jappella li jkun hemm strumenti u riżorsi adegwati, kif ukoll approċċi innovattivi li jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jipprovdu soluzzjonijiet imfassla apposta biex itejbu l-implimentazzjoni tal-politiki ambjentali fil-prattika;

5.

jenfasizza li problemi tal-implimentazzjoni ma jistgħux jissolvew b’aktar leġiżlazzjoni biss. Huma meħtieġa wkoll mekkaniżmi ta’ appoġġ, approċċi ġodda u l-innovazzjoni biex jintlaħqu l-valuri u l-istandards fil-mira.

6.

jenfasizza r-rwol pożittiv tal-Pjattaforma Teknika għall-Kooperazzjoni dwar l-Ambjent bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u li l-inklużjoni tagħha fis-Seba’ EAP poġġietha fuq bażi soda fit-tul; jistieden lit-Tmien EAP biex ikompli jsaħħaħ il-Pjattaforma Teknika għall-Kooperazzjoni dwar l-Ambjent stabbilita mill-Kummissjoni ENVE u d-DĠ Ambjent biex jitrawwem djalogu, u tinġabar informazzjoni dwar l-isfidi u s-soluzzjonijiet lokali u reġjonali fl-applikazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE;

7.

jitlob li tissaħħaħ il-bażi tal-għarfien ambjentali, jiġi sfruttat il-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali u tad-data u jiżdied l-użu ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-innovazzjoni soċjali biex tittejjeb l-implimentazzjoni;

8.

jenfasizza li l-politika ambjentali tradizzjonali u settorjali hija fil-biċċa l-kbira ineffettiva. Għalhekk it-Tmien EAP, sabiex isaħħaħ il-politika ambjentali, għandu jistabbilixxi approċċ integrat, jindirizza n-natura multidimensjonali tal-isfidi ambjentali, joħloq sinerġiji u jevita diskrepanzi bejn:

(a)

l-ambizzjoni, il-kronoloġija, il-proċeduri ta’ implimentazzjoni u l-għodod għal politiki differenti dwar l-ambjent, l-enerġija u l-klima;

(b)

l-ambizzjoni u l-kronoloġija tal-valuri ta’ limitu tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u dawk tal-politiki bbażati fuq is-sors;

9.

jirrimarka d-diskrepanza bejn l-adozzjoni tat-Tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027 u jtenni li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-EAPs futuri għandu jkun allinjat mal-iskeda ta’ żmien tal-QFP;

10.

jinnota li l-ġbir, l-ipproċessar u l-isfruttament effettivi tad-data dwar l-istat tal-ambjent huma essenzjali sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti. Madankollu, il-prattiki għadhom ivarjaw ħafna, u ħafna drabi huma rudimentali b’ħafna mill-ħidma titwettaq mill-bnedmin, speċjalment fil-livell lokali u reġjonali. Il-KtR għalhekk jenfasizza l-ħtieġa għal attivitajiet ta’ żvilupp u investimenti madwar l-UE kollha, li permezz tagħhom l-ipproċessar tad-data meħtieġ jista’ jitwettaq b’mod uniformi, filwaqt li tiġi enfasizzata l-kompatibbiltà u l-użu ta’ flussi awtomatizzati ta’ data u interfaċċi miftuħa;

11.

iqis li l-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara”, apparti li huwa approċċ għal għajxien b’saħħtu, għandu jiggwida l-pjani ta’ rkupru u reżiljenza biex jiġu żgurati l-integrazzjoni u l-koerenza tal-politika;

12.

jappella għall-integrazzjoni sħiħa tal-politiki ambjentali u klimatiċi, u politiki li jippermettu ekonomija ċirkolari, fl-azzjonijiet baġitarji, ekonomiċi u soċjali tal-UE u jfakkar li l-isforzi ta’ rkupru ekoloġiku għandhom iqisu d-disparitajiet u l-isfidi territorjali u jiżguraw li l-ebda komunità ma titħalla tibqa’ lura.

13.

itenni l-appell tiegħu għal approċċ olistiku bbażat fuq il-post jew orjentat lejn iż-żona bħala l-aħjar mod kif l-għajxien b’saħħtu jsir realtà għal kulħadd b’konformità mal-karatteristiċi speċifiċi tal-post jew żona kkonċernata, inkluża d-diversità bijokulturali;

14.

jilqa’ l-impenn għal strateġija ta’ rkupru bbażata fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew u jtenni l-pożizzjoni tiegħu li l-isfidi ambjentali, klimatiċi u ta’ tranżizzjoni jirrikjedu investimenti ekoloġiċi u blu sinifikanti u innovazzjoni fil-livelli kollha ta’ governanza;

15.

jappella għal investimenti ambizzjużi f’setturi ekoloġiċi ewlenin (eż. proġetti tal-enerġija rinnovabbli, l-ekonomija ċirkolari, bidla lejn modi tat-trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent) meħtieġa biex tinbena r-reżiljenza u jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi f’soċjetà ġusta, inklużiva u sostenibbli bbażata fuq is-solidarjetà, u jenfasizza t-tipoloġiji multipli ta’ benefiċċji maħluqa minnhom għall-ekonomija u s-saħħa u l-benesseri tan-nies. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jista’ jkollhom rwol importanti fl-irkupru u għandhom ikunu involuti fl-ippjanar u l-eżekuzzjoni ta’ dawk l-investimenti meta jkun adatt;

16.

jirrimarka li l-gvernijiet lokali u reġjonali għandhom rwol kruċjali x’jaqdu biex jinvolvu liċ-ċittadini, in-negozji, iċ-ċentri ta’ riċerka, il-qasam akkademiku u l-partijiet interessati lokali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki ambjentali;

17.

jappella għal qafas ta’ governanza f’diversi livelli li jiffunzjona tajjeb u jħeġġeġ lil-livelli kollha ta’ governanza biex jippromovu l-kooperazzjoni transamministrattiva, interreġjonali, intermuniċipali u transkonfinali biex jiġi implimentat it-Tmien EAP;

18.

jirrimarka li hemm bżonn ta’ aktar riċerka, data u għarfien biex jiġu indirizzati sfidi ambjentali speċifiċi u jinħatfu opportunitajiet f’tipi differenti ta’ komunitajiet lokali u reġjonali, filwaqt li jitqiesu d-depopolazzjoni rurali, it-tixjiħ tal-popolazzjoni u d-distakki bejn ir-reġjuni, u jenfasizza l-ħtieġa li din id-data u dan l-għarfien għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku u aċċessibbli faċilment;

19.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ aktar data lokali, inkluża dik miġbura direttament minn ċittadini jew korpi privati li jiżviluppaw proġetti ekoloġiċi (eż. ħamrija, ilma, osservazzjoni tal-għasafar, ħabitats, eċċ.), u jappella għal kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex tinkiseb data lokali, li hija meħtieġa għall-implimentazzjoni aħjar tal-EAP;

20.

jappoġġja l-ħolqien ta’ qafas ġdid ta’ monitoraġġ b’kunsiderazzjoni xierqa tal-oqfsa eżistenti bħar-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali. Jirrakkomanda li l-KtR u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fil-proċess ta’ konsultazzjoni biex jiddefinixxu l-indikaturi ewlenin biex jiġi żgurat li d-dimensjoni lokali u reġjonali tiġi kkunsidrata b’mod adegwat;

21.

jitlob li jsiru sforzi kontinwi biex jissaħħaħ il-monitoraġġ ambjentali (eż. il-bijodiversità, it-tniġġis żero, ambjent ħieles minn sustanzi tossiċi, ekonomija ċirkolari riveduta), li jorbtuh ma’ għodod ta’ monitoraġġ trasversali (eż. SDGs, dashboard tar-reżiljenza, eċċ.) u jiġu stabbiliti indikaturi ewlenin (eż. Ekonomija Ċirkolari, Klima u Enerġija, Ambjent ħieles minn sustanzi tossiċi, Bijodiversità, Tniġġis Żero, Pressjonijiet, Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali — indikaturi ta’ implimentazzjoni, eċċ.) ibbażati fuq prinċipji ġenerali, bħall-assigurazzjoni tal-kwalità, il-bilanċ, l-applikabbiltà, il-prijoritizzazzjoni, il-flessibbiltà, il-kronoloġija u l-perjodiċità;

22.

jitlob li l-qafas il-ġdid ta’ monitoraġġ jibni kemm jista’ jkun fuq għodod u indikaturi ta’ monitoraġġ eżistenti użati fil-politika ambjentali u l-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika, u biex dan jiġbor flimkien ir-rekwiżiti ta’ rappurtar tekniku, sabiex id-duplikazzjoni tax-xogħol tkun tista’ tiġi evitata kull fejn ikun possibbli u l-piż amministrattiv ikun limitat;

23.

jirrimarka li l-implimentazzjoni tat-Tmien EAP tista’ tiġi aċċellerata permezz ta’ inizjattivi bħall-Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi jew is-Sena Ewropea tal-Bliet Aktar Ekoloġiċi fl-2022, l-aġenda urbana kif ukoll permezz ta’ azzjonijiet volontarji bħall-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija u l-Osservatorju tal-Mobilità Urbana u li, għalhekk, dawn għandhom jiġu promossi aktar;

24.

jappoġġja sforzi akbar fl-edukazzjoni ambjentali u fi proġetti taż-żgħażagħ biex ikun hemm aktar għarfien dwar l-ambjent;

25.

jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni sħiħa ta’ ħafna politiki ambjentali tista’ tinkiseb biss bl-involviment sħiħ taċ-ċittadini fl-azzjonijiet ta’ kuljum;

26.

jirrikonoxxi li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-interrelazzjonijiet bejn iż-żoni urbani u l-atturi rurali, u lill-fatt li tipoloġiji ġeografiċi bħal żoni muntanjużi, gżejjer, żoni kostali, reġjuni ultraperiferiċi eċċ. għandhom potenzjal inkredibbli għall-iżvilupp ta’ investimenti ekoloġiċi (eż. proġetti tal-enerġija rinnovabbli);

27.

jiġbed l-attenzjoni għall-impenji li saru mir-reġjuni vulnerabbli, inklużi r-reġjuni b’użu intensiv tal-faħam u tal-karbonju, kif ukoll ir-reġjuni ultraperiferiċi li għandhom l-għan li jiksbu d-dekarbonizzazzjoni sal-2040, għalhekk jappella li jiġu appoġġjati l-isforzi ta’ dawn ir-reġjuni biex jaċċelleraw l-istrateġiji tagħhom ta’ bidla globali, u b’hekk ikunu jistgħu jsiru laboratorji u banek ta’ ttestjar għad-diffikultajiet li jeħtieġ jiġu indirizzati sabiex jintlaħqu l-objettivi f’dan il-qasam;

28.

jaqbel mal-premessa 19 tal-proposta tal-EAP li tiddikjara li l-objettivi tagħha ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom. Il-proposta, kif inhi, jidher li ma tqajjem l-ebda kwistjoni dwar il-konformità tagħha mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Lanqas ma tqajjem xi kwistjoni dwar il-konformità tagħha mal-prinċipju tal-proporzjonalità;

29.

jappoġġja t-tisħiħ tas-sistema tal-UE ta’ aċċess għall-ġustizzja u jilqa’ l-bidliet proposti fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus (1); jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ is-sistema tal-UE dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tippromovi djalogu mal-KtR u l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiġi żgurat li l-komunitajiet lokali jkollhom aċċess għal mezzi adatti għall-aċċess għall-ġustizzja u jkunu jistgħu jikkontribwixxu bis-sħiħ għat-titjib tal-implimentazzjoni tal-politika ambjentali tal-UE.

30.

jipproponi li tiġi vvalutata l-possibbiltà li jiġi stabbilit network ta’ “ambaxxaturi” fi ħdan il-Pjattaforma Teknika għall-Kooperazzjoni dwar l-Ambjent biex tiġi promossa l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali fil-livelli kollha ta’ governanza, f’forma li tkun kompatibbli u komplementari mal-isforzi eżistenti bħall-għodda bejn il-pari, jiġifieri l-istrument ta’ Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni (TAIEX), ir-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR), il-Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi u l-proċess Bijoġeografiku tan-Natura 2000.

Brussell, il-5 ta’ Frar 2021.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  Testi u aktar informazzjoni disponibbli fl-istqarrija għall-istampa li ġejja https://ec.europa.eu/environment/news/commission-proposes-improve-public-scrutiny-eu-acts-related-environment-2020-10-14_mt