18.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 440/160


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan ta’ rkupru għall-Ewropa li jindirizza l-pandemija tal-COVID-19: Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u Strument ta’ Appoġġ Tekniku

(2020/C 440/24)

Relatur Ġenerali:

Christophe ROUILLON (FR/PES), Sindku ta’ Coulaines

Dokumenti ta’ referenza:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Faċilità għall-Irkupru u għar-Reżiljenza

COM(2020) 408 final

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku

COM(2020) 409 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Faċilità għall-Irkupru u għar-Reżiljenza

Emenda 1

COM(2020) 408 final – Premessa 3

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Fil-livell tal-Unjoni, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (“is-Semestru Ewropew”), inkluż il- prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, huwa l-qafas li jidentifika l-prijoritajiet ta’ riformi nazzjonali u li jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom. L-Istati Membri jiżviluppaw l-istrateġiji ta’ investiment pluriennali nazzjonali tagħhom stess b’appoġġ għal dawk ir-riformi. Dawk l-istrateġiji jenħtieġ jiġu ppreżentati flimkien mal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma annwali bħala mod li jippreżenta u jikkoordina l-proġetti ta’ investiment ta’ prijorità li jridu s-sostenn tal-finanzjament nazzjonali u/jew tal-Unjoni.

Fil-livell tal-Unjoni, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (“is-Semestru Ewropew”), li jintegra l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u l- prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, huwa l-qafas li jidentifika l-prijoritajiet ta’ riformi nazzjonali u reġjonali u li jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom, permezz ta’ indikaturi nazzjonali u reġjonali ċari . L-Istati Membri , f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali skont il-kompetenzi tagħhom u fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tat-territorji differenti li jirrappreżentaw, jiżviluppaw l-istrateġiji ta’ investiment pluriennali nazzjonali tagħhom stess b’appoġġ għal dawk ir-riformi. Dawk l-istrateġiji , żviluppati fi sħubija mal-awtoritajiet reġjonli u lokali abbażi ta’ kodiċi ta’ kondotta li jispeċifika linji gwida f’termini ta’ governanza tajba għall-programmazzjoni tal-pjanijiet ta’ rkupru u tal-proġetti, jenħtieġ jiġu ppreżentati flimkien mal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma annwali bħala mod li jippreżenta u jikkoordina l-proġetti ta’ investiment ta’ prijorità li jridu s-sostenn tal-finanzjament nazzjonali u/jew tal-Unjoni. Fil-qafas ta’ dawn l-istrateġiji, jinħtieġ ukoll li l-fondi tal-UE jintużaw b’mod aktar koerenti u li jiġi mmassimizzat il-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju pprovdut b’mod partikolari mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, mill-Fond għall-Irkupru u mill-Programm InvestEU.

Raġuni

Il-kontenut ta’ dan il-paragrafu jeħtieġ li jiġi armonizzat ma’ dak inkluż fil-Proposta għal Regolament u l-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-Programm InvestEU, b’mod partikolari fir-riward tar-rikonoxximent tar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew u l-koerenza fl-użu ta’ fondi u strumenti tal-Unjoni. Jenħtieġ ukoll li jiġi mfakkar li s-Semestru għandu jintegra l-SDGs.

Emenda 2

COM(2020) 408 final – Premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

It-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 fil-bidu tas-sena 2020 biddlet il-prospetti ekonomiċi għas-snin li ġejjin fl-Unjoni u fid-dinja, u teħtieġ rispons urġenti u kkoordinat mill-Unjoni sabiex tlaħħaq mal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali enormi għall-Istati Membri kollha. […] Ir- riformi u l-investimenti biex jiġu indirizzati d- dgħufijiet strutturali tal-ekonomiji u tissaħħaħ ir- reżiljenza tagħhom għalhekk se jkunu essenzjali biex l-ekonomiji jirritornaw għal perkors ta’ rkupru sostenibbli u tiġi evitata żieda fid-diverġenzi fl-Unjoni.

It-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 fil-bidu tas-sena 2020 biddlet il-prospetti ekonomiċi u soċjali għas-snin li ġejjin fl-Unjoni u fid-dinja, u teħtieġ rispons urġenti u kkoordinat mill-Unjoni sabiex tlaħħaq mal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali enormi għall-Istati Membri kollha fejn l-impatt tagħha jvarja b’mod konsiderevoli minn reġjun għal ieħor . […] L-appoġġ tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tar- riformi u l-investimenti fl-Istati Membri li jwettqu l-objettivi tal-Unjoni Ewropea, li jindirizzaw id- dgħufijiet strutturali tal-ekonomiji , li jsaħħu r- reżiljenza tagħhom u li jikkontribwixxu għal mudell ekonomiku konformi mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u mal-Patt Ekoloġiku Ewropew għalhekk se jkun essenzjali biex l-ekonomiji jirritornaw għal perkors ta’ rkupru sostenibbli u inklużiv, biex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u biex tiġi evitata żieda fid-diverġenzi fl-Unjoni.

Raġuni

Il-Proposta għal Regolament għandha l-Artikolu 175 (3) tat-TFUE bħala l-bażi legali, u għalhekk huwa essenzjali li l-koeżjoni tkun rikonoxxuta b’mod ċar fl-għanijiet tagħha.

Emenda 3

COM(2020) 408 final – Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

L-implimentazzjoni tar-riformi li jikkontribwixxu għall-kisba ta’ livell għoli ta’ reżiljenza tal-ekonomiji domestiċi, isaħħu l-kapaċità ta’ aġġustament u jisfruttaw il-potenzjal tat-tkabbir huma fost il-prijoritajiet ta’ politika tal-Unjoni. Għaldaqstant, dawn huma kruċjali biex l-irkupru jsegwi perkors sostenibbli u jappoġġjaw il-proċess ta’ konverġenza ekonomika u soċjali ’l fuq. Dan huwa saħansitra aktar meħtieġ wara l-kriżi tal-pandemija biex inwittu t-triq għal irkupru rapidu.

 

Raġuni

Premessa żejda fid-dawl ta’ dik preċedenti.

Emenda 4

COM(2020) 408 final – Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

L-esperjenzi tal-passat urew li l-investiment spiss jitnaqqas b’mod drastiku waqt il-kriżijiet. Madankollu, huwa essenzjali li f’din is-sitwazzjoni partikolari jiġi sostnut l-investiment biex jiġi aċċellerat l-irkupru u jissaħħaħ il-potenzjal tat-tkabbir fit-tul. L-investiment f’teknoloġiji, kapaċitajiet u proċessi ekoloġiċi u diġitali, li għandhom l-għan li jassistu fit- tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u jtejbu l- effiċjenza fl-enerġija fis-settur tal-abitazzjoni u f’setturi ewlenin oħrajn tal-ekonomija huwa importanti biex jinkiseb it-tkabbir sostenibbli u jinħolqu l-impjiegi . B’hekk l-Unjoni se ssir ukoll iktar reżiljenti u inqas dipendenti billi tiddiversifika l-katini ewlenin tal-provvista.

L-esperjenzi tal-passat urew li l-investiment , inkluża l-parti l-kbira tal-investiment pubbliku magħmul mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, spiss jitnaqqas b’mod drastiku waqt il-kriżijiet u dan jaggrava l-effett negattiv fuq l-iżvilupp ekonomiku u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali . Madankollu, sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, tkabbir sostenibbli u inklużiv, jissaħħu l-infrastrutturi tas-servizzi essenzjali għall-popolazzjoni u jingħata kontribut għall-ħolqien tal-impjiegi, huwa essenzjali l-irkupru tal- investiment fi proġetti bbażati fuq l-iżvilupp sostenibbli, it-titjib tal-kwalità tal-ħajja u l-edukazzjoni, l-ekonomija tal-għarfien u l-appoġġ għat- tranżizzjoni diġitali u dik lejn enerġija nadifa , inkluż billi tissaħħaħ l-effiċjenza fl-enerġija fis-settur tal-abitazzjoni. Dawn l-investimenti se jgħinu wkoll biex l-Unjoni ssir iktar reżiljenti u inqas dipendenti billi tiddiversifika l-katini ewlenin tal-provvista.

Raġuni

L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għal aktar minn nofs l-investiment pubbliku fl-UE u huma partikolarment milquta mit-tnaqqis fl-investiment fi żminijiet ta’ kriżi. Jidher li huwa importanti wkoll li jitfakkru l-konsegwenzi negattivi ta’ dan in-nuqqas ta’ investiment.

Emenda 5

COM(2020) 408 final – Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Fil-preżent ma jeżistix strument li jipprovdi appoġġ finanzjarju dirett b’rabta mal-ksib tar-riżultati u mal-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investiment pubbliku tal-Istati Membri b’rispons għall-isfidi identifikati fis-Semestru Ewropew, u bil-għan li jkun hemm impatt dewwiem fuq il-produttività u r-reżiljenza tal-ekonomija tal-Istati Membri.

 

Raġuni

Din id-dikjarazzjoni jaf tiġi kkontestata b’mod partikolari fid-dawl tar-rwol li għandhom il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej biex jiġu indirizzati l-problemi identifikati fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

Emenda 6

COM(2020) 408 final – Premessa 8

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

F’dan l-isfond, huwa meħtieġ li jissaħħaħ il-qafas attwali għall-għoti ta’ appoġġ lill-Istati Membri u jingħata appoġġ finanzjarju dirett lill-Istati Membri permezz ta’ għodda innovattiva. Għal dan il-għan jenħtieġ li tiġi stabbilita Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (il-“Faċilità”) fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, biex tipprovdi appoġġ finanzjarju sinifikanti u effettiv biex tiżdied l-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investiment pubbliku relatat fl-Istati Membri. Il-Faċilità jenħtieġ li tkun komprensiva u jenħtieġ li tibbenefika wkoll mill-esperjenza miksuba mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri mill-użu ta’ strumenti u programmi oħra.

F’dan l-isfond, huwa meħtieġ li jissaħħaħ il-qafas attwali għall-għoti ta’ appoġġ lill-Istati Membri u jingħata appoġġ finanzjarju dirett lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz ta’ għodda innovattiva. Għal dan il-għan jenħtieġ li jiġi stabbilit Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza (il-“Fond”) fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, biex jipprovdi appoġġ finanzjarju sinifikanti u biżżejjed biex tiżdied l-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investiment pubbliku relatat fl-Istati Membri u fl-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’mod partikolari bl-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija l-ġdida għat-tkabbir sostenibbli fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif ukoll li jiġi żgurat li l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom il-kapaċità meħtieġa għal rispons koordinat permezz ta’ finanzjament biex jiġi stabbilit monitoraġġ reġjonali jew lokali .

Raġuni

It-terminu “Faċilità” jidher li huwa teknokratiku wisq u ma jirriflettix biżżejjed ir-realtajiet tat-territorji. Barra minn hekk, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għal aktar minn nofs l-investiment pubbliku fl-UE. Huma wkoll atturi ewlenin għall-koeżjoni, biex jintlaħqu l-SDGs, u għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Dawn għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-mekkaniżmu. In-natura potenzjalment “kumplessiva” tal-“Faċilità” teħtieġ tiġi ċċarata.

Emenda 7

COM(2020) 408 final – Premessa 11

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Fid-dawl tal-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala l-istrateġija tat-tkabbir sostenibbli tal-Ewropa u t-twettiq tal-impenji tal-Unjoni biex timplimenta il-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Faċilità stabbilita b’dan ir-Regolament se tikkontribwixxi biex jiġu integrati l-azzjonijiet klimatiċi u s-sostenibbiltà ambjentali u biex tinkiseb il-mira ġenerali li 25 % tan-nefqa tal-baġit tal-UE tkun tappoġġa objettivi klimatiċi.

Fid-dawl tal-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala l-istrateġija tat-tkabbir sostenibbli tal-Ewropa u t-twettiq tal-impenji tal-Unjoni biex timplimenta il-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Fond stabbilit b’dan ir-Regolament se jikkontribwixxi biex jiġu integrati l-azzjonijiet klimatiċi u s-sostenibbiltà ambjentali u biex tinkiseb il-mira ġenerali li mill-inqas 30 % tan-nefqa tal-baġit tal-UE tkun tappoġġa objettivi klimatiċi. Billi l-kontribuzzjoni potenzjali ta’ ċerti politiki tal-UE għal din il-mira hija stmata għolja żżejjed (1), il-Fond għandu jikkumpensa għal dan id-defiċit billi jalloka mill-inqas 40 % tal-infiq tiegħu għall-azzjoni klimatika.

Raġuni

Hawnhekk l-għan huwa li tiġi affermata l-pożizzjoni tal-KtR adottata f’Ottubru 2019 fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 kif ukoll fl-Opinjoni dwar il-QFP ippreżentata f’Ottubru 2018 mis-Sur Dobroslavić (PPE/HR).

Emenda 8

COM(2020) 408 final – Premessa 13

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri li jorbtu l-Faċilità mal-governanza ekonomika tajba, bil-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni uniformi, jenħtieġ li l-Kunsill jingħata s-setgħa li jissospendi, fuq proposta mill-Kummissjoni u permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-perjodu għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar proposti ta’ pjanijiet tal-irkupru u tar-reżiljenza, u li jissospendi l-pagamenti fil-qafas ta’ din il-Faċilità f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità serju b’rabta mal-każijiet rilevanti relatati mal-proċess ta’ governanza ekonomika stipulat fir-Regolament (UE) Nru XXX/XX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [CPR] (…). Jenħtieġ li l-Kunsill jingħata wkoll is-setgħa li jirrevoka dawk is-sospensjonijiet permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, fuq proposta mill-Kummissjoni, b’rabta mal-istess każijiet rilevanti.

 

Emenda 9

COM(2020) 408 final – Premessa 14

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Jenħtieġ li l-objettiv ġenerali tal- Faċilità jkun il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Għal dan il-għan, jenħtieġ li ttejjeb ir- reżiljenza u l-kapaċità ta’ aġġustament tal-Istati Membri, timmitiga l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżi, u tappoġġa t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali li l-għan tagħhom hu li sal-2050 tinkiseb Ewropa newtrali għall-klima, biex b’hekk jerġa’ jinkiseb il-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomiji tal-Unjoni wara l-kriżi, trawwem il-ħolqien tal-impjiegi u  tippromwovi t-tkabbir sostenibbli.

Jenħtieġ li l-objettiv ġenerali tal- Fond ikun il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jtejjeb il-kapaċità tar- reżiljenza tal-Istati Membri u tat-territorji kollha fl-Unjoni Ewropea kollha , jimmitiga l-impatti soċjali u ekonomiku tal-kriżi, li mhumiex l-istess la fost l-Istati Membri u lanqas fi ħdan kull wieħed minnhom, u jappoġġja t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali li l-għan tagħhom hu li sal-2030 jintlaħqu l-SDGs u sal-2050 tinkiseb Ewropa newtrali għall-klima, biex b’hekk jerġa’ jinkiseb il-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomiji tal-Unjoni wara l-kriżi, jitrawwem il-ħolqien tal-impjiegi u  jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli.

Emenda 10

COM(2020) 408 final – Premessa 16

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Sabiex tkun żgurata l-kontribuzzjoni tiegħu għall-objettivi tal-Faċilità, jenħtieġ li l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jkun jinkludi miżuri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta’ investiment pubbliku permezz ta’ pjan koerenti għall-irkupru u r-reżiljenza. Jenħtieġ li l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jkun konsistenti mal-isfidi u mal-prijoritajiet speċifiċi għall-pajjiż kif identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, mal-programmi nazzjonali ta’ riforma, mal-pjanijiet nazzjonali tal-enerġija u tal-klima, mal-pjanijiet ta’ tranżizzjoni ġusta, kif ukoll mal-ftehimiet ta’ sħubija u mal-programmi operazzjonali adottati fil-qafas tal-fondi tal-Unjoni. Sabiex tingħata spinta lill-azzjonijiet li jaqgħu fil-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Aġenda Diġitali, jenħtieġ li l-pjan jistabbilixxi wkoll miżuri li huma rilevanti għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Jenħtieġ li bil-miżuri jkun possibbli t-twettiq rapidu tal-miri, tal-objettivi u tal-kontribuzzjonijiet stabbiliti fil-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima u fl-aġġornamenti tagħhom . L-attivitajiet appoġġati kollha jenħtieġ li jiġu segwiti b’rispett sħiħ tal-prijoritajiet klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni.

Sabiex tkun żgurata l-kontribuzzjoni tiegħu għall-objettivi tal-Faċilità, jenħtieġ li l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jkun jinkludi miżuri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta’ investiment pubbliku permezz ta’ pjan koerenti , rilevanti, effettiv u effiċjenti għall-irkupru u r-reżiljenza. Jenħtieġ li l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jkun konsistenti mal-isfidi u mal-prijoritajiet speċifiċi għall-pajjiż kif identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, mal-programmi nazzjonali ta’ riforma, mal-pjanijiet nazzjonali tal-enerġija u tal-klima, mal-pjanijiet ta’ tranżizzjoni ġusta, kif ukoll mal-ftehimiet ta’ sħubija u mal-programmi operazzjonali adottati fil-qafas tal-fondi tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom ikunu konsistenti mal-prinċipju tal-valur miżjud Ewropew. Sabiex tingħata spinta lill-azzjonijiet li jaqgħu fil-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, tal-Aġenda Diġitali, tal-istrateġija Industrijali u dik tal-SMEs, l-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet, il-Garanzija għat-Tfal u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, jenħtieġ li l-pjan jistabbilixxi wkoll miżuri li huma rilevanti għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. L-attivitajiet appoġġati kollha jenħtieġ li jiġu segwiti b’rispett sħiħ tal-prijoritajiet klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni. Mill-inqas 40 % tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza jenħtieġ li jkunu ddedikati għall-integrazzjoni tal-azzjonijiet klimatiċi u tal-bijodiversità u tal-objettivi tas-sostenibbiltà ambjentali.

Emenda 11

COM(2020) 408 final – Premessa 18

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Għall-finijiet ta’ informazzjoni għat-tħejjija u għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet tal-irkupru u tar-reżiljenza mill-Istati Membri, jenħtieġ li l-Kunsill ikun jista’ jiddiskuti , fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, l-istat tal-irkupru , tar-reżiljenza u tal-kapaċità ta’ aġġustament fl-Unjoni. Sabiex tkun żgurata evidenza xierqa, jenħtieġ li din id-diskussjoni tkun ibbażata fuq l-informazzjoni strateġika u analitika tal-Kummissjoni disponibbli fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u , meta tkun disponibbli, fuq il-bażi tal-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet fis-snin preċedenti.

Għall-finijiet ta’ informazzjoni għat-tħejjija u għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet tal-irkupru mill-Istati Membri, jenħtieġ li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew ikunu jistgħu jiddeċiedu bħala partijiet ugwali , fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, l-istat tal-irkupru u tal-kapaċità tar-reżiljenza fl-Unjoni. Jenħtieġ li din id-deċiżjoni tkun ibbażata fuq l-informazzjoni strateġika u analitika ppreżentata mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u fuq il-bażi tal-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet fis-snin preċedenti , u b’mod partikolari abbażi ta’ sett ta’ indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi dwar l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli . Din id-deċiżjoni għandha tittieħed ukoll billi jiġi involut il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fid-definizzjoni tal-qafas Ewropew għall-pjanijiet ta’ rkupru u fil-korpi ta’ monitoraġġ dwar il-konformità mas-Semestru Ewropew, u billi l-Kumitat jingħata mandat biex iwettaq valutazzjoni kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni territorjali tal-pjanijiet ta’ rkupru.

Emenda 12

COM(2020) 408 final – Premessa 21

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Sabiex tiġi żgurata s-sjieda nazzjonali u enfasi fuq ir-riformi u l-investimenti rilevanti, jenħtieġ li l-Istati Membri li jixtiequ jirċievu appoġġ jippreżentaw lill-Kummissjoni pjan għall-irkupru u r-reżiljenza li jkun debitament motivat u sostanzjat. Jenħtieġ li l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jistabbilixxi l-ġabra dettaljata ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tiegħu, inklużi l-miri u l-istadji importanti, u l-impatt mistenni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza fuq il-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u r-reżiljenza ekonomika u soċjali; jenħtieġ li jkun jinkludi wkoll miżuri li huma rilevanti għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali; jenħtieġ li jkun jinkludi wkoll spjegazzjoni tal-konsistenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza propost mal-isfidi u l-prijoritajiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Jenħtieġ li titfittex u tinkiseb kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri matul il-proċess kollu.

Sabiex tiġi żgurata s-sjieda nazzjonali u enfasi fuq ir-riformi u l-investimenti rilevanti, jenħtieġ li l-Istati Membri li jixtiequ jirċievu appoġġ jippreżentaw lill-Kummissjoni pjan għall-irkupru li jkun debitament motivat u sostanzjat. F’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tas-sħubija, il-pjan għall-irkupru għandu jiġi stabbilit f’kooperazzjoni mill-qrib u b’mod strutturat mal-awtoritajiet lokali u reġjonali peress li, kif definit fid-dritt nazzjonali, ir-riformi u l-investimenti li għandhom jiġu sostnuti huma fil-kompetenzi tagħhom. Jenħtieġ li l-pjan għall-irkupru jistabbilixxi l-ġabra dettaljata ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tiegħu, inklużi l-miri u l-istadji importanti, u l-impatt mistenni tal-pjan għall-irkupru fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, il-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u r-reżiljenza ekonomika u soċjali; jenħtieġ li jkun jinkludi wkoll miżuri li huma rilevanti għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali; jenħtieġ li jkun jinkludi wkoll spjegazzjoni tal-konsistenza tal-pjan għall-irkupru propost mal-isfidi u l-prijoritajiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Jenħtieġ li titfittex u tinkiseb kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri , il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali matul il-proċess kollu.

Raġuni

L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kompetenzi politiċi u responsabbiltajiet finanzjarji ewlenin biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Fond (koeżjoni, żvilupp sostenibbli, eċċ.) u għalhekk huwa essenzjali li l-pjani għall-irkupru jiġu definiti f’kooperazzjoni mill-qrib u b’mod strutturat magħhom. Dan ma japplikax biss għal-leġittimità u l-ekwità tal-istrument, iżda wkoll għall-effettività tiegħu. Il-bażi ġuridika tal-istrument teħtieġ ukoll li l-pjani jirriflettu l-impatt tal-koeżjoni tal-miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati.

Emenda 13

COM(2020) 408 final – Premessa 33

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Għal monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jirrapportaw kull tliet xhur fil-proċess tas-Semestru Ewropew dwar il-progress li jkun sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Tali rapporti mħejjija mill-Istati Membri kkonċernati jenħtieġ li jkunu riflessi b’mod xieraq fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, li għandhom jintużaw bħala għodda għar-rapportar dwar il-progress lejn it-tlestija tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza .

Għal monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jirrapportaw kull sitt xhur dwar il-progress li jkun sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru. Tali rapporti mħejjija mill-Istati Membri kkonċernati jenħtieġ li jkunu riflessi fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, li għandhom jintużaw bħala għodda għar-rapportar dwar il-progress lejn it-tlestija tal-pjanijiet għall-irkupru.

Raġuni

Rapporti kull tliet xhur jistgħu jitqiesu bħala piż burokratiku żejjed.

Emenda 14

COM(2020) 408 final – Premessa 37

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Huwa opportun li l-Kummissjoni tipprovdi rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità stipulata f’dan ir-Regolament. Dan ir-rapport jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dwar il-progress li sar mill-Istati Membri skont il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza approvati ; jenħtieġ li tinkludi wkoll informazzjoni dwar il-volum tar-rikavati assenjati lill-Faċilità mill-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru fis-sena preċedenti, imqassma skont il-linja baġitarja, u l-kontribuzzjoni tal-ammonti miġbura permezz tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru għall-kisbiet tal-objettivi tal-Faċilità.

Huwa opportun li l-Kummissjoni tipprovdi rapport annwali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill , lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità stipulata f’dan ir-Regolament. Dan ir-rapport jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dwar il-progress li sar mill-Istati Membri skont il-pjanijiet għall-irkupru u evalwazzjoni tal-implimentazzjoni territorjali ta’ dawn il-pjanijiet fir-reġjuni ; jenħtieġ li tinkludi wkoll informazzjoni dwar il-volum tar-rikavati assenjati lill-Faċilità mill-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru fis-sena preċedenti, imqassma skont il-linja baġitarja, u l-kontribuzzjoni tal-ammonti miġbura permezz tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru għall-kisbiet tal-objettivi tal-Faċilità.

Emenda 15

COM(2020) 408 final – Artikolu 1

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Dan ir-Regolament jistabbilixxi Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (il-“Faċilità”) . […]

Dan ir-Regolament jistabbilixxi Fond għall-Irkupru (il-“Fond”) . […]

Raġuni

F’konformità mal-emenda għall-premessa 8, it-terminu “Faċilità” jidher wisq teknokratiku u jista’ jinftiehem ħażin fir-rigward tal-fatt li l-fond huwa bbażat fuq għotjiet u self.

Emenda 16

COM(2020) 408 final – Artikolu 2

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Definizzjonijiet

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“Fondi tal-Unjoni” tfisser il-fondi koperti mir-Regolament (UE) YYY/XX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [is-suċċessur CPR];

1.

“Fondi tal-Unjoni” tfisser il-fondi koperti mir-Regolament (UE) YYY/XX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [is-suċċessur CPR];

2.

“Kontribuzzjoni finanzjarja” tfisser appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli disponibbli għall-allokazzjoni jew allokat lill-Istati Membri fil-Faċilità; kif ukoll

2.

“Kontribuzzjoni finanzjarja” tfisser appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli disponibbli għall-allokazzjoni jew allokat lill-Istati Membri fil-Faċilità;

3.

“Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika” (minn hawn ’il quddiem is-“Semestru Ewropew”) tfisser il-proċess stabbilit mill-Artikolu 2-a tarRegolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997.

3.

“Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika” (minn hawn ’il quddiem is-“Semestru Ewropew”) tfisser il-proċess stabbilit mill-Artikolu 2-a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997.

 

4.

“Riformi” eliġibbli għal appoġġ mill-Fond tfisser dawk li:

(i)

jimplimentaw l-objettivi tat-Trattat tal-UE,

(ii)

jikkontribwixxu għall-konverġenza u t-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali, inkluża l-mitigazzjoni tal-limitazzjonijiet territorjali strutturali, fl-ispirtu tal-bażi ġuridika tar-Regolament, l-Artikolu 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

(iii)

ikollhom il-kapaċità li jilliberaw l-investiment pubbliku u jistimolaw tkabbir sostenibbli u inklużiv fit-tul f’koerenza mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

 

5.

Il-konformità mal-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti” tfisser li toqgħod lura milli tappoġġja jew twettaq attivitajiet ekonomiċi li jagħmlu ħsara sinifikanti lill-objettivi ambjentali skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 (ir-Regolament dwar it-Tassonomija).

 

6.

Is-“salvagwardji minimi” tfisser proċeduri definiti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2020/852 (ir-Regolament dwar it-Tassonomija).

Raġuni

Hawnhekk l-għan huwa li tiġi affermata definizzjoni diġà proposta fil-qafas tal-Opinjoni tal-KtR dwar “Il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi u l-Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti” (ECON-VI/037), adottata fil-5 ta’ Diċembru 2018.

Emenda 17

COM(2020) 408 final – Artikolu 4(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Sabiex jinkiseb dak l-objettiv ġenerali, l-objettiv speċifiku tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandu jkun li tipprovdi lill-Istati Membri b’appoġġ finanzjarju bil-ħsieb li jinkisbu l-istadji importanti u l-miri tar-riformi u l-investimenti kif stabbilit fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza . Dan l-objettiv speċifiku għandu jiġi segwit f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati.

Sabiex jinkiseb dak l-objettiv ġenerali, l-objettiv speċifiku tal-Fond għall-Irkupru għandu jkun li jipprovdi lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali b’appoġġ finanzjarju bil-ħsieb li jinkisbu l-istadji importanti u l-miri tar-riformi u l-investimenti kif stabbilit fil-pjanijiet għall-irkupru. Dan l-objettiv speċifiku għandu jiġi segwit f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati.

Emenda 18

COM(2020) 408 final – Artikolu 5(1)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament [EURI] għandhom jiġu implimentati b’ din il-Faċilità :

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament [EURI] għandhom jiġu implimentati b’ dan il-Fond :

(a)

bl-ammont ta’ EUR 334 950 000 000 imsemmi fil-punt (ii) tal-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament [EURI] fi prezzijiet kurrenti , disponibbli għal appoġġ mhux ripagabbli, soġġett għall-Artikolu 4(4) u (8) tar-Regolament [EURI]. Dawn l-ammonti għandhom jikkostitwixxu fi dħul assenjat estern f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.

(a)

bl-ammont ta’ EUR 360 000 000 000 imsemmi fil-punt (ii) tal-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament [EURI] fi prezzijiet tal-2018 , disponibbli għal appoġġ mhux ripagabbli, soġġett għall-Artikolu 4(4) u (8) tar-Regolament [EURI]. Dawn l-ammonti għandhom jikkostitwixxu fi dħul assenjat estern f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.

(b)

permezz tal-ammont ta’ EUR 267 955 000 000 imsemmi fl-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament [EURI] fi prezzijiet kurrenti , disponibbli għall-appoġġ tas-self lill-Istati Membri skont l-Artikoli 12 u 13, soġġett għall-Artikolu 4(5) tar-Regolament [EURI].

(b)

permezz tal-ammont ta’ EUR 312 500 000 000 imsemmi fl-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament [EURI] fi prezzijiet tal-2018 , disponibbli għall-appoġġ tas-self lill-Istati Membri skont l-Artikoli 12 u 13, soġġett għall-Artikolu 4(5) tar-Regolament [EURI].

Raġuni

Aġġornament fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17-21 ta’ Lulju 2020.

Emenda 19

COM(2020) 408 final – Artikolu 6

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Riżorsi mill-programmi b’ġestjoni kondiviża

Jekk jitolbu dan, ir-riżorsi allokati għall-Istati Membri b’ġestjoni kondiviża jistgħu jiġu trasferiti għall-Faċilità. Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawk ir-riżorsi b’mod dirett f’konformità mal-Artikolu 62(1)(a) tar-Regolament Finanzjarju. Dawn ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istati Membru kkonċernat.

 

Raġuni

Din l-opzjoni li r-riżorsi jiġu ttrasferiti lill-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment fiha r-riskju li toħloq riċentralizzazzjoni u tikkomprometti l-ġestjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment, li jiffunzjonaw skont il-prinċipju tas-sħubija.

Emenda 20

COM(2020) 408 final – Artikolu 9

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

 

Miżuri li jorbtu l-Faċilità mal-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt.

1.     Fil-każ ta’ nuqqas ġeneralizzat fir-rigward tal-istat tad-dritt fi Stat Membru li jaffettwa l-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament […/….] dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni permezz ta’ att implimentat biex tissospendi l-perjodu ta’ żmien għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 17(1) u 17(2) jew biex tissospendi l-pagamenti taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Id-Deċiżjoni li tissospendi l-pagamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika għal applikazzjonijiet għal pagament ippreżentati wara d-data tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni.

Is-sospensjoni tal-perjodu taż-żmien imsemmi fl-Artikolu 17 għandha tapplika mill-jum wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1. F’każ ta’ sospensjoni tal-pagamenti, għandu japplika l-Artikolu 4(3) tar-Regolament […/….] dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri.

2.     Fil-każ ta’ valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament […/….] dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni biex tneħħi s-sospensjoni tal-perjodu ta’ żmien jew tal-pagamenti msemmija fil-paragrafu preċedenti.

Il-proċeduri jew il-pagamenti rilevanti għandhom jerġgħu jibdew mill-jum wara t-tneħħija tas-sospensjoni.

3.     Meta l-Istat Membru inkwistjoni juża b’mod mhux adatt il-fondi allokati jew fil-każ ta’ inadempjenza tal-istat tad-dritt, l-azzjonijiet immirati lejn il-livell reġjonali u lokali li jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati dawn il-problemi, se jkompli jibbenefikaw mill-Faċilità.

Emenda 21

COM(2020) 408 final – Artikolu 10

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Kontribuzzjoni finanzjarja massima

Kontribuzzjoni finanzjarja massima

Kontribuzzjoni finanzjarja massima għandha tiġi kkalkulata għal kull Stat Membru għall-allokazzjoni tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 5(1)(a), bl-użu tal-metodoloġija stabbilita fl-Anness I, ibbażata fuq il-popolazzjoni, l-invers tal- Prodott Domestiku Gross (PDG) per capita u r-rata ta’ qgħad relattiva ta’ kull Stat Membru.

Kontribuzzjoni finanzjarja massima għandha tiġi kkalkulata għal kull Stat Membru għall-allokazzjoni matul il-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2022 tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 5(1)(a), bl-użu tal-metodoloġija stabbilita fl-Anness I, ibbażata fuq il-popolazzjoni u l-impatt negattiv li l-kriżi tas-saħħa kellha fuq il- Prodott Domestiku Gross (PDG) per capita u r-rata ta’ qgħad ta’ kull Stat Membru.

Emenda 22

COM(2020) 408 final – Artikolu 11

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Allokazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja

Allokazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja

1.   Għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli allokazzjoni ta’ EUR 334 950 000 000 , imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 5(1). Kull Stat Membru jista’ jippreżenta talbiet sal-kontribuzzjoni finanzjarja massima tiegħu, imsemmija fl-Artikolu 10, biex jimplimenta l-pjanijiet ta’ rkupru u ta’ reżiljenza tiegħu.

1.   Għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli allokazzjoni ta’ EUR 252 000 000 000 , imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 5(1). Kull Stat Membru jista’ jippreżenta talbiet sal-kontribuzzjoni finanzjarja massima tiegħu, imsemmija fl-Artikolu 10, biex jimplimenta l-pjanijiet ta’ rkupru tiegħu.

2.   Għal perjodu li jibda mill-31 ta’ Diċembru 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2024, jekk ir-riżorsi finanzjarji jkunu disponibbli, il-Kummissjoni tista’ torganizza sejħiet f’konformità mal-kalendarju tas-Semestru Ewropew . Għal dan il-għan, għandha tippubblika kalendarju indikattiv tas-sejħiet li għandhom jiġu organizzati f’dak il-perjodu, u għandha tindika, f’kull sejħa, l-ammont disponibbli għall-allokazzjoni. Kull Stat Membru jista’ jipproponi li jirċievi sa ammont massimu li jikkorrispondi għas-sehem ta’ allokazzjoni tiegħu mill-ammont disponibbli għall-allokazzjoni, kif imsemmi fl-Anness I, biex jimplimenta l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

2.   Għal perjodu li jibda mill-31 ta’ Diċembru 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2024, sal-15 ta’ Ġunju 2022 il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tal-metodu definit fl-Anness I biex jintlaħaq ftehim dwar id-distribuzzjoni ta’ EUR 108 000 000 000 li għadhom disponibbli u biex jiġi integrat l-impatt territorjali, ekonomiku u soċjali tal-pandemija matul il-perjodu 2020-2021 abbażi ta’ data statistika kkonsolidata .

Raġuni

L-impenn tar-riżorsi, jekk ikun għad hemm disponibbli, m’għandux isir abbażi ta’ “sejħa għall-offerti” iżda abbażi ta’ data statistika fattwali matul il-perjodu 2020-2021.

Emenda 23

COM(2020) 408 final – Artikolu 14(1)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Skont l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4, l-Istati Membri għandhom iħejju pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. Dawn il-pjanijiet għandhom jistabbilixxu l-aġenda ta’ riforma u investiment tal-Istat Membru kkonċernat għall-erba’ snin sussegwenti. Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza eliġibbli għall-finanzjament taħt dan l-istrument għandhom jinkludu miżuri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta’ investiment pubbliku permezz ta’ pakkett koerenti.

Skont l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4, l-Istati Membri għandhom iħejju pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. Dawn il-pjanijiet għandhom jistabbilixxu l-aġenda ta’ riforma u investiment tal-Istat Membru kkonċernat għall-erba’ snin sussegwenti. Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza eliġibbli għall-finanzjament taħt dan l-istrument għandhom jinkludu miżuri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta’ investiment pubbliku permezz ta’ pakkett koerenti. Għat-tħejjija tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku skont ir-Regolament XX/YYYY [li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku]. Miżuri li bdew mill-1 ta’ Frar 2020 relatati mal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 ’il quddiem għandhom ikunu eliġibbli. B’konsistenza mal-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala l-istrateġija tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u t-traduzzjoni tal-impenji tal-Unjoni biex timplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, mill-inqas 40 % tal-ammont ta’ kull Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza għandu jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-azzjonijiet klimatiċi u tal-bijodiversità u tal-objettivi tas-sostenibbiltà ambjentali. Permezz ta’ att delegat, il-Kummissjoni se tadotta l-metodoloġija rilevanti biex tgħin lill-Istati Membri jissodisfaw dak ir-rekwiżit.

B’konsistenza mal-karattru orjentat lejn il-futur tal-istrument ta’ rkupru Next Generation EU u b’għarfien tal-importanza tal-Aġenda għall-Ħiliet Diġitali, il-Garanzija għat-Tfal u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex iż-żgħażagħ tal-lum ma jitħallewx isiru “l-ġenerazzjoni tal-lockdown”, kull pjan ta’ rkupru u reżiljenza għandu jikkontribwixxi biex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ ħsara fit-tul għall-prospetti tas-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ u għall-benesseri ġenerali tagħhom permezz ta’ soluzzjonijiet komprensivi ta’ impjieg, edukazzjoni u ħiliet u risponsi mmirati lejn iż-żgħażagħ.

Emenda 24

COM(2020) 408 final – Artikolu 15(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ppreżentat mill-Istat Membru kkonċernat għandu jikkostitwixxi f’anness mal-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tiegħu u għandu jiġi ppreżentat uffiċjalment mhux aktar tard mit-30 ta’ April. Jista’ jiġi ppreżentat abbozz ta’ pjan minn Stat Membru li jibda mill-15 ta’ Ottubru tas-sena ta’ qabel, flimkien mal-abbozz tal-baġit tas-sena sussegwenti.

Il-pjan għall-irkupru ppreżentat mill-Istat Membru kkonċernat għandu jiġi ppreżentat uffiċjalment mhux aktar tard mit-30 ta’ April.

Raġuni

L-iskadenzi fil-qafas tas-Semestru Ewropew jagħmluha diffiċli biex jiġu annessi tali pjani għall-irkupru u r-reżiljenza u aktar diffiċli għal “prenotifika” tagħhom aktar minn sitt xhur bil-quddiem. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn flessibbiltà u adattabbiltà akbar biex jippreżentaw il-pjani tagħhom.

Emenda 25

COM(2020) 408 final – Artikolu 15(3)(c)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għandu jkun dovutament motivat u sostanzjat. B’mod partikolari għandu jistabbilixxi l-elementi li ġejjin:

(…)

Il-pjan għall-irkupru għandu jkun dovutament motivat u sostanzjat. B’mod partikolari għandu jistabbilixxi l-elementi li ġejjin:

(…)

(c)

spjegazzjoni ta’ kif il-miżuri fil-pjan mistennija jikkontribwixxu għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jew għall-isfidi li jirriżultaw minnhom;

(c)

spjegazzjoni ta’ kif il-miżuri fil-pjan jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u kif huma mistennija jikkontribwixxu għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jew għall-isfidi li jirriżultaw minnhom;

Emenda 26

COM(2020) 408 final – Artikolu 15(3)(d) (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

 

(d)

spjegazzjoni dettaljata ta’ kif il-miżuri huma mistennija li jiżguraw li mill-inqas 40 % tal-ammont mitlub għall-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tal-azzjonijiet klimatiċi u tal-bijodiversità u l-objettivi tas-sostenibbiltà ambjentali abbażi tal-metodoloġija pprovduta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14(1);

Emenda 27

COM(2020) 408 final – Artikolu 15(4)(ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

 

Fit-tfassil tal-proposti tagħhom tal-pjan għall-irkupru, u peress li r-riformi u l-investimenti li għandhom jiġu sostnuti huma fil-kompetenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif definiti mill-qafas legali nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni strutturata mal-awtoritajiet lokali u reġjonali mmirat lejn il-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fit-tfassil tal-pjanijiet u f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dwar dan fil-pjanijiet għall-irkupru.

Raġuni

Ara l-emenda għall-premessa 21.

Emenda 28

COM(2020) 408 final – Artikolu 16(3)(b)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-importanza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u l-kontribut tagħha għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għal dan il-għan, għandha tqis il-kriterji li ġejjin:

(…)

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-importanza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u l-kontribut tagħha għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għal dan il-għan, għandha tqis il-kriterji li ġejjin:

(…)

(b)

jekk il-pjan jinkludix miżuri li effettivament jikkontribwixxu għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnhom;

(b)

jekk il-pjan jinkludix miżuri li effettivament jikkontribwixxu għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali , biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnhom;

Emenda 29

COM(2020) 408 final – Artikolu 20

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Artikolu 20

Rappurtar mill-Istat Membru fis-Semestru Ewropew

Artikolu 20

Rappurtar mill-Istat Membru fis-Semestru Ewropew

L-Istat Membru kkonċernat għandu jirrapporta kull tliet xhur fil-proċess tas-Semestru Ewropew dwar il-progress li jkun sar fil-kisba tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza , inkluż l-arranġament operazzjonali msemmi fl-Artikolu 17(6). Għal dan il-għan, ir-rapporti ta’ kull tliet xhur tal-Istati Membri għandhom jiġu riflessi b’mod xieraq fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, li għandhom jintużaw bħala għodda għar-rappurtar dwar il-progress lejn it-tlestija tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza .

L-Istat Membru kkonċernat għandu jirrapporta kull sitt xhur dwar il-progress li jkun sar fil-kisba tal-pjanijiet għall-irkupru, inkluż l-arranġament operazzjonali msemmi fl-Artikolu 17(6). Għal dan il-għan, ir-rapporti tal-Istati Membri għandhom jiġu riflessi b’mod xieraq fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, li għandhom jintużaw bħala għodda għar-rappurtar dwar il-progress lejn it-tlestija tal-pjanijiet għall-irkupru.

Raġuni

Ara l-emenda għall-Premessa 33.

Emenda 30

COM(2020) 408 final – Artikolu 22 (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

 

Pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza

1.     Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi tabella ta’ valutazzjoni għall-irkupru u r-reżiljenza (it-Tabella ta’ Valutazzjoni”) li turi l-istatus tal-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti miftiehma permezz tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ kull Stat Membru.

2.     It-Tabella ta’ Valutazzjoni għandha tinkludi indikaturi ewlenin, bħal indikaturi soċjali, ekonomiċi u ambjentali, li jevalwaw il-progress irreġistrat mill-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza f’kull wieħed mill-oqsma ta’ politika prijoritarja li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll sommarju tal-proċess ta’ monitoraġġ fir-rigward tal-konformità mal-ishma minimi tan-nefqa fuq il-klima u objettivi ambjentali oħrajn.

3.     It-Tabella ta’ Valutazzjoni għandha tindika l-livell ta’ twettiq tal-istadji importanti rilevanti tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, u tindika n-nuqqasijiet identifikati fl-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet rispettivi.

4.     It-Tabella ta’ Valutazzjoni għandha tiġbor ukoll fil-qosor ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin indirizzati lill-Istati Membri fir-rigward tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.

5.     It-Tabella ta’ Valutazzjoni għandha sservi bħala bażi għal skambju permanenti tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri li jimmaterjalizza fil-forma ta’ djalogu strutturat organizzat fuq bażi regolari.

6.     It-Tabella ta’ Valutazzjoni għandha tiġi aġġornata b’mod kostanti u għandha tkun disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-Kummissjoni. Għandha tindika l-istatus tat-talbiet għall-ħlas, il-pagamenti, is-sospensjonijiet u l-kanċellazzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji.

7.     Il-Kummissjoni għandha tippreżenta t-Tabella ta’ Valutazzjoni f’seduta ta’ smigħ organizzata mill-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew.

Raġuni

Għandu jkun possibbli li l-effettività tal-miżuri tkun tista’ titkejjel u tkun trasparenti.

Proposta għal Regolament li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku

Emenda 31

COM(2020) 409 final – premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Fil-livell tal-Unjoni, is-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika huwa l-qafas biex jiġu identifikati l-prijoritajiet nazzjonali ta’ riforma u biex jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom. L-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji ta’ investiment multiannwali nazzjonali tagħhom stess b’sostenn għal dawn il-prijoritajiet tar-riforma. Dawk l-istrateġiji huma ppreżentati flimkien mal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma annwali bħala mod biex jippreżentaw u jikkoordinaw prijoritajie biex jiġu appoġġati minn finanzjament nazzjonali u/jew tal-Unjoni. Jenħtieġ li jservu wkoll biex il-finanzjament tal-Unjoni jintuża b’mod koerenti u biex jiġi massimizzat il-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jasal, b’mod partikolari mill-programmi appoġġati mill-Unjoni permezz tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni, u minn programmi oħra.

Fil-livell tal-Unjoni, is-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (“is-Semestru Ewropew”), li jinkludi l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u li jintegra l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), huwa l-qafas biex jiġu identifikati l-prijoritajiet nazzjonali ta’ riforma u biex jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom. L-Istati Membri , f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali skont il-kompetenzi tagħhom, jiżviluppaw strateġiji ta’ investiment multiannwali nazzjonali tagħhom stess b’sostenn għal dawn il-prijoritajiet tar-riforma. Dawk l-istrateġiji huma ppreżentati flimkien mal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma annwali bħala mod biex jippreżentaw u jikkoordinaw prijoritajie biex jiġu appoġġati minn finanzjament nazzjonali u/jew tal-Unjoni. Jenħtieġ li jservu wkoll biex il-finanzjament tal-Unjoni jintuża b’mod koerenti u biex jiġi massimizzat il-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jasal, b’mod partikolari mill-programmi appoġġati mill-Unjoni permezz tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni , il-Fond għall-Irkupru u l-Programm InvestEU , u minn programmi oħra.

Raġuni

Il-kontenut ta’ dan il-paragrafu jenħtieġ li jiġi armonizzat ma’ dak inkluż fil-Proposta għal Regolament u l-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-Programm InvestEU, u mal-proposta rigward il-“Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza”, li tinkludi r-rikonoxximent tar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew. Jenħtieġ ukoll li jiġi mfakkar li s-Semestru għandu jintegra l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

Emenda 32

COM(2020) 409 final – premessa 8

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

L-objettiv ġenerali tal-istrument ta’ appoġġ tekniku jenħtieġ li jkun li jippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni billi jappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex jimplimentaw riformi meħtieġa biex jintlaħaq l-irkupru ekonomiku u soċjali, ir-reżiljenza u l-konverġenza. Għal dan l-iskop, jenħtieġ li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri biex jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-isfidi ffaċċjati mill-istituzzjonijiet, mill-governanza, mill-amministrazzjoni pubblika, u mis-setturi ekonomiċi u soċjali.

L-objettiv ġenerali tal-istrument ta’ appoġġ tekniku jenħtieġ li jkun li jippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni billi jappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jimplimentaw riformi meħtieġa biex jintlaħaq l-irkupru ekonomiku u soċjali, ir-reżiljenza u l-konverġenza. Għal dan l-iskop, jenħtieġ li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-isfidi ffaċċjati mill-istituzzjonijiet, mill-governanza, mill-amministrazzjoni pubblika, u mis-setturi ekonomiċi u soċjali.

Raġuni

Jenħtieġ li tiġi żgurata konsistenza mal-Artikoli 2 u 4 tal-Proposta għal Regolament li jistabbilixxu li l-istrument għandu l-għan li jappoġġja l-awtoritajiet pubbliċi kollha tal-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ parti importanti mil-liġi tal-Unjoni, kif ukoll ta’ aktar minn nofs l-investiment pubbliku u terz tan-nefqa pubblika kollha kemm hi.

Emenda 33

COM(2020) 409 final – premessa 10

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Bil-ħsieb li l-Istati Membri jiġu megħjuna jindirizzaw il-ħtiġijiet tar-riformi fl-oqsma kollha ekonomiċi u soċjetali essenzjali, jenħtieġ li jissokta l-appoġġ tekniku pprovdut mill-Kummissjoni, fuq talba minn Stat Membru, f’firxa wiesgħa ta’ oqsma politiċi, li jinkludu oqsma relatati mal-ġestjoni tal-finanzi u tal-assi pubbliċi, ir-riforma istituzzjonali u amministrattiva, l-ambjent tan-negozju, is-settur finanzjarju, is-swieq tal-prodotti, tas-servizzi u tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-iżvilupp sostenibbli, is-saħħa pubblika u l-benessri soċjali. Jenħtieġ li tingħata enfasi speċifika lill-azzjonijiet li jrawmu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Jenħtieġ li jissokta l-appoġġ tekniku pprovdut mill-Kummissjoni, fuq talba minn awtorità nazzjonali, fl-oqsma meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-objettivi tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u relatati mal-ġestjoni tal-finanzi u tal-assi pubbliċi, ir-riforma istituzzjonali u amministrattiva, l-ambjent tan-negozju, is-settur finanzjarju, is-swieq tal-prodotti lokali , tas-servizzi u tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-iżvilupp sostenibbli, is-saħħa pubblika, il-benessri soċjali u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri . Jenħtieġ li tingħata enfasi speċifika lill-azzjonijiet li jrawmu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali , b’attenzjoni speċifika biex jitnaqqas id-distakk diġitali li jaffettwa lin-nisa .

Raġuni

Konsistenza mal-emendi leġiżlattivi għall-Artikoli 2 u 4. Ara l-emenda għall-premessa 8.

Emenda 34

COM(2020) 409 final – Artikolu 2(1)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)   “appoġġ tekniku” tfisser miżuri li jgħinu lill- Istati Membri jwettqu riformi istituzzjonali, amministrattivi u  li jsostnu t-tkabbir u jtejbu r-reżiljenza;

(1)   “appoġġ tekniku” tfisser miżuri li jgħinu lill- awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jwettqu riformi istituzzjonali u amministrattivi u  riformi li aktarx joħolqu tkabbir sostenibbli, koeżjoni u reżiljenza; Sabiex ikunu eliġibbli għall-użu tal-istrument ta’ appoġġ tekniku, dawn ir-riformi għandhom jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

(i)

ikunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-objettivi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

(ii)

jikkontribwixxu għall-konverġenza u t-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali fl-ispirtu tal-bażi ġuridika tar-Regolament, l-Artikolu 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);u

(iii)

ikollhom il-kapaċità li jilliberaw l-investiment u jistimolaw it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fit-tul f’koerenza mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli;

Raġuni

Konsistenza mal-Artikolu 2(2) u mal-Artikolu 4 fir-rigward tad-destinatarji tal-istrument, u mal-Artikoli 3, 4 u 5 fir-rigward tal-objettiv tar-riformi.

Emenda 35

COM(2020) 409 final – Artikolu 3

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

L-objettiv ġenerali tal-istrument għandu jkun li jippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni billi jappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex jimplimentaw ir-riformi meħtieġa biex jiksbu l-irkupru ekonomiku u soċjali, ir-reżiljenza u l-konverġenza, u billi jappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex isaħħu l-kapaċità amministrattiva tagħhom li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-isfidi li jikkonfrontaw l-istituzzjonijiet, il-governanza, l-amministrazzjoni pubblika, u s-setturi ekonomiċi u soċjali.

L-objettiv ġenerali tal-istrument għandu jkun li jippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni billi jappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jimplimentaw ir-riformi meħtieġa biex jiksbu l-irkupru ekonomiku u soċjali, ir-reżiljenza u l-konverġenza, u billi jappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex isaħħu l-kapaċità amministrattiva tagħhom li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-isfidi li jikkonfrontaw l-istituzzjonijiet, il-governanza, l-amministrazzjoni pubblika, u s-setturi ekonomiċi u soċjali.

Emenda 36

COM(2020) 409 final – Artikolu 5(e)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

il-politiki għall-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika, is-soluzzjonijiet tal-gvern elettroniku, l-akkwist elettroniku, il-konnettività, l-aċċess għad-data u l-governanza, it-tagħlim online, l-użu ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq l-Intelliġenza Artifiċjali, il-pilastru ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni ambjentali, l-azzjoni klimatika, il-mobbiltà, il-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari, l-effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi, is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, il-ksib tad-diversifikazzjoni tal-enerġija u l-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija, u għas-settur agrikolu, il-protezzjoni tal-ħamrija u tal-bijodiversità, is-sajd u l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali;

il-politiki għall-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika, is-soluzzjonijiet tal-gvern elettroniku, l-akkwist elettroniku, il-konnettività, l-aċċess għad-data u l-governanza, it-tagħlim online, l-użu ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq l-Intelliġenza Artifiċjali, il-pilastru ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni ambjentali, l-azzjoni klimatika, il-mobbiltà, il-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari, iċ-ċiklu sħiħ tal-ilma, l-effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi, is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, il-ksib tad-diversifikazzjoni tal-enerġija u l-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija, u għas-settur agrikolu, il-protezzjoni tal-ħamrija u tal-bijodiversità, is-sajd u l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali;

Raġuni

Is-settur tal-ilma huwa ta’ importanza strateġika fundamentali għall-benesseri taċ-ċittadini u l-ekonomija tal-Ewropa, peress li huwa riżorsa essenzjali, kif ukoll settur ekonomiku li jiġġenera impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità għolja. L-użu ta’ enerġiji rinnovabbli huwa għan ewlieni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Emenda 37

COM(2020) 409 final – Artikolu 8

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

1.    Stat Membru li jkun jixtieq jirċievi appoġġ tekniku skont dan l-istrument għandu jippreżenta talba għal appoġġ tekniku lill-Kummissjoni, u  jidentifika l-oqsma ta’ politika u l-prijoritajiet għall-appoġġ fl-ambitu kif stabbilit fl-Artikolu 5. Dawn it-talbiet għandhom jiġu ppreżentati sal-31 ta’ Ottubru ta’ sena kalendarja. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi gwida dwar l-elementi ewlenin li għandhom jiġu inklużi fit-talba għal sostenn.

1.    Kull awtorità nazzjonali, reġjonali jew lokali li tkun tixtieq tirċievi appoġġ tekniku skont dan l-istrument għandha tippreżenta talba għal appoġġ tekniku lill-Kummissjoni, u  tidentifika l-oqsma ta’ politika u l-prijoritajiet għall-appoġġ fl-ambitu kif stabbilit fl-Artikolu 5. Dawn it-talbiet għandhom jiġu ppreżentati sal-31 ta’ Ottubru ta’ sena kalendarja. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi gwida dwar l-elementi ewlenin li għandhom jiġu inklużi fit-talba għal sostenn.

2.    L-Istati Membri jistgħu jippreżentaw talba għal appoġġ tekniku fiċ-ċirkostanzi segwenti marbuta ma’:

2.    L-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali jistgħu jippreżentaw talba għal appoġġ tekniku fiċ-ċirkostanzi segwenti marbuta ma’:

(a)

l-implimentazzjoni tar-riformi mill- Istati Membri , imwettqa fuq inizjattiva proprja, b’mod partikolari b’sostenn għall-irkupru [f’konformità mar-Regolament (UE) Nru YYY/XX], biex jinkiseb tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi u tissaħħaħ ir-reżiljenza;

(…)

(a)

l-implimentazzjoni tar-riformi mill- awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali imwettqa fuq inizjattiva proprja, b’mod partikolari b’sostenn għall-irkupru [f’konformità mar-Regolament (UE) Nru YYY/XX], biex jinkiseb tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi u tissaħħaħ ir-reżiljenza;

(…)

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Dwar is-suġġett tal-hekk imsejħa “Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza”,

1.

jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-volum baġitarju ta’ dan l-istrument ġdid ta’ EUR 360 biljun f’għotjiet u EUR 312,5-il biljun f’self, sa tmiem l-2024 se jipprovdi reazzjoni makroekonomika li tikkorrispondi mar-reċessjoni fl-2020, l-aktar waħda qawwija li l-Unjoni qatt rat fl-istorja tagħha, bi tnaqqis ta’ 8,3 % fil-PDG (1). Il-KtR jappoġġja wkoll il-bilanċ li ntlaħaq fil-proposta bejn l-għotjiet u s-self. Ir-riskju li wieħed jerġa’ jara d-diverġenzi soċjoekonomiċi jiżdiedu jiġġustifika l-adozzjoni u l-implimentazzjoni rapidi tal-“pjan ta’ rkupru għall-Ewropa” u tal-baġit tal-UE ta’ wara l-2020 fil-ħarifa tal-2020;

2.

filwaqt li jenfasizza li l-bażi ġuridika tal-Proposta (l-Artikolu 175 tat-TFUE) tirrigwarda l-objettiv ta’ koeżjoni, il-KtR huwa mħasseb dwar id-dimensjoni territorjali dgħajfa tal-Proposta tal-Kummissjoni, peress li r-riperkussjonijiet soċjali u ekonomiċi tal-kriżi tal-coronavirus mhumiex l-istess fost l-Istati Membri u fost it-territorji tagħhom: l-ewwel nett minħabba li l-impatt fuq is-saħħa u l-bniedem huwa reġjonalizzat b’mod qawwi, u l-kapaċitajiet tal-kura u tas-saħħa mhumiex mifruxin b’mod uniformi; it-tieni minħabba li l-miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-coronavirus ivarjaw ukoll fid-durata u r-rigorożità skont is-sitwazzjoni reġjonali tas-saħħa; u t-tielet minħabba li ċerti setturi ekonomiċi huma affettwati b’mod sproporzjonat, u l-impatt soċjoekonomiku fil-livell lokali u reġjonali għalhekk jiddependi mis-setturi tal-attività prinċipali, il-kompożizzjoni tal-impjieg, u l-esponiment għal ktajjen tal-valur globali ta’ kull territorju. Mingħajr azzjonijiet ta’ mitigazzjoni speċifiċi, il-kriżi tal-coronavirus x’aktarx se toħloq jew tħarrax id-diverġenzi reġjonali fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom. Il-koeżjoni u s-solidarjetà għandhom ikunu fuq quddiem nett tal-prijoritajiet ta’ investiment tagħna;

3.

iwissi li s-Semestru Ewropew bħala mekkaniżmu għall-governanza tal-Fond (imsejjaħ “Faċilità”) għadu eżerċizzju minn fuq għal isfel u ċentralizzat, li mhuwiex adatt bħala għodda mfassla biex issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; għalhekk itenni l-proposta tiegħu għal kodiċi ta’ kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew (2). Dan il-kodiċi huwa urġenti u neċessarju aktar minn qatt qabel biex is-Semestru jkun aktar trasparenti, inklużiv u demokratiku, iżda wkoll aktar effettiv bl-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

4.

jirrikonoxxi li l-miżuri speċifiċi ta’ rkupru tal-istument ‘Next Generation EU jirrappreżentaw opportunità għar-reġjuni kollha, speċjalment dawk l-aktar milquta mill-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, biex jippromovu l-immodernizzar tal-mudelli ekonomiċi tagħhom u jagħmluhom aktar produttivi u reżiljenti. Jinnota b’dispjaċir, madankollu, li l-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni propost għall-ewwel segment ta’ 70 % tal-impenji, fil-forma ta’ trasferimenti mill-Fond ta’ Rkupru, huwa bbażat fuq indikaturi soċjoekonomiċi li jirreferu għas-sitwazzjoni ta’ qabel il-kriżi tas-saħħa, u ma jqisx l-impatt li ħalliet din il-pandemija fuqhom, peress li sa mill-bidu, l-effetti ekonomiċi li rriżultaw mill-pandemija mhumiex mifruxin l-istess fost ir-reġjuni;

5.

jirrimarka li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku qed iseħħ fi żmien meta ħafna setturi industrijali ewlenin diġà qed jiffaċċjaw sfidi kbar minħabba t-trasformazzjoni diġitali u ambjentali. Sabiex timmaniġġja din il-bidla, l-UE m’għandhiex taqa’ lura fil-kompetizzjoni globali għall-innovazzjoni. Dan jirrikjedi investiment sostanzjali fir-riċerka u l-iżvilupp u fl-akkwist u t-titjib tal-ħiliet; il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandha tintuża wkoll biex tagħmel dan l-investiment possibbli;

6.

jinsisti għalhekk li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu involuti fl-iżvilupp ta’ pjani għall-irkupru permezz ta’ kooperazzjoni strutturata mal-Istati Membri, peress li r-riformi u l-investimenti li għandhom jiġu sostnuti huma fil-kompetenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u f’konformità mal-qafas legali nazzjonali għat-tqassim tas-setgħat bejn il-livelli governattivi. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fil-ħarifa tal-2020, f’konsultazzjoni mal-KtR, tippreżenta linji gwida għal dan il-għan. Min-naħa tiegħu qed jieħu l-impenn li jorganizza evalwazzjoni kull sitt xhur tal-implimentazzjoni tal-pjani ta’ rkupru fir-reġjuni;

7.

jemmen, barra minn hekk, li l-iskadenzi fil-qafas tas-Semestru Ewropew jagħmluha diffiċli biex il-pjani għall-irkupru jkunu jistgħu jiġu annessi mal-programmi nazzjonali ta’ riforma, u l-prenotifika tagħhom aktar minn sitt xhur bil-quddiem hija saħansitra aktar diffiċli. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn flessibbiltà u adattabbiltà akbar biex jippreżentaw il-pjani tagħhom;

8.

jinnota li, fis-17 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni ppreżentat il-pubblikazzjoni ta’ linji gwida għal pjani ta’ rkupru u reżiljenza (3) flimkien mal-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli (ASGS). Jinnota f’dan il-kuntest li:

il-Kummissjoni issa tidher li qed tipproponi fużjoni tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza mal-programmi nazzjonali ta’ riforma, u li m’għadhiex beħsiebha tipproponi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jiddeskrivu n-natura istituzzjonali tal-pjani rispettivi tagħhom ta’ rkupru u reżiljenza, kif ukoll ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali/reġjonali tagħhom, tal-awtoritajiet reġjonali/lokali oħra u tal-korpi konsultattivi nazzjonali bħall-kunsilli fiskali nazzjonali u l-bordijiet nazzjonali tal-produttività fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jwassal għall-adozzjoni/il-preżentazzjoni ta’ pjani ta’ rkupru u reżiljenza, iżda ma hemm l-ebda rekwiżit dwar l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija tagħhom;

id-dimensjoni territorjali ma tidhirx li hija prijorità tal-programmazzjoni f’dawn id-dokumenti;

il-Kummissjoni tippreżenta 7 inizjattivi ewlenin (4) li l-pjani ta’ rkupru u reżiljenza huma mistennija jkunu konformi magħhom. Dawn l-inizjattivi ewlenin jistgħu jidhru bħala restrizzjonijiet addizzjonali għall-programmazzjoni strateġika tal-pjani ta’ rkupru u reżiljenza. Barra dan, l-ebda waħda minn dawn is-7 inizjattivi ewlenin ma hija relatata mal-koeżjoni soċjali, minkejja li ntlaqtet ħażin mill-pandemija tal-COVID-19.

Jipproponi li jiġi organizzat b’mod konġunt mal-Kummissjoni Ewropea “Forum dwar l-Irkupru u r-Reżiljenza” sabiex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pjan ta’ rkupru, u biex jiġi evalwat il-kontribut ta’ dawn tal-aħħar għall-koeżjoni kif ukoll għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali;

9.

jirrimarka, fl-aħħar nett, li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għal aktar minn nofs l-investiment pubbliku fl-UE – ħafna minnu f’setturi ewlenin bħas-saħħa, l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali, l-akkomodazzjoni, it-trasport u t-turiżmu – u li għalhekk ma jagħmilx sens għalihom li ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn dan l-appoġġ għall-investiment pubbliku. L-appoġġ ta’ dan it-tip huwa partikolarment meħtieġ fi żminijiet ta’ kriżi, meta wieħed iqis li dawn l-aħħar għaxar snin juru l-konsegwenzi proċikliċi dannużi tat-tnaqqis fl-investiment pubbliku, li ħafna drabi jintuża bħala varjabbli ta’ aġġustament fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji;

10.

jenfasizza r-rwol li għandu jkollu l-istrument propost favur il-klima, iżda jqis li l-pjani ta’ rkupru għandu jkollhom allokazzjoni ta’ mill-inqas 40 % tal-infiq fuq l-azzjoni klimatika sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tissodisfa l-impenji klimatiċi tagħha. Il-KtR jemmen ukoll li l-Proposta tal-Kummissjoni għandha tintegra l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli kollha bħala qafas għall-ippjanar strateġiku;

11.

jopponi l-opzjoni ta’ trasferiment ta’ riżorsi għall-istrument għall-irkupru u r-reżiljenza mill-Fond Strutturali u ta’ Investiment (Artikolu 6) minħabba li din l-opzjoni fiha r-riskju li toħloq riċentralizzazzjoni u tikkomprometti l-ġestjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment, li jiffunzjonaw skont il-prinċipju tas-sħubija;

12.

iqis l-użu tal-kundizzjonalità makroekonomika bħala miżura utli biex tikkontribwixxi għall-użu mmirat tar-riżorsi tal-UE fl-Istati Membri;

13.

itenni t-talba tiegħu biex ir-riformi li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ tal-“Fond għall-Irkupru” u/jew mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, jiġu definiti b’mod ċar skont il-kriterji li ġejjin:

i.

ikunu rilevanti għall-implimentazzjoni tal-objettivi tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea;

ii.

ikunu rilevanti għall-konverġenza u t-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali fl-ispirtu tal-bażi ġuridika tiegħu, l-Artikolu 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

iii.

ikunu jistgħu jniedu l-investiment u jistimolaw it-tkabbir sostenibbli fit-tul, f’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli;

14.

jenfasizza li, għall-implimentazzjoni tal-“fond” għall-irkupru u r-reżiljenza, l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jwettqu proġetti jeħtieġu qafas legali stabbli f’termini ta’ għajnuna mill-Istat fil-livell Ewropew u nazzjonali. B’mod partikolari, huma għandhom bżonn ikunu jafu jekk il-qafas Ewropew għall-għajnuna mill-Istat hux se jitwaqqaf fuq bażi ad hoc biex titqies iż-żieda fil-volum tal-għajnuna u biex jinkisbu garanziji dwar ir-responsabbiltajiet u l-iskadenzi għan-notifika tal-għajnuna;

15.

jenfasizza li t-terminu “Faċilità” jidher wisq teknokratiku, ma jinftiehemx mill-pubbliku inġenerali, u huwa ambigwu f’għadd ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u b’hekk joħloq ostaklu għall-operazzjonijiet ta’ komunikazzjoni deċentralizzata dwar ir-rispons tal-Unjoni Ewropea għall-irkupru u r-reżiljenza; jissuġġerixxi għalhekk li t-terminu “Faċilità” jiġi sostitwit b’“Fond”;

Dwar l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku,

16.

jilqa’ bi pjaċir il-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, li x’aktarx jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi tal-awtoritajiet pubbliċi u b’hekk għal implimentazzjoni aħjar tar-riformi u ġestjoni pubblika aktar effiċjenti;

17.

jappoġġja bil-qawwa l-fatt li l-istrument mhuwiex maħsub biss għall-amministrazzjonijiet nazzjonali iżda wkoll għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif indikat fl-Artikolu 2 tal-Proposta;

18.

iqis, madankollu, li l-Proposta għal Regolament għandha tiġi ċċarata u l-koerenza tagħha għandha tissaħħaħ, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 8 relatat mat-talba għal appoġġ tekniku li għandu jingħata minn awtorità nazzjonali kif definit fl-Artikolu 2 u mhux esklużivament minn Stat Membru;

Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  Ara r-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar dan is-suġġett (2 ta’ Lulju 2020).

https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/RW20_01/RW_Tracking_climate_spending_MT.pdf

(1)  Previżjonijiet ekonomiċi tas-sajf mill-Kummissjoni (Lulju 2020): https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/economy-finance/ip132_en.pdf

(2)  L-Opinjoni tal-KtR dwar It-titjib tal-governanza tas-Semestru Ewropew: Kodiċi ta' Kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali – Relatur Rob Jonkman (NL/KRE), adottata fil-11 ta’ Mejju 2017. Ref.: COR-2016-05386 (ĠU C 306, 15.9.2017, p. 24).

(3)  Bħalissa huma disponibbli biss bl-Ingliż.

(4)  It-teknoloġiji nodfa u l-enerġija rinnovabbli; l-effiċjenza enerġetika tal-istokk tal-bini; il-mobilità innovattiva; il-konnettività (5G, fibra ottika); l-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika; l-iżvilupp ta’ cloud Ewropew għad-data industrijali u mikroproċessuri b’saħħithom; id-diġitalizzazzjoni tas-sistemi edukattivi u l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali.