8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/205


P9_TA(2020)0170

Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni: posponiment ta' ċerti limiti ta' żmien minħabba l-pandemija tal-COVID-19 *

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE biex tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti li jiġu posposti ċerti limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0197 – C9-0134/2020 – 2020/0081(CNS))

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

(2021/C 362/45)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2020)0197),

wara li kkunsidra l-Artikoli 113 u 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9-0134/2020),

wara li kkunsidra l-Artikoli 82 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.

Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.

Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda 2

Proposta għal direttiva

Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5)

Sabiex jiġi ddeterminat it-tul tad-differiment, jeħtieġ li jitqies li dan għandu l-għan li jindirizza sitwazzjoni eċċezzjonali u jenħtieġ li ma jfixkilx l-istruttura stabbilita tad-Direttiva 2011/16/UE u l-funzjonament tagħha. Konsegwentement, ikun xieraq li d-differiment jiġi limitat għal żmien li jkun proporzjonat mad-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni.

(5)

Sabiex jiġi ddeterminat it-tul tad-differiment, jeħtieġ li jitqies li dan għandu l-għan li jindirizza sitwazzjoni eċċezzjonali . Jenħtieġ li ma jikkompromettix il-politika tal-Unjoni maħsuba biex tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa l-ippjanar aggressiv tat-taxxa permezz tal-iskambju tal-informazzjoni bejn id-dipartimenti tat-taxxa u, għaldaqstant, jenħtieġ li ma jfixkilx l-istruttura stabbilita tad-Direttiva 2011/16/UE u l-funzjonament tagħha. Konsegwentement, ikun xieraq li d-differiment jiġi limitat għal żmien li jkun proporzjonat mad-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni.

Emenda 3

Proposta għal direttiva

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6)

Fid-dawl tal-inċertezza attwali dwar l-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, ikun utli wkoll li tiġi prevista l-possibbiltà ta' estensjoni oħra tal-perjodu ta' differiment għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni. Dan ikun meħtieġ jekk matul il-perjodu ta' differiment jew f'parti minnu, iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ta' riskji serji għas-saħħa pubblika kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 jippersistu u l-Istati Membri jkollhom jew jimplimentaw miżuri ġodda jew ikomplu bil-miżuri ta' lockdown eżistenti. Jenħtieġ li din l-estensjoni ma tfixkilx l-istruttura stabbilita tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE u l-funzjonament tagħha. Pjuttost, jenħtieġ li tkun ta' durata limitata u predeterminata, proporzjonata mad-diffikultajiet prattiċi li ġab miegħu l-lockdown temporanju. Jenħtieġ li l-estensjoni ma taffettwax l-elementi essenzjali tal-obbligu li l-informazzjoni tiġi rrappurtata u skambjata skont din id-Direttiva. Tista' testendi biss id-differiment tad-durata għall-konformità ma' tali obbligi filwaqt li tiżgura li l-ebda informazzjoni ma tibqa' mingħajr ma tiġi eventwalment skambjata.

imħassar

Emenda 4

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 2

Direttiva 2011/16/UE

Artikolu 27b

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Artikolu 27b

Estensjoni tal-perjodu ta' differiment

imħassar

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta att delegat, f'konformità mal-Artikolu 27c, sabiex jiġi estiż il-perjodu ta' differiment għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni, kif previst fil-paragrafi 12 u 18 tal-Artikolu 8ab u fl-Artikolu 27a, għal massimu ta' tliet xhur addizzjonali.

 

Il-Kummissjoni tista' tadotta biss l-att delegat imsemmi fl-ewwel subparagrafu jekk matul il-perjodu ta' differiment jew f'parti minnu, iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ta' riskji gravi għas-saħħa pubblika kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 jippersistu u l-Istati Membri jkollhom jimplimentaw miżuri ta' lockdown.

 

Emenda 5

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 2

Direttiva 2011/16/UE

Artikolu 27c

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Artikolu 27c

Eżerċitar ta' delega

imħassar

1.     Is-setgħa ta' adozzjoni tal-att delegat imsemmi fl-Artikolu 27b hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

 

2.     Is-setgħa li tadotta l-att delegat imsemmi fl-Artikolu 27b għandha tingħata lill-Kummissjoni biss għall-perjodu ta' differiment tal-limiti ta' żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni, kif previst fil-paragrafi 12 u 18 tal-Artikolu 8ab u fl-Artikolu 27a.

 

3.     Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 27b tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-att delegat jekk ikun diġà fis-seħħ.

 

4.     Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti magħżulin ta' kull Stat Membru, f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet tat-13 ta' April 2016.

 

5.     Hekk kif tadotta l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Kunsill b'dan. In-notifika tal-att delegat lill-Kunsill għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-użu tal-proċedura ta' urġenza.

 

6.     L-att delegat adottat skont l-Artikolu 27b għandu jidħol fis-seħħ mingħajr dewmien u għandu japplika sakemm ma tkun espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Kunsill. Il-Kunsill jista' joġġezzjona għall-att delegat fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol min-notifika ta' dak l-att. F'tali każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta' oġġezzjoni mill-Kunsill.

 

7.     Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat dwar l-adozzjoni ta' att delegat mill-Kummissjoni, dwar kull oġġezzjoni fformulata għalih u dwar ir-revoka ta' delega tas-setgħat mill-Kunsill.