26.11.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 405/41 |
Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 12/2020 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali (kumpilazzjoni ta’ xhieda) (riformulazzjoni)
(2020/C 405/02)
I. INTRODUZZJONI
1. |
Il-Kummissjoni adottat il-proposta għal reviżjoni msemmija hawn fuq (1) fil-31 ta' Mejju 2018, u ppreżentatha lill-Kunsill u lill-Parlament. Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 81 (2)(Kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-proposta hija soġġetta għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja. |
2. |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-Kumpilazzjoni ta' Xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali huwa strument importanti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja Ewropea. L-istrument jipprovdi qafas għall-assistenza ġudizzjarja transfruntiera bejn l-Istati Membri fil-ġbir ta' evidenza bejn il-fruntieri u għall-kumpilazzjoni ta' xhieda transfruntiera diretta. Il-proposta għal reviżjoni għandha l-għan li tadatta l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u l-flussi tax-xogħol tat-trażmissjoni fir-Regolament eżistenti għall-iżviluppi tekniċi li tipprovdi d-diġitalizzazzjoni u l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT). B'mod partikolari, il-proposta tal-Kummissjoni tappella għall-istabbiliment ta' sistema deċentralizzata tal-IT u l-użu obbligatorju tagħha għall-iskambju ta' talbiet u dokumenti bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Il-proposta għal reviżjoni għandha wkoll l-għan li twessa' u ssaħħaħ il-kumpilazzjoni ta' xhieda transfruntiera diretta. |
3. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) adotta l-opinjoni tiegħu (2) dwar din il-proposta u l-proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizz fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (proposta dwar in-Notifika ta' Dokumenti) fis-17 ta' Ottubru 2018. Il-KESE sab li ż-żewġ proposti huma konformi mal-istrateġija tas-suq uniku diġitali b'rabta mal-gvern elettroniku, speċjalment fir-rigward tal-ħtieġa li jittieħdu passi biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika u tinkiseb l-interoperabbiltà transkonfinali. |
4. |
Fit-13 ta' Frar 2019, il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar il-proposta għall-Kumpilazzjoni ta' Xhieda, b'37 emenda għall-proposta tal-Kummissjoni b'554 vot favur, 26 vot kontra u 9 astensjonijiet. |
5. |
Fit-13 ta' Settembru 2019, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ppreżenta l-Opinjoni 5/2019 dwar din il-proposta u l-proposta dwar in-Notifika ta' Dokumenti (3). |
6. |
Fil-Kunsill ĠAI ta' Ġunju 2019, il-Ministri qablu li l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-awtoritajiet fil-kuntest ta' din il-proposta u l-proposta dwar in-Notifika ta' Dokumenti jenħtieġ li tkun ibbażata fuq sistema deċentralizzata u sigura tal-IT li tinkludi sistemi nazzjonali interkonnessi tal-IT. |
7. |
It-test tar-Regolament propost ġdid jipprevedi li l-Kummissjoni ser tkun responsabbli mill-ħolqien, il-manutenzjoni u l-iżvilupp futur tas-software ta' implimentazzjoni ta' referenza. Minħabba li l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni ma kien fiha l-ebda dikjarazzjoni finanzjarja dwar l-impatt potenzjali fuq il-baġit tal-UE, il-Presidenza, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u skont is-subparagrafu 2 tal-Artikolu 35(1) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE (4), ħejjiet dikjarazzjoni finanzjarja indikattiva (5) li tistabbilixxi l-impatt finanzjarju stmat tal-emendi fuq il-baġit. |
8. |
Fit-2 u t-3 ta' Diċembru 2019, il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni laħaq approċċ ġenerali dwar il-parti normattiva tar-Regolament propost u appella biex il-ħidma fuq l-Annessi tiġi ffinalizzata fil-livell tekniku kemm jista' jkun malajr (6). Fi Frar 2020, il-Kunsill laħaq approċċ ġenerali supplimentari (7). |
9. |
Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 21) għat-Trattati dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, l-Irlanda ddeċidiet li tipparteċipa f'din il-proposta. (8) Bl-applikazzjoni tal-Protokoll (Nru 22) għat-Trattati dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni tal-miżuri proposti. |
10. |
Abbażi tal-approċċ ġenerali ta' Diċembru 2019 u ta' Frar 2020, il-Presidenza kienet f'kuntatt mal-Parlament Ewropew, bil-ħsieb li jintlaħaq qbil bikri fit-tieni qari. |
11. |
Saru żewġ trilogi, fid-29 ta' Jannar 2020 u t-30 ta' Ġunju 2020, li matulhom ir-rappreżentanti tal-Presidenza għall-Istati Membri u tal-Parlament Ewropew kellhom l-opportunità li jistipulaw il-punti kardinali tal-pożizzjonijiet tagħhom u jesploraw il-possibbiltajiet biex jinstab kompromess. Id-diskussjonijiet irriżultaw f'konverġenza konsiderevoli ta' fehmiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar abbozz ta' pakkett ta' kompromess (9). |
12. |
Matul it-tieni trilogu, intlaħaq qbil ukoll, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, li r-Regolament propost dwar il-Kumpilazzjoni ta' Xhieda jenħtieġ li jiġi ppreżentat u adottat bħala riformulazzjoni tar-Regolament attwali dwar il-Kumpilazzjoni ta' Xhieda. |
13. |
Fit-22 ta' Lulju 2020, il-COREPER II ikkonferma t-test ta' kompromess finali ta' riformulazzjoni bil-ħsieb tal-qbil li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew (10). |
14. |
Fl-10 ta' Settembru 2020, il-pakkett ta' kompromess għal riformulazzjoni ġie approvat mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew. Fit-30 ta' Settembru, il-President tal-Kumitat JURI indirizza ittra (11) lill-President tal-COREPER II biex jinformah li, jekk il-Kunsill jibgħat formalment lill-Parlament Ewropew il-pożizzjoni tiegħu fil-forma ppreżentata fl-Anness għal dik l-ittra, huwa jirrakkomanda lill-Plenarja li l-pożizzjoni tal-Kunsill tiġi aċċettata mingħajr emenda, soġġett għal verifika mill-ġuristi lingwisti, fit-tieni qari tal-Parlament Ewropew. |
II. OBJETTIV
15. |
Dan ir-Regolament (riformulazzjoni) jipprova jtejjeb l-effiċjenza u l-ħeffa tal-kumpilazzjoni ta' xhieda transfruntiera fl-Unjoni billi jisfrutta l-vantaġġi tad-diġitalizzazzjoni għas-simplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri għat-trażmissjoni ta' talbiet u jiżgura li jsir aktar użu mill-kumpilazzjoni ta' xhieda diretta permezz tal-vidjokonferenzi. Pereżempju, ser isir aktar faċli biex persuni jinstemgħu mingħajr ma jkunu meħtieġa jivvjaġġaw lejn pajjiż ieħor. Dan ser jipprovdi ċertezza legali akbar u b'hekk għandu jgħin biex jiġu evitati dewmien u spejjeż żejda għall-individwi, in-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, u jinkoraġġixxi lill-individwi u n-negozji jinvolvu ruħhom saħansitra aktar fit-tranżazzjonijiet transfruntiera. |
16. |
Il-proposta għandha l-għan li tiddiġitalizza t-trażmissjoni ta' talbiet għall-kumpilazzjoni ta' xhieda bejn l-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri differenti. Għal dan il-għan, dan ir-Regolament jappella għall-istabbiliment ta' sistema deċentralizzata tal-IT. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun responsabbli mill-ħolqien, il-manutenzjoni u l-iżvilupp futur tas-software ta' implimentazzjoni ta' referenza f'konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data mill-fażi tat-tfassil u b'mod prestabbilit, li l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw minflok sistema nazzjonali tal-IT. |
III. ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI
A. Kuntest proċedurali
17. |
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill wettqu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim fl-istadju tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari ("ftehim bikri fit-tieni qari"). It-test tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari jirrifletti l-pakkett ta' kompromess li ntlaħaq qbil dwaru bejn iż-żewġ koleġiżlaturi, bl-appoġġ tal-Kummissjoni. |
B. Sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin
18. |
Il-modifiki ewlenin qed jiffokaw fuq l-aspetti li ġejjin:
|
IV. KONKLUŻJONI
19. |
Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tirrifletti l-pakkett ta' kompromess li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu dwaru, bl-appoġġ tal-Kummissjoni. |
20. |
Kif indikat fil-paragrafu 14 hawn fuq, dan il-pakkett ta' kompromess ġie kkonfermat permezz ta' ittra mill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew indirizzata lill-President tal-COREPER II, fit-30 ta' Settembru 2020 (12). |
21. |
Il-Kunsill jemmen li l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tirrappreżenta pakkett bilanċjat u li, ladarba jiġi adottat, ir-Regolament il-ġdid ser jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex tiżdied l-effiċjenza u l-ħeffa tal-kumpilazzjoni ta' xhieda transfruntiera billi jiġu sfruttati l-vantaġġi tad-diġitalizzazzjoni. |
(1) 9620/18.
(2) 14013/18.
(3) 12245/19.
(5) 14427/19.
(6) 14601/19 + ADD1.
(7) 5719/20.
(8) L-Irlanda pparteċipat fis-17 ta' Ottubru 2018 (ara d-dok. ST 13305/18). Ir-Renju Unit ma għamilx użu mill-possibbiltà stipulata fl-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 21) biex jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din il-proposta.
(9) 9248/20.
(10) 9678/20 + ADD 1.
(11) 11357/20.
(12) Ara d-dok. 11357/20.