26.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 404/30


Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 11/2020 tal-Kunsill fl-Ewwel Qari bil-ħsieb li tiġi adottata Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE

(2020/C 404/02)

I.   INTRODUZZJONI

Fit-12 ta' April 2018, il-Kummissjoni bagħtet lill-Kunsill il-proposta msemmija hawn fuq (1) ibbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE kif ukoll komunikazzjoni dwar "Patt Ġdid għall-Konsumaturi" u proposta oħra għal Direttiva dwar il-modernizzazzjoni tar-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur (2) (li ġiet adottata fl-2019).

Din il-proposta għal Direttiva timmodernizza u tissostitwixxi d-Direttiva dwar l-Inġunzjonijiet (3) billi tipprovdi miżuri ta' rimedju kif ukoll miżuri ta' inġunzjoni f'każ ta' ksur tad-dritt tal-Unjoni li jaffettwa grupp ta' konsumaturi.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ħareġ l-opinjoni tiegħu fl-20 ta' Settembru 2018 (4). Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ħareġ ukoll l-opinjoni tiegħu fl-10 ta' Ottubru 2018 (5).

Il-Parlament Ewropew (PE) adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari f'Marzu 2019 (6), fejn ippropona 108 emenda għall-proposta tal-Kummissjoni. Wara l-elezzjonijiet tal-PE tal-2019, ir-rapporteur, Geoffroy DIDIER (PPE, FR) inħatar mill-ġdid. Il-Kumitat JURI, responsabbli għall-proposta, fid-9 ta' Jannar 2020 iddeċieda li jiftaħ negozjati mal-Kunsill abbażi tal-pożizzjoni tal-PE fl-ewwel qari.

L-eżami tal-proposta mill-Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni u l-Informazzjoni tal-Konsumatur (GtĦ) beda f'April 2018. Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni ġiet eżaminata waqt l-ewwel laqgħa tal-GtĦ dwar dan id-dossier. Dan l-eżami wera li d-delegazzjonijiet kienu ġeneralment sodisfatti bil-metodi u l-kriterji applikati mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha.

Fil-laqgħa tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019, il-Kunsill (Kompetittività) qabel dwar Approċċ ġenerali (7), biex b'hekk ta mandat lill-Presidenza biex tinnegozja mal-PE.

Saru tliet trilogi informali fl-14 ta' Jannar, it-2 ta' Marzu u t-22 ta' Ġunju 2020. Fl-aħħar trilogu, intlaħaq qbil proviżorju bejn il-koleġiżlaturi dwar pakkett ta' kompromess ġenerali.

Wara l-adozzjoni tal-approċċ ġenerali, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti ġie infurmat dwar il-progress tan-negozjati mill-Presidenza fil-15 ta' Jannar, is-26 ta' Frar, l-4 ta' Marzu, is-17 u l-24 ta' Ġunju 2020. Fit-30 ta' Ġunju 2020, wara analiżi tat-test ta' kompromess finali bil-ħsieb ta' qbil, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti kkonferma l-qbil politiku (8) li ntlaħaq fit-22 ta' Ġunju 2020 bejn il-koleġiżlaturi.

Fis-7 ta' Lulju 2020, il-Kumitat JURI tal-PE approva t-test. Fl-istess jum, il-President tal-Kumitat JURI bagħat ittra lill-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti fejn indika li, soġġett għal verifika mill-ġuristi lingwisti miż-żewġ istituzzjonijiet, huwa kien ser jirrakkomanda li l-Kumitat JURI u l-Plenarja japprovaw f'tieni qari l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari mingħajr emendi.

Abbażi ta' dan, fit-22 ta' Lulju 2020 il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti ta parir lill-Kunsill biex japprova l-ftehim politiku (9), li ġie kkonfermat fil-21 ta' Settembru 2020 mill-Kunsill (Agrikoltura u Sajd).

II.   OBJETTIV

Din id-Direttiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozji fis-suq intern billi tiżgura kompetizzjoni aktar ġusta u ssaħħaħ l-infurzar effettiv tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur. B'mod aktar speċifiku, il-proposta tippermetti lill-entitajiet kwalifikati, iddeżinjati mill-Istati Membri, iressqu azzjonijiet rappreżentattivi għall-fini ta' miżuri ta' inġunzjoni u ta' rimedju f'każ ta' ksur tad-dritt tal-Unjoni li jaffettwa grupp ta' konsumaturi. Din tissostitwixxi d-Direttiva attwali dwar l-Inġunzjonijiet u twieġeb għall-ħtieġa ta' approċċ orizzontali fl-UE għar-rimedju kollettiv, ibbażat fuq sett komuni ta' prinċipji li jirrispettaw it-tradizzjonijiet legali nazzjonali u li jipprovdi salvagwardji kontra riskji possibbli ta' abbuż.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

1.   Suġġett u kamp ta' applikazzjoni (l-Artikoli 1 u 2, kif ukoll l-Anness I)

Is-suġġett tad-Direttiva, li huwa li tiżgura li l-azzjonijiet rappreżentattivi li jkollhom l-għan li jipproteġu l-interessi kollettivi tal-konsumaturi jkunu disponibbli fl-Istati Membri kollha, huwa ċċarat, kif ukoll ir-relazzjoni tagħha mar-regoli eżistenti tad-dritt internazzjonali privat. Il-Kunsill appoġġa s-salvagwardja tal-PE li d-Direttiva m'għandhiex tikkostitwixxi raġunijiet għat-tnaqqis tal-protezzjoni tal-konsumatur fl-oqsma koperti mill-atti legali elenkati fl-Anness I. Dik il-lista ġiet aġġornata u tkopri oqsma bħas-servizzi finanzjarji, l-ivvjaġġar u t-turiżmu, l-enerġija, is-saħħa, it-telekomunikazzjoni u l-protezzjoni tad-data.

2.   Distinzjoni bejn azzjonijiet domestiċi u azzjonijiet transfruntiera (l-Artikoli 4 u 6, kif ukoll id-definizzjonijiet korrispondenti fl-Artikolu 3)

Għall-Kunsill, kien importanti li jiġu introdotti kriterji komuni u aktar stretti biex jiġu ddeżinjati l-entitajiet kwalifikati għall-fini ta' azzjonijiet transkonfinali u jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku tagħhom. F'konformità mas-suġġerimenti tal-PE, il-kriterji għad-deżinjazzjoni tal-entitajiet kwalifikati għall-fini ta' azzjonijiet domestiċi għandhom ikunu konsistenti mal-objettivi tad-Direttiva.

3.   Finanzjament tal-azzjonijiet rappreżentattivi (l-Artikoli 4 u 10)

Il-PE kellu tħassib dwar it-trasparenza tal-finanzjament tal-entitajiet kwalifikati u kellu wkoll l-għan li jsaħħaħ ir-regoli dwar il-prevenzjoni ta' kunflitti ta' interess. Dan wassal għal bidliet maqbula mill-Kunsill dwar kriterji ta' deżinjazzjoni aktar dettaljati u dwar il-finanzjament minn partijiet terzi ta' azzjonijiet għal rimedju. Konsegwentement, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kunflitti ta' interess jiġu evitati u li l-finanzjament minn partijiet terzi ma jiddevjax l-azzjoni rappreżentattiva lil hinn mill-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi. F'każ ta' dubji ġustifikati, l-entitajiet kwalifikati jistgħu jkunu meħtieġa jiżvelaw ħarsa ġenerali finanzjarja tal-finanzjament tagħhom lill-qorti jew lill-awtorità amministrattiva.

4.   Funzjonament tal-azzjonijiet rappreżentattivi (l-Artikoli 7, 8, 9 u 12)

Għall-Kunsill, kien importanti li jiġi ċċarat aktar il-funzjonament tal-azzjonijiet rappreżentattivi sabiex jiġu ffaċilitati t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva, jiġifieri bl-introduzzjoni ta' artikolu separat dwar il-miżuri ta' inġunzjoni. Għall-PE, il-prinċipju ta' min jitlef iħallas kien essenzjali għall-prevenzjoni ta' tilwim abbużiv. Saru għadd ta' bidliet u kjarifiki f'dan ir-rigward, inkluż it-tneħħija tal-ħtieġa għal deċiżjoni finali minn qabel dwar inġunzjoni għall-ħruġ ta' miżuri ta' rimedju.

5.   Informazzjoni dwar l-azzjonijiet rappreżentattivi (l-Artikolu 13)

Għall-PE, kien importanti li jissaħħu d-dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni indirizzata lill-konsumaturi rigward l-azzjonijiet rappreżentattivi. Il-Kunsill appoġġa dan l-objettiv u qies li dan ir-rinfurzar għandu jsir b'mod proporzjonat. Dawn id-dispożizzjonijiet ġew adattati skont dan.

6.   Assistenza għall-entitajiet kwalifikati (l-Artikolu 20)

Għall-PE, kien kruċjali li jissaħħu u jiġu spjegati d-dispożizzjonijiet dwar l-assistenza disponibbli għall-entitajiet kwalifikati. Il-Kunsill qabel li l-Istati Membri jieħdu miżuri bil-għan li jiżguraw li l-ispejjeż ma jżommux lill-entitajiet kwalifikati milli jfittxu miżuri ta' inġunzjoni jew ta' rimedju.

7.   Ombudsman Ewropew (l-Artikolu 23)

Kif mitlub mill-PE, it-test jirrikjedi lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni dwar jekk l-azzjonijiet rappreżentattivi transfruntiera jistgħux jiġu indirizzati bl-aħjar mod fil-livell tal-Unjoni bl-istabbiliment ta' ombudsman Ewropew għal azzjonijiet rappreżentattivi għal miżuri ta' inġunzjoni u miżuri ta' rimedju.

8.   Skadenzi għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva u d-dispożizzjonijiet tranżitorji (l-Artikoli 22 u 24)

Minħabba l-kumplessità tal-proposta, b'mod partikolari għall-Istati Membri li ma għandhomx sistema għall-azzjonijiet rappreżentattivi fis-seħħ, kien importanti li l-Kunsill jagħti aktar żmien lill-Istati Membri biex jittrasponu u japplikaw id-Direttiva (24 u 30 xahar rispettivament).

IV.   KONKLUŻJONI

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tirrifletti l-kompromess ġust u bbilanċjat milħuq fin-negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, iffaċilitati mill-Kummissjoni. Wara diskussjonijiet twal dwar mekkaniżmu ta' rimedju kollettiv fil-livell Ewropew, il-konsumaturi u n-negozjanti fl-aħħar ingħataw qafas għall-UE kollha li ser itejjeb il-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u jikkontribwixxi għal kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fost in-negozji.


(1)  Id-dokumenti 7877/18 + ADD 1 - 5.

(2)  Direttiva (UE) 2019/2161 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (ĠU L 328, 18.12.2019, p. 7).

(3)  Direttiva 2009/22/KE dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU L 110, 1.5.2009, p. 30).

(4)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 66.

(5)  ĠU C 461, 21.12.2018, p. 232.

(6)  Id-dokument 7714/19.

(7)  Id-dokument 14210/19 + ADD 1.

(8)  Id-dokument 9059/20.

(9)  Id-dokument 9592/20 + COR 1 + ADD 1.