|
5.10.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 328/1 |
POŻIZZJONI (UE) Nru 9/2020 TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI
bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji
Adottata mill-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
(2020/C 328/01)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkonsultaw il-Bank Ċentrali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
Il-finanzjament kollettiv hija soluzzjoni ta’ teknoloġija finanzjarja li tipprovdi lill-intrapriżi żgħar u u ta’ daqs medju (SMEs) u, b’mod partikolari, lin-negozji ġodda u lin-negozji li qed jespandu, b’aċċess alternattiv għall-finanzjament sabiex tiġi promossa l-intraprenditorija innovattiva fl-Unjoni, u b’hekk tissaħħaħ l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Din imbagħad tikkontribwixxi għal sistema finanzjarja aktar diversifikata li tkun inqas dipendenti fuq il-finanzjament bankarju, u għalhekk tillimita r-riskji sistemiċi u ta’ konċentrazzjoni. Benefiċċji oħra tal-promozzjoni tal-intraprenditorija innovattiva permezz tal-finanzjament kollettiv huma r-rilaxx ta’ kapital iffriżat għal investiment fi proġetti ġodda u innovattivi, l-aċċellerazzjoni tal-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi u diversifikazzjoni tal-assi. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi rekwiżiti uniformi, proporzjonati u applikabbli direttament għall-forniment ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, għall-organizzazzjoni, l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, għall-operat ta’ pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv, kif ukoll għat-trasparenza u l-komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv fl-Unjoni. |
|
(3) |
Sabiex tingħata ċertezza legali fir-rigward tal-persuni u l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) …/… u tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) rispettivament, u sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-istess attività tkun soġġetta għal awtorizzazzjonijiet multipli fi ħdan l-Unjoni, jenħtieġ li l-persuni ġuridiċi awtorizzati bħala fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv skont ir-Regolament (UE) …/… jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE. |
|
(4) |
Billi l-emenda prevista f’din id-Direttiva hija direttament marbuta mar-Regolament (UE) …/…, jenħtieġ li d-data minn meta l-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva tiġi differita sabiex tikkoinċidi mad-data tal-applikazzjoni stabbilita f’dak ir-Regolament, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, jiżdied il-punt li ġej:
|
“(p) |
fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv kif definiti fil-punt (e) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) |
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa … [sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jinsab fid-dokument ST 6800/20 (2018/0048(COD)], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva.
Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri minn [12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jinsab fid-dokument ST 6800/20 (2018/0048(COD))].
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi …,
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
Għall-Kunsill
Il-President
(1) ĠU C 367, 10.10.2018, p. 65.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Marzu 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-20 ta’ Lulju 2020. Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’… (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Ir-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’… dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU L..., ... p. ...).
(4) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).