16.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 286/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Taħriġ vokazzjonali: l-effettività tas-sistemi biex jiġu antiċipati u mqabbla l-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u r-rwol tal-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati differenti”

[Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Portugiża]

(2021/C 286/05)

Relatur:

Jean-Michel POTTIER

Talba mill-Presidenza Portugiża tal-Kunsill

26.10.2020

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Bureau

28.10.2020

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

16.4.2021

Adottata fil-plenarja

27.4.2021

Sessjoni plenarja Nru

560

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

222/0/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jtenni l-importanza tat-tqabbil tal-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Il-KESE jenfasizza l-importanza kruċjali li jkun hemm sistemi ta’ taħriġ effettivi u l-kapaċità li jiġu antiċipati l-ħtiġijiet tal-ħiliet f’kuntest ta’ taqlib profond b’riżultat tal-kriżi tal-COVID-19, li qed twassal għal aċċellerazzjoni tal-bidliet fl-ekonomija tagħna, speċjalment fl-oqsma diġitali u dawk ambjentali.

1.2.

Fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ reklutaġġ li jiffaċċjaw il-kumpaniji Ewropej, il-KESE jenfasizza l-benefiċċji tal-użu ta’ skemi ta’ taħriġ b’alternanza għall-kisba tal-ħiliet permezz ta’ varjetà wiesgħa ta’ forom. Il-maġġoranza vasta tal-impjegaturi qed iwettqu b’mod onest ir-rwol tagħhom bħala ħarrieġa b’alternanza, bil-ħsieb li jgħaddu l-għarfien tagħhom. Madankollu, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-antiċipazzjoni u l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe abbuż b’rabta ma’ impjiegi produttivi mingħajr ħlas okkupati minn studenti li jsegwu tali skemi.

1.3.

Il-KESE jirrimarka li l-varjetà ta’ dawn l-iskemi tippermetti adattament ottimizzat għal sitwazzjonijiet varji b’rabta mad-daqs tal-kumpaniji, it-tipi ta’ kwalifiki, l-istruttura tas-sistema ta’ taħriġ, u it-tip u l-livell ta’ impjieg li għandu jimtela. Dan jippermetti wkoll lill-impjegati u lil dawk li qed ifittxu impjieg jiksbu ħiliet ġodda sabiex jiġġieldu l-obsolexxenza tal-ħiliet okkupazzjonali.

1.4.

Il-KESE jenfasizza l-ispeċifiċitajiet tal-SMEs. Minħabba n-natura teknika tal-professjonijiet imwettqa f’għadd kbir ta’ SMEs b’għarfien espert uniku, b’mod partikolari fi swieq niċċa, l-alternanza tista’ tkun soluzzjoni adatta għall-ħtiġijiet tal-ħiliet tagħhom. F’ħafna żoni rurali, l-għarfien espert tan-negozji ż-żgħar huwa opportunità unika għaż-żgħażagħ u ambjent tan-negozju favorevoli jista’ jtejjeb l-opportunitajiet professjonali tagħhom.

1.5.

Għall-KESE, l-imsieħba soċjali huma atturi effettivi fit-tfassil u l-ġestjoni ta’ sistema ta’ taħriġ; dawn jinsabu f’pożizzjoni partikolarment tajba biex ikejlu l-ħtiġijiet tal-ħiliet tas-suq tax-xogħol. Dawn kapaċi jidentifikaw nuqqasijiet ta’ ħaddiema skont is-settur professjonali u t-territorju, u jiżguraw żvilupp effettiv tal-ħiliet u abbażi tal-esperjenza prattika professjonali. Dawn jistgħu jiddependu minn partijiet interessati bħall-Istat, ir-reġjun jew is-servizz pubbliku tal-impjiegi biex jamalgamaw id-data kwantitattiva u kwalitattiva f’termini ta’ ħtiġijiet tal-ħiliet.

1.6.

Il-KESE jinnota li l-imsieħba soċjali għandhom jaqdu rwol ewlieni b’mod sistematiku fl-iżvilupp tal-kwalifiki u l-kontenut tagħhom. Huwa essenzjali li l-imsieħba soċjali jiġu involuti mill-bidu nett biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn ir-riżorsi ma jissodisfawx il-ħtiġijiet reali tal-impjegaturi u tal-impjegati fl-Ewropa.

Bl-istess mod, l-imsieħba soċjali huma kkwalifikati biex jiffaċilitaw il-gwida vokazzjonali għall-pubbliku kollu.

1.7.

Il-KESE jirrimarka li l-partijiet interessati (Stat, reġjun, servizz pubbliku tal-impjiegi) jaqdu rwol essenzjali meta jipproponu soluzzjonijiet li jiffaċilitaw l-inklużjoni soċjali. Il-KESE jappella għal koordinazzjoni aħjar bejn l-atturi, il-partijiet interessati u l-imsieħba soċjali kollha, permezz ta’ ftehim kuntrattwali li jispeċifika l-interazzjonijiet u r-responsabbiltajiet ta’ kull parti sabiex l-iskemi ta’ taħriġ u ta’ appoġġ isiru aktar faċli biex jinftiehmu. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-servizzi soċjali pubbliċi u mingħajr skop ta’ qligħ, l-intrapriżi soċjali, l-organizzazzjonijiet tal-protezzjoni soċjali u l-assistenti soċjali għandhom rwol ewlieni fl-appoġġ għaż-żgħażagħ u dawk akbar fl-età, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-persuni li ġejjin minn gruppi soċjalment żvantaġġati. L-oqfsa legali u finanzjarji ta’ xi Stati Membri jipprovdu bażi responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-funzjonijiet u s-servizzi importanti. Kif stabbilit fl-Artikolu 145 tat-TFUE, politiki sodi fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali huma essenzjali wkoll biex jintlaħaq l-għan li tiġi promossa forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati, u li tkun imħarrġa u adattabbli, u swieq tax-xogħol li jirreaġixxu malajr għall-iżvilupp tal-ekonomija.

1.8.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tal-SMEs, inklużi n-negozji żgħar ħafna, sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-ħiliet fil-professjonijiet taħt pressjoni. Dawn il-kumpaniji m’għandhomx dipartiment intern għar-riżorsi umani, filwaqt li r-relazzjoni taħriġ/ħiliet/impjieg teħtieġ approċċ partikolari. Dawn il-kumpaniji, li jirrappreżentaw firxa kbira ta’ impjiegi, jeħtieġu appoġġ speċifiku. Dan l-appoġġ għandu jkun relatat mal-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet tagħhom, it-tfassil tal-offerta tax-xogħol, il-bord konsultattiv, il-proċess ta’ reklutaġġ u sistemi ta’ taħriġ imfassla apposta li jwasslu għal impjieg sostenibbli.

1.9.

Il-KESE jfakkar li t-taħriġ huwa strument fundamentali għall-integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità. Għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex tiġi indirizzata l-isfida ta’ opportunitajiet indaqs għall-irġiel u b’mod speċjali n-nisa b’diżabilità taħt kundizzjonijiet ta’ aċċess ugwali għal skemi ta’ taħriġ vokazzjonali inklużiv. Il-KESE jinnota wkoll li s-sostenibbiltà tax-xogħol tiddependi b’mod partikolari mid-dritt għal taħriġ ta’ kwalità tajba.

1.10.

Il-KESE jirrakkomanda li jitfasslu ftehimiet strateġiċi nazzjonali dwar it-taħriġ vokazzjonali u l-gwida, abbażi ta’ negozjati bejn l-awtoritajiet u l-imsieħba soċjali, li jinvolvu l-partijiet interessati fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET). Il-KESE jinnota l-eżistenza ta’ ftehimiet bħal dawn f’ċerti kumpaniji, ċerti setturi professjonali jew territorji u jħeġġeġ l-użu mifrux ta’ dan it-tip ta’ ftehim strateġiku nazzjonali. L-azzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiffaċilitaw l-adattament għall-bidla industrijali sabiex jippromovu l-integrazzjoni vokazzjonali u l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

2.   Kuntest

2.1.

Ir-rilevanza tar-riflessjoni dwar ir-relazzjoni bejn il-ħiliet disponibbli u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol għandha titqies fil-kuntest Ewropew, kif ippreżentat fid-“Dikjarazzjoni ta’ Osnabrück”, li tikkonferma li l-imsieħba soċjali huma kkunsidrati fost il-partijiet interessati. Dan il-kuntest Ewropew jinkludi b’mod partikolari:

minn naħa, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jidentifika l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja bħala l-ewwel u r-raba’ prinċipji tiegħu fir-rigward tal-opportunitajiet indaqs u l-aċċess għas-suq tax-xogħol, inkluż minn perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja;

min-naħa l-oħra, fl-2020 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni dwar iż-żona Ewropea tat-taħriġ u l-edukazzjoni, li tafferma mill-ġdid il-prinċipji tagħha ta’ azzjoni u l-għanijiet tagħha, b’mod partikolari edukazzjoni ta’ kwalità tajba għal kulħadd;

Fl-aħħar nett, fl-Opinjoni tiegħu SOC/570 (1) dwar “Il-futur tax-xogħol/tal-ħiliet”, il-KESE appella, sabiex nindirizzaw u nħejju għall-bidliet teknoloġiċi u diġitali rapidi, li niżviluppaw politiki mmirati u li nieħdu miżuri konkreti għat-titjib u l-adattament tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ.

2.2.

Il-kwistjoni tat-tqabbil tal-ħiliet disponibbli mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol hija pperċepita b’diversi modi madwar il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Id-diskussjonijiet dwar l-hekk imsejjaħ “spariġġ fil-ħiliet” kienu bdew qabel il-kriżi tal-COVID-19, u l-KESE appella għal kawtela fl-indirizzar ta’ din il-kwistjoni. Skont is-Cedefop, 45 % tal-ħaddiema jemmnu li l-ħiliet tagħhom ma jaqblux bis-sħiħ mal-impjieg li jokkupaw, filwaqt li 70 % tal-kumpaniji jbatu minn nuqqas ta’ ħiliet, iżda ftit minnhom jassoċjaw dawn id-diffikultajiet mal-ostakli li jiltaqgħu magħhom, bħall-problema tar-reklutaġġ, il-post ġeografiku tal-kumpanija, il-livell tal-paga u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Għandu jsir studju fil-fond li janalizza r-raġunijiet eżatti għall-ispariġġ fil-ħiliet u kif il-persuni kkonċernati jistgħu jiġu megħjuna jsibu impjieg.

2.3.   Il-ħtiġijiet tal-ħiliet

Il-ħiliet meħtieġa jvarjaw minn pajjiż għal ieħor. Madankollu, din il-varjetà tiddependi mil-livell tas-sistema ta’ produzzjoni industrijali tal-pajjiż biex titqabbel mal-ħtiġijiet ta’ ekonomiji orjentati lejn is-servizzi jew it-turiżmu. Filwaqt li l-livell ġenerali tal-ħiliet meħtieġa qiegħed jogħla, hemm ukoll il-ħtieġa għal kwalifiki aktar baxxi, li għalihom wieħed jirrikorri għall-immigrazzjoni.

2.4.   Is-sistema ta’ taħriġ

L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma s-settur edukattiv l-aktar viċin tas-suq tax-xogħol u l-ħtiġijiet tal-ħiliet tiegħu. Ġeneralment, it-taħriġ vokazzjonali inizjali jingħata fil-livell sekondarju għoli u jsir jew fl-ambjent skolastiku, jew fuq il-post tax-xogħol, fiċ-ċentri ta’ taħriġ u fil-kumpaniji. Il-proporzjon ta’ żgħażagħ imħarrġa fit-taħriġ vokazzjonali, meta mqabbel mal-edukazzjoni ġenerali, ivarja fl-Unjoni Ewropea, iżda qiegħed jonqos b’mod gradwali kullimkien. Dan ġeneralment iwassal għal miżuri korrettivi jew ta’ inċentiv kemm fuq l-inizjattiva tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll dik tal-postijiet tax-xogħol, inklużi l-imsieħba soċjali. Fost dawn il-miżuri, l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet tiffoka fuq id-diġitalizzazzjoni tal-kontenut tat-taħriġ.

Is-sistema ta’ taħriġ vokazzjonali kontinwu hija prinċipalment orjentata lejn ix-xogħol u l-maġġoranza tal-azzjonijiet ta’ taħriġ iseħħu fuq il-post tax-xogħol.

2.5.   Ir-rwol tal-imsieħba soċjali

Dan ir-rwol, li huwa preżenti fil-pajjiżi kollha f’livelli differenti, għandu jissaħħaħ. Bis-saħħa tal-esperjenza tagħhom, l-imsieħba soċjali huma involuti fil-proċess fi ħdan is-setturi professjonali jew fil-livell nazzjonali transindustrijali tal-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet attwali u futuri tal-ħiliet. Ħafna drabi dawn jipparteċipaw ukoll fid-definizzjoni ta’ standards tal-kwalifiki u tad-diplomi, fit-tmexxija ta’ sistemi ta’ taħriġ, fil-ġestjoni tal-fondi tat-taħriġ vokazzjonali u tat-tagħlim u fis-sistema ta’ gwida vokazzjonali tul il-ħajja. Barra minn hekk, it-taħriġ vokazzjonali huwa suġġett li ġeneralment jiġi nnegozjat mill-imsieħba soċjali fil-qafas tan-negozjar kollettiv.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jinnota żbilanċ dejjem jikber fis-suq tax-xogħol, marbut b’mod partikolari ma’ diskrepanza fil-ħiliet, b’impatt komplementari tal-kriżi tas-saħħa, li qed iwessa’ d-distakk bejn il-ħtiġijiet taż-żgħażagħ u l-ħiliet f’ekonomija dejjem aktar ikkonċentrata.

3.1.1.

Din is-sitwazzjoni, li kienet teżisti qabel il-kriżi tas-saħħa, żviluppat u marret għall-agħar matul dawn l-aħħar għoxrin sena. 60 % tal-impjegati adulti jinsabu f’riskju li l-ħiliet teknoloġiċi tagħhom ma jibqgħux validi (data tal-UE-28 tal-2014) (2). Is-sitwazzjoni rriżultat fil-koeżistenza tal-qgħad u pressjoni fuq is-suq tax-xogħol (3) (4).

3.1.2.

Waħda mill-konsegwenzi tal-kriżi tas-saħħa hija l-aċċellerazzjoni tat-tensjonijiet fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari dawk li ġejjin mill-iżvilupp aċċellerat tat-trasformazzjoni diġitali.

3.2.

Il-KESE jilqa’ l-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet u b’mod partikolari li r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza tista’ tkopri azzjonijiet fl-istadji kollha tal-professjonalizzazzjoni, u tindirizza t-tibdil tat-tipi kollha ta’ ħtiġijiet u ħiliet:

(a)

F’kull stadju tal-professjonalizzazzjoni (referenza tas-Cedefop – panorama ta’ ħiliet) (5):

qabel id-dħul fil-ħajja tax-xogħol:

permezz tal-iżvilupp tal-ħiliet u l-professjonalizzazzjoni (taħriġ vokazzjonali inizjali u kontinwu, alternanza, apprendistat);

fil-ħin tad-dħul fil-kumpanija, jew fil-każ ta’ mobilità interna:

permezz tal-adattament tal-ħiliet professjonali u l-ħiliet personali għall-kuntest tal-kumpanija (appoġġ għall-adattament għall-post tax-xogħol, taħriġ fuq il-post tax-xogħol);

matul id-durata kollha tal-ħajja tax-xogħol:

permezz tal-adattament tal-ħiliet professjonali għat-tibdil fil-ħtiġijiet tal-impjieg u tax-xogħol;

(b)

Billi jiġu adattati l-arranġamenti għall-ħtiġijiet li jirriżultaw minn sitwazzjonijiet ta’ impjieg li jinbidlu: titjib tal-ħiliet (upskilling); taħriġ mill-ġdid (reskilling); versatilità (cross-skilling); ħiliet ġodda;

(c)

skont it-tip ta’ ħiliet immirati: ħiliet bażiċi; ħiliet tekniċi u kompetenza professjonali; ħiliet trasversali.

3.3.

Id-dikjarazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-impjegaturi u tal-impjegati ta’ kumpaniji tan-negozju f’livell Ewropew ressqu proposti li jappoġġjaw il-leġittimità tagħhom biex jintervjenu f’dan il-qasam.

Għalhekk, il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU) tippromovi d-djalogu soċjali f’dan il-qasam, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali; SMEUNITED tqis li l-gvernijiet għandhom jiddelegaw il-governanza tal-apprendistati lill-imsieħba soċjali; BUSINESSEUROPE tirrakkomanda l-iżvilupp tal-ħtiġijiet tal-programmi ta’ taħriġ mill-imsieħba soċjali u negozjati konġunti mal-fornituri tat-taħriġ fil-qasam tat-taħriġ tal-impjegati.

3.4.   Ir-rwol tal-partijiet interessati

Il-KESE jappella li l-imsieħba soċjali jiġu involuti flimkien ma’ partijiet interessati oħrajn biex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet, ir-riżorsi u l-azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati u biex jaħdmu f’konsultazzjoni magħhom, filwaqt li jibnu fuq il-mezzi li dawn tal-aħħar jistgħu jużaw. Dan jikkonċerna b’mod partikolari lil: intrapriżi, fergħat professjonali u organizzazzjonijiet professjonali u interprofessjonali oħrajn, imsieħba soċjali settorjali u nazzjonali, oqfsa ta’ kwalifiki nazzjonali jew sistemi ta’ klassifikazzjoni għal diplomi professjonali (NQF), awtoritajiet reġjonali u korpi pubbliċi jew semipubbliċi, u awtoritajiet nazzjonali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, intrapriżi soċjali, servizzi soċjali, organizzazzjonijiet tal-protezzjoni soċjali, korpi ta’ gwida u appoġġ għall-integrazzjoni, ir-riintegrazzjoni u l-kollokament ta’ persuni, inklużi persuni b’diżabbiltà, u organizzazzjonijiet ta’ taħriġ vokazzjonali inizjali (IVET/CVET (6)).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   L-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet

4.1.1.

L-imsieħba soċjali jaqdu rwol ċentrali fl-għarfien, il-valutazzjoni u l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol. Ir-rwol tagħhom huwa essenzjali biex janima l-osservatorji tal-professjonijiet u l-ħiliet u janalizza d-data miġbura. L-analiżi prospettiva tagħhom għandha tkun marbuta mal-valutazzjonijiet magħmula mill-partijiet interessati kollha: l-Istat, ir-reġjuni, il-kmamar u l-organizzazzjonijiet kollha li jaħdmu fil-qasam tal-impjieg, it-taħriġ u l-gwida vokazzjonali, bħas-servizzi u l-korpi soċjali. Din il-kooperazzjoni tgħin biex l-Ewropa tieħu postha fiċ-ċentru tas-suq tax-xogħol.

4.1.2.

Għall-KESE, dan ir-rwol essenzjali għandu jiġi affermat mill-ġdid billi l-imsieħba soċjali jingħataw il-mezzi kollha meħtieġa biex jaġixxu bl-istess ħeffa bħat-trasformazzjonijiet ewlenin li qed iseħħu fis-suq tax-xogħol. Il-kriżi tas-saħħa, ekonomika u soċjali li bdiet fl-2020 u li għadha għaddejja bħalissa qed turi li hija aċċelleratur b’saħħtu tal-bidliet fl-ekonomija tagħna. Id-diġitalizzazzjoni tan-negozji hija assolutament essenzjali biex il-kumpaniji, inklużi l-iżgħar fosthom, jkunu jistgħu jadattaw ruħhom. It-tranżizzjoni ekoloġika, lil hinn mill-professjonijiet il-ġodda li jakkumpanjawha, issa hija mistennija ħafna mill-klijenti u l-konsumaturi b’reazzjoni għall-konsegwenzi tal-kriżi.

4.2.   L-għoti tat-taħriġ u l-kontenut tiegħu jsiru aktar effiċjenti

4.2.1.

Abbażi tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet, l-istandards tat-taħriġ u tal-kwalifiki għandhom jiġu aġġornati b’mod regolari sabiex tiġi evitata l-obsolexxenza tagħhom. Għalhekk, il-ħiliet b’rabta mat-teknoloġiji l-ġodda, l-imperattivi tat-tranżizzjoni ekoloġika jew it-trasformazzjonijiet diġitali aċċellerati mill-kriżi tas-saħħa jeħtieġu reazzjonijiet rapidi. Għal gruppi fil-mira li huma diffiċli biex jintlaħqu, il-prattiki pedagoġiċi innovattivi għandhom jiġu adattati bl-użu ta’ metodi inklużivi xierqa.

Il-prinċipju tal-alternanza jippermetti t-taħlit ta’ sistemi ta’ taħriġ u l-kapaċità ta’ taħriġ tal-kumpaniji; din tal-aħħar tiffaċilita b’mod usa’ l-integrazzjoni sostenibbli fl-impjieg biex jiġi promoss l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi. Filwaqt li l-impjegaturi, fil-parti l-kbira tagħhom, jissodisfaw bis-sħiħ ir-rwol li jaqdu bħala ħarrieġa b’alternanza, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi antiċipat u pprojbit kwalunkwe abbuż b’rabta ma’ impjiegi produttivi mingħajr ħlas okkupati minn studenti li jsegwu skemi ta’ taħriġ b’alternanza.

4.2.2.

Dawn l-iskemi ta’ taħriġ b’alternanza jistgħu jkunu ta’ tipi differenti:

taħriġ vokazzjonali għaż-żgħażagħ u għal dawk akbar fl-età permezz ta’ apprendistat sabiex tinkiseb kwalifika professjonali sħiħa b’rabta ma’ professjoni identifikata;

taħriġ vokazzjonali inizjali b’perjodi ta’ traineeships f’kumpanija, skont skemi ta’ taħriġ b’alternanza;

esperjenzi ta’ xogħol f’kumpanija, b’mod partikolari biex tiġi skoperta professjoni;

taħriġ vokazzjonali b’alternanza għal persuni li qed ifittxu impjieg;

taħriġ intern fuq il-post tax-xogħol fil-kumpanija;

taħriġ qabel l-impjegabbiltà professjonali biex jinkisbu l-ħiliet meħtieġa għat-twettiq ta’ professjoni;

taħriġ dwar l-għajxien indipendenti, analiżi tal-ħiliet, b’mod partikolari għal persuni f’diffikultà, persuni b’diżabilità u żgħażagħ li joħorġu mis-sistema skolastika mingħajr kwalifiki.

4.2.3.

Fl-aħħar nett, din it-tfittxija għall-effiċjenza fl-għoti tat-taħriġ għandha tipprovdi tweġibiet għall-aktar persuni vulnerabbli. Huwa essenzjali li titqies id-diżabilità f’termini ta’ aċċessibbiltà materjali u fiżika f’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ taħriġ u r-rispons edukattiv għall-gruppi fil-mira.

4.3.   Involviment akbar tal-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati

4.3.1.

Lil hinn minn approċċ volontarju, it-twettiq ta’ arranġamenti kuntrattwali ma’ atturi jikkonsolida dawn il-prattiki tajbin biex jiġu antiċipati aħjar il-ħtiġijiet tal-ħiliet u tingħata spinta lill-effiċjenza tas-sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali.

4.3.2.

Bis-saħħa ta’ distribuzzjoni effettiva tar-rwoli f’termini ta’ appoġġ u monitoraġġ tal-aktar persuni vulnerabbli, il-partijiet interessati għandhom jiżguraw rwol ewlieni fl-inklużjoni soċjali. Permezz ta’ perkorsi tat-taħriġ u b’appoġġ essenzjali, il-partijiet interessati għandhom rwol speċjali x’jaqdu biex jgħinu lil dawk li qed jitħabtu biex isibu impjieg.

4.3.3.

Is-suċċess tas-sistema ta’ taħriġ vokazzjonali jiddependi mill-involviment attiv tal-imsieħba soċjali fit-tfassil tagħha. Il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ postijiet tat-tagħlim, li huma l-organizzazzjonijiet tat-taħriġ u l-kumpanija, hija fattur ewlieni ta’ suċċess. Id-definizzjonijiet tal-politiki nazzjonali jew reġjonali għandhom jagħtu flessibbiltà lill-imsieħba soċjali biex jadattaw l-istruttura u l-kontenut tat-taħriġ għall-ħtiġijiet ta’ min iħaddem u l-impjegati fil-kuntest partikolari tas-suq tax-xogħol.

4.4.   Żieda fl-interess tal-kumpaniji u l-impjegati fl-investiment fit-taħriġ

4.4.1.

Il-proporzjon ta’ impjegati li jibbenefikaw minn intervista jew titjib tal-ħiliet kull sena għadu baxx wisq, speċjalment fil-kumpanji żgħar u ta’ daqs medju. L-ostakli huma bosta: il-finanzjament tat-taħriġ u d-diffikultajiet għall-impjegaturi biex jissostitwixxu l-persunal li jkun qed jitħarreġ, ir-rifjut tat-taħriġ inizjali, id-disponibbiltà u l-kwalità tal-kontenut u tas-sistemi tat-taħriġ għall-impjegati.

4.4.2.

Bħala tali, l-għarfien bażiku jibqa’ l-prerekwiżit essenzjali għall-aċċess għall-impjiegi, b’mod partikolari fl-SMEs. L-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 qed ikollu impatt qawwi fuq iż-żgħażagħ li qed jirċievu taħriġ u qed iżid ir-rata ta’ tluq bikri, dan qed iżid l-urġenza tal-kwistjoni tal-appoġġ u l-gwida vokazzjonali tul il-ħajja. Dan huwa kruċjali sabiex jiġi attirat l-interess tal-impjegati u ta’ dawk li qed ifittxu impjieg billi jingħataw l-opportunità li jsiru atturi fl-iżvilupp professjonali tagħhom. Mira xierqa tkun li 8 % tal-apprendisti u t-trainees fis-servizz ikunu jistgħu jibbenefikaw minn perjodu ta’ mobilità barra mill-pajjiż; l-istudji tal-impatt b’rabta mal-Erasmus jenfasizzaw il-gwadann fil-ħiliet u l-impjegabbiltà li jirriżulta minn perjodu ta’ mobilità.

4.4.3.

Fl-aħħar nett, hemm il-kwistjoni tal-mod li bih il-kumpaniji jiddeterminaw il-ħiliet tal-kandidati, speċjalment dawk li m’għandhomx dipartiment intern għar-riżorsi umani.

Brussell, is-27 ta’ April 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 237, 6.7.2018, p. 8.

(2)  https://www.cedefop.europa.eu/files/3075_en.pdf, p. 26.

(3)  Rata tal-qgħad (f’kull Stat Membru): https://ec.europa.eu/eurostat/web/lfs/visualisations: rata tal-qgħad, Jannar 2021, EU27.

(4)  Postijiet tax-xogħol vakanti (f’kull Stat Membru): https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Job_vacancy_statistics

(5)  https://skillspanorama.cedefop.europa.eu/en/dashboard/european-skills-index.

(6)  Fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali – VET4EU2 https://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetailDoc&id=38451&no=1


ANNESS

EŻEMPJI TA’ PRATTIKI TAJBIN

Fl-Awstrija, id-dħul fl-apprendistat sa mill-età ta’ 15-il sena

F’dan il-pajjiż, 45 % ta’ dawk li għandhom bejn 15 u 19-il sena huma apprendisti. Fil-maġġoranza tal-każijiet, it-taħriġ taż-żgħażagħ li jagħżlu l-alternanza bejn l-iskola u l-kumpanija jdum tliet snin. Hemm 130 000 apprendist fost iż-żgħażagħ. Dawn iqattgħu 80 % tal-ħin tagħhom f’kumpanija, jiġifieri erbat ijiem ta’ korsijiet prattiċi u ġurnata ta’ tagħlim fl-iskola fil-ġimgħa.

L-apprendistat huwa dritt garantit mil-liġi: l-istudenti li ma jsibux kumpanija għall-apprendistat tagħhom minħabba marki ħżiena fl-iskola jiġu mħarrġa f’workshops pubbliċi.

B’mod ġenerali, fl-Awstrija, il-probabbiltà li apprendist isib impjieg hija tliet darbiet ogħla minn żagħżugħ li jkun waqaf eżatt wara l-iskola obbligatorja. Fl-2018, ir-rata tal-qgħad ta’ dawk taħt il-25 sena kienet ta’ 9,6 %.

Il-preparazzjoni operattiva għall-impjieg (POE) fi Franza

Il-preparazzjoni operattiva għall-impjieg hija rispons rapidu u mfassal apposta għall-professjonijiet li diffiċli biex jimtlew. Dan huwa taħriġ li jippermetti l-kisba jew l-iżvilupp tal-ħiliet professjonali meħtieġa biex tintlaħaq ħtieġa ta’ reklutaġġ identifikat minn qabel.

Il-POE hija mmexxija b’mod konġunt minn Pôle emploi (servizz pubbliku tal-impjieg) u l-kumpanija jew il-fergħa professjonali. B’durata massima ta’ 400 siegħa, din tinkludi perjodu ta’ esperjenza ta’ xogħol fil-kumpanija u tagħti d-dritt għall-istatus ta’ trainee f’taħriġ vokazzjonali, kif ukoll għal remunerazzjoni. Mat-tlestija, jekk jintlaħaq il-livell meħtieġ għall-pożizzjoni, jiġi ffirmat kuntratt ta’ xogħol sostenibbli mal-kumpanija li tkun għażlet lill-kandidat/a.

Matul l-aħħar tliet snin, 70 000 trainee fis-sena bbenefikaw mill-POE, b’rata ta’ integrazzjoni fl-impjieg ta’ madwar 80 %.

Ir-rwol tal-imsieħba soċjali fil-Ġermanja

L-esperjenza tal-imsieħba soċjali tiżgura li l-profili okkupazzjonali jkunu konformi mar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol sabiex il-komponenti tat-taħriġ jiġu integrati faċilment fil-proċessi ta’ produzzjoni u l-għoti ta’ servizzi tal-kumpaniji.

Fil-Ġermanja, ħafna drabi l-ftehimiet ta’ taħriġ vokazzjonali jiġu nnegozjati mill-imsieħba soċjali u mbagħad jiġu inklużi fi ftehimiet kollettivi settorjali. Meta l-kontenut tat-taħriġ ma jibqax jikkorrispondi mar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol, l-imsieħba soċjali jirrevedu t-taħriġ jew joħolqu taħriġ ġdid għal professjonijiet ġodda.

Abbażi tal-finanzjament pubbliku u rregolat mil-liġi soċjali (Sozialgesetzbuch), l-awtonomija u l-appoġġ professjonali għaż-żgħażagħ żvantaġġati u ż-żgħażagħ b’diżabilità huma appoġġjati minn organizzazzjonijiet ta’ apprendistat tal-protezzjoni soċjali u s-servizzi professjonali tagħhom.

Negozjar ta’ ftehim strateġiku dwar taħriġ vokazzjonali fil-Portugall

Fil-qafas tal-Kumitat Permanenti għad-Djalogu Soċjali, il-gvern Portugiż nieda proċess ta’ negozjati għal ftehim strateġiku dwar it-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja. Bħalissa, grupp ta’ ħidma qed ilaqqa’ flimkien ir-rappreżentanti tal-gvern, il-korpi superviżorji u l-imsieħba soċjali sabiex jintlaħaq ftehim dwar il-governanza tas-sistema ta’ taħriġ, kif ukoll ir-regolamentazzjoni u l-finanzjament tagħha. Dan il-ftehim għandu wkoll l-għan li jtejjeb il-kwalità tat-taħriġ, il-kapaċità ta’ adattament rapidu, l-aġilità tal-qafas nazzjonali tal-kwalifiki, ir-rispons għall-ħtiġijiet settorjali, l-inċentiv għat-taħriġ għall-kumpaniji u l-individwi, l-innovazzjoni fit-tagħlim, u t-taħriġ diġitali u dak mill-bogħod.

Sistema doppja fil-Polonja

Fis-sistema edukattiva Pollakka, it-taħriġ doppju huwa taħlita ta’ edukazzjoni skolastika għall-għarfien teoretiku u ta’ xogħol f’kumpanija għall-esperjenza prattika fuq il-post tax-xogħol. It-tul ta’ żmien tat-taħriġ ibbażat fuq skejjel vokazzjonali jvarja bejn sentejn u ħames snin. Fuq il-bażi ta’ sistema ta’ taħriġ b’alternanza, it-taħriġ prattiku jseħħ fil-qafas ta’ kuntratt ta’ impjieg ta’ taħriġ vokazzjonali. It-taħriġ teoretiku huwa s-suġġett ta’ kuntratt ta’ apprendistat li jsir bejn il-kap ta’ istituzzjoni edukattiva u min iħaddem li jkun qed jilqa’ lill-apprendist. Minn Settembru 2019 ’il hawn, l-istudenti kollha tal-edukazzjoni vokazzjonali li ma jibbenefikawx minn din l-iskema għandhom aċċess għal perjodu bi ħlas ta’ traineeship u studji ma’ impjegatur. Ta’ min jinnota li l-kumpaniji tal-artiġjanat żviluppaw it-taħriġ b’alternanza bl-għajnuna ta’ 23 500 ħaddiem tas-sengħa u laqgħu kważi 65 000 żagħżugħ u żagħżugħa.