|
16.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 286/82 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sistema kompjuterizzata għall-komunikazzjoni fi proċedimenti ċivili u kriminali transfruntiera (is-sistema e-CODEX), u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726”
[COM(2020) 712 final — 2020/0345 (COD)]
(2021/C 286/15)
|
Relatur: |
Ozlem YILDIRIM |
|
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 24.2.2021 |
|
Bażi legali |
Artikolu 81(2) u Artikolu 82(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
|
Adottata fis-sezzjoni |
31.3.2021 |
|
Adottata fil-plenarja |
27.4.2021 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
560 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
247/0/3 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva regolatorja proposta, li teħtieġ li tiġi supplimentata mill-proposti tal-Parlament Ewropew. Is-sistema e-Codex se jkollha impatt pożittiv indirett peress li tissemplifika u tħaffef il-proċeduri u l-kooperazzjoni ġudizzjarji transfruntiera, li se jikkontribwixxu wkoll għat-titjib tal-funzjonament tas-suq uniku. |
|
1.2. |
Ta’ min wieħed jinnota li s-sistema e-Codex mhijiex limitata għal ġustizzja elettronika. B’antiċipazzjoni għall-futur, il-KESE jirrakkomanda li tiġi inkluża dispożizzjoni biex tinfetaħ il-possibbiltà ta’ użi oħra minn amministrazzjonijiet pubbliċi oħra, inkluż pereżempju t-trasferiment ta’ rekords tas-saħħa elettronika. |
|
1.3. |
Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinkludi l-aspett tal-iskalabbiltà fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Sa issa, s-sistema e-CODEX kienet qed topera fi ftit Stati Membri li huma l-isponsors inizjali ta’ dan il-proġett. Madankollu, il-proġett attwali tas-sistem e-CODEX jeħtieġ li jissaħħaħ u jkompli jiffunzjona mingħajr xkiel fl-Istati Membri kollha, peress li din hija l-intenzjoni tar-Regolament propost. |
|
1.4. |
Id-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà, l-ekonomija u l-amministrazzjoni qed taċċellera u flimkien dawn jirrappreżentaw għan ambizzjuż; hija meħtieġa rabta ċara ma’ din ir-realtà. Is-sistema e-CODEX hija komponent ewlieni tal-“Pakkett ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja diġitali” u l-infrastruttura tas-servizzi diġitali tal-Ġustizzja elettronika, fost inizjattivi oħra. Peress li tindirizza l-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali, il-KESE jqis li din għandha tkun marbuta mal-istrateġija diġitali globali “Insawru l-Futur Diġitali tal-Ewropa” (1), aspett ewlieni li mhuwiex espliċitu fir-Regolament. |
|
1.5. |
Peress li l-eu-LISA mhijiex aġenzija regolatorja, il-KESE jemmen li l-Kapitolu 2 tar-Regolament propost jeħtieġ li jindirizza t-trasparenza tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-involviment tal-Istati Membri u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u l-indipendenza meħtieġa tad-deċiżjonijiet meħuda mill-korpi involuti fil-governanza tiegħu. |
|
1.6. |
Peress li s-sistema e-CODEX tikkonsisti f’pakkett ta’ prodotti ta’ software, li jista’ jintuża biex jiġi stabbilit punt ta’ aċċess għal komunikazzjoni sigura, il-garanzija ta’ livell għoli ta’ sigurtà trid tkun objettiv ewlieni fir-Regolament, li jinftiehem bħala l-ħtieġa li jiġu stabbiliti miżuri ta’ sigurtà li jipproteġu l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet individwali. |
|
1.7. |
Punt partikolari li l-KESE jemmen li jistħoqqlu attenzjoni akbar huwa l-aċċess reali u wiesa’ għall-ġustizzja diġitali. Il-benefiċċji tas-sistema e-CODEX jeħtieġ li jmorru lil hinn minn aspetti relatati ma’ titjib fil-ġestjoni, l-operat u l-kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni. Il-KESE jemmen li l-iżvilupp tal-ġustizzja diġitali għandu jkollu l-għan li jiżgura li ċ-ċittadini kollha fl-UE jkollhom aċċess sigur, sikur, affidabbli u faċli għall-ġustizzja. |
|
1.8. |
Il-KESE jindika t-tħassib eżistenti li qajmu diversi partijiet ikkonċernati u Stati Membri dwar jekk il-prinċipju tal-indipendenza tal-ġudikatura huwiex se jiġi żgurat biżżejjed fl-operazzjoni permanenti u fl-iżvilupp ulterjuri tas-sistema e-CODEX mill-eu-LISA. |
2. Il-kuntest u l-punti ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni
|
2.1. |
Is-sistema e-CODEX (Komunikazzjoni fil-qasam tal-e-Ġustizzja permezz tal-Iskambju ta’ Data Online) tnediet taħt il-Pjan ta’ Azzjoni pluriennali 2009-2013 dwar l-e-Justice Ewropea (2), prinċipalment biex tippromovi d-diġitalizzazzjoni ta’ proċedimenti ġudizzjarji transfruntiera u biex tiffaċilita l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri. |
|
2.2. |
Is-sistema e-CODEX hijaa l-għodda ewlenija biex jiġi stabbilit network ta’ komunikazzjoni interoperabbli u deċentralizzat bejn is-sistemi tal-IT nazzjonali fi proċedimenti ċivili u kriminali transfruntiera. Hijaa pakkett ta’ software li jippermetti konnessjoni bejn is-sistemi nazzjonali, u li jħalli lill-utenti, bħal awtoritajiet ġudizzjarji, prattikanti legali u membri tal-pubbliku, jibagħtu u jirċievu dokumenti, forom legali, evidenza u informazzjoni oħra b’mod rapidu u sikur. Is-sistema e-CODEX tikkonsisti f’pakkett ta’ prodotti ta’ software li jista’ jintuża biex jiġi stabbilit punt ta’ aċċess għal komunikazzjoni sigura. |
|
2.3. |
Is-sistema e-CODEX hija waħda mill-komponenti ewlenin tal-politika tal-Ġustizzja elettronika tal-Kummissjoni biex ittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja u l-effiċjenza tagħha fl-Istati Membri u hija inkluża fil-Pjan ta’ azzjoni pluriennali Ewropew dwar il-Ġustizzja elettronika għall-2019-2023 (3). Hija kkonfermata wkoll bħala l-għodda ewlenija għal komunikazzjoni diġitali sigura fi proċedimenti ġudizzjarji transfruntiera fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea – Strumentarju ta’ opportunitajiet (4). Fil-kuntest ta’ suq uniku diġitali li għandu l-għan li jipprovdi infrastruttura u servizzi b’veloċità għolja, siguri u affidabbli, is-soluzzjonijiet għall-promozzjoni tal-Ġustizzja elettronika kienu parti mill-pjan ta’ azzjoni tal-Gvern elettroniku għall--2016-2020 (5). |
|
2.4. |
Is-sistema e-CODEX ġiet żviluppata minn 21 Stat Membru tal-UE bil-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi/territorji u organizzazzjonijiet oħra (6) bejn l-2010 u l-2016. |
|
2.5. |
Bħalissa s-sistema e-CODEX hija ġestita minn konsorzju ta’ Stati Membri u organizzazzjonijiet oħra, iffinanzjati minn għotja tal-UE. |
|
2.6. |
Is-sistema e-CODEX teħtieġ li tiġi ġestita b’mod li ma jpoġġix fid-dubju l-indipendenza tal-ġudikaturi nazzjonali. |
|
2.7. |
Il-Kummissjoni qed tressaq proposta għal Regolament biex tistabbilixxi s-sistema e-CODEX fil-livell tal-UE, u qed tafda lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) bil-ġestjoni operattiva tas-sistema. Governanza stabbli għas-sistema e-CODEX se tagħmilha possibbli li din tiġi stabbilita bħala s-sistema prestabbilita għall-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi għall-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-livell tal-UE. L-eu-LISA mhijiex se tieħu f’idejha l-ġestjoni tas-sistema e-CODEX qabel Lulju 2023. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva regolatorja proposta, li teħtieġ li tiġi supplimentata mill-proposti tal-Parlament Ewropew. Is-sistema e-Codex se jkollha impatt pożittiv indirett peress li tissemplifika u tħaffef il-proċeduri u l-kooperazzjoni ġudizzjarji transfruntiera, li se jikkontribwixxu wkoll għat-titjib tal-funzjonament tas-suq uniku. |
|
3.2. |
L-Ewropa hija forza ewlenija fit-trasformazzjoni diġitali. Is-sistema e-CODEX hijaa katalista għal din it-trasformazzjoni fl-Ewropa u fl-Istati Membri u, b’mod importanti, bejniethom. Hija tmur lil hinn mill-ħtiġijiet funzjonali tal-IT, billi tirrigwarda fatturi ewlenin bħall-armonizzazzjoni, il-kultura, id-drittijiet tal-bniedem u proċessi oħra li jeħtieġ li jiġu indirizzati mill-Istati Membri fid-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà u l-ekonomija. |
|
3.3. |
Peress li dan ir-Regolament jippermetti liċ-ċittadini jibbenefikaw minn aċċess transfruntier aħjar għall-ġustizzja, il-KESE jqis li dan irid jindirizza wkoll b’mod speċifiku t-tisħiħ u l-armonizzazzjoni meħtieġa tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja. Dan jibda bl-ekosistema diġitali li tirfed is-sistema e-CODEX, li trid tippermetti ambjent interoperabbli u interkonness. Il-KESE jixtieq jirrimarka li sa issa, l-adozzjoni tal-IT min-naħa tal-ġudikatura fl-Ewropa kienet diverġenti. Għalhekk, il-KESE jappella għal kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn id-dipartimenti nazzjonali tal-ġustizzja u konverġenza fl-UE kollha f’diversi livelli, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-karatteristiċi speċifiċi tas-sistemi nazzjonali inklużi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tad-diversi atturi involuti. Fuq livell tekniku, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom livelli simili ta’ awtomatizzazzjoni u l-kapaċità teknika biex jimmaniġġjaw u jaħżnu dokumenti elettroniċi kbar, kif ukoll biex il-fornituri tas-servizzi jiġu interkonnessi b’mod sigur ħafna. |
|
3.4. |
It-tisħiħ tal-fiduċja fl-interazzjoni elettronika transfruntiera bejn iċ-ċittadini, in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi huwa kruċjali. L-impatt tar-Regolament dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-Suq Uniku Ewropew (eIDAS) fuq l-infrastruttura u l-funzjonament tas-sistema e-CODEX ma jistax jiġi injorat. Peress li r-RegolamenteIDAS jirregola l-firem elettroniċi, it-tranżazzjonijiet elettroniċi, il-korpi involuti u l-proċessi tagħhom, il-KESE josserva li s-sistema e-CODEX tiffunzjona bħala mezz effettiv għall-komunikazzjoni b’mod wiesa’. Jeħtieġ li l-infrastruttura tagħha topera f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament eIDAS u tippermetti interoperabbiltà sigura. |
|
3.5. |
Ta’ min wieħed jinnota li s-sistemae-CODEX mhijiex limitata għall-ġustizzja elettronika. B’antiċipazzjoni għall-futur, il-KESE jirrakkomanda li tiġi inkluża dispożizzjoni biex tinfetaħ il-possibbiltà ta’ użi oħra minn amministrazzjonijiet pubbliċi oħra, inkluż pereżempju t-trasferiment ta’ rekords tas-saħħa elettronika. L-użu tas-sistema e-CODEX lil hinn mill-ġustizzja elettronika se jikkontribwixxi biex jiġi żgurat l-użu fit-tul tiegħu u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-investiment meħtieġ fl-infrastruttura tagħhom. Peress li din il-proposta tirregola l-aspetti tal-ġustizzja biss, sabiex isir dan, ikunu meħtieġa proposti leġiżlattivi differenti. |
|
3.6. |
Il-KESE jappoġġja s-sistema e-CODEX peress li tippermetti trażmissjoni elettronika sigura tal-informazzjoni u d-dokumenti fi proċedimenti ċivili u kriminali transfruntiera. Kif tinnota l-Kummissjoni, dan ir-Regolament huwa meħtieġ għal żewġ raġunijiet ewlenin: (1) biex tiġi stabbilita u prevista s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema e-CODEX, u (2) biex jiġu fdati l-ġestjoni, l-iżvilupp ulterjuri u l-manutenzjoni tagħha lill-Aġenzija eu-LISA. Madankollu, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li governanza effettiva tas-sistema ġudizzjarja diġitali teħtieġ kemm arkitettura teknika li hija sostenibbli u stabbli, kif ukoll infrastruttura soda ta’ governanza. |
|
3.7. |
Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinkludi l-aspett tal-iskalabbiltà fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Sa issa, is-sistema e-CODEX kienet qed jopera fi ftit Stati Membri li huma l-isponsors inizjali ta’ dan il-proġett. Madankollu, il-proġett attwali tas-sistem e-CODEX jeħtieġ li jissaħħaħ u jkompli jiffunzjona mingħajr xkiel fl-Istati Membri kollha, peress li din hija l-intenzjoni tar-Regolament propost. Il-KESE jenfasizza li hija r-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru li jiżgura li s-sistemi tal-IT u l-infrastruttura nazzjonali tagħhom jiffunzjonaw tajjeb, ikunu siguri u li d-data personali u l-privatezza jkunu żgurati. |
|
3.8. |
Il-KESE jappella lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li tgħin lill-entitajiet li joperaw barra mill-UE, b’mod partikolari f’pajjiżi assoċjati mal-Unjoni Ewropea, biex jistabbilixxu l-pakkett ta’ prodotti tas-software tas-sistema e-CODEX. It-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett, li għandu jkun ibbażat fuq mudell ċar ta’ kofinanzjament, iġib benefiċċji għall-partijiet kollha involuti. Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-iskalabbiltà u l-operazzjonalità tas-sistema għandha tiġi kkunsidrata. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1. L-allinjament u l-konsistenza mal-istrateġiji ewlenin Ewropej
|
4.1.1. |
Id-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà, l-ekonomija u l-amministrazzjoni qed taċċellera u flimkien dawn jirrappreżentaw għan ambizzjuż; hija meħtieġa rabta ċara ma’ din ir-realtà. Is-sistema e-CODEX hija komponent ewlieni tal-“Pakkett ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja diġitali” u l-infrastruttura tas-servizzi diġitali tal-Ġustizzja elettronika, fost inizjattivi oħra. Peress li tindirizza l-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali, il-KESE jqis li din għandha tkun marbuta mal-istrateġija diġitali globali “Insawru l-Futur Diġitali tal-Ewropa” (7), aspett ewlieni li mhuwiex espliċitu fir-Regolament. |
|
4.1.2. |
Fil-fehma tal-KESE, l-inizjattiva leġiżlattiva li jmiss dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA), li se tiġi żvelata mill-Kummissjoni fir-rebbiegħa tal-2021 (8), jeħtieġ li tindirizza b’mod speċifiku r-rwol tas-soluzzjonijiet ibbażati fuq l-IA sabiex tippermetti soluzzjonijiet tal-ġustizzja elettronika u r-riskji assoċjati mal-użu ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq l-IA mill-awtoritajiet ġudizzjarji. Dawn l-użi possibbli jinkludu “ġustizzja predittiva” u l-isfidi tagħha, l-użu ta’ pjattaformi għas-soluzzjoni online għat-tilwim, u l-użu ta’ algoritmi f’investigazzjonijiet kriminali. |
|
4.1.3. |
Il-KESE jirrikonoxxi li s-sistema e-CODEX ma tinvolvix l-użu tal-IA. Madankollu, l-IA qed tintuża dejjem aktar fis-sistemi ġudizzjarji. Għaldaqstant, minħabba r-relazzjoni indiretta, il-KESE jirrakkomanda li l-ewwel rieżami tal-Pjan Koordinat dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (9), skedat għall-ewwel trimestru tal-2021, jindirizza r-rabta bejn l-IA u l-ġustizzja diġitali u s-sistema e-CODEX. |
4.2. Governanza effettiva u aspetti operattivi tas-sistema e-CODEX
|
4.2.1. |
Peress li l-eu-LISA mhijiex aġenzija regolatorja, il-KESE jemmen li l-Kapitolu 2 tar-Regolament propost jeħtieġ li jindirizza t-trasparenza tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-involviment tal-Istati Membri u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u l-indipendenza meħtieġa tad-deċiżjonijiet meħuda mill-korpi involuti fil-governanza tiegħu. Pereżempju, u minħabba li se jkun hemm grupp potenzjali ewlieni ta’ utenti tas-sistema e-CODEX, il-parteċipazzjoni tal-avukati tista’ tiġi inkluża kemm fil-livell ta’ politika kif ukoll f’dak ta’ implimentazzjoni biex twieġeb, pereżempju, għall-ħtieġa li jiġi żgurat li s-sistema e-CODEX tappoġġja kundizzjonijiet ekwi f’termini ta’ aċċessibbiltà għall-partijiet kollha u jissodisfa r-rekwiżiti tal-avukati. Il-professjonisti legali ġudizzjarji għandhom għalhekk ikunu involuti b’mod strutturali u mhux biss ikkonsultati. |
|
4.2.2. |
Fuq livell operattiv, il-KESE jissottolinja li hemm bżonn ta’ xi kjarifika rigward, pereżempju, id-delimitazzjoni stretta tal-kwistjonijiet tal-affarijiet interni u l-kwistjoni tal-“punt uniku ta’ servizz”. Jeħtieġ li jiġu armonizzati wkoll il-formati għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-evidenza bejn il-ġurisdizzjonijiet. |
|
4.2.3. |
Rigward l-eu-LISA, l-aġenzija jeħtiġilha tkun ipprovduta b’riżorsi umani biżżejjed u riżorsi finanzjarji suffiċjenti. Sabiex jissaħħaħ dan il-punt, il-KESE jtenni r-rakkomandazzjoni tiegħu dwar it-taħriġ meħtieġ għall-persunal tal-eu-LISA (10), b’mod partikolari l-persunal tal-IT, li għandu jinkludi fehim tajjeb ta’ kif il-ġestjoni tas-sistema e-CODEX trid tiżgura l-indipendenza tal-ġudikatura u d-dritt għal proċess ġust. Dan jista’ jiġi żviluppat aktar fl-Artikolu 13 tar-Regolament propost. |
4.3. Livell għoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet
|
4.3.1. |
Peress li s-sistema -e-CODEX tikkonsisti f’pakkett ta’ prodotti ta’ software, li jista’ jintuża biex jiġi stabbilit punt ta’ aċċess għal komunikazzjoni sigura, il-garanzija ta’ livell għoli ta’ sigurtà trid tkun għan ewlieni fir-Regolament, li jinftiehem bħala l-ħtieġa li jiġu stabbiliti miżuri ta’ sigurtà li jipproteġu l-eżerċizzju mingħajr limitu tad-drittijiet individwali (11). Il-KESE jemmen ukoll li r-Regolament dwar is-sistema e-CODEX irid jisħaq fil-Kapitolu 2 li hemm fis-seħħ ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-Aġenzija eu-LISA u l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) (12). |
|
4.3.2. |
Is-soluzzjonijiet diġitali jeħtieġ li jiżguraw livell għoli ta’ privatezza u protezzjoni tad-data. Livell għoli ta’ sigurtà jinvolvi wkoll l-iżgurar ta’ protezzjoni armonizzata tad-data fil-livell nazzjonali. Il-KESE jtenni l-ħtieġa li l-kontrolluri tad-data fl-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati, jimplimentaw prinċipji tal-protezzjoni tad-data b’mod effettiv u jiżguraw biżżejjed riżorsi finanzjarji biex dan ikun jista’ jseħħ. |
|
4.3.3. |
Ir-riskji relatati mas-sigurtà qed isiru dejjem aktar imprevedibbli. Il-KESE jirrikonoxxi l-fatt li l-valutazzjoni tar-riskju u l-mitigazzjoni tar-riskju jinsabu fil-qalba taċ-ċiklu annwali tal-aġenzija eu-LISA fl-oqsma ta’ ppjanar, operazzjonijiet ta’ rutina u rappurtar. Il-KESE jemmen li minbarra l-istrateġiji ta’ mitigazzjoni tar-riskju u l-immappjar ta’ “riskji kbar”, l-eu-LISA tista’ ssaħħaħ il-qafas tagħha permezz ta’ mmappjar ta’ riskji possibbli b’riżultati mhux mistennija. Dan jagħmilha aġenzija aktar reżiljenti u antiċipatorja. |
5. Il-konformità mad-drittijiet fundamenali
5.1. L-aċċess għall-ġustizzja diġitali għal kulħadd, bħala mod kif jiġu żgurati l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni
|
5.1.1. |
Punt partikolari li l-KESE jemmen li jistħoqqlu attenzjoni akbar huwa l-aċċess reali u wiesa’ għall-ġustizzja diġitali. Il-benefiċċji tas-sistema e-CODEX jeħtieġ li jmorru lil hinn minn aspetti relatati ma’ titjib fil-ġestjoni, l-operat u l-kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni. Il-KESE jemmen li l-iżvilupp tal-ġustizzja diġitali għandu jkollu l-għan li jiżgura li ċ-ċittadini kollha fl-UE jkollhom aċċess sigur, sikur, affidabbli u faċli għall-ġustizzja. L-ugwaljanza tal-aċċess jeħtieġ li tkun fil-qalba tar-Regolament, sabiex jiġu evitati d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi. Il-KESE jirrakkomanda li r-Regolament dwar is-sistema e-CODEX jenfasizza aħjar il-fatt li ċ-ċittadini jeħtiġilhom jibbenefikaw b’mod ġenwin minn protezzjoni legali ugwali u effettiva u aċċess għal ġustizzja elettronika u servizzi diġitali relatati. |
|
5.1.2. |
Il-benefiċċji tas-sistema e-CODEX jridu jilħqu u jservu pubbliku akbar. F’dimensjoni usa’, kemm l-awtoritajiet ġudizzjarji u dawk transfruntiera mhumiex l-uniċi partijiet ikkonċernati. L-ambjent li fih teżisti s-sistema e-CODEX jeħtieġ li jintegra mhux biss l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-punti ta’ aċċess tas-sistema e-CODEX, iżda anke għadd kbir ta’ atturi: ċittadini, qrati, persunal tal-qorti, persunal ieħor amministrattiv u tal-ICT, aġenziji tal-infurzar tal-liġi, nutara, esperti forensiċi diġitali, avukati, u partijiet terzi li jibbenefikaw b’mod dirett jew indirett mis-sistema. |
|
5.1.3. |
Barra minn hekk, minħabba l-importanza tas-sistema e-CODEX biex jiġi żgurat aċċess effettiv taċ-ċittadini u n-negozji għall-ġustizzja, għandha tiġi inkluża wkoll referenza għall-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali. |
5.2. Ir-rispett tal-indipendenza tal-ġudikatura u d-dritt għal proċess ġust
|
5.2.1. |
L-indipendenza tal-ġudikatura hija l-pedament tal-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat u wieħed mill-prinċipji essenzjali tal-istat tad-dritt. L-użu tat-teknoloġija ma għandux jissagrifika t-twettiq konsistenti tal-ġustizzja. Għal din ir-raġuni, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni adegwata dwar jekk is-sistema użata għall-interkonnessjoni tas-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja elettronika hijiex kapaċi tikkonforma mal-prinċipji ta’ proċess ġust u dovut. Tali salvagwardji japplikaw, b’mod partikolari, fil-każ ta’ trasferiment tas-sistema e-CODEX lil eu-LISA. |
|
5.2.2. |
Il-KESE jindika t-tħassib eżistenti li qajmu diversi partijiet ikkonċernati u Stati Membri dwar jekk il-prinċipju tal-indipendenza tal-ġudikatura huwiex se jiġi żgurat biżżejjed fl-operazzjoni permanenti u fl-iżvilupp ulterjuri tas-sistema e-CODEX mill-eu-LISA. Id-dispożizzjonijiet attwali tal-proposta li jsemmu l-indipendenza tal-ġudikatura mhumiex sodisfaċenti. Minħabba l-importanza ta’ dan il-prinċipju, hemm bżonn ta’ kliem aktar b’saħħtu. Barra minn hekk, il-KESE jitlob kjarifika dwar kif l-istruttura ta’ governanza proposta tassistema e-CODEX se tiżgura dan il-prinċipju b’mod effettiv fil-prattika. |
5.3. Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u referenza għalihom
|
5.3.1. |
Il-KESE jissottolinja l-fatt li dan ir-Regolament jrid jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri. Dawn jinkludu d-dritt għas-sigurtà, id-dritt għal rimedju effettiv, u l-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità. Il-KESE jirrimarka li l-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet tiddependi fuq il-kundizzjonijiet skont liema dawn id-drittijiet jistgħu jinkisru u min jiddeċiedi dwar dan. |
|
5.3.2. |
L-użu tat-teknoloġiji diġitali m’għandux idgħajjef id-dritt għal proċess ġust u rimedju legali effettiv. Dan huwa partikolarment importanti fir-rigward ta’: opportunità ugwali għaż-żewġ partijiet biex jargumentaw il-każ tagħhom (opportunitajiet ugwali għall-partijiet); id-dritt li jkollhom għarfien/kummenti dwar l-evidenza u l-osservazzjonijiet kollha ppreżentati (proċedimenti kontenzjużi); id-dritt għal smigħ pubbliku; fi proċedimenti kriminali, nuqqas ta’ interferenza mad-drittijiet tad-difiża. |
|
5.3.3. |
Referenza speċifika għall-applikabbiltà tat-Titolu VI: Ġustizzja tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, u għall-Artikolu 47 tagħha, għandha tiġi inkluża fil-proposta. |
Brussell, is-27 ta’ April 2021.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) COM(2020) 67 final.
(3) Regolament (UE) 2018/1726.
(4) COM(2020) 710 final.
(5) COM(2016) 179 final.
(6) Jersey, in-Norveġja, it-Turkija, il-Kunsill tal-Għaqdiet Ewropej tal-Avukati (CCBE) u l-Kunsill tan-Notarjati tal-Unjoni Ewropea (CNUE).
(7) COM(2020) 67 final.
(8) https://www.europarl.europa.eu/news/mt/headlines/eu-affairs/20201208STO93329/coming-up-eu-spearheads-efforts-for-recovery-in-2021
(9) COM(2018) 795 final https://eur-lex.europa.eu/legal-content/en/ALL/?uri=CELEX:52018DC0795.
(10) ĠU C 283, 10.8.2018, p. 48
(11) Opinjoni EESC-2020–05923 adottata matul is-sessjoni plenarja ta’ April 2021 (ara paġna 76 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(12) https://www.enisa.europa.eu/publications/artificial-intelligence-cybersecurity-challenges.