16.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 286/38


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-governanza Ewropea tad-data (Att dwar il-Governanza tad-Data)”

[COM(2020) 767 final]

(2021/C 286/08)

Relatur:

Giuseppe GUERINI

Korelatur:

Marinel Dănuț MUREŞAN

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 11.12.2020

Parlament Ewropew, 14.12.2020

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

31.3.2021

Adottata fil-plenarja

27.4.2021

Sessjoni plenarja Nru

560

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

234/3/13

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-Proposta għal Regolament dwar “il-governanza tad-data” li jintegra u jikkonsolida d-Direttiva (UE) 2019/1024 (1) (“id-Direttiva dwar id-data miftuħa”), billi jiffoka fuq id-data miżmuma minn entitajiet tas-settur pubbliku u soġġetta għad-drittijiet ta’ partijiet terzi.

1.2.

Il-KESE jqis li dan huwa utli u neċessarju peress li l-ipproċessar, il-ħżin u l-kondiviżjoni tad-data diġitali qed isiru dejjem aktar importanti mhux biss mill-aspett ekonomiku, iżda wkoll mill-aspetti soċjali u ċivili, u jikkonċernaw lill-individwi, lill-amministrazzjonijiet u lin-negozji f’kuntest regolatorju kumpless u strutturat.

1.3.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġi adottat qafas ta’ regoli armonizzat, li jkun jista’ jnissel fiduċja fost iċ-ċittadini, il-konsumaturi, l-SMEs u, b’mod partikolari, fost l-intrapriżi mikro li d-data tagħhom tkun protetta b’mod adatt, sabiex jitrawmu opportunitajiet għall-iżvilupp għall-operaturi ekonomiċi, kif ukoll għall-korpi tar-riċerka u l-iżvilupp.

1.4.

Il-KESE jaqbel mal-għan tal-Kummissjoni li tapplika r-Regolament imsemmi f’din l-Opinjoni għall-amministrazzjonijiet, il-korpi pubbliċi u l-korpi rregolati bil-liġi pubblika, skont approċċ li jinkludi l-entitajiet kollha li jappartjenu għall-isfera pubblika, irrispettivament mill-forma organizzattiva tagħhom.

1.5.

Il-KESE jqis li huwa importanti li, meta l-ġestjoni u l-ipproċessar tad-data, bl-użu tal-għodod tal-intelliġenza artifiċjali, ikunu jikkonċernaw id-dinja tax-xogħol, għandhom jiġu previsti forom adatti ta’ konsultazzjoni u negozjar minn qabel mal-imsieħba soċjali dwar il-kwistjonijiet relatati. Is-soċjetà ċivili organizzata għandha tiġi involvuta wkoll meta tali għodod jaffettwaw id-drittijiet taċ-ċittadini.

1.6.

Il-KESE jappoġġja l-proposta li jiġu identifikati l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli biex jiżguraw superviżjoni adatta tar-regoli l-ġodda.

1.7.

Il-KESE jaqbel dwar is-siwi li jiġu stabbiliti punti ta’ kuntatt f’kull Stat Membru u, b’rabta ma’ dan, jirrakkomanda li dawn ikunu aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha, sabiex jiġi żgurat funzjonament effiċjenti u tiġi promossa kooperazzjoni tajba mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali.

1.8.

Il-KESE jilqa’ l-proposta li tiġi prevista regolamentazzjoni għall-organizzazzjonijiet involuti fil-“ġestjoni altruistika” fil-qasam tad-data, u jaqbel mar-regola li tali organizzazzjonijiet għandhom ikunu entitajiet legali li joperaw mingħajr skop ta’ qligħ u fl-interess ġenerali, b’mod indipendenti u awtonomu fil-konfront ta’ organizzazzjonijiet oħra li jsegwu għanijiet ta’ qligħ fil-ġestjoni tad-data.

1.9.

Il-KESE jqis bħala partikolarment interessanti l-possibbiltà prevista fir-Regolament li jiġi rikonoxxut is-siwi ta’ mudell ta’ “kooperazzjoni għall-ġestjoni u l-iskambju tad-data” bħala strument li jiffavorixxi ċ-ċittadini u l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, il-ħaddiema għal rashom u l-professjonijiet liberi.

1.10.

Il-mudell kooperattiv jista’ jkun ukoll għodda utli ħafna għall-ġestjoni tad-data b’mod newtrali u kondiviż. F’dan ir-rigward, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw liċ-ċittadini, lill-SMEs u lill-organizzazzjonijiet tagħhom biex jieħdu inizjattivi bl-għan li jiżviluppaw organizzazzjonijiet ta’ għajnuna reċiproka għall-ġestjoni u l-iskambju tad-data.

1.11.

Il-KESE jemmen li l-protezzjoni tad-data personali, flimkien mal-protezzjoni tal-identità diġitali u l-protezzjoni tal-privatezza, huma aspetti fundamentali tal-“governanza tad-data” u huma marbutin direttament mal-kwistjoni tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali. Għal din ir-raġuni, iqis li huwa essenzjali li jiġu rikonoxxuti d-drittijiet tal-proprjetà tad-data personali, sabiex iċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jikkontrollaw l-użu tad-data tagħhom.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

Il-proposta tal-Kummissjoni li hija s-suġġett ta’ din l-Opinjoni tipproponi li:

i.

tagħmel id-data tas-settur pubbliku disponibbli għall-użu mill-ġdid f’sitwazzjonijiet fejn tali data tkun soġġetta għal drittijiet ta’ partijiet terzi;

ii.

tiffaċilita l-kondiviżjoni tad-data bejn in-negozji;

iii.

tippermetti l-użu tad-data personali f’konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR);

iv.

tippermetti l-użu tad-data għal raġunijiet altruistiċi.

2.2.

Il-proposta tintegra u tikkonsolida d-Direttiva (UE) 2019/1024 dwar id-data miftuħa u dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (“id-Direttiva dwar id-data miftuħa”), filwaqt li tiffoka fuq id-data miżmuma minn entitajiet tas-settur pubbliku u soġġetta għad-drittijiet ta’ partijiet terzi.

2.3.

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE u għandha l-għan li tqarreb il-liġijiet u l-prattiki amministrattivi tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat il-fluss tad-data fl-Unjoni Ewropea f’ambjent regolatorju armonizzat b’mod li jiżgura konsolidazzjoni adatta tas-suq intern fir-rigward tal-moviment tad-data miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku.

2.4.

Il-Kapitolu I tar-Regolament jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, u jistabbilixxi:

i.

il-kundizzjonijiet għall-użu mill-ġdid, ġewwa l-UE, ta’ ċerti kategoriji ta’ data miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku;

ii.

qafas ta’ notifika u superviżjoni għall-forniment ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni tad-data;

iii.

qafas għar-reġistrazzjoni volontarja ta’ entitajiet li jiġbru u jipproċessaw data magħmula disponibbli għal raġunijiet altruistiċi.

2.5.

Il-Kapitolu II joħloq mekkaniżmu għall-użu mill-ġdid ta’ ċerti kategoriji ta’ data tas-settur pubbliku, bil-kundizzjoni li jiġu rispettatti d-drittijiet ta’ oħrajn. Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ partijiet terzi tista’ tkun rilevanti, b’mod partikolari, għall-protezzjoni tad-data personali, iżda wkoll għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-kunfidenzjalità kummerċjali.

2.6.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu punt uniku ta’ kuntatt biex jappoġġjaw lir-riċerkaturi u lill-kumpaniji innovattivi interessati fl-identifikazzjoni ta’ data adatta, u għandhom jistabbilixxu strutturi biex jappoġġjaw lill-korpi tas-settur pubbliku permezz ta’ mezzi tekniċi adatti u approċċ li jqis il-qafas regolatorju tas-settur.

2.7.

Il-Kapitolu III għandu l-għan li jsaħħaħ il-fiduċja fil-kondiviżjoni tad-data personali u mhux personali u li jnaqqas l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet relatati mal-kondiviżjoni tad-data bejn in-negozji, kif ukoll bejn in-negozji u l-konsumaturi, billi joħloq reġim ta’ notifika għall-entitajiet li jixtiequ joperaw fil-qasam tal-kondiviżjoni tad-data u qafas regolatorju għall-attivitajiet ta’ dawn l-entitajiet. Il-fornituri jkollhom l-obbligu li jibqgħu newtrali fir-rigward tad-data skambjata, mingħajr il-possibbiltà li jużaw tali data għal raġunijiet oħrajn.

2.8.

Il-Kapitolu IV għandu l-għan li jiffaċilita l-kondiviżjoni altruistika tad-data li ssir disponibbli b’mod volontarju minn individwi jew negozji għall-ġid komuni. B’mod partikolari, jistabbilixxi l-possibbiltà li l-organizzazzjonijiet involuti fl-altruiżmu fir-rigward tad-data jirreġistraw bħala “Organizzazzjoni tal-altruiżmu fir-rigward tad-data rikonoxxuta fl-UE” sabiex tiżdied il-fiduċja fl-operazzjonijiet tagħhom.

2.9.

Huwa previst ukoll l-iżvilupp ta’ formola komuni Ewropea ta’ kunsens għall-altruiżmu fir-rigward tad-data, bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ġbir tal-kunsens u l-iffaċilitar tal-portabbiltà tad-data.

2.10.

Il-Kapitolu V jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-funzjonament tal-awtoritajiet kompetenti biex jissorveljaw u jimplimentaw il-qafas ta’ notifika għall-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni tad-data u għall-entitajiet involuti fl-altruiżmu fir-rigward tad-data. Il-Kapitolu fih ukoll dispożizzjonijiet immirati lejn il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwu u, b’mod partikolari, id-dritt li jitressaq ilment amministrattiv u/jew dritt ta’ rimedju ġudizzjarju kontra deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet settorjali maħtura.

2.11.

Il-Kapitolu VI jistabbilixxi l-“Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data”, li se jiffaċilita l-iżvilupp tal-aħjar prattiki mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, b’mod partikolari dwar l-ipproċessar ta’ talbiet għall-użu mill-ġdid tad-data u dwar il-kisba ta’ prattika koerenti rigward il-qafas ta’ notifika għall-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni tad-data, kif ukoll għall-użu altruistiku tad-data.

2.12.

Il-Kapitolu VII jippermetti lill-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar il-formola Ewropea ta’ kunsens għall-altruiżmu fir-rigward tad-data, filwaqt li l-Kapitolu VIII fih dispożizzjonijiet tranżitorji għall-funzjonament tar-reġim ġenerali ta’ awtorizzazzjoni għall-fornituri tal-kondiviżjoni tad-data u d-dispożizzjonijiet finali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-proposta tal-Kummissjoni tidher li hi adatta u meħtieġa peress li l-ipproċessar, il-ħżin u l-kondiviżjoni tad-data diġitali qed isiru dejjem aktar importanti mhux biss mill-aspett ekonomiku, iżda wkoll mill-aspetti soċjali u ċivili, u jikkonċernaw lill-individwi, lill-amministrazzjonijiet u lin-negozji f’kuntest regolatorju kumpless u strutturat.

3.2.

L-użu avvanzat tad-data diġitali jista’ jippermetti l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda u jżid l-effiċjenza tal-proċessi ta’ produzzjoni tradizzjonali, jistimula r-riċerka, jiġġieled it-tisħin globali u jtejjeb l-użu tar-riżorsi tal-enerġija u tal-ilma, u jipproteġi wkoll is-saħħa tal-bniedem b’mod aktar effettiv.

3.3.

L-użu effiċjenti u virtuż tad-data jirrikjedi l-possibbiltà li jiġu kondiviżi u skambjati ammonti kbar ta’ data, li jfisser tiġi sfruttata l-qawwa komputazzjonali tal-magni tal-intelliġenza artifiċjali meta jipproċessaw u jużaw tali data għal objettivi ta’ interess komuni dejjem aktar ambizzjużi. Eżempju ta’ dan huwa l-iskambju ta’ data biex id-dijanjosi tal-mard permezz tal-imaging mediku tkun tista’ ssir fil-ħin.

3.4.

Il-kumplessità u l-ammont ta’ data li tiġi ġġenerata, estratta u trasferita kull mument wasslu biex jinħolqu impriżi, organizzazzjonijiet u korpi li jispeċjalizzaw fil-ġestjoni tad-data jew fl-intermedjazzjoni tad-data għall-finijiet ta’ skambju, kemm kummerċjali kif ukoll fl-interess ġenerali mmirata lejn il-kisba tal-ġid komuni (b’mod partikolari għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika).

3.5.

Fil-kuntest ekonomiku u teknoloġiku attwali, id-data hija riżorsa prezzjuża u utli, u għandha assoċjati magħha kwistjonijiet etiċi, ekonomiċi u politiċi importanti, b’impatt sinifikanti ħafna fuq il-kompetittività u l-kompetizzjoni mhux biss bejn in-negozji iżda wkoll bejn l-Istati Membri. Għalhekk ikun jaqbel li l-Kummissjoni tintervjeni fid-definizzjoni ta’ qafas regolatorju li jkun proporzjonat u ċar għall-governanza pubblika tad-data, sabiex tipproteġi l-valur tagħha mhux biss ekonomikament, iżda wkoll strateġikament fl-oqsma differenti fejn il-kapaċità tas-sjieda u tal-ipproċessar tad-data diġitali hija waħda importanti.

3.6.

Fir-rigward ta’ data sensittiva, u b’mod partikolari data dwar is-saħħa, il-KESE jqis li huwa utli li jitfasslu u jiġu ġeneralizzati prattiki operattivi tajbin, pereżempju kif sar mill-kumpanija Microsoft, li għażlet li tavża lill-klijenti tagħha meta xi awtoritajiet tal-gvern talbu lill-kumpanija biex tiżvela d-data personali tal-klijenti tagħha.

3.7.

Il-KESE jirrikonoxxi u japprezza li l-objettiv ewlieni tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li jinħolqu l-kundizzjonijiet għaċ-ċittadini, il-konsumaturi, il-ħaddiema għal rashom u l-professjonijiet liberi, kif ukoll in-negozji, b’attenzjoni speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar u mikro, biex jikkondividu d-data tagħhom bl-għarfien li din se tiġi ġestita minn organizzazzjonijiet regolati u sorveljati b’mod adatt, sabiex titrawwem il-fiduċja u jiġi żviluppat qafas regolatorju li jkun kompletament kompatibbli mal-valuri u l-prinċipji tal-Unjoni Ewropea.

3.8.

Il-KESE jirrimarka, kif diġà stqarr fl-Opinjonijiet preċedenti tiegħu, li meta tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-governanza tad-data u tal-għodod tal-intelliġenza artifiċjali, huwa meħtieġ qafas regolatorju Ewropew li jiżgura t-trasparenza u t-traċċabbiltà tal-algoritmi, il-kontroll mill-bniedem fuq l-għodod tal-intelliġenza artifiċjali u r-rispett għad-drittijiet fundamentali.

3.9.

Għandu jiġi mfakkar ukoll li, meta dawn l-istrumenti tal-intelliġenza artifiċjali jiġu introdotti fil-postijiet tax-xogħol, il-Kummissjoni Ewropea għandha tipprevedi regoli li jsaħħu d-djalogu soċjali u n-negozjar permezz ta’ konsultazzjoni minn qabel mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, u għandha tħeġġeġ l-istabbiliment ta’ kumitati/osservatorji nazzjonali dwar l-użu ta’ għodod tal-intelliġenza artifiċjali li jinvolvu lill-partijiet interessati kollha: il-konsumaturi, l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, l-assoċjazzjonijiet professjonali u r-rappreżentanti tal-ħaddiema u tas-soċjetà ċivili organizzata.

3.10.

Ikun importanti wkoll li r-Regolament jiffaċilita l-proċess biex jiġu approvati l-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu tas-servizzi għall-ġestjoni tad-data, sabiex il-klawżoli fil-kuntratti għat-trasferiment jew l-aċċess għad-data li jiksru l-istandards ta’ protezzjoni tal-UE jkunu jistgħu jiġu annullati mill-qorti. Għall-istess għan, il-KESE jirrakkomanda l-armonizzazzjoni u t-tisħiħ tal-prinċipju tal-kunsens billi tiġi ssemplifikata l-proċedura għall-aċċettazzjoni jew ir-rifjut tal-cookies.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni hija konformi mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà li jinsabu fit-Trattati, peress li tiżviluppa u tipproponi regoli li ma jissagrifikawx l-interess privat b’mod eċċessiv fil-kuntest tal-għan segwit f’termini ta’ kondiviżjoni u użu virtuż tad-data.

4.2.

Għal din ir-raġuni, regolament li għandu l-għan li jiżgura regoli uniformi li huma applikabbli fl-istess ħin fis-suq intern kollu jidher li huwa l-aktar strument adatt, peress li regolamenti nazzjonali differenti ma jkunux effiċjenti u joħolqu spiża eċċessiva ta’ konformità għall-kumpaniji Ewropej, speċjalment għall-SMEs, u b’hekk ifixklu l-fluss tajjeb tad-data.

4.3.

Għalhekk l-għażla tal-istrument regolatorju tidher li hi l-aħjar għall-bini ta’ suq Ewropew fejn id-data tista’ tiċċirkola b’mod virtuż permezz ta’ qafas armonizzat ta’ regoli, li kapaċi jnissel fiduċja fost iċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, fir-rigward tal-protezzjoni adatta tad-data tagħhom, b’mod li jiġġenera opportunitajiet għall-iżvilupp u t-tkabbir għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-iżvilupp.

4.4.

Il-KESE jaqbel mal-għan tal-Kummissjoni li tapplika r-Regolament imsemmi f’din l-Opinjoni għall-amministrazzjonijiet, il-korpi pubbliċi u l-korpi rregolati bil-liġi pubblika kif diġà jsir fil-każ tar-regoli tal-akkwist, sabiex tiżgura, abbażi ta’ approċċ sod, effettività u kamp ta’ applikazzjoni adatti għar-regoli li jkopru l-entitajiet kollha li jappartjenu għall-isfera pubblika, irrispettivament mill-forma organizzattiva tagħhom.

4.5.

Minn din il-perspettiva, jidher ukoll li jkun proporzjonat u koerenti mal-approċċ ġenerali tar-regoli l-ġodda meta l-impriżi pubbliċi jiġu eżentati mill-applikazzjoni tar-regoli, meta jitqies li l-mudell organizzattiv tagħhom huwa ispirat dejjem aktar minn mudelli tan-negozju u tas-suq.

4.6.

Il-KESE jappoġġja d-dispożizzjoni legali fl-Artikolu 6, li skontha “Il-korpi tas-settur pubbliku li jippermettu l-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data […] jistgħu jitolbu tariffi talli jippermettu l-użu mill-ġdid ta’ din id-data” u li “Kwalunkwe tariffa għandha tkun mhux diskriminatorja, proporzjonata u oġġettivament ġustifikata u ma għandhiex tillimita l-kompetizzjoni”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li n-negozji, l-SMEs, l-organizzazzjonijiet mikro u żgħar u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali jipprovdu ħafna data lill-awtoritajiet; data li għandha spejjeż li jistgħu jkunu sinifikanti u li l-impatt tagħha, b’mod partikolari għall-SMEs, għandu jitqies meta jiġu stabbiliti t-tariffi.

4.7.

Huwa aċċettabbli u apprezzat ukoll il-fatt li l-metodoloġija għall-kalkolu tat-tariffi għandha tiġi ppubblikata minn qabel u li din tkun ibbażata fuq l-ispejjeż tal-ġestjoni u l-kondiviżjoni tad-data, aktar milli fuq sistema differenti ta’ spejjeż li tista’ tiġi assimilata ma’ liċenzja tad-data.

4.8.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li l-iskambji tad-data jsiru f’konformità mal-Artikolu 101 tat-TFUE dwar ftehimiet antikompetittivi. B’mod partikolari, ser ikun importanti li jkun hemm konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali fil-forma ta’ skambju ta’ informazzjoni, sabiex jiġi evitat li entitajiet li jiskambjaw informazzjoni jfixklu t-trasparenza tas-suq u jiffavorixxu riżultati kollużivi bejn kompetituri diretti, u b’riżultat ta’ dan titnaqqas il-kompetizzjoni għad-detriment tal-benessri tal-konsumaturi, l-intrapriżi żgħar u mikro, u jkun hemm distorsjoni tal-kompetittività korretta tas-swieq.

4.9.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-identifikazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali (Artikoli 12 u 20) responsabbli biex jiżguraw monitoraġġ tajjeb tal-effettività tar-regoli l-ġodda stabbiliti mill-Kummissjoni, u jaqbel mal-karatteristiċi li dawn l-awtoritajiet irid ikollhom skont l-Artikolu 23.

4.10.

Sabiex jiġi evitat l-użu ħażin tal-bażijiet tad-data fil-livell nazzjonali jew Ewropew, is-superviżjoni tal-użu tad-data għandha ssir mid-diversi awtoritajiet nazzjonali involuti, f’ħidma bejniethom u mal-Kummissjoni Ewropea.

4.11.

Fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet altruistiċi fir-rigward tad-data u l-kundizzjonijiet ġenerali għar-rikonoxximent ta’ tali korpi, huwa tajjeb li l-Proposta għal Regolament tiddefinixxi li l-organizzazzjonijiet membri għandhom ikunu entitajiet legali li joperaw mingħajr skop ta’ qligħ u fl-interess ġenerali u, fuq kollox, ikunu indipendenti u awtonomi, b’mod partikolari minn organizzazzjonijiet oħra li jsegwu objettivi kummerċjali jew li jagħmlu profitt mill-ġestjoni tad-data.

4.12.

Dawn il-karatteristiċi, flimkien mal-istabbiliment ta’ reġistru pubbliku speċifiku ta’ tali entitajiet, jindirizzaw b’mod adatt il-ħtieġa għat-trasparenza, il-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi taċ-ċittadini u n-negozji li jikkaratterizzaw l-iskambju altruwist tad-data. Dan iwassal għal tisħiħ tal-livell ta’ fiduċja tal-partijiet interessati kollha.

4.13.

Il-KESE jaqbel bis-sħiħ dwar is-siwi li jitwaqqaf punt ta’ kuntatt f’kull Stat Membru, kif jipprevedi l-Artikolu 8 tal-Proposta għal Regolament. Dan il-punt ta’ kuntatt għandu jkun aċċessibbli ħafna għall-partijiet interessati kollha sabiex jiġi żgurat funzjonament effiċjenti u tiġi promossa kooperazzjoni tajba mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mal-imsieħba soċjali.

4.14.

Fl-aħħar nett, jintlaqa’ tajjeb b’mod partikolari l-Kapitolu III tar-Regolament meta jirreferi għall-possibbiltà li jiġu stabbiliti kooperattivi għall-ġestjoni u l-iskambju tad-data bħala mezz li jiffavorixxi ċ-ċittadini (ħaddiema, konsumaturi, intraprendituri) u n-negozji ż-żgħar u l-intraprendituri individwali, li ma jkunux jistgħu jaċċessaw jew jipproċessaw ammonti kbar ta’ data individwalment. Għal dan il-għan, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet tal-SMEs sabiex jieħdu inizjattivi kollettivi biex jiżviluppaw organizzazzjonijiet ta’ għajnuna reċiproka bħal dawn għall-ġestjoni u l-iskambju tad-data.

4.15.

Il-forma kooperattiva u l-forom kollaborattivi ġeneralment jidhru li huma partikolarment adatti għall-ġestjoni tal-intermedjazzjoni, l-iskambju jew il-kondiviżjoni ta’ data fostiċ-ċittadini (ħaddiema, konsumaturi, imprendituri) u l-kumpaniji, peress li, b’mod partikolari, il-forma kooperattiva tippermetti li l-interessi tal-ġestjoni tad-data jikkoinċidu bejn is-suġġetti tad-data u d-detentur tad-data kooperattiv, li f’dan il-każ jappartjeni lill-istess suġġetti tad-data, u għalhekk dawn jistgħu jiżguraw governanza parteċipattiva kondiviża fost iċ-ċittadini, in-negozji u l-intraprendituri, li jista’ jkollhom ir-rwol doppju kemm ta’ kontributuri kif ukoll ta’ utenti u benefiċjarji tad-data. Dan il-mekkaniżmu jista’ jappoġġja l-klima ta’ fiduċja u ta’ ftuħ li tidher li hija kundizzjoni neċessarja għal governanza tajba tad-data fis-suq uniku diġitali Ewropew.

4.16.

F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li hija meħtieġa kooperazzjoni effettiva mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet professjonali.

4.17.

Fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, il-KESE jinnota li d-dritt Ewropew iqis li l-protezzjoni tal-privatezza u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem huma partijiet essenzjali mid-drittijiet fundamentali u invjolabbli tal-individwi. Madankollu, il-protezzjoni adatta ta’ dawn id-drittijiet hija mhedda mill-użu ħażin ta’ data miksuba liberament b’kunsens minn qabel li ġieli jinkiseb permezz ta’ proċeduri li ma jkunux sempliċi biżżejjed. Hemm ukoll każijiet aktar serji fejn id-data tiġi miżapproprjata sewwasew b’serq tal-identità. Il-qrati tal-ġustizzja f’ċerti Stati Membri kkundannaw ripetutament is-“serq tad-data”. Ir-rikonoxximent tas-serq ifisser ir-rikonoxximent tad-dritt tal-proprjetà tad-data.

4.18.

Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li jiġu rikonoxxuti d-drittijiet Ewropej tal-proprjetà tad-data diġitali sabiex iċ-ċittadini (ħaddiema, konsumaturi, imprendituri) ikunu jistgħu jikkontrollaw u jimmaniġġjaw l-użu tad-data tagħhom jew jipprojbixxu l-użu tagħha. B’hekk tingħata l-possibbiltà ta’ azzjonijiet kollettivi b’leġittimità ġuridika ċara bl-għan li jimpedixxu jew jikkontrollaw l-aċċess għad-data tal-persuni u li jiffaċilitaw il-ġestjoni ta’ dik id-data sabiex jinħoloq is-suq diġitali Ewropew.

Brussell, is-27 ta’ April 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56.


ANNESS

Il-punt li jidher hawn taħt – meħud mill-Opinjoni tas-Sezzjoni – ġie rifjutat peress li minfloku intlaqgħet emenda li kienet adottata mill-assemblea, iżda kien appoġġjat b’aktar minn kwart tal-voti mixħuta:

 

1.6.

Il-KESE jappoġġja l-proposta li jiġu identifikati l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli biex jiżguraw superviżjoni adatta tar-regoli l-ġodda u, f’dan ir-rigward, jirrimarka li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data personali li diġà joperaw fl-Istati Membri jistgħu jiġu involuti fl-implimentazzjoni tar-regoli msemmija fil-Proposta tal-Kummissjoni, abbażi tal-esperjenza miksuba, mingħajr ma jinħolqu awtoritajiet ġodda.

4.9.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-identifikazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali (Artikoli 12 u 20) responsabbli biex jiżguraw monitoraġġ tajjeb tal-effettività tar-regoli l-ġodda stabbiliti mill-Kummissjoni, u jaqbel mal-karatteristiċi li dawn l-awtoritajiet irid ikollhom skont l-Artikolu 23. F’dan ir-rigward, mingħajr preġudizzju għal-libertà organizzattiva tal-Istati Membri, il-KESE jirrimarka li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data personali li diġà qed joperaw għandhom għarfien espert tekniku u regolatorju konsiderevoli fis-settur. Għalhekk huma stess jistgħu jimplimentaw ir-regoli koperti mill-proposta tal-Kummissjoni, mingħajr ma jinħolqu awtoritajiet ġodda.

Riżultat tal-votazzjoni:

Voti favur l-emenda (jiġifieri t-tħassir tal-punt):

124

Voti kontra:

94

Astensjonijiet:

27