9.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 220/79 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni”
[COM(2020) 628 final]
(2021/C 220/11)
Relatur: |
Paul RÜBIG |
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 11.11.2020 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
Adottata fis-sezzjoni |
2.3.2021 |
Adottata fil-plenarja |
24.3.2021 |
Sessjoni plenarja Nru |
559 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
254/0/4 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-viżjoni l-ġdida għall-aġenda taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER), u t-tiġdid tal-istess aġenda. Iż-ŻER il-ġdida mhijiex sempliċement “verżjoni ġdida tal-istess ħaġa”, iżda hija “Patt Ġdid” ġenwin għar-Riċerka, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni (RTI) tal-UE. |
1.2. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi fuq proċess rapidu li permezz tiegħu r-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni jissarfu f’negozju sostenibbli, kif deskritt fid-dokument. Is-salvagwardjar ta’ proċess ta’ tranżizzjoni ġusta huwa wieħed mill-aktar elementi importanti biex jiġi żgurat li r-riċerka u l-innovazzjoni jappoġġjaw l-ekonomija u l-impjieg fl-UE. |
1.3. |
Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa governanza ġdida fil-qasam tar-riċerka sabiex jitneħħew l-ostakli amministrattivi u regolatorji għall-innovazzjoni. |
1.4. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li d-dokument taż-ŻER il-ġdida huwa b’mod ġenerali konformi mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, u jappoġġjahom. Minbarra li jrawwem tranżizzjoni lejn ekonomija Ewropea aktar reżiljenti, irkupru inklużiv li jiżgura li l-ebda Ewropew ma jitħalla jibqa’ lura huwa essenzjali fil-proċess ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija Ewropea sostenibbli (1). |
1.5. |
Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-taħlit intelliġenti tal-istrumenti tar-riċerka u l-iżvilupp fil-livelli kollha (livell reġjonali, nazzjonali, tal-UE) huwa importanti. Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni għandhom jiġu promossi billi jsir użu mill-fondi strutturali kbar tal-UE wkoll, kif ukoll permezz ta’ miżuri diretti u indiretti (eż. inċentivi fiskali) għar-riċerka u l-iżvilupp. |
1.6. |
Il-KESE jħoss li s-setturi u t-teknoloġiji ewlenin li ġejjin huma kruċjali għall-prosperità tal-UE:
|
1.7. |
Il-KESE jinnota li r-riċerka fix-xjenzi soċjali u umanistiċi hija importanti ħafna wkoll għat-tiġdid kumpless tal-aġenda taż-ŻER. |
1.8. |
Il-KESE jixtieq jenfasizza l-fatt li r-riċerka tal-UE għadha lura fil-prestazzjoni rigward il-privattivi. L-Asja żiedet is-sehem tagħha tal-applikazzjonijiet globali għal privattivi. Fl-2019, l-Asja ppreżentat 65 % tal-applikazzjonijiet globali għal privattivi. Is-sehem tal-Ewropa tal-privattivi naqas u issa huwa biss 11,3 % tal-applikazzjonijiet globali għal privattivi. |
1.9. |
Bosta studji wrew li l-UE għadha lura meta mqabbla mal-Istati Uniti u l-Asja fil-kultura intraprenditorjali. Il-kultura intraprenditorjali jeħtieġ li tiġi indirizzata fl-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni għolja. Il-kultura intraprenditorjali għandha għalhekk tkun rilevanti matul il-proċess kollu, mill-innovazzjoni fir-riċerka bażika u r-riċerka applikata sal-kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġija ġdida. |
1.10. |
Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), flimkien mal-Komunità ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) rispettivi tagħhom, huma meqjusa bħala msieħba u għodod siewja f’din l-“aċċellerazzjoni tal-applikazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni” u fir-ridirezzjonar tal-fokus tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE fuq il-ġenerazzjoni ta’ innovazzjonijiet rivoluzzjonarji li jindirizzaw il-ħtiġijiet konkreti taċ-ċittadini u n-negozji, b’mod partikolari fir-rigward ta’ sfidi soċjali ewlenin. L-aċċelleratur tal-EIC joffri fondi sostanzjali tal-UE għal negozji ġodda innovattivi Ewropej b’potenzjal għoli ta’ tkabbir, filwaqt li l-EIT min-natura tiegħu jsegwi l-eċċellenza fir-riċerka għall-innovazzjonijiet ta’ spinta fit-teknoloġija (technology-push) fil-KKI tiegħu; għalhekk kemm l-EIC kif ukoll l-EIT huma msieħba importanti fir-rigward tal-aċċellerazzjoni tal-applikazzjoni fil-prattika tar-riċerka u l-innovazzjoni. |
1.11. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġi inkorporat il-prinċipju tal-integrità xjentifika u etika, sabiex jiġi evitat it-telf f’termini ta’ saħħa tal-bniedem, flus u falliment xjentifiku. |
1.12. |
L-Ewropa tinsab lura b’mod partikolari meta mqabbla mal-Istati Uniti u l-Asja fir-rigward tar-rapidità tat-trasferiment tar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp fi prodotti u servizzi innovattivi. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-politika tagħha dwar ir-RTI, timmira lejn l-“eċċellenza” kif ukoll il- “veloċità” fl-istess ħin. |
1.13. |
Il-KESE jissuġġerixxi li, fl-istrateġija l-ġdida tagħha tar-riċerka u l-iżvilupp, il-Kummissjoni Ewropea għandha timmira għal portafolli b’bilanċ tajjeb ta’:
|
2. Kummenti ġenerali
2.1. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li viżjoni ġdida għall-aġenda taż-ŻER, u t-tiġdid tal-istess aġenda huma elementi ewlenin fid-dokument. Id-dokument għalhekk juri li ż-ŻER il-ġdida mhijiex sempliċement “verżjoni ġdida tal-istess ħaġa”, iżda hija “Patt Ġdid” ġenwin għar-RTI tal-UE. Aspett ewlieni tal-“Patt Ġdid” huwa l-objettiv li jiżdied b’mod massiv l-impatt tal-innovazzjoni fuq l-ekonomija u s-soċjetà. B’dan il-“Patt Ġdid”, l-UE-27 timpenja ruħha b’mod definittiv li twaqqaf il-proċess kontinwu li fih iċ-Ċina u l-Korea t’Isfel dejjem ikunu fuq quddiem fir-riċerka bażika kif ukoll fir-riċerka applikata, l-applikazzjonijiet għal privattivi, u l-prodotti u s-servizzi tat-teknoloġija avvanzata. Il-“Patt Ġdid” għandu l-għan li jeduka u jħarreġ aħjar liċ-ċittadini Ewropej f’kull tip ta’ riċerka u żvilupp, innovazzjoni u intraprenditorija, u b’hekk tiġi sfruttata bis-sħiħ il-kapaċità ta’ innovazzjoni tas-soċjetà Ewropea. |
2.2. |
Il-KESE jilqa’ l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea li żżid l-impatt tal-innovazzjoni fuq l-ekonomija u s-soċjetà. Il-KESE jenfasizza li s-soċjetà ċivili organizzata hija xprun għall-innovazzjoni soċjali. Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili hija meħtieġa issa aktar minn qatt qabel – u l-innovazzjoni soċjali ġenwina sseħħ biss meta s-soċjetà ċivili organizzata tkun involuta (2). |
2.3. |
L-Asja, speċjalment iċ-Ċina u l-Korea, tejbet ħafna l-prestazzjoni tagħha fir-RTI f’dawn l-aħħar 20 sena. Iċ-Ċina mhux biss żiedet is-sehem tagħha tal-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp minn 0,55 % (fl-1995) għal 2,2 % (fl-2018), iżda wkoll qabżet l-UE fil-baġit totali li nefqet fuq ir-riċerka u l-iżvilupp; hija nefqet USD 496 biljun fl-2017, filwaqt li l-UE nefqet USD 430 biljun. Skont it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Investiment tar-Riċerka u l-Iżvilupp Industrijali tal-UE tal-2020, mill-2018 sal-2019, il-kumpaniji tal-UE żiedu r-riċerka u l-iżvilupp b’5,6 %, il-kumpaniji tal-Istati Uniti b’10,8 % u l-kumpaniji Ċiniżi b’21,0 %. |
2.4. |
Ir-rapporti tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tax-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Industrija tal-OECD juru, fost affarijiet oħra, li l-UE qed taqa’ lura b’mod speċjali fin-negozji tas-servizzi diġitali u dawk li huma magħrufa bħala innovazzjonijiet rivoluzzjonarji li jagħtu spinta lit-teknoloġija. Il-KESE jirrakkomanda perkors Ewropew għad-diġitalizzazzjoni li jaħtaf l-opportunitajiet għall-ekonomija filwaqt li jissalvagwardja l-valuri soċjetali u d-drittijiet fundamentali Fokus iċċentrat fuq il-bniedem fl-inizjattivi kollha tal-Kummissjoni huwa milqugħ ħafna bil-ħsieb li jiġi żviluppat approċċ Ewropew għall-progress (3). |
2.5. |
Il-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ innovazzjonijiet rivoluzzjonarji (4) filwaqt li jiġi salvagwardjat proċess ta’ tranżizzjoni ġusta hija waħda mill-isfidi ewlenin fil-futur qrib. |
2.6. |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ li ssir enfasi diretta fuq it-“tranżizzjonijiet tewmin”, jiġifieri t-Tranżizzjoni Diġitali u l-Patt Ekoloġiku. |
2.7. |
Il-KESE jilqa’ l-isforzi biex jiġi żgurat li r-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni jiġu tradotti malajr f’negozju sostenibbli. Is-salvagwardja ta’ proċess ta’ tranżizzjoni ġusta, jiġifieri lejn Ewropa aktar ekoloġika/favur il-klima, futur diġitali ġust, b’rispett għad-drittijiet u l-pożizzjonijiet tal-ħaddiema, kif deskritt fid-dokument, hija waħda mill-aktar elementi importanti biex jiġi żgurat li r-riċerka u l-innovazzjoni jappoġġjaw l-ekonomija u l-impjieg fl-UE. |
2.8. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li d-dokument taż-ŻER il-ġdida huwa b’mod ġenerali konformi mal-SDGs u jappoġġjahom. Minbarra li jrawwem tranżizzjoni lejn ekonomija Ewropea aktar reżiljenti, irkupru inklużiv li jiżgura li l-ebda Ewropew ma jitħalla jibqa’ lura huwa essenzjali fil-proċess ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija Ewropea sostenibbli (5). |
2.9. |
Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-taħlit intelliġenti tal-istrumenti tar-riċerka u l-iżvilupp fil-livelli kollha (livell reġjonali, nazzjonali, tal-UE) huwa importanti wkoll. Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni għandhom jiġu promossi billi jsir użu mill-fondi strutturali kbar tal-UE wkoll, kif ukoll permezz ta’ miżuri diretti u indiretti (eż. inċentivi fiskali) għar-riċerka u l-iżvilupp. |
3. Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka f’kuntest ġdid
3.1. |
Kif ġie indikat fil-kummenti ġenerali tagħna, il-KESE mgħandux dubju li, jekk l-istrateġija tal-UE għar-RTI tibqa’ tkun “verżjoni ġdida tal-istess ħaġa”, l-UE se tkompli taqa’ lura fil-kompetizzjoni globali fir-RTI, speċjalment kontra ċ-Ċina, il-Korea u l-Istati Uniti tal-Amerka. |
3.2. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġi inkorporat il-prinċipju tal-integrità xjentifika u etika, sabiex jiġi evitat it-telf f’termini ta’ saħħa tal-bniedem, flus u falliment xjentifiku. |
3.3. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tfassal aġenda tar-RTI bħala “Patt Ġdid” għall-UE. |
3.4. |
L-infrastrutturi avvanzati tar-riċerka u l-innovazzjoni ġestiti b’mod effiċjenti huma kwistjoni ewlenija importanti biex tiġi aċċellerata l-applikazzjoni fil-prattika tar-riċerka u l-innovazzjoni. |
3.5. |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-ġestjoni ta’ kuljum ta’ dawn l-infrastrutturi tar-riċerka u l-innovazzjoni tista’ tiġi professjonalizzata. L-użu ta’ wħud minn dawn l-infrastrutturi għaljin tar-riċerka u l-innovazzjoni huwa relattivament baxx: xi wħud għandhom użu ta’ anqas minn 25 % tas-sigħat tax-xogħol annwali. |
3.6. |
Il-KESE jilqa’ l-inizjattivi tal-KE dwar ix-Xjenza Miftuħa (EOSC). |
3.7. |
Il-KESE jaqbel li t-teknoloġiji msemmija fid-dokument huma teknoloġiji ewlenin strateġiċi u importanti ħafna għall-UE, u jipproponi li jiżdiedu t-teknoloġiji u s-setturi ewlenin li ġejjin:
|
3.8. |
Il-mudelli kummerċjali diġitali bħalissa huma n-negozji li qed jikbru l-aktar malajr fid-dinja u se jkomplu jagħmlu dan fis-snin li ġejjin. Wieħed irid iħares biss lejn il-kummerċ elettroniku (eż. Amazon) l-Industrija 4.0, l-ibbankjar elettroniku, il-logħob elettroniku, in-networks soċjali diġitali (eż. Facebook), is-sigurtà elettronika eċċ. |
3.9. |
Il-KESE jinnota li r-riċerka fix-xjenzi soċjali u umanistiċi hija importanti ħafna wkoll għat-tiġdid kumpless tal-aġenda taż-ŻER. |
3.10. |
Il-KESE jinnota li r-riċerka tal-UE għadha lura fil-prestazzjoni rigward il-privattivi. L-Asja żiedet is-sehem tagħha tal-applikazzjonijiet globali għal privattivi. Fl-2019, l-Asja ppreżentat 65 % tal-applikazzjonijiet globali għal privattivi. Is-sehem tal-Ewropa tal-privattivi naqas u issa huwa biss 11,3 % tal-applikazzjonijiet globali għal privattivi. |
3.11. |
Suġġetti importanti oħra tar-riċerka u l-innovazzjoni jinkludu (iżda mhumiex biss) il-manifattura ta’ prodotti (li dejjem kienet u għadha b’saħħitha fl-UE), l-IT, is-software u l-IA, u t-teknoloġija medja. |
3.12. |
Il-biċċa l-kbira tal-impjiegi fi ħdan l-UE għadhom fit-teknoloġija medja (li, bl-istess mod, dejjem kienet b’saħħitha fl-UE). It-teknoloġija avvanzata hija naturalment importanti, iżda hemm ħafna potenzjal ta’ tkabbir u potenzjal ta’ impjiegi fit-teknoloġija medja wkoll. |
3.13. |
Il-kriżi tal-coronavirus hija sfida serja għall-umanità u għandhom jittieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jiġu żviluppati vaċċini u trattamenti għall-COVID-19. Din il-kriżi kixfet diversi kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati biex jiġu evitati pandemiji simili fil-futur, mhux l-inqas fir-rigward tar-relazzjoni tagħna mad-dinja naturali u l-annimali. Ir-riċerka u l-innovazzjoni Ewropej għandhom jaqdu rwol importanti fl-identifikazzjoni, ir-riċerka u s-soluzzjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-kriżi ma għandhiex tkun l-unika linja gwida għall-istrateġija fit-tul tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. |
3.14. |
Bosta studji wrew li l-UE għadha lura meta mqabbla mal-Istati Uniti u l-Asja fil-kultura intraprenditorjali. Il-kultura intraprenditorjali jeħtieġ li tiġi indirizzata fl-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni għolja. Il-kultura intraprenditorjali għandha għalhekk tkun rilevanti matul il-proċess kollu, mill-innovazzjoni fir-riċerka bażika u r-riċerka applikata sal-kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġija ġdida. Il-kultura intraprenditorjali għandha tkun kompetenza ewlenija fir-RTI tal-UE kollha u għalhekk, naturalment, fiż-ŻER il-ġdida wkoll. |
4. Il-viżjoni: Żona Ewropea tar-Riċerka aktar b’saħħitha għall-futur
4.1. |
Il-Komunikazzjoni tiddedika għadd ta’ paragrafi dwar il-pjani direzzjonali komuni ġodda tat-teknoloġija, dwar Strateġija Industrijali Ġdida u dwar teknoloġiji futuri ewlenin għall-Kummissjoni. Għal darb’oħra, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dawn is-suġġetti kollha għandhom jitqiesu b’rabta mill-qrib mal-SDGs. Fi kliem ieħor, ir-riċerka u l-iżvilupp jeħtieġ li jingħataw spinta b’mod partikolari fi ħdan iż-ŻER il-ġdida u l-pjani direzzjonali komuni għat-teknoloġija, fejn jista’ jiġi appoġġjat kwalunkwe wieħed mis-17-il qasam tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Il-KESE huwa konvint li djalogu soċjali u ċiviku kostruttiv fil-livelli kollha se jikkontribwixxi għal implimentazzjoni b’suċċess tal-istrateġija. |
4.2. |
Il-KESE japprezza t-tisħiħ tal-kooperazzjoni tar-RTI fi ħdan l-UE. Kwalunkwe Stat Membru tal-UE waħdu huwa sempliċement żgħir wisq biex jikkompeti man-nazzjonijiet kbar tar-riċerka bħall-Istati Uniti jew iċ-Ċina. L-Istati Membri individwali m’għandhomx “ekonomiji ta’ skala”, li huma importanti ħafna speċjalment għal innovazzjonijiet kbar rivoluzzjonarji. Il-kisbiet tal-Ewropa fix-xjenza u t-teknoloġija kienu sinifikanti u l-isforzi fir-riċerka u l-iżvilupp jiffurmaw parti integrali mill-ekonomija Ewropea. L-Ewropa kienet l-art ta’ wħud mill-aktar riċerkaturi prominenti f’diversi dixxiplini xjentifiċi, b’mod partikolari l-fiżika, il-matematika, il-kimika u l-inġinerija. Ir-riċerka xjentifika fl-Ewropa hija appoġġjata mill-industrija, mill-universitajiet Ewropej u minn diversi istituzzjonijiet xjentifiċi. L-output mir-riċerka xjentifika Ewropea huwa fost l-aqwa fid-dinja b’mod konsistenti. Filwaqt li l-kooperazzjoni hija element ewlieni fl-innovazzjoni effiċjenti biex jiġu ġġenerati prodotti u servizzi ġodda, il-kompetizzjoni hija l-forza ewlenija fl-ekonomija globali. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda portafoll b’bilanċ tajjeb ta’ kooperazzjoni kif ukoll kompetizzjoni bejn l-Istati Membri fil-“Patt Ġdid” tal-UE għar-RTI. |
4.3. |
L-EIC u l-EIT, flimkien mal-KKI rispettivi tagħhom, huma meqjusa bħala msieħba u għodod siewja f’din l-“aċċellerazzjoni tal-applikazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni” u fir-ridirezzjonar tal-fokus tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE lejn il-ġenerazzjoni ta’ innovazzjonijiet rivoluzzjonarji li jindirizzaw il-ħtiġijiet konkreti taċ-ċittadini u n-negozji, b’mod partikolari fir-rigward ta’ sfidi soċjali ewlenin. |
5. L-applikazzjoni tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-ekonomija
5.1. |
Il-Komunikazzjoni tgħid li “L-UE għadha lura meta mqabbla mal-kompetituri globali ewlenin tagħha fl-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp fin-negozju, b’mod partikolari fis-setturi tat-teknoloġija avvanzata, u f’żieda ta’ SMEs innovattivi b’effetti negattivi fuq il-produttività u l-kompetittività. (…). Il-ftuħ tal-investiment fl-innovazzjoni fin-negozju, fis-servizzi kif ukoll fis-settur pubbliku huwa kruċjali biex din it-tendenza titreġġa’ lura, kif ukoll biex tissaħħaħ is-sovranità industrijali u teknoloġika tal-Ewropa. Jeħtieġ li l-UE tagħmel użu sħiħ mir-riżultati eċċellenti tagħha tar-riċerka u l-innovazzjoni biex tappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomija tal-UE”. Il-KESE jaqbel ma’ din il-pożizzjoni, iżda jixtieq jenfasizza li t-tranżizzjoni diġitali b’mod partikolari teħtieġ approċċ responsabbli f’dak li jirrigwarda r-RTI. Il-KESE jtenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-istrateġija tal-UE li tfittex intelliġenza artifiċjali (IA) affidabbli u ċċentrata fuq il-bniedem, u jtenni t-talba tiegħu għal approċċ ta’ “human-in-command” għall-IA, kif mitlub mill-ewwel Opinjoni tiegħu dwar l-IA fl-2017 (6). |
5.2. |
L-Ewropa tinsab lura b’mod partikolari meta mqabbla mal-Istati Uniti u l-Asja fir-rigward tar-rapidità tat-trasferiment tar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp fi prodotti u servizzi innovattivi. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-politika tagħha dwar ir-RTI, timmira lejn l-“eċċellenza” kif ukoll il- “veloċità” fl-istess ħin. |
5.3. |
Il-KESE ċertament jirrikonoxxi li l-Komunikazzjoni tagħraf li l-applikazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni fi prodotti vijabbli, u li l-katina tal-innovazzjoni jirrikjedu attenzjoni. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet u l-miżuri proposti fid-dokument għadhom jiffukaw fuq in-naħa tal-input tal-katina tal-innovazzjoni (edukazzjoni għolja, karrieri fir-riċerka għal persuni b’talent, aktar flus għar-riċerka pubblika u bażika, eċċ.). |
5.4. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni timmira għal ekwilibriju b’bilanċ tajjeb bejn l-iffukar fuq in-naħa tal-input tal-katina tal-innovazzjoni u l-iffukar fuq in-naħa tal-output. |
5.5. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tħeġġeġ l-innovazzjonijiet tad-domanda fis-suq billi, pereżempju:
|
6. Industriji tas-servizzi
6.1. |
Il-proċessi tal-produzzjoni industrijali jistgħu jkunu awtomatizzati ħafna, b’tali mod li jkunu jistgħu jipproduċu lottijiet ta’ daqsijiet kbar ħafna b’sehem żgħir ta’ kostijiet lavorattivi u kostijiet tal-produzzjoni globalment kompetittivi, anke bil-pagi fis-siegħa għoljin tal-Ewropa. Rigward l-industriji tas-servizzi, din is-sitwazzjoni hija aktar ikkumplikata. Il-mudelli tan-negozju tas-servizzi diġitali, ukoll, jistgħu jkunu awtomatizzati ħafna. Madankollu, is-servizzi lill-individwi, bħall-qtugħ tax-xagħar, il-massaġġi eċċ., ma jistgħux jiġu awtomatizzati. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-UE jkun jaqblilha timmira biex, fl-istrateġija l-ġdida tagħha tar-riċerka u l-innovazzjoni, ikollha portafoll b’bilanċ tajjeb ta’ industriji ta’ produzzjoni ta’ teknoloġija avvanzata u industriji tas-servizzi. |
7. L-approfondiment tal-Qafas għall-Karrieri fir-Riċerka
7.1. |
Il-KESE jilqa’ l-miżuri proposti fil-Komunikazzjoni biex jittejbu l-eċċellenza teknoloġika u xjentifika u l-mobbiltà tar-riċerkaturi żgħażagħ, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid il-miżuri fir-rigward tat-tisħiħ tal-intraprenditorija tar-riċerkaturi u l-innovaturi żgħażagħ ukoll. Dan ikun jinkludi prospetti ta’ karriera aħjar għar-riċerkaturi kif ukoll salarji ogħla, speċjalment għar-riċerkaturi fil-bidu tal-karriera tagħhom. Barra minn hekk, il-konnessjoni bejn l-universitajiet u l-entitajiet ekonomiċi biex tiġi żgurata t-trasformazzjoni tal-innovazzjoni fi prodotti kummerċjabbli tidher li tagħti l-frott. Il-KESE jipproponi li jiġi stabbilit reġistru uniku tar-riċerkaturi u l-innovaturi tal-UE b’data bażika tar-riċerka professjonali sabiex ir-riċerkaturi u l-innovaturi tal-UE jiġu konnessi aktar mill-qrib. |
7.2. |
Kompetenzi ewlenin u kulturi innovattivi ewlenin, teknoloġiji ġodda ta’ apprendiment u għoti ta’ tagħlim, taħriġ personalizzat. |
7.2.1. |
Għal darb’oħra, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li mhumiex biss it-teknoloġiji strateġiċi ewlenin li huma importanti ħafna, iżda li l-kompetenzi ewlenin tal-impjegati u l-kulturi innovattivi fi ħdan l-intrapriżi kollha tal-UE huma importanti ħafna wkoll jekk l-UE trid tirnexxi. |
7.2.2. |
L-element li ġej huwa partikolarment importanti għall-aġenda taż-ŻER il-ġdida, għall-aġenda l-ġdida tar-riċerka u l-innovazzjoni u għall-“Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa” l-ġdid: it-trawwim ta’ kultura innovattiva u kultura ta’ intraprenditorija fi ħdan l-intrapriżi tal-UE, għall-maniġment kif ukoll għall-impjegati kollha, pereżempju billi jiġu offruti korsijiet ta’ taħriġ adatti, eċċ. lill-impjegati. |
8. Involviment taċ-ċittadini
8.1. |
Il-KESE jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Komunikazzjoni li “L-involviment taċ-ċittadini, tal-komunitajiet lokali u tas-soċjetà ċivili se jkun fil-qalba taż-ŻER il-ġdida biex jinkiseb impatt akbar fuq is-soċjetà u żieda fil-fiduċja fix-xjenza”. Il-KESE jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea li huwa bbażat fuq l-idea li “l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-industrija jenħtieġ li jinvolvu liċ-ċittadini fl-għażliet teknoloġiċi”. |
8.2. |
L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħal organizzazzjonijiet tal-konsumatur, NGOs eċċ. jenħtieġ li jkunu involuti bħala msieħba attivi fil-proċessi u l-proġetti Ewropej tar-riċerka u l-innovazzjoni, b’mod partikolari meta r-riċerka taffettwa jew ikollha impatt fuq in-nies jew il-kawża li jirrappreżentaw. L-involviment ta’ dawn l-imsieħba fi stadju bikri se jippromovi l-involviment, il-fehim, is-sjieda u l-aċċettazzjoni tal-innovazzjoni, u jappoġġja l-proċessi ta’ tranżizzjoni ġusta li huma meħtieġa, speċjalment għal innovazzjonijiet rivoluzzjonarji. Se jgħin ukoll lir-riċerkaturi jifhmu l-impatt tal-innovazzjonijiet tagħhom fuq is-soċjetà inġenerali u jgħinhom jindirizzaw l-impatti negattivi potenzjali fi stadju bikri tal-proċess. Għal din ir-raġuni, il-KESE appella wkoll għal approċċ multidixxiplinari f’ċerti oqsma ta’ riċerka, fejn hemm impatt fuq diversi oqsma ta’ riċerka. Wieħed minn dawn l-oqsma huwa għal darb’oħra l-IA, għal liema l-KESE qed jitlob l-involviment tax-xjenzi umanistiċi, il-liġi, l-ekonomija, l-etika, il-psikoloġija, eċċ. fir-riċerka u l-innovazzjoni tal-IA, lil hinn mis-sempliċi element tekniku (7). |
8.3. |
L-ekonomija tal-UE tiddependi ħafna mill-esportazzjonijiet tal-prodotti u s-servizzi tagħha. |
8.4. |
L-għażliet teknoloġiċi għalhekk għandhom ikunu bbażati fuq il-preferenzi taċ-ċittadini tal-UE għall-prodotti u s-servizzi, iżda wkoll fuq dawk tal-bqija mis- 7,8 biljun persuna fid-dinja. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tippromovi b’mod partikolari r-riċerka u l-innovazzjoni biex jintlaħqu l-SDGs tan-NU. |
8.5. |
Kif indikat fil-kummenti ġenerali tagħna, l-importanza tar-RTI jeħtieġ li tiġi kkomunikata aħjar lill-politiċi, lill-midja u lis-soċjetà. |
8.6. |
Għalhekk huwa importanti wkoll li jiġu żviluppati mezzi u strateġiji intelliġenti għall-komunikazzjoni dwar l-importanza tar-RTI, kif ukoll dwar ir-riżultati tagħha, fil-kuntest tal-Komunikazzjoni u tal-istrateġija l-ġdida tal-UE għar-RTI. |
9. Governanza taż-ŻER il-ġdida
9.1. |
Il-KESE jaqbel li sistema ta’ monitoraġġ trasparenti (it-Tabella ta’ Valutazzjoni taż-ŻER) se tkun essenzjali sabiex tiġi mmonitorjata l-prestazzjoni tal-UE fil-kompetizzjoni globali tar-RTI. Il-KESE jirrakkomanda l-ħtieġa għal governanza ġdida fil-qasam tar-riċerka sabiex jitneħħew l-ostakli amministrattivi u regolatorji għall-innovazzjoni. |
Brussell, l-24 ta’ Marzu 2021.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Proposti tal-KESE għar-rikostruzzjoni u l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19: “L-UE jeħtiġilha tkun iggwidata mill-prinċipju li titqies bħala komunità ta’ destin komuni” (ĠU C 311, 18.9.2020, p. 1), punt 5.3.1.
(2) Proposti tal-KESE għar-rikostruzzjoni u l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19: “L-UE jeħtiġilha tkun iggwidata mill-prinċipju li titqies bħala komunità ta’ destin komuni” (ĠU C 311, 18.9.2020, p. 1), punt 6.8.
(3) ĠU C 364, 28.10.2020, p. 101.
(4) Clayton M. Christensen, The Innovator's Dilemma – When New Technologies Cause Great Firms to Fail (Id-dilemma tal-innovatur – Meta teknoloġiji ġodda jikkawżaw il-falliment ta’ kumpaniji kbar), 2016.
(5) Proposti tal-KESE għar-rikostruzzjoni u l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19: “L-UE jeħtiġilha tkun iggwidata mill-prinċipju li titqies bħala komunità ta’ destin komuni” (ĠU C 311, 18.9.2020, p. 1), punt 5.3.1.