16.2.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 56/53 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (riformulazzjoni)
[COM(2020) 579]
u
“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1139 fir-rigward tal-kapaċità tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea li taġixxi bħala Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew”
[COM(2020) 577]
(2021/C 56/07)
Relatur Ġenerali: |
Dumitru FORNEA |
Konsultazzjoni |
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 26-27.10.2020 Parlament Ewropew, 22.10.2020 |
Bażi legali |
Artikoli 100(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni |
Deċiżjoni tal-Bureau |
28.10.2020 |
Adottata fil-plenarja |
2.12.2020 |
Sessjoni plenarja Nru |
556 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
198/21/34 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew japprezza l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew u tal-istituzzjonijiet speċjalizzati tal-UE biex isibu soluzzjonijiet legali u amministrattivi ġodda li jistgħu jiżguraw l-iżvilupp sostenibbli tas-sistema tat-trasport bl-ajru għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha, tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u tal-ambjent. Aħna lkoll naqblu li huwa meħtieġ li tiġi żgurata s-sikurezza tat-traffiku tal-ajru, li titjieb il-prestazzjoni ġenerali, l-iskalabbiltà u r-reżiljenza tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (ATM/ANS), u nappoġġjaw ukoll l-għan tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) għal network pan-Ewropew koerenti u ATM/ANS progressivament aktar integrata u teknoloġikament modernizzata. |
1.2. |
Il-proposta riformulata emendata dwar l-Ajru Uniku Ewropew (SES) tal-Kummissjoni Ewropea hija ġeneralment milqugħa minn ħafna partijiet interessati u hija meqjusa neċessarja biex jintlaħqu l-miri stipulati mill-Kummissjoni jiġifieri: it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, inqas dewmien fl-art (ajruporti) u aktar kosteffiċjenza fil-provvista tas-servizz tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Dawn il-miri għandhom ukoll l-appoġġ ta’ rapporti oħra bħalma huwa r-rapport tal-Grupp ta’ Persuni Għorrief tal-2019 dwar l-Ajru Uniku Ewropew futur (1). |
1.3. |
Il-proposta riformulata emendata dwar l-Ajru Uniku Ewropew ippreżentata hija qafas regolatorju aġġornat li jipprova jikseb il-miri oriġinali tal-Ajru Uniku Ewropew li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, li jitnaqqas id-dewmien u li jsir titjib fil-kosteffiċjenza tal-provvista tas-servizz tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Madanakollu, anke jekk il-proposta tal-Kummissjoni tirrappreżenta titjib meta mqabbla mar-Regolament eżistenti, għadu mhux ċar jekk l-abbozz huwiex biżżejjed sabiex jinkisbu l-miri oriġinali tal-Ajru Uniku Ewropew. Għaldaqstant, nissuġġerixxu li tinbeda diskussjoni biex tiġi ċċarata l-ambizzjoni tar-Regolament il-ġdid dwar l-Ajru Uniku Ewropew. |
1.4. |
Il-funzjoni tal-maniġer tan-network jeħtieġ li tiġi ċċarata. B’mod partikolari, il-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u l-impatt tiegħu fuq l-ippjanar tal-ajru, il-ġestjoni tal-kapaċità, id-disinn tal-ispazju tal-ajru, l-ambjent u l-prijoritizzazzjoni tat-talbiet. |
1.5. |
Il-partijiet interessati kollha fl-avjazzjoni għandhom jiġu involuti biex jittieħdu deċiżjonijiet kbar. Il-prinċipju ta’ konsultazzjoni siewja jeħtieġ li jkun jagħmel parti mill-proposta qafas. |
1.6. |
Hemm tħassib li l-ambizzjoni ta’ din il-proposta hija wiesgħa wisq, u għaldaqstant għandha ssir aktar riflessjoni dwar il-miżuri ambjentali u dawn għandhom jiġu żviluppati lil hinn minn din il-proposta. Politika addizzjonali bħal din għandha tqis il-miżuri rilevanti kollha tas-sostenibbiltà fl-avjazzjoni, fosthom l-introduzzjoni u l-integrazzjoni tal-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli. F’dawn id-dibattiti, għandha tiġi evalwata l-effikaċja tal-modulazzjoni tal-imposti biex tinċentiva l-imġiba ambjentali tal-linji tal-ajru. |
1.7. |
Filwaqt li jirrikonoxxi li s-settur tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru jista’ jikkontribwixxi għat-tnaqqis ġenerali tal-emissjonijiet tas-CO2, l-użu effettiv tat-teknoloġija b’mod sostenibbli jista’ jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 fl-avjazzjoni. Dan l-approċċ għandu jitqies bħala mezz biex titnaqqas aktar l-impronta tal-industrija tal-avjazzjoni. Huwa rikonoxxut li t-teknoloġiji bħal fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 b’mod konsiderevoli, ferm aktar minn dak li jista’ jinkiseb b’din il-proposta. |
1.8. |
Din il-proposta ma tqisx biżżejjed l-impatt drammatiku tal-COVID-19 fuq l-industrija. Speċifikament, l-inkoraġġiment tal-proposta għal tibdil strutturali għandu l-potenzjal li joħloq aktar frammentazzjoni u kumplessità akbar fi żmien fejn l-industrija teħtieġ stabbiltà biex tirkupra. Għaldaqstant, studju u kunsiderazzjoni ulterjuri huma meħtieġa biex jitqies b’mod adegwat l-impatt soċjali u ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19 kemm fuq il-ħaddiema kif ukoll fuq l-utenti tas-servizz. Barra minn hekk, l-għan tal-proposta li ttejjeb il-kapacità fis-settur tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru sar inqas rilevanti peress li t-traffiku naqas b’mod drammatiku mindu faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19. L-istimi attwali tal-Eurocontrol juru li x’aktarx fl-2024 nerġgħu lura għat-traffiku tal-2019 (2). |
1.9. |
Fir-rigward tal-iskema ta’ prestazzjoni, approċċ minn fuq għal isfel immexxi mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) dwar l-analiżi tal-prestazzjoni għandu jqis il-kundizzjonijiet lokali b’mod sinifikanti. Proċess ta’ djalogu soċjali strutturat fuq il-prestazzjoni għandu jqis il-kundizzjonijiet u l-fatturi lokali. |
1.10. |
L-indipendenza ta’ regolatur ekonomiku ġdid trid tiġi żgurata u trid tinżamm demarkazzjoni ċara bejn ir-regolamentazzjoni u l-applikazzjoni tas-servizzi. Għaldaqstant, għandhom isiru l-emendi li ġejjin għall-iskema ta’ prestazzjoni:
|
1.11. |
Għandu jiġi żgurat li s-separazzjoni strutturali tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tevita kunflitti ta’ interess sinifikanti, li jista’ jkollhom impatt fuq l-effiċjenza u l-kosteffettività tal-industrija, il-ħajjiet tal-ħaddiema u s-sikurezza tal-industrija. L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jeħtiġilhom jaġixxu indipendentement minn kwalunkwe pressjoni industrijali, ekonomika, soċjali jew politika u għalhekk, f’konformità mal-istandards fl-Istati Membri, għandhom jibqgħu fi ħdan is-settur pubbliku. Ir-regoli li jistabbilixxu l-għażla tal-proċessi tal-persunal tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti m’għandhomx imorru kontra l-proċessi tal-għażla tas-soltu għall-impjegati taċ-ċivil tal-Istati Membri. |
1.12. |
Il-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (FABs), li din il-proposta tfittex li żżarma, għenu biex tinħoloq kultura komuni bejn l-imsieħba soċjali kollha, u ffaċilitat prestazzjoni mtejba. |
1.13. |
B’referenza għall-provvista tas-servizzi ta’ appoġġ (servizzi tal-komunikazzjoni, tan-navigazzjoni u tas-sorveljanza (CNS), servizzi ta’ informazzjoni ajrunawtika (AIS), servizzi meteoroloġiċi (MET)), ninsabu mħassbin li l-intenzjoni tal-proposta tikkonforma mal-proposti preċedenti, SES1, u SES2, li tipprivatizza u tifframmenta s-settur, li t-tnejn li huma ġew miċħuda bejn il-proposta inizjali tal-Kummissjoni u l-adozzjoni tat-testi differenti. Filwaqt li ntlaħaq kompromess fil-proċess SES2, dan l-approċċ attwali mhuwiex ibbilanċjat, u jiffavorixxi s-separazzjoni tas-servizzi ta’ appoġġ u l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-suq. Il-proposta għandha tqis fehma bbilanċjata, filwaqt li tqis il-konsegwenzi soċjoekonomiċi negattivi ta’ approċċ bħal dan, l-għan li jinħoloq servizz effiċjenti u effettiv, u n-nuqqas ta’ rieda politika li ġiet espressa fi proposti preċedenti dwar l-Ajru Uniku Ewropew. |
1.14. |
Matul il-proċedura leġiżlattiva, huwa rrakkomandat li tingħata kunsiderazzjoni dovuta lil ċerti aspetti ta’ din il-proposta, b’mod partikolari kwalunkwe proposta biex tinfired jew tiġi liberalizzata l-provvista tas-servizzi. Huwa rikonoxxut li dawn il-fatturi għandhom il-potenzjal li jkollhom impatt detrimentali fuq il-ħaddiema u l-imsieħba soċjali għandhom għalhekk jiġu involuti matul dan il-proċess. |
2. Sfond u kummenti ġenerali
2.1. L-għan iddikjarat tal-Kummissjoni Ewropea fl-adozzjoni ta’ dan il-pakkett leġiżlattiv
Il-Kummissjoni għandha l-għan li ttejjeb l-effiċjenza ġenerali tal-mod li bih l-ispazju tal-ajru Ewropew jiġi organizzat u ġestit permezz tar-riforma tal-monopolju tal-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru. Il-pakkett ilu ħafna mistenni u l-leġiżlazzjoni dwar l-Ajru Uniku Ewropew ilha ma tiġi aġġornata għal aktar minn 10 snin. Tqiesu l-bidliet fl-evoluzzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u n-Network Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru għandu jiġi riformat biex ilaħħaq kemm mat-tkabbir sostnut tat-traffiku tal-ajru matul l-aħħar għaxar snin kif ukoll ma’ varjazzjonijiet sinifikanti mhux previsti tat-traffiku, bħal dawk ikkawżati mill-pandemija attwali tal-COVID-19. Dan jeħtieġ bidliet li jippermettu li l-operazzjonijiet isiru taħt l-aktar kundizzjonijiet sikuri, kosteffettivi, effiċjenti fit-titjir u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, kif ukoll miżuri li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni, skont l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan ifisser kontinwazzjoni tad-deframmentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew, biex jitnaqqas id-dewmien, jiżdiedu l-istandards tas-sikurezza u l-effiċjenza tat-titjiriet biex titnaqqas l-impronta ambjentali tal-avjazzjoni, u jitnaqqsu l-ispejjeż relatati mal-provvista monopolistika tas-servizzi.
L-effiċjenza tar-rotot tat-titjiriet tista’ tiżdied billi jiġu adottati soluzzjonijiet ta’ teknoloġija diġitali ġodda. Dan jista’ jiġi implimentat permezz tal-kooperazzjoni u t-tisħiħ tal-fiduċja bejn in-nazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-partijiet ikkonċernati tal-industrija.
2.2. Liċenzja soċjali għall-operat u r-relazzjoni mas-soċjetà ċivili organizzata
2.2.1. |
Din il-Proposta SES2+ hija parzjalment riformulazzjoni ta’ proposta preċedenti tal-SES2+, li d-diskussjonijiet dwarha waqfu minħabba nuqqas ta’ qbil bilaterali bejn żewġ Stati Membri. Peress li l-kontenut huwa simili għal dak tal-proposti preċedenti dwar l-Ajru Uniku Ewropew li ma rnexxewx, għad hemm il-possibbiltà li ma jintlaħaqx kunsens politiku. It-tħassib tal-Istati Membri tradizzjonalment inkluda t-tħassib politiku, it-tħassib dwar is-sovranità, il-fatturi soċjoekonomiċi, il-liberalizzazzjoni tal-ispazju tal-ajru nazzjonali u l-privatizzazzjoni furzata. Matul il-proċedura leġiżlattiva, huwa rrakkomandat li dan it-tħassib jingħata kunsiderazzjoni dovuta. |
2.2.2. |
Il-Kummissjoni Ewropea ssostni li l-kwistjonijiet soċjali tqiesu fil-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2013 dwar il-proposta inizjali SES2+. Bħalissa għaddej studju dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru (ATCO) u tal-persunal tal-prodotti elettroniċi tas-sikurezza tat-traffiku tal-ajru (ATSEP) li se jitqies waqt l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni sekondarja ladarba l-proposta dwar l-Ajru Uniku Ewropew tiġi adottata. Madankollu, minn dak iż-żmien, l-isfond soċjali evolva ħafna. L-istudju dwar li-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ATCO u tal-ATSEP qiegħed jiffoka l-aktar fuq is-sitwazzjoni attwali u l-feedback tal-imsieħba soċjali mhuwiex daqstant pożittiv fir-rigward tax-xenarji futuri. |
2.2.3. |
Għadd ta’ kwistjonijiet mill-feedback ipprovdut mill-partijiet interessati f’diskussjonijiet preċedenti ma tqisux. Dawn jinkludu s-serje ta’ diskussjonijiet madwar mejda li wasslu għad-dikjarazzjoni ta’ livell għoli dwar l-Ajru Diġitali Ewropew, u għodod ta’ konsultazzjoni eżistenti, bħad-Djalogu Soċjali Settorjali tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru, il-Grupp ta’ Persuni Għorrief u l-Grupp ta’ Esperti tal-Ajru Uniku Ewropew dwar id-Dimensjoni Umana. Fid-dawl ta’ dan, għad hemm għadd ta’ kwistjonijiet soċjoekonomiċi pendenti inkluż l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u inizjattiva meħuda mill-imsieħba soċjali tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru biex jiġi żviluppat pjan direzzjonali tad-dimensjoni soċjali u umana għall-Ajru Uniku Ewropew. |
2.2.4. |
Il-partijiet ikkonċernati ewlenin fl-avjazzjoni jappoġġjaw il-kooperazzjoni kontinwa bejn l-Istati Membri, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u l-maniġer tan-network. Il-ħidma tal-inizjattiva Ajru Uniku Ewropew tappoġġja tali impenn transkonfinali, u għandha tkompli tiżviluppa mezzi li bihom jistgħu jittejbu s-sikurezza operazzjonali, l-effiċjenza u l-kosteffettività, inkluż permezz ta’ aċċess għal programmi ta’ taħriġ tal-persunal li fuqhom tiddependi l-kisba tal-“Ajru Uniku Ewropew”. |
2.2.5. |
Laqgħat ta’ ħidma aktar frekwenti bejn l-amministrazzjonijiet tat-traffiku tal-ajru militari fl-Istati Membri kif ukoll djalogu kontinwu bejn l-amministrazzjonijiet tat-traffiku tal-ajru ċivili u militari jistgħu jwasslu għal rotot tat-titjiriet aktar effiċjenti, kemm ekonomikament kif ukoll speċjalment mill-perspettiva ekoloġika u mil-lat ta’ benefiċċji għall-passiġġieri/il-konsumaturi. |
2.2.6. |
L-istabbiliment tal-prestazzjoni ambjentali jeħtieġ li jkun xprunat aktar minn parametri konkreti milli mill-ispiża nnifisha. Hija meħtieġa riforma biex tissaħħaħ l-importanza tal-ekoloġizzazzjoni tat-titjiriet u b’hekk is-servizz li għandu jiġi offrut mill-ANSP u l-Maniġer tan-Network, kif ukoll l-aħjar użu tan-network mill-utenti tal-ispazju tal-ajru. |
2.3. Kunsiderazzjoni tal-pandemija tal-COVID-19
2.3.1. |
B’mod partikolari, l-industrija tal-avjazzjoni soffriet l-aktar mill-kriżi ekonomika b’riżultat tal-kriżi tal-COVID-19. L-istimi internazzjonali huma li l-livelli tat-traffiku jerġgħu lura għal dawk tal-2019 l-aktar kmieni fl-2024, sakemm il-vaċċin tal-COVID-19 jiġi introdott b’suċċess fl-ewwel nofs tal-2021. Minħabba li qed tiżdied il-pressjoni fuq l-industrija biex tirkupra xi forma ta’ operazzjonijiet normali, l-impatt ta’ din il-proposta għandu jinftiehem bis-sħiħ, meta jitqiesu l-emendi strutturali sinifikanti li qed tipproponi għall-industrija Ewropea tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Il-proposta m’għandhiex tfixkel il-kapaċità tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru jew ta’ setturi oħra tal-avjazzjoni biex jerġgħu jibdew l-operazzjonijiet normali. |
2.3.2. |
Hemm nuqqas evidenti ta’ adattamenti għall-proposta fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19, li jservi biex jenfasizza t-tħassib espress li l-proposta hija maqtugħa mill-fatturi li jikkonċernaw l-industrija tal-avjazzjoni fid-dinja wara l-COVID-19. Jidher li l-valutazzjonijiet kollha tal-impatt tal-proposta saru qabel il-COVID-19 u għalhekk mhumiex aktar rilevanti. |
2.3.3. |
Il-kriżi tal-COVID-19 kellha effett drammatiku fuq il-forza tax-xogħol fl-avjazzjoni, fejn għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema diġà tilfu xogħolhom fl-Ewropa. Il-“funzjonijiet ta’ appoġġ” tal-industrija tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru bħas-CNS, l-AIS, u l-MET jistgħu jwasslu għal aktar konsegwenzi soċjali negattivi minħabba l-isforzi ta’ din il-proposta biex tifred is-servizzi. Dan irid jiġi rikonoxxut, u l-proposta għandha tkun konxja tal-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija fuq dawn il-ħaddiema u l-volatilità tas-settur fil-klima attwali. |
2.3.4. |
Peress li l-futur tal-industrija għadu mhux ċar, huwa diffiċli li titħejja leġiżlazzjoni li tipprovdi rimedju effettiv għat-tħassib indirizzat fl-għan tal-proposta. Barra minn hekk, l-impatti soċjali u ekonomiċi tal-kriżi għadhom mhumiex ċari għalkollox, u huwa prematur li jsiru valutazzjonijiet jew konklużjonijiet ibbażati fuq il-projezzjonijiet attwali, li qed jinbidlu malajr hekk kif tiżviluppa l-pandemija. |
2.4. Applikazzjoni tal-prinċipji tas-suq
2.4.1. |
Il-Kummissjoni qiegħda titlob robustezza finanzjarja, iżda il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ANSPs) jistgħu jqisu l-arkitettura istituzzjonali l-ġdida proposta bħala waħda pjuttost burokratika, bi spejjeż ġodda introdotti li mhux neċessarjament huma relatati mal-ħidma operattiva. Aspett ieħor li jista’ jqajjem mistoqsijiet huwa l-korp tal-appell, li, fil-format propost, jista’ ma jkunx totalment indipendenti mill-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni (PRB), anke jekk l-intenzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward hija pjuttost ċara, jiġifieri l-ħolqien ta’ korp li jista’ jsolvi każijiet permezz ta’ proċedura mhux ġudizzjarja, u mhux biss fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. |
2.4.2. |
Għall-kuntrarju ta’ setturi oħra tal-industrija, is-settur tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għandu jibqa’ f’livell għoli ta’ kapaċità operattiva irrispettivament mid-domanda fit-traffiku tal-ajru kummerċjali. Is-settur u l-forza tax-xogħol tiegħu komplew jaħdmu irrispettivament mill-pandemija u pprovdew is-servizzi meħtieġa għat-traffiku essenzjali bħall-merkanzija bl-ajru, it-titjiriet mediċi u militari. |
2.4.3. |
Minn perspettiva soċjoekonomika, hemm tħassib li l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-suq għas-Servizzi tat-Traffiku tal-Ajru tal-Ajrudromi tista’ twassal għal instabbiltà fix-xogħol u tnaqqas l-istandards tax-xogħol fis-settur għad-detriment tal-forza tax-xogħol u tal-komunità kollha kemm hi. Dan ifixkel l-għan li tinkiseb żieda fl-effiċjenza operattiva u għalhekk huwa improbabbli li tonqos l-ispiża tas-servizzi. Tista’ wkoll tnaqqas l-għadd ta’ ajrudromi fejn jiġi pprovdut is-servizz tat-traffiku tal-ajru u jkollha impatt dirett fuq is-sikurezza f’ajrudromi bħal dawn. |
2.4.4. |
Fis-settur tal-ATM, tradizzjonalment kien hemm livell għoli ta’ inkwiet industrijali b’tentattivi preċedenti biex jiġi liberalizzat is-settur. Fil-fatt, ħafna minn dan l-inkwiet iffoka speċifikament fuq proposti preċedenti tal-SES. Huwa possibbli li din il-proposta fil-forma attwali tagħha twassal għal aktar inkwiet soċjali u tilwim industrijali minħabba l-għan tagħha li tikseb liberalizzazzjoni akbar tal-industrija u li tiftaħ għal aktar privatizzazzjoni u frammentazzjoni tas-settur tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, b’mod partikolari fl-hekk imsejħa “funzjonijiet ta’ appoġġ”. |
2.5. Is-separazzjoni tal-awtorità superviżorja u l-provvista tas-servizzi
Wara r-regolament SES1, hemm separazzjoni obbligatorja bejn ir-rwoli superviżorji u dawk tal-provvista tas-servizzi, tal-anqas fil-livell ta’ funzjoni. Għandha tingħata kunsiderazzjoni lil din l-emenda fis-SES2+, peress li l-esperjenza miksuba permezz tal-proċessi ta’ separazzjoni funzjonali wriet li l-prestazzjoni tista’ tinżamm fl-istess livell bħala settur li huwa strutturalment separat. Bl-istess mod, aktar ċarezza dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali tal-proposta f’dan ir-rigward tintlaqa’ tajjeb.
Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2020.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) https://www.sesarju.eu/node/3330
(2) Eurocontrol, l-Aġġornament tas-Suq [10 ta’ Novembru 2020]. Kif ippreżentat minn Eamonn Brennan waqt il-Eurocontrol Hardtalk Live tal-10 ta’ Novembru 2020 https://www.youtube.com/watch?v=-VSQe97wDmc
ANNESS
Dawn il-punti tal-abbozz ta’ opinjoni ġew immodifikati biex jirriflettu l-emendi adottati mill-Assemblea, iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):
(a) Punt 1.14
1.14. |
Għandha ssir valutazzjoni tal-impatt soċjali dwar Matul il-proċedura leġiżlattiva, huwa rrakkomandat li tingħata kunsiderazzjoni dovuta lil ċerti aspetti ta’ din il-proposta, b’mod partikolari kwalunkwe proposta biex tinfired jew tiġi liberalizzata l-provvista tas-servizzi. Huwa rikonoxxut li dawn il-fatturi għandhom il-potenzjal li jkollhom impatt detrimentali fuq il-ħaddiema u l-imsieħba soċjali għandhom għalhekk jiġu involuti matul dan il-proċess. |
Riżultat tal-votazzjoni dwar l-emenda:
Voti favur: |
119 |
Voti kontra: |
104 |
Astensjonijiet: |
26 |
(b) Punt 2.2.1
2.2.1. |
Din il-Proposta SES2+ hija parzjalment riformulazzjoni ta’ proposta preċedenti tal-SES2+, li d-diskussjonijiet dwarha waqfu minħabba nuqqas ta’ qbil bilaterali bejn żewġ Stati Membri. Peress li l-kontenut huwa simili għal dak tal-proposti preċedenti dwar l-Ajru Uniku Ewropew li ma rnexxewx, għad hemm il-possibbiltà li ma jintlaħaqx kunsens politiku. It-tħassib tal-Istati Membri tradizzjonalment inkluda t-tħassib politiku, it-tħassib dwar is-sovranità, il-fatturi soċjoekonomiċi, il-liberalizzazzjoni tal-ispazju tal-ajru nazzjonali u l-privatizzazzjoni furzata. Serje ta’ valutazzjonijiet tal-impatt bir-reqqa tgħin fl-identifikazzjoni u l-mitigazzjoni ta’ dan it-tħassib. Matul il-proċedura leġiżlattiva, huwa rrakkomandat li dan it-tħassib jingħata kunsiderazzjoni dovuta. |
Riżultat tal-votazzjoni dwar l-emenda:
Voti favur: |
113 |
Voti kontra: |
113 |
Astensjonijiet: |
23 |
Skont l-Artikolu 61 tar-Regoli ta’ Proċedura, peress li l-votazzjoni kienet ugwali (numru indaqs ta’ voti favur u kontra), il-President kellha l-vot deċiżiv favur l-emenda.