9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/66


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali”

(COM(2020) 642 final — 2020/0289 (COD))

(2021/C 123/10)

Relatur:

Arnaud SCHWARTZ

Korelatur:

Isabel CAÑO AGUILAR

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 19.10.2020

Kunsill, 20.10.2020

Bażi legali

Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Bureau

28.10.2020

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

11.1.2021

Adottata fil-plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

254/2/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni (1) biex jissaħħaħ il-mekkaniżmu ta' rieżami intern li jinsab fir-Regolament ta' Aarhus (2) u japprezza l-potenzjal tiegħu.

1.2

Il-KESE jappoġġja l-erba' azzjonijiet ta' prijorità identifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri l-obbligu tal-Istati Membri biex jittrasponu bis-sħiħ u b'mod korrett ir-rekwiżiti tal-aċċess għall-ġustizzja li jirriżultaw mil-liġi sekondarja tal-UE, il-ħtieġa li l-koleġiżlaturi jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja fil-leġiżlazzjoni ġdida u riveduta tal-UE dwar kwistjonijiet ambjentali, li l-Istati Membri jwettqu rieżami tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji nazzjonali tagħhom li jipprevjenu jew ixekklu l-aċċess għall-ġustizzja, u l-obbligu tal-qrati nazzjonali biex jiggarantixxu id-dritt tal-individwi u tal-NGOs għal rimedju effettiv skont id-dritt tal-UE.

1.3

Madankollu, il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-proposta fiha lakuni problematiċi li jistgħu jintużaw mill-istituzzjonijiet biex jevitaw li jinżammu responsabbli.

1.4

Għalhekk, pereżempju, il-KESE ma japprovax il-proposta tal-Kummissjoni li jiġu esklużi l-atti tal-UE li jinvolvu “miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni”, peress li hemm possibbiltà reali li din l-esklużjoni tista’ tannulla jew iġġib fix-xejn is-siwi tal-proposta tal-Kummissjoni.

1.5

Il-KESE huwa mħasseb ukoll li jekk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jitħallew iwettqu rieżami biss ladarba jkunu ġew adottati l-miżuri ta’ implimentazzjoni, dan jiżola ħafna atti u omissjonijiet tal-UE, jekk mhux ħafna minnhom, minn rieżami intern.

1.6

Minkejja l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni, il-KESE jinnota li atti tal-UE li mhumiex legalment vinkolanti jista’ jkollhom effetti sinifikanti kemm fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE kif ukoll fuq l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE).

1.7

L-imsieħba soċjali huma atturi ewlenin fi kwistjonijiet ambjentali, u l-KESE għalhekk iħeġġeġ li dawn jiġu rikonoxxuti b’mod espliċitu fir-rigward tal-aċċess għall-ġustizzja.

1.8

Il-KESE jenfasizza wkoll li r-Regolament il-ġdid għandu jippermetti rieżami intern tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

1.9

Il-KESE jqis li l-protezzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili minn piżijiet żejda (bħal spejjeż addizzjonali u miżuri burokratiċi) kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE għandha tiġi żgurata b’mod xieraq sabiex l-istħarriġ ġudizzjarju jkun aċċessibbli fil-prattika.

2.   Kuntest

2.1   Introduzzjoni għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus u l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni

2.1.1

Il-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (il-Konvenzjoni ta' Aarhus) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) ġiet adottata fil-25 ta' Ġunju 1998 (3). Il-Konvenzjoni tistabbilixxi għadd ta' drittijiet għall-pubbliku (l-individwi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom) fir-rigward tal-ambjent. Din tikkonsisti minn tliet pilastri:

id-dritt li kulħadd jirċievi informazzjoni ambjentali miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi (“aċċess għall-informazzjoni ambjentali”). Dan jista' jinkludi informazzjoni dwar l-istat tal-ambjent, iżda wkoll dwar politiki jew miżuri meħuda, jew dwar l-istat tas-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem fejn dan jista' jiġi affettwat mill-istat tal-ambjent. L-applikanti huma intitolati li jiksbu din l-informazzjoni fi żmien xahar mit-talba u mingħajr ma jkollhom għalfejn jgħidu għalfejn jirrikjeduha. Barra minn hekk, l-awtoritajiet pubbliċi huma obbligati, skont il-Konvenzjoni, ixerrdu b'mod attiv l-informazzjoni ambjentali fil-pussess tagħhom;

id-dritt li wieħed jipparteċipa fit-teħid tad-deċiżjonijiet ambjentali. Għandhom isiru arranġamenti mill-awtoritajiet pubbliċi biex jippermettu lil organizzazzjonijiet mhux governattivi pubbliċi u ambjentali jikkummentaw dwar, pereżempju, proposti għal proġetti li jaffettwaw l-ambjent, jew pjani u programmi relatati mal-ambjent, biex dawn il-kummenti jiġu kkunsidrati fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u biex tingħata informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet finali u r-raġunijiet għalihom (“il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet ambjentali”);

id-dritt li jsir rieżami tal-proċeduri biex jiġu kkontestati deċiżjonijiet pubbliċi li jkunu ttieħdu mingħajr ma ġew rispettati ż-żewġ drittijiet imsemmija hawn fuq jew il-liġi ambjentali b'mod ġenerali (“l-aċċess għall-ġustizzja”).

2.1.2

L-UE hija parti fil-Konvenzjoni ta' Aarhus. Ir-Regolament ta' Aarhus li ġie adottat fl-2006 (4) jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE.

2.1.3

Fil-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (5), il-Kummissjoni impenjat ruħha li “tikkunsidra tirrevedi r-Regolament ta' Aarhus biex ittejjeb l-aċċess għall-istħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju fil-livell tal-UE għaċ-ċittadini u għall-NGOs li huma mħassba dwar il-legalità ta' deċiżjonijiet b'effetti fuq l-ambjent” u biex “tieħu wkoll azzjoni biex ittejjeb l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja quddiem il-qrati nazzjonali fl-Istati Membri kollha”.

2.1.4

Fl-14 ta' Ottubru 2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta leġiżlattiva li temenda r-Regolament ta' Aarhus (6) bl-objettiv iddikjarat li “tittejjeb l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus” billi ssir reviżjoni tal-mekkaniżmu tar-rieżami amministrattiv" għall-benefiċċju tal-NGOs fir-rigward ta' atti u ommissjonijiet amministrattivi tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE".

2.1.5

Il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat fil-proposta tagħha, abbażi tas-sentenzi tal-QĠUE dwar ir-rilevanza tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fl-ordni ġuridiku tal-UE, li l-proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi relatati mal-aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tal-liġi ambjentali huma “fil-prinċipju” koperti mil-liġi tal-Istati Membri. Għaldaqstant, kull titjib fl-aċċess għar-rieżami amministrattiv u ġudizzjarju fil-livell tal-UE jikkomplementa l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali tal-UE fil-livell tal-qrati nazzjonali tal-Istati Membri.

2.1.6

Il-qrati nazzjonali huma obbligati li jagħtu l-aċċess għall-ġustizzja b’rabta ma’ kwistjonijiet ambjentali, skont l-Artikoli 9(2) u 9(3) tal-Konvenzjoni, anki meta tkun qed tiġi implimentata l-liġi ambjentali tal-UE. Madankollu, jekk fil-livell nazzjonali l-NGOs ikkonċernati jiskopru nuqqasijiet fil-proċeduri amministrattivi adottati, huma għandhom l-ewwel ifittxu rimedju mill-qorti nazzjonali kompetenti fl-Istat Membru. L-NGOs sussegwentement jiksbu aċċess għall-QĠUE skont il-proċedura ta’ referenza preliminari skont l-Artikolu 267 tat-TFUE. Din il-proċedura tista’ tikkonċerna wkoll il-validità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-UE.

2.2   Kontenut essenzjali tad-dokument tal-Kummissjoni Ewropea

2.2.1

L-emendi proposti mill-Kummissjoni huma maħsuba b'mod partikolari biex itejbu l-possibbiltajiet għall-NGOs ambjentali biex jitolbu lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jagħmlu rieżami ta' atti fejn l-NGOs iqisu li jistgħu jiksru d-dritt tal-UE relatat mal-ambjent.

2.2.2

Dan għandu jrawwem il-ftuħ u r-responsabbiltà fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali, jikkontribwixxi għal trasparenza akbar u għal ilħuq aktar effettiv tal-objettivi ambjentali tal-UE u, għalhekk, jgħin biex jinkisbu l-bidliet sistemiċi tas-soċjetà meħtieġa mill-Patt Ekoloġiku Ewropew.

2.2.3

Il-proposta temenda r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 li ġie adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-2006, wara r-ratifika mill-UE tal-Konvenzjoni ta' Aarhus fl-2005.

2.2.4

Fl-2017, il-Kumitat ta' Konformità taħt il-Konvenzjoni sab li l-UE kienet naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha li jikkonċernaw l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. Il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni hija maħsuba biex tindirizza dawn is-sejbiet.

2.2.5

Il-proposta leġiżlattiva hija akkumpanjata minn Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (7) li għandha l-għan li tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali għall-individwi u l-NGOs fl-Istati Membri tal-UE.

2.2.6

L-awtoritajiet nazzjonali u lokali jieħdu ħafna deċiżjonijiet importanti meta japplikaw il-liġijiet ambjentali tal-UE, pereżempju meta jagħtu permessi għal proġetti ta' infrastruttura jew installazzjonijiet industrijali li jistgħu jniġġsu n-natura u l-ħamrija, l-arja jew l-ilma.

2.2.7

Huwa importanti li jitjieb l-iskrutinju pubbliku ta' dawn id-deċiżjonijiet ukoll. Il-Kummissjoni se tieħu miżuri biex tgħin lill-Istati Membri jtejbu s-sistemi tagħhom bħat-taħriġ, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, iżda hija lesta wkoll li tieħu azzjoni legali f'każ ta' ksur tad-dritt tal-UE.

2.3   Il-passi li jmiss

2.3.1

Il-proposta tal-Kummissjoni issa għandha tiġi nnegozjata u adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-Kummissjoni se timpenja ruħha b'mod kostruttiv maż-żewġ istituzzjonijiet biex tiffaċilita l-adozzjoni tar-Regolament ta' Aarhus rivedut qabel il-laqgħa tal-Partijiet fil-Konvenzjoni ta' Aarhus f'Ottubru 2021.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jfakkar il-konklużjonijiet mill-Opinjoni preċedenti tiegħu dwar L-aċċess għall-ġustizzja f'livell nazzjonali b'rabta ma' miżuri li jimplimentaw il-liġi ambjentali tal-UE (8):

3.1.1

filwaqt li jirrikonoxxi li l-konsistenza fl-Aċċess għall-Ġustizzja madwar l-UE hija fattur essenzjali li jirfed is-suq uniku u l-implimentazzjoni konsistenti tad-drittijiet fl-Unjoni li joriġinaw mid-dritt tal-UE, u jipprovdi ċ-ċarezza u ċ-ċertezza meħtieġa għas-swieq u għall-investituri;

3.1.2

jappoġġja l-Konvenzjoni ta' Aarhus u l-implimentazzjoni sħiħa tagħha mill-UE u fi ħdanha. Huwa għalhekk essenzjali li s-sejbiet dwar il-konformità tal-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta' Aarhus (ACCC), maħtur mill-Partijiet, ikunu kompletament approvati mill-Partijiet;

3.1.3

f'kuntest globali ta' intimidazzjoni u persekuzzjoni ta' difensuri ambjentali, jitlob lill-UE biex tkun mexxejja fl-iffaċilitar tal-Aċċess għall-Ġustizzja;

3.1.4

jagħti prijorità, flimkien mal-NGOs ambjentali u s-soċjetà ċivili, lil approċċ wiesa' u ambizzjuż għall-metodi u l-oqsma li fihom l-UE tista' ttejjeb l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi ħdan u mill-Istituzzjonijiet tal-UE. Għandhom jiġu indirizzati wkoll approċċ parallel u komplementari għall-Aċċess għall-Ġustizzja fi ħdan u mill-istituzzjonijiet tal-UE, gwida assoċjata u attivitajiet ta' implimentazzjoni.

3.2

Il-KESE jfakkar ukoll il-pożizzjoni tiegħu fl-Opinjoni dwar L-azzjonijiet tal-UE biex titjieb il-konformità ambjentali u l-governanza (9) li n-nuqqasijiet attwali qed jimminaw il-fiduċja taċ-ċittadini fl-effettività tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea biex jimmobilizzaw finanzjament sostanzjali għar-reklutaġġ ta' persunal addizzjonali, sabiex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-governanza u l-leġiżlazzjoni ambjentali.

3.3

Il-KESE, b'referenza għall-Opinjoni tiegħu dwar Rwol aktar kostruttiv għas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali (10), jerġa' jistieden lill-Kummissjoni:

3.3.1

biex taħdem fuq it-titjib fl-aċċess għall-ġustizzja għas-soċjetà ċivili eż. bid-dritt li l-OSĊ jippreżentaw ruħhom quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u li jkun hemm imħallfin u prosekuturi speċjalizzati fil-livelli tal-UE, nazzjonali u lokali;

3.3.2

biex tippermetti lill-individwi javviċinaw direttament lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, bħal fil-każ tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), meta t-traspożizzjoni tad-dritt tal-UE fil-liġi nazzjonali hija mhedda u r-rimedji domestiċi jkunu ġew eżawriti.

3.3.3

biex tqis l-istabbiliment ta' mandat ta' inibizzjoni ambjentali għal kwistjonijiet li mhumiex emerġenzi, li l-Istati Membri għandhom jikkonformaw magħhom, fejn ix-xogħol jiġi sospiż sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali fil-każ li jkun hemm xi ħsara immedjata lill-ambjent;

3.3.4

biex toħloq mekkaniżmu adatt sabiex il-multi li jitħallsu għal ħsara ambjentali jiġu investiti f'azzjonijiet immirati għall-appoġġ tal-ħarsien ambjentali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ il-mekkaniżmu ta' rieżami intern li jinsab fir-Regolament ta' Aarhus u japprezza l-potenzjal tiegħu.

4.2

Il-KESE jappoġġja l-erba' azzjonijiet ta' prijorità identifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri l-obbligu tal-Istat Membru biex jittrasponi bis-sħiħ u b'mod korrett ir-rekwiżiti tal-aċċess għall-ġustizzja li jirriżultaw mil-liġi sekondarja tal-UE, il-ħtieġa li l-koleġiżlaturi jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja fil-leġiżlazzjoni ġdida u riveduta tal-UE dwar kwistjonijiet ambjentali, li l-Istati Membri jwettqu rieżami tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji nazzjonali tagħhom li jipprevjenu jew ixekklu l-aċċess għall-ġustizzja, u l-obbligu tal-qrati nazzjonali biex jiggarantixxu id-dritt tal-individwi u tal-NGOs għal rimedju effettiv skont id-dritt tal-UE.

4.3

Madanakollu, il-KESE jenfasizza li dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux l-aċċess adegwat għall-QĠUE permezz tat-talba għal rieżami intern, u jew il-ħtieġa għal direttiva orizzontali li tirregola l-aċċess għall-ġustizzja fil-livell tal-Istati Membri.

4.4

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jissaħħu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi ambjentali tal-UE mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE fid-dawl tal-bżonn li l-Patt Ekoloġiku jagħti r-riżultati relatati mal-miri u l-wegħdiet tiegħu.

4.5

Għalhekk, il-KESE jwissi lill-Kummissjoni dwar il-fatt li din il-proposta fiha lakuni problematiċi li jistgħu jintużaw mill-istituzzjonijiet biex jevitaw li jinżammu responsabbli.

4.6

Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali kollha, qed jitolbu lill-UE għal mekkaniżmi ta' infurzar b'saħħithom li jippermettulhom iżommu lill-istituzzjonijiet tal-UE responsabbli f’każ li ma jagħtux riżultati għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.

4.7

Il-KESE jqis li, mingħajr bidliet adatti, din il-proposta la se żżomm lill-istituzzjonijiet tal-UE responsabbli, u lanqas mhi se tiżgura konformità mal-impenji tal-UE b'rabta mad-dritt internazzjonali.

4.8

Il-KESE ma jaqbilx mal-proposta tal-Kummissjoni li jiġu esklużi l-atti tal-UE li jinvolvu “miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni”. Hemm possibbiltà reali li din l-esklużjoni tista' tħassar jew telimina l-valur tal-proposta tal-Kummissjoni.

4.9

Peress li ħafna drabi mhuwiex ċar liema atti tal-UE se jinvolvu miżuri ta' implimentazzjoni, il-KESE jemmen li d-dewmien u l-inċertezza legali jistgħu jiġu evitati, kieku l-proposta ma tkunx tippermetti biss lill-OSĊ jitolbu rieżami ta' tali atti ladarba jiġu adottati l-miżuri ta' implimentazzjoni. Il-KESE huwa mħasseb li t-test tal-proposta jista' jiżola ħafna, jekk mhux il-maġġoranza, tal-atti tal-UE u l-omissjonijiet mir-rieżami intern. Il-KESE jenfasizza f'dan ir-rigward li l-aċċess għall-qrati nazzjonali bil-potenzjal ta' referenza preliminari mhuwiex sostitut għall-aċċess għall-mekkaniżmu ta' rieżami intern.

4.10

Il-KESE jqis li d-definizzjoni tal-atti amministrattivi għandha tiġi allinjata mal-każistika li ilha stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), sabiex l-atti kollha “legalment vinkolanti” jkunu koperti mill-mekkaniżmu ta' rieżami intern, inklużi l-atti preparatorji li huma l-bażi tar-regolamenti, u b’hekk jikkonformaw mal-prinċipju tal- prekawzjoni li huwa fundamentali għal-litigazzjoni ambjentali.

4.11

Il-KESE jqis ukoll li d-definizzjoni ta’ atti amministrattivi soġġetti għal kontroll amministrattiv u ġudizzjarju mhijiex eżawrjenti, u teħtieġ kjarifika espliċita fis-sens li l-atti amministrattivi kollha relatati mal-ambjent jistgħu jiġu eżaminati.

4.12

Il-KESE jqis ukoll li atti tal-UE li mhumiex legalment vinkolanti jista’ jkollhom effetti sinifikanti kemm fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE kif ukoll fuq l-interpretazzjoni tagħha mill-QĠUE. Dawn it-tipi ta’ atti għandhom għalhekk ikunu koperti wkoll mill-mekkaniżmu ta’ rieżami intern.

4.13

Il-KESE jenfasizza wkoll li l-proposta għandha tippermetti rieżami intern tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Kif ikkonfermat mill-QĠUE (11), il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkonforma mal-liġi ambjentali tal-UE meta tadotta deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat u għalhekk huwa kruċjali li dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jiġu kkontestati mill-OSĊ meta dawn iqisu li l-Kummissjoni naqset milli tissodisfa dan ir-rekwiżit.

4.14

Il-KESE jqis li l-protezzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili minn piżijiet żejda (bħal spejjeż addizzjonali u miżuri burokratiċi) kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE għandha tiġi żgurata b’mod xieraq sabiex l-istħarriġ ġudizzjarju jkun aċċessibbli fil-prattika.

4.15

Ir-Regolament ta' Aarhus għandu jispeċifika li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-QĠUE ta' deċiżjoni ta' rieżami intern għandu jkopri l-legalità sostantiva u proċedurali tad-deċiżjoni.

4.16

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal regolamentazzjoni koerenti, fis-sens li kwalunkwe skadenza proċedurali għall-kontroll amministrattiv u/jew ġudizzjarju tapplika biss ladarba ikun magħruf il-kontenut tal-att amministrattiv ikkontestat relatat mal-interess pubbliku ewlieni protett mil-liġi ambjentali u l-irriversibbiltà tal-ħsara ekoloġika. Dan huwa meħtieġ sabiex jiġu evitati prattiki li jistgħu jiksru l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u l-każistika tal-QĠUE (ara l-Kawża C-261/18, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda (12)), u jagħtu lok għall-arbitrarjetà.

4.17

Fl-aħħar imma mhux l-inqas, l-imsieħba soċjali huma atturi ewlenin fi kwistjonijiet ambjentali, u l-KESE għalhekk jappella biex jiġu rikonoxxuti b’mod espliċitu fir-rigward tal-aċċess għall-ġustizzja. Il-KESE jqis li l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Aarhus bħalissa huwa inkompatibbli mal-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u li għandu jiġi emendat sabiex ma jillimitax l-aċċess tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-ġustizzja, sakemm ikun biżżejjed li organizzazzjoni mhux governattiva jkollha, fost affarijiet oħra, l-għan tal-protezzjoni ambjentali.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  https://ec.europa.eu/environment/aarhus/pdf/legislative_proposal_amending_aarhus_regulation.pdf

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).

(3)  It-test tal-Konvenzjoni ta' Aarhus: https://www.unece.org/fileadmin/DAM/env/pp/documents/cep43e.pdf.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006.

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Il-Patt Ekoloġiku Ewropew – COM(2019) 640 final.

(6)  COM(2020) 642 final – https://ec.europa.eu/environment/aarhus/pdf/legislative_proposal_amending_aarhus_regulation.pdf .

(7)  COM(2020) 643 final – https://ec.europa.eu/environment/aarhus/pdf/communication_improving_access_to_justice_environmental_matters.pdf.

(8)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “L-aċċess għall-ġustizzja f’livell nazzjonali b'rabta ma’ miżuri li jimplimentaw il-liġi ambjentali tal-UE” (Komunikazzjoni) (ĠU C 129, 11.04.2018, p. 65).

(9)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “Azzjonijiet tal-UE għat-titjib tal-governanza u l-konformità ambjentali” (ĠU C 283, 10.08.2018, p. 83).

(10)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “Rwol aktar kostruttiv għas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali” (ĠU C 47, 11.2.2020, p. 50).

(11)  Il-Kawża C-594/18 P, l-Awstrija vs. il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2020:742, il-paragrafi 42 sa 46.

(12)  Il-kawża C- C-261/18 – Il-Kummissjoni vs. l-Irlanda (Derrybrien Wind Farm), ECLI:EU:C:2019:955, paragrafi 80 u 95.