30.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 155/73


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa — l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja”

[COM(2020) 662 final]

(2021/C 155/11)

Relatur:

Pierre Jean COULON

Korelatur:

Aurel Laurenţiu PLOSCEANU

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 11.11.2020

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

11.2.2021

Adottata fil-plenarja

24.2.2021

Sessjoni plenarja Nru

558

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

212/0/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni Ewropea ta' proposta għal Strateġija Ewropea bit-titolu “Mewġa ta' Rinnovazzjoni għall-Ewropa – l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja”. Tali strateġija hija neċessità assoluta u inevitabbli għall-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha – strateġija li l-KESE għandu l-ħsieb li jappoġġja u jikkontribwixxi għaliha b'mod attiv fir-riflessjonijiet u l-proposti tiegħu.

1.2

Il-KESE fil-fatt iqis li, b'40 % tal-konsum totali tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea, l-akkomodazzjonijiet u binjiet oħra għandhom jesperjenzaw tali mewġa ta' rinnovazzjoni mmexxija mill-Unjoni Ewropea, bħala parti minn approċċ globali ta' investiment fit-tul, interess ġenerali, żvilupp sostenibbli, protezzjoni tas-saħħa inkluż it-trattament tal-asbestos f’dawn ix-xogħlijiet, tranżizzjoni ekoloġika u implimentazzjoni effettiva tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fir-rigward tal-akkomodazzjoni sostenibbli u affordabbli.

1.3

Il-KESE għalhekk jappoġġja l-istrateġija ta' mewġa ta' rinnovazzjoni peress li hija approċċ għall-Unjoni Ewropea fejn jirbaħ kulħadd, approċċ ta' rebħa tripla għall-klima, għall-irkupru permezz tal-impjiegi lokali maħluqa, u fl-aħħar nett għall-ġlieda kontra l-pandemija, kontra l-faqar enerġetiku u għall-promozzjoni ta' akkomodazzjonijiet affordabbli għal kulħadd, inklużi l-persuni vulnerabbli.

1.4

Il-KESE jqis li din l-istrateġija, meta jitqiesu d-dimensjoni partikolari tagħha u t-trajettorja tagħha sal-2050, tirrikjedi li jkun hemm qafas legali u finanzjarju stabbli, ċar u adattat, kemm bl-implimentazzjoni ta' Fond Ewropew tal-Investiment apposta, pjani pluriennali ta' investiment, “semestru ekoloġiku” ġdid, kif ukoll bit-tfassil ta' qafas legali speċifiku u adattat dwar, pereżempju, l-għajnuna mill-Istat, ir-rati tal-VAT applikabbli, l-akkwist pubbliku, is-self ipotekarju “ekoloġiku” u standards dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija.

1.5

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni timplimenta skemi li jinċentivaw il-ħolqien, fil-livell lokali, ta' setturi tal-industrijalizzazzjoni għall-proċessi ta' rinnovazzjoni termali u l-massifikazzjoni tagħhom, filwaqt li jiġi stabbilit “Erasmus tar-Rinnovazzjoni Termali 2050” ġdid, bl-għan li jattira liż-żgħażagħ Ewropej lejn dawn l-impjiegi ġodda tal-ġejjieni.

1.6

Il-KESE jitlob ukoll li l-Istati Membri jitħeġġu jsegwu l-eżempju tal-programm ELENA tal-BEI u jimplimentaw servizzi pubbliċi ta' dijanjostika, għajnuna teknika u pariri, b'mod partikolari għall-unitajiet domestiċi, bl-għan li jiġi evitat kull prattika abbużiva ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta u ta’ truffa tal-iskemi ta' appoġġ għar-rinnovazzjoni termali.

1.7

Fuq kollox il-KESE jqis li din l-istrateġija għandha tippermetti lill-Unjoni Ewropea ssir eqreb taċ-ċittadini tagħha u tat-territorji tagħhom permezz ta' komunikazzjoni adattata tal-iskemi fis-seħħ u kif jistgħu jiġu aċċessati.

1.8

Il-KESE jitlob sinerġija reali bejn l-Osservatorju tal-Istokk tal-Bini u l-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Il-KESE jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-Komunikazzjoni “Mewġa ta' Rinnovazzjoni għall-Ewropa – l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja”. Ir-rinnovazzjoni fuq skala kbira tal-bini fl-Unjoni Ewropea – akkomodazzjonijiet privati u soċjali, binjiet pubbliċi u għal użu professjonali – illum hija neċessità assoluta, meta wieħed iqis l-insuffiċjenza strutturali tal-investimenti fit-tul f'dan il-qasam, u fil-konfront tal-konsegwenzi klimatiċi, ambjentali, ekonomiċi u soċjali, meta wieħed iqis l-ispejjeż tan-nuqqas ta' azzjoni f'dan il-qasam.

2.2

Il-Kumitat jappoġġja din l-istrateġija proposta mill-Kummissjoni abbażi tal-objettiv tan-newtralità klimatika, l-applikazzjoni tal-prinċipju taċ-ċirkolarità, il-kontribut għall-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli u għall-kompetittività tal-Ewropa, il-ħarsien tal-wirt kulturali u fuq kollox id-dritt ta' kull persuna għal akkomodazzjoni affordabbli, diċenti, aċċessibbli u sana, f'konformità mal-prinċipju 19 tal-Pilastru Ewroprew tad-Drittijiet Soċjali.

2.3

B'40 % tal-konsum totali tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea, l-akkomodazzjonijiet u binjiet oħra għandhom jesperjenzaw mewġa ta' rinnovazzjoni, bħala parti minn approċċ globali ta' investiment fit-tul, interess ġenerali, żvilupp sostenibbli u tranżizzjoni ekoloġika.

2.4

Barra minn hekk il-pandemija enfasizzat ir-rwol ewlieni tal-akkomodazzjonijiet fil-ġestjoni tas-saħħa tal-kriżi u n-neċessità li jitqies mill-ġdid l-użu tagħhom, u b'konsegwenza ta' dan id-disinn tagħhom, meta wieħed iqis ir-restrizzjonijiet tal-lockdown.

2.5

Il-pandemija fuq kollox issottolinjat ir-rabta inaċċettabbli bejn il-kundizzjonijiet sanitarji tal-akkomodazzjonijiet, il-faqar enerġetiku u r-reżiljenza għall-pandemija.

2.6

Għalhekk, l-istrateġija ta' mewġa ta' rinnovazzjoni tal-binjiet hija parti minn approċċ fejn jirbaħ kulħadd permezz tal-importanza tal-kontribut effikaċi tagħha għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, tal-volum ta' investimenti fit-tul u tal-impjiegi lokali li tista' toħloq u li jistgħu jikkontribwixxu b'mod attiv għall-irkupru, kif ukoll għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku u l-promozzjoni tal-koeżjoni u l-inklużjoni soċjali, permezz tal-iżvilupp ta' provvista ta' akkomodazzjonijiet affordabbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.

2.7

Il-mewġa ta' rinnovazzjoni tal-binjiet għandha, għalhekk, tkun ibbażata fuq l-irjieħat u l-kurrenti permanenti u konverġenti, kemm fil-qasam tar-regolamentazzjoni u l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-qasam tal-pjani pluriennali ta' investiment tal-Istati Membri. Dawn għandhom ikunu fl-istess ħin ċari u aċċessibbli filwaqt li jqisu d-diversità tal-atturi u l-loġika proprja tagħhom ta' investiment, li jvarjaw minn unitajiet domestiċi Ewropej li jokkupaw l-akkomodazzjoni tagħhom stess, assolutament jew f'koproprjetà, għal unitajiet domestiċi li jikru akkomodazzjoni(jiet) fis-suq, għal organizzazzjonijiet tal-akkomodazzjoni soċjali rregolati minn kompiti partikolari ta' interess ġenerali u l-obbligi tas-servizz pubbliku li jirriżultaw minnhom, għal awtoritajiet pubbliċi u l-binjiet pubbliċi tagħhom, għal bini storiku protett jew għal kumpaniji u l-proprjetà immobbli tagħhom. Is-“surfers” potenzjali fuq il-mewġa ta' rinnovazzjoni li jridu jiġu persważi jinvestu fit-tul fl-akkomodazzjonijiet tagħhom u bini ieħor minn issa sal-2050 permezz ta' mekkaniżmi ta' finanzjament adattati għan-natura tal-bini, li jgħaqqdu s-self fit-tul jew is-“self ekoloġiku”, il-garanziji pubbliċi u s-sussidji inevitabbli li ma jitħallsux lura b'mod partikolari għall-unitajiet domestiċi.

2.8

Il-mewġa ta' rinnovazzjoni tal-bini fuq kollox trid tkun immexxija minn moviment Ewropew lejn l-industrijalizzazzjoni u l-massifikazzjoni tal-operazzjonijiet fil-livell lokali, b'tali mod li jitnaqqsu l-ispejjeż tar-rinnovazzjoni u t-tul ta' żmien għat-twettiq tax-xogħlijiet għall-unitajiet domestiċi li jokkupaw l-akkomodazzjonijiet, permezz ta' esternalizzazzjoni tal-proċessi u d-diġitalizzazzjoni tagħhom. Din l-industrijalizzazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn mudelli ta' kostruzzjoni ġodda bbażati fuq obbligi tekniki u standards tal-kostruzzjoni adatti, u fuq kollox minn kampanja Ewropea li tippromovi dan is-settur il-ġdid u dawn l-impjiegi ġodda potenzjali fost il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ bit-tnedija ta' “Erasmus tar-Rinnovazzjoni Termali 2050”, li qed jitlob il-Kumitat. Għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll lir-riskji ta’ dumping soċjali inerenti f’esternalizzazzjonijiet bħal dawn u mezzi oħra ta’ subkuntrattar tax-xogħol.

2.9

Il-Kummissjoni fl-istesss ħin għandha tiżgura l-konverġenza tad-dispożizzjonijiet eżistenti, id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu riveduti u l-proposti għal dispożizzjonijiet ġodda, mhux biss għall-benefiċċju tal-Istati Membri u l-istrateġiji ta' investiment fit-tul tagħhom, iżda wkoll għall-benefiċċju tal-unitajiet domestiċi, il-lokaturi soċjali, l-awtoritajiet pubbliċi u l-intrapriżi, li kollha jieħdu deċiżjonijiet finali fl-atti individwali tal-investiment fit-tul li se jsostnu l-mewġa sal-2050 skont il-loġika tagħhom.

2.10

Din il-konverġenza neċessarja tapplika daqstant ieħor għar-reviżjonijiet tad-dispożizzjonijiet eżistenti, pereżempju, fir-rigward tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija, l-akkwist pubbliku jew l-iskemi ta' għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari għall-akkomodazzjoni soċjali, ir-rata speċifika tal-VAT applikabbli, il-kreditu ipotekarju “ekoloġiku”, iżda wkoll id-dispożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet tal-pjan Ewropew ta' rkupru Next Generation EU u l-politika ta' koeżjoni għall-2021-2027, li għandha tkun ċara għall-unitajiet domestiċi Ewropej fil-mira. Dan il-pjan ta’ rkupru għandu jingħata dinamika ġdida permezz ta' politika reali ta' proposti u rakkomandazzjonijiet konkreti kif ukoll permezz tal-koordinazzjoni tal-osservatorji nazzjonali eżistenti.

2.11

Il-Kumitat jitlob li l-Osservatorju Ewropew tal-Istokk tal-Bini jaħdem f'sinerġija mal-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku.

2.12

Il-Kumitat jitlob li jiġi stabbilit servizz pubbliku fl-Istati Membri għall-promozzjoni tal-mewġa ta' rinnovazzjoni termali, tad-dijanjostika u tal-assistenza teknika għal operazzjonijiet ta' rinnovazzjoni termali, b'mod partikolari fid-direzzjoni tal-unitajiet domestiċi, sabiex tiġi evitata kull prattika malizzjuża fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni abbużiva tax-xogħlijiet ta' rinnovazzjoni.

3.   Osservazzjonijiet – L-istimular tar-rinnovazzjoni tal-bini fid-dawl tan-newtralità klimatika u l-irkupru

3.1

Ir-rinnovazzjoni fuq skala kbira tal-bini fl-Unjoni Ewropea – akkomodazzjonijiet privati u soċjali, binjiet pubbliċi u għal użu professjonali – illum hija neċessità assoluta, meta wieħed iqis l-insuffiċjenza strutturali tal-investimenti fit-tul f'dan il-qasam, u fil-konfront tal-konsegwenzi klimatiċi, ambjentali, ekonomiċi u soċjali.

3.2

Il-Kumitat jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-urġenza klimatika biex tittieħed azzjoni fil-qasam tar-rinnovazzjoni tal-akkomodazzjonijiet u bini ieħor, u dwar l-opportunità li l-kriżi tal-COVID-19 tintuża biex dawn jitqiesu mill-ġdid, jiġu żviluppati mill-ġdid u mmodernizzati f'approċċ ambjentali, soċjali u ekonomiku fejn jirbaħ kulħadd. Din hija tabilħaqq opportunità unika biex nieħdu azzjoni fl-istess ħin favur in-newtralità klimatika, l-irkupru u l-koeżjoni soċjali.

Il-Kumitat jixtieq iqajjem il-kwistjoni tad-diversità tal-bini kkonċernat, u b’mod partikolari d-diversità tal-akkomodazzjonijiet li għandhom jiġu rinnovati, li jvarjaw minn djar individwali għal konglomerazzjonijiet kbar ta’ proprjetà immobbli li nbnew matul il-perjodu Sovjetiku jew saħansitra s-subborgi tal-klassi tal-ħaddiedma. F’din id-diversità kbira tad-djar, il-blokok tad-djar tal-Ewropa tal-Lvant, djar antiki ħafna f’ċentri tal-bliet sottovalutati, djar suburbani u djar rurali jistgħu jkunu soġġetti għal prijoritizzazzjoni speċifika. B’rabta mal-fatt li l-istokk tad-djar sar obsolet u jeħtieġ proċessi ta’ rinnovazzjoni kemm biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini kif ukoll biex isiru ċerti aġġornamenti fil-livell tekniku, jeħtieġ li jiġi żgurat l-aċċess għall-finanzjament għaċ-ċittadini peress li bħalissa huwa ostaklu ewlieni għar-rinnovazzjoni. Bl-istess mod, għandha titqies l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità. L-Unjoni Ewropea għandha wkoll taħtaf din l-opportunità ta' azzjoni fuq skala kbira biex issir eqreb taċ-ċittadini tagħha u tat-territorju tagħhom permezz ta' komunikazzjoni adatta.

3.3

Il-Kumitat jappoġġja l-mira proposta li r-rata annwali ta' rinnovazzjoni enerġetika tal-akkomodazzjonijiet u binjiet oħra tiġi rduppjata sal-2030 filwaqt li tiġi stimulata rinnovazzjoni profonda, jiġifieri 35 miljun unità sal-2030, u li dan jinżamm sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika fil-livell tal-UE sal-2050. Idealment, dan l-irduppjar għandu jinqabeż u jiġi ttriplikat.

3.4

Il-Kumitat jissottolinja l-ambizzjoni ta' din il-mira, il-projezzjoni tagħha fuq 30 sena, kif ukoll il-ħtieġa ta' azzjoni fil-fond biex ikun hemm uniformità bejn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji eżistenti fil-qasam u l-mekkaniżmi ta' appoġġ finanzjarju għall-unitajiet domestiċi kkonċernati, il-lokaturi soċjali, l-awtoritajiet pubbliċi u proprjetarji ta' bini oħra kkonċernati, li lkoll huma investituri potenzjali li għandhom jiġu persważi jinvestu fit-tul fil-loġika u l-kapaċitajiet tagħhom stess. Ir-rabta li qiegħda tiġi stabbilita mill-Istati Membri u l-awtoritajiet ta' ġestjoni reġjonali tagħhom bejn l-istrument ta' rkupru Next Generation EU u l-politika ta' koeżjoni għall-2021-2027 hija xhieda ta' dan.

4.   Osservazzjonijiet – Prinċipji ewlenin għar-rinnovazzjoni tal-bini sal-2030 u l-2050

4.1

Il-Kumitat jaqbel mal-ħtieġa li tiġi adottata strateġija globali u integrata li tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati abbażi ta' seba' prinċipji: “l-Effiċjenza Enerġetika Tiġi l-Ewwel”, l-affordabbiltà, id-dekarbonizzazzjoni u l-integrazzjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, iċ-ċikli tal-ħajja u ċ-ċirkolarità, standards għoljin tas-saħħa u tal-ambjent, l-isfidi tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u fl-aħħar nett ir-rispett għall-etika u għall-kwalità arkitettonika.

4.2

Il-Kumitat jixtieq jissottolinja l-importanza partikolari li għandha tingħata, f'konformità mal-prinċipju 19 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, lill-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni u l-investimenti li għandhom isiru mill-unitajiet domestiċi kkonċernati, sew bħala proprjetarji-okkupanti, kerrejja jew koproprjetarji f'koproprjetà degradata, b'mod partikolari fit-trattament tal-binjiet li minnhom taħrab is-sħana u l-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku, iżda wkoll mil-lokaturi soċjali li l-livelli ta' kera tagħhom jaqgħu taħt l-obbligi tas-servizz pubbliku tal-affordabbiltà imposti skont il-kompiti partikolari tas-servizz pubbliku assenjati mill-Istati Membri.

4.3

Il-KESE jirrimarka li l-iżolament tal-ħitan tal-kavità u tal-art huma l-aktar miżuri li jippermettu frankar tas-CO2, l-aktar sempliċi biex jitwettqu u l-inqas li jqumu flus. Iżda anke dawn il-miżuri relattivament irħas huma għaljin wisq għal ħafna sidien tad-djar, minkejja l-ispejjeż tal-enerġija aktar baxxi li jiġġeneraw. Huwa għalhekk li l-KESE jirrakkomanda li l-gvernijiet nazzjonali jagħmlu skema ta’ sussidju għal dawn il-miżuri. Il-kalkoli mwettqa fin-Netherlands juru li sussidju ta’ EUR 2 000 għal kull dar huwa biżżejjed biex jitwettqu dawn il-miżuri. Minbarra t-tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet tas-CO2, skema bħal din tipprovdi wkoll impjiegi sostanzjali fis-settur tal-kostruzzjoni li ntlaqat ħażin mill-COVID-19. L-istess japplika fi Franza permezz tal-espansjoni reċenti fid-djar kollha tal-primjum għar-rinnovazzjoni tad-djar biex tkun iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija “MaPrimeRenov”.

4.4

Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni tal-KESE dwar “Ix-xogħol bl-asbestos fir-rinnovazzjoni tal-enerġija” għandhom jiġu segwiti wkoll sabiex tiġi promossa t-tneħħija tal-asbestos matul il-proċessi ta’ rinnovazzjoni tal-enerġija fejn meħtieġ u possibbli (1).

5.   Osservazzjonijiet – Rinnovazzjonijiet aktar rapidi u profondi għal bini ta' kwalità aħjar

5.1

Il-Kumitat jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni tal-ħafna ostakli fid-deċiżjonijiet ta' investiment individwali u l-kumplessità tal-aċċess għall-finanzjament, b'mod partikolari fil-livell lokali – kumplessità li tapplika kemm għall-iskemi nazzjonali kif ukoll għall-fondi strutturali, b'mod partikolari fil-fażi tal-evalwazzjoni ta' proġetti, iżda wkoll b'kunsiderazzjoni taż-żmien biex titħallas l-għajnuna. Din il-kumplessità u dawn id-disfunzjonijiet għandhom jiġu indirizzati b'mod prijoritarju sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti, inkluż fil-kuntest tal-implimentazzjoni mill-2021 'l hawn ta' dispożizzjonijiet speċifiċi għall-politika ta' koeżjoni għall-2021-2027.

5.2

Il-Kumitat jieħu nota tal-identifikazzjoni ta' dawn l-ostakli mill-Kummissjoni fil-konsultazzjoni pubblika tagħha u tal-proposti għat-tisħiħ tal-informazzjoni, taċ-ċertezza tad-dritt u tal-inċentivi għall-investiment, ta' finanzjament suffiċjenti u mmirat sew, il-kapaċità li jiġu ppreparati u implimentati proġetti, il-promozzjoni ta' rinnovazzjoni globali u integrata, l-adattament tal-ekosistema għall-iżvilupp sostenibbli u, fl-aħħar nett, l-użu tar-rinnovazzjoni bħala ingranaġġ kontra l-faqar enerġetiku u għall-promozzjoni ta' akkomodazzjoni affordabbli permezz ta' inizjattiva Ewropea speċifika. Dawn il-proposti għandhom jiġu implimentati skont il-prinċipju tas-sempliċità, taħlita stabbilita minn qabel ta' finanzjament addizzjonali li jista' jiġi mmobilizzat mill-awtoritajiet pubbliċi u tal-proporzjonalità tal-kontrolli tal-għajnuna mill-Istat.

5.3

Il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tawtorizza l-Osservatorju Ewropew tal-Istokk tal-Bini biex jiġġestixxi repożitorju Ewropew dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u jappoġġja t-tfassil ta' inċentivi dwar dan il-qasam. Dan l-Osservatorju għandu jaħdem flimkien mal-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku, li għandu jingħata dinamika ġdida f'dan il-mument.

5.4

Il-Kumitat jirrikonoxxi n-natura partikolari ħafna tas-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-mobilizzazzjoni potenzjali ta' riżorsi Ewropej għar-rinnovazzjoni termali taħt l-istrument ta' rkupru Next Generation EU, minn naħa, u l-politika ta' koeżjoni għall-2021-2027 min-naħa l-oħra. Hemm mhux inqas minn 13-il skema li jistgħu jikkontribwixxu għall-kofinanzjament tar-rinnovazzjoni termali, jew permezz ta' sussidji li ma jitħallsux lura jew permezz ta' self fit-tul b'rati preferenzjali u garanziji pubbliċi.

5.5

Il-Kumitat iqis li din is-sitwazzjoni eċċezzjonali għandha twassal lill-Unjoni Ewropea biex, minbarra li tifformula objettivi kwantitattivi għar-rinnovazzjonijiet, issaħħaħ lill-Istati Membri u l-programmi annwali tagħhom ta' investiment fir-rinnovazzjoni termali, kif ukoll tiżgura evalwazzjoni ta' dawn il-programmi fuq bażi annwali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, billi tiġi stabbilita “governanza ekoloġika” proprja, flimkien mal-governanza ekonomika jew skont il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni.

5.6

Il-Kumitat iqis li din is-sitwazzjoni unika għandha wkoll tintuża biex jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku u jinqered permezz tal-prijoritizzazzjoni tiegħu fil-mobilizzazzjoni tal-finanzjament. L-Osservatorju Ewropew tal-Faqar Enerġetiku għandu jiġi msaħħaħ fil-kompiti tiegħu u jkun fil-quċċata ta' network Ewropew ta' osservatorji tal-faqar enerġetiku tal-Istati Membri.

5.7

Madankollu, il-Kumitat jixtieq jagħmel lill-Kummissjoni konxja tad-diffikultà għal investituri potenzjali, b'mod partikolari l-unitajiet domestiċi u l-lokaturi soċjali, biex jgħaqqdu dawn il-mezzi ta' finanzjament differenti u jorbtuhom ma' regolamenti, bażijiet eliġibbli u kontrolli applikabbli differenti. Fid-dawl tal-mira għall-2050, dawn l-iskemi għandhom jingħaqdu b'tali mod li jsiru aktar ċari u aċċessibbli għall-unitajiet domestiċi u l-awtoritajiet pubbliċi fil-mira.

5.8

B'kunsiderazzjoni taż-żmien tal-investiment inkwistjoni u l-mira għall-2050, il-Kumitat jipproponi li l-Kummissjoni tistudja, għal finijiet ta' semplifikazzjoni u ċarezza għall-unitajiet domestiċi Ewropej ikkonċernati, il-fattibbiltà ta' fond ta' investiment speċifiku mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), li jiżgura fl-istess ħin l-assistenza teknika, l-għaqda tal-iskemi eżistenti u l-garanzija tal-kontinwità tal-azzjoni sal-2050.

5.9

Il-Kumitat jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni li f'dan ir-rigward tirrevedi l-iskemi ta' għajnuna mill-Istat li japplikaw għal investimenti fir-rinnovazzjoni termali. Dawn l-iskemi ta' għajnuna mill-Istat għar-rinnovazzjoni termali għandhom jiġu ssemplifikati sabiex ma jikkostitwixxux ostaklu għad-deċiżjonijiet ta' investiment, fid-dawl tan-neċessità assoluta tagħhom. Il-Kumitat jilqa' wkoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li fl-2021 tevalwa d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE (2) dwar l-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għas-servizzi pubbliċi. L-għajnuna għar-rinnovazzjoni termali tal-akkomodazzjonijiet soċjali taqa' taħt din l-iskema applikabbli għat-twettiq tal-obbligi tas-servizz pubbliku.

5.10

Il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tniedi inizjattiva Ewropea għal akkomodazzjoni affordabbli billi tiffinanzja 100 proġett ewlieni innovattiv u parteċipattiv li jiffukaw fuq ir-rinnovazzjoni globali ta' nħawi ta' akkomodazzjoni soċjali biex iservu bħala mudell għal żvilupp fuq skala kbira fl-Unjoni Ewropea. Meta wieħed iqis il-kapaċità tal-lokaturi soċjali li jinvestu fil-kwalità tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali tagħhom u bl-appoġġ tal-BEI, il-massifikazzjoni tal-operazzjonijiet u l-industrijalizzazzjoni tal-iskemi tar-rinnovazzjoni tal-proprjetà immobbli jwasslu mhux biss għall-ħolqien ta' impjiegi lokali, iżda wkoll għal tnaqqis fl-ispejjeż tar-rinnovazzjoni għall-akkomodazzjonijiet l-oħra u l-bini pubbliku permezz tal-istabbiliment ta' setturi industrijali lokali ġodda.

5.11

Il-Kumitat jipproponi li l-Kummissjoni, abbażi tal-esperjenza ELENA, u bl-appoġġ tal-BEI, tħeġġeġ lill-Istati Membri jorganizzaw servizz pubbliku tal-assistenza teknika għal operazzjonijiet ta' rinnovazzjoni termali, b'mod partikolari għall-unitajiet domestiċi kkonċernati, sabiex jiġu evitati l-prattiki abbużivi tas-solleċitazzjoni u l-frodi li diġà ġew osservati f'xi Stati Membri b'rabta max-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni għall-effiċjenza enerġetika.

5.12

Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-approċċ tal-“Bauhaus Ewropew il-ġdid” li nediet il-President von der Leyen fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni u li ġie żviluppat fil-Komunikazzjoni, li se jiġbor flimkien professjonisti minn diversi oqsma biex jaħsbu dwar il-bini tal-futur u jivvintaw mill-ġdid stil ta' ħajja sostenibbli għall-futur. Il-Kumitat jistieden lill-partijiet interessati kollha biex jieħdu sehem fil-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni.

Brussell, l-24 ta’ Frar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 240, 16.7.2019, p. 15.

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3).