16.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 56/59


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri ta’ ġestjoni, ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 520/2007”

[COM(2020) 308 final — 2020/0139 (COD)]

(2021/C 56/08)

Relatur uniku:

Javier GARAT PÉREZ

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 23.7.2020

Kunsill, 20.7.2020

Bażi legali

Artikoli 43(2) u Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

12.11.2020

Adottata fil-plenarja

2.12.2020

Sessjoni plenarja Nru

556

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

228/0/9

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jqis li hemm bżonn li l-miżuri ta’ kontroll, ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati mill-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali (IATTC) jiġu trasposti fid-dritt tal-Unjoni bil-għan li jiġu applikati b’mod uniformi u effettiv fi ħdan l-UE. Din it-traspożizzjoni għandha tkun konformi ma’ dak li ġie miftiehem fl-IATTC, mingħajr ma toħloq obbligi ġodda għall-bastimenti Ewropej. Il-Kumitat għalhekk jappoġġja l-Proposta għal Regolament.

1.2.

Madankollu, il-Kumitat jirrakkomanda li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fl-Opinjoni tiegħu dwar Miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) (1).

1.3.

Għaldaqstant, il-KESE jqis li l-proposta mressqa ma tistabbilixxix mekkaniżmu effiċjenti għat-traspożizzjoni tar-regoli adottati mill-IATTC u ma tindirizzax il-ħtieġa li dawn jiġu aġġornati kull sena.

1.4.

Il-Kumitat huwa favur mekkaniżmu aktar effiċjenti u sempliċi u għaldaqstant jipproponi regolament b’artikolu wieħed biss li jistabbilixxi li, fir-rigward tal-flotta tagħha, l-Unjoni Ewropea għandha assolutament tapplika r-regoli adottati mill-IATTC.

1.5.

Il-KESE jenfasizza r-riskju li ġġib magħha l-introduzzjoni tas-sistema tal-atti delegati li permezz tagħha l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tilleġiżla mingħajr ma tkun soġġetta għal proċeduri ordinarji.

2.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

L-għan ta’ din il-proposta (2) huwa li l-miżuri ta’ kontroll, ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati mill-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali (IATTC), li l-Unjoni Ewropea ilha parti kontraenti tagħha sa mill-2006, jiġu trasposti fid-dritt tal-Unjoni.

2.2.

Il-Konvenzjoni tal-IATTC tipprevedi li r-riżoluzzjonijiet tagħha huma vinkolanti u li l-partijiet kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u l-konformità magħha, u kwalunkwe miżura ta’ konservazzjoni u ġestjoni adottata skontha.

2.3.

Għalhekk hija l-Unjoni Ewropea li għandha tiżgura l-konformità mal-miżuri kollha approvati mill-IATTC, u li l-miżuri stabbiliti f’din il-proposta jkopru dawk adottati mill-IATTC mill-2008 ’l quddiem. Il-Proposta għal Regolament tinkludi wkoll mekkaniżmu biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-IATTC fil-futur.

2.4.

Il-proposta li qed tiġi kkunsidrata tipprevedi li l-Kummissjoni tingħata setgħat delegati, skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, biex tkun tista’ timplimenta kwalunkwe emenda għal dawn il-miżuri, liema emendi jiġu approvati fil-laqgħat annwali tal-IATTC, u biex tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn il-bastimenti tas-sajd Ewropej u dawk ta’ partijiet kontraenti oħra tal-IATTC.

2.5.

Il-miżuri previsti fil-proposta jikkonċernaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għal-lenez tal-klieb il-baħar u, b’mod ġenerali, il-protezzjoni ta’ ċerti speċijiet ta’ klieb il-baħar, il-perjodi ta’ waqfien mis-sajd, id-dispożizzjonijiet dwar it-tfassil u l-użu tat-tagħmir biex jinġabar il-ħut (FAD), ir-reġistrazzjoni tad-data, il-protezzjoni tat-tjur tal-baħar, il-kopertura tal-osservaturi xjentifiċi, ir-reġistru reġjonali tal-bastimenti, il-programmi ta’ data u statistika u l-linji gwida dwar il-mortalità tal-fkieren.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jqis li hemm bżonn li l-miżuri ta’ kontroll, ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati mill-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali (IATTC) jiġu trasposti fid-dritt tal-Unjoni bil-għan li jiġu applikati b’mod uniformi u effettiv fi ħdan l-UE. Din it-traspożizzjoni għandha tkun konformi ma’ dak li ġie miftiehem fl-IATTC, mingħajr ma toħloq obbligi ġodda għall-bastimenti Ewropej.

3.2.

Madankollu, peress li l-IATTC ta’ spiss temenda l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll tagħha fil-laqgħat annwali tagħha, il-Kumitat iqis li l-proposta mressqa ma tipprevedix mekkaniżmu effiċjenti għat-traspożizzjoni tal-miżuri adottati mill-IATTC jew għall-aġġornamenti tagħhom.

3.3.

Il-KESE jemmen li l-iżjed mekkaniżmu effiċjenti biex jiġu indirizzati dawn l-aġġornamenti regolari tar-regoli adottati mill-IATTC jkun li jitfassal regolament sempliċi li jiġġustifika l-ħtieġa li jsiru aġġornamenti regolari tal-miżuri rilevanti, tal-inqas għall-kompetenzi allokati, u li jinkludi artikolu wieħed biss li fih jiġi stabbilit l-impenn tal-Unjoni Ewropea favur l-applikazzjoni assoluta, fir-rigward tal-flotta tagħha, tar-regoli adottati mill-IATTC kull sena.

3.4.

Inkella, il-KESE jwissi dwar ir-riskju ta’ diskrepanza permanenti li tista’ tinħoloq bejn ir-regoli adottati mill-IATTC u l-leġiżlazzjoni ppubblikata mill-UE, u l-inċertezza tad-dritt li dan jista’ joħloq.

Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2020.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar – NAFO” (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 279).

(2)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri ta’ ġestjoni, ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 520/2007 (COM/2020/308 final): https://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/TXT/?uri=CELEX%3A52020PC0308&qid=1603701098515