28.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 364/139


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm InvestEU”

(COM(2020) 403 final — 2020/0108 (COD))

“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 fir-rigward tal-ħolqien ta’ Strument ta’ Appoġġ għas-Solvenza”

(COM(2020) 404 final — 2020/0106 (COD))

(2020/C 364/19)

Relatur ġenerali:

Ronny LANNOO

Konsultazzjoni

Kunsill, 11.6.2020

Il-Parlament, 17/06/2020

Bażi legali

Artikoli 172, 173, 175(3), 182(1) u 304 tat-TFUE

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Deċiżjoni tal-Bureau

9.6.2020

Adottata fil-plenarja

16.7.2020

Sessjoni plenarja Nru

553

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

208/0/8

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Sa mill-bidu tal-kriżi tal-COVID-19, f’diversi stqarrijiet il-KESE esprima l-konvinzjoni tiegħu li f’dawn iż-żminijiet ta’ inċertezza kbira, huwa biss pjan ta’ rkupru ekonomiku komprensiv għall-Ewropa li jippermettielna nittrattaw il-konsegwenzi tal-pandemija u li nibnu mill-ġdid ekonomija Ewropea aktar sostenibbli u reżiljenti.

1.2.

Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-pakkett ambizzjuż għall-irkupru ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea u jenfasizza li l-irkupru jista’ jkun ta’ suċċess biss bi tmexxija politika b’saħħitha u unanima. Il-KESE jinsisti li l-introduzzjoni ta’ dawn il-miżuri tirrifletti l-urġenza tas-sitwazzjoni soċjoekonomika allarmanti.

1.3.

Sabiex jiġi żgurat l-irkupru rapidu u sostenibbli tal-ekonomija Ewropea, huwa kruċjali li jsiru disponibbli r-riżorsi finanzjarji meħtieġa. Għalhekk, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ it-tisħiħ tal-baġit tal-UE u jappella lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell Ewropew biex jilħqu ftehim rapidu kemm dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027 li jmiss kif ukoll dwar l-istrument il-ġdid għall-irkupru, Next Generation EU.

1.4.

Il-KESE jilqa’ t-tisħiħ tal-programm InvestEU u tal-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza komplementari, u jappella għal ftehim rapidu dwar dawn il-proposti sabiex jiġi żgurat li ż-żewġ programmi jkunu jistgħu jsiru operazzjonali malajr u li jkunu jistgħu jiġu żviluppati numru suffiċjenti ta’ proġetti eliġibbli biex jibbenefikaw minnhom.

1.5.

Minħabba li kważi l-InvestEU kollu se jiġi allokat taħt Next Generation EU u mhux taħt il-QFP 2021-2027, li jfisser li jeħtieġ li jiġi implimentat sal-aħħar tal-2026, il-KESE jitlob lil-leġislaturi jagħmlu dispożizzjonijiet biex jiżguraw li ma jkunx hemm diskrepanza fil-finanzjament wara l-2026 u qabel il-bidu tal-QFP wara l-2027.

1.6.

Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu (1) għall-objettiv tal-Kummissjoni li ssaħħaħ l-attività ta’ investiment fl-UE fil-baġit tal-UE fit-tul li jmiss. Dan ħa importanza akbar fid-dawl tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku b’riżultat tal-pandemija tal-COVID-19.

1.7.

Il-KESE jappoġġja kontinwament l-enfasi fuq proġetti ta’ investiment fit-tul li huma ta’ interess pubbliku kbir, filwaqt li jirrispettaw ukoll il-kriterji ta’ żvilupp sostenibbli. Huwa kruċjali li l-kriżi tal-COVID-19 ma tidderiġix lill-UE ’l bogħod mill-objettivi tagħha fuq medda medja u twila ta’ żmien, kif stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, fl-Istrateġija għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2020, u fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

1.8.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-programm InvestEU huwa f’pożizzjoni partikolarment tajba biex jipprovdi finanzjament fit-tul u jappoġġja l-politiki tal-Unjoni fl-irkupru minn kriżi ekonomika u soċjali profonda. Il-Kumitat jenfasizza l-importanza li jkun hemm definizzjoni ċara ta’ liema proġetti huma eliġibbli biex jibbenefikaw mill-ħames tieqa l-ġdida, peress li dan huwa kruċjali biex tinħoloq komplementarjetà mal-erba’ twieqi ta’ politika l-oħra. Il-KESE jirrakkomanda wkoll definizzjoni usa’ tal-innovazzjoni li tmur lil hinn mit-teknoloġija tal-informazzjoni u d-diġitalizzazzjoni. L-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u b’mod partikolari l-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar, huma milqutin ħafna mill-kriżi attwali u għalhekk għandhom ikunu eliġibbli b’mod espliċitu għal appoġġ taħt il-ħames tieqa l-ġdida. Għal dan il-għan, il-kooperazzjoni strutturali bejn l-imsieħba ta’ implimentazzjoni u l-awtoritajiet fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali hija essenzjali.

1.9.

Il-KESE jappella għal linji gwida speċifiċi u ċari mmirati lejn l-identifikazzjoni ta’ proġetti eliġibbli li jibbenefikaw mill-InvestEU, kif ukoll għal possibbiltajiet ta’ sinerġiji bejn il-bosta programmi tal-UE, biex b’hekk tiġi żgurata l-implimentazzjoni adegwata u effiċjenti tagħhom.

1.10.

Il-kriżi tal-coronavirus affettwat lill-Istati Membri tal-UE kollha; madankollu, xi pajjiżi ntlaqtu aktar minn oħrajn. Il-KESE jenfasizza li l-irkupru wara l-kriżi tal-coronavirus m’għandux jirriżulta f’aktar diverġenza fost l-Istati Membri.

1.11.

Fid-dawl ta’ dan, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-Istrument il-ġdid ta’ Appoġġ għas-Solvenza u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li tassew jista’ jkun ta’ benefiċċju għal dawk l-Istati Membri li l-ekonomiji tagħhom ġew affettwati l-agħar mill-effetti tal-pandemija tal-COVID-19. Filwaqt li huwa essenzjali li jiġi żgurat irkupru rapidu, huwa daqstant ieħor importanti li l-fondi disponibbli jiġu allokati lil kumpaniji b’mudelli ta’ negozju vijabbli. Dan jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ekonomija Ewropea sostenibbli u reżiljenti.

1.12.

Il-KESE jenfasizza r-rwol tas-swieq finanzjarji Ewropej biex jiġi żgurat li dawn l-istrumenti jkunu jistgħu jimmobilizzaw l-ammonti mistennija ta’ investiment, kif ukoll ir-rwol ewlieni tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI)) u l-ħtieġa konsiderevoli għal struttura adatta għall-imsieħba ta’ implimentazzjoni, speċjalment fil-livell nazzjonali. Huwa importanti li l-fluss tal-fondi permezz tal-grupp tal-BEI u l-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali jkun trasparenti, ċar u aċċessibbli faċilment.

2.   Kuntest

2.1.

Il-kriżi tal-COVID-19, li l-ewwel u qabel kollox tirrappreżenta emerġenza għas-saħħa tal-bniedem, wasslet għal xokk ekonomiku u soċjali gravi bi tnaqqis qawwi fil-produzzjoni ekonomika, żieda rapida fil-qgħad, deterjorament fl-istandards tal-għajxien (tnaqqis fid-dħul reali, inċertezza fl-impjiegi, mobilità ristretta) u tnaqqis drastiku fid-dħul mill-kummerċ barrani kemm fl-UE kif ukoll ma’ pajjiżi terzi. Il-kriżi ġabet ukoll deterjorament qawwi fl-indikaturi tal-finanzi pubbliċi u tnaqqis fl-investimenti.

2.2.

Fis-27 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret pjan ta’ rkupru ambizzjuż, il-pjan Next Generation EU, u proposta riveduta għall-baġit ġenerali tal-UE għall-2021-2027 (2).

2.3.

Għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (QFP) 2021-2027, il-Kummissjoni għandha l-għan li tipprovdi lill-ekonomija tal-UE bi programm ta’ investiment li jkun kapaċi jindirizza objettivi trasversali mil-lat tas-semplifikazzjoni, il-flessibbiltà, is-sinerġiji u l-koerenza bejn il-politiki rilevanti tal-UE. Il-ħtieġa għal programm ta’ investiment bħal dan kompliet tiżdied minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

2.4.

Huwa għalhekk li l-Kummissjoni rtirat il-proposta preċedenti tagħha ppreżentata f’Mejju 2018 għall-Programm InvestEU u ressqet proposta ġdida (3), li tirrifletti l-ftehim parzjali li kien diġà ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill f’April 2019.

2.5.

Sabiex il-programm InvestEU jkun mgħammar aħjar biex iwieġeb għall-kriżi ekonomika u soċjali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni tipproponi li jiżdied il-pakkett finanzjarju previst għall-Programm InvestEU oriġinali, sabiex jirrifletti l-ħtiġijiet ta’ investiment ġenerali ogħla u l-ambjent ta’ riskju akbar.

2.6.

Barra minn hekk, il-proposta l-ġdida tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Programm InvestEU billi toħloq il-ħames tieqa, il-Faċilità għall-Investiment Strateġiku, li taqdi l-ħtiġijiet futuri tal-ekonomija Ewropea u tiżgura jew iżżomm l-awtonomija strateġika f’setturi ewlenin.

2.7.

Il-programm InvestEU mtejjeb ikun jista’ jappoġġja lill-kumpaniji fil-fażi tal-irkupru filwaqt li, f’konformità mal-għanijiet oriġinali tiegħu, jiżgura fokus qawwi mill-investituri fuq il-prijoritajiet tal-Unjoni fuq medda medja u twila ta’ żmien, bħat-trasformazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

2.8.

Il-Kummissjoni Ewropea ressqet ukoll proposta (4) għal strument temporanju bbażat fuq l-ekwità, l-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza.

2.9.

L-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza se jappoġġja lill-kumpaniji li għandhom mudelli ta’ negozju li altrimenti huma vijabbli, iżda li qed jiltaqgħu ma’ problemi ta’ solvenza minħabba l-kriżi tal-COVID-19. L-iskop huwa li jingħataw għajnuna biex jegħlbu dan il-perjodu diffiċli biex imbagħad ikunu f’pożizzjoni li jirkupraw la jasal iż-żmien. Objettiv ieħor tal-proposta huwa li jiġu kontrobilanċjati d-distorsjonijiet mistennija fis-Suq Uniku, billi ċerti Stati Membri jaf ma jkollhomx biżżejjed mezzi baġitarji disponibbli biex jipprovdu appoġġ adegwat lill-kumpaniji fil-bżonn.

2.10.

L-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza huwa mistenni li jiġi stabbilit mill-iktar fis possibbli fl-2020, mhux iktar tard mill-bidu ta’ Ottubru 2020, biex ikun jista’ jintuża malajr kemm jista’ jkun matul l-2021 fil-kapaċità sħiħa tiegħu.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jtenni (5) l-appoġġ tiegħu għall-programm InvestEU u l-kontinwazzjoni u l-estensjoni ta’ strument finanzjarju bbażat fuq il-prinċipju tal-garanzija. Huwa jqis li huwa essenzjali mhux l-inqas fid-dawl tal-iżvilupp u l-ġestjoni fit-tul tal-baġit tal-UE.

3.2.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-kapaċità addizzjonali għall-proġett InvestEU, li se żżid il-kapaċità tiegħu għal EUR 75,2 biljun (fil-prezzijiet tal- attwali u inkluża t-Tieqa l-ġdida għall-Investiment Strateġiku), bil-għan li jiġu ġġenerati EUR 1 biljun f’investiment addizzjonali. Il-KESE jappella għal distribuzzjoni bilanċjata tal-fondi fost l-objettivi tal-politika.

3.3.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda tal-ħames tieqa, it-Tieqa għall-Investiment Strateġiku Ewropew, li se tiġi pprovduta b’EUR 31,2 biljun tal-Garanzija tal-UE għall-appoġġ tal-investimenti f’setturi strateġiċi u ktajjen ta’ valur ewlenin, inklużi dawk li huma kruċjali għat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali.

3.4.

Il-Kumitat jenfasizza l-importanza li jkun hemm definizzjoni ċara ta’ liema proġetti huma eliġibbli biex jibbenefikaw mill-ħames tieqa, peress li din għandha l-għan li toħloq kumplimentarjetà mal-erba’ twieqi l-oħra. Il-KESE jirrakkomanda wkoll definizzjoni usa’ tal-innovazzjoni li tmur lil hinn mit-teknoloġija tal-informazzjoni u d-diġitalizzazzjoni. Għandu jiġi ddikjarat b’mod espliċitu li l-SMEs, b’mod partikolari l-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar, huma eliġibbli wkoll taħt din it-tieqa. Dan huwa saħansitra aktar importanti fid-dawl tat-tnaqqis fil-garanzija tal-UE allokata għat-tieqa tal-SMEs — minn EUR 11,25-il biljun għal EUR 10,17 biljun (fi prezzijiet attwali) — meta mqabbla mal-proposta inizjali tal-Kummissjoni Ewropea. Għal dan il-għan, il-kooperazzjoni strutturali bejn l-imsieħba ta’ implimentazzjoni u l-intermedjarji finanzjarji, kif ukoll l-awtoritajiet fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali, hija essenzjali.

3.5.

Il-KESE jenfasizza li l-investimenti fil-ħiliet huma kruċjali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika u ġusta, għalhekk l-investimenti soċjali m’għandhomx jiġu ttraskurati fil-programm InvestEU.

3.6.

Ħafna SMEs, b’mod partikolari l-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar, qed ibatu sostanzjalment minħabba l-kriżi tal-COVID-19 u l-miżuri ta’ lockdown adottati mill-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE. Għalhekk, huwa kruċjali li jiġi żgurat li jkun hemm disponibbli biżżejjed fondi sabiex ikunu jistgħu jirkupraw mill-kriżi. Dan l-appoġġ jeħtieġ li jopera skont id-domanda, jiġifieri kemm id-dejn kif ukoll il-prodotti ta’ ekwità jeħtieġ li jkunu disponibbli. Peress li l-kapaċità ta’ garanzija tat-tieqa tal-SMEs tonqos, dan it-tnaqqis għandu jiġi kkumpensat billi l-portafolli tal-SMEs, u b’mod partikolari dawk tal-intrapriżi ż-żgħar u mikro, ikunu eliġibbli għat-Tieqa għall-Investiment Strateġiku. Dan għandu jkun akkumpanjat minn rekwiżiti proporzjonati ta’ rappurtar sabiex jiġi evitat li jinħolqu piżijiet amministrattivi eċċessivi għall-iżgħar intrapriżi b’riżorsi skarsi, peress li dan jiskoraġġihom milli jfittxu appoġġ mill-InvestEU. Ir-rwol tal-imsieħba ta’ implimentazzjoni u tal-intermedjarji finanzjarji huwa kruċjali biex jiġi żgurat li l-fondi jaslu għand dawn il-kumpaniji.

3.7.

Matul il-kriżi attwali, il-politiki u l-appoġġ tal-gvern saru partikolarment importanti; madankollu, il-kapaċità tal-gvernijiet tal-Istati Membri li jappoġġjaw is-setturi u n-negozji li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi tvarja ħafna fl-UE.

3.8.

Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-Istrument il-ġdid ta’ Appoġġ għas-Solvenza kif ukoll il-fatt li l-istrument, filwaqt li se jkun miftuħ għall-Istati Membri kollha, se jiffoka fuq dawk l-Istati Membri li l-ekonomiji tagħhom intlaqtu l-iktar mill-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 u/jew fejn id-disponibbiltà tal-appoġġ għas-solvenza mill-Istat hija iktar limitata. Il-KESE jaqbel li l-appoġġ għandu jingħata biss lil kumpaniji b’mudelli ta’ negozju vijabbli li ma kinux f’diffikultà qabel il-kriżi tal-COVID-19. Barra minn hekk, jilqa’ l-integrazzjoni tal-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza fil-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS). Sabiex jiġi żgurat użu effiċjenti tal-fondi, huwa rrakkomandat li jkun hemm lok għal ċaqliq flessibbli lejn it-twieqi ta’ politika l-oħrajn tal-FEIS, u minnhom. Fl-aħħar nett, għandha tiġi prevista distribuzzjoni bbilanċjata kf imiss immotivata mis-suq tal-fondi disponibbli bejn il-prodotti ta’ ekwità u kważi ekwità bħal self subordinat.

3.9.

It-tranżizzjoni doppja (dik ekoloġika u dik tad-diġitalizzazzjoni) titħeġġeġ fil-qafas tal-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu wkoll realistiċi u fattibbli għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u għas-setturi tradizzjonali.

3.10.

Il-kriżi tal-coronavirus affettwat lill-Istati Membri tal-UE kollha; madankollu, xi pajjiżi ntlaqtu aktar minn oħrajn. Il-KESE jenfasizza li l-irkupru wara l-kriżi tal-coronavirus m’għandux jirriżulta f’aktar diverġenza fost l-Istati Membri. Filwaqt li ma hemm l-ebda kwota ġeografika stabbilita la għal InvestEU u lanqas għall-Istrument il-ġdid ta’ Appoġġ għas-Solvenza, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-bord ta’ tmexxija tiegħu se jiddefinixxi limiti speċifiċi ta’ konċentrazzjoni ġeografika.

3.11.

Is-semplifikazzjoni, it-trasparenza mtejba u l-potenzjal akbar għal sinerġiji offruti mill-ħolqien tal-InvestEU bħala strument finanzjarju globali assumew saħansitra aktar importanza fir-rigward tal-ħolqien tal-Pjan ta’ Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-komponenti l-oħrajn tal-pjan ta’ rkupru Ewropew. Il-KESE jappella għal linji gwida speċifiċi u ċari mmirati lejn l-identifikazzjoni ta’ proġetti eliġibbli u possibbiltajiet ta’ sinerġiji bejn il-bosta programmi tal-UE, biex b’hekk tiġi żgurata l-implimentazzjoni adegwata u effiċjenti tagħhom.

3.12.

Il-kriżi tal-COVID-19 m’għandhiex tidderieġi lill-UE ’l bogħod mill-objettivi tagħha fuq medda medja u twila ta’ żmien, kif stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, fl-Istrateġija għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2020, u fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Fir-riżoluzzjoni (6) reċenti tiegħu, il-KESE stqarr li l-Ewropa trid tiffinanzja attivitajiet li jissodisfaw żewġ kriterji: ir-ripatrijazzjoni tal-produzzjoni strateġika sabiex l-Ewropa ssir indipendenti — partikolarment rigward il-protezzjoni u r-rispons fil-qasam tas-saħħa — u l-provvista ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja kif ukoll l-enfasi fuq investimenti sostenibbli li jkunu soċjalment responsabbli u favur l-ambjent. L-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, l-istess bħal intrapriżi kbar u l-intrapriżi soċjali, jista’ jkollhom rwol kruċjali fir-ristrutturar tas-sistema ta’ produzzjoni Ewropea.

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2020.

Luca JAHIER

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm InvestEU, (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 131).

(2)  Komunikazzjoni tal-Pjan ta’ Rkupru: Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss.

(3)  Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Programm InvestEU

(4)  Proposta għal Regolament fir-rigward tal-ħolqien ta’ Strument ta’ Appoġġ għas-Solvenza

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm InvestEU (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 131).

(6)  Proposti tal-KESE għar-rikostruzzjoni u l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19