18.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/71


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2019/876 fir-rigward tal-aġġustamenti, b’rispons għall-pandemija tal-Covid-19”

(COM(2020) 310 final — 2020/0066 (COD))

(2020/C 311/10)

Relatur ġenerali:

Giuseppe GUERINI

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 6.5.2020

Parlament Ewropew, 13.5.2020

Bażi legali

Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

L-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Deċiżjoni tal-Bureau

30.4.2020

Adottata fil-plenarja

10.6.2020

Sessjoni plenarja Nru

552

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

208/2/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tintroduċi emendi għar-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2019/876 fir-rigward tal-aġġustamenti b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19.

1.2.

Peress li l-UE qed tiffaċċja kriżi mingħajr preċedent, huwa meħtieġ rispons daqstant straordinarju. Il-proposta għandha tiġi adottata malajr kemm jista’ jkun sabiex il-flus rilaxxati jkunu jistgħu jintużaw bl-aktar mod effettiv biex jiġi indirizzat l-impatt li l-COVID-19 qed ikollu u se jkompli jkollu.

1.3.

Il-KESE jaqbel mad-deċiżjoni li tiġi posposta l-implimentazzjoni ta’ Basel 3+ introdotta mill-Kumitat ta’ Basel u approvata mill-Kummissjoni Ewropea. Madankollu, dan il-posponiment ma għandux sempliċement jikkonferma r-regoli eżistenti, u għalhekk il-proposta għar-reviżjoni tad-direttivi u r-regolamenti hija xierqa.

1.4.

Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li, qabel ma jerġa’ jinbeda l-proċess ta’ implimentazzjoni, il-valutazzjoni bir-reqqa tal-bidliet li se jseħħu fl-istituzzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji f’dan il-perjodu diffiċli tkun tal-akbar importanza għall-adattament tas-sistema regolatorja Ewropea. Jista’ jkun hemm bżonn ta’ valutazzjonijiet tal-impatt ġodda.

1.5.

Bl-istess mod, il-KESE jinsab imħasseb dwar l-impossibbiltà immaġinabbli li jintlaħqu skadenzi regolatorji oħra li jinsabu f’dan l-istadju, minħabba l-isfidi operattivi li l-banek (u l-awtoritajiet) qed jiffaċċjaw. Dan huwa b’mod ċar il-każ tal-qafas il-ġdid dwar ir-riskju tar-rata tal-imgħax fil-Portafoll Bankarju (IRRBB), li għandu jibda jiġi applikat minn Ġunju 2021, filwaqt li r-regolamenti ta’ implimentazzjoni relatati għadhom mhumiex disponibbli. Dan huwa wkoll il-każ tal-NSFR (li huwa mistenni li jibda japplika minn Ġunju 2021).

1.6.

Għalhekk jista’ jkun xieraq li jiġu stabbiliti posponiment raġonevoli għall-aspetti CRR II u CRD5, kif ukoll għal-linji gwida tal-EBA dwar l-oriġinazzjoni u l-monitoraġġ tas-self u l-linji gwida dwar id-definizzjoni l-ġdida ta’ inadempjenza. Inkella, bħal fil-każ tal-NSFR, jista’ jkun xieraq li jiġi previst perjodu ta’ introduzzjoni gradwali ta’ tliet snin (simili għal-LCR), li jippreserva l-intenzjoni oriġinali tal-leġislaturi li l-banek jingħataw sena minn wara l-adozzjoni biex jimplimentaw ir-regoli l-ġodda.

1.7.

Għandhom isiru konsiderazzjonijiet simili fir-rigward tal-konformità mal-obbligi introdotti mid-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament u tal-Kunsill kif ukoll mir-Regolament (UE) 2019/877 dwar il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Minħabba l-pressjoni fuq l-attività ta’ kreditiu u t-talbiet mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nfushom biex jużaw ir-riservi kapitali biex tiġi evitata l-kriżi tal-kreditu, ikun xieraq li jiġu riveduti u posposti l-iskadenzi stabbiliti mid-direttiva u mir-regolament imsemmija hawn fuq biex jintlaħqu l-objettivi vinkolanti tal-MREL.

1.8.

Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li jiġu adattati d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali li jippermettu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jtaffu l-impatt fuq il-fondi tagħhom stess tad-dispożizzjonijiet u l-aġġustamenti għar-riskju ta’ kreditu (ECL) skont l-IFRS 9. Madankollu, il-KESE jemmen li l-proposta hija biss l-ewwel pass lejn l-għan li jittaffew l-impatti tar-reċessjoni, iżda li mhijiex effettiva u adegwata biex iżżomm kundizzjonijiet ekwi fost l-intermedjarji Ewropej. Għal din ir-raġuni, jemmen li l-proposta tista’ tiġi integrata bil-miżuri li ġejjin:

l-estensjoni tal-komponent dinamiku “ġdid” imkejjel fl-1 ta’ Jannar 2020 inkluż għall-kreditu li beda jiddeterjora mill-1 ta’ Jannar 2020 (jew data oħra aktar tard meqjusa utli u f’konformità mad-data tal-bidu tal-pandemija);

in-nuqqas ta’ sostituzzjoni tal-fattur ta’ skala bl-ippeżar uniku ta’ 100 %, intervent għal self lil klijenti fil-livell tal-konsumatur. Tali intervent ma jirrikonoxxix ir-riskju differenti inerenti fil-kategoriji ta’ dawk li ġeneralment jissellfu għall-maġġoranza tal-banek kummerċjali u, b’mod ħafna aktar sinifikanti, tal-banek lokali. Dan jirreferi speċifikament għall-familji u l-SMEs. L-esponimenti assoċjati ma’ din il-kategorija ta’ dawk li jissellfu jgawdu minn trattament prudenzjali speċifiku għall-finijiet tar-rekwiżiti kapitali. Barra minn hekk, is-sostituzzjoni tal-fattur ta’ skala bl-ippeżar uniku ta’ 100 % tirriżulta fi profili sinifikanti, jekk mhux kompletament insormontabbli, ta’ profili ta’ applikazzjoni għall-banek li japplikaw il-metodu standard u jagħmlu użu mill-proċess tal-protokoll għal finijiet ta’ rappurtar. Bħala alternattiva għad-dispożizzjoni proposta mill-Kummissjoni, intervent rigward it-trattament ta’ tassazzjoni assoċjata msemmija fil-punt a) tal-istess paragrafu 7 jista’ jitqies bħala miżura ta’ simplifikazzjoni operattiva effettiva minflok il-kanċellazzjoni tal-punt b);

l-estensjoni tal-perjodu ta’ introduzzjoni gradwali wkoll għall-komponent statiku, imkejjel fl-1 ta’ Jannar 2018, bl-introduzzjoni tal-istandard il-ġdid tal-IFRS 9 (Standards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju), li tirrikjedi li l-banek jagħtu attenzjoni partikolari lill-impatt fil-kuntest tal-Adozzjoni għall-Ewwel Darba (FTA), għandha impatti fuq il-valutazzjoni fix-“xenarju tal-bejgħ” anke tal-pożizzjonijiet improduttivi u li llum jirrappreżentaw l-akbar komponent tal-ammont kollu tal-FTA.

1.9.

Il-KESE jqis li huwa utli li jiġi estiż it-trattament applikabbli bħalissa għall-esponimenti fuq self improduttiv (NPE) iggarantiti jew assigurati minn aġenziji uffiċjali ta’ kreditu għall-esportazzjoni, għall-NPEs determinati bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19 u li huma koperti mid-diversi garanziji stabbiliti mill-Istati Membri. Madankollu, jekk l-għan ta’ din l-emenda huwa li jinkiseb rikonoxximent li l-garanziji pubbliċi għandhom l-istess effett ta’ mitigazzjoni tar-riskju bħal dawk ipprovduti mill-Aġenziji ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni (ECA), il-limiti ta’ żmien għandhom ikunu allinjati wkoll. Fil-fatt, jekk l-għan huwa li jinkiseb allinjament sħiħ fit-trattament ta’ dawn il-garanziji, il-limitu ta’ 7 snin għall-applikazzjoni ta’ dan it-trattament, propost mill-Kummissjoni, għandu jiġi emendat.

1.10.

Filwaqt li jikkunsidra li kull sforz huwa meħtieġ biex il-banek jingħataw spinta biex jappoġġjaw aħjar l-ekonomija reali, il-KESE jappoġġja l-proposta li għandha l-għan li tantiċipa d-dati tal-applikazzjoni ta’ wħud mill-aktar kalibrazzjonijiet korretti tal-assorbiment tal-kapital maħsuba fis-CRR (Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital) iżda li għadhom ma japplikawx, bħad-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ta’ ċerti tipi ta’ self iggarantiti minn pensjonijiet jew salarji, jew il-fattur ta’ sostenn għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, jew il-fattur ta’ sostenn ġdid għall-finanzjament tal-infrastruttura.

1.11.

L-investimenti fl-infrastruttura se jkollhom importanza kbira fil-perjodu li jmiss, u għalhekk il-KESE jemmen li huwa xieraq li jiġu ssimplifikati l-kriterji kumplessi u ta’ piż definiti mill-Artikolu 501a tas-CRR relatati ma’ proġetti li jippermettu rikonoxximent aktar faċli għall-applikazzjoni ta’ trattamenti prudenzjali preferenzjali pprovduti f’dan ir-rigward (pereżempju, billi jiġu eliminati r-rekwiżiti definiti fil-punti b), d), g), i), l), tal-paragrafu 1 u l-punt a) tal-paragrafu 2).

1.12.

Fil-kuntest usa’ tar-reviżjoni tal-baġit pluriennali Ewropew, hija kruċjali l-istrateġija l-ġdida ta’ rkupru ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea fit-28 ta’ Mejju bil-pjan #NextGenerationEU, li rriżultat f’interventi straordinarji b’reazzjoni għall-kriżi kkawżata mill-pandemija. Din l-istrateġija għandha tikkomplementa l-Pjan ta’ Investiment għall-Patt Ekoloġiku, imniedi fl-ewwel tliet xhur tal-2020 b’appoġġ għat-tranżizzjoni lejn ekonomija Ewropea sostenibbli.

1.13.

Fir-rigward tal-fatturi ta’ sostenn fis-CRR, il-KESE jappoġġja l-ħtieġa li jiġi introdott fattur ta’ sostenn ekoloġiku u soċjali, li jippermetti li jitnaqqas l-assorbiment tal-kapital, għas-self żborżat mill-banek favur l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u dawk verament involuti fi programmi ta’ żvilupp sostenibbli u inklużivi.

1.14.

B’referenza għall-qafas regolatorju dwar dejn li ma jistax jitħallas lura, ta’ min jinnota li l-COVID-19 inevitabbilment se jinfluwenza s-suq tas-self improduttiv (NPL) f’ħafna modi. F’dan il-kuntest, u meta wieħed iqis li l-emerġenza attwali inevitabbilment taffettwa s-suq u tnaqqas ir-ritmu tal-proċeduri ta’ ċessjoni, il-KESE jitlob modifika temporanja tar-Regolament (UE) 2019/630 tal-Parlament u tal-Kunsill fir-rigward tal-kopertura minima ta’ telf fuq esponimenti indeboliti.

1.15.

Huwa estremament importanti li jiġu stabbiliti swieq privati tas-self improduttiv, bl-ikbar numru ta’ parteċipanti u xerrejja possibbli, sabiex jiġi evitat kull trasferiment ta’ ġid mis-settur bankarju għas-settur tal-fondi (li mhux soġġett għall-istess regoli), mill-ekonomiji lokali, nazzjonali u Ewropej lil operaturi bi kwartieri ġenerali reġistrati u fiskali f’kuntesti oħra.

1.16.

Il-KESE jqis l-introduzzjoni temporanja tal-hekk imsejjaħ “filtru prudenzjali”, diġà maħsub fil-qafas ta’ Basel II, bħala neċessarja biex jitneħħew il-qligħ jew it-telf mhux realizzati rappurtati fir-rapporti finanzjarji. Fil-fatt, fost l-effetti tal-pandemija, hemm żieda notevoli fil-volatilità inkluż għal titoli li huma tradizzjonalment inqas sensittivi. F’dawn il-kundizzjonijiet tas-suq, u filwaqt li jitqies l-appoġġ sinifikanti mogħti mill-banek għad-dejn pubbliku, sabiex tiżdied l-istabbiltà tal-kapital regolatorju, għandhom jitnaqqsu l-effetti tal-volatilità fuq it-titoli minbarra dawk li jinsabu fil-portafoll tan-negozjar.

1.17.

Wara l-proposta tal-Kummissjoni u b’referenza għar-riskju tas-suq, f’konformità mal-linji gwida tal-BĊE maħruġa fis-16 ta’ April, il-qafas tal-livell 1 għandu jiġi mmodifikat sabiex jitneħħew ir-rabtiet attwali bejn il-volatilità u l-assorbiment tal-kapital fil-banek (il-multiplikatur tal-VaR). Dan huwa meħtieġ peress li, minħabba l-COVID-19, is-suq diġà wera livell għoli ta’ volatilità, li rriżulta f’żieda sinifikanti fl-assorbiment tal-kapital tal-istituzzjonijiet.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-konsegwenzi serji li se jkollha l-pandemija tal-COVID-19 se jeħtieġu t-teħid ta’ miżuri urġenti biex jappoġġjaw l-ekonomija Ewropea u jerġgħu jibdew l-attivitajiet ekonomiċi fl-Istati Membri tal-UE. F’dan il-kuntest, huwa importanti ħafna li jiġi evitat li r-reċessjoni, mingħajr protezzjoni leġislattiva xierqa, tispiċċa tkisser aktar il-varjetà diġà mdgħajfa tas-settur bankarju tal-UE: b’mod partikolari, aħna nemmnu li l-funzjoni speċifika tal-banek komunitarji u territorjali, speċjalment għal dawk b’parteċipazzjoni qawwija mifruxa u tipika tal-banek kooperattivi, għandha tkun protetta u msaħħa.

2.2.

Fit-28 ta’ April 2020, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pakkett ta’ miżuri bankarji li għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-kompitu tal-banek fil-promozzjoni ta’ finanzjamenti għan-negozji u l-familji mmirati biex itaffu l-impatt ekonomiku sinifikanti tal-COVID-19. Il-pakkett jikkonferma d-dikjarazzjonijiet reċenti dwar l-użu tal-flessibbiltà fl-istandards tal-kontabilità u dawk prudenzjali maħruġa minn korpi tal-istandards internazzjonali u mill-awtoritajiet Ewropej rilevanti, kif ukoll minn diversi emendi proposti għall-istandards bankarji tal-UE. Dawn l-emendi għandhom jiġu adottati mingħajr dewmien sabiex tittejjeb il-kapaċità tas-sistema bankarja li toħroġ self u tassorbi t-telf matul il-pandemija tal-COVID-19 filwaqt li tinżamm konsistenza mar-regoli prudenzjali.

2.3.

Il-KESE jilqa’ b’mod favorevoli l-ewwel miżuri deċiżi u l-ewwel indikazzjonijiet espressi mill-awtoritajiet settorjali Ewropej, jiġifieri l-EBA, l-ESMA u l-BĊE/MSU. Dawn id-deċiżjonijiet u linji gwida li għandhom l-għan li jiżguraw flessibbiltà akbar fil-qafas regolatorju attwali jmorru fid-direzzjoni t-tajba biex jindirizzaw l-ewwel fażi ta’ din l-emerġenza. Il-KESE jaqbel mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li għandha l-għan li tiżgura interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tal-miżuri adottati mid-diversi entitajiet li jiffurmaw is-sistema Ewropea tas-superviżuri. L-uniformità tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tiżgura effettività akbar tal-miżuri nfushom.

2.4.

Madankollu, il-KESE jemmen li l-miżuri proposti mhumiex konklużivi fir-rigward tat-tbassir tar-reċessjoni li hija mistennija wara l-impatti tal-pandemija. Il-COVID-19 hija emerġenza straordinarja b’riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali sinifikanti. L-istituzzjonijiet Ewropej kollha jridu jirreaġixxu biex inaqqsu l-impatt fuq l-ekonomija reali, anke b’għażliet kuraġġużi ta’ diskontinwità.

2.5.

F’dan il-qasam, il-KESE jinnota li ngħatat attenzjoni partikolari lill-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ tolleranza u strumenti ta’ inadempjenza u l-impatt tagħhom fuq ir-riklassifikazzjoni potenzjali tad-debituri skont ir-regoli prudenzjali u l-istandards tal-kontabilità tal-IFRS u għat-trattament tal-garanziji pubbliċi u tas-self improduttiv (NPL).

2.6.

Biex ilaħħqu mal-emerġenza, il-KESE jenfasizza li l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej kollha qed jipprovdu għodod differenti biex jappoġġjaw l-ekonomija reali. Fost l-oħrajn, il-banek qed jipprovdu strumenti ta’ inadempjenza, miżuri ta’ tolleranza, ħlas bil-quddiem fuq il-benefiċċji tal-qgħad u għajnuna straordinarja oħra lil korporazzjonijiet, kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja, SMEs u familji. Din l-għajnuna finanzjarja hija bbażata fuq digrieti nazzjonali jew fuq skemi volontarji.

2.7.

Madankollu, minħabba l-impatt serju u mingħajr preċedent tal-pandemija, il-KESE jtenni li l-miżuri msemmija hawn fuq mhumiex biżżejjed.

2.8.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-KESE jilqa’ l-“Proposta fir-rigward tal-aġġustamenti, b’rispons għall-pandemija tal-Covid-19” imnedija mill-Kummissjoni fit-28 ta’ April li għadda.

2.9.

Il-KESE huwa tal-fehma li, minbarra li għandu jittieħed vantaġġ sħiħ mill-flessibbiltà permessa fil-qafas eżistenti, ċerti bidliet limitati għal aspetti speċifiċi tas-CRR huma neċessarji sabiex tiġi massimizzata l-abbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jappoġġjaw l-ekonomija u fl-istess ħin jassorbu t-telf marbut mal-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li jibqgħu jiggarantixxu r-reżiljenza kontinwa tagħhom. Barra minn hekk, fil-livell internazzjonali, il-BCBS għamel ftehim dwar dewmien ta’ sena fl-iskadenza għall-implimentazzjoni tal-elementi finali tal-qafas Basel III, li xi elementi minnhom kienu diġà ġew inkorporati fis-CRR, kif ukoll flessibbiltà akbar tal-impatt tal-IFRS 9 fuq il-kapital. Dawn il-bidliet għandhom jiġu riflessi fir-regoli eżistenti.

2.10.

L-impatt tal-pandemija se jaffettwa s-suq tas-self improduttiv b’diversi modi: il-proċedimenti ġudizzjarji ġew sospiżi u/jew differiti għall-ġimgħat li rriżultaw f’dewmien fil-proċeduri ta’ rkupru tas-self improduttiv. Proċessi ta’ rkupru mhux ġudizzjarji wkoll se jkunu mġiegħla jnaqqsu r-ritmu.

2.11.

Bħala konsegwenza, il-proċessi ta’ żvestiment tas-self improduttiv se jiġu affettwati wkoll u t-tnaqqis fil-prezzijiet tas-self improduttiv se jdum għal tal-anqas 24 xahar. Dan jista’ jkun ukoll ta’ vantaġġ għax-xerrejja mhux bankarji li jispeċjalizzaw fis-self improduttiv. Dawn ix-xerrejja mhumiex soġġetti għar-regolamentazzjoni prudenzjali Ewropea, li jpoġġi l-banek tal-UE fi żvantaġġ evidenti u jwassal għal trasferiment ta’ ġid mis-settur bankarju lil entitajiet mhux regolati, eżattament fi żmien meta għandna bżonn li l-banek jappoġġjaw l-irkupru ekonomiku, speċjalment wara li kkanċellaw id-dividendi.

2.12.

F’dan il-kuntest, u meta wieħed iqis li l-emerġenza attwali inevitabbilment taffettwa s-suq u tnaqqas ir-ritmu tal-proċeduri tat-tkeċċija, il-KESE jitlob emenda temporanja tar-regolament ta’ garanzija ta’ kontinġenza fiskali dwar is-self improduttiv kif deskritt hawn fuq.

2.13.

L-Artikolu 473(a) tal-CRR fih dispożizzjonijiet tranżizzjonali li jippermettu lill-istituzzjonijiet jintegraw mill-ġdid parti mill-impatt tad-dispożizzjonijiet fil-kapital primarju tagħhom minħabba l-introduzzjoni tal-mudell ta’ indeboliment tal-ECL skont l-IFRS 9. Id-dispożizzjonijiet introdotti jippermettu, l-ewwel nett, li jiġi newtralizzat parzjalment l-impatt miksub bl-applikazzjoni tal-mudell il-ġdid ta’ indeboliment fuq skoperturi, u, it-tieni nett, li jittaffa l-impatt taż-żieda addizzjonali fit-tniżżil fil-valur reġistrat minn żmien għal żmien.

2.14.

Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi avviċinament lejn l-għan li jittaffew l-impatti tar-reċessjoni, li huma konsiderevolment kritiċi, iżda mhix biżżejjed biex tiggarantixxi li jinżammu l-kundizzjonijiet ekwi ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu Ewropej. Peress li waħda mill-konsegwenzi ewlenin tal-kriżi se tkun iż-żieda fil-livelli ta’ deterjorament, il-mitigazzjoni tal-impatt tal-kriżi b’referenza għall-komponent tal-esponimenti produttivi biss għandha tiġi estiża għall-kreditu li ddeterjora wara li tfaċċat il-pandemija fl-Ewropa (Jannar 2020).

2.15.

Kif intqal diġà, is-sistema soċjoekonomika tal-Unjoni se tkun ittestjata sew bl-impatt li l-pandemija se jkollha fuq l-ekonomija reali fix-xhur li ġejjin. Huwa meħtieġ li jiġi kkunsidrat mill-ġdid it-tessut produttiv Ewropew. Aħna għalhekk nemmnu li din l-isfida enormi tista’ tinbidel f’opportunità biex jinbena mudell ekonomiku Ewropew li jkun aktar sostenibbli mil-lat ambjentali u aktar inklużiv mill-perspettiva soċjali. F’dan ix-xenarju, il-banek lokali li għandhom kwalunkwe natura legali (kemm tal-kapital kif ukoll ta’ individwi jew kooperattivi), min-natura tagħhom stess deċentralizzati u mqassma b’mod wiesa’ fit-territorju kollu, jistgħu u għandu jkollhom rwol fundamentali fit-tqassim ta’ inċentivi, u jadattaw perfettament għar-rwol tal-katina tad-distribuzzjoni tal-valur minn istituzzjonijiet ċentrali sa realtajiet lokali aktar remoti. Għal din ir-raġuni, l-importanza strateġika tal-banek komunitarji għandha tkun rikonoxxuta u msaħħa.

2.16.

Il-pandemija wriet minn naħa li, fejn hemm tessut soċjali koeżiv u preżenza importanti ta’ organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, ir-rispons ta’ solidarjetà, inkluż f’forma ta’ intrapriżi soċjali, kien fattur importanti ta’ reżiljenza; min-naħa l-oħra, il-preżenza ta’ organizzazzjonijiet ta’ intraprenditorija soċjali se tkun ta’ importanza kbira biex terġa’ titnieda sistema ekonomika inklużiva u sostenibbli, li tnaqqas ir-riskju li setturi ekonomiċi sħaħ jistgħu jiġġarfu. Għal din ir-raġuni, il-KESE jappoġġja l-ħtieġa li jiġi introdott fattur ta’ sostenn ekoloġiku u soċjali fis-CRR, li jippermetti li jitnaqqas l-assorbiment tal-kapital, għas-self maħruġ mill-banek favur l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

2.17.

Barra minn hekk, l-Artikolu 501(c) tas-CRR 2 jipprevedi li sal-2025 l-EBA tippromovi studju fil-fond biex tivverifika l-possibbiltà li tiġġustifika l-introduzzjoni ta’ trattament prudenzjali speċifiku għal esponimenti relatati ma’ assi jew attivitajiet b’dawn il-karatteristiċi.

2.18.

Il-KESE jemmen li huwa utli li dan il-fattur ta’ sostenn jiġi introdott qabel l-2025, meta jista’ jkun tard wisq u jkollu effetti diżastrużi, biex tiġi adottata miżura ta’ appoġġ li tippermetti lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jipprovdu aktar kreditu u riżorsi lil dawn is-setturi strateġiċi li bħalissa jinsabu f’diffikultà.

2.19.

Matul din il-fażi ta’ emerġenza, ġew osservati eżempji ta’ kif l-intrapriżi soċjali jistgħu jiggarantixxu reżiljenza akbar lill-komunitajiet fejn huma jagħtu s-servizzi tagħhom; f’ħafna każi saħansitra jingħaqdu jew jissostitwixxu amministrazzjonijiet pubbliċi fejn dawn ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-bżonnijiet. Aħna għalhekk nissuġġerixxu li titqassar konsiderevolment l-iskadenza tal-mandat mogħti lill-EBA mil-leġislaturi u jitħaffef il-proċess ta’ stabbiliment ta’ fattur ta’ sostenn għas-sostenibbiltà. Il-perspettiva mikroprudenzjali għandha f’dan il-każ tiġi kkoreġuta u bbilanċjata mill-ġdid permezz ta’ perspettiva sistemika, makroprudenzjali u fl-istess ħin soċjali.

2.20.

Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-antiċipazzjoni għall-1 ta’ Lulju tad-data tal-applikazzjoni taż-żewġ fatturi ta’ sostenn, it-trattament preferenzjali ta’ ċerti assi tas-software u t-trattament preferenzjali ta’ ċertu self iggarantit mill-pensjonijiet jew il-pagi, għandha tirrilaxxa l-fondi proprji tal-istituzzjonijiet, li jippermettilhom iżidu s-self meħtieġ waqt il-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha. It-tmexxija ’l quddiem sal-1 ta’ Jannar 2021 tal-fatturi ta’ appoġġ (1) għall-ekonomija soċjali reali u l-ekonomija ekoloġika wkoll għandu jkollha b’mod ċar effett pożittiv.

2.21.

Il-bidliet proposti mill-Kummissjoni mhux se jibdlu sostanzjalment il-qafas regolatorju prudenzjali u jiffaċilitaw l-isforzi kollettivi biex itaffu l-impatt tal-pandemija u għalhekk irkupru mgħaġġel. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li jkun xieraq li jiġu posposti l-kurvi ta’ proviżjonament attwali relatati ma’ self indebolit għal perjodu ta’ 24 xahar biex jirrispondu għall-ħtieġa li jiġu żgurati flussi ta’ finanzjament adegwati li kapaċi jillimitaw l-impatt tal-pandemija. Mingħajr dan l-intervent, il-banek isibu ruħhom f’sitwazzjoni b’żewġ sistemi ta’ inċentivi kontradittorji inerenti fir-regoli: minn naħa, dawk il-miżuri kollha li għandhom it-tendenza li jirrilaxxaw il-kapital tal-banek għal self ġdid jew, fi kwalunkwe każ, biex jevitaw pressjoni eċċessiva fuq l-istess kapital (bħal pereżempju, ir-reviżjoni tar-regoli tranżitorji dwar l-IFRS9) u, min-naħa l-oħra, dawk ir-regoli li l-eżitu finali tagħhom jista’ jipproduċi pressjoni enormi fuq il-kapital jew, fi kwalunkwe każ, jiskoraġġixxi lill-banek milli jipprovdu self f’ekonomija taħt stress biex jiġu evitati effetti negattivi fuq il-kapital. Jekk ma tiġix riveduta, il-garanzija ta’ kontinġenza prudenzjali tista’ tikkostitwixxi standard simili, li huwa ta’ skoraġġament f’xenarju ta’ stress ekonomiku u ta’ reċessjoni. L-aġġustament għandu japplika kemm għal self improduttiv garantit kif ukoll mhux garantit.

Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2020.

Luca JAHIER

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Ara l-Artikolu 501(c) It-trattament prudenzjali ta’ skoperturi relatati ma’ objettivi ambjentali u/jew soċjali.