11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 429/187


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-Diġitalizzazzjoni u s-Sostenibbiltà — status quo u l-ħtieġa għal azzjoni mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili”

(opinjoni esploratorja)

(2020/C 429/24)

Relatur:

Peter SCHMIDT (DE-II)

Korelatur:

István KOMORÓCZKI (HU-I)

Konsultazzjoni

Presidenza Ġermaniża tal-UE, 07/04/2020

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

31.8.2020

Adottata fil-plenarja

17.9.2020

Sessjoni plenarja Nru

554

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

216/2/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappella għal politiki li jkomplu jintegraw l-ekonomija diġitali bil-valuri soċjali tagħna, biex b’hekk jiġi żgurat li l-ekonomija tal-benessri diġitali tkun kemm jista’ jkun inklużiva, li tippermetti lill-ħaddiema, il-konsumaturi, l-SMEs, il-kumpaniji kbar u l-atturi ekonomiċi mingħajr skop ta’ qligħ biex jibbenefikaw bl-istess mod, speċjalment f’żoni rurali. Politiki bħal dawn jinkludu:

li niżviluppaw politika fiskali biex niżguraw li n-negozji diġitali jħallsu s-sehem ġust tagħhom ta’ taxxi;

li nibnu fuq ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data biex niżviluppaw liġi distintiva dwar il-protezzjoni tad-data fuq il-post tax-xogħol, fil-midja soċjali u fil-kummerċ elettroniku;

li naġġustaw il-liġi attwali dwar il-kompetizzjoni u l-monopolju sabiex nirregolaw is-swieq tal-pjattaformi diġitali;

li nrawmu software u applikazzjonijiet b’sors miftuħ;

li nadottaw approċċ “fondi pubbliċi – data pubblika”, b’tali mod li d-data tar-riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi tkun disponibbli pubblikament;

li niżviluppaw politika strateġika tal-UE dwar il-governanza tad-data, inkluża leġiżlazzjoni ġdida dwar “trusts ta’ data pubblika”.

1.2.

Il-KESE jistieden lill-gvernijiet nazzjonali u lokali biex jappoġġjaw il-pjattaformi tal-kondiviżjoni kooperattiva. Huwa jappella wkoll għal ktajjen ta’ produzzjoni tal-ICT li jkunu trasparenti, ġusti u ekoloġiċi, standards ambizzjużi tal-enerġija u estensjoni tad-Direttiva tal-UE dwar l-ekodisinn, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex:

tadatta leġislazzjoni tal-UE biex tagħmel ix-xiri online aktar sostenibbli u tiżviluppa politiki responsabbli dwar l-imballaġġ, il-konsenji u r-ritorn tal-pakketti;

tipproteġi lill-operaturi ż-żgħar fis-suq kontra pjattaformi monopolistiċi;

tiżviluppa sett komprensiv ta’ kriterji u indikaturi għall-prodotti ta’ software sostenibbli u pass għall-prodotti diġitali;

ittejjeb ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data fir-rigward tas-suffiċjenza tad-data u l-akkoppjament tad-data;

timponi restrizzjonijiet fuq ir-reklamar online biex jinħolqu spazji ħielsa mir-reklamar.

1.3.

Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal tnaqqis sinifikanti u mhux mistenni fit-trasport, il-produzzjoni u l-konsum; użu akbar ta’ prattiki ta’ xogħol u stili ta’ ħajja bbażati fuq l-ICT li jnaqqsu l-użu tal-enerġija. Il-KESE jappella għal miżuri politiċi xierqa biex jgħinu ħalli dawn l-aspetti pożittivi jiġu kkonsolidati wara l-pandemija. Naturalment, dan iqajjem mistoqsijiet usa’ dwar l-effiċjenza enerġetika tal-“cloud” u dwar iċ-ċentri tad-data li jsostnuh. Pereżempju:

l-istabbiliment ta’ inventarju tal-UE ta’ ċentri tad-data (li jkopru l-effiċjenza enerġetika, iċ-ċiklu tal-ħajja, il-materjali tal-bini, eċċ.) u skema “top-runner”, biex ikun żgurat li l-aktar ċentri ta’ data effiċjenti fl-użu tal-enerġija jsiru n-norma;

iċ-ċentri ta’ data l-ġodda jintalbu li jkunu jaħdmu 100 % b’enerġija rinnovabbli;

l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA) biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni klimatika u dik enerġetika;

is-suġġeriment ta’ miżuri għal soluzzjonijiet sostenibbli tal-IA.

1.4.

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza ċentrali tal-iżvilupp sostenibbli tal-bliet intelliġenti, inklużi l-approċċi innovattivi għall-mobbiltà integrata, l-enerġija u t-turiżmu.

2.   Sfond u pedamenti

2.1.

Din l-Opinjoni ntalbet mill-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill u tfittex li tinvestiga ż-żewġ xejriet il-kbar globali tad-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea. Il-KESE jilqa’ dan l-approċċ biex jiġu allinjati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, peress li dan l-allinjament huwa essenzjali għall-prosperità u r-reżiljenza tal-ġejjieni tal-Ewropa.

2.2.

L-UE impenjat ruħha bis-sħiħ fir-rigward tal-Aġenda 2030 tan-NU (1) u s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha u taġixxi fil-kuntest ta’ ftehimiet internazzjonali dwar il-klima bħall-Ftehim ta’ Pariġi (2). Biex tiggarantixxi l-implimentazzjoni xierqa tagħhom, l-UE teħtieġ li tiżviluppa u tiffinalizza strateġija globali għall-Iżvilupp Sostenibbli.

2.3.

Il-KESE jilqa’ l-Patt Ekoloġiku – u Soċjali – Ewropew (3) u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta tiegħu, peress li dawn għandhom iwasslu l-investiment fuq skala kbira meħtieġ għal tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija newtrali għall-klima. Il-KESE jqis li l-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari (4) hija essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid għal Ekonomija Ċirkolari (5) u jħares ’il quddiem biex ikompli din il-kollaborazzjoni. Il-KESE jenfasizza li l-UE jeħtiġilha tiżgura li d-diġitalizzazzjoni tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

2.4.

Il-KESE jilqa’ l-pakkett ta’ rkupru u rikostruzzjoni, “Next Generation EU” (6), li għandu l-għan li jappoġġja lil dawk li ntlaqtu l-agħar mil-lat ekonomiku mill-kriżi tal-COVID-19.

2.5.

Il-pandemija tal-COVID-19 hija opportunità biex nirriflettu dwar kif nistgħu nsawru mill-ġdid u ninnovaw l-ekonomija tagħna biex nagħmluha aktar sostenibbli mil-lat ambjentali u soċjali; il-kriżi m’għandhiex tfixkel lill-UE mill-objettivi ekoloġiċi u ta’ sostenibbiltà tagħha.

2.6.

Aktar kmieni, il-KESE appella għal ekonomija tal-benesseri sostenibbli u inklużiva (7) li taħdem kemm għan-nies kif ukoll għall-pjaneta; din tinkludi l-użu xieraq tad-diġitalizzazzjoni biex jinkiseb dan il-għan.

2.7.

Il-KESE jqis li approċċ sistematiku tal-UE għall-konsum sostenibbli (8) huwa wieħed mill-elementi importanti u essenzjali tal-viżjoni strateġika tal-KESE ta’ ekonomija sostenibbli u ta’ benesseri li ma jħalli lil ħadd jibqa’ lura.

2.8.

Il-KESE kien favur perkors Ewropew lejn futur diġitali (9), ibbażat fuq valuri soċjali u standards etiċi Ewropej, biex niżguraw li naħtfu l-opportunitajiet diġitali għall-ekonomija, filwaqt li nħarsu l-privatezza tagħna, l-awtodeterminazzjoni u nirrispettaw il-limiti tal-pjaneta.

2.9.

Il-White Paper reċenti tal-Kummissjoni dwar l-IA (10) tipproponi strateġija biex jiġi żgurat li l-IA tintuża fl-UE, u l-KESE jappoġġja l-ambizzjonijiet tal-Kummissjoni li tagħmel lill-UE mexxej internazzjonali fil-qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-IA u b’hekk tittejjeb il-kompetittività globali tal-Ewropa (11). Fl-istess ħin, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-istrateġija tal-IA hija integrata aħjar fl-istrateġiji attwali tal-UE dwar is-sostenibbiltà.

2.10.

Il-KESE jistieden lill-partijiet interessati kollha biex jikkunsidraw l-impatti tad-diġitalizzazzjoni fis-setturi differenti u fl-SDGs kollha f’termini ta’ infrastruttura bażika, għoti ta’ setgħa u trasformazzjoni.

3.   Lejn diġitalizzazzjoni sostenibbli mil-lat soċjali, ambjentali u ekonomiku

3.1.

Hekk kif qed nirriflettu matul il-perjodu tal-COVID-19, joħroġ biċ-ċar li rivoluzzjoni diġitali sostenibbli tinvolvi allinjament ma’ fatturi umani kif ukoll iż-żamma ta’ soluzzjonijiet mhux diġitali, il-valutazzjoni bir-reqqa tar-riskji involuti u b’enfasi speċjali fuq ir-reżiljenza. L-indirizzar tad-distakk diġitali bejn u fi ħdan il-pajjiżi madwar id-dinja se jkun prijorità partikolari, b’attenzjoni speċjali fuq l-Istati Membri u b’ħarsa lejn it-tkabbir. L-indirizzar tad-distakk diġitali fi ħdan l-Istati Membri jeħtieġ investiment pubbliku u privat; il-pandemija enfasizzat kemm l-opportunitajiet, kif ukoll l-iżvantaġġi tal-komunikazzjoni diġitali, partikolarment għal dawk li jgħixu f’żoni rurali.

3.2.

Din l-Opinjoni se tiffoka fuq l-SDG8 (ix-xogħol deċenti), l-SDG12 (il-konsum u produzzjoni) u l-SDG13 (l-azzjoni klimatika) (12), u għalhekk se torbot bis-sħiħ il-fatturi għas-sostenibbiltà ambjentali u soċjali. L-allinjament ta’ dan it-tħassib huwa kruċjali għal forma ta’ diġitalizzazzjoni li taħdem għalina lkoll. Punti partikolari oħrajn ta’ fokus jinkludu l-edukazzjoni diġitali (SDG4), il-bliet intelliġenti (SDG11) u s-saħħa online (SDG3), u nirrakkomandaw aktar analiżi dettaljata ta’ dawn l-oqsma fil-kuntest tas-soċjetà ċivili fil-ħidma futura tal-KESE.

3.3.

Il-pandemija ttrasformat ħafna mid-drawwiet tagħna ta’ kuljum f’esperimentazzjoni fuq il-post fuq skala kbira tal-implimentazzjoni diġitali: il-gvernijiet għalqu l-iskejjel b’mod temporanju, fejn talbu lill-istudenti u lill-għalliema biex jaħdmu online, u l-impjegaturi kellhom jadattaw l-approċċ tagħhom għal xogħol mill-bogħod mingħajr dewmien. Hekk kif qed noħorġu bil-mod il-mod mill-konfinament, jeħtieġ li nirriflettu fuq kemm hi mixtieqa u xierqa d-diġitalizzazzjoni, u kif nistgħu nżommu l-ġustizzja intraġenerazzjonali u interġenerazzjonali allinjata mal-SDGs fil-proċess.

Il-KESE jistieden lill-partijiet interessati kollha biex jikkunsidraw l-impatti ta’ dan il-“pass diġitali ’l quddiem” mhux mistenni fil-kuntest tat-tliet dimensjonijiet li ġejjin: l-infrastruttura bażika, l-għoti tas-setgħa u t-trasformazzjoni. Biex nispjegaw dan, se nagħtu l-eżempju tal-ambjenti tal-edukazzjoni u tax-xogħol tagħna, iżda nirrakkomandaw li jkun applikat bħala ewristiku sabiex dawn it-tliet dimensjonijiet jinqabdu bil-benefiċċji u r-riskji rispettivi tagħhom.

3.3.1.   Infrastruttura diġitali bażika

Filwaqt li nqisu bħala fatta li l-internet jipprovdi aċċess kważi universali għall-għarfien għal ħafna minna fl-Ewropa, irridu nkomplu naħdmu biex intejbu l-kwalità, is-sikurezza, l-affidabbiltà, l-inklużività u l-aċċessibbiltà tas-servizzi online. Hekk kif mexjin lejn żmien dejjem aktar iddominat mill-IA, huwa kruċjali li nanalizzaw l-esperjenzi u l-eżiti xjentifiċi, soċjetali u pedagoġiċi ta’ din is-sitwazzjoni mhux mistennija, filwaqt li ninnotaw ir-rapport reċenti tal-UNESCO dwar l-IA (13). Diġà ninsabu konxji minn inugwaljanzi soċjali sinifikanti f’dan il-kuntest, inkluż nuqqas ta’ tagħmir elettroniku, taħriġ u konnettività.

F’konformità mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-fatturi negattivi potenzjali jistgħu jinkludu żieda fil-ħin li nqattgħu quddiem l-iskrin, l-esponiment għall-apparat b’mod ġenerali, il-qagħda, ir-radjazzjoni, it-tħassib dwar l-impatt tal-5G fir-rigward ta’ saħħitna, “l-aħbarijiet foloz”, il-frodi fuq l-internet, il-bullying ċibernetiku, u kwistjonijiet ta’ sorveljanza – li lkoll jeħtieġu aktar riċerka serja.

3.3.2.   Id-diġitalizzazzjoni bħala għodda għall-għoti tas-setgħa

Fir-rigward tal-aspetti pożittivi, kollha kemm aħna esperjenzajna tfakkira drammatika tal-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni bħala għodda għall-għoti tas-setgħa fil-ħajja ta’ kuljum. Pereżempju, l-informazzjoni hija faċilment disponibbli u dan jippermetti tagħlim tul il-ħajja indipendenti u xogħol flessibbli. L-ambjent versatili u għani jinkludi ambjenti bl-awdjo, bil-vidjo, bit-testi, bl-animazzjonijiet, ambjent ta’ taħriġ virtwali, taħditiet diretti, realtà awmentata u realtà virtwali fuq firxa wiesgħa ta’ suġġetti mfassla skont l-iskeda u l-ħtiġijiet tagħna, kemm jekk aħna studenti, impjegati jew sempliċement qed infittxu li niksbu għarfien jew ħiliet ġodda.

L-internet qed iservi wkoll ta’ katalist għall-movimenti tas-soċjetà ċivili, u b’mod partikolari kien b’saħħtu fl-immobilizzar ta’ persuni biex jieħdu azzjoni politika jew ambjentali bħall-Ġimgħa għall-Ġejjieni, jew kif deher b’mod spettakolari f’dimostrazzjonijiet Hong Kong f’dawn l-aħħar snin.

Fl-istess ħin, napprezzaw li l-użu tad-diġitalizzazzjoni permezz ta’ teknoloġija avvanzata mhux bilfors jirriżulta f’sostenibbiltà akbar – eż. komunitajiet indiġeni jew gruppi ta’ anzjani b’approċċi mhux teknoloġikament avvanzati għandhom tendenza li jkollhom soluzzjonijiet aktar sostenibbli u mhux diġitali.

3.3.3.   Id-diġitalizzazzjoni bħala għodda għat-trasformazzjoni

It-tagħlimiet meħuda minn din l-esperjenza ta’ “laboratorju globali” jipprovdu opportunità kbira biex naslu għal konklużjonijiet dwar kif dan se jaffettwa żviluppi futuri, bħat-taħlita ideali ta’ tagħlim mill-bogħod imfassal apposta u edukazzjoni fuq il-post. L-istituzzjonijiet ewlenin fid-dinja diġà joffru korsijiet online miftuħa massivi permezz ta’ kollaborazzjonijiet bħal Coursera, li joffru wħud mill-benefiċċji ta’ università tal-ħolm lil kulħadd.

L-implikazzjonijiet ambjentali u soċjali huma impressjonanti. Kien hemm ħafna inqas vjaġġar ta’ negozju, li rriżulta fi tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u tal-ambjent b’mod ġenerali, inqas storbju, tnaqqis fl-istress uman, u huwa probabbli li xi wħud minn dawn ix-xejriet il-ġodda se jibqgħu anke wara l-irkupru. Ħafna għandhom il-possibbiltà li jqattgħu aktar ħin id-dar u/jew mal-familja u jduru għal fornituri lokali, bħal ħwienet agrikoli, għalkemm huwa ċar li xi wħud sofrew ukoll tbatijiet kbar.

F’termini ta’ infrastruttura, din hija opportunità perfetta biex jitqajmu u jiġu analizzati kwistjonijiet ta’ investiment tal-komunità u kosteffiċjenza.

3.4.   SDG 8: Xogħol deċenti u l-benesseri tal-ekonomija

Id-diġitalizzazzjoni għandha potenzjal kbir għall-ekonomija tal-benesseri. Iżda l-benefiċċji ma jinqasmux b’mod uniformi, bir-riskju li sehem dejjem jiżdied ta’ kapital u ta’ assi se jakkumula f’idejn ftit parteċipanti. Il-parti l-kbira tal-pjattaformi diġitali u n-negozji tas-software jinsabu l-Istati Uniti u l-Asja (14). L-SMEs Ewropej jiddependu fuq is-servizzi tagħhom, u pereżempju, permezz ta’ Fulfilment By Amazon jitilfu sehem mill-bejgħ tagħhom minħabba pagamenti ta’ royalties. Biex tiġi miġġielda din ix-xejra ta’ oligopolizzazzjoni, jeħtieġ li nibnu ekonomija inklużiva tal-benessri fl-Ewropa. Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ politika fiskali biex ikun żgurat li n-negozji diġitali jħallsu s-sehem ġust tagħhom ta’ taxxi (15).

3.4.1.   Id-diġitalizzazzjoni u l-effetti tagħha fuq l-impjiegi

Id-diġitalizzazzjoni fl-ambjent tax-xogħol toffri ħafna opportunitajiet għal razzjonalizzazzjoni mixtieqa ta’ xogħol (16), pereżempju bl-użu ta’ “cobots” (17), iżda tinvolvi wkoll ċerti riskji sakemm ma nintegrawhiex b’mod sod fil-valuri soċjali u l-istandards etiċi Ewropej tagħna bl-użu ta’ approċċ “human-in-command”. L-isfidi speċifiċi f’dan il-kuntest huma:

Bidla fil-proporzjon bejn l-impjiegi u d-dħul fis-segmenti l-ġodda tan-negozju, fejn in-negozji diġitali jiġġeneraw aktar bejgħ b’inqas impjiegi. Il-parti l-kbira tal-istudji xjentifiċi jassumu li l-effetti netti tad-diġitalizzazzjoni fuq is-suq tax-xogħol se jwasslu għal żieda fil-qgħad (18) (19) (20) (21) (22) (23).

Prekarjetà tal-impjiegi, fejn probabbilment anqas nies ikollhom impjiegi sodisfaċenti u mħallsin tajjeb, filwaqt li numru dejjem jikber ta’ nies jistgħu jsibu ruħhom f’kundizzjonijiet ta’ impjieg instabbli fl-hekk imsejħa “ekonomija tal-gigs”, li hija kkaratterizzata minn xogħol part-time, kuntratti għal żmien qasir jew kuntratti ta’ żero sigħat (24) (25) (26) (27) (28).

Polarizzazzjoni tad-dħul, hekk kif is-sehem tal-prodott domestiku gross (PDG) attribwit għall-pagi jaqa’, filwaqt li s-sehem ta’ dħul (29) ta’ investiment jogħla (30) (31) (32). Din il-polarizzazzjoni tad-dħul tista’ ddgħajjef il-kapaċità tal-akkwist (33) (34) (35).

Xejra lejn l-esternalizzazzjoni tax-xogħol u l-kontroll tax-xogħol. Il-gwadann perċepit fl-awtonomija meta wieħed jaħdem mid-dar ma għandux jirriżulta għad-detriment tal-interessi tal-impjegati (pereżempju post tax-xogħol sikur, kundizzjonijiet tax-xogħol stabbli, id-dritt għall-iskonnessjoni, u l-protezzjoni tad-data fuq il-post tax-xogħol). Għalhekk, il-KESE jappella għal interpretazzjoni b’saħħitha tal-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-UE u jissuġġerixxi li tiġi stabbilita liġi distintiva dwar il-protezzjoni tad-data fuq il-post tax-xogħol.

Użu mmirat tal-IA biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq tax-xogħol, pereżempju billi jiġu antiċipati l-ħtiġijiet tal-ħiliet jew l-effetti fuq il-ħinijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, bil-għan li tinkiseb ekonomija tal-benesseri. (Dan jista’ jinkludi kunsiderazzjonijiet dwar l-introduzzjoni ta’ introjtu bażiku, tnaqqis ta’ sigħat għal impjiegi full-time, jew imposti għal impjiegi bi ħlas baxx.)

3.4.2.   Setgħa permezz tal-akkumulazzjoni tad-data

Il-miġja tal-“ġganti diġitali” b’monopolizzazzjoni u oligopolizzazzjoni xekklet il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-konċentrazzjoni tal-informazzjoni u l-għarfien għandha implikazzjonijiet għas-sovranità politika u l-awtodeterminazzjoni personali, peress li partijiet kbar tat-traffiku tal-internet (pereżempju d-data personali u d-data relatata mas-suq, l-aħbarijiet u d-diskorsi pubbliċi) jinsabu f’idejn ftit kumpaniji tal-IT globali (mhux tal-UE). Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex taġġusta l-liġi attwali dwar il-kompetizzjoni u l-monopolju biex tirregola s-swieq tal-pjattaformi diġitali (36). Il-KESE jinnota wkoll l-importanza tal-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini fil-kuntest tal-GDPR, u li l-aspett esplojtattiv tal-kapitaliżmu tas-sorveljanza jeħtieġ li jiġi diskuss b’mod miftuħ.

Barra minn hekk, pjattaformi bħal Amazon jaġixxu dejjem aktar bħala parteċipanti fis-suq fi ħdan is-swieq tagħhom stess filwaqt li jikkontrollaw l-infrastruttura ekonomika (jiġifieri l-pjattaformi tax-xiri, il-kanali ta’ distribuzzjoni u r-reklami) fejn eluf ta’ bejjiegħa kompetituri joffru l-prodotti tagħhom. Amazon tuża din id-data mingħand bejjiegħa ta’ partijiet terzi biex timbotta l-prodotti tagħha stess, u b’hekk tpoġġi lill-kompetituri tagħha fi żvantaġġ (37). Reviżjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE abbażi tar-regolament dwar l-investiment dirett barrani (FDI) tal-Indja (38) tista’ tidentifika u tissanzjona prattiki abbużivi bħal dawn.

L-iżgurar tan-newtralità ta’ swieq ġodda tal-pjattaformi diġitali (39) huwa vitali biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta għall-parteċipanti kollha fis-suq. Il-KESE jissuġġerixxi regolamenti dwar il-“monopolji naturali” fl-ekonomija diġitali biex tiġi żgurata l-governanza tagħhom mis-soċjetà ċivili jew l-awtoritajiet pubbliċi (40). Dan jinkludi l-interoperabbiltà bejn il-pjattaformi kompetituri biex tkun żgurata l-kompetizzjoni fi ħdan is-suq diġitali, pereżempju b’leġislazzjoni dwar interfaċċi obbligatorji definiti minn qabel għall-iskambju ta’ informazzjoni.

3.4.3.   Governanza tad-data: lejn politika strateġika tal-UE dwar il-governanza tad-data

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE biex irawmu software u applikazzjonijiet b’Sors Miftuħ bħala għodod li jinkoraġġixxu mudelli kummerċjali u applikazzjonijiet li jippermettu aċċess miftuħ u qsim ġust tal-benefiċċji.

Barra minn hekk, il-KESE huwa favur approċċ ta’ “fondi pubbliċi – data pubblika”, li jirrikjedi proġetti ta’ riċerka u żvilupp iffinanzjati pubblikament li jagħmlu d-data disponibbli, pereżempju, skont il-liċenzja tal-Creative Commons jew liċenzji pubbliċi tad-drittijiet tal-awtur.

Barra minn hekk, il-KESE jissuġġerixxi li tiġi żviluppata politika strateġika tal-UE dwar il-governanza tad-data biex jinstab bilanċ bejn li d-data ssir miftuħa kemm jista’ jkun filwaqt li jiġi żgurat li l-atturi ekonomiċi pubbliċi u l-SMEs ma jitilfux in-negozju prinċipali tagħhom għall-benefiċċju tal-kumpaniji ewlenin tal-Internet u tad-data. Fil-passat, is-sempliċi “data miftuħa” ġiet sfruttata esklużivament għall-vantaġġ tal-kumpaniji kbar tal-Internet. Il-KESE jappella għall-istabbiliment ta’ “Trusts tad-Data Pubblika” biex jaqdu l-funzjoni ta’ intermedjarji bejn l-atturi li jiġġeneraw id-data u/jew li għandhom l-intenzjoni li jużaw id-data. Jistgħu jiġu stabbiliti trusts differenti ta’ data għal data relatata mal-mobbiltà, data relatata mal-bliet, eċċ. Hemm il-ħtieġa għal leġislazzjoni ġdida biex jinħolqu mandati pubbliċi għal organizzazzjonijiet governattivi jew tas-soċjetà ċivili biex jospitaw trusts ta’ data bħal dawn, inkluż id-deċiżjoni dwar l-aċċess għal u l-qsim tal-benefiċċji ta’ prodotti u servizzi. Id-data rilevanti għas-servizzi pubbliċi għandha tibbilanċja l-innovazzjonijiet intraprenditorjali, is-sovranità pubblika, id-drittijiet ta’ aċċess universali u l-benesseri taċ-ċittadini. Filwaqt li nħarsu ’l quddiem, huwa kruċjali li niżviluppaw aktar it-teknoloġiji tal-blockchain u niżguraw it-trasparenza algoritmika.

3.5.   SDG 12: Konsum u produzzjoni responsabbli

L-apps diġitali għandhom potenzjal kbir biex imexxu ’l quddiem il-konsum sostenibbli (41), għalhekk il-KESE jistieden lill-gvernijiet nazzjonali u lokali biex jappoġġjaw pjattaformi ta’ kondiviżjoni kooperattiva kif ukoll pjattaformi tal-kummerċ elettroniku li joffru prodotti sostenibbli (42). Sistema sostenibbli intelliġenti ġdida dwar tikkettar tal-ikel sostenibbli, kif ġie ssuġġerit dan l-aħħar mill-KESE, tipprovdi informazzjoni komprensiva dwar prodotti (43) li jippromovu għażliet sostenibbli tal-konsumatur u li jwasslu għal dieti aktar tajbin għas-saħħa (44).

Sabiex tiżdied is-sostenibbiltà tax-xiri online, il-KESE jissuġġerixxi leġislazzjoni tal-UE li tippromovi prattiki tajbin biex jitnaqqsu l-pakketti li jintbagħtu lura (pereżempju permezz ta’ limiti fuq dak li jintbagħat lura mingħajr ħlas) (45), tiġi pprojbita l-qerda tal-pakketti li jintbagħtu lura, jiġu raggruppati l-konsenji u jiżdiedu r-rati ta’ użu tal-karozzi tal-konsenji.

60 % tat-traffiku kollu tad-data huwa video-streaming. Kif ġie muri waqt il-limitazzjoni volontarja matul il-COVID-19, l-alternattivi b’riżoluzzjoni baxxa huma aċċettati b’mod wiesa’ u huma aktar sostenibbli, u għalhekk għandhom jiġu mħeġġa.

3.5.1.   ICT sostenibbli

Il-produzzjoni tal-hardware tal-ICT għandha tapplika l-istandards tal-ekonomija ċirkolari. Il-kwistjonijiet jinkludu l-estrazzjoni ta’ materjali tal-art rari u ta’ materjali oħrajn, u l-produzzjoni tal-apparat, li ħafna drabi tinvolvi kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol u tal-ambjent (pereżempju fiċ-Ċina u f’pajjiżi oħrajn tan-Nofsinhar tad-dinja).

Il-KESE jappella għal aktar trasparenza fil-ktajjen tal-produzzjoni tal-ICT. Neħtieġu estensjoni tad-Direttiva tal-UE dwar l-ekodisinn (46) biex jiġu inklużi standards komprensivi ta’ produzzjoni, fosthom i) materjali sostenibbli (riżorsi riċiklati u rinnovabbli); ii) disinn ta’ hardware (massimizzazzjoni tal-lonġevità – apparati li jkunu modulari u possibbli li jissewwew); iii) aġġornamenti tas-software li jdumu sa tmiem il-ħajja fiżika tal-prodott; iv) perjodi estiżi ta’ garanzija; v) l-użu mill-ġdid ta’ apparat funzjonali u ż-żieda tar-riċiklaġġ tal-materjali; vi) standards ambizzjużi tal-enerġija, li jinkludu regolament dinamiku “top runner”, fejn il-prodott l-aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija jsir l-istandard minimu; vii) standards ta’ sostenibbiltà għall-iżvilupp ta’ software u ta’ apps, li għandhom jinċentivaw lill-iżviluppaturi biex ifasslu software b’tali mod li t-traffiku tad-data u l-użu ta’ hardware matul l-applikazzjoni jkunu baxxi kemm jista’ jkun. Il-KESE jilqa’ l-Manifest ta’ Karlskrona għad-Disinn tas-Sostenibbiltà u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji komprensivi għall-prodotti tas-software sostenibbli (47) (48).

3.5.2.   Ktajjen trasparenti tal-prodotti

Id-diġitalizzazzjoni trid tavvanza t-trasparenza u r-responsabbiltà tul il-ktajjen tal-prodotti. Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Patt Ekoloġiku Ewropew imtennija mill-gvern Ġermaniż fl-“Aġenda tal-Politika Diġitali għall-Ambjent” reċenti tiegħu biex jistabbilixxi “pass għall-prodotti diġitali” b’informazzjoni dwar il-materjali u l-istandards fil-produzzjoni sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet fil-produzzjoni tas-sostenibbiltà b’konformità mal-istrateġija Ewropea fir-rigward tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (49), inklużi l-istandards tax-xogħol.

3.5.3.   Tisħiħ tal-pjattaformi kooperattivi

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE biex irawmu l-iżvilupp ta’ pjattaformi kooperattivi tal-internet, li joperaw bħala intermedjarji newtrali biex iqassmu aħjar il-benefiċċji fost il-produtturi/il-fornituri tas-servizzi, u jinkludu liċ-ċittadini/lill-konsumaturi fil-governanza, fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u fil-qsim tal-benefiċċji.

Pereżempju, il-federazzjoni CoopCycle mmexxija b’mod kooperattiv tipprovdi s-software tal-pjattaforma għall-kooperattivi ta’ konsenja bir-roti f’disa’ bliet Ewropej. Il-pjattaforma tal-kiri Fairbnb tinkorpora l-bliet u r-reġjuni bħala partijiet interessati. Billi tagħti 50 % tad-dħul tagħha lill-proġetti tal-komunità lokali, din trawwem fehim ġdid tat-turiżmu Ewropew li jkun ta’ benefiċċju kemm għall-vjaġġaturi kif ukoll għall-ospitanti.

Il-KESE jappella għal appoġġ politiku biex pjattaformi bħal dawn jiġu megħjuna ħalli jespandu fl-Ewropa kollha. Ir-regolamenti dwar l-akkwist għandhom jiġu adattati biex jiżguraw li l-awtoritajiet lokali jkunu jistgħu jagħtuhom trattament preferenzjali.

3.5.4.   Reklamar u konsum online

Il-KESE jinsab imħasseb dwar ix-xejra dejjem tiżdied tal-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku li jrawmu forom mhux sostenibbli ta’ konsum. It-traċċar ta’ deċiżjonijiet ta’ xiri online u l-personalizzazzjoni tar-reklami jrawmu konsum mhux sostenibbli tal-massa. Il-KESE jqis li l-kwistjoni tal-użu ta’ data għal skopijiet ta’ partijiet terzi ma ġietx solvuta b’mod sodisfaċenti mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ din il-leġislazzjoni dwar il-prinċipji ta’ suffiċjenza tad-data (minimizzazzjoni tad-data) u akkoppjament tad-data.

Il-KESE jappella wkoll għal restrizzjonijiet tar-reklamar online. F’ħafna Stati Membri, ir-reklami huma pprojbiti fl-ispazji pubbliċi bħall-iskejjel. Il-KESE jappoġġja spazji mingħajr reklami fuq l-internet, b’mod partikolari fuq il-magni tat-tiftix u l-midja soċjali. Il-KESE jinnota li madwar nofs id-dħul kollu mir-reklamar online (’il fuq minn USD 300 biljun fis-sena (50)) imur għand żewġ kumpaniji tal-Istati Uniti: Google u Facebook.

Il-KESE jilqa’ inizjattivi bħall-“Assistent għall-Konsum Ekoloġiku” ibbażat fuq l-IA, li qed jiġi żviluppat fil-preżent minn Einstein Center Digital Future u Ecosia.org, li huwa intenzjonat li javvanza l-magni tat-tiftix biex jassistu lill-konsumaturi fix-xiri ta’ prodotti u servizzi aktar sostenibbli.

3.6.   SDG 13 Azzjoni klimatika

3.6.1.   Diġitalizzazzjoni għall-protezzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima

Il-KESE jilqa’ soluzzjonijiet diġitali li jippermettu l-ħarsien ambjentali u t-trasformazzjoni tas-sostenibbiltà fit-trasport, is-sistemi tal-enerġija, il-bini, l-agrikoltura u setturi oħrajn. Pereżempju, studju Żvizzeru sab li l-ICT tista’ tiffranka sa 6,99 miljun tunnellata ta’ CO2-ekwivalenti (CO2e) kull sena, b’marka tal-karbonju proprja ta’ 2,69 miljun tunnellata ta’ CO2e fis-sena (51). Studji oħrajn sabu potenzjali li huma saħansitra akbar (52). Madankollu, il-KESE jinnota li d-diġitalizzazzjoni ġenerali tal-ekonomija u tas-soċjetà s’issa ma kkontribwixxietx għal tnaqqis fid-domanda għall-enerġija u fl-emissjonijiet tal-karbonju (53). Għalhekk, l-isfruttament tal-potenzjali tal-ICT sabiex jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-klima u tal-ambjent jeħtieġ politiki ta’ appoġġ, pereżempju biex jittaffew l-effetti rebound u ta’ induzzjoni.

3.6.2.   Konsum tal-enerġija tal-farms tas-servers

Il-“cloud” tikkonsisti f’ċentri fiżiċi tad-data, li jeħtieġu ħafna riżorsi biex jinbnew u ħafna enerġija biex jitħaddmu. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tikkoopera mal-Istati Membri tal-UE biex jiġi stabbilit inventarju tal-UE taċ-ċentri tad-data, li jkopri l-effiċjenza enerġetika, iċ-ċiklu tal-ħajja u l-materjali tal-kostruzzjoni. Barra minn hekk, il-KESE jilqa’ l-leġislazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni ta’ ċentri tad-data fi djar urbani jew f’żoni kummerċjali biex isir l-aħjar użu tas-sħana mormija.

Il-KESE jirrakkomanda li tiġi stabbilita skema ta’ “top-runner” fejn iċ-ċentri tad-data l-aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija jsiru n-norma. Il-KESE jilqa’ ftehim komuni fost l-Istati Membri biex jikkummissjonaw il-bini ta’ ċentri ġodda ta’ data b’100 % ta’ enerġija rinnovabbli.

Il-KESE jirrakkomanda l-użu tal-IA biex jiġi appoġġjat il-ħarsien pubbliku tal-klima u t-tranżizzjoni tal-enerġija.

Kif issuġġerit fil-White Paper dwar l-IA, il-Kummissjoni għandha tissuġġerixxi miżuri dwar kif l-Istati Membri jistgħu jippromovu soluzzjonijiet sostenibbli tal-IA.

Il-vetturi awtonomi mmexxija mill-IA jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mit-trasport urban billi jottimizzaw l-algoritmi tat-traffiku/sewqan ekoloġiku jew ta’ servizz ta’ ride-sharing bi flotot ta’ vetturi kompletament elettriċi.

L-IA tista’ ttejjeb il-prevedibbiltà tad-domanda u l-provvista għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fi grid ta’ distribuzzjoni jew ittejjeb il-ħżin tal-enerġija, l-effiċjenza u l-ġestjoni tad-domanda.

3.7.   Bliet intelliġenti u eżempji oħrajn

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-applikazzjonijiet ibbażati fuq il-“cloud” tat-teknoloġiji tal-bliet intelliġenti li jimmaniġġjaw id-data f’ħin reali sabiex jippermettu deċiżjonijiet aħjar, bħall-ġbir issemplifikat tal-iskart, tnaqqis fil-konġestjoni tat-traffiku, kwalità aħjar tal-arja u distribuzzjoni mtejba tal-enerġija (b’sistemi ta’ enerġija rinnovabbli 100 %, ġestjoni tal-grid, u provvista u domanda tal-elettriku li jvarjaw).

3.7.1.

Qasam ewlieni huwa dak tal-mobbiltà, inkluż il-kunċett ta’ mobbiltà bħala servizz, li jikkatalizza użu aħjar tal-ispazju pubbliku, id-data u l-infrastruttura sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju billi jiġu integrati t-trasport pubbliku u dak privat. It-trasport multimodali, inkluż il-bike-sharing, il-car-sharing, it-trasport pubbliku, it-taksi u modi oħrajn ta’ trasport, jista’ jagħmel it-trasport pubbliku u dak kondiviż ħafna aktar attraenti u jnaqqas id-dipendenza fuq il-karozzi. Tliet eżempji ewlenin mill-Istati Membri huma:

Amsterdam tikkondividi d-data dwar it-traffiku mal-partijiet interessati sabiex tippermetti l-iżvilupp ta’ apps tal-immappjar integrati mat-trasport pubbliku.

Barċellona, fejn il-famuża linja 9 tal-metro tibqa’ għaddejja għal 47,8 km, b’ferroviji mingħajr xufier għall-ajruport u l-istazzjonijiet tal-ferrovija.

Copenhagen, fejn is-sistema innovattiva tar-roti intelliġenti tintuża għall-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-kwalità tal-arja u l-konġestjoni tat-traffiku.

3.7.2.

Il-KESE jilqa’ l-politiki intelliġenti u sostenibbli ta’ Barċellona u proġtti tal-bliet intelliġenti bħal:

Il-proġett ta’ REMOURBAN (54) se jittestja firxa ta’ innovazzjonijiet tekniċi u mudelli ta’ negozju għar-rinnovazzjoni tal-bliet, li jinvolvu lil Valladolid (Spanja) u potenzjalment Serain (il-Belġju) u Miskolc (l-Ungerija).

Bliet turistiċi bħal Valencia (Spanja), Dresden (il-Ġermanja) u Antalya (it-Turkija) huma “lighthouses” fil-proġett tal-UE għal bliet intelliġenti MAtchUP (55).

3.7.3.

It-turiżmu sostenibbli huwa essenzjali għall-irkupru wara l-COVID-19. Għandna nkomplu nibnu fuq l-Opinjonijiet reċenti tal-KESE dwar din il-kwistjoni (56). B’mod partikolari, għandna nħeġġu mezzi tat-trasport li ma jniġġsux, bħalma huma r-roti u t-trasport kollettiv, l-iżvilupp ta’ magni tal-avjazzjoni effiċjenti fl-użu tal-fjuwil u nippromovu r-rinnovazzjoni tal-faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni permezz taċ-ċertifikazzjoni tal-ekotikketta.

3.7.4.

Il-KESE jilqa’ l-approċċi sostenibbli fid-diġitalizzazzjoni tal-biedja u jirreferi għall-Opinjoni attwali tal-KESE dwar l-istrateġija tal-Kummissjoni “mill-għalqa sal-platt” (57). L-ambizzjoni tal-Kumitat hija li jiżgura li anke l-azjendi agrikoli ż-żgħar u ta’ daqs medju jkunu jistgħu jibbenefikaw mis-soluzzjonijiet diġitali fir-rigward tat-tranżizzjoni agroekoloġika meħtieġa, jekk jixtiequ dan, bil-kundizzjoni li dawn ikunu finanzjarjament sostenibbli, u jibqgħu taħt il-kontroll tal-bdiewa infushom. Hemm ħafna applikazzjonijiet teknoloġiċi innovattivi u jidher ċar li ħafna minnhom huma ta’ benefiċċju hekk kif is-soċjetà qed tersaq lejn produzzjoni tal-ikel aktar sostenibbli (pereżempju drones għall-monitoraġġ tal-għelejjel u tal-annimali, robots għaż-żrigħ, it-tneħħija tal-ħaxix ħażin, il-ħsad jew il-ħlib, u l-prospett ta’ “azjendi agrikoli vertikali” fi bliet b’ferm inqas użu tal-ilma u bi provvista lokali). F’dan il-kuntest, inħeġġu s-sjieda konġunta, l-iskemi ta’ data kondiviża (58) u mudelli innovattivi oħrajn.

Il-ġestjoni tar-rivoluzzjoni diġitali fil-biedja tippreżenta sfidi kumplessi u ninnutaw l-importanza ta’ inizjattivi bħal FAIRshare (59) biex jiġi promoss l-użu ta’ għodod diġitali biex il-prattika tal-biedja tiġi ottimizzata. Il-bini tal-ħiliet u l-fiduċja, filwaqt li jiġi indirizzat id-distakk diġitali rurali speċjali, huwa ta’ importanza partikolari f’dan il-kuntest.

3.7.5.

Is-saħħa online hija ċentrali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet informati, ibbażati fuq l-evidenza, għat-trasparenza tal-proċessi tal-kura, għat-tnaqqis fl-iżbalji, għal preċiżjoni aħjar tad-dijanjostika u l-kosteffiċjenza, it-tnaqqis tal-ħinijiet ta’ stennija u tal-iskart. Ir-reazzjonijiet għat-tbegħid soċjali u l-kwarantina minħabba l-pandemija taw spinta ħafna aktar wiesgħa lill-potenzjal tas-saħħa online.

Brussell, is-17 ta’ Settembru 2020.

Luca JAHIER

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  https://www.un.org/sustainabledevelopment/development-agenda/

(2)  https://unfccc.int/process-and-meetings/the-paris-agreement/the-paris-agreement

(3)  https://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:b828d165-1c22-11ea-8c1f-01aa75ed71a1.0013.02/DOC_1&format=PDF

(4)  Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, https://circulareconomy.europa.eu/platform/en

(5)  Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari, https://ec.europa.eu/environment/circular-economy/

(6)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/factsheet_1_en.pdf

(7)  Opinjoni tal-KESE: L-ekonomija sostenibbli li neħtieġu, ĠU C 106, 31.3.2020, p. 1.

(8)  Opinjoni tal-KESE: Lejn strateġija tal-UE dwar il-konsum sostenibbli, (ara l-paġna 51 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(9)  Opinjoni tal-KESE: Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa (ĠU C 364, 28.10.2020, p. 101).

(10)  White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali – Approċċ Ewropew għall-eċċellenza u għall-fiduċja, https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/commission-white-paper-artificial-intelligence-feb2020_mt.pdf

(11)  Il-kompetittività f’dan il-kuntest m’għandhiex tiġi definita biss skont il-kwantità iżda wkoll skont il-kwalità, sabiex jiġu bbilanċjati l-prosperità ekonomika, l-aspetti ambjentali u l-inklużività soċjali.

(12)  Dawn huma l-aktar SDGs komunement referenzjati skont is-7 rieżami annwali tal-Kunsill Dinji tan-Negozji għall-Iżvilupp Sostenibbli tar-rappurtar u d-divulgazzjoni korporattivi ambjentali, soċjali u ta’ governanza, 2019.

(13)  UNESCO: Steering AI and advanced ICTs for knowledge societies: a Rights, Openness, Access, and Multi-stakeholder Perspective. (Immexxu l-IA u l-ICTs avvanzati lejn soċjetajiet tal-għarfien: Perspettiva dwar id-Drittijiet, il-Ftuħ, l-Aċċess u d-Diversi partijiet interessati – mhux disponibbli bil-Malti).

(14)  Bħal pereżempju Google/Alphabet, Apple, Facebook, Amazon jew Microsoft fl-Istati Uniti u Alibaba jew Tencent fiċ-Ċina.

(15)  Bħal pereżempju t-taxxa fuq is-servizzi diġitali introdotta fi Franza; madankollu din tqieset bħala diskriminatorja fir-rigward tal-kumpaniji li mhumiex tal-UE.

(16)  Razzjonalizzazzjoni minħabba r-robotizzazzjoni, l-awtomizzazzjoni, l-IA, it-titjib fl-effiċjenza tax-xogħol u t-tibdil settorjali.

(17)  Cobot huwa robot kollaborattiv li jista’ jaħdem flimkien man-nies billi jieħu f’idejh kompiti ripetittivi, mhux mixtieqa jew perikolużi u billi joħloq kompiti ġodda li huma aktar sodisfaċenti.

(18)  Muro/Maxim/Whiton, Automation and Artificial Intelligence: How machines are affecting people and places, 2019. (L-Awtomatizzazzjoni u l-Intelliġenza Artifiċjali: Kif il-magni qed jaffettwaw lin-nies u l-postijiet, 2019 – mhux disponibbli bil-Malti).

(19)  Frey/Osborne, The future of employment: How susceptible are Jobs to Computerisation?, 2013 (Il-ġejjieni tal-impjieg: l-impjiegi kemm huma suxxettibbli għall-kompjuterizzazzjoni?, 2013 – mhux disponibbli bil-Malti). L-awturi ma jagħmlu l-ebda stqarrija preċiża dwar kemm dan il-proċess jista’ jiżviluppa malajr, iżda jitkellmu, b’mod pjuttost vag, dwar deċennju jew tnejn.

(20)  Ziehran/Gregory/Arntz, The risk of automation for jobs in OECD countries: a comparative analysis, OECD Social, Employment and Migration, 2016. (Ir-riskju tal-awtomazzjoni għall-impjiegi fil-pajjiżi tal-OECD: analiżi komparattiva, Dokumenti ta’ Ħidma Soċjali, dwar l-Impjiegi u l-Migrazzjoni tal-OECD, 2016 – mhux disponibbli bil-Malti).

(21)  International Federation of Robotics: The Impact of Robots on Productivity, Employment and Jobs, 2017. (Federazzjoni Internazzjonali tar-Robotika: l-Impatt tar-robots fuq il-produttività, l-Impjieg u l-Impjiegi, 2017 – mhux disponibbli bil-Malti).

(22)  Ziehran/Gregory/ Arntz: Racing With or Against the Machine?, 2016 (Niġru mal-magni jew kontrihom?, 2016 – mhux disponibbli bil-Malti).

(23)  World Economic Forum: Future of Jobs Report, 2018 (Forum Ekonomiku Dinji: Rapport dwar il-Ġejjieni tal-Impjiegi, 2018 – mhux disponibbli bil-Malti).

(24)  Muntaner, Digital Platforms, Gig Economy, Precarious Employment, and the Invisible Hand of Social Class, 2018 (Pjattaformi Diġitali, Ekonomija tal-Gigs, Impjieg Prekarju u l-Id Inviżibbli tal-Klassi Soċjali, 2018 – mhux disponibbli bil-Malti).

(25)  Għat-tipoloġija tal-Pjattaformi tal-Esternalizzazzjoni Miftuħa ara: Howcroft/Bergvall-Kåreborn, A Typology of Crowdwork Platforms, 2019 (Tipoloġija tal-Pjattaformi tal-Esternalizzazzjoni Miftuħa – mhux disponibbli bil-Malti).

(26)  Uws et al., Crowd work in Europe: Preliminary results from a survey in the UK, Sweden, Germany, Austria and the Netherlands, 2016. (Esternalizzazzjoni Miftuħa fl-Ewropa: Riżultati preliminari minn stħarriġ fir-Renju Unit, l-Iżvezja, il-Ġermanja, l-Awstrija u n-Netherlands, 2016 – mhux disponibbli bil-Malti).

(27)  Berg, Income security in the on-demand economy: Findings and policy lessons from a survey of crowdworkers, 2015. (Is-sigurtà tad-dħul fl-ekonomija fuq talba: Sejbiet u tagħlimiet ta’ politika minn stħarriġ tal-ħaddiema tal-esternalizzazzjoni miftuħa, 2015 – mhux disponibbli bil-Malti).

(28)  Bartmann, The Return of the Servant, 2016 (Ir-ritorn tas-Serv, 2016 – mhux disponibbli bil-Malti).

(29)  Inklużi l-valuri tal-azzjonisti u d-dividendi minn pjattaformi diġitali, id-ditti li huma mexxejja fl-IA, ir-robotizzazzjoni eċċ.

(30)  Stockhammer, Determinants of the Pay Share, 2017 (Determinanti tas-Sehem tal-Pagi, 2017 – mhux disponibbli bil-Malti).

(31)  Hudson, The Road to Debt Deflation, Debt Peonage, and Neofeudalism, 2017 (It-Triq lejn id-Deflazzjoni tad-Dejn, Skjavitù tad-Dejn u n-Neofewdaliżmu, 2017 – mhux disponibbli bil-Malti).

(32)  Lange/Santarius, Smart Green World? (Dinja Ekoloġika Intelliġenti? mhux disponibbli bil-Malti). Making Digitalisation Work for Sustainability, 2020. (Inħaddmu d-Diġitalizzazzjoni għas-Sostenibbiltà, 2020 – mhux disponibbli bil-Malti).

(33)  Cf. Staab, The consumption dilemma of digital capitalism., 2017 (Id-dilemma tal-konsum tal-kapitaliżmu diġitali, 2017 – mhux disponibbli bil-Malti).

(34)  Summers, Larry Summers at IMF Economic Forum, 2013 (Larry Summers fil-Forum Ekonomiku tal-FMI, 2013 – mhux disponibbli bil-Malti).

(35)  Teulings/Baldwin, Secular Stagnation: Facts, Causes and Cures, 2014. (Staġnar Sekulari: Fatti, Kawżi u Kuri, 2014 – mhux disponibbli bil-Malti).

(36)  Pereżempju, il-magni tat-tiftix jew l-Internet tal-Oġġetti, il-kummerċ elettroniku u l-pjattaformi tal-midja soċjali.

(37)  Feiner, Amazon admits to Congress that it uses “aggregated” data from third-party sellers to come up with its own products, 2019. (Amazon tammetti mal-Kungress li tagħmel użu minn data “aggregata” ta’ bejjiegħa terzi biex toħroġ bil-prodotti tagħha stess – mhux disponibbli bil-Malti).

(38)  Skont id-dispożizzjoni 5.2.15.2.4. vtar-regolament Indjan dwar l-investiment dirett barrani, entità ġuridika li tipparteċipa fl-ekwità ta’ intrapriża li topera pjattaforma tal-kummerċ elettroniku ma tistax tbigħ il-prodotti tagħha fuq dik il-pjattaforma.

(39)  Speċjalment dawk li joperaw fil-qasam tal-prodotti pubbliċi (is-saħħa, il-mobbiltà, il-belt).

(40)  Pereżempju magna tat-tiftix pubblika, server tal-cloud GAIA X, jew pjattaformi tal-midja soċjali rregolati mis-soċjetà ċivili.

(41)  Bħall-kondiviżjoni tax-xiri (u l-esperjenzi) bejn il-konsumaturi, tpartit ta’ oġġetti użati, forom diġitali ta’ “prosum”, pjattaformi diġitali lokali biex jippromovu n-negozji lokali, u, fejn xieraq, ktajjen tal-provvista qosra.

(42)  Pereżempju “La ruche qui dit oui”, pjattaforma Belġjana bi prodotti organiċi u staġjonali.

(43)  Bħal informazzjoni dwar il-produzzjoni, l-effetti ambjentali, il-kompożizzjoni, l-użu, il-possibbiltà ta’ tiswija u l-użu ta’ kwalunkwe prodott partikolari.

(44)  L-Opinjoni tal-KESE: Il-promozzjoni ta’ dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli fl-UE (ĠU C 190 5.6.2019, p. 9).

(45)  Ta’ min jinnota li bħala medja, pakkett minn kull tmienja li jinxtara online jintbagħat lura. https://www.salecycle.com/blog/featured/ecommerce-returns-2018-stats-trends/

(46)  Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).

(47)  C. Becker et al. (2015), Sustainability Design and Software: The Karlskrona Manifesto, in IEEE/ACM 37th IEEE International Conference on Software Engineering, (Disinn u Software tas-Sostenibbiltà: Il-Manifest Karlskrona, fl-IEEE/ACM is-37 Konferenza Internazzjonali IEEE dwar l-Inġinerija tas-Software) p. 467–476, doi: 10.1109/ICSE.2015.179 (mhux disponibbli bil-Malti).

(48)  Ara wkoll Kern et al. (2018), Sustainable software products – Towards assessment criteria for resource and energy efficiency, Future Generation Computer Systems (Prodotti tas-software sostenibbli – lejn kriterji ta’ valutazzjoni għall-effiċjenza tar-riżorsi u tal-enerġija, Sistemi ta’ Kompjuter tal-Ġenerazzjoni Futura), Bd. 86, S. 199–210, doi: 10.1016/j.future.2018.02.044. (mhux disponibbli bil-Malti).

(49)  Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva, COM/2011/0681.

(50)  Emarketer.com

(51)  Hilty & Bieser (2017): Opportunities and risks of digitalisation for climate protection in Switzerland.

(52)  Pereżempju, GESI/Accenture (2015): SMARTer2030. ICT Solutions for 21st Century Challenges.

(53)  Lange & Santarius (2020) Smart Green World. Making Digitalization Work for Sustainability; Lange, Pohl & Santarius (2020): Digitalization and Energy Consumption. Does ICT Reduce Energy Demand?

(54)  http://www.remourban.eu/

(55)  https://www.matchup-project.eu/

(56)  Opinjonijiet tal-KESE: Il-kummerċ internazzjonali u t-turiżmu – Aġenda globali għall-iżvilupp sostenibbli (ĠU C 14, 15.1.2020, p. 40), Tourism and transport in 2020 and beyond (It-Turiżmu u t-Trasport fl-2020 u ’l hinn — mhux disponibbli bil-Malti) (ara l-paġna 219 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(57)  Opinjoni tal-KESE dwar Mill-għalqa sal-platt: strateġija sostenibbli dwar l-ikel, 2020 (ara l-paġna 268 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali)..

(58)  Bħal JoinData, pjattaforma ta’ data indipendenti għall-bdiewa (join-data.nl).

(59)  https://www.h2020fairshare.eu/