11.1.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 10/14 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-djalogu soċjali bħala pilastru importanti tas-sostenibbiltà ekonomika u r-reżiljenza tal-ekonomiji, li jqis ukoll l-influwenza ta’ dibattitu pubbliku mqanqal fl-Istati Membri”
(opinjoni esploratorja)
(2021/C 10/03)
Relaturi: |
Cinzia DEL RIO Vladimíra DRBALOVÁ René BLIJLEVENS |
Talba tal-Presidenza Ġermaniża Presidenza tal-Kunsll |
Ittra, 18.2.2020 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
Adottata fis-sezzjoni |
9.9.2020 |
Adottata fil-plenarja |
29.10.2020 |
Sessjoni plenarja Nru |
555 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
252/0/5 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Id-djalogu soċjali, fil-livell nazzjonali u Ewropew, għandu rwol ewlieni fit-tfassil tal-politiki ekonomiċi, tax-xogħol u soċjali li jippromovu l-konverġenza ’l fuq tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fl-Istati Membri. Il-ġestjoni tal-kriżijiet, l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tal-bidla, l-ippjanar fit-tul, il-kapaċità għall-innovazzjoni u s-segwitu tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, il-governanza tajba tan-negozju u l-kooperazzjoni bbażata fuq il-fiduċja bejn l-imsieħba soċjali – sostnuti mill-informazzjoni tal-ħaddiema, il-konsultazzjoni u d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni – huma parti mill-istess qafas Ewropew biex ikun hemm rispons effettiv għall-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa, u anke biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19. |
1.2 |
Id-djalogu soċjali evolva: l-ekonomiji globalizzati u interkonnessi li dejjem qed jikbru u l-proċessi tal-produzzjoni u l-impatt tal-kummerċ qed jimbuttaw lejn żieda fir-relazzjonijiet transnazzjonali ma’ intrapriżi multinazzjonali u ktajjen tal-provvista globali f’livelli differenti, li jeħtieġu approċċ komuni u koordinat fil-livell Ewropew. |
1.3 |
Il-KESE jirrikonoxxi li djalogu soċjali effettiv għandu jinkludi: imsieħba soċjali rappreżentattivi u leġittimi bl-għarfien, il-kapaċità teknika u l-aċċess f’waqtu għall-informazzjoni rilevanti għall-parteċipazzjoni; ir-rieda politika u l-impenn politiku li wieħed jidħol fi djalogu soċjali; ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-awtonomija tal-imsieħba soċjali, il-libertà ta’ assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv, li għadhom fil-qalba tar-relazzjonijiet industrijali, u qafas legali u istituzzjonali li jippermetti l-appoġġ tal-proċessi ta’ djalogu soċjali ma’ istituzzjonijiet li jiffunzjonaw tajjeb. |
1.4 |
Id-djalogu soċjali Ewropew huwa komponent inaljenabbli tal-mudell soċjali Ewropew u huwa stipulat fit-Trattat, appoġġjat mil-leġiżlazzjoni tal-UE u rikonoxxut fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-KESE jħeġġeġ lill-imsieħba soċjali Ewropej biex jisfruttaw il-potenzjal kollu li t-Trattat joffrilhom biex jipparteċipaw f’negozjati biex jindirizzaw is-suġġetti l-ġodda u l-bidliet rapidi fis-suq tax-xogħol. |
1.5 |
Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se jjanalizza modi ta’ kif jissaħħu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv. L-involviment tal-imsieħba soċjali fil-proċess tas-Semestru għandu jitqies bħala essenzjali biex jinkisbu riżultati effettivi, filwaqt li d-data turi li, f’ċerti pajjiżi, tali involviment huwa frammentat jew nieqes, minkejja r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż diretti min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea. Fid-dawl tar-rwol importanti li se jkollu s-Semestru tal-UE bl-implimentazzjoni tal-QFP 2021-2027 u l-programm Next Generation EU, il-KESE jitlob li jiġi introdott mekkaniżmu li jagħti lill-imsieħba soċjali d-dritt li jiġu kkonsultati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali. |
1.6 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex, bis-saħħa ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew tipprovdi, permezz ta’ inizjattivi Ewropej, kriterji ċari u trasparenti dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet tal-imsieħba soċjali settorjali, kf previst fl-Artikolu 155(2) tat-TFUE. |
1.7 |
It-tagħlimiet meħuda minn kriżijiet preċedenti huma li: pajjiżi b’istituzzjonijiet ta’ djalogu soċjali stabbiliti sew u sistemi ta’ relazzjonijiet industrijali huma aktar probabbli li jifformulaw reazzjonijiet tripartitiċi rapidi u effettivi. L-involviment fil-pront u effettiv tal-imsieħba soċjali u l-appoġġ tal-gvernijiet huma fatturi ewlenin fl-indirizzar tal-konsegwenzi immedjati tal-kriżi, flimkien mal-ippjanar ta’ rkupru fit-tul biex jiġi protett u promoss l-impjieg permezz ta’ intrapriżi sostenibbli u investimenti soċjali. |
1.8 |
Il-kopertura u l-proċessi tan-negozjar kollettiv fil-livelli kollha għandhom jingħataw prijorità. L-inklużività tal-grupp ta’ ħaddiema u ċittadini vulnerabbli fis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali għandha tkun prijorità għall-politika pubblika. |
1.9 |
Governanza korporattiva tajba bbażata fuq id-djalogu soċjali, in-negozjar kollettiv u r-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tista’ tagħmilha possibbli li jinkisbu miri ekonomiċi pożittivi, flimkien mal-għanijiet soċjali u ambjentali. L-iffaċilitar ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet maniġerjali infurmati rigward kwistjonijiet li jolqtu b’mod dirett lill-ħaddiema jikkontribwixxi għal mudel kummerċjali iżjed sostenibbli u ġust. Dan jgħin biex jiġi promoss il-mudell soċjali Ewropew, li huwa xprun għall-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej. |
1.10 |
Il-globalizzazzjoni u l-proċessi ta’ produzzjoni transnazzjonali li qed jikbru bidlu l-mod kif jiġu strutturati l-flussi tal-informazzjoni fil-kumpaniji. Id-drittijiet tal-ħaddiema għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni huma rikonoxxuti fil-leġiżlazzjoni tal-UE u huma fundamentali għal djalogu soċjali effettiv; għandhom jittejbu l-kwalità u l-effettività tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet fil-proċessi transnazzjonali tar-ristrutturar; jeħtieġ li jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet sabiex tissaħħaħ id-demokrazija fuq il-post tax-xogħol u għandhom jiġu stabbiliti miżuri ta’ infurzar, flimkien ma’ sanzjonijiet effettivi u proporzjonati. Il-KESE diġà talab qafas armonizzat fil-livell tal-UE rigward il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-livell tal-bordijiet, filwaqt li jiġu rispettati d-differenzi nazzjonali u fil-livell tal-intrapriżi. Sfortunatament, il-Liġi Ewropea dwar il-Kumpaniji li ġiet approvata naqset milli tindirizza din il-proposta. |
1.11 |
Il-KESE jinkoraġġixxi soluzzjonijiet flessibbli u mmirati lejn l-għanijiet, abbażi ta’ negozjati bejn ir-rappreżentati tal-impjegaturi u l-ħaddiema fil-livell adatt biex jiġu determinati l-arranġamenti speċifiċi għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni, filwaqt li jiġu assigurati kundizzjonijiet ekwi għal kulħadd u protezzjoni minima adegwata. |
1.12 |
Il-KESE jitlob għal azzjoni fil-livell Ewropew u nazzjonali biex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fil-proċessi ta’ ristrutturar minħabba l-kriżi tal-COVID-19. |
1.13 |
Fil-ġestjoni tal-kriżi ta’ wara l-pandemija, il-KESE jirrakkomanda il-qawwa: (i) l-involviment kif imiss tal-imsieħba soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali ta’ rkupru; (ii) kooperazzjoni aħjar bejn l-imsieħba soċjali u l-Kummissjoni Ewropea fl-iżgurar tal-użu konsistenti tar-riżorsi Ewropej; u (iii) li l-Kummissjoni tal-UE tmexxi ’l quddiem strument finanzjarju temporanju ġdid li jipprovdi appoġġ għall-attivitajiet straordinarji li jeħtieġ li jsiru fil-fażi ta’ rkupru, kif propost b’mod konġunt mill-imsieħba soċjali Ewropej. |
2. Djalogu soċjali: kif jista’ jiġi promoss u implimentat aktar
2.1 |
Il-Presidenza Ġermaniża talbet lill-KESE jiffoka din l-Opinjoni fuq kif il-kunċett tad-djalogu soċjali, b’mod partikolari l-forom tripartitiċi tad-djalogu soċjali, jista’ jmur lil hinn min-negozjar kollettiv. Id-djalogu tripartitiku – l-istess bħal dak bipartitiku – huwa strument ewlieni għall-governanza soda ta’ kwalunkwe proċess ta’ bidla. |
2.2 |
Sabiex jiġi evalwat ir-rwol li d-djalogu soċjali u l-mudelli parteċipattivi jista’ jkollhom fl-avvanz ta’ konverġenza ekonomika u soċjali għall-aħjar u fi żminijiet ta’ kriżi, bħal-lum, biex jgħinu biex nirreaġixxu għall-impatt tal-COVID-19 fuq is-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna, huwa utli li titfakkar l-evoluzzjoni tal-kunċett tad-djalogu soċjali fil-livell internazzjonali u Ewropew. |
2.3 |
Ir-rwol ta’ msieħba soċjali awtonomi u rappreżentattivi ġie rikonoxxut bis-sħiħ fil-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO mill-bidu nett, iżda r-rwol tad-djalogu soċjali fit-tfassil u fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politiki soċjali u ekonomiċi evolva skont il-bidliet fis-soċjetajiet tagħna u fil-proċessi mgħaġġla tal-globalizzazzjoni. Il-ħtieġa li jiġu inklużi l-partijiet interessati kollha (1) fil-livell transnazzjonali, nazzjonali u lokali tinkoraġġixxi forom ġodda ta’ konsultazzjoni u parteċipazzjoni fil-proċessi tat-tfassil tal-politika li jistgħu jseħħu f’livelli differenti, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali, iżda wkoll skont l-iżviluppi reġjonali, bħall-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea. |
2.4 |
Skont id-definizzjoni tal-ILO (2), id-djalogu soċjali jinkludi t-tipi kollha ta’ negozjati, konsultazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni bejn, jew fost, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet, tal-impjegaturi u tal-ħaddiema, dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni relatati mal-politika ekonomika, tax-xogħol jew soċjali. Jista’ jeżisti bħala proċess tripartitiku – bl-involviment dirett tal-gvern, bipartitiku – bejn ir-rappreżentanti tal-impjegaturi u tal-ħaddiema, jew aktar reċentement, fuq bażi transkonfinali (3) – li jimplika djalogu transnazzjonali soċjali fl-intrapriżi multinazzjonali (MNEs) u fil-ktajjen tal-provvista globali fil-kuntest ta’ ekonomija globalizzata u interkonnessa li qed tikber. |
2.5 |
Il-KESE jimpenja ruħu fil-ħidma li għaddejja li jindirizza l-ħtieġa għal approċċ konsistenti fil-livell tal-UE biex jiġu konnessi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-implimentazzjoni tal-SDGs u l-investimenti sostenibbli fl-operazzjonijiet tan-negozju fid-dinja u biex jindirizza l-impatt tar-relazzjonijiet transnazzjonali li qed jikbru mal-MNEs, li jinvolvu l-imsieħba soċjali. Dawn is-suġġetti huma partikolarment rilevanti f’għadd ta’ Opinjonijiet speċifiċi, bħal dawk dwar id-diliġenza dovuta u x-xogħol deċenti fil-katini tal-provvista globali, kif mitlub mill-KESE mill-Presidenza Ġermaniża u l-PE, wara d-diskussjonijiet imnedija fis-summits tal-G7 u l-G20 fl-2015 u l-2016. L-Unjoni Ewropea attrezzat ruħha b’qafas regolatorju ta’ standards ekonomiċi, soċjali u ambjentali bażiċi, li huma element ewlieni tal-kompetittività Ewropea. |
2.6 |
L-isfida ewlenija, madankollu, hija li dan id-djalogu jiġi appoġġjat minn qafas istituzzjonali li jiggarantixxi proċess regolari ta’ djalogu u konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Sfortunatament, dan mhux il-każ fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fid-dinja u f’diversi pajjiżi Ewropej, fejn id-djalogu soċjali huwa eżerċizzju okkażjonali u frammentat. Ir-rwol tal-Istat fil-mekkaniżmi tripartitiċi huwa kruċjali u ma jistax ikun passiv (4). Huwa responsabbli li joħloq kundizzjonijiet adatti u l-qafas legali u istituzzjonali għal tali konsultazzjoni u l-klima politika u ċivili li jippermettu lill-imsieħba soċjali rappreżentattivi u leġittimi li jipparteċipaw, u b’hekk jiġi rikonoxxut ir-rwol tagħhom. Għall-kuntrarju, f’ċerti pajjiżi Ewropej, il-proċessi ta’ djalogu soċjali ddgħajfu u tnaqqret l-awtonomija tal-imsieħba soċjali (5). |
2.7 |
Tkun utli azzjoni b’saħħitha u deċiżiva mill-UE biex tadotta approċċ aktar ta’ sostenn li jipprovdi qafas għall-prattiki ta’ konsultazzjoni (6). |
2.8 |
Il-KESE jissorvelja regolarment l-iżvilupp, l-infurzar u l-kwalità tad-djalogu soċjali f’ħafna mill-Opinjonijiet tiegħu. L-imsieħba soċjali għandhom rwol speċifiku (7) x’jaqdu fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki li direttament jew indirettament jaffettwaw l-impjieg u s-swieq tax-xogħol. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-pożizzjoni ta’ appoġġ tal-Eurofound, li tgħid li d-djalogu soċjali għandu jiġi promoss u appoġġjat, filwaqt li jiġu rispettati l-awtonomija tal-imsieħba soċjali u n-negozjar kollettiv u tiżdied il-kapaċità tal-imsieħba soċjali li jiġu involuti fid-djalogu soċjali, billi jiġu mgħammra bl-għarfien u t-taħriġ u billi jinħolqu l-oqfsa legali u politiċi adatti li jippermettu l-prestazzjoni effettiva tal-partijiet interessati soċjali kollha (8). Id-djalogu soċjali bipartitiku u n-negozjar kollettiv, fil-livelli kollha, huma l-qalba tas-sistemi nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali u jaqdu rwol kruċjali fit-tiswir tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol. Id-djalogu soċjali bipartitiku għandu jkun ibbażat fuq qafas istituzzjonalizzat li jipprovdi appoġġ adatt, filwaqt li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali. |
2.9 |
Il-mekkaniżmi ta’ djalogu fil-livell nazzjonali jistgħu jinkludu kunsilli tripartitiċi nazzjonali ekonomiċi u dawk tax-xogħol li jkunu miftuħa għal diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew kunsilli ekonomiċi u soċjali li għandhom iservu ta’ kanali għall-opinjonijiet tas-soċjetà Ewropea fl-affarijiet ekonomiċi u soċjali, permezz ta’ gruppi magħmulin miċ-ċittadini, biex jipproduċu din il-forma ta’ djalogu bil-għan li jiġu indirizzati b’mod konġunt l-isfidi tal-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna. Madankollu, dawn il-korpi ma ġewx stabbiliti fil-pajjiżi kollha tal-UE u l-Kumitat ta’ kuntatt tal-KESE għandu jkollu rwol aktar b’saħħtu fil-koordinazzjoni. |
3. Djalogu Soċjali Ewropew: pilastru tal-mudell soċjali tal-UE
3.1 |
Id-djalogu soċjali huwa komponent inaljenabbli tal-mudell soċjali Ewropew. Filwaqt li d-djalogi “Val Duchesse” fl-1985 huma kkunsidrati bħala l-punt tat-tluq, kien it-Trattat ta’ Maastricht li aċċetta l-indikazzjonijiet tal-imsieħba soċjali bil-għan li jistabbilixxi d-djalogu soċjali interprofessjonali Ewropew kif nafuh. |
3.2 |
Kif stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (9), il-promozzjoni tad-djalogu bejn il-maniġment u x-xogħol hija rikonoxxuta bħala għan komuni tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri. L-imsieħba soċjali fil-livell interprofessjonali jew settorjali, meta jaġixxu flimkien u jiffirmaw ftehimiet, jipparteċipaw fid-definizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fi kwistjonijiet relatati max-xogħol u fl-implimentazzjoni tagħha fil-livell nazzjonali. Huma jagħmlu dan abbażi tal-inizjattiva leġiżlattiva tal-Kummissjoni (anke bil-għan li jissupplimentaw lill-Parlament Ewropew) jew permezz ta’ inizjattivi awtonomi, ibbażati fuq programm ta’ hidma ta’ tliet snin, li jiġi definit mill-imsieħba soċjali Ewropej. Barra minn hekk, it-TFUE jiggarantixxi r-rwol u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali Ewropej. |
3.3 |
Matul dawn l-aħħar għoxrin sena, id-djalogu soċjali Ewropew żviluppa b’mod irregolari ħafna: sar progress, iżda kien hemm ukoll intoppi. Hekk kif bdiet il-kriżi taż-żona tal-euro fl-2009, kien hemm deterjorament ċar tad-djalogu soċjali Ewropew kollu kemm hu. |
3.4 |
Il-KESE, fl-Opinjoni tiegħu (10) dwar il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi tal-UE 2020, jiġbed l-attenzjoni għal-Linja Gwida 7: Insaħħu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u l-effettività tad-djalogu soċjali, li tgħid b’mod ċar li l-Istati Membri għandhom iħeġġu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv fil-livelli kollha. L-imsieħba soċjali għandhom jiġu mħeġġa jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza għalihom, liema aġir jirrispetta bis-sħiħ l-awtonomija tagħhom. |
3.5 |
Sal-lum, l-imsieħba soċjali Ewropej, fil-kuntest tal-programmi ta’ ħidma konġunti regolari tagħhom, ikkonkludew disa’ ftehimiet qafas. Tlieta minnhom – li jirregolaw il-leave tal-ġenituri (11), ix-xogħol part-time (12) u x-xogħol għal żmien fiss (13) – konklużi iżjed minn 20 sena ilu, ġew trasposti f’direttivi Ewropej u issa jiffurmaw parti integrali mill-ġabra tal-liġijiet tal-UE; l-oħrajn huma l-ftehimiet awtonomi (14) u l-oqfsa ta’ azzjonijiet (15) u numru ta’ dokumenti konġunti oħra. Il-ftehimiet awtonomi m’għandhomx effett dirett fir-relazzjonijiet nazzjonali tax-xogħol u jeħtieġ li jiġu trasposti fil-qafas legali domestiku jew fil-ftehimiet kollettivi, iżda l-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali huma responsabbli għall-implimentazzjoni f’waqtha, b’mod adatt u koordinat fl-Ewropa kollha. |
3.6 |
Fl-2020, l-imsieħba soċjali laħqu Ftehim Awtonomu dwar id-Diġitalizzazzjoni. Dan jappella għall-konklużjoni ta’ strateġija ta’ bidla diġitali li tiżgura li kemm l-intrapriża kif ukoll il-ħaddiema jibbenefikaw mill-introduzzjoni ta’ teknoloġija diġitali (żvilupp ta’ ħiliet, programmi ta’ taħriġ assoċjati ma’ bidla diġitali fuq ix-xogħol, u miżuri biex jindirizzaw il-modalitajiet ta’ konnessjoni u skonnettjar). |
3.7 |
Is-sottogrupp tal-Kumitat għad-Djalogu Soċjali dwar l-implimentazzjoni ta’ strumenti awtonomi ta’ djalogu soċjali, li jappoġġjaw il-bini tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali, għandu jħares lejn il-ħtieġa għal interazzjoni u rabtiet aktar mill-qrib u aktar intensi bejn l-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew u nazzjonali tal-imsieħba soċjali. F’dan il-kuntest, l-imsieħba soċjali Ewropej impenjaw ruħhom li jżidu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw l-ostakli differenti għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet awtonomi tagħhom, li għandhom jiġu ssorveljati mill-qrib mill-UE sabiex jimmiraw inizjattivi ta’ appoġġ speċifiċi. |
3.8 |
Fl-aħħar, ġew innegozjati sitt programmi ta’ ħidma konġunti. L-iktar wieħed reċenti (16) jappoġġja l-għanijiet tad-dikjarazzjoni kwadripartitika tal-2016 dwar Bidu Ġdid għal Djalogu Soċjali (17) sabiex: jissaħħaħ id-djalogu soċjali fil-livelli Ewropej u nazzjonali; jiġi nnegozjat ftehim awtonomu dwar id-diġitalizzazzjoni; jiżdied l-appoġġ b’rabta mal-bini tal-kapaċitajiet għall-imsieħba soċjali nazzjoali, b’mod partikolari permezz tal-Fond Soċjali Ewropew; u jitrawmu r-rwol u l-influwenza tal-imsieħba soċjali nazzjonali fis-Semestru Ewropew. |
3.9 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-imsieħba soċjali Ewropej biex jagħmlu użu mill-potenzjal kollu li t-Trattat joffrilhom (l-Artikolu 154 tat-TFUE) biex jidħlu f’negozjati (li jistgħu jkunu l-bażi ta’ qafas Ewropew imġedded f’oqsma soċjali u dawk marbuta max-xogħol) biex jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda li jirriżultaw minn bidliet rapidi fis-suq tax-xogħol u biex jiġi antiċipat ir-rwol leġiżlattiv tal-Kummissjoni u l-Kunsill f’dan il-qasam. |
3.10 |
Id-djalogu soċjali tas-settur Ewropew huwa bbażat legalment fuq id-Deċiżjoni 98/500/KE tal-20 ta’ Mejju 1998 (18), li tistabbilixxi Kumitati ta’ Djalogu Soċjali Settorjali. Bħalissa, hemm 43 kumitat settorjali dwar id-djalogu soċjali, li jkopru setturi ewlenin u (19) madwar 80 % tal-forza tax-xogħol tal-UE (20). Ġew implimentati għadd ta’ ftehimiet permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill, iżda l-Kummissjoni Ewropea ma ressqitx quddiem il-Kunsill – sabiex ftehim settorjali jkun jista’ jinbidel f’direttiva – żewġ proposti mill-imsieħba soċjali: il-ftehim li ntlaħaq fis-settur tal-hairdressing (2012) u l-ftehim dwar id-drittijiet ta’ informazzjoni u konsultazzjoni fil-gvern ċentrali/federali (2015). Dan kien pass bla preċedent, li wassal għal kawża quddiem il-QĠUE. |
3.11 |
Jinħtieġu proċessi ċari għan-negozjar ta’ ftehimiet vinkolanti tal-imsieħba soċjali fil-livell tal-UE, f’konformità mat-Trattati (l-Artikoli 153-155), flimkien ma’ kriterji trasparenti li jirrispettaw l-awtonomija tal-imsieħba soċjali meta jittrattaw l-eżitu ta’ tali negozjati f’negozjati speċifiċi għas-settur u transsettorjali. Għandha tiġi pprovduta kjarifika mill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali kollha fil-livell tal-UE, sabiex jiġi evitat marġni mhux ċar ta’ diskrezzjoni mill-KE fl-indirizzar tal-eżitu ta’ dawn in-negozjati. |
3.12 |
Is-sistema ta’ djalogu soċjali tal-UE tikkonċerna wkoll kumpaniji Ewropej li joperaw f’diversi Stati Membri tal-UE, u hija prinċipalment strutturata madwar id-drittijiet tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni (21). L-iktar għodda importanti maħluqa mil-leġiżlatur tal-UE sabiex jiġi żgurat infurzar effettiv u kostanti ta’ dawn id-drittijiet hija rrappreżentata mid-Direttiva dwar il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet (22). |
3.13 |
Aktar minn 1 100 ftehima ġew innegozjati biex jistabbilixxu jew iġeddu l-funzjonament tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet u korpi oħra ta’ rappreżentanti transkonfinali tal-ħaddiema (bħalma huma l-SE – kumpanija Ewropea jew kooperattivi Ewropej). Aktar reċentement, id-djalogu soċjali ma’ kumpaniji multinazzjonali għamel ukoll użu akbar mill-ftehimiet ta’ kumpaniji transnazzjonali, li jibnu fuq in-numru kbir ta’ testi ffirmati minn atturi differenti iżda prinċipalment minn Federazzjonijiet Ewropej tat-Trade Unions jew minn Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet (23). Aktar minn 200 Ftehima ta’ Kumpaniji Transnazzjonali jimmiraw li jimmodernizzaw ir-relazzjonijiet industrijali mal-MNEs (24). Għodda iktar prattika ta’ linji gwida għan-negozjati kollettivi transkonfinali fil-livell tal-kumpanija tagħmel dan is-saff tas-sistema tar-relazzjonijiet industrijali tal-UE aktar effiċjenti. |
3.14 |
Din l-attività kollha turi d-dinamiżmu tad-djalogu soċjali fil-livelli kollha anke jekk dan id-dinamiżmu jista’ jkollu bżonn għodda li jagħmlu mod li d-djalogu soċjali jindirizza b’mod effettiv l-iżjed ħtiġijiet reċenti tal-kumpaniji u tal-ħaddiema, minħabba t-tibdil rapidu fl-organizzazzjoni u t-tranżizzjonijiet tax-xogħol. Id-dikjarazzjoni kwadripartitika dwar Bidu ġdid għad-djalogu soċjali ffirmata fl-2018 u promossa mill-KE (25) kienet tentattiv biex id-djalogu soċjali interprofessjonali jiġi adattat għall-kuntest istituzzjonali Ewropew il-ġdid bi rwol aktar prominenti għall-governanza ekonomika tal-UE biex tiskatta konverġenza ’l fuq tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-Ewropej kollha. |
3.15 |
Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. L-Aġenda 2030 tan-NU u s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) jirrikonoxxu (fl-Għanijiet 8, 16 u 17) li d-djalogu soċjali jista’ jsaħħaħ l-istituzzjonijiet (demokratiċi) u jista’ jiffaċilita t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli billi jiżviluppa fehim konġunt tal-isfidi u l-mod kif għandhom jiġu indirizzati. L-imsieħba soċjali huma għalhekk meqjusa bħala atturi ewlenin fir-rigward tar-riforma u l-immodernizzar tas-soċjetajiet u l-ekonomiji. Jistgħu jikkontribwixxu għall-biċċa l-kbira tal-SDGs u jistgħu jinkorporaw aspetti tas-sostenibbiltà b’mod aktar estensiv minn dak li qed jagħmlu bħalissa. It-twessigħ tal-ambitu tan-negozjati jeħtieġ sħubijiet u strateġiji ġodda (26). Id-djalogu soċjali awtonomu u indipendenti huwa essenzjali biex jgħaqqad il-politika soċjali ma’ politika ekonomika soda u strateġija għal tkabbir ekonomiku sostenibbli, kompetittività u progress soċjali fl-Istati Membri kollha u fiż-żona ekonomika Ewropea (27). |
3.16 |
Biex jibqa’ utli, jeħtieġ li d-djalogu soċjali jindirizza suġġetti ġodda u t-tibdil fis-suq tax-xogħol, u jagħti riżultati effettivi. Forom ġodda u mhux standard ta’ xogħol jistgħu jċajpru l-linji ta’ relazzjoni bejn il-ħaddiem u l-impjegatur u qed iwasslu għal numru dejjem akbar ta’ persuni li ma għadhomx koperti minn negozjar kollettiv jew minn leġiżlazzjoni ta’ protezzjoni. Dan huwa qasam li jista’ jiġi indirizzat fid-djalogu soċjali, li jgħin biex jintlaħaq kunsens bejn il-ħaddiema u n-negozji sabiex jitħaddnu d-dimensjonijiet kollha tas-sostenibbiltà. |
3.17 |
Id-djalogu soċjali tripartitiku jista’ jkun aktar effettiv jekk irawwem negozjati u riżultati konkreti fil-livelli kollha. Hemm potenzjal li jittejjeb il-funzjonament tal-korpi tripartitiċi tad-djalogu soċjali u l-proċessi ta’ konsultazzjoni – b’mod partikolari fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant – sabiex ikun jista’ jkollhom impatt ġenwin, li jwassal ukoll għal involviment akbar, f’waqtu u sinifikanti tal-imsieħba soċjali fit-tfassil tal-politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-proġett li għaddej bħalissa bejn l-ILO u l-KE għandu l-għan li jidentifika prattiki tajbin li jinbtu mid-djalogu soċjali li qed jitfaċċaw f’diversi pajjiżi, kif ukoll l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi mmirati lejn it-tisħiħ tar-rwol tad-djalogu soċjali – inkluż in-negozjar kollettiv – biex jiindirizza sfidi u opportunitajiet ġodda f’dinja ġdida tax-xogħol, u fl-istess ħin tiġi appoġġata l-awtonomija tal-imsieħba soċjali (28). |
3.18 |
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (29) jirrikonoxxi l-awtonomija tal-imsieħba soċjali u d-dritt tagħhom għall-azzjoni kollettiva u li jkunu involuti fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-impjiegi u dawk soċjali, inkluż permezz ta’ ftehimiet kollettivi. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jafferma mill-ġdid ir-rwol kruċjali tad-djalogu soċjali u tal-imsieħba soċjali, u tan-negozjar kollettiv fil-livelli kollha. |
3.19 |
Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se jeżamina modi biex jippromovi d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv u jżid il-kapaċità tal-unions u l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi fil-livell tal-UE u nazzjonali. |
3.20 |
L-imsieħba soċjali għandhom jiġu involuti matul is-Semestru Ewropew tal-Governanza Ekonomika, speċjalment fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ riformi tal-impjieg, u dawk soċjali u, fejn rilevanti, dawk ekonomiċi u politiki, jew bħala konsegwenza ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jew skont id-dinamika nazzjonali, u fit-tfassil tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (30). |
3.21 |
Ħafna jenfasizzaw li l-involviment tal-imsieħba soċjali mill-gvernijiet nazzjonali jseħħ biss fi ftit pajjiżi u l-evidenza miġbura matul is-snin turi li l-possibbiltà li jiġu kkonsultati fil-qafas tal-governanza ekonomika hija f’idejn il-gvernijiet fil-kariga. Is-sitwazzjoni hija agħar fil-każ ta’ dawk l-Istati Membri fejn jippersistu dgħufijiet storiċi fl-istrutturi u l-prattiki tad-djalogu soċjali. Fi kwalunkwe każ, l-imsieħba soċjali nazzjonali mhux dejjem ikollhom il-kapaċità li jipparteċipaw b’mod proattiv f’dan il-proċess diffiċli (31). |
3.22 |
Il-koordinazzjoni eżerċitata fil-qafas tas-Semestru u mill-Kunsill permezz tal-Kumitat tal-Impjiegi mhux dejjem tipproduċi riżultati li huma sodisfaċenti għan-naħat kollha. Meta wieħed iqis ir-rwol prominenti li s-Semestru tal-UE se jikseb fl-implimentazzjoni tal-QFP 2021-2027 u l-Programm Next Generation EU, għandha tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu li jagħti d-dritt lill-imsieħba soċjali li jiġu kkonsultati, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali, fl-istadji importanti rrappreżentati mis-Semestru. Emenda fis-“six pack” (32) tista’ tintroduċi obbligu fuq il-gvernijiet nazzjonali li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali fl-istadji importanti nazzjonali tas-Semestru, billi tintroduċi kriterji bħall-għażla adatta taż-żmien, ir-raġonevolezza u l-adegwatezza tal-konsultazzjoni (l-Artikolu 2-a(2)(c)(d) u (e) tar-Regolament 1146/97 kif emendat mir-Regolament (UE) Nru 1175/2011). |
3.23 |
Skont ċerti sejbiet tar-riċerka (33), l-imsieħba soċjali nazzjonali mhux dejjem ikollhom il-kapaċitajiet biex jipparteċipaw b’mod proattiv f’dan il-proċess diffiċli. L-azzjonijiet għall-bini tal-kapaċitajiet għall-imsieħba soċjali, li għandhom l-għan li jsaħħu l-oqfsa u l-prattiki nazzjonali tad-djalogu soċjali jenħtieġ li jiġu promossi u appoġġjati mill-Kummissjoni Ewropea, anke permezz tal-fondi tal-FSE. Dan jippermetti li l-imsieħba soċjali jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom li jinnavigaw il-perjodi ta’ tranżizzjoni ekoloġiċi u diġitali eżistenti, li huwa kruċjali. F’dan ir-rigward, il-kapaċità mhijiex biss problema interna (nuqqas) ta’ mezzi finanzjarji u ta’ riżorsi, iżda hija wkoll kwistjoni strutturali skont il-qafas tar-relazzjonijiet industrijali. L-attivitajiet ta’ taħriġ li jappoġġjaw il-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali, kif ukoll l-inċentivar ta’ impenn f’negozjati bipartitiċi fil-livell settorjali u tal-kumpaniji, filwaqt li tiġi rispettata l-awtonomija tan-negozjar kollettiv, jeħtieġ li jiġu appoġġjati aktar. |
3.24 |
L-appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet skont il-programmi operattivi tal-FSE għandu jiġi żviluppat aktar. Minkejja l-introduzzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta dwar is-sħubija, li permezz tiegħu l-imsieħba soċjali għandu jkollhom influwenza akbar fuq il-kontenut ta’ dawn il-programmi, l-awtoritajiet ta’ ġesjoni ma jallokawx appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali. Ir-regolament propost FSE+ għandu jinkludi miżuri għall-appoġġ tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u informazzjoni dwar kif l-awtoritajiet ta’ ġestjoni jistgħu jiġu konvinti biex jagħmlu iktar biex jappoġġjaw il-bżonnijiet taal-imsieħba soċjali għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet. F’dan ir-rigward, ir-rakkomandazzjonijiet soċjali speċifiċi għall-pajjiż (inklużi dawk għall-2020) qed jidentifikaw il-pajjiżi fejn l-appoġġ għall-imsieħba soċjali huwa l-aktar meħtieġ. |
3.25 |
Rigward l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u d-djalogu ċivili, għandhom jiġu kkonsultati kif imiss mill-gvernijiet tal-UE u dawk nazzjonali, speċjalment għall-politiki speċifiċi, fejn jistgħu jġibu valur miżjud. |
4. Analiżi tal-esperjenzi mill-aħħar kriżi finanzjarja 2008–2010 u t-tagħlimiet misluta, kemm pożittivi kif ukoll negattivi
4.1 |
Id-djalogu soċjali fi żminijiet ta’ kriżi, bħal fl-aħħar kriżi fl-2008-2010, kellu t-tendenza li jixhed l-użu tiegħu bħala strument biex jipprovdi soluzzjonijiet. Huwa ċar li t-tweġibiet mill-imsieħba soċjali kienu diretti lejn l-iżgurar tal-impjieg u l-evitar tas-sensji, jew lejn il-limitazzjoni tal-firxa u l-konsegwenzi tat-telf tal-impjiegi. Id-djalogu soċjali huwa strument importanti li, f’ċerti ċirkustanzi, tħeġġeġ mill-gvernijiet biex jikkumbattu l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi tal-kriżi ekonomika globali. In-negozjar kollettiv intuża bħala għodda biex tiġi evitata l-agħar sitwazzjoni possibbli, li jfisser telf sensji, telf estensiv ta’ impjiegi u għeluq ta’ kumpaniji (34). |
4.2 |
Ir-reazzjonijiet tal-imsieħba soċjali nazzjonali għall-effetti tal-kriżi finanzjarja kienu kkaratterizzati minn tliet fatturi ewlenin: l-iskala tal-kriżi ekonomika, l-istruttura istituzzjonali tar-relazzjonijiet industrijali, u d-deċiżjonijiet tal-gvern. F’pajjiżi bi djalogu soċjali stabbilit sew, l-imsieħba soċjali kienu involuti b’mod attiv fit-tfassil ta’ risponsi tripartitiċi rapidi u effettivi fil-livell tas-setturi jew tal-intrapriżi. Il-mudelli ta’ intervent varjaw ħafna bejn l-Istati Membri. Fattur determinanti għas-suċċess jew il-falliment tad-djalogu soċjali deher li kien il-livell ta’ appoġġ mill-gvern għall-proċess u l-involviment f’waqtu tal-imsieħba soċjali (35). Ħarġet fid-dieher it-tendenza ġenerali li ġejja: waqt l-ewwel fażi tal-kriżi (2008-2010) taħt stress ekonomiku qawwi, l-imsieħba soċjali ħadu azzjoni, bl-għan komuni li jinżammu l-impjiegi eżistenti u l-livell ġenerali tal-impjieg, bl-użu ta’ stabilizzaturi soċjali awtomatiċi fejn dawn kienu jeżistu. Dan seħħ mhux biss permezz ta’ negozjati nazzjonali tripartitiċi iżda ġie rifless ukoll fil-ftehimiet kollettivi bilaterali f’livell settorjali/ta’ fergħat u tal-kumpaniji (36). |
4.3 |
Fit-tieni fażi tal-kriżi (2011-2014), kien hemm ħafna impatti sostanzjali fuq firxa ta’ aspetti tar-relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri (37): wieħed minn dawn kien tendenza lejn aktar deċentralizzazzjoni fin-negozjar kollettiv. F’ċerti Stati Membri, l-effett ikkombinat tat-teħid aktar unilaterali tad-deċiżjonijiet mill-gvernijiet u d-deċentralizzazzjoni tan-negozjar kollettiv wassal għal inqas negozjar bejn għadd ta’ impjegaturi u tnaqqis fil-kopertura tan-negozjar kollettiv. Barra minn hekk, fis-sistemi ta’ relazzjonijiet industrijali tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, seħħ ċaqliq lejn strutturi u proċessi aktar volontarji u inqas tripartitiċi (38). |
4.4 |
L-Istati Membri li fihom l-impatt tal-kriżi kien l-aktar gravi fuq ir-relazzjonijiet industrijali kienu dawk li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi mill-perspettiva ekonomika u soċjali. L-imsieħba soċjali fil-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall u Spanja, pereżempju, ftit li xejn kellhom flessibbiltà ta’ manuvrar, minħabba l-iskala tal-aġġustamenti ekonomiċi li dawn il-pajjiżi kellhom jagħmlu (39). Is-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali tal-pajjiżi Nordiċi u tal-Ewropa Ċentrali kellhom aktar flessibbiltà potenzjali għall-atturi u l-proċessi (eż. klawżoli ta’ ftuħ fil-ftehimiet kollettivi), li jippermettulhom jadattaw aktar faċilment għat-tibdil fl-ambjent ekonomiku. Għalhekk, relazzjonijiet b’saħħithom bejn l-imsieħba soċjali ppermettew aktar riżultati pożittivi. |
4.5 |
Ġew introdotti żewġ tipi ta’ miżuri biex jittaffa l-impatt tal-kriżi. L-ewwel waħda ffukat fuq li jiġu evitati s-sensji u t-tieni fuq il-mitigazzjoni tal-effetti tas-sensji. L-evitar tas-sensji kien jinkludi skemi ta’ xogħol għal żmien qasir f’diversi forom f’pajjiżi differenti, iżda kien ukoll evidenti li xi partijiet tal-popolazzjoni u l-gruppi vulnerabbli tal-ħaddiema f’forom ta’ xogħol mhux standard ma kinux koperti minn kwalunkwe forma ta’ protezzjoni soċjali, li tagħmel l-inklużività fis-sistemi tal-protezzjoni soċjali u servizzi pubbliċi effiċjenti bħala prijorità għall-politika pubblika. L-iskemi ta’ xogħol għal żmien qasir u l-perjodu tal-qgħad koperti minn benefiċċji kienu akkumpanjati minn titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid. Dan seta’ jintwera f’ħafna każijiet u għandu jitqies bħala prattika tajba f’każ ta’ kriżi. |
4.6 |
It-tieni tip ta’ tweġiba biex jittaffew l-effetti kien maqsum bejn in-negozjati dwar ħlas għal tkeċċija, li għalih kien hemm domanda kbira mill-ħaddiema, u ftehim milħuq bejn it-trade unions u min iħaddem biex jingħata appoġġ għar-ritorn lejn il-forza tax-xogħol għal dawk li ngħataw is-sensja. Dawn il-ftehimiet ħadu diversi forom minħabba diversi kuntesti istituzzjonali nazzjonali: pereżempju, it-tranżizzjoni minn impjieg għal ieħor (fin-Netherlands), kumpaniji ta’ trasferiment (fil-Ġermanja), kunsilli tas-sigurtà tal-impjiegi (fl-Iżvezja) u fondazzjonijiet tax-xogħol (fl-Awstrija). Dawn il-miżuri spiss kienu akkumpanjati minn offerti ta’ konsulenza, miżuri ta’ riallokazzjoni, taħriġ mill-ġdid u informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol battala. Il-firxa sħiħa tal-miżuri hija disponibbli fil-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, Ir-relazzjonijiet industrijali fl-Ewropa, 2010 (40). |
4.7 |
Id-djalogu soċjali għandu rwol kruċjali fit-tfassil ta’ tweġibiet f’waqthom u mmirati biex jiġu appoġġjati l-impjieg u l-irkupru ekonomiku fi żminijiet ta’ kriżi iżda, waħdu, ma jistax isolvi l-problemi kollha. Politiki u regolamenti pubbliċi sodi u spazju fiskali adatt huma kruċjali, partikolarment f’kuntest ta’ kriżi (41). |
5. L-involviment tal-ħaddiema fil-ġestjoni tal-kumpanija: tweġiba għall-immaniġġjar tal-bidla
5.1 |
Id-demokrazija industrijali hija ġeneralment mifhuma bħala l-governanza tal-proċessi tan-negozju fl-intrapriżi “sostenibbli” (42), ibbażata fuq id-djalogu soċjali, in-negozjar kollettiv u l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-livell tal-kumpaniji (43). Governanza korporattiva tajba tista’ tagħmilha possibbli li jinkisbu miri ekonomiċi pożittivi, flimkien ma’ miri soċjali u ambjentali. Bħalissa hemm fis-seħħ taħlita ta’ atti leġiżlattivi, flimkien ma’ miżuri operattivi u ta’ politika, li jqisu l-prattiki u s-sitwazzjonijiet tar-relazzjonijiet industrijali nazzjonali f’kull negozju. Il-globalizzazzjoni u l-proċessi ta’ produzzjoni transnazzjonali tal-intrapriżi Ewropej bidlu l-mod ta’ kif inhuma strutturati l-flussi tal-informazzjoni fil-kumpaniji (44). Il-kollaborazzjoni affidabbli bejn min iħaddem u l-ħaddiema wriet l-importanza tagħha – l-aktar reċenti fil-pandemija tal-COVID-19. |
5.2 |
Id-drittijiet tal-ħaddiema għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni huma drittijiet soċjali fundamentali li huma stabbiliti fi strumenti internazzjonali (ILO) u Ewropej (Kunsill tal-Ewropa u l-UE) dwar id-drittijiet tal-bniedem u huma fundamentali għal djalogu soċjali effettiv. |
5.3 |
Fil-livell Ewropew, l-involviment tal-ħaddiema jgħin biex tiġi kkondiviża l-informazzjoni f’waqtha mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fis-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali, jappoġġja l-iżvilupp ta’ deċiżjonijiet informati dwar il-ġestjoni f’ċerti kwistjonijiet ta’ interess dirett għall-ħaddiema mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, u jikkontribwixxi għal distribuzzjoni sostenibbli u aktar ġusta tal-mudelli kummerċjali. Dan jgħin biex tiġi promossa l-idea tas-suq ekonomiku soċjali li jqis il-mudell soċjali Ewropew bħala xprun għall-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej. |
5.4 |
Diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE stabbilew ir-rekwiżiti minimi (45) u ddefinew id-drittijiet għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u r-rappreżentanza fil-livell tal-bordijiet tal-ħaddiema, inkluża d-Direttiva dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni u d-Direttiva dwar il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet (46), kif ukoll atti legali li jikkonċernaw forom speċifiċi ta’ intrapriżi, bħal SEs u s-Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej, jew sitwazzjonijiet speċifiċi, bħal fużjonijiet transkonfinali, trasferiment ta’ impriżi, u sensji kollettivi. Il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet (u l-Kunsilli tax-Xogħlijiet tal-SE) huma korpi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema dwar kwistjonijiet transnazzjonali u r-rilevanza tagħhom għall-forza tax-xogħol Ewropea hija importanti. Dawn għandhom rwol importanti fl-integrazzjoni progressiva tal-Istati Membri Ewropej u s-suq uniku (47). Hemm lok għal titjib fir-rigward tal-kwalità u l-effettività tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet dwar ir-ristrutturar transnazzjonali tal-kumpaniji, kif enfasizzat il-Kummissjoni fir-rapport tagħha (48). |
5.5 |
Il-parteċipazzjoni fil-livell tal-bordijiet tal-ħaddiema tinsab fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri iżda ma hemm l-ebda bażi komuni fil-livell Ewropew u għalhekk tidher fil-prattiki differenti speċifiċi għall-oqfsa nazzjonali. Fl-Opinjoni tiegħu SOC/470 (49), il-KESE diġà talab qafas armonizzat fil-livell tal-UE għall-parteċipazzjoni fil-livell tal-bordijiet tal-ħaddiema. Sfortunatament, il-Pakkett tal-Liġi dwar il-Kumpaniji tal-2019 li ġie approvat ma jirriflettix din il-proposta. |
5.6 |
Il-prinċipju 8 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jgħid li l-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom għandhom dritt li jiġu infurmati u kkonsultati fi żmien adatt dwar kwistjonijiet rilevanti għalihom. Minn din il-perspettiva, l-involviment tal-ħaddiema huwa strateġiku biex jiġu ġestiti t-tranżizzjonijiet biex jiġu indirizzati l-isfidi ekoloġiċi, demografiċi u teknoloġiċi u jiġu akkumpanjati l-bidliet fl-organizzazzjoni jew fir-ristrutturar tax-xogħol (50). Il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali biex jieħdu azzjoni biex jiżguraw li d-drittijiet għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema jiġu rispettati fil-proċessi tar-ristrutturar. |
5.7 |
Il-miżuri leġiżlattivi Ewropej fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema jenfasizzaw u jinkludu r-rwol neċessarju tar-rappreżentanza tal-ħaddiema f’dan il-qasam ukoll. Il-ftehimiet tripartitiċi u bipartitiċi f’ċerti pajjiżi Ewropej biex jitrażżan it-tixrid tal-COVID-19 fil-livell tal-intrapriżi kienu eżempji proattivi ta’ inizjattivi konġunti tal-imsieħba soċjali fir-rigward tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali. |
5.8 |
Minn naħa, il-kriżi tal-COVID-19 turi l-eżempji pożittivi ta’ djalogu soċjali kostruttiv fl-Ewropa fil-livell tal-intrapriżi biex jinżammu l-impjiegi, jiġi żgurat ir-ritorn tas-sikurezza fuq il-post tax-xogħol filwaqt li titkompla l-attività tan-negozju. Min-naħa l-oħra, id-drittijiet għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni ma ġewx rispettati kullimkien fl-Ewropa, anke fil-fażi ta’ emerġenza, inkluż fir-ristrutturar u fir-rigward tal-miżuri li għandhom jittieħdu biex jipproteġu s-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol u jiġu evitati kundizzjonijiet tax-xogħol riskjużi. Jinħtieġu azzjonijiet fil-livell Ewropew u nazzjonali biex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet ta’ informazzjoni u konsultazzjoni fil-proċessi ta’ ristrutturar minħabba l-kriżi tal-COVID-19. |
5.9 |
Jinħtieġu aktar passi fil-livell Ewropew biex jimtlew il-lakuni u tissaħħaħ id-demokrazija fil-post tax-xogħol. L-għan huwa li jiġu żgurati protezzjonijiet adegwati minimi u drittijiet fir-rigward tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u r-rappreżentanza fil-livell tal-bordijiet tal-ħaddiema f’sitwazzjonijiet transkonfinali fejn il-liġijiet nazzjonali ma jistgħux jiġu applikati b’mod koordinat u ekwu. Jinħtieġ qafas trasversali effiċjenti għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u d-drittijiet ta’ rappreżentanza fil-livell tal-bordijiet fil-forom kollha tal-kumpaniji tal-UE u dawk li jagħmlu użu mill-istrumenti tal-mobilità tal-kumpaniji. In-nuqqasijiet fl-aċċess għall-informazzjoni rigward l-attivitajiet tan-negozju f’pajjiżi mhux tal-UE u l-impatt tagħhom fuq l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għandhom jiġu vvalutati sabiex jiġi żgurat ir-rwol xieraq tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet. Fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, il-miżuri ta’ infurzar għandhom jissaħħu, flimkien ma’ sanzjonijiet effettivi u proporzjonati, fejn ġew identifikati n-nuqqasijiet. |
5.10 |
Jeħtieġ li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema tas-settur pubbliku għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni biex tiżgura li jiġi implimentat kif imiss il-ftehim tal-imsieħba soċjali Ewropej dwar din il-kwistjoni. |
5.11 |
Il-prattiki nazzjonali juru differenzi fl-involviment tal-ħaddiema. B’mod partikolari, għandu jiġi żgurat li r-rappreżentanti tal-ħaddiema maħtura skont ir-regoli Ewropej u nazzjonali (51) għall-korpi amministrattivi u superviżorji jkunu jistgħu jaqdu d-dmirijiet tagħhom kif imiss kif previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea. Jeħtieġ ukoll li jiġi garantit li l-ħaddiema jkunu infurmati u kkonsultati b’mod adegwat u f’waqtu dwar il-pjani tal-kumpanija u l-implikazzjonijiet potenzjali għall-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, b’konformità mad-Direttiva. |
6. Djalogu soċjali għal rkupru sostenibbli u inklużiv wara l-COVID-19
6.1 |
Ħafna organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet, inklużi l-ILO, l-OECD, il-Kummissjoni Ewropea, il-Eurofound, u anke l-imsieħba soċjali Ewropej, ġabru, ippubblikaw u aġġornaw regolarment l-informazzjoni dwar il-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali biex, l-ewwel nett, tiġi indirizzata l-fażi tal-emerġenza u mbagħad, it-tkomplija tal-attivitajiet ekonomiċi u l-ippjanar tal-programmi ta’ rkupru. |
6.2 |
F’ċerti pajjiżi, ġew iffirmati ftehimiet bipartitiċi u tripartitiċi sa mill-bidu tal-pandemija, flimkien ma’ numru ta’ ftehimiet settorjali bipartitiċi li għandhom l-għan li jintroduċu miżuri biex iżommu postijiet tax-xogħol b’saħħithom u sikuri. |
6.3 |
Minħabba n-nuqqas ta’ rispons koordinat mill-Istati Membri fil-bidu tal-kriżi pandemika, huwa ċar li fl-istadju ta’ rkupru neħtieġu approċċ ibbażat fuq is-solidarjetà fost l-Istati Membri għall-futur tal-Ewropa. |
6.4 |
L-imsieħba soċjali Ewropej – ETUC, Business Europe, CEEP u SME United – fl-istqarrija konġunta tagħhom dwar l-emerġenza tal-COVID-19 jitolbu b’mod qawwi lill-Istati Membri biex jinvolvu lill-imsieħba soċjali nazzjonali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-miżuri nazzjonali. Madankollu l-kontribut attiv u effettiv tagħhom jiddependi mhux biss mill-kapaċità tagħhom stess iżda wkoll mir-rikonoxximent tal-gvern tar-rwol tagħhom fil-konteniment tal-pandemija u fl-indirizzar tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha. Hemm eżempji tajbin ta’ ġestjoni tal-kriżijiet immexxija b’mod proattiv mill-imsieħba settorjali Ewropej u soċjali. Xi wħud huma tripartitiċi, u xi wħud huma bipartitiċi. Il-ftehimiet kollettivi f’diversi pajjiżi Ewropej fittxew li jrażżnu l-virus billi jiżguraw ambjent tax-xogħol sikur, arranġamenti speċifiċi ta’ xogħol u xbieki ta’ sikurezza soċjali, bħal-liv tal-mard u l-liv tal-ġenituri. |
6.5 |
Il-pjan ta’ rkupru tal-UE, li jinkludi l-proposta New Generation EU tal-Kummissjoni u l-miżuri kollha li kienu diġà adottati b’fondi, għotjiet u self ad hoc mill-BĊE u l-BEI, bla dubju jirrappreżenta pakkett sostanzjali ta’ miżuri finanzjarji, li għandhom jisfruttaw l-investiment pubbliku u privat, immirat biex jappoġġja t-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi ta’ kwalità tajba. |
6.6 |
Fis-Summit Soċjali Tripartitiku tat-23 ta’ Ġunju 2020, l-imsieħba soċjali enfasizzaw il-ħtieġa għal investiment fis-settur u s-servizzi tas-saħħa pubblika l-aktar affettwati li ntlaqtu l-agħar f’dan il-perjodu u għal investiment strutturali għal tranżizzjoni ekoloġika, trasformazzjoni diġitali u teknoloġiji innovattivi biex tingħata spinta lill-kompetittività Ewropea billi jiġi appoġġjat l-impjieg ta’ kwalità tajba, it-taħriġ u l-progress soċjali u ekonomiku f’kuntest Ewropew ikkoordinat. |
6.7 |
Huwa kruċjali li l-Pjan ta’ Rkupru tal-UE jinbena fuq l-involviment tal-imsieħba soċjali – u bis-saħħa tiegħu – fil-livelli kollha. Id-djalogu soċjali huwa l-istrument ewlieni għal governanza soda f’perjodi ta’ kriżi. Il-konsultazzjoni u d-diskussjonijiet f’livell tripartitiku jsaħħu l-kwalità tat-tfassil tal-politika bħala reazzjoni għall-kriżi, jinvolvu lill-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni u jibnu fiduċja fosthom biex jingħelbu d-diffikultajiet, filwaqt li tappoġġja l-koeżjoni soċjali u r-reżiljenza tal-ekonomiji tagħna. L-immappjar tal-impatt tal-kriżi fuq il-ħaddiema, l-intrapriżi u l-komunitajiet lokali u l-gruppi soċjali jitwettaq ukoll mal-partijiet interessati soċjali mal-awtoritajiet lokali u huwa kruċjali għall-adozzjoni ta’ miżuri temporanji miftiehma u biex jinbena kunsens għal pjanijiet ta’ rkupru għal żmien medju u twil. |
6.8 |
Jeħtieġ li jiġu definiti pjani nazzjonali għall-allokazzjoni tar-riżorsi Ewropej abbażi ta’ ppjanar fuq żmien medju-twil, mingħajr ma jinfirxu r-riżorsi billi jiġu frammentati, u billi jiġu kkunsidrati l-fraġilitajiet li ħarġu fil-fażi ta’ emerġenza u ż-żieda fl-inugwaljanzi fis-soċjetà. |
6.9 |
F’ċerti pajjiżi tal-UE, id-djalogu soċjali wera li huwa effettiv għall-adozzjoni fil-pront u effettiva ta’ miżuri ta’ emerġenza b’saħħithom biex jgħinu lin-negozji jkomplu joperaw u b’hekk iżommu l-impjiegi u jżommu n-nies fis-suq tax-xogħol, u b’ hekk jgħinu biex jiżguraw skemi ta’ xogħol għal perjodu qasir ta’ żmien immirati biex itaffu l-effetti fuq l-impjieg u biex jipprovdu sigurtà tal-ippjanar għall-ħaddiema u l-kumpaniji biex jirnexxu fil-fażi ta’ rkupru. |
6.10 |
F’ċerti Stati Membri, madankollu, il-biċċa l-kbira tal-gruppi vulnerabbli, bħal dawk f’forom mhux standard ta’ impjieg, dawk li jaħdmu għal rashom, u l-ħaddiema mhux iddikjarati, ma rċevewx aċċess għall-miżuri ta’ protezzjoni u jiffaċċjaw ir-riskju li jispiċċaw fil-faqar, li jaggrava l-emerġenza soċjali. |
6.11 |
Fit-tul, l-UE tista’ tappoġġja lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali billi treġġa’ lura r-riformi strutturali li jnaqqsu l-protezzjoni tal-impjieg u billi toħloq aktar spazju għan-negozjar kollettiv u billi ssaħħaħ l-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol. L-UE għandha tindirizza wkoll sfidi urġenti, bħall-qgħad fit-tul, it-tranżizzjonijiet lejn proċessi ekoloġiċi u diġitalizzati u t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid biex titrawwem l-impjegabbiltà, u tipprovdi qafas regolatorju adegwat għal forom differenti ta’ xogħol. |
6.12 |
Kooperazzjoni aħjar bejn il-Kummissjoni, il-gvern nazzjonali, min iħaddem u t-trade unions tista’ wkoll tgħin lis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali biex jindirizzaw il-kuntest ekonomiku u soċjali li qed jinbidel fl-Ewropa sabiex tiġi estiża l-kopertura għal dawk il-gruppi vulnerabbli li huma esklużi llum il-ġurnata. Fil-kuntest tal-Kunsill EPSCO, is-Semestru Ewropew għandu jittejjeb aktar biex jappoġġja lill-Istati Membri, b’tabella ġdida ta’ valutazzjoni tal-indikaturi, f’valutazzjoni komparattiva tal-progress fl-implimentazzjoni tal-politiki maqbula u t-tilħiq tal-għanijiet komuni fil-livell Ewropew. F’dawn iż-żminijiet diffiċli, ir-riżoluzzjoni u r-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi kollha fil-livell tal-UE u nazzjonali kif ukoll tal-imsieħba soċjali u partijiet interessati soċjali oħra fil-livelli kollha se jkunu kruċjali biex jiġi żgurat l-irkupru sostenibbli tal-ekonomiji tagħna u t-tisħiħ tal-mudell soċjali Ewropew tagħna. |
6.13 |
Fil-Komunikazzjoni tagħha Semestru Ewropew 2020: Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (52), il-Kummissjoni Ewropea indirizzat ir-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Istati Membri kollha dwar il-pandemija tal-COVID-19. Il-parti introduttorja tenfasizza li r-rwol ta’ djalogu soċjali li jiffunzjona sew huwa kruċjali biex jiġi żgurat li l-miżuri meħuda jkunu ta’ suċċess, inklużivi u sostenibbli. Jeħtieġ li jiġi rikonoxxut li, f’ċerti Stati Membri, il-prattika tad-djalogu soċjali u l-involviment tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili matul il-kriżi tal-COVID-19 iddgħajfet jew ġiet ristretta (53). Tliet Stati Membri – l-Ungerija, il-Polonja u r-Rumanija – irċevew, bħala konsegwenza, rakkomandazzjoni “biex jiżguraw involviment adegwat u effettiv imsieħba soċjali u l-partijiet interessati fil-proċess tat-tfassil tal-politika”. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib u tevalwa l-implimentazzjoni rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż b’rabta ma’ dawn il-pajjiżi. |
6.14 |
Il-Kummissjoni għandha tiżgura u tissorvelja – pereżempju permezz ta’ strumenti ta’ rappurtar – li l-Istati Membri jwettqu djalogu soċjali effettiv mal-partijiet interessati nazzjonali matul il-proċess tas-Semestru u fid-disinn tal-pjani nazzjonali ta’ rkupru biex jiżguraw segwitu u implimentazzjoni effettivi, abbażi ta’ sjieda wiesgħa. |
6.15 |
Huwa wkoll tal-akbar importanza li jiġi ggarantit li l-kapaċità tal-imsieħba soċjali ma tiddgħajjifx bħala riżultat tal-perjodu tal-coronavirus. L-UE għandha tikkunsidra kwalunkwe azzjoni meħtieġa, inklużi riżorsi finanzjarji biex tappoġġja l-bini tal-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali – kemm għall-attivitajiet kif ukoll għall-istrutturi tad-djalogu soċjali. L-imsieħba soċjali Ewropej indirizzaw proposta konġunta (54) lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħolqien ta’ strument finanzjarju ġdid biex jappoġġja l-attivitajiet straordinarji li qed iwettqu waqt il-kriżi tal-COVID-19. |
Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Il-kelma “partijiet interessati” tirreferi għall-imsieħba soċjali (min iħaddem u t-trade unions). Fir-rigward tad-djalogu soċjali tripartitiku, tinkludi wkoll il-gvernijiet.
(2) Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta, ILC (Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol), 2008; Riżoluzzjoni tal-ILO dwar id-diskussjoni rikorrenti dwar id-djalogu soċjali, adottata fil-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol fit-13 ta’ Ġunju 2013; Riżoluzzjoni tal-ILO dwar it-tieni diskussjoni rikorrenti dwar id-djalogu soċjali u t-tripartitiżmu, adottata fil-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol fit-8 ta’ Ġunju 2018. Ara wkoll id-Dikjarazzjoni taċ-Ċentenarju tal-ILO għall-Futur tax-Xogħol adottata fil-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol, il-108 Sessjoni, 2019.
(3) Ibid, Riżoluzzjoni tal-ILO 2018; Konklużjonijiet tad-diskussjoni ġenerali dwar Ix-xogħol deċenti fil-ktajjen tal-provvista globali, Ġunju 2016.
(4) Studji reċenti tal-OECD: Employment Outlook 2019 and Going Digital: Shaping Policies, Improving lives Report 2019.
(5) Fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, b’rabta ma’ diversi pajjiżi tal-UE, il-KE titlob għal interventi speċifiċi biex jitneħħew l-ostakli għan-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali.
(6) Huwa importanti li wieħed jinnota li l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 144 dwar il-Konsultazzjoni Tripartitika li ġiet irratifikata minn 26 pajjiż tal-UE, fil-Kroazja se tidħol fis-seħħ fi Frar 2021, iżda l-Lussemburgu għadu ma rratifikahiex.
(7) ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10
(8) Eurofound (2020) Capacity building for effective social dialogue in the European Union.
(9) Artikoli 151 sa 155 tat-TFUE.
(10) ĠU C 232, 14.7.2020, p. 18
(11) Konkluż għall-ewwel darba fl-1996, imbagħad ġie rivedut fl-2009. Ġie traspost mid-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE.
(12) Traspost mid-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE.
(13) Traspost mid-Direttiva tal-Kunsill 99/70/KE.
(14) Dwar it-telexogħol (2002), l-istress relatat max-xogħol (2004), il-fastidju u l-vjolenza fuq ix-xogħol (2007), is-swieq tax-xogħol inklużivi (2010) u t-tixjiħ attiv u l-approċċ interġenerazzjonali (2017), diġitalizzazzjoni (2020).
(15) Dwar l-iżvilupp tul il-ħajja ta’ kompetenzi u kwalifiki (2002), l-ugwaljanza bejn il-ġeneri (2005) u l-impjieg taż-żgħażagħ (2013).
(16) Il-programm ta’ Ħidma 2019-2021 jindirizza s-sitt prijoritajiet li ġejjin: id-diġitalizzazzjoni, it-titjib tal-prestazzjoni tas-swieq tax-xogħol u l-ħiliet tas-sistemi soċjali, l-indirizzar tal-aspetti psikosoċjali u r-riskji fuq il-post tax-xogħol, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet għal djalogu soċjali aktar b’saħħtu, u l-ekonomija ċirkolari.
(17) Id-dikjarazzjoni kwadripartitika hija disponibbli hawnhekk https://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=89&newsId=2562
(18) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE tal-20 ta’ Mejju 1998 dwar l-istabbiliment ta’ Kumitati ta’ Djalogu Settorjali biex iġibu ’l quddiem id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew, disponibbli hawnhekk https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:31998D0500&from=EN
(19) Bħat-trasport, l-enerġija, l-agrikoltura, il-kostruzzjoni, il-kummerċ, il-metall, it-tarzni u l-edukazzjoni, l-assigurazzjoni u s-servizzi bankarji.
(20) Kerckhofs, European sectoral social dialogue: facts and figures (Id-djalogu soċjali settorjali Ewropew: fatti u ċifri), EuroFound (2019), disponibbli hawnhekk https://www.eurofound.europa.eu/publications/report/2019/european-sectoral-social-dialogue-facts-and-figures (mhux disponibbli bil-Malti).
(21) Ara l-Kapitolu 5 għar-referenzi speċifiċi.
(22) Il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet ġew stabbiliti għall-ewwel darba bid-Direttiva 94/45/KE tat-22 ta’ Settembru 1994 dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ tagħrif u ta’ konsultazzjoni għall-impjegati, iżda issa huma regolati mid-“Direttiva Mfassla mill-Ġdid”. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:02009L0038-20151009 Skont il-Benchmarking Working Europe tal-2019 kien hemm 1 150 Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet fl-2018, li mmobilizzaw madwar 20 000 rappreżentant tal-impjegati.
(23) KETU-Business Europe, Rapport Finali – Building on experiences: A win-win approach to transnational industrial relations in multinational companies, 2018.
(24) Skont il-Kummissjoni Ewropea, Database on transnational company agreements (Bażi tad-data dwar il-ftehimiet transnazzjonali tal-kumpaniji), disponibbli hawnhekk: https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=978&langId=en (mhux disponibbli bil-Malti).
(25) Għal informazzjoni iżjed dettaljata ara: https://ec.europa.eu/social/home.jsp?langId=mt
(26) Is-sostenibbiltà u l-governanza, ESDE, Kapitolu 6.
(27) L-ewwel riżultati ta’ proġett tal-ILO-UE dwar it-tisħiħ tal-imsieħba soċjali u d-djalogu soċjali ġew ippreżentati f’konferenza f’Marzu li għadda u indirizzaw l-effettività tal-istituzzjonijiet ta’ djalogu soċjali nazzjonali u r-rwol tal-gvern fl-inkoraġġiment ta’ dan il-proċess.
(28) Proġett ġdid tal-ILO u l-KE li għandu l-għan li janalizza u jiddokumenta kif l-imsieħba soċjali fil-pajjiżi tal-UE qed jagħmlu sforz biex jadattaw għal dan it-tibdil, Youcef Ghellab, Daniel Vaughan-Whiteadheader.
(29) Proklamazzjoni interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, (2017/C/428/9)
(30) Ara l-Indiċi tal-Involviment tat-Trade Unions tal-ETUC għall-Proċess tas-Semestru, dwar id-djalogi nazzjonali fil-qafas tas-Semestru.
(31) Ħafna rapporti mill-Eurofound, l-ETUC, il-Kummissjoni Ewropea, l-EMCO, u l-OSE jikkonfermaw li l-imsieħba soċjali mhumiex involuti kif suppost.
(32) https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/economic-and-fiscal-policy-coordination/eu-economic-governance-monitoring-prevention-correction/european-semester/framework/eus-economic-governance-explained_mt
(33) Ibid rapporti tal-Eurofound, ETUI Benchmarking Working Europe 2018, analiżijiet annwali tal-ETUC dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-proċess tas-Semestru.
(34) ETUI, 2010 Benchmarking Working Europe, Brussell, 2010.
(35) Sommarju ta’ Politika tal-ILO, The need for social dialogue in addressing the COVID-19 crisis (Il-ħtieġa għal djalogu soċjali fl-indirizzar tal-kriżi tal-COVID-19), Ġinevra, Mejju 2020.
(36) Eurofound (2012), Social dialogue in times of global economic crisis (Djalogu soċjali fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika globali).
(37) Eurofound (2013), Comparative analytical report: the impact of the crisis on working conditions relations. (Rapport analitiku komparattiv: l-impatt tal-kriżi fuq ir-relazzjonijiet tal-kundizzjonijiet tax-xogħol).
(38) Glassner (2013), Central and eastern European industrial relations in the crisis: national divergence and path-dependent change (Ir-relazzjonijiet industrijali tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant fil-kriżi: id-diverġenza nazzjonali u l-bidla dipendenti mill-post), u l-ILO Recovering from the crisis through social dialogue in the new EU Member States: the case of Bulgaria, the Czech Republic, Poland and Slovenia (L-irkupru mill-kriżi permezz tad-djalogu soċjali fl-Istati Membri l-ġodda tal-UE: il-każ tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja u s-Slovenja).
(39) Eurofound (2014), Changes to wage-setting mechanisms in the context of the crisis and the EU’s new economic governance regime (Tibdil fil-mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi fil-kuntest tal-kriżi u s-sistema ta’ governanza ekonomika ġdida tal-UE).
(40) Kummissjoni Ewropea, Industrial relations in Europe, (2010). (Ir-relazzjonijiet industrijali fl-Ewropa) (mhux disponibbli bil-Malti).
(41) Ibid sommarju politiku tal-ILO, 2020 u aġġornamenti tal-portal web tal-OECD “Tackling the coronavirus – contributing to a global effort”, Marzu 2020.
(42) ĠU C 161, 06.06.2013, p. 35 – taqsima 3 tiddefinixxxi intrapriża “sostenibbli”.
(43) Artiklu abbażi ta’ riċerka tal-Eurofound “Industrial democracy in Europe: a quantittive approach” (Id-demokrazija industrijali fl-Ewropa: approċċ kwantitattiv), Pablo Sanz, Christian Welz, Maria Caprile, Ricardo Rodriguez Contreras, Labour & Industry, Ġunju 2020.
(44) Artiklu abbażi ta’ riċerka tal-Eurofound “Industrial democracy in Europe: a quantittive approach” (Id-demokrazija industrijali fl-Ewropa: approċċ kwantitattiv), Pablo Sanz, Christian Welz, Maria Caprile, Ricardo Rodriguez Contreras, Labour & Industry, Ġunju 2020.
(45) Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni u d-Direttiva 2009/38/KE dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew.
(46) Direttiva 94/45/KE, kif emendata bid-Direttiva 2009/38/KE.
(47) Eurofound (2020), Social dialogue and HR practices in European global companies, with analysis and findings on the evolution of a European dimension of social dialogue at both transnational level of decision-making and in local subsidiaries and the role of EWCs as a key link between different levels of social dialogue within a company, such as the national and European (Id-djalogu soċjali u l-prattiki tal-HR f’kumpaniji globali Ewropej, b’analiżi u sejbiet dwar l-evoluzzjoni ta’ dimensjoni Ewropea tad-djalogu soċjali kemm fil-livell transnazzjonali tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll fis-sussidjarji lokali u r-rwol tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet bħala rabta ewlenija bejn il-livelli differenti tad-djalogu soċjali fi ħdan kumpanija, bħal dik nazzjonali u Ewropea.
(48) Il-Kummissjoni tal-UE: Rapport dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva 2009/38/KE dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-impjegati (tfassil mill-ġdid), Brussell, 14.05.2018 COM (2018) 292 final.
(49) ĠU C 161, 06.06.2013, p. 35.
(50) Artiklu abbażi ta’ riċerka tal-Eurofound “Industrial democracy in Europe: a quantitative approach” (Id-demokrazija industrijali fl-Ewropa: approċċ kwantitattiv), Pablo Sanz, Christian Welz, Maria Caprile, Ricardo Rodriguez Contreras, Labour & Industry, Ġunju 2020.
(51) Il-Ġermanja: ħatra diretta bil-liġi; in-Netherlands: koopzjoni ta’ maniġers indikati mill-ħaddiema; Franza: taħlita ta’ ħatriet diretti u mill-azzjonisti; l-Iżvezja: ħatra ta’ rappreżentanti tat-trade unions, eċċ.
(52) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2020) 500 final, 20. 5. 2020, Is-Semestru Ewropew 2020: Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.
(53) Noti ta’ Tgħarrif tal-ETUC, Informazzjoni konsultazzjoni u parteċipazzjoni tal-ħaddiema, 15 ta’ Mejju 2020.
(54) Proposta konġunta tal-imsieħba soċjali transsettorjali Ewropej biex jinħoloq strument finanzjarju speċjali biex jappoġġja lill-imsieħba soċjali waqt il-kriżi tal-COVID-19, indirizzata lill-Viċi President Eżekuttiv, Valdis Dombrovskis, u lill-Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali, Nicolas Schmit, 10 ta’ April 2020.